Kawża T-297/05

IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna għall-finanzjament ta’ proġett ta’ turiżmu ekoloġiku — Kollużjoni — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej — Irtirar ta’ vantaġġ miksub indebitament — Preskrizzjoni — Nuqqas ta’ interruzzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Miżuri amministrattivi — Dispożizzjonijiet dwar l-irtirar ta’ vantaġġ miksub indebitament — Kamp ta’ applikazzjoni — Miżuri intiżi għall-irtirar ta’ vantaġġ miksub permezz ta’ irregolarità — Irtirar ta’ deċiżjoni li tat tali vantaġġ — Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 1(1) u (2) u Artikolu 4(1) sa (3))

2.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Irregolarità — Kunċett — Ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali u tal-prinċipju ta’ trasparenza — Aġir kollużiv tal-persuna li talbet għajnuna finanzjarja u tal-uffiċjal inkarigat bil-fajl, li ppermetta li tinkiseb l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikoli 1(2) u 4(1), u Nru 1605/2002, Artikolu 109(1))

3.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Proċeduri kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1))

4.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Irregolarità kontinwa jew repetuta — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1))

1.      L-obbligu li jingħata lura vantaġġ indebitament riċevut permezz ta’ prattika irregolari ma jiksirx il-prinċipju ta’ legalità. Fil-fatt, dan l-obbligu ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda huwa sempliċement konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienu nħolqu artifiċjalment, u dan irendi indebitu l-vantaġġ riċevut u għaldaqstant iġġustifikat l-obbligu li jingħata lura. B’hekk, għad-differenza tas-sanzjonijiet amministrattivi li jirrikjedu bażi legali speċifika minbarra l-leġiżlazzjoni ġenerali prevista mir-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tal-istess regolament għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu bażi legali kemm rilevanti kif ukoll suffiċjenti għal kull miżura intiża biex tirtira vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità u, b’hekk, sabiex tiġi rtirata deċiżjoni li tagħti tali vantaġġ.

Fi kwalunkwe każ, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika f’dan is-sens, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li l-amministrazzjoni hija, bħala regola, awtorizzata tirtira, b’effett retroattiv, att amministrattiv favorevoli adottat b’mod illegali, prinċipji ġenerali li, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95 sempliċiment jimplementa fuq il-livell tad-dritt sekondarju.

(ara l-punti 117, 118)

2.      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-għoti ta’ sussidji għandu jkun suġġett, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, ħaġa li tippresupponi li, fid-dawl tal-baġit limitat disponibbli sabiex jiġu ffinanzjati tali sussidji, l-applikanti potenzjali għal għajnuna finanzjarja jkunu ttrattati b’mod ugwali għal dak li jirrigwarda, minn naħa, il-komunikazzjoni, fis-sejħa għal proposti, ta’ informazzjoni rilevanti fuq il-kriterji ta’ għażla tal-proġetti li jiġu ppreżentati u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni komparattiva tal-imsemmija proġetti li twassal għall-għażla tagħhom u għall-għoti tas-sussidju.

Fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-baġit, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-obbligu ta’ trasparenza essenzjalment għandu l-iskop li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità baġitarja. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal proposti. Għalhekk, l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex tinftiehem tajjeb is-sejħa għal proposti għandha tkun disponibbli, malli dan ikun possibbli, għall-operaturi kollha li jistgħu potenzjalment ikollhom interess li jieħdu sehem fi proċedura ta’ għoti ta’ sussidji, b’tali mod li, minn naħa, l-applikanti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata eżatta tagħha u li jinterpretawha bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, l-awtorità baġitarja tkun f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk il-proġetti proposti jikkorrispondux għall-kriterji ta’ għażla u ta’ għoti ddikjarati minn qabel. Għaldaqstant, kull ksur tal-opportunitajiet ugwali u tal-prinċipju ta’ trasparenza jikkostitwixxi irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ għoti.

B’hekk, il-kisba ta’ għajnuna finanzjarja provenjenti mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet permezz ta’ aġir kollużiv, li jmur manifestament kontra r-regoli vinkolanti li jirregolaw l-għoti ta’ tali għajnuna, bejn l-applikant għall-għajnuna finanzjarja u l-uffiċjal inkarigat mit-tħejjija tas-sejħa għal proposti kif ukoll mill-evalwazzjoni u l-għażla tal-proġett li għandu jiġi ffinanzjat, tikkostitwixxi irregolarità fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk dan l-aġir jissodisfax ukoll il-kriterji tal-korruzzjoni attiva jew passiva jew ta’ ksur ta’ regola oħra ta’ natura penali.

(ara l-punti 122, 124-126)

3.      Bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam u li permezz tagħha kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà ta’ rkupru tal-ammonti tal-baġit Komunitarju riċevuti indebitament wara li jkun skada terminu ta’ erba’ snin wara t-twettiq tal-irregolarità li taffettwa l-ħlasijiet kontenzjużi. Minn dan jirriżulta li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, kull vantaġġ riċevut indebitament mill-baġit Komunitarju jista’, fil-prinċipju, u bl-eċċezzjoni tas-setturi li għalihom il-leġiżlatur Komunitarju pprovda għal terminu iqsar, jiġi rkuprat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin. Fir-rigward tat-trattament mogħti lill-vantaġġi riċevuti indebitament mill-baġit Komunitarju minħabba f’irregolaritajiet li ġew imwettqa qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2988/95, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament u bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur Komunitarju ddefinixxa regola ġenerali ta’ preskrizzjoni li permezz tagħha huwa b’mod volontarju naqqas għal erba’ snin it-terminu li matulu l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jaġixxu għan-nom u f’isem il-baġit Komunitarju, għandhom jew kellhom jirkupraw tali vantaġġi riċevuti indebitament.

Konsegwentement, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kull ammont li operatur jirċievi indebitament minħabba f’irregolarità preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu, fil-prinċipju, ikun ikkunsidrat bħala preskritt fin-nuqqas ta’ kull att sospensiv adottat fl-erba’ snin wara li ssir l-irregolarità, att sospensiv li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament, huwa intiż bħala att li jkun innotifikat lill-persuna inkwistjoni, li jkun tal-awtorità kompetenti u intiż għall-investigazzjoni jew għal proċeduri legali dwar din l-irregolarità.

Dawn il-prinċipji huma applikabbli mutatis mutandis meta l-miżura inkwistjoni, skont l-Artikolu 4(1) sa (3) moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95, tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni, peress li l-imsemmi regolament huwa regolament ġenerali li japplika għal kull awtorità, kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarja, li hija suġġetta għall-obbligi ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u ta’ kontroll tal-użu tal-finanzi tal-baġit tal-Komunitajiet għall-finijiet previsti, kif jingħad fil-premessi 3 u 13 tar-Regolament Nru 2988/95.

(ara l-punti 148-150)

4.      Irregolarità hija kontinwa jew repetuta, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, meta din titwettaq minn operatur li jieħu vantaġġi ekonomiċi minn diversi operazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punt 153)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

15 ta’ April 2011 (*)

“Għajnuna għall-finanzjament ta’ proġett ta’ turiżmu ekoloġiku – Kollużjoni – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej – Irtirar ta’ vantaġġ miksub indebitament – Preskrizzjoni – Nuqqas ta’ interruzzjoni”

Fil-Kawża T‑297/05,

IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH, stabbilita fi München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.‑J. Prieß, M. Niestedt u C. Pitschas, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Schima, bħala aġent, assistit minn C. Arhold, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Mejju 2005 [ENTR/01/Audit/RVDZ/ss D(2005) 11382], li tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Awwissu 1992 (003977/XXIII/A3 – S92/DG/ENV8/LD/kz), li tat għajnuna finanzjarja ta’ ECU 530 000 fil-kuntest tal-proġett Ecodata,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-premessa 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“regolament finanzjarju”), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ, jistipula kif ġej:

“[…] Għal każi ta’ frodi […], dan ir-Regolament għandu jirreferi għad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri […].”

2        L-Artikolu 72(2) tar-regolament finanzjarju jipprovdi:

“L-istituzzjoni tista’ formalment tistabbilixxi ammont bħala riċevibbli minn persuni apparti milli minn Stati permzz ta’ deċiżjoni li għandha tkun enforzabbli fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 256 [KE].”

3        Skont l-Artikolu 109 tar-regolament finanzjarju, li jinsab taħt it-titolu “Il-prinċipju ta’ l-għoti”:

“1. L-għoti ta’ flejjes [sussidji] għandu jkun suġġett għall-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali. Dawn ma jistgħux ikunu kumulattivi jew mogħtija b’azzjoni retrospettiva u għandhom jinvolvu il-ko-finanzjament.

2. L-għotja ma tistax ikollha l-iskop jew l-effett li tipproduċi qliegħ għall-benefiċjarju.”

4        L-Artikolu 119(2) tar-regolament finanzjarju jipprovdi:

“Jekk il-benefiċjarju jonqos milli jkun konformi ma’ l-obigazzjonijiet legali jew kontrattwali tiegħu, l-għotja għandha tkun sospiża u mnaqqas jew itterminata fil-każi li hemm provvediment dwarhom fir-regoli ta’ l-implimentazzjoni wara li l-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu.”

5        L-Artikolu 183(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar il quddiem ir-“regoli għall-implementazzjoni”), dwar l-Artikolu 119 tar-regolament finanzjarju u intitolat “Sospensjoni u tnaqqis tal-konċessjonijiet [tas-sussidji]”, jipprovdi, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ:

“1. L-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jista’ jwaqqaf il-pagamenti u, skond l-istat milħuq fil-proċedura, jew inaqqas il-konċessjoni jew jitlob ħlas lura pro rata mingħand il-benefiċjarju jew benefiċjarji:

a)      meta l-azzjoni jew programm ta’ xogħol mifthiema ma jsirx, jew ma jsirx sew, kollu jew fil-ħin;

[…]”

6        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), jipprovdi, fit-Titolu I tiegħu intitolat “Il-prinċipji ġenerali”:

“Artikolu 1

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2. ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.

Artikolu 2

Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.

2. Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.

3. Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.

4. Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Il-perjodu tal-limitazzjoni [ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu [ta’ preskrizzjoni] jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

2. Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali.

Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

3. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

7        Fit-tieni titolu, intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali”, ir-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“Artikolu 4

1. Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

–        permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

–        […]

2. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

3. L-atti li jiġi stabbilit li […] jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4. Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.

Artikolu 5

1. L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

[…]

(ċ)       it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

(d)      l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta’ l-irregolarità;

[…]

Artikolu 6

1. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri amministrattivi u l-penali tal-Komunità adottati abbazi tar-regoli settorjali li jkunu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-imposizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji bħal multi amministrattivi tista’ tiġi sospiża b’deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti jekk ikunu nbdew proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata in konnessjoni mal-istess fatti. Is-sospensjoni tal-proċeduri amministrattivi għandha tissospendi l-perjodu tal-limitazzjoni li hemm provdut f’Artikolu 3.

[…]

Artikolu 7

Il-miżuri amministrattivi tal-Komunità u l-penali jistgħu jiġu applikati għall-operaturi ekonomiċi li għalihom issir riferenza f’Artikolu 1, jiġifieri l-persuni naturali jew legali jew l-entitajiet l-oħra li l-liġi nazzjonali tagħtihom kapaċità legali u li jkunu kkommettew l-irregolarità. Jistgħu japplikaw ukoll għal persuni li jkunu ħadu sehem fl-irregolarità jew li huma fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx.”

8        L-Artikolu 2(1) tal-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea mfassal Abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 86, iktar’il quddiem il-“protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea”), jipprovdi, taħt it-titolu “Korruzzjoni passiva”:

“Għall-finijiet ta’ dan il-protokoll, l-azzjoni intenzjonali ta’ uffiċjal li, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, jitlob jew jirċievi vantaġġi, ta’ kwalunkwe natura, għalih jew għal terzi, jew jitwiegħed tali vantaġġi u jaċċetta, sabiex ma jaġixxix skont id-dmirijiet tiegħu jew fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu jaġixxi bi ksur tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu b’mod li jagħmel ħsara jew x’aktarx jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkostitwixxi korruzzjoni passiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess protokoll, taħt it-titotlu “Korruzzjoni attiva”:

“Għall-finijet ta’ dan il-protokoll, l-azzjoni intenzjonali ta’ kull min iwiegħed jew jagħti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, vantaġġ ta’ kwalunkwe tip lil uffiċjal għalih jew għal terzi sabiex dan ma jaġixxix skont id-dmirijiet tiegħu jew fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu jaġixxi bi ksur tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu b’mod li jagħmel ħsara jew x’aktarx jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkostitwixxi korruzzjoni attiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Proċedura ta’ sejħa għal proposti u eżekuzzjoni tal-proġett Ecodata

10      Permezz tal-Adozzjoni aħħarija tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 1992, il-Parlament Ewropew kien iddeċieda li “ammont ta’ għall-inqas ECU 530 000 [kellu jintuża] bħala għajnuna biex jiġi stabbilit netwerk ta’ inforamzzjoni fuq il-proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku fl-Ewropa” [Kapitolu B2, Artikolu 7100 (turiżmu) [ĠU L 26, p. 1, 659, iktar il quddiem il-“baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992”).

11      Fis-26 ta’ Frar 1992, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sejħa għal proposti sabiex jiġu ssussidjati proġetti fil-qasam tat-turiżmu u tal-ambjent (ĠU C 51, p. 15). Fiha indikat li kellha l-intenzjoni talloka total ta’ ECU 2 000 000 u li tagħżel madwar 25 proġett eliġibbli sabiex tiffinanzja sa 60 % tal-ispejjez totali tagħhom.

12      Fit-22 ta’ April 1992, ir-rikorrenti, IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH (iktar il quddiem “IPK”), kumpannija stabbilita fil-Ġermanja u attiva fil-qasam tat-turiżmu, ippreżentat talba għal għajnuna finanzjarja għal proġett li jikkrea bank tad-data fuq it-turiżmu ekoloġiku fl-Ewropa, imsemmi “Ecodata” (iktar’il quddiem il-“proġett Ecodata”). IPK kellha tieħu ħsieb il-koordinazzjoni tal-proġett. Madankollu, sabiex jitwettaq ix-xogħol, IPK kellha tikkollabora ma’ tliet soċji, jiġifieri l-impriża Franċiża Innovence, l-impriża Taljana Tourconsult u l-impriża Griega 01‑Pliroforiki. Il-proposta ma kienet tinkludi ebda spjegazzjoni dwar it-tqassim tal-funzjonijiet bejn dawn impriżi, iżda indikat sempliċiment li lkoll kienu “konsulenti speċjalizzati fit-turiżmu kif ukoll fil-proġetti dwar l-informazzjoni u t-turiżmu”.

13      B’ittra tal-4 ta’ Awwissu 1992 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti”), il-Kummissjoni, fuq proposta ta’ G. Tzoanos, kap tal-Unità 3 “Turiżmu” tad-Direttorat A “Żvilupp tan-negozju u titjib fl-ambjent tan-negozju” tad-Direttorat Ġenerali “Politika tal-intrapriża, kummerċ, turiżmu u ekonomija soċjali”, (DĠ XXIII), tat lil IPK għajnuna finanzjarja ta’ ECU 530 000 għall-proġett Ecodata (iktar’il quddiem l-“għajnuna finanzjarja inkwistjoni”). Hija stednitha tiffirma u tibgħat lura d-“dikjarazzjoni tal-benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja”, li kienet annessa mad-deċiżjoni tal-għoti u li kienet tinkludi l-kundizzjonijiet għall-ksib tal-imsemmija għajnuna. L-imsemmija dikjarazzjoni kienet tistipula li 60 % tal-ammont tal-għajnuna kellhom jitħallsu malli l-Kummissjoni tirċieivi d-dikjarazzjoni tal-benefiċjarju debitament iffirmata minn IPK u li l-bilanċ kellu jitħallas wara li l-Kummissjoni tirċievi u taċċetta xi rapporti fuq l-eżekuzzjoni tal-proġett. Fil-punt 7 tad-dikjarazzjoni kien hemm indikat li l-benefiċjarju kien qed jaċċetta li jirrinunzja għall-ħlas tal-bilanċ eventwali f’każ li ma jiġux osservati t-termini stabbiliti fil-punti 4 u 5 għall-komunikazzjoni tar-rapporti dwar il-progress tal-proġett u l-użu tal-għajnuna finanzjarja. Skont il-punt 8 ta’ din id-dikjarazzjoni, il-benefiċjarju kien qed jaċċetta, jekk l-istat tal-ispejjeż ma kienx jiġġustifika l-użu tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja, li jirrimborsa lil-Kummissjoni, fuq talba tagħha, l-ammont mhux iġġustifikat diġà mħallas. Id-dikjarazzjoni ġiet iffirmata minn IPK fit-23 ta’ Settembru 1992 u ġiet irreġistrata fid-DĠ XXIII tal-Kummissjoni fid-29 ta’ Settembru 1992.

14      Fl-24 ta’ Novembru 1992, G. Tzoanos sejjaħ lil IPK u lil 01‑Pliroforiki għal laqgħa li seħħet mingħajr ma kienu preżenti ż-żewġ soċji l-oħra fil-proġett. F’din l-okkażjoni, G. Tzoanos ippropona li l-parti l-kbira mix-xogħol u l-parti l-kbira mill-fondi jingħataw lil 01‑Pliroforiki. IPK opponiet din ir-rikjesta.

15      L-ewwel parti tal-għajnuna finanzjarja, jiġifieri ECU 318 000 (60 % tas-sussidju totali ta’ ECU 530 000) tħallset f’Jannar 1993.

16      Fi tmiem ix-xahar ta’ Frar 1993, il-fajl tal-proġett Ecodata ġie rtirar mingħand G. Tzoanos. Sussegwentement, infetħet proċedura dixxiplinari kontra dan tal-aħħar u saru investigazzjonijiet interni fuq il-fajls li kien qed jieħu ħsieb. Il-proċedura dixxiplinari wasslet għat-tneħħija ta’ G. Tzoanos, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 1995. Min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni interna fuq il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni tal-għoti ma kixfet ebda irregolarità.

17      Wara rapport ta’ evalwazzjoni negattiv fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-proġett Ecodata, il-Kummissjoni, b’deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 1994 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994” jew id-“deċiżjoni inkwistjoni”), irrifjutat il-ħlas tat-tieni parti tal-għajnuna finanzjarja, li tammonta għal ECU 212 000, u indikat li xtaqet tkompli tirrifletti dwar deċiżjoni eventwali li titlob ir-rimbors tal-ewwel parti tal-imsemmija għajnuna.

 Proċedura kontenzjuża dwar id-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994

18      IPK ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994, li ta lok għall-ewwel proċedura kontenzjuża quddiem il-qrati Komunitarji (iktar’il quddiem l-“ewwel proċedura kontenzjuża”).

19      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1997, IPK vs Il-Kummissjoni (T‑331/94, Ġabra p. II‑1665), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors.

20      Insostenn ta’ din iċ-ċaħda, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, dan li ġej:

“[...] [IPK] ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li kkawżat id-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-proġett [Ecodata]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat [li IPK] stenniet sax-xahar ta’ Marzu 1993 qabel ma bdiet in-negozjati mas-soċji tagħha fir-rigward tat-tqassim tal-funzjonijiet sabiex jiġi eżegwit il-proġett, meta hija kienet l-impriża koordinatriċi. B’hekk, [IPK] ħalliet għaddej nofs il-ħin previst għall-eżekuzzjoni tal-proġett mingħajr ma setgħet raġonevolment tibda xogħlijiet effettivi. Anki jekk [IPK] ipproduċiet provi li juru li uffiċjal jew diversi uffiċjali tal-Kummissjoni ndaħlu fil-proġett fil-perijodu bejn Novembru 1992 sa Frar 1993, hija b’ebda mod ma wriet li dan l-indħil ipprivaha minn kull possibbiltà li tibda kooperazzjoni effettiva mas-soċji tagħha qabel ix-xahar ta’ Marzu 1993”.

21      Wara appell ippreżentat minn IPK, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u rrinvijatilha l-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1999, IPK vs Il-Kummissjoni, C‑433/97 P, Ġabra p. 6795).

22      Insostenn tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari kif ġej:

“15      [...] [G]ħandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 47 tas-sentenza appellata, [IPK] ipproduċiet provi dwar l-indħil fl-amministrazzjoni tal-proġett, indħil min-naħa ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni u speċifikat fil-punti 9 u 10 tas-sentenza appellata, li setgħu affettwaw l-iżvolġiment tajjeb tal-proġett.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-Kummissjoni li kellha turi li, minkejja l-aġir inkwistjoni, [IPK] setgħet xorta waħda tamministra l-proġett b’mod sodisfaċenti.

17      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta rrikjediet [li IPK] tipproduċi provi li juru li l-aġir tal-uffiċjali tal-Kummissjoni kien ipprivaha minn kull possibbiltà li tibda kooperazzjoni effettiva mas-soċji l-oħrajn tal-proġett.”.

23      Wara r-rinviju, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors permezz tas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, IPK-München vs Il-Kummissjoni (T‑331/94, Ġabra p. II‑779).

24      F’din is-sentenza, taħt it-titolu “Fuq is-suġġett tal-kawża”, il-Qorti Ġenerali kkonstatat dan li ġej:

“34      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali qed tintalab tiddeċiedi fuq il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li rrifjutat il-ħlas tat-[tieni] parti [tal-għajnuna finanzjarja] mogħtija lir-rikorrenti għat-twettiq tal-proġett Ecodata. Il-motivi għal dan ir-rifjut jinsabu fid-deċiżjoni [inkwistjoni] u fl-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993, li għaliha tirreferi l-imsemmija deċiżjoni.

35      Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993 hija komposta minn żewġ partijiet. L-ewwel parti, jiġifieri l-punti 1 sa 5 tal-ittra, tikkonċerna r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas [it-tieni] parti [tal-għajnuna finanzjarja] u b’hekk tinkludi xi motivi tad-deċiżjoni [inkwistjoni]. It-tieni parti, jiġifieri l-punti 6 sa 12 tal-ittra, tikkonċerna l-irkupru eventwali tas-60 % [tal-għajnuna finanzjarja] diġà mħallsa. Sal-lum, il-Kummissjoni għadha ma ħaditx deċiżjoni fir-rigward ta’ dan l-irkupru.

36      Minn dan isegwi, hekk kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fis-seduta, li l-punti 6 sa 12 tal-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993 ma jagħmlux parti mill-motivi tad-deċiżjoni [inkwistjoni]. Dawn il-punti tqajmu sempliċiment fil-kuntest ta’ deċiżjoni eventwali tal-Kummissjoni fil-futur li teżiġi r-rimbors tal-parti [tal-għajnuna finanzjarja] diġà mħallsa. Għaldaqstant, l-argument żviluppat mir-rikorrenti fir-rikors tagħha fir-rigward tal-punti 6 sa 12 tal-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993 għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli” .

25      Dwar il-mertu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari kif ġej:

“85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ argumenti oħrajn ippreżentati mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li [l-Kummissjoni] ma ġabitx il-prova li, minkejja l-indħil tagħha, b’mod partikolari dak intiż biex l-iStudienkreis jiġi involut fil-proġett […], ‘[IPK] setgħet xorta waħda tamministra l-proġett b’mod sodisfaċenti’.

86      Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li mis-sajf tal-1992 sa għall-inqas il-15 ta’ Marzu 1993 il-Kummissjoni insistiet ma’ [IPK] sabiex l-iStudienkreis jiġi involut fil-proġett […] – minkejja li l-proposta ta’ [IPK] u d-deċiżjoni tal-għoti […] ma jipprovdux għall-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-proġett [Ecodata] –, ħaġa li neċessarjament dewwmet l-eżekuzzjoni tal-proġett, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma ġabitx il-prova li minkejja dan l-indħil [IPK] setgħet xorta waħda tamministra l-proġett b’mod sodisfaċenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ bona fide meta rrifjutat il-ħlas [tat-tieni] parti [tal-għajnuna finanzjarja] għar-raġuni li l-proġett ma kienx intemm fil-31 ta’ Ottubru 1993”.

26      Sussegwentement il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq kollużjoni bejn G. Tzoanos, 01 Pliroforiki u IPK, imqajjem mill-Kummissjoni fl-istadju tar-risposta, li sussegwentement ġie approfondit u ppreċiżat fl-atti sussegwenti ppreżentati minnha, u kkonstatat b’mod partikolari dan li ġej:

“88       Madankollu, sa fejn, għal dak li jirrigwarda dan l-indħil imsemmi l-aħħar, il-Kummissjoni pjuttost tenfasizza l-eżistenza ta’ kollużjoni illegali bejn G. Tzoanos, 01‑Pliroforiki u [IPK] […], il-Qorti għandha tagħti deċiżjoni wkoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju fraus omnia corrumpit, li, skont il-Kummissjoni, għandu jiġġustifika ċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors.

89      Dwar dan, il-Kummissjoni tispjega […] li d-deċiżjoni [tal-għoti] kienet ir-riżultat ta’ kollużjoni illegali bejn G. Tzoanos, 01‑Pliroforiki u [IPK]. Insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għall-minuti tal-mistoqsijiet magħmula fl-investigazzjoni li l-awtoritajiet Belġjani fetħu kontra G. Tzoanos […] Hija tenfasizza li R. D. Freitag, maniġer u proprjetarju ta’ [IPK], iddikjara li G. Tzoanos talbu jinnominah bħala soċju akkomandanti f’ETIC [European Travel Intelligence Center], waħda mill-kumpanniji tiegħu, u tah x’jifhem li [IPK] b’hekk setgħet tikseb iktar faċilment kuntratti tal-Kummissjoni fil-futur […] Barra minn hekk, G. Tzoanos indika lil R. D. Freitag li proġett imsemmi minn dan tal-aħħar f’konferenza tad-DĠ XXIII f’Lisbona f’Mejju 1992 ‘seta’ jaħdem’ jekk titħallas kummissjoni ta’ ECU 30 000 […] Insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni tirrileva wkoll li, minn Ġunju 1992, Lex Group irrappreżentat lil ETIC fil-Greċja (fuljett Nru 1/92 ta’ ETIC). G. Tzoanos kien il-fundatur ta’ Lex Group, u l-persuna li kienet responsabbli biex tagħmel il-kuntatti mal-klijenti ta’ din il-kumpannija kienet Sapountzaki, li dak iż-żmien kienet l-għarusa tiegħu u sussegwentement saret martu. 01‑Pliroforiki ssuċċediet lil Lex Group bħala rappreżentanta fil-Greċja ta’ ETIC. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi għad-dikjarazzjoni ta’ F. Franck, kollaboratur ta’ ETIC, li tistabbilixxi b’mod ċar l-aġir kollużiv bejn G. Tzoanos, 01‑Pliroforiki u [IPK] […] Huwa sinjifikattiv li Innovence, l-unika soċja ta’ [IPK] fi ħdan il-proġett li ma kellha konnessjonijiet la ma’ G. Tzoanos u lanqas ma’ R. D. Freitag, ma ġietx mistiedna għal-laqgħa tal-24 ta’ Novembru 1992 […] li nżammet fl-uffiċji ta’ ETIC. Il-Kummissjoni tindika wkoll li G. Tzoanos kellu n-numru tat-telefon privat ta’ R. D. Freitag. Matul il-konverżazzjoni telefonika li von Moltke kellu ma’ R. D. Freitag, fl-10 ta’ Marzu 1993, dan tal-aħħar kopra lil G. Tzoanos u b’hekk sar il-kompliċi tiegħu. Fis-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għas-sentenza tat-tribunal de grande instance (Qorti Reġjonali) ta’ Pariġi (It-Tnax-il Sezzjoni) tat-22 ta’ Settembru 2000 li permezz tagħha G. Tzoanos ġie kkundannat għall-piena ta’ erba’ snin ħabs għal korruzzjoni.

90      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li la fid-deċiżjoni [inkwistjoni] u lanqas fl-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni [inkwisjtoni], ma tissemma’ l-eżistenza ta’ aġir kollużiv bejn G. Tzoanos, 01‑Pliroforiki u [IPK], li tostakola l-ħlas [tat-tieni] parti [tal-għajnuna finanzjarja] lil din tal-aħħar. Barra minn hekk, id-deċiżjoni [inkwistjoni] u l-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993 ma fihom ebda indikazzjoni tal-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li [l-għajnuna finanzjarja] kienet ingħatat b’mod irregolari lil [IPK]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni dwar l-allegata eżistenza ta’ kollużjoni illegali bejn il-partijiet ikkonċernati ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kjarifika tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni [inkwistjoni] mogħtija fil-mori tal-kawża […]

91      Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu [230 KE], il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni [inkwistjoni] abbażi tal-motivi li jinsabu f’dak l-att, l-argument tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju fraus omnia corrumpit ma jistax jintlaqa’.

92      Għandu jingħad ukoll li, jekk il-Kummissjoni qieset, wara li adottat id-deċiżjoni [inkwistjoni], li l-provi msemmija fil-punt 89 iktar’il fuq kienu biżżejjed biex jiġi konkluż li kien hemm kollużjoni illegali bejn G. Tzoanos, 01‑Pliroforiki u [IPK], li vvizzjat il-proċedura tal-għoti tas-sussidju favur il-proġett Ecodata, hija setgħet, minflok ma tippreżenta, f’din il-proċedura, motiv mhux imsemmi fl-imsemmija deċiżjoni, tirtiraha u tadotta deċiżjoni ġdida li mhux biss tirrifjuta li tħallas [it-tieni] parti [tal-għajnuna finanzjajra], iżda wkoll tordna r-rimbors tal-parti diġà mħallsa”.

27      Il-Kummissjoni u IPK t-tnejn li huma appellaw minn din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni qajjmet, b’mod partikolari, aggravju ieħor, il-ħames wieħed, ibbażat fuq in-nuqqas li jiġi eżaminat il-prinċipju fraus omnia corrumpit. Min-naħa tagħha, IPK talbet l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn din hija bbażata fuq il-prinċipju, fil-punti 34 sa 36, li l-punti 6 sa 12 tal-motivi tal-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 1993 ma kinux jagħmlu parti mid-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994.

28      Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ April 2004, IPK‑München u Il-Kummissjoni (C‑199/01 P u C‑200/01 P, Ġabra p. I‑4627), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli l-appell ta’ IPK u bħala infondat dak tal-Kummissjoni.

29      Fir-rigward tal-ħames aggravju invokat mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“62      Permezz tat-tieni u l-ħames aggravji tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u qabel kollox, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, talli injorat il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 15 u 16 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1999, IPK vs Il-Kummissjoni, [C‑433/97 P, Ġabra p. 6795], b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-rilevanza tal-allegata kollużjoni illegali bejn [G. Tzoanos], […] 01‑Pliroforiki u IPK.

63      Il-Kummissjoni ssostni li din il-kollużjoni dewwmet l-eżekuzzjoni tal-proġett għall-inqas sa Frar 1993, inkwantu, minn naħa, is-soċji tal-proġett ma setgħux jiftiehmu dwar l-għoti tal-fondi rikjest minn [G. Tzoanos] favur is-soċju Grieg, ħaġa li wasslet għas-sospensjoni tal-proġett, u, min-naħa l-oħra, IPK kopriet b’mod espliċitu l-aġir ta’ [G. Tzoanos]. Skont il-punti 15 u 16 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1999, IPK vs Il-Kummissjoni, [C‑433/97 P, Ġabra p. 6795], il-Qorti tal-Prim’Istanza jmissha vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx uriet li, minkejja l-aġir inkwistjoni, IPK setgħet xorta waħda tamministra l-proġett b’mod sodisfaċenti. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, meta ma tatx kas l-argument tagħha dwar tali kollużjoni għax ikkunsidratu irrilevanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi.

64      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tallega li, meta kkonstatat li ma kinitx qorti kriminali u ma setgħetx teżamina l-kwistjoni ta’ tali kollużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-prinċipju dolo agit, qui petit, quod statim redditurus est u l-prinċipju fraus omnia corrumpit.

65      Min-naħa l-oħra, IPK tenfasizza li ma kien hemm ebda kollużjoni illegali bejn [G. Tzoanos], […] 01‑Pliroforiki u hija stess. Fi kwalunkwe każ, il-legalità tad-deċiżjoni għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-motivazzjoni li biha ġiet adottata, u, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-deċiżjoni inkwistjoni ma fiha ebda konstatazzjoni dwar xi hekk imsejħa kollużjoni illegali ta’ IPK ma’ [G. Tzoanos] u […] 01‑Pliroforiki.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi mmotivata għandu l-għan li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni u li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni biżżejjed sabiex ikun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’xi żball li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha. Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, bħala regola, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin li tiġi kkomunikata d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, u li n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-presuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja […]

67      Barra minn hekk, skont l-Artikolu [230 KE], il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni abbażi tal-motivi li jinsabu f’dak l-att.

68      F’dan il-każ, permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni rrifjutat li tħallas lil IPK, għall-motivi li jinsabu fl-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993, l-40 % tal-għajnuna finanzjarja ta’ ECU 530 000 li kienet allokat għall-proġett, li ma kinux għadhom tħallsu. Fl-ittra msemmija l-aħħar, il-Kummissjoni informat lil IPK li kienet tqis li x-xogħol imwettaq sal-31 ta’ Ottubru 1993 ma kienx jikkorrispondi b’mod sodisfaċenti għal dak li kien ġie maħsub fil-proposta u tat il-motivi li wassluha sabiex tadotta din id-deċiżjoni fil-punti 1 sa 6 ta’ din l-istess ittra.

69      Mill-punt 15 ta’ din is-sentenza jirriżulta li la fl-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993 u lanqas fid-deċiżjoni inkwistjoni ma tissemma’ l-eżistenza ta’ kollużjoni bejn [G. Tzoanos], […] 01‑Pliroforiki u IPK. Għaldaqstant, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ma kkunsidratx tali kollużjoni bħala motiv tad-deċiżjoni inkwistjoni.

70      Barra minn hekk, billi qieset li l-ittra tat-30 ta’ Novembru 1993 u d-deċiżjoni inkwistjoni ma kien fihom ebda indikazzjoni dwar il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna finanzjarja kienet ingħatat b’mod irregolari lil IPK, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, ġustament, li l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-allegata eżistenza ta’ kollużjoni illegali bejn il-partijiet ikkonċernati ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kjarifika tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni inkwistjoni mogħtija fil-mori tal-kawża u li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza kienet applikabbli għal dan il-każ.

71      Il-Qorti Ġenerali setgħet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiddeduċi mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi minn dawn il-motivi kollha, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li l-argument tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju fraus omnia corrumpit ma setax jintlaqa’”.

 Il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

30      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni indikat lil IPK, billi rreferiet għas-sentenza IPK-München u Il-Kummissjoni, punt 28 iktar’il fuq, li wettqet investigazzjoni bir-reqqa fuq G. Tzoanos, li kixfet li dan kien abitwalment jagħti proġetti li fihom kienu soċji impriżi Griegi li kien jipproponi u li minnhom kien jikseb profitti personali. Il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-legalità u r-regolarità tal-proċedura tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni u waslet għall-konklużjoni li d-deċiżjoni tal-għoti kienet illegali inkwantu kienet tirriżulta minn kollużjoni bejn G. Tzoanos u R. D. Freitag, direttur u proprjetarju ta’ IPK. Il-Kummissjoni b’hekk kienet biħsiebha tannulla d-deċiżjoni tal-għoti.

31      Permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Novembru u tat-23 ta’ Diċembru 2004 kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2005, IPK ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra tat-30 ta’ Settembru 2004. Fl-ittri tagħha tat-23 ta’ Diċembru 2004 u tal-21 ta’ Frar 2005, IPK talbet ukoll il-ħlas tat-tieni parti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni. IPK reġgħet għamlet din it-talba formalment permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2005.

32      B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2005 [ENTR/01/Audit/RVDZ/ss D(2005) 11382], mibgħuta lil IPK u b’mod partikolari lil R. D. Freitag (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni esponiet b’mod partikolari dan li ġej:

“F’dawn iċ-ċirkustanzi, [il-Kummissjoni] eżaminat mill-ġdid il-proċedura tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja [inkwistjoni] sabiex tivverifika l-legalità u r-regolarità tagħha.

Għar-raġunijiet li ser jiġu esposti fil-punti a) sa k) hawn taħt [ara l-punt 33 iktar’il quddiem], [il-Kummissjoni] waslet għall-konklużjoni li l-għoti tal-għajnuna finanzjarja [inkwistjoni] kien illegali u irregolari inkwantu kien ir-riżultat ta’ kollużjoni bejn G. Tzoanos u [R. D. Freitag].

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni preċedenti li tingħata għajnuna finanzjarja ta’ ECU 530 000 fil-kuntest tal-proġett Ecodata […]

B’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrifjuta fl-ewwel lok li tħallas it-tieni parti tal-[għajnuna finanzjarja inkwistjoni] fl-ammont ta’ ECU 212 000 u tiċħad it-talba tiegħek għall-ħlas tal-interessi moratorji.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ser tirkupra s-somma ta’ ECU 318 000 mħallsa bil-quddiem, flimkien mal-interessi.

Din l-ordni għall-irkupru qed titfassal bħalissa u ser tintbagħat lilek iktar’il quddiem.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33      Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ftehim kollużiv bejn G. Tzoanos u R. D. Freitag ġie stabbilit permezz tal-fatturi li ġejjin:

“a)      Il-proposta tal-proġett Ecodata ġiet ippreżentata wara l-pubblikazzjoni, fis-26 ta’ Frar 1992, ta’ sejħa għal proposti sabiex jiġu ssussidjati proġetti fil-qasam tat-turiżmu u tal-ambjent fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 51, p. 16). Il-punt D ta’ din is-sejħa għal proposti, intitolat “Kriterji ta’ għażla”, jelenka ħames suġġetti prijoritarji għall-proġetti. Il-kreazzjoni ta’ bank tad-data, li hija s-suġġett tal-proġett Ecodata, ma kinitx tagħmel parti minn dawn il-ħames suġġetti. Għaldaqstant, jekk wieħed jibbaża ruħu fuq it-test uffiċjali tas-sejħa għal proposti, huwa impossibbli li wieħed jifhem għalfejn ippreżentajt proposta li għandha bħala suġġett il-kreazzjoni ta’ dan il-bank tad-data. Fid-dawl tar-relazzjonijiet preċedenti tiegħek ma’ G. Tzoanos u tal-prova li kien hemm kuntatti bejnietkom fiż-żmien meta saret il-proposta msemmija iktar’il quddiem, l-unika spjegazzjoni hija li G. Tzoanos informak li proġett bħal dan seta’ jiġi ssussidjat minkejja t-test tas-sejħa għal proposti.

b)      L-għażla effettiva tal-proġett Ecodata minn G. Tzoanos […] kienet irregolari. Sabiex jiġu ggarantiti t-trasparenza, il-kompetizzjoni leali, it-trattament ugwali u l-aċċess għall-finanzjament Komunitarju, l-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti sabiex jiġu ffinanzjati għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji ppubblikati fis-sejħa għal proposti. Kjarament, dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-proġett Ecodata, peress li ma kien jikkorrispondi għal ebda wieħed mill-ħames suġġetti msemmija fis-sejħa. Il-punti a) u b) jikkostitwixxu indikazzjonijiet ċari ta’ prattiki illeċiti.

c)      Is-sejħa għal proposti ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali [tal-Komunitajiet Ewropej] indikat li l-ammont disponibbli għall-finanzjament, b’kollox ECU 2 000 000 (żewġ miljuni), kien ser jitqassam bejn madwar 25 proġett. Għaldaqstant, l-għajnuna finanzjarja medja li wieħed seta’ jistenna li jikseb kienet ta’ madwar ECU 80 000. Inti ppreżentajt proposta għal għajnuna Komunitarja ta’ ECU 600 000 (30 % tal-ammont totali disponibbli għall-finanzjament). Din il-proposta kienet tkun irrealistika għalkollox li kieku G. Tzoanos ma kienx informak minn qabel li stajt tistenna riżultat favorevoli.

d)      Il-baġit [ġenerali finali għas-sena finanzjarja] 1992 kien jinkludi nota dwar il-baġit tat-turiżmu li kienet tippreċiża li ammont minimu ta’ ECU 530 000 kellu jiġi allokat għall-kreazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni dwar it-turiżmu ekoloġiku. Madankollu, dan is-suġġett ma kien inkluż fis-sejħa għal proposti ppubblikata fis-26 ta’ Frar 1992. Ma kellek ebda raġuni taħseb li, minkejja n-nuqqas ta’ riferiment għas-suġġett “bank tad-data jew sistema ta’ informazzjoni” fis-sejħa għal proposti jew għan-nota fil-baġit dwar il-ħtieġa ta’ sistema ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni kien biħsiebha tuża din il-parti tal-baġit f’dak iż-żmien. L-unika spjegazzjoni possibbli hija li [G. Tzoanos] informak bl-intenzjoni tiegħu, li jbiddel il-proċedura ta’ għażla fi proċedura żleali u irregolari, biex b’hekk tiġi eskluża kull kompetizzjoni.

e)      Matul l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, F. Franck, president tal-kumpannija ETIC, informa lil żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni li t-test sħiħ tat-talba għal [għajnuna finanzjarja] (il-proposta [tal-proġett] Ecodata) intbagħat lilek minn G. Tzoanos. L-unika ħaġa li kellek tagħmel f’dan l-istadju kienet […] li tikkopja t-test fuq karta b’letterhead ta’ IPK u tibgħat kollox lill-Kummissjoni. Skont F. [Franck], ma kienet prevista ebda parteċipazzjoni reali min-naħa tiegħek fl-eżekuzzjoni tal-proġett f’dak iż-żmien; it-tqassim tal-fondi bejn is-soċji kellu jsir hekk: 10 % għalik u 90 % għas-soċji l-oħrajn, fosthom 01‑Pliroforiki, kumpannija Griega proposta minn G. Tzoanos. Kjarament, tali prattiki fit-tfassil ta’ proposta jikkawżaw distorsjoni fil-proċedura ta’ għażla u jikkostitwixxu manuvri kollużivi bejn uffiċjal korrott u terz li milli jidher kien jaqbel ma’ dan.

f)      Id-dikjarazzjonijiet ta’ F. Franck ġew ikkonfermati parzjalment minn wieħed mill-kompetituri tiegħek. Skont dan tal-aħħar, inti ddikjarat li ddiskutejt ma’ G. Tzoanos qabel ma ppreżentajt il-proposta u li [huwa] kien informak li kont tikseb l-għajnuna finanzjarja jekk taċċetta tliet soċji fi proġetti magħżula minnu. Din kienet proposta ġejja minn uffiċjal Komunitarju li kienet inaċċettabbli għalkollox u jmisshom ġew informati biha l-awtoritajiet responsabbli. Meta komplejt id-diskussjonijiet ma’ dan l-uffiċjal, urejt ir-rieda tiegħek li tipparteċipa fi prattiki illeċiti għad-detriment tal-Kummissjoni minkejja r-relazzjonijiet kuntrattwali tiegħek ma’ din l-istituzzjoni li ilhom jeżistu għal ħafna snin.

g)      Matul l-eżekuzzjoni tal-proġett E[codata], stajt faċilment tirrapporta l-fatt li G. Tzoanos kien għawweġ il-proċedura ta’ għażla u kien ipprova jinfluwenza illegalment l-għoti tal-fondi. Meta kkuntattjajt xi uffiċjali tad-DĠ XXIII […], qatt ma informajthom bil-fatt li kont tinsab inkwetat u għall-kuntrajru pproteġejt u ddefendejt lil G. Tzoanos. Madankollu, meta interrogatek il-pulizija Belġjana fi Frar tal-1995, inti spjegajt li, kemm fil-perijodu bejn l-1989 u l-1990 kif ukoll fl-1992, G. Tzoanos kien diġà għamel xi offerti, b’mod patikolari fir-rigward [tal-proġett] Ecodata, li kienu juru kjarament l-intenzjonijiet tiegħu ta’ korruzzjoni. Anki jekk, matul l-interrogatorju tal-pulizija, innegajt li aċċettajt dawn l-offerti, il-fatt li dak iż-żmien ma informajtx lill-awtoritajiet jew lill-uffiċjali tad-DĠ XXIII b’dawn it-tentattivi ta’ korruzzjoni, iżda għall-kuntrarju komplejt tikkollabora ma’ G. Tzoanos, huwa indizju serju ta’ aġir illegali min-naħa tiegħek.

h)      Meta d-Direttur Ġenerali tad-DĠ XXIII talbek, f’Marzu tal-1993, jekk kellekx kuntatti ma’ G. Tzoanos fi żmien it-tfassil tal-proposta tiegħek, inti nnegajt kull involviment f’dan il-proġett min-naħa ta’ G. Tzoanos qabel ma ġiet ippreżentata l-proposta, u ddikjarajt li […] 01‑Pliroforiki kienet iddaħħlet fuq rakkomandazzjoni ta’ G. Tzoanos matul id-diskussjonijiet miegħu fi żmien it-tħejjija tal-proposta tiegħek. Peress li rrikonoxxejt li preċedentement G. Tzoanos kien wettaq tentattivi ta’ korruzzjoni, l-aċċettazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni qabel ma ppreżentajt il-proposta tiegħek, li sussegwentement kellha tiġi evalwata u approvata minn G. Tzoanos stess għall-finijiet tal-għoti [tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni], tikkostitwixxi fattur ieħor li juri li l-proċedura ta’ għoti kienet irregolari u kienet ġiet distorta.

i)      Il-minuti tal-interrogatorju ta’ G. Tzoanos mill-pulizija Belġjana jindikaw li, skont id-djarju ta’ G. Tzoanos, inżammet laqgħa bejnek u G. Tzoanos kif ukoll bejn dan tal-aħħar u wieħed mill-kollaboraturi tiegħek matul il-perijodu meta kienet qed titfassal il-proposta tal-proġett Ecodata. Din l-indikazzjoni hija konkordanti mad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti e) u f). Għaldaqstant, il-faks li bgħatt fil-31 ta’ Marzu 1993 lid-direttur ġenerali [tad-DĠ XXIII], fuq talba tiegħu, fejn indikajt li ma kellek ebda kuntatt ma’ G. Tzoanos matul il-perijodu meta kienet qed titħejja l-proposta tikkostitwixxi dikjarazzjoni falza.

j)      Jidher li laqgħa li nżammet f’Novembru 1992 bejn G. Tzoanos u [s-soċji tal-proġett] Ecodata fl-uffiċini ta’ ETIC, waħda mill-kumpanniji tiegħek, fi Brussell dwar it-tqassim tal-fondi bejn is-soċji tal-proġett hija eżempju ta’ dawn il-prattiki kollużivi. Innovence, l-unika kumpannija tal-grupp li ma għandha rabtiet la miegħek u lanqas ma’ G. Tzoanos, ma ġietx mistiedna għal din il-laqgħa importanti. Is-soċju Taljan, Tourconsult, kien irrappreżentat minnek bħala azzjonarju ta’ din il-kumpannija.

k)      Il-fatt li l-għarusa (li saret il-mara) ta’ G. Tzoanos kienet taħdem bħala rappreżentanti Griega ta’ ETIC (li ġiet ikkreata minn IPK) fi ħdan Lex Group (ikkreata minn G. Tzoanos) jikkonferma li r-rabtiet bejnek u G. Tzoanos kienu jmorru lura fiż-żmien u kienu relattivament stretti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Deċiżjoni ta’ rkupru tal-ewwel parti tal-għajnuna finanzjarja

34      Wara li IPK ikkontestat nota ta’ debitu u nota ta’ tfakkir għall-ħlas li l-Kummissjoni bagħtitilha fit-13 ta’ Ġunju u fil-31 ta’ Awwissu 2005 rispettivament, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 6452, tal-4 ta’ Diċembru 2006 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rkupru”).

35      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tiddikjara, fil-punt 1, li IPK kellha tagħtiha, fil-31 ta’ Ottubru 2006, ammont prinċipali ta’ EUR 318 000, flimkien mal-interessi moratorji li bdew jiddekorru mill-25 ta’ Lulju 2005. Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta’ rkupru, il-Kummissjoni tindika lil IPK li ser tinbeda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata skont l-Artikolu 256 KE f’każ li l-ħlas ma jsirx fi żmien ħmistax min-notifika tad-deċiżjoni ta’ rkupru. Fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni, ġie indikat li din tal-aħħar tikkostitwixxi deċiżjoni li għandha saħħa eżekuttiva fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 256 KE.

36      Fil-15 ta’ Mejju 2007, IPK ħallset lura lill-Kummissjoni l-ammont mitlub fid-deċiżjoni ta’ rkupru, mingħajr ma rrikonoxxiet obbligu ta’ ħlas.

 Proċeduri kriminali kontra G. Tzoanos fuq livell nazzjonali

37      Il-proċeduri kriminali kontra G. Tzoanos fil-Belġju, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-aġir tiegħu fir-rigward tal-proġett Ecodata, wasslu għal sentenza tal-qorti tal-appell ta’ Brussell tas-6 ta’ Mejju 2008 li ddikjarat l-inammissibbiltà tal-azzjoni minħabba preskrizzjoni.

38      Il-proċeduri kriminali kontra G. Tzoanos fi Franza, li ma kinux jirrigwardaw l-aġir tiegħu fir-rigward tal-proġett Ecodata, wasslu biex ġie kkundannat fil-kontumaċja mit-tribunal de grande instance ta’ Pariġi, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Settembru 2000 (Kawża Nru 9508001053), għal erba’ snin priġunerija u għal multa għal sensiela ta’ atti frodulenti. Din il-kundanna ġiet ikkonfermata mill-cour d’appel ta’ Pariġi permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Novembru 2005 (Kawża Nru 04/06084). L-appell ta’ G. Tzoanos minn din is-sentenza msemmija l-aħħar ġie miċħud mill-Cour de cassation permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2006.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

39      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2005, IPK ippreżentat dan ir-rikors.

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2006, IPK ressqet talba għal miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni ta’ rkupru sakemm il-Qorti Ġenerali tkun tat deċiżjoni eżekuttiva f’din il-kawża. Din it-talba ġiet irreġistrata bir-referenza T‑297/05 R.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2007, IPK ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru, irreġistrat bir-referenza T‑41/07.

42      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Mejju  007, IPK International – World Tourism Marketing Consultants vs Il-Kummissjoni (T‑297/05 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti Ġenerali interpreta t-talba għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 40 iktar’il fuq bħala intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (punt 18 tal-imsemmi digriet), u ċaħad din it-talba minħabba nuqqas ta’ urġenza.

43      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2009, IPK International – World Tourism Marketing Consultants vs Il‑Kummissjoni (T‑41/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 15), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T‑41/07, peress li IPK irrimborsat lill-Kummissjoni l-ammont mitlub fid-deċiżjoni ta’ rkupru u b’hekk ir-rikors ma kienx għad għandu skop.

44      IPK titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil IPK għall-ispejjeż.

46      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tisma’ lil diversi persuni bħala xhieda. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 64(3)(d) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, hija titlob il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti tal-Kummissjoni. B’hekk, essenzjalment, hija titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna li l-Kummissjoni tipproduċi, b’mod partikolari, “id-dokumenti provenjenti mid-DĠ XXIII u d-Direttorat Ġenerali tal-kontroll tal-finanzi fir-rigward tal-proġett u d-dokumenti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-investigazzjonijiet magħmula fuq il-miżuri inkwistjoni f’dan il-każ” u teżamina d-dokumenti li jirrigwardaw l-ewwel proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali (T-331/94), peress li dawn id-dokumenti huma “rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-rikors”. Il-Kummissjoni wkoll tiċċita l-isem ta’ diversi persuni li jistgħu jissejħu bħala xhieda u tipproponi lill-Qorti Ġenerali sabiex tibbaża ruħha fuq il-proċess fil-Kawża T-331/94.

47      B’ittra tat-30 ta’ April 2010, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u għamlitilhom xi mistoqsijiet filwaqt li stednithom iweġbuha bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

48      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura orali.

49      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2010. Barra minn hekk, waqt is-seduta, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u ċerti provi u li jagħtu ċerti kjarifiki bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija. Peress li l-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokumenti u fuq il-provi prodotti kif ukoll fuq il-kjarifiki mogħtija, il-proċedura orali ngħalqet fit-2 ta’ Settembru 2010.

 Id-dritt

 Osservazzjoni preliminari

50      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-annullament ta’ deċiżjoni li tagħti għajnuna finanzjarja ma humiex sodisfatti. It-tieni u t-tielet motivi huma bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE rispettivament. Ir-raba’ motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq il-“projbizzjoni li jiġu adottati mill-ġdid deċiżjonijiet annullati”.

51      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun opportun li jiġu esposti, qabel kollox, l-argumenti kollha li jirrigwardaw il-prova tal-kollużjoni li fuqha huwa bbażat, b’mod partikolari, l-ewwel motiv u li, sussegwentement, dawn jiġu evalwati flimkien mal-imsemmi motiv.

 Fuq il-prova tal-kollużjoni u fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq il-prova ta’ aġir kollużiv imputabbli lil IPK

52      IPK tikkontesta r-realtà tal-kollużjoni allegata fid-deċiżjoni kkontestata. L-uniku għan ta’ dan l-argument, żviluppat mill-Kummissjoni wara li ma rnexxilhiex tirbaħ fil-kuntest tal-ewwel proċedura kontenzjuża (ara l-punti 18 sa 28 iktar’il fuq), huwa li l-aġir illegali kommess fi ħdan il-Kummissjoni jiġi imputat lil IPK, li effettivament hija l-vittma tal-aġir.

53      IPK issostni, essenzjalment, li saret taf bil-proġett Ecodata permezz ta’ 01‑Pliroforiki waqt telefonata li saret fis-16 ta’ Marzu 1992 u wara din it-telefonata 01‑Pliroforiki ppreżentatilha, fit-3 ta’ April 1992, abbozz tal-proġett. IPK żviluppat sew il-kunċett ippreżentat f’dan l-abbozz u bagħtet lill-Kummissjoni, fit-22 ta’ April 1992, l-ewwel proposta tagħha tal-proġett Ecodata li pproponiet kollaborazzjoni bejn il-kumpanniji Innovence, Tourconsult u 01‑Pliroforiki. Waqt is-seduta, madankollu, IPK irrikonoxxiet f’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali li kienet irċeviet l-abbozz tal-proġett mingħand 01‑Pliroforiki biss fl-20 ta’ April 1992 u ttieħdet nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta.

54      Kien biss wara d-deċiżjoni tal-għoti li G. Tzoanos ipprova jimponi għall-ewwel darba, iżda mingħajr ma rnexxielu bis-saħħa tal-oppożizzjoni ta’ IPK, li parti sostanzjali tax-xogħol u tal-fondi tiġi attribwita lil 01‑Pliroforiki, minħabba l-importanza tagħha fis-settur tal-banek tad-data. Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, ma ġie konkluż ebda ftehim fir-rigward tal-imsemmi proġett bejn IPK u G. Tzoanos qabel id-deċiżjoni tal-għoti, u ma ġiex previst li 10 % tal-għajnuna finanzjarja tingħata lil IPK u li d-90 % rimanenti jingħataw lis-soċji l-oħrajn tal-proġett Ecodata. Fil-fatt, il-kuntatti bejn IPK u G. Tzoanos li ppreċedew id-deċiżjoni tal-għoti bl-ebda mod ma kienu jirrigwardaw il-proġett u huma irrilevanti għal din il-proċedura. IPK dejjem ġabet ruħha b’mod leali fir-rigward tal-Kummissjoni u talbet għalxejn laqgħa kunfidenzjali mal-ġerarkija ta’ G. Tzoanos sabiex tilmenta dwar l-aġir tiegħu.

55      Fir-rigward tas-subparagrafu a) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri n-nuqqas ta’ sejħa għal proposti speċifika għat-tfassil ta’ bank tad-data bħal dak propost fil-proġett Ecodata, IPK issostni li s-sejħa għal proposti ma kinitx tinkludi kriterji ta’ għażla eżawrjenti, b’mod li, minbarra r-restrizzjonijiet espressi li ssemmew fiha u abbażi tas-sezzjoni B tal-imsemmija sejħa għal proposti, il-proġetti kollha li kienu innovattivi u li kienu jiffavorixxu żvilupp ekoloġiku tat-turiżmu setgħu jiġu ppreżentati. F’dan il-kuntest, kien hemm rabta evidenti bejn il-fondi previsti fil-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992 u s-sejħa għal proposti. B’hekk, ma huwiex sorprendenti li IPK ippreżentat il-proġett Ecodata.

56      Għal dak li jirrigwarda s-subparagrafu b) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, dwar in-natura allegatament irregolari tal-għażla tal-proġett Ecodata minn G. Tzoanos, IPK tirrileva li ma kellha ebda influwenza fuq tali azzjoni, li kienet purament interna għall-Kummissjoni u li, fi kwalunkwe każ, ma tippermettix li jiġi konkluż li kien hemm kollużjoni. Barra minn hekk, IPK ma tifhimx għalfejn id-deċiżjoni tal-għoti hija irregolari, peress li, minn naħa, il-proposta tal-proġett Ecodata kienet adattata perfettament għall-ħtieġa ta’ netwerk ta’ informazzjoni fuq il-proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku fl-Ewropa, kif kien ġie stipulat fil-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992, u, min-naħa l-oħra, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess meta biddlet il-kliem tad-deċiżjoni kkontestata meta mqabbel ma’ dak fl-ittra tagħha tat-20 ta’ Settembru 2004, l-għażla mhux bilfors kellha ssir biss abbażi tal-kriterji msemmija, li ngħataw bħala eżempju, fis-sejħa għal proposti.

57      Fir-rigward tas-subparagrafu c) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li ammont irrealistiku ta’ ECU 60 000 intalab bħala għajnuna finanzjarja minn IPK, ammont li jirrappreżenta 30 % mis-somma globali prevista għal madwar 25 proġett, IPK tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni bħala li “jmur kontra l-approċċ ekonomiku li għandu jittieħed”. Tali approċċ jeskludi li l-għajnuna Komunitarja “titferrex” bejn daqstant proġetti. Peress li IPK qieset li l-proġett Ecodata kien jiswa ECU 1 000 000, hija b’hekk ippreżentat talba li kienet tikkorrispondi mal-perċentwali tal-kofinanzjament Komunitarju (60 %).

58      Fir-rigward tas-subparagrafu d) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li hija biss l-intenzjoni ta’ G. Tzoanos, ikkomunikata lil IPK, li jagħżel il-proġett Ecodata li setgħet tispjega t-talba ta’ IPK, din targumenta, essenzjalment, li kemm it-test tal-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992 kif ukoll dak tas-sejħa għal proposti kienu ġew ikkomunikati lill-pubbliku u kienu aċċessibbli għalih. Sabiex l-argument tal-Kummissjoni dwar l-allegat kxif ta’ informazzjoni jiġi sostnut, kien ikun neċessarju li dawn it-testi jkunu kunfidenzjali.

59      IPK tikkontesta s-subparagrafu e) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq ix-xhieda ta’ F. Franck, li jgħid li, minn naħa, it-test tat-talba għal għajnuna finanzjarja kien tħejja kollu kemm hu minn G. Tzoanos u kien ġie kkupjat minn IPK fuq karta b’letter head ta’ IPK qabel ma din intbagħtet lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, ebda parteċipazzjoni reali ma kienet mistennija minn IPK. Hija kellha tirċievi 10 % tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, filwaqt li d-90 % l-oħra kellhom jitħallsu b’mod partikolari lil 01‑Pliroforiki, li l-parteċipazzjoni tagħha kienet ġiet proposta minn G. Tzoanos. Ebda prova ma ssostni din is-suppożizzjoni. Għall-kuntrarju, l-abbozz tal-proġett Ecodata inizjalment sar minn 01‑Pliroforiki, effettivament mill-president tagħha, qabel ma ġie kkomunikat lil IPK.

60      Barra minn hekk, qabel id-deċiżjoni tal-għoti, qatt ma ġie diskuss li IPK tirċievi 10 % tal-ammont tal-għajnuna mingħajr ma tagħti servizz inkambju. Kien biss wara li ttieħdet din id-deċiżjoni li G. Tzoanos ipprova, mingħajr ma rnexxielu, jindaħal fir-relazzjonijiet bejn is-soċji tal-proġett Ecodata. Il-Kummissjoni tibbaża s-suspetti żbaljati tagħha biss fuq ix-xhieda ta’ F. Franck, li ma hijiex kredibbli. Dan qatt ma kien impjegat jew rappreżentant ta’ IPK. Ir-rwol tiegħu kien limitat għal dak ta’ maniġer ta’ kumpannija ta’ konsulenza li kellha attività ta’ kiri ta’ uffiċji fi Brussell (il-Belġju) u li IPK kellha relazzjonijiet magħha, għal madwar sena, minħabba kuntratt ta’ kiri ta’ uffiċċju. IPK ħassret l-imsemmi kuntratt wara irregolaritajiet gravi kommessi minn F. Franck għad-detriment tagħha. Wara dan, huwa pprova jirreġistra kumpannija f’isem IPK International fil-Lussemburgu u IPK opponiet għal dan. Dawn il-fatti huma r-raġuni għalfejn F. Franck għamel dawn l-akkużi falzi kontra IPK.

61      IPK tikkontesta wkoll is-subparagrafu f) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li G. Tzoanos ġiegħel lil IPK taċċetta tliet soċji magħżula minnu qabel id-deċiżjoni tal-għoti. Il-Kummissjoni ma ssemmix il-kompetitur ta’ IPK li ħareġ b’din l-allegazzjoni żbaljata b’ismu. IPK madankollu tqis li l-kompetitur huwa l-iStudienkreis, li kellu kull interess jipparteċipa fl-eżekuzzjoni tal-proġett Ecodata minħabba l-istat ta’ falliment imminenti tiegħu u li l-parteċipazzjoni tiegħu kienet intalbet b’mod insistenti mill-Kummissjoni (sentenza IPK‑München vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar’il fuq, punt 75). Dawn il-fatti huma biżżejjed biex tiġi ddubitata l-affidabbiltà ta’ din l-allegazzjoni. Fl-aħħar nett, din l-allegazzjoni mhux talli ma hijiex indikazzjoni ta’ aġir kollużiv ta’ IPK, iżda talli għall-kuntrarju ssostni n-natura illegali tal-aġir tal-Kummissjoni li kellha interessi inammissibbli flimkien mal-iStudienkreis.

62      Fir-rigward tas-subparagrafu g) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li IPK ma rrappurtatx l-aġir frodulenti ta’ G. Tzoanos lill-Kummissjoni, IPK issostni li dan l-argument ma jistax jikkorrobora l-ilment ibbażat fuq allegata kollużjoni, peress li l-elementi kollha invokati ġraw wara d-deċiżjoni tal-għoti. Barra minn hekk, dan l-ilment ma huwa bbażat fuq xejn, peress li IPK ipprovat tilmenta mal-ġerarkija tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aġir ta’ G. Tzoanos, li kienet il-vittma tiegħu. Għal dan il-għan, hija kienet talbet, f’Awwissu 1992, laqgħa ma’ von Moltke, Direttur Ġenerali tad-DĠ XXIII, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ G. Tzoanos. Madankollu, von Moltke sejjaħ lil G. Tzoanos għal-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1992 u indika lil IPK li l-proċedura ta’ għoti kienet regolari. Sa fejn il-Kummissjoni tirreferi għal avvenimenti li ġraw fis-snin 1989, 1990 u 1992, IPK issostni li dak iż-żmien la kellha provi u lanqas indizji probatorji li kienu jippermettulha tikkomunika mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dawn l-avvenimenti la kellhom rabta mal-proġett Ecodata u lanqas ma affettwaw id-deċiżjoni tal-għoti.

63      Għall-motivi esposti fil-punt 53 iktar’il fuq, IPK tiċħad ukoll l-allegazzjoni li tinsab fis-subparagrafu h) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-fatt li nnegat, f’Marzu 1993 l-allegati manipulazzjonijiet ta’ G. Tzoanos fir-rigward tal-proġett Ecodata qabel ma dan ġie ppreżentat lill-Kummissjoni jikkostitwixxi indizju tal-aġir kollużiv ta’ IPK.

64      Bl-istess mod, IPK tikkontesta s-subparagrafu i) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li għamlet dikjarazzjoni falza, li ġiet kontradetta mill-minuti, miktubin mill-pulizija Belġjana, tal-interrogatorju ta’ G. Tzoanos, meta indikat f’faks tal-31 ta’ Marzu 1993 indirizzat lil von Moltke li la R. D. Freitag u lanqas l-impjegat tiegħu ma kellhom kuntatt ma’ G. Tzoanos matul il-fażi ta’ tħejjija tal-proġett Ecodata. Fil-fatt, ma sarux tali kuntatti. IPK iżżid tgħid li jekk sar xi kuntatt, sar bejn G. Tzoanos u F. Franck, li aġixxa mingħar l-awtorizzazzjoni ta’ IPK u mingħajr ma kienet taf b’xejn.

65      Fir-rigward tas-subparagrafu j) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li f’Novembru 1992, inżammet laqgħa bejn G. Tzoanos, 01‑Pliroforiki u IPK, li fl-istess ħin irrappreżentat lil Tourconsult, IPK tallega li ma kinitx taf li l-kumpanniji Innovence u Tourconsult ma kinux issejħu għal-laqgħa. Lanqas ma kienet f’pożizzjoni tipprevendi li l-imsemmija laqgħa kienet intiża sabiex jitqassam ix-xogħol bejn l-impriżi parteċipanti. Mill-bqija, it-tentattivi ta’ indħil minn G. Tzoanos f’din l-okkażjoni ma jikkostitwixxux indizju tal-allegata kollużjoni inkwantu l-imsemmija laqgħa nżammet wara li ttieħdet id-deċiżjoni tal-għoti.

66      Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, is-subparagrafu k) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li Sapountzaki, l-għarusa u sussegwentement il-mara ta’ G. Tzoanos, kienet taħdem bħala rappreżentanta Griega ta’ ETIC, ikkreata minn IPK, fi ħdan Lex Group, li ġiet ikkreata minn G. Tzoanos, ħaġa li tikkonferma li r-relazzjonijiet bejn R. D. Freitag u G. Tzoanos kienu ilhom għaddejjin u kienu pjuttost stretti, IPK issostni li ma kinitx taf bir-relazzjonijiet personali li kien hemm bejn G. Tzoanos u l-għarusa tiegħu, li din tal-aħħar, bħala propretarja preżunta ta’ Lex Group, kienet f’għajnejn IPK sempliċiment persuna ta’ kuntatt fil-Greċja u li, fi kwalunkwe każ, tali fattur ma għandux iwassal għall-konklużjoni li kien hemm relazzjonijiet stretti u li kienu ilhom jeżistu bejnha u l-koppja Tzoanos.

67      Barra minn hekk, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni tiġġustifika l-allegazzjonijiet tagħha billi tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet dubjużi ta’ G. Tzoanos, li kontrih kien hemm proċeduri kriminali fi Franza u fil-Belġju, u ta’ F. Franck, li wettaq xi irregolaritajiet fil-kuntest tal-attività tiegħu f’isem IPK, hija ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni ċerti provi favuriha li jikkontradixxu l-eżistenza ta’ kollużjoni. B’hekk, qatt ma saret investigazzjoni kriminali kontra IPK, u l-awtoritajiet Franċiżi u Belġjani waslu għall-konklużjoni li ma kienx hemm l-iċken suspett li R. D. Freitag sar ħati ta’ reat. Barra minn hekk, l-investigazzjonijiet interni li għamlet il-Kummissjoni ma stabbilixxewx li l-għoti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni kien irregolari.

68      Għall-kuntrarju, mill-ewwel proċedura kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni kienet eżerċitat pressjoni illeċita fuq IPK (sentenza IPK-München vs Il‑Kummissjoni, punt 23 iktar’il fuq, punti 75 u 85). Barra minn hekk, IPK irrapportat fi żmien raġonevoli l-aġir ta’ G. Tzoanos u ppruvat, mix-xahar ta’ Awwissu 1992, titlob laqgħa kunfidenzjali ma’ von Moltke f’dan ir-rigward.

69      IPK tispeċifika li l-investigazzjoni tal-pulizija Belġjana kienet il-konsegwenza ta’ lment ippreżentat minn IPK fis-27 ta’ April 1994 kontra von Moltke u ta’ intervista mogħtija minnha fl-4 ta’ Mejju 1994 lir-rivista The European. IPK ma kinitx tressaq ilment kieku kellha għalfejn tibża’ li tesponi ruħha għal proċeduri kontriha u l-unika spjegazzjoni plawżibbli għal dan il-pass hija li ma kienx hemm kollużjoni bejnha u G. Tzoanos. Għall-kuntrarju, IPK opponiet dak li kien qed jeżiġi G. Tzoanos billi żgurat hija stess it-twettiq u l-koordinazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-proġett Ecodata, għall-kuntrarju tal-aspettattivi ta’ G. Tzoanos, li xtaq jiffavorixxi lil 01‑Pliroforiki. Peress li IPK investiet fondi tagħha stess fil-proġett Ecodata, li kien jiswa iktar minn EUR 1 000 000 b’kollox, hija kellha interess personali u immedjat li dan jirnexxi. Madankollu, li kieku kienet teżisti l-kollużjoni allegata, l-avvenimenti bilfors kienu jiżvolġu b’mod differenti. B’mod partikolari, f’każ bħal dan, IPK kienet tirrispetta l-ftehim allegati, sabiex tikseb parti mill-għajnuna finanzjarja mingħajr ma tagħti servizz inkambju.

70      Il-Kummissjoni tqis li din il-kawża għandha titqiegħed fil-kuntest tas-sistema ta’ korruzzjoni introdotta fi tmiem is-snin 80 u fil-bidu tas-snin 90 mill-ex kap tal-unità “Turiżmu” tad-DĠ XXIII, G. Tzoanos. L-imsemmija sistema kienet ibbażata essenzjalment fuq il-ħlas ta’ “onorarji”, li kienu proporzjonali għas-sussidji mogħtija mill-Kummissjoni, lil kumpanniji ta’ konsulenti kkontrollati minn G. Tzoanos jew mill-għarusa tiegħu, Sapountzaki, li sussegwentement saret martu. Il-Kummissjoni tindika li G. Tzoanos ġie kkundannat b’mod definittiv fi Franza għal dan it-tip ta’ reat u li bħalissa għaddejjin proċeduri kriminali kontrih u kontra l-mara tiegħu fil-Belġju.

71      G. Tzoanos huwa mfittex mill-pulizija, inħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali kontrih u huwa maħsub li jinsab fil-Greċja, pajjiż li qed jirrifjuta l-estradizzjoni tiegħu. Fl-ambjent ikkonċernat, huwa magħruf li G. Tzoanos, li l-laqam tiegħu huwa “is-Sinjur tletin fil-mija”, għandu leblieba għall-flus. B’mod partikolari, id-direttur u l-proprjetarju ta’ IPK, R. D. Freitag jaf b’dan. Skont diversi minuti mfasslin mill-pulizija Belġjana, R. D. Freitag u G. Tzoanos kellhom kuntatti sa mill-1989. B’hekk, G. Tzoanos ippropona lil R. D. Freitag li jsir soċju akkomandanti fil-kumpannija tiegħu European Travel Monitor sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba minn din il-kumpannija ta’ kuntratti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fil-perijodu bejn l-1991 u l-1992 biss, il-kumpanniji kkontrollati minn R. D. Freitag irċevew sussidji mill-Kummissjoni ta’ ECU 949 365.

72      Fir-rigward tal-proġett Ecodata, il-Kummissjoni tirrepeti l-argument li G. Tzoanos informa lil R. D. Freitag bil-possibbiltà li jinkiseb ammont kbir bħala għajnuna finanzjarja għal sistema ta’ informazzjoni li tikkonċerna proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku. G. Tzoanos ta lil IPK x’tifhem li hija setgħet tikseb tali għajnuna finanzjarja jekk tippreżenta talba għal dan il-għan li kienet ser tiġi pprovduta lilha diġà lesta. Hija setgħet b’hekk tirċievi 10 % tal-fondi jekk sempliċiment tagħmel hekk. Il-kumplament tal-fondi kellu jitqassam bejn il-kumpanniji l-oħra li pparteċipaw fil-proġett, u b’mod partikolari kellu jingħata lil 01‑Pliroforiki, impriża Griega li bħall-kumpannija Lex Group kien involut fiha G. Tzoanos u kien jiffavoriha b’mod illegali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T‑74/96, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑343, punti 252 sa 255).

73      Fid-dawl tal-impossibbiltà għall-operaturi ekonomiċi l-oħrajn li jindunaw b’din il-possibbiltà ta’ għajnuna finanzjarja fin-nuqqas ta’ sejħa għal proposti espliċita, IPK kienet l-unika kumpannija li ppreżentat talba għal għajnuna finanzjarja sabiex tiġi kkreata bażi tad-data għal proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku. Matul il-perijodu tal-vaganzi tas-sajf, kien faċli għal G. Tzoanos li jagħmel mezz li l-għajnuna tingħata lil IPK, u dan minkejja l-istagħġib tal-iStudienkreis – li diġà kien ikkollabora mal-Kummissjoni fuq proġett simili – meta ra kemm din l-għajnuna, li ġiet akkordata mingħajr sejħa għal proposti, ingħatat malajr.

74      Saħansitra qabel id-deċiżjoni tal-għoti, il-kumpannija ETIC, li ġiet ikkreata minn IPK, kienet irrappreżentata fil-Greċja mill-kumpannija Lex Group, li fiha G. Tzoanos kellu sehem ta’ 10 % (sentenza Tzoanos vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punti 58 sa 79). Il-persuna responsabbli mill-klijenti kienet Sapountzaki, li dak iż-żmien kienet l-għarusa ta’ G. Tzoanos u sussegwentement saret martu.

75      Wara d-deċiżjoni tal-għoti, R. D. Freitag ma ħassx li kien għadu marbut bil-ftehim konkluż ma’ G. Tzoanos, b’mod li dan tal-aħħar kellu jeżerċita pressjoni fuq IPK sabiex jimponi li l-proġett jitwettaq bil-mod kif previst inizjalment.

76      Ladarba l-proġett Ecodata ġie rtirat minn idejn G. Tzoanos, fis-26 ta’ Marzu 1993, IPK, 01‑Pliroforiki u ż-żewġ kumpanniji parteċipanti l-oħrajn ftiehmu fuq it-tqassim finanzjarju u tekniku tal-proġett li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma setax jintemm fit-termini previsti. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet, permezz tad-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994 (ara l-punt 17 iktar’il fuq), li ma tħallasx it-tieni parti tal-għajnuna finanzjarja.

77      Wara li IPK kisbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994 fi tmiem l-ewwel proċedura kontenzjuża, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq l-informazzjoni dwar il-kollużjoni bejn G. Tzoanos u R. D. Freitag, li nkisbet wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut, u, min-naħa l-oħra, fuq il-possibbiltà, “issenjalata espressament mill-qrati Komunitarji” (sentenza IPK-München vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar’il fuq, punt 92; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-Kawża IPK‑München u Il-Kummissjoni, punt 28 iktar’il fuq, Ġabra p. I‑4630, punt 101), li jintalab ir-rimbors tal-għajnuna finanzjarja kollha skont il-prinċipju fraus omnia corrumpit.

78      Fir-rigward b’mod partikolari tas-subparagrafu a) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, dwar in-nuqqas ta’ sejħa għal proposti speċifika għall-kreazzjoni ta’ bank tad-data bħall-proġett Ecodata, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja, hija s-sejħa għal proposti li tiddetermina l-eliġibbiltà ta’ proġett. Il-proposta ta’ IPK ma kkorrispondiet ma’ ebda waħda mill-kriterji ta’ għażla elenkati fis-sejħa għal proposti. Fir-rigward tal-argument ta’ IPK li l-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992 kien jipprevdi somma ta’ ECU 530 000 sabiex tiġi ffinanzjata l-kreazzjoni ta’ netwerk ta’ informazzjoni fuq il-proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku fl-Ewropa li r-rabta tiegħu mas-sejħa għal proposti kienet “evidenti”, il-Kummissjoni twieġeb li kien ikun impossibbli għal applikant “normali” li jinduna li s-sejħa għal proposti kienet tirrigwarda wkoll għajnuna finanzjarja msemmija f’sentenza waħda li tinsab fil-paġna 659 tal-imsemmi baġit ġenerali. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-punt B tas-sejħa għal proposti jirreferi speċifikament għall-kriterji tal-punt D. Madankollu, IPK lanqas ipprovat turi, fit-talba tagħha għal għajnuna finanzjarja, li l-proġett propost kien jikkorrispondi għall-kriterji ta’ għażla, hekk kif kien jipprovdi l-punt C 2 tas-sejħa għal proposti. Skont il-Kummissjoni, din l-ommissjoni tirrifletti l-fatt li IPK kienet ċerta li kienet ser tikseb l-għajnuna finanzjarja mitluba. Kien biss G. Tzoanos, il-persuna li kellha tiddeċiedi de facto dwar l-għoti tal-għajnuna, li seta kien il-kawża ta’ din iċ-ċertezza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex sorprendenti li IPK kienet l-unika operatriċi li ppreżentat proposta li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li tinsab fil-paġna 659 tal-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992 u li l-iStudienkreis, li kellu interess partikolari f’dan it-tip ta’ proġett, ma għamilx hekk.

79      Skont il-Kummissjoni, li kieku r-rabta bejn il-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992 u s-sejħa għal proposti kienet daqstant evidenti daqs kemm tippretendi IPK, huwa sorprendenti li, kif qalet hija stess, kienet 01‑Pliroforiki u mhux hi li kellha l-idea tal-proġett Ecodata jew, skont verżjoni diverġenti mogħtija minnha, in-negozjant Grieg C., f’April tal-1992. Hija ħaġa stramba wkoll li, f’Marzu tal-1993, R. D. Freitag reġa’ ddikjara fuq it-telefon u bil-miktub lil von Moltke li l-inizjattiva għall-proġett Ecodata ġiet minnu biss. Dawn id-deskrizzjonijiet kontradittorji jdgħajjfu l-kredibbiltà u l-plawżibbiltà tal-affermazzjonijiet ta’ IPK. Id-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentanti ta’ 01‑Pliroforiki magħmula lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li vverifikaw il-kontabbiltà tagħha, fit-18 ta’ Ottubru 1993, li skonthom kienet IPK li qaltilhom bil-proġett Ecodata għall-ewwel darba, lanqas ma jikkorrispondu għall-verżjoni ta’ IPK. Skont il-Kummissjoni, b’hekk huwa probabbli li G. Tzoanos, uffiċjali responsabbli mis-sejħa għal proposti u li kellu rwol determinanti fid-deċiżjoni tal-għoti, fassal is-sejħa għal proposti b’tali mod li kienet tikkorrispondi eżattament għall-għajnuna finanzjarja li tinsab fil-paġna 659 tal-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992. Din is-sitwazzjoni għenet ħafna biex tippromwovi s-sistema frodulenti kkreata minn G. Tzoanos, li kienet tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna finanzjarja sabiex jirċievi kummissjonijiet.

80      Fir-rigward tas-subparagrafu b) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, dwar in-natura irregolari tal-għażla tal-proġett Ecodata minn G. Tzoanos, il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm IPK ċertament ma setgħetx tieħu d-deċiżjoni tal-għoti hija stess, hija madankollu kienet f’pożizzjoni li timmanipulaha billi aċċettat, fil-kuntest ta’ ftehim magħmul minn qabel iddettat minn dan l-uffiċjal kompetenti, li tikkollabora ma’ 01‑Pliroforiki. Huwa biss dan il-ftehim li jista’ jispjega li G. Tzoanos għażel, fost 301 proposti b’risposta għas-sejħa għal proposti, li minnhom 25 biss setgħu jintgħażlu, il-proposta ta’ IPK, iktar u iktar meta G. Tzoanos kien jaf li l-proġett tal-iStudienkreis, li diġà kien ġie ffinanzjat mill-Komunità, kien simili ħafna għall-proġett Ecodata. Fi kwalunkwe każ, IPK ma tagħti ebda spjegazzjoni oħra konvinċenti f’dan ir-rigward.

81      Fir-rigward tas-subparagrafu c) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferi għall-ammont irrealistiku ta’ ECU 60 000 li ntalab minn IPK bħala għajnuna finanzjarja, ammont li jirrappreżenta 30 % mis-somma globali ta’ ECU 2 000 000 prevista għal madwar 25 proġett, il-Kummissjoni tqis li dan huwa indizju ċar tal-fatt li l-kwistjoni kienet ġiet miftiehma minn qabel. Fil-fatt, tali talba, li saret fir-rigward ta’ terz tas-somma globali, hija rari ħafna għal proġett wieħed biss.

82      Fir-rigward tas-subparagrafu d) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li hija biss stedina preċedenti ta’ G. Tzoanos mibgħuta lil IPK li tista’ tispjega li din ippreżentat it-talba tagħha għal għajnuna finanzjarja, li l-kontenut tagħha ma kienx jissodisfa l-kriterji oġġettivi tal-għoti ppubblikati u li l-ammont mitlub fiha kien manifestament sproporzjonat meta mqabbel mas-somma golbali tal-programm ta’ sussidju inkwisjtoni. Fil-fatt, peress li t-tfassil ta’ kwalunkwe talba għal għajnuna finanzjarja jieħu ħafna ħin u flus, l-ebda operatur diliġenti ma kien jimxi b’dan il-mod mingħajr ma jaħseb li ser jirnexxi. IPK ma tippreżenta ebda argument kredibbli kontra dawn l-indizji, u t-tentattivi tagħha li tagħti spjegazzjonijiet huma astratti, ma humiex realistiċi u huma kontradittorji.

83      Fir-rigward tas-subparagrafu e) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferi b’mod partikolari għax-xhieda ta’ F. Franck, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta’ IPK li F. Franck ma kienx jaħdem għaliha fi Brussell. Dan stabbilixxa hemmhekk, fuq talba ta’ R. D. Freitag, il-kumpannija ETIC Headquarters Bruxelles, li kellha tistabbilixxi u tiżviluppa kuntatti mal-istituzzjonijiet Komunitarji. Huwa f’dan il-kuntest li F. Franck iltaqa’ ma’ G. Tzoanos u sar jaf bil-proġett Ecodata. F. Franck b’hekk kien imsemmi fost l-esperti ta’ IPK fit-talba għal għajnuna finanzjarja għal dan il-proġett. Għaldaqstant, ix-xhieda tiegħu hija determinanti sabiex jiġu stabbiliti l-fatti, u din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn IPK qed tipprova ddgħajjef il-kredibbiltà tagħha.

84      Fir-rigward tas-subparagrafu f) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li G. Tzoanos ġiegħel lil IPK taċċetta tliet soċji tal-proġett magħżula minnu qabel id-deċiżjoni tal-għoti, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni ta’ IPK li 01‑Pliroforiki ħadet l-inizjattiva li tippreżenta abbozz ta’ proġett lil IPK. Id-deskrizzjoni tal-fatti minn IPK hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet ta’ F. Franck u ta’ Bausch, li huma kompatibbli ma’ xulxin u li t-tnejn huma kredibbli, kif ukoll mal-faks mibgħuta fil-31 ta’ Marzu 1993 lil von Moltke minn R. D. Freitag, li kienet tgħid li IPK kienet ħarġet bl-idea tal-proġett Ecodata u kienet għażlet is-soċji tagħha.

85      Għal dak li jirrigwarda s-subparagrafu g) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li, b’mod partikolari, matul il-proċedura kollha, IPK ma rrapportatx l-aġir fordulenti ta’ G. Tzoanos lill-ġerarkija tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni ssostni li din l-ommissjoni tikkostitwixxi indizju evidenti, jekk mhux l-unika spjegazzjoni plawżibbli tal-kollużjoni ta’ G. Tzoanos u R. D. Freitag fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti. Fil-fatt, li kieku lmentat mal-ġerarkija ta’ G. Tzoanos, IPK kienet tieħu r-riskju li jiġi żvelat l-iżvolġiment reali tal-fatti u, b’hekk, li tintilef l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni. Għal dak li jirrigwarda l-allegata talba ta’ IPK li ssir laqgħa kunfidenzjali ma’ von Moltke mingħajr ma jkun preżenti G. Tzoanos, il-Kummissjoni żżid li kien ikun biżżejjed li kieku IPK ċemplitlu.

86      Għal dak li jirrigwarda s-subparagrafu h) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li G. Tzoanos immanipola l-proġett Ecodata qabel ma ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u rrakkomanda lil 01‑Pliroforiki bħala soċju, il-Kummissjoni tispeċifika li matul telefonata ma’ von Moltke f’Marzu 1993, R. D. Freitag iddikjara li kien iddiskuta ma’ G. Tzoanos, matul il-fażi ta’ tħejjija bejn April u Ġunju 1992, dwar il-pajjiżi u l-impriżi li kellhom jiġu involuti f’dan il-proġett, diskussjoni li kienet wasslet lil G. Tzoanos biex jirrakkomanda li tintgħażel 01‑Pliroforiki. Din id-dikjarazzjoni madankollu tikkontradixxi l-allegazzjoni repetuta ta’ IPK li l-idea tal-proġett Ecodata kienet ġejja minn 01‑Pliroforiki. Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni ta’ R. D. Freitag hija prova fiha nfisha tal-kollaborazzjoni kollużiva bejn G. Tzoanos u IPK.

87      Fir-rigward tas-subparagrafu i) tad-disa’ paragarfu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li IPK għamlet dikjarazzjoni falza, li ġiet kontradetta mill-minuti tal-interrogatorju ta’ G. Tzoanos mill-pulizija Belġjana, meta indikat f’faks tal-31 ta’ Marzu 1993 mibgħuta lil von Moltke li la R. D. Freitag u lanqas il-kollaboraturi tiegħu ma kellhom kuntatt ma’ G. Tzoanos matul il-fażi ta’ tħejjija tal-proġett Ecodata, il-Kummissjoni tispeċifika li din id-dikjarazzjoni falza, li n-natura żbaljata tagħha tirriżulta minn diversi atti tal-proċess, tikkostitwixxi indizju addizzjonali tal-kollużjoni bejn G. Tzoanos u IPK. Il-Kummissjoni żżid tgħid li d-difiża ta’ IPK f’dan ir-rigward ma hijiex ċara għalkollox, u dan iktar u iktar billi ma tinnegax li kienu saru xi kuntatti bejn R. D. Freitag u/jew F. Franck u G. Tzoanos matul il-perijodu ta’ qabel il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tal-proġett Ecodata.

88      Fir-rigward tas-subparagrafu j) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li skontu nżammet laqgħa bejn G. Tzoanos, 01‑Pliroforiki u IPK f’Novembru 1992, il-Kummissjoni tispeċifika li l-fatt, evokat minn IPK, li l-imsemmija laqgħa nżammet wara d-deċiżjoni tal-għoti ma huwiex ta’ tali natura li jqajjem dubji dwar il-kwalità ta’ indizju tal-kollużjoni allegata, peress li t-tentattiv ta’ indħil ta’ G. Tzoanos fir-rigward tat-tqassim tax-xogħol u tal-fondi matul din il-laqgħa jikkorrispondi ma’ dak li kien inftiehem qabel.

89      Għal dak li jirrigwarda s-subparagrafu k) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-fatt li s-Sinjorina Sapountzaki, l-għarusa u sussegwentement il-mara ta’ G. Tzoanos, tqabbdet bħala rappreżentanta ta’ ETIC jikkonferma li r-relazzjonijiet bejn R. D. Freitag u G. Tzoanos kienu ilhom jeżistu u kienu stretti, il-Kummissjoni tfakkar li IPK kienet ilha taf li G. Tzoanos kellu leblieba għall-flus, ħaġa li tirrendi mhux kredibbli l-affermazzjoni tagħha li kkuntattjat lil dan tal-aħħar biss minħabba l-kwalità tiegħu ta’ kap ta’ unità tal-Kummissjoni sabiex tikseb rakkomandazzjoni.

90      Il-Kummissjoni tikkontesta li l-provi ppreżentati minn IPK (ara l-punt 67 iktar’il fuq) huma ta’ tali natura li jqajmu dubji dwar l-indizji li jistabbilixxu l-kollużjoni. Dan japplika għan-nuqqas ta’ proċeduri kriminali kontra R. D. Freitag. Tali ċirkustanza ma tostakolax l-intervent tal-Kummissjoni f’każ li jkunu jeżistu biżżejjed indizji ta’ kollużjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-Kawża IPK‑München u Il-Kummissjoni, punt 28 iktar’il fuq, punt 101).

91      L-istess jista’ jingħad għall-investigazzjonijiet interni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ G. Tzoanos. Minbarra l-fatt li IPK ma tispeċifikax għal liema investigazzjonijiet qiegħda tirreferi u lanqas kif tali investigazzjonijiet jistgħu jiskaġunawha, il-Kummissjoni ssostni li l-proċeduri kriminali Belġjani kontra G. Tzoanos għadhom għaddejjin u b’hekk jistgħu jagħtu informazzjoni ġdida. Anki l-investigazzjonijiet interni tal-Kummissjoni ntemmu biss b’mod provviżorju. Barra minn hekk, huwa b’mod inkomplet li IPK tiċċita s-sentenza IPK-München vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar’il fuq (punti 75 u 85), li fir-realtà ma fiha ebda element insostenn tal-argument tagħha.

92      Għal dak li jirrigwarda l-ilment imressaq minn IPK, il-Kummissjoni tenfasizza li l-imsemmi lment, li IPK ma pproduċietx it-test tiegħu, kien sar kontra von Moltke, u mhux kontra G. Tzoanos. B’dan il-mod, IPK ipprovat iddawwar is-suspetti li kien hemm fil-konfront ta’ G. Tzoanos fuq von Moltke, u dawk fil-kontront ta’ 01‑Pliroforiki fuq l-iStudienkreis. B’hekk, għall-kuntrarju, l-ilment ta’ IPK jikkostitwixxi indizju addizzjonali tal-kollużjoni.

93      Għal dak li jirrigwarda r-reżistenza ta’ IPK għall-pressjoni eżerċitata minn G. Tzoanos, il-Kummissjoni ssostni li tali reżistenza, li seħħet biss wara d-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, ma tistax tippermetti li jiġi konkluż li ma kienx hemm kollużjoni qabel l-imsemmija deċiżjoni.

94      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kapital li ħarġet IPK sabiex jiġi implementat il-proġett Ecodata, il-Kummissjoni ssostni li dan il-ħruġ ta’ kapital kien kundizzjoni neċessarja biex jinkiseb il-kofinanzjament tal-Kummissjoni.

–       Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-annullament ta’ deċiżjoni li tagħti għajnuna finanzjarja ma kinux sodisfatti

95      Prinċipalment, IPK issostni li l-kundizzjonijiet rilevanti, irregolati mir-Regolament Nru 2988/95, għall-annullament retroattiv ta’ deċiżjoni tal-għoti ta’ fondi Komunitarji ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Id-deċiżjoni kkontestata tikser, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 2988/95 inkwantu d-deċiżjoni tal-għoti ma hijiex ibbażata fuq irregolarità fis-sens ta’ dan ir-regolament. Sussidjarjament, IPK issostni li, fi kwalunkwe każ, peress li l-preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tal-istess regolament kienet saret effettiva, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

96      Skont IPK, hekk kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 2988/95, dan ir-regolament japplika għall-oqsma kollha tal-politika Komunitarja u b’hekk anki għall-irkupru ta’ fondi Komunitarji minn entitajiet Komunitarji. Mill-istruttura u mill-għan tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jista’ jiġi estiż għall-miżuri adottati mill-Kummissjoni malli jkunu inkwistjoni l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, indipendentemenet minn jekk tkunx involuta l-amministrazzjoni ċentralizzata jew dik deċentralizzata tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, f’dan il-każ, hekk kif ikkonfermat il-ġurisprudenza, dan ir-regolament huwa applikabbli b’mod retroattiv u indipendentement mill-fatt li l-għoti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni jkun sar qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

97      IPK issostni li l-konstatazzjoni ta’ irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jiġifieri f’dan il-każ l-illegalità tad-deċiżjoni tal-għoti, tikkostitwixxi l-kundizzjoni neċessarja għall-irtirar tal-vantaġġ skont l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament. Issa, id-deċiżjoni tal-għoti tgawdi minn preżunzjoni ta’ legalità, u l-Kummissjoni ma ġabitx il-prova, li l-oneru tagħha jaqa’ fuqha, tal-illegalità tagħha minħabba, b’mod partikolari, l-allegata kollużjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

98      F’dan ir-rigward, IPK tikkontesta r-realtà tal-kollużjoni allegata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 33 u 52 sa 67 iktar’il fuq). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi provi li juru n-nuqqas ta’ kollużjoni (ara l-punt 67 iktar’il fuq).

99      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li teżisti irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, IPK tikkunsidra li l-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament kienet tipprekludi l-irtirar tad-deċiżjoni tal-għoti mid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-preskrizzjoni tapplika mhux biss għas-sanzjonijiet, iżda wkoll għall-miżuri amministrattivi, ħaġa li hija kkonfermata mill-ġurisprudenza.

100    IPK issostni fil-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin, li jibda jiddekorri malli sseħħ l-irregolarità, kien skada meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fit-13 ta’ Mejju 2005, inkwantu l-kollużjoni allegata kienet seħħet qabel id-deċiżjoni tal-għoti, adottata fl-4 ta’ Awwissu 1992. F’dan ir-rigward, IPK tikkontesta l-eżistenza ta’ ksur kontinwu jew repetut, li seħħ, skont il-Kummissjoni, minħabba l-ksur ta’ allegat dmir ta’ lealtà u li tingħata informazzjoni impost fuq kull benefiċjarju ta’ għajnuna Komunitarja. Li kieku kellu jiġi aċċettat dan l-argument, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 qatt ma jibda jiddekorri inkwantu l-imsemmi dmir ta’ lealtà u li tingħata informazzjoni jkun applikabbli għal kull irregolarità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li bbażat l-ilment tagħha dwar il-kollużjoni fuq fatti li kienet ilha taf bihom mill-1996, b’mod li ilha li setgħet tinvokah fil-kuntest ta’ deċiżjoni ġdida dwar l-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti. Billi l-Kummissjoni ma pproċedietx b’dan il-mod, IPK għandha d-dritt, iktar minn ħdax-il sena wara l-eżekuzzjoni b’suċċes tal-proġett Ecodata, li terġa’ tiġi stabbilita ċ-ċertezza legali.

101    Barra minn hekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma ġiex interrott f’dan il-każ. IPK tirrileva, fil-fatt, li, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994, barra li ma kinitx ibbażata fuq il-kollużjoni, ma kellhiex l-istess suġġett bħad-deċiżjoni kkontestata, peress li hija sempliċiment irrifjutat il-ħlas tat-tieni parti tal-għajnuna finanzjarja, u li, min-naħa l-oħra, ma kinitx tikkostitwixxi att mgħarraf lil IPK sabiex issir investigazzjoni jew jinbdew proċeduri fil-konfront ta’ irregolarità fis-sens tat-tielet subparagarfu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Barra min hekk, skont IPK, l-ilment ibbażat fuq il-kollużjoni mqajjem mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Kawża T-331/94, għall-ewwel darba fl-istadju tal-osservazzjonijiet tagħha wara li l-kawża ġiet irrinvjata mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali, kien tardiv, ma kellux x’jaqsam mas-suġġett tal-kawża u b’hekk kien inammissibbli (sentenza IPK-München vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar’il fuq, punt 90). Għaldaqstant, it-terminu ta’ preskrizzjoni lanqas ma ġie interrott fil-kuntest tal-proċedura fil-Kawża T‑331/94.

102    Skont IPK, anki jekk jitqies li t-terminu ta’ preskrizzjoni ġie interrott, peress li l-Kummissjoni ma imponietx sanzjoni jew ma ssospendietx il-proċedura amministrattiva, it-terminu massimu ta’ tmien snin previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 kien skada meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

103    Sussidjarjament, IPK tqis li, jekk l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 kellha tiġi eskluża – minkejja li huwa lex specialis – u minflok kellhom jiġu applikati l-prinċipji ġenerali, il-kundizzjonijiet stretti li għalihom hu suġġett l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

104    Fir-rigward tar-riferiment tal-Kummissjoni għall-Artikolu 119(2) u għall-Artikolu 72(2) tar-regolament finanzjarju, IPK twieġeb li l-kwistjoni jekk l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni tikkostitwixxix sussidju fis-sens tat-Titolu VI tar-regolament finanzjarju tista’ tibqa’ miftuħa. L-Artikolu 119(2) tal-istess regolament ma jikkostitwixxix bażi legali biżżejjed fih innifsu biex tiġi rtirata d-deċiżjoni tal-għoti, billi l-kliem tiegħu jipprovdi għall-adozzjoni ta’ modalitajiet ta’ eżekuzzjoni għal dan il-għan. La l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ir-risposta tal-Kummissjoni ma jistipulaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni li fuqhom seta’ jiġi bbażat l-irtirar tad-deċiżjoni tal-għoti. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 72 tar-regolament finanzjarju ma huwiex modalità ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax sospensjoni, tnaqqis jew terminazzjoni ta’ sussidju fis-sens tal-Artikolu 119(2) tar-regolament finanzjarju. Tali miżura tirrikjedi l-adozzjoni ta’ ordni ta’ rkupru differenti. Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju li tikkonkretizzaha, l-espressjoni legali fraus omnia corrumpit lanqas ma tikkostitwixxi bażi legali għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja.

105    Il-Kummissjoni tqis li, sa fejn IPK irċeviet l-għajnuna finanzjajra inkwistjoni direttament mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-irkupru tal-imsemmija għajnuna huwa rregolat mit-Titolu VI (sussidji) tar-regolament finanzjarju. Minkejja li dan it-titolu ma fihx regola espressa li tkopri l-każ ta’ sussidju mogħti wara kollużjoni, l-Artikolu 119(2) tar-regolament finanzjarju għandu, fid-dawl tal-prinċipju fraus omnia corrumpit u tal-fatt li l-estorsjoni ta’ sussidju permezz ta’ frodi taqa’ taħt projbizzjoni elementari, jiġi interpretat b’mod estensiv u għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. L-implementazzjoni teknika tal-irkupru hija rregolata mill-Artikolu 72(2) tar-regolament finanzjarju.

106    F’dan ir-rigward, ma hija prevista ebda preskrizzjoni u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/95 dwar il-preskrizzjoni ma humiex applikabbli b’analoġija. B’risposta għal xi domandi tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni madankollu rrikonoxxiet kemm bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta li, anki jekk jitqies li r-regola dwar il-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tal-istess regolament hija applikabbli – li ma huwiex il-każ peress li l-imsemmi regolament ma huwiex il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata –, l-applikazzjoni retroattiva tagħha għal dan il-każ kellha tiġi aċċettata fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, u l-qorti ħadet nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta. Barra minn hekk, fis-seduta, il-Kummissjoni speċifikat li, fi kwalunkwe każ, hekk kif ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ rimbors ta’ IPK jikkostitwixxi s-sempliċi konsegwenza tal-fatt li kisbet vantaġġ finanzjarju b’mod abużiv, mingħajr ma t-talba għall-irkupru għandha tkun ibbażata fuq bażi legali tad-dritt primarju jew sekondarju, bħal dik prevista mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95.

107    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tar-Regolament Nru 2988/95, b’mod partikolari tal-Artikoli 1(2), 4(1) u 7 tiegħu kif ukoll tal-Artikoli 2 u 3 tal-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea li jirregola l-korruzzjoni passiva u attiva, li l-kriterji tagħha huma sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, G. Toanos ta trattament preferenzjali lil IPK billi taha l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni mingħajr ma saret sejħa għal proposti espliċita, inkambju għall-parteċipazzjoni ta’ 01‑Pliroforiki fil-proġett Ecodata amministrat minn IPK. F’dan ir-rigward, il-fatt, allegat minn IPK, li hija ma kommettietx frodi direttament huwa irrilevanti, peress li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, il-miżuri amministrattivi jistgħu japplikaw ukoll għall-persuni li pparteċipaw fit-twettiq tal-irregolarità. F’dan il-każ, jidher li jeżistu diversi elementi li jindikaw li l-atti ta’ IPK jikkostitwixxu korruzzjoni attiva inkwantu hija aċċettat, sabiex tikseb l-għajnuna finanzjarja inkwsitjoni, li tikkostitwixxi t-tim tal-proġett Ecodata bil-mod kif xtaq G. Tzoanos, fl-interess personali tiegħu. Bl-istess mod, IPK għażlet lill-kumpannija Lex Group sabiex tirrappreżentaha ftit żmien qabel id-deċiżjoni tal-għoti, ħaġa li wkoll setgħet tkun ta’ benefiċċju għal G. Tzoanos.

108    Skont l-indikazzjonijiet tagħha stess fil-kuntest tal-ewwel proċedura kontenzjuża, meta G. Tzoanos irrikjeda bil-miftuħ li 01‑Pliroforiki tirċievi parti kbira mill-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, IPK imissha ndunat bil-fatt li kienet kisbet l-imsemmija għajnuna biss inkambju għall-aċċettazzjoni min-naħa tagħha li twettaq il-proġett Ecodata ma’ 01‑Pliroforiki. Il-mument l-iktar tard possibbli minn mindu bdiet tipparteċipa deliberatament f’irregolarità kien meta IPK ippruvat teżegwixxi dan il-proġett hija stess. Il-Kummissjoni tispeċifika li IPK kienet ilha snin taf bil-leblieba għall-flus ta’ G. Tzoanos u kienet taf mill-bidu bl-illegalità tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni. Ir-rifjut ulterjuri ta’ IPK li tirrispetta l-ftehim kollużiv tagħha ma’ G. Tzoanos ma jistax ikopri l-illegalità tad-deċiżjoni tal-għoti.

109    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-għoti, li hija r-riżultat ta’ din il-kollużjoni, setgħet tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. Mingħajr din il-kollużjoni, l-għajnuna finanzjarja kienet tingħata b’mod trasparenti u setgħet twassal għal użu aħjar tal-fondi inkwistjoni. Il-Kummissjoni tfakkar li, skont x’intqal minn IPK, 01‑Pliroforiki ma kellhiex xi esperjenza partikolari fis-settur tat-turiżmu jew fil-qasam tal-banek tad-data ambjentali u li, li kieku ma ġietx inkluża minn IPK fit-tim tal-proġett Ecodata, ma kinitx tikseb l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-proposta ta’ IPK ma kinitx tiġi aċċettata minn G. Tzoanos mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ 01‑Pliroforiki. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-proġett Ecodata ma rnexxiex jikkonferma l-ineffettività tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni.

110    Skont il-Kummissjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 ma kienx jostakola l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Jekk jitqies li l-imsemmi regolament huwa applikabbli, din id-deċiżjoni kienet tirrigwarda l-irtirar ta’ vantaġġ miksub indebitament fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, u mhux sanzjoni amministrattiva. Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, u minkejja l-ġurisprudenza vaga li tista’ tindika l-kuntrarju, il-preskrizzjoni hija applikabbli biss għall-sanzjonijiet amministrattivi.

111    Barra minn hekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni għadu ma bediex jiddekorri peress li, billi qed tippersisti li tinnega l-ftehim kollużiv konkluż ma’ G. Tzoanos, IPK qed tkompli tikser id-dmir tagħha ta’ lealtà u li tagħti informazzjoni fir-rigward tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-għoti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, b’mod li l-irregolarità kommessa minnha għadha ma ntemmitx fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

112    Il-Kummissjoni ssosnti li, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni ġie interrott mid-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994, adottata qabel ma skada l-imsemmi terminu, sad-29 ta’ April 2004, id-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li temmet l-ewwel proċedura kontenzjuża. Fir-rigward tat-terminu massimu ta’ preskrizzjoni ta’ tmien snin previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il-Kummissjoni tiċħad l-argument ta’ IPK u tispeċifika li l-kunċett ta’ “penali [sanzjoni]” jinkludi wkoll l-“atti” koperti mill-Artikolu 4 tal-istess regolament, b’mod li kull sanzjoni jew miżura fis-sens tal-imsemmi artikolu tista’ tinterrompi dan it-terminu ta’ preskrizzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994 ukoll interrompiet, jekk mhux irrendiet null, dan it-terminu. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-effett retroattiv tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 irendi neċessarju tali approċċ koerenti anki jekk id-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994 ma kinitx ibbażata fuq l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament. Approċċ kuntrarju għal dan ikun “assurd” inkwantu jobbliga lill-Kummissjoni, matul proċedura kontenzjuża pendenti kontra tali deċiżjoni, tadotta “b’mod preventiv”, deċiżjoni ġdida biss sabiex jiġi interrott it-terminu ta’ preskrizzjoni. Fl-aħħar nett, minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994, l-atti sospensivi differenti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma humiex determinanti.

113    Il-Kummissjoni żżid tgħid li d-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994 u d-deċiżjoni kkontestata jirreferu għal irregolaritajiet fir-rigward tal-istess għajnuna finanzjarja. Barra minn hekk, dawn l-irregolaritajiet huma marbutin mill-qrib bejniethom, peress li l-eżekuzzjoni ħażina tal-proġett Ecodata hija dovuta prinċipalment għall-kollużjoni. Hija tfakkar li qajjmet din il-kwistjoni fil-ħin fil-kuntest tal-ewwel proċedura kontenzjuża. Xejn ma jwaqqaf lill-Kummissjoni milli tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq il-motivi invokati f’dik l-okkażjoni.

114    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tirrileva fl-aħħar nett li ma adottat ebda miżura intiża sabiex tissospendi l-proċedura amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Fi kwalunkwe każ, tali sospensjoni hija prevista biss f’każ li jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolment Nru 2988/95

115    Għandu jitfakkar li, skont IPK, ir-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli għal dan il-każ. Id-deċiżjoni kkontestata tikser, minn naħa, l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament minħabba n-nuqqas ta’ irregolarità imputabbli lil IPK u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament minħabba l-preskrizzjoni tal-proċeduri fil-konfront ta’ din l-allegata irregolarità. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni targumenta, prinċipalment, li dan il-każ għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/95, peress li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija, b’mod partikolari, l-Artikolu 119(2) tar-regolament finanzjarju, moqri fid-dawl tal-prinċipju fraus omnia corrumpit, u mhux l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95. Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 dwar il-preskrizzjoni lanqas ma huwa applikabbli.

116    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk dan il-każ jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 u, b’mod partikolari jekk l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jikkostitwixxix il-bażi legali rilevanti għad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li din id-deċiżjoni, li hija intiża sabiex tirtira d-deċiżjoni tal-għoti, ma ssemmi ebda dispożizzjoni tad-dritt primarju jew sekondarju li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali tagħha.

117    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu li jingħata lura vantaġġ indebitament riċevut permezz ta’ prattika irregolari ma jiksirx il-prinċipju ta’ legalità. Fil-fatt, dan l-obbligu ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda huwa sempliċement konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja kienu nħolqu artifiċjalment, u dan irendi indebitu l-vantaġġ riċevut u għaldaqstant iġġustifikat l-obbligu li jingħata lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C‑110/99, Ġabra p. I‑11569, punt 56, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pometon, C-158/08, Ġabra p. I‑4695, punt 28). B’hekk, għad-differenza tas-sanzjonijiet amministrattivi li jirrikjedu bażi legali speċifika minbarra l-leġiżlazzjoni ġenerali prevista mir-Regolament Nru 2988/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening, C‑383/06 sa C‑385/06, Ġabra p. I‑1561, punt 39; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża SGS Belgium et, C‑367/09, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punti 33 sa 49), id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tal-istess regolament għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu bażi legali kemm rilevanti kif ukoll suffiċjenti għal kull miżura intiża sabiex tirtira vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità u, b’hekk, biex tiġi rtirata deċiżjoni li tagħti tali vantaġġ.

118    Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kull irregolarità tinvolvi, bħala regola ġenerali, l-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament, b’mod partikolari, permezz tal-obbligu li jitħallsu l-ammonti dovuti jew li jiġu rrimborsati l-ammonti riċevuti indebitament. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, l-atti li jiġi stabbilit li jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tad-dritt Komunitarju applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skont kif ikun il-każ, jew fin-nuqqas li jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu. Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1), moqri flimkien mal-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-miżuri intiżi biex jiġi rtirat vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità ma humiex ikkunsidrati bħala sanzjonijiet. Fl-aħħar nett, ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita li, fi kwalunkwe każ, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika f’dan is-sens, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jirriżulta li l-amministrazzjoni hija, bħala regola, awtorizzata tirtira, b’effett retroattiv, att amministrattiv favorevoli adottat b’mod illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punti 138 sa 140, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk), prinċipji ġenerali li, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95 sempliċiment jimplementa fuq il-livell tad-dritt sekondarju.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument prinċipali tal-Kummissjoni fis-sens li d-deċiżjoni kkontestata, li hija intiża preċiżament sabiex tirtira d-deċiżjoni tal-għoti għar-raġuni li IPK kisbet l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni b’mod irregolari minħabba ftehim kollużiv mal-uffiċjal kompetenti, G. Tzoanos, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi respint. Għaldaqstant, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi regolament jikkostitwixxu bażi legali speċifika tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx għalfejn jiġi evalwat jekk din id-deċiżjoni hijiex ibbażata, b’mod impliċitu, fuq l-Artikolu 119(2) tar-regolament finanzjarju, fuq il-prinċipju fraus omnia corrumpit jew fuq regola oħra tad-dritt Komunitarju.

120    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tikkonkludi li kienet teżisti irregolarità imputabbli lil IPK.

–       Fuq il-kunċett ta’ irregolarità fis-sens tal-Artikolu 4(1) sa (3) moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95

121    Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, ‘irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunità.

122    Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 109(1) tar-regolament finanzjarju, l-għoti ta’ sussidji għandu jkun suġġett, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, ħaġa li tippresupponi li, fid-dawl tal-baġit limitat disponibbli sabiex jiġu ffinanzjati tali sussidji, l-applikanti potenzjali għal għajnuna finanzjarja jkunu ttrattati b’mod ugwali għal dak li jirrigwarda, minn naħa, il-komunikazzjoni, fis-sejħa għal proposti, ta’ informazzjoni rilevanti fuq il-kriterji ta’ għażla tal-proġetti li jiġu ppreżentati u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni komparattiva tal-imsemmija proġetti li twassal għall-għażla tagħhom u għall-għoti tas-sussidju. Din id-dispożizzjoni b’hekk hija espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 7, u tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28), li l-importanza partikolari tiegħu ġiet enfasizzata fil-qasam simili tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, Ġabra p. I‑9233, punt 37, u tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT, C‑315/01, Ġabra p. I‑6351, punt 73), b’mod partikolari fir-rigward tad-dmir tal-awtorità kontraenti li tirrispetta l-opportunitajiet ugwali għall-offerenti kollha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

123    Fid-dawl tan-natura fundamentali tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura tal-għoti ta’ sussidji koperti mill-baġit Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Marzu 2003, José Martí Peix vs Il-Kummissjoni, T‑125/01, Ġabra p. II‑865, punt 113), indipendentement mill-fatt li r-regolament finanzjarju, tal-21 ta’ Diċembru 1977, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p. 1), applikabbli għall-fatti fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, ma kienx għadu jsemmi b’mod espliċitu l-imsemmija prinċipji.

124    Fil-fatt, fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-baġit, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-obbligu ta’ trasparenza essenzjalment għandu l-iskop li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità baġitarja. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal proposti. Għalhekk, l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex tinftiehem tajjeb is-sejħa għal proposti għandha tkun disponibbli, malli dan ikun possibbli, għall-operaturi kollha li jistgħu potenzjalment ikollhom interess li jieħdu sehem fi proċedura ta’ għoti ta’ sussidji, b’tali mod li, minn naħa, l-applikanti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata eżatta tagħha u li jinterpretawha bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, l-awtorità baġitarja tkun f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk il-proġetti proposti jikkorrispondux għall-kriterji ta’ għażla u ta’ għoti ddikjarati minn qabel (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑345/03, Ġabra p. II‑341, punti 142 sa 145).

125    Għaldaqstant, kull ksur tal-opportunitajiet ugwali u l-prinċipju ta’ trasparenza tikkostitwixxi irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ għoti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 124 iktar’il fuq, punt 147).

126    B’hekk, il-kisba ta’ għajnuna finanzjarja provenjenti mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet, bħall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, permezz ta’ aġir kollużiv, li jmur manifestament kontra r-regoli vinkolanti li jirregolaw l-għoti ta’ tali għajnuna, bejn l-applikant għall-għajnuna finanzjarja u l-uffiċjal inkarigat mit-tħejjija tas-sejħa għal proposti kif ukoll mill-evalwazzjoni u l-għażla tal-proġett li għandu jiġi ffinanzjat, tikkostitwixxi irregolarità fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk dan l-aġir jissodisfax ukoll il-kriterji tal-korruzzjoni attiva jew passiva jew ta’ ksur ta’ regola oħra ta’ natura penali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni takkuża lil IPK li kisbet, b’mod irregolari, jiġifieri permezz ta’ ftehim kollużiv ma’ G. Tzoanos, uffiċjal inkarigat mill-amministrazzjoni tas-sezzjoni baġitarja intiża għall-finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tat-turiżmu u tal-ambjent, informazzjoni kunfidenzjali dwar x’kellha tagħmel sabiex ikollha l-garanzija li tikseb l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni.

127    Għaldaqstnat, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni jistgħux jagħtu prova tal-irregolarità allegata.

–       Fuq il-prova tal-irregolarità

128    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova, ipproduċiet kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-atti ppreżentati minnha f’din l-istanza sensiela ta’ provi, li l-veraċità tagħhom ma ġietx ikkontestata fiha nfisha minn IPK, sabiex turi li din tal-aħħar ipparteċipat b’mod attiv fi ftehim kollużiv ma’ G. Tzoanos li kellu l-għan li tinkiseb l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni b’mod irregolari.

129    B’hekk, fl-ewwel lok, huwa paċifiku li l-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992, li kien fih 1575 paġna b’kollox, kien jistipula f’sentenza waħda fl-aħħar inċiż tal-paġna 659 li “ammont ta’ għall-inqas ECU 530 000 [ser jintuża] bħala għajnuna biex jiġi stabbilit netwerk ta’ inforamzzjoni fuq il-proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku fl-Ewropa”. Madankollu, is-sejħa għal proposti sabiex jiġu ssussidjati proġetti fil-qasam tat-turiżmu u tal-ambjent ma kinitx tirrigwarda b’mod konkret l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ informazzjoni fuq il-proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku fl-Ewropa, iżda kienet limitata għall-konstatazzjoni, b’mod ġenerali, li “[i]l-Kummissjoni [kellha] l-ħsieb li talloka ECU 2 000 000 lil dan il-proġramm” u li “[m]adwar 25 proġett [kellu] jintgħażel fost il-proposti mibgħuta” u eliġibbli għal għajnuna finanzjarja tal-Komunità sa ammont ekwivalenti għal 60 % tal-ispejjeż. Barra minn hekk, il-kriterji ta’ għażla li jinsabu fil-punt D tas-sejħa għal proposti, li kienu jikkonkretizzaw it-temi tal-proġetti li kienu ser jingħataw prijorità, ma kinux jagħmlu riferiment għall-istabbiliment ta’ tali netwerk ta’ informazzjoni, jew għal bank tad-data bħal dak propost mill-proġett Ecodata. Bħala uffiċjal inkarigat mit-tħejjija tas-sejħa għal proposti, G. Tzoanos, kien kjarament kapaċi jistabbilixxi din ir-rabta mal-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992.

130    Il-Qorti Ġenerali tiddeduċi minn dan li l-argument li l-proposta tal-proġett Ecodata kienet ibbażata fuq informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minn qabel u b’mod irregolari minn G. Tzoanos, jekk mhux fuq tali proposta mħejjija minnu stess, sussegwentement mibgħuta jew lil 01‑Pliroforiki, jew direttament lil IPK, huwa plawżibbli u sostnut biżżejjed. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, huwa biss dan l-argument li jista’ jispjega kif IPK kienet l-unika operatur li ppreżentat talba għal għajnuna finanzjarja għall-kreazzjoni ta’ bażi tad-data għal proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku. B’mod partikolari, l-iStudienkreis, li kien operatur b’esperjenza f’dan il-qasam, ma ppreżentax tali talba, minkejja li kien diġà kkollabora mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proġett simili u b’hekk kellu kull interess jagħmel dan. Għaldaqstant, huwa probabbli ħafna li G. Tzoanos fassal is-sejħa għal proposti deliberament b’tali mod li ma jurix apertament rabta mal-aħħar sentenza li tinsab fil-paġna 659 tal-baġit ġenerali finali għas-sena finanzjarja 1992, biex b’hekk IPK u 01‑Pliroforiki jkunu jistgħu, bis-saħħa tal-imsemmija informazzjoni kunfidenzjali, ikunu l-uniċi operaturi li jipproponu tali proġett.

131    Fit-tieni lok, IPK irrikonoxxiet li ġiet ikkuntattjata minn 01‑Pliroforiki fir-rigward ta’ proġett ta’ bażi tad-data għal proġetti ta’ turiżmu ekoloġiku u li ppreżentat lill-Kummissjoni, fit-22 ta’ April 1992, permezz ta’ ittra b’letterhead tagħha, talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata, li l-kontenut tagħha kien jikkorrispondi essenzjalment mal-abbozz ta’ proġett, li kien tħejja u li kien intbagħat lilha fl-20 ta’ April 1992, jiġifieri għaxart ijiem biss qabel ma ġiet ippreżentata l-imsemmija talba, minn 01‑Pliroforiki. IPK irripproduċiet, b’mod identiku, id-deskrizzjoni tal-imsemmi proġett f’dan l-abbozz u l-ammont totali tat-talba għal għajnuna finanzjarja proposta, li kien ta’ ECU 600 000, jiġifieri 60 % tal-ispejjeż totali ta’ ECU 1 000 000. Hija sempliċiment żiedet servizz ieħor intitolat “ġbir ta’ informazzjoni” għal ECU 250 000 biex b’hekk biddlet il-breakdown tal-ispejjeż tas-servizzi differenti proposti. Dawn il-fatti b’hekk jikkontradixxu kjarament l-argument inizjali ta’ IPK li kienet hija stess li fasslet il-biċċa l-kbira tal-kontenut tal-proposta tal-proġett Ecodata.

132    Fit-tielet lok, minn lista prodotta mill-Kummissjoni – li tirriproduċi d-dati tal-laqgħat li jinsabu, b’mod partikolari, fid-djarju ta’ G. Tzoanos maqbud mill-pulizija Belġjana – jirriżulta li R. D. Freitag u F. Franck kienu ltaqgħu ma’ G. Tzoanos diversi drabi matul il-perijodu bejn it-18 ta’ Marzu 1992 u l-25 ta’ Novembru 1992, u b’mod partikolari għallinqas tliet darbiet qabel ma ġiet ippreżentata, fit-22 ta’ April 1992, it-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata, jiġifieri fit-18 ta’ Marzu 1992 (laqgħa bejn R. D. Freitag u G. Tzoanos), fit-3 ta’ April 1992 (laqgħa bejn F. Franck u G. Tzoanos) u fis-6 ta’ April 1992 (laqgħa bejn R. D. Freitag u G. Tzoanos). IPK ma kkontestatx dawn il-fatti fihom infushom u allegat sempliċiment li, minn naħa, dawn il-laqgħat ma kinux jirrigwardaw il-proġett Ecodata u li, min-naħa l-oħra, f’dan l-istadju, la kienet taf bi 01‑Pliroforiki u lanqas bl-eżistenza ta’ rabta bejn din tal-aħħar u G. Tzoanos. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dawn il-fatti stabbiliti, f’faks mibgħuta fil-31 ta’ Marzu 1993 lil von Moltke, R. D. Freitag afferma, f’isem IPK, li ma kellu ebda kuntatt ma’ G. Tzoanos matul il-fazi ta’ tħejjija tat-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata.

133    F’din il-faks, R. D. Freitag spjega barra minn hekk li IPK kienet ilha attiva fis-settur tat-turiżmu ekoloġiku għal iktar minn 20 sena, ħaġa li wasslihta sabiex tippreżenta l-proġett Ecodata. Fil-kuntest tat-tħejjija tal-imsemmi proġett, IPK fittxet u sabet soċji partikolarment xierqa biex jikkooperaw magħha fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett, fosthom 01‑Pliroforiki. Kien fuq din il-bażi li IPK fasslet il-proposta li jiġi implementat il-proġett Ecodata. Għandu jiġi kkonstatat li din l-aħħar affermazzjoni ġiet kontradetta mill-fatti li jissemmew fil-punt 131 iktar’il fuq li jistabbilixxu li, wara li ġiet ikkuntattjata minn 01‑Pliroforiki, IPK ftehmet ma’ din tal-aħħar li jaqsmu bejniethom ix-xogħol fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-proġett Ecodata u li kienet essenzjalment irriproduċiet, fit-talba għal għajnuna finanzjarja miktuba fuq karta bil-letterhead tagħha, abbozz ta’ proġett mibgħut minn 01‑Pliroforiki fl-20 ta’ April 1992.

134    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni stabbiliet għas-sodisfazzjoni tal-liġi li, wara d-deċiżjoni tal-għoti, IPK ippruvat kemm setgħet, permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz, taħbi mill-ġerarkija ta’ G. Tzoanos iċ-ċirkustanzi veri ta’ dak li wassal sabiex issir it-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata.

135    Fir-raba’ lok, mit-talba għal għajnuna finanzjarja ta’ IPK jirriżulta li F. Franck kien wieħed mill-esperti nnominati minn IPK sabiex jimplementa l-proġett Ecodata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproduċiet dokument b’letterhead tal-kumpannija ETIC, li fih ġiet indikta “l-preżenza ta’ ETIC Headquarters fi Brussell minn Mejju 1992” u jissemmew l-ismijiet ta’ F. Franck u R. D. Freitag, minn naħa, fil-post irriżervat għall-firma tagħhom u, min-naħa l-oħra, f’qiegħ il-paġna, b’indikazzjoni tal-kwalitajiet rispettivi tagħhom bħala direttur eżekuttiv u direttur ġenerali tal-istess kumpannija. Barra minn hekk, minn posta elettronika tat-8 ta’ Settembru 1993, mibgħuta minn R. D. Freitag lil F. Franck jirriżulta li R. D. Freitag kien talab lil dan tal-aħħar, b’mod partikolari, li jwaqqaf kull attività kummerċjali f’isem “ETIC European Travel Intelligence Center, European Travel Monitor u IPK” u li jesprimi l-qbil tiegħu bil-miktub dwar il-likwidazzjoni immedjata ta’ “ETIC – Headquarter S A Luxembourg”. Fl-aħħar nett, f’pamflet intitolat “European Travel Monitor No. 1/1992 – Update” li l-editur tiegħu kienet ETIC, sar riferiment fil-paġna 13, taħt it-taqsima “News from ETIC”, għal membru ġdid ta’ ETIC f’Ateni. Fil-fatt, ETIC għażlet lil Lex Group bħala rappreżentanta fil-Greċja minn Ġunju 1992, u Sapountzaki kellha tkun il-persuna responsabbli għall-kuntatti mal-klijenti kollha. Ma huwiex ikkontestat li, minn naħa, is-Sinjorina Sapountzaki kienet l-għarusa u sussegwentement saret il-mara ta’ G.Tzoanos u, min-naħa l-oħra, Lex Group kienet kumpannija kkreata minn dan tal-aħħar u li fiha kellu, dak iż-żmien, sehem ta’ 10 % (sentenza Tzoanos vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punt 65). F’dan ir-rigward, IPK fil-fatt tafferma biss li ma kinitx taf b’dawn ir-rabtiet bejn Sapountzaki u G. Tzoanos u bejn dan tal-aħħar u Lex Group.

136    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 132 u 135 iktar’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi IPK, matul il-perijodu bejn April u Settembru 1993, F. Franck kellu relazzjonijiet kuntrattwali u professjonali stretti ma’ R. D. Freitag kemm fi ħdan il-kumpanniji “ETIC Headquarters Bruxelles” u “ETIC – Headquarter S A Luxembourg” kif ukoll fi ħdan il-funzjonijiet ta’ R. D. Freitag bħala direttur u proprjetarju ta’ IPK, li f’isem u għan-nom tagħha F. Franck kien ikkonkluda xi kuntratti mal-Kummissjoni, inkluż fil-kuntest tat-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mix-xhieda mogħtija, fis-26 ta’ Frar 1996, minn G. Tzoanos quddiem il-pulizija Belġjana, li fiha kkonferma l-parteċipazzjoni ta’ F. Franck f’laqgħa dwar il-proġett Ecodata li seħħet f’Novembru 1992 kif ukoll mil-lista li telenka l-laqgħat bejn F. Franck u G. Tzoanos bejn it-3 ta’ April u d-9 ta’ Novembru 1992, li kienu seħħew jew matul il-brejk ta’ nofsinhar, jew mhux fil-ħinijiet tax-xogħol.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni ta’ IPK li F. Franck qatt ma kien il-kollaboratur jew ir-rappreżentant ta’ IPK u aġixxa ma’ G. Tzoanos mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu għandha tiġi miċħuda.

138    Fid-dawl tal-fatti kollha suesposti, għandha tiġi miċħuda wkoll l-allegazzjoni mhux sostnuta ta’ IPK li l-laqgħat bejn R. D. Freitag u/jew F. Franck u G. Tzoanos matul il-perijodu bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħa għal proposti, fis-26 ta’ Frar 1992, u t-tressiq minn IPK tat-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata, fit-22 ta’ April 1992, ma kinux jirrigwardaw il-proċedura ta’ sejħa għal proposti li kienet għaddejja, peress li dan kien, f’dan l-istadju, suġġett ta’ interess kbir u ta’ attwalità kbira għaż-żewġ naħat. Din l-allegazzjoni hija a fortiori inqas plawżibbli billi, fl-istess żmien ta’, jew wara, dawn il-laqgħat, IPK għamlet kuntatt ma’ 01‑Pliroforiki – li r-rabtiet tagħha ma’ G. Tzoanos f’dak iż-żmien, fil-kuntest ta’ proġett ieħor, ma humiex ikkontestati (sentenza Tzoanos vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punti 213 u 252 sa 254), anki jekk IPK tippretendi li ma kinitx taf b’dawn ir-rabtiet f’dak iż-żmien – u li dawn il-kuntatti wasslu għat-tħejjija flimkien u għat-tressiq minn IPK tat-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata u, finalment, fuq proposta ta’ G. Tzoanos, għad-deċiżjoni tal-għoti favur l-imsemmi proġett. IPK lanqas ma kkontestat l-argument tal-Kummissjoni li 01‑Pliroforiki, waħedha, ma kinitx tkun eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, u din kienet ir-raġuni għalfejn IPK intgħażlet bħala applikant u amministratur prinċipali tal-proġett Eccodata.

139    IPK tikkontesta fuq kollox il-veraċità tax-xhieda li ta F. Franck, fid-19 ta’ Jannar 1996, quddiem von Moltke (Direttur Ġenerali tad-DĠ XXIII) u s-Brumter (Assistent tad-Direttur Ġenerali), kif ġiet miġbura fil-qosor f’memorandum b’letterhead tad-DĠ XXIII, li l-awtentiċità tagħha ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni billi pproduċiet covering note tal-25 ta’ Jannar 1996 iffirmata minn von Moltke. Skont IPK, fil-fatt, F. Franck għamel dikjarazzjonijiet foloz għad-detriment ta’ IPK biex jagħmel ħsara lil R. D. Freitag. Madankollu, fid-dawl tal-fatti esposti fil-punti 132 u 135 iktar’il fuq, huwa b’mod kredibbli li F. Franck ikkonferma, f’din ix-xhieda, ir-relazzjonijiet kuntrattwali u professjonali stretti tiegħu ma’ R. D. Freitag matul is-snin 1992 u 1993, b’mod partikolari permezz tal-kumpannija “ETIC Headquarters Bruxelles” sakemm din ir-relazzjoni ntemmet f’Settembru 1993, fuq inizjattiva ta’ R. D. Freitag.

140    IPK tiċħad b’mod partikolari l-affermazzjonijiet li ġejjin ta’ F. Franck, li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tas-subparagrafu e) tad-disa’ paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata:

“Test komplut tat-talbiet għal [għajnuna finanzjarja] li jinkludi d-deskrizzjoni tal-proġett [Ecodata] u t-tqassim tax-xogħol bejn l-appaltaturi ntbagħat minn G. Tzoanos lil R. D. Freitag li kien ilu jafu għal ċertu żmien. Ir-rwol ta’ R. D. Freitag kien sempliċiment li jittraskrivi dan it-test fuq karta b’letterhead tiegħu u li jibgħatha lill-Kummissjoni. Dak iż-żmien ma kienet ġiet prevista ebda parteċipazzjoni ta’ R. D. Freitag fl-eżekuzzjoni tal-proġett. [Min-naħa l-oħra], kienet ġiet prevista perċentwali ta’ 10 % tal-volum tal-proġett (ECU 530 000) inkambju għas-sempliċi preżentazzjoni tal-fajl [lil] G. Tzoanos. Id-90 % rimanenti (ECU 477 000) kellhom jitqassmu bejn l-appaltaturi l-oħrajn fosthom b’mod partikolari 01‑Pliroforiki”.

141    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li s-sempliċi konstatazzjoni li, essenzjalment, kien G. Tzoanos u mhux 01‑Pliroforiki (ara l-punt 131 iktar’il fuq) li bagħat lil R. D. Freitag u/jew lil IPK l-abbozz tal-proġett Ecodata ma tqajjimx dubji dwar il-kredibbiltà ta’ din ix-xhieda, li, mill-bqija, hija kompatibbli għalkollox mal-iżvolġiment tal-fatti kif espost fil-punti 129 sa 139 iktar’il fuq. B’mod partikolari, dan jikkoinċidi mal-fatt li, minn naħa, G. Tzoanos kien iltaqa’ ma’ R. D. Freitag u F. Franck diversi drabi matul il-proċedura ta’ sejħa għal proposti u qabel it-tressiq minn IPK tat-talba għal għajnuna finanzjarja għall-porġett Ecodata (ara l-punt 132 iktar’il fuq) u, min-naħa l-oħra, f’dak iż-żmien, fil-kuntest ta’ proġett ieħor G. Tzoanos kellu xi rabtiet ma’ 01‑Pliroforiki (sentenza Tzoanos vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar’il fuq, punti 213 u 252 sa 254), li xtaq ħafna jippromwovi l-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-proġett Ecodata. Fid-dawl ta’ dawn ir-rabtiet, b’hekk huwa possibbli li F. Franck, fix-xhieda tiegħu tad-19 ta’ Jannar 1996, ma għamilx differenza ċara bejn ir-rwoli rispettivi ta’ G. Tzoanos u ta’ 01‑Pliroforiki fil-proċedura ta’ sejħa għal proposti. Indipendentement mis-suespost, il-fatt li 01‑Pliroforiki bagħtet lil IPK, fl-20 ta’ April 1992, abbozz ta’ proġett ma jeskludix li oriġinarjament dan l-abbozz inkiteb minn G. Tzoanos stess, ħaġa li, fid-dawl tas-suespost hija probabbli ħafna.

142    Barra minn hekk, fix-xhieda tiegħu quddiem il-pulizija Belġjana, R. D. Freitag afferma li, f’laqgħa f’Novembru 1992 ma’ G. Tzoanos, li fiha kienet ipparteċipat ukoll, b’mod partikolari, 01‑Pliroforiki – ħaġa li ġiet ikkonfermata minn G. Tzoanos stess fix-xhieda tiegħu quddiem l-istess awtoritajiet –, dan tal-aħħar kien insista li 01‑Pliroforiki ssir il-benefiċjarja prinċipali tal-għajnuna finanzjarja u li IPK tirċievi biss 10 %. Filwaqt li kkontesta din il-verżjoni tal-fatti fix-xhieda tiegħu fejn sostna li kien R. D. Freitag li kien ippropona li tittieħed kummissjoni ta’ 10 % għall-amministrazzjoni tal-proġett Ecodata, G. Tzoanos madankollu kkonferma ċ-ċifra ta’ ECU 477 000 li kellha titqassam, f’fażijiet differenti, bejn is-soċji l-oħrajn tal-imsemmi proġett, inkluża 01‑Pliroforiki. Issa, din iċ-ċifra u dan it-tqassim jikkorrispondu eżattament ma’ dawk imsemmija fix-xhieda ta’ F. Franck, li l-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-laqgħa wkoll ġiet stabbilita (ara l-punt 136 iktar’il fuq). F’dan ir-rigward, IPK sempliċiment tikkontesta l-fatt li dan it-tqassim ippjanat tal-fondi tal-għajnuna finanzjarja inkwisjtoni kien ir-riżultat ta’ ftehim kollużiv konkluż bejn G. Tzoanos et R. D. Freitag qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, argument li jikkorrispondi mal-preżentazzjoni tal-fatti minn F. Franck. Fil-fatt, skont IPK, kien fil-laqgħa tal-24 ta’ Novembru 1992 li G. Tzoanos ipprova jindaħal għall-ewwel darba fl-implementazzjoni tal-proġett Ecodata billi insista fuq tali tqassim tax-xogħol u tal-fondi, ħaġa li IPK opponiet għaliha.

143    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tal-indizji u l-provi kollha esposti u evalwati preċedentement, din il-preżentazzjoni tal-fatti minn IPK la hija kredibbli u lanqas ma tista’ ddgħajjef il-verżjoni tal-fatti mogħtija minn F. Franck. B’hekk, ma tantx huwa plawżibbli li F. Franck għamel dikjarazzjonijiet foloz biss sabiex jagħmel ħsara lil R. D. Freitag, iktar u iktar meta l-verżjoni tal-fatti ppreżentata minnu taqbel mal-iżvolġiment tal-fatti kif espost fil-punti 129 sa 139 iktar’il fuq. Bl-istess mod, il-fatt li IPK opponiet sussegwentement it-tqassim tax-xogħol u tal-fondi fil-kuntest tal-proġett Ecodata ma jikkontradixxix din l-evalwazzjoni, peress li, hekk kif afferma F. Franck b’mod kredibbli, għall-kuntrarju ta’ dak li kien inftiehem ma’ G. Tzoanos inizjalment, “f’ċertu żmien fil-ħarifa tal-1992, R. D. Freitag ma aċċettax iktar li jorganizza l-proġett [Ecodata] kif kien ġie previst minn G. Tzoanos”. Fil-fatt, skont F. Franck, “peress li hu stess kien il-benefiċjarju [tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni], [R. D. Freitag] xtaq jeżegwiha kif ried hu” u “kien tal-fehma li l-perċentwali tiegħu kienet baxxa wisq fid-dawl tar-riskju involut”. Il-fatt li IPK kienet biddlet il-breakdown tal-ispejjeż fit-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata sabiex tipproponi servizz addizzjonali ta’ “ġbir ta’ informazzjoni” (ara l-punt 131 iktar’il fuq) b’hekk jikkostitwixxi indizju tar-rieda tagħha li tipparteċipa fl-implementazzjoni tal-imsemmi proġett b’mod iktar intensiv min kif kien ġie previst inizjalment minn 01‑Pliroforiki, jew minn G. Tzoanos. Fl-aħħar nett, il-fatt li, fix-xhieda tiegħu, F. Franck ikkonferma l-affermazzjoni ta’ IPK li, fi żmien it-tħejjija tat-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata, R. D. Freitag la kien għadu jaf bi 01‑Pliroforiki u lanqas bir-rabtiet tagħha ma’ G. Tzoanos, ma jikkontradixxix l-argument plawżibbli fis-sens li kkonkluda ftehim kollużiv ma’ G. Tzoanos biex iressaq talba bħal dik abbażi ta’ abbozz ipprovdut minn dik il-kumpannija, jekk mhux minn G. Tzoanos stess, u fis-sens li din il-kumpannija bbenefikat, skont l-imsemmi ftehim, mill-maġġoranza tal-fondi li kellhom jitqassmu.

144    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, għandu b’hekk jiġi konkluż li l-Kummissjoni pproduċiet biżżejjed provi insostenn tal-argument tagħha li IPK kienet kisbet l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni bis-saħħa ta’ ftehim kollużiv ma’ G. Tzoanos. Din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata mill-“provi favuriha” prodotti minn IPK (ara l-punti 67 sa 69 iktar’il fuq), peress li n-nuqqas ta’ riżultat mill-investigazzjonijiet kriminali kontra R. D. Freitag fuq il-livell nazzjonali u l-pressjoni magħmula fuq IPK minn von Moltke mis-sajf tal-1992 (sentenza IPK-München vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar’il fuq, punt 75) ma jikkontradixxux l-eżistenza ta’ tali ftehim kollużiv sigriet mix-xahar ta’ Marzu 1992. Fl-aħħar nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx għalfejn jiġi evalwat il-valur probatorju tal-provi l-oħra invokati mill-Kummissjoni jew li jittieħdu miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji, jew li jinstemgħu xhieda.

145    Konsegwentement, ġie stabbilit għas-sodisfazzjoni tal-liġi li IPK ipparteċipat b’mod attiv f’irregolarità fis-sens tal-Artikolu 4(1) sa (3) moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95 u li, b’hekk, il-Kummissjoni bħala regola kellha d-dritt tirtira d-deċiżjoni tal-għoti u titlob lil IPK ir-rimbors tal-ewwel parti tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni.

146    Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk il-perijodu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 kienx jipprekludi l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq il-perijodu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95

147    Fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikabbiltà għal dan il-każ tar-regola ta’ preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li ddeċidiet li din ir-regola hija applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu sabiex tiġi imposta sanzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għal dawk li huma suġġetti għal miżura amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, miżura li għandha bħala għan l-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament mingħajr madankollu ma jkollha n-natura ta’ sanzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 2009, Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank, C‑281/07, Ġabra p. I‑91, punt 18, u tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht‑, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, Ġabra p. I‑457, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2008, Le Canne vs Il‑Kummissjoni, T‑375/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk; ara wkoll il-punt 118 iktar’il fuq).

148    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam u li permezz tagħha kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà ta’ rkupru tal-ammonti tal-baġit Komunitarju li jiġu riċevuti indebitament wara li jkun skada terminu ta’ erba’ snin wara t-twettiq tal-irregolarità li taffettwa l-ħlasijiet kontenzjużi. Minn dan jirriżulta li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95, kull vantaġġ riċevut indebitament mill-baġit Komunitarju jista’, fil-prinċipju, u bl-eċċezzjoni tas-setturi li għalihom il-leġiżlatur Komunitarju pprovda għal terminu iqsar, jiġi rkuprat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin. Fir-rigward tat-trattament mogħti lill-vantaġġi li jiġi rċevuti indebitament mill-baġit Komunitarju minħabba f’irregolaritajiet li twettqu qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2988/95, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament u bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur Komunitarju ddefinixxa b’dan il-mod regola ġenerali ta’ preskrizzjoni li permezz tagħha huwa b’mod volontarju naqqas għal erba’ snin it-terminu li matulu l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jaġixxu għan-nom u f’isem il-baġit Komunitarju, għandhom jew kellhom jirkupraw tali vantaġġi riċevuti indebitament (sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, punt 147 iktar’il fuq, punti 27 sa 29).

149    Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dan li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kull ammont li operatur jirċievi indebitament minħabba f’irregolarità preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu, fil-prinċipju, ikun ikkunsidrat bħala preskritt fin-nuqqas ta’ kull att sospensiv adottat fl-erba’ snin wara li ssir l-irregolarità, att sospensiv li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament, huwa intiż bħala att li jkun innotifikat lill-persuna inkwistjoni, li jkun provenjenti mill-awtorità kompetenti u intiż għall-investigazzjoni ta’ jew għat-teħid ta’ proċeduri legali kontra din l-irregolarità (sentenza Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, punt 147 iktar’il fuq, punt 32).

150    Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn il-prinċipji huma applikabbli mutatis mutandis meta l-miżura inkwistjoni, skont l-Artikolu 4(1) sa (3) moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95, tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni, peress li l-imsemmi regolament huwa regolament ġenerali li japplika għal kull awtorità, kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarja, li hija suġġetta għall-obbligi ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u ta’ kontroll tal-użu tal-finanzi tal-baġit tal-Komunitajiet għall-finijiet previsti, kif jingħad fil-premessi 3 u 13 tar-Regolament Nru 2988/95.

151    Minn dan isegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli għal dan il-każ, minkejja li l-fatti li taw lok għall-kisba irregolari tal-għajnuna finanzjarja seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

152    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jitqies li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli, il-preskrizzjoni ma kinitx effettiva fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-irregolarità inkwistjoni hija ta’ natura kontinwa jew repetuta fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, għall-kuntrarju tad-dmir tagħha ta’ lealtà u li tagħti informazzjoni fil-konfront tal-Kummissjoni, IPK għadha tinnega sal-lum li pparteċipat fi ftehim kollużiv intiż biex tinkiseb l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni b’mod irregolari.

153    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li irregolarità hija kontinwa jew repetuta, skond it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, meta din titwettaq minn operatur li jieħu vantaġġi ekonomiċi minn diversi operazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007,Vonk Dairy Products, C‑279/05, Ġabra p. I‑239, punti 41 u 44).

154    Issa, f’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-irregolarità allegata kontra IPK, li tikkonsisti fil-fatt li pparteċipat fi ftehim kollużiv ma’ G. Tzoanos sabiex tinkiseb l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li kienet kontinwa u repetuta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

155    Fil-fatt, din l-irregolarità seħħet meta tressqet minn IPK it-talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata, u ntemmet jew meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-għoti li kienet tinvolvi l-impenn tal-awtorità baġitarja li tħallasha l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, jew, l-iktar tard, fil-mument meta IPK iffirmat u bagħtet lill-Kummissjoni d-dikjarazzjoni tal-benefiċjarju (ara l-punt 13 iktar’il fuq), li b’hekk irrendiet dan l-impenn vinkolanti legalment.

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tantx huwa importanti l-fatt li IPK sal-lum żammet it-talba tagħha billi nnegat, repetutament, il-parteċipazzjoni tagħha fl-irregolarità inkwistjoni, jew l-eżistenza tagħha, billi din it-talba għandha bażi legali fil-fatti mwettqa u kkompletati fl-1992 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza La Canne vs Il-Kummissjoni, punt 147 iktar’il fuq, punti 65 sa 67).

157    Barra minn hekk, il-fatt li kkontestat dawn il-fatti repetutament mhux biss fir-rigward tal-Kummissjoni, iżda wkoll quddiem il-qrati tal-Unjoni – huwa kemm huwa dubitabbli fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 129 sa 144 iktar’il fuq u tad-dmir ta’ lealtà u li tingħata informazzjoni tal-benefiċjaru ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza José Martí Peix vs Il-Kummissjoni, punt 123 iktar’il fuq, punt 52) – ma jikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, aġir irregolari identiku jew simili għall-irregolarità inkwistjoni inizjali, jew aġir li jikser l-istess dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 iktar’il fuq.

158    Konsegwentement, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

159    Minn dan jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 beda jiddekorri jew mit-22 ta’ April 1992, id-data meta IPK ressqet l-ewwel talba għal għajnuna finanzjarja għall-proġett Ecodata, jew mill-4 ta’ Awwissu 1992, id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, jew, l-iktar tard, mit-23 ta’ Settembru 1992, id-data meta IPK iffirmat u bagħtet lill-Kummissjoni d-dikjarazzjoni tal-benefiċjarju (ara l-punt 13 iktar’il fuq). Minn dan isegwi li dan it-terminu skada, fl-ewwel sitwazzjoni, fit-22 ta’ April 1996, fit-tieni waħda, fl-4 ta’ Awwissu 1996 u, fit-tielet waħda, fit-23 ta’ Settembru 1996. Indipendentement mill-kwistjoni dwar liema waħda minn dawn id-dati għandha tiġi kkunsidrata bħala rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-13 ta’ Mejju 2005, jiġifieri ħafna żmien wara li skada l-imsemmi terminu, sakemm ma jiġix ikkunsidrat li dan it-terminu ġie sospiż skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2988/95 jew ġie interrott fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament.

160    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, hekk kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli biss għal sanzjonijiet u mhux għal miżuri amministrattivi u li, fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, ma adottatx atti intiżi biex jissospendu t-terminu ta’ preskrizzjoni.

161    Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk dan it-terminu ġiex interrott minn atti li jirrigwardaw l-investigazzjoni jew it-teħid ta’ proċeduri legali kontra l-irregolarità, adottati mill-Kummissjoni, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi l-eżistenza ta’ “att […] notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità” inkwistjoni.

162    Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994 tikkostitwixxi tali att li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-argument tal-Kummissjoni huwa fondat u li dan it-terminu reġa’ beda jiddekorri mit-3 ta’ Awwissu 1994, huwa skada, fin-nuqqas ta’ att ieħor li jinterrompi l-preskrizzjoni, fit-2 ta’ Awwissu 1998. Barra minn hekk, kemm mis-sentenza IPK-München vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar’il fuq (punti 90 u 91), kif ukoll mis-sentenza IPK‑München u Il-Kummissjoni, punt 28 iktar’il fuq (punti 67 sa 71), jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994 ma kinitx tirrigwarda l-irregolarità inkwistjoni, jiġifieri l-ftehim kollużiv ma’ G. Tzoanos, u li, b’hekk, din l-irregolarità ma kinitx is-suġġett tal-ewwel proċedura kontenzjuża, li kienet limitata għall-kwistjoni tal-eżekuzzjoni ħażina tal-proġett Ecodata li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta li tħallas it-tieni parti tal-għajnuna finanzjarja inkwisjtoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, ma huwiex possibbli, għalhekk, li d-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994 tiġi kkwalifikata bħala att li għandu x’jaqsam mal-investigazzjoni jew it-teħid ta’ proċeduri legali kontra l-irregolarità, kif ġie allegat fil-konfront ta’ IPK fid-deċiżjoni kkontestata.

163    Barra minn hekk, l-atti proċedurali adottati mill-Kummissjoni matul l-ewwel proċedura kontenzjuża sabiex l-irregolarità inkwistjoni tiġi kkonstatata a posteriori mill-qorti tal-Unjoni lanqas ma jikkostitwixxu atti li jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin.

164    Għalkemm dawn l-atti ċertament kienu ġew innotifikati lil IPK bħala rikorrenti fl-imsemmija proċedura, madankollu ma kinux intiżi sabiex jinvestigaw jew sabiex jittieħdu proċeduri legali kontra l-irregolarità inkwistjoni, iżda kienu sempliċiment jinformaw lill-qorti tal-Unjoni b’fatti u provi ġodda sabiex tissaħħaħ id-difiża tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994, li ma kinitx tirreferi għal din l-irregolarità. Fil-fatt, huwa paċifiku li f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma kinitx għadha bdiet proċeduri amminsitrattivi biex tiġi investigata jew jinbdew proċeduri legali kontra l-irregolarità inkwistjoni. Hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 92 tas-sentenza IPK-München vs Il-Kumissjoni, punt 23 iktar’il fuq, li kieku l-Kummissjoni kkunsidrat, wara li adottat id-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994, li l-indizji l-ġodda invokati minnha kienu biżżejjed sabiex jiġi kolnkluż li kienet teżisti kollużjoni illegali bejn G, Tzoanos, 01‑Pliroforiki u IPK, li vvizzjat il-proċedura ta’ għoti, hija setgħet, minflok ma tippreżenta, fil-mori tal-ewwel proċedura kontenzjuża, motiv li ma kienx issemma’ fl-imsemmija deċiżjoni, tirtiraha u tadotta deċiżjoni ġdida mhux biss li tirrifjuta li titħallas it-tieni parti tal-għajnuna finanzjarja, iżda wkoll li tordna r-rimbors tal-parti diġà mħallsa. Madankollu, il-Kummissjoni ma mxietx hekk deliberatament u ppreferiet tistenna r-riżultat definittiv tal-ewwel proċedura kontenzjuża, minkejja li von Moltke kien diġà ppropona fil-25 ta’ Jannar 1996, wara x-xhieda ta’ F. Franck, li tindeba proċedura sabiex tiġi rrimborsata t-totalità tal-għajnuna finanzjarja inkwistjoni minħabba l-irregolarità inizjali.

165    Konsegwentement, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin ma ġiex interrott, l-iktar tard, qabel it-23 ta’ Settembru 1996, il-proċeduri legali kontra l-irregolarità inkwistjoni kienu preskritti fiż-żmien meta ntbagħtet l-ittra tat-30 ta’ Settermbu 2004 (ara l-punt 30 iktar’il fuq) u fi żmien l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

166    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti l-oħrajn ippreżentati minn IPK.

 Fuq l-ispejjeż

167    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

168    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skond it-talbiet ta’ IPK.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Mejju 2005 [ENTR/01/Audit/RVDZ/ss D(2005) 11382], li tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Awwissu 1992 (003977/XXIII/A3 – S92/DG/ENV8/LD/kz), li tat għajnuna finanzjarja ta’ ECU 530 000 fil-kuntest tal-proġett Ecodata hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ April 2011.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura ta’ sejħa għal proposti u eżekuzzjoni tal-proġett Ecodata

Proċedura kontenzjuża dwar id-deċiżjoni ta’ rifjut tat-3 ta’ Awwissu 1994

Il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Deċiżjoni ta’ rkupru tal-ewwel parti tal-għajnuna finanzjarja

Proċeduri kriminali kontra G. Tzoanos fuq livell nazzjonali

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Osservazzjoni preliminari

Fuq il-prova tal-kollużjoni u fuq l-ewwel motiv

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq il-prova ta’ aġir kollużiv imputabbli lil IPK

– Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-annullament ta’ deċiżjoni li tagħti għajnuna finanzjarja ma kinux sodisfatti

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolment Nru 2988/95

– Fuq il-kunċett ta’ irregolarità fis-sens tal-Artikolu 4(1) sa (3) moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95

– Fuq il-prova tal-irregolarità

– Fuq il-perijodu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.