Kawża T-353/10

Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Nota ta’ debitu — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Natura kuntrattwali tat-tilwima — Natura tar-rikors — Kwalità ta’ att li jista’ jiġi kkontestat”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali — Annullament ta’ nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Inammissibbiltà

(Artikoli 263 TFUE u 288 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali — Klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors — Kundizzjonijiet

(Artikoli 263 TFUE u 272 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

1.      Skont l-Artikolu 263 KE, il-qrati tal-Unjoni jistħarrġu l-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom. Din il-ġurisdizzjoni tikkonċerna biss l-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE, li l-istituzzjonijiet jistgħu jadottaw fiċ-ċirkustanzi previsti mit-Trattat FUE, billi jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika.

Min-naħa l-oħra, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jidħlu fl-ambitu ta’ kuntest purament kuntrattwali u li ma jistgħux jiġu sseparati minnu ma humiex imsemmija, minħabba n-natura tagħhom, fl-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab skont l-Artikolu 263 TFUE.

Il-qorti tal-Unjoni, għaldaqstant tista’ validament tintalab tieħu konjizzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, ta’ rikors li jirrigwarda nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ kuntratt li jorbotha mar-rikorrenti biss jekk in-nota tfittex li toħloq effetti legali vinkolanti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-kuntratt u li jimplikaw l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-Kummissjoni bħala awtorità pubblika.

(ara l-punti 22-25)

2.      Meta quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament jew rikors għad-danni, filwaqt li fil-verità t-tilwima tkun ta’ natura kuntrattwali, il-qorti tal-Unjoni għandha tikklassifika r-rikors mill-ġdid, jekk il-kundizzjonijiet għal tali klassifikazzjoni mill-ġdid jiġu sodisfatti.

Madankollu, quddiem tilwima ta’ natura kuntrattwali, il-qorti tal-Unjoni għandha tqis li jkun impossibbli għaliha li tikklassifika mill-ġdid rikors għal annullament kemm meta r-rieda espressa mir-rikorrenti li ma tibbażax it-talba tagħha fuq l-Artikolu 238 KE tipprekludi tali klassifikazzjoni mill-ġdid, kemm meta r-rikors ma jkun sostnut minn ebda motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, kemm jekk dawn ikunu klawżoli kuntrattwali jew dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali mniżżla fil-kuntratt.

(ara l-punti 34, 35)







DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Ottubru 2011 *

“Rikors għal annullament – Nota ta’ debitu – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Natura tar-rikors – Kwalità ta’ att li jista’ jiġi kkontestat”

Fil-Kawża T-353/10,

Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE, stabbilit f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentat minn E. Tzannini, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Sauka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali ta’ nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni fit-22 ta’ Lulju 2010 għall-irkupru tas-somma ta’ EUR 109 415.20, imħallsa lir-rikorrent fil-kuntest ta’ għajnuna finanzjarja favur proġett ta’ riċerka medika,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE, huwa sptar għan-nisa speċjalizzat fl-oqsma tal-ostetriċja, ġinekoloġija u kirurġija. Ir-rikorrent huwa membru ta’ konsorzju li, f’Diċembru 2003, ikkonkluda, mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, kuntratt li jirrigwarda proġett ta’ riċerka medika, li jġib l-isem ta’ Dicoems, fejn jissemma’ li l-Kummissjoni tobbliga ruħha tagħti għajnuna finanzjarja permezz ta’ diversi pagamenti (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”). Il-proġett inkwistjoni nbeda fl-1 ta’ Jannar 2004 u ntemm fit-30 ta’ Ġunju 2006, iżda l-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża għadu fis-seħħ minħabba li l-Kummissjoni għada ma għamlitx it-tielet u l-aħħar pagament.

2        Skont l-Artikolu 12 tal-kuntratt, dan tal-aħħar huwa rregolat mid-dritt Belġjan. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13 tal-kuntratt, il-Qorti Ġenerali jew, skont iċ-ċirkustanzi fil-każ speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-uniċi żewġ qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu t-tilwimiet kollha bejn l-Unjoni Europea u l-membri tal-konsorzju fir-rigward tal-validità, tal-applikazzjoni jew ta’ kull interpretazzjoni tal-kuntratt.

3        Permezz tal-ittra tad-29 ta’ April 2009, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li hija ser tissuġġettah għal stħarriġ, taħt il-forma ta’ verifika finanzjarja, minħabba l-partiċipazzjoni tiegħu fil-proġett Dicoems. Minn din l-ittra jirriżulta li r-rikorrent kellu jippreżenta, b’mod partikolari, matul din il-verifika, il-fajls li juru l-preżenza tal-persunal li kien impenjat fil-kuntest ta’ dan il-proġett. Waqt din il-verifika, li saret mit-3 sas-6 ta’ Awwissu 2009, ġie kkonstatat li r-rikorrent ma kienx issottometta l-fajls tal-preżenza li juru l-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal tiegħu li għalih huwa kien talab ir-rimbors.

4        F’Ottubru 2009, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrent l-abbozz tar-rapport ta’ verifika li kien juri n-nuqqas ta’ fajls li juru l-preżenza u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. L-osservazzjonijiet tar-rikorrent, li ġew trażmessi minnu permezz tal-ittra tal-5 ta’ Novembru 2009, ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni, u għaldaqstant din tal-aħħar, permezz tal-ittra tat-23 ta’ Diċembru 2009, ikkonfermat il-konklużjonijiet tagħha li kienu ġew ifformulati fir-rapport ta’ verifika.

5        Fis-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrent ittra li kien fiha informazzjoni preliminari għall-proċedura ta’ rkupru, li fiha stednitu jirrimborsa s-somma ta’ EUR 109 415.20. Fis-26 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni li l-osservazzjonijiet tiegħu li kien ittrażmetta preċedentement jiġu eżaminati mill-ġdid u approvati.

6        Madakollu, minħabba l-fatt li r-risposta tar-rikorrent ma kienet ipprovdiet l-ebda element ġdid, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrent, fit-22 ta’ Lulju 2010, nota ta’ debitu li biha talbitu jħallas is-somma ta’ EUR 109 415.20 sas-6 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”).

7        Barra minn hekk, in-nota ta’ debitu kien fiha, bit-titolu “Kundizzjonijiet ta’ ħlas”, l-indikazzjonijiet li ġejjin:

“1.      L-ispejjeż bankarji kollha għandhom jiġu koperti minnek.

2.       Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt, wara li tingħata informazzjoni minn qabel, tirkupra permezz ta’ kumpens, u fil-każ li jkun hemm krediti reċiproċi li jkunu ċerti, likwidi u dovuti.

3.       Fin-nuqqas ta’ kreditu fil-kont tal-Kummissjoni fl-iskadenza tat-terminu, il-kreditu kkonstatat mill-Komunitajiet jiżdied bl-interessi bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu hekk kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-[Unjoni Ewropea], serje Ċ, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih jiskadi t-terminu, 09-2010 + 3.5 punti ta’ perċentwali.

4.       Fin nuqqas ta’ ħlas sad-data ta’ skadenza, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li:

–        teżegwixxi kull garanzija finanzjarja pprovduta preċedentement

–        tipproċedi għall-infurzar skont l-Artikolu 299 TFUE

–        tirreġistra n-nuqqas ta’ ħlas f’database aċċessibbli għall-uffiċjali awtorizzanti tal-baġit tal-Unjoni sa meta jkun sar il-ħlas kollu kemm hu.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrent ressaq din il-kawża.

9        Permezz ta’ att separat ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibiltà.

10      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

11      Ir-rikorrent essenzjalment jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha;

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

–        tannulla n-nota ta’ debitu sa fejn il-Kummissjoni qiegħda titolbu jħallas somma li teċċedi dik li huwa stess ammetta li għandu jħallas fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ Novembru 2009, u li huwa qiegħed jirrifjuta li jħallas lill-Kummissjoni jew li jikkumpensaha b’din l-aħħar somma minħabba dak li l-Kummissjoni għandha tagħtih skont it-tielet pagament tal-kuntratt;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk parti tagħmel talba f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 114(3), il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. Fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-eżami tal-atti tal-proċess sabiex tiddeċiedi dwar it-talba u li ma hemmx lok għall-proċedura orali.

13      Il-Kummissjoni tqajjem l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li toħroġ, min-naħa, min-natura kuntrattwali tat-tilwima kontra r-rikorrent, ħaġa li timplika li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi din il-kawża fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, u min-naħa l-oħra, min-natura purament informattiva tan-nota ta’ debitu indirizzata lir-rikorrent, li ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE.

 L-argumenti tal-partijiet

14      Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li n-nota ta’ debitu nħarġet fil-kuntest tal-kuntratt minħabba l-ġustifikazzjoni insuffiċjenti tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent b’applikazzjoni tal-obbligi kuntrattwali tiegħu. L-eżekuzzjoni inkorretta ta’ kuntratt hija kwistjoni ta’ responsabbiltà kuntrattwali u l-iskambju ta’ ittri, intimazzjonijiet u l-pagamenti li jkunu saru lilha ma humiex suġġetti għal stħarriġ ta’ legalità skont l-Artikolu 263 TFUE. Fil-każ kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tkun qiegħda testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti ddefiniti mit-Trattat FUE, li jagħtuha l-possibbiltà li tagħti sentenza dwar tilwimiet kuntrattwali unikament abbażi ta’ klawżoli speċifiċi ta’ arbitraġġ, skont l-Artikolu 272 TFUE, li madankollu jeskludi l-applikazzjoni parallela ta’ mezzi oħra ta’ azzjoni ġudizzjarja.

15      Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li n-nota ta’ debitu ma hija xejn ħlief sempliċi att preparatorju ta’ natura informattiva li ma jbiddilx is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament finanzjarju u għall-metodi ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament finanzjarju kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ April 2008, Cestas vs Il‑Kummissjoni (T‑260/04, Ġabra, p.II-701, punt 76). Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent ma tistax tinbidel ħlief permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tistabbilixxi l-ammont dovut jew, sussidjarjament, permezz ta’ deċiżjoni eżekuttiva definittiva adottata minnha skont l-Artikolu 299 TFUE.

16      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-fatt li tiġi sottomessa tilwima għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ ma jeskludix rikors quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Lanqas ma joħroġ mill-klawżola ta’ arbitraġġ li xi waħda mill-mezzi fil-liġi hija sussidjarja fir-rigward ta’ mezz ieħor. Barra minn hekk, il-kawża preżenti ma tirrigwardax l-interpretazzjoni jew l-eżekuzzjoni tat-termini kuntrattwali, iżda tirreferi esklużivament għan-nuqqas totali ta’ motivazzjoni tan-nota ta’ debitu. Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li l-fatt waħdu li att adottat mill-Kummissjoni jidħol fil-kuntest ta’ proċedura ta’ natura kuntrattwali ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament fil-konfronti tiegħu, li jitressaq minn persuna privata destinatarja ta’ dan l-att u li tali att ikun indirizzat lilu, jekk dan l-att jiġi adottat mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha stess.

17      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tiddistingwi b’mod ċar titolu eżekuttiv minn sempliċi dokument ta’ informazzjoni. Konsegwentement, in-nota ta’ debitu għandha tiġi analizzata skont il-kontenut tagħha. Skont ir-rikorrent, b’applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, in-nota ta’ debitu tikkostitwixxi att definittiv li jipproduċi effetti eżekuttivi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 299 TFUE. Dan joħroġ mill-istess test, li fih theddida ta’ eżekuzzjoni forzata fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, kif ukoll l-elementi kollha meħtieġa tal-eżekuzzjoni forzata, bħal pereżempju l-ammont eżatt, l-iskadenza tal-pagament, id-data minn meta jibdew jiddekorru l-interessi u t-theddida ta’ sanzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika amministrattiva u ta’ kontabbiltà interna, l-atti li jiddikjaraw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni b’mod definittiv huma atti li jistgħu jiġu kkontestati. Issa, bl-adozzjoni tan-nota ta’ debitu, tali proċedura kienet tkun konkluża u ma kien ikun għad fadal l-ebda pass ġuridiku ieħor warajha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Fuq in-natura ta’ dan ir-rikors, kif ippreżentat mir-rikorrent

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li huwa r-rikorrent li għandu jagħmel l-għażla tal-bażi ġuridika tar-rikors tiegħu, u ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tagħżel il-bażi legali l-iktar adegwata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, Ġabra p. I 2077, punt 35: digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑205/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 38, u tal-10 ta’ April 2008, Imelios vs Il‑Kummissjoni, T-97/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 19).

19      F’dan il-każ, minkejja li t-talba ma hijiex espressament ibbażata fuq dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rikors għal annullament, min-noti tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors, li huwa intiż għall-annullament tan-nota ta’ debitu, huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE.

20      B’hekk, fl-ewwel paġna tar-rikors tiegħu, huwa jidentifika r-rikors tiegħu bħala “intiż għall-annullament tan-nota ta’ debitu”. Bl-istess mod, fit-talbiet ippreżentati fil-paġna 22 tar-rikors, huwa jitlob, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “tannulla n-nota ta’ debitu kkontestata” u li “tannulla d-deċiżjoni kkontestata wkoll fil-parti li għaliha t-tielet parti [tal-pagamenti tal-Kummissjoni] ma twettqux”. Barra minn hekk, fil-punt 18 tal-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, wara li fakkret li “fil-kuntest ta’ rikors għal annulament, il-qorti teżamina l-legalità tal-atti […] intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti fuq terzi, billi tibdlilhom is-sitwazzjoni legali tagħhom”, ir-rikorrent isostni li “n-nota ta’ debitu għandha titqies li hija att bħal dan”. Barra minn hekk, fl-istess punt 18, ir-rikorrent jindika li “f’kull każ, il-kontroversja [preżenti] ma toħroġx mill-interpretazzjoni jew mill-eżekuzzjoni tat-termini kuntrattwali, imma esklużivament min-nuqqas totali ta’ motivazzjoni tan-nota ta’ debitu”.

21      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi eżaminat bħala rikors għal annullament.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors bħala rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE

22      Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 230 KE, il-qrati tal-Unjoni jistħarrġu l-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p.2639, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International et vs Il-Kummissjoni, T-377/00, T‑378/00, T-380/00, T-260/01 u T-272/01, Ġabra p. II-1, punt 81).

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-ġurisdizzjoni tikkonċerna biss l-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE, li l-istituzzjonijiet jistgħu jadottaw fiċ-ċirkustanzi previsti mit-Trattat FUE, billi jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubbika (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il‑Kummissjoni, T‑314/03, Ġabra p. II-1421, punti 62, 63 u 81, u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 39).

24      Min-naħa l-oħra, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jidħlu fl-ambitu ta’ kuntest purament kuntrattwali u li ma jistgħux jiġu sseparati minnu ma humiex imsemmija, minħabba n-natura tagħhom, fl-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE, li l-annullament tagħhom jista’ jintalab skont l-Artikolu 263 TFUE (digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il‑Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 64; Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 40; Imelios vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 22; tas-6 ta’ Ottubru 2008, Austrian Relief Program vs Il-Kummissjoni, T‑235/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 35, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il-Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, Ġabra p. II‑2431, punt 52).

25      Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant tista’ validament tintalab tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk in-nota ta’ debitu tfittex li toħloq effetti legali vinkolanti li jmorri lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-kuntratt u li jimplikaw l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-Kummissjoni bħala awtorità pubblika.

26      F’dan ir-rigward, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li n-nota ta’ debitu tidħol fil-kuntest ta’ kuntratt li jorbot il-Kummissjoni mar-rikorrent, u għandha bħala suġġett l-irkupru ta’ dejn li joħroġ mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt.

27      Fil-fatt, l-ewwel nett, tħallas l-ammont ta’ EUR 117 306.85 mill-Kummissjoni lir-rikorrent abbażi tal-kuntratt. It-tieni nett, bis-saħħa tal-Artikolu II.31(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali li jidhru fl-Anness II tal-imsemmi kuntratt, il-Kummissjoni għandha d-dritt titlob lil membru tal-konsorzju jirrimborsa kull somma miġbura indebitament jew li l-irkupru tagħha jkun ġustifikat bl-applikazzjoni tal-kuntratt, ħaġa li għamlet b’ittra tas-27 ta’ April 2010, billi talbet lir-rikorrent jirrimborsa s-somma ta’ EUR 109 415.20 (punt 5 iktar ’il fuq). It-tielet nett, skont in-nota ta’ debitu li tirreferi, barra minn hekk, għall-ittri tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April u tat-13 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrent ir-“rimbors tas-somma ta’ EUR 109 415.20 b’relazzjoni mal-parteċipazzjoni [tar-rikorrent] fil-proġett 507760 [Dicoems] u l-implementazzjoni tar-riżultat tal-verifika [mwettqa għand ir-rikorrent]”.

28      Minkejja l-kuntest kuntrattwali li tinsab fiha r-relazzjoni ġuridika li hija s-suġġett tat-tilwima, ir-rikorrent iqis li n-nota ta’ debitu kkontestata hija ta’ natura amministrattiva. Huwa fakkar għal kull bon fini, f’dan ir-rigward, li l-att adottat minn istituzzjoni f’kuntest kuntrattwali għandu jitqies li huwa diviżibbli minn din tal-aħħar meta jiġi adottat minn din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, id-digriet Imelios vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 28).

29      Issa, f’dan il-każ, ma hemm l-ebda element li jippermetti li wieħed jikkonkludi li l-Kummissjoni aġixxiet billi użat il-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 26 u 27 iktar ’il fuq, in-nota ta’ debitu għandha bħala għan li tippreżerva d-drittijiet li l-Kummissjoni tislet mill-istipulazzjonijiet tal-kuntratt li jorbotha mar-rikorrent. Min-naħa l-oħra, hija ma hijiex qiegħda tfittex li tipproduċi effetti legali, fil-konfront tar-rikorrent, li joriġinaw mill-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika li hija għandha bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, in-nota ta’ debitu għandha, f’dan il-każ, titqies li hija indiviżibbli mir-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent.

30      Kif ġie rrilevat fil-punt 7 iktar ’il fuq, in-nota ta’ debitu għandha, ċertament, taħt it-titolu “kundizzjonijiet ta’ ħlas”, indikazzjonijiet dwar l-interessi li d-dejn ikkonstatat jikkawża fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fit-terminu indikat, dwar l-irkupru possibbli permezz ta’ kumpens jew permezz ta’ eżekuzzjoni ta’ garanzija eventwali mogħtija minn qabel, kif ukoll dwar il-possibbiltajiet ta’ infurzar u ta’ iskrizzjoni f’database aċċessibbli għall-uffiċjali awtorizzanti tal-baġit Komunitarju. Madankollu, anki jekk huma fformulati b’mod li jistgħu jagħtu l-impressjoni li dan huwa att definittiv tal-Kummissjoni, dawn l-indikazzjonijiet huma biss, f’kull ipoteżi u minħabba n-natura tagħhom, preparazzjoni għal att tal-Kummissjoni li jirreferi għall-eżekuzzjoni tad-dejn ikkonstatat, għaliex, fin-nota ta’ debitu, il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni fuq il-mezzi li bi ħsiebha tuża sabiex tirkupra l-imsemmi dejn, miżjud bl-interessi moratorji li jibdew jiddekorru mit-terminu għall-ħlas stabbilit fin-nota ta’ debitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cestas vs Il-Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, punti 71 sa 74).

31      Minn dak kollu li ntqal qabel, hekk kif espost fil-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 25 iktar ’il fuq, min-natura tagħha stess, l-imsemmija nota ta’ debitu ma tidhirx fost l-atti li jista’ jintalab l-annullament tagħhom lill-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE.

32      Isegwi li, f’kull każ, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-possibbiltà li dan ir-rikors jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, taħt l-Artikolu 272 TFUE

33      Fid-dawl tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 13 tal-kuntratt, li tipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex tinqata’ kull tilwima dwar il-validità, l-applikazzjoni jew kull interpretazzjoni tal-kuntratt, għandu jiġi eżaminat jekk dan ir-rikors jistax jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors skont l-Artikolu 272 TFUE.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament jew rikors għad-danni, filwaqt li fil-verità t-tilwima hija ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tikklassifika r-rikors mill-ġdid jekk il-kundizzjonijiet għal tali klassifikazzjoni mill-ġdid huma sodisfatti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2001, Lecureur vs Il‑Kummissjoni, T‑26/00, Ġabra p. II‑2623, punt 38; digrieti tal-Qorti Ġenerali Musée Grévin vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 88, u tad-9 ta’ Ġunju 2005, Helm Düngemittel vs Il‑Kummissjoni, T‑265/03, Ġabra p. II‑2009, punt 54; u sentenza CEVA vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punt 57).

35      Eżami tal-ġurisprudenza juri li, quddiem tilwima ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa impossibbli għaliha li tikklassifika mil-ġdid rikors għal annullament kemm meta r-rieda espressa mir-rikorrenti li ma tibbażax it-talba tagħha fuq l-Artikolu 238 KE tipprekludi tali klassifikazzjoni mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, id-digrieti Musée Grévin vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 88, u Maison de l’Europe Avignon Méditerranée vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 54, u s-sentenza CEVA vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punt 59), kemm meta r-rikors ma jkun sostnut minn ebda motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, kemm jekk dawn ikunu klawżoli kuntrattwali jew dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali mniżżla fil-kuntratt (ara, f’dan is-sens, id-digrieti Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 57; Imelios vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 33, u s-sentenza CEVA vs Il‑Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punt 59).

36      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn tat-talba għal annullament tiegħu tan-nota ta’ debitu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tan-nota ta’ debitu, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fajls li juru l-preżenza tal-persunal stabbiliti ex post mir-rikorrent, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti fattwali magħmula mir-rikorrent u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

37      Issa, dawn l-erba’ motivi, li huma bbażati esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet li joħorġu minn relazzjoni ta’ dritt amministrattiv, huma karatteristiċi ta’ rikors għal annullament. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent ma jitlob, la espressament u lanqas impliċitament, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors tiegħu. Fl-aħħar nett, kontra dak previst fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent ma jesponi, lanqas b’manjiera sommarja, l-ebda motiv, argument jew ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt jew ta’ dawk tal-liġi Belġjana, li għalihom huma suġġetti bis-saħħa tal-Artikolu 12 tiegħu.

38      Konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, ma huwiex possibbli li dan ir-rikors jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors taħt l-Artikolu 272 TFUE.

39      Minn dak kollu li ntqal qabel hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tintlaqa’ u, konsegwentement, li dan ir-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

40      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

41      F’dan il-każ, minkejja li t-talbiet tar-rikorrent ma ntlaqgħux, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma użatx formulazzjoni ċara u mhux ekwivoka fl-abbozzar tan-nota ta’ debitu. Fil-fatt, ċerti elementi tan-nota u, b’mod partikolari, ir-riferiment għall-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni li ssir titolu eżekuttiv, bis-saħħa tal-Artikolu 299 TFUE, setgħu ħolqu l-impressjoni, f’moħħ ir-rikorrent, li dan huwa att definittiv adottat fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, tkun kunsiderazzjoni ekwa taċ-ċirkustanzi tal-każ li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 2011.

E. Coulon

 

       I. Pelikánová

Reġistratur

 

      President