SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar — Eċċess minn Spanja tal-kwoti tal-kavalli fiż-żoni VIII c, IX u X u fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Copace 34.1.1 attribwiti għall-2010 — Tnaqqis fuq il-kwoti ta’ ħut allokati għas-snin 2011 sa 2015 — Drittijiet tad-difiża — Ċertezza legali — Aspettattivi leġittimi — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑260/11,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn N. Díaz Abad u L. Banciella Rodríguez-Miñón, sussegwentement minn M. Sampoll Pucurull u Banciella Rodríguez-Miñón, abogados del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, F. Jimeno Fernández u D. Nardi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 165/2011 tat-22 ta’ Frar 2011, li jipprovdi għal tnaqqis minn ċerti kwoti tal-kavalli allokati lil Spanja għall-2011 u fis-snin sussegwenti minħabba s-sajd żejjed fl-2010 (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 11),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fl-2010, id-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea wettqu diversi missjonijiet sabiex jivverifikaw is-sistema ta’ qbid u ta’ kontrolli ġestit mill-awtoritajiet Spanjoli, fosthom il-missjoni tal-15 sad-19 ta’ Marzu 2010 f’Cantabria u fil-País Vasco (Spanja).

2

Sussegwentement għall-missjoni ta’ verifika inkwistjoni u fid-dawl tad-data li l-awtoritajiet Spanjoli ipprovdew dwar l-istaġun tas-sajd tal-kavalli fl-2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Renju ta’ Spanja eċċeda b’19 621 tunnellata l-kwoti li ġew allokati lilu f’dan il-każ għall-2010. Għalhekk, mill-punt 3.8 tar-rapport ta’ missjoni jirriżulta li, minn Marzu 2010, bi 39693 tunnellata maqbuda, il-kwoti annwali ta’ kavalli ta’ 24604 tunnellata ġew maqbuża b’61 %.

3

Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni nnotifikat ir-rapport ta’ missjoni lill-awtoritajiet Spanjoli u stedniethom sabiex jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

4

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu għal din l-istedina. Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom, l-imsemmijin awtoritajiet ma kkontestawx iċ-ċifri invokati mill-Kummissjoni.

5

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2010 indirizzata lill-Ministeru tal-Agrikultura, tas-Sajd u tal-Ikel Spanjol, D., membru tal-Kummissjoni nkarigata mis-sajd u l-affarjiet marittimi, minn naħa, enfasizzat l-importanza tas-sajd tal-kavalli mhux biss għar-Renju ta’ Spanja, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea fit-totalità tagħha, u li l-monitoraġġ u l-kontroll tiegħu kienu prijorità għall-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, hija rrilevat l-insuffiċjenza tal-kontrolli mwettqa fuq il-flotta Spanjola li stadet waqt l-istaġuni tas-sajd tal-kavalli kif ukoll id-diffikultà sabiex tinkiseb, mingħand l-awtoritajiet Spanjoli kompetenti, li wrew nuqqas ta’ kooperazzjoni, l-informazzjoni indispensabbli għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni.

6

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2010 indirizzata lil Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel Spanjol, D., essenzjalment, tenniet it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni ta’ sajd żejjed tal-kavalli u indikat li l-Kummissjoni rriżervat id-dritt li tuża l-istrumenti legali għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiggarantixxi l-osservanza stretta tad-dritt tal-Unjoni.

7

Fit-28 ta’ Novembru 2010, inżammet laqgħa bejn D. u A., Ministru tal-Ambjent, taż-Żoni Rurali u taż-Żoni Marini Spanjoli, li matulha ġiet indirizzata l-kwistjoni tas-sajd żejjed tal-kavalli. F’din l-okkażjoni, A. irrikonoxxiet il-prinċipju li l-kwantitajiet ta’ kavalli li twettaq sajd żejjed għalihom għandhom jitħallsu lura, iżda esprimiet ix-xewqa tagħha li tinnegozja l-kundizzjonijiet ta’ dan il-ħlas lura.

8

Fit-30 ta’ Novembru 2010, inżammet laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u rappreżentanti tal-awtoritajiet Spanjoli, li l-aġenda tagħha kienet tipprevedi, fil-punt 4 tiegħu, dan li ġej :

“Sajd tal-kavalli u tal-merluzz – rimbors tas-sajd żejjed stmat mill-2009

Taħt dan il-punt, id-Direttorat MARE C se jressaq l-istimi tiegħu tas-sajd żejjed Spanjol għal dawn iż-żewġ riżorsi mill-2009, billi jindirizza bl-istess mod il-kwistjoni tal-isforz tas-sajd allokat. Dan is-sajd żejjed jirrappreżenta kwantitajiet kbar għaż-żewġ riżorsi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ma kellhomx għażla oħra għajr li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [(KE) Nru 1224/2009] dwar it-tnaqqis fuq il-kwoti, jiġifieri l-Artikolu 105 tal-imsemmi regolament [...]. Id-dipartimenti tagħna huma disposti li jiddiskutu mal-awtoritajiet Spanjoli l-kundizzjonijiet tar-rimbors, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.”

9

Skont il-minuti ta’ din il-laqgħa, kif innotifikat lill-awtoritajiet Spanjoli, b’mod partikolari :

“Il-Kummissjoni tosserva li, sa fejn [ir-Renju ta’] Spanja tikkunsidra li ma teżistix bażi legali għar-rimbors tas-sajd żejjed qabel l-2010, dawn id-diskussjonijiet huma mingħajr skop. Il-Kummissjoni tenfasizza li r-regolamenti applikabbli jawtorizzawha sabiex tipproċedi, fl-2011 għal tnaqqis għas-sajd żejjed imwettaq fl-2010, li l-volum tiegħu huwa stmat għal madwar 19000 [tunnellata] ; il-koeffiċjent multiplikatur imsemmi fl-Artikolu 105 [tar-Regolament Nru 1224/2009] għandu jiġi applikat. Ir[Renju ta’] Spanja jindika li jaċċetta ċ-ċifri ta’ sajd żejjed użati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tispjega barra minn hekk, li hija ma għandix obbligu tikkonsulta lil [lir-Renju ta’] Spanja fuq il-forma ta’ tnaqqis imwettaq minħabba s-sajd żejjed (sakemm ma jkollhiex l-intenzjoni li tagħmel tnaqqis fuq riżorsi oħra minbarra l-kavalli). Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija mir-regolament ta’ kontroll hija prevista fil-każijiet kollha għall-ħlas lura mitlub minħabba sajd żejjed ‘storiku’. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-regolament ġdid ta’ kontroll huwa applikabbli, peress li l-punt ta’ tluq tal-proċedura ta’ ħlas lura huwa l-fatt li l-Kummissjoni tikkonkludi li s-sajd żejjed storiku abbażi ta’ data affidabbli, u dan huwa dak li ġara fl-2010.”

10

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ 2010 indirizzata lill-A., D., essenzjalment, stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jindirizzaw b’mod urġenti l-kwistjoni tas-sajd żejjed. Hija fakkret ukoll li d-dipartimenti tal‑Kummissjoni u l-imsemmijin awtoritajiet kienu fil-preżent qegħdin jaħdmu sabiex jikkalkolaw il-volumi reali ta’ sajd żejjed u sabiex ifasslu mekkaniżmu għar-rimbors kif ukoll li jiżviluppaw pjan ta’ azzjoni li jsaħħaħ is-sistema ta’ kontroll Spanjola. F’dan ir-rigward, D. irrakkomandat ħafna li l-istaġun tas-sajd tal-kavalli tal-2011 jinfetaħ biss għal 50 % tal-kwota allokata għar-Renju ta’ Spanja għal din is-sena.

11

Fil-21 ta’ Diċembru 2010, ir-Renju ta’ Spanja adottat l-Orden ARM/3315/2010, de 21 de diciembre, por la que se modifica la Orden ARM/271/2010, de 10 de febrero, por la que se establecen los criterios para el reparto y la gestión de la cuota de caballa, y se regula su captura y desembarque (Digriet ARM 3315/2010 dwar modifika tad-Digriet ARM 271/2010, tal-10 ta’ Frar 2010, li jistabbilixxi l-kriterji ta’ tqassim u ġestjoni tal-kwota tal-kavalli u li jirregola l-qbid u l-isbark, BOE no 310, du 22 décembre 2010, p. 105 675, iktar ’il quddiem id-“Digriet ARM 3315/2010”). Skont l-Artikolu 2(2) tad-Digriet ARM 3315/2010, l-istaġun tas-sajd tal-kavalli kien mistenni li jibda fil-15 ta’ Frar 2011.

12

Fil-11 ta’ Jannar 2011, inżammet laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli. Skont l-aġenda tagħha, din il-laqgħa kellha tiġi ddedikata għall-analiżi tad-data tal-qbid mill-flotta Spanjola tal-kavalli fl-Atlantiku tal-Grigal matul il-perijodu li jibda mill-2002 sal-2010, peress li dan l-istokk probabbilment kien sajd żejjed. Skont il-punt 1 ta’ din l-aġenda:

“Sajd tal-kavalli u tal-merluzz – rimbors tas-sajd żejjed stmat mill-2009

Taħt dan il-punt, id-Direttorat MARE C se jressaq l-istimi tagħha ta’ sajd żejjed Spanjol għal dawn iż-żewġ riżorsi mill-2009, billi jindirizza bl-istess mod il-problema tal-attribuzzjoni tal-isforz tas-sajd. Dan is-sajd żejjed jirrapreżenta kwantitajiet kbar għaż-żewġ riżorsi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ma għandhomx għażla oħra għajr li japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Kontroll dwar it-tnaqqis fuq il-kwoti, jiġifieri l-Artikolu 105 tal-(imsemmi) regolament. Id-dipartimenti tagħna huma disposti li jiddiskutu mal-awtoritajiet Spanjoli l-kundizzjonijiet ta’ rimbors, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.”

13

Skont il-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2011, kif innotifikati lill-awtoritajiet Spanjoli, b’mod partikolari :

“Il-Kummissjoni tindika li, sa fejn [Renju ta’] Spanja tikkunsidra li ma teżistix il-bażi legali għar-rimbors tas-sajd żejjed qabel is-sena 2010, dawn id-diskusjonijiet huma mingħajr għan. Il-Kummissjoni tenfasizza li fl-2011, ir-regolamenti applikabbli awtorizzawha tipproċedi għat-tnaqqis għas-sajd żejjed imwettaq fl-2010, fejn il-volum kien stmat għal madwar 19000 [tunnellata]; il-koeffiċjent multiplikatur imsemmi fl-Artikolu 105 [tar-Regolament ta’ Kontroll] japplika. [Ir-Renju ta’] Spanja tindika li [huwa] [t]aċċetta ċ-ċifri fuq is-sajd żejjed użati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tispjega barra dan li hija ma għandhiex l-obligu li tikkonsulta lil [lir-Renju ta’] Spanja dwar il-forma ta’ tnaqqis imwettaq minħabba s-sajd żejjed (sakemm ma jkollhiex l-intenzjoni li twettaq tnaqqis fuq riżorsi li ma humiex kavalli). Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija mir-Regolament ta’ Kontroll hija pprovduta fil-każijiet kollha għall-ħlas lura mitlub minħabba s-sajd żejjed “storiku”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Regolament ta’ Kontroll il-ġdid huwa applikabbli, peress li l-punt ta’ tluq tal-proċedura tal-ħlas lura huwa l-fatt li l-Kummissjoni waslet għal sajd żejjed storiku fuq il-bażi ta’ data affidabbli, u dan huwa dak li ġara fl-2010.”

14

Fl-24 ta’ Jannar 2011, inżammet laqgħa bejn E., Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Affarijiet Marittimi u s-Sajd tal-Kummissjoni, u V. I., Segretarju Ġenerali għall-baħar fi ħdan il-Ministeru tal-Ambjent, taż-Żoni Rurali u ż-Żoni Marini Spanjol, għad-domanda ta’ din tal-aħħar, li tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ sajd żejjed tal-kavalli. Wara din il-laqgħa, permezz tal-posta elettronika tat-8 ta’ Frar 2011, V. I. ipproponiet lil E., l-ewwel nett, li l-ammont totali tat-tnaqqis jiġi ffissat, it-tieni nett, li, bħall-“eżempju Brittaniku”, jiġi stabbilit koeffiċjent ta’ tnaqqis ta’ 0.7, it-tielet nett, li jiġi pprovdut perijodu adegwat ta’ ħmistax-il sena, ir-raba’ nett, li, inkunsiderazzjoni ta’ raġunijiet soċjali u ekonomiċi, ma tinqabiżx rata ta’ tnaqqis bejn 15 % u 18 %, il-ħames nett, li tiġi stabbilita klawżola ta’ reviżjoni sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni wara d-dekors ta’ nofs il-perijodu, jiġifieri wara s-seba’ jew it-tmien sena, u s-sitt nett, li jiġu applikati l-aġġustamenti neessarji sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tal-ammont totali.

15

Fl-4 ta’ Frar 2011, inżammet laqgħa bilaterali bejn D. u A., li matulha din tal-aħħar ġiet infurmata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tapplika t-tnaqqis fuq perijodu ta’ sentejn. Għaldaqstant, A. talbet perijodu itwal sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi ekonomiċi u interessi tal-flotta tas-sajd Spanjola, li teħtieġ ċertu żmien sabiex tadatta ruħha għall-konsegwenzi possibbli tas-sajd żejjed u tat-tnaqqis sussegwenti.

16

Sussegwentement, id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni bdew il-proċedura ta’ konsultazzjoni interdipartimentali fuq l-abbozz tar-regolament ikkontestat billi ġie propost li t-tnaqqis jiġi mifrux fuq perijodu ta’ erba’ snin u li jiżdied progressivament l-ammont tal-imsemmi tnaqqis.

17

Matul konverżazzjoni telefonika li seħħet, jew fis-17, jew fit-18 ta’ Frar 2011, bejn K., membru tal-kabinett ta’ D., u A., din tal-aħħar talbet li t-tnaqqis maħsub għandu jinfirex fuq perijodu ta’ ħames jew sitt snin. Billi D. qablet mat-talba li jinfirex l-imsemmi tnaqqis fuq perijodu ta’ ħames snin, il‑proċedura ta’ konsultazzjoni interdipartimentali imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq ġiet sospiża u reġgħet infetħet fit-22 ta’ Frar 2011, għall-finijiet tal-modifika neċesarja tal-anness tal-abbozz ta’ regolament ikkontestat.

18

Fit-22 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 165/2011, li jipprovdi għal tnaqqis minn ċerti kwoti tal-kavalli allokati lil Spanja għall-2011 u fis-snin sussegwenti minħabba s-sajd żejjed fl-2010 (ĠU L 48, p. 11, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), abbażi tal-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Kontroll”).

19

Fil-premessa 1 tar-regolament ikkontestat, huwa pprovdut li “[i]l-kwota tas-sajd għall-kavalli fiż-żona [żoni] VIIIc, IX u X; [f]l-ilmijiet tal-U[njoni] tas-CECAF 34.1.1 kienet allokata lil Spanja bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 53/2010 [ĠU 2010, L 21, p. 1.] għall-2010 u bir-Regolament (UE) Nru 57/2011 [ĠU 2011, L 24, p. 1.] għall-2011”.

20

Il-premessa 3 tar-regolament ikkontestat tipprovdi li “[i]l-Kummissjoni sabet li kien hemm inkonsistenzi fid-dejta Spanjola [kkomunikata mir-Renju ta’ Spanja] dwar is-sajd tal-kavalli fl-2010 billi għamlet kontroverifika ta’ din id-dejta hekk kif din ġiet irreġistrata u rrapurtata fi stadji differenti fil-katina tal-valur mill-qbid sal-ewwel bejgħ”, li “[d]awn l-inkonsistenzi ġew ikkorroborati iktar permezz tat-twettiq ta’ diversi verifiki, missjonijiet ta’ verifika u spezzjonijiet fi Spanja skont ir-Regolament [ta’ kontroll]” u li “[l]-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi li dan l-Istat Membru qabeż il-kwota tiegħu tal-kavalli fis-sena 2010 b’19 621 tunnellata”.

21

Skont il-premessi 4 u 5 tar-regolament ikkontestat, minn naħa, “[s]kont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 105 tar-Regolament [ta’ kontroll], meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet li Stat Membru jkun qabeż il-kwoti tas-sajd li kienu allokati lilu, il-Kummissjoni għandha tnaqqas il-kwoti tas-sajd tal-futur ta’ dak l-Istat Membru” u, min-naħa l-oħra, “[i]l-paragrafu 2 tal-Artikolu 105 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jgħid li t-tnaqqis mill-kwoti tas-sajd għandu jsir fis-sena jew fis-snin ta’ wara billi jiġu applikati ċerti fatturi ta’ multiplikazzjoni mogħtija f’dak il-paragrafu”.

22

Skont il-premessa 6 tar-regolament ikkontestat, “[i]t-tnaqqis li japplika għas-sajd żejjed fl-2010 huwa ogħla mill-kwota allokata lil Spanja [lir-Renju ta’ Spanja] għall-2011 għall-istokk ikkonċernat”.

23

Fl-aħħar nett il-premessa 7 tar-regolament ikkontestat tipprovdi s-segwenti:

“L-istokk tal-kavalli inkwistjoni bħalissa jinsab f’limiti bijoloġiċi sikuri u l-parir xjentifiku jindika li x’aktarx jibqa’ hekk fil-futur prevedibbli. L-applikazzjoni bis-sħiħ u minnufih tat-tnaqqis mill-kwoti tal-kavalli għa[r-][Renju ta’ Spanja] għall-2011 iwassal biex dan is-sajd jingħalaq kompletament għall-2011. Fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, l-għeluq għal kollox [ta’ dan is-sajd] x’aktarx se jinvolvi riskji serji ta’ konsegwenzi soċjoekonomiċi sproporzjonati kemm fis-settur tas-sajd ikkonċernat kif ukoll fl-industrija tal-ipproċessar assoċjata miegħu. Biex wieħed iżomm bilanċ u b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, huwa meqjus li jkun xieraq li f’dan il-każ partikolari, it-tnaqqis meħtieġ biex ipatti għall-ammont ta’ sajd żejjed, isir fuq perjodu ta’ 5 snin, mill-2011 sal-2015 u, jekk ikun meħtieġ, li l-bqija tat-tnaqqis isir mill-kwota tal-kavalli allokati fis-snin li jiġu eżatt wara.”

24

L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jipprovdi li “[i]l-kwota tas-sajd għall-kavalli (Scomber scombrus) fiż-żona VIIIc, IX u X; [f]l-ilmijiet tal-U[njoni] tas-CECAF 34.1.1 li kienu allokati lil Spanja bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 fl-2011 għandha titnaqqas kif jidher fl-Anness.”.Bl-istess mod l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[i]l-kwota tas-sajd għall-kavalli (Scomber scombrus) fiż-żona VIIIc, IX u X; [u f]l-ilmijiet tal-U[njoni] tas-CECAF 34.1.1 li tista’ tiġi allokata lil Spanja fis-snin bejn l-2012 u l-2015 u, fejn xieraq, il-kwota tas-sajd għall-istess stokk li tista’ tiġi allokaat lil Spanja fis-snin sussegwenti għandha titnaqqas kif jidher fl-Anness”.

25

L-Anness tar-regolament ikkontestat jipprovdi għalhekk tabella li fiha kolonna intitolata “Differenza fil-kwota tal-qabdiet (sajd żejjed)” f’din il-kolonna hemm indikat “– 19621 [tunnellata] (79.7 % tal-kwota għall-2010)”, wara hemm kolonna li tindika “[koeffiċjent multiplikatur] tal-Artikolu 105(2) tar-Regolament [ta’ kontroll] (sajd żejjed × 2)” ta’ “– 39242 [tunnellata]”, kif ukoll kolonni li jipprovdu tnaqqis għas-snin 2011 sa 2015, jiġifieri rispettivament 4500 tunnellata għas-sena 2011, 5500 tunnellata għas-sena 2012, 9748 tunnellata għas-sena 2013, 9747 tunnellata għas-sena 2014 et 9747 tunnellata għas-sena 2015, “u, fejn xieraq, għas-snin sussegwenti”.

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2011, ir-Renju ta’ Spanja ressaq il-kawża preżenti.

27

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

29

Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u għaldaqstant din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

30

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

31

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-11 ta’ Diċembru 2013. Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tħalli l-proċedura orali miftuħa, bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproduċi l-informazzjoni rilevanti kollha li tista’ turi li l-awtoritajiet Spanjoli kienu nstemgħu, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, fuq b’liema mod l-imsemmi regolament fiħsiebu jipproċedi bit-tnaqqis fuq il-kwoti tas-sajd tal-kavalli, dak li kien innotat fil-verbal tas-seduta.

32

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ssottomettiet osservazzjonijiet u informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward.

33

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2014, ir-Renju ta’ Spanja ssottometta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-imsemmija ittra tal-Kummissjoni.

34

Il-Qorti Ġenerali ordnat l-għeluq tal-proċedura orali fl-4 ta’ Frar 2014.

Id-dritt

Sommarju tal-motivi ta’ annullament

35

Insostenn tar-rikors, ir-Renju ta’ Spanja invoka sitt motivi, jiġifieri, l-ewwel nett, ksur tal-Artikolu 105(6) tar-Regolament ta’ Kontroll, it-tieni nett, ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali peress li ma ntalbitx opinjoni motivata minn qabel mingħand il-kumitat ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 119 tal-istess regolament, it-tielet nett, ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, ir-raba’ nett, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-ħames nett, ksur tal-prinċipju tal‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, is-sitt nett, ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 105(6) tar-Regolament ta’ Kontroll

36

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-regolament ikkontestat huwa illegali billi dan ġie adottat qabel ma l-Kummissjoni stabbilixxiet regoli ta’ applikazzjoni skont l-Artikou 105(6) tar-Regolament ta’ Kontroll, li jimponi l-adozzjoni ta’ regoli dwar l-iffissar ta’ kwantitajiet inkwistjoni. Barra dan, huwa jikkontesta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105(1) tal-imsemmi regolament huma ċari u preċiżi biżżejjed u li ma jeħtieġu ebda miżura ta’ eżekuzzjoni. Il-fatt li l-Artikolu 105(6) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li r-regoli ta’ applikazzjoni “jistgħu” jiġu stabbiliti ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tadottahom jew sabiex tagħżel għal dan il-għan bejn il-proċedura msemmija fl-Artikolu 119 tal-istess regolament u proċedura oħra.

37

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

38

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 105(6) tar-Regolament ta’ Kontroll jipprovdi li “[j]istgħu jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, u b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ikkonċernati, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 119”, jiġifieri il-proċedura skont l-Artikolu 119(2) tal-istess regolament, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 76 M, 16.3.2007, p. 100).

39

Barra dan, l-Artikolu 119 tar-Regolament ta’ Kontroll, taħt it-titolu “Proċedura ta’ kumitat”, jipprovdi, b’mod partikolari:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejuna mil-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

2.   Fejn isir referenza għal dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

[...]”

40

B’mod partikolari, l-użu fl-Artikolu 105(5) tar-Regolament ta’ Kontroll tal-kliem “jistgħu” juri, minn naħa, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kwistjoni ta’ prinċipju ta’ jekk għandhiex tiġi sottomessa lill-kumitat kompetenti proposta ta’ stabbiliment ta’ regoli ta’ applikazzjoni f’dan is-sens (ara, b’mod partikolari, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 1999/468) u, min-naħa l-oħra, li din is-setgħa diskrezzjonali tinkludi wkoll il-kapaċità tal-Kummissjoni li tagħżel, għal dan il-għan, bejn suġġetti u strumenti differenti koperti mill-imsemmi regolament. Fil-fatt, hija biss din l-interpretazzjoni li hija kompatibbli mal-fatt li l-Artikolu 105(6) jistabbilixxi, bħala eżempju (“b’mod partikolari”), il-kapaċità – u mhux l-obbligu – li tistabbilixxi regoli ta’ applikazzjoni “għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ikkonċernati”.

41

Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja jitlaq minn premessa żbaljata meta jsostni li l-Kummissjoni għandha l-obligu li tistabbilixxi regoli ta’ applikazzjoni bil-għan li timplementa l-istrumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha skont l-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament ta’ Kontroll, il-portata tas-setgħa tal-Kummissjoni u l-kriterji li jirregolaw l-implementazzjoni ta’ dawn l-istrumenti li pjuttost jiddependu mill-kliem stess tal-imsemmijin dispożizzjonijiet.

42

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex biżżejjed ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet sabiex jippermettu lill-Kummissjoni teżegwihom direttament fir-rigward tal-Istati Membri kkonċernati.

43

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament ta’ Kontroll:

“1.   Meta l-Kummissjoni tkun stabbiliet li Stat Membru ikun qabeż il-kwoti allokati lilu, il-Kummissjoni għandha topera tnaqqis minn kwoti futuri ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Fil-każ ta’ sajd żejjed aktar mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal Stat Membru f’sena speċifika, il-Kummissjoni għandha topera tnaqqis mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem annwali fis-sena jew is-snin li jsegwu mill-kwota annwali tal-Istat Membru li stad iż-żejjed billi tapplika fattur ta’ multiplikazzjoni skont it-tabella li ġejja:

Livell ta’ sajd żejjed imqabbel mal-iżbark permess

Fattur ta’ multiplikazzjoni

Sa 5 %

Sajd żejjed * 1,0

Aktar minn 5 % sa 10 %

Sajd żejjed * 1,1

Aktar minn 10 % sa 20 %

Sajd żejjed * 1,2

Aktar minn minn 20 % sa 40 %

Sajd żejjed * 1,4

Aktar minn 40 % sa 50 %

Sajd żejjed * 1,8

Kwalunkwe sajd żejjed ieħor, aktar minn 50 %

Sajd żejjed * 2,0

Madankollu, tnaqqis ekwivalenti għas-sajd żejjed * 1,00 għandu japplika fil-każijiet kollha ta’ sajd żejjed relattiv ma’ żbark permess ekwivalenti għal, jew inqas minn, 100 tunnellata.”

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li qed isostni r-Renju ta’ Spanja, il-kliem tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament ta’ Kontroll jistabbilixxu kompetenza marbuta tal-Kummissjoni fis-sens li, meta hija stabbiliet l-eżistenza ta’ qbiż ta’ kwoti ta’ sajd minn Stat Membru, hija għandha l-obbligu li topera tnaqqis minn kwoti futuri ta’ dak l-Istat Membru (“topera”). Bl-istess mod, l-Artikolu 105(2) tal-istess regolament ma jagħtix iktar setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni fir-rigward tal-azzjoni li għandha tittieħed għal dan il-qbiż “f’sena speċifika”, iżda jobbligaha li topera “tnaqqis mill-kwota [...] fis-sena jew is-snin li jsegwu mill-kwota annwali tal-Istat Membru” (“topera”) billi tapplika koeffiċjent multiplikatur iffissat minn qabel skont ir-rata ta’ qbiż ikkonstatat (“tapplika”). Barra minn hekk, minn dan jirriżulta, kif argumentat il-Kummissjoni, il-volum totali ta’ tnaqqis li għandu jitwettaq huwa r-riżultat ta’ operazzjoni ta’ kalkolu preċiż, fejn il-parametri – jiġifieri r-rata ta’ qbiż u l-koeffiċjent multiplikatur – jiġu konkretament stabbiliti minn din id-dispożizzjoni stess, b’tali mod li l-Kummissjoni ma jkollha ebda marġini ta’ diskrezzjoni sabiex tiffissa l-limitu tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha biss setgħa diskrezzjonali fil-mod ta’ kif jitqassam dan it-tnaqqis mill-“kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem annwali fis-sena jew is-snin [...]li jsegwu mill-kwota annwali tal-Istat Membru”, jiġifieri l-firxa tagħhom fiż-żmien kif ukoll l-iffissar tal-perijodu li matulu dan it-tnaqqis għandu jitwettaq sabiex jintlaħaq il-limitu stabbilit.

45

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament ta’ Kontroll, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kalkolu tal-ammont totali ta’ tnaqqis li għandu jitwettaq, huma biżżejjed ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet u għaldaqstant ikunu jistgħu jiġu applikati immedjatament mill-Kummissjoni.

46

Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja huwa żbaljat meta jinvoka ksur ta’ allegat obbligu inkundizzjonat tal-Kummissjoni li tistabbilixxi regoli ta’ applikazzjoni, inkluż għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ikkonċernati, bħala kundizzjoni ta’ legalità minn qabel tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament ta’ Kontroll.

47

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra mqajma mill-partijiet f’dan il-kuntest.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

48

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment jargumenta li r-regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn illegalità proċedurali peress li, qabel l-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni ma kinitx rċeviet l-opinjoni motivata tal-kumitat ta’ ġestjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 119 tar-Regolament ta’ Kontroll.

49

Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li ma segwietx il-proċedura li hija abitwalment issegwi fil-qasam tas-sanzjonijiet kontra l-Istati Membri minħabba sajd żejjed Kuntrarjament għal din il-prassi, hija adottat ir-Regolament ikkontestat mingħajr ma kienet irċiviet minn qabel l-opinjoni motivata tal-kumitat ta’ ġestjoni, korp li fi ħdanu l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u jiddefendu l-interessi tagħhom, li jkun ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta r-rilevanza tad-distinzjoni użata mill-Kummissjoni bejn żewġ sistemi ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 105 tar-Regolament ta’ Kontroll, jiġifieri, minn naħa, il-proċedura “ordinarja” (paragrafi 2, 3 u 5 tal-imsemmi artikolu) u, min-naħa l-oħra, il-proċedura “storika” (paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu), li tkun biss suġġetta għall-proċedura ta’ kumitat u li teżiġi konsultazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. Bl-istess mod, hija żbaljata t-teżi skont liema l-paragrafu 6 tal-Artikolu 105 tar-Regolament ta’ Kontroll jikkonċerna biss il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu. Il-fatt li regoli ta’ applikazzjoni jistgħu jiġu stabbiliti “b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ikkonċernati […]” juri li l-paragrafu 6 jirreferi għall-iffissar ta’ dawn il-kwantitajiet skont kull wieħed mill-paragrafi ta’ dan l-artikolu.

50

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

51

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament ta’ Kontroll, li fuqhom huwa bbażat esklużivament ir-regolament ikkontestat, ma jipprevedux proċedura ta’ konsultazzjoni tal-kumitat ta’ ġestjoni fis-sens tal-paragrafu 6 tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 19 tal-istess regolament. Kif tfakkar korrettament il-Kummissjoni, huwa biss il-paragrafu 4 tal-Artikolu 105 li jipprovdi din il-proċedura kif ukoll konsultazzjoni minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward ta’ “tnaqqis minn kwoti futuri ta’ dak l-Istat Membru” meta f’dan l-Istat Membru “tinqabeż il-kwota, […] fi snin preċedenti […]”, li l-Kummissjoni ddeskriviet bħala tnaqqis “storiku” li jkopri bosta snin. Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll ma jagħmilx riferiment għall-qbiż tal-kwota “f’sena speċifika” u għaldaqstant ma jistax jiġi kklassifikat bħala “storiku” f’dan is-sens.

52

Barra minn hekk, il-proċedura speċjali, ma ġietx applikata f’dan il-każ, skont l-Artikolu 105(5) tar-Regolament ta’ Kontroll, li tawtorizza il-Kummissjoni sabiex tagħmel “tnaqqis il-kwoti, fis-sena jew snin ta’ wara, għal stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet oħra disponibbli għal [...][S]tat Membru fl-istess żona ġeografika , jew bl-istess valur kummerċjali”, meta fl-imsemmi Stat Membru “il-kwota, [...] mhuwiex disponibbli [jew ma hijiex disponibbli] b’mod suffiċjenti” għar-riżorsi li sar sajd żejjed minnha, ma jirrikorrix iktar għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 119 tal-imsemmi regolament u għaldaqstant għal konsultazzjoni minn qabel tal-kumitat ta’ ġestjoni, iżda biss tali konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.

53

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li kemm l-Artikolu 140 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011, tat-8 ta’ April 2011, dwar ir-regoli ta’ applikazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (ĠU L 112, p. 1), li daħal fis-seħħ wara l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u, għaldaqstant, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, jipprevedi l-obbligu biss għall-Kummissjoni li tikkonsulta l-Istat Membru kkonċernat meta jikkunsidraw li tagħmel tnaqqis skont l-Artikolu 105(4) u (5) tar-Regolament ta’ Kontroll, mingħajr ma tissemma l-proċedura ta’ kumitat skont l-Artikolu 119 tiegħu.

54

Konsegwentement, l-argument tar-Renju ta’ Spanja skont liema l-proċedura ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 119 tar-Regolament ta’ Kontroll għandha tiġi segwita fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 105 tal-imsemmi regolament ma ssib sostenn la fil-kliem tal-imsemmi artikolu u lanqas fil-kuntest leġiżlattiv tiegħu. Ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma jista’ juża l-argument li l-paragrafu 6 ta’ dan l-aħħar artikolu jirreferi għad-“determinazzjoni tal-kwantitajiet ikkonċernati” skont kull wieħed mill-paragrafi tal-istess artikolu, b’tali mod li r-regoli ta’ applikazzjoni għandhom jiġu stabiliti mill-Kummissjoni għall-każijiet kollha msemmija hemmhekk. Kif ġie spjegat ukoll fil-punti 38 sa 47 iktar ’il fuq, minn naħa, l-Artikolu 105(6) ta’ dan ir-regolament jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105(1) u (2) tal-istess regolament, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kalkolu tal-ammont totali ta’ tnaqqis li għandu jitwettaq, huma biżżejjed ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet u għaldaqstant ikunu jistgħu jiġu applikati immedjatament.

55

Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni li tbiegħdet mill-proċedura segwita abitwalment, b’mod partikolari dik li tiġi qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1004/2010, tat-8 ta’ Novembru 2010, dwar it-tnaqqis ta’ ċerti kwoti tas-sajd għall-2010 minħabba sajd żejjed tal-ħut fis-sena ta’ qabel (ĠU L 291, p. 31), dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv f’dan il-kuntest, peress li dan l-ilment jista’ l-iktar ikun rilevanti fil-kuntest tar-raba’ sas-sitt motivi, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni, la mid-dispożittiv u lanqas mill-motivi tal-imsemmi regolament ma jirriżulta li qabel l-adozzjoni tiegħu saret konsultazzjoni tal-kumitat ta’ ġestjoni.

56

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

57

Skont ir-Renju ta’ Spanja, essenzjalment, il-miżuri ta’ tnaqqis għandhom jiġu adottati fl-osservanza tal-garanziji kollha proċedurali li jippermettu lill-Istat Membru kkonċernat li jiddefendi ruħu, inkluż id-dritt li jinstema’, li huwa normalment eżerċitat permezz tal-kumitat ta’ ġestjoni. F’dan ir-rigward, filwaqt li rrefera għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Novembru 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑76/11), ir-Renju ta’ Spanja ippreċiża, waqt is-seduta, li ma huwiex qed jinsisti fuq l-argument tiegħu bbażat fuq in-natura ta’ “sanzjoni” tal-miżuri tat-tnaqqis. Madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli qatt ma ġew ikkonsultati dwar il-kundizzjonijiet li fihom it-tnaqqis kellu jiġi implementat, bħalma huma r-rati massimi ta’ tnaqqis kull sena, il-perijodu ta’ ħlas lura u l-kundozzjonijiet soċjoekonomiċi eżistenti għall-evalwazzjoni tal-opportunità ta’ tnaqqis progressiv jew linejari. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li r-Renju ta’ Spanja ma kkontestax iċ-ċifri li juri s-sajd żejjed tal-kavalli fl-2010 ma jfissirx li huwa jaċċetta l-ħlas lura taħt kwalunkwe kundizzjoni tkun li tkun.

58

Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja rrinunzja għall-ilment tiegħu, li tressaq l-ewwel darba fir-replika, li bih jallega li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tiegħu billi naqset milli tipproponi l-allokazzjoni ta’ tnaqqis fuq il-kwoti tal-istokkijiet jew il-gruppi ta’ stokkijiet l-oħra, skont l-Artikolu 105(5) tar-Regolament ta’ Kontroll, dan huwa dak li ġie annotat fil-verbal tas-seduta.

59

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

60

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux instemgħu kif xieraq qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat dwar il-modalitajiet tal‑implementazzjoni tat-tnaqqis impost, jiġifieri l-applikazzjoni tal-kriterju “mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem annwali fis-sena jew is-snin li jsegwu” skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll. Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li ġie debitament infurmat u mismugħ fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ kriterji oħra pprovduti fl-Artikolu 105(1) u (2) tal-istess regolament.

61

Kif ġie spjegat ukoll fil-punt 44 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali f’dak li jikkonċerna il-kwistjoni ta’ jekk u b’liema mod hija beħsiebha talloka dan it-tnaqqis “mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem annwali fis-sena jew is-snin li jsegwu” skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll, jiġifieri dwar it-tqassim fiż-żmien tal-imsemmi tnaqqis kif ukoll l-iffissar tal-perijodu li matulu dan it-tnaqqis għandu jitwettaq sabiex jintlaħaq il-limitu impost. Mill-premessa 7 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni użat din is-setgħa diskrezzjonali billi kkunsidrat diversi kriterji, fosthom, b’mod partikolari, il-fatt li l-istokk tal-kavalli kkonċernat “jinsab f’limiti bijoloġiċi sikuri” u l-pariri xjentifiċi jindikaw li, “x’aktarx jibqa’ hekk fil-futur prevedibbli” kif ukoll in-natura mhux adegwata ta’ “[l]-applikazzjoni bis-sħiħ u minnufih tat-tnaqqis mill-kwoti tal-kavalli għa[r-][Renju ta’ Spanja] għall-2011”, fis-sens li “[j]wassal biex dan is-sajd jingħalaq kompletament għall-2011” u, għaldaqstant, b’mod l-iktar probabbli għal “konsegwenzi soċjoekonomiċi sproporzjonati kemm fis-settur tas-sajd ikkonċernat kif ukoll fl-industrija tal-ipproċessar assoċjata miegħu”.

62

Għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita skont liema, kif ukoll jikkonfermaw l-Artikoli 41, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ, jokkupaw post u għandhom portata kbira ħafna fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, peress li dawn id-drittijiet japplikaw għal kwalunkwe proċeduri li jistgħu jwasslu għal att li jikkawża preġudizzju. Barra dan, ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet japplika anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix speċifikament tali formalità. Ghalhekk, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-22 ta’ Novembru 2012, M.M., C‑277/11, punti 81 sa 87, u l-ġurisprudenza ċċitata ; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il-Kummissjoni, C-135/92, Ġabra p. I-2885, punti 39 u 40 ; tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21, u tad-9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-287/02, Ġabra p. I-5093, punt 37). Peress li, fid-dawl tan-natura tiegħu ta’ prinċipju fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża ma tistax la tiġi eskluża u lanqas tiġi limitata minn dispożizzjoni leġiżlattiva u l-osservanza tiegħu għandha għaldaqstant tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll meta jkun hemm leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hi stess tal-imsemmi prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 1997, Air Inter vs Il-Kummissjoni, T-260/94, Ġabra p. II-997, punt 60).

63

Barra minn hekk, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali – bħalma hija l-Kummissjoni skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll (ara l-punt 61 iktar ’il fuq) – l-osservanza ta’ garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tesponi l-opinjoni tagħha wkoll dak li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni. Fil-fatt, huwa b’mod partikolari b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14; tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 58, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-405/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 56).

64

Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ, bħala prinċipju u dritt fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa wiesa’ meta l-amministrazzjoni jkollha l-ħsieb li tadotta att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri att li jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-interessi tal-individwu jew tal-Istat Membru kkonċernat, peress li l-applikazzjoni tiegħu ma tkunx tiddependi mill-eżistenza ta’ regola espressa għal dan il-għan prevista mid-dritt sekondarju. Għandu jiġi rrilevat li t-tnaqqis impost mir-regolament ikkontestat jikkostitwixxi tali atti li jikkawżaw preġudizzju lir-Renju ta’ Spanja billi jimponi tnaqqis sinjifikattiv tal-kwoti ta’ sajd annwali li huma allokati lilu matul il-perijodu li jibda mill-2011 sa 2015 mill-inqas. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat l-ammonti rispettivi tal-imsemmi tnaqqis kif ukoll il-perijodu li matulu kellu jiġi applikat fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll.

65

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni rrispettatx id-dritt għal smigħ tal-awtoritajiet Spanjoli li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tat-tnaqqis maħsub, inkluż l-iffissar tal-ammont tiegħu annwali u l-kumpens mifrux fiż-żmien.

66

L-ewwel nett, huwa stabbilit li, wara missjonijiet imwettqa fi Spanja li jikkonċernaw l-istaġun tas-sajd tal-kavalli tal-2010, il-Kummissjoni, minn naħa, debitament infurmat lill-awtoritajiet Spanjoli bil-konklużjonijiet tagħha skont liema r-Renju ta’ Spanja kien eċċeda b’19 621 tunnellata l‑kwoti li kienu ġew allokati lilu għal din l-ispeċi għall-2010 u li, minn Marzu 2010, b’39 693 tunnellata maqbuda, il-kwoti annwali ta’ kavalli ta’ 24604 tunnellata kienet inqabżet b’61 % u, min-naħa l-oħra, stiednet l-imsemmijin awtoritajiet sabiex jifformulaw l-osservazjonijiet tagħhom, fil-kuntest ta’ liema huma naqsu milli jikkontestaw iċ-ċifri stabbiliti mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-iktar tard f’Lulju 2010, il-Kummissjoni lmentat minn nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet Spanjoli f’dan ir-rigward u talbet li tingħata informazzjoni indispensabbli għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni.

67

It-tieni nett, kemm mill-punt 4 tal-aġenda tal-laqgħa tat-30 ta’ Novembru 2010 u mill-punt 1 tal-aġenda tal-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2011 jirriżulta li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu “disposti li jiddiskutu mal-awtoritajiet Spanjoli l-kundizzjonijiet tar-rimbors, abbażi ta’ d-dispożizzjonijiet” tal-Artikolu 105 tar-Regolament ta’ Kontroll (ara l-punti 8 u 12 iktar ’il fuq).

68

It-tielet nett, anki jekk il-Kummissjoni ddikjarat, fil-minuti tal-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq, li ma tistax tkun obbligata li tikkonsulta lill-awtoritajiet Spanjoli “fuq il-forma ta’ tnaqqis imwettaq minħabba s-sajd żejjed” (ara punti 9 u 13 iktar ’il fuq), mill-elementi ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti sottomessi mill-Kummissjoni wara s-seduta, li l-kontenut ma huwiex bħala tali ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja, jirriżulta, b’mod partikolari, li, matul il-perijodu li jibda mill-aħħar ta’ Novembru 2010 sa madwar nofs Frar 2011 u, għaldaqstant, qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-imsemmijin awtoritajiet kienu f’kuntatt permanenti bejniethom dwar l-implementazzjoni konkreta tal-kwantità totali ta’ tnaqqis, hekk kif iddeterminat mill-Kummissjoni u aċċettat mir-Renju ta’ Spanja (ara punti 7 sa 17 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, wara laqgħa tal-24 ta’ Jannar 2011 bejn E. u V. I., din tal-aħħar ressqet diversi proposti, b’mod partikolari, fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ tnaqqis, fil-perijodu adegwat sabiex jinfirex it-tnaqqis u għar-rata ta’ tnaqqis li għandha tiġi applikata (ara punt 14 iktar ’il fuq). Barra dan, billi ġiet infurmata, fl-4 ta’ Frar 2011, matul laqgħa bilaterali ma’ D., dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappilka t-tnaqqis fuq perijodu ta’ sentejn, A. talbet perijodu itwal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi ekonomiċi u interessi tal-flotta tas-sajd Spanjola, li kellha bżonn ta’ ċertu żmien sabiex tadatta ruħha għall-konsegwenzi possibbli tas-sajd żejjed u għat-tnaqqis sussegwenti (ara punt 15 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, wara d-deċiżjoni tad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni li jipproponu, mal-anness tal-abbozz ta’ regolament ikkontestat, tqassim tat-tnaqqis fuq perijodu ta’ erba’ snin u li jiżdied progressivament l-ammont tal-imsemmi tnaqqis, A. talbet sabiex it-tnaqqis intiż jitqassam fuq perijodu ta’ ħames jew sitt snin. Din it-talba wasslet għal sospensjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni interdipartimentali tal-Kummissjoni bejn it-18 u t-22 ta’ Frar 2011 u għal estensjoni tal-imsemmi perijodu għal ħames snin, hekk kif stabbilit fl-Anness tar-regolament ikkontestat (ara punti 16 u 17 iktar ’il fuq).

69

Għalhekk, mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli nġab għal konjizzjoni tagħhom ripetutament u kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-opinjoni tagħhom b’mod utli u effettivament u kien f’qagħda, matul il-perijodu bejn Lulju 2010 u Frar 2011, li jipprovdu kull informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari dwar is-sitwazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd Spanjol, sabiex jiġi permess lill-Kummissjoni li tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll, jekk huma setgħu jinfluwenzaw ir-riżultat.

70

Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, id-dritt għal smigħ tar-Renju ta’ Spanja ġie rrispettat.

71

F’dan ir-rigward, l-argument tar-Renju ta’ Spanja skont liema l-Kummissjoni kellha tipproċedi għal smigħ formali tal-awtoritajiet Spanjoli dwar il-miżuri ta’ tnaqqis, bħal dawk imsemmija fir-regolament ikkontestat, ma jistax jirnexxi.

72

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, li, kif ġie allegat ukoll mill-Kummissjoni, b’kuntrast mal-paragrafi (4) u (5) tal-Artikolu 105 tar-Regolament ta’ Kontroll, morija flimkien mal-Artikolu 140 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 404/2011 (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), il-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 105 tar-Regolament ta’ Kontroll ma jipprovdux espressament għal obbligu fuq il-Kummissjoni li tikkonsulta mal-Istat Membru ikkonċernat, permezz ta’ smigħ formali, dwar il-miżuri ta’ tnaqqis maħsuba qabel l-adozzjoni tagħhom u għaldaqstant inqas u inqas obbligu fuq il-Kummissjoni li tikkonsulta l-Istat Membru kkonċernat, permezz ta’ smigħ formali, fuq ir-regoli ta’ implementazzjoni tagħhom.

73

Sussegwentement, inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punti 66 sa 69 iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax validament isostni li, fl-assenza ta’ smigħ formali mill-Kummissjoni, ma setax ikun f’qagħda, jekk ikun il-każ wara konsultazzjoni tas-settur tas-sajd, li jressaq proposti adegwati li setgħu jinfluwenzaw il-kontenut tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, minn naħa, f’każ bħal dak ineżami, meta l-kwantità totali ta’ tnaqqis li għandu jitwettaq ma jkunx ikkontestat mill-Istat Membru ikkonċernat, id-dritt għal smigħ ma jeżiġix li l-Kummissjoni tagħti lill-imsemmi Stat Membru l-opportunità li jagħmel dikjarazzjoni dwar iċ-ċifri preċiżi ta’ tnaqqis li huwa għandu l-ħsieb li jżomm fl-att ikkontestat u li jqassam fuq diversi snin sabiex jintlaħaq il-limitu impost. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, wara l-aċċettazzjoni tal-obbligu tiegħu li jħallas lura l-imsemmija kwantità totali ta’ kwoti u skont id-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni leali, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, ir-Renju ta’ Spanja kellu l-obbligu li jipprovdi, bl-inizzjattiva tiegħu stess u f’ħin xieraq, l-informazzjoni rilevanti kollha dwar dan is-suġġett sabiex jippermetti lill-Kummissjoni teżerċita, b’mod xieraq u b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll. Issa, l-awtoritajiet Spanjoli ma wrewx li ħadu l-opportunità li ngħataw matul il-proċedura amministrattiva sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali u sabiex jippreżentaw dik l-informazzjoni rilevanti, u dan minkejja dan il-fatt li kienu jafu dwar l-importanza tal-kwistjonijiet għas-settur tas-sajd u dan, oriġinarjament, kif maħsub mill-Kummissjoni li tifrex it-tnaqqis neċessarju fuq perijodu iqsar sew minn ħames snin. Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja baqa’ ma spjegax jekk u sa fejn huwa kkonsulta s-settur tas-sajd Spanjol fuq il-mod kif għandha titqassam il-kwantità totali ta’ tnaqqis impost fiż-żmien, anki jekk sar jaf b’dan fix-xahar ta’ Lulju 2010 (ara punt 3 iktar ’il fuq).

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jikkritika lill-Kummissjoni li kisret id-drittijiet tad-difiża tiegħu peress li hija ma kinitx għamlet smigħ formali tal-awtoritajiet Spanjoli fuq it-tnaqqis li finalment ġie miżmum fir-regolament ikkontestat.

75

Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

76

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li l-miżuri tat-tnaqqis li ġew imposti fuqu mir-regolament ikkontestat, b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 2 tiegħu, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni u ta’ ċertezza. Fil-fatt, billi tat lilha nnifisha diskrezzjoni wiesgħa ħafna permezz tal-użu tal-espressjoni “jekk ikun il-każ”, il-Kummissjoni rriżervat il-possibbiltà li żżid it-tnaqqis fil-ġejjieni kif jogħġobha u li tifrixhom fuq perijodu indeterminat, minflok ma tistabbilixxi, b’mod partikolari, kriterji prevedibbli li jiggarantixxu li t-tnaqqis tal-kwoti disponibbli ta’ kull sena ma jeċċedux ċertu limitu. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li tali setgħa ma għandhiex bażi legali u ġiet eżerċitata fl-assenza ta’ regoli ta’ applikazzjoni approvati fil-kuntest tal-proċedura ta’ kumitat u, għaldaqstant, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha. Issa, din is-sitwazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

77

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

78

Kif tafferma l-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont dak li jipprovdi l-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regolament ta’ Kontroll, l-Anness tar-Regolament ikkontestat fih kalkolu preċiż, ibbażat fuq data mhux ikkontestata mill-awtoritajiet Spanjoli u skont il-koeffiċjent multiplikatur rilevanti, ta’ tnaqqis li għandu jsir, li l-limitu massimu totali ta’ 39242 tunnellata huwa indikat b’mod ċar fis-sitt kolonna tat-tabella. Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll espliċitament mis-seba’ sal-ħdax-il kolonna tal-imsemmija tabella, dan l-ammont totali ta’ tnaqqis huwa maqsum f’ħames ammonti separati (4500 + 5500 + 9748 + 9747 + 9747 = 39242), li għandu jsir rispettivament fuq is-snin 2011 sa 2015. Fl-aħħar nett, kif tispjegah ukoll il-premessa 7 tar-regolament ikkontestat u l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-espressjoni “jekk ikun il-każ” li tidher fil-kolonna li tirrigwarda s-sena 2015 ma jistax ikolla bħala effett li jiżdied l-ammont ta’ dan l-ammont totali ta’ tnaqqis impost mill-imsemmi regolament, iżda jservi biss sabiex jirriżerva l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkompleta t-tnaqqis b’hekk impost fis-snin sussegwenti jekk il-kwoti (li għadhom ma humiex magħrufa) qabel ma jiġu allokati lir-Renju ta’Spanja għas-snin 2011 sa 2015 ma jkunux biżżejjed sabiex jifilħu t-tnaqqis previst. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni biss li timponi tnaqqis ta’ 9747 tunnellata, kif previst għas-sena 2015, għas-“snin sussegwenti” sa fejn dan it-tnaqqis ikun, almenu parzjalment, neċessarju sabiex jintlaħaq il-limitu ta’ tnaqqis impost ta’ 39242 tunnellata.

79

Għaldaqstant, l-argument tar-Renju ta’Spanja skont liema l-Kummissjoni rriżervat lilha nnifisha s-setgħa li żżid kif jogħġobha l-limitu tal-ammont ta’ tnaqqis previst ma jistax jintlaqa’.

80

Għalhekk, fid-dawl tal-approċċ leġiżlattiv deskritt fil-punt 78 iktar ’il fuq, li huwa suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli fl-effetti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata) u li jippermetti lill-awtoritajiet Spanjoli li jkunu jafu biżżejjed il-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom skont it-tnaqqis (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C-17/01, Ġabra p. I-4243, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata), il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax jirnexxi.

81

Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

82

Skont ir-Renju ta’ Spanja, ir-regolament ikkontestat, li ġie adottat fit-22 ta’ Frar 2013 u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Frar 2013, fixkel sew l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet ARM 271/2010, skont liema l-istaġun tas-sajd tal-kavalli kien diġà beda fil-15 ta’ Frar 2011 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Issa, it-tfassil ta’ din il-leġiżlazzjoni interna kien jirrikjedi perijodu twil ta’ konsultazzjonijiet mas-settur ikkonċernat u, fl-aħħar nett, l-abbozz ta’ dan tal-aħħar ġie kkomunikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, tat-30 ta’ Marzu 1998, dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 217). Dan l-approċċ huwa madankollu kuntrarju, b’mod partikolari, għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża, essenzjalment, li, minkejja li l-kwoti jew l-opportunitajiet tas-sajd ma humiex drittijiet suġġettivi li ma jistgħux jinbidlu, jibqa’ l-fatt li l-imsemmijin kwoti diġà jikkostitwixxu awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet tas-sajd fi żmien partikolari u li l-imsemmija opportunitajiet huma reali, identifikabbli u kwantifikabbli għal perijodu konkret, b’tali mod li “jsiru drittijiet konkreti li jiġu allokati għal żmien determinat”. Issa, dawn id-drittijiet jew opportunitajiet ta’ sajd setgħu jiġu mibdula a posteriori mir-regolament ikkontestat, li kienu jirriżultaw, b’mod partikolari, fi ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tad-detenturi tal-imsemmijin drittijiet jew opportunitajiet.

83

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

84

Skont ġurisprudenza stabbilita d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull entità li fil-konfront tagħha istituzzjoni tal-Unjoni tkun wasslet biex toħloq aspettattivi fondati. Id-dritt li dan il-prinċipju jiġi invokat madankollu jippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mal-istandards applikabbli (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2010, Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni, T-549/08, Ġabra p. II-2477, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, punti 57 u 58, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C-221/09, Ġabra p. I-1655, punti 71 u 72).

85

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma invoka l-ebda garanzija preċiża, mingħajr kundizzjoni u konsistenti skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li tista’ tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kontrih. Kuntrarjament, ġie stabbilit li l-awtoritajiet Spanjoli kienu ġew informati fi stadju kmieni ħafna bil-proċedura amministrattiva li biha l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li twettaq it-tnaqqis skont l-Artikolu 105 tar-Regolament ta’ Kontroll minħabba l-qbiż tal-kwota ta’ sajd inkwistjoni matul is-sena 2010 (ara l-punti 6 sa 9 iktar ’il fuq) u li d-dipartimenti tagħha kienu wkoll avżaw lill-awtoritajiet Spanjoli, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-Digriet ARM 271/2010, dwar l-adozzjoni imminenti ta’ miżuri ta’ tnaqqis u rrakkomandawlhom li jawtorizzaw l-istaġun ta’ sajd tal-2011 biss fi proporzjon massimu ta’ 50 % tal-kwota allokata (ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax għaldaqstant jikkritika lill-Kummissjoni li ħolqitlu aspettattivi fondati fir-rigward għaż-żamma tal-kwoti ta’ sajd tal-kavalli sa mis-sena 2011, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni ta’ jekk dawn il-kwoti joħolqu “dritt kweżit” favur l-operaturi tas-sajd ikkonċernati.

86

Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li r-Renju ta’ Spanja ried jinvoka f’dan il-każ ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-operaturi tas-sajd u li tali motiv huwa ammissibbli, dan ma jistax jirnexxi.

87

Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fih tkun inħolqot aspettattiva fondata minn istituzzjoni, jibqa’ l-fatt li, meta operatur ekonomiku prudenti u għaqli jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni li tista’ taffetwalu l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux iqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u din hija speċjalment f’qasam bħal dak tal-politika komuni dwar is-sajd, li l-għan tagħha jinkludi adattament konstanti skont it-tibdil fis-sitwazzjoni ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C-201/08, Ġabra p. I-8343, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata, u AJD Tuna, punt 84 iktar ’il fuq, punt 73; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ottubru 2005, Cofradía de pescadores “San Pedro de Bermeo” et vs Il-Kunsill, T-415/03, Ġabra p. II-4355, punt 78).

88

Fl-aħħar nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn persuna li hija responsabbli għal ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1985, Sideradria vs Il-Kummissjoni, 67/84, Ġabra p. 3983, punt 21, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Novembru 2004, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, C‑18/03 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 117 sa 119; ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ April 2003, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, T-217/01, Ġabra p. II-1563, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-qbiż, li ma ġiex ikkontestat mill-awtoritajiet Spanjoli, mill-operaturi tas-sajd Spanjoli ta’ kwoti ta’ sajd tal-kavalli allokati lir-Renju ta’ Spanja għas-sena 2010 mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 23/2010, tal-14 ta’ Jannar 2010, li jistabbilixxi, għall-2010, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tal-UE f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1359/2008, (KE) Nru 754/2009, (KE) Nru 1226/2009 u (KE) Nru 1287/2009 (ĠU L 21, p. 1u 55) jikkostitwixxi tali ksur manifest.

89

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament

90

Ir-Renju ta’ Spanja jakkuża lill-Kummissjoni li ttrattatu b’mod inugwali meta mqabbel mal-Irlanda u mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, minkejja l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet simili. F’dan ir-rigward, huwa jfakkar li l-premessa 7 tar-regolament ikkontestat issemmi, minn naħa, ir-riskju ta’ konsegwenzi soċjoekonomiċi sproporzjonati kemm għas-settur tas-sajd ikkonċernat kif ukoll għall-industrija tat-trasformazzjoni li miegħu huwa assoċjat u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tirriżulta mill-applikazzjoni tat-tnaqqis fuq perijodu ta’ ħames snin li jibda mill-2011 sa 2015 kif ukoll il-possibbiltà għal tnaqqis ġdid, jekk ikun neċessarju, għas-snin sussegwenti. Il-kriterju tar-riskju ta’ konsegwenzi soċjoekonomiċi kellu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni qabel, waqt l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 147/2007, tal-15 ta’ Frar 2007, li jadatta ċerti kwoti tas-sajd mill-2007 sal-2012 skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [tas-Sajd] (ĠU L 46, p. 10), fir-rigward tat-tnaqqis imħallas fuq il-kwoti ta’ kavalli allokati lill-Irlanda u lir-Renju Unit, li ngħatalhom il-limitu ta’ 15 % tal-kwota annwali. Madankollu, fir-regolament ikkontestat, minkejja motivazzjoni analoga u l-eżistenza ta’ sitwazzjoni komparabbli, il-Kummissjoni ma applikatx l-istess limitu, iżda perċentwali ta’ tnaqqis annwali ogħla minn 15 %, li hija diskriminazzjoni mhux ġustifikata. Ir-Renju ta’ Spanja jżid li, bid-differenza tar-regolament ikkontestat, ir-Regolament Nru 147/2007 ġie adottat fil-kuntest tal-proċedura ta’ kumitat u, anki jekk l-imsemmi kumitat ma wasalx għal opinjoni fit-termini, l-Istati Membri kkonċernati kellhom l-opportunità, kif tikkonferma l-premessa 13 tiegħu, li jesprimu ruħhom fil-konfront tal-kriterji ta’ tnaqqis. Fl-assenza ta’ smigħ tal-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni ma kienet tieħu inkunsiderazzjoni ebda kriterju speċifiku għas-sajd Spanjol, li jista’ jiddefinixxi s-sitwazzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fi kwalunkwe każ, il-kriterju ta’ riskju ta’ konsegwenzi soċjoekonomiċi japplika bl-istess mod għas-sitwazzjonijiet rispettivi tal-Irlanda u tar-Renju-Unit, minn naħa, u tar-Renju ta’ Spanja, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tapplika, b’mod partikolari, l-istess limitu massimu ta’ tnaqqis annwali ta’ 15 % fir-regolament ikkontestat.

91

Il-Kummissjoni tikkontesta li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja, peress li s-sitwazzjonijiet invokati minnu huma manifestament differenti mill-perspettiva kemm fattwali u kif ukoll ġuridika.

92

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel u t-tielet motivi, ibbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, ġew miċħuda bħala infondati, hekk li għandhom jiġu miċħuda wkoll bl-istess mod l-argumenti tar-Renju ta’Spanja fl-istess sens, kif invokati insostenn ta’ dan il-motiv.

93

B’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, il-ksur tal-imsemmi prinċipju minħabba trattament differenti jippresupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma komparabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, Ġabra p. I-9895, punti 23, 25 u 26, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-176/09, Ġabra p. I-3727, punti 31 u 32).

94

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, mill-perspettiva kemm ġuridika kif ukoll fattwali, is-sitwazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u dik tar-Regolament Nru 147/2007 la huma identiċi u lanqas simili sabiex b’hekk jippermettu lill-Kummissjoni tagħtihom trattament ugwali.

95

Fil-fatt, mill-perspettiva ġuridika, ir-Regolament Nru 147/2007 huwa bbażat fuq l-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460), li ġie sostitwit mill-Artikolu 105 tar-Regolament ta’ Kontroll [ara l-Artikolu 121(2)(b) tiegħu], u intiż sabiex iwettaq tnaqqis imsejjaħ “storiku” minħabba qbiż tal-kwoti tas-sajd tal-kavalli matul is-snin 2001 sa 2005, b’mod partikolari, mir-Renju Unit, sitwazzjoniji li attwalment hija rregolata mill-Artikolu 105(4) tal-istess regolament, mhux applikabbli f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-Kummissjoni lanqas ma kienet awtorizzata tapplika din id-dispożizzjoni, peress li s-sajd żejjed ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 105(2) tal-imsemmi regolament li jsemmi il-qbiż tal-kwota għal “sena speċifika” waħda.

96

Barra minn hekk, għandu jiġi emfasizzat li, kuntrarjament għall-kriterji preċiżi ħafna pprovduti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll li jistabbilixxu kompetenza marbuta mal-Kummissjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont eżatt ta’ tnaqqis li għandu jitwettaq (ara punt 44 iktar ’il fuq), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi essenzjalment għal dik tal-Artikolu 105(1) tar-Regolament ta’ Kontroll, timplika – min-natura ġenerali tagħha u n-nuqqas ta’ preċiżjoni supplimentari f’dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 2371/2002 – l-għoti ta’ setgħa diskrezzjonali kbira lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iffissar tal-imsemmi ammont u l-mod tal-kalkolu tiegħu. Barra minn hekk, huwa fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni qieset opportun li tibdel il-koeffiċjent korrettur applikabbli u li tillimita t-tnaqqis maħsub għall-perijodu li jibda mill-2007 sal-2012 għal 15 % tal-kwota ta’ sajd annwali allokat għall-Istat Membru ikkonċernat (ara l-premessi 7 u 11 tar-Regolament Nru 147/2007). Issa, abbażi tal-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll, li l-Kummissjoni applikat f’dan il-każ, tali approċċ ma kienx legalment possibbli.

97

Għaldaqstant, għal dawn ir-raġunijiet ġuridiċi biss, huwa żbaljat li r-Renju ta’ Spanja jallega li s-sitwazzjonijiet regolati rispettivament mir-regolament ikkontestat u mir-Regolament Nru 147/2007 huma, għall-inqas, komparabbli u li l-Kummissjoni kellha tapplika għalih l-istess perċentwali ta’ tnaqqis ta’ 15 % f’dan il-każ skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

98

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk wieħed jassumi li, kif qed jallega wkoll ir-Renju ta’ Spanja, li s-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-industrija tas-sajd fl-Istati Membri rispettivi kienet mill-inqas komparabbli, argument li għalih ir-Renju ta’ Spanja ma pproduċa ebda prova preċiża, il-Kummissjoni ma kinitx tkun intitolata, fid-dawl tal-kriterji obbligatorji tal-Artikolu 105(2) tar-Regolament ta’ Kontroll, li tapplika l-istess metodu ta’ kalkolu ta’ tnaqqis li jeżisti fil-kuntest tar-Regolament Nru 147/2007, li huwa bbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002.

99

Konsegwentement, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni ma humiex komparabbli u peress li huma ttrattati b’mod differenti, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq l-argumenti l-oħra li l-partijiet qed jinvokaw f’dan il-kuntest.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

101

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

102

Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef fil-motivi kollha tiegħu, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 2014.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Sommarju tal-motivi ta’ annullament

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 105(6) tar-Regolament ta’ Kontroll

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

 

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.