SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
27 ta’ Settembru 2012 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Stħarriġ konġunt — Multi — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej — Reċidiva — Tul tal-ksur — Drittijiet tad-difiża — Ġurisdizzjoni sħiħa — Aġir tal-impriża waqt il-proċedura amministrattiva”
Fil-Kawża T-343/06,
Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi),
The Shell Transport and Trading Company Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),
Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),
irrappreżentati inizjalment minn O. Brouwer, W. Knibbeler u S. Verschuur, sussegwentement minn Brouwer, Knibbeler u P. van den Berg, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, bħala aġent, assistit minn L. Gyselen, avukat,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom permezz tal-imsemmija deċiżjoni,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn M. Jaeger, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tal-25 ta’ Mejju 2011 u tas-26 ta’ Jannar 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. Ir-rikorrenti
1 |
Sal-2005, il-grupp Shell, li jinkludi kumpanniji mis-settur tal-enerġija u tal-petrokimika fuq livell dinji, kien proprjetà ta’ żewġ kumpanniji parent tal-grupp, Koninklijke Nederlandsche Petroleum Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KNPM”) u The Shell Transport and Trading Company plc (iktar ’il quddiem “STT plc”). Huma kienu jżommu, rispettivament, madwar 60 % u 40 %, tal-kumpannija The Shell Petroleum Company Ltd (iktar ’il qudduem “SPCo”) kollha u tal-kumpannija Shell Petroleum NV (iktar ’il quddiem “SPNV”) kollha, kumpannija holding li hija nnifisha kienet tinsab fil-pussess tal-ishma kollha ta’ Shell Nederland BV. Din tal-aħħar kienet 100 % proprjetarja tal-kumpannija Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV (iktar ’il quddiem “SNV”), li hija l-entità ġuridika tal-grupp Shell inkarigata mill-kummerċjalizzazzjoni tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-kumpannija Shell International BV, li s-sede tagħha hija fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija waħda mill-kumpanniji tal-grupp inkarigat milli jipprovdi sostenn lill-grupp kollu, lill-kumpanniji holding u lill-kumpanniji operattivi tagħha, b’mod partikolari fil-qasam ġuridiku. |
2 |
Fl-20 ta’ Lulju 2005, il-kumpannija Royal Dutch Shell plc, li s-sede tagħha hija f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), akkwistat l-azzjonijiet kollha taż-żewġ kumpanniji parent tal-grupp, KNPM u STT plc. KNPM ġiet kollha kemm hi assorbita mill-kumpannija SPNV u ma teżistix iżjed bħala entità ġuridika. Il-kumpannija parent Royal Dutch Shell plc iżżomm attwalment kważi l-azzjonijiet kollha ta’ SPNV, li fir-rigward tagħha tibqa’ tinsab fil-pussess ta’ kważi l-ishma kollha ta’ Shell Nederland u kważi l-ishma kollha ta’ The Shell Transport and Trading Company Ltd (iktar ’il quddiem “STT”), li ssuċċedied lil STT plc. Shell Nederland għadha sa llum 100 % kumpannija parent ta’ SNV. |
2. Il-proċedura amministrattiva
3 |
Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2002, il-kumpannija British Petroleum (iktar ’il quddiem “BP”) informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-eżistenza allegata ta’ akkordji li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u ppreżentat talba intiża għall-kisba ta’ immunità minn multi skont id-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”). |
4 |
Fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki sorpriża, b’mod partikolari fl-uffiċċji ta’ SNV. Il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom SNV, fit-30 ta’ Ġunju 2003, li rrispondiet fit-28 ta’ Awwissu 2003. |
5 |
Fit-8 ta’ Awwissu 2003, rappreżentanti ta’ Shell International iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jinformawhom dwar l-intenzjoni tagħhom li jmexxu investigazzjoni interna dwar dan il-każ u li jikkomunikawlhom ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni. Madankollu ebda informazzjoni ma ġiet ipprovduta matul din il-laqgħa jew immedjatament wara. SNV ippreżentat talba għall-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fl-10 ta’ Ottubru 2003. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li jkun utli għaliha li tisma l-awtur tad-dikjarazzjoni annessa ma’ din it-talba biss li kieku kien f’pożizzjoni jipprovdi elementi supplimentari meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni tagħha. Madankollu, dan l-impjegat awtur tad-dikjarazzjoni finalment ma nstemax. |
6 |
Fl-10 ta’ Frar u fil-5 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni ġodda, li fir-rigward tagħhom Shell International irrispondiet fil-25 ta’ Frar u fis-27 ta’ April 2004. |
7 |
Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ressqet proċedura skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mibgħuta fid-19 ta’ Ottubru 2004 lil numru ta’ kumpanniji, fosthom SNV, SPNV, KNPM u STT plc. |
8 |
Fit-12 ta’ Jannar 2005, SNV talbet aċċess sħiħ għad-dokumenti kollha li kienu ddaħħlu fil-fajl tal-Kummissjoni wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari għar-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fit-22 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni, irrappreżentata mill-uffiċjal tas-seduta inkarigat mill-każ, irrifjutat li taċċedi għal din it-talba, minħabba l-fatt li l-informazzjoni pprovduta f’dan l-istadju, bħala prinċipju, ma kinitx tagħmel parti mill-istħarriġ, hekk kif kien iddefinit fil-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE, taħt l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl”), u li fi kwalunkwe każ setgħet tiġi trażmessa lilha li kieku l-Kummissjoni kellha tasal sabiex tużaha fid-deċiżjoni tagħha. Fl-20 ta’ April 2005, SNV tenniet mill-ġdid it-talba tagħha u talbet l-aċċess għal dawn id-dokumenti qabel ma jinżamm is-smigħ. Fl-4 ta’ Mejju 2005, l-imsemmi uffiċjal tas-seduta tenna mill-ġdid ir-rifjut tal-Kummissjoni. Fl-24 ta’ Mejju 2006, huwa madankollu ta lil Royal Dutch Shell, lil SPNV u lil SNV l-aċċess għas-siltiet tar-risposta tal-kumpannija Koninklijke Volker Wessels Stevin (iktar ’il quddiem “KWS”) li fuqhom hija kienet tixtieq tibbaża ruħha fid-deċiżjoni, dwar il-kuntatti li seħħew bejn SNV u KWS qabel l-1 ta’ April 1994. Fit-12 ta’ Ġunju 2006, Royal Dutch Shell, SPNV u SNV esprimew oġġezzjonijiet dwar in-natura parzjali tal-iżvelar u mill-ġdid talbu l-aċċess għar-risposti kollha fl-intier. |
9 |
Fit-8 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni ġdida lil SNV, lil SPNV u lil Royal Dutch Shell, sabiex tikseb informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ tagħhom mill-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, billi fiha jinkludu l-prodotti ta’ bitum speċjali kollha. Fit-23 ta’ Mejju 2006, dawn it-tliet kumpanniji pprovdew l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fejn inkludew il-Mexphalte C, l-uniku bitum speċjali li jista’ jkun, fl-opinjoni tagħhom, marbut mal-kostruzzjoni tat-toroq, billi ppreċiżaw madankollu li dan il-prodott ma kienx jikkostitwixxi s-suġġett tal-akkordju. |
10 |
Fit-23 ta’ Diċembru 2005, il-grupp Shell informa lill-Kummissjoni dwar il-bidla fl-istruttura tiegħu, billi f’din id-data kien kollu kemm hu miżmum minn Royal Dutch Shell. Fit-23 ta’ Mejju 2006, inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li din il-kumpannija ma kinitx teżisti matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur u li, filwaqt li ġiet ikkostitwita fl-2002 taħt l-isem ta’ Forthdeal Ltd, mingħajr għalhekk ma tagħmel bl-ebda mod parti mill-grupp Shell, u billi nbidlet f’Royal Dutch Shell f’Ottubru 2004, hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala suċċessur ta’ waħda mill-kumpanniji tal-grupp Shell. Barra minn hekk, peress li Royal Dutch Shell akkwistat l-azzjonijiet kollha ta’ SPNV wara tmiem il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, hija kienet sostniet li ma setgħetx taċċetta li tiġi imputata r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn SNV fil-konfront tagħha. |
3. Id-deċiżjoni kkontestata
11 |
Wara s-smigħ tal-kumpanniji kkonċernati fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni, fit-13 ta’ Settembru 2006, adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn sunt tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40) u li ġiet innotifikata lir-rikorrenti, SNV, SPNV u STT, fil-25 ta’ Settembru 2006. |
12 |
Il-Kummissjoni indikat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpanniji destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, li jikkonsisti f’li jiffissaw flimkien b’mod regolari, matul il-perijodi kkonċernati, għall-bejgħ u x-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prezz gross, tnaqqis uniformi fuq il-prezz gross għall-kostrutturi tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi l-kbar” jew il-“W5”) u tnaqqis massimu mnaqqas fuq il-prezz gross għall-kostrutturi l-oħra tat-toroq (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi ż-żgħar”). |
13 |
Ir-rikorrenti tqiesu bħala responsabbli konġuntament għal dan il-ksur, għall-perijodu mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, u ġiet imposta fuqhom multa ta’ EUR 108 miljun, pagabbli in solidum. |
14 |
Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, anki jekk is-suq ġeografiku kkonċernat kien limitat (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata). |
15 |
Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir illegali ta’ kull impriża implikata fl-akkordju u tal-importanza tiegħu fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wettqet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni, abbażi tas-sehem tagħhom fis-suq, u qasmithom f’sitt kategoriji. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkunsidrat ammont inizjali ta’ EUR 15 miljun għar-rikorrenti (premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija applikat ukoll fil-konfront tagħhom koeffiċjenti multiplikatur ta’ 2, intiż sabiex jiggarantixxi l-effett dissważiv tal-multa, fid-dawl tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp (premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata). |
16 |
Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu wettqu ksur fit-tul, billi kien ogħla minn ħames snin, u kkonstatat tul totali ta’ tmien snin, mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, liema fatt żied l-ammont tal-multa bi 80 % (premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont bażiku tal-multa, iddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, għaldaqstant ġie ffissat għal EUR 54 miljun għar-rikorrenti (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata). |
17 |
Il-Kummissjoni applikat numru ta’ ċirkustanzi aggravanti fir-rigward tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, hija qieset li, peress li l-impriża Shell kienet suġġetta għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni f’kawżi relatati ma’ akkordji fl-1986 [deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 1986, Każ IV/31.149 – Polypropylene (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Polypropylene”)] u fl-1994 [deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 1994, Każ IV/31.865 – PVCII, ĠU L 74, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni PVC II”)], kellu jiġi applikat żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva (premessi 336 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni lok, hija qieset li r-rikorrenti kellhom rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju, liema fatt jiġġustifika żieda ġdida ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa (premessi 342 sa 349 tad-deċiżjoni kkontestata). |
18 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li ebda ċirkustanza attenwanti ma setgħet tiġi kkunsidrata fir-rigward tar-rikorrenti, peress li l-fatt li l-ksur waqaf qabel il-bidu tal-investigazzjoni ma jixraqlu ebda premju għajr il-limitazzjoni tat-tul tal-perijodu li jikkostitwixxi ksur (premessi 361 sa 363 tad-deċiżjoni kkontestata). |
19 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħhom intiża sabiex tiġi kkunsidrata l-kooperazzjoni effettiva tagħhom, ikkostitwita mir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni, ir-rikonoxximent tal-fatti u t-tqegħid fis-seħħ ta’ politika ta’ sanzjonijiet u ta’ prevenzjoni f’dan ir-rigward, bħala ċirkustanza attenwanti (premessi 367 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata). |
20 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrifjutat li tnaqqas l-ammont tal-multa mogħtija lir-rikorrenti skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, billi qieset li l-informazzjoni li huma kienu pprovdew ma kellhiex valur sinjifikattiv (premessi 394 sa 396 tad-deċiżjoni kkontestata). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
21 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors. |
22 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti, u għamlitilhom xi mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti. |
23 |
It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2011. |
24 |
Minħabba l-impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, bis-saħħa tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla. |
25 |
Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida. |
26 |
Il-partijiet instemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012. |
27 |
SPNV u STT jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
28 |
SNV titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
29 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
30 |
In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi. B’hekk huma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi billi imputat lil SPNV u lil STT (li qabel kienet STT plc) il-ksur imwettaq minn SNV, talli kisret formalità sostanzjali u d-drittijiet tad-difiża li setgħu jiġu invokati minnhom billi rrifjutat li tikkomunikalhom it-tweġibiet kollha tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, talli wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u tat-tul tal-ksur u, fl-aħħar nett, talli kkunsidrat lil SNV bħala provokatur u mexxej tal-kartell u talli żiedet l-ammont tal-multa tagħhom minħabba reċidiva. |
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ evalwazzjoni l-imputabbiltà tal-ksur lill-kumpanniji parent
Fuq l-iżbalji ta’ liġi
L-argumenti tal-partijiet
31 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha li hija 100 % proprjetà tagħha, irrikonoxxuta mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 29), kienet teżentaha milli tipprova li s-sussidjarja tagħha awtur tal-ksur kienet eżegwiet l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent. F’dan il-każ, il-Kummissjoni rreferiet sempliċement għall-kunċett ta’ entità ekonomika waħda, li madankollu hija biss rilevanti sabiex tiġi imputata r-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija direttament implikata fil-ksur. Madankollu hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk il-kumpannija parent ipparteċipatx fil-ksur b’mod dirett jew indirett jew jekk hija kinitx taf dwar il-ksur sabiex tkun tista’ timputalha r-responsabbiltà. |
32 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni rrikonoxxuta mis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, sabiex timputa r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn SNV lil STT (li qabel kienet STT plc). Fil-fatt, matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, il-kumpannija STT plc, li għaliha STT ssuċċediet fl-2005, kienet waħda miż-żewġ kumpanniji tal-grupp Shell li fallew, iżda kienet iżżomm biss sehem ta’ 40 % fil-kumpannija holding SPNV, li min-naħa tagħha, permezz ta’ Shell Nederland, kienet iżomm l-ishma kollha ta’ SNV, awtur dirett tal-ksur. Il-qorti tal-Unjoni madankollu tillimita l-possibbiltà li jsir użu minn din il-preżunzjoni għall-kumpanniji parent li jżommu l-ishma kollha tas-sussidjarja tagħhom. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat din il-preżunzjoni fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni (T-314/01, Ġabra p. II-3085, punt 137), huwa marbut biss maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, fejn iż-żewġ kumpanniji parent kienu strettament implikati fl-amministrazzjoni kummerċjali tas-sussidjarja, li fiha nnifisha ma kellhiex personalità ġuridika separata. |
33 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjara tagħha 100 % proprjetà tagħha, li ma tippermettix il-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni u ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza. |
34 |
Il-Kummissjoni titlob sabiex l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
35 |
Il-Kummissjoni speċifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li SNV kienet il-persuna ġuridika li pparteċipat direttament fl-akkordju, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet ukoll ġiet indirizzata lil SPNV, lil KNPM u lil STT plc (premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, hija fakkret li SNV kienet tappartjeni kollha kemm hi, sal-2005, lil Shell Nederland, li min-naħa tagħha kienet tappartjeni kollha kemm hi lil SPNV, kumpannija holding taħt il-kontroll komuni ta’ KNPM (madwar 60 %) u ta’ STT plc (madwar 40 %). Barra minn hekk, hija enfasizzat l-importanza tar-rabtiet eżistenti bejn dawn l-istrutturi differenti, b’mod partikolari permezz tal-Committee of managing directors (grupp ta’ diretturi ġenerali, iktar ’il quddiem il-“CMD”), tad-dipartiment tal-prodotti petroliferi tal-grupp fl-Ewropa u, mill-1998, ta’ Shell Europe Oil Products (iktar ’il quddiem “SEOP”), organizzazzjoni li kienet tiġbor fiha l-attivitajiet petroliferi ta’ numru mill-kumpanniji ta’ operat tal-grupp fl-Ewropa (premessi 206 sa 208 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement hija indikat li, wara l-bidliet organizzattivi li saru fi ħdan il-grupp fl-2005, hija kienet indirizzat id-deċiżjoni kkontestata lil SNV kif ukoll lill-kumpanniji l-oħra destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienu għadhom jeżistu fid-data li fiha ngħatat l-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri SPNV u STT (li qabel kienet STT plc), u li flimkien dawn il-kumpanniji kienu jikkostitwixxu l-impriża Shell, u li huma kienu responsabbli in solidum għall-ksur (premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata). |
– Fuq il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha
36 |
Preliminarjament għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiġbor fih l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59) u li l-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE jinkludi entitajiet ekonomiċi fejn kull waħda minnhom tikkostitwixxi organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li jippersegwu fit-tul skop ekonomiku determinat, organizzazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għat-twettieq ta’ ksur previst minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Uralita vs Il-Kummissjoni, T-349/08, Ġabra p. II-373 punt 35). Il-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40). |
37 |
L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I-10065, punt 27; u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 117, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 58). Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent, peress li dawn iż-żewġ impriżi jikkostitwixxu entità ekonomika waħda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 133 u 134). |
38 |
Għalhekk ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u wisq inqas ma huwa involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens espost iktar ’il fuq li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni tagħha fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni Unjoni jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003 Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 290). |
39 |
Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha awtur ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 61). |
41 |
Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, ċirkustanzi oħra minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li tali ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja osservathom biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha f’din il-kawża, u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq għall-produzzjoni ta’ provi supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza fuq is-sussidjarja tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 62, u tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C-90/09 P, Ġabra p. I-1, punt 41). |
42 |
Fir-rigward tal-provi li kumpannija parent għandha tipproduċi sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha 100 % miżmuma, il-qorti tal-Unjoni tqis li hija għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, u sussegwentement, jekk ikun il-każ, tal-qorti tal-Unjoni, kull prova li hija tqis li hija tali li turi li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika, fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi, bejn is-sussidjarja tagħha u hija stess, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux ikunu suġġett ta’ elenku eżawrjenti (sentenza Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punti 72 sa 74). |
– Fuq l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għal żewġ kumpanniji parent 100 % proprjetarji konġunti tas-sussidjarja tagħhom
43 |
Ir-rikorrenti jqisu li, tkun liema tkun l-interpretazzjoni aċċettata tal-preżunzjoni hekk kif tirriżulta mill-ġurisprudenza li tinsilet mis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika din il-preżunzjoni fil-konfront ta’ STT (li qabel kienet STT plc), peress li din kellha biss sehem ta’ 40 %, u b’mod indirett, mill-kumpannija li wettqet il-ksur. |
44 |
Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li KNPM, li kellha l-fdal ta’ 60 % mis-sehem f’SPNV, spiċċat topera fl-2005 huwa mingħajr effett fuq il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, peress li l-impriżi ma jistgħux jevitaw sanzjonijiet minħabba s-sempliċi fatt li l-identità tagħhom inbidlet wara li saru ristrutturar, trasferimenti jew bidliet ġuridiċi jew organizzattivi oħra, sabiex ma jiġix kompromess l-għan li jitrażżan l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi evitat li dan jerġa’ jseħħ permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 41). |
45 |
Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni diġà kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tapplika l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha meta żewġ kumpanniji jitqiegħdu f’sitwazzjoni analoga għal dik fejn kumpannija waħda biss iżżomm il-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha (sentenza Avebe vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 138). |
46 |
Bl-istess mod, f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-partikolarità tal-istruttura tal-grupp, jekk iż-żewġ kumpanniji parent KNPM u STT plc (li saret STT) kinux jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik fejn kumpannija waħda biss kellha sehem sħiħ fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, u mhux dwar dak li jeħtieġ li jiġi deċiż fil-każ ta’ kumpannija li għandha biss sehem parzjali fil-kumpannija li wettqet il-ksur. |
47 |
Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat, bħal ma indikat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha mingħajr ma ġiet ikkritikata dwar dan il-punt mir-rikorrenti, li l-eżistenza ta’ żewġ kumpanniji parent fi ħdan il-grupp Shell hija dovuta għal raġunijiet storiċi, peress li l-grupp twieled fl-1907 permezz ta’ ftehim bejn il-kumpannija Olandiża KNPM u l-kumpannija Brittanika STT plc, li ngħaqdu fl-2005 filwaqt li żammew struttura doppja fit-tmexxija tal-grupp, b’sehem rispettiva ta’ 60 % u ta’ 40 %. Mill-fajl, u b’mod partikolari mill-gwida ta’ riferiment għall-istruttura organizzattiva tal-grupp, jirriżulta li dawn iż-żewġ kumpanniji, li kienu jiddikjaraw dħul mill-bejgħ ikkonsolidat identiku, kienu proprjetarji konġunti taż-żewġ kumpanniji holding tal-grupp, SPNV u SPCo, fejn kienu jaħtru flimkien il-membri tal-bord tad-diretturi, skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jorbtuhom, u li magħhom jiltaqgħu ta’ kull xahar, b’mod partikolari sabiex jiġu informati dwar l-iżviluppi prinċipali fi ħdan il-grupp. |
48 |
Barra minn hekk, KNPM u STT plc (li saret STT) ħolqu żewġ kumitati ta’ sorveljanza, il-Group Audit Committee (kumitat ta’ verifika tal-grupp, iktar ’il quddiem il-“GAC”) u r-Remuneration and succession review committee (kumitat inkarigat mill-eżami tar-remunerazzjonijiet u tal-ħatriet, iktar ’il quddiem ir-“REMCO”), kompost b’mod paritarju minn tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ KNPM u minn tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ STT plc (li saret STT), inkarigati, fir-rigward tal-ewwel kumitat, milli jeżaminaw l-iżviluppi finanzjarji prinċipali tal-grupp, il-proċeduri ta’ verifika interna tiegħu u l-verifiki esterni tagħha, u fir-rigward tal-kumitat l-ieħor, milli jifformolaw pariri fil-qasam ta’ remunerazzjonijiet u ta’ ħatriet tad-diretturi tal-grupp. Mill-fajl jirriżulta wkoll li l-bordijiet tad-diretturi tal-kumpanniji holding tal-grupp kienu jaġixxu b’mod ikkoordinat u kienu jinkludu fi ħdanhom il-membri tal-bordijiet tad-diretturi taż-żewġ kumpanniji parent. |
49 |
Barra minn hekk, il-CMD, organu kompost mill-membri tal-presidenza tal-bord tad-diretturi ta’ SPNV u mid-diretturi ġenerali ta’ SPCo, li kienu wkoll membri tal-bord tad-diretturi ta’ waħda miż-żewġ kumpanniji parent, kellu rwol determinanti fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta li minkejja l-fatt li l-CMD ma jikkostitwixxix entità b’personalità ġuridika separata, huwa kien inkarigat milli jikkoordina l-attività operattiva u t-tmexxija tal-kumpanniji kollha tal-grupp. |
50 |
Fl-aħħar nett, il-fatt li ż-żewġ kumpanniji parent iddeċidew, fl-2005, li jingħaqdu jikkostitwixxi indikazzjoni supplimentari tal-eżistenza ta’ impriża parent komuni minkejja l-koeżistenza ta’ żewġ entitajiet ġuridiċi. |
51 |
Fid-dawl tal-elementi fattwali kollha msemmija fil-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ġustament setgħet tikkunsidra, fil-premessi 206 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, li din kienet tirrigwarda sitwazzjoni analoga għal dik li fiha kumpannija parent waħda biss tikkontrolla s-sussidjarja tagħha kollha kemm hi, liema fatt kien jippermettilha b’hekk tirrikorri għall-preżunzjoni li l-imsemmija kumpanniji parent kienu jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja komuni tagħhom. |
52 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi applikat il-ġurisprudenza li tinsilet mis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, lil STT (li qabel kienet STT plc), minħabba l-fatt li, flimkien ma’ KNPM, hija kienet fil-pussess tal-kapital kollu ta’ SNV biss permezz tal-kumpannija holding SPNV, li kienet proprjetarja tal-kumpannija Shell Nederland, kumpannija parent ta’ SNV. Il-qorti tal-Unjoni tqis fil-fatt li l-eżistenza ta’ kumpanniji intermedjarji bejn is-sussidjarja u l-kumpannija parent hija mingħajr effett fuq il-possibbiltà li tiġi applikata l-preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarja 100 % tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punti 78 u 83, u General Química et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 86 u 87; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, T-354/94, Ġabra p. II-2111, punti 80 sa 85). Kumpannija parent tista, barra minn hekk, tiġi kkunsidrata responsabbli għal ksur imwettaq minn sussidjarja, anki meta jeżisti numru kbir ta’ kumpanniji operattivi fi grupp (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 989). |
– Fuq in-natura konfutabbli tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % tagħha
53 |
Ir-rikorrenti jqisu li l-interpretazzjoni aċċettata mill-Kummissjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % tagħha tipprekludi l-konfutazzjoni tagħha. |
54 |
Madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq jirriżulta li sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li kumpannija parent b’sehem ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija tas-sussidjarja tagħha teżerċita effettivament influwenza determinanti fuqha, hekk kif interpretat mill-Kummissjoni, hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-qorti tal-Unjoni, kull element relatat mar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha stess u s-sussidjarja tagħha b’tali mod li jiġi pprovat li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 65, u General Química et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 51 u 52). Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, din hija preżunzjoni li tista’ tiġi kkonfutata u li għandha tiġi kkonfutata minnhom. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li preżunzjoni, anki jekk diffiċli li tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex, li teżisti l-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova kuntrarja u li d-drittijiet tad-difiża jiġu żgurati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi billi imputat lil STT (li qabel kienet STT plc) u lil SPNV ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom SNV. |
Fuq l-elementi intiżi għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha
L-argumenti tal-partijiet
56 |
Ir-rikorrenti jqisu li huma stabbilixxew li STT plc (li saret STT) u SPNV ma kienux jafu dwar il-ksur u li huma qatt ma kienu pparteċipaw fih, direttament jew indirettament. Il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza jirrikjedu għaldaqstant parteċipazzjoni tal-kumpannija parent fil-ksur sabiex ikunu f’pożizzjoni li jimputawlha l-attivitajiet ta’ waħda mis-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk il-Kummissjoni rrikonoxxiet f’dan il-każ li l-ksur kien limitat għas-sempliċi aġir tad-direttur tal-bejgħ ta’ bitum lil SNV. Bl-istess mod, l-organizzazzjoni tar-reporting (iktar ’il quddiem il-“fluss ta’ informazzjoni”) fi ħdan il-grupp Shell juri li SNV ma kienet tirċievi ebda istruzzjoni minn STT plc (li saret STT) u minn SPNV. STT plc (li saret STT) fil-fatt kellha biss sehem ta’ 40 % f’SPNV, li min-naħa tagħha kellha ishma f’iktar minn 500 kumpannija, fosthom Shell Nederland, li min-naħa tagħha kellha iktar minn 30 sussidjarja, fosthom SNV. Wieħed mid-diretturi ta’ SNV ħa l-ħsieb li jinforma fil-qosor ħafna lill-bord tad-diretturi u lill-bord ta’ sorveljanza ta’ Shell Nederland, waqt il-laqgħat li kienu jsiru kull tliet xhur, dwar il-kwistjonijiet prinċipali relatati mal-attività tagħha, bħall-waqfien ta’ fabbrika jew riżultati finanzjarji diżappuntanti. |
57 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u SPNV fuq is-sussidjarja komuni tagħhom. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
58 |
Mill-premessi 206 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet, essenzjalment, li hija setgħet tapplika l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u SPNV fuq SNV matul il-perijodu mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002 minħabba l-istruttura ta’ sehem li teżisti bejn dawn il-kumpanniji [sehem ta’ 100 % għal SPNV, sehem konġunt ma’ KNPM ta’ 100 % għal STT plc (li saret STT)]. Sussegwentement, hija qieset, barra minn hekk, li numru ta’ elementi relatati mal-istruttura ġerarkika tal-grupp kienu jsaħħu din il-preżunzjoni, bħar-rwol tal-CMD, il-funzjonijiet ta’ stħarriġ tas-sussidjarji tagħha minn SPNV jew il-mekkaniżmi ta’ ħatra tad-diretturi tal-kumpanniji operattivi. |
59 |
Hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pproduċewx provi li jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li STT plc (li saret STT) u SPNV kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda ma’ SNV. |
60 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-partijiet għandhom l-obbligu li jissottomettu għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-Qorti Ġenerali, kull prova li huma jqisu li hija tali li turi li kumpanniji jikkostitwixxu jew li ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika, fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi tagħha (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). |
61 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta’ STT plc (li saret STT) u ta’ SPNV fil-ksur, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li dawn ma huma fondati la fid-dritt u lanqas fil-fatt. Fil-fatt, il-kontroll eżerċitat mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha ma għandhiex neċessarjament ikollha rabta mal-aġir li jikkostitwixxi ksur (sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 59, u General Química, punt 41 iktar ’il fuq, punti 38, 102 u 103). Għalhekk ma huwiex neċessarju għall-Qorti Ġenerali li jiġi eżaminat jekk STT plc (li saret STT) u SPNV effettivament eżerċitawx influwenza diretta jew indiretta fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SNV jew jekk huma kellhomx għarfien dwar dan l-aġir. |
62 |
Fi kwalunkwe każ, u bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ċerta informazzjoni mill-fajl kienet tindika li membri tal-grupp Shell li ma kinux jappartjenu lil SNV kellhom għarfien dwar il-prattiki antikompetittivi ta’ din tal-aħħar matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur. Fil-fatt, nota interna tal-14 ta’ Lulju 2000, li tanalizza s-sitwazzjoni tas-suq tal-bitum Olandiż mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, ikkonfiskata mill-Kummissjoni waqt il-verifiki tagħha fl-uffiċċji ta’ SNV, tqassmet barra minn din il-kumpannija. Din in-nota, bir-riferiment “strettament kunfidenzjali”, ġiet redatta konġuntament minn impjegat ta’ SNV u minn uffiċjal tas-servizz ġuridiku tal-grupp, li jappartjeni lil Shell International, wara seduta ta’ ħidma relatata mat-tqegħid f’konformità mar-regoli ta’ kompetizzjoni li matulhom id-direttur tal-bejgħ responsabbli mill-bitum kien ġibed l-attenzjoni dwar is-suq Olandiż tal-bitum u l-kostruzzjoni tat-toroq. Din in-nota kienet b’mod partikolari indirizzata lid-direttur tas-servizz ġuridiku tal-grupp, lil impjegat ta’ Shell International, lill-Viċi-president kummerċjali tal-bejgħ tal-grupp għall-Ewropa kif ukoll lill-Viċi-president eżekuttiv tal-prodotti tal-grupp għall-Ewropa. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li Shell International kellha relazzjoni diretta mal-CMD, organu deċiżjonali prinċipali tal-grupp, kompost mill-membri tal-presidenza tal-bord tad-diretturi ta’ SPNV u mid-diretturi ġenerali ta’ SPCo, li kienu wkoll membri tal-bord tad-diretturi ta’ waħda miż-żewġ kumpanniji parent. |
63 |
Din in-nota tindika li s-suq tal-bitum Olandiż kien suġġett għal eżami intern bejn fl-1992/1993 u fi Frar 1995, fejn il-fornituri kollha ta’ bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“fornituri”) innegozjaw kollettivament prezz standard mal-W5, li impjegat ta’ SNV kien, barra minn hekk, ta parir li wieħed għandu jirtira minn dan is-suq, iżda li dan is-suq kien ġie rristrutturat u li SNV kienet baqgħet preżenti fih. In-nota tispeċifika wkoll li t-tipi l-oħra ta’ bitum ma jidhrux li kienu s-suġġett ta’ aġir antikompetittiv min-naħa ta’ Shell, billi tagħti x’tifhem, a contrario, li l-grupp kellu għarfien tal-karattru antikompetittiv tal-aġir ta’ SNV fis-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq. Barra minn hekk, din in-nota tindika, b’mod dettaljat, il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-bitum, billi tenfasizza li, meta SNV xtaqet iżżid il-prezzijiet tagħha, hija kienet tikkuntattja lil KWS, il-kostruttur prinċipali, qabel tapplika din iż-żieda. KWS kienet għalhekk tikkonsulta lill-fornituri l-oħra kollha individwalment fuq il-livell tal-prezzijiet, imbagħad kienet tiddiskuti dwar din iż-żieda fil-prezzijiet mal-kostrutturi l-kbar l-oħra, qabel ma tinforma s-Centrum voor regelgeving en onderzoek in de grond-, water- en wegenbouw en de Verkeerstechniek (CROW, Ċentru għar-regolamentazzjoni u għar-riċerka fil-qasam tal-inġenjerija ċivili u ta’ traffiku), korp mingħajr skop ta’ lukru li kien b’mod partikolari inkarigat milli jippubblika kull xahar il-prezzijiet tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, li minnhom, fil-każ ta’ varjazzjoni ogħla minn ċertu limitu, il-kostrutturi kienu jibbenefikaw minn kumpens min-naħa tal-partijiet l-oħra fil-kuntratt. Barra minn hekk, in-nota tispeċifika li SNV, bħall-fornituri l-oħra, tat lill-W5 tnaqqis fuq il-prezz li ġie ffissat. Fl-aħħar nett, l-awturi tal-imsemmija nota kkonkludew billi qiesu li kien meħtieġ li jintemmu d-diskussjonijiet bilaterali ma’ KWS, il-kelliema tal-W5, dwar iż-żidiet fil-prezzijiet, u sabiex dawn jiġu ssostitwiti b’diskussjonijiet bilaterali ma’ kull kostruttur. |
64 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata awtonomija tal-mexxejja ta’ SNV li tirriżulta min-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ fluss tal-informazzjoni b’saħħtu biżżejjed bejn STT plc (li saret STT), SPNV u SNV, għandu jiġi osservat li l-elementi prodotti d’dan ir-rigward mir-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu li SNV kienet tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u, għaldaqstant, li hija ma kinitx tikkostitwixxi unità ekonomika ma’ STT plc (li saret STT) u SPNV fis-sens tal-Artikolu 81 KE. |
65 |
Fil-fatt, qabel kollox għandu jiġi speċifikat li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti relatati man-numru importanti ta’ sussidjarji proprjetà ta’ SPNV u ta’ Shell Nederland ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li STT plc (li saret STT) u SPNV ħallew lil SNV biżżejjed awtonomija sabiex tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq. |
66 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi ġustament għal numru ta’ elementi li hija kienet semmiet fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 207 sa 214 tad-deċiżjoni kkontestata) u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li kienu jgħaqqdu lil SNV ma’ STT plc (li saret STT) u ma’ SPNV, sabiex jiġu esklużi l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq. |
67 |
B’hekk il-grupp iddikkjara b’mod partikolari, f’rapport tat-13 ta’ Marzu 2006 iddepożitat għandu s-Securities and Exchange Commission (Kummissjoni tat-tranżazzjonijiet tal-borża Amerikana), li “l-attivitajiet kollha ta’ operat kienu ġew eżerċitati mis-sussidjarji ta’ Royal Dutch u ta’ Shell Transport li kienu jiffunzjonaw bħallikieku kienu impriża ekonomika waħda”. Barra minn hekk, il-klijenti u l-kompetituri kienu normalment jirreferu għall-impriża kollha u għal kull waħda mill-entitajiet ġuridiċi tagħha bl-isem “Shell”, fejn b’hekk kienu jindikaw li SNV kienet ipperċepita mit-terzi u fis-suq inkwistjoni bħala li taqa’ taħt il-grupp Shell. |
68 |
Għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq, dwar l-istruttura tal-grupp u kif titqassam il-proprjetà tal-azzjonijiet li jiffurmawh, u b’mod partikolari l-organizzazzjoni ġerarkika u l-mekkaniżmi ta’ fluss tal-informazzjoni li teżisti fi ħdanu. |
69 |
Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, barra minn hekk, ipproduċiet l-elementi li ġejjin: kien jeżisti livell ta’ koinċidenza kunsiderevoli bejn il-funzjonijiet eżerċitati f’pajjiżi differenti minn entitajiet differenti, fejn il-persuna responsabbli mill-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet għal żmien twil responsabbli mis-suq Belġjan; numru ta’ analiżi interni tas-suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni ġew iddistribwiti lil entitajiet differenti tal-grupp, fosthom id-dipartiment ġuridiku ta’ Shell International, li kien jinsab f’rabta diretta mal-CMD; Shell International aġixxiet bħala l-korrispondenti prinċipali tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kollha; id-direttur ġenerali ta’ KNPM kien ukoll id-direttur prinċipali ta’ SPNV u membru tal-bord tad-diretturi ta’ Shell Nederland BV, kumpannija parent diretta ta’ SNV; il-kumpanniji parent għandhom is-setgħa li jaħtru u li jikkonġedaw id-diretturi ġenerali tal-kumpanniji operattivi; huma jissorveljaw il-ġestjoni tal-kumpanniji operattivi, billi d-diretturi ġenerali ta’ dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jipprovdu lil kull azzjonist, jekk issir talba f’dan is-sens, informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ negozju tal-kumpannija u li jipprovdulu aċċess għall-kotba u għad-dokumenti li jkun jixtieq jikkonsulta. |
70 |
Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-CMD kellu rwol determinanti fi ħdan l-impriża. B’hekk, sal-1998, il-livelli ġerarkiċi kienu organizzati b’mod ġeografiku, id-direttur “Bitum” ta’ SNV kien jiddependi mid-direttur ġenerali “Bejgħ kummerċjali”, li min-naħa tiegħu kien jiddependi mid-direttur ġenerali “Pajjiż”, li fir-rigward tiegħu kien jaqa’ taħt l-awtorità tal-koordinatur reġjonali “Ewropa” ta’ Shell International Petroleum Maatschappij NV, 100 % proprjetà ta’ SPNV, li kienet tiddependi direttament minn membri tal-CMD. Mill-1998 sa tmiem il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, SNV kienet taqa’ taħt id-diviżjoni “Kostruzzjoni” tad-dipartiment tal-prodotti petroliferi tal-grupp fl-Ewropa, is-SEOP, li kien immexxi mill-president eżekuttiv għall-Ewropa, li kien jiddependi mill-president-direttur ġenerali għall-prodotti petroliferi, li kien membru tal-CMD. Mekkaniżmi ta’ fluss ta’ informazzjoni kienu jeżistu, barra minn hekk, bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom, permezz taż-żewġ kumitati ta’ sorveljanza li kienu l-GAC u r-REMCO. |
71 |
Sussegwentement, ir-rikorrenti ammettew li amministratur delegat ta’ SNV kien jinforma lill-bord tad-diretturi u lill-bord ta’ sorveljanza ta’ Shell Nederland, waqt il-laqgħat li kienu jinżammu kull tliet xhur komuni għal dawn iż-żewġ bordijiet, dwar il-kwistjonijiet prinċipali relatati mal-attività ta’ SNV. Anki jekk huma kienu jqisu li din l-informazzjoni kienet limitata għal ċerti deċiżjonijiet ewlenin, madankollu din l-affermazzjoni ma hi ssostanzjata minn ebda element probatorju. |
72 |
Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti kumpanniji tal-grupp kienu inkarigati mill-provvista ta’ funzjonijiet ta’ sostenn għas-sussidjarji kollha, fejn b’hekk Shell International kienet tipprovdi sostenn ġuridiku lis-sussidjarji kollha tal-grupp. L-analiżi tan-nota tal-14 ta’ Lulju 2000 turi barra minn hekk li impjegati ta’ SNV kienu jagħmlu parti mill-awturi u mid-destinatarji tagħha u li SNV kienet teżerċita kontroll strett fuq l-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
73 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl tal-elementi pprovduti mir-rikorrenti li jikkonċernaw, minn naħa, il-fatt li STT plc (li saret STT) u SPNV la kellhom għarfien dwar il-ksur inkwistjoni, la pparteċipaw f’dan il-ksur, u lanqas ma inkoraġġew lis-sussidjarja tagħhom sabiex twettaq il-ksur u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi ta’ fluss ta’ informazzjoni minn SNV lil STT plc (li saret STT) u lil SPNV, flimkien mal-elementi kollha rilevanti tal-fajl imsemmija fil-punti 47 sa 50 u 62 sa 72 iktar ’il fuiq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma kinux juru li SNV kienet tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u għaldaqstant ma kinux jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li STT plc (li saret STT) u SPNV kienu effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ SNV. |
74 |
Għaldaqstant, hemm lok sabiex l-ewwel motiv jiġi kollu hemm hu miċħud bħala infondat. |
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża
L-argumenti tal-partijiet
75 |
Ir-rikorrenti jqisu li, billi rrifjutat li tikkomunikalhom ir-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u billi llimitat l-iżvelar tar-risposta ta’ KWS għal ċerti siltiet li hija kienet tinkludi, il-Kummissjoni marret kontra l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll kontra d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Huma jsostnu li, kieku kellhom għarfien ta’ dawn id-dokumenti, huma setgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċedura amministrattiva u jbiddlu s-sens tad-deċiżjoni kontestata, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tagħhom ta’ provokatur u ta’ mexxej. |
76 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni jmissha laqgħet it-talba tagħhom għal aċċess għar-risposti kollha tal-kumpanniji l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li setgħu jinkludu elementi li jikkonfutaw ir-rwol tagħhom ta’ provokatur u ta’ mexxej, b’mod partikolari minħabba n-natura orizzontali u vertikali tal-akkordju. Barra minn hekk il-Kummissjoni diġà żvelat ir-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-każijiet preċedenti [Każijiet COMP/E-1/37.512 (ĠU L 6, p. 147) u COMP/E-1/36.490 (ĠU L 100, p. 1)]. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tiddeċiedi hija stess liema dokumenti huma utli għad-difiża tal-impriżi kkonċernati (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 126) u l-komunikazzjoni relatata mal-aċċess għall-fajl hija għaldaqstant illegali sa fejn ikun hemm indikazzjoni li l-aċċess għar-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistax jingħata. |
77 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni jmissha tathom aċċess għar-risposta sħiħa ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari għad-dikjarazzjoni tax-xhud li fuqu l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament sabiex timputa fil-konfront tagħhom ir-rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju. Il-qorti tal-Unjoni għalhekk tirrikonoxxilhom id-dritt li jkollhom aċċess għall-provi kollha kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-rigward tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Siment”, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 386). |
78 |
Il-Kummissjoni tqis li hija ma kellhiex l-obbligu li tiżvela r-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
79 |
Mill-atti jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb aċċess sħiħ għad-dokumenti kollha li kienu ġew annessi mal-fajl wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari għar-risposti kollha tal-impriżi l-oħra lilha. Madankollu hija tathom aċċess għas-siltiet tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fid-deċiżjoni finali, dwar il-kuntatti li seħħew bejn SNV u KWS qabel l-1 ta’ April 1994. |
Prinċipji ġenerali relatati mal-aċċess għad-dokumenti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet
80 |
L-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa hekk redatt: “Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess għal file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”. |
81 |
Fil-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, il-Kummissjoni tiddefinixxi fil-punt 8 il-fajl tal-Kummissjoni bħala “id-dokumenti kollha miksuba, prodotti u/jew miġbura mid-direzzjoni ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni meta ssir investigazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 27 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tispeċifika li ġej: “L-aċċess għall-fajl jingħata fuq talba u normalment darba biss, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni lill-partijiet, sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża. Bħala regola ġenerali, il-partijiet għaldaqstant ma għandhomx aċċess għar-risposti tal-partijiet l-oħra għall-oġġezzjonijiet ifformolati mill-Kummissjoni. Madankollu parti jkollha aċċess għad-dokumenti rċevuti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-fażijiet ulterjuri tal-proċedura amministrattiva, meta dawn id-dokumenti jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, li jinkriminaw jew li jiskaġunaw, relatati mal-allegazzjonijiet ifformolati fir-rigward ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq provi ġodda”. |
82 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal ħlas ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat anki jekk din tkun proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni, C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, punt 19). Barra minn hekk, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta tad-drittijiet fundamentali”), tistabbilixxi dritt fundamentali billi tiddeskrivih bħala element li jikkostitwixxi dritt għal amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha turi, b’mod ċar, il-fatturi essenzjali kollha li fuqhom tkun ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri. Din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler vs Il-Kummissjoni, C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P, Ġabra p. I-7191, punti 34 u 35). |
83 |
Għandu jitfakkar li l-aċċess għall-fajl, fil-kawżi tal-kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli dwar il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn l-elementi. Għalhekk l-aċċess għall-fajl jifforma parti mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u sabiex b’mod partikolari jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 334, u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punt 125, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punt 81). Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 82 ’il fuq, punti 9 u 11, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 68). |
84 |
Skont il-ġurisprudenza, huwa biss fil-bidu tal-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata tiġi informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Għalhekk, ir-risposta tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex inkluża, bħala prinċipju, fid-dokumenti kollha tal-fajl ta’ investigazzjoni li jistgħu jikkonsultaw il-partijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-161/05, Ġabra p. II-3555, punt 163). Madankollu, jekk il-Kummissjoni jkollha intenzjoni tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-partijiet l-oħra implikati f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar tali prova (ara s-sentenzi Ciments, punt 77 iktar ’il fuq, punt 386, u Avebe vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess jgħodd meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq tali dokument sabiex tistabbilixxi r-rwol ta’ provokatur jew ta’ mexxej ta’ waħda mill-impriżi kkonċernati. |
85 |
Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-punt 27 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl huma konformi mal-ġurisprudenza li, jekk, bħala regola ġenerali, il-partijiet ma għandhox aċċess għar-risposti tal-partijiet oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, parti tista’ madankollu jkollha aċess meta dawn id-dokumenti jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, sew jekk jinkriminaw, sew jekk jiskaġonaw, dwar l-allegazzjonijiet ifformulati fir-rigward ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
86 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għall-fajl amministrattiv li jippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument biex tissostanzja l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 7 u 9, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 71) u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment jista’ jiġi pprovat biss b’riferiment għall-imsemmi dokument (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 24 sa 30, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 71; sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 58). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi distinzjoni bejn id-dokumenti li jinkriminaw u d-dokumenti li jiskaġonaw. Jekk il-fatt ikun jirrigwarda dokument li jinkrimina, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni kien ikun differenti li kieku dan id-dokument ma kellux jiġi kkunsidrat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha sempliċement tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ influwenza, b’detriment għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 73 u 74). Din id-distinzjoni tapplika wkoll għad-dokumenti prodotti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II-3435, punti 351 sa 359). Għaldaqstant ir-rikorrenti jwettqu interpretazzjoni żbaljata tal-punt 383 tas-sentenza Siment, punt 77 iktar ’il fuq, meta huma jsostnu li l-Kummissjoni tikser awtomatikament id-drittijiet tad-difiża billi tirrifjuta li tittrażmetti dokumenti prodotti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ladarba kienet kumpannija li talbithom mingħandha. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ dokument li jiskaġuna, tali dokument huwa illegali biss jekk l-imsemmija kumpannija tkun stabbilixxiet li n-nuqqas ta’ żvelar ta’ dan id-dokument seta’ influwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni b’detriment għaliha. |
87 |
Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, meta jintuża mill-Kummissjoni bħala prova fid-deċiżjoni tagħha, dokument prodott wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandux jiġi trażmess kollu kemm hu jew le, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza jirriżulta, u b’mod partikolari mill-punt 386 tas-sentenza Siment, punt 77 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, sabiex tippermetti lill-impriża kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tesprimi ruħha utilment dwar din il-prova, li ma tikkomunikalhiex biss is-sempliċi silta rilevanti tad-dokument inkwistjoni, iżda din għandha titħalla fil-kuntest tagħha jekk dan ikun neċessarju sabiex din tinftiehem. |
88 |
Barra minn hekk għandu jiġi speċifikat li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni sistematika tar-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma huwiex kuntrarju għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Bħal ma tfakkar iktar ’il fuq, dan il-prinċipju jimplika li l-Kummissjoni għandha, matul il-proċedura amministrattiva, tiżvela lill-impriżi kkonċernati l-fatti, iċ-ċirkustanzi u d-dokumenti kollha li fuqhom hija tibbaża ruħha, sabiex tippermettilhom jesprimu utilment l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar id-dokumenti kkunsidrati minnha insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti li dwarhom huma kellhom l-opportunità li jesprimu ruħhom. |
89 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni, li tinnotifika l-oġġezzjonijiet u tagħti deċiżjoni li timponi multa, ma tistax waħedha tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 126; sentenzi Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 81 u 83, u Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 339). Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni, dwar id-dokumenti li jaqgħu taħt il-fajl ikkostitwit mill-Kummissjoni, ma tistax tapplika għal risposti mogħtija minn partijiet oħra kkonċernati għall-oġġezzjonijiet ikkomunikati minn din tal-aħħar. |
90 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi speċifikat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma hijiex marbuta bil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fir-rigward tat-trażmissjoni sħiħa tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha tista’ tiġi evalwata biss abbażi tar-regoli imposti fuqha, fosthom, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 1/2003, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE u] 82 [KE] (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), u l-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, hekk kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni. |
Applikazzjoni f’dan il-każ
91 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fl-24 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni ppermettiet lir-rikorrenti jieħdu konjizzjoni tas-siltiet tar-risposta ta’ KWS li fuqhom hija xtaqet tibbaża ruħha fid-deċiżjoni finali, dwar il-kuntatti li seħħew bejn SNV u KWS qabel l-1 ta’ April 1994 u dwar proposta ta’ tnaqqis preferenzjali lill-W5, indirizzata lil KWS. |
92 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument intiż sabiex jiġi rrikonoxxut li l-aċċess għar-risposta kollha ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imissha ġiet awtorizzata, għandu jiġi speċifikat, qabel kollox, li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-premessi 343 sa 348 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq is-sempliċi siltiet inkwistjoni tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex timputalhom ir-rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju. Fi kwalunkwe każ, l-eżami tas-siltiet ta’ dan id-dokument trażmess mill-Kummissjoni lir-rikorrenti jippermetti li jiġi kkonstatat li dawn huma perfettament komprensibbli u espliċiti mingħajr ma huwa neċessarju li jitqiegħdu f’kuntest usa’. Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għamlet użu biss minn żewġ mis-seba’ punti ta’ dan id-dokument, ikkomunikati lir-rikorrenti. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dokument ta’ KWS li jistrieħ fuq dikjarazzjoni ta’ xhud, wieħed mill-impjegati preċedenti tagħha, liema dokument ġie pprovdut volontarjament lill-Kummissjoni minn KWS sabiex tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha, billi tenfasizza r-rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej ta’ SNV fl-akkordju u billi timminimalizza r-rwol tagħha, wieħed ma jistax jifhem li dan seta jinkludi element li jiskaġuna lil SNV. |
93 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li setgħu jinkludu elementi li jiskaġunaw, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, kienu r-rikorrenti li kellhom jipproduċu prova prima facie li tagħti lil wieħed x’jifhem li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom seta’ jinfluwenza, b’detriment għalihom, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Madankollu r-rikorrenti ħadu l-inizjattiva jsostnu b’mod ġenerali u purament spekulattiv li r-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jipprovdulhom elementi li jiskaġunawhom fir-rigward tar-rwol tagħhom ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju. Lilhinn min-natura orizzontali u vertikali tal-akkordju, huma ma pprovdew ebda indikazzjoni speċifika li tista’ tikkostitwixxi prova prima facie f’dan is-sens. Barra minn hekk, bħal ma tenfasizza l-Kummissjoni, ftit huwa probabbli, f’akkordju, li kumpannija tipprovdi elementi li jistgħu jimminimizzaw ir-rwol ta’ kumpannija oħra fl-akkordju, anki jekk, f’dan il-każ, il-fatt li l-akkordju ġie organizzat bejn żewġ gruppi b’interessi li jistgħu jkunu potenzjalment u parzjalment diverġenti, il-kostrutturi l-kbar u l-fornituri, jispjega li kull parti kellha t-tendenza timminimizza r-rwol tagħha fl-akkordju b’detriment għall-oħra. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li impriżi oħra setgħu jimminimizzaw, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rwol tal-fornituri b’detriment għall-kostrutturi l-kbar ma jistax jikkostitwixxi element li jiskaġuna (sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 353 sa 356). B’hekk, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova prima facie dwar l-utilità ta’ trażmissjoni eventwali tar-risposti tal-kumpanniji l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
94 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament irrifjutat tikkomunika lir-rikorrenti r-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u llimitat l-iżvelar tar-risposta ta’ KWS għal ċerti siltiet. Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u d-determinazzjoni tat-tul tal-ksur
Fuq il-gravità tal-ksur
L-argumenti tal-partijiet
95 |
Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni, billi kklassifikat lill-impriżi skont il-kategorija tagħhom sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika tagħhom li jippreġudikaw il-kompetizzjoni b’mod kunsiderevoli, wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża Shell fir-rigward tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, billi inkludiet b’mod żbaljat id-dħul mill-bejgħ mill-Mexphalte C, u, fi kwalunkwe każ, immotivat insuffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. B’hekk huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom billi teskludi l-valur tal-bejgħ mill-Mexphalte C mill-kalkolu tagħha, billi jqisu li l-fatt li l-ammont bażiku tal-multa tagħhom ikun ogħla minn dak tal-impriża Kuwait Petroleum imur kontra l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità (iktar ’il quddiem “Kuwait Petroleum”) filwaqt li s-sehem tagħhom mis-suq kien inferjuri għal tagħha. |
96 |
B’hekk ir-rikorrenti jfakkru li l-unika raġuni għalfejn il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, ġustament, id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti speċjali tal-bitum użati fil-kostruzzjoni tat-toroq hija li l-prezz tagħhom huwa direttament marbut mal-prezz tas-suq ġenerali tal-kategorija ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard, miżjuda b’ammont addizzjonali. Min-naħa l-oħra, huma jqisu li l-Kummissjoni ma jmisshiex inkludiet id-dħul mill-bejgħ mill-Mexphalte C, ġaladarba dan ma huwiex kompost minn bitum, li l-prezz tiegħu assolutament ma huwiex konness ma’ dak tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq u li huwa mibjugħ f’suq differenti tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard, peress li ż-żewġ prodotti ma humiex sostitwibbli. Dawn l-affermazzjonijiet jistrieħu b’mod partikolari fuq dikjarazzjoni tad-direttur ta’ SNV tat-30 ta’ Novembru 2006 u fuq tabella ta’ paragun tal-bidliet fil-prezz tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard u tal-Mexphalte C mill-1995 sal-2002. |
97 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata hija ma semmietx ir-raġunijiet li għalihom l-ammont ta’ bejgħ ta’ Mexphalte C kien ittieħed inkunsiderazzjoni, meta huma kienu indikaw, fit-23 ta’ Mejju 2006, fir-risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2006, li l-Mexphalte C ma kellu ebda konnessjoni mal-ksur. Bl-istess mod, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni qatt ma indikat l-intenzjoni tagħha li tinkludi l-ammont tal-bejgħ ta’ Mexphalte C fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u qatt ma semmiet dan il-prodott fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dokument mill-fajl amministrattiv madankollu jispeċifika li l-Mexphalte C jikkostitwixxi agglomerat sintetiku li jista’ jintuża sabiex jiġi prodott asfalt ikkulurit, u mhux bitum sintetiku. |
98 |
Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
99 |
Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2004 (premessi 1 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni indikat li l-prodott li kien is-suġġett tal-kawża kien il-bitum użat għall-kostruzzjoni tat-toroq u tal-applikazzjonijiet paragunabbli (pereżempju r-runways), li jinkludu bitumi ta’ dewmien differenti, li jippermetti użu varjat, kif ukoll bitumi ta’ gradi differenti, fosthom bitumi speċifiċi li joffru prestazzjonijiet aħjar, li madankollu huma ffabbrikati mill-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard, u li l-prezz tagħhom jiddependi għalhekk mill-prezz ta’ dan tal-aħħar. Żewġ kumpanniji biss, BAM NBM Wegenbouw BV u Hollandsche Beton Groep (iktar ’il quddiem “HBG”), ikkontestaw fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-inklużjoni tal-prodotti tal-bitum użati fil-kostruzzjoni tat-toroq minbarra l-bitum għall-kisu tal-uċuħ tat-toroq standard. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma rreaġixxewx fuq dan il-punt fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
100 |
Fit-8 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil SNV, lil SPNV u lil Royal Dutch Shell sabiex tikseb informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ tagħhom li jirriżulta mill-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, inklużi l-prodotti kollha speċjali tal-bitum. Fit-23 ta’ Mejju 2006, dawn it-tliet kumpanniji pprovdew l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħhom billi inkludew il-Mexphalte C, l-uniku bitum speċjali li jista’ jkun, fl-opinjoni tagħhom, marbut mal-kostruzzjoni tat-toroq, billi speċifikaw madankollu li dan il-prodott ma jikkostitwixxix is-suġġett tal-akkordju. Fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 4 sa 6), il-Kummissjoni żammet l-analiżi magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi sostniet li l-prezzijiet tal-prodotti l-oħra tal-bitum użati fil-kostruzzjoni tat-toroq kienu direttament marbuta mal-prezz tas-suq ġenerali tal-kategorija ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija użat id-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ kumpanniji, BP u ExxonMobil, fejn din tal-aħħar hija fornitur ta’ bitum mhux issanzjonat mill-Kummissjoni, kif ukoll dokumenti ssekwestrati matul ispezzjonijiet, b’mod partikolari għand KWS u SNV. |
101 |
Fir-risposta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija bbażat ruħha fuq numru ta’ elementi sabiex tinkludi l-Mexphalte C fost il-prodotti tal-bitum li kkostitwixxew is-suġġett tal-akkordju. Numru ta’ dokumenti ta’ SNV b’hekk juru l-Mexphalte C fl-iskala tagħha li tikkonċerna l-bitum taħt it-titolu “Bitum trasparenti li jista’ jiġi kkulurit”; barra minn hekk, fl-ittra tat-23 ta’ Mejju 2006 indirizzata lill-Kummissjoni, SNV iddikjarat li l-uniku bitum speċjali li jista’ jkun marbut mal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq kien il-Mexphalte C u pprovdiet dħul mill-bejgħ ta’ EUR 12 113 015 għall-“valur totali tal-bejgħ bl-imnut tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, inkluż il-Mexphalte C”, fl-2001; dokument ta’ Shell li jinkludi informazzjoni teknika dwar il-Mexphalte C u li kien jagħmel parti mill-fajl amministrattiv jiddeskrivih bħala bitum sintetiku li jista’ jiġi kkulurit; dokument ieħor mill-fajl amministrattiv juri li l-lista ta’ prezzijiet tal-prodott tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, mibgħut fl-2001 minn SNV lill-klijenti tagħha, kien jinkludi ittra standard li tindika li l-varjazzjonijiet tal-prezzijiet tal-prodotti li jinsabu f’din il-lista, fosthom il-Mexphalte C, kienu dovuti għall-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq taż-żejt. |
102 |
Ir-rikorrenti pproduċew għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali żewġ dokumenti li jippermettu, fl-opinjoni tagħhom, jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma misshiex ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-Mexphalte C fid-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ Shell fir-rigward tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-ewwel dokument jikkomporta tabella li tipparaguna l-iżvilupp tal-prezz tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard u tal-Mexphalte C matul il-perijodu 1995-2002 kif ukoll ittri ta’ SNV, ta’ dan il-perijodu, li jħabbru lill-klijenti tagħha li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet kienu dovuti għall-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima. It-tieni dokument jikkonsisti fid-dikjarazzjoni tad-direttur ta’ SNV, tat-30 ta’ Novembru 2006 li tindika li l-Mexphalte C ma huwiex prodott iffabbrikat mill-bitum, li l-iżviluppi fil-prezz ta’ dan il-prodott jistgħu jiġu biss kemxejn affettwati bil-prezz taż-żejt, li s-suq li fuqu jinbiegħ dan il-prodott huwa suq differenti minn dak tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq u li SNV kienet l-unika impriża li tipprovdi dan it-tip ta’ prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
103 |
Minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma esprimewx ruħhom b’mod ċar f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tagħhom, minn naħa, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. |
– Eżami tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità
104 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fid-data meta l-att ġie adottat, u b’mod partikolari tal-informazzjoni li l-istituzzjoni setgħet kellha meta hija waqfitu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7). B’hekk ħadd ma jista’ jinvoka quddiem il-qorti tal-Unjoni, sabiex tiġi stabbilita l-illegalità tal-att ikkontestat, fatti li, peress li ma ġewx prodotti matul il-proċedura amministrattiva, setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T-58/05, Ġabra p. II-2523, punt 151, u tal-25 ta’ Ġunju 2008, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T-268/06, Ġabra p. II-1091, punt 55). F’dan il-każ, mill-investigazzjoni jirriżulta li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tagħha, il-Kummissjoni ma kellhiex fil-pussess tagħha ż-żewġ dokumenti ċċitati fil-punt 102 iktar ’il fuq, li ġew prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, hekk kif ġie indikat fl-imsemmi punt. |
105 |
Sa fejn dan jikkomporta l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-motiv għandu għaldaqstant jiġi eżaminati mingħajr ma l-imsemmija dokumenti jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
106 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet indikat b’mod ċar, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet tqis li l-akkordju kien jinkludi l-prodotti kollha tal-bitum użati għall-kostruzzjoni tat-toroq u tal-applikazzjonijiet paragunabbli, inklużi l-prodotti speċjali tal-bitum, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-bitum għal użu industrijali. Madankollu r-rikorrenti ma rreaġixxewx fuq dan il-punt fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bil-kontra ta’ impriżi oħra. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex jittrażmettu d-dħul mill-bejgħ tagħhom, fit-23 ta’ Mejju 2006 huma pprovdew l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħhom billi magħhom inkludew il-Mexphalte C, filwaqt li indikaw li, anki jekk dan il-prodott, fih innifsu, ma kienx ikkostitwixxa s-suġġett tal-akkordju, huwa kien l-“uniku bitum speċjali li jista’ jkun marbut mal-kostruzzjoni tat-toroq”. |
107 |
Bħalma huwa indikat fil-punt 100 iktar ’il fuq, sabiex tiddefinixxi, fid-deċiżjoni kkontestata, is-suq rilevanti bħala li jinkludi l-prodotti speċjali kollha tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokumenti ta’ BP, ta’ ExxonMobil, ta’ KWS u ta’ SNV, li juru li l-iskali ta’ prezzijiet indirizzati lill-klijenti kienu jikkonċernaw il-prodotti tal-bitum kollha, inklużi l-prodotti speċjali, u li ż-żidiet fil-prezzijiet eventwali kienu jikkonċernaw ukoll dawn il-prodotti kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset ġustament, permezz tal-elementi li hija kellha meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li l-bejgħ ta’ Mexphalte C kellu jidħol fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ ta’ Shell relatat mal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
108 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jieħdu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u sabiex il-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-fatti u l-elementi ta’ dritt rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandu jiġi evalwat mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 216, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
109 |
Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, għandu jitfakkar li dan l-obbligu għandu importanza partikolari u hija l-Kummissjoni li għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha u, b’mod partikolari, li tispjega l-ponderazzjoni u l-evalwazzjoni li hija għamlet mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, Ġabra p. I-13085, punt 61). Dan l-obbligu għandu jiġi ddeterminat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 li jipprovdi li, “[f]it-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.” F’dan ir-rigward, il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi”), kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jinkludu regoli indikattivi dwar l-elementi ta’ evalwazzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-gravità u t-tul tal-ksur (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 217). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li hija ħadet inkunsiderazzjoni skont il-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi u, jekk ikun il-każ, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li ppermettewlha tikkonstata l-gravità u t-tul tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 218). |
110 |
Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni speċifikat li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi b’mod partikolari ddeterminata fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru kbir ta’ elementi bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, meta tkun qiegħda tiffissa l-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali u ma tistax titqies li hija marbuta tapplika, għal dan il-għan, formula matematika preċiża. Meta tikkonstata, f’deċiżjoni, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u timponi multi fuq l-impriżi li ħadu sehem f’dan il-ksur, il-Kummissjoni għandha, jekk tkun sistematikament ħadet inkunsiderazzjoni ċerti elementi bażiċi sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, tindika dawn l-elementi fit-test tad-deċiżjoni sabiex id-destinatarji tagħha jkunu jistgħu jivverifikaw il-fondatezza tal-livell tal-multa u jevalwaw jekk kienx hemm diskriminazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T-295/94, Ġabra p. II-813, punti 162 sa 164, 171 u 173). |
111 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tal-Unjoni speċifikat li l-fatt li informazzjoni iktar preċiża minn dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni, bħad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi jew ir-rati ta’ tnaqqis ikkunsidrati mill-Kummissjoni, ġew ikkomunikati ulterjorment, waqt konferenza tal-istampa jew matul il-proċedura kontenzjuża, ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni. Fil-fatt, preċiżazzjonijiet magħmula mill-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata, li jikkompletaw motivazzjoni li fiha nnifisha hija diġà suffiċjenti, ma jaqgħux daqstant taħt ir-rispett tal-obbligu ta’ motivazzjoni, anki jekk jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni, eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, inkwantu jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet abbażi tad-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C-248/98 P, Ġabra p. I-9641, punti 41, 42 u 44). |
112 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jidher li l-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata. |
113 |
Fil-fatt, f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni pprovdiet bosta elementi ta’ evalwazzjoni li jippermettu li tiġi kkonstatata l-gravità tal-ksur. B’hekk hija ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, indikat ir-raġuni li għaliha ma kienx possibbli għaliha li tqis l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, iddeterminat id-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, ikklassifikat lill-impriżi kkonċernati f’numru ta’ kategoriji skont l-ishma tagħhom fis-suq fl-2001, l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, u, fl-aħħar nett, ħadet inkunsiderazzjoni l-aħħar dħul mill-bejgħ dinji ta’ dawn l-impriżi sabiex tiżgura ruħha mill-effett dissważiv suffiċjenti tal-multa (premessi 310 sa 325 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni preċiżat, fil-premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ibbażat ruħha, għall-kalkolu tal-ishma tas-suq, fuq il-valur tal-bejgħ għall-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fl-2001 (jew tax-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuh tat-toroq, għall-kostrutturi). Issa, fil-premessi 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ppreċiżat li l-“bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq” għandu jiġi ddefinit bħala l-bitum użat għall-kostruzzjoni tat-toroq u tal-applikazzjonijiet paragunabbli, jiġifieri bitum ta’ reżistenza differenti, li jippermettu użu differenti, kif ukoll bitum ta’ kategoriji differenti, fosthom il-bitumi speċjali. Hija rrispondiet b’mod partikolari għall-oġġezzjonijiet ta’ żewġ impriżi intiżi sabiex jiġu esklużi l-prodotti speċjali tal-bitum billi straħet fuq dokumenti li rriżultaw minn numru ta’ kumpanniji (BP, ExxonMobil, KWS u SNV), li kienu jindikaw li l-bidliet fil-prezz tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq kellhim influwenza fuq dawk tal-prodotti oħra tal-bitum użati f’dan is-settur. Kif indikat id-deċiżjoni kkontestata (premessa 6 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 11), fost dawn id-dokumenti hemm dawk issekwestrati waqt spezzjonijiet li saru fl-uffiċċji ta’ SNV. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħmel preċiżazzjonijiet fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha waqt il-fażi kontenzjuża, li jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, peress li jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni b’hekk ippreċiżat, fir-risposta, ċerti elementi speċifiċi li fuqhom hija kienet ibbażat ruħha sabiex tinkludi l-Mexphalte C fil-prodotti mill-bitum li kkostitwixxew is-suġġett tal-akkordju (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). |
114 |
Fl-aħħar nett, fir-replika, ir-rikorrenti qajmu l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, inkwantu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-valur tax-xiri ta’ Mexphalte C fil-kalkolu tas-sehem mis-suq ta’ KWS. Madankollu għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-prodott ikkonċernat għall-parteċipanti kollha fl-akkordju kien il-bitum użat għall-kostruzzjoni tat-toroq u tal-applikazzjonijiet paragunabbli, inklużi l-bitumi speċjali (premessa 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata), u li, sabiex jiġu ddeterminati l-ishma mis-suq ta’ kull impriża kkonċernata, hija kienet bagħtitilhom talbiet għal informazzjoni li kienu ppermettewlha tistabbilixxi tabelli tal-valur tal-bejgħ u tax-xiri ta’ bitum għal kull impriża fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-2001, u li t-total tax-xiri tal-kostrutturi kien ugwali għat-total tal-bejgħ tal-fornituri (premessi 29, 319 u 320 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti ma pproduċew ebda element li jippermetti li jiġi indikat li l-Kummissjoni waslet għal definizzjoni differenti tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju fid-determinazzjoni tagħha tas-sehem mis-suq ta’ KWS, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
115 |
B’hekk ebda wieħed mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħhom għal annullament u dwar l-inklużjoni tal-Mexphalte C fil-prodotti kkonċernati mill-akkordju ma huwa tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
– Eżami tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa
116 |
Għandu jitfakkar li l-istħarriġ ta’ legalità huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa, li kienet irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u li issa hija rrikonoxxuta mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lilhinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti. Għaldaqstant l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika, skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali u li din għandha s-setgħa tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u temenda l-ammont tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-272/09 P, Ġabra p. I-12789, punti 103 u 106; Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punti 63 u 67, u KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-389/10 P, Ġabra p. I-13125, punti 130 u 133). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE, l-ebda dispożizzjoni ma timponi fuq id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta, matul il-proċedura amministrattiva, id-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi li din id-dikjarazzjoni tinkludi, taħt piena li ma jkunx jista’ jikkontestahom ulterjorment fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C-407/08 P, Ġabra p. I-6371, punt 89). |
117 |
Għalhekk hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa, fid-data li fiha tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ġietx imposta fuq ir-rikorrenti multa li l-ammont tagħha jirrifletti korrettament il-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T-156/94, Ġabra p. II-645, punti 584 sa 586; tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T-322/01, Ġabra p. II-3137, punti 51 sa 56 u 293 sa 315, u tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il-Kummissjoni, T-217/06, Ġabra p. II-2593, punti 251 sa 253), u b’mod partikolari jekk il-Kummissjoni ddeterminatx korrettament id-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti relatat mal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
118 |
Madankollu għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja li tikkonċerna fatti li hija setgħet kellha għarfien dwarhom u sabiex tikkomunikalha, jekk ikun hemm bżonn, id-dokumenti relatati li jkunu fil-pussess tagħha, bis-sempliċi kundizzjoni li ma timponix fuq l-impriża l-obbligu li tipprovdi risposti li permezz tagħhom hija tasal sabiex taċċetta l-eżistenza tal-ksur li fir-rigward tiegħu għandha tkun il-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prova tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35). Impriża li lilha l-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, hija, barra minn hekk, marbuta b’obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva u tista’ tiġi ssanzjonata b’multa speċifika, prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, li tista’ tirrappreżenta sa 1 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha jekk hija tipprovdi, deliberatament jew b’negliġenza, informazzjoni ineżatta jew żnaturata. Minn dan jirriżulta li, fl-eżerċizzju tal-urisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, nuqqas ta’ kollaborazzjoni ta’ impriża u b’konsegwenza ta’ dan iżżid l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għal ksur tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE, sakemm din l-impriża ma tkunx ġiet issanzjonata għal dan l-istess aġir permezz ta’ multa speċifika bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003. |
119 |
Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fl-ipoteżi fejn, b’risposta għal domanda f’dan is-sens min-naħa tal-Kummissjoni, impriża tkun naqset milli tippreżenta, b’mod deliberat jew b’negliġenza, matul il-proċedura amministrattiva, elementi determinanti bil-għan li jiġi ffissat l-ammont tal-multa u li hija kellha jew li setgħet kellha meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali ma hijiex impedita milli tieħu dawn l-elementi inkunsiderazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-impriża li tistabbilixxi dan biss fl-istadju kontenzjuż, billi b’hekk tippreġudika l-għan u t-tmexxija tajba tal-proċedura amministrattiva, tesponi ruħha għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-fatt fid-determinazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ammont xieraq tal-multa. |
120 |
Għaldaqstant, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-elementi pprovduti mir-rikorrenti fl-istadju kontenzjuż jippermettux li jiġi stabbilit li d-dħul mill-bejgħ mill-Mexphalte C ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. |
121 |
L-ewwel dokument, li jikkomporta tabella li tipparaguna l-iżvilupp tal-prezz tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq u tal-Mexphalte C matul il-perijodu 1995-2002 kif ukoll tal-ittri ta’ SNV, ta’ dan il-perijodu, li tinforma lill-klijenti tagħha li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu dovuti għall-iżvilupp tal-prezzijiet fil-materji primi, jippermetti biss li jiġi kkonstatat li ż-żidiet fil-prezz tal-Mexphalte C saħansitra kienu jikkorrispondu ma’ dawk tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, anki jekk dan ma kienx sistematikament il-każ (paralleliżmu tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet f’Mejju u f’Ġunju 1999, fi Frar 2000, f’April u f’Settembru 2002), liema fatt jista’ jiġi spjegat permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ politika kummerċjali (pereżempju, fis-27 ta’ Mejju 1999, SNV tat tnaqqis speċjali lill-klijenti tagħha fuq dan il-prodott sabiex tinċentiva l-użu tiegħu). Barra minn hekk, l-ittri li SNV bagħtet lill-klijenti tagħha, li akkumpanjaw dawn iż-żidiet fil-prezzijiet, indikaw li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet kienu dovuti għall-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq taż-żejt. |
122 |
It-tieni dokument, li jikkonsisti fid-dikjarazzjoni tad-direttur ta’ SNV tat-30 ta’ Novembru 2006, jippermetti biss li jiġi konkluż li l-Mexphalte C huwa ffabbrikat mir-reżina, minn estratti ta’ żejt lubrifikanti u minn polimeri. B’risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti barra minn hekk ippreċiżaw li l-Mexphalte C essenzjalment kien kompost minn żewġ elementi, il-BFE u n-Nevchem 2338, li huma stess huma derivati taż-żejt mhux maħdum, prodotti skont proċess ta’ produzzjoni differenti minn dak tal-bitum. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li, anki jekk il-Mexphalte C huwa prodott skont proċess ta’ fabbrikazzjoni separat minn dak tal-bitum u li l-komponenti tiegħu ma humiex derivati mill-bitum, iż-żejt mhux maħdum jibqa’ l-ewwel materja prima ta’ oriġini tal-komponenti tiegħu, bħal fil-każ tal-bitum. |
123 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li l-Mexphalte C jikkostitwixxi suq differenti minn dak tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq. Fil-fatt, huma ħadu l-ħsieb li jsostnu li l-Mexphalte C kien, b’mod ġenerali, jinxtara mill-muniċipalitajiet u li ma kienx jintuża għall-awtostradi. Min-naħa l-oħra, huma ma pproduċew ebda prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-iżvilupp tal-prezz tal-Mexphalte C kien indipendenti minn dak tal-prezz tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur. |
124 |
Bħala konklużjoni, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li tippermetti li jiġi stabbilit li l-Mexphalte C ma kienx jagħmel parti mill-prodotti li jifformaw is-suq li jikkostitwixxi s-suġġett tal-akkordju, filwaqt li numru ta’ elementi mill-fajl jindikaw li l-prezz tal-Mexphalte C kien strettament marbut mal-prezz tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq. Għaldaqstant xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li d-dħul mill-bejgħ relatat mal-Mexphalte C għandu jiġi eskluż mid-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. |
125 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti naqsux mill-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva billi pproduċiet l-elementi esposti iktar ’il fuq biss fl-istadju kontenzjuż u mhux matul il-proċedura amministrattiva. |
126 |
Mill-ittra indirizzata mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Mejju 2006 jirriżulta li huma pprovdew l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħhom billi inkludew il-Mexphalte C, l-uniku bitum speċjali li, fl-opinjoni tagħhom, jista’ jkun marbut mal-kostruzzjoni tat-toroq, billi madankollu ppreċiżaw li dan il-prodott ma jikkostitwixxix fih innifsu s-suġġett tal-akkordju. Minkejja li din il-formolazzjoni tikkomporta ċerta ambigwità u li r-rikorrenti ma pprovdew l-ebda element probatorju insostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet, huwa paċifiku li huma indikaw lill-Kummissjoni li kienu jqisu li d-dħul mill-bejgħ tal-Mexphalte C ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa tagħhom. Fin-nuqqas ta’ talba għal informazzjoni komplementari indirizzata mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fuq dan il-punt, ma jidhirx, f’dan il-każ, li r-rikorrenti naqsu mill-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali matul il-proċedura amministrattiva billi ma pprovdewx id-dokumenti deskritti fil-punti 121 u 122 iktar ’il fuq, minkejja li dawn setgħu ġew prodotti f’din l-okkażjoni. |
127 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti naqsu mill-obbligu tagħhom ta’ kollaborazzjoni li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. |
128 |
Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tul tal-ksur
L-argumenti tal-partijiet
129 |
Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt billi qieset li l-ksur kien beda fl-1 ta’ April 1994. Din l-affermazzjoni tistrieħ biss fuq żewġ noti interni ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu u t-8 ta’ Lulju 1994, li madankollu ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ ftehimiet fuq il-prezzijiet bejn il-fornituri. Skont huma, il-kuntratti ma’ KWS li għalihom jirreferu dawn in-noti kienu għalhekk purament bilaterali. Għas-sena 1995, il-Kummissjoni saħansitra rrikonoxxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kellha ebda prova ta’ kuntatti antikompetittivi bejn il-fornituri. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-akkordju beda matul l-ewwel laqgħa antikompetittiva, li nżammet fid-19 ta’ Frar 1996. Huma jfakkru li, fi kwalunkwe każ, id-dubju għandu jiffavorixxi lilhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II-897, punt 115). |
130 |
Il-Kummissjoni tqis li hija ma wettqet ebda żball ta’ fatt billi qieset li l-ksur kien beda fl-1 ta’ April 1994 u kompla fl-1995. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
131 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu wettqu ksur fit-tul, billi dan kien ogħla minn ħames snin, u kellu tul totali ta’ tmien snin, mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, fejn b’hekk l-ammont tat-tul kellu jiżdied bi 80 % (premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata). |
132 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni użat numru ta’ provi konkordanti sabiex tikkunsidra li l-akkordju kien beda mill-1994 (premessi 93 sa 99 u 175 sa 178 tad-deċiżjoni kkontestata). |
133 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni b’hekk ibbażat ruħha fuq iż-żewġ noti interni ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu u t-8 ta’ Lulju 1994, li jistabbilixxi t-tħabbir minn Shell tal-iffissar tal-prezz tal-bitum tal-1 ta’ April 1994 sal-1 ta’ Jannar 1995, bi tnaqqis massimu lill-W5 (u tnaqqis inqas importanti lill-kostrutturi ż-żgħar), u tal-eżistenza ta’ ftehimiet fuq il-prezzijiet konklużi bejn il-kumpanniji taż-żejt u l-W5 saħansitra qabel ix-xahar ta’ Marzu 1994. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn iż-żewġ noti ma jippermettux li jiġu stabbiliti l-kuntatti purament bilaterali bejn Shell u KWS, iżda jistabbilixxu, b’mod inekwivoku, l-eżistenza ta’ ftehimiet bejn il-fornituri u l-W5. |
134 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq iż-żewġ noti interni ta’ SNV tas-6 u tad-9 ta’ Frar 1995. In-nota tas-6 ta’ Frar 1995, li tagħmel deskrizzjoni storika tal-iżvilupp tas-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, tistabbilixxi b’mod partikolari l-“oriġini tal-kartell” sa mill-1980, tas-sehem ta’ responsabbiltà li jappartjeni kemm lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lill-kostrutturi u lill-fornituri fit-tfassil ta’ ċertu ftehimiet, tat-tneħħija tal-akkordju fil-forma inizjali tiegħu fl-1993 u tal-fatt li l-kostrutturi rrikjedew stabbiltà ikbar tal-prezzijiet fl-1995, sabiex il-volumi u t-tqassim tas-swieq jerġgħu jsibu approssimativament il-livell tagħhom tal-1993. In-nota tad-9 ta’ Frar 1995 issemmi tentattiv min-naħa ta’ SNV li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mill-1992, li madankollu ma tatx ir-riżultati xierqa, kif ukoll il-konklużjoni ta’ ftehimiet fuq il-prezzijiet bejn il-W5 u l-fornituri, b’deteriment tal-kontraenti u tal-impriżi li ma jappartjenux lill-W5. Din in-nota ssemmi l-possibbiltajiet differenti li jistgħu jippermettu lil SNV tirtira minn dan l-akkordju, filwaqt li tenfasizza d-diffikultajiet inerenti għal tali għażla. Id-dikjarazzjoni ta’ impjegat ta’ Kuwait Petroleum tad-9 ta’ Ottubru 2003 tippermetti wkoll li jiġi kkonfermat li l-ftehimiet bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar kienu diġà jeżistu mal-wasla ta’ dan l-impjegat fi ħdan id-diviżjoni “Bitum” ta’ din il-kumpannijia f’Marzu u f’April 1994. Fl-aħħar nett, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-impriża tal-10 ta’ Ottubru 2003, SNV stess indikat li, wara l-1993, il-kostrutturi l-kbar kienu sabu metodu ieħor sabiex jevitaw il-perturbazzjonijiet tas-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq, billi jorganizzaw laqgħat mal-fornituri (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata). |
135 |
Fit-tielet lok, numru ta’ dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni jippermettu li jiġi kkonfermat li s-sistema ta’ tnaqqis u ta’ sanzjonijiet kienet topera fl-1995. B’hekk il-Kummissjoni ssekwestrat nota interna ta’ HBG tas-7 ta’ Lulju 1995, li tindika li Kuwait Petroleum Nederland BV (iktar ’il quddiem “KPN”) u Wintershall AG kienu joffru tnaqqis supplimentari lil HBG, u rapport intern ta’ Wintershall tal-4 ta’ Marzu 1996, dwar laqgħa mal-kumpannija Heijmans, li ssemmi l-ammont tat-tnaqqis dovut lil din il-kumpannija (premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, dan l-istess rapport ta’ Wintershall jindika li, fl-1995, hija kienet ikkonstatat li l-fornituri kienu taw tnaqqis indebitu lill-kostrutturi ż-żgħar (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata). |
136 |
Fir-raba’ lok, ir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-20 ta’ Mejju 2005 tindika wkoll li l-ftehimiet bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar kienu jeżistu sa mill-1993 (premessi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata). |
137 |
Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, it-talbiet ta’ tliet impriżi intiżi sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jippermettu li jiġi kkonfermat li l-ftehimiet kienu jeżistu mill-inqas sa mill-1 ta’ April 1994. Dawn jirrigwardaw id-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tad-9 ta’ Ottubru 2003, ir-risposta tal-impriża Nynas tat-2 ta’ Ottubru 2003 għal talba għal informazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ BP tat-12 ta’ Lulju 2002. |
138 |
Fir-rigward tas-sena 1995, għandu jiġi ppreċiżat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni assolutament ma rrikonoxxietx li hija ma kellha ebda prova ta’ kuntatti antikompetittivi bejn il-fornituri, iżda biss li hija ma kellhiex provi dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda fl-1995 u lanqas li l-ftehimiet preċedenti kienu ntemmew dik is-sena, u li hija għalhekk kienet ikkonkludiet li l-ftehimiet stabbiliti fl-1994 kienu baqgħu fis-seħħ fl-1995 (premessi 98 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata). |
139 |
B’hekk minn dawn il-provi konkordanti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra u pprovat suffiċjentement skont il-liġi li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti kien beda fl-1 ta’ April 1994. Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi aggravanti
140 |
Qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li l-qorti tal-Unjoni tqis li huwa neċessarju, waqt l-eżami tar-rwol ta’ impriża fi ksur, li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ mexxej u dak ta’ promotur ta’ ksur u li jsiru żewġ analiżi separati sabiex jiġi vverifikat jekk hija kellhiex rwol jew ieħor. Fil-fatt, filwaqt li r-rwol ta’ promotur jikkonċerna l-mument meta jiġi stabbilit jew jitkabbar akkordju, ir-rwol ta’ mexxej jikkonċerna l-funzjonament tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 316). |
Fuq ir-rwol ta’ promotur ta’ SNV
L-argumenti tal-partijiet
141 |
Ir-rikorrenti jqisu li, billi attribwixxiet lil SNV, flimkien ma’ KWS, ir-rwol ta’ promotur tal-akkordju, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li jiġġustifikaw l-annullament, sħiħ jew parzjali, taż-żieda ta’ 50 % fil-multa li ġiet imposta fuqhom. |
142 |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-qorti tal-Unjoni tagħmel distinzjoni bejn ir-rwolijiet ta’ promotur u ta’ mexxej u li, għalkemm il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-provi huma insuffiċjenti fir-rigward ta’ wieħed miż-żewġ rwoli, hija madankollu tista’ xorta waħda żżomm iż-żieda ta’ 50 % fl-ammont tal-multa (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 342 sa 349). Fir-rigward tal-attribuzzjoni tar-rwol ta’ promotur lil SNV, il-Kummissjoni tindika li bbażat ruħha fuq il-fatt, minn naħa, li SNV kienet ipproponiet lil KWS li twettaq tnaqqis speċifiku għall-kostrutturi l-kbar, fejn b’hekk tinterpreta rwol fit-tfassil tal-akkordju, u, min-naħa l-oħra, li SNV kienet ipprovat tipperswadi lil ExxonMobil tidħol fl-akkordju. Il-Kummissjoni użat tliet provi konkordanti, jiġifieri silta minn rapport intern ta’ Wintershall tal-1992, żewġ elementi mir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, fl-aħħar nett, żewġ noti interni ta’ ExxonMobil tal-1993. Fl-aħħar nett hija tfakkar li l-qorti tal-Unjoni ma timponilhiex li jkollha fil-pussess tagħha elementi li jikkonċernaw l-elaborazzjoni jew il-konċepiment tad-dettalji tal-akkordju sabiex tistabbilixxi r-rwol ta’ promotur ta’ impriża (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 578, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 321). |
– Fuq il-proposta magħmula lil KWS ta’ skont speċjali lill-W5
143 |
Sabiex tistabbilixxi li SNV kienet responsabbli għall-akkordju, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq xhieda ta’ wieħed mill-impjegati ta’ KWS, mogħtija fir-risposta minn din tal-aħħar għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tindika li SNV kienet ipproponiet għall-ewwel darba fl-1993 li l-fornituri jagħtu skont speċjali lill-W5. Madankollu, wara t-trażmissjoni ta’ din ix-xhieda lil SNV, id-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ din tal-aħħar kien għamel, fit-22 ta’ Novembru 2006, dikjarazzjoni ġuramentata li tikkontesta din l-affermazzjoni, fejn kien ġie indikat b’mod partikolari li l-W5, li diġà kienet irrikjediet skontijiet preferenzjali meta kienet ħadet il-post tagħha fl-1992, kienet il-ħsieb wara dawn l-iskontijiet preferenzjali. |
144 |
Preliminarjament, il-Kummissjoni tqajjem kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-dikjarazzjoni, li ma tistax, fl-opinjoni tagħha, tikkostitwixxi prova valida. Ir-rikorrenti jispeċifikaw li d-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV ma nstemax mill-Kummissjoni wara l-introduzzjoni tat-talba ta’ SNV intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, peress li l-Kummissjoni kienet indikatilha li dan is-smigħ kien neċessarju biss sa fejn din il-persuna kienet f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni komplementari, liema fatt ma kienx il-każ. B’hekk, minkejja li hija nżammet għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma qisitx li kien utli li tismagħha matul il-proċedura amministrattiva. |
145 |
Barra minn hekk ir-rikorrenti jqisu li d-dikjarazzjoni ta’ KWS ma tantx hija affidabbli u jfakkru li hija ġiet ikkontestata mid-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV u li din ma hija kkorroborata minn ebda prova oħra. Barra minn hekk huma jqisu li l-Kummissjoni marret kontra d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u għal investigazzjoni imparzjali billi ma vverifikatx il-kredibbiltà tal-affermazzjonijiet ta’ KWS u billi l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u ta’ liġi u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi qieset li din id-dikjarazzjoni ta’ KWS kienet tippermetti li jiġi stabbilit li SNV kienet il-promotur tal-akkordju. |
146 |
Skont il-Kummissjoni, minn naħa, mill-fajl tagħha ma jirriżultax li KWS kienet l-unika li ħadet l-inizjattiva sabiex isir l-akkordju u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li SNV ħadet l-inizjattiva li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha f’ftehimiet antikompetittivi preċedenti. Bil-kontra, il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ gruppi ta’ impriżi kellhom interess ekonomiku għall-funzjonament tas-suq, wieħed fuq in-naħa tal-offerta, mal-fornituri, u l-ieħor fuq in-naħa tad-domanda, mal-kostrutturi. B’hekk il-fornituri kellhom interess fl-akkordju, peress li huwa kien jiggarantilhom iż-żieda u l-istabbiltà tal-prezzijiet u kien jippermettilhom jipprevjenu l-wasla ta’ fornitur ġdid fis-suq, li seta’ jipproponi prezzijiet inferjuri, b’mod individwali, lill-kostrutturi u b’hekk inaqqas l-ishma tagħhom mis-suq. |
147 |
Sabiex jiġi stabbilit li SNV kellha rwol ta’ promotur, billi pproponiet lil KWS tagħti skont speċjali lill-W5, il-Kummissjoni indikat li straħet, hekk kif tippermettilha l-qorti tal-Unjoni, fuq numru ta’ dokumenti kontemporanji u posterjuri għall-akkordju, li jikkorroboraw l-elementi li jinsabu fir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré vs Il-Kummissjoni, T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02 u T-126/02, T-128/02 u T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, punt 563). Hija ħadet ukoll inkunsiderazzjoni, minn naħa, ir-rapport intern ta’ Wintershall tal-20 ta’ Frar 1992, li jsemmi kuntatti bejn SNV u KWS, fejn SNV kienet inkarigata milli tagħmel proposti ta’ kooperazzjoni futura bejn il-fornituri u l-W5, u, min-naħa l-oħra, nota interna ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu 1994, dwar il-komunikazzjoni minn SNV tal-prezzijiet u l-iskontijiet miftiehma. |
148 |
Il-fatt li elementi oħra jippermettu li tiġi kkorroborata x-xhieda ta’ KWS jispjega wkoll id-differenza fit-trattament li l-Kummissjoni rriżervat lil ExxonMobil meta din tal-aħħar ġiet involuta minn kumpanniji oħra. |
– Fuq it-tentattivi sabiex ExxonMobil tiġi persważa tingħaqad mal-akkordju
149 |
Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha biss fuq iż-żewġ noti interni ta’ ExxonMobil sabiex tistabbilixxi li SNV ipprovat tipperswadiha tingħaqad mal-akkordju u li b’hekk kellha rwol ta’ promotur. |
150 |
Skont il-Kummissjoni, iż-żewġ noti interni ta’ ExxonMobil huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li SNV ipprovat tipperswadiha tingħaqad mal-akkordju u li għalhekk, hija kellha r-rwol ta’ provokatur. Qabel kollox hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, impriża li ssuġġeriet lil oħra l-opportunità ta’ kollużjoni jew li pprovat tikkonvinċiha tingħaqad fiha tista’ tiġi kkwalifikata bħala provokatur tal-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 321). Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-fatt li msieħeb kummerċjali jinforma lill-ieħor dwar il-prezzijiet li għandu l-intenzjoni japplika fil-konfront tal-klijenti tiegħu huwa illegali. Barra minn hekk, hija tispeċifika li dan ma kienx jirrigwarda inċident wieħed, peress li d-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV ikkuntattja lil ExxonMobil f’Marzu 1993 u f’Marzu 1994, u li l-fatt, jekk jitqies li dan ġie stabbilit, li l-akkordju kien għadu ma ġiex implementat huwa mingħajr effett fuq il-kwalifika ta’ provokatur. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li fornituri oħra kellhom kuntatt ma’ ExxonMobil, dan ma ġiex stabbilit b’mod suffiċjenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
151 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li SNV, fi ħdan il-grupp tal-fornituri, u KWS, fi ħdan il-W5, kellhom responsabbiltà partikolari minħabba r-rwol rispettiv tagħhom ta’ provokatur tal-akkordju (premessa 342). Hija qieset li ż-żewġ elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li SNV kellha rwol ta’ provokatur fl-akkordju: minn naħa, SNV pproponiet lil KWS tagħti tnaqqis speċifiku lill-W5, fejn b’hekk kellha rwol fit-tfassil tal-akkordju, u, min-naħa l-oħra, SNV ippruvat tipperswadi lil ExxonMobil sabiex tingħaqad mal-akkordju. Għalhekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet provi li hija tqis li huma konkordanti: silta minn rapport intern ta’ Wintershall tat-18 ta’ Frar 1992, li tindika, minn naħa, li KWS informatha li hija kienet ikkuntattjat lil SNV sabiex titlobha tagħmel proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5 u, min-naħa l-oħra, li SNV kienet għalhekk ipproponitilha offerta ta’ tnaqqis speċjali għall-W5 fl-1993, żewġ elementi tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jikkonfermaw li dawn l-inizjattivi ta’ SNV kienu taw lok għall-akkordju, u, fl-aħħar nett, noti interni ta’ ExxonMobil relatati mat-tentattiv ta’ SNV li tħajjarha tingħaqad fl-akkordju. |
– Prinċipji ġenerali relatati mar-rwol ta’ provokatur
152 |
Meta jitwettaq ksur minn numru ta’ impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 92), liema fatt jimplika, b’mod partikolari, li għandhom jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur matul il-parteċipazzjoni tagħhom fih (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 150, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T-6/89, Ġabra p. II-1623, punt 264). |
153 |
Jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ provokatur jew ta’ mexxej ta’ impriża jew ta’ numru ta’ impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, inkwantu l-impriżi li kellhom tali rwol għandhom, minħabba f’hekk, iġorru responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 291, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, imsejħa “Tokai I”, punt 301). |
154 |
B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi jistabbilixxi, taħt l-intestatura ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda tal-ammont bażiku tal-multa u li tinkludi, b’mod partikolari, ir-“rwol ta’ mexxej, jew provokatur tal-ksur” (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 280 sa 282). |
155 |
Għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi kkwalifikata bħala provokatur ta’ akkordju, impriża għandha tkun imbuttat jew inkoraġġiet impriżi oħra sabiex jiġi stabbilit l-akkordju jew sabiex jingħaqdu miegħu. Min-naħa l-oħra, ma huwiex biżżejjed li wieħed sempliċement jirriżulta fost il-membri fundaturi tal-akkordju. Din il-kwalifika għandha tiġi riżervata għall-impriża li, jekk ikun il-każ, tkun ħadet l-inizjattiva, pereżempju billi tissuġġerixxi lill-oħra l-opportunità ta’ kollużjoni jew billi tipprova tikkonvinċiha tipproċedi fiha (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 321). Madankollu l-qorti tal-Unjoni ma timponix lill-Kummissjoni ikollha fil-pussess tagħha l-informazzjoni relatata mal-elaborazzjoni jew mal-ippjanar tad-dettalji tal-akkordju. Fl-aħħar nett, hija ppreċiżat li r-rwol ta’ provokatur kien jikkonċerna l-mument tal-istabbiliment jew tat-tkabbir ta’ akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 316), liema fatt jippermetti li jitqies li numru ta’ impriżi jistgħu simultanjament ikollhom rwol ta’ provokatur fi ħdan akkordju. |
156 |
Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, il-fatt li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq ġrajja unika sabiex tistabbilixxi li impriża kellha rwol ta’ provokatur f’akkordju, bil-kundizzjoni li dan l-element uniku jippermetti li jiġi stabbilit b’mod ċert li din l-impriża mbuttat jew inkoraġġiet lil impriżi oħra jistabbilixxu l-akkordju jew jingħaqdu miegħu. Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, peress li l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha fis-suġġett jistgħu jiġu evalwati biss abbażi ta’ regoli imposti fuqha, fosthom, b’mod partikolari, ir-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004 u l-Linji Gwida, hekk kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni (ara l-punt 90 iktar ’il fuq). Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta biss mill-punt 350 tas-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, li impriża ma tistax tipprova timminimizza r-rwol tagħha ta’ mexxej ta’ ksur billi timputah lil impriża oħra, ġaladarba din tal-aħħar tkun ħadet darba biss l-inizjattiva li tħabbar żieda fil-prezz deċiż fi ħdan l-akkordju, meta jkun paċifiku li hija stess kienet ħabbret dawn iż-żidiet fil-prezzijiet numru ta’ drabi. |
157 |
Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 342) jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq ir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tqis li SNV kellha rwol ta’ provokatur f’dan l-akkordju, iżda użat ukoll silta minn rapport intern ta’ Wintershall, tat-18 ta’ Frar 1992, li tindika li KWS informatha li hija kienet ikkuntattjat lil SNV sabiex titlobha tagħmel proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5, u li b’hekk SNV kienet għamlitilha offerta ta’ tnaqqis speċjali għall-W5 fl-1993, kif ukoll noti interni ta’ ExxonMobil relatati mat-tentattiv ta’ SNV li tipprovokaha sabiex tingħaqad mal-akkordju. |
158 |
Fir-rigward tal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk il-Kummissjoni pproduċietx provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li SNV kellha rwol ta’ provokatur fl-akkordju. |
– Ammissibbiltà tax-xhieda pprovduta mir-rikorrenti
159 |
Qabel kollox, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni tad-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV, magħmula fit-22 ta’ Novembru 2006, li tindika li kienet biss il-W5 li kienet responsabbli għall-akkordju. Fil-fatt il-Kummissjoni tqis li, wara t-talba magħmula minn SNV fl-10 ta’ Ottubru 2003, intiża sabiex tibbenefika mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li kienet tikkomporta dikjarazzjoni ta’ impjegat tagħha, hija kienet xtaqet tisma’ lil dan tal-aħħar, iżda SNV kienet opponiet dan is-smigħ, u d-dikjarazzjoni tal-2006 kienet tikkostitwixxi abbuż tal-proċedura ta’ smigħ ta’ xhieda prevista mir-Regoli tal-Proċedura u ma setgħetx, għalhekk, tikkostitwixxi prova valida (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ April 2004, M vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-172/01, Ġabra p. II-1075, punt 94). |
160 |
Madankollu għandu jiġi enfasizzat li din is-sentenza tippreċiża biss li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn xhieda miġbura mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura ta’ smigħ prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 68 sa 76 tar-Regoli tal-Proċedura u xhieda miġbura f’kuntest ieħor, li tikkostitwixxi biss produzzjoni ta’ prova. Il-Qorti Ġenerali hija wara kollox libera tevalwa mingħajr restrizzjoni l-valur li għandu jiġi attribwit lill-punti ta’ fatt u lill-provi differenti sottomessi lilha jew li setgħet ġabret hija stess (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-20 ta’ Ottubru 2004, Ripa di Meana vs Il-Parlament, C-360/02 P, Ġabra p. I-10339, punt 28). Ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lil rikorrenti tissottometti produzzjoni ta’ prova quddiem il-Qorti Ġenerali meta hija ma tkunx ipproduċietha waqt il-proċedura amministrattiva. Madankollu, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu dan il-fatt inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tas-saħħa probatorja ta’ din il-produzzjoni ta’ prova. Għalhekk id-dikjarazzjoni inkwistjoni għandha titqies li hija ammissibbli. |
161 |
Fir-rigward tas-saħħa probatorja ta’ din ix-xhieda ppreżentata mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi, bl-eċċezzjoni tad-derogi previsti mir-Regoli tal-Proċedura msemmija iktar ’il fuq, u li l-uniku kriterju biex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (konklużjonijet tal-Imħallef Vesterdorf fil-kapaċità tiegħu bħala Avukat Ġenerali għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, II-869). F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li tiġi vverifikata l-verità tal-informazzjoni li tinsab ġo fiha. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-orġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tiegħu, id-destinatarju tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa sensat u affidabbli (sentenza Ciments, punt 77 iktar ’il fuq, punt 1838). Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex il-possibbiltà li timponi s-smigħ ta’ persuni bħala xhieda taħt ġurament, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jippermettulha tiġbor id-dikjarazzjonijiet ta’ kull persuna li taċċetta li tiġi interrogata. |
162 |
F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, wara t-talba magħmula minn SNV fl-10 ta’ Ottubru 2003, intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li kienet tikkomporta dikjarazzjoni tad-direttur tal-bejgħ ta’ bitum tagħha, il-Kummissjoni staqsiet lil SNV jekk din il-persuna kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni komplementari meta mqabbla ma’ dik li tinsab f’din id-dikjarazzjoni, f’liema kuntest SNV wieġbet fin-negattiv, filwaqt li indikat li l-Kummissjoni madankollu setgħet tismagħha li kieku hija kellha tqis li dan kien neċessarju. Għalkemm huwa minnu li, madankollu l-Kummissjoni ma talbitx li tisma’ din il-persuna, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-24 ta’ Settembru 2003 magħmula fil-kuntest tat-talba ta’ SNV sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, din il-persuna impjegata ta’ SNV kienet indikat li l-W5 xtaqet issir taf il-prezz gross ta’ SNV bħala bażi ta’ kalkolu sabiex tipproċedi sabiex twettaq żidiet fil-prezz uniformi fis-suq kollu u li kienet inkarigata tikkuntattja lil KWS hekk kif il-ħtieġa ta’ laqgħa ta’ ftehim fuq il-bitum kienet tirriżulta neċessarja, meta, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-2006, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija ċaħdet li pproponiet l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ tnaqqis speċifika għall-W5 u li ftehmet mal-fornituri l-oħra. B’hekk, għandu jiġi konkluż li dawn l-elementi jnaqqsu s-saħħa probatorja u, konsegwentement, il-kredibbiltà tax-xhieda ppreżentata mir-rikorrenti. |
– Fuq it-tnaqqis speċifiku mogħti lill-W5
163 |
Qabel kollox ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex koerenti li jiġi kkunsidrat li l-fornituri seta’ kellhom interess għall-istabbiliment ta’ tali akkordju, liema fatt jippermetti li jiġi stabbilit li kienu biss il-kostrutturi li ħadu l-inizjattiva sabiex jiġi fis-seħħ. Huma jippreċiżaw li huma biss dawn tal-aħħar li kienu implementaw miżuri ta’ ritorsjoni kontra fornituri li ma josservawx it-termini tal-ftehimiet. |
164 |
Madankollu mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 146 sa 154) jirriżulta li ż-żewġ gruppi ta’ impriżi kellhom interess ekonomiku għall-funzjonament tal-akkordju, peress li fornituri, min-naħa tal-offerta, għandhom il-vantaġġ li jiggarantixxu ż-żieda fil-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom (peress li anki wara t-tnaqqis għall-W5, dawn kienu jinsabu fuq livell ogħla minn dawk tal-pajjiżi ġirien) kif ukoll l-istabbiltà tagħhom, filwaqt li jipprevjenu d-dħul ta’ fornitur ġdid fis-suq li seta’ ppropona prezzijiet inferjuri, b’mod individwali, lill-kostrutturi. Barra minn hekk, l-argument dwar in-nuqqas ta’ interess għall-fornituri li jipproponu tnaqqis preferenzjali lill-W5 jista’ jiġi eskluż, ġalabarba, bħal ma indikat ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 149), iż-żidiet fil-prezz gross issuġġeriti mill-fornituri ġew aċċettati mill-kostrutturi l-kbar biss taħt il-kundizzjoni li jiġu assoċjati ma’ żieda fit-tnaqqis mogħti lill-W5. |
165 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li SNV ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-provokatur tal-akkordju meta hija pprovat ittemm l-akkordju fl-1993. Madankollu din l-affermazzjoni ma tistrieħx fuq provi konvinċenti biżżejjed. Fil-fatt, in-nota interna tas-6 ta’ Frar 1995 li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti tindika biss tentattiv wieħed min-naħa ta’ SNV li ttemm akkordju, min-naħa tal-bejgħ, fl-1993, iżda ma jidhirx li rnexxa, u ssemmi, barra minn hekk, li SNV u ExxonMobil kienu wara dan l-istess akkordju (u mhux wara l-waqfien tiegħu) min-naħa tal-offerta. |
166 |
Barra minn hekk ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq ir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tqis li SNV kienet għamlet proposti ta’ tnaqqis speċifiku lill-W5 u li x-xhieda tal-impjegat ta’ KWS li tinsab f’dan id-dokument kellha biss valur probatorju limitat ħafna, peress li kien ġie pprovdut fil-kuntest tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kien jiddeskrivi lil KWS bħala provokatur tal-kartell, u għaldaqstant kien intiż biss sabiex jattribwixxi r-rwol ta’ provokatur lil kumpannija oħra. Fil-fehma tagħhom, jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din ix-xhieda saret tnax-il sena wara l-fatti kontenzjużi u li r-risposta ta’ KWS kienet, b’mod ġenerali, ftit kredibbli, peress li kienet tikkomporta bosta ineżattezzi. Madankollu għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq dan id-dokument biss sabiex tistabbilixxi li SNV kienet wettqet proposti ta’ skontijiet speċifiċi għall-W5. L-interpretazzjoni tal-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti, fil-fatt, li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset li SNV kellha r-rwol ta’ provokatur tal-akkordju fi ħdan il-fornituri billi straħet fuq ħames dokumenti, jiġifieri n-nota interna ta’ Wintershall, ir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, in-nota interna ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu 1994 (b’riferiment għall-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll iż-żewġ dokumenti ta’ ExxonMobil relatati mat-tentattivi ta’ SNV li tikkonvinċihom jingħaqdu mal-akkordju. |
167 |
Uħud minn dawn il-provi għalhekk jindikaw li SNV għamlet proposti ta’ tnaqqis speċifiċi għall-W5. Minn naħa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-rapport intern ta’ Wintershall tat-18 ta’ Frar 1992, redatt wara żjara ta’ KWS, li jsemmi kuntatti bejnha u bejn SNV, fejn SNV kienet inkarigata, bħala “marketleader”, sabiex twettaq proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5, li jikkorrispondu għal monopolju ta’ xiri. Min-naħa l-oħra, hija użat in-nota interna ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu 1994, li tikkonstata l-komunikazzjoni min-naħa ta’ SNV lill-fornituri l-oħra, ta’ prezzijiet tal-bitum u tat-tnaqqis miftiehem mal-W5. Għalkemm dan l-ewwel dokument jippermetti li tiġi kkonfermata s-silta tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fiha hija sostniet li SNV kienet wettqet proposti ta’ tnaqqis speċifiku għall-W5, it-tieni wieħed madankollu jippermetti biss li jiġi indikat li SNV nnegozjat mal-W5 u li hija ttrażmettiet ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati lil HBG. Għaldaqstant dawn il-provi ma jippermettux, waħedhom, li jiġi stabbilit li SNV kienet responsabbli għall-istabbiliment ta’ tnaqqis supplimentari għall-W5. Fil-fatt, tirriżulta inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk SNV ħaditx din l-inizjattiva b’mod spontanju jew jekk hija pproċedietx fuq talba ta’ KWS, bħal ma tagħti x’tifhem in-nota ta’ Wintershall tal-1992. |
168 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat din is-silta tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma tippermettix li jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li SNV kellha rwol ta’ kelliem tal-fornituri, u li b’hekk hija wettqet żball ta’ liġi, żball ta’ fatt u mmotivat insuffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, f’dan id-dokument, KWS tindika b’mod ċar li, fl-1993, SNV, bl-għajnuna ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, informatha dwar proposta ta’ prezzijiet kif ukoll, għall-ewwel darba, proposta ta’ tnaqqis speċjali għall-W5 f’isem il-fornituri. |
169 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni marret kontra d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u għal investigazzjoni imparzjali, ġaladarba, wara d-dikjarazzjoni tal-impjegat tagħhom tat-12 ta’ Ġunju 2006 li tqiegħed inkwistjoni l-allegazzjonijiet ta’ KWS, hija jmissha vverifikat il-kredibbiltà tagħhom, bħal ma għamlet meta d-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum u ta’ Nynas dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju tqiegħdu inkwistjoni minn impriżi oħra waqt is-smigħ. |
170 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li magħha jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 404). |
171 |
Madankollu huwa neċessarju li jiġi speċifikat li la r-Regolament Nru 1/2003, la r-Regolament Nru 773/20024, u l-ebda test ieħor ma jimponu lill-Kummissjoni twettaq smigħ ġdid jew tibgħat talbiet għal informazzjoni ġodda meta l-affermazzjonijiet ta’ impriża jitqiegħdu inkwistjoni minn impriża oħra matul il-proċedura amministrattiva. L-unika restrizzjoni li għaliha hija suġġetta l-Kummissjoni hija dik tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża meta jkunu qed jiżvolġu l-proċeduri, imfakkar mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-qorti tal-Unjoni għalhekk diġà fakkret li l-Kummissjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interess li seta’ jippreżenta smigħ ta’ persuni li x-xhieda tagħhom jista’ jkollha importanza għall-istruzzjoni tal-fajl (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 18; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T-86/95, Ġabra p. II-1011, punt 468, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 383), peress li l-garanzija tad-drittijiet tad-difiża ma tirrikjedix li l-Kummissjoni tipproċedi sabiex tisma’ x-xhieda indikati mill-partijiet ikkonċernati, meta tqis li l-istruzzjoni tal-kawża kienet suffiċjenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1984, Eisen und Metall vs Il-Kummissjoni, 9/83, Ġabra p. 2071, punt 32, u s-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 383). Bl-istess mod, meta t-testi leġiżlattivi u l-komunikazzjonijiet tagħha jagħtuha l-possibbiltà li tagħżel minn fost numru ta’ tipo ta’ elementi jew approċċi li jistgħu jkunu teoretikament rilevanti, il-Kummissjoni żżomm libertà ta’ azzjoni kbira (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T-210/01, Ġabra p. II-5575, punt 519). |
172 |
Il-Kummissjoni rrispondiet dan l-argument tar-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux itrattati b’mod differenti, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1990, Wuidart et, C-267/88 sa C-285/88, Ġabra p. I-435, punt 13). Huwa minnu li, mingħajr ma jirreferu għal dan il-prinċipju, ir-rikorrenti esponew il-fatt li l-Kummissjoni kienet tathom trattament differenti minn dak irriżervat lil Kuwait Petroleum u lil Nynas, fejn id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju kienu tqiegħdu inkwistjoni minn impriżi oħra waqt is-smigħ u kienet reġgħet għamlet kuntatt magħhom f’dan ir-rigward. Bħal ma tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ impriżi kienet differenti minn dik ta’ SNV. Fil-fatt, il-Kummissjoni bagħtet lil Kuwait Petroleum u lil Nynas talba għal informazzjoni komplementari fuq dan il-punt wara s-smigħ, fejn dawn iż-żewġ impriżi ma kinux f’pożizzjoni, wara s-smigħ, li jirreaġġixxu għall-affermazzjonijiet ta’ numru ta’ impriżi oħra li qegħdu inkwistjoni l-verità tad-dikjarazzjonijiet tagħhom relatati ma’ ExxonMobil. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ SNV, il-Kummissjoni qieset li, peress li elementi oħra dwar ir-rwol ta’ SNV fl-akkordju jikkorroboraw dawk li jinsabu fir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma kienx neċessarju li tadotta miżuri partikolari wara li rċeviet id-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ SNV tat-12 ta’ Ġunju 2006, li tqiegħed inkwistjoni l-allegazzjonijiet ta’ KWS. Għalhekk, il-Kummissjoni ma marritx kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali f’dan il-każ. |
173 |
Fl-aħħar nett, sussidjarjament u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li ksur tad-drittijiet tad-difiża jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk, fin-nuqqas ta’ dan il-ksur, kienet teżisti possibbiltà – anki minima – li r-rikorrenti setgħu jwasslu l-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punt 56, u Ciments, punt 77 iktar ’il fuq, punt 383). Issa, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element f’dan is-sens. |
174 |
Fl-aħħar nett, għalkemm il-provi użati mill-Kummissjoni jippermettu li jiġi kkunsidrat li SNV għamlet proposti ta’ tnaqqis speċifikament lill-W5, madankollu dawn ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jiġi stabbilit li hija kienet responsabbli għall-istabbiliment ta’ tali tnaqqis jew li hija pproċediet f’dan is-sens fuq talba ta’ KWS. Għalhekk, sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ provokatur ta’ SNV fl-akkordju, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-provi dwar it-tentattivi ta’ SNV intiżi sabiex tipperswadi lil impriżi oħra jingħaqdu mal-akkordju. |
– Fuq it-tentattivi sabiex ExxonMobil tiġi persważa tingħaqad mal-akkordju
175 |
It-tentattiv ta’ SNV li tinkoraġġixxi lil ExxonMobil tingħaqad mal-akkordju jikkostitwixxi t-tieni element li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni, sabiex tikkunsidra li SNV kienet responsabbli għall-akkordju. Sabiex tistabbilixxi dan il-fatt, il-Kummissjoni użat dokumenti interni ta’ ExxonMobil relatati ma’ żewġ inċidenti. |
176 |
Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li wieħed minn dawn id-dokumenti, tal-11 ta’ April 2004, ma ġiex iċċitat espressament la mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda madankollu kien jagħmel parti mill-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, li għalih kellhom aċċess ir-rikorrenti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li, konsegwentement, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C-297/98 P, Ġabra p. I-10101, punt 55, u s-sentenza Tokai I, punt 153 iktar ’il fuq, punt 165, u, għal applikazzjoni li tikkonċerna r-rwol ta’ mexxej, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 354). |
177 |
L-ewwel serje ta’ dokumenti tikkonċerna, minn naħa, laqgħa li seħħet fit-22 ta’ Marzu 1993 bejn iż-żewġ kumpanniji, li fil-kuntest tagħha r-rappreżentant ta’ SNV semma, b’mod inċidentali, iż-żieda fil-prezz tal-bitum prevista għall-1 ta’ April 1993, u li fir-rigward ta’ dan ExxonMobil iddikjarat li ma għamlet ebda reazzjoni, u, min-naħa l-oħra, telefonata ta’ dan l-istess impjegat ta’ SNV, fl-istess jum, lejn ir-residenza tal-impjegat ta’ ExxonMobil, li kienet tinformah mill-ġdid dwar l-intenzjoni ta’ SNV li jiżdiedu l-prezzijiet fl-1 ta’ April 1993, bil-għan li “tinkiser is-sistema ta’ prezzijiet tal-CROW”, u li għaliha dan l-impjegat irreaġixxa billi indikalu jieqaf jittrażmettilu informazzjoni marbuta ma’ prattiki antikompetittivi. |
178 |
Għalkemm dawn iż-żewġ elementi jippermettu li jiġi kkunsidrat li impjegat ta’ SNV irrefera għal prattiki antikompetittivi dwar żieda miftiehema tal-prezz tal-bitum fl-1993, madankollu għandu jiġi enfasizzat li jeżisti dubju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn jikkonċernawx l-akkordju inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jidher li l-proposti magħmula minn SNV kienu intiżi sabiex jitfarrak il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-CROW, meta, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-membri tal-W5 kellhom interess qawwi sabiex dan il-mekkaniżmu jinżamm (premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni fl-aħħar nett qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li ExxonMobil ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju inkwistjoni. |
179 |
It-tieni serje ta’ dokumenti tikkonċerna s-sena 1994. Nota tat-28 ta’ Marzu 1994 issemmi telefonata ta’ impjegat ta’ SNV li ppreżenta ruħu bħala persuna inkarigata mill-kwistjonijiet relatati mal-bitum u ppropona lil ExxonMobil sabiex tiġi organizzata laqgħa sabiex tiġi diskussa, b’mod partikolari, l-“istrateġija komuni ta’ klijenti”. Nota oħra, tal-11 ta’ April 2004, tirreferi għal laqgħa tat-8 ta’ April 1994 ma’ dan l-istess impjegat “fil-kuntest ta’ laqgħa Nabit” (Nabit tikkorrispondi għall-isem tal-organizzazzjoni professjonali tal-impriżi ta’ bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi), li matulha ExxonMobil talbitu joqgħod lura milli jiddiskuti ċerti suġġetti “pprojbiti kemm mill-politika ta’ Esso kif ukoll minn dik ta’ Shell”. Minn dan irriżulta li dawn id-dokumenti, li l-kontenut tagħhom huwa pjuttost vag, ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk SNV għamlitx riferiment għall-akkordju inkwistjoni. |
180 |
Għalkemm ma jkunx koerenti li dawn id-dokumenti jiġu interpretati bħallikieku kienu jinsabu fil-kuntest ta’ skambji bilaterali komuni u legali bejn żewġ kumpanniji, bħal ma jissuġġerixxu r-rikorrenti, madankollu għandu jiġi kkonstatat li dawn l-erba’ dokumenti huma relattivament vagi u ma jindikawx neċessarjament l-akkordju inkwistjoni. Barra minn hekk il-Kummissjoni stess għażlet li ma ssemmix iż-żewġ dokumenti tal-1994 fid-deċiżjoni kkontestata, meta hija kienet semmiet dan il-fatt li rriżulta fl-1994 fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 204). |
181 |
B’hekk il-provi pprovduti mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi konkluż b’mod ċert li SNV kellha rwol ta’ provokatur b’mod partikolari fir-rigward ta’ ExxonMobil, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-akkordju inkwistjoni. |
– Konklużjoni dwar ir-rwol ta’ provokatur
182 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li SNV kellha rwol ta’ provokatur fil-ksur inkwistjoni, ma hijiex issostanzjata biżżejjed. |
183 |
Peress li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda element addizzjonali lill-Qorti Ġenerali fid-dawl taċ-ċirkustanzi indikati fil-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata, bil-għan li tipprova r-rwol ta’ provokatur ta’ SNV, l-eżami tal-Qorti Ġenerali għandha tikkonċentra ruħha fuq ir-rwol ta’ mexxej li kellha SNV f’dan l-istess ksur. |
Fuq ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV
L-argumenti tal-partijiet
184 |
Ir-rikorrenti jqisu li, billi tattribwixxi lil SNV r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li jiġġustifikaw l-annullament, totali jew parzjali, taż-żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit li impriża kellha rwol ta’ mexxej, il-Kummissjoni għandha tipprova li hija wettqet azzjonijiet konkreti li jagħtu impuls ikbar għall-implementazzjoni tal-ftehim, b’tali mod li tiddistingwi ruħha kjarament mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju li jikkonċernaha (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 348), liema fatt ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel. |
185 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-elementi relatati ma’ ħames modi ta’ aġir ta’ SNV sabiex tqis li hija kienet mexxej tal-akkordju: ir-rwol li hija kellha, matul l-ewwel snin tal-akkordju, fl-1994 u fl-1995, fin-negozjati mal-membri tal-W5 f’isem il-fornituri; mill-1996, meta bdew il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum, il-fatt li hija ħadet l-inizjattiva tħabbar lil KWS, b’mod bilaterali, iż-żiediet fil-prezz mistennija, imbagħad li jevalwaw flimkien l-opportunità li tiġi organizzata laqgħa bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar; ir-rwol preponderanti tagħha matul laqgħat preparatorji bejn il-fornituri; ir-rwol maġġuri tagħha bħala kelliema tal-fornituri waqt il-laqgħat ta’ ftehim mal-kostrutturi l-kbar u, fl-aħħar nett, il-missjoni tagħha ta’ kontroll tal-osservanza tal-ftehimiet. |
– Fuq ir-rwol ta’ SNV fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri
186 |
Qabel kollox, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi billi kkunsidrat li SNV kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju abbażi taż-żewġ noti interni ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu u t-8 ta’ Lulju 1994. B’hekk huma jqisu li dawn iż-żewġ noti jistgħu jirreferu biss għal kuntatti purament bilaterali bejn SNV u KWS. Barra minn hekk, dawn ma jippermettux li jiġi konkluż li jeżistu ftehimiet bejn il-kostrutturi l-kbar u l-fornituri bl-involviment ta’ SNV u ta’ KWS, peress li huma jistabbilixxu biss is-sempliċi fatt li prezz speċifiku ġie propost lil HBG; huma ma ġewx redatti bix-xhieda diretta tan-negozjati, iżda mid-direttur tas-sejħiet għal offerti ta’ HBG, u ma ġewx ikkorroborati minn elementi oħra, u sussegwentement ġew ikkontestati bid-dikjarazzjonijiet taħt ġurament magħmula mid-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV fit-22 ta’ Novembru 2006. Għaldaqstant il-Kummissjoni jmissha stabbiliet l-eżistenza ta’ ftehim ta’ prezz orizzontali bejn il-fornituri li jissottoskrivi l-kundizzjonijiet deċiżi bilateralment minn SNV u KWS. Fl-aħħar nett, din it-teorija tal-eżistenza ta’ negozjati bejn il-kostrutturi l-kbar u l-fornituri, irrappreżentati rispettivament minn KWS u minn SNV fl-1994 u fl-1995, ma tirriżultax fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
187 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li dawn iż-żewġ noti ta’ HBG jirreferu b’mod inekwivoku għall-eżistenza ta’ ftehim konkluż bejn il-fornituri u l-W5, u jistabbilixxu li SNV kienet inkarigata tirrappreżenta l-fornituri, billi ssemmi b’mod partikolari li dawn tal-aħħar kellhom l-intenzjoni jitilqu mill-ftehim konkluż mal-kostrutturi l-kbar, billi jżidu l-prezzijiet tagħhom. Hija tispeċifika wkoll li l-awtur ta’ dawn in-noti kien l-impjegat ta’ HGB inkarigat mix-xiri ta’ bitum, li kien jaħdem b’kooperazzjoni stretta mal-impjegat li kien jipparteċipa fil-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum, u li, fi kwalunkwe każ, il-qorti tal-Unjoni tqis li huwa mingħajr importanza għall-valur probatorju ta’ dokument li dan ikun ġie redatt fil-mument tal-fatti minn persuna li ma kinitx preżenti fil-laqgħa (Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 86). Dawn il-provi dokumentarji kontemporanji ma jistgħu jitqiegħdu inkwistjoni permezz ta’ dikjarazzjoni sussegwenti ta’ impjegat ta’ SNV. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-istabbiliment ta’ rwol ta’ mexxej ma jiddependix mill-fatt li l-attitudni tal-mexxej jivvinkola awtomatikament lill-membri l-oħra tal-akkordju, iżda mill-eżistenza ta’ rwol suffiċjentement attiv tal-impriża fl-akkordju. Fl-aħħar nett, it-teorija tal-eżistenza ta’ dawn in-negozjati bejn SNV u KWS, f’isem il-grupp rispettiv tagħhom, tirriżulta bosta drabi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għaliha r-rikorrenti rrispondew fl-20 ta’ Mejju 2005. |
– Fuq il-fatt li, mill-1996, SNV iddeċidiet Sur le fait que, à partir de 1996, SNV ddeċidiet minn qabel ma’ KWS dwar l-opportunità li tiġi organizzata laqgħa bejn il-fornituri u l-W5
188 |
Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt billi qieset li l-kuntatti bilaterali bejn SNV u KWS, stabbiliti mill-1996, kienu jikkostitwixxu indikazzjoni tar-rwol ta’ mexxej li SNV kellha fl-akkordju. Fil-fatt, dawn il-laqgħat inżammu f’kuntest ta’ instabbiltà tal-prezz taż-żejt u tar-rata ta’ kambju tad-dollaru, fejn il-W5 xtaqu jinnegozjaw mill-ġdid il-prezz tal-bitum mal-fornituri tagħhom f’intervalli regolari u li jiksbu l-assigurazzjoni ta’ ċertu stabbiltà tal-prezzijiet, billi jevitaw tnaqqis importanti u billi jħarsu sabiex iż-żidiet isiru b’mod kollettiv, liema fatt jippermetti li jintuża l-mekkaniżmu ta’ prezzijiet stabbilit mill-gvern Olandiż għall-kuntratti pubbliċi, li kellu bħala għan li jittrasferixxi l-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet fuq il-kuntrattur. Għaldaqstant huma jsostnu li dan kien jirrigwarda kuntatti normali bejn fornitur u klijent u li l-laqgħat relatati mal-bitum kienu dovuti biss għall-inizjattiva ta’ KWS. B’hekk, il-kuntatti bejn l-impjegati ta’ SNV u s-segretarjat ta’ KWS kienu jseħħu biss meta KWS issejjaħ it-tali laqgħa. Fl-aħħar nett, huma jenfasizzaw li d-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex issostni li dawn il-kuntatti bilaterali kienu juru r-rwol tagħha ta’ mexxej tal-akkordju, jirriżultaw biss minn għajdut. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ SNV, hija tindika biss li kien ikkuntattja lil KWS waqt il-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materjal primarju li jikkomponi l-prodotti bbażati fuq il-bitum. |
189 |
Il-Kummissjoni tqis li l-akkordju kellu natura bilaterali u li r-rikorrenti jonqsu milli jippreċiżaw li l-fornituri kellhom ukoll interess għal żieda fil-prezz tal-bitum. Hija tidher li bbażat ruħha fuq numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriżi, fosthom dik ta’ SNV annessa mat-talba tagħha sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, sabiex issostni li Shell u KWS eżaminaw minn qabel bejniethom l-opportunità ta’ laqgħa bejn fornituri u kostrutturi kbar. Hija tispeċifika wkoll li d-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tirriżulta minn parteċipant regolari għal-laqgħat ta’ ftehim multilaterali dwar il-bitum. |
– Fuq ir-rwol preponderanti ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri
190 |
Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma kellha ebda prova sabiex issostni li SNV kellha rwol preponderanti matul il-laqgħat preparatorji bejn fornituri. Huma jqisu li numru ta’ fornituri kienu implikati fl-organizzazzjoni, il-loġistika u t-tmexxija tal-imsemmija laqgħat. Id-dikjarazzjoni magħmula minn BP f’dan ir-rigward hija sempliċement suġġeriment pur, li ma huwa kkorroborat minn ebda element ieħor. Min-naħa l-oħra, dikjarazzjonijiet oħra ta’ BP u ta’ Kuwait Petroleum jindikaw li ma kienx hemm fornitur wieħed, iżda numru ta’ fornituri li kienu jmexxu u jorganizzaw dawn il-laqgħat. Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi dikjarazzjoni ta’ BP, li fir-rigward tagħha huma jikkontestaw il-verità, ma tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti skont il-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T-337/94, Ġabra p. II-1571, punt 91, u tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 219). Fir-rigward tad-dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001, ir-rikorrenti jqisu li dan ma għandu l-ebda saħħa probatorja u li, fi kwalunkwe każ, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tad-difiża, ġaladarba kien biss anness mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma ssemma fiha (sentenza Shell vs Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punti 55 u 56). Fl-aħħar nett, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li SNV irrediġiet minuti tal-konsultazzjonijiet relatati mal-bitum lill-fornituri li ma kinux preżenti u dan l-argument barra minn hekk ma jirriżultax fid-deċiżjoni kkontestata. |
191 |
Il-Kummissjoni tfakkar li hija bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni li tinsab fit-talba ta’ BP intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll minn nota interna ta’ HBG ta’ April 2001 sabiex tistabbilixxi li SNV kienet tiftaħ il-laqgħat preparatorji u kienet tmexxi d-dibattiti fi ħdanhom. Min-naħa l-oħra, hija qatt ma sostniet li SNV kellha rwol partikolari fis-sejħa ta’ dawn il-laqgħat preparatorji jew fl-organizzazzjoni konkreta tagħhom u lanqas ma tqiegħed inkwistjoni l-fatt li l-konklużjonijiet li għalihom jaslu l-parteċipanti f’dawn il-laqgħat ma kinux imposti minn SNV, iżda kienu r-riżultat ta’ kompromess bejniethom. Fl-aħħar nett, hija tqis li l-Qorti Ġenerali tista’, fil-kuntest tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, tieħu inkunsiderazzjoni l-provi ġodda, eżaminati matul il-proċedura ġudizzjarja (ara s-sentenza Tokai I, punt 153 iktar ’il fuq, punt 165, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, hija tqis li SNV setgħet tiddeduċi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija tista’ tuża n-nota interna ta’ HBG li ġiet annessa magħha bħala prova li tikkorrobora r-rwol tagħha ta’ mexxej. |
– Fuq ir-rwol ta’ kelliema tal-fornituri ta’ SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum
192 |
Ir-rikorrenti jqisu li SNV ma kellhiex rwol ta’ mexxej waqt il-laqgħat ta’ ftehim, li kienu ddominati mill-kostrutturi l-kbar, u b’mod iktar partikolari minn KWS. Huma jenfasizzaw, barra minn hekk, li d-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ Kuwait Petroleum, li SNV kienet l-avversarja ta’ KWS matul dawn il-laqgħat, hija biss xhieda indiretta, bħal ma rrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 78), li għalhekk għandha saħħa probatorja ridotta u ma tippermettix li jiġi konkluż li SNV kienet tmexxi l-laqgħat f’isem il-fornituri. Fil-verità, SNV ġiet sempliċement mitluba mill-membri tal-W5 sabiex tispjega l-varjazzjonijiet fil-prezz tal-materji primarji li jikkomponu l-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq u r-rwol tagħha llimita ruħu għal dak ta’ kelliema tal-fornituri, separat mir-rwol volontarju ta’ mexxej. Issa, il-qorti tal-Unjoni tqis li tali aġir ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex il-kumpannija kkonċernata tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 427). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jindikaw li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li ebda fornitur ta’ bitum b’mod partikolari ma kellu r-rwol ta’ mexxej meta kien meħtieġ li jiġu kkomunikati r-riżultati tal-konsultazzjonijiet lil kumpanniji oħra, iżda li numru ta’ kumpanniji eskludew li jassumu din il-funzjoni. |
193 |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-qorti tal-Unjoni diġà kkunsidrat li akkordju seta jkollu żewġ mexxejja (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T-59/02, Ġabra p. II-3627, punti 299 sa 301). F’dan il-każ, mid-dikjarazzjonijiet ta’ impjegat ta’ SNV, tal-24 ta’ Settembru 2003, u minn impjegat ta’ Kuwait Petroleum jirriżulta li SNV kienet tirrappreżenta lill-fornituri assenti, li hija ġeneralment kienet tintroduċi l-laqgħat f’isem il-fornituri kollha u li hija kellha r-rwol ta’ avversarja ta’ KWS. Id-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ Kuwait Petroleum għandha valur probatorju ċert, peress li huwa kkoopera direttament mal-impjegat li kien jipparteċipa f’dawn il-laqgħat kollha u xi drabi kien jiġi indikat b’ismu bħala preżenti f’dawn il-laqgħat. Barra minn hekk hija tispeċifika li l-fatt li l-fornituri kellhom pjan predefinit bejniethom qabel kull laqgħa huwa mingħajr effett fuq il-kwalifika ta’ mexxej, fejn il-qorti tal-Unjoni ma tirrikjedix, sabiex l-eżistenza ta’ mexxej tkun tista’ tiġi kkonstatata, li huwa jiddetta l-aġir tiegħu lill-oħrajn (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 374). Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni a posteriori tal-fornituri li ma jipparteċipawx direttament għal-laqgħat, il-Kummissjoni tqis li dan ma jikkostitwixxix element determinanti għall-kwalifika ta’ mexxej f’akkordju bilaterali. Fl-aħħar nett, hija tfakkar li qieset li SNV kellha rwol ta’ mexxej fl-istadji kollha tal-akkordju abbażi ta’ numru ta’ elementi, u mhux fuq is-sempliċi fatt li SNV kienet tintroduċi l-laqgħat u li kienet isservi bħala kelliema għall-fornituri. |
– Fuq il-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju
194 |
Il-Kummissjoni tindika li semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li SNV kienet taġixxi wkoll bħala mexxej fl-attivitajiet ta’ kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju, billi kienet tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq id-dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001 (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll fuq nota interna ta’ KWS (premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata). |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
195 |
Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li SNV, fi ħdan il-grupp tal-fornituri, u KWS, fi ħdan il-W5, kellhom responsabbiltà partikolari minħabba r-rwol rispettiv tagħhom ta’ “mexxej” tal-akkordju matul il-perijodu kollu li fih kien fis-seħħ (premessi 343 sa 349 tad-deċiżjoni kkontestata). |
– Prinċipji ġenerali relatati mar-rwol ta’ mexxej
196 |
Skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta jkun twettaq ksur minn numru ta’ impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur tul il-parteċipazzjoni tagħhom fih (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 152 iktar ’il fuq, punt 150, u Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq, punt 264). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “mexxejj” ta’ impriża waħda jew ta’ diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sa fejn l-impriżi li kellhom rwol bħal dan għandhom, minħabba f’hekk, jerfgħu responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 45). |
197 |
Skont dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi jistabbilixxi, taħt it-titolu ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa, fejn fosthom jirriżulta r-“rwol ta’ mexxej jew ta’ provokatur tal-ksur” (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 280 sa 282). |
198 |
Sabiex tiġi kkwalifikata bħala mexxej ta’ akkordju, impriża kellha tirrappreżenta saħħa ta’ tinfluwenza sinjifikattiva għall-akkordju jew għandha tkun ikkontribwixxiet b’responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu. Din iċ-ċirkustanza għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali fir-rigward tal-kuntest tal-każ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 299, 300, 373 u 374, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-410/03, Ġabra p. II-881, punt 423).Hija tista, b’mod partikolari, tiġi dedotta mill-fatt li l-impriża, permezz ta’ inizjattivi speċifiċi, tat b’mod spontanju impetu fundamentali lill-akkordju (sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 348, 370 sa 375 u 427, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 426). Hija tista’ wkoll tiġi dedotta minn numru ta’ ħjiel li jiżvelaw il-ħidma tal-impriża li tiżgura l-istabbilità u s-suċċess tal-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 351). |
199 |
Hekk jirriżulta meta l-impriża tkun ipparteċipat fil-laqgħat tal-akkordju f’isem impriża oħra li ma attendithomx u tkun ikkomunikatilha r-riżultati tal-imsemmija laqgħat (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 439). L-istess jgħodd meta jirriżulta li l-imsemmija impriża kellha rwol ċentrali fil-funzjonament konkret tal-akkordju, pereżempju billi organizzat bosta laqgħat, billi ġabret u qassmet l-informazzjoni fi ħdan l-akkordju, u billi ta’ spiss ifformolat proposti relatati mal-funzjonament tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 57 u 58, u s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 404, 439 u 461). |
200 |
Barra minn hekk, il-fatt li tħares attivament sabiex il-ftehimiet konklużi fi ħdan l-akkordju jiġu osservati jikkostitwixxi ħjiel determinanti tar-rwol ta’ mexxej li kellha impriża (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 577). |
201 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li impriża teżerċita pressjoni, jew saħansitra tiddetta l-aġir tal-membri l-oħra fl-akkordju, ma huwiex kundizzjoni neċessarja sabiex din l-impriża tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 374). Il-pożizzjoni fis-suq ta’ impriża jew ir-riżorsi li hija għandha lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu ħjiel ta’ rwol ta’ mexxej tal-ksur, anki jekk jagħmlu parti mill-kuntest li fir-rigward tiegħu għandu jiġi evalwat tali ħjiel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 241, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 299). |
202 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà qieset li l-Kummissjoni setgħet tqis li numru ta’ impriżi kellhom rwol ta’ mexxej f’akkordju (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punt 239). |
203 |
Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, fir-rigward tal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni pproduċietx biżżejjed provi sabiex jiġi stabbilit li SNV kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju. |
204 |
Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ħames modi ta’ aġir ta’ SNV sabiex tqis li hija kienet waħda mill-mexxejja tal-akkordju, jiġifieri:
|
205 |
Sabiex tiġi stabbilita r-realtà ta’ dawn il-ħames modi ta’ aġir, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokumenti kontemporanji tal-fatti ssekwestrati meta saru spezzjonijiet kif ukoll fuq dikjarazzjonijiet li saru mir-rikorrenti u minn membri oħra fl-akkordju (premessi 343 sa 349 tad-deċiżjoni kkontestata). |
– Fuq ir-rwol li kellha SNV fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri
206 |
Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq iż-żewġ noti interni ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu u tat-8 ta’ Lulju 1994, sabiex tistabbilixxi li, matul l-ewwel sentejn tal-akkordju, il-ftehimiet kienu ġew konklużi permezz ta’ kuntatti bilaterali bejn SNV u KWS. Dawn iż-żewġ noti jikkonstataw ftehimiet ta’ Marzu 1994, konklużi bejn KWS, f’isem il-W5, u SNV, f’isem kumpanniji taż-żejt, relatati mal-prezz tal-bitum, li kellu jibqa’ l-istess sal-1 ta’ Jannar 1995. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, huwa impossibbli li wieħed jinterpreta dawn id-dokumenti bħallikieku kellhom jiġu kkonstatati kuntatti purament bilaterali bejn SNV u KWS. Fil-fatt, l-ewwel nota tikkomporta riferiment għall-“ftehim li l-kumpanniji taż-żejt ikkonkludew mal-[W5]”, u t-tieni tagħmel ukoll riferiment għal ftehim konkluż f’Marzu “mal-[W5] (is-Sur H./KWS) u l-kumpanniji tal-petrol (is-Sur E./SNV)”. Fl-istess ħin, din it-tieni nota ma tistax tindika li l-fornituri kienu pproponew prezzijiet speċifiċi lil HBG, iżda turi biss li l-kumpanniji taż-żejt kienu ħadu r-riskju, f’Lulju 1994, li jitbegħdu mill-ftehimiet konklużi mal-W5 f’Marzu 1994 billi jżidu l-prezzijiet tagħhom. Fl-aħħar nett, id-dokumenti annessi mir-rikorrenti fir-replika, intiżi sabiex juru li KWS kienet talbet, fl-1987 u fl-1988, lill-kumpannija Smid et Hollander sabiex tallinja ruħha fuq il-prezzijiet u t-tnaqqis konkluż bejn KWS u SNV, ma humiex ta’ natura probatorja, ġaladarba jikkonċernaw perijodu li jippreċedi wisq dak tal-ksur. |
207 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw is-saħħa probatorja ta’ dawn iż-żewġ noti billi jindikaw li dawn ġew redatti mid-direttur tas-sejħiet għal offerta ta’ HBG, li, peress li qatt ma pparteċipa f’negozjat dwar il-bitum, kien sempliċement xhud indirett tal-ġrajjiet deskritti. Madankollu l-qorti tal-Unjoni tqis li l-fatt li informazzjoni tiġi prodotta b’mod indirett fuq livell sekondarju huwa mingħajr influwenza fuq il-valur probatorju tagħha (sentenza Shell vs Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punt 86) u li, skont ir-regoli ġenerali applikabbli fil-qasam tal-provi, għandha tingħata importanza kbira għall-fatt li dokumenti ġew stabbiliti b’rabta immedjata mal-laqgħat ikkonċernati u manifestament mingħajr ma wieħed ikun jista’ jaħseb li dawn jistgħu jsiru magħrufa minn terzi mhux ikkonċernati (konklużjonijiet tal-Imħallef Vesterdorf fil-kapaċità tiegħu bħala Avukat Ġenerali għas-sentenza Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq). F’dan il-każ, dan l-impjegat kien inkarigat mix-xiri ta’ bitum għal HBG u kien jaħdem f’kooperazzjoni stratta mal-impjegat li kien jipparteċipa direttament fil-ftehim mal-W5, u sussegwentement fil-laqgħat tal-akkordju. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li n-noti redatti mid-direttur tas-sejħiet għal offerta ta’ HBG fil-mument tal-fatti għandhom saħħa probatorja sinjifikattiva. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq dawn in-noti, mingħajr ma kien neċessarju għaliha li tipproduċi elementi oħra li jippermettu li jiġi kkorroborat il-kontenut tagħhom, li l-valur probanti tagħhom ma jistax jitqiegħed inkwistjoni bis-sempliċi dikjarazzjoni tad-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV tat-22 ta’ Novembru 2006. Fil-fatt, għandu jitfakkar li din id-dikjarazzjoni ġiet stabbilita wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li meta saret l-awtur tagħha kien impjegat tar-rikorrenti. |
208 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma esponietx it-teorija tagħha dwar l-eżistenza ta’ negozjati bejn KWS u SNV f’isem il-grupp rispettiv tagħhom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, dan l-argument huwa fattwalment nieqes. Fil-fatt, mill-punti 111, 139 u 201 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni kienet diġà informat lill-impriża dwar din l-analiżi. |
209 |
Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament li, fl-1994 u fl-1995, il-ftehimiet kienu ġew konklużi permezz ta’ kuntatti bilaterali bejn SNV u KWS. |
210 |
Għalkemm SNV għalhekk kellha rwol partikolari fil-funzjonament tal-akkordju matul dawn l-ewwel sentejn, madankollu hemm lok li jiġu eżaminati, sabiex jiġi stabbilit ir-rwol tagħha ta’ mexxej, l-elementi l-oħra użati mill-Kummissjoni u li jikkonċernaw il-perijodu kollu li jikkostitwixxi ksur. |
– Fuq il-fatt li, mill-1996, SNV iddeċidiet ma’ KWS minn qabel dwar l-opportunità li torganizza laqgħa bejn il-fornituri u l-W5
211 |
Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq erba’ dokumenti sabiex tistabbilixxi li, mill-1996, meta bdew il-laqgħat ta’ ftehim multilaterali dwar il-bitum, SNV ħadet l-inizjattiva li tħabbar lil KWS b’mod bilaterali ż-żidiet fil-prezz mistennija, u sussegwentement li kellhom jevalwaw flimkien l-opportunità li tiġi organizzata laqgħa bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar (premessi 344 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata). |
212 |
Fl-ewwel lok, din tirrigwarda r-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-20 ta’ Mejju 2005, li fiha huma rrikonoxxew li SNV ta’ spiss kienet tkun l-ewwel waħda li tikkuntattja lil KWS sabiex titlob żieda fil-prezzijiet, minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala l-iktar fornitur importanti tal-bitum fis-suq Olandiż. Madankollu hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan id-dokument jippermetti biss li jiġi kkonstatat li SNV ikkuntattjat lil KWS sabiex titlob żieda fil-prezzijiet, iżda ma jipprovdix indikazzjoni dwar ir-rwol tagħha fid-deċiżjoni ta’ sejħa tal-laqgħat tal-akkordju. |
213 |
Bl-istess mod, it-tieni nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ SNV tal-24 ta’ Settembru 2003, annessa mat-talba tar-rikorrenti tal-10 ta’ Ottubru 2003, intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, din tindika li “kumpanniji ta’ kostruzzjoni tat-toroq talbu lid-direttur tal-bejgħ ta’ bitum [ta’ SNV] sabiex jindika lil KWS it-tibdiliet fil-prezzijiet tal-materja prima, liema fatt, f’ċertu numru ta’ każijiet, wassal lil KWS tistieden lill-kumpanniji kkonċernati għal laqgħa”. Madankollu hija ma tippermettix li jiġi stabbilit li SNV u KWS kienu jevalwaw flimkien l-opportunità li jorganizzaw laqgħa tal-akkordju. |
214 |
It-tielet nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tal-1 ta’ Ottubru 2003, li, “ġeneralment, [impjegat ta’ SNV] u [impjegat ta’ KWS] kienu jiltaqgħu waqt laqgħa preparatorja sabiex jiddeterminaw jekk laqgħa dwar il-bitum kinitx suffiċjentement iġġustifikata”, għandu jiġi indikat li, peress li Kuwait Petroleum setgħet kellha interess timminimizza r-rwol tagħha nnifisha fil-funzjonament tal-akkordju, din id-dikjarazzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi milqugħa t-teżi tar-rwol ta’ mexxej ta’ SNV biss bil-kundizzjoni li tiġi kkorroborata permezz ta’ dokumenti oħra. |
215 |
Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, in-nota tal-1 ta’ Ottubru 2002 issekwestrata meta saru spezzjonijiet għand KWS u dwar l-attivitajiet tas-segretarjat ta’ tmexxija, li tgħid li “xi drabi kienet isseħħ laqgħa, f’din il-kompożizzjoni, mal-fornituri tal-bitum” u “[SNV] kienet [tieħu] l-inizjattiva fiha”, lanqas ma tippermetti li jiġi konkluż li SNV u KWS kienu jevalwaw flimkien l-opportunità li jorganizzaw laqgħa tal-akkordju. |
216 |
Ir-rikorrenti jsostnu li huma l-kostrutturi l-kbar li jaqilbu dawn il-laqgħat bilaterali f’negozjati kollettivi u li KWS kellha rwol preponderanti fid-deċiżjoni tal-organizzazzjoni ta’ dawn il-laqgħat. Għalhekk, huma jqisu li l-kuntatti bejn l-impjegati ta’ SNV u s-segretarjat ta’ KWS seħħew biss meta KWS kienet iddeċidiet li ssejjaħ tali konsultazzjoni. Huwa minnu li, ħlief għad-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum imsemmija fil-punt 214 iktar ’il fuq, il-provi użati mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi kkonstatat li SNV kienet l-ewwel waħda li kienet tagħmel kuntatt ma’ KWS sabiex titlobha żidiet fil-prezzijiet, iżda huma ma jindikawx jekk KWS kinitx tiddeċiedi waħedha dwar l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-akkordju jew jekk kinitx tagħmel dan flimkien ma’ SNV. B’hekk, minkejja n-natura bilaterali tal-akkordju (ara l-punt 164 iktar ’il fuq) u minkejja l-fatt li l-fornituri kellhom ukoll interess għal żieda fil-prezz tal-bitum, għandu jiġi kkunsidrat li l-provi użati mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex jistabbilixxu li SNV kienet responsabbli għaż-żamma tal-laqgħat tal-akkordju. |
217 |
Għalhekk, sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV fl-akkordju, għandhom jiġu eżaminati l-provi oħra użati mill-Kummissjoni. |
– Fuq ir-rwol preponderanti ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri
218 |
Il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li SNV kienet tiftaħ u tmexxi d-dibattiti waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri, billi tinvoka żewġ provi f’dan ir-rigward. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, hija madankollu qatt ma sostniet li SNV kellha rwol partikolari fis-sejħa u l-organizzazzjoni ta’ dawn il-laqgħat, u lanqas li hija kienet timponi l-konklużjonijiet tagħha. |
219 |
Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ BP tat-12 ta’ Lulju 2002, li skonthom SNV kienet tiftaħ il-laqgħa u tmexxi d-dibattiti u fuq id-dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001, li jagħmel riferiment għal SNV bħala l-“mexxej”. Ir-rikorrenti jikkwalifikaw id-dikjarazzjoni ta’ BP bħala ipoteżi pura, li ma hija kkorroborata b’ebda prova oħra u ma tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti tar-rwol ta’ mexxej. Barra minn hekk, huma jqisu li, peress li l-Kummissjoni ma semmietx id-dokument ta’ HBG fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u peress li sempliċement annettietu, dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova valida mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tad-difiża tagħhom. |
220 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dokument ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha rrikonoxxuta permezz tal-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, hija kompetenti sabiex tevalwa n-natura approprjata tal-ammont tal-multi, billi tibbaża ruħha fuq informazzjoni komplementari, li ma tissemmiex fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 55; sentenza Tokai I, punt 153 iktar ’il fuq, punt 165, u, għal applikazzjoni relatata mar-rwol ta’ mexxej, sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 354). |
221 |
Dan id-dokument jikkostitwixxi skambju ta’ posta elettronika interna fi ħdan HBG, li fiha parteċipant regolari għal-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum, li kien qed jirrispondi lil wieħed mill-kollegi tiegħu li kien identifikalu problema ta’ ffissar ta’ tnaqqis għall-bitum fit-Tramuntana tal-pajjiż, kien issuġġerielu jqajjem il-problema waqt il-laqgħa tal-akkordju li kien imiss, u kien indikalu li kien opportun li f’dan ir-rigward jiltaqa’ mas-Sur E, impjegat ta’ SNV, ikkwalifikat bħala “mexxej”. |
222 |
Issa, l-ewwel nett, mill-fajl jirriżulta li HBG stess, kostrutturi kbir u awtur tad-dokument inkwistjoni, ikkunsidrat, fir-risposta tagħha tat-23 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li l-kwalifika tagħha ta’ impjegat ta’ SNV bħala “mexxej” kienet tirreferi sempliċement għall-pożizzjoni ewlenija ta’ SNV fis-suq. It-tieni nett, għalkemm dan id-dokument jista’ jikkostitwixxi prova dwar ir-rwol ta’ SNV fil-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju, madankollu ma jidhirx rilevanti sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri. |
223 |
Fit-tieni lok, jeħtieġ li jsir l-eżami ta’ prova oħra invokata mill-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit ir-rwol ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri. |
224 |
Mid-dikjarazzjoni ta’ BP tat-12 ta’ Lulju 2002 jirriżulta li, b’risposta għall-kwistjoni dwar min kien jagħmel proposti ta’ prezzijiet u min kien imexxi l-laqgħat preparatorji bejn fornituri, l-impjegat ta’ BP li kien assista għal dawn il-laqgħat kien indika, bosta drabi, lis-Sur E, impjegat ta’ SNV. Fir-rigward ta’ dikjarazzjoni ta’ fornitur ieħor li seta’ kellu interess jimminimizza r-rwol tiegħu stess fil-funzjonament tal-akkordju, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-element jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi milqugħa t-teżi tar-rwol ta’ mexxej ta’ SNV biss bil-kundizzjoni li jiġi kkorroborat b’dokumenti oħra. Issa, għalkemm mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi oħra sabiex timputa lil SNV r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju (punt 204 iktar ’il fuq), madankollu mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi oħra li jippermettu li jiġi stabbilit ir-rwol partikolari li kellha SNV waqt il-laqgħat preparatorji tal-akkordju. |
225 |
Għalhekk, sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV fl-akkordju, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-provi l-oħra użati mill-Kummissjoni. |
– Fuq ir-rwol ta’ kelliema tal-fornituri ta’ SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum
226 |
Qabel kollox, għandu jiġi indikat li l-Kummissjoni kkonfermat, fir-risposta, li hija ma kinitx ikkunsidrat il-fatt li SNV kellha l-abitudni, bħal impriżi oħra, li tinforma lill-fornituri assenti għal-laqgħat bħala indikazzjoni tar-rwol tagħha ta’ mexxej. |
227 |
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset, billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum tal-1 u d-9 ta’ Ottubru 2003, li SNV “kienet tagħmel l-introduzzjonijiet f’isem il-fornituri u kellha r-rwol ta’ avversarju [ta’ KWS]” u kienet tiżgura “għalhekk, ir-rwol ta’ mexxej fi ħdan il-grupp tal-fornituri” (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata). |
228 |
Madankollu għandu jitfakkar li d-dikjarazzjonijiet ta’ fornitur ieħor li seta kellu interess jimminimizza r-rwol tiegħu stess fil-funzjonament tal-akkordju jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tintlaqa’ t-teżi tar-rwol ta’ mexxej ta’ SNV, biss bil-kundizzjoni li jiġu kkorroborati b’dokumenti oħra. Issa, għalkemm mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi oħra sabiex timputa lil SNV r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju (punt 204 iktar ’il fuq), madankollu mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma pproduċietx prova oħra li tippermetti li jiġi stabbilit ir-rwol partikolari li kellha SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum. |
229 |
Għalhekk, sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV fl-akkordju, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-provi l-oħra użati mill-Kummissjoni. |
– Fuq il-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju
230 |
Il-Kummissjoni tfakkar li semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 347 u 352), li SNV kienet taġixxi wkoll bħala mexxej fl-attivitajiet ta’ kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju, fejn il-qorti tal-Unjoni kienet tqis li l-fatt li wieħed iħares attivament li jiġu osservati l-ftehimiet konklużi fi ħdan l-akkordju kien jikkostitwixxi ħjiel determinanti tar-rwol ta’ mexxej ta’ impriża (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 577). |
231 |
F’dan ir-rigward hija straħet, minn naħa, fuq id-dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001 (punti 221 u 222 iktar ’il fuq), dwar problema ta’ ffissar ta’ tnaqqis minn ċerti fornituri, li fiha ssemmiet l-utilità li wieħed jindirizza ruħu lil SNV sabiex tiġi solvuta din il-problema, u, min-naħa l-oħra, fuq nota interna ta’ KWS (premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata), li tindika li ċerti fornituri ma kinux osservaw it-tnaqqis previst u li SNV kienet irreaġixxiet billi tkellmet dwar “kastig ġustifikat lejn il-fornituri li jeċċedu l-limiti”. |
232 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan id-dokument intern ta’ HBG jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara l-punt 220 iktar ’il fuq). |
233 |
Madankollu l-Qorti Ġenerali tqis li, għalkemm dawn iż-żewġ dokumenti jippermettu li jiġi kkonstatat li SNV kienet tikkostitwixxi membru attiv tal-akkordju, dawn ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hija effettivament ħarset li jiġu osservati l-ftehimiet konklużi fi ħdan l-akkordju, jew li hija għamlet dan b’mod partikolarment attiv. |
– Konklużjoni dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV
234 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, għalkemm SNV okkupat rwol partikolari waqt l-ewwel sentejn tal-funzjonament tal-akkordju, il-provi pprovduti mill-Kummissjoni madankollu ma jippermettux li jiġi konkluż b’mod ċert li hija kellha rwol ta’ mexxej mill-mument meta l-akkordju ffunzjona b’mod multilaterali. |
235 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li SNV kellha rwol ta’ mexxej fil-ksur inkwistjoni, ma huwiex issostanzjat biżżejjed. |
236 |
Peress li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element supplimentari quddiem il-Qorti Ġenerali, bil-għan li tipprova r-rwol ta’ mexxej ta’ SNV fil-ksur inkwistjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi indikati fil-premessi 343 sa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi konkluż li l-elementi li jinsabu fil-fajl ma jippermettux li SNV tiġi kkwalifikata bħala mexxej. |
237 |
Għalhekk iż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandha titneħħa kemm fejn din tikkonċerna r-rwol ta’ provokatur (ara l-punt 182 iktar ’il fuq) kif ukoll ta’ mexxej (ara l-punti 233 u 234 iktar ’il fuq) ta’ SNV. Il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għandhom jiġu eżaminati fil-punti 277 et seq iktar ’il quddiem. |
Fuq ir-reċidiva
L-argumenti tal-partijiet
238 |
Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni tagħha billi żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba reċidiva, peress li l-impriża Shell, permezz tas-sussidjarja tagħha Shell International Chemicals Co. Ltd (iktar ’il quddiem “SICC”), kienet suġġetta għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II (premessi 336 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata). |
239 |
Huma jfakkru li l-qorti tal-Unjoni ffissat, fil-qasam tar-reċidiva, kriterju li skontu l-kumpanniji implikati fil-ksur differenti għandhom jappartjenu għall-istess kumpannija parent, li effettivament tkun eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa tas-sussidjarji tagħha (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 290). Żieda fl-ammont tal-multa minħabba reċidiva tista’, għaldaqstant, tiġi imposta biss fil-każ fejn il-ksur differenti seta’ jiġi imputat lill-istess kumpannija parent. Issa, f’dan il-każ, iż-żewġ ksur preċedenti ġew imputati lil SICC, li hija 100 % proprjetà ta’ SPCo, kumpannija holding differenti ta’ SPNV, li hija proprjetarja ta’ SNV. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet eskludiet li timputa l-ksur lill-kumpanniji parent elles STT plc (li saret STT) u KNPM. B’hekk f’dan il-każ, il-kriterju stabbilit bis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, ma ġiex sodisfatt. |
240 |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi ebda spjegazzjoni li tikkonċerna, minn naħa, il-fatt li l-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II seta’ ġie imputat lil STT (li qabel kienet STT plc) u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din tal-aħħar effettivament kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SICC, sussidjarja li wettqet il-ksur li kien is-suġġett ta’ dawn id-deċiżjonijiet. |
241 |
Sussidjarjament, huma jqisu li ż-żieda ta’ 50 % minħabba reċidiva hija sproporzjonata, fid-dawl tal-fatt li ebda direttur ta’ livell għoli ma kien implikat f’dan l-akkordju, li l-impjegat ta’ SNV li pparteċipa f’dan l-akkordju ma kienx ipparteċipa fiż-żewġ akkordji preċedenti u li l-ammont tal-multa impost huwa ħafna ogħla mill-profitti annwali tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
242 |
Waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti, barra minn hekk, indikaw li l-Kummissjoni marret kontra d-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ma tathomx l-opportunità li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u ta’ KNPM fuq is-sussidjarji tagħhom issanzjonati għaż-żewġ ksur preċedenti. |
243 |
Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija ppreċiżat waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012, li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat, fit-13 ta’ Lulju 2011, id-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Novembru 2006 li timponi żieda minħabba reċidiva ta’ multa imposta fuq SPNV u fuq żewġ kumpanniji oħra tal-grupp Shell, minħabba l-fatt li l-impriża Shell kienet suġġetta għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T-38/07, Ġabra p. II-4383). |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
244 |
Il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 336 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien opportun li tiġi imposta fuq Shell żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa minħabba reċidiva, peress li hija diġà kienet suġġetta għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II. |
245 |
Għandu jitfakkar li l-analiżi tal-gravità ta’ ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni reċidiva eventwali (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 91). Fil-fatt, minn perspettiva ta’ dissważjoni, ir-reċidiva tikkostitwixxi ċirkustanza li tiġġustifika żieda kunsiderevoli fl-ammont bażiku tal-multa, ġaladarba hija tikkostitwixxi prova tal-fatt li s-sanzjoni imposta preċedentement ma kinitx dissważiva biżżejjed (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 293). |
246 |
Konformement ma’ dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi jistabbilixxi, taħt it-titolu ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jagħtu lok għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa, fost liema l-“ksur ripetut ta’ l-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)”. |
247 |
Il-kunċett ta’ reċidiva għandu jinftiehem li huwa intiż għall-każ fejn l-istess impriża, wara li tkun ġiet issanzjonata għal ksur, twettaq ksur ieħor simili (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 284). |
248 |
Skont il-ġurisprudenza, ġaladarba d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikonoxxi li kumpanniji differenti li jappartjenu għall-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni tista’ timponi multa fuq il-kumpannija parent għal prattiki ta’ kumpanniji tal-grupp, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkunsidra li quddiemha tinsab sitwazzjoni ta’ reċidiva meta waħda mis-sussidjarji tal-kumpannija parent twettaq ksur tal-istess tip bħal dak li għalih ġiet preċedentement issanzjonata sussiddjarja oħra (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 290). |
249 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-kundizzjonijiet iffissati mill-ġurisprudenza fid-dawl tas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, ma ġewx issodisfatti f’dan il-każ, ġaladarba l-kumpannija parent, li lilha l-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II kien ġie imputat, ma hijiex l-istess bħal dik implikata fil-ksur imwettaq minn SNV. Huma jindikaw ukoll li, fiż-żewġ kawżi preċedenti, ir-responsabbiltà għall-ksur ġie imputat lil SICC, li kienet kollha kemm hi proprjetà ta’ STT plc u KNPM, filwaqt li dan il-ksur la jista’ jiġi imputat lil STT (li qabel kienet STT plc), u lanqas lil KNPM, li ma għadhiex teżisti. |
250 |
Għandu jiġi kkonstatat li SICC, implikata taħt id-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, u SNV, implikata taħt id-deċiżjoni kkontestata, huma sussidjarji li indirettament huma 100 % proprjetà tal-istess kumpanniji parent, jiġifieri STT (li qabel kienet STT plc) u KNPM. |
251 |
Bħal ma fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ssemmi l-attivitajiet tal-impriżi, fejn il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi għandu jinftiehem li jindika unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn numru ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 55). L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil impriża oħra meta hija ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat id-direttivi maħruġa minn din tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqduhom (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 58). |
252 |
Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni tqis li, ġaladarba l-Kummissjoni għandha l-fakultà, iżda mhux l-obbligu, li timputa r-responsabbiltà għall-ksur lil kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 82, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punt 331), is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx tali imputazzjoni f’deċiżjoni preċedenti ma jimplikax li hija għandha l-obbligu li tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni ulterjuri (sentenzi tal-Qorti Ġenerali PVC II, punt 52 iktar ’il fuq, punt 990 ; tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T-299/08, Ġabra p. II-2149, punt 60, u Arkema France vs Il-Kummissjoni, T-343/08, Ġabra p. II-2287, punt 100). |
253 |
B’hekk, f’dan il-każ, il-fatt li, fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet għażlet li timputa l-ksur lil SICC, 100 % sussidjarja ta’ SPCo, li min-naħa tagħha hija kollha kemm hi proprjetà ta’ STT plc (li saret STT) u KNPM, pjuttost milli lil dawn tal-aħħar huwa mingħajr influwenza fuq il-possibbiltà li tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar ir-reċidiva. |
254 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-punti 35 sa 52 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament imputat il-ksur, f’dan il-każ, lil STT (li qabel kienet STT plc). |
255 |
Fir-rigward tal-argument dwar il-fatt li KNPM ma baqgħetx teżisti, il-Qorti Ġenerali tfakkar li għandu jiġi evitat li impriżi jistgħu jaħarbu minn sanzjonijiet permezz tas-sempliċi fatt li l-identità tagħhom tkun inbidlet wara ristrutturar, trasferimenti jew bidliet oħra ġuridiċi jew organizzattivi, sabiex ma jiġix kompromess l-għan ta’ trażżin tal-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni u ta’ prevenzjoni mill-possibbiltà li dan l-aġir jerġa’ jseħħ permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 173; tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 61; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 22, u ETI et, punt 44 iktar ’il fuq, punt 41). Għalhekk, din in-nuqqas ta’ eżistenza ma jistax ikollha konsegwenza fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata r-reċidiva għall-impriża li kompliet teżisti. |
256 |
Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti b’mod żbaljat qiesu li l-kundizzjonijiet iffissati mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq ma kinux sodisfatti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi bolli kkunsidrat lir-rikorrenti bħala reċidivi. |
257 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu, sussidjarjament, li hija l-Kummissjoni, taħt l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, li għandha tipprovdi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II seta’ ġie imputat lil STT (li qabel kienet STT plc) u li din tal-aħħar kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SICC, sussidjarja li wettqet il-ksur li kien is-suġġett tal-imsemmija deċiżjonijiet. |
258 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 108 sa 111 iktar ’il fuq). |
259 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu importanza għal kollox partikolari (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 61). B’hekk, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tinvoka l-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva, hi għandha tipproduċi elementi ddettaljati u preċiżi insostenn tal-allegazzjoni tagħha. |
260 |
F’dan il-każ, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet indikat li hija tikkwalifika bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li ksur simili kien ġie preċedentement ikkonstatat fir-rigward tal-istess impriżi (premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienu sostnew li l-entitajiet ġuridiċi destinatarji tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma kellhom ebda rabta mal-attività li tikkonċerna l-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
261 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-impriża Shell, permezz tas-sussidjarja tagħha SICC, diġà kienet suġġetta għal deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni li jippreċedu Polypropylene u PVC II (premessi 336 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija indikat espressament li kellu jiġi eżaminat jekk l-istess impriża kinitx wettqet dan il-ksur differenti, li l-entitajiet ġuridiċi li kienu jagħmlu parti mill-impriża, il-prodotti u l-persunal ma kellhomx neċessarjament ikunu l-istess għal dawn id-deċiżjonijiet kollha u li, f’dan il-każ, hija kienet stabbilixxiet, fil-kapitlu ddedikat għar-responsabbiltà, li l-entitajiet ġuridiċi ta’ Shell li kienu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni kienu jagħmlu parti mill-istess impriża bħal dik li kienet ipparteċipat fil-ksur preċedenti (premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata). |
262 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari, fil-premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjoni PVC II u s-sentenza PVC II, punt 52 iktar ’il fuq (punt 312), fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni kienu stabbilixxew b’mod ċar li SICC kienet tagħmel parti mill-impriża unika Shell li kienet wettqet il-ksur, anki jekk, f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni kienet għażlet li ma tindirizzax id-deċiżjoni lill-kumpanniji parent tal-grupp. Hija ppreċiżat ukoll li, fil-kawża Polypropylene, is-sanzjoni imposta fuq SICC kienet tapplika għall-grupp Shell kollu (premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija indikat li f’dan il-każ, bil-kontra taż-żewġ kawżi preċedenti, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina, għaż-żmien kollu tal-ksur, entità ġuridika waħda li kellha rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ pjanifikazzjoni strateġika fi ħdan il-grupp ta’ livell inferjuri minn dak tal-kumpanniji parent. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fid-deċiżjoni PVC II (premessi 44 u 46), il-Kummissjoni kienet ippreċiżat li, “fil-każ ta’ gruppi industrijali importanti, [kien] normali li d-destinatarju tad-deċiżjoni tkun il-holding jew is-‘sede’, minkejja li l-impriża nnifisha [kienet] ikkostitwita mill-unità fformata mill-kumpannija parent u mis-sussidjarji kollha tagħha”, iżda li, fid-dawl tal-istruttura biċefala partikolari ta’ Shell u tal-fatt li ma għandhiex sede waħda li lilha tista’ tiġi indirizzata d-deċiżjoni, hija kienet indirizzat id-deċiżjoni tagħha lil SICC. |
263 |
Fir-rigward tal-ilment ifformulat mir-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li STT (li qabel kienet STT plc) kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SICC, sussidjarja li wettqet il-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, għandu jitfakkar, konformement mal-prinċipji msemmija fil-punti 36 sa 52 iktar ’il fuq, li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tindika tali elementi, ġaladarba SICC, fil-mument meta twettaq il-ksur, kienet tappartjeni 100 % konġuntament lil STT plc (li saret STT) u lil KNPM u li dan il-fatt qatt ma ġie kkontestat mir-rikorrenti. |
264 |
Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-motivazzjoni esposta mill-Kummissjoni hija ddettaljata u preċiża biżżejjed fir-rigward tar-rekwiżiti magħmula mill-ġurisprudenza, ġaladarba hija tippermetti lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u hija suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’hekk ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jifhmu b’mod mhux ekwivoku r-raġunament li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tqis li l-istess impriża kienet wettqet it-tliet ksur inkwistjoni. |
265 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li r-rata ta’ żieda fl-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva ta’ 50 % hija sproporzjonata, fid-dawl tal-fatt li ebda direttur ta’ livell għoli ta’ Shell ma kien implikat f’dan il-ksur, li min-naħa l-oħra, l-impjegat ta’ SNV implikat ma kienx ipparteċipa fiż-żewġ ksur preċedenti u li l-benefiċċji tal-bejgħ ta’ SNV kienu negliġibbli meta mqabbla mal-ammont tal-multa. |
266 |
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li ma jirriżultax b’mod ċar mill-argument tar-rikorrenti jekk, permezz ta’ dan l-ilment, huma jallegawx ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Kummissjoni jew jekk huma jitolbux lill-Qorti Ġenerali tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, in-natura proporzjonali tar-rata ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. |
267 |
Fi kwalunkwe każ, il-qorti tal-Unjoni diġà fakkret li l-Kummissjoni kellha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, tħares li l-azzjoni tagħha tkun ta’ natura dissważiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T-228/97, Ġabra p. II-2969, punt 245) u li r-reċidiva kienet ċirkustanza li tiġġustifika żieda kunsiderevoli tal-ammont bażiku tal-multa, ġaladarba hija kienet tikkostitwixxi l-prova tal-fatt li s-sanzjoni imposta preċedentement ma kinitx dissważiva biżżejjed (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 293). Bl-istess mod, il-fatt li tiġi imposta multa fuq impriża li ma tkunx proporzjonali mal-importanza tagħha fis-suq inkwistjoni ma jirriżultax minn idea manifestament eċċessiva tal-kuntest ta’ reċidiva, iżda mill-kunsiderazzjonijiet kollha li l-Kummissjoni tista’, ġustament, tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-gravità tal-ksur li għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom ta’ bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punti 368 u 369). |
268 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tista’, billi tiffissa rata ta’ żieda minħabba r-reċidiva, tieħu inkunsiderazzjoni l-ħjiel intiż li jikkonferma l-propensità tal-impriża kkonċernata li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż iż-żmien li ddekorra bejn il-ksur inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Outokumpu u Luvata vs Il-Kummissjoni, T-122/04, Ġabra p. II-1135, punt 62). F’dan il-każ, għandi jiġi osservat, qabel kollox, li l-ksur inkwistjoni kien, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tielet tal-istess tip li għalih l-impriża Shell kienet suġġetta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-ksur inkwistjoni fid-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II kellu bħala għan, bħal dik li tat lok għal din il-kawża, l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet kew it-tqassim ta’ ishma. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà qieset li żieda ta’ 50 % kienet iġġustifikata meta perijodu inferjuri għal għaxar snin kien iddekorra bejn il-ksur differenti, bħal fil-każ inkwistjoni, fejn l-akkordju beda fl-1994 (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 267 iktar ’il fuq, punti 354 u 355). Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni qieset li l-impriża Shell kienet kisret l-Artikolu 81 KE billi pparteċipat flimkien ma’ impriżi oħra, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999, fi ftehim li fil-kuntest tiegħu kien ġie deċiż li jiġu ffissati miri ta’ prezzijiet, li klijenti jinqasmu permezz ta’ ftehimiet ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u li tiġi skambjata informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, dwar il-kompetituri u dwar il-klijenti fis-setturi tal-gomma u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni [Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni)]. |
269 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda mill-elementi invokati mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li ż-żieda fl-ammont bażiku tal-multa ta’ 50 %, sabiex tidderiġi l-aġir tagħhom lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni hija sproporzjonata. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud inkwantu, minn naħa, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jiġġustifikawx evalwazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik tal-Kummissjoni. |
270 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti sostnew, għall-ewwel darba, waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012, li l-Kummissjoni kienet marret kontra d-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ma tathomx l-opportunità li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u ta’ KNPM fuq is-sussidjarji tagħhom issanzjonati għaż-żewġ ksur preċedenti. |
271 |
Għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi, b’mod partikolari, sunt tal-motivi invokati u li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li jirriżultaw matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C-430/00 P, Ġabra p. I-8547, punt 17). |
272 |
Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tista’ tilqa’ motivi jew argumenti ġodda biss taħt il-kundizzjoni doppja li dawn ikunu operattivi għall-finijiet tas-setgħat tagħha, u li ma jkunux ibbażati fuq motiv ta’ illegalità differenti minn dawk imqajma fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punti 27 sa 29). |
273 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li waqt il-proċedura bil-miktub ir-rikorrenti ma qajmu ebda motiv relatat mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ opportunità li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u ta’ KNPM fuq is-sussidjarji tagħhom issanzjonati għaż-żewġ ksur preċedenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdew ebda indikazzjoni li dan il-motiv huwa bbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li rriżultaw matul il-proċedura. Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012, dan il-motiv ma jistax jiġi kkunsidrat bħala estensjoni tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mqajjem fir-rikors. |
274 |
Għalhekk, mill-argumenti preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
275 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li mill-fajl jirriżulta li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kellhom l-opportunità, waqt il-proċedura amministrattiva, li jipproduċu elementi intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-impriża ssanzjonata fl-ewwel żewġ ksur ma kinitx l-istess bħal dik li kienet is-suġġett ta’ dan il-ksur, ġaladarba l-Kummissjoni kienet indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punti 93 u 283) li l-impriża Shell kienet, fl-imgħoddi, diġà ġiet meqjusa responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE, billi semmiet id-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, kif ukoll is-sentenza Shell vs Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq. |
276 |
Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet fondata billi żiedet l-ammont bażiku tal-multa b’50 % minħabba r-reċidiva u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali tqis li din iż-żieda hija xierqa. |
Konklużjoni dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti
277 |
Mill-punti 140 sa 237 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement skont il-liġi li SNV kellha rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej fil-ksur inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li din il-konstatazzjoni tiġġustifika l-fatt li hija teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-rwol ta’ SNV fil-ksur inkwistjoni. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti żieda unika ta’ 50 % fl-ammont bażiku tal-multa bħala ċirkustanza aggravanti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi. |
278 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li jeħtieġ li ż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti għandha titneħħa. |
279 |
Minħabba dan it-tibdil il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(l) tad-deċiżjoni kkontestata għandha titnaqqas għal EUR 81 miljun. |
Fuq l-ispejjeż
280 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. |
281 |
F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfu f’parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħhom, tkun saret evalwazzjoni ġusta tal-fatti tal-każ jekk jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
282 |
Barra minn hekk, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talbiet tagħhom fuq l-ispejjeż, intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-ħlas tal-multa jew mill-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, tali spejjeż ma jikkostitwixxux spejjeż tal-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ciments, punt 77 iktar ’il fuq, punt 5133, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Jaeger Wahl Soldevila Fragoso Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012. Firem |
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
1. Ir-rikorrenti |
|
2. Il-proċedura amministrattiva |
|
3. Id-deċiżjoni kkontestata |
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
Id-dritt |
|
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ evalwazzjoni l-imputabbiltŕ tal-ksur lill-kumpanniji parent |
|
Fuq l-iżbalji ta’ liġi |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali |
|
– Fuq il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha |
|
– Fuq l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għal żewġ kumpanniji parent 100 % proprjetarji konġunti tas-sussidjarja tagħhom |
|
– Fuq in-natura konfutabbli tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % tagħha |
|
Fuq l-elementi intiżi għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali |
|
2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali |
|
Prinċipji ġenerali relatati mal-aċċess għad-dokumenti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet |
|
Applikazzjoni f’dan il-każ |
|
3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u d-determinazzjoni tat-tul tal-ksur |
|
Fuq il-gravità tal-ksur |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali |
|
– Eżami tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalitŕ |
|
– Eżami tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa |
|
Fuq it-tul tal-ksur |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali |
|
4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi aggravanti |
|
Fuq ir-rwol ta’ promotur ta’ SNV |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
– Fuq il-proposta magħmula lil KWS ta’ skont speċjali lill-W5 |
|
– Fuq it-tentattivi sabiex ExxonMobil tiġi persważa tingħaqad mal-akkordju |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali |
|
– Prinċipji ġenerali relatati mar-rwol ta’ provokatur |
|
– Ammissibbiltà tax-xhieda pprovduta mir-rikorrenti |
|
– Fuq it-tnaqqis speċifiku mogħti lill-W5 |
|
– Fuq it-tentattivi sabiex ExxonMobil tiġi persważa tingħaqad mal-akkordju |
|
– Konklużjoni dwar ir-rwol ta’ provokatur |
|
Fuq ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
– Fuq ir-rwol ta’ SNV fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri |
|
– Fuq il-fatt li, mill-1996, SNV iddeċidiet Sur le fait que, à partir de 1996, SNV ddeċidiet minn qabel ma’ KWS dwar l-opportunità li tiġi organizzata laqgħa bejn il-fornituri u l-W5 |
|
– Fuq ir-rwol preponderanti ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri |
|
– Fuq ir-rwol ta’ kelliema tal-fornituri ta’ SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum |
|
– Fuq il-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali |
|
– Prinċipji ġenerali relatati mar-rwol ta’ mexxej |
|
– Fuq ir-rwol li kellha SNV fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri |
|
– Fuq il-fatt li, mill-1996, SNV iddeċidiet ma’ KWS minn qabel dwar l-opportunità li torganizza laqgħa bejn il-fornituri u l-W5 |
|
– Fuq ir-rwol preponderanti ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri |
|
– Fuq ir-rwol ta’ kelliema tal-fornituri ta’ SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum |
|
– Fuq il-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju |
|
– Konklużjoni dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV |
|
Fuq ir-reċidiva |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali |
|
Konklużjoni dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti |
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.