Kawża T-359/04

British Aggregates Association et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Taxxa ambjentali fuq il-granulat fir-Renju Unit — Eżenzjoni għall-Irlanda ta’ Fuq — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet — Diffikultajiet serji — Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Kunċett — Diffikultajiet serji — Natura oġġettiva

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

2.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

3.      Proċedura — Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Setgħa diskrezzjonali — Osservanza tal-koerenza bejn l-Artikoli 87 KE u 88 KE u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat li għandhom l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni

(Artikoli 87 KE u 88 KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Skema ta’ eżenzjoni li tinvolvi diskriminazzjoni fiskali eventwali bejn prodotti nazzjonali u importati — Natura insuffiċjenti u inkompleta tal‑eżami — Indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji

(Artikoli 23 KE, 25 KE, 88(2) u (3) KE u 90 KE)

1.      Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi preliminari tal-eżami skont l-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun konvinta, fi tmiem eżami preliminari, li din l‑għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami inizjali ma jippermettix li jiġu megħluba d-diffikultajiet kollha involuti fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tikseb l-opinjonijiet kollha meħtieġa u tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE.

Il‑kunċett ta’ diffikultajiet gravi huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ‑ċirkustanzi li wasslu għall‑adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, imur, min-natura tiegħu stess, lil hinn mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, jekk jeżistu tali diffikultajiet, deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet tista’ tiġi annullata sempliċement abbażi ta’ dan il-motiv, minħabba l-ommissjoni tal-eżami kontradittorju u fil-fond previst mit-Trattat, anki jekk ma jiġix stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-mertu kienu żbaljati fil-liġi jew fil-fatt.

(ara l-punti 55, 56, 58)

2.      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti li l-konvenut jipprepara d‑difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk hemm bżonn, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex ikunu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li jiġu indikati l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan huwa bbażat, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, fit-test stess tar-rikors.

(ara l-punt 81)

3.      Ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura, bħalma jipprovdi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, huwa ammissibbli motiv li jikkostitwixxi elaborazzjoni fuq motiv espost preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jirrappreżenta rabta mill-qrib ma’ dan tal-aħħar.

(ara l-punt 87)

4.      Għalkemm il-proċedura prevista fl-Artikoli 87 KE u 88 KE tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mar-rekwiżiti tas-suq komuni, mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li din il-proċedura ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. L-obbligu li l-Kummissjoni għandha li tosserva l-koerenza bejn l-Artikoli 87 KE u 88 KE u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, huwa iktar importanti, b’mod partikolari, fil-każ fejn dawn id‑dispożizzjonijiet l-oħra jkollhom l-istess għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni. Fil-fatt, meta tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni ma tistax tinjora r-riskju ta’ effett ħażin fuq il‑kompetizzjoni fis-suq komuni min-naħa ta’ operaturi ekonomiċi speċifiċi.

Għaldaqstant, għajnuna mill-Istat li, minn ċerti aspetti, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, meta tiddetermina jekk għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑kundizzjonijiet tas-suq, inkluż il-livell fiskali. Minn dan jirriżulta li, skont is‑sistema tat-Trattat, għajnuna ma tistax tiġi stabbilita jew awtorizzata taħt għamla ta’ diskriminazzjoni fiskali, min-naħa ta’ Stat Membru, fir-rigward ta’ prodotti li jiġu minn Stati Membri oħra.

(ara l-punti 91, 92)

5.      Meta l-eżami inizjali ta’ għajnuna fil-fażi ta’ eżami preliminari msemmija fl-Artikolu 88(3) KE ma jippermettix li jiġu megħluba d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il‑Kummissjoni għandha l-obbligu li tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. In-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

Huwa għalhekk li, fil-każ ta’ skema ta’ eżenzjoni ta’ taxxa ambjentali li fiha nnifisha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, id-diskriminazzjoni fiskali bejn prodotti nazzjonali u prodotti importati minn Stat Membru ieħor, li tmur kontra jew l-Artikoli 23 KE u 25 KE inkella l-Artikolu 90 KE, li l-iskema ta’ eżenzjoni tista’ toħloq, tqajjem kwistjoni dwar il-koerenza bejn l-imsemmija artikoli u l‑Artikoli 87 KE u 88 KE. Il-fatt li l-Kummissjoni ma teżaminax l-imsemmija kwistjoni fid-deċiżjoni tagħha li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami preliminari, jipprovdi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, li jimponi l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

(ara l-punti 55, 57, 90, 94-98, 102)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Settembru 2010 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Taxxa ambjentali fuq il-granulat fir-Renju Unit – Eżenzjoni għall-Irlanda ta’ Fuq – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Diffikultajiet serji – Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent”

Fil-Kawża T‑359/04,

British Aggregates Association, stabbilita f’Lanark (ir-Renju Unit),

Healy Bros. Ltd, stabbilita f’Middleton (l-Irlanda),

David K. Trotter & Sons Ltd, stabbilita f’Manorhamilton (l-Irlanda),

irrappreżentati minn C. Pouncey, solicitor, u L. Van den Hende, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Flett u T. Scharf, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn M. Bethell, sussegwentement minn E. Jenkinson u I. Rao, u fl-aħħar nett minn S. Ossowski, bħala aġenti, assistiti minn M. Hall u G. Facenna, barristers,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C (2004) 1614 finali, tas-7 ta’ Mejju 2004, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l‑emenda tal-eżenzjoni, fl-Irlanda ta’ Fuq, mill-imposta fuq il-granulat fir-Renju Unit,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek u V. M. Ciucă (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-ewwel rikorrenti, il-British Aggregates Association (iktar ’il quddiem il‑“BAA”) hija assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha impriżi indipendenti żgħar li joperaw barrieri fir-Renju Unit. Hija tinkludi 55 membru li joperaw iktar minn 100 barriera. Il-parti l-kbira tal-membri tagħha joperaw barrieri fil-Gran Brittanja (konsegwentement, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq). F’dan il-każ, il‑BAA taġixxi għan-nom tal-membri tagħha li joperaw barrieri fil-Gran Brittanja.

2        It-tieni rikorrenti, Healy Bros. Ltd, u t-tielet rikorrenti, David K Trotter & Sons Ltd (iktar ’il quddiem “DK Trotter”), huma produtturi tal-gralunat stabbiliti fl-Irlanda.

3        Din il-kawża tirrigwarda l-eżenzjoni minn taxxa ambjentali mogħtija fl-Irlanda ta’ Fuq li ġiet, fid-Deċiżjoni C(2004) 1614 finali, tas-7 ta’ Mejju 2004, indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Għajnuna mill-Istat N 2/04 –Imposta fuq il‑granulat – Irlanda ta’ Fuq) (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ikkunsidrata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bħala għajnuna kompatibbli mas‑suq komuni, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, skont il-fażi ta’ eżami preliminari. Komunikazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tat-2 ta’ April 2005 (C 81, p. 4). Skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżiti tal-Linji gwidi tal-Komunità [gwida Komunitarji] dwar l-għajnuna tal-[mill-]istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 76, iktar ’il quddiem il‑“linji gwida”) kienu sodisfatti.

 L-Iskema ġenerali tal-AGL

4        L-iskema ġenerali ta’ din it-taxxa ambjentali, bl-isem “[i]ntroduzzjoni permezz ta’ fażijiet tat-taxxa fuq il-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq” (“Aggreates Levy”, iktar ’il quddiem “AGL”), ġiet introdotta fir-Renju Unit permezz tal-Artikoli 16 sa 49 tat-tieni parti tal-Finance Act 2001 (liġi dwar il-finanzi 2001) u l-Annessi 4 sa 10.

5        Id-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-implementazzjoni tal-AGL daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002, skont ir-regolament ta’ implementazzjoni tal-Finance Act 2001.

6        Il-Finance Act 2001 ġie emendat permezz tal-Artikoli 129 sa 133 u tal‑Anness 38 tal-Finance Act 2002 (liġi dwar il-finanzi 2002). Id-dispożizzjonijiet kif emendati żiedu, b’mod partikolari, perijodu tranżitorju għall-introduzzjoni tat-taxxa fl-Irlanda ta’ Fuq.

7        L-AGL hija applikata bir-rata’ ta’ 1.60 lira sterlina (GBP) għal kull tunnellata ta’ granulat li jintuża b’mod kummerċjali (Artikolu 16(4) tal-liġi dwar il‑finanzi 2001).

8        L-Artikolu 16(2) tal-Finance Act 2001, kif emendat, jipprovdi li mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, l-AGL hija dovuta meta kwantità ta’ granulat taxxabbli jintuża b’mod kummerċjali fir-Renju Unit. Għaldaqstant hija tikkonċerna kemm il-granulat importat kif ukoll dak estratt fir-Renju Unit.

9        Permezz tad-Deċiżjoni C (2002) 1478 finali, tal-24 ta’ April 2002 (Għajnuna mill-Istat N 863/01 – Imposta fuq il-granulat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”), l-AGL ġiet approvata mill-Kummissjoni. Komunikazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni ġiet ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, tal-5 ta’ Ġunju 2002 (C 133, p. 11).

10      Fid-deċiżjoni tal-2002, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-AGL, peress li kienet tal-fehma li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar kien iġġustifikat mil-loġika u n-natura tas-sistema fiskali inkwistjoni u li, konsegwentement, l-AGL kienet mill-ewwel tevita l‑klassifikazzjoni ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

11      L-AGL hija ekotaxxa imposta fuq il-granulat bl-għan li tiġi mnaqqsa u rrazzjonalizzata l-estrazzjoni ta’ minerali li normalment jintużaw bħala granulat, billi tiffavorixxi s-sostituzzjoni tagħhom b’materjali rreċiklati jew materjali mhux ipproċessati li huma eżentati, u b’dan il-mod tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent.

12      L-AGL tapplika għall-użu kummerċjali tal-blat, tar-ramel u taż-żrar użat bħala granulat iżda ma taffettwax dawn il-materjali meta jintużaw għal skopijiet oħra. Madankollu, l-AGL hija imposta biss fuq il-granulat mhux ipproċessat. Min-naħa l-oħra, din la hija imposta fuq il-granulat estratt bħala prodott sekondarju jew skart ta’ proċessi oħra, u lanqas fuq il-granulat irriċiklat.

13      F’dak li jirrigwarda l-Irlanda ta’ Fuq, il-liġi dwar il-finanzi 2001 kienet tipprevedi skema digressiva ta’ eżenzjoni tal-AGL, imqassma fuq ħames snin. L-ewwel sena kienet tipprevedi rata ta’ taxxa dovuta ta’ 0 % għall-AGL. Ir-rata ta’ taxxa dovuta kellha tiżdied b’20 % kull sena sabiex finalment tilħaq 100 % wara ħames snin. L‑ispiża tal-miżura, jiġifieri t-telf ta’ dħul fiskali għar-Renju Unit, kien stmat għal GBP 45 miljun għal dawn il-ħames snin.

14      Ir-Renju Unit kien jiġġustifika dan it-trattament speċjali tal-Irlanda ta’ Fuq permezz tal-preokkupazzjoni li jipprevjeni riskju temporanju ta’ telf ta’ kompetittività internazzjonali tal-impriżi ta’ estrazzjoni u tal-ipproċessar tal-granulat mhux ipproċessat tal-Irlanda ta’ Fuq, li tirriżulta mis-sitwazzjoni speċifika ta’ din tal-aħħar fi ħdan ir-Renju Unit, inkwantu din għandha fruntiera komuni ma’ Stat Membru ieħor. L-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ granulat u ta’ prodotti pproċessati lejn u mill-Irlanda ta’ Fuq huma għaldaqstant iktar faċli milli għal reġjuni oħra tar-Renju Unit.

15      Konsegwentement, fid-deċiżjoni tal-2002, il-Kummissjoni ddikjarat l-iskema digressiva ta’ eżenzjoni li tirrigwarda l-Irlanda ta’ Fuq kompatibbli mas-suq komuni u ma fetħitx il-proċedura formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

16      Sussegwentement, id-deċiżjoni tal-2002 kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament parzjali ppreżentat mill-BAA quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali mill-1 ta’ Diċembru 2009) (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2006, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, T‑210/02, Ġabra p. II‑2789). F’din il-kawża, il-BAA ma kinitx ikkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li l-introduzzjoni progressiva tal-AGL fl-Irlanda ta’ Fuq kienet għanjuna kompatibbli mas-suq komuni, iżda l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-AGL ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

17      Permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2006, British Aggregates vs Il‑Kummisjoni, punt 16 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-BAA. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il‑granulat u li għaldaqstant, l-AGL ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Il-BAA appellat minn din is-sentenza fis-27 ta’ Novembru 2006.

18      Permezz tas-sentenza, tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10505), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is‑sentenza tat-13 ta’ Settembru 2006, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 16 iktar ’il fuq, u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Emenda tal-AGL dwar l-eżenzjoni mogħtija lill-Irlanda ta’ Fuq

19      Wara li osserva li, bl-introduzzjoni progressiva tal-AGL fl-Irlanda ta’ Fuq, l‑għanijiet mixtieqa ma kinux qed jikkonkretizzaw ruħhom bħalma kien previst, ir-Renju Unit iddeċieda li jissostitwixxi l-eżenzjoni digressiva fuq il-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq bi skema ġdida ta’ eżenzjoni.

20      Anki wara l-introduzzjoni progressiva tal-AGL, ġiet ikkonstatata żieda fl-importazzjonijiet mhux iddikkjarati tal-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq, mill-Irlanda, li fuqhom ma kinitx tħallset l-AGL, u din hija r-raġuni li jeżisti riskju kbir ta’ telf tal-kompetittività tal-industrija tal-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, il‑benefiċċji ambjentali li kienu mistennija ma kkonkretizzawx ruħhom bħalma kien previst fl-Irlanda ta’ Fuq. Din is-sitwazzjoni ġiet attribwita għad-disponibbiltà limitata, fl-Irlanda ta’ Fuq, ta’ materjali rriċiklati u sostituttivi li ma humiex suġġetti għall-imposta u għall-infrastrutturi kważi ineżistenti għall-ġbir u l-ipproċessar ta’ dawn il-materjali. Konsegwentement, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-introduzzjoni progressiva tal-AGL ma ħallietx biżżejjed żmien, lill-industrija tal-prodotti pproċessati tal-Irlanda ta’ Fuq, sabiex tadatta għal dan l‑iżvilupp, billi tgħaddi għal materjali alternattivi jew sostituttivi.

21      Dawn huma r-raġunijiet għaliex ir-Renju Unit issostitwixxa l-iskema ta’ eżenzjoni digressiva fl-Irlanda ta’ Fuq bi skema ġdida ta’ eżenzjoni. Bis-saħħa ta’ din l‑iskema l-ġdida, sabiex jintlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet ambjentali, l-operaturi stabbiliti fl-Irlanda ta’ Fuq li kkonkludew ftehim dwar l-ambjent mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, iħallsu biss 20 % tal-AGL bejn l-1 ta’ April 2004 u l-31 ta’ Marzu 2011 u, konsegwentement, jibbenifikaw minn rata ta’ eżenzjoni mill-AGL ta’ 80 %. Madankollu, din l-eżenzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-impriżi li jixtiequ jibbenifikaw minnha jimpenjaw ruħhom formalment u josservaw il‑ftehim innegozjat mal-Gvern tar-Renju Unit, li jobbligawhom jipparteċipaw fi programm ta’ proġetti u titjib ambjentali matul iż-żmien tal-eżenzjoni.

 Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

22      Fil-5 ta’ Jannar 2004, ir-Renju Unit innotifika din l-iskema l-ġdida lill-Kummissjoni.

23      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2004, il-BAA ppreżentat ilment kontra l-iskema l‑ġdida ta’ eżenzjoni quddiem il-Kummissjoni, fejn b’mod partikolari talbitha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

24      Fit-12 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni talbet informazzjoni ulterjuri lill-intervenjent.

25      Ir-Renju Unit wieġeb għal din it-talba permezz ta’ ittri tal-11 ta’ Marzu u t-2 ta’ April 2004.

 Id-deċiżjoni kkontestata

26      Fis-7 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fejn, l‑iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni ġiet ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, iżda kompatibbli mas-suq komuni skont l‑Artikolu 87(3)(ċ) KE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tal-BAA mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

27      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni l-ewwel nett indikat li, fir-rigward tal-iskema eżistenti ta’ imposti għall-Irlanda ta’ Fuq, fid-deċiżjoni tal-2002 hija kienet ikkonstatat li l-introduzzjoni progressiva tal-AGL fl-Irlanda ta’ Fuq kienet kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-punt E.3.2 tal-linji gwida. F’dan ir-rigward, hija kienet qieset li l-AGL kienet tpoġġi lill-industrija tal-Irlanda ta’ Fuq f’sitwazzjoni fejn kienet tirriskja li titlef il-kompetittività tagħha fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari, meta mqabbla mal-pordutturi tal-granulat tal-Irlanda.

28      Sussegwentement, fuq l-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni, il-Kummissjoni rrilevat li l‑awtoritajiet tar-Renju Unit kienu ddikjaraw li, mill-introduzzjoni progressiva tagħha fl-2002, l-AGL poġġiet lill-industrija tal-granulat tal-Irlanda ta’ Fuq f’pożizzjoni kompetittiva li kienet iktar diffiċli minn dik prevista inizjalment. Wara l-imsemmija introduzzjoni, bħalma jitfakkar fil-punt 20 iktar ’il fuq, ġiet ikkonstatata żieda fl-estrazzjonijiet illegali u ta’ importazzjonijiet mhux iddikjarati tal-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq, mill-Irlanda, fejn l-AGL ma kinitx, fiż-żewġ każijiet, titħallas. Konsegwentement, l-impriżi ta’ estrazzjoni, li normalment kienu jħallsu l-AGL, kienu suġġetti għal dumping minħabba dawn il-provvisti illegali eżenti mit-taxxa, u tilfu bejgħ b’vantaġġ għal dawn l-impriżi li kienu jagħmlu dan.

29      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tgħid ukoll li skont ir-Renju Unit, għalkemm l-AGL kellha effett pożittiv apprezzabbli fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent fil-Gran Brittanja, l-AGL ma kellhiex l-effetti mistennija fl-Irlanda ta’ Fuq, fejn id-disponibbiltà ta’ materjali rriċiklati jew sostituttivi, li huma eżenti mit-taxxa, huma limitati ħafna u lokalizzati u, fejn l-infrastrutturi għall-ġbir u l‑ipproċessar ta’ tali materjali huma kważi ineżistenti. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, dan iffisser li l-iskema ta’ eżenzjoni li tirriżulta mil-liġi dwar il‑finanzi 2001 ma ħallietx biżżejjed żmien, lill-produtturi ta’ prodotti pproċessati tal-Irlanda ta’ Fuq, sabiex jadattaw ruħhom għall-introduzzjoni tal-AGL billi jaqilbu għal materjali rriċiklati jew sostituttivi.

30      Il-Kummissjoni tindika li sabiex l-għanijiet ambjentali mfittxija effettivament jintlaħqu, il-Gvern tar-Renju Unit imbagħad ipprovda, kif espost fil-punt 21 iktar ’il fuq, li l-eżenzjoni tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-impriżi li jixtiequ jibbenifikaw minnha għandhom jimpenjaw ruħhom formalment u josservaw il‑ftehim innegozjati mal-imsemmi gvern, li jobbligawhom jipparteċipaw f’programm ta’ progetti u titjib ambjentali matul iż-żmien tal-eżenzjoni.

31      Sabiex jingħata iktar żmien lill-industrija tal-prodotti pproċessati (jiġifieri l‑impriżi li jużaw b’mod kummerċjali l-granulat mhux ipproċessat) sabiex tadatta u tilħaq l-effetti ambjentali mixtieqa, huwa previst li l-iskema eżistenti ta’ eżenzjonijiet tiġi ssostitwita bi skema ġdida tranżitorja ta’ eżenzjoni tal-AGL, li tapplika għat-tipi kollha tal-granulat u li timponi fuq il-benefiċjarji l-obbligu li jħallsu biss 20 % tal-AGL dovuta normalment. Din l-iskema l-ġdida daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2004 u tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2011 (jiġifieri disa’ snin mill-bidu tal-imposta, fl-1 ta’ April 2002).

32      Wara li kkonstatat li l-eżenzjoni tal-AGL ingħatat permezz tar-riżorsi tal-Istat, f’forma ta’ eżenzjoni ta’ taxxa, lil impriżi li jinsabu fl-Irlanda ta’ Fuq, u ffavorixxiet lil dawn tal-aħħar billi naqsitilhom l-ispejjeż li normalment kellhom iħallsu, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm għajnuna mogħtija mill-Istat, qabel ma eżaminatha fid-dawl tal-linji gwida.

33      Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li peress li l-AGL diġà ġiet implementata fir-Renju Unit kollu (inkluż fl-Irlanda ta’ Fuq) minn April 2002, l-AGL għadha titqies bħala taxxa eżistenti.

34      Fit-tieni lok, hija tosserva li din it-taxxa hija imposta għar-raġunijiet ta’ ħarsien tal-ambjent u li hija intiża li tilħaq dan l-għan billi tgħin sabiex titnaqqas l‑estrazzjoni tal-granulat mhux ipproċessat u billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ materjali sostituttivi. Fuq dan il-punt il-Kummissjoni tgħid ukoll, bħalma huwa indikat fil-punt 29 iktar ’il fuq, li skont l-informazzjoni empirika pprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, għalkemm l-AGL ma kellhiex l-effetti mistennija fl-Irlanda ta’ Fuq, madankollu kellha effett pożittiv apprezzabbli fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent fil-Gran Brittanja. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tar-Renju Unit iddikjaraw li l-volum ta’ materjali mhux ipproċessati estratti fil-Gran Brittanja kien naqas kunsiderevolment fl-2002 (jiġifieri ‑5.7 % meta mqabbel mal-medja tas-snin preċedenti), li l-ispejjeż tal-granulat suġġett għall-imposta kienu kunsiderevolment ogħla minn dawk tal-granulat li ma kienx suġġett għaliha, u li dan jindika li l-ispejjeż ambjentali tal-provvista tal-granulat huma mgħoddija lill-konsumaturi (inkluż l-effett negattiv tal-estrazzjoni tal-granulat fuq l-ambjent fl-ispiża tal-produzzjoni tiegħu) u li l-bejgħ tal-materjali rriċiklati u sostituttivi (bħall-iskart tal-lavanja u l-kaolina) kien żdied u nfetħu impjanti ġodda ta’ reċiklaġġ.

35      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni tal-prinċipju li ċerti impriżi fl-Irlanda ta’ Fuq jiġu eżentati mill-AGL kienet diġà ttieħdet meta din it-taxxa ġiet introdotta fl-1 ta’ April 2002.

36      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżiti previsti fil-punt 51.2 tal-linji gwida huma sodisfatti.

37      Fir-rigward tar-rekwiżiti previsti fit-tieni inċiż tal-punt 51.1 b) tal-linji gwida, hija tosserva li t-tul tal-iskema huwa limitat għal seba’ snin u li t-tnaqqis jirrigwarda taxxa nazzjonali imposta fin-nuqqas ta’ taxxa Komunitarja. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni tqis li r-rata ta’ 20 % li l-impriżi benefiċjari tal-eżenzjoni għandhom xorta jħallsu, tikkostitwixxi parti sinjifikattiva tat-taxxa nazzjonali.

38      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti tal-linji gwida huma kollha sodisfatti. Konsegwentement, hija tikkunsidra l-iskema ta’ eżenzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 87(3(ċ) KE.

39      Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema emendata ta’ eżenzjoni tal-AGL għall-Irlanda ta’ Fuq hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u tiddeċiedi li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (ĠU 2005, C 81, p. 4).

 Il-proċedura

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Jannar 2005, ir‑Renju Unit talab li jintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tal-Kummissjoni. B’digriet tal-4 ta Marzu 2005, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent. L-intervenjent ippreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet l‑oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha fit-termini stabbiliti.

42      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, li għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

43      Flimkien mar-rikors ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura abbażi tal-Artikolu 64(4) u tal-Artikoli 68 u 70 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi l-ittra li tinkludi l-“informazzjoni empirika” pprovduta mir-Renju Unit matul il‑proċedura ta’ investigazzjoni, li għaliha sar riferiment fl-ittra tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DG) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2004, indirizzata lir-rappreżentant legali tal-BAA.

44      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Settembru 2008, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li sema’ l-partijiet, issospenda l-proċedura fil-kawża preżenti, skont l-Artikolu 77(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sakemm ingħatat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑487/06 P.

45      Fit-22 ta’ Diċembru 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq. Konsegwentement, il-proċedura fil-kawża preżenti tkompliet.

46      Fuq talba tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-impatt tas-sentenza, tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, fuq il-kawża preżenti.

47      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni ddikjarat li tirrinunzja li tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti.

48      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il‑Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2009.

49      Fis-seduta, ir-rikorrenti ddikjaraw li jirrinunzjaw għat-talba tagħhom għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura abbażi tal-Artikolu 64(4) u l-Artikoli 68 u 70 tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

50      Fis-seduta, l-intervenjent iddikjara li wara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, jirrinunżja wkoll li jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti.

 It-talbiet tal-partijiet

51      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

52      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjent, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

53      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi għal annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 23 KE u 25 KE jew tal-Artikolu 90 KE, it-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-linji gwida u t-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligi proċedurali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 88(2) KE. Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jilmentaw ukoll li l-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u għaldaqstant, bi ksur tal-Artikolu 253 KE, kif ukoll bi ksur tal-obbligi tagħha matul il-fażi preliminari.

54      Fil-kuntest tal-motiv tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88(2) KE, ir‑rikorrenti essenzjalement jallegaw li billi awtorizzat l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni wara, biss, l-eżami preliminari, il-Kummissjoni kisret l‑Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li jobbliga lill-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali meta l-miżura nnotifikata tqajjem diffikultajiet serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L-argumenti u l-provi prodotti minn BAA insostenn tal-ilment tagħha wrew l-eżistenza ta’ dubji serji dwar, minn naħa, il-fatt li l-iskema l‑ġdida ta’ eżenzjoni ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni u, b’mod partikolari, l‑Artikoli 23 CE u 25 CE jew 90 CE (l-ewwel motiv) u li, min-naħa l-oħra, ir‑rekwiżiti previsti mil-linji gwida ma humiex sodisfatti (it-tieni motiv).

55      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi ta’ eżami preliminari skont l-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun konvinta, fi tmiem eżami preliminari, li din l‑għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami preliminari wassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ma ppermettilhiex issolvi d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 29; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 33, u tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 61; ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il‑Kummissjoni, T‑49/93, Ġabra p. II‑2501, punt 58).

56      Il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ‑ċirkustanzi li wasslu għall‑adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r‑raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni (sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 63, u s-sentenza SIDE vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 60). Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, imur, min-natura tiegħu stess, lil hinn mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cook vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 31 sa 38, u Matra vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’l fuq, punti 34 sa 39; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra p. II‑867, punt 47).

57      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Cook vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 37, u tat-3 ta’ Mejju 2001, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑204/97, Ġabra p. I‑3175, punti 46 sa 49; is-sentenza Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 108).

58      Peress li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mingħajr ma nfetħet proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni setgħet tadottaha legalment biss jekk l-eżami preliminari ma kienx iqajjem diffikultajiet serji. Fil-fatt, jekk jeżistu tali diffikultajiet, l-imsemmija deċiżjoni tista’ tiġi annullata sempliċement abbażi ta’ dan il-motiv, minħabba l-ommissjoni tal-eżami kontradittorju u fil-fond previst mit-Trattat KE, anke jekk ma jiġix stabbilit li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-mertu kienu żbaljati fil-liġi jew fil-fatt.

59      Minn dan isegwi li għandhom jiġu eżaminati l-motivi kollha tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi evalwat il-punt ta’ jekk dawn jippermettux li jiġu identifikati diffikultajiet serji li minħabba fihom il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et. vs Il‑Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punt 91, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑375/03, Ġabra p. II-121, punti 67 u 77). F’dan ir‑rigward, għandu jiġi eżaminat qabel kollox, l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 23 KE u 25 KE jew tal-Artikolu 90 KE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 23 KE u 25 KE jew tal-Artikolu 90 KE

 L-argumenti tal-partijiet

60      Skont ir-rikorrenti, konsegwenza tal-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni tal‑AGL hija li l-granulat importat mill-Irlanda huwa ntaxxat bir-rata sħiħa tal‑AGL (GBP 1.60 kull tunnellata), filwaqt li prodotti identiċi prodotti fl-Irlanda ta’ Fuq huma ntaxxati biss sa GBP 0.32 kull tunnellata, jew 20 % tar-rata sħiħa tal-AGL biss. Barra minn hekk, il-produtturi stabbiliti fl-Irlanda, bil-kontra tal-produtturi stabbiliti fl-Irlanda ta’ Fuq, ma għandhomx il-possibbiltà li jieħdu impenji ambjentali sabiex ikunu jistgħu jibbenifikaw mill-iskema ta’ eżenzjoni. Dan jirriżulta f’diskriminazzjoni fiskali li tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 23 KE u 25 KE jew id-dispożizzjoni tal-Artikolu 90 KE, li għandhom l-istess għan, jiġifieri kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni.

61      Għar-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni approvat l-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni hija ħafna iktar sorprendenti peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat espressament li l-għan ta’ din l-iskema kien li tiġi protetta l‑‑kompetittività tal-industrija tal-Irlanda ta’ Fuq vis-a-vis l-produtturi tal-Irlanda u dan minkejja l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-Kummissjoni ma tistax tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni, għajnuna li tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat KE, b’mod partikolari, jekk dawn id-dispożizzjonijiet, bħal f’dan il-każ, l-Artikoli 23 KE u  25 CE jew l-Artikolu 90 KE, għandhom ukoll l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq. Konsegwentement, jeżistu dubji serji rigward il-kompatibbiltà tal-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni mas-suq komuni.

62      Fir-replika r-rikorrenti jippreċiżaw li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jipprojbixxu d-dazji doganali kif ukoll kull taxxa b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali (Artikoli 23 KE u 25 KE) u t-taxxi interni diskriminatorji fuq il-kummerċ (l-Artikolu 90 KE) ma jistgħux jiġu applikati b’mod kumulattiv. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet huma komplementari sa fejn l-għan tal-Artikolu 90 KE huwa, b’mod partikolari, li jiġi evitat li l-projbizzjoni tad-dazji doganali u tat-taxxi b’effett ekwivalenti tiġi evitata permezz ta’ taxxi interni. Konsegwentement, id‑definizzjoni preċiża tal-linja li taqsam il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 23 KE u 25 KE, minn naħa, u tal-Artikolu 90 KE, min-naħa l-oħra, ma hijiex dejjem ċara. Fi kwalunkwe każ, skont il-kriterji enfasizzati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura diskriminatorja tal-AGL iddaħħalha fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fis-seduta r-rikorrenti ppreċiżaw li huma jinvokaw, skont din il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, prinċipalment il-ksur tal-Arikoli 23 KE u 25 KE, u sussidjarjament, il-ksur tal-Artikolu 90 KE.

63      Għal dak li jirrigwarda l-Artikoli 23 KE u 25 KE, ir-rikorrenti jsostnu li l‑imsemmija artikoli jipprekludu kull piż finanzjarju fuq il-prodotti importati, ħlief jekk dan il-piż jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ imposti interni applikata sistematikament, skont l-istess kriterji, għall-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati, jew jikkostitwixxi ħlas għal servizz effettivament mogħti lill-importatur. Sabiex il-piż fuq il-prodott importat jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ imposti interni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun stabbilixxiet li dan jaffettwa prodott lokali u prodott importat identiku, bl-istess taxxa u fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni u li l-fatt li jagħti lok għat-taxxa għandu huwa stess ikun identiku għaż-żewġ prodotti.

64      Madankollu, fl-Irlanda ta’ Fuq, l-AGL mhux biss hija applikata b’rati differenti (GBP 0.32 kontra GBP 1.60), iżda hija wkoll applikata fi stadji ta’ kummerċjalizzazzjoni differenti, u għaldaqstant, ma tirriżultax minn sistema ġenerali ta’ imposti interni. Għaldaqstant, minn dan tirriżulta diskriminazzjoni peress li l-granulat importat, min-natura tiegħu stess, dejjem ser ikun intaxxat skont fatt differenti li jagħti lok għal dan, minn dak tal-granulat lokali. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikoli 23 KE u 25 KE jinkisru meta fatti differenti li jagħtu lok għat-taxxa jiġu applikati għall-prodotti lokali u għall-prodotti importati, minkejja l-fatt li t-taxxa li tolqot il-prodotti importati, fir-realtà, hija inqas minn dik li tolqot il-prodotti lokali. Għaldaqstant, billi l-AGL taffettwa speċifikament il-prodotti importati, din tikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti għal dazji doganali.

65      Barra minn hekk, l-AGL tikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali peress li hija mfassla speċifikament sabiex taffettwa l-prodotti importati, bil-kontra tal-prodotti nazzjonali. Fi ħdan ir-Renju Unit, l-AGL tolqot ċerti produtturi tal-granulat li ma humiex obbligati li jgħaddu l-AGL lill-konsumaturi, iżda jistgħu jassorbuha huma totalment jew parzjalment bħala spiża tal-operat. Peress li r-Renju Unit ma għandux il-possibbiltà li jintaxxa l-produtturi stabbiliti barra mit-territorju tiegħu, huwa jintaxxa l-prodotti importati.

66      Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-applikazzjoni tal-AGL fuq l-importazzjonijiet fl-Irlanda ta’ Fuq “[kienet] taqa’ taħt sistema ġenerali ta’ imposti interni” u minħabba f’hekk tevita li tiġi kklassifikata bħala taxxa b’effett ekwivalenti għal dazji doganali, ir-rikorrenti jsostnu li hija tikser l-Artikolu 90 KE.

67      F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li l-produtturi stabbiliti barra mill-Irlanda ta’ Fuq ma għandhomx il-possibbiltà li jikkonkludu ftehim dwar l-ambjent sabiex jibbenifikaw mir-rata ta’ 20 % tal-AGL. Sa fejn il-prodotti inkwistjoni huma identiċi, din id-diffferenza fit-trattament tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 KE, billi tipproteġi lill-produtturi tal-Irlanda ta’ Fuq mill-kompetizzjoni.

68      Dan ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-Istati Membri huma awtorizzati jistabbilixxu sistema ta’ taxxa differenzjali għal ċerti prodotti biss jekk din id-distinzjoni tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju. L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tosservax din il-ġurisprudenza peress li l-kriterji użati sabiex tiġi stabbilita l-iktar taxxa baxxa ma japplikawx, mid-definizzjoni tagħhom stess, għall-prodotti lokali.

69      Qabel kollox, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma jiddefinixxux b’mod ċar, il‑bażi tar-rikors tagħhom. Ma huwiex faċli li jiġi ddeterminat jekk ir-rikors huwiex ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 23 KE u 25 KE jew tal-Artikolu 90 KE jew inkella ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha. Ma huwiex biżżejjed li jiġi ddikkjarat li dawn id-dispożizzjonijiet huma inkwistjoni f’dan il-każ, mingħajr ma jiġi ġġustifikat kif kull waħda minnhom tista’ tkun inkwistjoni.

70      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizza, b’mod partikolari, li l-Artikoli invokati jirrigwardaw suġġetti differenti, peress li l-Artikoli 23 KE u 25 KE għandhom l-għan li jipprojbixxu dazji doganali, bejn l-Istati Membri, fuq l‑importazzjoni u l-esportazzjoni u kull taxxa oħra b’effett ekwivalenti, u l‑Artikolu 90 KE jirrigwarda d-diskriminazzjonijiet fiskali kontra prodotti ta’ Stat Membru ieħor. Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet dwar it-taxxi b’effett ekwivalenti u dawk dwar taxxi interni diskriminatorji ma japplikawx b’mod kumulattiv, b’tali mod li l-istess taxxa ma tistax tappartjeni simultanjament għal dawn iż-żewġ kategoriji. Peress li huma r-rikorrenti li għandhom l-obbligu jippreċiżaw id-dispożizzjonijiet li jqisu li nkisru, għaldaqstant il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-tip ta’ motiv, vag u kontradittorju ma setax jiġi żviluppat fl-istadju tar-replika, fuq kollox mhux permezz ta’ argumenti daqshekk dettaljati bħal dawk imressqa mir-rikorrenti. Għal din l-unika raġuni, il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura.

71      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-argument tar-rkorrenti li l‑AGL hija taxxa b’effett ekwivalenti għal dazji doganali fis‑sens tal-Artikolu 25 CE, huwa ġdid, u konsegwentement, imressaq bi ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

72      Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ma tiċħadx il-motiv bħala inammissibbli, il-Kummissjoni tenfasizza l-ewwel nett li l-Artikoli 23 KE u 25 KE ma jidhrux li huma inkwistjoni peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax dazju doganali fuq l-importazzjoni tal-granulat li ġej mill-Irlanda. Għall-Kummissjoni, l‑AGL ma hijiex piż finanzjarju li jaffettwa l-prodotti importati iżda, bħala taxxa fuq il‑granulat, hija piż fiskali impost fuq settur. Peress li f’dan il-każ, il-produtturi fl-Irlanda ta’ Fuq iħallsu għall-inqas 20 % tal-AGL, iżda ma jirċievu xejn lura, il‑fatti la jikkorrispondu għall-Artikoli 23 KE jew 25 KE, u lanqas għall-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti.

73      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 90 KE, il-Kummissjoni hija, imbagħad, tal-fehma li l-akkuża ta’ diskriminazzjoni magħmula mir-rikorrenti ma hijiex fondata. Hija tenfasizza li hemm diskriminazzjoni biss meta regoli differenti huma applikati għal sitwazzjionijiet paragunabbli. Madankollu, f’dan il-każ, ma hemmx diskriminazzjoni, la diretta u lanqas indiretta.

74      Fil-kuntest fiskali, dan ifisser li vantaġġ fiskali li huwa rrifjutat lil persuna li ma hijiex residenti, jista’ jikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli u, għaldaqstant, diskriminazzjoni fis-sens tat-Trattat KE, ladarba ma teżisti ebda differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal differenza fit-trattament fuq dan il-punt bejn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli. Issa, f’dan il-każ, hemm raġunijiet oġġettivi relatati man-natura tal-prodotti inkwistjoni, man-natura lokali tal-industrija inkwistjoni u mas-sitwazzjoni speċifika tal-Irlanda ta’ Fuq.

75      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tfakkar li distinzjoni bejn impriżi fil-qasam tat-taxxi tista’ tkun iġġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema inkwistjoni. Peress li l-iskema ta’ eżenzjoni hija maħsuba speċjalment sabiex issolvi d-diffikultajiet tal-industrija tal-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq, huwa inerenti għas-sistema stabbilita mill-iskema ta’ eżenzjoni li l-impriżi li jinsabu fl‑Irlanda ta’ Fuq biss jistgħu jieħdu impenn ambjentali mal-awtoritajiet tar-Renju Unit.

76      Konsegwentement, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma sabitx diffikultajiet serji iżda, bil-kontra, hija sabet ruħha f’sitwazzjoni fejn, wara l-fażi preliminari, setgħet tikkonkludi li l-għajnuna nnotifikata kienet kompatibbli mas-suq komuni.

77      L-intervenjent jaqbel mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, peress li l-ewwel motiv ma huwiex preċiż biżżejjed u huwa infondat. F’dan il-każ, il-kwistjoni la tirrigwarda dazju doganali jew taxxa b’effett ekwivalenti u lanqas taxxa interna diskriminatorja.

78      L-intervenjent jgħid ukoll li l-impriżi kollha stabbiliti fl-Irlanda ta’ Fuq ma jibbenifikawx mill-eżenzjoni parzjali ta’ 80 %. Din tapplika biss għall-impriżi li jissottoskrivu formalment għall-ftehim li għandu l-għan li jwettaq it-titjib marbut mal-għanijiet ambjentali u li jikkonformaw ruħhom ma’ tali ftehim. Fil-fatt, l‑osservanza tal-ftehim dwar l-ambjent tinvolvi spejjeż kbar ta’ implementazzjoni, li huma kkumpensati mill-eżenzjoni, filwaqt li l-operaturi stabbiliti barra mill-Irlanda ta’ Fuq ma humiex obbligati jħallsu tali spejjeż.

79      Barra minn hekk, is-sistema ġenerali ta’ taxxi interni implementata mir-Renju Unit f’dan il-qasam tapplika bl-istess mod għall-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati. Għaldaqstant, l-impriżi stabbiliti fl-Irlanda ma humiex trattati b’mod differenti meta mqabbla mal-impriżi stabbiliti fir-Renju Unit, li ma għandhomx jidħlu fl-ispejjeż marbuta mat-titjib ambjentali u li ma jibbenifikawx minn kumpens permezz ta’ eżenzjoni parzjali mill-AGL.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

80      Il-Kummissjoni flimkien mal-intervenjent isostnu, fl-ewwel lok, li peress li l‑ewwel motiv huwa wisq vag u kontradittorju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-punt dwar fuq liema dispożizzjoni r-rikorrenti jibbażaw ir-rikors tagħhom, ma huwiex ċar.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal‑Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti li l-konvenuta tipprepara d‑difiża tagħha u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk hemm bżonn, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex ikunu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li jiġu indikati l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan huwa bbażat, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jiftiehem, fit-test stess tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Lulju 2000, RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, T‑110/98, Ġabra p. II‑2971, punt 23; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et. vs Il‑Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 64).

82      Għandu jiġi kkonstatat li l-użu tat-terminu “jew” fir-rikors ifsser manifestament li r-rikorrenti jsostnu, b’mod alternattiv, il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 23 KE u 25 KE, minn naħa, u tal-Artikolu 90 KE, min-naħa l-oħra.

83      Dawn l-indikazzjonijiet, li jinsabu fir-rikors, kienu ċari u preċiżi biżżejjed, fis-sens tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jippermettu li l‑Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha.

84      Fis-seduta r-rikorrenti ppreċiżaw li, permezz tal-ewwel motiv, kellhom l‑intenzjoni li jinvokaw, prinċipalment il-ksur tal-Artikoli 23 KE u 25 KE u, sussidjarjament, dak tal-Artikolu 90 KE.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel motiv jitqies bħala ċar u preċiż biżżejjed, fis-sens tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

86      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-AGL hija taxxa b’effett ekwivalenti għal dażju doganali fis-sens tal-Artikolu 25 KE ġie ppreżentat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika. Għaldaqstant dan huwa ġdid u, konsegwentement, imressaq bi ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

87      Skont il-ġurisprudenza, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura, bħalma jipprovdi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura (digriet RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 24). Min-naħa l-oħra, motiv li jikkostitwixxi elaborazzjoni fuq motiv espost preċedentement, b’mod dirett jew impliċitu, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu, huwa ammissibbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il‑Kummissjoni, T‑212/97, ĠabraSP p. I‑A‑41 u  II‑185, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet RJB Mining vs Il‑Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 24).

88      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 25 KE ma huwiex invokat direttament fir-rikors. Il-fatt jibqa’ li, fir-rikors, ir-rikorrenti sostnew ksur tal-Artikolu 23 KE sa fejn tirriżulta diskriminazzjoni fiskali mill-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni. Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 23(1) KE, il-Komunità hija bbażata fuq unjoni doganali li tkopri l-kummerċ kollu tal-merkanzija. Din l-unjoni tinvolvi, minn naħa, il-projbizzjoni, bejn l-Istati Membri, tad-dazji doganali kollha fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b’effett ekwivalenti għal dawn id‑dazji u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, C‑173/05, Ġabra p. I‑4917, punt 27).

89      Konsegwentement, peress li l-Artikolu 23 KE jipprojbixxi d-dazji doganali u l‑Artikolu 25 KE jipprojbixxi t-taxxi b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali, it‑tnejn flimkien huma komplementi neċessarji ta’ xulxin li jwasslu għal projbizzjoni globali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Diċembru 1962, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu u L-Belġju, 2/62 u 3/62, Ġabra p. 813; Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 88 iktar ’il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C‑221/06, Ġabra p. I‑9643, punt 27, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, dan l-argument jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv preċedenti u huwa ammissibbli skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Porċedura.

–       Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

90      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 hawn fuq jirriżulta li n-natura insuffiċjenti jew inkomplet tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

91      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li għalkemm il-proċedura prevista fl-Artikoli 87 KE u 88 KE tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mar-rekwiżiti tas-suq komuni, mill-istruttura ġenerali tat-Trattat KE jirriżulta li din il-proċedura ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Mejju 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 73/79, Ġabra p. 1533, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 78 , u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-31 ta’ Jannar 2001, Weyl Beef Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑197/97 u T‑198/97, Ġabra p. II‑303, punt 75). L-obbligu li l-Kummissjoni għandha li tosserva l-koerenza bejn l-Artikoli 87 KE u 88 KE u dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat KE, huwa iktar importanti, b’mod partikolari, fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jkollhom l-istess għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni, bħal f’dan il-każ, l-Artikoli 23 KE u 25 KE, minn naħa, jew l-Artikolu 90 KE, min-naħa l-oħra, li jipprovaw iżommu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-kompetizzjoni bejn prodotti nazzjonali u prodotti importati. Fil-fatt, meta adottat deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni ma tistax tinjora r-riskju ta’ effett ħażin fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni min-naħa ta’ operaturi ekonomiċi speċifiċi (sentenza Matra vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

92      Għaldaqstant, għajnuna mill-Istat li, minn ċerti aspetti, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat KE, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 78, u s-sentenza Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 41). Barra minn hekk, meta tiddetermina jekk għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tas-suq, inkluż il-livell fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, punt 91 iktar ’il fuq, punt 11, u Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 42). Minn dan jirriżulta li, skont is-sistema tat-Trattat KE, għajnuna ma tistax tiġi stabbilita jew awtorizzata taħt għamla ta’ diskriminazzjoni fiskali, min-naħa ta’ Stat Membru, fir-rigward ta’ prodotti li jiġu minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Mejju 1981, Essevi u Salengo, 142/80 u 143/80, Ġabra p. 1413, punt 28).

93      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-legalità ta’ ċerti eżenzjonijiet jew ta’ ċerti tnaqqis fiskali, b’mod partikolari, meta l-għan tagħhom ikun li jinżammu produzzjonijiet jew impriżi li, mingħajr dawn il-benefiċċji fiskali speċjali, ma jibqgħux jagħmlu qligħ minħabba li l-ispejjeż tal-produzzjoni jogħlew, hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Istati Membri li jużaw dawn il-possibbiltajiet billi jestendu l-benefiċċju, b’mod mhux diskriminatorju u mhux protettiv, għall-prodotti importati li jinsabu fl-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Franza, 168/78, Ġabra. p. 347, punt 16; tat-30 ta’ Ottubru 1980, Schneider‑Import, 26/80, Ġabra p. 3469, punt 9 u, tat-18 ta’ April 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑230/89, Ġabra p. I‑1909, punt 12).

94      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-effetti tal-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni tal-AGL għall-Irlanda ta’ Fuq, kif approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, toħloq diskriminazzjoni fiskali li tikser l-Artikoli 23 KE u 25 KE jew l-Artikolu 90 KE, u dan jikkostitwixxi diffikultajiet serji.

95      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali għandha l-obbligu li teżamina jekk l-allegata diskriminazzjoni fiskali tikkostitwixxix indizju ta’ eżistenza ta’ diffikultajiet serji billi tivverifika jekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni kellhiex l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE sabiex teżamina l-koerenza bejn l-Artikoli 87 KE u 88 KE u l-Artikoli 23 KE u 25 KE jew inkella bejn dawn l-artikoli u l‑Artikolu 90 KE.

96      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni tal-AGL, li ġiet approvata mid-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi, inkwantu eżenzjoni minn taxxa, għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, u barra minn hekk, dan ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

97      Apparti dan, għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni eżaminat, fuq din il-bażi, l-eżenzjoni tal-AGL fid-dawl tal-linji gwida. F’dan il‑kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-AGL kienet taxxa eżistenti u li r‑rekwiżiti deskritti fil-punt 51.2 tal-linji gwida, għall-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 51.1 tal-linji gwida għal tali taxxa, kienu sodisfatti. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rekwiżiti tal-linji gwida, b’mod partikolari, dawk dwar il-ħlas ta’ parti kbira tat-taxxa mill-benefiċjarji tal-eżenzjoni, kienu sodisfatti. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżenzjonji tal-AGL hija kompatibbli mas-suq komuni, skont l‑Artikolu 87(3)(ċ) KE.

98      Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat, li barra minn hekk huwa paċifiku wkoll, li l-kwistjoni tal-allegata diskriminazzjoni fiskali li tirriżulta mill-allegat ksur tal-Artikoli 23 KE u 25 KE jew tal-Artikolu 90 KE ma ġietx indirizzata fid-deċiżjoni kkontestata li ma tagħmilx riferiment għall-applikazzjoni ta’ waħda jew oħra minn dawn id-dispożizzjonjiet.

99      Għaldaqstant, ma hemm ebda dubju li l-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni introdotta fl-Irlanda ta’ Fuq, u approvata mid-deċiżjoni kkontestata, twassal sabiex il-granulat mhux ipproċessat estratt fl-Irlanda ta’ Fuq minn produtturi li kkonkludew ftehim dwar l-ambjent jiġi ntaxxat b’rata ta’ 20 % tal-AGL (GBP 0.32 kull tunnellata), filwaqt li l-prodotti identiċi importati mill-Irlanda huma ntaxxati bir-rata sħiħa tal-AGL (GBP 1.60 kull tunnellata). Għaldaqstant, mill-iskema ġenerali tal-AGL kollha, kif ukoll mill-iskema ta’ eżenzjoni għall-Irlanda ta’ Fuq, ikkonvalidata mid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li prodotti identiċi huma effettwati b’mod differenti.

100    Għandu jiġi osservat ukoll li, skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, il-produtturi tal-granulat stabbiliti fl-Irlanda ma jistgħux jidħlu fi ftehim dwar l-ambjent kif speċifikaw il-Kummissjoni u r-Renju Unit fis-seduta. Il-produtturi tal-granulat tal-Irlanda ma għandhomx iktar possibbiltajiet sabiex jibbenifikaw mill-iskema ta’ eżenzjoni tal-AGL, billi pereżempju juru li l-attivitajiet tagħhom jikkonformaw mal-ftehim dwar l-ambjent, li jistgħu jidħlu fihom il-produtturi tal-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq.

101    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fl-ilment tagħha, il-BAA kienet sostniet li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni hija intiża biss sabiex tħares il‑kompetittività tal-produtturi tal-granulat fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-BAA enfasizzat ukoll li l-iskema l-ġdida ta’ eżenzjoni tista’ toħloq distorsjoni u taffettwa l‑kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod sinjifikattiv u li ma setgħet, bl-ebda mod, tkun kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

102    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi rrilevat li peress li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ diskriminazzjoni fiskali bejn il-prodotti nazzjonali inkwistjoni u l-prodotti importati mill-Irlanda, hija ma kinitx legalment intitolata li tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-eżenzjoni tal-AGL, innotifikata mill-Awtoritajiet tar-Renju Unit.

103    F’dawn iċ-ċirkostanzi, d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

105    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 1614 finali, tas-7 ta’ Mejju 2004, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-emenda tal-eżenzjoni, fl-Irlanda ta’ Fuq, tal-imposta fuq il-granulat fir-Renju Unit hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti minn British Aggregates Association, Healy Bros. Ltd u David K. Trotter & Sons Ltd.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l‑ispejjeż tiegħu stess.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.