SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju — Deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni dwar żewġ skemi ta’ għajnuna mill-Istat — Setgħat ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni taħt ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 70/2001”

Fil-Kawża T-376/07,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma, J. Möller u B. Klein, bħala aġenti,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Gross u B. Martenczuk, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3226, tat-18 ta’ Lulju 2007, dwar l-ordni li tingħata informazzjoni dwar żewġ skemi ta’ għajnuna mill-Istat li jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [87 KE] u [88 KE] għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98, tas-7 ta’ Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [87 KE] u [88 KE] għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ bażi”), intitolat “Trasparenza u sorveljanza”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Meta tkun qed taddotta regolamenti skond l-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha timponi regoli dettaljati fuq l-Istati Membri sabiex tassigura trasparenza u sorveljanza tal-għajnuna eżentata minn notifikazzjoni f’konformità ma’ dawk ir-regolamenti. Dawn ir-regoli għandhom jikkonsistu, b’mod partikolari, fir-rekwiżiti provduti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Mal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ għajnuna jew għajnuna individwali mogħtija ’l barra minn kull sistema, li kienet eżentata skond dawn ir-regolamenti, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, ġabra fil-qosor tal-informazzjoni rigward dawn is-sistemi ta’ għajnuna jew għajnuna individwali mhux koperta b’sistemi ta’ għajnuna eżentati, bl-għan li jkunu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet ta’ grupp. Jekk il-Kummissjoni għandha informazzjoni li twassalha sabiex tiddubita li regolament ta’ eżenzjoni qed ikun applikat tajjeb, l-Istati Membri għandhom jgħaddulha kull informazzjoni li tikkunsidra neċessarja sabiex teżamina jekk għajnuna tħarisx dak ir-regolament.

4.   Mill-inqas darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet ta’ grupp, skond il-bżonnijiet speċifiċi tal-Kummissjoni, preferibbilment f’forma kompjuterizzata. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn ir-rapporti aċċessibbli għall-Istati Membri kollha. Il-Kumitat Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 7 għandu jeżamina u jevalwa dawn ir-rapporti darba fis-sena.”

2

Il-premessa 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [87 KE] u [88 KE] għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien (iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ eżenzjoni IŻM”), adottat abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ bażi, jipprovdi dan li ġej:

“Sabiex tkun żgurata t-trasparenza u s-sorveljanza effettiva, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament [ta’ bażi], huwa xieraq li tkun stabbilita forma uniformi li biha l-Istati Membri jipprovdu l-Kummissjoni b’informazzjoni qasira kull meta, skond dan ir-Regolament, skema ta’ għajnuna hija implimentata jew meta għajnuna individwali barra dawn l-iskemi tingħata, bil-għan li jkunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għall-istess raġunijiet, huwa xieraq li jkunu stabbiliti regoli dwar id-data li l-Istati Membri għandhom iżommu dwar l-għajnuna eżentata b’dan ir-Regolament. Għall-finijiet tar-rapport ta’ kull sena li għandu jinbtagħat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, huwa xieraq għall-Kummissjoni li tistabbilixxi ħtiġiet speċifiċi, inkluża, minħabba d-disponibbiltà kbira tat-teknoloġija meħtieġa, l-informazzjoni f’forma kumpjuterizzata.”

3

L-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, intitolat “Trasparenza u sorveljanza”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iżommu dokumenti dettaljati rigward l-iskemi ta’ l-għajnuna eżentati minn dan ir-Regolament, l-għajnuna individwali mogħtija taħt dawk l-iskemi, u l-għajnuna individwali eżentata minn dan ir-Regolament li tingħata barra kull skema eżistenti ta’ għajnuna. Dawn id-dokumenti jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jistabbilixxu li l-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni, kif imniżżla f’dan ir-Regolament, huma mħarsa, inkluża l-informazzjoni fuq l-istat tal-kumpanija bħala IŻM. L-Istati Membri għandhom iżommu reġistrazzjoni rigward l-għajnuna individwali għal 10 snin mid-data meta ngħatat, u rigward skema ta’ l-għajnuna, għal 10 snin mid-data meta l-aħħar għajnuna individwali ngħatat taħt it-tali skema. Fuq talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, matul perjodu ta’ 20 ġurnata tax-xogħol jew perjodu itwal kif jista’ jkun iffissat fit-talba, bl-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa biex tistma jekk il-kondizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kienux imħarsa.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Permezz ta’ żewġ ittri tas-26 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkomunikalha informazzjoni dwar l-iskemi tal-għajnuna XS 24/2002 u XS 29/2002 rispettivament, sabiex tivverifika jekk dawn l-iskemi kinux konformi mar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM. B’mod partikolari, hija ntalbet tikkomunika lill-Kummissjoni, il-lista ta’ benefiċjarji li kisbu għajnuna ta’ akar minn EUR 200000 fl-2005 taħt dawn l-iskemi, kif ukoll informazzjoni rigward l-imsemmija benefiċjarji. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonformat ma’ dawn it-talbiet fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna XS 24/2002, fl-24 ta’ Awwissu 2006 u fir-rigward tal-iskema tal-għajnuna XS 29/2002, fl-1 ta’ Settembru u fil-25 ta’ Ottubru 2006.

5

F’żewġ ittri tat-30 ta’ Ottubru 2006 dwar l-iskemi tal-għajnuna XS 24/2002 u XS 29/2002 rispettivament, il-Kummissjoni enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM dehru li ġew imħarsa minn dawn l-iskemi. Wara li fakkret l-intenzjoni tagħha li esprimiet fl-ittri tas-26 ta’ Lulju 2006, li tivverifika l-ħarsien tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ numru limitat ta’ għajnuna, il-Kummissjoni talbet li tingħata informazzjoni fir-rigward tal-iskemi tal-għajnuna XS 24/2002 u XS 29/2002 dwar il-ħames benefiċjarji li rċevew l-akbar għajnuna fl-2005.

6

Permezz ta’ ittra li l-Kummissjoni rċiviet fl-10 ta’ Novembru 2006, fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna XS 24/2002, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrifjutat li tagħti informazzjoni ġdida fuq il-proġetti inkwisjoni. Fil-21 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni reġgħet talbet informazzjoni, mill-ġdid, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u sussegwentement, fid-9 ta’ Frar 2007 reġgħet bagħtet ittra sabiex tfakkarha. Fit-18 ta’ April 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonfermat ir-rifjut tagħha li tikkomunika l-informazzjoni mitluba.

7

Fin-nuqqas ta’ risposta bil-miktub tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-rigward tal-iskema tal-għajnuna XS 29/2002, għall-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2006, din tal-aħħar reġgħet bagħtitilha ittra, fid-19 ta’ Diċembru 2006, sabiex tfakkarha. Fid-29 ta’ Jannar 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrifjutat li tagħti l-informazzjoni mitluba. Dan ir-rifjut ġie kkonfermat fit-18 ta’ April 2007.

8

Fit-18 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2007) 3226 li tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħti ċerta informazzjoni rigward l-iskemi tal-għajnuna XS 24/2002 u XS 29/2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni, filwaqt li żammet il-pożizzjoni tagħha rigward in-nuqqas ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tordnalha tikkomunikalha din l-informazzjoni, meta ma kienx hemm dubju min-naħa tagħha rigward il-ħarsien tal-obbligi ppreċiżati fir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM.

Id-deċiżjoni kkontestata

10

Fil-punti 14 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Rimarki ġenerali” huwa ppreċiżat:

“14

L-informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’risposta għa[t-]talba għal informazzjoni [tas-26 ta’ Lulju 2006] ma hijiex kompluta u ma tippermettix lill-Kummissjoni li tevalwa jekk skemi tal-għajnuna msemmija iktar ’il fuq humiex kompatibbli mar-[regolament ta’ eżenzjoni IŻM].

15

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrifjuta li tagħti informazzjoni rigward il-każijiet ta’ applikazzjoni individwali tal-iskemi tal-għajnuna inkwistjoni għar-raġuni li, skont l-Artikolu 3(3) tar-regolament [ta’ bażi], il-Kummissjoni kellu jkollha dubji konkreti rigward l-applikazzjoni korretta tar-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM] sabiex tkun tista’ titlob informazzjoni mingħand Stat Membru.

16

L-awtoritajiet Ġermaniżi jenfasizzaw li d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza u t-trasparenza pprovduti fl-Artikolu 9 tar-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM], li jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex teżiġi kull informazzjoni li tqis meħtieġa sabiex tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ġewx imħarsa, ma jagħtux dritt ġenerali ta’ sorveljanza lill-Kummissjoni, iżda jillimitaw dan id-dritt għal każijiet fejn jeżistu dubji.

17

L-awtoritajiet Ġermaniżi huma tal-fehma li l-Artikolu 9 tar-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM] ma jagħti ebda kompetenza lill-Kummissjoni ħlief dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 3(3) tar-regolament [ta’ bażi]. Huwa minħabba f’hekk li l-element ta’ dubju għandu jitqies bħala li jillimita s-setgħat ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni.

18

Ir-risposta tal-Kummissjoni għal dan kienet li s-sorveljanza ma tistax titqies bħala mitmuma ħlief meta numru ta’ għajnuna individwali, mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna magħżula, ikunu ġew eżaminati.

19

Il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-Artikolu 3(3) tar-regolament [ta’ bażi] sempliċiment jiddefinixxi l-ħtiġijiet minimi ġenerali fil-qasam tat-trasparenza u s-sorveljanza, u ma għandux l-effett li jillimita s-setgħat ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni biss għal każijiet fejn hemm suspett.

20

L-obbligu tal-Kummissjoni li tistipula regoli sabiex tiżgura s-sorveljanza skont l-Artikolu 3(1) tar-regolament [ta’ bażi] għandu jinftiehem fid-dawl tal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, li tgħid li ‘[l]-Kummissjoni hija marbuta, f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri li żżomm taħt reviżjoni kostanti s-sistemi kollha ta’ għajnuna eżistenti’, kif meħtieġ mill-Artikolu 88(1) KE.

21

Huwa għalhekk li l-Artikolu 9 tar-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM] ma jistax jitqies li jmur kontra r-regolament [ta’ bażi].

22

Minn dan jirriżulta li, billi rrifjutat li tikkomunika l-informazzjoni meħtieġa, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ħarsitx l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 9 tar-regolament [ta’ eżenzjoni IŻM], li huwa bbażat fuq l-Artikolu 3 tar-regolament [ta’ bażi] u l-Artikolu 88(1) KE.

23

Għandu jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni għandha dritt tieħu miżuri ta’ protezzjoni sabiex iżżom l-istatus quo, peress li l-prattika ta’ ċerti Stati Membri wasslet sabiex is-sistema prevista fl-Artikoli [87 KE] u [88 KE] tiġi distorta jew evitata.

24

Il-ħarsien tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM] dwar it-trasparenza u s-sorveljanza hija l-kundizzjoni indispensabbli sabiex l-għajnuna tiġi eżentata mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 88(3) KE. Huwa għalhekk li f’ċerti ċirkustanzi l-Kummissjoni ma tkunx dejjem tista’ tiddeċiedi jekk kull għajnuna li tista’ tingħata taħt din l-iskema ta’ għajnuna tħarisx il-kundizzjonijiet kollha tar-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM], kif ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(2)(a) tar-regolament.

25

Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet li tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħti l-informazzjoni diġà mitluba taħt l-Artikolu 9 tar-regolament ta’ eżenzjoni [IŻM]. L-informazzjoni mitluba għandha tingħata lill-Kummissjoni fi żmien 20 jum.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Settembru 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat dan ir-rikors.

12

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Id-dritt

14

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka żewġ motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u fuq il-ksur tal-“prinċipju ‘non venire contra factum proprium’” rispettivament.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

15

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza tadotta d-deċiżjoni kkontestata, peress li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, interpretat fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-regolament ta’ bażi, ma jagħtihiex is-setgħa li titlob informazzjoni dwar l-iskemi ta’ għajnuna li jaqgħu taħt ir-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, meta ma jkunx hemm elementi li joħolqu dubji rigward il-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

16

Huwa meħtieġ li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM tiġi interpretata fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-regolament ta’ bażi, minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva li huwa biss fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM li hemm ippreċiżat li l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat informazzjoni sabiex tissorvelja l-ħarsien tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni, meta moqrija weħidha, ma tippreċiżax jekk talba għal informazzjoni hijiex possibbli biss meta jkun hemm raġuni li tiġġustifikaha jew indipendentement minn kull raġuni.

17

Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-regolament ta’ bażi ma tippermettix lill-Kummissjoni li titlob lil Stat Membru jagħtiha informazzjoni ħlief fl-unika eventwalità meta jkollha informazzjoni li tippermettilha tiddubita jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’regolament ta’ eżenzjoni ġewx imħarsa.

18

Konsegwentement, fid-dawl tal-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-regolament ta’ bażi, is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni mir-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2), hija valida biss fir-rigward tal-volum ta’ informazzjoni li trid tingħatalha u mhux fir-rigward tar-raġunijiet li jiġġustifikaw din it-talba għall-informazzjoni.

19

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni b’referenza, b’mod partikolari, għall-premessa 20 tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM li l-iskop tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament ma huwiex li jħaffef, b’mod ġenerali, il-kisba ta’ sorveljanza effettiva, iżda pjuttost il-kisba ta’ sorveljanza effettiva fis-sens tal-Artikolu 3 tar-regolament ta’ bażi. Minn dan hija tiddeduċi li l-ambitu tas-setgħat ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-uniku veru kriterju, li huwa l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament.

20

Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

21

Preliminarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-raġunament tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi, la espliċitament u lanqas impliċitament, ebda eċċezzjoni ta’ illegalità tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, ibbażata fuq il-fatt li din tmur kontra t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-regolament ta’ bażi, u dan ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ammettietu matul is-seduta u l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota tiegħu. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa bbażat biss fuq l-allegata ambigwità tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM u l-ħtieġa, minħabba f’hekk, li din tiġi interpretata fid-dawl tar-regolament ta’ bażi.

22

Huwa minnu li skont ġurisprudenza stabbilita, meta test tad-dritt Komunitarju sekondarju jkun jeħtieġ interpretazzjoni, dan għandu jiġi interpretat, sa fejn ikun possibbli, b’mod li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Regolament ta’ implementazzjoni għandu wkoll jingħata, jekk ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ bażi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52, u tal-24 ta’ Ġunju 1993, Dr. Tretter, C-90/92, Ġabra p. I-3569, punt 11). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tapplikax fir-rigward ta’ dispożizzjoni ta’ regolament ta’ implementazzjoni li t-tifsira tagħha hija ċara u mingħajr ambigwità u li għaldaqstant ma jkollhiex bżonn ta’ interpretazzjoni.

23

Għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM ma fih ebda ambigwità fir-rigward tat-tifsira eżatta tiegħu. Minnu jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni għandha dritt titlob lill-Istati Membri li jagħtuha kull informazzjoni li hija tqis meħtieġa sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM kinux imħarsa.

24

Għaldaqstant, mill-kliem ċar u mhux ekwivoku tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, jirriżulta neċessarjament li skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha dritt titlob li tingħata informazzjoni minn Stat Membru f’kull ċirkustanza.

25

Fir-rigward tar-referenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-premessa 20 tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, din ma hijiex tali li tinvalida din il-konklużjoni. Fil-fatt, mill-qari tagħha ma tirriżulta ebda kontradizzjoni mar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, tali li toħloq ambigwità rigward it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija premessa ma tinkludi ebda riferiment għaċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni jkollha dritt titlob lil Stat Membru informazzjoni dwar l-iskemi ta’ għajnuna li jibbenefikaw minn eżenzjoni.

26

Konsegwentement, mill-kliem ċar tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM jirriżulta, minn naħa, li ma hemmx lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-regolament ta’ bażi u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma eċċedietx is-setgħa li tagħtiha din id-dispożizzjoni bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

27

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud mingħajr ma għandu għalfejn jiġi analizzat l-ambitu tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-regolament ta’ bażi.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-“prinċipju ‘non venire contra factum proprium’”

L-argumenti tal-partijiet

28

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ppubblikat diversi proposti għal emendi fil-kuntest tar-riforma tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, li minnhom jista’ jiġi dedott li ma kellhiex is-setgħa li twettaq sorveljanza fin-nuqqas ta’ raġunijiet li jiġġustifikawha.

29

Fl-ewwel lok, mill-punti 52 u 54 tal-pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li għalihom irrefferiet il-Kummissjoni fl-ittri tagħha tas-26 ta’ Lulju 2006, jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li jippermetti lill-“Kummissjoni li tivverifika l-kompatibbiltà tal-għajnuna f’każ ta’ dubji jew ta’ ilment”.

30

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirreferi għal proposta għal emendi għar-regolament ta’ bażi, bl-għan li jagħtu lill-Kummissjoni l-possibbiltà li twettaq sorveljanza każwali, mingħajr ma jkollha informazzjoni li tqajjem dubji fir-rigward tal-applikazzjoni xierqa ta’ regolament. Minn dan jirriżulta neċessarjament li tali possibbiltà ma teżistix fil-liġi attwali.

31

Fit-tielet lok, għandha tiġi dedotta l-istess konklużjoni mill-abbozz ta’ Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat ippreżentat mill-Kummissjoni fl-2007 (ĠU C 210, p. 14). Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva li, l-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi paragrafu 7 ġdid fl-Artikolu 9, li jippreċiża li hija “sejra tissorvelja regolarment l-għajnuna li hija tkun magħrufa biha, skont il-paragrafu 1”.

32

Minn dak li ntqal preċedentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiddeduċi li l-Kummissjoni kisret il-“prinċipju ‘non venire contra factum proprium’”. Fir-replika, hija żżid tgħid li l-Kummissjoni tippreġudika l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi billi warrbet din il-pożizzjoni preċedenti. Matul is-seduta, hija rreferiet ukoll għal prattika tal-Kummissjoni li twettaq sorveljanza biss f’każ ta’ dubju fir-rigward tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM.

33

Bħala risposta għall-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-prinċipju “non venire contra factum proprium” ma jikkostitwixxix prinċipju tad-dritt Komunitarju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-qrati Komunitarji rreferew diversi drabi għal dan il-“prinċipju”. Hija fakkret ukoll li dan huwa sostanzjalment simili mhux biss għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, iżda wkoll għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

34

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkonfuta l-analiżi tal-Kummissjoni li l-motiv preżenti ma huwiex sostnut minn argument li juri l-eżistenza ta’ aspettativi leġittimi.

35

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li ma jistax ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi peress li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM tippermetti sorveljanza meta ma jkunx hemm dubju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar l-argument tagħha, magħmul fil-kuntest tal-ewwl motiv, dwar it-tifsira li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni. Minn dan hija tiddeduċi li t-tibdil fil-prattika tal-Kummissjoni jikkostitwixxi, fil-fatt, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi.

36

Għal dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq il-fatt li l-għan tal-abbozz ta’ emendi għar-regolament ta’ bażi kien biss li jippreċiża li għandha dritt twettaq sorveljanza indipendentement minn kull dubju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li din ma hijiex konvinċenti. Essenzjalment, hija ssostni li l-ħtieġa għal tali kjarifikazzjoni timplika li l-Kummissjoni ma tqisx li l-Artikolu 3 tar-regolament ta’ bażi jippermettilha li twettaq tali sorveljanza.

37

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konlużjonijiet li l-Kummissjoni tagħmel mill-fatt li l-abbozz ta’ regolament ġenerali ta’ eżenzjoni huwa sostnut mir-regolament ta’ bażi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis, essenzjalment, li dawn huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

38

Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39

Fil-kunstest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni nnifisha interpretat ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM bħala li ma tawtorizzahiex twettaq sorveljanza meta ma jkunx hemm dubju fir-rigward tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, u dan huwa rifless fil-prassi deċiżjonali tagħha. Għaldaqstant, hija ma għandhiex dritt li titbiegħed minn din l-interpretazzjoni. Dan huwa, fil-fatt, dak li jista’ jiġi dedott mill-allegazzjonijiet tagħha bbażati fuq il-ksur tal-massima “non venire contra factum proprium”, u sussegwentement fl-istadju tar-replika, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi.

40

Tali argument ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, fir-rigward tal-kliem ċar tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħa jkollha ebda inċertezza fuq l-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni taħt din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, hija ma setgħetx tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi sabiex tillimita s-setgħat li l-Kummissjoni għandha taħt din id-dispożizzjoni.

41

Fi kwalunkwe każ, id-diversi elementi mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jistgħux joħolqu aspettativi leġittimi fir-rigward tal-mod li bih il-Kummissjoni bi ħsiebha tuża s-setgħat tagħha taħt ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM.

42

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument żviluppat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-seduta, dwar l-eżistenza ta’ prattika tal-Kummissjoni, bejn id-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM u t-talbiet għal informazzjoni li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonsisti fil-fatt li sorveljanza titwettaq biss jekk ikun hemm dubju dwar il-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-imsemmi regolament, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jistax ikun hemm aspettativi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mibdula mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 171, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirreferi għall-fatt li l-Kummissjoni kitbet, fil-punt 52 tal-pjan ta’ azzjoni tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li “[l-]Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod iktar attiv, li l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni jiġu mħarsa kompletament u li l-informazzjoni meħtieġa tinġabar […], sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-kompatibbiltà tal-għajnuna f’każ ta’ dubju jew ilment”. Madankollu, kif ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja stess tirrikonoxxi, din is-silta għandha tinqara flimkien mal-punt 54 ta’ dan l-istess pjan, li fih il-Kummissjoni tenfasizza t-tisħiħ tas-sorveljanza tagħha. Konsegwentement, mill-qari ta’ dawn iż-żewġ punti flimkien ma tirriżulta ebda indikazzjoni preċiża tar-rieda tal-Kummissjoni li tillimita l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ sorveljanza tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM biss għall-każijiet fejn ikun hemm dubji.

44

Fit-tielet lok, il-fatt li fl-abbozz tagħha ta’ Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, il-Kummissjoni riedet tippreċiża, b’mod differenti, is-setgħat li għandha fir-rigward tas-sorveljanza tal-għajnuna eżentata, ma jista’ jkollu ebda effett fuq it-tifsira ċara tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, li huwa l-uniku wieħed applikabbli fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

45

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għal emenda tar-regolament ta’ bażi hija intiża sabiex tagħtiha setgħa, taħt dan ir-regolament, sabiex twettaq sorveljanza b’mod każwali, għandu jiġi indikat li din tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tar-regolament ta’ bażi u li għaldaqstant, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-regolament ta’ eżenzjoni IŻM, u fid-dawl tal-kliem ċar tagħha, it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) ma taffettwax l-eżitu ta’ dan ir-rikors.

46

Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

47

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjez, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Novembru 2009.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.