SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
26 ta’ Mejju 2016 ( *1 )
“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti marbuta ma’ investigazzjoni tal-OLAF — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-iskopijiet ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Kategorija ta’ dokumenti”
Fil-Kawża T‑110/15,
International Management Group, stabbilit fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentat minn M. Burgstaller, solicitor, u E. Wright, barrister, sussegwentement minn A. Tymen u L. Levi, avukati,
rikorrent,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u S. Bartelt, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni THOR/C4/LL/el/(S) (2015) 4287 tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), tas-6 ta’ Frar 2015, li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent aċċess għad-dokumenti marbuta mal-investigazzjoni li kien is-suġġett tagħha,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fis-17 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent, International Management Group, ġie informat li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) kien qiegħed jinvestiga “il-possibbiltà ta’ irregolaritajiet fl-għoti ta’ fondi Ewropej [favur tiegħu], inkonnessjoni man-natura legali tiegħu, dwar, fost oħrajn, l-applikazzjoni tal-Artikolu 53(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)]”. |
2 |
Fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-OLAF, fl-istadju tal-ġabra fil-qosor tal-fatti prevista fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2013, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF] u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, p. 1), inżammet interrogazzjoni bejn l-OLAF u rappreżentant tar-rikorrent, li kienet segwita minn skambji ta’ korrispondenza u minn talba għal aċċess għal ċerti dokumenti li kienu ssemmew fl-imsemmija ġabra fil-qosor tal-fatti, aċċess li l-OLAF irrifjuta taħt ir-regolament imsemmi iktar ’il fuq. |
3 |
Fit-30 ta’ Ottubru 2014, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), ir-rikorrent talab aċċess għad-dokumenti segwenti:
|
4 |
Fis-27 ta’ Novembru 2014, l-OLAF irrifjuta li jagħti lir-rikorrent aċċess għad-dokumenti kollha mitluba għar-raġuni li l-iżvelar tagħhom kien jippreġudika l-protezzjoni mogħtija lill-iskopijiet ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
5 |
Fil-11 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrent ippreżenta applikazzjoni konfermatorja għall-aċċess għad-dokumenti mitluba (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”), konformement mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
6 |
L-investigazzjoni tal-OLAF bir-referenza OF/2011/1002, u li magħha huma marbuta d-dokumenti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u li huma koperti mill-punti (a) u (c) sa (f) tal-applikazzjoni inizjali tar-rikorrent, ingħalqet fit-12 ta’ Diċembru 2014 u r-rapport finali ntbagħat lill-Kummissjoni Ewropea mill-OLAF fil-15 ta’ Diċembru 2014. |
7 |
Fis-6 ta’ Frar 2015, l-OLAF adotta d-Deċiżjoni THOR/C4/LL/el/(S) (2015) 4287 li permezz tagħha ċaħad l-applikazzjoni konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), filwaqt li indika li d-dokumenti kollha mitluba kienu marbuta jew ma’ investigazzjoni pendenti jew ma’ investigazzjoni magħluqa li fir-rigward tagħha kien għadu ma għaddiex terminu raġonevoli li fih l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea jew l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa jieħdu passi, b’tali mod li l-iżvelar tagħhom seta’ jippreġudika l-protezzjoni tal-iskopijiet tal-imsemmija investigazzjonijiet. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
8 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent ippreżenta r-rikors ineżami. |
9 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess jum, ir-rikorrent talab sabiex tingħata deċiżjoni skont proċedura mħaffa, konformement mal-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. |
10 |
Fl-24 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. |
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2015, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa. |
12 |
Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Awwissu 2015. |
13 |
Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ottubru 2015. |
14 |
Fis-27 ta’ Novembru 2015, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nnotifika lill-partijiet bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Il-partijiet ma ressqux talba għal seduta fit-terminu previst fl-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
15 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
16 |
Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
17 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jippreżenta erba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn invokat preżunzjoni ġenerali ta’ applikabbiltà tal-protezzjoni tal-iskopijiet ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, it-tieni wieħed, fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokumenti mitluba, it-tielet wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta ’ motivazzjoni tagħha sa fejn invokat preżunzjoni ġenerali ta ’ applikabbiltà tal-protezzjoni tal-iskopijiet ta ’ attivitajiet ta ’ spezzjoni, ta ’ investigazzjoni u ta ’ verifika
18 |
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta bbażat ruħha fuq preżunzjoni ġenerali applikabbli għad-dokumenti mitluba. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ifakkar li r-raġuni li tippermetti l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali hija li l-istess kunsiderazzjonijiet ikunu japplikaw għad-dokumenti li jkunu tal-istess natura. Issa, mir-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kunsiderazzjonijiet differenti japplikaw għal tipi differenti ta’ dokumenti. Barra minn hekk, l-investigazzjoni inkwistjoni hija attwalment magħluqa. Minbarra dan, l-approċċ tal-OLAF, li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali għad-dokumenti kollha, imur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001. |
19 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li fil-każ ineżami ma tapplika ebda preżunzjoni ġenerali, la fid-dawl tal-leġiżlazzjoni u lanqas fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti, u l-analoġija stabbilita mill-Kummissjoni ma’ preżunzjonijiet ġenerali oħra rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza hija ineffettiva. |
20 |
Il‑Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrent jidhru li jinkludu oġġezzjonijiet marbuta mal-mertu li ma humiex marbuta mal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement kemm fir-rigward tal-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-aċċess għall-fajls tal-investigazzjoni tal-OLAF u kemm fir-rigward tal-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar il-preżunzjonijiet ġenerali “leġiżlattivi” għad-dokumenti li jinsabu f’dawn il-fajls. Il-preżunzjoni ġenerali, applikata reċentement mill-OLAF, hija bbażata fuq l-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza llum ’il ġurnata stabbilita dwar dan is-suġġett. Skont il-Kummissjoni, id-dokumenti tal-OLAF marbuta mal-investigazzjonijiet immexxija minnu għandhom jikkostitwixxu każ ta’ preżunzjoni ġenerali tal-istess tip bħal fil-każijiet li fihom diġà ġiet rikonoxxuta preżunzjoni ġenerali mill-ġurisprudenza. Ir-rikonoxximent ta’ tali preżunzjoni hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jitħares l-effett utli ta’ kuntesti leġiżlattivi settorjali, adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li jeskludu dritt ta’ aċċess għall-fajl jew li jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl, sabiex jiġi evitat li r-regoli dwar l-aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti ma jintużawx sabiex jiġu evitati jew imdgħajfa r-regoli settorjali. |
21 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni targumenta li, bħal fil-każijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-preżunzjoni ġenerali ta’ esklużjoni ta’ aċċess tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni settorjali (ir-Regolament Nru 883/2013), li tipprevedi regoli ta’ kunfidenzjalità stretti fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ investigazzjoni (l-Artikolu 10 u, b’mod iktar ġenerali, l-Artikoli 3 sa 16 tal-imsemmi regolament) u li teskludi dritt ta’ aċċess għall-fajl. Li kieku l-pubbliku b’mod ġenerali, u l-persuni kkonċernati b’mod partikolari, ikunu jistgħu jiksbu aċċess għall-fajl fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dan jippreġudika immedjatament il-leġiżlazzjoni settorjali u l-effikaċja tal-investigazzjonijiet tkun kompromessa b’mod serju. Barra minn hekk, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni prevista fir-Regolament Nru 883/2013 tissodisfa għan ferm speċifiku, jiġifieri, minn naħa, li jitħares l-iżvolġiment tajjeb ta’ investigazzjoni fl-interess pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, b’tali mod li l-informazzjoni li dawn jikkomunikaw lill-Kummissjoni tintuża esklużivament għall-finijiet tal-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-preżunzjoni ġenerali ma għandhiex tapplika biss qabel, iżda wkoll wara l-għeluq definittiv tal-investigazzjoni u tal-passi ulterjuri. |
22 |
Għandhom qabel kollox jitfakkru l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża ineżami kif ukoll il-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti. |
23 |
L-ewwel nett, skont l-Artikolu 15(3) TFUE u skont l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet stabbiliti konformement mal-Artikolu 15(3) TFUE. B’mod partikolari, skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu, l-imsemmija prinċipji u kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jiddeċiedu konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. |
24 |
It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma teħtieġx aċċess għal dokumenti daqstant wiesa’ bħal dak meħtieġ mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 91; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 60). |
25 |
It-tielet nett, l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jagħti lill-pubbliku l-iktar dritt wiesa’ possibbli ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 61). Minn dan ir-regolament, b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tiegħu, li jipprevedi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, jirriżulta li dan id-dritt ta’ aċċess huwa xorta waħda suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 62; tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 51, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 61). |
26 |
Ir-raba’ nett, skont l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm interess pubbliku ikbar ma jiġġustifikax l-iżvelar ta’ dokument, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dan id-dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jkun ser jippreġudika l-protezzjoni tal-iskopijiet ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika. |
27 |
Il-ħames nett, huwa minnu li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun iġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li jkun intalab l-iżvelar tiegħu, ma huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument ikun jikkonċerna attività msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi wkoll spjegazzjonijiet dwar il-kwistjoni ta’ b’liema mod l-aċċess għall-imsemmi dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 49, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 64). |
28 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata tista’ tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, u dan minħabba li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għal żvelar li jikkonċernaw dokumenti tal-istess natura (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 50; ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti f’ħames każijiet partikolari, jiġifieri fir-rigward tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv marbut ma’ proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61), fir-rigward tad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet li jagħmlu n-notifika jew terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 123, u Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 64), fir-rigward tan-noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94), fir-rigward tad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas fl-istadju tal-proċedura prekontenzjuża tagħha (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 65), kif ukoll fir-rigward tad-dokumenti li jkunu jinsabu f’fajl marbut ma’ proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 93). |
30 |
Il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali f’erba’ każijiet supplimentari, jiġifieri fir-rigward tal-offerti magħmula minn offerenti fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-każ ta’ talba għal aċċess imressqa minn offerent ieħor (sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 101), fir-rigward tad-dokumenti marbuta mal-proċedura msejħa “EU Pilot” (sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑306/12, taħt appell, EU:T:2014:816, punt 63), fir-rigward tad-dokumenti mibgħuta, taħt l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-[Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni lill-Kummissjoni (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Unión de Almacenistas de Hierros de España vs Il‑Kummissjoni, T‑623/13, EU:T:2015:268, punt 64), kif ukoll fir-rigward tad-dokumenti marbuta mal-preparazzjoni mill-Kummissjoni ta’ analiżi ta’ impatt sabiex tfassal proposta politika (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, T‑424/14 u T‑425/14, taħt appell, EU:T:2015:848, punt 97). |
31 |
Minkejja l-fatt li, fil-parti l-kbira tal-kawżi msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ir-relazzjonijiet bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u regolament ieħor li jinkludi regola speċifika dwar l-aċċessibbiltà u kkonkludiet, minn dan l-eżami, li kellha tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti, minn din il-ġurisprudenza xorta waħda jirriżulta li r-relazzjoni bejn żewġ regolamenti ma hijiex l-uniku kriterju sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ tali preżunzjonijiet ġenerali. |
32 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq jirriżulta li r-ratio legis li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni ta’ tali preżunzjonijiet ġenerali huwa marbut mal-ħtieġa imperattiva li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-proċeduri inkwistjoni u li jiġi żgurat li l-iskopijiet tagħhom ma jkunux kompromessi. Għalhekk, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali jista’ jkun ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti proċeduri mal-funzjonament tajjeb ta’ dawn il-proċeduri u fuq ir-riskju li dawn il-proċeduri jkunu ppreġudikati, peress li l-preżunzjonijiet ġenerali jippermettu li titħares l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċedura billi jiġi llimitat l-indħil minn terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il‑Kummissjoni, T‑306/12, taħt appell, EU:T:2014:816, punti 57 u 58, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawżi magħquda LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:528, punti 66, 68, 74 u 76). L-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi previsti f’att legali marbut ma’ proċedura mmexxija quddiem istituzzjoni tal-Unjoni li għall-ħtiġijiet tagħha jkunu ġew prodotti d-dokumenti mitluba hija waħda mill-kriterji ta’ natura li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, McCullough vs Cedefop, T‑496/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:374, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:325, punt 75). |
33 |
Issa, ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija kawżi għandu jiġi applikat ukoll għall-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-OLAF. Fi kliem ieħor, aċċess iġġeneralizzat, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti li jkunu inklużi fil-fajl tal-OLAF, meta l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-OLAF tkun għadha pendenti, jippreġudika, bħala prinċipju, l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni. Dan jgħodd ukoll fil-każ li l-investigazzjoni tkun għadha kemm ingħalqet mill-OLAF (ara l-punt 35 iktar ’il quddiem). |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-OLAF hija s-suġġett ukoll ta’ regoli speċifiċi fil-qasam tal-aċċess għall-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura u fil-qasam tat-trattament ta’ din l-informazzjoni. Skont ir-Regolament Nru 883/2013, li jirregola l-investigazzjonijiet tal-OLAF, dan huwa legalment obbligat li jittratta l-informazzjoni miksuba minnu fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tiegħu bħala informazzjoni kunfidenzjali koperta mis-sigriet professjonali, konformement mal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament. Għandu jiġi osservat ukoll li, fir-rigward ta’ persuna kkonċernata minn investigazzjoni tal-OLAF, ħlief għad-dritt tagħha li tirċievi l-minuti tal-interrogazzjoni tagħha mill-OLAF (sabiex tapprovahom jew sabiex tagħmel osservazzjonijiet), konformement mal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, ma huwa previst ebda aċċess għal dokumenti. Fil-fatt, effettivament l-aċċess għall-fajls tal-OLAF jitwettaq fil-kuntest ta’ proċedura ulterjuri. Ir-rakkomandazzjoni finali tal-OLAF tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet nazzjonali. Jekk dawn l-awtoritajiet ikollhom l-intenzjoni li jadottaw sanzjoni fil-konfront ta’ persuna kkonċernata mill-investigazzjoni, fil-kawża ineżami r-rikorrent, dawn l-awtoritajiet ikollhom jagħtuha l-possibbiltà li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha konformement mal-proċedura amministrattiva jew kriminali applikabbli. |
35 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-protezzjoni tal-investigazzjonijiet tal-OLAF testendi għall-passi ulterjuri għalihom sakemm dawn jitwettqu f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punti 108 sa 113). Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza jekk it-terminu raġonevoli sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-passi li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF lill-awtoritajiet kompetenti ma jkunx għadu għadda, l-għoti ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-OLAF, anki jekk b’mod parzjali, jista’ jikkomprometti l-użu effettiv ta’ dawn l-elementi mill-awtoritajiet nazzjonali peress li l-persuni ssuspettati inkonnessjoni ma’ irregolaritajiet ikunu jistgħu jaġixxu b’mod li jfixklu l-iżvolġiment tajjeb tad-diversi proċeduri jew investigazzjonijiet li dawn l-awtoritajiet jistgħu jiddeċiedu li jiftħu. Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li l-investigazzjonijiet tal-OLAF, kif ukoll l-eventwali proċeduri ulterjuri, jiddependu mid-dispożizzjoni tal-informaturi u tax-xhieda li jipprovdu informazzjoni. Il-possibbiltà li jaraw l-informazzjoni, l-ispjegazzjonijiet jew l-ipoteżijiet tagħhom żvelati tista’ twassalhom sabiex jiċċensuraw l-informazzjoni mgħoddija minnhom jew sabiex iżommu informazzjoni sensittiva, u dan jista’ jippreġudika l-effikaċja tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi. |
36 |
Fl-aħħar mill-aħħar, il-qafas leġiżlattiv applikabbli għall-OLAF jeskludi, bħala prinċipju, dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-OLAF mill-persuni kkonċernati. Huwa biss fil-każ li l-awtoritajiet destinatarji tar-rapport finali jkollhom l-intenzjoni li jadottaw atti li jikkawżaw preġudizzju lill-persuni kkonċernati li dawn l-awtoritajiet ikollhom, konformement mar-regoli proċedurali applikabbli għalihom, jagħtu aċċess għar-rapport finali tal-OLAF sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Għaldaqstant, l-għoti ta’ aċċess għall-fajls tal-OLAF jew għar-rapporti finali tal-OLAF lill-pubbliku ġenerali jdgħajjef b’mod serju s-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 883/2013. |
37 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali fis-sens li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv jippreġudika, bħala prinċipju, il-protezzjoni tal-iskopijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-OLAF. |
38 |
Madankollu, din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix id-dritt tal-imsemmija persuni kkonċernati li jistabbilixxu li dokument partikolari li jkun mitlub l-iżvelar tiegħu ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 62, u tas- 27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 100). |
39 |
Mill-banda l-oħra, ir-rekwiżit li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax realment ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjoni kkonċernata ser ikollha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba f’każ partikolari. Tali rekwiżit iċaħħad din il-preżunzjoni ġenerali mill-effett utli tagħha, jiġifieri li tippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata twieġeb għal talba għal aċċess globali b’mod daqstant ieħor globali (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 68, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 101). |
40 |
Huwa fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk l-OLAF wettaqx żball fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. |
41 |
Fil-kawża ineżami, għandu jiġi indikat li huwa paċifiku li l-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata mir-rikorrent tikkonċerna dokumenti li jagħmlu parti mill-investigazzjonijiet tal-OLAF. |
42 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr ma dan huwa kkontestat mir-rikorrent, li d-dokumenti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq u li huma indikati fil-punti (a) u (c) sa (f) tal-applikazzjoni inizjali tar-rikorrent, jagħmlu parti mill-investigazzjoni OF/2011/1002 tal-OLAF fir-rigward tar-rikorrent, investigazzjoni din li ngħalqet fit-12 ta’ Diċembru 2014, u li d-dokumenti indikati fil-punt (b) tal-applikazzjoni inizjali tar-rikorrent jikkonċernaw diversi investigazzjonijiet li għadhom pendenti. |
43 |
L-OLAF, minħabba li l-investigazzjoni OF/2011/1002 kienet ingħalqet fit-12 ta’ Diċembru 2014, u filwaqt li bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza li tipprovdi li d-dokumenti marbuta mal-investigazzjonijiet jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-każ li investigazzjonijiet partikolari magħluqa jkunu wasslu għar-redazzjoni ta’ rapport finali iżda ma jkunx għadu għadda terminu raġonevoli għal teħid ta’ passi proċedurali sussegwenti, qies li dan it-terminu sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-passi sussegwenti li kellhom jittieħdu fir-rigward tal-informazzjoni li huwa kien bagħat lill-awtorità kompetenti ma kienx għadu ntemm fil-każ ineżami. L-OLAF spjega wkoll li d-dokumenti kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali, li kienet tapplika qabel u wara l-għeluq ta’ investigazzjoni, filwaqt li invoka l-ħtieġa li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u li tiġi żgurata l-kooperazzjoni tal-informaturi. F’dan ir-rigward, huwa semma l-fatt li l-investigazzjonijiet kif ukoll il-proċeduri ulterjuri jiddependu b’mod kunsiderevoli mill-informazzjoni pprovduta minn informaturi terzi u minn xhieda u mir-rieda tagħhom li jagħtu din l-informazzjoni u li, fil-każ li tali informazzjoni ma tkunx protetta mill-kunfidenzjalità, tiddaħħal inkwistjoni d-dispożizzjoni tal-imsemmija partijiet li jikkontribwixxu għall-investigazzjoni. F’dan l-istess kuntest, l-OLAF speċifika r-regoli settorjali speċifiċi eżistenti li jirregolaw l-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF u l-obbligu ta’ kunfidenzjalità, bħall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 883/2013. |
44 |
Skont il-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-OLAF applika ġustament preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tiegħu. |
45 |
F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrent fis-sens li tali preżunzjoni ma tistax tapplika għal dokumenti li jagħmlu parti minn proċedura ta’ investigazzjoni magħluqa ma jistax jintlaqa’. |
46 |
Kif diġà ntqal iktar ’il fuq, wara li l-OLAF ikun temm l-investigazzjoni tiegħu u jkun fassal ir-rapport finali tiegħu, l-awtorità kompetenti jkun għad trid tiddeċiedi dwar il-proċedura ulterjuri. Għaldaqstant, il-preżunzjoni ġenerali tapplika wkoll għal proċedura li tkun diġà ngħalqet peress li l-interessi pubbliċi protetti jistgħu jiġu leżi wkoll wara l-għeluq tal-proċedura tal-OLAF. |
47 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-investigazzjoni ngħalqet fit-12 ta’ Diċembru 2014 u r-rapport finali ntbagħat mill-OLAF lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2014, konformement mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2013, terminu raġonevoli għall-passi ulterjuri, kif osserva ġustament l-OLAF fid-deċiżjoni kkontestata, ma kienx għadu għadda mid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. |
48 |
Bl-istess mod, ir-rikorrent ma jistax jislet argument mill-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Catinis vs Il‑Kummissjoni (T‑447/11, EU:T:2014:267), sabiex jinvoka l-fatt li preżunzjoni ġenerali ma hijiex applikabbli u li, għalhekk, l-OLAF ma kienx issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. Fl-imsemmija kawża, l-OLAF ma kienx invoka l-preżunzjoni ġenerali ta’ esklużjoni ta’ aċċessibbiltà iżda kien wettaq eżami individwali u konkret tad-dokumenti mitluba. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk tali preżunzjoni setgħetx tkun applikabbli. |
49 |
Fl-aħħar nett, l-argument fis-sens li l-proposta magħmula fl-2008 mill-Kummissjoni, dwar reviżjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, “kienet intiża li tinkludi preżunzjonijiet ġenerali ta’ esklużjoni ta’ aċċessibbiltà”, mingħajr riferiment għall-funzjonijiet ta’ investigazzjoni tal-OLAF, kif ukoll l-argument fis-sens li t-talba tal-Kummissjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi rikonoxxuta preżunzjoni ġenerali applikabbli għall-fajls tal-OLAF tikkostitwixxi, min-naħa tal-Kummissjoni, talba lill-Qorti Ġenerali sabiex jinkiser l-Artikolu 17(2) TUE, li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tfassal proposti leġiżlattivi, u l-Artikolu 14 TUE, li jagħti lill-Parlament u lill-Kunsill funzjonijiet leġiżlattivi, huma argumenti irrilevanti. Fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ġiet approvata mill-ġurisprudenza f’diversi oqsma mingħajr ma l-legalità ta’ tali preżunzjoni ma hija mdaħħla inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 14 TUE u tal-Artikolu 17(2) TUE. Għaldaqstant, ma hemm ebda raġuni sabiex jingħad li l-estrapolazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għall-fajls ta’ investigazzjoni tal-OLAF tista’ toħloq diffikultajiet f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, il-proposta tal-Kummissjoni ma ġietx adottata. |
50 |
Bħala konklużjoni, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif previst fl-Artikolu 296 TFUE, u fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 23 sa 40 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż, kif jirriżulta wkoll mill-punt 43 iktar ’il fuq, li l-OLAF issodisfa l-imsemmi obbligu. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta ’ interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokumenti
51 |
Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent jallega li jeżisti interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, peress li dawn kienu ngħataw lil terzi, inklużi terzi mhux awtorizzati, bħalma huwa l-ġurnal Ġermaniż Der Spiegel. L-eżistenza ta’ investigazzjoni interna dwar l-għoti ta’ dawn id-dokumenti lil terzi mhux awtorizzati ma hijiex suffiċjenti sabiex teżenta lill-Kummissjoni mir-responsabbiltà għal żvelar mhux awtorizzat. Skont ir-rikorrent, huwa jeħtieġ l-aċċess għad-dokumenti mitluba sabiex ikun jista’ jirribatti għall-allegazzjonijiet estremament serji magħmula kontrih, b’mod partikolari minn Der Spiegel. Ir-rikorrent isostni li huwa għandu interess leġittimu li jitħalla jiddefendi ruħu, inkluż pubblikament. Fil-fatt, tali difiża, li tistabbilixxi mill-ġdid l-ekwilibriju fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ investigazzjoni tal-OLAF, hija possibbli biss permezz ta’ dokumenti li sa issa għadhom inaċċessibbli għar-rikorrent. |
52 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li kwalunkwe żvelar tar-rapport finali tal-OLAF kien dovut għal żvelar mhux awtorizzat, li fir-rigward tiegħu nfetħet investigazzjoni. Tali żvelar mhux awtorizzat jikkostitwixxi element fattwali li ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokumenti mitluba. It-tieni nett, il-Kummissjoni targumenta li r-rikorrent għandu interess purament privat f’dan l-iżvelar, bħala persuna kkonċernata mill-investigazzjoni tal-OLAF. Dan it-tip ta’ interess partikolari, li ma huwiex kondiviż minn ċittadini oħra, ma jistax jikkostitwixxi interess pubbliku ikbar, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li huwa r-rikorrent li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess ikbar fl-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Issa, l-applikazzjoni konfermatorja ma tinkludi kważi xejn fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar f’dan l-iżvelar li huwa ta’ natura li jinnewtralizza l-preżunzjoni ġenerali ta’ esklużjoni ta’ aċċessibbiltà, ħlief għal riferiment vag u ġenerali għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni żżid li l-ħtieġa li wieħed jiddefendi ruħu kontra “akkużi gravi” fformulati fl-istampa tikkostitwixxi wkoll interess purament privat u mhux interess pubbliku ikbar. |
53 |
Għandu jitfakkar li, konformement mat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjoni stabbilita f’dan l-inċiż ma għandhiex tiġi applikata fil-każ li l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni jkun iġġustifikat minn interess pubbliku ikbar. |
54 |
Għandu jingħad li, fir-rigward tal-ħtieġa li jinkiseb l-iżvelar tad-dokumenti mitluba bis-saħħa tal-interess ikbar li wieħed ikun jista’ jiddefendi ruħu aħjar kontra l-allegazzjonijiet magħmula sussegwentement għall-pubblikazzjoni ta’ artikolu fil-ġurnal Der Spiegel, tali argument ma jistabbilixxix, bħala tali, l-eżistenza ta’ interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba u li jista’ jieħu prijorità fuq il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti stabbilit fl-Artikolu 15 TFUE u fid-dawl tal-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, dan l-interess għandu jkun ta’ natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jiġi konfuż ma’ interessi partikolari jew privati. |
55 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru”. Minn dan jirriżulta li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għad-dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess tal-applikant għad-dokumenti li jikkonċernawh (sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punt 50). |
56 |
Għaldaqstant, l-interess partikolari li jista’ jiġi invokat minn applikant għall-aċċess għal dokumenti li jikkonċernawh personalment ma jistax ikun, ġeneralment, deċiżiv fil-kuntest kemm tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar u kemm fl-ibbilanċjar tal-interessi taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punt 52; tal-20 ta’ Marzu 2014, Reagens vs Il‑Kummissjoni, T‑181/10, EU:T:2014:139, punt 144, u tal-21 ta’ Mejju 2014, Catinis vs Il‑Kummissjoni, T‑447/11, EU:T:2014:267, punti 61 sa 64). |
57 |
B’hekk, anki jekk jitqies li d-dokumenti mitluba jirriżultaw li huma neċessarji għad-difiża tar-rikorrent fil-kuntest ta’ rikors, kwistjoni din li taqa’ taħt l-eżami tal-imsemmi rikors, dan il-fatt ma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat l-ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-argument fis-sens li l-aċċess għad-dokument mitluba huwa neċessarju sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jiddefendi ruħu aħjar kontra l-allegazzjonijiet ippubblikati fl-istampa Ġermaniża. |
58 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra dawn l-interessi privati, li wieħed minnhom ġie invokat fil-kuntest tal-applikazzjoni konfermatorja u jikkonċerna r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fl-investigazzjoni tal-OLAF, u l-ieħor, invokat fil-kuntest ta’ din il-kawża, jikkonċerna l-interess għar-rikorrent li jiddefendi ruħu aħjar kontra l-allegazzjonijiet ippubblikati f’Der Spiegel, ir-rikorrent ma invokax argumenti oħra li jiġġustifikaw interess pubbliku ikbar. |
59 |
Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li parti minn fajl kunfidenzjali tal-OLAF setgħet ġiet żvelata b’mod illegali ma jiġġustifikax, fih innifsu, li ssir deroga, favur il-persuna kkonċernata, mir-regoli tal-kunfidenzjalità li jirregolaw il-fajl tal-investigazzjoni tal-OLAF (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Diċembru 2003, Goméz-Reino vs Il‑Kummissjoni, T‑215/02, EU:T:2003:352, punt 65). |
60 |
Għaldaqstant fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv ma jistax jintlaqa’. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu
61 |
Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent iqis li, fid-dawl tan-natura tad-dokumenti inkwistjoni, ftit huwa probabbli li tkun mheddha l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu. Barra minn hekk, l-OLAF ma spjegax għaliex ma jistax jagħti aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba, b’osservanza tal-ħajja privata u tal-integrità ta’ data personali individwali. |
62 |
Il‑Kummissjoni tirribatti li l-punt tad-deċiżjoni kkontestata ddedikat għall-protezzjoni tad-data personali ġie miżjud għal finijiet ta’ kompletezza sa fejn id-dokumenti mitluba kienu jinkludu wkoll data li kienet protetta taħt eċċezzjoni differenti. Madankollu, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata prinċipalment fuq l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali, kif jirriżulta mill-punt tal-imsemmija deċiżjoni li jippreċedi dak iddedikat għall-protezzjoni tad-data personali, li tippermetti li ma jiġux żvelati d-dokumenti mitluba kollha u li ma jiġix mistħarreġ jekk għandux jingħata aċċess parzjali, dan il-motiv huwa ineffettiv. |
63 |
Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija diġà legalment fondata fuq il-bażi tar-raġunijiet mogħtija fiha li jikkonċernaw l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala, fi kwalunkwe każ, ineffettiv. |
Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ amministrazzjoni tajba
64 |
Ir-rikorrent iqis li l-OLAF kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi ma eżaminax l-aspetti rilevanti kollha tal-każ u billi invoka l-allegata eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali meta adotta d-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrent, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kien miksur ukoll minħabba l-iżvelar tar-rapport finali tal-OLAF lil diversi persuni, inkluż lill-awtur tal-artikolu li deher f’Der Spiegel kif ukoll lil deputat Ewropew. Ir-rifjut li jingħata aċċess għad-dokumenti mitluba, li għandu jippermetti lir-rikorrent jiddefendi ruħu kontra l-allegazzjonijiet magħmula minn terzi fuq il-bażi tad-dokumenti miksuba permezz ta’ żvelar mhux awtorizzat, huwa wkoll inġust. |
65 |
Il‑Kummissjoni tirribatti li l-OLAF ħa inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha li kellu jeżamina sabiex ħa d-deċiżjoni tiegħu u pprovda r-raġunijiet meħtieġa f’dan ir-rigward, fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tikkonċerna d-dokumenti marbuta mal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tarax b’liema mod il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kien miskur. Hija terġa’ tfakkar li l-allegat żvelar tar-rapport finali tal-OLAF lil diversi persuni, jekk fil-fatt kien hemm tali żvelar, kien żvelar mhux awtorizzat u li hemm investigazzjoni pendenti dwar iċ-ċirkustanzi ta’ dan l-iżvelar mhux awtorizzat. |
66 |
Għandu jiġi osservat li, billi applika preżunzjoni ġenerali, l-OLAF ma kisirx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel motiv, l-OLAF spjega, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex kienet applikabbli preżunzjoni, li testendi għad-dokumenti kollha kkonċernati mill-investigazzjoni sabiex tiġi protetta l-integrità tar-regoli settorjali speċifiċi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-attivitajiet tal-OLAF. |
67 |
Il-fatt li kien hemm żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni protetta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 883/2013 ma jimplikax li r-rapport finali tal-OLAF kien ġie żvelat u daħal fid-dominju pubbliku fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001. |
68 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa diżappuntanti li żvelar mhux awtorizzat kien ippermetta lill-istampa Ġermaniża tagħmel użu minn informazzjoni kunfidenzjali, dan ma jiġġustifikax fih innifsu l-iżvelar tad-dokumenti mitluba fil-kuntest ta’ proċedura taħt ir-Regolament Nru 1049/2001. |
69 |
Minn dan isegwi li r-raba’ motiv ukoll għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż7
70 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Gratsias Kancheva Wetter Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Mejju 2016. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.