SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

10 ta’ Jannar 2017 ( *1 ) ( 1 )

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Preċiżjoni tar-rikors — Preskrizzjoni — Ammissibbiltà — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza — Dannu materjali — Telf subit — Interessi fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa — Spejjeż tal-garanzija bankarja — Telf ta’ opportunità — Dannu immaterjali — Rabta kawżali”

Fil-Kawża T‑577/14,

Gascogne Sack Deutschland GmbH, stabbilita f’Wieda (il-Ġermanja),

Gascogne, stabbilita f’Saint-Paul-les-Dax (Franza),

irrappreżentati minn F. Puel, E. Durand u L. Marchal, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. A. Placco, sussegwentement minn M. J. Inghelram u S. Chantre, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, V. Bottka u P. van Nuffel, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofrew minħabba t-tul tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-qafas tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, I. Labucka, E. Bieliūnas (Relatur), V. Kreuschitz u I. S. Forrester, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2006, Sachsa Verpackung GmbH, li saret Gascogne Sack Deutschland GmbH, minn naħa, u Groupe Gascogne SA, li saret Gascogne, min-naħa l-oħra, ippreżentaw, kull waħda, rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2005) 4634”). Fir-rikorsi tagħhom, huma talbu, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla din id-deċiżjoni sa fejn kienet tikkonċernahom jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet imposta fuqhom.

2

Permezz tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674), il-Qorti Ġenerali caħdet dawn ir-rikorsi.

3

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fis-27 ta’ Jannar 2012, Gascogne Sack Deutschland u Groupe Gascogne ppreżentaw appelli mis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674).

4

Permezz ta’ sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-appelli.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Awwisu 2014, ir-rikorrenti, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, ippreżentaw dan ir-rikors kontra l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6

Permezz ta’ att isseparat, ippreżentat fir-Registru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Novembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

7

B’digriet tat-2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T‑577/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:80), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammisibbiltà li qajmet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u rriżervat l-ispejjeż.

8

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Marzu 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentat appell, irreġistrat taħt ir-referenza C‑125/15 P, mid-digriet tat-2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T‑577/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:80).

9

B’digriet tal-14 ta’ April 2015, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura f’din il-kawża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm il-proċeduri fil-Kawża C‑125/15 P, Il-Qorti tal-Ġustizzja vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne.

10

B’digriet tat-18 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne (C‑125/15 P, mhux ippubblikat EU:C:2015:859), il-kawża tneħħiet mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

11

Wara li ssoktat il-proċedura f’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea, permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Jannar 2016, talbet li tintervjeni biex issostni t-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

12

Fis-17 ta’ Frar 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentat risposta.

13

F’dik l-istess data, il-Qorti Ġenerali bagħtet din il-kawża quddiem it-Tielet Awla Estiża.

14

Fit-2 ta’ Marzu 2016, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx meħtieġ it-tieni skambju ta’ noti. Barra minn hekk, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tindika jekk hija kinitx talbet u kisbitx l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipproduċi ċerti dokumenti li dehru fl-annessi tar-risposta u li kienu rilevanti għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671, iktar ’il quddiem il-“Kawża T‑72/06”), u għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674, iktar ’il quddiem il-“Kawża T‑79/06”).

15

Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Marzu 2016, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T‑577/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:189), il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ intervent imressqa mill-Kummissjoni insostenn għat-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u ppreċiża li d-drittijiet tal-Kummissjoni huma dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

16

Fit-18 ta’ Marzu 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrispondiet id-domanda msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. Hija talbet lill-Qorti Ġenerali biex tikkunsidra, b’mod prinċipali, li hija ma kellhiex għalfejn titlob u tikseb l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipproduċi d-dokumenti relatati mal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u, sussidjarjament, li din l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat impliċitament mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni. U iktar sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talbet li r-risposta tagħha tiġi ttrattata bħala talba ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni, fil-kuntest tar-rikors ineżami, tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-proċess tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u, b’mod partikolari, tad-dokumenti annessi mar-risposta.

17

Fl-4 ta’ April 2016, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, l-ewwel nett, li jirtira mill-proċess id-dokumenti li jidhru fl-annessi tar-risposta ppreżentata f’din il-kawża u li kienu jirrigwardaw il-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea la kienet talbet u lanqas kisbet l-awtorizzazzjoni tal-partijiet fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 sabiex tkun tista’ tipproduċi dawk id-dokumenti u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx talbet l-aċċess għall-proċess ta’ dawk il-kawżi skont l-Artikolu 38(2) tar-Regoli tal-Proċedura. It-tieni nett, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, skont l-Artikolu 88(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jistieden lir-rikorrenti li jieħdu pożizzjoni fuq it-talba ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet ġiet ifformulata b’mod iktar sussidjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Marzu 2016, imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq.

18

Fl-20 ta’ April 2016, ir-rikorrenti talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad it-talba ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għar-raġuni li dik it-talba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura u wasslet f’li jiġu evitati r-regoli ta’ produzzjoni tal-provi u ta’ aċċess għall-proċess imposti minn dawn l-istess regoli.

19

Fis-27 ta’ April 2016, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-preparazzoni u s-soluzzjoni ta’ din il-kawża jeħtieġu, fir-rigward tas-suġġett tagħha, li jkun disponibbli l-proċess tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Għalhekk, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ddaħħal fil-proċess ta’ din il-kawża l-proċessi tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

20

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-rikorrenti talbu, rispettivament, fit-8 u fl-20 ta’ Ġunju 2016, in-notifika tal-proċessi tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

21

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2016.

22

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba l-proċedura segwita quddiem il-Qorti Ġenerali li kisret ir-rekwiżiti marbutin mal-osservanza ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenzi;

tikkundanna lill-Unjoni għall-ħlas ta’ indennizz adegwat u sħiħ għad-danni materjali u immaterjali li sofrew ir-rikorrenti minħabba l-aġir illegali tagħha, li jikkorrispondi mas-somom segwenti, flimkien mal-interessi kumpensatorji u moratorji bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, b’żieda ta’ żewġ punti ta’ perċentwali, dekorribbli mid-data tal-preżentata tar-rikors:

EUR 1193467 abbażi tat-telf subit minħabba l-pagament ta’ interessi legali addizzjonali applikati skont is-sanzjoni imposta mill-Kummissjoni lil hinn minn terminu raġonevoli;

EUR 187571 bħala telf subit minħabba l-ħlasijiet addizzjonali tal-garanzija bankarja lil hinn minn terminu raġonevoli;

EUR 2000000 bħala qligħ mhux magħmul u/jew telf subit minħabba s-“sitwazzjonijiet ta’ inċertezza”;

EUR 500000 abbażi tad-dannu immaterjali;

sussidjarjament, jekk ikollu jiġi kkunsidrat li l-ammont tad-dannu subit għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġdida, tordna perizja skont l-Artikoli 65(d), 66(1) u 70 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991;

tikkundanna lill-Unjoni għall-ispejjeż;

23

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sostnuta mill-Kummissjoni, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad it-talba għall-indennizz għad-danni materjali u immaterjali allegati bħala infondata;

iktar sussidjarjament, tiċħad bħala infondata t-talba għall-indennizz, fejn tirrigwarda d-danni materjali allegati, u talloka lir-rikorrenti indennizz għad-danni immaterjali allegati, f’ammont massimu ta’ EUR 5000;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

24

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, l-ewwel waħda, in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors u, it-tieni waħda, il-preskrizzjoni tat-talba ta’ indennizz għad-danni immaterjali allegati.

1.  Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma prinċipalment u dedotta min-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors

25

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jinkludi l-indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun fondat joħorġu, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar partikolari, sabiex jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għall-kumpens ta’ danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ssubixxa, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati l-argumenti mressqin mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

a)  Fuq l-identità tal-vittma tad-danni materjali u immaterjali allegati

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, għar-raġuni li r-rikors ma huwiex ċar u preċiż għal dak li jirrigwarda l-identità tal-vittma tad-danni materjali u immaterjali allegati.

28

F’dan ir-rigward, u fl-ewwel lok, jirriżulta mill-preżentata tar-rikors u tad-dokumenti li jakkumpanjawh li l-azzjoni kienet ġiet ippreżentata kemm minn Gascogne kif ukoll minn Gascogne Sack Deutschland. Barra minn hekk, it-talbiet imressqin fir-rikors kienu għall-kumpens għad-danni materjali u immaterjali subiti mir-rikorrenti minħabba t-terminu għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, li kienu jirrigwardaw rispettivament lil Gascogne u Gascogne Sack Deutschland.

29

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda d-danni materjali allegati, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tgħid biss li r-rikorrenti ma jurux l-eżistenza ta’ dawn id-danni fil-kap rispettiv tagħhom. Huwa, għalhekk, fl-istadju tal-kunsiderazzjoni tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors li l-argumenti mressqin mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-identifikazzjoni tal-vittma tad-danni materjali allegati għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu eżaminati.

30

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-danni immaterjali allegati, huwa veru li l-formulazzjoni tar-rikors ma hijiex nieqsa minn ambigwitajiet. Madankollu, fir-rigward tal-kontenut tar-rikors fl-assjem tiegħu u fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti matul is-seduta, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea setgħet tieħu pożizzjoni dwarhom, hemm lok li jiġi kkonstat li r-rikors huwa intiż għal kumpens għad-danni immaterjali subiti minn kull waħda miż-żewġ rikorrenti.

31

Għalhekk, għal dak li jirrigwarda l-vittma tad-danni allegati, il-kontenut tar-rikors ippermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tipprepara d-difiża tagħha u tqiegħed lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tkun tista’ tiddeċiedi r-rikors.

32

Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors għal dak li jirrigwarda l-identità tal-vittma tad-danni invokati. Barra minn hekk, u għall-istess motivi, l-allegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ta’ nuqqas eventwali ta’ interess ġuridiku ta’ Gascogne Sack Deutschland għandha tiġi miċħuda wkoll.

b)  Fuq il-kawża, is-sustanza u l-estent tad-danni materjali allegati

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, għar-raġuni li r-rikors huwa nieqes miċ-ċarezza u l-preċiżjoni għal dak li jirrigwarda l-kawża, is-sustanza u l-estent tad-danni immaterjali allegati.

34

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li r-rikors jissuġġerixxi li d-danni immaterjali invokati jistgħu jirriżultaw mill-kuntest ekonomiku ġenerali jew minn diffikultà tar-rikorrenti li jsibu xerrej, jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors u, iktar preċiżament, tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur invokat u d-danni immaterjali allegati.

35

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda s-sustanza tad-danni immaterjali invokati, huwa veru li l-argumenti tar-rikorrenti huma xotti meta jenumeraw id-danni immaterjali li huma sofrew. Madankollu, dawn l-argumenti jidhru suffiċjenti fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet u tar-riferimenti li hemm fir-rikors. Barra minn hekk, il-konfużjoni invokata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bejn id-dannu materjali allegat, li jikkonsisti f’telf ta’ opportunità, u d-danni immaterjali allegati, kif ukoll ir-riskju li jinkiseb indennizz doppju għall-istess dannu, jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors.

36

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-estent tad-danni immaterjali allegati, ir-rikorrenti ġustament jenfasizzaw li, fihom innifishom, id-danni immaterjali li huma jinvokaw ma jistgħux jiġu kkalkolati eżattament. Barra minn hekk, huma jipprovdu elementi kuntestwali li, skont huma, jiġġustifikaw l-ammont tal-indennizz mitlub. Barra minn hekk, huma jivvalutaw l-ammont tad-dannu tagħhom. Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw il-perijodu li matulu huma sofrew danni immaterjali li qed jallegaw. Issa, din iċ-ċirkustanza ma pprekludietx lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea milli tiddefendi lilha nnifisha. Fil-fatt, l-ewwel nett, din tal-aħħar setgħet tieħu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni matul is-seduta. It-tieni nett, hija tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba l-preskrizzjoni tat-talba għall-kumpens għad-danni immaterjali allegati. It-tielet nett, hija ssostni li r-rikorrenti ma pproduċewx il-prova tal-eżistenza ta’ dannu immaterjali u ta’ rabta kawżali. Ir-raba’ nett, din l-istituzzjoni ssostni, b’mod sussidjarju, li d-dannu immaterjali li sofrew ir-rikorrenti għandu jiġi vvalutat fl-ammont ta’ EUR 5000 bħala massimu.

37

Għalhekk, ir-rikorrenti ġabu biżżejjed elementi li jippermettu l-evalwazzjoni tal-kawża, tas-sustanza u tal-estent tad-danni immaterjali allegati tagħhom u għalhekk, ippermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tiġi żgurata d-difiża tagħha. Barra minn hekk, dawn l-elementi jpoġġu lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tista’ tiddeċiedi.

38

L-argumenti li ressqet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors għal dak li jirrigwarda l-kawża, is-sustanza u l-estent tad-danni immaterjali allegati għandhom b’hekk jiġu miċħuda.

39

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

2.  Dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbità mqajma sussidjarjament minħabba l-preskrizzjoni tat-talba għal indennizz għad-danni immaterjali allegati.

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan huwa intiż li jikseb il-kumpens għal danni immaterjali subiti iktar minn ħames snin qabel l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors, jiġifieri qabel l-4 ta’ Awwissu 2009.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, jistabbilixxi li:

“L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f’materja ta’ responsabbilltà non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ l-Unjoni […]”

42

Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-preskrizzjoni għandha l-funzjoni li tirrikonċilja l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża u l-prinċipju taċ-ċertezza legali. It-tul tat-terminu tal-preskrizzjoni kien ġie ddeterminat billi ġie kkunsidrat b’mod partikolari ż-żmien neċessarju għall-parti allegatament leża biex tiġbor l-informazzjoni xierqa fid-dawl ta’ rikors eventwali u sabiex jiġu vverifikati l-fatti li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dan ir-rikors (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, C‑136/01 P, EU:C:2002:458, punt 28).

43

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-terminu preskrittiv jibda jiddekorri minn meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett l-obbligu ta’ kumpens (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Ċertament, l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preskrizzjoni ma tistax tiġi invokata kontra vittma li sofriet danni u li saret taf biss tard wisq bil-fatt li ta lok għal dawn id-danni u għalhekk ma setgħetx ikollha żmien raġonevoli biex tippreżenta r-rikors jew it-talba tagħha qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni. Madankollu, il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-obbligu ta’ kumpens għad-danni previsti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 340 TFUE u, għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi għall-kumpens għall-imsemmija danni, jistgħu jkunu bbażati biss fuq kriterji strettament oġġettivi (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punti 3536 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-dannu mill-vittma ta’ dan id-dannu ma titqiesx fid-determinazzjoni tal-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il-Kummissjoni, C‑460/09 P, EU:C:2013:111, punt 70).

46

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li “l-fatt li ta lok” għall-“kawża kontra l-Unjoni” ineżami huwa irregolarità ta’ proċedura li tieħu l-forma ta’ allegat ksur tar-rekwiżiti marbutin mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza (iktar ’il quddiem it-“terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza”) minn qorti tal-Unjoni. L-iffissar tal-punt tat-tluq tat-terminu preskrittiv ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza. B’mod partikolari, it-terminu preskrittiv ma jistax jibda jgħaddi minn data meta l-fatt operattiv jkompli għaddej u l-punt tat-tluq ta’ dan it-terminu għandu jiġi stabbilit f’data meta l-fatt operattiv ikun ikkonkretizza ruħu kompletament.

47

Għalhekk, fil-każ speċifiku ta’ rikors għad-danni sabiex jagħmel tajjeb għal dannu allegatament subit għal ksur eventwali ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, il-punt tat-tluq tat-terminu preskrittiv ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu, meta deċiżjoni tkun temmet it-terminu għal għoti tas-sentenza kkontestata, jiġi ffissat fid-data meta dik id-deċiżjoni tkun ġiet adottata. Fil-fatt, tali data tikkostitwixxi data ċerta, stabbilita abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Hija tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tippermetti l-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti.

48

F’din il-kawża, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu li huma allegatament sofrew minħabba t-terminu għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Dawn il-kawżi kienu ntemmu bis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674). Għalhekk, it-terminu preskrittiv beda jiddekorri mis-16 ta’ Novembru 2011.

49

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors tagħhom f’din il-kawża u għalhekk interrompew it-terminu preskrittiv fl-4 ta’ Awwissu 2014, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, dan ir-rikors ma huwiex preskritt.

50

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

B –  Fuq il-mertu

51

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

52

Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit jiddependu mill-fatt illi jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri l-illegalità tal-imġiba li huma akkużati biha l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din l-imġiba u d-dannu invokat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106).

53

Meta waħda mill-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħrajn tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni determinata (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

54

Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kiser it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza. It-tieni nett, huma jsostnu li dan il-ksur ikkawżalhom danni li għandhom jiġu kkumpensati.

1.  Fuq l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06

55

Ir-rikorrenti jsostnu li t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kiser it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, u dan jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Huma jżidu jgħidu li t-tul tal-proċedura f’kull waħda minn dawn il-kawżi qabeż bi 30 xahar it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fir-rigward, minn naħa, tat-tul medju biex jiġu ttrattati, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawk il-kawżi.

56

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

57

Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex possibbli li jiġi sostnut li kien għadda t-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 fuq il-bażi biss ta’ paragun bejn it-tul tal-proċedura f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi u t-tul medju tal-proċeduri kkonstatati, quddiem il-Qorti Ġenerali, bejn l-2006 u l-2010. Fi kwalunkwe każ, eżami tal-istatistiċi rilevanti juru li t-tul totali tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 qabeż b’16-il xahar biss it-tul medju tal-proċeduri kkonstatati bejn l-2006 u l-2015 fil-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Bl-istess mod, it-tul li rriżulta bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 qabeż b’16-il xahar biss it-tul medju ta’ dan l-istadju tal-proċedura osservat bejn l-2007 u l-2010 fil-kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

58

Min-naħa l-oħra, it-tul totali tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kif ukoll it-tul inkluż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura f’dawn il-kawżi huma ġġustifikati mill-kumplessità tagħhom, mill-kuntest limitat tat-tilwima għar-rikorrenti, mill-aġir tar-rikorrenti, mit-tul limitat tal-mandat tal-imħallfin kif ukoll minħabba l-mard fit-tul ta’ wieħed mill-membri tal-awla li lilha kienu ġew assenjati ż-żewġ kawżi inkwistjoni.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

60

Dritt bħal dan, li l-eżistenza tiegħu kienet ġiet affermata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, kien tqies applikabbli fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Fil-każ ineżami, jirriżulta minn eżami ddettaljat tal-proċess rispettiv tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 li, kif enfasizzat ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), it-tul tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, li tela’ għal qrib 5 snin u 9 xhur, ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda ċirkustanza partikolari għal dawk il-kawżi.

62

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 jikkonċernaw kwistjonijiet li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni u li, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li għandhom jibbenefikaw minnha l-operaturi ekonomiċi u l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huma ta’ interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrent stess u għall-kompetituri tiegħu iżda wkoll għal terzi, u dan minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u tal-interessi finanzjarji inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 186).

63

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull waħda mill-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, għadda tul ta’ żmien ta’ madwar 3 snin u 10 xhur, jew 46 xahar, bejn, minn naħa, it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura mal-preżentata, fl-20 ta’ Frar 2007, tal-kontroreplika u, min-naħa l-oħra, il-ftuħ, fix-xahar ta’ Diċembru 2010, tal-fażi orali tal-proċedura.

64

Matul dan il-perijodu b’mod partikolari saret is-sinteżi tal-argumenti tal-partijiet, it-tħejjija tal-kawżi, analiżi fattwali u ġuridika tat-tilwimiet u l-preparazzjoni tal-fażi orali tal-proċedura. Għalhekk, it-tul ta’ dan il-perijodu jiddependi, b’mod partikolari, mill-kumplessità tat-tilwima kif ukoll mill-aġir tal-partijiet u l-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

65

Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, l-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 jirrigwardaw rikorsi ppreżentati kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE.

66

Issa, kif dan jirriżulta mill-proċess rispettiv tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, ir-rikorsi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni juru ċertu grad ta’ kumplessità ogħla minn tipi oħrajn ta’ kawżi, wara li jitqies, b’mod partikolari, it-tul tad-deċiżjoni kkontestata, il-volum tal-proċess u n-neċessità li ssir evalwazzjoni ddettaljata tal-fatti numerużi u kumplessi, ta’ spiss mifruxa fiż-żmien u fl-ispazju.

67

Għalhekk, tul ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura jikkostitwixxi bħala prinċipju tul xieraq sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

68

Imbagħad, huwa meħtieġ li jitqies il-fatt li diversi rikorsi kienu ġew ippreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634.

69

Fil-fatt, rikorsi ppreżentati kontra l-istess deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeħtieġu, bħala prinċipju, li jiġu ttrattati b’mod parallel, anki meta dawn ir-rikorsi ma jkunux magħquda. Din it-trattazzjoni parallela hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-konnessjoni ta’ dawk ir-rikorsi kif ukoll min-neċessità li tiġi żgurata koerenza fl-analiżi tagħhom u fir-risposta li għandhom jingħataw.

70

Għalhekk, it-trattazzjoni parallela tal-kawżi konnessi tista’ tiġġustifika titwil, ta’ perijodu ta’ xahar għal kull kawża konnessa supplimentari, ta’ perijodu kompriż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tagħha.

71

Fil-kawża ineżami, ġew ippreżentati ħmistax-il rikors kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634. Madankollu, minn naħa, rikorrenti kienet temmet ir-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni (digriet tas-6 ta’ Lulju 2006, Cofira-Sac vs Il-Kummissjoni, T‑43/06, mhux ippubblikat, EU:T:2006:192). Min-naħa l-oħra, żewġ rikorsi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 taw lok għall-għoti tas-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Wittenheim vs Il-Kummissjoni (T‑26/06, mhux ippubblikata, EU:T:2010:387), u tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni (T‑40/06, EU:T:2010:388).

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trattazzjoni ta’ tnax-il kawża oħra relatati mar-rikorsi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 iġġustifikat titwil tal-proċedura bi 11-il xahar fil-Kawża T‑72/06 u fil-Kawża T‑79/06.

73

Għaldaqstant, tul ta’ 26 xahar (15-il xahar flimkien ma’ 11-il xahar) bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura kien xieraq sabiex jiġu ttrattati kull waħda mill-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

74

Fl-aħħar nett, il-grad ta’ kumplessità fattwali, ġuridika u proċedurali tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ma jiġġustifikax perijodu itwal fil-każ ineżami. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, il-proċedura la ġiet interrotta u lanqas imdewma bl-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ xi miżura ta’ organizzazzjoni tagħha.

75

Fid-dawl tal-aġir tal-partijiet u l-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, il-fatt li r-rikorrenti talbu, matul ix-xahar ta’ Ottubru 2010, il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ma jistax jiġġustifika l-perijodu ta’ 3 snin u 8 xhur li kien diġà għadda mill-preżentata tal-kontroreplika. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti kienu ġew avżati, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2010, li kienet se ssir seduta matul ix-xahar ta’ Frar 2011 juri li dan l-inċident kellu biss effett minimu fuq il-perijodu li kien għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura f’dawn il-kawżi.

76

Għalhekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, il-perijodu ta’ 46 xahar li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura juri perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat ta’ 20 xahar f’kull waħda minn dawn il-kawżi.

77

Fit-tielet lok, eżami tal-proċess rispettiv tal-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ma żvela l-ebda ċirkustanza li tippermetti l-konklużjoni li jeżisti perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat, minn naħa, bejn id-data tal-preżentata tar-rikorsi u d-data tal-preżentata tal-kontrorepliki u, min-naħa l-oħra, bejn il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura u l-għoti tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung/Commission (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674).

78

Minn dan isegwi li l-proċedura li ġiet segwita fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u li ntemmet bl-għoti tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674), kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi qabżet b’20 xahar it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza u dan jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

2.  Fuq id-danni allegati u r-rabta kawżali preżunta

79

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dannu li għalih qed jintalab kumpens fil-kuntest ta’ azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandu jkun reali u ċert, u huwa r-rikorrent li għandu jġib il-prova ta’ dan (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan għandu jġib provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza kif ukoll tal-estent tad-dannu li huwa jinvoka (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali li jagħmel it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali b’effett suffiċjentement dirett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-dannu (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 53, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et, T‑383/00, EU:T:2005:453, punt 193; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill,64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Huwa r-rikorrent li għandu jġib il-prova tal-eżistenza tar-rabta kawżali bejn l-aġir kkontestat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kkawżalhom danni materjali u immaterjali.

a)  Fuq id-danni materjali allegati u l-allegata rabta kawżali

82

Ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur serju tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza kkawżalhom żewġ kategoriji ta’ danni materjali. L-ewwel nett, minn naħa, huma sofrew danni minħabba l-ħlas, lil hinn minn terminu raġonevoli, ta’ spejjeż marbutin mal-garanzija bankarja li huma kienu kkostitwixxew sabiex ma jħallsux immedjatament l-ammont tal-multa imposta mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż tal-garanzija bankarja”) u, min-naħa l-oħra, minħabba l-ħlas lil hinn minn terminu raġonevoli, ta’ interessi legali applikati għall-valur nominali tal-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634 (iktar ’il quddiem l-“interessi fuq l-ammont tal-multa”). It-tieni nett, minħabba “sitwazzjonijiet ta’ inċertezza”, huma ġew imċaħħdin mill-opportunità li jsibu investitur iktar qabel u, għaldaqstant, mill-opportunità li jagħmlu qligħ jew jevitaw telf.

83

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat id-dannu allegat u l-allegata rabta kawżali għal dak li jirrigwarda l-allegat telf ta’ opportunità li jinstab investitur iktar qabel u, fit-tieni lok, id-danni allegati u l-allegata rabta kawżali għal dak li jirrigwarda l-allegat telf subit minħabba l-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa u minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja.

Fuq l-allegat telf ta’ opportunità li jinstab investitur iktar qabel

84

Ir-rikorrenti jsostnu li l-grupp iltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji mill-2011. Wara li għamlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom mal-kredituri, li rriżulta li ma kinux biżżejjed, il-grupp beda tfittxija għal investituri ġodda. Issa, kieku d‑Deċiżjoni C(2005) 4634 kienet saret definittiva iktar qabel, il-klima ta’ inċertezza madwar l-ammont finali tal-multa u, b’mod iktar preċiż, ir-riskju taż-żieda fl-ammont tagħha ma kienx jiġi osservat u investitur seta’ nstab iktar malajr. F’dan ir-rigward, il-fatt li ftehim ta’ prinċipju kien ġie konkluż bejn il-Groupe Gascogne u konsorzju ta’ investituri mmexxi mill-kumpannija Biolandes Technologies ftit jiem wara l-għoti tas-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), jistabbilixxi li l-inċertezza marbuta mal-ammont tal-multa kellha influwenza negattiva fuq it-tmexxija tal-affarijiet tal-grupp. Fl-aħħar nett, il-kronoloġija tal-fatti turi, mingħajr ambigwità, ir-rabta determinanti bejn l-allegat terminu irraġonevoli għal għoti ta’ sentenza u d-diffikultajiet għall-grupp Gascogne, li jinstabu investituri li l-kontribut tagħhom kien determinanti għas-soluzzjoni tad-diffikultajiet finanzjarji tiegħu.

85

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

86

Fil-każ ineżami, għandu jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti jurux, bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti, li Gascogne kellha opportunità li ssib investitur “iktar qabel”. Fi kliem ieħor, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti jurux li Gascogne kellhiex opportunità reali u serja li ssib investitur iktar qabel.

87

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess li, massimu ta’ ħames espressjonijiet ta’ interess kienu ġew irċevuti minn Gascogne meta din bdiet it-tiftix għall-investituri. Fil-fatt, annessa mar-rikors, ir-rikorrenti pproduċew posta elettronika tat-8 ta’ Novembru 2012 mingħand investitur potenzjali mir-Renju Unit. Barra minn hekk, ir-rapport tal-espert indipendenti redatt fil-qafas tal-proġett ta’ żieda ta’ kapital irriżervat ta’ Gascogne SA, fid-data tas-16 ta’ Mejju 2014, imsemmi fir-rikors, jispjega li, wara s-sejħa għal offerti implementata minn Gascogne f’Jannar u fi Frar 2013, ġew irċevuti erba’ espressjonijiet ta’ interess min-naħa ta’ fondi ta’ investiment. Issa, mill-ħames espressjonijiet ta’ interess li rċeviet Gascogne, tnejn biss isemmu l-multa imposta mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 bħala element li jittieħed inkunsiderazzjoni minn qabel deċiżjoni eventwali ta’ investiment.

88

It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda ż-żewġ investituri potenzjali li semmew il-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634, ma jirriżultax mill-proċess li t-tneħħija tal-inċertezza marbuta ma’ żieda possibbli tal-ammont tal-multa tidher fost il-kundizzjonijiet ta’ investiment eventwali.

89

Fil-fatt, minn naħa, għal dak li jirrigwarda l-posta elettronika tat-8 ta’ Novembru 2012 tal-investitur potenzjali tar-Renju Unit, jirriżulta minn qari ta’ din il-posta elettronika li hija l-eżistenza tal-multa li setgħet kienet ta’ ostakolu għal investiment eventwali. Senjatament, dan l-investitur potenzjali ħtieġ li r-Repubblika Franċiża tieħu ħsieb l-ammont tal-multa jew inkella tiddiskuti mal-Kummissjoni sabiex din tal-aħħar tabbanduna l-kawża. Għalhekk, huwa l-abbandun totali ta’ dan id-dejn marbut ma’ din il-multa, u mhux iċ-ċertezza li l‑ammont tal-multa ma jiżdiedx, li kien jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ investiment eventwali.

90

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-espressjoni l-oħra ta’ interess li semmiet l-eżistenza tal-multa imposta mid-Deċiżjoni C(2005) 4634, ir-rapport tal-espert indipendenti redatt fil-qafas tal-proġett ta’ żieda tal-kapital irriżervat ta’ Gascogne SA, fid-data tas-16 ta’ Mejju 2014, jispjega li din l-espressjoni ta’ interess ikkundizzjonat investiment eventwali li jiġi abbandunat, b’mod partikolari, tad-dejn marbut mal-multa imposta mill-Kummissjoni. Għalhekk, u għal darba oħra, hija l-eżistenza stess tal-multa, u mhux iċ-ċertezza li l-ammont tagħha mhux se jiżdied, li tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ investiment eventwali.

91

It-tielet nett, id-dokumenti prodotti jew imsemmijin mir-rikorrenti fir-rikors juru li l-abbandun ta’ dak id-dejn marbut mal-multa kien jikkostitwixxi kundizzjoni fost diversi kundizzjonijiet oħrajn għal investiment eventwali. Fil-fatt, jirriżulta mill-posta elettronika tat-8 ta’ Novembru 2012 li l-ilħuq ta’ ftehim min-naħa tal-investitur potenzjali tar-Renju Unit kien ġie suġġett għal li jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet bħaċ-ċessjoni ta’ fergħa ta’ attività, l-abbandun ta’ self kif ukoll ir-ristrutturazzjoni u pjan soċjali. Bl-istess mod, kull waħda mill-espressjonijiet ta’ interess imsemmija fir-rapport tal-espert indipendenti redatt fil-qafas tal-proġett ta’ żieda ta’ kapital irriżervat ta’ Gascogne SA, fid-data tas-16 ta’ Mejju 2014, kienet tinkludi diversi kundizzjonijiet kumulattivi f’investiment (ċessjoni ta’ fergħat ta’ attività, abbandun ta’ krediti, ristrutturazzjoni jew abbandun totali tad-dejn). Issa, ir-rikorrenti ma humiex qed jippruvaw juru li huma kienu f’pożizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha fformulati f’dawn l-espressjonijiet tal-interess. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-opportunità li jinstab xerrej iktar qabel kienet tiddependi mir-rieda ta’ Gascogne li taċċetta diversi kundizzjonijiet magħmulin għal investiment eventwali kif ukoll il-proġett ta’ negozju li kien assoċjat ma’ dan l-investiment.

92

Ir-raba’ nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors fih diversi affermazzjonijiet mhux sostnuti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom biex jisħqu li s-sempliċi konstatazzjoni li l-investituri l-ġodda f’Gascogne kienu ffinalizzaw il-ftehim tagħhom ftit ġimgħat biss wara s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), “huwa suffiċjenti” biex juri li, kieku s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali kienu ngħataw f’terminu normali, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kienet tkun ferm iffaċilitata u l-irpiljar tal-grupp kien iseħħ ferm qabel. Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-investiment, li effettivament seħħ, kien jirriżulta minn kjarifika tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti għal dak li jirrigwarda żieda eventwali tal-ammont tal-multa.

93

Isegwi li r-rikorrenti ma jurux li Gascogne kellha opportunità serja li ssib investitur “iktar qabel”. Lanqas ma juru li Gascogne tilfet opportunità serja li ssib investitur iktar qabel u li dan it-telf ta’ opportunità jikkostitwixxi dannu li għal Gascogne huwa ta’ natura reali u ċerta.

94

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, it-talba ta’ kumpens għall-allegat telf ta’ opportunità li jinstab investitur iktar qabel għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-telf subit allegat minħabba l-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa u minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja

95

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħhom fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, huma ddeċidew li ma jħallsux immedjatament il-multa li kienet ġiet imposta fuqhom permezz tad-Deċiżjoni C(2005) 4634. Ir-rikorrenti jispjegaw li, bħala kontroparti, huma kellhom, minn naħa, jaċċettaw li jħallsu, mill-15 ta’ Marzu 2006, l-interessi bir-rata ta’ 3.56 % fuq l-ammont ta’ dik il-multa u, min-naħa l-oħra, jagħmlu garanzija bankarja.

96

Fit-tieni lok, huma jsostnu li, fin-nuqqas ta’ ksur ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), ingħataw għall-ħabta tat-30 ta’ Mejju 2011. Huma jiddeduċu li l-interessi fuq l-ammont tal-multa u l-ispejjeż tal-garanzija bankarja li huma ħallsu bejn it-30 ta’ Mejju 2011, data li fiha d-Deċiżjoni C(2005) 4634 kellha tkun definittiva, u t-12 ta’ Diċembru 2013, data li fiha l-multa kienet ġiet effettivament imħallsa, jistgħu jitqiesu bħala mhux dovuti u għandhom jitħallsu lura.

97

Fit-tielet lok, il-punt 135 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:360) juri li teżisti rabta diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza u l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa u mal-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja.

98

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

99

L-ewwel nett, hija sostni li l-interessi li kellhom iħallsu r-rikorrenti għall-perijodu inkluż bejn it-30 ta’ Mejju 2011 u t-12 ta’ Diċembru 2013 ma jistgħux jitqiesu bħala dannu.

100

It-tieni nett, hija tikkunsidra li ma teżistix rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, id-danni materjali marbuta mal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja u l-interessi fuq l-ammont tal-multa, u min-naħa l-oħra, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza. Fil-fatt, l-ewwel nett, dawn id-danni materjali jirriżultaw mill-għażla tar-rikorrenti stess. Imbagħad, l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma tistax tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-konstatazzjoni biss li, fin-nuqqas ta’ skadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, ir-rikorrenti ma jkunux sabu ruħhom fl-obbligu li jħallsu l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja u tal-interessi fuq l-ammont tal-multa għall-perijodu li jikkorrespondi ma’ din l-iskadenza. Fl-aħħar nett, il-fatt li r-rikorrenti ma kellhomx finanzi biżżejjed biex iħallsu l-multa fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 għamlet lir-rabta kawżali insuffiċjentement diretta bejn id-danni materjali allegati u l-ksur allegat tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda talba għal miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C(2005) 4634.

– Osservazzjonijiet preliminari

101

Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 jistabbilixxi li l-multi imposti b’din id-deċiżjoni għandhom jitħallsu f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri min-notifika tagħha. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), l-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni kien jippreċiża li, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, ikunu awtomatikament dovuti interessi bir-rata tal-interessi applikati mill-BĊE fl-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tax-xahar li matulu dik id-deċiżjoni kienet ġiet adottata, miżjuda bi 3.5 punti ta’ perċentwali, jew rata ta’ 5.56 %.

102

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, id-Deċiżjoni C(2005) 4634 kienet tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, billi kellha fl-Artikolu 2 tagħha, obbligu pekunjarju fuq ir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dik id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, ma poġġietx fid-dubju n-natura eżekuttiva ta’ dik id-deċiżjoni, sa fejn, skont l-Artikolu 278 TFUE, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx effett sospensiv.

103

Fil-15 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kkomunikat id-Deċiżjoni C(2005) 4634 lir-rikorrenti. F’dik l-okkażjoni, hija ppreċiżat li, kieku r-rikorrenti għamlu proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienet tittieħed l-ebda miżura ta’ rkupru meta l-kawża tkun pendenti, sakemm jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ ħlas. Skont l-Artikolu 86(5) tar-Regolament Nru 2342/2002, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu li ġejjin: l-ewwel nett, il-kreditu tal-Kummissjoni kellu jipproduċi interessi mid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas bir-rata ta’ 3.56 %, it-tieni nett, garanzija bankarja aċċettabbli għall-Kummissjoni, li tkopri kemm id-dejn kif ukoll l-interessi jew iż-żidiet fid-dejn, kellha tiġi pprovduta qabel id-data limitu tal-ħlas.

104

Fir-rikors li huma ppreżentaw f’din il-kawża, ir-rikorrenti jispjegaw li huma kienu ddeċidew li ma jħallsux immedjatament l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom u li jagħmlu garanzija bankarja, skont il-possibbiltà li kienet offritilhom il-Kummissjoni u permezz tal-ħlas ta’ interessi bir-rata ta’ 3.56 %.

105

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati d-danni materjali allegati u l-allegata rabta kawżali bejn id-danni u l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

– Fuq il-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa

106

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba l-applikazzjoni kkombinata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 u tal-Artikolu 278 TFUE msemmijin iktar ’il fuq fil-punt 102, l-ammont tal-multa imposta mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 kien dovut lill-Kummissjoni minkejja l-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dik id-deċiżjoni. Għalhekk, l-interessi fuq l-ammont tal-multa, li r-rata tagħhom kienet ta’ 3.56 %, għandhom jiġu kklassifikati bħala interessi moratorji.

107

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, ir-rikorrenti ma ħallsux l-ammont tal-multa u lanqas l-interessi moratorji. Għalhekk, matul il-proċedura f’dawk il-kawżi, ir-rikorrenti gawdew is-somma li kienet tikkorrespondi mal-ammont ta’ dik il-multa miżjuda b’interessi moratorji.

108

Issa, ir-rikorrenti ma jipproduċux provi li jippermettu li jintwera li, matul il-perijodu li jikkorrespondi mal-iskadenza ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, l-ammont tal-interessi moratorji, li tħallas iktar tard lill-Kummissjoni, kien ogħla mill-vantaġġ li huma setgħu jibbenefikaw minnu minħabba t-tgawdija tas-somma, ugwali għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti ma jurux li l-interessi fuq l-ammont tal-multa li għaddew matul il-perijodu li jikkorrespondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza kienu ogħla mill-vantaġġ li seta’ jkollhom min-nuqqas ta’ ħlas tal-multa, miżjuda bl-interessi li kienu dovuti fid-data meta seħħ il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza u bl-interessi li waslu fl-iskadenza waqt li dan il-ksur kien għaddej.

109

Isegwi li r-rikorrenti ma jurux li, matul il-perijodu li jikkorrespondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, huma sofrew telf reali u ċert minħabba ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa imposta fid-Deċiżjoni C(2005) 4634.

110

Għaldaqstant, it-talba għall-kumpens għall-allegat dannu li jikkonsisti f’telf subit minħabba l-ħlas, li hinn minn terminu raġonevoli, ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa għandha tiġi miċħuda, mingħajr il-bżonn li jiġi evalwat, minn naħa, liema rikorrenti effettivament ħallset l-interessi moratorji u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza tar-rabta kawżali invokata.

– Fuq il-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja

111

Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dannu, jirriżulta mill-proċess li kien il-bank tal-Groupe Gascogne, li sar Gascogne, li pprovda garanzija għal ħlas tal-ammont totali tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji. Barra minn hekk, l-elementi fil-proċess jixhdu li Gascogne ħallset, taħt il-forma ta’ kummissjonijiet trimestrali, spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

112

Isegwi li Gascogne Sack Deutschland ma wrietx ir-realtà u ċ-ċertezza tad-dannu li hija suppost batiet u li kien jikkonsisti f’telf subit minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn minn terminu raġonevoli.

113

Għalhekk għandha tiġi miċħuda t-talba għal kumpens għall-allegat dannu konsistenti f’telf subit minn Gascogne Sack Deutschland, minħabba l-ħlas, lil hinn minn terminu raġonevoli, ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja.

114

Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-elementi tal-proċess, għandu jiġi kkonstatat li Gascogne turi li hija sofriet dannu reali u ċert li jikkonsisti f’telf subit minħabba ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrespondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

115

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabta kawżali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa li, kieku l-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ma qabżitx it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, Gascogne ma kinitx tkun obbligata li tħallas l-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrespondi ma’ din l-iskadenza.

116

Għalhekk, teżisti rabta ta’ kawża u effett bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u t-tiġrib tad-dannu sostnut minn Gascogne u li jikkonsisti f’telf subit minħabba ħlas, minnha, ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrespondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza.

117

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, ċertament, l-aġir li ġie kkontestat għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il-Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat EU:C:2011:204, punt 127, u s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punt 130; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 61). Fi kliem ieħor, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni eventwali tal-istituzzjonijiet għad-dannu li għalih qed jintalab l-indennizz, dik il-kontribuzzjoni tista’ tkun remota wisq minħabba responsabbiltà li għandhom persuni oħrajn u jekk ikun il-każ ir-rikorrenti (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 59, u d-digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il-Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 132).

118

Barra minn hekk, diġà kien ġie deċiż li dannu allegat, li jikkonsisti fi spejjeż ta’ garanzija bankarja magħmulin minn kumpannija ssanzjonata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li wara ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax direttament mill-illegalità ta’ din id-deċiżjoni, billi dan id-dannu kien jirriżulta mill-għażla proprja ta’ din il-kumpannija li tagħmel garanzija bankarja sabiex ma teżegwix l-obbligu li tħallas il-multa fit-terminu mogħti fid-deċiżjoni kkontestata [ara, f’dan is-sens, sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 123, u d-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 38].

119

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel nett, fil-mument li r-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors tagħhom fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, fit-23 ta’ Frar 2006, u fil-mument meta Gascogne għamlet garanzija bankarja, f’Marzu 2006, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli. Barra minn hekk, Gascogne setgħet leġittimament tistenna li dawn ir-rikorsi jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli.

120

It-tieni nett, l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ġrat wara l-għażla inizjali ta’ Gascogne li tagħmel garanzija bankarja.

121

Għalhekk, il-fatti ta’ din il-kawża huma differenti b’mod sostanzjali minn dawk li ġew ikkonstatati fis-sentenza tal-21 ta’ April 2005Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni (T‑28/03, EU:T:2005:139), u fid-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni (T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377), imsemmija fil-punt 118 iktar ’il fuq. Ir-rabta bejn l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrespondi ma’ din l-iskadenza għalhekk ma setgħetx, kuntrarjament għal dak li tippretendi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkisret bl-għażla inizjali ta’ Gascogne li ma tħallasx immedjatament il-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634 u tagħmel garanzija bankarja.

122

Isegwi li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u t-telf li sofriet Gascogne minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrespondi mal-iskadenza ta’ dak it-terminu.

123

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma sostnew dannu matul il-perijodu bejn it-30 ta’ Mejju 2011, data meta d-Deċiżjoni C(2005) 4634 kellha tkun definittiva, u t-12 ta’ Diċembru 2013, data meta l-multa effettivament tħallset.

124

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ksur ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza biss fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Għalhekk, huma ma jinvokawx ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza minħabba t-tul totali tal-proċedura, minn naħa, fil-Kawża T‑72/06 mal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770), u, min-naħa l-oħra, fil-Kawża T‑79/06 mal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768).

125

Għalhekk, fil-każ ineżami, kien ġie unikament ikkonstatat li l-proċeduri fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kienu kisru t-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

126

Imbagħad, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 spiċċa bl-għoti tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674).

127

Għalhekk, mis-16 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti setgħu jevalwaw, minn naħa, l-eżistenza ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u, min-naħa l-oħra, id-dannu li Gascogne kienet sofriet u li kien jikkonsisti f’telf subit minħabba ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrepondi mal-iskadenza ta’ dak it-terminu.

128

Barra minn hekk, fl-appelli li huma ressqu fis-27 ta’ Jannar 2012 mis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674), ir-rikorrenti sostnew li t-tul eċċessiv tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kien ifisser għalihom, konsegwenzi finanzjarji onerużi u kienu talbu, għaldaqstant, it-tnaqqis tal-multa li huma kienu responsabbli għaliha konġuntament u in solidum.

129

Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni C(2005) 4634, li imponiet multa fuq ir-rikorrenti, saret definittiva biss fis-26 ta’ Novembru 2013 u l-possibbiltà offruta mill-Kummissjoni li ssir garanzija bankarja spiċċat f’dik id-data minħabba l-għażla tar-rikorrenti li jippreżentaw appell mis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674).

130

Minn dan isegwi li l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja wara li ngħataw is-sentenzi tas-16 ta Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674), li temmew il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ma jipprovdix rabta kawżali suffiċjentement diretta ma’ dan il-ksur, sa fejn il-ħlas ta’ tali spejjeż jirriżulta mill-għażla personali u awtonoma tar-rikorrenti, wara li twettaq dak il-ksur, li ma jħallsux il-multa, li ma jitolbux is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 u li jippreżentaw appell mis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq.

131

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 u, min-naħa l-oħra, id-dannu li sofriet Gascogne qabel l-għoti tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674), u li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja waqt il-perijodu li jikkorrespondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu raġonevoli.

Fuq l-evalwazzjoni tad-dannu materjali subit

132

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 qabeż b’20 xahar it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza f’kull waħda miż-żewġ kawżi (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

133

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma sofrew dannu matul il-perijodu bejn it-30 ta’ Mejju 2011, data meta d-Deċiżjoni C(2005) 4634 kellha tkun definittiva, u t-12 ta’ Diċembru 2013, data meta l-multa ġiet effettivament imħallsa.

134

F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti jippreċiżaw, fir-rikors, li l-ispejjeż kollha marbutin mal-garanzija bankarja li huma ħallsu “lil hinn mit-30 ta’ Mejju 2011” għandhom jiġu kkunsidrati bħala telf subit. Insostenn tat-talba tagħhom għall-kumpens, huma jipproduċu avviż ta’ tranżazzjoni maħruġ minn bank mit-tieni trimestru tal-2011.

135

Għalhekk, moqrija fid-dawl tal-motivi tar-rikors, it-talba għall-kumpens imressqa mir-rikorrenti fit-tieni kap tagħhom ta’ talbiet, għall-ammont ta’ EUR 184 571, tikkorrespondi mal-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja li saru mit-30 ta’ Mejju 2011.

136

Issa, jirriżulta mir-regoli dwar il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li t-tilwima hija bħala prinċipju ddeterminata u ċirkoskritta mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punt 27, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Electrabel vs Il-Kummissjoni, C‑84/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2040, punt 49).

137

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax twarrab it-talba tar-rikorrenti u tiddeċiedi ex officio li jiġi kkumpensat id-dannu subit qabel it-30 ta’ Mejju 2011, jiġifieri dannu subit matul perijodu kronoloġikament differenti minn dak li matulu huma jallegaw li sofrew dannu.

138

Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsa minn Gascogne wara s-16 ta’ Novembru 2011, ma jurux li hemm rabta kawżali suffiċjentement diretta mal-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

139

Għalhekk, fil-każ ineżami, id-dannu li jista’ jiġi kkumpensat jikkorrispondi mal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsa minn Gascogne bejn it-30 ta’ Mejju 2011 u s-16 ta’ Novembru 2011.

140

Fit-tielet lok, jirriżulta mid-dokumenti li r-rikorrenti pproduċew li l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja tħallsu minn Gascogne fuq bażi trimestrali u kienet dovuta kummissjoni sħiħa trimestrali meta l-garanzija bankarja kompliet matul trimestru ġdid. Dawn id-dokumenti juru wkoll li, għat-tieni, it-tielet u r-raba’ trimestri tas-sena 2011, l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsin minn Gascogne telgħu, rispettivament, għal EUR 19945.21, għal EUR 20120.38 u għal EUR 20295.55.

141

Għalhekk, l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja msemmija minn Gascogne kienu ta’ EUR 6648.40 f’Ġunju 2011, ta’ EUR 20120.38 matul it-tielet semestru tal-2011 u ta’ EUR 20295.55 matul ir-raba’ semestru tal-2011.

142

Minn dan isegwi li l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsin minn Gascogne matul il-perijodu inkluż bejn it-30 ta’ Mejju 2011 u s-16 ta’ Novembru 2011 telgħu għal EUR 47064.33.

143

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jingħata indennizz ta’ ammont ta’ EUR 47064.33 lil Gascogne bħala kumpens għad-dannu materjali li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kkawżalha u li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja addizzjonali.

b)  Fuq id-danni immaterjali allegati u l-allegata rabta kawżali

144

Ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza kien is-sors ta’ diversi danni immaterjali, jiġiferi dannu għar-reputazzjoni tal-impriża, inċertezza fl-ippjanar tad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu, problemi fil-ġestjoni tal-impriża stess u, fl-aħħar nett, anzjetà u inkonvenjenzi li ħassew il-membri tal-korpi tat-tmexxija u l-impjegati tal-kumpannija. Barra minn hekk, kienet teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza u d-danni immaterjali allegati. Ir-rikorrenti jivvalutaw l-ammont tad-danni immaterjali tagħhom f’somma ta’ mill-inqas EUR 500000.

145

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirribatti billi ssostni li r-rikorrenti ma jippreċiżawx l-elementi kostituttivi tad-danni immaterjali tagħhom u ma jistabbilixxux li huma sofrew danni reali u ċerti. Fit-tieni lok u sussidjarjament, ir-rikorrenti ma pprovawx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza u d-danni immaterjali li huma jallegaw. Fit-tielet lok u b’mod iktar sussidjarju, id-dannu immaterjali għandu jiġi vvalutat f’massimu ta’ EUR 5000.

146

L-ewwel nett, għandhom jiġu evalwati d-danni immaterjali allegatament sofferti mill-membri tal-korpi ta’ tmexxija u mill-impjegati tar-rikorrenti u, it-tieni nett, id-danni immaterjali allegatament subiti mir-rikorrenti stess.

Fuq id-danni immaterjali allegatament subiti mill-membri tal-korpi tat-tmexxija u mill-impjegati tar-rikorrenti.

147

Għandu jiġi rrilevat li t-talbiet tar-rikors jirrigwardaw biss l-interessi proprji tar-rikorrenti u mhux l-interessi personali tal-mexxejja tagħhom jew tal-impjegati tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jinvokawx ċessjoni ta’ drittijiet jew mandat espliċitu li jawtorizzahom jippreżentaw talba għal kumpens għad-danni subiti mill-mexxejja u mill-impjegati tagħhom.

148

Għalhekk, it-talba għall-kumpens għad-danni immaterjali allegatament subiti mill-mexxejja u mill-impjegati tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, billi ma jirriżultax mill-proċess li r-rikorrenti kienu awtorizzati, minn dawk il-mexxejja u impjegati, li jippreżentaw rikors għad-danni f’isimhom (ara, f’dak is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2010, CPEM vs Il-Kummissjoni, C‑350/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:267, punt 61, u s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il-Kummissjoni, T‑444/07, EU:T:2009:227, punti 3940).

149

Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ dannu subit mill-mexxejja jew mill-impjegati tar-rikorrenti ma ġietx stabbilita. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti qed jagħmlu sempliċi affermazzjonijiet u ma jġibu l-ebda element konkret li juri l-anzjetà u l-inkonvenjenzi li kellhom ibatu l-mexxejja u l-impjegati tagħhom minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jurux li l-mexxejja u l-impjegati tagħhom sofrew dannu personali, dirett u distint minn dak li sofrew personalment.

150

Għaldaqstant, it-talba għall-kumpens tad-danni immaterjali allegatament subiti mill-membri tal-korpi ta’ tmexxija u l-impjegati tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata.

Fuq id-danni immaterjali allegatament subiti mir-rikorrenti

151

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn rikorrent ma jressaq l-ebda argument ta’ natura li turi l-eżistenza u d-determinazzjoni tal-firxa tad-dannu morali jew immaterjali tiegħu, huwa għandu l-obbligu, tal-inqas, li jistabbilixxi li l-aġir inkriminat kien, minħabba l-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu tali dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C‑481/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:461, punt 38, tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il-Kummissjoni, T‑230/95, EU:T:1999:11, punt 39, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑297/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:888, punti 31, 4663).

152

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors isemmi biss ħsara lir-reputazzjoni tar-rikorrenti mingħajr ma jipprovdi preċiżazzjonijiet oħrajn.

153

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jurux li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kien ta’ natura li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tagħhom.

154

Fi kwalunkwe każ, fil-każ ineżami, il-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza li saret fil-punt 78 iktar ’il fuq, hija biżżejjed, fid-dawl tal-għan u l-gravità ta’ dak il-ksur, sabiex tissewwa l-ħsara għar-reputazzjoni allegata mir-rikorrenti.

155

Fit-tieni lok, il-fatt li r-rikorrenti tpoġġew f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, partikolarment dwar is-suċċess tar-rikorsi tagħhom kontra d- Deċiżjoni C(2005) 4634, huwa inerenti f’kull proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienu neċessarjament konxji li l-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 jippreżentaw ċertu grad ta’ kumplessità u li din il-kumplessità kienet marbuta, minn naħa, man-numru ta’ rikorsi paralleli li ġew ippreżentati suċċessivament fil-Qorti Ġenerali f’lingwi differenti ta’ proċedura kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 u, min-naħa l-oħra, man-neċessità, għal dik il-qorti, li tagħmel analiżi fil-fond tal-proċessi voluminużi u, b’mod partikolari, man-neċessità li jiġu stabbiliti l-fatti u li jsir eżami materjali tat-tilwima.

156

Madankollu, it-tul tal-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 ta’ 5 snin u 9 xhur qabeż it-tul prevedibbli li r-rikorrenti setgħu jbassru, b’mod partikolari fil-mument tal-preżentata tar-rikorsi tagħhom. Barra minn hekk, il-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 turi perijodu ta’ 3 snin u 10 xhur inklużi bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura. Dawn it-termini bl-ebda mod ma huma ġġustifikati bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ta’ miżuri istruttorji jew bl-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

157

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kien ta’ natura li daħħal lir-rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ inċertezza li taqbeż l-inċertezza li s-soltu tiġi pprovokata minn proċedura ġudizzjarja. Dan l-istat ta’ inċertezza mtawwal neċessarjament influwenza l-ippjanar tad-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu u l-ġestjoni ta’ dawn il-kumpanniji u għalhekk ħoloq dannu immaterjali.

158

Fit-tielet lok, fiċ-ċirkustanzi ineżami, id-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti minħabba l-istat ta’ inċertezza mtawwal li tpoġġew fih ma jiġix kompletament irrimedjat mill-konstatazzjoni ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza.

159

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu immaterjali tagħhom għandu għandu jiġi vvalutat “mill-inqas” f’EUR 500000 fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

160

L-ewwel nett, ir-rikorrenti, madankollu, ma jipprovdux biżżejjed elementi biex jiġġustifikaw l-ammont ta’ “mill-inqas” EUR 500000, mitlub bħala kumpens għad-danni immaterjali tagħhom. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ammont mitlub mir-rikorrenti jirrigwarda l-kumpens għal diversi danni immaterjali u, b’mod partikolari, ta’ ħsara għar-reputazzjoni li ma ntwerietx u li, fi kwalunkwe każ, hija kkumpensata biżżejjed mill-konstatazzjoni ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza (ara l-punti 152 sa 154 iktar ’il fuq).

161

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tan-neċessità li jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tippermetti, għas-sempliċi raġuni li ma kienx osservat terminu raġonevoli għal għoti ta’ deċiżjoni, lir-rikorrent li jpoġġi fid-dubju l-fondatezza jew l-ammont tal-multa meta l-kumpless ta’ motivi indirizzat kontra l-konstatazzjonijiet magħmula dwar l-ammont ta’ din il-multa u aġir li hija tissanzjona kienu ġew miċħudin (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 78; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 194, u tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 105).

162

Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ deċiżjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li imponiet multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jwassalx għall-annullament, totali jew parzjali, tal-multa imposta minn din id-deċiżjoni (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 78, u tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 88; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il-Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punt 107).

163

Issa, fid-dawl tal-livell tiegħu, l-għoti ta’ kumpens mitlub mir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu immaterjali li huma sofrew, iwassal, fil-fatt, sabiex jitpoġġa fid-dubju l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 minkejja li ma kienx ġie stabbilit li l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ deċiżjoni fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06 kellu effett fuq l-ammont ta’ din il-multa.

164

Għalhekk, l-ammont mitlub mir-rikorrenti ma jistax jitqies li huwa kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammont ta’ kumpens li huma għandhom id-dritt li jippretendu.

165

Għalhekk, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li saru fil-punti 155 sa 164 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari, tal-portata tal-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ deċiżjoni, tal-aġir tar-rikorrenti, tan-neċessità li jiġu rrispettati r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tal-effikaċja ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi deċiż ex aequo et bono li indennizz ta’ EUR 5000, mogħti lil kull rikorrent, jikkostitwixxi kumpens adegwat għad-dannu li huma sofrew minħabba l-istat ta’ inċertezza fit-tul li huma, rispettivament, sabu ruħhom fih matul il-proċedura fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

c)  Fuq l-interessi

166

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali li żżid l-ammont tal-kumpens, li tista’ tagħtihom, b’interessi kumpensatorji u moratorji bir-rata applikabbli mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti ta’ perċentwali, mid-data tal-preżentata tar-rikors.

167

F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-interessi kumpensatorji u l-interessi moratorji (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:2000:38, punt 55).

168

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-interessi kumpensatorji, għandu jitfakkar li l-konsegwenzi sfavorevoli li jirriżultaw mill-mogħdija ta’ żmien li għadda bejn li jseħħ il-fatt dannuż u l-evalwazzjoni tal-indennizz ma jistgħux jiġu injorati, sa fejn hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-erożjoni monetarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1994, Grifoni vs Il-Kummissjoni, C‑308/87, EU:C:1994:38, punt 40, u tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑260/97, EU:T:2005:283, punt 138). L-interessi kumpensatorji jikkumpensaw il-mogħdija taż-żmien sal-evalwazzjoni ġudizzjarja tal-ammont tad-dannu, indipendentement minn kull dewmien imputabbli lid-debitur (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 37).

169

It-terminu tal-perijodu li jagħti d-dritt għal din l-evalwazzjoni monetarja mill-ġdid għandu, bħala prinċipju, jikkoinċidi mad-data tal-għoti tas-sentenza li tistabbilixxi l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 35; tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑260/97, EU:T:2005:283, punti 142143, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T‑285/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:526, punti 5455).

170

Fil-każ ineżami, minn naħa, l-indennizz mogħti lil kull rikorrent, bħala kumpens għad-dannu immaterjali li huma sofrew rispettivament, ikopri l-perijodu ta’ qabel id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u għalhekk ma hemmx lok li jingħataw interessi kumpensatorji għall-perijodu li jippreċedi dak il-jum.

171

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-indennizz dovut lil Gascogne għall-kumpens tad-dannu materjali li din tal-aħħar sofriet, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 168 iktar ’il fuq li r-rikorrenti jkollhom id-dritt li jitolbu li dan l-indennizz jiżdied bl-interessi kumpensatorji dekorribbli mit-30 ta’ Mejju 2011.

172

Madankollu, permezz taż-żewġ kapijiet ta’ talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu, kif fil-fatt ikkonfermaw matul is-seduta, li mal-ammont ta’ kumpens, li huma setgħu jippretendu, għandhom jiżdiedu interessi kumpensatorji “dekorribbli mid-data tal-preżentata tar-rikors” f’din il-kawża.

173

Għalhekk, l-interessi kumpensatorji, li għandhom iżidu l-indennizz dovut lil Gascogne bħala kumpens għad-dannu materjali li din tal-aħħar sofriet, jibdew jiddekorru mill-4 ta’ Awwissu 2014, skont it-talba mressqa fir-rikors.

174

Barra minn hekk, ir-rikorrenti, li jinvokaw telf subit, ma jipproduċu l-ebda prova li tippermetti li jintwera li l-ispejjeż ta’ garanzija bankarja mħallsin minn Gascogne bejn it-30 ta’ Mejju 2011 u s-16 ta’ Novembru 2011 setgħu jipproduċu interessi li r-rata tagħhom tkun dik applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti ta’ perċentwali (ara, f’dan s-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:2000:38, punt 219, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T‑285/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:526, punt 49).

175

Għalhekk, Gascogne ma setgħetx tippretendi l-applikazzjoni ta’ interessi kumpensatorji kkalkulati fuq il-bażi tar-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti ta’ perċentwali.

176

Għall-kuntrarju, l-erożjoni monetarja marbuta mal-mogħdija taż-żmien hija riflessa fir-rata tal-inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istat Membru fejn Gascogne hija stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:2000:38, punti 220221, tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑260/97, EU:T:2005:283, punt 139, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T‑285/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:526, punt 50).

177

Għaldaqstant, ir-rata tal-interessi kumpensatorji li għandhom jiżdiedu mal-indennizz dovut lil Gascogne bħala kumpens għad-dannu materjali li din tal-aħħar sofriet tikkorrespondi mar-rata tal-inflazzjoni annwali kkonstatata minn Eurostat fl-Istat Membru fejn hija stabbilita din il-kumpannija, għall-perijodu bejn l-4 ta’ Awwissu 2014 u d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, fil-limitu tat-talba tar-rikorrenti.

178

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interessi moratorji, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-obbligu li jitħallsu tali interessi jitwieled, bħala prinċipju, mis-sentenza li tikkonstata l-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, EU:C:1990:259, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179

Għall-iffissar tar-rata tal-interessi moratorji, ikun xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 83(2)(b) u tal-Artikolu 111(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, ir‑rata tal-interessi għall-krediti mhux irrimborsati fit-terminu hija r-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tad-data ta’ skadenza, miżjuda bi tliet punti u nofs ta’ perċentwali.

180

Fil-każ ineżami, l-indennizzi msemmija fil-punti 143 u 165 iktar ’il fuq, inklużi l-interessi kumpensatorji li jżidu mal-indennizz dovut bħala kumpens għad-dannu materjali subit minn Gascogne, għandhom jiżdiedu b’interessi moratorji, li jibdew minn meta tingħata din is-sentenza preżenti u sakemm isir il-ħlas sħiħ.

181

Barra minn hekk, ir-rata ta’ din iż-żieda għandha tiġi ffissata fil-limitu tat-talba tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 35, u tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il-Kummissjoni, T‑271/04, EU:T:2007:128, punt 184).

182

Ir-rata tal-interessi moratorji tkun għalhekk iffissata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda b’żewġ punti ta’ perċentwali, kif qed jitolbu r-rikorrenti.

d)  Konklużjoni fuq l-ammont tal-indennizzi u fuq l-interessi

183

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan ir-rikors għandu jintlaqa’ parzjalment sa fejn jitlob il-kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ deċiżjoni fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06, mingħajr il-bżonn li tiġi ordnata l-periżja teknika mitluba mir-rikorrenti b’mod sussidjarju.

184

L-indennizz dovut lil Gascogne bħala kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja addizzjonali jitla’ għal EUR 47064.33, miżjud b’interessi kumpensatorji, dekorribbli mill-4 ta’ Awwissu 2014 u sakemm tingħata s-sentenza preżenti, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata mill-Eurostat fl-Istat Membru fejn hija stabbilita din il-kumpannija.

185

L-indennizz dovut għal kull waħda mir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu immaterjali rispettiv tagħhom jitla’ għas-somma ta’ EUR 5000.

186

L-ammont ta’ indennizzi previsti fil-punti 184 u 185 iktar ’il fuq, inklużi l-interessi kumpensatorji miżjuda mal-indennizz dovut bħala kumpens għad-dannu materjali subit minn Gascogne, jiżdied b’interessi moratorji fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 180 u 182 iktar il fuq.

187

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Fuq l-ispejjeż

188

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Issa, fid-digriet tat-2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T‑577/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:80), l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li qajmet il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati. Għalhekk, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk li ġew sostnuti mir-rikorrenti u li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tat lok għad-digriet tat-2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T‑577/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:80).

189

Bis-saħħa tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

190

F’dan il-każ, ir-rikorrenti kisbu sodisfazzjon parzjali għal dak li jirrigwarda l-kapijiet tat-talbiet tagħhom fuq il-mertu. Iżda, huma tilfu fil-biċċa l-kbira fit-talba tagħhom ta’ indennizz. F’dawn il-kundizzjonijiet u fid-dawl tal-kumpless taċ-ċirkustanzi tal-kawża, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

191

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas indennizz ta’ EUR 47064.33 lil Gascogne bħala dannu materjali soffert minn dik il-kumpannija minħabba ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T‑72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674). Dan l-indennizz għandu jiġi rrivalutat b’interessi kumpensatorji, dekorribbli mill-4 ta’ Awwissu 2014 u sa meta tingħata din is-sentenza, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istat Membru fejn hija stabbilità din il-kumpannija.

 

2)

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas indennizz ta’ EUR 5000 lil Gascogne Sack Deutschland GmbH u indennizz ta’ EUR 5000 lil Gascogne għad-dannu immaterjali li dawn il-kumpanniji rispettivament sofrew minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06.

 

3)

Kull indennizz imsemmi fil-punti 1) u 2) iktar ’il fuq għandu jiżdied b’interessi moratorji, li jibdew jiddekorru mill-għoti ta’ din is-sentenza u sakemm isir il-ħlas sħiħ, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti ta’ perċentwali.

 

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

5)

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn Gascogne Sack Deutschland u Gascogne u li jirrigwardaw l-eċċezzjoni ta’ inammisibbiltà li tat lok għad-digriet tat-2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea (T‑577/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:80).

 

6)

Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, minn naħa, u l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess relatati mar-rikors li ta lok għal din is-sentenza.

 

7)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjes tagħha stess.

 

Papasavvas

Labucka

Bieliūnas

Kreuschitz

Forrester

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Jannar 2017.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

A – Fuq l-ammissibbiltà

 

1. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma prinċipalment u dedotta min-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors

 

a) Fuq l-identità tal-vittma tad-danni materjali u immaterjali allegati

 

b) Fuq il-kawża, is-sustanza u l-estent tad-danni materjali allegati

 

2. Dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbità mqajma sussidjarjament minħabba l-preskrizzjoni tat-talba għal indennizz għad-danni immaterjali allegati.

 

B – Fuq il-mertu

 

1. Fuq l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑72/06 u T‑79/06

 

2. Fuq id-danni allegati u r-rabta kawżali preżunta

 

a) Fuq id-danni materjali allegati u l-allegata rabta kawżali

 

Fuq l-allegat telf ta’ opportunità li jinstab investitur iktar qabel

 

Fuq it-telf subit allegat minħabba l-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa u minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja

 

– Osservazzjonijiet preliminari

 

– Fuq il-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa

 

– Fuq il-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja

 

Fuq l-evalwazzjoni tad-dannu materjali subit

 

b) Fuq id-danni immaterjali allegati u l-allegata rabta kawżali

 

Fuq id-danni immaterjali allegatament subiti mill-membri tal-korpi tat-tmexxija u mill-impjegati tar-rikorrenti.

 

Fuq id-danni immaterjali allegatament subiti mir-rikorrenti

 

c) Fuq l-interessi

 

d) Konklużjoni fuq l-ammont tal-indennizzi u fuq l-interessi

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

( 1 ) Fil-punt 121 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.