SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

22 ta’ Jannar 2013 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Industrija tal-azzar u tal-ħadid — Inċentivi fiskali intiżi sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp taż-żona tul il-fruntiera mal-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u mal-ex Repubblika Ċekoslovakka — Għajnuna mhux innotifikata — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Irkupru — Dewmien — Ċertezza legali — Kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata — Għajnuna li taqa’ taħt it-Trattat KEFA — Investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent — Rata ta’ tnaqqis”

Fil-Kawża T-308/00 RENV,

Salzgitter AG, stabbilita f’Salzgitter (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund u T. Lübbig, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u A. Wiedmann, bħala aġenti, assistiti minn U. Karpenstein, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn V. Kreuschitz u M. Niejahr, sussegwentement minn V. Kreuschitz u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/797/KEFA, tat-28 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija tal-azzar u tal-ħadid, illum il-ġurnata miġbura flimkien taħt l-isem Salzgitter AG – Stahl und Technologie (SAG), (ĠU L 323, p. 5),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse, I. Wiszniewska-Białecka, J. Schwarcz u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Salzgitter AG, tifforma parti minn grupp li jopera fis-settur tal-azzar u tal-ħadid ma’ Preussag Stahl AG u ma’ impriżi oħra involuti fl-istess settur.

2

Fil-Ġermanija, iz-“Zonenrandförderungsgesetz” [(liġi Ġermaniża intiża sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żona tul il-fruntiera mal-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja (RDĠ) u mal-ex Repubblika Ċekoslovakka, iktar ’il quddiem iz-“ZRFG”)] kienet ġiet adottata fil-5 ta’ Awwissu 1971. Din il-leġiżlazzjoni, inkluż fil-verżjonijiet emendati sussegwentement tagħha, kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-dawl tal-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE) u tal-Artikolu 93 tat-Tratat KE (li sar l-Artikolu 88 KE). L-aħħar emendi taz-ZRFG kienu ġew approvati mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mat-Trattat KE (ĠU 1993 C 3, p. 3). Iz-ZRFG intemmet definittivament fl-1995.

3

Mill-bidu, l-Artikolu 3 taz-ZRFG kien jipprevedi inċentivi fiskali fil-forma ta’ ammortizzamenti speċjali (Sonderabschreibungen) u ta’ riżervi speċjali eżenti mit-taxxa (steuerfreie Rücklagen) għall-investimenti magħmula f’kull stabbiliment ta’ impriża li tinsab tul il-fruntiera mal-ex RDĠ jew mal-ex Repubblika Ċekoslovakka (iktar ’il quddiem iz-“Zonenrandgebiet”).

4

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni, wara li osservat fil-kontijiet annwali 1994/1995 u 1995/1996 ta’ Preussag Stahl, kumpannija li minn dak iż-żmien kienet tifforma parti mill-istess grupp bħar-rikorrenti, li din il-kumpannija kienet ingħatat iktar minn għajnuna waħda bejn l-1986 u l-1995, abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2496/96/KEFA, tat-18 ta’ Diċembru 1996, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija tal-azzar u tal-ħadid (ĠU L 338, p. 42, iktar ’il quddiem is-“Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, ippubblikata fl-24 ta’ April 1999 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 113, p. 9), il-Kummissjoni talbet lill-persuni kkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-għajnuna inkwistjoni. Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-awtoritajiet Ġermaniżi, b’mod partikolari permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 1999, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-unika terz ikkonċernata li interveniet, il-UK Steel Association, li l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

5

Fit-28 ta’ Ġunju 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur ir-rikorrenti, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija tal-azzar u tal-ħadid, illum il-ġurnata miġbura flimkien taħt l-isem Salzgitter AG – Stahl und Technologie (SAG), (ĠU L 323, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont din id-deċiżjoni, l-ammortizzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa, previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG u li minnhom ibbenefikat SAG għal bażi ammissibbli ta’ DEM 484 miljun u ta’ DEM 367 miljun rispettivament, kienu ġew meqjusa bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Skont l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-imsemmija għajnuna mingħand il-benefiċjarja tagħha u talbitha tindika l-kundizzjonijiet preċiżi tal-irkupru tagħha.

6

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors għal annullament. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

7

Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (T-308/00, Ġabra p. II-1933), il-Qorti Ġenerali parzjalment annullat id-deċiżjoni kkontestata.

8

Wara li ċaħdet l-ewwel, it-tieni, it-tielet u t-tmien motiv, il-Qorti Ġenerali għall-kuntrarju qieset, b’risposta għas-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċjpju ta’ ċertezza legali, li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikser dan il-prinċipju, titlob fl-2000 il-ħlas lura tal-għajnuna mħallsa lir-rikorrenti bejn l-1986 u l-1995. Hija għaldaqstant annullat l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, relatati mal-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra l-għajnuna mill-Istat imsemmija f’din id-deċiżjoni.

9

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li kien inutli tiddeċiedi fuq ir-raba’, il-ħames u s-sitt motivi, relatati mal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha titħallas lura.

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni appellat minn din is-sentenza. Permezz ta’ appell inċidentali, ir-rikorrenti talbet l-annullament parzjali tas-sentenza appellata, sa fejn b’mod partikolari din ma kinitx annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien ikklassifika bħala “għajnuna mill-Istat” l-ammortizzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa li hija kienet ibbenefikat minnhom skont iz-ZRFG.

11

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter (C-408/04 P, Ġabra p. I-2767, iktar ’il quddiem is-“sentenza fuq l-appell”), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell inċidentali. Min-naħa l-oħra hija annullat is-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 7 supra, sa fejn din kienet annullat l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qieset li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi ma vverifikatx, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, jekk il-Kummissjoni kinitx tat prova ta’ nuqqas manifest li tieħu azzjoni u ta’ ksur manifest tal-obbligu ta’ dilġenza tagħha fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ kontroll meta ddenunċjat l-għajnuna ikkontestata u ordnat l-irkupru tagħha f’Ġunju 2000. Hija sussegwentement irrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

12

Il-kawża ġiet assenjata lis-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla Estiża, li lilha, għaldaqstant, din il-kawża ġiet assenjata.

13

Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u, fil-kwalità tagħha ta’ intervenjenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet bil-miktub.

14

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal numru ta’ domandi. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini mogħtija.

15

Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2011. F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali semgħet ix-xhieda tas-Sur Becker, Kap tas-Servizz Legali tar-rikorrenti mill-1972 sal-2002, u dik tas-Sur Boeshertz, Kap ta’ Unità tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni u relatur inkarigat mill-fajl li ta lok għall-adozzjoni, minn din tal-aħħar, tad-deċiżjoni kkontestata.

16

Ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

u, sussidjarjament,

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna l-investimenti ta’ DEM 17 549 000 kif ukoll l-investimenti ta’ DEM 332 miljun intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent li ma jaqawx taħt il-kamp tal-KEFA;

tannulla t-tielet sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata u tobbliga lill-Kummissjoni tiddetermina l-vantaġġ attwali speċifiku għall-impriża;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tiddetermina l-vantaġġ attwali li minnu bbenefikat ir-rikorrenti permezz tal-għajnuna

18

Fil-kuntest tat-talbiet tagħha mressqa sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tiddetermina l-vantaġġ attwali li minnu bbenefikat ir-rikorrenti permezz tal-għajnuna kkontestata, permezz ta’ differimenti tat-taxxa.

19

F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ annullament mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri li l-eżekuzzjoni ta’ eventwali sentenza ta’ annullament tinvolvi, billi teżerċita, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha għal dan il-għan waqt illi tirrispetta kemm id-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza li hija għandha teżegwixxi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II-2319, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Minn dan jirriżulta li t-talbiet imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq huma inammissibbli.

2. Fuq il-mertu

21

Peress li s-sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, annullat parzjalment is-sentenza appellata u rrinvijat il-kawża lill-Qorti Ġenerali, din għandha teżamina, b’mod prinċipali, is-seba’ motiv, intiż għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, tatx prova ta’ ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha u ta’ nuqqas manifest li tieħu azzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ kontroll meta ddenunċjat l-għajnuna ikkontestata u ordnat l-irkupru tagħha f’Ġunju 2000.

22

Sussidjarjament, jekk dan il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa miċħud, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-motivi l-oħra li fir-rigward tagħhom hija ma ddeċidietx, insostenn ta’ talba għal annullament inqas estensiva. Dawn il-motivi huma bbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat qieset ċerti investimenti bħala li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, fuq il-fatt li parti mill-għajnuna inkwistjoni kienet għall-protezzjoni tal-ambjent u, fl-aħħar, fuq żball ta’ evalwazzjoni relatat mad-definizzjoni tar-rata ta’ tnaqqis deċiżiva.

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

23

Fis-sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, anki fin-nuqqas ta’ perijodu ta’ preskrizzjoni stabbilit mil-leġiżlatur Komunitarju, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali kien jipprekludi li l-Kummissjoni tista’ iddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, punti 100 sa 103).

24

Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-notifika mill-Istati tal-għajnuna mill-Istat kienet element ċentrali tar-regoli Komunitarji bil-għan tal-kontroll tagħha u li, għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ notifika, l-impriżi benefiċjarji minn din l-għajnuna ma setgħux ikollhom aspettattiva leġittima (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, punt 104).

25

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll fakkret li s-sistema prevista mit-Trattat KEFA fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat kienet distinta, min-natura tagħha partikolarment stretta, minn dik tat-Trattat KE (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, punt 105).

26

Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, meta, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, għajnuna kienet ingħatat mingħajr ma kienet innotifikata, id-dewmien mill-Kummissjoni sabiex teżerċita s-setgħat tagħha ta’ kontroll u sabiex tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna kien jivvizzja b’illegalità din id-deċiżjoni ta’ rkupru biss f’każijiet eċċezzjonali li kienu juru nuqqas manifest tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni u ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, punt 106).

27

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li l-għajnuna kkontestata ma kinitix ġiet innotifikata lill-Kummissjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din tal-aħħar għaldaqstant kisret l-obbligu li hija għandha skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 3484/85/KEFA, tas-27 ta’ Novembru 1995, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna speċifika għall-industrija tal-azzar u tal-ħadid (ĠU L 340, p. 1, iktar ’il quddiem it-“Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid”), mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-1 ta’ Jannar 1986 (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, punt 93).

28

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-ksur minnha tal-obbligu tagħha ta’ notifika ma jistax jiġi ddubitat mill-fatt li r-rikorrenti kienet, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, ħadet deċiżjonijiet relatati ma’ ċerti investimenti li l-finanzjament tagħhom, li kien possibbli permezz tal-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, kien intiż li jestendi lil hinn minn din id-data.

29

Fil-fatt, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 91 tas-sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, it-Trattat KEFA, bid-differenza tat-Trattat KE ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-għajnuna l-ġdida u l-għajnuna eżistenti, peress illi l-Artikolu 4(ċ) KEFA jipprojbixxi purament u sempliċiment l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri taħt kwalunkwe forma li tkun.

30

Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha, mid-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, kien jikkonċerna, skont il-każ, il-vantaġġi fiskali miksuba mir-rikorrenti mid-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar, abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, inkluż dawk relatati ma’ investiment magħmula qabel din id-data.

31

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni tista’ tiġi evalwata, fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, biss fir-rigward tar-regoli fis-seħħ fid-data li fiha hija effettivament imħallsa (ara s-sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, mill-ispjegazzjonjiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-seduta jirriżulta b’mod partikolari li impriża, sabiex tibbenefika minn għajnuna skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, kellha titlob kull sena, fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, l-inklużjoni fil-kontijiet tal-ammortizzamenti speċjali jew il-kostituzzjoni ta’ riżervi eżenti mit-taxxa bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant hemm lok li jitqies li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħallset għajnuna lir-rikorrenti fi żmien li fih it-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Indusrtija tal-Azzar u tal-Ħadid kien daħal fis-seħħ u li fih, għaldaqstant, dan il-kodiċi kien jimponi lill-Istati Membri jinnotifikaw minn qabel l-għajnuna inkwistjoni.

33

Għaldaqstant huwa neċessarju, f’dawn iċ-ċirkostanzi, li jiġi vverifikat jekk l-attitudni tal-Kummissjoni tissodisfax il-kriterji mfakkra fil-punt 26 iktar ’il fuq.

34

Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, mill-inqas mill-1982, kellha informazzjoni relatata ma’ għajnuna li kienet ingħatatilha. Il-Kummissjoni kienet irċeviet, minn dan iż-żmien, diversi rapporti ta’ attività u kontijiet annwali mingħand ir-rikorrenti, li minnhom kien jirriżulta b’mod ċar li din kienet ingħatat xi għajnuna.

35

Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni kienet konxja tal-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx innotifikat din l-għajnuna peress li din kienet diġà bdiet fil-mument tad-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid u li għaldaqstant, skont dan l-Istat Membru, din ma kinitx tikkwalifika bħala “proġett” kif imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan il-kodiċi.

36

Issa, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha obbligu ta’ diliġenza partikolari f’dan il-każ, minħabba l-bidla fundamentali tal-opinjoni legali tagħha fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) KEFA permezz tal-adozzjoni ta’ dan it-Tielet Kodiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna reġjonali.

37

Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għar-rabta inseparabbli li, skontha, teżisti bejn is-sistema tal-kwoti u l-kontroll tal-għajnuna. Minn dan jirriżulta obbligu ta’ koordinazzjoni u ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni bejn id-diversi servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, bil-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna illegali meta jiġu ffissati l-kwoti.

38

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tafferma li hija ma kinitx obbligata taqra r-rapporti ta’ attività u li dawn tal-aħħar u l-kontijiet annwali, anki jekk dawn jirreferu għall-Artikolu 3 taz-ZRFG, ma jindikawx l-għajnuna kkontestata.

39

F’dan ir-rigward, għandha qabel kollox titfakkar ir-rabta li kienet ġiet stabbilita mill-Kummissjoni bejn l-għoti ta’ għajnuna mhux awtorizzata u l-kwoti ta’ produzzjoni fis-settur tal-azzar u tal-ħadid, fil-kuntest tal-aġġustament tal-iskema stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Nru 2794/80/KEFA, tal-31 ta’ Ottubru 1980, li tistabbilixxi sistema ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ azzar għall-impriżi tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid (ĠU L 291, p. 1).

40

Fil-fatt, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2177/83/KEFA, tat-28 ta’ Lulju 1983, li testendi s-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ ċerti prodotti għall-impriżi tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid (ĠU L 208, p. 1), il-Kummissjoni setgħet, skont l-Artikolu 15 A ta’ din id-deċiżjoni, “tnaqqas il-kwoti ta’ impriża, jekk hija [tkun ikkonstatat] li l-impriża inkwistjoni [kienet] ibbenefikat minn għajnuna mhux awtorizzata mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni Nru 2320/81/KEFA jew jekk il-kundizzjonijiet relatati mal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna ma [kinux ġew] osservati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont din id-dispożizzjoni, “tali konstatazzjoni [kienet] teskludi ukoll lill-impriża minn aġġustament [tal-kwoti] fis-sens tal-Artikoli 14, 14A, 14B, 14C u 16 tad-Deċiżjoni [Nru 2177/83]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-miżuri li jestendu din is-sistema ta’ monitorġġ u ta’ kwoti ta’ produzzjoni kienu jinkludu, essenzjalment, regoli identiċi.

41

Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li s-sistema ta’ kwoti u l-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid kienu jifformaw unità koerenti u kellhom l-istess għan, jiġifieri r-ristrutturazzjoni neċessarja sabiex il-produzzjoni u l-kapaċità jiġu adattati għat-talba prevedibbli u l-istabbiliment mill-ġdid tal-kompetittività tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid Ewropea, u li għaldaqstant, la kien arbitrarju u lanqas diskriminatorju li d-data miksuba mill-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn is-sistemi setgħet tintuża bħala riferiment fl-oħra (ara s-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 7 supra, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, taħt is-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ kwoti ta’ produzzjoni deskritta fil-punt 40 iktar ’il fuq, tivverifika l-informazzjoni relatata mal-produzzjoni tal-impriżi tal-azzar u tal-ħadid sabiex tiddetermina jekk iż-żamma jew iż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni kinitx tirriżulta minn għajnuna mill-Istat mhux awtorizzata u, skont il-każ, jekk kienx iġġustifikat li tnaqqas għaldaqstant il-kwoti mogħtija lill-impriżi benefiċjarji.

43

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni rċeviet diversi rapporti ta’ attività u kontijiet annwali mingħand ir-rikorrenti mill-aħħar tas-sena 1988, fosthom dawk tal-ewwel kienu relatati mas-sena 1987/1988. Dawn il-komunikazzjonijiet saru, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri relatati mal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ produzzjoni lir-rikorrenti.

44

Lanqas ma huwa kkontestat li dawn l-ewwel rapporti u kontijiet annwali kienu jinkludu, essenzjalment indizji simili għal dawk inklużi fir-rapporti ta’ attività u fil-kontijiet annwali tar-rikorrenti għas-snin 1994/1995 u 1995/1996, li wasslu lill-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-elementi kienu jikkonsistu f’intestatura li taħtha kienu jidhru, f’dawn id-diversi dokumenti, ir-riżervi speċjali li r-rikorrenti warrbet abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG.

45

Madankollu, il-mogħdija ta’ diversi snin bejn il-mument tal-komunikazzjoni tar-rapport ta’ attività u tal-kontijiet annwali għas-sena 1987/1988 u dak li fih il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa ta’ kontroll tagħha ma jirriżultax f’nuqqas manifest tagħha li tieħu azzjoni u lanqas fi ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha fiċ-ċirkostanza tal-każ.

46

Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet biss li jinsabu f’dawn id-dokumenti ma jirriżultax b’mod manifest li r-riżervi speċjali kollha jew parti minnhom li għalihom isir riferiment jikkorripsondu għall-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat “inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħħam u tal-azzar” [traduzzjoni mhux uffiċjali], skont l-Artikolu 4(ċ) KEFA.

47

Għaldaqstant, ir-riferiment għall-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll l-ispjegazzjoni qasira dwar l-ammortizzamenti speċjali mwettqa abbażi tiegħu ma kienux ta’ natura li juru b’mod manifest li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat għajnuna lir-rikorrenti permezz ta’ mekkaniżmu kumpless ta’ tnaqqis tal-bazi taxxabbli u li kien jikkonsisti, fost oħrajn, fil-kostituzzjoni ta’ riżervi eżenti mit-taxxa jew fl-inklużjoni eċċezzjonali fil-kontijiet tal-ammortizzamenti matul l-ewwel snin sussegwenti għal ċerti investimenti.

48

Din il-konklużjoni hija msaħħa iktar bil-fatt li s-silta mir-rapport annwali 1987/1988 li tinkludi spejgazzjoni dwar il-bażijiet legali tar-riżervi u tal-ammortizzamenti speċjali tirreferi għal diversi leġiżlazzjonijiet Ġermaniżi fis-seħħ f’dak iż-żmien u bil-fatt li, barra minn hekk, hekk kif ma ġiex ikkontestat, ir-rapport inkwistjoni ma jagħmel ebda tqassim bejn l-ammonti ta’ dawn ir-riżervi u ta’ dawn l-ammortizzamenti li jirrelataw ma’ kull waħda minn dawn il-bażijiet legali.

49

L-istess japplika għar-rapporti ta’ attività u għall-kontijiet annwali l-oħra trażmessi mir-rikorrenti lill-Kummissjoni, relatati ma’ snin sussegwenti, peress li dawn ma jinkludu ebda indikazzjoni addizzjonali relatata mal-oriġini u man-natura tar-riżervi eżenti mit-taxxa u tal-ammortizzamenti speċjali li r-rikorrenti bbenefikat minnhom skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG.

50

Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma huwa, barra minn hekk, ta’ natura li jikkontesta dawn il-konklużjonijiet.

51

Għaldaqstant, qabel kollox, l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 1988 kif ukoll id-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1991, it-tnejn li huma indirizzati lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u li fihom hija qieset li r-riżervi eżenti mit-taxxa u l-ammortizzamenti speċjali mwettqa abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat suġġetta għall-approvazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(1) KE), huma irrilevanti f’dan il-każ.

52

Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li t-Trattati KE u KEFA huma indipendenti. Għaldaqstant it-Trattat KE kif ukoll id-dritt sekondarju stabbilit abbażi tiegħu ma jistgħux jipproduċu effetti fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE japplikaw biss b’mod sussidjarju, fin-nuqqas ta’ regola speċifika fit-Trattat KEFA (ara, is-sentenza fuq l-appell punt 11 supra, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Issa, id-dokumenti msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq ġew redatti fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kontroll tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, sussegwentement għan-notifika mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, abbażi ta’ dan it-Trattat, tal-iskema ta’ għajnuna stabbilita mill-Artikolu 3 taz-ZRFG. Għaldaqstant dawn id-dokumenti jaqgħu taħt qasam separat minn dak li jifforma s-suġġett ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li dawn ma kinux ta’ natura li jneħħu d-diffikultà li kienet teżisti għall-Kummissjoni li tidentifika, abbażi biss tar-rapporti ta’ attività u tal-kontijiet annwali tar-rikorrenti li hija kellha fil-pussess tagħha, eventwali għajnuna li din kienet ibbenefikat minnha fil-forma ta’ riżervi speċjali u ta’ ammortizzamenti speċjali, bi ksur tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4(ċ) KEFA.

54

Din il-konklużjoni hija msaħħa bil-fatt li dawn ir-rapporti u dawn il-kontijiet annwali kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri li, bid-differenza ta’ dawk li taw lok għall-ittra u għad-deċiżjoni msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, ma kellhomx speċifikament bħala suġġett il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

55

Konstatazzjonijiet simili għandhom isiru fir-rigward tal-ittra indirizzata mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fid-9 ta’ Marzu 1987. Fil-fatt, il-Kummissjoni fiha rreferiet għaz-ZRFG biss bil-għan li titlob lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnotifikaha dwar l-emendi magħmula għall-iskema ta’ għajnuna mogħtija abbażi tagħha, u dan skont l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE. Ir-risposta mogħtija għal din it-talba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fis-16 ta’ April 1987, ma fiha barra minn hekk ebda element ta’ natura li jindika li din il-korrispondenza kienet tikkonċerna għajnuna li ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE. Barra minn hekk huwa sinjifikattiv, f’dan ir-rigward, li l-unika dispożizzjoni tad-dritt primarju msemmija f’din ir-risposta hija l-Artikolu 92(2)(ċ) tat-Trattat KE.

56

Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma speċifikatx, fl-okkażjoni tad-diversi skambji tagħha mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-iskema ta’ għajnuna stabbilita miz-ZRFG, li dawn l-iskambji ma kienux jikkonċernaw eventwali għajnuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA. Fil-fatt, hekk kif tfakkar iktar ’il fuq, l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1986, kien jipprevedi b’mod ċar u inekwivoku l-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni tal-għajnuna li tista’ tkun mogħtija lir-rikorrenti b’applikazzjoni taz-ZRFG (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, punt 93).

57

Barra minn hekk għandu jiġi miċħud l-argument li r-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja riedu jisiltu mix-xhieda tas-Sur Becker dwar il-laqgħat li huwa attenda, fl-1982, ma’ membri tal-grupp ta’ ħidma “Cadieux”.

58

L-ewwel nett, anki jekk din ix-xhieda turi li l-Kummissjoni, f’dak iż-żmien, kienet taf dwar il-fatt li r-rikorrenti kienet diġà bbenefikat minn miżuri meħuda abbażi taz-ZRFG, ir-riferiment ġenerali li jsir fiha għal għajnuna reġjonali ma jippermettix, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit li din l-għajnuna kienet tikkonsisti minn ammortizzamenti speċjali jew minn riżervi eżenti mit-taxxa bbażati fuq l-Artikolu 3 taz-ZRFG, tat-tip ta’ dik li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, diversi forom ta’ għajnuna setgħu jingħataw lill-impriżi abbażi taz-ZRFG.

59

It-tieni nett, ir-rikorrenti stess irrikonoxxiet li hija ma kinitx wettqet ammortizzamenti speċjali u lanqas ikkostitwixxiet riżervi eżenti mit-taxxa abbażi taz-ZRFG matul is-snin 1981/1982, 1982/1983 u 1983/1984. Għaldaqstant, f’kull każ, kien hemm ċerta diskontinwità fl-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lir-rikorrenti bejn il-perijodu li ppreċeda l-laqgħat imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq u l-mument li fih il-Kummissjoni saret taf dwar ir-rapport ta’ attività u dwar il-kontijiet annwali tar-rikorrenti għas-sena 1987/1988.

60

It-tielet nett, minn din ix-xhieda jirriżulta li l-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-għajnuna mogħtija mir-rikorrenti abbażi taz-ZRFG qabel l-1982. Issa, ma jistax jiġi utilment ikkontestat li l-Kummissjoni ma setgħetx tantiċipa, f’dak il-mument, it-tisħiħ tad-dixxiplina fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat koperta mit-Trattat KEFA li sar iktar minn tliet snin wara, permezz tal-adozzjoni tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid. Barra minn hekk, filwaqt li, skont din l-istess xhieda, il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-possibbiltà ta’ żvilupp tal-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna mogħtija sussegwentement lir-rikorrenti abbażi taz-ZRFG, dan kien biss fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġodda li kellhom jittieħdu fir-rigward ta’ talbiet għal għoti ta’ għajnuna skont il-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid u għaldaqstant, fi tmiem proċeduri li jikkonċernaw speċifikament il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat innotifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni.

61

Issa, fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi enfasizzat mhux biss li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligu ta’ notifika tal-għajnuna kkontestata li hija kellha skont it-Tielet Kodiċi ta’ Għajuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, iżda wkoll li kważi tliet snin għaddew bejn il-mument li fih dan il-kodiċi daħal fis-seħħ, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1986, u dak li fih il-Kummissjoni rċeviet ir-rapport ta’ attività u l-kontijiet annwali tar-rikorrenti għas-sena 1987/1988.

62

Minn dan jirriżulta li, anki jekk ġie stabbilit li l-Kummissjoni, fl-1982, kienet taf dwar l-għajnuna mogħtija fil-passat lir-rikorrenti abbażi taz-ZRFG, dan il-fatt ma jistax jikkontribwixxi sabiex juri li hija ħatja ta’ nuqqas manifest ta’ teħid ta’ azzjoni u ta’ ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha billi ma bdietx proċeduri sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti wara li rċeviet, fl-aħħar tas-sena 1988, ir-rapport ta’ attività u l-kontijiet annwali tagħha għas-sena 1987/1988.

63

Ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu wkoll li n-nuqqas manifest ta’ teħid ta’ azzjoni u l-ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza mill-Kummissjoni jirriżultaw mill-fatt li din tal-aħħar irċeviet, mill-bidu tas-snin 80, diversi rapporti ta’ attività u kontijiet annwali mingħand ir-rikorrenti.

64

Mingħajr lanqas ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn il-komunikazzjonijiet seħħewx u, skont il-każ, liema servizzi tal-Kummissjoni kienu d-destinatarji tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li bl-ebda mod ma ġie muri li dawn ir-rapporti u dawn il-kontijiet annwali fihom iktar informazzjoni mir-rapport ta’ attività u mill-kontijiet annwali għas-sena 1987/1988, ta’ natura li turi b’mod manifest li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat għajnuna lir-rikorrenti fil-forma ta’ mekkaniżmu kumpless ta’ tnaqqis tal-bażi taxxabbli permezz ta’ inklużjoni eċċezzjonali fil-kontijiet tal-ammortizzamenti jew permezz ta’ riżervi eżenti mit-taxxa.

65

Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li r-rikorrenti, hekk kif indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, ma wettqitx ammortizzamenti speċjali u ma kkostitwixxietx riżervi speċjali abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG għas-snin 1981/1982, 1982/1983 u 1983/1984, u mill-fatt li, għaldaqstant, hija ma kellhiex raġuni tinkludi riferiment għal din id-dispożizzjoni fir-rapport ta’ attività tagħha u fil-kontijiet annwali relatati ma’ dan il-perijodu.

66

Fir-rigward tal-affermazzjoni, mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni bdiet tissanzjona l-għajnuna mill-Istat mogħtija permezz ta’ vantaġġi fiskali biss mill-1988, anki fuq l-assunzjoni li din hija stabbilita, din hija irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk ċerta miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata biss fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KEFA kif ukoll tal-miżuri meħuda għall-implementazzjoni tiegħu, u mhux fid-dawl ta’ eventwali prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punti 52 u 53, u tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra p. II-2123, punt 177).

67

Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-każ inkwistjoni, ma dewmietx indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha bi ksur tal-obbligu tagħha li tiżgura ċertezza legali u li, għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

68

Għaldaqstant hemm lok li jiġu eżaminati t-tliet motivi relatati, essenzjalment, mal-kalkolu tal-ammont tal-għajuna li għandha titħallas lura u mat-tnaqqis ta’ dan l-ammont.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-klassifikazzjoni ta’ ċerti investimenti bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA

69

Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli qieset li ċerti vantaġġi fiskali li hija setgħet ibbenefikat minnhom skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, filwaqt li dawn kienu jaqgħu taħt it-Trattat KE.

70

Dawn il-vantaġġi huma relatati ma’ investimenti li jikkorrispondu għal 1.3 % tal-investimenti totali ssussidjati taħt l-Artikolu 3 taz-ZRFG u kienu bbenefikaw lil “ċentri ta’ profitt indipendenti” tar-rikorrenti, jiġifieri struttura soċjali (Sozialwirtschaft), impjant għat-trattament tal-ilma (Wasserwerke), funderija (Gießerei) kif ukoll impjant ta’ manufatturazzjoni ta’ pajpijiet (Rohrwerk). Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ taħriġ professjonali (berufliche Bildung), imsemmi fil-punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma tikkunsidrax iktar l-investimenti relatati ma’ dan tal-aħħar bħala li ma humiex relatati mal-attivitajiet tagħha tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid. Għaldaqstant il-klassifikazzjoni tal-għajnuna relatata ma’ din il-faċilità ma hijiex iktar is-suġġett tar-rikors tar-rikorrenti.

71

Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, l-ewwel nett, li prinċipalment ibbażat ruħha fuq l-allegazzjonijiet tal-UK Steel Association, li skonthom l-attivitajiet tar-rikorrenti li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA huma integrati fis-settur KEFA tal-produzzjoni tagħha, bil-għan li dawn il-vantaġġi jiġu inklużi fil-bażi ta’ kalkolu tal-għajnuna, mingħajr madankollu ma vverifikat il-fondatezza tagħhom. Issa, ir-rikorrenti ssostni li l-attivitajiet tagħha li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA huma separati mill-attivitajiet KEFA tagħha, kemm fiżikament kif ukoll fuq livell ta’ kontijiet. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG fir-rigward tal-attivitajiet tagħha li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA għandha tiġi evalwata fir-rigward biss tat-Trattat KE.

72

It-tieni nett hija ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx it-trasferiment attwali tal-vantaġġi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżuri fiskali inkwistjoni għall-oqsma ta’ attività li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA, lejn dawk l-attivitajiet koperti mit-Trattat KEFA. Devjazzjoni ta’ dan it-tip tkun, f’kull każ, impossibbli f’dan il-każ, peress li, sabiex tibbenefika mill-ammortizzamenti speċjali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, l-investimenti li għalihom dawn jirreferu għandhom ikunu saru qabel u murija.

73

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

74

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq l-allegazzjonijiet, mhux ivverifikati, magħmula mill-UK Steel Association relatati mal-inklużjoni tad-diversi attivitajiet tar-rikorrenti. Hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fil-fatt irreferiet għal dawn l-allegazzjonijiet biss bil-għan ta’ kompletezza, peress li d-deċiżjoni tagħha hija bbażata wkoll fuq motivi oħra.

75

Sussegwentement għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 80 KEFA u 81 KEFA, biss l-impriżi li jeżerċitaw attività ta’ produzzjoni fil-qasam tal-faħam u tal-azzar huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat KEFA u li, f’dan ir-rigward, biss il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat KEFA huma koperti mill-espressjonijiet “faħam” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “azzar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, impriża hija suġġetta għall-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 4(ċ) KEFA biss sa fejn hija teżerċita tali attività ta’ produzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs L-Awtorità Għolja, 14/59, Ġabra p. 445, 467 u 468 u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, Ġabra p. I-1139, punt 78).

76

Huwa paċifiku li r-rikorrenti, peress li hija teżerċità attività ta’ produzzjoni fil-qasam tal-azzar, hija impriża li topera fl-industrija tal-azzar u tal-ħadid li tissodisfa d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 80 KEFA.

77

Madankollu, il-fatt li impriża teżerċita, bħal f’dan il-każ, attivitajiet ta’ produzzjoni fil-qasam tal-azzar ma jimplikax li l-attivitajiet kollha tagħha għandhom jitqiesu bħala attivitajiet suġġetti għat-Trattat KEFA (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, T-6/99, Ġabra p. II-1523, punt 60).

78

F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li, fl-impriżi li jimmanifatturaw kemm prododtti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA kif ukoll prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KE, l-applikazzjoni tat-Trattat KEFA fir-rigward ta’ għajnuna intiża sabiex issostni settur ta’ produzzjoni li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar tista’ tiġi ġġustifikata meta jeżisti riskju reali li din l-għajnuna tintuża favur attivitajiet ta’ produzzjoni inklużi f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Fil-fatt, b’rigward, minn naħa, tal-partikolaritajiet tas-settur tal-azzar u tal-ħadid u, min-naħa l-oħra, tal-projbizzjoni stretta u assoluta tal-għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 4(ċ) KEFA, ikun kuntrarju għall-għan tas-sistema stabbilita mit-Trattat KEFA li l-eżami tal-għajnuna li tista’ potenzjalment tibbenefika lis-setturi ta’ produzzjoni ta’ impriża li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA jiġi sottomess għar-regoli inqas stretti tat-Trattat KE (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 75 supra, punt 84).

79

Minn dan jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni kien imissha uriet devjazzjoni attwali tal-vantaġġi fiskali relatati ma’ investimenti li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA favur l-attivitajiet KEFA tagħha ma jistax jiġi milqugħ, peress li d-dimostrazzjoni ta’ riskju ta’ devjazzjoni hija suffiċjenti f’dan ir-rigward.

80

Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, huwa neċessarju li dan ir-riskju jkun reali. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta, b’mod partikolari, jekk “l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tar-rikorrenti ma toffrix garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi eskluża devjazzjoni tal-għajnuna għall-investiment ikkontestata favur l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħha suġġetti għat-Trattat KEFA u, għaldaqstant, effett fuq il-kompetizzjoni fis-suq li jaqa’ taħt dan it-trattat” (sentenza ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, punt 77 supra, punt 74). Għaldaqstant, ir-riskju ta’ devjazzjoni għandu jiġi stabbilit permezz ta’ indizji serji li jagħtu raġonevolment x’jiġi mifhum li l-għajnuna tista’ fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, tkun is-suġġett ta’ devjazzjoni favur attivitajiet KEFA tal-impriża tal-azzar u tal-ħadid ikkonċernata.

81

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat żewġ elementi li skontha jippermettu li jiġi stabbilit riskju ta’ devjazzjoni. L-ewwel nett, hija kkonstatat li l-ammortizzamenti speċjali, u, għaldaqstant, l-għajnuna relatata, kienu meħuda inkunsiderazzjoni biss “fuq livell globali” mir-rikorrenti, u mhux fuq il-livell taċ-ċentri ta’ profitt. It-tieni nett, il-Kummissjoni nnotat li ma ġiex muri li l-istruttura b’għan soċjali kienet isservi biss għal attivitajiet li ma kienux koperti mit-Trattat KEFA.

82

Fir-rigward tal-ewwel element, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk ċerti investimenti li bbenefikaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG setgħu saru fil-kuntest tal-attivitajiet tar-rikorrenti li ma kienux jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, madankollu ma hemmx kontabbiltà separata, fi ħdan ir-rikorrenti, għal tali attivitajiet u l-attivitajiet li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA. Ikun għaldaqstant fuq il-livell tal-grupp SAG li l-għajnuna tista’ tiġi ddevjata favur l-attivitajiet ta’ produzzjoni KEFA.

83

Din l-aħħar konstatazzjoni hija kkonfermata mill-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Marzu 2000, dwar “il-prinċipji tas-sistema ta’ kompatibbiltà analitika interna ta’ Salzgitter”. Fil-fatt, minn dan id-dokument jirriżulta li l-ammortizzamenti speċjali ma humiex inklużi fil-kontijiet miċ-“ċentri ta’ profitt indipendenti” msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ma ressqet ebda element li jippermetti li jintwera li, minkejja din l-informazzjoni, l-ammortizzamenti speċjali kienu inklużi fil-kontijiet, fi ħdanha, skont jekk dawn jikkonċernawx attivitajiet li huma koperti mit-Trattat KE jew mit-Trattat KEFA.

84

Fuq kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li skontu riskju ta’ devjazzjoni huwa eskluż fir-rigward ta’ miżuri ta’ għajnuna għall-investiment bħal dawk li huma l-qofol ta’ din it-tilwima. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-vantaġġi li jirriżultaw minnhom huma relatati ma’ investiment speċifiku, il-benefiċċju tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jiddipendix mill-qasam ta’ attività tal-impriża benefiċjarja. Ir-rikorrenti bbenefikat mill-vantaġġi fiskali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li hija kellha stabbilimenti fiz-Zonenrandgebiet, irrispettivament mis-settur ta’ attività li fih saru l-investimenti ssusidjati.

85

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta, b’mod partikolari fl-assenza ta’ kontabbiltà separata tar-rikorrenti, ikkonstatat l-eżistenza ta’ riskju reali li għajnuna mogħtija għall-attivitajiet tar-rikorrenti u li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA setgħet tiġi ddevjata favur l-attivitajiet tagħha koperti mit-Trattat KEFA u, għaldaqstant, ma għamlet ebda distinzjoni f’dan ir-rigward meta ddeterminat il-bażi ta’ kalkolu tal-għajnuna kkontestata.

86

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-klassifikazzjoni ta’ ċerti investimenti bħala li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li ċerti investimenti kienu jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

87

Ir-rikorrenti tafferma li għamlet investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent li jammontaw għal total ta’ DEM 332 miljun, maqsum bejn 44 proġett, bejn l-1985/1986 u l-1994/1995. Dawn id-diversi investimenti kienu jikkonċernaw jew modernizzazzjoni ta’ impjanti qodma bil-għan tal-adattament tagħhom għal standards obbligatorji ġodda, jew modernizzazzjoni ta’ impjanti qodma jew investimenti ġodda li jippermettu li jintlaħaq livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent, fl-assenza ta’ regoli obbligatorji.

88

Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel parti, li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma awtorizzatx il-vantaġġi fiskali li ngħatawlha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal dawn l-investimenti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li dawn il-vantaġġi riedu jilħqu u, għaldaqstant, kien imissha evalwat il-possibbiltà li dawn jiġu awtorizzati abbażi tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid. Il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni d-dokumenti li r-rikorrenti kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentawlha, u li minnhom jirriżulta li l-investimenti inkwistjoni kienu speċifikament intiżi sabiex inaqqsu l-impatt tal-attiviatjiet tagħha fuq l-ambjent.

89

Fit-tieni parti r-rikorrenti sussegwentement issostni li ċerti investimenti li hija għamlet matul il-perijodu kkonċernat kienu jissodisfaw id-definizzjoni ta’ investimenti ta’ protezzjoni tal-ambjent skont l-Artikolu 7(d) tal-“Einkommensteuergesetz” (Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-“EStG”) u li, għal dan il-għan, huma kienu jagħtu, għall-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1990, dritt għal ammortizzamenti speċjali analogi għal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG. Issa, huwa paċifiku li l-Artikolu 7(d) tal-EStG stabbilixxa sistema fiskali ta’ applikazzjoni ġenerali fil-Ġermanja kollha u mhux biss fiz-Zonenrandgebiet.

90

Ir-rikorrenti tqajjem f’dan ir-rigward l-ewwel ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt il-Kummissjoni ma indikatx kif il-vantaġġi relatati mal-ammortizzament speċjali msemmija fil-punt preċedenti, li kienu jaqgħu kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll taħt dak tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, kienu jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ selettività. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom il-vantaġġi riċevuti mir-rikorrenti sal-31 ta’ Diċembru 1990, skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, għal investimenti intiżi għat-tnaqqis tal-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq l-ambjent, setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) KEFA.

91

Fit-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li l-vantaġġi fiskali li hija rċeviet fir-rigward tal-ammortizzamenti speċjali li hija wettqet u li, sal-31 ta’ Diċembru 1990, kienu jissodisfaw kemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll dawk tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, jekk din ma hijiex selettiva.

92

Fl-aħħar, fit-tielet parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx b’mod adegwat, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-investimenti relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, id-diversi dokumenti u spjegazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-okkażjoni tal-proċedura amministrattiva, bil-għan li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna miksuba f’dan il-kuntest. Għaldaqstant dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata huwa wkoll mhux motivat biżżejjed.

93

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn il-kritiki. Hija b’mod partikolari ssostni li, hekk kif hija indikat b’mod iddettaljat fid-deċiżjoni kkontestata, hija taħt ebda ċirkostanzi ma setgħet tawtorizza l-għajnuna li r-rikorrenti tallega li rċeviet għal investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat l-għajnuna inkwistjoni mingħajr ma vverifikat jekk din kinitx indispensabbli sabiex isiru investimenti għall-protezzjoni tal-ambjent. Għaldaqstant, la r-rikorrenti u lanqas il-Gvern Ġermaniż ma jistgħu jagħtu prova li dawn l-investimenti kienu indispensabbli għall-protezzjoni tal-ambjent.

94

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-partijiet tas-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 7 supra, li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja, qieset, f’termini ġenerali, li kien b’mod korrett li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-miżuri fiskali li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG li minnhom kienet ibbenefikat ir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

95

Il-Qorti Ġenerali wasslet għal din il-konklużjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motiv, relatati b’mod partikolari mal-klassifikazzjoni stess tal-vantaġġi riċevuti abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG bħala għajnuna mill-Istat kif ukoll mal-iżball li, f’kull każ, wettqet il-Kummissjoni billi ma ddikjaratx l-għajnuna kkontestata kollha bħala li hija inkompatibbli mat-Trattat KEFA, abbażi tal-Artikolu 95 KEFA.

96

Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali ma għadx kellha l-okkażjoni tiddeċiedi fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti tal-fatt li ċerti investimenti tar-rikorrenti kienu intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, hemm lok li jitqies li l-parti tar-raġunament tagħha msemmija fil-punt preċedenti ma tippreġudikax l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv. L-istess japplika, b’mod partikolari, fid-dawl tal-ispeċifiċità tiegħu, fir-rigward tal-ewwel ilment tat-tieni parti, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-selettività tal-vantaġġi koperti kemm mis-sistema prevista fl-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll minn dik prevista fl-Artikolu 7(d) tal-EStG.

97

Għall-kuntrarju, it-tielet parti tal-motiv, ibbażata b’mod iktar ġenerali fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-investimenti li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent, essenzjalment tikkoinċidi ma’ wieħed mill-ilmenti mressqa insostenn tat-tmien motiv. Peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan tal-aħħar fl-intier tiegħu, fil-punt 184 tas-sentenza annullata, u peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-aspett tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza fuq l-appell tagħha, punt 11 supra, it-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża għall-protezzjoni tal-ambjent

98

Fir-rigward tal-ewwel parti, hemm lok qabel kollox li jiġi ppreċiżat li, anki jekk il-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni, il-ħtieġa li dan l-għan jittieħed inkunsiderazzjoni ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżuri selettivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) KEFA (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 54).

99

Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex l-għan tagħha li huwa importanti, iżda l-effetti tagħha (ara b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 20, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 25; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Novembru 2008, Hôtel Cipriani et vs Il-Kummissjoni T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Ġabra p. II-3269, punt 195). Għaldaqstant, l-għan ambjentali li miżuri tal-Istat irdu jilħqu ma huwiex biżżejjed sabiex dawn il-miżuri jiġu għalkollox esklużi mill-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I-10505, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Madankollu, din l-analiżi ma tippreġudikax l-analiżi tal-kundizzjonijiet li fihom, fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, għajnuna lill-industrija tal-azzar u tal-ħadid iffinanzjata minn Stat Membru, permezz ta’ awtoritajiet reġjonali jew lokali jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni skont il-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Settembru 2006, Lucchini vs Il-Kummissjoni T-166/01, Ġabra p. II-2875, u tal-25 ta’ Settembru 1997, UK Steel Association vs Il-Kummissjoni, T-150/95, Ġabra p. II-1433).

101

Hemm lok li sussegwentement jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, f’parti mis-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 7 supra, li ma ġietx annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ċaħdet il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna kkontestata abbażi tal-Artikolu 95 KEFA.

102

Għaldaqstant, l-eżami ta’ dan l-ilment jikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna relatata mal-investimenti msemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq setgħetx tiġi awtorizzata abbażi ta’ wieħed mill-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid.

103

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, kuntrarjament għad-dispożizzjonjiet tat-Trattat KE relatati mal-għajnuna mill-Istat, li jawtorizzaw b’mod permanenti lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha, il-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid jagħtu din is-setgħa lill-Kummissjoni biss għal perijodu speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 115, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-31 ta’ Marzu 1998, Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni, T-129/96, Ġabra p. II-609, punt 43).

104

Għaldaqstant, meta għajnuna ma hijiex innotifikata lill-Kummissjoni fil-perijodu previst minn kodiċi għal dan il-għan, il-Kummissjoni ma tistax iktar tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna fir-rigward ta’ dan il-kodiċi (ara sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra, punt 116, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Diċembru 1999, Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, T-158/96, Ġabra p. II-3927, punti 61 u 62). Għaldaqstant, ladarba l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-kodiċi jkun skada, il-Kummissjoni ma għandhiex iktar is-setgħa tawtorizza, abbażi tad-derogi previsti, għajnuna lill-industrija tal-azzar u tal-ħadid mhux innotifikata fil-kuntest ta’ dan il-kodiċi (ara s-sentenza Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

Barra minn hekk, mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni tista’ tkun evalwata, fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, biss fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fid-data li fiha hija effettivament imħallsa. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi Komunitarji għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura ġenerali tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (ara s-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra, punti 117 sa 119, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

F’dan il-każ huwa paċifiku li l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bi ksur tal-obbligu li din tal-aħħar kellha mid-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid. Barra minn hekk, il-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid applikabbli fiż-żmien li fih din l-għajnuna tħallsset ma kienux iktar fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni korrettament irrilevat, fil-punt 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma setgħatx, f’din id-data, tawtorizza l-għajnuna kkontestata abbażi tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid li kienu skadew.

107

Xorta waħda għandu jiġi evalwat, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 105 iktar ’il fuq, jekk tali awtorizzazzjoni setgħatx tiġi bbażata fuq is-Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan il-kodiċi jipprevedi l-possibbiltà, fl-Artikolu 3 tiegħu, li l-għajnuna intiża għall-protezzjoni tal-ambjent tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li din tosserva r-regoli stabbiliti fil-qafas Komunitarju ta’ għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent kif stabbiliti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Marzu 1994 (ĠU C 72, p. 3), skont il-kriterji ta’ applikazzjoni għas-settur tal-azzar u tal-ħadid KEFA, iddefiniti fl-anness ta’ dan il-kodiċi.

108

Applikazzjoni retroattiva tas-Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid hija madankollu possibbli, abbażi ta’ din l-istess ġurisprudenza, biss jekk tali effett jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tiegħu.

109

Issa, ebda dispożizzjoni ta’ dan il-kodiċi ma tistabbilixxi li dan jista’ jiġi applikat retroattivament. Barra minn hekk, mill-istruttura u mill-għanijiet tal-Kodiċi ta’ Għajnuna suċċessivi jirriżulta li kull wieħed minnhom jistabbilixxi regoli għall-adattament tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid għall-għanijiet tal-Artikoli 2 KEFA, 3 KEFA u 4 KEFA abbażi tal-ħtiġijiet eżistenti f’perijodu speċifiku. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-regoli adottati f’ċertu perijodu, skont is-sitwazzjoni tiegħu, għal għajnuna mħallsa matul perijodu preċedenti, ma tikkorrispondix la għall-istruttura u lanqas għall-għanijiet ta’ dawn it-tip ta’ regoli (ara, b’analoġija, is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra, punt 120).

110

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-mument li fih adottat id-deċiżjoni kkontestata, ma setgħatx tawtorizza l-għajnuna mħallsa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lir-rikorrenti għall-perijodu ta’ bejn l-1985/1986 u l-1994/1995 la abbażi tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid suċċessivament fis-seħħ matul dawn is-snin u lanqas abbażi tas-Sitt Kodiċi ta’ Għajuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid.

111

Għaldaqstant l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ selettività tal-vantaġġi fiskali miksuba mir-rikorrenti għal investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent li, sal-31 ta’ Diċembru 1990, kienu jaqgħu kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG u taħt dak tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

112

Fir-rigward tal-ewwel ilment, hemm lok li l-ewwel nett jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita relatata mal-Artikolu 253 KE u li tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 15 KEFA, il-motivazzjoni mitluba minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-501/00, Ġabra p. I-6717, punt 73).

113

Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss ta’ kliemu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 112 supra, punt 73; ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 86, u tal-15 ta’ Mejju 1997, Siemens vs Il-Kummissjoni, C-278/95 P, Ġabra p. I-2507, punt 17).

114

Madankollu, filwaqt li, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li hija tadotta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha tadotta deċiżjoni bħal din, xorta jibqa’ l-fatt li hija obbligata, skont l-Artikolu 15 KEFA, issemmi, għall-inqas, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’hekk tippermetti lill-qorti tal-Unjoni u lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat it-Trattat (ara, b’anoloġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

Għaldaqstant meta applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna, l-obbligu ta’ motivazzjoni jirrikjedi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) KEFA (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C-494/06 P, Ġabra p. I-3639, punt 49; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Mejju 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 64, u Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T-16/96, Ġabra p. II-757, punt 66).

116

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kunċett ta’ għajnuna għandu jiġi ddefinit biss fir-rigward tal-effetti ta’ intervent mill-Istat (sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 113 supra, punt 79, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 99 supra, punt 85; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 53). Għajnuna mill-Istat, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, tippreżumi għaldaqstant li, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura tal-Istat hija ta’ natura li tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew lil ċerti produzzjonijiet meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi paragunabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I-8365, punt 41; tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et, C-308/01, Ġabra p. I-4777, punt 68, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C-172/03, Ġabra p. I-1627, punt 40).

117

Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-ispeċifiċità jew is-selettività ta’ miżura tal-Istat tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat anki fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/97, Ġabra p. I-7907, punt 34), minkejja l-fatt li dan il-kriterju ma huwiex espliċitament imsemmi fl-Artikolu 4(ċ) KEFA. Minn dan il-prinċipju jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma tistax timponi fuq l-impriża benefiċjarja sanzjoni mhux prevista mid-dritt tal-Unjoni billi teżiġi l-irkupru ta’ ammont ogħla minn dak li jikkorrispondi mal-għajnuna li hija effettivament irċeviet, u dan anki jekk hija implementata ħafna żmien wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 99 supra, punt 65, u s-sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, punt 116 supra, punt 164).

118

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 7(d) tal-EStG stabbilixxa, għall-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1990, sistema li tippermetti lill-impriżi Ġermanizi jinkludu fil-kontijiet l-ammortizzamenti speċjali fir-rigward tal-investimenti magħmula għall-protezzjoni tal-ambjent, applikabbli fit-territorju kollu tal-Ġermanja u għaldaqstant ukoll fiz-Zonenrandgebeit. Dawn il-vantaġġi fiskali, simili fil-forma u fil-konsegwenzi finanzjarji tagħhom għall-ammortizzamenti speċjali mwettqa skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, ma kienux madankollu kumulabbli ma’ dawk għal investimenti partikolari.

119

F’dan ir-rigward, hemm ċertament lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fl-10 ta Mejju 1999, fil-kuntest tal-proċeduri mibdija minnha fir-rigward tal-għajnuna mħallsa lir-rikorrenti skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, indikat il-karatteristiċi prinċipali tas-sistema ta’ vantaġġi fiskali għal investimenti għall-protezzjoni tal-ambjent stabbilita fl-Artikolu 7(d) tal-EStG. Hija għaldaqstant ippreċiżat li din is-sistema kienet tippermetti ammortizzamenti speċjali paragunabbli ma’ dawk previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG u indikat li din is-sistema kienet taqa’ taħt id-dritt fiskali ġenerali u setgħet għaldaqstant tibbenefika lil kull impriża fil-Ġermanja li tagħmel investimenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(d) tal-EStG. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreċiżat ukoll li dawn il-vantaġġi fiskali kienu jikkostitwixxu alternattiva għall-vantaġġi fiskali li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG u li l-limitazzjoni għall-ammortizzamenti speċjali kien stabbilit, fiż-żewġ każijiet, għal 50 %. F’din l-istess ittra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-aħħar indikat li numru ta’ investimenti magħmula mir-rikorrenti matul il-perijodu kkontestat, li n-natura u l-ammont tagħhom kien iddettaljat fl-Anness 2 ta’ din l-ittra, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sistema stabbilità fl-Artikolu 7(d) tal-EStG. Il-kontenut ta’ din is-silta tal-ittra tal-10 ta’ Mejju 1999 kien ġie riprodott fl-anness ta’ ittra indirizzata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Jannar 2000.

120

Barra minn hekk, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Ottubru 1999, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet ċerti preċiżjonijiet addizzjonali dwar l-investimenti magħmula mir-rikorrenti u intiżi għat-tnaqqis tal-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq l-ambjent, fir-rigward b’mod partikolari tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom, tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tal-parti speċifika li kienet tirrappreżenta l-protezzjoni tal-ambjent fl-ammont globali ta’ kull wieħed minn dawn l-investimenti.

121

Madankollu, hekk kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma argumentatx li l-koeżistenza tas-sistema stabbilita bl-Artikolu 3 taz-ZRFG u dik stabbilita bl-Artikolu 7(d) tal-EStG kienet ta’ natura li telimina s-selettività ta’ parti mill-vantaġġi kkontestati, miksuba mir-rikorrenti. Barra minn hekk, mill-fajl ma jirriżultax u lanqas ma ġie allegat li r-rikorrenti kienet ressqet tali argument fl-okkażjoni tal-kuntatti li hija kellha mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest u skont il-prinċipji mfakkra fil-punt 113 iktar ’il fuq, hemm għaldaqstant lok li jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata timmotiva speċifikament id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwistjoni tas-selettività mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

122

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk tali motivazzjoni tirriżultax mill-ispjegazzjonijiet.

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ selettività ta’ parti mill-vantaġġi kkontestati

123

Fir-rigward sussegwentement tat-tieni lment, ibbażat fuq l-iżball li l-Kummissjoni kienet wettqet billi inkludiet fil-bażi ta’ kalkolu tal-għajnuna kkontestata l-vantaġġi fiskali li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minnhom fir-rigward ta’ investimenti intiżi għat-tnaqqis tal-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq l-ambjent u li kienu jaqgħu, sal-31 ta’ Diċembru 1990, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll taħt dak tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, peress li dawn ma humiex selettivi, dan ma jistax jiġi milqugħ.

124

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li f’dan il-każ ma ġiex konkretament muri li ċerti investimenti magħmula mir-rikorrenti skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, sal-31 ta’ Diċembru 1990, setgħu jibbenefikaw mis-sistema ta’ ammortizzamenti speċjali stabbilita bl-Artikolu 7(d) tal-EStG.

125

It-tieni nett, il-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu suġġett biss għal kundizzjoni ġeografika, jiġifieri l-lokalizzazzjoni ta’ stabbiliment industrijali fiz-Zonenrandgebiet. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-ammortizzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa kienu suġġetti għat-twettiq ta’ investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent.

126

It-tielet nett, peress li ġie kkonfermat mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’din it-tilwima li din is-sistema tat lok għall-kisba ta’ għajnuna mill-Istat favur ir-rikorrenti, din l-għajnuna ma tistax fl-istess ħin titiqies bħala miżura ġenerali li ma hijiex suġġetta għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(ċ) KEFA, sa fejn din hija intiża għall-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex l-għan tagħha li huwa importanti, iżda l-effetti tagħha. Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 taz-ZRFG ippermetta lir-rikorrenti tikseb vantaġġi fiskali indipendentament mill-għan ambjenti li ried jintlaħaq, skont il-każ, permezz tal-investimenti li jibbenefikaw mill-ammortizzamenti speċjali.

127

Ir-riferimenti għall-Artikolu 7(d) tal-EStG li jinsabu f’ċerti rapporti annwali tar-rikorrenti, li jissuġġerixxu li riżervi speċjali setgħu jitwarrbu minnha fuq din il-bażi, ma jistgħux jaffettwaw din il-konklużjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-vantaġġi miksuba f’dan ir-rigward ma kinux kumulabbli ma’ dawk miksuba mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, u huma, għaldaqstant, esklussivi minnhom. L-eżami tar-rapporti annwali jindika pjuttost li r-rikorrenti invokat, għal investimenti differenti, ammonti differenti, abbażi ta’ regoli differenti, u f’karti ta’ bilanċ differenti, kemm l-Artikolu 3 taz-ZRFG u kif ukoll l-Artikolu 7(d) tal-EStG.

128

Fl-aħħar, ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 3 taz-ZRFG lanqas ma jista’ jiġi assimilat mal-Artikolu 7(d) tal-EStG. Fil-fatt, hekk kif ir-rikorrenti tammetti hija stess, l-ammortizzamenti speċjali previsti fl-Artikolu7(d) tal-EStG kienu applikabbli, sal-31 ta’ Diċembru 1990, għal kull impriża li għamlet investimenti fil-Ġermanja għall-protezzjoni tal-ambjent, skont il-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu. Issa, hekk kif tammetti wkoll ir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma kinitx suġġetta, kuntrarjament għall-Artikolu 3 taz-ZRFG, għal kundizzjoni li l-investimenti jsiru f’territorju ġeografikament ispeċifikat tal-Ġermanja. Għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-miżuri tal-Artikolu 3 taz-ZRFG ma kienu bl-ebda mod relatati mal-għan ambjentali jew ekoloġiku tal-investimenti ssussidjati, iżda sempliċement mal-lokalizzazzjoni tagħhom fi stabbiliment wieħed jew iktar li jinsab fiz-Zonenrandgebiet. Issa, il-fatt li r-rikorrenti setgħet, skont il-każ, tibbenefika mill-vantaġġi previsti fl-Artikolu 7(d) tal-EStG, jekk hija ma kinitx ibbenefikat mis-sistema stabbilita mill-Artikolu 3 taz-ZRFG, kif allegat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-proċedura amministrattiva, ma jfissirx li l-vantaġġi miksuba mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-għajnuna f’dan ir-rigward ma humiex differenti minn dawk tal-Artikolu 7(d) tal-EStG.

129

Għaldaqstant, fid-dawl ukoll tal-konklużjonijiet imsemmija fil-punti 111 u 122 iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq allegat żball ta’ evalwazzjoni relatat mad-definizzjoni tar-rata ta’ tnaqqis deċiżiva, fuq nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

130

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tammetti, f’dan il-każ, li ma setgħetx tistabbilixxi l-ammont gross tal-għajnuna mogħtija. Madankollu, għall-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna inkwistjoni hija użat tliet elementi ta’ kalkolu li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont nett tal-għajnuna għall-investiment li kellha tiġi rrimborsata (iktar ’il quddiem is-“sussidju ekwivalenti nett”). Skont il-punti 93 sa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn it-tliet elementi huma r-rata ta’ tassazzjoni, ir-rata ta’ tnaqqis (jew ir-rata ta’ referenza) u n-natura tal-investimenti magħmula.

131

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti l-ewwel nett tikkontesta r-rati ta’ tnaqqis użati mill-Kummissjoni. It-tieni nett hija tqis li d-deċiżjoni ma hijiex ċara biżżejjed fir-rigward tal-miżura li skontha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata tat-taxxa fuq il-profitti sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti nett.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-iffissar, mill-Kummissjoni, tar-rati ta’ tnaqqis deċiżivi

132

Mill-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rata ta’ tnaqqis għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett hija “r-rata ta’ referenza reġjonali fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sa fejn il-ħlas tal-għajnuna kien bin-nifs, il-Kummissjoni użat rata differenti għal kull sena bejn l-1986 u l-1995, applikabbli għall-Ġermanja, u dan b’riferiment għas-sistema ta’ kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett previst għall-għajnuna għall-investiment fil-kuntest tal-Linji gwida dwar l-għajuna mill-Istat b’għan reġjonali, tal-10 ta’ Marzu 1998 (ĠU C 74, p. 9).

133

Ir-rikorrenti ssostni li dan il-metodu ta’ kalkolu ma jieħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha u jwassal sabiex hija tiġi mitluba tħallas lura ammont ogħla mill-għajnuna li kienet effettivament ibbenefikat minnha skont l-Artikolu 3 taz-ZEFG. Ir-rikorrenti tqis li r-rata ta’ referenza għandha tiġi ffissata b’riferiment għar-rati tal-interessi li hija rċeviet, matul is-snin 1985/86 sa 1997/98, għall-investimenti tal-eċċess ta’ likwidità li rriżulta mill-ammortizzamenti speċjali, jiġifieri medja ta’ 5.99 % fuq dawn is-snin kollha.

134

Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rati applikabbli wara s-sena 1994/1995, filwaqt li, għall-kalkolu tar-rati, hija kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu bejn il-mument li fih id-dritt għall-ibbenefikar mill-ammortizzamenti speċjali kien eżerċitat u dak tal-iffissar tal-ammont li għandu jitħallas lura.

135

Filwaqt li ma tikkontestax li r-rati ta’ referenza użati għal kull sena mill-1986 sa l-1995 kienu ġew iffissati indipendentament mis-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis li “r-rati ta’ referenza f’dan il-każ iqarbu mal-aħjar stima possibbli tal-vantaġġi finanzjarji li jirriżultaw mill-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni lill-benefiċjarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 158 tad-deċiżjoni kkontestata).

136

Għaldaqstant, il-kwistjoni hija jekk il-Kummissjoni kinitx korretta, minn naħa, li tqis bħala rata ta’ tnaqqis ir-rati ta’ referenza użati għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali fil-Ġermanja, u, min-naħa l-oħra, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, ir-rati ta’ referenza applikabbli bejn l-1996 u 1-1998.

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-iffissar tar-rata ta’ tnaqqis b’riferiment għar-rati użati għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali

137

L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment huwa intiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti ta’ din l-għajnuna u ma jistax, bħala regola ġenerali, jitqies bħala miżura sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet tal-Artikolu 4(ċ) KEFA (ara s-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra, punt 157, u l-ġurisprudenza ċċitata).

138

Madankollu dan l-irkupru għandu jkun limitat għall-vantaġġi finanzjarji li effettivament jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna u għandu jkun proporzjonali għaliha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punt 99).

139

Għaldaqstant, fil-każ li l-għajnuna mogħtija tieħu l-forma ta’ differiment tat-taxxa fuq diversi snin, u għaldaqstant, ta’ avvanz ta’ likwidità bla ħlas jew ta’ self mingħajr interessi, huwa neċessarju, bil-għan li terġa tinkiseb is-sitwazzjoni preċedenti, li jiġi ordnat ir-rimbors tal-interessi kollha li l-benefiċjarju kien ikollu jħallas skont ir-rati pprattikati fis-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra, punt 56).

140

Issa, il-Kummissjoni, bil-għan li tordna l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti, għandha s-setgħa li tiddetermina r-rata tal-interessi li tippermetti li jintlaħaq tali stabbiliment mill-ġdid (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra, punt 161). Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam għal dik tal-Kummissjoni, iżda għandha teżamina jekk din l-aħħar evalwazzjoni hijiex ivviżjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra, punt 161; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Diċembru 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-456/00, Ġabra p. I-11949, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 56, u tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T-126/96 u T-127/96, Ġabra p. II-3437, punt 81).

141

Fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rati applikabbli, għandu jitfakkar li r-rati ta’ referenza huma suppost jirrappreżentaw il-livell medju tar-rati tal-interessi fis-seħħ f’kull wieħed mill-Istati Membri. Għaldaqstant ir-rati ta’ referenza jikkostitwixxu indikazzjoni valida tar-rati tas-suq għal self intiż għal investimenti industrijali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il-Kummissjoni, 102/87, Ġabra p. 4067, punt 25).

142

F’dan ir-rigward diġà ġie deċiż li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni tista’ tqis, bħala regola ġenerali, li huwa leġittimu li tapplika r-rata ta’ referenza fis-seħħ matul perijodu speċifiku fir-rigward tas-self kollu mogħti matul dan il-perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-278/00, Ġabra p. I-3997, punt 62).

143

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tieħu bħala rata ta’ referenza r-rati stabbiliti għall-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna b’għan reġjonali, kif ippubblikati perjodikament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, peress li dawn ir-rati favorevoli, applikabbli għal impriżi finanzjarjament b’saħħithom, kienu ntużaw sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna fil-każ li l-iskema kkontestata tkun ġiet innotifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Ġunju 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-222/04, Ġabra p. II-1877, punt 70).

144

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tittieħed deċiżjoni fuq l-ewwel ilment.

145

Abbażi tal-premessa li d-determinazzjoni tal-vantaġġi effettivi miksuba mir-rikorrenti permezz ta’ investimenti ta’ eċċess eventwali ta’ likwidità tkun diffiċli ħafna f’dan il-każ u, f’kull każ, tagħti lok għal distorzjonijiet bejn impriżi abbażi tal-politika finanzjarja tagħhom, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien xieraq li jitqiesu bħala rati ta’ tnaqqis ir-rati ta’ referenza użati fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna kkontestata, jiġifieri bejn l-1986 u l-1995.

146

Ir-rikorrenti, sostnuta fuq dan il-punt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tqis min-naħa l-oħra li dawn ir-rati uniformi, ippreċiżati fil-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata, huma ogħla minn dawk li hija setgħet tibbenefika minnhom permezz tal-investiment ta’ likwidità ikbar li tirriżulta mill-ammortizzamenti speċjali u mir-riżervi eżenti mit-taxxa mwettqa abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG. Għaldaqstant, ir-rata ta’ tnaqqis kellha tiġi ffissata b’riferiment biss għar-rati tal-interessi tas-selliefa matul dan il-perijodu.

147

F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti bbenefikat, permezz tal-ammortizzamenti speċjali u tar-riżervi eżenti mit-taxxa previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, minn differiment tat-taxxa, li, kif ġustament indikat il-Kummissjoni fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitqies bħala self mingħajr interessi fuq l-ammont tat-taxxa iddifferita u għat-tul tad-differiment. Għalhekk, għalkemm l-impriża kellha tħallas, sat-tmiem tal-perijodi ta’ ammortizzament tal-investimenti, l-ammont tat-taxxa ddifferita, hija madankollu ma kellhiex tħallas interessi fuq l-ammonti mqegħda għad-dispożizzjoni tagħha matul il-perijodu tad-differiment.

148

Għaldaqstant, fid-dawl tal-prinċipju mfakkar fil-punt 139 iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li l-vantaġġ effettiv li minnu bbenefikat ir-rikorrenti jikkorrispondi għas-somma tal-interessi li hija kien ikollha tħallas, bir-rata tas-suq, kieku hija kellha tissellef kapital li jikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa ddifferita.

149

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 141 sa 143 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, f’dawn iċ-ċirkostanzi, tqis bħala rati ta’ tnaqqis ir-rati ta’ referenza stabbiliti għall-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna b’għan reġjonali.

150

B’mod partikolari, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ rati tal-interessi tas-selliefa għall-ammonti ta’ taxxi ddifferiti, bħala regola ġenerali iktar baxxi mir-rati ta’ min jissellef, twassal għal sitwazzjoni paradossali li fiha vantaġġ fuq il-livell tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna jinkiseb mir-rikorrenti preċiżament permezz tal-avvanzi ta’ likwidità li ngħatawlha illegalment mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Tali għażla twassal sabiex jintuża metodu ta’ kalkolu tal-intensità ta’ għajnuna li huwa potenzjalment differenti mhux biss skont jekk l-għajnuna inkwistjoni tieħux il-forma ta’ differiment tat-taxxa jew ta’ self issussidjat, jiġifieri self mingħajr interessi bil-għan li jsir investiment, iżda wkoll, fir-rigward ta’ differiment tat-taxxa, skont jekk l-impriża li bbenefikat minnha kellhiex jew le, fin-nuqqas tal-għajnuna, tieħu self bil-għan li tagħmel l-investiment ikkonċernat.

151

Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħux juru la żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni meta ddeterminat ir-rata ta’ tnaqqis applikabbli għad-differimenti tat-taxxa li minnhom ibbenefikat ir-rikorrenti.

152

Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel ilment jiġi miċħud bħala infondat.

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rati ta’ tnaqqis applikabbli matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 1995/1996 u 1997/1998

153

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kien imissiha ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kalkoli tagħha tal-għajnuna miksuba abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, mhux biss ir-rati ta’ referenza applikabbli għas-snin 1985/1986 sa 1994/1995, iżda wkoll ir-rati ta’ referenza għas-snin 1995/1996 sa 1997/1998. Ir-rikorrenti ssostni li l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna għandha tinkludi l-perijodu mill-mument tal-eżerċizzju tad-dritt għall-ibbenefikar minn ammortizzamenti speċjali sa dak tal-iffissar tal-ammont li għandu jitħallas lura.

154

Il-Kummissjoni ċaħdet it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rati ta’ referenza li kienu applikabbli, għall-Ġermanja, matul dawn is-snin, minħabba li l-miżuri inkwistjoni jirreferu għas-snin 1986-1995 u, għaldaqstant, hemm lok li l-analiżi tiġi limitata għal dan il-perijodu.

155

L-ewwel nett f’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tat-talba jirriżulta li dan l-ilment għandu jinftiehem bħala li jikkonċerna biss ir-rati ta’ referenza applikabbli għall-kalkolu tal-għajnuna li ħadet il-forma ta’ inklużjoni fil-kontijiet, mir-rikorrenti, tal-ammortizzamenti speċjali, imwettqa abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, u r-riżervi speċjali kkostitwiti fuq din il-bażi.

156

Barra minn hekk, mill-analiżi tal-ewwel ilment, fil-punti 137 sa 152 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball, fil-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata, meta ffissat ir-rata ta’ tnaqqis b’riferiment għar-rati użati għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali fil-Ġermanja.

157

Sussegwentement hemm lok li jiġi rrilevat li fil-punt 92 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ppreċiżat li din tal-aħħar kienet tikkonċerna l-ammonti tal-ammortizzamenti speċjali u tar-riżervi eżenti mit-taxxa rispettivament imwettqa u kkostitwiti mir-rikorrenti bejn l-1986 u l-1995, bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(ċ) KEFA. It-tabella li tinsab f’dan l-istess punt tad-deċiżjoni tindika li ammont ta’ DEM 484 miljun kien ġie meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ammortizzamenti speċjali u ammont ta’ DEM 367 miljun kien ġie meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-riżervi eżenti mit-taxxa, u dawn l-ammonti għandhom iservu ta’ bażi għall-kalkolu tal-għajnuna globali li minnha effettivament ibbenefikat ir-rikorrenti. Dawn l-ammonti barra minn hekk jikkorrispondu għal dawk imsemmija fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

158

Issa, l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkritikaw il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-għajuna li għandha tiġi rrimborsata, ir-rati ta’ tnaqqis li kienu applikabbli matul il-perijodu bejn is-sena 1995/1996 u s-sena 19971998. F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi li r-rikorrenti kompliet tibbenefika minnhom matul il-perijodu inkwistjoni, fir-rigward tal-ammortizzamenti speċjali mwettqa abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG.

159

Madankollu huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-analiżi fil-punt 157 iktar ’il fuq, dawn il-vantaġġi, anki jekk wieħed jassumi li huma stabbiliti, ma jifformawx is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, u għaldaqstant, dan l-ilment huwa irrilevanti.

160

Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti fil-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

161

Ir-rikorrenti tqis li l-portata tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ċara fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni għall-kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata. Skontha, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx jekk ir-rata tat-taxxa fuq il-profitti kellhiex tiġi sempliċement applikata għall-ammonti tad-differimenti tat-taxxa jew ukoll għall-interessi.

162

Il-Kummissjoni ma ssottomettietx kummenti f’dan ir-rigward.

163

Il-punti 94 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiżaw:

“Rata ta’ tassazzjoni

(94)

Il-Ġermanja tirreferi b’mod partikolari għall-punt 1.1 tal-Anness I tal-Linji gwida dwar l-għajuna mill-Istat b’għan reġjonali, li jippreċiża li ’l-intensità tal-għajnuna għandha tiġi kkalkolata wara t-tassazzjoni, jiġifieri wara t-tnaqqis tat-taxxi relatati mal-kisba tagħha, b’mod partikolari tat-taxxa fuq il-profitti. Din hija l-bażi għat-terminu sussidju ekwivalenti nett, li jirrappreżenta l-għajnuna li tifdal għall-benefiċjarju wara l-ħlas tat-taxxa inkwistjoni […]’

(95)

Għaldaqstant għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata tat-taxxa fuq il-profitti (mhux imqassma). Din ir-rata hija użata b’mod partikolari għall-istima tad-differiment tat-taxxa u għaldaqstant tal-vantaġġ li l-impriża bbenefikat minnu. Il-Kummissjoni tirrimarka li, barra minn hekk, ir-rata ta’ tassazzjoni varjat madul il-perijodu 198601995.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

164

L-ewwel nett, minn din is-silta jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-talba mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tnaqqas it-taxxa fuq il-profitti mill-ammont gross tal-għajnuna sabiex tikkalkola s-sussidju ekwivalenti nett.

165

It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jikkonċernaw il-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti indebitament imħallsa, l-irkupru tal-għajnuna irregolarment mogħtija għandu jsir skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et, 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punti 18 sa 25, u tat-2 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 94/87, Ġabra p. 175, punt 12; sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 138 supra, punt 82).

166

Hekk kif tfakkar il-Kummissjoni fil-punt 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għandhiex, fid-deċiżjonijiet tagħha li jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, tikkalkola l-effetti tat-taxxa fuq l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, peress li dan il-kalkolu jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tillimita ruħha tindika l-ammont gross li għandu jiġi rkuprat (sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 138 supra, punt 83).

167

Dan ma jimpedixxix li, waqt l-irkupru, l-awtoritajiet nazzjonali jnaqqsu, jekk ikun neċessarju, mill-ammont li għandu jiġi rkuprat ċerti somom skont ir-regoli interni tagħhom, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli interni ma tirrendix prattikament impossibbli dan l-irkupru jew ma tkunx diskriminatorja fir-rigward ta’ każijiet komparabbli rregolati mid-dritt intern (sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 138 supra, punt 83).

168

F’dan il-każ, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jindika l-bażi li fuqha l-ammont gross tal-għajnuna għandu jiġi kkalkolat, filwaqt li l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li “l-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-regoli għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jibqgħu għaldaqstant irregolati mid-dritt nazzjonali.

169

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tippreċiża, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-regoli li skonthom il-kalkolu tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti kellu jsir mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li dan il-kalkolu jaqa’ taħt l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, skont ir-regoli interni tiegħu.

170

Fl-aħħar nett, hemm lok li jitqies, fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, li din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda motivazzjoni insuffiċjenti.

171

It-tieni parti tas-sitt motiv, kif ukoll is-sitt motiv kollu kemm hu, għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

172

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

173

Fis-sentenza tagħha fuq l-appell, punt 11 supra il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’din is-sentenza, għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż kollha relatati mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 121 tar-Regoli tal-Proċedura.

174

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

175

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li interveniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha, quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Salzgitter AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 

Forwood

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Schwarcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Jannar 2013.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

 

Id-dritt

 

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tiddetermina l-vantaġġ attwali li minnu bbenefikat ir-rikorrenti permezz tal-għajnuna

 

2. Fuq il-mertu

 

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-klassifikazzjoni ta’ ċerti investimenti bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA

 

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li ċerti investimenti kienu jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża għall-protezzjoni tal-ambjent

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ selettivitŕ tal-vantaġġi fiskali miksuba mir-rikorrenti għal investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent li, sal-31 ta’ Diċembru 1990, kienu jaqgħu kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG u taħt dak tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ selettivitŕ ta’ parti mill-vantaġġi kkontestati

 

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq allegat żball ta’ evalwazzjoni relatat mad-definizzjoni tar-rata ta’ tnaqqis deċiżiva, fuq nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-iffissar, mill-Kummissjoni, tar-rati ta’ tnaqqis deċiżivi

 

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-iffissar tar-rata ta’ tnaqqis b’riferiment għar-rati użati għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali

 

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-neċessitŕ li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rati ta’ tnaqqis applikabbli matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 1995/1996 u 1997/1998

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti fil-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża T-308/00 RENV,

Salzgitter AG, stabbilita f’Salzgitter (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund u T. Lübbig, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u A. Wiedmann, bħala aġenti, assistiti minn U. Karpenstein, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn V. Kreuschitz u M. Niejahr, sussegwentement minn V. Kreuschitz u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/797/KEFA, tat-28 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija tal-azzar u tal-ħadid, illum il-ġurnata miġbura flimkien taħt l-isem Salzgitter AG – Stahl und Technologie (SAG), (ĠU L 323, p. 5),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse, I. Wiszniewska-Białecka, J. Schwarcz u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Ir-rikorrenti, Salzgitter AG, tifforma parti minn grupp li jopera fis-settur tal-azzar u tal-ħadid ma’ Preussag Stahl AG u ma’ impriżi oħra involuti fl-istess settur.

2. Fil-Ġermanija, iz-“Zonenrandförderungsgesetz” [(liġi Ġermaniża intiża sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żona tul il-fruntiera mal-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja (RDĠ) u mal-ex Repubblika Ċekoslovakka, iktar ’il quddiem iz-“ZRFG”)] kienet ġiet adottata fil-5 ta’ Awwissu 1971. Din il-leġiżlazzjoni, inkluż fil-verżjonijiet emendati sussegwentement tagħha, kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-dawl tal-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE) u tal-Artikolu 93 tat-Tratat KE (li sar l-Artikolu 88 KE). L-aħħar emendi taz-ZRFG kienu ġew approvati mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mat-Trattat KE (ĠU 1993 C 3, p. 3). Iz-ZRFG intemmet definittivament fl-1995.

3. Mill-bidu, l-Artikolu 3 taz-ZRFG kien jipprevedi inċentivi fiskali fil-forma ta’ ammortizzamenti speċjali (Sonderabschreibungen) u ta’ riżervi speċjali eżenti mit-taxxa (steuerfreie Rücklagen) għall-investimenti magħmula f’kull stabbiliment ta’ impriża li tinsab tul il-fruntiera mal-ex RDĠ jew mal-ex Repubblika Ċekoslovakka (iktar ’il quddiem iz-“Zonenrandgebiet”).

4. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni, wara li osservat fil-kontijiet annwali 1994/1995 u 1995/1996 ta’ Preussag Stahl, kumpannija li minn dak iż-żmien kienet tifforma parti mill-istess grupp bħar-rikorrenti, li din il-kumpannija kienet ingħatat iktar minn għajnuna waħda bejn l-1986 u l-1995, abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2496/96/KEFA, tat-18 ta’ Diċembru 1996, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija tal-azzar u tal-ħadid (ĠU L 338, p. 42, iktar ’il quddiem is-“Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, ippubblikata fl-24 ta’ April 1999 f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 113, p. 9), il-Kummissjoni talbet lill-persuni kkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-għajnuna inkwistjoni. Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-awtoritajiet Ġermaniżi, b’mod partikolari permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 1999, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-unika terz ikkonċernata li interveniet, il-UK Steel Association, li l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

5. Fit-28 ta’ Ġunju 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur ir-rikorrenti, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija tal-azzar u tal-ħadid, illum il-ġurnata miġbura flimkien taħt l-isem Salzgitter AG – Stahl und Technologie (SAG), (ĠU L 323, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont din id-deċiżjoni, l-ammortizzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa, previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG u li minnhom ibbenefikat SAG għal bażi ammissibbli ta’ DEM 484 miljun u ta’ DEM 367 miljun rispettivament, kienu ġew meqjusa bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Skont l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-imsemmija għajnuna mingħand il-benefiċjarja tagħha u talbitha tindika l-kundizzjonijiet preċiżi tal-irkupru tagħha.

6. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors għal annullament. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

7. Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (T-308/00, Ġabra p. II-1933), il-Qorti Ġenerali parzjalment annullat id-deċiżjoni kkontestata.

8. Wara li ċaħdet l-ewwel, it-tieni, it-tielet u t-tmien motiv, il-Qorti Ġenerali għall-kuntrarju qieset, b’risposta għas-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċjpju ta’ ċertezza legali, li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikser dan il-prinċipju, titlob fl-2000 il-ħlas lura tal-għajnuna mħallsa lir-rikorrenti bejn l-1986 u l-1995. Hija għaldaqstant annullat l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, relatati mal-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirkupra l-għajnuna mill-Istat imsemmija f’din id-deċiżjoni.

9. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li kien inutli tiddeċiedi fuq ir-raba’, il-ħames u s-sitt motivi, relatati mal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha titħallas lura.

10. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni appellat minn din is-sentenza. Permezz ta’ appell inċidentali, ir-rikorrenti talbet l-annullament parzjali tas-sentenza appellata, sa fejn b’mod partikolari din ma kinitx annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien ikklassifika bħala “għajnuna mill-Istat” l-ammortizzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa li hija kienet ibbenefikat minnhom skont iz-ZRFG.

11. Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter (C-408/04 P, Ġabra p. I-2767, iktar ’il quddiem is-“sentenza fuq l-appell”), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell inċidentali. Min-naħa l-oħra hija annullat is-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 7 supra , sa fejn din kienet annullat l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qieset li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi ma vverifikatx, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, jekk il-Kummissjoni kinitx tat prova ta’ nuqqas manifest li tieħu azzjoni u ta’ ksur manifest tal-obbligu ta’ dilġenza tagħha fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ kontroll meta ddenunċjat l-għajnuna ikkontestata u ordnat l-irkupru tagħha f’Ġunju 2000. Hija sussegwentement irrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

12. Il-kawża ġiet assenjata lis-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla Estiża, li lilha, għaldaqstant, din il-kawża ġiet assenjata.

13. Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u, fil-kwalità tagħha ta’ intervenjenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet bil-miktub.

14. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal numru ta’ domandi. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini mogħtija.

15. Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2011. F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali semgħet ix-xhieda tas-Sur Becker, Kap tas-Servizz Legali tar-rikorrenti mill-1972 sal-2002, u dik tas-Sur Boeshertz, Kap ta’ Unità tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni u relatur inkarigat mill-fajl li ta lok għall-adozzjoni, minn din tal-aħħar, tad-deċiżjoni kkontestata.

16. Ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

u, sussidjarjament,

– tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna l-investimenti ta’ DEM 17 549 000 kif ukoll l-investimenti ta’ DEM 332 miljun intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent li ma jaqawx taħt il-kamp tal-KEFA;

– tannulla t-tielet sentenza tal-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata u tobbliga lill-Kummissjoni tiddetermina l-vantaġġ attwali speċifiku għall-impriża;

– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors bħala infondat;

– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tiddetermina l-vantaġġ attwali li minnu bbenefikat ir-rikorrenti permezz tal-għajnuna

18. Fil-kuntest tat-talbiet tagħha mressqa sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tiddetermina l-vantaġġ attwali li minnu bbenefikat ir-rikorrenti permezz tal-għajnuna kkontestata, permezz ta’ differimenti tat-taxxa.

19. F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ annullament mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-miżuri li l-eżekuzzjoni ta’ eventwali sentenza ta’ annullament tinvolvi, billi teżerċita, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, is-setgħa diskrezzjonali li hija għandha għal dan il-għan waqt illi tirrispetta kemm id-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza li hija għandha teżegwixxi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II-2319, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20. Minn dan jirriżulta li t-talbiet imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq huma inammissibbli.

2. Fuq il-mertu

21. Peress li s-sentenza fuq l-appell, punt 11 supra, annullat parzjalment is-sentenza appellata u rrinvijat il-kawża lill-Qorti Ġenerali, din għandha teżamina, b’mod prinċipali, is-seba’ motiv, intiż għall-annullament tal-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, tatx prova ta’ ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha u ta’ nuqqas manifest li tieħu azzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ kontroll meta ddenunċjat l-għajnuna ikkontestata u ordnat l-irkupru tagħha f’Ġunju 2000.

22. Sussidjarjament, jekk dan il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa miċħud, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-motivi l-oħra li fir-rigward tagħhom hija ma ddeċidietx, insostenn ta’ talba għal annullament inqas estensiva. Dawn il-motivi huma bbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat qieset ċerti investimenti bħala li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, fuq il-fatt li parti mill-għajnuna inkwistjoni kienet għall-protezzjoni tal-ambjent u, fl-aħħar, fuq żball ta’ evalwazzjoni relatat mad-definizzjoni tar-rata ta’ tnaqqis deċiżiva.

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

23. Fis-sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, anki fin-nuqqas ta’ perijodu ta’ preskrizzjoni stabbilit mil-leġiżlatur Komunitarju, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali kien jipprekludi li l-Kummissjoni tista’ iddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , punti 100 sa 103).

24. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-notifika mill-Istati tal-għajnuna mill-Istat kienet element ċentrali tar-regoli Komunitarji bil-għan tal-kontroll tagħha u li, għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ notifika, l-impriżi benefiċjarji minn din l-għajnuna ma setgħux ikollhom aspettattiva leġittima (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , punt 104).

25. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll fakkret li s-sistema prevista mit-Trattat KEFA fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat kienet distinta, min-natura tagħha partikolarment stretta, minn dik tat-Trattat KE (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , punt 105).

26. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, meta, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, għajnuna kienet ingħatat mingħajr ma kienet innotifikata, id-dewmien mill-Kummissjoni sabiex teżerċita s-setgħat tagħha ta’ kontroll u sabiex tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna kien jivvizzja b’illegalità din id-deċiżjoni ta’ rkupru biss f’każijiet eċċezzjonali li kienu juru nuqqas manifest tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni u ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , punt 106).

27. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li l-għajnuna kkontestata ma kinitix ġiet innotifikata lill-Kummissjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din tal-aħħar għaldaqstant kisret l-obbligu li hija għandha skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 3484/85/KEFA, tas-27 ta’ Novembru 1995, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna speċifika għall-industrija tal-azzar u tal-ħadid (ĠU L 340, p. 1, iktar ’il quddiem it-“Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid”), mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni fl-1 ta’ Jannar 1986 (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , punt 93).

28. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-ksur minnha tal-obbligu tagħha ta’ notifika ma jistax jiġi ddubitat mill-fatt li r-rikorrenti kienet, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, ħadet deċiżjonijiet relatati ma’ ċerti investimenti li l-finanzjament tagħhom, li kien possibbli permezz tal-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, kien intiż li jestendi lil hinn minn din id-data.

29. Fil-fatt, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 91 tas-sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , it-Trattat KEFA, bid-differenza tat-Trattat KE ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-għajnuna l-ġdida u l-għajnuna eżistenti, peress illi l-Artikolu 4(ċ) KEFA jipprojbixxi purament u sempliċiment l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri taħt kwalunkwe forma li tkun.

30. Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha, mid-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, kien jikkonċerna, skont il-każ, il-vantaġġi fiskali miksuba mir-rikorrenti mid-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar, abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, inkluż dawk relatati ma’ investiment magħmula qabel din id-data.

31. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni tista’ tiġi evalwata, fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, biss fir-rigward tar-regoli fis-seħħ fid-data li fiha hija effettivament imħallsa (ara s-sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32. Issa, mill-ispjegazzjonjiet mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-seduta jirriżulta b’mod partikolari li impriża, sabiex tibbenefika minn għajnuna skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, kellha titlob kull sena, fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, l-inklużjoni fil-kontijiet tal-ammortizzamenti speċjali jew il-kostituzzjoni ta’ riżervi eżenti mit-taxxa bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant hemm lok li jitqies li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħallset għajnuna lir-rikorrenti fi żmien li fih it-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Indusrtija tal-Azzar u tal-Ħadid kien daħal fis-seħħ u li fih, għaldaqstant, dan il-kodiċi kien jimponi lill-Istati Membri jinnotifikaw minn qabel l-għajnuna inkwistjoni.

33. Għaldaqstant huwa neċessarju, f’dawn iċ-ċirkostanzi, li jiġi vverifikat jekk l-attitudni tal-Kummissjoni tissodisfax il-kriterji mfakkra fil-punt 26 iktar ’il fuq.

34. Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, mill-inqas mill-1982, kellha informazzjoni relatata ma’ għajnuna li kienet ingħatatilha. Il-Kummissjoni kienet irċeviet, minn dan iż-żmien, diversi rapporti ta’ attività u kontijiet annwali mingħand ir-rikorrenti, li minnhom kien jirriżulta b’mod ċar li din kienet ingħatat xi għajnuna.

35. Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni kienet konxja tal-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx innotifikat din l-għajnuna peress li din kienet diġà bdiet fil-mument tad-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid u li għaldaqstant, skont dan l-Istat Membru, din ma kinitx tikkwalifika bħala “proġett” kif imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan il-kodiċi.

36. Issa, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha obbligu ta’ diliġenza partikolari f’dan il-każ, minħabba l-bidla fundamentali tal-opinjoni legali tagħha fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) KEFA permezz tal-adozzjoni ta’ dan it-Tielet Kodiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna reġjonali.

37. Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għar-rabta inseparabbli li, skontha, teżisti bejn is-sistema tal-kwoti u l-kontroll tal-għajnuna. Minn dan jirriżulta obbligu ta’ koordinazzjoni u ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni bejn id-diversi servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, bil-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna illegali meta jiġu ffissati l-kwoti.

38. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tafferma li hija ma kinitx obbligata taqra r-rapporti ta’ attività u li dawn tal-aħħar u l-kontijiet annwali, anki jekk dawn jirreferu għall-Artikolu 3 taz-ZRFG, ma jindikawx l-għajnuna kkontestata.

39. F’dan ir-rigward, għandha qabel kollox titfakkar ir-rabta li kienet ġiet stabbilita mill-Kummissjoni bejn l-għoti ta’ għajnuna mhux awtorizzata u l-kwoti ta’ produzzjoni fis-settur tal-azzar u tal-ħadid, fil-kuntest tal-aġġustament tal-iskema stabbilita permezz tad-Deċiżjoni Nru 2794/80/KEFA, tal-31 ta’ Ottubru 1980, li tistabbilixxi sistema ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ azzar għall-impriżi tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid (ĠU L 291, p. 1).

40. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2177/83/KEFA, tat-28 ta’ Lulju 1983, li testendi s-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ ċerti prodotti għall-impriżi tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid (ĠU L 208, p. 1), il-Kummissjoni setgħet, skont l-Artikolu 15 A ta’ din id-deċiżjoni, “tnaqqas il-kwoti ta’ impriża, jekk hija [tkun ikkonstatat] li l-impriża inkwistjoni [kienet] ibbenefikat minn għajnuna mhux awtorizzata mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni Nru 2320/81/KEFA jew jekk il-kundizzjonijiet relatati mal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna ma [kinux ġew] osservati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont din id-dispożizzjoni, “tali konstatazzjoni [kienet] teskludi ukoll lill-impriża minn aġġustament [tal-kwoti] fis-sens tal-Artikoli 14, 14A, 14B, 14C u 16 tad-Deċiżjoni [Nru 2177/83]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-miżuri li jestendu din is-sistema ta’ monitorġġ u ta’ kwoti ta’ produzzjoni kienu jinkludu, essenzjalment, regoli identiċi.

41. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li s-sistema ta’ kwoti u l-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid kienu jifformaw unità koerenti u kellhom l-istess għan, jiġifieri r-ristrutturazzjoni neċessarja sabiex il-produzzjoni u l-kapaċità jiġu adattati għat-talba prevedibbli u l-istabbiliment mill-ġdid tal-kompetittività tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid Ewropea, u li għaldaqstant, la kien arbitrarju u lanqas diskriminatorju li d-data miksuba mill-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn is-sistemi setgħet tintuża bħala riferiment fl-oħra (ara s-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 7 supra , punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, taħt is-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ kwoti ta’ produzzjoni deskritta fil-punt 40 iktar ’il fuq, tivverifika l-informazzjoni relatata mal-produzzjoni tal-impriżi tal-azzar u tal-ħadid sabiex tiddetermina jekk iż-żamma jew iż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni kinitx tirriżulta minn għajnuna mill-Istat mhux awtorizzata u, skont il-każ, jekk kienx iġġustifikat li tnaqqas għaldaqstant il-kwoti mogħtija lill-impriżi benefiċjarji.

43. F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni rċeviet diversi rapporti ta’ attività u kontijiet annwali mingħand ir-rikorrenti mill-aħħar tas-sena 1988, fosthom dawk tal-ewwel kienu relatati mas-sena 1987/1988. Dawn il-komunikazzjonijiet saru, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri relatati mal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ produzzjoni lir-rikorrenti.

44. Lanqas ma huwa kkontestat li dawn l-ewwel rapporti u kontijiet annwali kienu jinkludu, essenzjalment indizji simili għal dawk inklużi fir-rapporti ta’ attività u fil-kontijiet annwali tar-rikorrenti għas-snin 1994/1995 u 1995/1996, li wasslu lill-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-elementi kienu jikkonsistu f’intestatura li taħtha kienu jidhru, f’dawn id-diversi dokumenti, ir-riżervi speċjali li r-rikorrenti warrbet abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG.

45. Madankollu, il-mogħdija ta’ diversi snin bejn il-mument tal-komunikazzjoni tar-rapport ta’ attività u tal-kontijiet annwali għas-sena 1987/1988 u dak li fih il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa ta’ kontroll tagħha ma jirriżultax f’nuqqas manifest tagħha li tieħu azzjoni u lanqas fi ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha fiċ-ċirkostanza tal-każ.

46. Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet biss li jinsabu f’dawn id-dokumenti ma jirriżultax b’mod manifest li r-riżervi speċjali kollha jew parti minnhom li għalihom isir riferiment jikkorripsondu għall-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat “inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħħam u tal-azzar” [traduzzjoni mhux uffiċjali], skont l-Artikolu 4(ċ) KEFA.

47. Għaldaqstant, ir-riferiment għall-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll l-ispjegazzjoni qasira dwar l-ammortizzamenti speċjali mwettqa abbażi tiegħu ma kienux ta’ natura li juru b’mod manifest li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat għajnuna lir-rikorrenti permezz ta’ mekkaniżmu kumpless ta’ tnaqqis tal-bazi taxxabbli u li kien jikkonsisti, fost oħrajn, fil-kostituzzjoni ta’ riżervi eżenti mit-taxxa jew fl-inklużjoni eċċezzjonali fil-kontijiet tal-ammortizzamenti matul l-ewwel snin sussegwenti għal ċerti investimenti.

48. Din il-konklużjoni hija msaħħa iktar bil-fatt li s-silta mir-rapport annwali 1987/1988 li tinkludi spejgazzjoni dwar il-bażijiet legali tar-riżervi u tal-ammortizzamenti speċjali tirreferi għal diversi leġiżlazzjonijiet Ġermaniżi fis-seħħ f’dak iż-żmien u bil-fatt li, barra minn hekk, hekk kif ma ġiex ikkontestat, ir-rapport inkwistjoni ma jagħmel ebda tqassim bejn l-ammonti ta’ dawn ir-riżervi u ta’ dawn l-ammortizzamenti li jirrelataw ma’ kull waħda minn dawn il-bażijiet legali.

49. L-istess japplika għar-rapporti ta’ attività u għall-kontijiet annwali l-oħra trażmessi mir-rikorrenti lill-Kummissjoni, relatati ma’ snin sussegwenti, peress li dawn ma jinkludu ebda indikazzjoni addizzjonali relatata mal-oriġini u man-natura tar-riżervi eżenti mit-taxxa u tal-ammortizzamenti speċjali li r-rikorrenti bbenefikat minnhom skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG.

50. Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma huwa, barra minn hekk, ta’ natura li jikkontesta dawn il-konklużjonijiet.

51. Għaldaqstant, qabel kollox, l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 1988 kif ukoll id-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1991, it-tnejn li huma indirizzati lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u li fihom hija qieset li r-riżervi eżenti mit-taxxa u l-ammortizzamenti speċjali mwettqa abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat suġġetta għall-approvazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(1) KE), huma irrilevanti f’dan il-każ.

52. Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li t-Trattati KE u KEFA huma indipendenti. Għaldaqstant it-Trattat KE kif ukoll id-dritt sekondarju stabbilit abbażi tiegħu ma jistgħux jipproduċu effetti fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE japplikaw biss b’mod sussidjarju, fin-nuqqas ta’ regola speċifika fit-Trattat KEFA (ara, is-sentenza fuq l-appell punt 11 supra , punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53. Issa, id-dokumenti msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq ġew redatti fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kontroll tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, sussegwentement għan-notifika mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, abbażi ta’ dan it-Trattat, tal-iskema ta’ għajnuna stabbilita mill-Artikolu 3 taz-ZRFG. Għaldaqstant dawn id-dokumenti jaqgħu taħt qasam separat minn dak li jifforma s-suġġett ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li dawn ma kinux ta’ natura li jneħħu d-diffikultà li kienet teżisti għall-Kummissjoni li tidentifika, abbażi biss tar-rapporti ta’ attività u tal-kontijiet annwali tar-rikorrenti li hija kellha fil-pussess tagħha, eventwali għajnuna li din kienet ibbenefikat minnha fil-forma ta’ riżervi speċjali u ta’ ammortizzamenti speċjali, bi ksur tar-regola stabbilita fl-Artikolu 4(ċ) KEFA.

54. Din il-konklużjoni hija msaħħa bil-fatt li dawn ir-rapporti u dawn il-kontijiet annwali kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri li, bid-differenza ta’ dawk li taw lok għall-ittra u għad-deċiżjoni msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, ma kellhomx speċifikament bħala suġġett il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

55. Konstatazzjonijiet simili għandhom isiru fir-rigward tal-ittra indirizzata mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fid-9 ta’ Marzu 1987. Fil-fatt, il-Kummissjoni fiha rreferiet għaz-ZRFG biss bil-għan li titlob lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnotifikaha dwar l-emendi magħmula għall-iskema ta’ għajnuna mogħtija abbażi tagħha, u dan skont l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE. Ir-risposta mogħtija għal din it-talba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fis-16 ta’ April 1987, ma fiha barra minn hekk ebda element ta’ natura li jindika li din il-korrispondenza kienet tikkonċerna għajnuna li ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE. Barra minn hekk huwa sinjifikattiv, f’dan ir-rigward, li l-unika dispożizzjoni tad-dritt primarju msemmija f’din ir-risposta hija l-Artikolu 92(2)(ċ) tat-Trattat KE.

56. Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma speċifikatx, fl-okkażjoni tad-diversi skambji tagħha mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-iskema ta’ għajnuna stabbilita miz-ZRFG, li dawn l-iskambji ma kienux jikkonċernaw eventwali għajnuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA. Fil-fatt, hekk kif tfakkar iktar ’il fuq, l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1986, kien jipprevedi b’mod ċar u inekwivoku l-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni tal-għajnuna li tista’ tkun mogħtija lir-rikorrenti b’applikazzjoni taz-ZRFG (sentenza fuq l-appell, punt 11 supra , punt 93).

57. Barra minn hekk għandu jiġi miċħud l-argument li r-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja riedu jisiltu mix-xhieda tas-Sur Becker dwar il-laqgħat li huwa attenda, fl-1982, ma’ membri tal-grupp ta’ ħidma “Cadieux”.

58. L-ewwel nett, anki jekk din ix-xhieda turi li l-Kummissjoni, f’dak iż-żmien, kienet taf dwar il-fatt li r-rikorrenti kienet diġà bbenefikat minn miżuri meħuda abbażi taz-ZRFG, ir-riferiment ġenerali li jsir fiha għal għajnuna reġjonali ma jippermettix, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit li din l-għajnuna kienet tikkonsisti minn ammortizzamenti speċjali jew minn riżervi eżenti mit-taxxa bbażati fuq l-Artikolu 3 taz-ZRFG, tat-tip ta’ dik li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, diversi forom ta’ għajnuna setgħu jingħataw lill-impriżi abbażi taz-ZRFG.

59. It-tieni nett, ir-rikorrenti stess irrikonoxxiet li hija ma kinitx wettqet ammortizzamenti speċjali u lanqas ikkostitwixxiet riżervi eżenti mit-taxxa abbażi taz-ZRFG matul is-snin 1981/1982, 1982/1983 u 1983/1984. Għaldaqstant, f’kull każ, kien hemm ċerta diskontinwità fl-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lir-rikorrenti bejn il-perijodu li ppreċeda l-laqgħat imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq u l-mument li fih il-Kummissjoni saret taf dwar ir-rapport ta’ attività u dwar il-kontijiet annwali tar-rikorrenti għas-sena 1987/1988.

60. It-tielet nett, minn din ix-xhieda jirriżulta li l-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-għajnuna mogħtija mir-rikorrenti abbażi taz-ZRFG qabel l-1982. Issa, ma jistax jiġi utilment ikkontestat li l-Kummissjoni ma setgħetx tantiċipa, f’dak il-mument, it-tisħiħ tad-dixxiplina fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat koperta mit-Trattat KEFA li sar iktar minn tliet snin wara, permezz tal-adozzjoni tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid. Barra minn hekk, filwaqt li, skont din l-istess xhieda, il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-possibbiltà ta’ żvilupp tal-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna mogħtija sussegwentement lir-rikorrenti abbażi taz-ZRFG, dan kien biss fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġodda li kellhom jittieħdu fir-rigward ta’ talbiet għal għoti ta’ għajnuna skont il-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid u għaldaqstant, fi tmiem proċeduri li jikkonċernaw speċifikament il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat innotifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni.

61. Issa, fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi enfasizzat mhux biss li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligu ta’ notifika tal-għajnuna kkontestata li hija kellha skont it-Tielet Kodiċi ta’ Għajuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, iżda wkoll li kważi tliet snin għaddew bejn il-mument li fih dan il-kodiċi daħal fis-seħħ, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1986, u dak li fih il-Kummissjoni rċeviet ir-rapport ta’ attività u l-kontijiet annwali tar-rikorrenti għas-sena 1987/1988.

62. Minn dan jirriżulta li, anki jekk ġie stabbilit li l-Kummissjoni, fl-1982, kienet taf dwar l-għajnuna mogħtija fil-passat lir-rikorrenti abbażi taz-ZRFG, dan il-fatt ma jistax jikkontribwixxi sabiex juri li hija ħatja ta’ nuqqas manifest ta’ teħid ta’ azzjoni u ta’ ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha billi ma bdietx proċeduri sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti wara li rċeviet, fl-aħħar tas-sena 1988, ir-rapport ta’ attività u l-kontijiet annwali tagħha għas-sena 1987/1988.

63. Ir-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu wkoll li n-nuqqas manifest ta’ teħid ta’ azzjoni u l-ksur manifest tal-obbligu ta’ diliġenza mill-Kummissjoni jirriżultaw mill-fatt li din tal-aħħar irċeviet, mill-bidu tas-snin 80, diversi rapporti ta’ attività u kontijiet annwali mingħand ir-rikorrenti.

64. Mingħajr lanqas ma huwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn il-komunikazzjonijiet seħħewx u, skont il-każ, liema servizzi tal-Kummissjoni kienu d-destinatarji tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li bl-ebda mod ma ġie muri li dawn ir-rapporti u dawn il-kontijiet annwali fihom iktar informazzjoni mir-rapport ta’ attività u mill-kontijiet annwali għas-sena 1987/1988, ta’ natura li turi b’mod manifest li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat għajnuna lir-rikorrenti fil-forma ta’ mekkaniżmu kumpless ta’ tnaqqis tal-bażi taxxabbli permezz ta’ inklużjoni eċċezzjonali fil-kontijiet tal-ammortizzamenti jew permezz ta’ riżervi eżenti mit-taxxa.

65. Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li r-rikorrenti, hekk kif indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, ma wettqitx ammortizzamenti speċjali u ma kkostitwixxietx riżervi speċjali abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG għas-snin 1981/1982, 1982/1983 u 1983/1984, u mill-fatt li, għaldaqstant, hija ma kellhiex raġuni tinkludi riferiment għal din id-dispożizzjoni fir-rapport ta’ attività tagħha u fil-kontijiet annwali relatati ma’ dan il-perijodu.

66. Fir-rigward tal-affermazzjoni, mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni bdiet tissanzjona l-għajnuna mill-Istat mogħtija permezz ta’ vantaġġi fiskali biss mill-1988, anki fuq l-assunzjoni li din hija stabbilita, din hija irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk ċerta miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata biss fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KEFA kif ukoll tal-miżuri meħuda għall-implementazzjoni tiegħu, u mhux fid-dawl ta’ eventwali prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I-9975, punti 52 u 53, u tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra p. II-2123, punt 177).

67. Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-każ inkwistjoni, ma dewmietx indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha bi ksur tal-obbligu tagħha li tiżgura ċertezza legali u li, għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

68. Għaldaqstant hemm lok li jiġu eżaminati t-tliet motivi relatati, essenzjalment, mal-kalkolu tal-ammont tal-għajuna li għandha titħallas lura u mat-tnaqqis ta’ dan l-ammont.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-klassifikazzjoni ta’ ċerti investimenti bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA

69. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli qieset li ċerti vantaġġi fiskali li hija setgħet ibbenefikat minnhom skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, filwaqt li dawn kienu jaqgħu taħt it-Trattat KE.

70. Dawn il-vantaġġi huma relatati ma’ investimenti li jikkorrispondu għal 1.3 % tal-investimenti totali ssussidjati taħt l-Artikolu 3 taz-ZRFG u kienu bbenefikaw lil “ċentri ta’ profitt indipendenti” tar-rikorrenti, jiġifieri struttura soċjali (Sozialwirtschaft), impjant għat-trattament tal-ilma (Wasserwerke), funderija (Gießerei) kif ukoll impjant ta’ manufatturazzjoni ta’ pajpijiet (Rohrwerk). Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ taħriġ professjonali (berufliche Bildung), imsemmi fil-punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma tikkunsidrax iktar l-investimenti relatati ma’ dan tal-aħħar bħala li ma humiex relatati mal-attivitajiet tagħha tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid. Għaldaqstant il-klassifikazzjoni tal-għajnuna relatata ma’ din il-faċilità ma hijiex iktar is-suġġett tar-rikors tar-rikorrenti.

71. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, l-ewwel nett, li prinċipalment ibbażat ruħha fuq l-allegazzjonijiet tal-UK Steel Association, li skonthom l-attivitajiet tar-rikorrenti li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA huma integrati fis-settur KEFA tal-produzzjoni tagħha, bil-għan li dawn il-vantaġġi jiġu inklużi fil-bażi ta’ kalkolu tal-għajnuna, mingħajr madankollu ma vverifikat il-fondatezza tagħhom. Issa, ir-rikorrenti ssostni li l-attivitajiet tagħha li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA huma separati mill-attivitajiet KEFA tagħha, kemm fiżikament kif ukoll fuq livell ta’ kontijiet. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG fir-rigward tal-attivitajiet tagħha li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA għandha tiġi evalwata fir-rigward biss tat-Trattat KE.

72. It-tieni nett hija ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx it-trasferiment attwali tal-vantaġġi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżuri fiskali inkwistjoni għall-oqsma ta’ attività li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA, lejn dawk l-attivitajiet koperti mit-Trattat KEFA. Devjazzjoni ta’ dan it-tip tkun, f’kull każ, impossibbli f’dan il-każ, peress li, sabiex tibbenefika mill-ammortizzamenti speċjali previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, l-investimenti li għalihom dawn jirreferu għandhom ikunu saru qabel u murija.

73. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

74. L-ewwel nett, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq l-allegazzjonijiet, mhux ivverifikati, magħmula mill-UK Steel Association relatati mal-inklużjoni tad-diversi attivitajiet tar-rikorrenti. Hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fil-fatt irreferiet għal dawn l-allegazzjonijiet biss bil-għan ta’ kompletezza, peress li d-deċiżjoni tagħha hija bbażata wkoll fuq motivi oħra.

75. Sussegwentement għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 80 KEFA u 81 KEFA, biss l-impriżi li jeżerċitaw attività ta’ produzzjoni fil-qasam tal-faħam u tal-azzar huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat KEFA u li, f’dan ir-rigward, biss il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat KEFA huma koperti mill-espressjonijiet “faħam” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “azzar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, impriża hija suġġetta għall-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 4(ċ) KEFA biss sa fejn hija teżerċita tali attività ta’ produzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs L-Awtorità Għolja, 14/59, Ġabra p. 445, 467 u 468 u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, Ġabra p. I-1139, punt 78).

76. Huwa paċifiku li r-rikorrenti, peress li hija teżerċità attività ta’ produzzjoni fil-qasam tal-azzar, hija impriża li topera fl-industrija tal-azzar u tal-ħadid li tissodisfa d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 80 KEFA.

77. Madankollu, il-fatt li impriża teżerċita, bħal f’dan il-każ, attivitajiet ta’ produzzjoni fil-qasam tal-azzar ma jimplikax li l-attivitajiet kollha tagħha għandhom jitqiesu bħala attivitajiet suġġetti għat-Trattat KEFA (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, T-6/99, Ġabra p. II-1523, punt 60).

78. F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li, fl-impriżi li jimmanifatturaw kemm prododtti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA kif ukoll prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KE, l-applikazzjoni tat-Trattat KEFA fir-rigward ta’ għajnuna intiża sabiex issostni settur ta’ produzzjoni li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar tista’ tiġi ġġustifikata meta jeżisti riskju reali li din l-għajnuna tintuża favur attivitajiet ta’ produzzjoni inklużi f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Fil-fatt, b’rigward, minn naħa, tal-partikolaritajiet tas-settur tal-azzar u tal-ħadid u, min-naħa l-oħra, tal-projbizzjoni stretta u assoluta tal-għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 4(ċ) KEFA, ikun kuntrarju għall-għan tas-sistema stabbilita mit-Trattat KEFA li l-eżami tal-għajnuna li tista’ potenzjalment tibbenefika lis-setturi ta’ produzzjoni ta’ impriża li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA jiġi sottomess għar-regoli inqas stretti tat-Trattat KE (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 75 supra , punt 84).

79. Minn dan jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni kien imissha uriet devjazzjoni attwali tal-vantaġġi fiskali relatati ma’ investimenti li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA favur l-attivitajiet KEFA tagħha ma jistax jiġi milqugħ, peress li d-dimostrazzjoni ta’ riskju ta’ devjazzjoni hija suffiċjenti f’dan ir-rigward.

80. Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, huwa neċessarju li dan ir-riskju jkun reali. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta, b’mod partikolari, jekk “l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tar-rikorrenti ma toffrix garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi eskluża devjazzjoni tal-għajnuna għall-investiment ikkontestata favur l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħha suġġetti għat-Trattat KEFA u, għaldaqstant, effett fuq il-kompetizzjoni fis-suq li jaqa’ taħt dan it-trattat” (sentenza ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, punt 77 supra , punt 74). Għaldaqstant, ir-riskju ta’ devjazzjoni għandu jiġi stabbilit permezz ta’ indizji serji li jagħtu raġonevolment x’jiġi mifhum li l-għajnuna tista’ fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, tkun is-suġġett ta’ devjazzjoni favur attivitajiet KEFA tal-impriża tal-azzar u tal-ħadid ikkonċernata.

81. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat żewġ elementi li skontha jippermettu li jiġi stabbilit riskju ta’ devjazzjoni. L-ewwel nett, hija kkonstatat li l-ammortizzamenti speċjali, u, għaldaqstant, l-għajnuna relatata, kienu meħuda inkunsiderazzjoni biss “fuq livell globali” mir-rikorrenti, u mhux fuq il-livell taċ-ċentri ta’ profitt. It-tieni nett, il-Kummissjoni nnotat li ma ġiex muri li l-istruttura b’għan soċjali kienet isservi biss għal attivitajiet li ma kienux koperti mit-Trattat KEFA.

82. Fir-rigward tal-ewwel element, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk ċerti investimenti li bbenefikaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG setgħu saru fil-kuntest tal-attivitajiet tar-rikorrenti li ma kienux jaqgħu taħt it-Trattat KEFA, madankollu ma hemmx kontabbiltà separata, fi ħdan ir-rikorrenti, għal tali attivitajiet u l-attivitajiet li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA. Ikun għaldaqstant fuq il-livell tal-grupp SAG li l-għajnuna tista’ tiġi ddevjata favur l-attivitajiet ta’ produzzjoni KEFA.

83. Din l-aħħar konstatazzjoni hija kkonfermata mill-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Marzu 2000, dwar “il-prinċipji tas-sistema ta’ kompatibbiltà analitika interna ta’ Salzgitter”. Fil-fatt, minn dan id-dokument jirriżulta li l-ammortizzamenti speċjali ma humiex inklużi fil-kontijiet miċ-“ċentri ta’ profitt indipendenti” msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ma ressqet ebda element li jippermetti li jintwera li, minkejja din l-informazzjoni, l-ammortizzamenti speċjali kienu inklużi fil-kontijiet, fi ħdanha, skont jekk dawn jikkonċernawx attivitajiet li huma koperti mit-Trattat KE jew mit-Trattat KEFA.

84. Fuq kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li skontu riskju ta’ devjazzjoni huwa eskluż fir-rigward ta’ miżuri ta’ għajnuna għall-investiment bħal dawk li huma l-qofol ta’ din it-tilwima. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-vantaġġi li jirriżultaw minnhom huma relatati ma’ investiment speċifiku, il-benefiċċju tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jiddipendix mill-qasam ta’ attività tal-impriża benefiċjarja. Ir-rikorrenti bbenefikat mill-vantaġġi fiskali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li hija kellha stabbilimenti fiz-Zonenrandgebiet, irrispettivament mis-settur ta’ attività li fih saru l-investimenti ssusidjati.

85. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta, b’mod partikolari fl-assenza ta’ kontabbiltà separata tar-rikorrenti, ikkonstatat l-eżistenza ta’ riskju reali li għajnuna mogħtija għall-attivitajiet tar-rikorrenti u li ma jaqgħux taħt it-Trattat KEFA setgħet tiġi ddevjata favur l-attivitajiet tagħha koperti mit-Trattat KEFA u, għaldaqstant, ma għamlet ebda distinzjoni f’dan ir-rigward meta ddeterminat il-bażi ta’ kalkolu tal-għajnuna kkontestata.

86. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-klassifikazzjoni ta’ ċerti investimenti bħala li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li ċerti investimenti kienu jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

87. Ir-rikorrenti tafferma li għamlet investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent li jammontaw għal total ta’ DEM 332 miljun, maqsum bejn 44 proġett, bejn l-1985/1986 u l-1994/1995. Dawn id-diversi investimenti kienu jikkonċernaw jew modernizzazzjoni ta’ impjanti qodma bil-għan tal-adattament tagħhom għal standards obbligatorji ġodda, jew modernizzazzjoni ta’ impjanti qodma jew investimenti ġodda li jippermettu li jintlaħaq livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent, fl-assenza ta’ regoli obbligatorji.

88. Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel parti, li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma awtorizzatx il-vantaġġi fiskali li ngħatawlha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal dawn l-investimenti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li dawn il-vantaġġi riedu jilħqu u, għaldaqstant, kien imissha evalwat il-possibbiltà li dawn jiġu awtorizzati abbażi tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid. Il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni d-dokumenti li r-rikorrenti kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentawlha, u li minnhom jirriżulta li l-investimenti inkwistjoni kienu speċifikament intiżi sabiex inaqqsu l-impatt tal-attiviatjiet tagħha fuq l-ambjent.

89. Fit-tieni parti r-rikorrenti sussegwentement issostni li ċerti investimenti li hija għamlet matul il-perijodu kkonċernat kienu jissodisfaw id-definizzjoni ta’ investimenti ta’ protezzjoni tal-ambjent skont l-Artikolu 7(d) tal-“Einkommensteuergesetz” (Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-“EStG”) u li, għal dan il-għan, huma kienu jagħtu, għall-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1990, dritt għal ammortizzamenti speċjali analogi għal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG. Issa, huwa paċifiku li l-Artikolu 7(d) tal-EStG stabbilixxa sistema fiskali ta’ applikazzjoni ġenerali fil-Ġermanja kollha u mhux biss fiz-Zonenrandgebiet.

90. Ir-rikorrenti tqajjem f’dan ir-rigward l-ewwel ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt il-Kummissjoni ma indikatx kif il-vantaġġi relatati mal-ammortizzament speċjali msemmija fil-punt preċedenti, li kienu jaqgħu kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll taħt dak tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, kienu jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ selettività. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom il-vantaġġi riċevuti mir-rikorrenti sal-31 ta’ Diċembru 1990, skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, għal investimenti intiżi għat-tnaqqis tal-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq l-ambjent, setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) KEFA.

91. Fit-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li l-vantaġġi fiskali li hija rċeviet fir-rigward tal-ammortizzamenti speċjali li hija wettqet u li, sal-31 ta’ Diċembru 1990, kienu jissodisfaw kemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll dawk tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, jekk din ma hijiex selettiva.

92. Fl-aħħar, fit-tielet parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx b’mod adegwat, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-investimenti relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, id-diversi dokumenti u spjegazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-okkażjoni tal-proċedura amministrattiva, bil-għan li turi l-kompatibbiltà tal-għajnuna miksuba f’dan il-kuntest. Għaldaqstant dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata huwa wkoll mhux motivat biżżejjed.

93. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn il-kritiki. Hija b’mod partikolari ssostni li, hekk kif hija indikat b’mod iddettaljat fid-deċiżjoni kkontestata, hija taħt ebda ċirkostanzi ma setgħet tawtorizza l-għajnuna li r-rikorrenti tallega li rċeviet għal investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tat l-għajnuna inkwistjoni mingħajr ma vverifikat jekk din kinitx indispensabbli sabiex isiru investimenti għall-protezzjoni tal-ambjent. Għaldaqstant, la r-rikorrenti u lanqas il-Gvern Ġermaniż ma jistgħu jagħtu prova li dawn l-investimenti kienu indispensabbli għall-protezzjoni tal-ambjent.

94. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-partijiet tas-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 7 supra, li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja, qieset, f’termini ġenerali, li kien b’mod korrett li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-miżuri fiskali li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG li minnhom kienet ibbenefikat ir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

95. Il-Qorti Ġenerali wasslet għal din il-konklużjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motiv, relatati b’mod partikolari mal-klassifikazzjoni stess tal-vantaġġi riċevuti abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG bħala għajnuna mill-Istat kif ukoll mal-iżball li, f’kull każ, wettqet il-Kummissjoni billi ma ddikjaratx l-għajnuna kkontestata kollha bħala li hija inkompatibbli mat-Trattat KEFA, abbażi tal-Artikolu 95 KEFA.

96. Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali ma għadx kellha l-okkażjoni tiddeċiedi fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti tal-fatt li ċerti investimenti tar-rikorrenti kienu intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, hemm lok li jitqies li l-parti tar-raġunament tagħha msemmija fil-punt preċedenti ma tippreġudikax l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv. L-istess japplika, b’mod partikolari, fid-dawl tal-ispeċifiċità tiegħu, fir-rigward tal-ewwel ilment tat-tieni parti, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-selettività tal-vantaġġi koperti kemm mis-sistema prevista fl-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll minn dik prevista fl-Artikolu 7(d) tal-EStG.

97. Għall-kuntrarju, it-tielet parti tal-motiv, ibbażata b’mod iktar ġenerali fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-investimenti li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent, essenzjalment tikkoinċidi ma’ wieħed mill-ilmenti mressqa insostenn tat-tmien motiv. Peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan tal-aħħar fl- intier tiegħu, fil-punt 184 tas-sentenza annullata, u peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-aspett tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza fuq l-appell tagħha, punt 11 supra, it-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża għall-protezzjoni tal-ambjent

98. Fir-rigward tal-ewwel parti, hemm lok qabel kollox li jiġi ppreċiżat li, anki jekk il-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni, il-ħtieġa li dan l-għan jittieħed inkunsiderazzjoni ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżuri selettivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) KEFA (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 54).

99. Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex l-għan tagħha li huwa importanti, iżda l-effetti tagħha (ara b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 20, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 25; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Novembru 2008, Hôtel Cipriani et vs Il-Kummissjoni T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Ġabra p. II-3269, punt 195). Għaldaqstant, l-għan ambjentali li miżuri tal-Istat irdu jilħqu ma huwiex biżżejjed sabiex dawn il-miżuri jiġu għalkollox esklużi mill-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I-10505, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100. Madankollu, din l-analiżi ma tippreġudikax l-analiżi tal-kundizzjoniji et li fihom, fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, għajnuna lill-industrija tal-azzar u tal-ħadid iffinanzjata minn Stat Membru, permezz ta’ awtoritajiet reġjonali jew lokali jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni skont il-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Settembru 2006, Lucchini vs Il-Kummissjoni T-166/01, Ġabra p. II-2875, u tal-25 ta’ Settembru 1997, UK Steel Association vs Il-Kummissjoni, T-150/95, Ġabra p. II-1433).

101. Hemm lok li sussegwentement jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, f’parti mis-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 7 supra, li ma ġietx annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ċaħdet il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna kkontestata abbażi tal-Artikolu 95 KEFA.

102. Għaldaqstant, l-eżami ta’ dan l-ilment jikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna relatata mal-investimenti msemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq setgħetx tiġi awtorizzata abbażi ta’ wieħed mill-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid.

103. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, kuntrarjament għad-dispożizzjonjiet tat-Trattat KE relatati mal-għajnuna mill-Istat, li jawtorizzaw b’mod permanenti lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha, il-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid jagħtu din is-setgħa lill-Kummissjoni biss għal perijodu speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 115, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-31 ta’ Marzu 1998, Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni, T-129/96, Ġabra p. II-609, punt 43).

104. Għaldaqstant, meta għajnuna ma hijiex innotifikata lill-Kummissjoni fil-perijodu previst minn kodiċi għal dan il-għan, il-Kummissjoni ma tistax iktar tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna fir-rigward ta’ dan il-kodiċi (ara sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra , punt 116, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Diċembru 1999, Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, T-158/96, Ġabra p. II-3927, punti 61 u 62). Għaldaqstant, ladarba l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-kodiċi jkun skada, il-Kummissjoni ma għandhiex iktar is-setgħa tawtorizza, abbażi tad-derogi previsti, għajnuna lill-industrija tal-azzar u tal-ħadid mhux innotifikata fil-kuntest ta’ dan il-kodiċi (ara s-sentenza Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra , punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105. Barra minn hekk, mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni tista’ tkun evalwata, fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, biss fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fid-data li fiha hija effettivament imħallsa. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi Komunitarji għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura ġenerali tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (ara s-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra , punti 117 sa 119, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106. F’dan il-każ huwa paċifiku li l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bi ksur tal-obbligu li din tal-aħħar kellha mid-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid. Barra minn hekk, il-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid applikabbli fiż-żmien li fih din l-għajnuna tħallsset ma kienux iktar fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni korrettament irrilevat, fil-punt 137 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma setgħatx, f’din id-data, tawtorizza l-għajnuna kkontestata abbażi tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid li kienu skadew.

107. Xorta waħda għandu jiġi evalwat, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 105 iktar ’il fuq, jekk tali awtorizzazzjoni setgħatx tiġi bbażata fuq is-Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid, fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan il-kodiċi jipprevedi l-possibbiltà, fl-Artikolu 3 tiegħu, li l-għajnuna intiża għall-protezzjoni tal-ambjent tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni li din tosserva r-regoli stabbiliti fil-qafas Komunitarju ta’ għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent kif stabbiliti f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ Marzu 1994 (ĠU C 72, p. 3), skont il-kriterji ta’ applikazzjoni għas-settur tal-azzar u tal-ħadid KEFA, iddefiniti fl-anness ta’ dan il-kodiċi.

108. Applikazzjoni retroattiva tas-Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid hija madankollu possibbli, abbażi ta’ din l-istess ġurisprudenza, biss jekk tali effett jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tiegħu.

109. Issa, ebda dispożizzjoni ta’ dan il-kodiċi ma tistabbilixxi li dan jista’ jiġi applikat retroattivament. Barra minn hekk, mill-istruttura u mill-għanijiet tal-Kodiċi ta’ Għajnuna suċċessivi jirriżulta li kull wieħed minnhom jistabbilixxi regoli għall-adattament tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid għall-għanijiet tal-Artikoli 2 KEFA, 3 KEFA u 4 KEFA abbażi tal-ħtiġijiet eżistenti f’perijodu speċifiku. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-regoli adottati f’ċertu perijodu, skont is-sitwazzjoni tiegħu, għal għajnuna mħallsa matul perijodu preċedenti, ma tikkorrispondix la għall-istruttura u lanqas għall-għanijiet ta’ dawn it-tip ta’ regoli (ara, b’analoġija, is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra , punt 120).

110. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-mument li fih adottat id-deċiżjoni kkontestata, ma setgħatx tawtorizza l-għajnuna mħallsa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lir-rikorrenti għall-perijodu ta’ bejn l-1985/1986 u l-1994/1995 la abbażi tal-Kodiċi ta’ Għajnuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid suċċessivament fis-seħħ matul dawn is-snin u lanqas abbażi tas-Sitt Kodiċi ta’ Għajuna lill-Industrija tal-Azzar u tal-Ħadid.

111. Għaldaqstant l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ selettività tal-vantaġġi fiskali miksuba mir-rikorrenti għal investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent li, sal-31 ta’ Diċembru 1990, kienu jaqgħu kemm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 taz-ZRFG u taħt dak tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

112. Fir-rigward tal-ewwel ilment, hemm lok li l-ewwel nett jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita relatata mal-Artikolu 253 KE u li tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 15 KEFA, il-motivazzjoni mitluba minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-501/00, Ġabra p. I-6717, punt 73).

113. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss ta’ kliemu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 112 supra , punt 73; ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 86, u tal-15 ta’ Mejju 1997, Siemens vs Il-Kummissjoni, C-278/95 P, Ġabra p. I-2507, punt 17).

114. Madankollu, filwaqt li, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li hija tadotta sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluha tadotta deċiżjoni bħal din, xorta jibqa’ l-fatt li hija obbligata, skont l-Artikolu 15 KEFA, issemmi, għall-inqas, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’hekk tippermetti lill-qorti tal-Unjoni u lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat it-Trattat (ara, b’anoloġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115. Għaldaqstant meta applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna, l-obbligu ta’ motivazzjoni jirrikjedi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) KEFA (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C-494/06 P, Ġabra p. I-3639, punt 49; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Mejju 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 64, u Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T-16/96, Ġabra p. II-757, punt 66).

116. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kunċett ta’ għajnuna għandu jiġi ddefinit biss fir-rigward tal-effetti ta’ intervent mill-Istat (sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 113 supra , punt 79, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 99 supra , punt 85; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 53). Għajnuna mill-Istat, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, tippreżumi għaldaqstant li, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura tal-Istat hija ta’ natura li tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew lil ċerti produzzjonijiet meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi paragunabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra p. I-8365, punt 41; tad-29 ta’ April 2004, GIL Insurance et , C-308/01, Ġabra p. I-4777, punt 68, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C-172/03, Ġabra p. I-1627, punt 40).

117. Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-ispeċifiċità jew is-selettività ta’ miżura tal-Istat tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat anki fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/97, Ġabra p. I-7907, punt 34), minkejja l-fatt li dan il-kriterju ma huwiex espliċitament imsemmi fl-Artikolu 4(ċ) KEFA. Minn dan il-prinċipju jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma tistax timponi fuq l-impriża benefiċjarja sanzjoni mhux prevista mid-dritt tal-Unjoni billi teżiġi l-irkupru ta’ ammont ogħla minn dak li jikkorrispondi mal-għajnuna li hija effettivament irċeviet, u dan anki jekk hija implementata ħafna żmien wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 99 supra , punt 65, u s-sentenza CETM vs Il-Kummissjoni, punt 116 supra , punt 164).

118. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 7(d) tal-EStG stabbilixxa, għall-inqas sal-31 ta’ Diċembru 1990, sistema li tippermetti lill-impriżi Ġermanizi jinkludu fil-kontijiet l-ammortizzamenti speċjali fir-rigward tal-investimenti magħmula għall-protezzjoni tal-ambjent, applikabbli fit-territorju kollu tal-Ġermanja u għaldaqstant ukoll fiz-Zonenrandgebeit. Dawn il-vantaġġi fiskali, simili fil-forma u fil-konsegwenzi finanzjarji tagħhom għall-ammortizzamenti speċjali mwettqa skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, ma kienux madankollu kumulabbli ma’ dawk għal investimenti partikolari.

119. F’dan ir-rigward, hemm ċertament lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fl-10 ta Mejju 1999, fil-kuntest tal-proċeduri mibdija minnha fir-rigward tal-għajnuna mħallsa lir-rikorrenti skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, indikat il-karatteristiċi prinċipali tas-sistema ta’ vantaġġi fiskali għal investimenti għall-protezzjoni tal-ambjent stabbilita fl-Artikolu 7(d) tal-EStG. Hija għaldaqstant ippreċiżat li din is-sistema kienet tippermetti ammortizzamenti speċjali paragunabbli ma’ dawk previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG u indikat li din is-sistema kienet taqa’ taħt id-dritt fiskali ġenerali u setgħet għaldaqstant tibbenefika lil kull impriża fil-Ġermanja li tagħmel investimenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(d) tal-EStG. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreċiżat ukoll li dawn il-vantaġġi fiskali kienu jikkostitwixxu alternattiva għall-vantaġġi fiskali li jirriżultaw mill-Artikolu 3 taz-ZRFG u li l-limitazzjoni għall-ammortizzamenti speċjali kien stabbilit, fiż-żewġ każijiet, għal 50 %. F’din l-istess ittra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-aħħar indikat li numru ta’ investimenti magħmula mir-rikorrenti matul il-perijodu kkontestat, li n-natura u l-ammont tagħhom kien iddettaljat fl-Anness 2 ta’ din l-ittra, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sistema stabbilità fl-Artikolu 7(d) tal-EStG. Il-kontenut ta’ din is-silta tal-ittra tal-10 ta’ Mejju 1999 kien ġie riprodott fl-anness ta’ ittra indirizzata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Jannar 2000.

120. Barra minn hekk, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Ottubru 1999, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet ċerti preċiżjonijiet addizzjonali dwar l-investimenti magħmula mir-rikorrenti u intiżi għat-tnaqqis tal-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq l-ambjent, fir-rigward b’mod partikolari tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom, tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tal-parti speċifika li kienet tirrappreżenta l-protezzjoni tal-ambjent fl-ammont globali ta’ kull wieħed minn dawn l-investimenti.

121. Madankollu, hekk kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma argumentatx li l-koeżistenza tas-sistema stabbilita bl-Artikolu 3 taz-ZRFG u dik stabbilita bl-Artikolu 7(d) tal-EStG kienet ta’ natura li telimina s-selettività ta’ parti mill-vantaġġi kkontestati, miksuba mir-rikorrenti. Barra minn hekk, mill-fajl ma jirriżultax u lanqas ma ġie allegat li r-rikorrenti kienet ressqet tali argument fl-okkażjoni tal-kuntatti li hija kellha mal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest u skont il-prinċipji mfakkra fil-punt 113 iktar ’il fuq, hemm għaldaqstant lok li jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata timmotiva speċifikament id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwistjoni tas-selettività mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

122. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk tali motivazzjoni tirriżultax mill-ispjegazzjonijiet.

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ selettività ta’ parti mill-vantaġġi kkontestati

123. Fir-rigward sussegwentement tat-tieni lment, ibbażat fuq l-iżball li l-Kummissjoni kienet wettqet billi inkludiet fil-bażi ta’ kalkolu tal-għajnuna kkontestata l-vantaġġi fiskali li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minnhom fir-rigward ta’ investimenti intiżi għat-tnaqqis tal-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq l-ambjent u li kienu jaqgħu, sal-31 ta’ Diċembru 1990, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 3 taz-ZRFG kif ukoll taħt dak tal-Artikolu 7(d) tal-EStG, peress li dawn ma humiex selettivi, dan ma jistax jiġi milqugħ.

124. L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li f’dan il-każ ma ġiex konkretament muri li ċerti investimenti magħmula mir-rikorrenti skont l-Artikolu 3 taz-ZRFG, sal-31 ta’ Diċembru 1990, setgħu jibbenefikaw mis-sistema ta’ ammortizzamenti speċjali stabbilita bl-Artikolu 7(d) tal-EStG.

125. It-tieni nett, il-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali previsti mill-Artikolu 3 taz-ZRFG kienu suġġett biss għal kundizzjoni ġeografika, jiġifieri l-lokalizzazzjoni ta’ stabbiliment industrijali fiz-Zonenrandgebiet. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-ammortizzamenti speċjali u r-riżervi eżenti mit-taxxa kienu suġġetti għat-twettiq ta’ investimenti intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent.

126. It-tielet nett, peress li ġie kkonfermat mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’din it-tilwima li din is-sistema tat lok għall-kisba ta’ għajnuna mill-Istat favur ir-rikorrenti, din l-għajnuna ma tistax fl-istess ħin titiqies bħala miżura ġenerali li ma hijiex suġġetta għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(ċ) KEFA, sa fejn din hija intiża għall-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex l-għan tagħha li huwa importanti, iżda l-effetti tagħha. Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 taz-ZRFG ippermetta lir-rikorrenti tikseb vantaġġi fiskali indipendentament mill-għan ambjenti li ried jintlaħaq, skont il-każ, permezz tal-investimenti li jibbenefikaw mill-ammortizzamenti speċjali.

127. Ir-riferimenti għall-Artikolu 7(d) tal-EStG li jinsabu f’ċerti rapporti annwali tar-rikorrenti, li jissuġġerixxu li riżervi speċjali setgħu jitwarrbu minnha fuq din il-bażi, ma jistgħux jaffettwaw din il-konklużjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-vantaġġi miksuba f’dan ir-rigward ma kinux kumulabbli ma’ dawk miksuba mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, u huma, għaldaqstant, esklussivi minnhom. L-eżami tar-rapporti annwali jindika pjuttost li r-rikorrenti invokat, għal investimenti differenti, ammonti differenti, abbażi ta’ regoli differenti, u f’karti ta’ bilanċ differenti, kemm l-Artikolu 3 taz-ZRFG u kif ukoll l-Artikolu 7(d) tal-EStG.

128. Fl-aħħar, ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 3 taz-ZRFG lanqas ma jista’ jiġi assimilat mal-Artikolu 7(d) tal-EStG. Fil-fatt, hekk kif ir-rikorrenti tammetti hija stess, l-ammortizzamenti speċjali previsti fl-Artikolu7(d) tal-EStG kienu applikabbli, sal-31 ta’ Diċembru 1990, għal kull impriża li għamlet investimenti fil-Ġermanja għall-protezzjoni tal-ambjent, skont il-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu. Issa, hekk kif tammetti wkoll ir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma kinitx suġġetta, kuntrarjament għall-Artikolu 3 taz-ZRFG, għal kundizzjoni li l-investimenti jsiru f’territorju ġeografikament ispeċifikat tal-Ġermanja. Għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-miżuri tal-Artikolu 3 taz-ZRFG ma kienu bl-ebda mod relatati mal-għan ambjentali jew ekoloġiku tal-investimenti ssussidjati, iżda sempliċement mal-lokalizzazzjoni tagħhom fi stabbiliment wieħed jew iktar li jinsab fiz-Zonenrandgebiet. Issa, il-fatt li r-rikorrenti setgħet, skont il-każ, tibbenefika mill-vantaġġi previsti fl-Artikolu 7(d) tal-EStG, jekk hija ma kinitx ibbenefikat mis-sistema stabbilita mill-Artikolu 3 taz-ZRFG, kif allegat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-proċedura amministrattiva, ma jfissirx li l-vantaġġi miksuba mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju tal-għajnuna f’dan ir-rigward ma humiex differenti minn dawk tal-Artikolu 7(d) tal-EStG.

129. Għaldaqstant, fid-dawl ukoll tal-konklużjonijiet imsemmija fil-punti 111 u 122 iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq allegat żball ta’ evalwazzjoni relatat mad-definizzjoni tar-rata ta’ tnaqqis deċiżiva, fuq nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

130. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tammetti, f’dan il-każ, li ma setgħetx tistabbilixxi l-ammont gross tal-għajnuna mogħtija. Madankollu, għall-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna inkwistjoni hija użat tliet elementi ta’ kalkolu li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont nett tal-għajnuna għall-investiment li kellha tiġi rrimborsata (iktar ’il quddiem is-“sussidju ekwivalenti nett”). Skont il-punti 93 sa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn it-tliet elementi huma r-rata ta’ tassazzjoni, ir-rata ta’ tnaqqis (jew ir-rata ta’ referenza) u n-natura tal-investimenti magħmula.

131. Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti l-ewwel nett tikkontesta r-rati ta’ tnaqqis użati mill-Kummissjoni. It-tieni nett hija tqis li d-deċiżjoni ma hijiex ċara biżżejjed fir-rigward tal-miżura li skontha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata tat-taxxa fuq il-profitti sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti nett.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-iffissar, mill-Kummissjoni, tar-rati ta’ tnaqqis deċiżivi

132. Mill-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rata ta’ tnaqqis għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett hija “r-rata ta’ referenza reġjonali fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sa fejn il-ħlas tal-għajnuna kien bin-nifs, il-Kummissjoni użat rata differenti għal kull sena bejn l-1986 u l-1995, applikabbli għall-Ġermanja, u dan b’riferiment għas-sistema ta’ kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett previst għall-għajnuna għall-investiment fil-kuntest tal-Linji gwida dwar l-għajuna mill-Istat b’għan reġjonali, tal-10 ta’ Marzu 1998 (ĠU C 74, p. 9).

133. Ir-rikorrenti ssostni li dan il-metodu ta’ kalkolu ma jieħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha u jwassal sabiex hija tiġi mitluba tħallas lura ammont ogħla mill-għajnuna li kienet effettivament ibbenefikat minnha skont l-Artikolu 3 taz-ZEFG. Ir-rikorrenti tqis li r-rata ta’ referenza għandha tiġi ffissata b’riferiment għar-rati tal-interessi li hija rċeviet, matul is-snin 1985/86 sa 1997/98, għall-investimenti tal-eċċess ta’ likwidità li rriżulta mill-ammortizzamenti speċjali, jiġifieri medja ta’ 5.99 % fuq dawn is-snin kollha.

134. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rati applikabbli wara s-sena 1994/1995, filwaqt li, għall-kalkolu tar-rati, hija kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-perijodu bejn il-mument li fih id-dritt għall-ibbenefikar mill-ammortizzamenti speċjali kien eżerċitat u dak tal-iffissar tal-ammont li għandu jitħallas lura.

135. Filwaqt li ma tikkontestax li r-rati ta’ referenza użati għal kull sena mill-1986 sa l-1995 kienu ġew iffissati indipendentament mis-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis li “r-rati ta’ referenza f’dan il-każ iqarbu mal-aħjar stima possibbli tal-vantaġġi finanzjarji li jirriżultaw mill-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni lill-benefiċjarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 158 tad-deċiżjoni kkontestata).

136. Għaldaqstant, il-kwistjoni hija jekk il-Kummissjoni kinitx korretta, minn naħa, li tqis bħala rata ta’ tnaqqis ir-rati ta’ referenza użati għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali fil-Ġermanja, u, min-naħa l-oħra, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, ir-rati ta’ referenza applikabbli bejn l-1996 u 1-1998.

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-iffissar tar-rata ta’ tnaqqis b’riferiment għar-rati użati għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali

137. L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment huwa intiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti ta’ din l-għajnuna u ma jistax, bħala regola ġenerali, jitqies bħala miżura sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet tal-Artikolu 4(ċ) KEFA (ara s-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra , punt 157, u l-ġurisprudenza ċċitata).

138. Madankollu dan l-irkupru għandu jkun limitat għall-vantaġġi finanzjarji li effettivament jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna u għandu jkun proporzjonali għaliha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punt 99).

139. Għaldaqstant, fil-każ li l-għajnuna mogħtija tieħu l-forma ta’ differiment tat-taxxa fuq diversi snin, u għaldaqstant, ta’ avvanz ta’ likwidità bla ħlas jew ta’ self mingħajr interessi, huwa neċessarju, bil-għan li terġa tinkiseb is-sitwazzjoni preċedenti, li jiġi ordnat ir-rimbors tal-interessi kollha li l-benefiċjarju kien ikollu jħallas skont ir-rati pprattikati fis-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, punt 115 supra , punt 56).

140. Issa, il-Kummissjoni, bil-għan li tordna l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti, għandha s-setgħa li tiddetermina r-rata tal-interessi li tippermetti li jintlaħaq tali stabbiliment mill-ġdid (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra , punt 161). Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam għal dik tal-Kummissjoni, iżda għandha teżamina jekk din l-aħħar evalwazzjoni hijiex ivviżjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter (sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 103 supra , punt 161; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Diċembru 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-456/00, Ġabra p. I-11949, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 56, u tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T-126/96 u T-127/96, Ġabra p. II-3437, punt 81).

141. Fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rati applikabbli, għandu jitfakkar li r-rati ta’ referenza huma suppost jirrappreżentaw il-livell medju tar-rati tal-interessi fis-seħħ f’kull wieħed mill-Istati Membri. Għaldaqstant ir-rati ta’ referenza jikkostitwixxu indikazzjoni valida tar-rati tas-suq għal self intiż għal investimenti industrijali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il-Kummissjoni, 102/87, Ġabra p. 4067, punt 25).

142. F’dan ir-rigward diġà ġie deċiż li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni tista’ tqis, bħala regola ġenerali, li huwa leġittimu li tapplika r-rata ta’ referenza fis-seħħ matul perijodu speċifiku fir-rigward tas-self kollu mogħti matul dan il-perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-278/00, Ġabra p. I-3997, punt 62).

143. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tieħu bħala rata ta’ referenza r-rati stabbiliti għall-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna b’għan reġjonali, kif ippubblikati perjodikament f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej , peress li dawn ir-rati favorevoli, applikabbli għal impriżi finanzjarjament b’saħħithom, kienu ntużaw sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna fil-każ li l-iskema kkontestata tkun ġiet innotifikata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Ġunju 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-222/04, Ġabra p. II-1877, punt 70).

144. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tittieħed deċiżjoni fuq l-ewwel ilment.

145. Abbażi tal-premessa li d-determinazzjoni tal-vantaġġi effettivi miksuba mir-rikorrenti permezz ta’ investimenti ta’ eċċess eventwali ta’ likwidità tkun diffiċli ħafna f’dan il-każ u, f’kull każ, tagħti lok għal distorzjonijiet bejn impriżi abbażi tal-politika finanzjarja tagħhom, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien xieraq li jitqiesu bħala rati ta’ tnaqqis ir-rati ta’ referenza użati fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali fis-seħħ fil-mument tal-għoti tal-għajnuna kkontestata, jiġifieri bejn l-1986 u l-1995.

146. Ir-rikorrenti, sostnuta fuq dan il-punt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tqis min-naħa l-oħra li dawn ir-rati uniformi, ippreċiżati fil-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata, huma ogħla minn dawk li hija setgħet tibbenefika minnhom permezz tal-investiment ta’ likwidità ikbar li tirriżulta mill-ammortizzamenti speċjali u mir-riżervi eżenti mit-taxxa mwettqa abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG. Għaldaqstant, ir-rata ta’ tnaqqis kellha tiġi ffissata b’riferiment biss għar-rati tal-interessi tas-selliefa matul dan il-perijodu.

147. F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti bbenefikat, permezz tal-ammortizzamenti speċjali u tar-riżervi eżenti mit-taxxa previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, minn differiment tat-taxxa, li, kif ġustament indikat il-Kummissjoni fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitqies bħala self mingħajr interessi fuq l-ammont tat-taxxa iddifferita u għat-tul tad-differiment. Għalhekk, għalkemm l-impriża kellha tħallas, sat-tmiem tal-perijodi ta’ ammortizzament tal-investimenti, l-ammont tat-taxxa ddifferita, hija madankollu ma kellhiex tħallas interessi fuq l-ammonti mqegħda għad-dispożizzjoni tagħha matul il-perijodu tad-differiment.

148. Għaldaqstant, fid-dawl tal-prinċipju mfakkar fil-punt 139 iktar ’il fuq, hemm lok li jitqies li l-vantaġġ effettiv li minnu bbenefikat ir-rikorrenti jikkorrispondi għas-somma tal-interessi li hija kien ikollha tħallas, bir-rata tas-suq, kieku hija kellha tissellef kapital li jikkorrispondi għall-ammont tat-taxxa ddifferita.

149. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 141 sa 143 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, f’dawn iċ-ċirkostanzi, tqis bħala rati ta’ tnaqqis ir-rati ta’ referenza stabbiliti għall-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna b’għan reġjonali.

150. B’mod partikolari, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ rati tal-interessi tas-selliefa għall-ammonti ta’ taxxi ddifferiti, bħala regola ġenerali iktar baxxi mir-rati ta’ min jissellef, twassal għal sitwazzjoni paradossali li fiha vantaġġ fuq il-livell tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna jinkiseb mir-rikorrenti preċiżament permezz tal-avvanzi ta’ likwidità li ngħatawlha illegalment mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Tali għażla twassal sabiex jintuża metodu ta’ kalkolu tal-intensità ta’ għajnuna li huwa potenzjalment differenti mhux biss skont jekk l-għajnuna inkwistjoni tieħux il-forma ta’ differiment tat-taxxa jew ta’ self issussidjat, jiġifieri self mingħajr interessi bil-għan li jsir investiment, iżda wkoll, fir-rigward ta’ differiment tat-taxxa, skont jekk l-impriża li bbenefikat minnha kellhiex jew le, fin-nuqqas tal-għajnuna, tieħu self bil-għan li tagħmel l-investiment ikkonċernat.

151. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħux juru la żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni meta ddeterminat ir-rata ta’ tnaqqis applikabbli għad-differimenti tat-taxxa li minnhom ibbenefikat ir-rikorrenti.

152. Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel ilment jiġi miċħud bħala infondat.

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rati ta’ tnaqqis applikabbli matul il-perijodu ta’ bejn is-snin 1995/1996 u 1997/1998

153. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kien imissiha ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kalkoli tagħha tal-għajnuna miksuba abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, mhux biss ir-rati ta’ referenza applikabbli għas-snin 1985/1986 sa 1994/1995, iżda wkoll ir-rati ta’ referenza għas-snin 1995/1996 sa 1997/1998. Ir-rikorrenti ssostni li l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna għandha tinkludi l-perijodu mill-mument tal-eżerċizzju tad-dritt għall-ibbenefikar minn ammortizzamenti speċjali sa dak tal-iffissar tal-ammont li għandu jitħallas lura.

154. Il-Kummissjoni ċaħdet it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rati ta’ referenza li kienu applikabbli, għall-Ġermanja, matul dawn is-snin, minħabba li l-miżuri inkwistjoni jirreferu għas-snin 1986-1995 u, għaldaqstant, hemm lok li l-analiżi tiġi limitata għal dan il-perijodu.

155. L-ewwel nett f’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tat-talba jirriżulta li dan l-ilment għandu jinftiehem bħala li jikkonċerna biss ir-rati ta’ referenza applikabbli għall-kalkolu tal-għajnuna li ħadet il-forma ta’ inklużjoni fil-kontijiet, mir-rikorrenti, tal-ammortizzamenti speċjali, imwettqa abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG, u r-riżervi speċjali kkostitwiti fuq din il-bażi.

156. Barra minn hekk, mill-analiżi tal-ewwel ilment, fil-punti 137 sa 152 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball, fil-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata, meta ffissat ir-rata ta’ tnaqqis b’riferiment għar-rati użati għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett fil-kuntest tal-għajnuna b’għan reġjonali fil-Ġermanja.

157. Sussegwentement hemm lok li jiġi rrilevat li fil-punt 92 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ppreċiżat li din tal-aħħar kienet tikkonċerna l-ammonti tal-ammortizzamenti speċjali u tar-riżervi eżenti mit-taxxa rispettivament imwettqa u kkostitwiti mir-rikorrenti bejn l-1986 u l-1995, bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(ċ) KEFA. It-tabella li tinsab f’dan l-istess punt tad-deċiżjoni tindika li ammont ta’ DEM 484 miljun kien ġie meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ammortizzamenti speċjali u ammont ta’ DEM 367 miljun kien ġie meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-riżervi eżenti mit-taxxa, u dawn l-ammonti għandhom iservu ta’ bażi għall-kalkolu tal-għajnuna globali li minnha effettivament ibbenefikat ir-rikorrenti. Dawn l-ammonti barra minn hekk jikkorrispondu għal dawk imsemmija fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

158. Issa, l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkritikaw il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-għajuna li għandha tiġi rrimborsata, ir-rati ta’ tnaqqis li kienu applikabbli matul il-perijodu bejn is-sena 1995/1996 u s-sena 19971998. F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi li r-rikorrenti kompliet tibbenefika minnhom matul il-perijodu inkwistjoni, fir-rigward tal-ammortizzamenti speċjali mwettqa abbażi tal-Artikolu 3 taz-ZRFG.

159. Madankollu huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-analiżi fil-punt 157 iktar ’il fuq, dawn il-vantaġġi, anki jekk wieħed jassumi li huma stabbiliti, ma jifformawx is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, u għaldaqstant, dan l-ilment huwa irrilevanti.

160. Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti fil-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

161. Ir-rikorrenti tqis li l-portata tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ċara fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni għall-kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata. Skontha, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx jekk ir-rata tat-taxxa fuq il-profitti kellhiex tiġi sempliċement applikata għall-ammonti tad-differimenti tat-taxxa jew ukoll għall-interessi.

162. Il-Kummissjoni ma ssottomettietx kummenti f’dan ir-rigward.

163. Il-punti 94 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiżaw:

“Rata ta’ tassazzjoni

(94) Il-Ġermanja tirreferi b’mod partikolari għall-punt 1.1 tal-Anness I tal-Linji gwida dwar l-għajuna mill-Istat b’għan reġjonali, li jippreċiża li ‘l-intensità tal-għajnuna għandha tiġi kkalkolata wara t-tassazzjoni, jiġifieri wara t-tnaqqis tat-taxxi relatati mal-kisba tagħha, b’mod partikolari tat-taxxa fuq il-profitti. Din hija l-bażi għat-terminu sussidju ekwivalenti nett, li jirrappreżenta l-għajnuna li tifdal għall-benefiċjarju wara l-ħlas tat-taxxa inkwistjoni […]’

(95) Għaldaqstant għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti nett għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata tat-taxxa fuq il-profitti (mhux imqassma). Din ir-rata hija użata b’mod partikolari għall-istima tad-differiment tat-taxxa u għaldaqstant tal-vantaġġ li l-impriża bbenefikat minnu. Il-Kummissjoni tirrimarka li, barra minn hekk, ir-rata ta’ tassazzjoni varjat madul il-perijodu 198601995.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

164. L-ewwel nett, minn din is-silta jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-talba mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tnaqqas it-taxxa fuq il-profitti mill-ammont gross tal-għajnuna sabiex tikkalkola s-sussidju ekwivalenti nett.

165. It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jikkonċernaw il-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti indebitament imħallsa, l-irkupru tal-għajnuna irregolarment mogħtija għandu jsir skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et , 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punti 18 sa 25, u tat-2 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 94/87, Ġabra p. 175, punt 12; sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 138 supra , punt 82).

166. Hekk kif tfakkar il-Kummissjoni fil-punt 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għandhiex, fid-deċiżjonijiet tagħha li jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, tikkalkola l-effetti tat-taxxa fuq l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, peress li dan il-kalkolu jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tillimita ruħha tindika l-ammont gross li għandu jiġi rkuprat (sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 138 supra , punt 83).

167. Dan ma jimpedixxix li, waqt l-irkupru, l-awtoritajiet nazzjonali jnaqqsu, jekk ikun neċessarju, mill-ammont li għandu jiġi rkuprat ċerti somom skont ir-regoli interni tagħhom, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli interni ma tirrendix prattikament impossibbli dan l-irkupru jew ma tkunx diskriminatorja fir-rigward ta’ każijiet komparabbli rregolati mid-dritt intern (sentenza Siemens vs Il-Kummissjoni, punt 138 supra , punt 83).

168. F’dan il-każ, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jindika l-bażi li fuqha l-ammont gross t al-għajnuna għandu jiġi kkalkolat, filwaqt li l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li “l-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-regoli għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jibqgħu għaldaqstant irregolati mid-dritt nazzjonali.

169. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tippreċiża, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-regoli li skonthom il-kalkolu tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti kellu jsir mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li dan il-kalkolu jaqa’ taħt l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, skont ir-regoli interni tiegħu.

170. Fl-aħħar nett, hemm lok li jitqies, fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, li din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda motivazzjoni insuffiċjenti.

171. It-tieni parti tas-sitt motiv, kif ukoll is-sitt motiv kollu kemm hu, għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

172. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

173. Fis-sentenza tagħha fuq l-appell, punt 11 supra il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’din is-sentenza, għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż kollha relatati mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 121 tar-Regoli tal-Proċedura.

174. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

175. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li interveniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha, quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Salzgitter AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

3) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.