SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)
22 ta’ April 2016 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat — Direttiva 92/81/KEE — Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina — Eżenzjoni mis-sisa — Natura selettiva tal-miżura — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali tal-1998 — Aspettattivi leġittimi — Ċertezza legali — Prinċipju lex specialis derogat legi generali — Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità u ta’ effett utli tal-atti tal-istituzzjonijiet — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawżi magħquda T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II,
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato,
Eurallumina SpA, stabbilita f’Portoscuso (l-Italja), irrappreżentata minn L. Martin Alegi, R. Denton, A. Stratakis u L. Philippou, solicitors,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, N. Khan, G. Conte, D. Grespan u K. Walkerová, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja (ĠU 2006, L 119, p. 12), sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mir‑Repubblika Taljana, bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina f’Sardegna (l-Italja) u sa fejn tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra l-imsemmija għajnuna,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),
komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur), E. Buttigieg, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
L-eżenzjoni kontenzjuża
1 |
L-alumina (jew l-ossidu tal-aluminju) hija trab abjad użat prinċipalment fil-funderiji għall-produzzjoni tal-aluminju. Din tiġi estratta mill-boksajt permezz ta’ proċess ta’ raffinament li l-aħħar pass tiegħu huwa l-kalċinazzjoni. L-alumina kkalċinata tintuża għal iktar minn 90 % għall-proċess ta’ fużjoni tal-aluminju. Il-kumplament huwa sottomess għal trasformazzjonijiet ġodda u huwa użat f’applikazzjonijiet kimiċi. Hemm żewġt iswieq ta’ prodotti distinti, jiġifieri dak tal-alumina metallurġika u dak tal-alumina kimika. Żjut minerali jistgħu jintużaw bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina |
2 |
Hemm biss produttur wieħed tal-alumina fl-Irlanda, fl-Italja u fi Franza, rispettivament. Fl-Italja, dan huwa Eurallumina SpA, stabbilita f’Sardegna. Hemm ukoll produtturi tal-alumina fil-Ġermanja, fi Spanja, fil-Greċja, fl-Ungerija u fir-Renju Unit |
3 |
Mill-1993, ir-Repubblika Taljana teżenta mid-dazju tas-sisa ż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina f’Sardegna (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni kontenzjuża”). L-eżenzjoni kontenzjuża ddaħħlet fid-dritt Taljan permezz tad-decreto legislativo 26 ottobre 1995 no 504, Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penali e amministrative (Digriet Leġiżlattiv Nru 504, tas-26 ta’ Ottubru 1995, Test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar it-taxxi fuq il-produzzjoni, il-konsum u s-sanzjonijiet penali u amministrattivi fil-qasam, supplement ordinarju għall-GURI Nru 279, tad-29 ta’ Novembru 1995), iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv tal-1995”). |
4 |
L-applikazzjoni tagħha f’Sardegna ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 1994 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/697/KE, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi tnaqqis jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 (ĠU L 321, p. 29). Din l-awtorizzazzjoni ġiet sussegwentement estiża mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Diċembru 1996 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/273/KE, tat-22 ta’ April 1996, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi tnaqqis jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 (ĠU L 102, p. 40). Din reġgħet ġiet estiża mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1998 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/425/KE, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tad-dazji tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 182, p. 22). L-awtorizzazzjoni ġiet estiża għal darba oħra mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 1999 bid-Deċiżjoni 1999/255/KE tat-30 ta’ Marzu 1999, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri, b’mod konformi mad-Direttiva 92/81/KEE, japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali tnaqqis tar-rati tad-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa, u li temenda d-Deċiżjoni 97/425 (ĠU L 99, p. 26). Hija ġiet sussegwentement estiża mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2000 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/880/KE, tas-17 ta’ Diċembru 1999, li tawtorizza lill-Istati Membri japplikaw jew ikomplu japplikaw għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi t-tnaqqis tar-rati tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81/KEE (ĠU L 331, p. 73). |
5 |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 9, Vol. 1, p. 342), jiġifieri l-aħħar waħda li tikkonċerna l-eżenzjoni kontenzjuża, estendiet lill-imsemmija eżenzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2006. Skont il-premessa 5 tagħha, din id-deċiżjoni “għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ tagħwiġ li jista’ jsir fit-tħaddim tas-suq uniku, b’mod partikolari skond l-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE]” u “[d]in ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet potenzali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 [KE]”. |
Il-proċedura amministrattiva
6 |
Bl-ittra tat-29 ta’ Mejju 1998, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Taljani sabiex tivverifika jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx taqa’ fil-kamp tal-applikazzjni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Wara tfakkira mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 1998, ir-Repubblika Taljana wieġbet fl-20 ta’ Lulju 1998. |
7 |
Bl-ittra tat-17 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana tinnotifikaha bl-eżenzjoni kontenzjuża. Il-Kummissjoni fakkret din it-talba lir-Repubblika Taljana, u talbitha tipprovdi informazzjoni supplimentari bl-ittra tat-27 ta’ Settembru 2000. Wara tfakkira mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2000, ir-Repubblika Taljana wieġbet fis-7 ta’ Diċembru 2000. |
8 |
Bid-deċiżjoni C (2001) 3300, tat-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-eżenzjoni kontenzjuża (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni formali”). Din id-deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana, bl-ittra tal-5 ta’ Novembru 2001, u ġiet ippubblikata, fit-2 ta’ Frar 2002, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 30, p. 17). |
9 |
B’ittri tas-26 u tat-28 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet rispettivi ta’ Aughinish Alumina Ltd, ta’ Eurallumina, ta’ Alcan Inc. u tal-Association européenne de l’aluminium. Dawn ġew innotifikati lir-Repubblika Taljana fis-26 ta’ Marzu 2002. |
10 |
Ir-Repubblika Taljana ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2002. |
Id-deċiżjoni alumina I
11 |
Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/323/KE dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja, rispettivament (ĠU 2006, L 119, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni alumina I”). |
12 |
Id-deċiżjoni alumina I tirrigwarda l-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2004, id-data li fiha saret applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 9, Vol. 1, p. 405), li ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003 (premessa 57). Madankollu, hija testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għall-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2003 (premessa 92). |
13 |
Id-dispożittiv tad-deċiżjoni alumina I jipprovdi b’mod partikolari: “Artikolu 1 L-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali tqal użati fil-produzzjoni tal-alumina mogħtija minn Franza, l-Irlanda u l-Italja sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE]. Artikolu 2 L-għajnuna mogħtija bejn is-17 ta’ Lulju 1990 u t-2 ta’ Frar 2002, sa fejn din hija inkompatibbli mas-suq komuni, ma hijiex irkuprata peress li dan l-irkupru jkun kuntrarju għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Artikolu 3 L-għajnuna, imsemmija fl-ewwel Artikolu, mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn il-benefiċjarji jħallsu dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil. Artikolu 4 L-għajnuna […] mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn il-benefiċjarji ma ħallsux dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil. Artikolu 5 1. Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4 mingħand il-benefiċjarji tagħha. […] 5. Franza, l-Irlanda u l-Italja għandhom jordnaw lill-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 4, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, sabiex iħallsu lura l-għajnuna illegali flimkien mal-interessi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
14 |
B’atti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-16 u fit-23 ta’ Frar 2006, ir-Repubblika Taljana u Eurallumina ppreżentaw dawn ir-rikorsi, irreġistrati taħt in-numri ta’ referenza T‑60/06 u T‑62/06. |
15 |
B’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 u fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li nstemgħu l-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli, li tibgħat dawn il-kawżi quddiem kulleġġ estiż ta’ ġudikanti. |
16 |
Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Mejju 2007, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali għaqqad il-Kawżi T‑60/06 u T‑62/06 u l-Kawżi T‑50/06, T‑56/06 u T‑69/06 (iktar ’il quddiem il-“kawżi alumina I”) għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. |
17 |
Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Irlanda et vs Il‑Kummissjoni (T‑50/06, T‑56/06, T‑60/06, T‑62/06 u T‑69/06, EU:T:2007:383), il-Qorti Ġenerali għaqdet il-kawżi alumina I għall-finijiet tas-sentenza, annullat id-deċiżjoni alumina I u, fil-Kawża T‑62/06, ċaħdet il-kumplament tar-rikors |
18 |
Permezz ta’ rikors bid-data tas-26 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. |
19 |
Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda et vs Il‑Kummissjoni, punt 17 iktar ’il fuq (EU:T:2007:383), sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni alumina I, irrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż. |
20 |
Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 19 iktar ’il fuq (EU:C:2009:742), u skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati lit-Tieni Awla Estiża bid-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2009. |
21 |
Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla Estiża tal-1 ta’ Marzu 2010, il-kawżi alumina I ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2010, il-kawżi alumina I ġew assenjati lir-Raba’’ Awla Estiża. |
23 |
Bis-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV, Ġabra, EU:T:2012:134), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni alumina I, sa fejn hija kienet tikkonstata, jew kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni, li l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana sal‑31 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa”) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn hija ordnat lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal 1000 kg ta’ żejt minerali tqil. |
24 |
Permezz ta’ rikors bid-data tal-1 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. |
25 |
Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, Ġabra, EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq (EU:T:2012:134), irrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż. |
26 |
Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati lill-Ewwel Awla, b’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar u tal-10 ta’ Marzu 2014.. |
27 |
Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, Eurallumina u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, rispettivament, fit-28 ta’ Jannar u fl-17 ta’ Marzu 2014. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Eurallumina ddikkjarat li ma tixtieqx tislet konklużjonijiet mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 supra (EU:C:2013:812), u talbet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-motivi kollha insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II. Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Ir-Repubblika Taljana ma ppreżentatx sottomissjonijiet bil-miktub. |
28 |
Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2014, il-kawżi alumina I kienu ġew assenjati mill-ġdid lill-Ewwel Awla Estiża, skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. |
29 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 64(3)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, talbet lill-partijiet fil-Kawża T‑60/06 RENV II jesprimu ruħhom fuq aspett tal-kawża. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit. |
30 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla Estiża tas-26 ta’ Jannar 2015, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
31 |
It-trattazzjoni ta’ Eurallumina u tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2015. Bil-kuntrarju, ir-Repubblika Taljana ma kinitix irrapreżentata f’din is-seduta. |
32 |
Ir-Repubblika Taljana titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
33 |
Euroallumina titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
34 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
35 |
Għandu jiġi nnotat, preliminarjament, li dawn iż-żewġ rikorsi huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni alumina I, sa fejn din tikkonstata l-eżistenza tal-għajnuna kontenzjuża u tordna lir-Repubblika Taljana sabiex tirkupraha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Sa dan il-punt, dawn ir-rikorsi għandhom l-istess suġġett. |
Fuq l-ammissibbiltà
36 |
Fil-Kawża T‑60/06 RENV II, il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra, minn naħa, l-ewwel motiv, sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward, l-ewwel nett, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, it-tieni nett, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, is-sitt motiv, sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali riżultanti mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dawn l-ilmenti speċifiċi kienu ġew ifformultati għall-ewwel darba fir-replika u għaldaqstant jikkostitwixxu motivi ġodda, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
37 |
Ir-Repubblika Taljana ma tweġibx għal dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. |
38 |
Fil-Kawża T‑62/06 RENV II, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, għaliex huwa intiż sabiex jikseb iktar mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis, barra minn hekk, li l-motiv li għalih Eurallumina tikkontesta li l-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kien ġie fformulat għall-ewwel darba fir-replika u għaldaqstant jikkostitwixxi motiv ġdid, fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
39 |
Eurallumina titlob li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II tiġi miċħuda bħala infondata. Bil-kontra, hija ma tweġibx l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà indirizzata kontra motiv ġdid ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE. |
40 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà indirizzata kontra r-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II sa fejn huwa intiż sabiex jikseb iktar mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi rikors huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni sabiex ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Taljana, sal-31 ta’ Diċembru 2006 jew, tal-inqas, sal-31 ta’ Diċembru 2003, fuq l-motiv li dik l-għajnuna kienet legali. |
41 |
Madankollu, din it-talba hija intiża biss sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata u ta’ natura li tiġġustifika li jintlaqgħu l-motivi u lmenti invokati insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, li tintlaqa’ din it-talba stess. Għalhekk, l-imsemmija talba ma għandhiex portata awtonoma fil-konfront tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
42 |
Anki jekk, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, din it-talba tfittex li tilħaq għanijiet oħra minbarra s-sempliċi annullament tad-deċiżjoni kkontestata, bħalma huma l-għoti ta’ ordni jew l-adozzjoni ta’ parti operattiva li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tikkonstata l-eżistenza tal-għajnuna kontenzjuża jew milli tordna l-irkupru tagħha, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li l-Qorti Ġenerali ma għandiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dan. |
43 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew li tissostitwixxi lilha nnifisha magħhom (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 1995, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑74/92, Ġabra, EU:T:1995:10, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa hekk b’mod partikolari fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ legalità bbażat fuq l-Artikolu 230 KE, sa fejn l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE kien jipprovdi espressament li għandha tkun l-istituzzjoni li tkun ħarġet l-att annullat li tieħu l-miżuri involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, Ġabra, EU:C:1986:256, punt 23, u Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:1995:10, punt 75). |
44 |
Fir-rigward, imbagħad, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà intiża, fil-Kawża T‑62/06 RENV II, kontra motiv li bih Eurallumina tikkontesta li l-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, din hija infondata fil-fatt u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda, sa fejn ma jirriżultax mir-replika li Eurallumina qajmet tali motiv. |
45 |
Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà diretti, fil-Kawża T‑60/06 RENV II, kontra l-ilmenti bbażati, minn naħa, fuq ksur tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li tirrigwarda, l-ewwel nett, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, it-tieni nett, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda wara l-preżentata tar-rikors hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ dritt u ta’ fatt li qamu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jestendi motiv imsemmi preċedentement, b’mod espliċitu jew impliċitu, fir-rikors u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, Ġabra, EU:T:2008:440, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). Soluzzjoni analoga għandha tiġi adottata għal ilment ifformulat insostenn ta’ motiv. |
46 |
Sabiex ikun jista’ jitqies bħala estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment ifformulat preċedentement, argument ġdid għandu jippreżenta, flimkien mal-motivi jew l-ilmenti esposti inizjalment fir-rikors, rabta stretta biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala riżultanti mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi ħdan il-proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, Ġabra, EU:C:2013:770, punt 31). |
47 |
F’dan il-każ, kif tosserva korrettement il-Kummissjoni, l-ilmenti msemmija fil-punt 45 hawn fuq ma jidhrux fir-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II u jikkostitwixxu, għaldaqstant, ilmenti ġodda. |
48 |
Barra minn hekk, dawn l-ilmenti ġodda ma huma bbażati fuq ebda punt ta’ fatt jew ta’ dritt li tqajjem fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. |
49 |
Fl-aħħar nett, dawn l-ilmenti ġodda ma jikkostitwixxux l-estensjoni ta’ wieħed jew ieħor mill-motivi fformulati fir-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ dritt differenti. B’mod partikolari, huma ma jippreżentawx rabta stretta mal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni ta’ selettività msemmija fl-Artikolu 87(1) KE, jew mas-sitt motiv, ibbażat fuq l-argument legali li l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità jipprekludu li għajnuna mill-Istat tkun irkuprata meta hija kienet preċedentement awtorizzata mill-Kunsill fuq il-bażi tar-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni fiskali. |
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jissemmew fil-punti 45 sa 49 hawn fuq, għandhom jiġu milqugħa l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑60/06 RENV II u, għalhekk, li jiġu miċħuda, bħala inammissibbli, l-ilmenti bbażati, minn naħa, fuq ksur tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, it-tieni nett, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali riżultanti mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
Fuq il-mertu
51 |
Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, ir-Repubblika Taljana tqajjem sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u fuq motivazzjoni kontradittorja. It-tieni huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll tad-Deċiżjonijiet 93/697, 96/273, 97/425, 1999/255, 1999/880 u 2001/224 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill”). It-tielet huwa bbażat fuq ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwidi tal-Komunità dwar l-għajnuna tal-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2 p. 76, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-Komunità”). Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqrija flimkien mal-Anness II tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2001/224. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità. |
52 |
Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, Eurallumina tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ validità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-raba’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
53 |
Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-motiv li bih Eurallumina tikkontesta, essenzjalment, l-applikabbiltà għall-eżenzjoni kontenzjuża tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri t-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ validità u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali. |
54 |
Għandu, imbagħad, jiġi eżaminat il-motiv li bih ir-Repubblika Taljana topponi, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri l-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u ta’ motivazzjoni kontradittorja. |
55 |
Għandu mbagħad isir l-eżami tal-motivi li bihom ir-Repubblika Taljana tikkritika, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 88 KE, jiġifieri t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, u l-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2001/224, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II. |
56 |
Imbagħad, għandhom jiġu eżaminati l-motivi li bihom ir-Repubblika Taljana tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni għaliex iddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, l-għajnuna mogħtija, sal-31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża, jiġifieri t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunità, u r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-linji gwida, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II. |
57 |
Fl-aħħar nett, għandu jsir l-eżami tal-motivi li bihom ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, jiġifieri, minn naħa, is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, u, min-naħa l-oħra, l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u r-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ validità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II
58 |
Eurallumina ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali, lex specialis derogat legi generali kif ukoll ta’ preżunzjoni ta’ validità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata, billi qieset li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u li tista’ tiġi rkuprata, għall-perijodu bejn it‑3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003. Hija targumenta, essenzjalment, li l-prinċipji hawn fuq imsemmija jostakolaw l-applikazzjoni, għall-eżenzjoni kontenzjuża, tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. |
– Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ legalità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet
59 |
Eurallumina ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ preżunzjoni ta’ legalità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet, kif interpretati mill-ġurisprudenza, meta hija kklassifikat l-eżenzjoni kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat illegali, li tagħha hija setgħet tordna l-irkupru, għall-perijodu bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, Eurallumina tibbaża ruħha fuq l-eżami mill-ġdid indirett, bid-deċiżjoni kkontestata, tal-legalità tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, li ssostitwixxiet u ħassret id-Direttivi 92/81 u 92/82, u tad-Deċiżjoni 2001/224, madankollu preżunti legali, kif ukoll tal-miżuri tal-applikazzjoni tagħhom, meħuda mir-Repubblika Taljana. It-tieni nett, hija tinvoka l-preġudizzju mwettaq, bid-deċiżjoni kkontestata, għall-effettività tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96 u tad-Deċiżjoni 2001/224, għaliex ma ħallithomx ikollhom l-effett sħiħ tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2006. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ proposti adegwati tal-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, bl-għan li l-Kunsill jipproċedi għal eżami mill-ġdid antiċipat tal-awtorizzazzjoni ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Ir-raba’ nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ rikors għal annullament ippreżentat mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE, kontra d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill. Il-ħames nett, Eurallumina tibbaża ruħha fuq il-proposti ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li fihom il-Kummissjoni dejjem ipproponiet lill-Kunsill li jawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika jew tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża, l-aħħar darba sal-31 ta’ Diċembru 2002. Is-sitt nett, hija tinvoka l-impossibbiltà, għaliha, li tantiċipa bidla fl-attitudini tal-Kummissjoni fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u r-regolarità tal-eżenzjoni kontenzjuża. Is-seba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq l-aġir kontradittorju tal-Kummissjoni li, meta fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fit-30 ta’ Ottubru 2001 u ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, aġixxiet b’mod kuntrarju għall-kliem u għall-ispirtu tal-proposta tagħha ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2000, li bis-saħħa tagħha r-Repubblika Taljana kellha tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2002. It-tmien nett, hija tirreferi għall-kontenut tal-proposti ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li rawwam l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fir-regolarità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
60 |
Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat. |
61 |
Dan l-ilment iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tipproduċix effetti legali li jmorru kontra dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224 u bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, li kienu espressament jawtorizzaw lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u għalhekk jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra, EU:C:1994:247, punt 48; tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il‑Kummissjoni, C‑245/92 P, Ġabra, EU:C:1999:363, punt 93, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑475/01, Ġabra, EU:C:2004:585, punt 18). |
63 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-prevedibbiltà ta’ sitwazzjonijiet u ta’ relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Schulin, C‑305/00, Ġabra, EU:C:2003:218, punt 58, u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il‑Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra, EU:C:2005:548, punt 69). Għal dan l-għan, huwa essenzjali li l-istituzzjonijet josservaw l-intanġibbiltà tal-atti li huma jadottaw u li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali u materjali tal-individwi suġġetti għad-dritt, b’mod li huma ma jistgħux jemendaw dawn l-atti mingħajr ma josservaw regoli ta’ kompetenza u ta’ proċedura (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra, EU:T:1997:155, punt 113, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet jevitaw, bħala prinċipju, l-inkoerenzi li jistgħu jirriżultaw fl-implementazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u dan b’mod partikolari fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom l-istess mira, bħalma hija l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra, EU:C:1993:239, punti 41 u 42, u tal-31 ta’ Jannar 2001, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, T‑156/98, Ġabra, EU:T:2001:29, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dawn l-ilmenti huma direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812). |
65 |
Fil-fatt, fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet distinzjoni netta bejn il-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, minn naħa, u fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, min-naħa l-oħra. Hija ddikjarat, barra minn hekk, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad‑Direttiva 92/81 għandha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dawk tal-iskema stabbilita bl-Artikolu 88 KE. |
66 |
Fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza, hija kkonkludiet, għaldaqstant, li deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, jintroduċi eżenzjoni minn dazji tas-sisa ma setax ikollha l-effett li xxekkel lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-trattat KE u, konsegwentement, milli timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk din l-eżenzjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u sabiex jekk ikun il-każ, fi tmiem din il-proċedura, tieħu deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni alumina I. |
67 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-punt 50 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu jagħtu eżenzjonijiet totali mid-dazji tas-sisa billi jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ natura ġeografika u ratione temporis preċiżi u li dawn tal-aħħar kienu ġew strettament osservati mill-Istati Membri ma għandux effett fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni u għalhekk ma jistax iċċaħħad lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha. |
68 |
Fil-punt 51 tal-istess sentenza, hija nnotat li kien, barra minn hekk, fl-osservanza ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi li l-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet fis-seħħ matul il-perijodu li dwaru d-deċiżjoni kkontestata ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, kienet tipprovdi li dik id-deċiżjoni kienet bla ħsara għal eventwali proċeduri li setgħu jinbdew taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE u ma kinitx teħles lill-Istati Membri mill-“obbligu tagħhom li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi stabbilita” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
69 |
Fl-aħħar nett, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, mill-ġdid, indikat li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li din kienet qatt ma użat il-poteri li hija kienet tgawdi, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew l-Artikoli 230 KE u 241 KE, sabiex tikseb it-tħassir jew l-emenda ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma setax jostakola l-klassifikazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. |
70 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ rinviju, il-Qorti Ġenerali għandha tkun marbuta bil-punti ta’ dritt deċiżi bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl tal-punt 54 tal-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), għandu jiġi kkonstatat li l-motivi ċċitati fil-punti 65 sa 69 hawn fuq huma s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li bih il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq (EU:T:2012:134), u rrinvijat il-kawżi alumina I quddiem il-Qorti Ġenerali. |
71 |
Issa, jirriżulta minn dawn il-motivi li, bl-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex jiġi eżaminat jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u bit-teħid, wara dik il-proċedura, tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet qiegħda biss teżerċita l-kompetenzi fdati lilha bit-Trattat KE fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u li, meta għamlet hekk, hija ma ppreġudikatx il-kompetenzi fdati lill-Kunsill mit-Trattat KE fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa jew l-atti li l-Kunsill kien adotta fl-eżerċizzju ta’ dawk il-kompetenzi. |
72 |
Isegwi li, meta implementat il-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, sabiex teżamina jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u meta ħadet, wara dik il-proċedura, id-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni ma setgħetx tikser l-atti adottati mill-Kunsill u li, bħall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tagħha, jew l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224, kienu jawtorizzaw espressament lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-aħħar setgħu jipproduċu l-effetti tagħhom biss fil-kamp kopert mir-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa u ma kinux jippreġudikaw l-effetti ta’ eventwali deċiżjoni, bħalma hija d-deċiżjoni alumina I, li l-Kummissjoni setgħet tadotta fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. |
73 |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva u ma jistax jiddependi minn imġiba jew minn dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet, li l-fatt li l-Kummissjoni qieset, meta adottat id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa ma jwasslux għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni ma setax jipprekludi li l-imsemmija eżenzjonijiet ikunu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. |
74 |
Isegwi a fortiori mis-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, għall-għanijiet tal-klassifikazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala għajnuna mill-Istat, mill-evalwazzjonijiet tal-Kunsill, fid-deċiżjonijiet tiegħu fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, li jipprovdu li l-imsemmija eżenzjonijiet ma jwasslux għal distrosjoni tal-kompetizzjoni u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. |
75 |
Għaldaqstant Eurallumina ma għandhiex raġun issostni, f’dan il-każ, li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali li huma kuntrarji għal dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224 u bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96. |
76 |
Fir-rigward tal-argumenti legali, invokati insostenn ta’ dan l-ilment, ibbażati fuq l-aspettattivi leġittimi li Eurallumina seta’ jkollha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, dawn huma konnessi, fil-verità, mal-ewwel u r-raba’ motivi mqajma insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, sa fejn huma bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, u għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dawk il-motivi. |
77 |
Għalhekk, b’riżerva tal-eżami ta’ dawk l-argumenti, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ legalità u tal-effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet. |
– Fuq il-ksur tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali
78 |
B’dan l-ilment, Eurallumina ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju lex specialis derogat legi generali għaliex ma tatx preċedenza lill-Artikolu 93 KE u l-miżuri tal-applikazzjoni tiegħu, fosthom l-Artikolu 8(4) u (5) tad-Direttiva 92/81 u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, fuq l-Artikoli 87 KE u 88 KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, Eurallumina tibbaża ruħha fuq il-kliem tal-Artikolu 87 KE, li jipprovdi li huwa applikabbli “bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat [KE]”, b’tali mod li b’mod partikolari ma jistax jiġi applikat fil-preżenza ta’ miżuri speċifiċi ta’ armonizzazzjoni fiskali, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 93 KE. It-tieni nett, hija tirreferi għad-Direttiva 92/81 u għad-Direttiva 2003/96, ibbażati fuq l-Artikolu 93 KE, li jipprovdu qafas speċifiku li b’applikazzjoni tiegħu l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jaġixxu flimkien sabiex jawtorizzaw u jikkontrollaw id-derogi għall-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali. It-tielet nett, hija tinvoka l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill li jipproroga l-eżenzjoni kontenzjuża, li tistrieħ fuq l-evalwazzjoni li din kienet kompatibbli mat-Trattat KE, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tiegħu li jiggarantixxu kompetizzjoni lejali kif ukoll l-assenza ta’ distorsjoni fil-funzjonament tas-suq komuni. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li ma tawtorizzax lill-Kummissjoni li tneżża lil dik id-deċiżjoni mill-effetti tagħha u li ma tistax tipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jew tad-Direttiva 92/81. |
79 |
Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat. |
80 |
Dan l-ilment iqajjem għalhekk fuq il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni Eurallumina, l-Artikolu 93 KE u l-miżuri tal-applikazzjoni tiegħu, fosthom l-Artikolu 8(4) u (5) tad-Direttiva 92/81 u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, jistgħux jiġu kklassifikati bħala lex specialis fil-konfront tal-Artikoli 87 KE u 88 KE u jekk, għaldaqstant, jipprevalux fuq dawn tal-aħħar. |
81 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju lex specialis derogat legi generali, id-dispożizzjonijiet speċjali jipprevalu fuq ir-regoli ġenerali fis-sitwazzjonijiet li huma speċifikament intiżi biex jirregolaw (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank, C‑280/13, Ġabra, EU:C:2014:279, punt 44, u tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, Ġabra, EU:T:2014:926, punt 198 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dan l-ilment huma direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812). |
83 |
Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt 65 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, fil-punti 45 sa 48 tal-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), distinzjoni netta bejn il-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-drittijiet tas-sisa, minn naħa, u fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 għandha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dawk tal-iskema stabbilita bl-Artikolu 88 KE. |
84 |
Isegwi li r-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali, b’mod partikolari l-Artikolu 93 KE u l-miżuri tal-applikazzjoni tiegħu, u r-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, inkluż l-Artikoli 87 KE u 88 KE, huma żewġ korpi ta’ regoli awtonomi u li dawk tal-ewwel ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala lex specialis fil-konfront tat-tieni. |
85 |
Għalhekk, għandu jiġi miċħud dan l-ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, bħala infondat. |
86 |
B’riżerva tal-punti 76 u 77 hawn fuq, it-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II huwa għalhekk miċħud kompletament. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u ta’ motivazzjoni kontradittorja, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II
87 |
Ir-Repubblika Taljana targumenta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE għall-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għaliex ikkonstatat, b’mod żbaljat, li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet selettiva. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tibbaża ruħha fuq il-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995, minn fejn jirriżulta li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tibbenefika, b’mod ġenerali, kull operatur ekonomiku li jutilizza ż-żjut minerali bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina, irrispettivament mill-post tal-konsum tiegħu. Min-naħa l-oħra, hija tallega li, għalkemm, fl-Italja, l-impjant f’Sardegna ta’ Eurallumina biss ibbenefika mill-eżenzjoni kontenzjuża, din iċ-ċirkustanza tippreżenta natura purament fattwali u marbuta mal-ispeċifiċità tal-produzzjoni tal-alumina. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-selettività tal-eżenzjoni kontenzjuża hija mmotivata b’mod kontradittorju. |
88 |
Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
89 |
Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ selettività msemmija fl-Artikolu 87(1) KE, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati u din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Minħabba dan il-fatt, ir-rikors għandu jispjega l-kontenut tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li sempliċi evokazzjoni astratta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Nynäs Petroleum u Nynas Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑347/06, Ġabra, EU:T:2012:480, punt 107). Soluzzjoni simili tapplika għal ilment invokat insostenn ta’ motiv. |
90 |
F’dan il-każ, kif issostni korrettement il-Kummissjoni, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ selettività msemmija fl-Artikolu 87(1) KE, huwa nieqes minn kull sustanza. Fil-fatt, fir-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, l-argumenti żviluppati mir-Repubblika Taljana insostenn tal-ewwel motiv jirrigwardaw unikament il-kwistjoni dwar jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisritx il-kundizzjoni ta’ selettività msemmija fl-Artikolu 87(1) KE. Min-naħa l-oħra, imkien ma tispjega għaliex il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata dwar din il-kundizzjoni huma kontradittorji. |
91 |
Għalhekk, fir-rigward ta’ dan l-ilment, ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni stabbiliti bl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991. Għaldaqstant, dan l‑argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
92 |
F’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kundizzjoni ta’ selettività msemmi fl-Artikolu 87(1) KE, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika Taljana fis-sens li jirriżulta mill-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995 li l-eżenzjoni kontenzjuża tibbenefika, b’mod ġenerali, lil kull operatur ekonomiku li juża ż-żjut minerali bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina, irrispettivament mill-post tal-konsum tiegħu. Dan iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball, fid-deċiżjoni kkontestata, meta evalwat il-kundizzjoni ta’ selettività fil-konfront tal-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa, kif awtorizzata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, u mhux fil-konfront tal-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa, kif previst fil-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995. |
93 |
In-natura selettiva tal-eżenzjoni kontenzjuża, fuq il-livell reġjonali, tirriżulta mill-fatt li hija applikabbli biss f’Sardegna. Issa, kif tinnota korrettement ir-Repubblika Taljana u kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, fil-premessi 17 u 63 tad-deċiżjoni alumina I, u l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 50 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), huma d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, li ffissaw kundizzjonijiet ta’ natura ġeografika preċiżi u akkordaw lill-eżenzjoni kontenzjuża natura selettiva fuq il-livell reġjonali, għaliex awtorizzaw lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika jew tkompli tapplika dik l-eżenzjoni f’Sardegna biss. |
94 |
Jibqa’ l-fatt li l-miżura rilevanti għall-finijiet tal-eżami fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat hija, f’dan il-każ, l-eżenzjoni kontenzjuża, kif awtorizzata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 peress li r-Repubblika Taljana applikat l-eżenzjoni prevista fil-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995 filwaqt li osservat il-kundizzjonijiet ta’ natura ġeografika u ratione temporis preċiżi li għalihom il-Kunsill kien issuġġetta l-awtorizzazzjoni tiegħu. |
95 |
Għalhekk kienet korretta, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni meta evalwat il-kundizzjoni ta’ selettività fil-konfront tal-eżenzjoni kontenzjuża, kif effettivament applikata mir-Repubblika Taljana. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud, bħala infondat, dan l-argument tar-Repubblika Taljana, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ selettività fil-konfront tal-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa, kif previst fil-punt 14 tat-tabella A annessa mad-Digriet Leġiżlattiv tal-1995. |
96 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika Taljana bbażat, essenzjalment, fuq żball li wettqet il-Kummissjoni, fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, meta kkonstatat li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu selettivi sa fejn hija “[kienet] tapplika biss għal ċerti kumpanniji produtturi tal-alumina”, jew, “fil-prattika, kull Stat Membru [kellu] biss produttur wieħed tal-alumina li kien jibbenefika mill-eżenzjoni” u fejn kienu jirrigwardaw lil “Eurallumina f’Sardegna”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] minkejja li l-fatt li l-impjant f’Sardegna biss ta’ Eurallumina kien jibbenefika mill-eżenzjoni kontenzjuża kienet ċirkustanza purament fattwali u marbuta mal-ispeċifiċità tal-produzzjoni tal-alumina fl-Italja. |
97 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jipprekludi l-għajnuna mill-Istat li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra, EU:C:2005:768, punt 94). |
98 |
F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 87(1) KE jirrikjedi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, Ġabra, EU:C:2011:732, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
99 |
Id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, għaliex l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali”. Ir-rata ta’ tassazzjoni normali hija r-rata tat-taxxa fis-seħħ fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra, EU:C:2006:511, punt 56). |
100 |
F’dan il-każ, il-premessi 63 u 64 tad-deċiżjoni alumina I huma fformulati kif ġej:
|
101 |
Kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Taljana, jirriżulta mill-premessi 63 u 64 tad-deċiżjoni alumina I li, fiha, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, fl-analiżi tagħha tas-selettività tal-eżenzjoni kontenzjuża, fuq il-fatt li dik l-eżenzjoni kienet fil-prattika tibbenefika produttur wieħed biss tal-alumina stabbilit f’Sardegna, jiġifieri Eurallumina, imma fuq iċ-ċirkustanza doppja li, fil-qafas ta’ referenza korrispondenti għall-iskema fiskali Taljana, l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tidher bħala miżura selettiva fuq il-livell reġjonali, sa fejn hija kienet tiffavorixxi lil kull produttur tal-alumina stabbilit f’Sardegna meta mqabbel mal-investituri potenzjali li jixtiequ jagħmlu investimenti fil-produzzjoni tal-alumina fir-reġjuni l-oħra Taljani, u selettiva fuq il-livell materjali, għaliex tiffavorixxi lill-kumpanniji produtturi tal-alumina u l-produzzjoni tal-alumina meta mqabbla mal-kumpanniji li jipproduċu oġġetti jew servizzi oħra u produzzjonijiet oħra. |
102 |
Isegwi li dan l-argument tar-Repubblika Taljana, li jistrieħ fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni alumina I, huwa mankanti fil-fatt u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud. |
103 |
Għalhekk l-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II
104 |
Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1(b)(ii) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, meta kkonstatat, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna kontenzjuża kienet tikkostitwixxix għajnuna ġdida, li kienet saret illegali, fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li ma kinitx ġiet innotifikata lilha qabel l-implimentazzjoni tagħha. Hija tal-fehma li l-għajnuna kontenzjuża kien messha tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana tistrieħ fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-iktar reċenti d-Deċiżjoni 2001/224, li kienu jawtorizzawha tapplika jew tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża. It-tieni nett, hija tinvoka n-natura ta’ lex specialis li jikkostitwixxi l-Artikolu 93 KE, li huwa l-bażi tal-kompetenza tal-Kunsill fil-qasam ta’ armonizzazzjoni fiskali u jifforma l-bażi legali tad-Direttiva 92/81 u tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, fil-konfront tal-lex generalis li jikkostitwixxu l-Artikoli 87 KE u 88 KE, li huma l-bażi tal-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. It-tielet nett, hija tirreferi għall-obbligu impost fuq il-Kunsill, taħt l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, li jivverifika li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet iġġustifikata minn raġunijiet ta’ politika speċifiċi, li hija ma twassalx għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni u li hija ma tfixkilx il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. |
105 |
Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
106 |
Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball, fid-deċiżjoni kkontestata, meta evalwat il-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-għajnuna ġdida, meta dan kien każ ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex kienet ġiet awtorizzata bid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, l-aħħar darba permezz tad-Deċiżjoni 2001/224. |
107 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, “għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”. |
108 |
It-Trattat KE jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 88(3) KE, tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 88(1) KE, tiġi regolarment implementata sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha (ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, Ġabra, EU:T:2011:117, punt 187 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant l-għajnuna eżistenti tista’ tkun biss is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li tipproduċi l-effetti tagħha għall-futur (ara s-sentenza Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:117, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
109 |
F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dan il-motiv ġew direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812). |
110 |
Fil-fatt, fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, jintroduċi eżenzjoni minn dazji tas-sisa ma setax ikollha l-effett li xxekkel lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-trattat u, konsegwentement, milli timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk din l-eżenzjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u sabiex jekk ikun il-każ, fi tmiem din il-proċedura, tieħu deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 47 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet preċedentement ikkonstatat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 kellha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti mill-iskema stabbilita bl-Artikolu 88 KE sabiex tirregola l-għajnuna mill-Istat ġdida u eżistenti. Jirriżulta minn dawn il-motivi li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, ma setgħu bl-ebda mod jiġu analizzati bħala deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999. |
111 |
Isegwi li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 ma jippermettux, f’dan il-każ, li l-eżenzjoni kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999. |
112 |
It-tieni motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II għandu , għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien ml-Anness II tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2001/224, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II
113 |
Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tagħha, kif ukoll l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienu espressament jawtorizzawha tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/96, fl-1 ta’ Jannar 2004, kien ġab fit-tmiem l-obbligu tagħha li tinnotifika l-għajnuna kontenzjuża lill-Kummissjoni u din tal-aħħar ma kellha l-ebda kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. |
114 |
Il-Kummissjoni titlob li l-ħames motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
115 |
F’dan il-każ, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni, l-argumenti li jsostnu dan il-motiv huma direttament miċħuda bis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812). |
116 |
Fil-fatt, jirriżulta mill-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), iċċitati fil-punti 65 sa 69 hawn fuq li, meta fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk l-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u meta, fi tmiem dik il-proċedura, ħadet id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet biss eżerċitat il-kompetenzi tagħha mogħtija lilha bit-Trattat KE fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u li, billi għamlet hekk, hija ma setgħetx tippreġudika l-kompetenzi mogħtija lill-Kunsill b’dak it-trattat fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa jew lill-atti li l-Kunsill kien adotta fl-eżerċizzju ta’ dawk il-kompetenzi. |
117 |
Isegwi li, bil-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u meta, fi tmiem dik il-proċedura, ħadet id-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni ma kisritx l-atti adottati mill-Kunsill li, bħall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II, jew l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224, kienu jawtorizzaw espressament lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Fil-fatt, dawn l-awtorizzazzjonijiet setgħu jipproduċu l-effetti tagħhom biss fil-kamp kopert bir-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa u ma kinux jippreġudikaw l-effetti ta’ eventwali deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet tadotta fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. |
118 |
Għalhekk, ir-Repubblika Taljana ma għandhiex raġun issostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tiegħu, u l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224. |
119 |
Għaldaqstant għandu jiġi miċħud, bħala infondat, il-ħames motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunità, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II
120 |
Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra, essenzjalment, li, fid-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kisret ir-regoli dwar l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunità, għaliex irrifjutat li tikkonstata li l-għajnuna kontenzjuża kienet strettament marbuta mat-twettiq, minn Eurallumina, ta’ għanijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana tibbaża ruħha fuq l-effett qawwi fuq l-ambjent tal-attività ta’ produzzjoni tal-alumina, marbut mal-ħtieġa li jiġi eliminat, bis-sigurtà kollha, l-iskart li jirriżulta miċ-ċiklu industrijali, li jispjega l-fatt li t-territorju li fuqu kienet ibbażata Eurallumina kien ġie ddikjarat żona ta’ riskju ta’ kriżi ambjentali bid-deċiżjoni tal-Kabinett tal-Ministri Taljan tat-30 ta’ Novembru 1990. It-tieni nett, hija tinvoka l-obbigi ambjentali, li kellhom jitwettqu bi spejjeż tagħha stess, assunti minn Eurallumina, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ pjan ta’ eliminazzjoni ta’ tniġġis u ta’ rijabilitazzjoni tal-ambjent, approvat b’digriet tal-President tal-Kabinett tal-Ministri Taljan tat-23 ta’ April 1993, u b’mod partikolari l-programm ta’ rijabilitazzjoni ordnat mill-Ministru għall-Ambjent Taljan fil-15 ta’ Ġunju 1995 u l-kuntratt ta’ programm konkluż mal-awtoritajiet Taljani fit-12 ta’ April 1999. It-tielet nett, hija tibbaża ruħha fuq l-obbligu li jitnaqqas il-livell ta’ emissjoni ta’ ossidju tas-sulfat u tat-trab, impost mill-Ministeru għall-Ambjent Taljan fuq Eurallumina, b’digriet fl-1998. Ir-raba’ nett, hija tirreferi għall-obbligu assunt minn Eurallumina, bi ftehim, tas-27 ta’ April 1999, iffirmat mar-reġjun ta’ Sardegna, li twettaq stallazzjoni speċjali ta’ eliminazzjoni tas-sulfat mid-duħħan li ġej mill-fran ta’ kalċinazzjoni u l-bojlers tagħha u, f’dan il-kuntest, hija tirreferi għat-twettiq minn Eurallumina ta’ investimenti importanti fl-impjant tagħha f’Sardenga, li baqgħu sejrin sal-2005 u li wara li tlestew hija akkwistat iċ-ċertifikazzjoni ISO 14001. Il-ħames nett, hija tistrieħ fuq l-ittra tas-6 ta’ Frar 2002, li hija bagħtet lill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tinformaha bl-ispejjeż prinċipali imposti fuq Eurallumina bil-leġiżlazzjoni fiskali u ambjentali Taljana u l-obbligi ekoloġiċi assunti minn din tal-aħħar. |
121 |
Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli jew, f’kull każ, infondat u, għall-kumplament, infondat. |
122 |
Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni wettqitx żball meta rrifjutat li tikkonstata li l-għajnuna kontenzjuża kienet mogħtija bħala korrispettiv għat-twettiq minn Eurallumina ta’ għanijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u li, sa hawnhekk, kienet kompatibbli mas-suq komuni, fid-dawl tal-punti 47 sa 52 tal-Linji gwida tal-Komunità. |
123 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunità, ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fit-3 ta’ Frar 2001, jipprovdi b’mod partikolari kif ġej: “[…] F’każ ta’ għajnuna mhix innotifikata, il-Kummissjoni tadotta:
[…]” |
124 |
Barra minn hekk, il-punti 47 sa 51 tal-Linji gwida tal-Komunità huma fformultati kif ġej:
[…]
|
125 |
Fil-premessi 71 u 73 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni indikat li “[l]-għajnuna mogħtija wara t-3 ta’ Frar 2001 [kellha tiġi evalwata fid-dawl tar-Linji gwida tal-Komunità […] skont l-inċiż [(a) tat-tieni paragrafu] tal-[punt] 82, ta’ dawn il-linji gwida” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, iktar preċiżament, fid-dawl tal-punti 47 sa 52 tagħhom, li jipprovdu r-regoli applikabbli għall-għajnuna għall-funzjonament kollha fil-forma ta’ tnaqqis jew ta’ eżenzjonijiet tat-taxxi. |
126 |
Fil-premessi 73 sa 76 tal-istess deċiżjoni, hija kienet, barra minn hekk, innotat kif ġej:
|
127 |
Preliminarjament, għandu jiġi jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida li hija tadotta, sa fejn dawn ma jmorrux lil hinn mir-regoli tat-Trattat KE (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, C‑464/09 P, Ġabra, EU:C:2010:733, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
128 |
F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax il-premessa 67 tad-deċiżjoni alumina I minn fejn jirriżulta li l-għajnuna kontenzjuża qatt ma kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Sa fejn dik l-għajnuna kienet ġiet mogħtija wara t-3 ta’ Frar 2001, il-Linji gwida tal-Komunità kienu għalhekk applikabbli għaliha, skont il-punt 82 tagħhom (ara l-punt 123 hawn fuq). |
129 |
Sabiex tistabbilixxili li l-għajnuna kontenzjuża hija kompatibbli mas-suq komuni fid-dawl tal-Linji gwida tal-Komunità, ir-Repubblika Taljana pproduċiet, annessa mar-rikors, serje sħiħa ta’ atti u ta’ ftehimiet minn fejn jirriżulta li Eurallumina kienet obbligata tilħaq għanijiet numerużi fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent jew kienet volontarjament obbligat ruħha li tilħaq dawn l-għanijiet matul il-perijodu li fih l-għajnuna kontenzjuża kienet ġiet mogħtija. |
130 |
Il-Kummissjoni tqis madankollu li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, għaliex ir-Repubblika Taljana naqset milli tipproduċi dawn l-atti u dawn il-ftehimiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
131 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, sa fejn ir-Repubblika Taljana kienet qed tirreferi, insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, għal informazzjoni li ma kinitx disponibbli għaliha dakinhar tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jew ma kinux inġabu għall-konoxxenza tal-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, din l-informazzjoni ma tistax tittieħed inkonsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ dik id-deċiżjoni. |
132 |
Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkonċernat għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fiha kien ġie adottat dak l-att (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra, EU:T:2004:4, punt 50). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha meta hija addottat id-deċiżjoni (ara s-sentenza Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2004:4, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, Stat Membru ma jistax jinvoka punti ta’ fatt li ma kinux tressqu matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 88 KE (ara s-sentenza Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2004:4, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
133 |
F’dan il-każ, jirriżulta mill-fajl li, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub permezz tal-ittra tat-6 ta’ Frar 2002, waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Repubblika Taljana kienet argumentat, b’mod ġenerali, li l-għajnuna kontenzjuża kienet parzjalment tikkumpensa l-ispejjeż operazzjonali imposti fuq Eurallumina bil-leġiżlazzjoni fiskali u ambjentali Taljana. Iktar speċifikament, hija indikat li parti mill-għajnuna kontenzjuża kienet maħsuba sabiex tikkumpensa l-ispejjeż żejda marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u li, għaldaqstant, hija kienet tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida tal-Komunità. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana spjegat li, wara l-1974, l-awtoritajiet reġjonali kienu pprojbixxew r-rimi tal-fdalijiet fil-Mediterran, prattika li kienet għadha tiġi awtorizzata fi Franza u fil-Greċja. Dik il-projbizzjoni kienet wasslet għal spejjeż ogħla għal Eurallumina, jiġifieri Liri Taljani (ITL) 6 biljuni (EUR 3 miljuni). Fid-dawl tal-limiti stretti ta’ emissjonijiet [25 % inqas mil-limitu nazzjonali ta’ ossidu tas-sulfat (SOx)], il-kumpannija kellha tinvesti f’teknoloġija ġdida ta’ eliminazzjoni tas-sulfat fl-ammont ta’ ITL 44 biljun (EUR 22 miljun), li wassal għal spejjeż supplimentari ta’ ITL 6 biljuni (EUR 3 miljuni) fis-sena, inkluż l-amortizzazzjoni. Minkejja dawn l-investimenti, il-kumpannija xorta kienet obbligata tħallas ITL 1.1 biljun (EUR 0.55 miljun) fis-sena fuq l-emissjonijiet. |
134 |
Fil-premessa 56 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet ħadet nota tal-informazzjoni hekk innotifikata mir-Repubblika Taljana, imma qieset, fil-premessa 75 ta’ dak l-istess deċiżjoni, li din ma kinitx tippermettilha tikkunsidra li, matul il-perijodu kopert bid-deċiżjoni kkontestata, l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet konkluża bħala korrispettiv għall-ftehimiet iffirmati bejn l-awtoritajiet Taljani u Eurallumina li bihom din tal-aħħar kienet intrabtet li tilħaq għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent jew obbligazzjonijiet ekwivalenti riżultanti, għal Eurallumina, mil-leġiżlazzjoni Taljana. Barra minn hekk, il-Kummissjoni argumentat li ma kienet ingħatat l-ebda prova li l-investimenti ekoloġiċi mwettqa minn Eurallumina kienu jmorru lil hinn minn dak li kien neċessarju għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni Taljana jew minn dak li kien fattibbli u ekonomiku fuq il-livell kummerċjali. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-punt 51.1(a) tal-Linji gwida tal-Komunità ma kinux sodisfatti f’dan il-każ. |
135 |
Fir-rigward tad-dokumenti prodotti mir-Repubblika Taljana annessi mar-rikors, ma jirriżultax mill-fajl li dawn kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma tallegax fl-atti bil-miktub tagħha, b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, li din il-komunikazzjoni kienet twettqet. Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat, b’risposta għal domanda orali tal-Qorti Ġenerali, li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux ġew prodotti waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-dokumenti prodotti bħala annessi mar-rikors ma kinux ġew prodotti preċedentement. Għaldaqstant, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132 hawn fuq li l-informazzjoni kontenuta f’dawn id-dokumenti ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief sa fejn dawn jirripproduċu informazzjoni li kienet diġà ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod partikolari permezz tal-ittra msemmija fuq tas-6 ta’ Frar 2002. |
136 |
Fir-rigward tal-unika informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tas-6 ta’ Frar 2002, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat korrettament li din ma kinitx tippermettilha tikkonkludi li l-benefiċċju tal-eżenzjoni kontenzjuża kien ġie suġġett għall-osservanza minn Eurallumina ta’ obbligi sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, din l-informazzjoni ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ġiet imfassla bħala l-korrispettiv ta’ obbligi assunti minn din tal-aħħar sabiex tilħaq għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent li jmorru lil hinn minn dawk riżultanti mil-leġiżlazzjoni fiskali jew ambjentali Taljana, b’mod partikolari mir-regoli nazzjonali li kienu jimponu limitu ta’ emissjonijiet għall-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-kwalità tal-arja jew il-ħlas ta’ taxxi fuq l-emissjonijiet, jew tal-iffirmar ta’ ftehimiet volontarji li għandhom l-istess portata, fis-sens tal-punt 51.1(a) tal-Linji gwida tal-Komunità. Barra minn hekk, fl-ittra tas-6 ta’ Frar 2002, ir-Repubblika Taljana kienet irrikonoxxiet li “[l-]għajnuna mogħtija lil Eurallumina, iddefinita bħala għajnuna għall-funzjonament mill-Kummissjoni […], [kienet] tikkumpensa parzjalment l-ispejjeż operazzjonali tal-impriża imposti mil-leġiżlazzjoni fiskali u ambjentali Taljana”. Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 45 tad-deċiżjoni alumina I li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, Eurallumina stess kienet indikat li l-“investimenti l-kbar” imwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna kien sar “sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli l-iktar restrittivi u b’mod partikolari tar-regoli ekoloġiċi reġjonali”. F’kull każ, l-unika informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tas-6 ta’ Frar 2002 ma kinitx tippermettilha tivverika, kif issostni r-Repubblika Taljana fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet effettivament prevista, fil-kuntratti jew ftehimiet iffirmati mal-awtoritajiet Taljani, bħala korrispettiv għal investimenti mwettqa minn Eurallumina sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha li tilħaq għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent li jmorru lil hin minn dawk diġà riżultanti mil-leġiżlazzjoni li kienet applikabbli għaliha. |
137 |
Anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti u l-ftehimiet prodotti mir-Repubblika Taljana annessi mar-rikors, dawn ma jippermettux, f’dan il-każ, li jiġi kkonstatat li Eurallumina kienet obbligat ruħha, bħala korrispettiv għall-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża, li tilħaq għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent li jmorru lil hinn minn dawk diġà riżultanti mil-leġiżlazzjoni Taljana jew li tikkonkludi ftehimiet volontarji li jkollhom l-istess portata. Ċertament jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 3 tal-kuntratt ta’ programm iffirmat fit-12 ta’ April 1999 bejn l-awtoritajiet Taljani u Eurallumina kif ukoll mill-Artikoli 2 sa 4 tal-ftehim tas-27 ta’ April 1999 iffirmat bejn ir-reġjun ta’ Sardegna u Eurallumina li Eurallumina kienet intrabet li twettaq ċerti investimenti maħsuba sabiex jilħqu għanijiet ekoloġiċi fil-kuntest ta’ pjan għar-rijabilitazzjoni ambjentali tal-impjant tagħha ta’ Portoscuso (Sardegna). Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, dawn l-investimenti maħsuba sabiex jilħqu għanijiet ekoloġiċi ma kellhomx jitwettqu għas-spejjez ta’ Eurallumina biss, għaliex kien previst espressament, fl-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ programm tat-12 ta’ April 1999 kif ukoll fl-Artikoli 4 sa 6 tal-ftehim tas-27 ta’ April 1999 li, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-obbligi ta’ Eurallumina, ir-reġjun ta’ Sardegna kien intrabat li jikkontribwixxi finanzjarjament għat-twettiq tal-pjan għar-rijabilitazzjoni ambjentali tal-impjant ta’ Portoscuso fi kwota massima ta’ 30 % mill-ispejjeż rikonoxxuti bħala eliġibbli u, f’kull każ, f’ammont massimu ta’ ITL 17.5 biljun. Bil-kuntrarju, ma jirriżultax minn dawn il-ftehimiet li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet ukoll konkluża bħala kontribuzzjoni finanzjarja għall-investimenti ta’ natura ambjentali mwettqa minn Eurallumina. Mill-kumplament, id-dokumenti prodotti mir-Repubblika Taljana annessi mar-rikors ma jurux l-ispejjeż operazzjonali imposti fuq Eurallumina mil-leġiżlazzjoni fiskali u ambjentali Taljana, bħal dawk li jikkorrispondu għal-limitu tal-emissjonijiet bl-għan li jiġu osservati r-regoli fil-qasam ta’ kwalità tal-arja jew għall-ħlas stess tat-taxxa fuq l-emissjonijiet. |
138 |
Għalhekk, il-Kummissjoni kienet korretta li tikkonkludi fil-premessa 75 tad-deċiżjoni alumina I, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-punt 51.1(a) tal-Linji gwida tal-Komunità ma kinux issodisfatti f’dan il-każ. |
139 |
Għalhekk it-tielet motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-linji gwida, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II
140 |
Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(3) KE u l-linji gwida fil-premessi 78 sa 80 tad-deċiżjoni alumina I, għaliex hija stmat li l-għajnuna kontenzjuża ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għar-raġuni li hija kienet iffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku ta’ Sardegna. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq it-tardività ekonomika ta’ Sardegna, li hija waħda mir-reġjuni żvantaġġjati li jaqgħu taħt l-għan nru 1 tal-fondi strutturali, li huwa l-aħħar fost ir-reġjuni Taljani għar-rikkezza u d-dħul individwali u li huwa wkoll taħt il-medja nazzjonali f’dak li jikkonċerna l-perċentwali tal-persuni impjegati u ta’ impriżi industrijali meta mqabbla mal-popolazzjoni residenti. It-tieni nett, hija tirreferi għat-tardività ekonomika tat-territorju ta’ Sulcis-Iglesiente li fuqu huwa mibni l-impjant ta’ Eurallumina f’Sardegna, li għandu rata ta’ qgħad ta’ madwar 21 % tal-popolazzjoni u ta’ madwar 50 % taż-żgħażagħ. It-tielet nett, hija tirreferi għall-garanzija ta’ madwar 1800 impjieg mogħtija minn Eurallumina, direttament fl-impjant tagħha f’Sardegna u indirettament fl-impjanti f’Sardegna ta’ Alcoa Italia SpA, li tagħha hija l-uniku fornitur tal-alumina. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq d-dokumentazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħajja żvantaġġjati f’Sardegna, kemm mill-perspettiva tad-densità tal-popolazzjoni kif ukoll minn dak tal-livell tal-ħajja u tar-rata tal-qgħad importanti. Il-ħames nett, hija tinvoka l-premessa 79 tad-deċiżjoni alumina I, li fiha l-Kummissjoni tammetti li Sardegna tista’ tibbenefika mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE. Is-sitt nett, hija tibbaża ruħha fuq l-applikabbiltà f’dan il-każ tal-punt 4.15 tal-linji gwida, li jipprovdi li għajnuna reġjonali għall-funzjonament tista’ tingħata lir-reġjuni li jibbenefikaw mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE. Is-seba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-punt 4.17 tal-linji gwida, li jipprovdi li l-għajnuna għall-funzjonament għandha tkun limitata ratione temporis u mnaqqsa progressivament, peress li Sardegna huwa reġjun b’densità żgħira ta’ popolazzjoni li tibbenefika mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE. |
141 |
Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
142 |
Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni wettqitx żball billi qieset li l-għajnuna kontenzjuża ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komun, fis-sens tal-Artikolu 87(3)(a) KE u tal-punti 4.11 sa 4.17 tal-linji gwida, għaliex hija kienet tiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku ta’ Sardegna. |
143 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 87(3)(a) KE tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg. Skont il-ġurisprudenza, l-użu tal-frażi “anormali” u “serju” fid-deroga kontenuta fl-Artikolu 87(3)(a) KE juri li dan jikkonċerna biss ir-reġjuni fejn is-sitwazzjoni ekonomika hija estremament sfavorevoli meta mqabbla mal-Komunità kollha (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, Ġabra, EU:C:1987:437, punt 19). |
144 |
Il-linji gwida jispjegaw il-kriterji segwiti mill-Kummissjoni sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali mas-suq komun, b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikolu 87(3)(a) KE. |
145 |
Il-punti tal-linji gwida fir-rigward tal-għajnuna reġjonali kollha li tikkorrispondi għal “għajnuna għall-operat [funzjonament]” huma fformulati kif ġej:
|
146 |
Fil-premessi 78 sa 81 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà mas-suq komun tal-għajnuna ġdida fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(a) KE u tal-linji gwida. Il-premessi 78 sa 80 tad-deċiżjoni alumina I huma fformulati kif ġej:
|
147 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm il-linji gwida, bħala miżuri ta’ natura interna adottati mill-amministrazzjonoi, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regoli tad-dritt, madankollu huma jipprovdu regola ta’ kondotta indikattiva għall-prattika li din tal-aħħar ma tistax tittraskura, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li għandhom ikunu kompatibbli mal-prinċipju tat-trattament ugwali (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, EU:C:2011:372, punt 120). Dawn ir-regoli jistgħu jipproduċu, taħt ċerti kundizzjonijiet u fid-dawl tal-kontenut tagħhom, effetti legali (sentenza Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2011:372, punt 120). |
148 |
Fir-rigward tal-applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni alumina I, tal-punt 4.15 tal-linji gwida, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-għajnuna reġjonali għall-funzjonament hija, fil-prinċipju, ipprojbita u tista’, eċċezzjonalment, tingħata fir-reġjuni li jibbenefikaw mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE biss bil-kundizzjoni li hija tkun iġġustifikata fid-dawl tal-kontribut tagħha għall-iżvilupp reġjonali u tan-natura tagħha u sakemm il-livell tagħha jkun proporzjonali għall-iżvantaġġi li hija intiża li ttaffi, u għandu jkun l-Istat Membru kkonċernat li juri dan. |
149 |
Din id-dispożizzjoni timponi b’mod partikolari li l-Istat Membru juri li l-għajnuna għall-funzjonament hija intiża sabiex ittaffi żvantaġġ reġjonali partikolari li għandu jiffaċċja l-benefiċjarju tagħha u li l-livell ta’ dik l-għajnuna huwa proporzjonali għal dak li huwa neċessarju sabiex itaffi dak l-iżvantaġġ. |
150 |
Issa, l-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika Taljana, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma kintix suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li l-għajnuna kontenzjuża kienet intiża sabiex ittaffi żvantaġġ reġjonali partikolari, li minnu kienet affettwata Eurallumina, u li l-livell ta’ dik l-għajnuna kien proporzjonali għal dak l-iżvantaġġ. |
151 |
Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-2 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni nnotat li l-awtoritajiet Taljani kienu b’mod partikolari “enfasizzaw il-fatt li Sardegna kienet reġjun żvantaġġjat ħafna, li ma kellhiex aċċess għall-gass naturali u li l-konsegwenzi f’termini ta’ impjiegi ta’ eventwali waqfien tal-produzzjoni tal-alumina kienu ser ikunu gravi għar-reġjun” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
152 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomiku prevalenti f’reġjun tkun suffiċjentement sfavorevoli sabiex huwa jkun eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 87(3)(a) KE ma jimplikax li kull proġett ta’ għajnuna li jista’ jitwettaq f’dak ir-reġjun għandu jkun neċessarjament ikkunsidrat bħala neċessarju għall-iżvilupp tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, Ġabra, EU:C:2013:387, punt 112). Għalhekk, is-sempliċi invokazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli f’Sardegna, b’mod partikolari f’termini ta’ qgħad, ma kinitx suffiċjenti, f’dan il-każ. |
153 |
F’dan il-kuntest, l-uniku element li jista’ effettivament jikkostitwixxi żvantaġġ reġjonali partikolari huwa n-nuqqas ta’ aċċess għall-gass naturali f’Sardegna invokat mir-Repubblika Taljana. Issa, kif tinnota korrettement il-Kummissjoni fil‑premessa 80 tad-deċiżjoni alumina I, ir-Repubblika Taljana la kkwantifikat u lanqas ippruvat tkejjel l-importanza ta’ dan l-iżvantaġġ għal Eurallumina fl-impjant tagħha f’Sardegna. Hija tinnota, barra minn hekk, korrettement, f’din l-istess premessa, li, f’kull każ, ir-Repubblika Taljana la kkwantifikat u lanqas biss ippruvat tkejjel l-importanza ta’ dan l-iżvantaġġ sabiex turi li l-għajnuna kontenzjuża kienet proporzjonali għalih. |
154 |
Jirriżulta, barra minn hekk, mill-ittra tas-6 ta’ Frar 2002 li, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Repubblika Taljana kienet argumentat mill-ġdid kif ġej: “Ma jridx jintesa li l-impriża kkonċernat hija stabbilita f’reġjun li huwa fost dawk li jistgħu jidħlu fid-derogi msemmija fl-Artikolu 87(3) [KE] sa fejn huwa karatterizzat b’rata għolja ta’ qgħad. Ir-Repubblika Taljana kienet iddeċidiet f’dak iż-żmien li tiffavorixxi l-ħolqien u l-iżvilupp tiegħu preċiżament sabiex tiffavorixxi l-possibbiltajiet ta’ impjiegi alternattivi minflok dawk li ma kinux għadhom jiġu offruti mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni mill-minjieri. Minn din il-perspettiva, Eurallumina tirrapreżenta possibbiltà importanti u li diffiċli li tista’ tiġi sostitwita. L-impriża attwalment timpjega 760 ħaddiem, li fosthom 350 huma ħaddiem speċjalizzati ħafna. Il-waqfien tal-produzzjoni tal-alumina joħloq problemi kbar ħafna u insolvibbli għad-dħul lura tagħhom fis-suq tax-xogħol.” |
155 |
Meta għamlet hekk, ir-Repubblika Taljana mkien ma semmiet żvantaġġ reġjonali partikolari, subit minn Eurallumina, li l-għajnuna kontenzjuża kienet intiża sabiex ittaffi, kif rikjest fil-punt 4.15 tal-linji gwida. Kif diġà indikat fil-punt 152 hawn fuq, is-sempliċi invokazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ impjiegi eżistenti f’Sardegna ma hijiex suffiċjenti, f’dan il-każ. |
156 |
Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana pproduċiet, annessi mar-rikors, dokumenti intiżi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet żvantaġġjużi ta’ għajxien f’Sardegna, ibbażati fuq tabelli komparattivi fuq il-livelli ta’ dħul u rati ta’ nuqqas ta’ impjieg. Il-Kummissjoni ma kinitx sostniet li l-argumenti bbażati d-dokumenti inkwistjoni huma inammissibbiltà, minħabba li dawk id-doumenti ma kinux ġew kkomunikati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. |
157 |
Anki jekk jiġi ammess li dawn id-dokumenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dawn juru biss l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli f’Sardegna, f’termini ta’ livelli ta’ dħul u ta’ nuqqas ta’ impjieg, li barra minn hekk huwa diġà rikonoxxut, fil-premessi 23 u 79 tad-deċiżjoni alumina I, fejn il-Kummissjoni kienet ammettiet li Sardegna kienet reġjun li seta’ jibbenefika mid-deroga prevista fl-l-Artikolu 87(3)(a) KE. Madankollu, kif diġà indikat fil-punti 152 u 155 hawn fuq, is-sempliċi invokazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika sfavorevoli eżistenti f’Sardegna ma hijiex suffiċjenti, f’dan il-każ. Bil-kuntrarju, id-dokumenti inkwistjoni ma jurux, kif rikjest fil-punt 4.15 tal-linji gwida, l-eżistenza ta’ żvantaġġ reġjonali partikolari, soffert minn Eurallumina, li l-għajnuna kontenzjuża kienet tfittex li ttaffi . |
158 |
Għaldaqstant, kienet korretta l-Kummissjoni meta ddeċidiet, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni alumina I, li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ressqu provi li jippermettulha tikkunsidra li l-għajnuna kontenzjuża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 4.15 tal-linji gwida. |
159 |
Kont meħud tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 4.15 u 4.17 tal-linji gwida, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ wħud fosthom huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet korretta, fid-deċiżjoni alumina I, li tiddeċiedi li l-għajnuna kontenzjuża ma setgħetx tiġi awtorizzata fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(a) KE, kif implementat permezz tal-linji gwida. |
160 |
Għaldaqstant għandu jiġi miċħud, bħala infondat, ir-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II. |
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II kif ukoll fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II
161 |
Fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità, sa fejn, fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża. Hija targumenta li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, Eurallumina u hija stess kellhom aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, inkluż fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u li huma setgħu wkoll jippreżumu li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu legali. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija targumenta li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu jippermettulha, mill-1993, tapplika jew tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża. It-tieni nett, hija tinvoka l-premessi tad-Deċiżjonijiet 93/697, 96/273 u 97/425 li kienu jindikaw li l-eżenzjoni kontenzjuża ma kinitx twassal għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni u ma kinitx ixxekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. It-tielet nett, hija tibbaża ruħha fuq id-Deċiżjonijiet 1999/255 u 1999/880, li jirreferu għal rieżami perijodiku mill-Kummissjoni, sabiex tiġi ggarantita l-kompatibbiltà tal-eżenzjoni kontenzjuża mal-funzjonament tas-suq komuni u mal-għanijiet l-oħra tat-Trattat KE. Ir-raba’ nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ kull referenza, fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill ta’ qabel id-Deċiżjoni 2001/224, għal eventwali proċeduri dwar id-distorsjoni tal-funzjonament tas-suq uniku li setgħu jinbdew, b’mod partikolari, taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE. Il-ħames lok, hija tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224 kif ukoll fuq l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tagħha, li kienu rawmu, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, li minħabba fihom din kienet wettqet, bejn it-2 ta’ Frar 2002 u tmiem l-2005, investimenti li kellhom jiġu amortizzati sal-31 ta’ Diċembru 2006. Is-sitt nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ natura ekwivoka tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, li bis-saħħa tagħhom Eurallumina u hija stess setgħu jafdaw fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
162 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, Eurallumina targumenta wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, fid-deċiżjoni kkontestata, meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża minkejja l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006 jew, tal-inqas, fl-assenza ta’ possibbiltà legali ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ dik l-eżenzjoni sa din l-aħħar data. |
163 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, Eurallumina tinvoka, minn naħa, il-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Lulju 2006, u, min-naħa l-oħra, il-proposti ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, mibgħuta mill-Kummissjoni, li kienu jipprevedu biss it-tneħħija jew ir-revoka progressiva u futura tal-eżenzjoni kontenzjuża. |
164 |
Fit-tieni lok, hija tibbaża ruħha fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u tal-proposti jew tal-aġir tal-Kummissjoni, li qatt ma indikaw preċiżament li l-għajnuna kontenzjuża setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet limitata sabiex tindika li wħud fost eżenzjonijiet numerużi awtorizzati b’dik id-deċiżjoni setgħu kienu inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. It-tieni nett, hija tinvoka l-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, tal-15 ta’ Novembru 2000, li kienet tawtorizza lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2002, li ssostitwixxiet it-talba ta’ notifika tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2000. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ diskussjonijiet mibdija fuq il-problemi ta’ għajnuna mill-Istat invokati mill-Kummissjoni fil-proposti tagħha ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, bħal dik tad-29 ta’ Novembru 1999, jew li jissemmew dawn il-problemi fid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill. Ir-raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, minn fejn jirriżulta li dan ma ammetta qatt li l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, u dan minkejja li, skont id-Direttiva 92/81, li kienet tfittex l-istess għan bħar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kunsill kien obbligat jivverifika li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva, ma jwasslux għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni. Il-ħames nett, Eurallumina tibbaża ruħha fuq id-Deċiżjoni 2001/224, li biha l-Kunsill kien awtorizza lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, li l-kontenut tagħha kien ġie kkonfermat bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96. Is-sitt nett, hija tinvoka l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni (IP/03/1456), tas-27 ta’ Ottubru 2003, li permezz tagħha hija faħħret l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96 billi indikat li din kienet ser tnaqqas id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn l-Istati Membri. Is-seba’ nett, hija tirreferi għad-dewmien meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I, li saret biss fis-7 ta’ Diċembru 2005 filwaqt li fi Frar 2002, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ġiet ippubblikata u l-aħħar osservazzjonijiet tal-partijiet kienu ġew ippreżentati, u dan rawwam l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża. |
165 |
Fit-tielet lok, Eurallumina ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224, ikkonfermata bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, li kienu jawtorizzaw lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Hija targumenta li jekk il-legalità jew it-tul tal-awtorizzazzjoni setgħu jitpoġġew fid-dubju mill-Kummissjoni, bl-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew bl-introduzzjoni ta’ rikors taħt l-Artikolu 230 KE, huma ma setgħux jiġu kkontestati indirettament minnha fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE. Barra minn hekk, Eurallumina tibbaża ruħha fuq il-premessa 32 tad-Direttiva 2003/96, li ssemmi biss “eventwali” proċeduri bis-saħħa tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, minn fejn jista’ jiġi dedott li l-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat mibdija qabel l-adozzjoni ta’ dik id-direttiva ma setax ikollhom effett fuq l-eżenzjonijiet awtorizzati minnha. |
166 |
Fir-raba’ lok, Eurallumina tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96 juri li, meta ġiet proposta u adottata dik id-direttiva, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma kinux jikkunsidraw li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. Dan huwa kkonfermat mill-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, li tgħid li l-adozzjoni ta’ dik id-direttiva kienet ser ittejjeb il-funzjonament tas-suq komuni, u d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill li, sad-Deċiżjoni 2001/224, kienu jindikaw espressament li l-eżenzjoni kontenzjuża kienet kompatibbli ma’ kompetizzjoni lejali u ma kinitx ittellef il-funzjonament tas-suq komuni. |
167 |
Fil-ħames lok, Eurallumina tallega li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx ta’ natura li timmina l-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq is-suġġett tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li kienet sempliċi invit lil terzi interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom, li ma kienx jippreġudika s-sens tad-deċiżjoni ta’ intervent. It-tieni nett, hija tinvoka l-aspettattivi leġittimi li hija kellha li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet waħda purament prospettiva, jiġifieri li kienet tirrigwarda biss l-għajnuna mogħtija wara l-awtorizzazzjoni, jiġifieri wara l-31 ta’ Diċembru 2006. It-tielet nett, hija tirreferi għall-konferma, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tal-awtorizzazzjoni mogħtija lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Anness II tagħha. Ir‑raba’ nett, hija tibbaża ruħha fuq l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni li, jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kienet twassal għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni, din kienet ser tiġi tterminata progressivament mingħajr ma tkun irkuprata l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tagħha. |
168 |
Fis-sitt lok, Eurallumina ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-investimenti għal żmien twil, fl-ammont ta’ madwar EUR 81 miljun, li hija kienet wettqet in bona fide fl-impjant tagħha f’Sardegna, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006 jew, tal-inqas, fl-assenza ta’ possibbiltà legali ta’ rkupru tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ dik l-eżenzjoni sa’ dik id-data. Fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawk l-aspettattivi leġittimi kienu spiċċaw fit-2 ta’ Frar 2002, Eurallumina ssostni li hija kienet awtorizzat spiża kapitali fl-ammont ta’ madwar EUR 11.6 miljun matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Marzu 2001 u t-2 ta’ Frar 2002. |
169 |
Il-Kummissjoni titlob li dan is-sitt motiv imqajjem fil-kuntest tal-Kawża T‑60/06 RENV II jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, għall-kumplament, infondata. Hija titlob ukoll li l-ewwel motiv imqajjem fil-kuntest tal-Kawża T‑62/06 RENV II, jiġi miċħud bħala infondat. |
170 |
Dawn il-motivi u lmenti jqajmu l-kwistjoni dwar jekk, meta, fid-deċiżjoni kkontestata, talbet l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni kinitx kisret ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma l-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità. |
171 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma tistax titlob l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat meta dan imur kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
172 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità, invokat fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, dan huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali li jmorru kontra dawk prodotti bid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li kienu jawtorizzaw espressament lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
173 |
Skont il-ġurisprudenza diġà ċċitata fil-punt 62 hawn fuq, l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali sakemm ma jiġux imħassra, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew minħabba eċċezzjoni ta’ illegalità. |
174 |
F’dan il-każ, għall-motivi żviluppati fil-punti 71 sa 75 hawn fuq, li huma bbażati fuq il-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), iċċitati fil-65 sa 69 hawn fuq, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tikser l-atti adottati mill-Kunsill, li kienu jawtorizzaw espressament lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006, sa fejn dawn l-awtorizzazzjonijiet ma setgħux jipproduċu l-effetti tagħhom barra mill-kamp kopert bir-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa u ma kinux jippreġudikaw l-effetti ta’ eventwali deċiżjoni, bħad-deċiżjoni alumina I, li l-Kummissjoni setgħet tadotta fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. |
175 |
Barra minn hekk, kif diġà indikat fil-punti 73 u 74 hawn fuq, jirriżulta mill-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tista’ dejjem timmodifika l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna humiex soddisfatti, bir-riżerva li jinstiltu l-konsegwenzi kollha fir-rigward tal-obbligu tal-irkupru l-għajnuna inkompatibbli, fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, b’mod li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, fid-deċiżjoni kkontestata, bl-evalwazzjonijiet tal-Kunsill, fid-deċiżjonijiet tiegħu fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, li jipprovdu li l-eżenzjoni kontenzjuża ma kinitx twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinitx ixxekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. |
176 |
Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità, invokat fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II, għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
177 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, invokati fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II u tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, dawn huma bbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kif ukoll l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II tiegħu, kienu rawmu, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża jew, f’kull każ, kienu ħolqu sitwazzjoni ekwivoka li kien id-dmir tal-Kummissjoni li tikkjarifika qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata. |
178 |
F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, prinċipju fondamental tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra, EU:C:1999:498, punt 52), jippermetti lil kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu istituzzjoni trawwam tamiet fondati jista’ jibbenefika minnhom [sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, Ġabra, EU:C:1987:121, punt 44; tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il‑Kummissjoni, C‑369/09 P, Ġabra, EU:C:2011:175, punt 123, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Producteurs de légumes de France vs Il‑Kummissjoni, T‑328/09, EU:T:2012:498, punt 18]. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ att mill-istituzzjonijiet ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 1978, Lührs, 78/77, Ġabra, EU:C:1978:20, punt 6, u tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, T‑332/06, EU:T:2009:79, punt 102). Id-dritt li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi jiġi invokat jippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza Producteurs de légumes de France vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2012:498, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
179 |
Għandu, imbagħad, fir-rigward iktar speċifikament tal-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, jitfakkar li Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw għajnuna bi ksur tal-liġijiet ta’ proċedura previsti fl-Artikolu 88 KE, jista’ jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-impriża benefiċjarja sabiex jikkontesta quddiem il-qorti tal-Unjoni l-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu l-irkupru tal-għajnuna, imma mhux sabiex jaħrab mill-obbligu tiegħu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra, EU:C:1997:10, punti 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, kont meħud tar-rwol fundamentali li għandu l-obbligu ta’ notifika sabiex jippermetti l-effettività tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni, li għandu natura imperattiva, il-benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità ta’ dik l-għajnuna biss jekk din kienet mogħtija fl-sservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun jista’ jiżgura ruħu li dik il-proċedura kienet ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tkun ġiet implementata mingħajr notifika bil-quddiem lill-Kummissjoni, b’tali mod li din tkun illegali b’mod konformi mal-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattiva leġittima fil-legalità tal-għoti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Producteurs de légumes de France vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, EU:T:2012:498, punti 20 u 21, u l-ġurisprudenza ċċitata), ħlief jekk ikunu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali (sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja,C‑5/89, Ġabra, EU:C:1990:320, punt 16; ara, ukoll, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra, EU:C:2004:240, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra, EU:T:2009:474, punt 263 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
180 |
Għandu, mill-ġdid, jitfakkar li l-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija ta’ proċedura amministrattiva tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra, EU:T:2003:316, punt 136). Barra minn hekk, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli ttawwal indefinittivament l-eżerċizzju tal-poteri tagħha, ifisser li l-qorti għandha teżamina jekk l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva jindikax l-eżistenza ta’ azzjoni eċċessivament tardiva min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra, EU:C:2002:524, punti 140 u 141, u Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2004:4, punti 145 sa 147) |
181 |
Id-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni biex tiddeċiedi li għajnuna hija illegali u li għandha tiġi kkanċellata u tiġi rkuprata minn Stat Membru jista’, taħt ċerti ċirkustanzi, joħloq aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna tali li jipprekludu lill-Kummissjoni milli titlob lil dan l-Istat Membru biex jordna l-ħlas lura tal-għajnuna (sentenza tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, Ġabra, EU:C:1987:502, punt 17). Fil-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat mhux innotifikata, dan id-dewmien ma jistax, madankollu, jiġi imputat lill-Kummissjoni ħlief mill-mument li fih hija ssir taf bl-eżistenza tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni (sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, EU:C:2004:240, punt 91). |
182 |
Is-sempliċi fatt li, ħlief għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin (li jibdew jiddekorru mill-għoti tal-għajnuna) wara liema perijodu l-irkupru tal-għajnuna ma jistax jiġi ordnat, ir-Regolament Nru 659/1999 ma jipprovdi għal ebda terminu, anki jekk indikattiv, għall-eżami mill-Kummissjoni ta’ għajnuna illegali, skont l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(6) ta’ dan l-istess regolament, ma jostakolax lill-qorti tal-Unjoni milli tivverifika jekk din l-istituzzjoni osservatx terminu raġonevoli jew aġixxietx b’mod eċċessivament tardiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward ta’ terminu indikattiv, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni,T‑171/02, Ġabra,EU:T:2005:219, punt 57, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et, T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01, EU:T:2009:316, punti 338 u 339, u Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, Ġabra, EU:T:2009:314, punti 259 u 260). |
183 |
Għandu, fl-aħħar nett, jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li, meta l-Kummissjoni tkun ħolqot, bi ksur tad-dmir ta’ diliġenza impost fuqha, sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka, minħabba l-introduzzjoni ta’ elementi ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza f’leġiżlazzjoni applikabbli, magħquda ma’ nuqqas ta’ reazzjoni għal żmien twil min-naħa tagħha minkejja l-għarfien tagħha tal-għajnuna kkonċernata, għandha tkun hija li tiċċara dik is-sitwazzjoni qabel ma tkun tista’ tieħu kwalsiasi azzjoni intiża sabiex tordna l-ħlas lura tal-għajnuna diġà mħallsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, Ġabra, EU:C:1970:67, punti 28 sa 32). |
184 |
Huwa fid-dawl tar-regoli mfakkra fil-punti 178 sa 183 hawn fuq li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati, essenzjalment, fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu leġittimament ħolqu l-fiduċja ta’ Eurallumina fin-natura legali tal-eżenzjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, tal-għajnuna kontenzjuża. |
185 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li la r-Repubblika Taljana (ara l-punt 128 hawn fuq) u lanqas Eurallumina ma jikkontestaw il-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, minn fejn jirriżulta li l-għajnuna kontenzjuża ma kienet qatt ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li dik l-għajnuna kienet ingħatat mingħajr ma kienet bil-quddiem innotifikata lil din tal-aħħar, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE. |
186 |
Imbagħad, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ta’ natura li ttemm l-aspettattivi leġittimi li Eurallumina seta’ kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, kont meħud tas-sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka preċedentement maħluqa bil-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, inkluż dik tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet fis-seħħ matul il-perijodu kkonċernat bid-deċiżjoni kkontestata. |
187 |
Fil-punti 52 u 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li hija vinkolanti għall-Qorti Ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li din ma kienet qatt użat il-poteri tagħha, taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew tal-Artikoli 230 KE u 241 KE, sabiex takkwista t-tneħħija jew emenda ta’ dawn id-deċiżjonijiet kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkompatibbli, fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, hekk kif il-Kummissjoni kienet għamlet, fid-deċiżjoni alumina I, billi rrinunzjat milli tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija sat-2 ta’ Frar 2002, id-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Dan il-motiv kien deċiżiv sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-punt 54 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), li l-motivi esposti fil-punti 39 sa 44 ta’ dik is-sentenza ma setgħux jiġġustifikaw, fid-dritt, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni alumina I kienet tpoġġi inkwistjoni l-validità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u kienet għalhekk tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet u l-konklużjoni, li kienet tistrieħ fuq l-istess motivi, li, fil-kawża T‑62/06 RENV, il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
188 |
Fid-dawl tar-rekwiżiti li jitnisslu mill-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, is-sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka maħluqa bil-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, topponi biss l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-eżenzjoni kontenzjuża sad-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Bil-kuntrarju b’effett minn dik il-pubblikazzjoni, Eurallumina kellha tkun taf li, jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, kien meħtieġ li hija tkun awtorizzata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88 KE. |
189 |
Isegwi li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet effettivament ġabet fit-tmien l-aspettattivi leġittimi li Eurallumina seta’ kellha preċedentement fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża, fid-dawl tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati preċedentement fuq proposta tal-Kummissjoni. |
190 |
Għalhekk il-Kummissjoni kienet korretta, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni alumina I, meta ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu eċċezzjonali, għaliex hija kienet rawmet u żammet ċerta ambigwità billi ssottomettiet proposti lill-Kunsill, u l-fatt li, sa fejn hija ma setgħetx tistabbilixxi jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema mument id-diversi benefiċjarji kienu effettivament ġew informati mill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma setax jiġi eskluż li l-benefiċjarji setgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sat-2 ta’ Frar 2002, meta d-deċiżjonijiet li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa kienu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, filwaqt li jiġi nnotat li, fl-agħar ipoteżi, dik il-pubblikazzjoni kienet eliminat kull inċertezza, marbuta mal-kliem tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, dwar il-fatt li l-miżuri inkwistjoni, jekk kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kellhom jiġu awtorizzati minnha, skont l-Artikolu 88 KE. |
191 |
Il-fondatezza ta’ din is-soluzzjoni ma tistax titpoġġa fid-dubju bl-argumenti l-oħra avvanzati mir-rikorrenti. |
192 |
Fir-rigward tal-argumenti li r-rikorrenti jisiltu mid-Direttiva 2003/96, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Artikolu 18(1) ta’ dik id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 28(2) tagħha kien jawtorizza lir-Repubblika Taljana tkompli tapplika l-eżenzjoni kontenzjuża b’effetet mill-1 ta’ Jannar 2003 huwa rrilevanti għall-finijiet ta’ eventwali aspettattivi leġittimi li Eurallumina seta’ kellha fin-natura legali tal-eżenzjoni kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, fid-data li fiha daħal fis-seħħ l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2003, Eurallumina kellha tkun informata bl-eżistenza ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali pendenti, dwar l-eżenzjoni kontenzjuża, u bil-fatt li, jekk l-eżenzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din kellha tkun awtorizzata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88 KE. Din is-sitwazzjoni ma setgħetx tkun modifikata bl-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad‑Direttiva 2003/96, rispettivament fis-27 u l-31 ta’ Ottubru 2003, li l-premessa 32 tagħha tindika espressament li din id-direttiva “hija mingħajr preġudizzju għal xi għajnuna statali li tista’ tingħata fil-futur u li ssir skond l-Artikoli 87 [KE] u 88 KE]” (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2013:812, punt 51). Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96 ma kienx ta’ natura, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jrawwam, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. |
193 |
Fir-rigward tal-argumenti li Eurallumina tislet mid-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni alumina I, għandu jiġi nnotat li din ma hijiex ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet trawwam, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna kontenzjuża, u dan għar-raġunijiet kollha esposti fil-punti 194 sa 217 iktar ’il quddiem. |
194 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-dewmien tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali eċċediex, f’dan il-każ, il-limiti ta’ raġonevolezza. |
195 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502) invokata minn Eurallumina, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li l-perijodu ta’ 26 xahar meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha kien eċċeda l-limiti ta’ dak li huwa raġonevoli. |
196 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, il-perijodu ta’ referenza sabiex titwassal fit-tmiem proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat innotifikata huwa ta’ 18-il xahar. Dan il-perijodu, anki jekk mhux applikabbli għall-għajnuna illegali, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara l-punt 182 hawn fuq), jipprovdi punt ta’ referenza utili sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali rigwardanti, bħal f’dan il-każ, miżura mhux innotifikata. |
197 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fis-17 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda u lir-Repubblika Taljana jinnotifikawha l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa taħt id-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Ir-risposti, li ma kinux intbagħtu fil-kwalità ta’ notifika, kienu waslulha f’Settembru, f’Ottubru u f’Diċembru 2000. Hija kienet imbagħad fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001, innotifikata lill-Istati Membri kkonċernati fil-5 ta’ Novembru 2001 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-2 ta’ Frar 2002. Hija kienet imbagħad irċeviet l-osservazzjonijiet ta’ Aughinish Alumina (ittri tas-26 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2002), ta’ Eurallumina (ittri tat-28 ta’ Frar 2002), ta’ Alcan Inc. (ittra tal-1 ta’ Marzu 2002) u tal-Association européenne de l’aluminium (ittra tas-26 ta’ Frar 2002). Dawn l-osservazzjonijiet ġew ikkomunikati lill-Irlanda, lir-Repubblika Taljana u lir-Repubblika Franċiża fis-26 ta’ Marzu 2002. L-Irlanda ppreżentat il‑kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fit-8 ta’ Jannar 2002. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari mingħand l-Irlanda fit-18 ta’ Frar 2002, u din irrispondiet fis-26 ta’ April 2002, wara li talbet estensjoni tat-terminu ffissat għar-risposta. Wara li talbet ukoll estensjoni tat-terminu għar-risposta fil-21 ta’ Novembru 2001, ir-Repubblika Franċiża kkummentat dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ fit-12 ta’ Frar 2002. Ir-Repubblika Taljana ppreżentat il-kummenti tagħha fis-6 ta’ Frar 2002. |
198 |
Id-deċiżjoni alumina I ikkontestata ġiet adottata fis-7 ta’ Diċembru 2005. |
199 |
Għalhekk, għaddew ftit iktar minn 49 xahar bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I. |
200 |
A priori, dan it-terminu, li huwa bejn wieħed u ieħor id-doppju ta’ dak meħud inkunsiderazzjoni fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), u ftit iktar mid-doppju ta’ dak previst fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex tintemm proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat innotifikata, jidher irraġonevoli. Skont il-ġurisprudenza, għandu madankollu jiġi eżaminat jekk dan il-perijodu setax jiġi ġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. |
201 |
F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni ma humiex madankollu ta’ natura li jiġġustifikaw perijodu ta’ 49 xahar. |
202 |
Ċertament, dan il-perijodu jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-perijodu mogħti lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Gvernijiet Franċiż, Irlandiż u Taljan kienu talbu lill-Kummissjoni estensjonijiet tat-termini sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u r-risposti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kont meħud tar-rabtiet stretti li jeżistu, f’dan il-każ, bejn l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa, fir-rigward ta’ miżuri simili awtorizzati, skont proċeduri mibdija parallelment, bl-istess deċiżjoni tal-Kunsill, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti kollha ta’ proċedura li seħħew fil-fajls inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-fatt li, fis-26 ta’ April 2002, l-Irlanda rrispondiet għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari mibgħuta mill-Kummissjoni. |
203 |
Madankollu, wara din id-data tal-aħħar, xorta għadda perijodu ta’ ftit iktar minn 43 xahar qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni alumina I. Issa, dan il-perijodu ta’ eżami tal-fajls inkwistjoni, fid-dawl tal-osservazzjonijiet kollha pprovduti mill-Istati kkonċernati u l-partijiet interessati, ma huwiex iġġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ. |
204 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegata diffikultà tal-fajls, din ma hijiex stabbilita u, anki jekk dan kien il-każ, ma tistax tiġġustifika perijodu ta’ eżami daqstant twil bħal f’dan il-każ. Fil-fatt, fil-fajl ma hemm ebda indizju ta’ problemi legali ta’ importanza partikolari li bihom kienet ikkonfrontata l-Kummissjoni, u d-deċiżjoni alumina I kienet barra minn hekk ta’ tul raġonevoli (112 premessa) u ma turi, fl‑iżviluppi tagħha, l-ebda diffikultà manifesta. Imbagħad, il-Kummissjoni kienet taf bl-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa ferm qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, billi l-ewwel talbiet għal eżenzjoni jmorru lura għall-1992, għall-Irlanda, għall-1993, għar-Repubblika Taljana, u għall-1997, għar-Repubblika Franċiża. Barra minn hekk, kienet il-Kummissjoni li bagħtet il-proposti suċċessivi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa lill-Kunsill, wara li kienet irċeviet talbiet f’dan is-sens mir-Repubblika Franċiża, mill-Irlanda u mir-Repubblika Taljana. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tar-rapporti tagħha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kienet informat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bl-eżistenza tal-eżenzjoni Irlandiża. |
205 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess kienet indikat li, mill-1999, hija kienet tikkunsidra l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala kuntrarji għar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant hija kienet f’qagħda, minn dik id-data, li tapprofondixxi r-riflessjonijiet tagħha fuq il-legalità ta’ dawk l-eżenzjonijiet fir-rigward tal-liġijiet f’dan il-qasam. |
206 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma talbitx iktar informazzjoni supplimentari mingħand ir-Repubblika Franċiża, mingħand l-Irlanda jew mingħand ir-Repubblika Taljana matul dawn it‑43 xahar li ppreċedew l-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I jixhed li hija kellha diġà, f’dak iż-żmien, l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa. |
207 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata diffikultà riżultanti mill-evoluzzjoni tal-iskema Komunitarja tat-taxxa fuq iż-żjut minerali, u b’mod partikolari tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun sabiex tinvokaha. Fil-fatt, id-deċiżjoni alumina I tirrigwarda sitwazzjoni legali li ma kinitx irregolata bl-iskema l-ġdida ta’ taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96, li saret applikabbli biss fl-1 ta’ Jannar 2004, imma bl-iskema tat-taxxa fuq iż-żjut minerali applikabbli preċedentement. Għalhekk, l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, invokata mill-Kummissjoni, ma kellha l-ebda effett f’dan il-każ. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li, fid-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet fetħet proċedura ġdida ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardegna għall-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2004, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-iskema l-ġdida tat-taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96. F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni alumina I kienet ġiet adottata madwar sentejn wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96. Issa, is-sempliċi neċessità, allegata mill-Kummissjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni alumina I, l-iskema l-ġdida tat-taxxa fuq iż-żjut minerali riżultanti mid-Direttiva 2003/96 ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika żmien daqstant twil daqs dak ta’ dan il-każ. |
208 |
F’dawn iċ-cirkustanzi, il-Kummissjoni kienet taf sewwa bil-kuntest legali u fattwali tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa u ma kienet ikkonfrontata b’ebda diffikultà manifesta dwar l-eżami tagħhom fir-rigward tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. |
209 |
It-tieni nett, fir-rigward tad-diffikultajiet ta’ ordni prattiku u lingwistiku allegati mill-Kummissjoni, anki jekk dawn jitqiesu li huma stabbiliti, dawn ma jistgħux jiġġustifikaw żmien daqstant twil bħal dak ta’ dan il-każ. F’kull każ, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha servizzi li kienu jippermettulha tiffaċċja d-diffikultajiet lingwistiċi li hija tallega kif ukoll l-eżami, parallel, tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa f’terminu ferm iqsar minn dak ta’ dan il-każ, b’mod partikolari permezz ta’ koordinazzjoni tajba tas-servizzi tagħha. |
210 |
Għaldaqstant, it-tul tal-eżami tal-għajnuna kontenzjuża kien, f’dan il-każ, irraġonevoli. |
211 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tagħti d-deċiżjoni kkontestata setax raġonevolment iwassal lil Eurallumina sabiex temmen li d-dubji tal-Kummissjoni ma kinux għadhom eżistenti u li l-eżenzjoni kontenzjuża ma sabitx oġġezzjoni, u jekk dan id-dewmien kienx ta’ natura li jimpedixxi lill-Kummissjoni milli titlob l-irkupru tal-għajnuna mogħtija, bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l‑31 ta’ Diċembru 2003, fuq il-bażi tagħha, kif ġie deċiż fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502, punt 16). |
212 |
Ċertament, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset li t-terminu ta’ 26 xahar meħud mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha seta’ ħoloq aspettattivi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti, benefiċjarja tal-għajnuna, li jkunu tali li jipprekludu lill-istituzzjoni milli tordna lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni. |
213 |
Madankollu, għalkemm għandha tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali li jipproteġu l-interessi privati, jeħtieġ ukoll li dawn ir-rekwiżiti jiġu bbilanċjati mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-interessi pubbliċi, li fosthom insibu, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dak intiż sabiex jevita li l-funzjonament tas-suq ma jkunx distort bl-għajnuna mill-Istat li tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni, li jirrikjedi, skont ġurisprudenza stabbilita, li dik l-għajnuna illegali titħallas lura sabiex tirristabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, Ġabra, EU:T:2003:217, punti 207 u 208 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
214 |
Għaldaqstant il-ġurisprudenza interpretat is-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), fis-sens li ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ li jkunu wasslu għaliha jkollhom rwol deċiżiv fl-orjentazzjoni segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, EU:C:2004:240, punt 90; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra, EU:C:2004:234, punt 119; Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, EU:T:2009:314, punt 286, u Diputación Foral de Álava et, punt 182 iktar ’il fuq, EU:T:2009:316, punt 344). B’mod partikolari, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għajnuna li kienet inkwistjoni fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), kienet ingħatat qabel ma l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwarha. Barra minn hekk, hija kienet is-suġġett, għalkemm wara l-ħlas tagħha, ta’ notifika formali lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija kienet marbuta ma’ spejjeż supplimentari marbuta ma’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni u kienet tikkonċerna settur li, mill-1977, kien ibbenefika minn għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ma kienx jirrikjedi riċerka fid-dettall. |
215 |
Issa, iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kollha preżenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), ma jeżistux f’dan il-każ. Ċertament, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), fil-mument li fih il-Kummissjoni kienet apparentement baqgħet inattiva, hija diġà kellha għarfien tajjeb tal-eżenzjoni kontenzjuża u għalhekk setgħet tifforma opinjoni dwar il-legalità tagħha fid-dawl tal-liġijiet fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod li hija lanqas ma kellha l-ħtieġa li twettaq, f’dan ir-rigward, riċerka fid-dettall. Madankollu, ċirkustanzi eċċezzjonali oħra li kienu jinsabu fis-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), huma nieqsa f’dan il-każ. B’mod partikolari, f’din il-kawża, l-għajnuna kontenzjuża ngħatat qabel il-ftuħ, mill-Kummissjoni, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-eżenzjoni kontenzjuża. |
216 |
Dan jiddistingwi fundamentalment iċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502), minn dawk li jiffurmaw il-bażi ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, f’dan il-każ, Eurallumina ma tistax tinvoka, b’mod validu, is-sentenza RSV vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq (EU:C:1987:502). |
217 |
Barra minn hekk, għandu jittieħed inkonsiderazzjoni li fil-punt 52 tas-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni (C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra, EU:C:2004:701), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu leġittimament joħolqu l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali fil-legalità tagħha, li kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni huwa nieqes minn sinjifikat meta skema ta’ għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lilha. Għalhekk, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni matul 43 xahar wara r-risposta tal-Irlanda għall-aħħar talba għal informazzjoni supplimentari tal-Kummissjoni (ara l-punt 203 hawn fuq), għalkemm din tikser il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, ma għandhiex madankollu sinjifikat partikolari mill-perspettiva tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għall-għajnuna kontenzjuża, li ma kinitx ġiet innotifikata lilha b’mod regolari. Għaldaqstant, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu joħolqu, fi ħdan Eurallumina, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna kontenzjuża fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Isegwi li s-sempliċi ksur, f’dan il-każ, tal-prinċipju tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli għall-adozzjoni tad-deċiżjoni alumina I ma kienx jipprekludi li, f’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża |
218 |
Għalhekk, l-argument ta’ Eurallumina bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli għandu jiġi miċħud. |
219 |
Fir-rigward tal-argumenti li r-rikorrenti jisiltu mill-investimenti mwettqa minn Eurallumina fl-impjant tagħha f’Sardegna matul il-perijodu li matulu hija bbenefikat mill-għajnuna kontenzjuża, dawn huma rrilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza, fi ħdan Eurallumina, ta’ aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-imsemmija għajnuna fid-dawl tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, għaliex, kif jirriżulta mill-punti 136 u 137 hawn fuq, ma ġiex stabbilit li Eurallumina kellha twettaq dawk l-investimenti b’eżekuzzjoni ta’ obbligi assunti volontarjament mal-awtoritajiet Taljani jew ta’ obbligi imposti minn dawn tal-aħħar bħala korrispettiv tal-benefiċċju li hija ħadet mill-għajnuna kontenzjuża. |
220 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ natura li raġonevolment wasslu lil Eurallumina sabiex temmen li d-dubji tal-Kummissjoni ma kinux għadhom jeżistu u li ma kienx għad fadal oġġezzjonijiet kontra l-eżenzjoni kontenzjuża, li setgħu jostakolaw li, fid-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża. |
221 |
Għalhekk, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, invokati fil-kuntest tas-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II u tal-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II, għandhom jiġu miċħuda kompletament bħala infondati. |
222 |
Isegwi li s-sitt motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II u l-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma bħala infondati. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II
223 |
Eurallumina ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi imponiet fuq ir-Repubblika Taljana l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna kontenzjuża. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li bis-saħħa tiegħu hija kellha d-dritt tistenna li l-Kummissjoni ma tipproponix lill-Kunsill li jadotta d‑deċiżjonijiet li ppermettew l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat illegali u mill-Kunsill li ma jadottax tali deċiżjonijiet. It-tieni nett, hija tirreferi għall-kontenut tad-Deċiżjoni 2001/224, li, jekk jiġi preżunt li l-eżenzjoni kontenzjuża tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kellha titqies bħala awtorizzazzjoni espressa li tingħata dik l-għajnuna jew, tal-inqas, bħala ostakolu għall-irkupru ta’ dik l-għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 2006. It-tielet nett, hija tirreferi għall-assenza ta’ imminar dirett, mill-Kummissjoni, tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew bl-introduzzjoni ta’ rikors għal annullament, taħt l-Artikolu 230 KE. |
224 |
Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
225 |
Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminatx, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti tal-każ u, b’mod partikolari, jekk hija ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti legali kontradittorji li kienu jeżistu bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li, imbagħad, qatt ma reġgħu ġew imminati minnha fuq il-bażi tal-poteri tagħha taħt l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew l-Artikoli 230 KE u 241 KE. |
226 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-każ fejn l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija bl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar fundamentali (sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14). Fost dawn il-garanziji, jinsab b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑505/09 P, Ġabra, EU:C:2012:179, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Settembru 2009, L-Estonja vs Il‑Kummissjoni, T‑263/07, Ġabra, EU:T:2009:351, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
227 |
F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li, insostenn ta’ dan il-motiv, Eurallumina tqajjem, essenzjalment, argumenti simili għal dawk li hija tinvoka fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha. Madankollu, għall-istess motivi stabbiliti fil-punti 65 sa 75 hawn fuq, li huma stess huma bbażati fuq il-punti 45 sa 48 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), Eurallumina ma għandhiex raġun issostni li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali li jmorru kontra dawk prodotti bid-Deċiżjoni 2001/224 u bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96. |
228 |
Ċertament, kif jirriżulta mill-punt 53 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ rkuprju tal-għajnuna inkompatibbli, fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Madankollu, kif innotat f’dak l-istess punt, dan kien sar meta, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet irrinunzjat milli tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija qabel id-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. |
229 |
Għaldaqstant ma ġiex stabbilit li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ. |
230 |
Għar-raġunijiet kollha preċedenti, it-tielet motiv imqajjem fil-kuntest tal-Kawża T‑62/06 RENV II għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II
231 |
Eurallumina ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE kif ukoll il-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-livell, l-aġenda u t-tul ta’ żmien tal-amortizzazzjoni tal-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Minbarra l-argumenti diġà ppreżentati insostenn tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi (ara l-punti 162 sa 168 hawn fuq), l-ewwel nett, hija tibbaża ruħha fuq l-assenza ta’ relevanza tal-fatt li l-Kummissjoni fittxet li tillimita, fl-1995, il-livell tal-eżenzjoni kontenzjuża mill-parti tad-dazju tas-sisa li teċċedi r-rata minima ffissata bid-Direttiva 92/82, fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk, f’dik id-data, il-Kummissjoni kinitx ippreokkupata bl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat illegali fuq il-bażi ta’ dik l-eżenzjoni. It-tieni nett, hija tinvoka r-rikonoxximent, mill-Kummissjoni, tal-fatt li hija ppreokkupat ruħha dwar problemi ta’ għajnuna mill-Istat biss wara Novembru 1999 u mhux mill-1995. It-tielet nett, hija tirreferi għall-kontenut, fl-ewwel lok, tat-talba ta’ notifika tal-eżenzjoni kontenzjuża ta’ Lulju 2000, fit-tieni lok, tal-proposta ta’ deċiżjoni ta’ Novembru 2000 u, fit-tielet lok, tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li ma kinux jippermettu l-konklużjoni awtomatika li l-Kummissjoni kienet ser tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-eżenzjoni kontenzjuża jew li din kienet għajnuna illegali, li setgħet tiġi rkuprata, u dan b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tad-Deċiżjoni 2001/224, li mbagħad ġie kkonfermat bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96. |
232 |
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
233 |
Dan il-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minn naħa, kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, taħt l-Artikolu 253 KE, u, min-naħa l-oħra, kisritx il-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu li fih Eurallumina kien ikollha bżonn sabiex tirkupra l-investimenti mwettqa minnha fl-impjant tagħha f’Sardegna, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-legalità tal-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
234 |
L-istanzi ta’ ksur invokati konġuntament minn Eurallumina, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jikkonċernaw żewġ ilmenti distinti li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tar-rikors previst bl-Artikolu 230 KE (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 67). L-ewwel, li jsemmi nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, jaqa’ fil-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, filwaqt li t-tieni, li jirrigwarda l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, jaqa’ fil-ksur ta’ regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattat, fis-sens tal-istess Artikolu 230 KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 67). |
235 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 253 KE, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni għandhom ikunu motivati. Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti li l-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll mill-ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 234 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 63; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑5/01, Ġabra, EU:C:2002:754, punt 68, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra, EU:C:2003:444, punt 72). |
236 |
Fil-premessa 75 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni kienet b’mod partikolari rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ Eurallumina, imfakkra fil-premessi 37 u 45 ta’ dik l-istess deċiżjoni, li jipprovdu li hija kienet wettqet investimenti ekoloġiċi importanti fl-impjant tagħha f’Sardegna bħala korrispettiv għall-eżenzjoni kontenzjuża, għaliex ma kien hemm l-ebda prova li hija kienet ikkonkludiet ftehimiet mal-awtoritajiet Taljani sabiex tintrabat li tilħaq objettivi tal-protezzjoni tal-ambjent matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża u li dik l-eżenzjoni lanqas ma kienet riżultat ta’ kundizzjonijiet li jwasslu għall-istess effett bħal dawk tal-ftehimiet u impenji. Din il-premessa tippermetti li jiftiehem li, jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-perijodu ta’ amortizzazzjoni tal-investimenti mwettqa minn Eurallumina fl-impjant tagħha f’Sardegna, dan kien b’mod partikolari għaliex hija kienet ikkunsidrat li ma kienx ġie stabbilit li l‑benefiċċċju akkwistat minn Eurallumina mill-eżenzjoni kontenzjuża kien korrispettiv għat-twettiq ta’ dawk l-investimenti. Dan jispjega għala, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni alumina I, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi, allegati f’dan il-każ minn Eurallumina, fil-fatt li l-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna setgħu kienu amortizzati, permezz, b’mod partikolari, tal-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
237 |
Għalkemm qasira, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni alumina I hija madankollu suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jiftiehem ir-raġonament segwit f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni u sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-kontroll tagħha. |
238 |
Għalhekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 235 hawn fuq. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhu jiġi miċħud bħala infondat. |
239 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi nnotat li, permezz tiegħu, Eurallumina tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-aspettattivi leġittimi li hija kellha li l-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna setgħu jiġu amortizzati permezz, b’mod partikolari, tal-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
240 |
Kif diġà nnotat fil-punti 136, 137 u 219 hawn fuq, l-informazzjoni fil-fajl ma jippermettux, f’dan il-każ, li jiġi kkonstatat li l-investimenti mwettqa minn Eurallumina fl-impjant tagħha f’Sardegna kienu l-korrispettiv għall-benefiċċju akkwistat minnha mill-eżenzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li l-investimenti kienu twettqu minn Eurallumina inkunsiderazzjoni tal-aspettattivi leġittimi li hija kellha fil-fatt li dawk l-investimenti setgħu jiġu amortizzati permezz, b’mod partikolari, tal-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
241 |
Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet korretta li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi, allegati f’dan il-każ minn Eurallumina, fil-fatt li l-investimenti mwettqa fl-impjant tagħha f’Sardegna setgħu jiġu amortizzati permezz, b’mod partikolari, tal-benefiċċju li hija kienet ser tieħu mill-eżenzjoni kontenzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2006. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat. |
242 |
Isegwi li r-raba’ motiv imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
243 |
Billi l-motivi u lmenti kollha mqajma insostenn ta’ dawn ir-rikorsi ġew miċħuda, bħala inammissibbli jew infondati, dawn ir-rikorsi nnifishom għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma. |
Fuq l-ispejjeż
244 |
Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Qorti Ġenerali, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relattivi, minn naħa, għall-proċeduri ppreżentati quddiemha u, min-naħa l-oħra, għall-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn, fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 19 iktar ’il fuq (EU:C:2009:742), u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2013:812), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irriżervat l-ispejjeż, huwa d-dmir tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi wkoll, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-proċeduri ta’ appell. |
245 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, eċċezzjonalment, meta huwa rikjest mill-ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef tħallas, flimkien mal-ispejjeż tagħha stess, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata mill-Qorti Ġenerali sabiex tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun iġġustifikat minħabba l-atteġġjament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza. Huwa b’mod partikolari permess li l-Qorti Ġenerali tikkundanna għall-ispejjeż istituzzjoni li d-deċiżjoni tagħha ma tkunx ġiet annullata, minħabba l-insuffiċjenza ta’ din tal-aħħar, li tkun wasslet lil rikorrent sabiex jippreżenta rikors (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑387/08, EU:T:2010:377, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
246 |
Fil-Kawża T‑60/06 RENV II, ir-Repubblika Taljana tilfet il-kawża. Għaldaqstant għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż fil-Kawżi T‑60/06, T‑60/06 RENV I u T‑60/06 RENV II u tħallas l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll kwint mill-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-kawżi C‑89/08 P u C‑272/12 P, skont it-talbiet tal-Kummissjoni. |
247 |
Fil-Kawża T‑62/06 RENV II, Eurallumina tilfet il-kawża. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tar-rikors f’dik il-kawża, kien ġie kkonstatat, fil-punt 210 hawn fuq, li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan kien inkoraġġixxa lil Eurallumina sabiex tippreżenta r-rikors, sabiex jiġi kkonstatat dak il-ksur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun ġust u ekwu, fir-rigward tal-Kawżi T‑62/06, T‑62/06 RENV I u T‑62/06 RENV II, li tikkundanna lil Eurallumina tħallas l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u li tikkundanna lil din tal-aħħar sabiex tħallas kwart mill-ispejjeż tagħha stess. Fir-rigward tal-Kawżi C‑89/08 P u C‑272/12 P, sa fejn ħames partijiet kienu opposti għall-Kummissjoni f’kull waħda minnhom, għandu jiġi, b’applikazzjoni tar-regola tat-tqassim adottat fil-Kawżi T‑62/06, T‑62/06 RENV I u T‑62/06 RENV II, li tikkundanna lil Eurallumina tħallas l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll tliet partijiet minn għoxrin, jiġifieri kwint ta’ tliet kwarti, mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u li tikkundanna lil din tal-aħħar tħallas kwint mill-ispejjeż tagħha stess. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Kanninen Pelikánová Buttigieg Gervasoni Madise Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 2016. Firem |
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
L-eżenzjoni kontenzjuża |
|
Il-proċedura amministrattiva |
|
Id-deċiżjoni alumina I |
|
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
Id-dritt |
|
Fuq l-ammissibbiltà |
|
Fuq il-mertu |
|
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ validitŕ u tal-effettivitŕ tal-atti tal-istituzzjonijiet kif ukoll tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II |
|
– Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ preżunzjoni ta’ legalitŕ u tal-effettivitŕ tal-atti tal-istituzzjonijiet |
|
– Fuq il-ksur tal-prinċipju lex specialis derogat legi generali |
|
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u ta’ motivazzjoni kontradittorja, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II |
|
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II |
|
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-Anness II tagħha, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2001/224, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II |
|
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-liġijiet li jirregolaw l-għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, l-inċiż (a) tat-tieni paragrafu tal-punt 82 tal-Linji gwida tal-Komunitŕ, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II |
|
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3) KE u tal-linji gwida, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II |
|
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalitŕ, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑60/06 RENV II kif ukoll fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II |
|
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II |
|
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi, imqajjem insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑62/06 RENV II |
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: it-Taljan u l-Ingliż.