SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Akkordji — Prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Ħlas addizzjonali fuq il-liga — Kompetenza tal-Kummissjoni — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Res judicata — Drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Preskrizzjoni — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva”

Fil-Kawża T-24/07,

ThyssenKrupp Stainless AG, stabbilita f’Duisburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann u S. Thomas, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, R. Sauer u O. Weber, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] (Każ COMP/F/39.234 — Ħlas addizzjonali fuq il-liga, adozzjoni mill-ġdid), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ThyssenKrupp Stainless permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

1

L-Artikolu 65 KEFA jipprovdi:

“1.   Għandhom ikunu pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li, direttament jew indirettament, jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, u b’mod partikolari dawk li jinvolvu:

a)

l-iffissar tal-prezzijiet;

b)

il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investiment;

c)

it-tqassim tas-swieq, tal-prodotti, tal-klijenti jew tal-fonti ta’ provvista.

2.   Madankollu, il-Kummissjoni għandha tawtorizza, għal prodotti partikolari, akkordji ta’ speċjalizzazzjoni jew akkordji ta’ xiri jew ta’ bejgħ konġunt, jekk [ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti...]

3.   Il-Kummissjoni tista’ tikseb, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47, kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, jew permezz ta’ talba speċjali indirizzata lill-partijiet ikkonċernati, jew permezz ta’ regolament li jiddefinixxi n-natura tal-akkordji, tad-deċiżjonijiet jew tal-prattiki li għandhom jiġu nnotifikati lilha.

4.   L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli u ma jistgħu jiġu invokati quddiem ebda qorti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, bla ħsara għad-dritt li jitressqu proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiddeċiedi jekk l-imsemmija akkordji jew deċiżjonijiet humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

5.   Fuq l-impriżi li jkunu kkonkludew akkordju li huwa awtomatikament null, jew li jkunu applikaw jew ippruvaw japplikaw, permezz ta’ arbitraġġ, penali, bojkott jew b’xi mezz ieħor, akkordju jew deċiżjoni li huma awtomatikament nulli jew akkordju li l-approvazzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata jew revokata, jew li jkunu kisbu awtorizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni xjentement falza jew qarrieqa, jew li jwettqu prattiki li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ timponi multi jew penali perjodiċi li ma jistgħux jeċċedu d-doppju tad-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett tal-akkordju, tad-deċiżjoni jew tal-prattika li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu; madankollu, jekk l-għan tal-akkordju jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-produzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investiment, dan il-massimu jista’ jiżdied sa 10% tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriżi inkwistjoni, fir-rigward tal-multa, u sa 20% tad-dħul mill-bejgħ ta’ kuljum, fir-rigward tal-penali perjodiċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2

Skont l-Artikolu 97 tiegħu, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

2. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA

3

Fit-18 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA (ĠU C 152, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002”).

4

Fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, huwa ppreċiżat li l-għan tagħha huwa:

“—

li tiġbor fil-qosor, għall-operaturi ekonomiċi u għall-Istati Membri, sa fejn huma kkonċernati bit-Trattat KEFA u d-dritt sekondarju tiegħu, l-iktar tibdiliet importanti fid-dritt sostantiv u proċedurali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni għas-sistema tat-Trattat KE […]

li tispjega kif il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni ssolvi l-problemi speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mis-sistema KEFA għas-sistema KE fil-qasam tal-akkordji u tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti […], tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet […] u tal-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

Il-punt 31 tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002, li jinsab fit-taqsima dwar il-problemi speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni mis-sistema KEFA għas-sistema KE, jipprovdi kif ġej:

“Jekk, meta tapplika r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għall-akkordji, il-Kummissjoni tikkonstata ksur f’qasam li jaqa’ taħt it-Trattat KEFA, id-dritt sostantiv applikabbli għandu jkun, indipendentement minn meta sseħħ tali applikazzjoni, dak fis-seħħ fil-mument meta jseħħu l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur. Fi kwalunkwe każ, fuq livell proċedurali, id-dritt applikabbli wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA huwa d-dritt KE […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1/2003

6

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), “[g]ħal għan li jiġu applikati l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa prevista minn dan ir-Regolament”.

7

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament 1/2003 jaqra kif ġej:

“Fejn il-Kummissjoni, [meta] taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 [KE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li ttemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur. Rimedji strutturali jistgħu jiġu imposti biss jekk ma jkunx hemm rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment jew jekk ir-rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment ikun ta’ aktar piż għall-impriża kkonċernata min rimedju strutturali. Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.”

8

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament 1/2003 jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE]; jew

(b)

jikkontravenju deċiżjoni li tordna miżuri intermedjarji taħt l-Artikolu 8; jew

(ċ)

jonqsu milli iħarsu rabta li ġiet vinkolanti b’deċiżjoni skond l-Artikolu 9.

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10% tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti.

Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni tirrelata mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma taqbiżx l-10% tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur ta’ l-assoċjazzjoni.”

9

L-Artikolu 27 tar-Regolament 1/2003 jistabbilixxi dan li ġej:

“1.   Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti [mressqa] mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri.

2.   Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil [għall-]file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt għal aċċess mhux ser jiġi estiż għall-korrispndenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, jew bejn dan ta’ l-aħħar, incluż dokumenti imfasla skond l-Artikoli 11 u 14. Xejn f’dan il-paragrafu m’hu ħa jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni neċessarja biex tipprova xi ksur.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Krupp Thyssen Nirosta GmbH, kumpannija rregolata taħt il-liġi Ġermaniża, ġiet stabbilita fl-1 ta’ Jannar 1995 bħala riżultat tal-fużjoni tal-attivitajiet fis-settur tal-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli, reżistenti għall-aċidi u għal temperaturi għoljin, ta’ Thyssen Stahl AG (iktar ’il quddiem “Thyssen”) u Fried Krupp AG Hoesch-Krupp. Wara diversi bidliet fl-isem tal-kumpannija Krupp Thyssen Nirosta saret ThyssenKrupp Stainless AG (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “TKS”).

11

L-azzar inossidabbli huwa tip ta’ azzar speċjali li l-kwalità prinċipali tiegħu hija r-reżistenza tiegħu għall-korrużjoni. Din il-kwalità hija mogħtija mill-użu ta’ elementi differenti ta’ liga (kromju, nikil, molibdenu) fil-proċess tal-produzzjoni. L-azzar inossidabbli huwa użat fil-forma ta’ prodotti ċatti (folji jew rukkelli; laminati bis-sħana jew bil-kesħa) jew ta’ prodotti twal (twavel, virga tal-wajer, sezzjonijiet; laminati bis-sħana jew lesti). Il-maġġorparti ta’ dawn il-prodotti taqa’ taħt it-Trattat KEFA skont l-Artikolu 81 KEFA.

12

Fis-16 ta’ Marzu 1995, wara informazzjoni li dehret fl-istampa speċjalizzata u lmenti tal-konsumaturi, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 47 KEFA, talbet lil diversi produtturi tal-azzar inossidabbli jgħaddulha informazzjoni fuq żieda ġenerali fil-prezzijiet, magħrufa bl-isem ta’ “ħlas addizzjonali fuq il-liga”, talba li dawn issodisfaw.

13

Il-ħlas addizzjonali fuq il-liga huwa suppliment fuq il-prezz, ikkalkolat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-komponenti tal-liga, li jiġi miżjud mal-prezz bażiku tal-azzar inossidabbli. Il-valur tal-komponenti tal-liga użati mill-produtturi tal-azzar inossidabbli (nikil, kromju u molibdenu) jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-ispejjeż ta’ produzzjoni. Il-prezzijiet ta’ dawn il-komponenti huma varjabbli ħafna.

14

Fid-19 ta’ Diċembru 1995, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 19-il impriża.

15

F’Diċembru 1996 u f’Jannar 1997, wara serje ta’ verifiki fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni, l-avukati jew ir-rappreżentanti ta’ xi impriżi għarrfu lil din tal-aħħar bix-xewqa tagħhom li jikooperaw. Fis-17 ta’ Diċembru 1996, TKS bagħtet dikjarazzjoni lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

16

Fl-24 ta’ April 1997, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi kkonċernati dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida li tissostitwixxi dik tad-19 ta’ Diċembru 1995. TKS u Thyssen it-tnejn li huma rċevew dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u kull waħda minn dawn l-impriżi rrispondietha, b’mod separat, permezz ta’ ittri tar-rappreżentanti rispettivi tagħhom tat-30 ta’ Ġunju 1997.

17

B’ittra tat-23 ta’ Lulju 1997 indirizzata lill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997”), TKS indikat dan li ġej:

“Fir-rigward tal-proċedura msemmija fis-suġġett [Każ IV/35.814 — TKS], inti tlabt lir-rappreżentant legali ta’ Thyssen […] sabiex [TKS] tikkonferma espressament li hija kienet qed tassumi r-responsabbiltà għall-atti eventwalment imwettqa minn Thyssen, wara t-trasferiment tas-settur ta’ attività tal-prodotti ċatti inossidabbli ta’ Thyssen, inkwantu huma kkonċernati l-prodotti ċatti inossidabbli, li huma s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri, u dan ukoll għall-perijodu li jmur lura sal-1993. Bil-preżenti, aħna nikkonfermawlek dan espressament.”

18

Fil-21 ta’ Jannar 1998, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 98/247/KEFA dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] (Każ IV/35.814 — Ħlas addizzjonali fuq il-liga) (ĠU L 100, p. 55).

19

Skont din id-deċiżjoni, il-maġġorparti tal-produtturi ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli qablu, matul laqgħa miżmuma f’Madrid fis-16 ta’ Diċembru 1993, li jgħollu b’mod miftiehem il-prezzijiet tagħhom billi jibdlu l-parametri tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Għal dan il-għan, huma ddeċidew li mill-1 ta’ Frar 1994 japplikaw ħlas addizzjonali fuq il-liga kkalkolat fuq il-formula li ntużat għall-aħħar darba fl-1991, billi adottaw, għall-produtturi kollha, bħala valuri ta’ referenza għall-komponenti tal-liga, dawk ta’ Settembru 1993, meta l-prezz tan-nikil kienu laħaq minimu storiku.

20

Il-Kummissjoni kkunsidrat li minħabba dan il-fatt l-impriżi kkonċernati kienu kisru l-Artikolu 65(1) KEFA, billi biddlu u applikaw b’mod miftiehem il-valuri ta’ referenza tal-formula ta’ kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga, prattika li kellha bħala għan u effett li tirristrinġi u twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni normali fis-suq komuni.

21

Id-Deċiżjoni 98/247 kienet ġiet innotifikata lil TKS u mhux lil Thyssen.

22

Mill-premessa 102 kif ukoll mill-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 98/247 jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li TKS kienet responsabbli għall-imġiba ta’ Thyssen u, għaldaqstant, imponiet fuqha multa relatata, wkoll, mal-fatti li kienet akkużatha bihom Thyssen. F’dan ir-rigward, fil-premessa 78 tad-Deċiżjoni 98/247, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dewmien tal-ksur li Thyssen kienet akkużatha bih kien jaqa’ bejn ix-xahar ta’ Diċembru 1993, data tal-laqgħa ta’ Madrid li matulha kien beda l-ftehim bejn il-produtturi tal-prodotti ċatti inossidabbli, u l-1 ta’ Jannar 1995, data meta waqfu l-attivitajiet ta’ Thyssen f’dan is-settur.

23

Fil-11 ta’ Marzu 1998, TKS ippreżentat rikors intiż, b’mod partikolari, għall-anullament tad-Deċizjoni 98/247.

24

B’sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni (T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II-3757), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/247 sa fejn dan kien jimputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA mwettaq minn Thyssen.

25

Il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li matul il-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni ma kinitx poġġiet lil TKS f’pożizzjoni li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti li Thyssen kienet ġiet akkużata bihom u li, konsegwentement, TKS ma setgħetx teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt timputa r-responsabbiltà għall-imġiba ta’ Thyssen lil TKS u lanqas, konsegwentement, timponi multa fuq TKS minħabba fatti li kienet akkużata bihom Thyssen meta, fuq dan il-punt, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzata biss lil din tal-aħħar (sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punti 66 u 67).

26

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqqset mill-multa ta’ TKS l-ammont ta’ dik li kienet ġiet imposta fuqha minħabba l-ksur imwettaq minn Thyssen u stabbilixxiet l-ammont tal-multa finalment imposta fuq TKS għal EUR 4032000.

27

B’sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Thyssen Krupp vs Il-Kummissjoni (C-65/02 P u C-73/02 P, Ġabra p. I-6773), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli ppreżentati minn TKS u l-Kummissjoni mis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq.

28

Wara li b’ittra tad-29 ta’ Novembru 2005 talbet, informazzjoni mingħand id-direttorat tal-grupp Thyssen Krupp AG u b’ittra tas-6 ta’ Marzu 2006 bagħtet talba għal informazzjoni lil Thyssen sabiex tkun taf id-dħul mill-bejgħ tagħha, il-Kummissjoni, fil-5 ta’ April 2006, bagħtet lil TKS dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

29

B’ittra tas-17 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti rrispondiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fil-15 ta’ Settembru 2006 inżammet seduta pubblika.

30

Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] (Każ COMP/F/39.234 — Ħlas addizzjonali fuq il-liga, adozzjoni mill-ġdid) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”).

31

Il-preambolu tad-Deċiżjoni jaqra kif ġej:

“wara li rat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, u b’mod partikolari l-Artikolu 65 tiegħu,

wara li rat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li rat ir-Regolament […] Nru 1/2003 […],

wara li rat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ April 2006 li tissottometti parzjalment il-każ inkwistjoni għal eżami mill-ġdid,

wara li rat l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni u l-verifiki mwettqa abbażi tal-Artikolu 47 [KEFA]

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ppreżentati skont l-Artikolu 36 [KEFA],

wara li rat it-talbiet għal informazzjoni previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003,

wara li tat lill-impriża kkonċernata l-okkażjoni tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-ilmenti meqjusa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]

wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar Akkordji u Pożizzjonijiet Dominanti,

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32

Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

Thyssen […] kisret l-Artikolu 65(1) KEFA mis-16 ta’ Settembru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994 billi mmodifikat u applikat il-valuri ta’ refrenza tal-formula ta’ kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga, prattika li kellha bħala għan u effett li tirristrinġi u twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni normali fis-suq komuni

Artikolu 2

Għall-ksur msemmi fl-Artikolu [1], multa ta’ EUR 3168000 hija imposta.

Minħabba li b[id-dikjarazzjoni] tat-23 ta’ Lulju 1997 il-persuna ġuridika [TKS] assumiet, ir-responsabbiltà għall-aġir tal-persuna ġuridika Thyssen […], il-multa hija imposta fuq [TKS].

[…]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

34

Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fl-ambitu tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-Kummissjoni twieġeb bil-miktub għal mistoqsija dwar il-kontenut tal-fajl relatat mal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-3 ta’ Diċembru 2008.

35

B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ssottomettiet osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta li sussegwentement ġew innotifikati lir-rikorrenti. B’ittra tat-8 ta’ Diċembru 2008 din tal-aħħar talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex dawn l-osservazzjonijiet ma jkunux inklużi fil-fajl minħabba li dawn ikollhom bħala konsegwenza li jbiddlu l-preżentazzjoni tal-argumenti tal-Kummissjoni u kienu jammontaw għal teħid ta’ pożizzjoni fuq il-mertu li kien supplimentari u tardiv.

36

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, ċaħdet it-talba tar-rikorrenti minħabba li din ma kellha ebda għan speċifiku peress li l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2008 kienet diġà ġiet inkluża fil-fajl, u min-naħa l-oħra, ippreċiżat li l-eżistenza eventwali ta’ argument ġdid tal-Kummissjoni u l-ammissibbiltà tiegħu ser ikunu evalwati fil-kuntest ta’ din is-sentenza.

37

It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2008.

38

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 kienet ġiet irrevokata. B’risposta għal mistoqsija tal-President, ir-rikorrenti affermat li hija ma kinitx ipproċediet għal tali revoka matul il-proċedura amministrattiva u li din kienet intiża biss sabiex turi l-pożizzjoni difiża fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jiġifieri li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 kienet biss dikjarazzjoni privata revokabbli, li fuq il-bażi tagħha hija ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ Thyssen. Fil-proċess verbal tas-seduta ttieħed att tar-revoka u tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti msemmija iktar ’il fuq

39

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni;

iktar sussidjarjament, tnaqqas f’proporzjonijiet xierqa l-ammont tal-multa imposta;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

1. Fuq l-eżistenza ta’ argument allegatament ġdid u tardiv tal-Kummissjoni

41

Wara li l-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-imsemmija osservazzjonijiet kienu jbiddlu l-preżentazzjoni tal-argumenti tal-Kummissjoni u kienu jammontaw għal teħid ta’ pożizzjoni fuq il-mertu li kien supplimentari u tardiv.

42

Għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni tar-rikorrenti mhijiex issostanzjata b’ebda dimostrazzjoni konkreta dwar punti preċiżi tal-osservazzjonijiet inkwistjoni. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija osservazzjonijiet jinkludu biss preċiżazzjonijiet dwar il-portata ta’ ċerti argumenti tal-Kummissjoni żviluppati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha jew it-tfakkir ta’ elementi ta’ raġunament li mhumiex inklużi fis-sinteżi neċessarja li r-rapport għas-seduta jikkostitwixxi.

43

Jidher għalhekk li r-rikorrenti ma ppruvatx l-eżistenza ta’ argument ġdid tal-Kummissjoni li jaqa’ taħt l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

2. Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni

44

Jaqbel li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel żewġ motivi għal annullament ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u n-natura illegali tal-applikazzjoni maqgħuda tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 65 KEFA, li bla dubju ta’ xejn iqajmu l-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-Deċiżjoni, li effettivament tiddetermina jekk din tal-aħħar hijiex ibbażata fuq bażi legali valida.

L-argumenti tal-partijiet

45

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni hija illegali minħabba li, f’dan l-att, il-Kummissjoni imponiet fuqha multa “mingħajr bażi ta’ awtorizzazzjoni valida” li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ nulla poena sine lege.

46

Hija tenfasizza li t-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002 u li minħabba dan il-Kummissjoni tilfet il-kompetenza tagħha li timponi sanzjonijiet għal ksur tal-Artikolu 65 KEFA. Mill-Artikolu 70 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, li jistabbilixxi regola ġenerali tad-dritt konswetudinarju internazzjonali li tapplika għat-Trattat KEFA jirriżulta li ladarba tiskadi, konvenzjoni ma tistax iktar tipprovdi l-bażi għal obbligu jew kompetenza.

47

Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 65 KEFA seta’ jiġi applikat b’mod retroattiv biss jekk kien hemm dispożizzjoni tranżitorja fir-rigward tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat KEFA, fatt li mhuwiex applikabbli, filwaqt li l-Istati Membri jew il-Kunsill adottaw dispożizzjonijiet tranżitorji, taħt il-forma ta’ protokoll, deċiżjoni jew regolament, sabiex jirregolaw il-konsegwenzi tal-iskadenza tat-Trattat KEFA f’oqsma oħra.

48

Ir-rikorrenti tindika li, jekk il-Kummissjoni riedet tapplika l-Artikolu 65 KEFA, din kellha tiġi awtorizzata tagħmel dan. Issa, it-Trattati KEFA u KE, kif ukoll il-leġiżlazzjoni sekondarja u b’mod partikolari r-Regolament Nru 1/2003, ma fihom ebda dispożizzjoni li tippermetti tali applikazzjoni retroattiva.

49

Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tibbaża l-kompetenza tagħha fuq l-Artikolu 65 KEFA billi tagħmel riferiment għal allegata sistema uniformi ta’ projbizzjoni li tirriżulta minn sistema legali Ewropea uniformi. M’hemmx dubju li t-trattati KEFA u KE kienu ġew maqgħuda, fuq il-livell istituzzjonali, wara t-Trattat ta’ Għaqda. Madankollu dawn jikkostitwixxu żewġ sistemi legali distinti li għandhom kompetenzi u setgħat irregolati b’mod differenti.

50

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni m’għandhiex kompetenza ġenerali assoluta u li, skont il-prinċipju li l-Komunità għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha stabbiliti fl-Artikolu 5 KE, l-istituzzjonijiet tal-Komunità ma jistgħux jieħdu l-inizjattiva li jattribwixxu lilhom infushom xi kompetenzi. Il-Kummissjoni għandha l-kompetenza tapplika t-Trattati fis-sistema legali Komunitarja biss sa fejn din il-kompetenza ngħatat konkretament lilha mill-varji Trattati. Skont ir-rikorrenti, jekk it-tul tal-validità ta’ trattat jintemm, bħal f’dan il-każ fir-rigward tat-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002, jintemmu wkoll il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet li qabel kienu awtorizzati japplikaw it-trattat inkwistjoni.

51

L-argumenti kuntrarji tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-Artikolu 81 KE huwa “dispożizzjoni sussidjarja ta’ sostituzzjoni” għall-Artikolu 65 KEFA u li dan tal-aħħar għadu jista’ jiġi applikat fid-dawl tal-prinċipju legali ġenerali tal-ġerarkija tar-regoli li tibda mil-lex generalis għal-lex specialis, huma irrilevanti.

52

L-Artikolu 65 KEFA mhuwiex lex specialis meta mqabbel mal-Artikolu 81 KE fis-sens mifhum mill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, lex specialis hija regola li tissodisfa l-kriterji kollha ta’ lex generalis, li magħhom jiżdied tal-inqas kriterju supplimentari. Dan mhuwiex il-każ f’dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn l-Artikolu 65 KEFA u l-Artikolu 81 KE, peress li l-Artikolu 65 KEFA ma jinkludix il-kriterji kollha tal-Artikolu 81 KE u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit effettiv li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi affettwat. Ma jista’ jiġi dedott xejn mill-prinċipju ta’ speċjalità f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ dritt li mhuwiex iktar fis-seħħ.

53

L-Artikolu 65 KEFA lanqas ma jista’ jiġi applikat fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002. Din il-Komunikazzjoni m’għandhiex effett vinkolanti u, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni m’għandhiex il-kompetenza sabiex tadotta regoli li joħolqu drittijiet bil-għan li jiġu trattati każijiet preċedenti, u dan anki sabiex tiġi żgurata “tranżizzjoni armonjuża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA u dawk tat-Trattat KE, skont il-kliem tad-Deċiżjoni.

54

L-Artikolu 65 KEFA lanqas ma jista’ japplika f’dan il-każ bis-saħħa tal-prinċipju ta’ lex mitior. Il-prinċipju ta’ lex mitior mhux talli ma jiġġustifikax l-applikazzjoni retroattiva ta’ “test kriminali”, iżda għall-kuntrarju jippresupponi din ir-retroattività.

55

Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li d-Deċiżjoni hija illegali, minħabba li din tapplika r-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 65 KEFA. Din il-“konġunzjoni ta’ regoli” ma tistax tikkostitwixxi bażi legali valida sabiex ikunu imposti sanzjonijiet u barra minn hekk din twassal għal żbalji serji ta’ proċedura, fatt li jiġġustifika li d-Deċiżjoni tiġi kkwalifikata bħala “ineżistenti” fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni (15/85, Ġabra p. 1005).

56

L-ewwel nett, hija ssostni li mill-premessi tar-Regolament Nru 1/2003, li daħal fis-seħħ wara li skada t-Trattat KEFA, u mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23 tiegħu jirriżulta li dan tal-aħħar jippermetti lill-Kummisssjoni timponi multa għal ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, imma mhux f’każijiet ta’ ksur tal-Artikolu 65 KEFA, li mhuwiex imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003. Billi bbażat il-multa tagħha fuq l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, għal ksur tal-Artikolu 65 KEFA, il-Kummissjoni wettqet ksur ċar tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege.

57

Il-Kummissjoni ma tistax utilment tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-premessa 70 tad-Deċiżjoni, li abbażi tagħha r-regoli bażiċi mhumiex retroattivi. Fil-fatt, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, li jinkludi l-vera bażi legali tas-sanzjoni, jiġifieri li jagħti kompetenza lill-Kummissjoni biex timponi multa, jikkostitwixxi “regola kriminali bażika”u jista’ jitqabbel mal-Artikolu 65(5) KEFA.

58

Anki jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 jista’ jiġi kkunsidrat bħala regola ta’ proċedura, l-applikazzjoni tiegħu tibqa’ illegali inkwantu l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 għas-sanzjoni tal-ksur tal-Artikolu 65 KEFA għandha tiġi eskluża mill-ewwel, ratione materiae.

59

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 flimkien mal-Artikolu 65 KEFA vvizzjat il-proċedura kollha u tosserva li kieku l-Kummissjoni kienet, meta l-Artikolu 65 KEFA kien għadu fis-seħħ, ibbażat multa fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu flimkien ma’ dawk tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1 p. 3), id-deċiżjoni tagħha kienet ukoll tkun manifestament invalida u kellha tiġi annullata. Ma jistax ikun mod ieħor issa li l-Artikolu 65 KEFA mhuwiex iktar applikabbli u l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1/2003 għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA għandha tiġi eskluża kemm ratione materiae kif ukoll ratione temporis.

60

Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, mhuwiex eżatt li r-riferiment li jagħmel l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għall-Artikolu 81 KE jinkludi wkoll riferiment ieħor “kważi inviżibbli” għall-Artikolu 65 KEFA. Ir-rikorrenti ssostni li, peress li fil-kuntest tad-dritt applikabbli fil-qasam ta’ ksur huwa pprojbit li jiġu applikati sanzjonijiet b’analoġija, l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għal regola li mhijiex imsemmija fih tikkostitwixxi “analoġija inaċċettabbli”.

61

Ir-rikorrenti tindika li l-bażi legali tar-Regolament Nru 1/2003 hija l-Artikolu 83 KE, li jawtorizza lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jadottaw ir-regolamenti xierqa għall-applikazzjoni tal-“prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]”, mingħajr ma jsir riferiment għall-Artikolu 65 KEFA. In-nuqqas ta’ riferiment għal din l-aħħar dispożizzjoni ma jistax, f’kull każ, jitqies li huwa żball tal-leġiżlatur Komunitarju, li jikkostitwixxi huwa stess il-kundizzjoni għal applikazzjoni b’analoġija sabiex jintmela vojt ġuridiku. Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-prinċipju stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 KE li l-Kummissjoni tista’ taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha, ebda kompetenza sabiex timplementa l-Artikolu 65 KEFA ma seta’ jingħata lill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KE, anki b’mod sussidjarju jew impliċitu, u li fir-rigward tal-kompetenzi, ir-Regolament Nru 1/2003 jista’ biss jirreferi għall-Artikolu 81 KE.

62

Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel żewġ motivi għal annullament imressqa mir-rikorrenti jiġu miċħuda bħala infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-bażi legali tad-Deċiżjoni

63

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li t-trattati Komunitarji stabbilixxew sistema legali ġdida li favur tagħha l-Istati llimitaw, f’oqsma iktar u iktar estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li s-suġġetti tagħha mhumiex biss l-Istati Membri, iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I-6079, punt 21).

64

Fi ħdan din is-sistema legali Komunitarja, l-istituzzjonijiet għandhom biss kompetenzi li huma assenjati lilhom (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 5; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-93/00, Ġabra p. I-10119, punt 39). Għal din ir-raġuni, l-atti Komunitarji jsemmu fil-preambolu tagħhom il-bażi legali li tawtorizza lill-istituzzjoni kkonċernata taġixxi fil-qasam inkwistjoni. L-għażla ta’ bażi legali xierqa fil-fatt għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/00, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5).

65

L-ewwel nett, f’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li l-preambolu tad-Deċiżjoni jinkludi riferimenti għal dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA, jiġifieri l-Artikoli 36 KEFA, 47 KEFA u 65 KEFA imma wkoll riferiment għat-Trattat KE, għar-Regolament Nru 1/2003, u iktar preċiżament għall-Artikolu 18 u l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament u għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 3 p. 81).

66

Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi rrilevat li, fil-motivi tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 70, dan li ġej:

“Din id-deċiżjoni ġiet adottata […] skont ir-regoli proċedurali tat-Trattat KE, u b’mod partikolari skont ir-Regolament Nru 1/2003. L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament jagħti lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 85 KE, il-kompetenza li tikkonstata l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettqa mill-impriżi. L-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizzaha timponi sanzjonijiet f’każ ta’ ksur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

67

Fil-premessa 73 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tispjega li l-fatt li l-Artikolu 81 KE, bħala lex generalis, issuċċeda l-Artikolu 65 KEFA, bħala lex specialis, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, jimplika li “taħt l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni hija wkoll responsabbli sabiex tibda proċedura skont l-Artikolu 65 KEFA sabiex tikkonstata ksur tal-imsemmi artikolu, sabiex jintemm il-ksur hekk ikkonstatat u sabiex tiġi imposta multa sabiex ikun issanzjonat l-imsemmi ksur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

68

Fil-premessa 163 tad-Deċiżjoni jsir riferiment għall-fatt li, skont l-Artikolu 65(5) KEFA, il-Kummissjoni “setgħet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] timponi multi fil-konfront ta’ impriżi li kienu adottaw ċertu aġir antikompetittiv u li “dritt ekwivalenti kien ingħata lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 23 tar-Regolament […] Nru 1/2003 li l-Kummissjoni applikat f’dan il-każ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

69

Jirriżulta wkoll mill-motivi tad-Deċiżjoni li r-riferiment fil-preambolu għall-Artikolu 65 KEFA jirrigwarda l-paragrafu 1, jiġifieri d-dispożizzjoni sostantiva indirizzata lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li tipprojbixxi ċertu aġir antikompetittiv, u l-paragrafu (5), inkwantu jipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti multi sa massimu tad-doppju tad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-prodotti li kienu s-suġġett tal-ftehim kollużiv. Ir-riferiment għall-applikabbiltà tal-Artikolu 65(5) KEFA jikkonċerna d-diskussjoni dwar il-prinċipju ta’ lex mitior sabiex, f’dan il-każ, tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mhux tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa (ara l-premessi 162 sa 168 u 178 tad-Deċiżjoni).

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-bażi legali tad-Deċiżjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u timponi multa fuq ir-rikorrenti, tinsab fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-konstatazzjoni tal-ksur u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-impożizzjoni tal-multa.

71

F’dan l-istadju, jaqbel għalhekk li jiġi kkonstatat, li l-argument tar-rikorrenti li l-prinċipju ta’ lex mitior u l-Komunikazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2002 ma jistgħux jikkostitwixxu bażi legali valida għad-Deċiżjoni, huwa kompletament irrilevanti, inkwantu, f’dan il-każ, il-kompetenza tal-Kummissjoni ma hija bbażata la fuq wieħed u lanqas fuq l-oħra, imma fuq l-Artikoli tar-Regolament Nru 1/2003 iċċitati iktar ’il fuq.

Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1/2003

72

Fil-kuntest tal-ewwel żewġ motivi għal annullament tagħha, ir-rikorrenti, essenzjalment ssostni li bl-iskadenza stess tat-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002 il-Kummissjoni tilfet il-kompetenza tagħha li timponi sanzjonijiet għall-ksur tal-Artikou 65 KEFA u li ma teżisti ebda dispożizzjoni, tranżitorja jew permanenti, tal-leġiżlazzjoni primarja jew tal-leġiżlazzjoni sekondarja, li tawtorizza lil din l-istituzzjoni tapplika l-Artikolu ċċitat iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni maqgħuda, fid-Deċiżjoni, tal-Artikolu 65 KEFA u tar-Regolament Nru 1/2003 ma tipprovdix bażi legali valida għal din id-deċiżjoni, peress li l-imsemmi regolament jagħti kompetenza lill-Kummissjoni biss fir-rigward tal-implementazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

73

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

74

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni Komunitarja tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-269/97, Ġabra p. I-2257, punt 45), fatt li huwa inkontestabbilment il-każ fir-rigward tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-Deċiżjoni.

75

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li t-Trattati Komunitarji stabbilixxew sistema legali unika (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/91 punt 21; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Stahlwerke Peine-Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T-120/89, Ġabra p. II-279, punt 78), li fil-kuntest tagħha, kif rifless fl-Artikolu 305(1) KE, it-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi sistema speċifika li tidderoga mir-regoli ta’ natura ġenerali stabbiliti mit-Trattat KE.

76

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 305(1) KE, it-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi lex specialis li tidderoga mil-lex generalis li hija t-Trattat KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 1985, Gerlach, 239/84, Ġabra p. 3507, punti 9 sa 11; opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/94, tal-15 ta’ Novembru 1994, Ġabra p. I-5267, punti 25 sa 27, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni, T-6/99, Ġabra p. II-1523, punt 102).

77

Minn dan jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-funzjonament tas-suq komuni, ir-regoli tat-Trattat KEFA u d-dispożizzjonijiet kollha adottati għall-applikazzjoni tiegħu baqgħu fis-seħħ, minkejja li daħal fis-seħħ it-Trattat KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Gerlach, punt 57 iktar ’il fuq, punt 9, u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 100).

78

Madankollu, sa fejn xi kwistjonijiet ma kinux is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jew ta’ leġiżlazzjonijiet adottati fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar, it-Trattat KE u d-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu setgħu, anki qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, japplikaw għal prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1987, Deutsche Babcock, 328/85, Ġabra p. 5119, punt 10, u Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar’il fuq, punt 100; ara wkoll f’dan is-sens, l-opinjoni 1/94, punt 76 iktar ’il fuq, punt 27).

79

Skond l-Artikolu 97 tiegħu, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002. Konsegwentement, fl-24 ta’ Lulju 2002, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali li tirriżulta mit-Trattat KE ġie estiż għas-setturi li inizjalment kienu rregolati mit-Trattat KEFA.

80

Għalkemm is-suċċessjoni tal-kuntest ġuridiku tat-Trattat KE għal dak tat-Trattat KEFA wasslet, b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002, għal bidla tal-bażijiet legali, tal-proċeduri u tar-regoli sostantivi applikabbli, din is-suċċessjoni tifforma parti mill-unità u l-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u mill-għanijiet tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T-25/04, Ġabra p. I-3121, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 41), kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessi 65 sa 67 tad-Deċiżjoni.

81

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera, li fi ħdanha huma ggarantiti l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u li fuqha ġeneralment huma bbażati r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u l-akkordji bejn impriżi, jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punt 31) kif ukoll tat-Trattat KEFA (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/61, tat-13 ta’ Diċembru 1961, Ġabra p. 505, 519; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punt 33; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punti 265, 299 sa 304).

82

F’dan il-kuntest, għalkemm ir-regoli tat-Trattati KEFA u KE li jirregolaw il-kuntest tal-akkordji huma sa ċertu punt differenti, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma taħt l-Artikolu 65(1) KEFA jikkorrispondu għal dawk ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma skont l-Artikolu 81 KE u li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma interpretati bl-istess mod mill-qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punti 262 sa 272 u 277). Għaldaqstant l-ilħiq tal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-setturi li inizjalment kienu jaqgħu taħt is-suq komuni tal-faħam u tal-azzar mhuwiex interrott minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, peress li dan l-għan irid jintlaħaq ukoll fil-kuntest tat-Trattat KE u mill-istess istituzzjoni, il-Kummissjoni, awtorità amministrattiva responsabbli għall-implementazzjoni u l-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni fl-interess ġenerali tal-Komunità (ara, b’analoġija, is-sentenza Gonzalez y Díez vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il quddiem, punt 55).

83

Il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u tal-għanijiet tagħha li jirregolaw il-funzjonament tagħha teżiġi għaldaqstant li, bħala suċċessur tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, u fil-kuntest proċedurali tagħha stess, il-Komunità Ewropea tiggarantixxi, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt it-Trattat KEFA, ir-rispett tad-drittijiet u tal-obbligi li kienu imposti eo tempore kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-individwi taħt it-Trattat KEFA u tar-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Dan ir-rekwiżit huwa neċessarju iktar u iktar fejn id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam ta’ akkordji tista’ testendi l-effetti tagħha ratione temporis wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, taħt it-Trattat KE (ara, b’analoġija, is-sentenza Gonzalez y Díez vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 56).

84

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-Regolament Nru 1/2003 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) tiegħu u l-Artikolu 23(2) tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippremetti lill-Kummissjoni tikkonstata u tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji konklużi fis-setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis, (ara, b’analoġija, is-sentenza Gonzalez y Díez vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 57), u dan anki meta d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-imsemmi regolament ma jsemmux espressament l-Artikolu 65 KEFA.

85

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni, fi ħdan is-sistema legali Komunitarja, tar-regoli tat-Trattat KE f’qasam inizjalment irregolat mit-Trattat KEFA għandha sseħħ b’osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm ir-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati li japplikaw għall-kawżi pendenti kollha minn meta dawn jidħlu fis-seħħ, dan ma jgħoddx għar-regoli sostantivi. Fil-fatt, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li t-tali effett għandu jingħatalhom (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9, u tal-10 ta’ Frar 1982, Bout, 21/81, Ġabra p. 381, punt 13; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 1998, Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T-42/96, Ġabra p. II-401, punt 55).

86

F’din il-perspettiva, fir-rigward tal-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi applikabbli għal sitwazzjoni ġuridika definittivament stabbilita qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi adottati skont it-Trattat KEFA, għall-fatti li, ratione materiae u ratione temporis, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-fatt li, minħabba li t-Trattat KEFA skada, il-kuntest leġiżlattiv inkwistjoni mhuwiex iktar fis-seħħ fil-mument li ssir l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali ma tbiddilx din il-kunsiderazzjoni, peress li din l-evalwazzjoni tikkonċerna sitwazzjoni ġuridika definittivament stabbilita f’epoka fejn kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet sostantivi adottati taħt it-Trattat KEFA (sentenza Gonzalez y Díez vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 59).

87

F’dan il-każ, id-Deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 7(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 wara proċedura mwettqa skont l-imsemmi regolament. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-bażi legali u l-proċedura segwita sal-adozzjoni tad-Deċiżjoni jaqgħu taħt ir-regoli proċedurali skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 85 iktar ’il fuq. Peress li d-Deċiżjoni ġiet adottata wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni korrettament applikat ir-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 1/2003 (ara, b’analoġija, is-sentenza Gonzalez y Díez vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 60, u, a contrario, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il-Kummissjoni, T-27/03, T-46/03, T-58/03, T-79/03, T-80/03, T-97/03 u T-98/03, Ġabra p. II-4331).

88

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi biss regola bażika li, b’definizzjoni, mhijiex intiża li tipprovdi bażi legali għall-azzjoni tal-Kummissjoni, għall-kuntrarju preċiżament tal-artikolu ċċitat iktar ’il fuq li jawtorizza lill-Kummissjoni timponi multi fuq l-impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li kisru l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

89

Fir-rigward tar-regoli bażiċi, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni tikkonċerna sitwazzjoni legali definittivament stabbilita qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002, peress li l-perijodu ta’ ksur kien jibda mis-16 ta’ Diċembru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994. Fin-nuqqas ta’ kull effett retroattiv tad-dritt sostantiv tal-kompetizzjoni applikabbli mill-24 ta’ Lulju 2002, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 65(1) KEFA jikkostitwixxi r-regola bażika applikabbli u effettivament applikata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, filwaqt li għandu jitfakkar li min-natura ta’ lex generalis tat-Trattat KE meta mqabbel mat-Trattat KEFA, stabbilita fl-Artikolu 305 KE, jirriżulta preċiżament li s-sistema speċifika li tirriżulta mit-Trattat KEFA u mir-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu hija, abbażi tal-prinċipju ta’ lex specialis derogat legi generali, applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet stabbiliti qabel l-24 ta’ Lulju 2002.

90

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel żewġ motivi għal annullament imqajma mir-rikorrenti, ibbażati rispettivament, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u tan-natura illegali tal-applikazzjoni maqgħuda tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 65 KEFA, għandhom ikunu miċħuda.

3. Fuq ir-res judicata u l-validità tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997

91

Għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tat-tielet motiv għal annullament, ibbażat fuq il-ksur tar-res judicata, iż-żewġ partijiet jinvokaw favur tagħhom il-kunċett ta’ res judicata sabiex minnu jisiltu konklużjonijiet dijametrikament opposti.

92

Ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 88 tas-sentenza tagħha ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma kinitx sostanzjalment responsabbli għall-imġiba ta’ Thyssen u li dan il-punt illum huwa res judicata. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li, fid-Deċiżjoni, hija tibbaża ruħha fuq ir-rikonoxximent, fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni punt 24 iktar ’il fuq, ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-validità tad-Dikjarazjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li permezz tagħha r-rikorrenti kkonfermat li kienet qed tassumi r-responsabbiltà għall-imġiba mwettqa minn Thyssen, fatt li ma jistax iktar jiġi kkontestat, illum, minħabba li dan il-punt ta’ liġi deċiż mill-qorti Komunitarja sar res judicata.

93

Issa, bir-raba’ motiv tagħha, ibbażat fuq l-illegalità tal-impożizzjoni ta’ multa bbażata fuq id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, ir-rikorrenti tfittex preċiżament li tikkontesta l-punt ta’ liġi msemmi hawn fuq billi tallega li l-imsemmija dikjarazzjoni ma tistax isservi ta’ bażi għall-imputazzjoni ta’ responsabbiltà għall-imġiba ta’ Thyssen u għas-sanzjoni sussegwenti, fid-dawl tal-portata reali tagħha u tal-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-akkordji.

94

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jaqbel li t-tielet u r-raba’ motivi għal annullament jiġu eżaminati flimkien, minħabba li r-risposta li tingħata għal wieħed tikkundizzjona l-ammissibbiltà tal-ieħor. F’dan ir-rigward, anki jekk ebda motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq ir-res judicata mhuwa espressament imqajjem mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-diskussjoni dwar ir-raba’ motiv għal annullament, dan huwa invokat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar it-tielet motiv, li huwa irrevokabbilment marbut mar-raba’ motiv għal annullament. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar ir-res judicata hija waħda ta’ ordni pubbliku u għandha, għalhekk, titqajjem ex officio mill-qorti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2006, P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punt 45].

L-argumenti tal-partijiet

95

Fil-kuntest tat-tielet motiv għal annullament ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 88 tas-sentenza tagħha Thyssen Krupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma kinitx sostanzjalment responsabbli għall-imġiba ta’ Thyssen u li dan il-punt illum huwa res judicata, fatt li jikkostitwixxi motiv ta’ inammissibbiltà f’dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni.

96

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din il-konklużjoni, minn naħa, fuq il-konstatazzjoni ta’ nuqqas, f’dan il-każ, ta’ suċċessjoni fuq il-livell ekonomiku u ta’ unità ta’ azzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 kif ukoll id-dikjarazzjonijiet l-oħra kollha magħmulin fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ma jippermettux li tiġi attribwita lil TKS ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Thyssen.

97

L-argument tal-Kummissjoni li, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx teskludi r-responsabbiltà sostantiva ta’ TKS inkwantu, fl-imsemmi punt, din kienet qed tirreferi għall-appell inċidentali tal-Kummissjoni, li ma jikkonċernax it-trasferiment tar-responsabbiltà lil TKS, ma jistax jintlaqa’.

98

Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk konstatazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ trasferiment tar-responsabbiltà ma kinitx neċessarja fil-kuntest tal-eżami tal-appell inċidentali, minn dan ma jirriżultax li l-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, huwa irrilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija libera tikkonstata fil-motivi tas-sentenza tagħha n-nuqqas tat-trasferiment tar-responsabbiltà, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx espressament invokat dan il-punt fl-appell tagħha u din il-konstatazzjoni għandha tiġi rrispettata mill-partijiet.

99

Fis-sentenza tagħha ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, ikkonfermat, fil-punti 82 sa 87, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba difett proċedurali, wara, fil-punt 88, żviluppat argument supplimentari sabiex tistabilixxi l-invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni billi ppreċiżat li, indipendentement mid-difett proċedurali msemmi iktar ’il fuq, TKS ma setgħetx tkun sostanzjalment responsabbli għall-imġiba ta’ Thyssen.

100

Ir-rikorrenti tispjega li, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li d-dikjarazzjonijiet ta’ TKS magħmulin matul il-proċedura amministrattiva, imsemmija fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, ma jippermettux li tiġi attribwita lilha r-responsabbiltà għall-imġiba ta’ Thyssen u li l-punt 85 tal-imsemmija sentenza jsemmi barra minn hekk espressament id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997. It-terminoloġija magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja hija perfettament espliċita. Fil-fatt, kieku fil-punt 88 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq il-Qorti tal-Ġustizzja riedet biss tagħmel riferiment għal żball ta’ proċedura, kif issostni l-Kummissjoni, hija ma kinitx tiddeċiedi li din tal-aħħar ma setgħetx “[timputa r-responsabbiltà lir-rikorrenti]” skont l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

101

Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, ma jkunux jagħmlu sens jekk dawn jirreferu biss għal difetti proċedurali, minħabba li din il-kwistjoni diġà kienet ġiet trattata b’mod eżawrjenti fil-punti 85 sa 87 tal-imsemmija sentenza. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ma ridietx tiddeċiedi fuq it-trasferiment ta’ responsabbiltà fil-punt 88 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, hija ma kinitx tagħmel il-konstatazzjoni, fl-ewwel żewġ sentenzi, li Thyssen kienet kompliet teżisti u li, għalhekk, ir-responsabbiltà ma setgħetx tiġi attribwita lil TKS skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C-49/92 P, Ġabra p. I-4125). Skont ir-rikorrenti, peress li diġà kien hemm difett proċedurali, li kellu bħala konsegwenza n-nullità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni fl-ewwel żewġ sentenzi tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, fuq il-kwistjoni tat-trasferiment tar-responsabbiltà jista’ biss ifisser li b’dan il-mod hija riedet tikkompleta l-motivazzjoni għaċ-ċaħda tal-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni. Il-motivazzjoni supplimentari tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinsab f’dawn l-ewwel żewġ sentenzi tkun inkompleta jekk it-tielet sentenza ma kinitx ukoll tagħmel riferiment għad-domanda dwar it-trasferiment sostantiv tar-responsabbiltà, minħabba li, fin-nuqqas ta’ dan, din id-domanda kienet tibqa’ mingħajr risposta f’dak li kien jikkonċerna d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

102

Ir-rikorrenti żżid li l-verżjoni Taljana tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni insostenn tal-interpretazzjoni tagħha tal-punt 88 tal-imsemmija sentenza, hija rrilevanti, peress li l-lingwa tal-kawża hija l-Ġermaniż, u li din l-interpretazzjoni hija fi kwalunkwe każ żbaljata fuq il-livell lingwistiku.

103

Ir-rikorrenti tindika wkoll li, indipendentement mill-interpretazzjoni tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ trasferiment tar-responsabbiltà hija wkoll iġġustifikata fil-mertu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-suċċessur legali ma jistax jinżamm responsabbli għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mill-predeċessur tiegħu, sakemm dan tal-aħħar għadu jeżisti, kif huwa l-każ ta’ Thyssen. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni llum taċċetta din il-konklużjoni.

104

Fl-aħħar, hija ssostni li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-tielet motiv mhuwiex inammissibbli, inkwantu ma tistax tiġi invokata fir-rigward tagħha l-“forza legali” tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, li kienet tagħmel riferiment biss għad-Deċiżjoni 98/247, li ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Peress li l-ebda qorti għadha ma ddeċidiet b’mod ġenerali dwar il-legalità tad-Deċiżjoni, din tal-aħħar mhijiex legalment eżegwibbli, b’mod li t-tielet motiv ma jistax ikun inammissibbli abbażi tal-prinċipju ta’ res judicata.

105

Fl-kuntest tar-raba’ motiv għal annullament tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, bid-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, hija riedet tesprimi l-qbil tagħha “sabiex il-Kummissjoni tkompli l-proċedura rigward il-ksur kollu kontra [tagħha] biss u mhux parallelament u, barra minn hekk, kontra Thyssen”. Din id-dikjarazzjoni ma tistax tkun ta’ bażi għar-responsabbiltà ta’ TKS u għat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-multa.

106

Hija ssostni li, waqt il-proċedura preċedenti u fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni, hija stabbilixxiet b’mod ċar ħafna li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala teħid tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-multi. Li t-talba kuntrarja tal-Kummissjoni tintlaqa’ jkun ifisser li l-intenzjoni tal-partijiet tingħata sens dijametrikalment oppost għas-sens veru tagħha, kif deheret b’mod ċar fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

107

Anki kieku d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 tista’ tiġi interpretata li tinkludi “teħid ta’ responsabbiltà”, dan ma jfissirx li TKS tista’ tiġi kkundannata tħallas il-multa dovuta minn Thyssen, u dan sa fejn din id-dikjarazzjoni privata jista’ jkollha biss effett dikjaratorju u ma tikkostitwixxix drittijiet. Tali dikjarazzjoni ma tistax tbiddel il-pożizzjoni tad-destinatarju, li tirriżulta direttament mil-leġiżlazzjoni primarja u ma tipproduċi ebda effett la fuq il-livell tad-dritt sostantiv u lanqas fuq dak proċedurali, minħabba li din tkun inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni dwar il-multi fil-qasam tal-akkordji. Din il-leġiżlazzjoni taqa’ mingħajr dubju taħt id-dritt pubbliku, “b’mod partikolari taħt il-liġi kriminali u l-liġi dwar is-sanzjonijiet”. Id-dikjarazzjonijiet privati awtonomi magħmula minn persuni suġġetti għad-dritt privat ma jistgħux ibidlu l-konsegwenzi legali li jrriżultaw mid-dritt pubbliku, “a fortiori mil-liġi kriminali u mil-liġi dwar is-sanzjonijiet”. Dan il-prinċipju jmur lura għad-dritt Ruman (jus publicum privatorum pactis mutari non potest) u huwa applikat fis-sistemi legali tal-Istati Membri, u b’hekk jikkostitwixxi tradizzjoni ġuridika komuni għall-Istati Membri li l-Kummissjoni għandha tosserva.

108

Din il-konklużjoni tapplika wkoll meta l-Kummissjoni tapprova dikjarazzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà, peress li l-istituzzjoni m’għandhiex kompetenza titbiegħed mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-multi mogħtija fil-qasam tal-akkordji. Ir-rikorrenti tenfasizza li, fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Jannar 2005, MCAA (każ COMP/E — 1/C.37773), il-Kummissjoni stess ikkunsidrat li d-dikjarazzjoni privata ta’ teħid ta’ responsabbiltà ma setgħetx twassal għat-trasferiment tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas tal-multi imposti fil-kuntest tal-liġi dwar l-akkordji. Skont ir-rikorrenti, “ir-responsabbiltà għall-ħlas tal-multi tkompli taqa’ fuq id-destinatarju, anki meta l-Kummissjoni tkun trid timponi l-multa fuq destinatarju ieħor li mhuwiex dak responsabbli skont id-dritt Komunitarju primarju u sekondarju”. Dan jibqa’ l-każ anki fil-każ fejn l-impriżi għandhom ukoll l-istess xewqa tal-Kummissjoni li jgħaddu l-piż tal-ħlas tal-multa fuq destinatarju ieħor minflok fuq il-veru responsabbli. Fi kwalunkwe każ, għandha tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ tali marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-Kummissjoni, minħabba li din “tixref” fuq l-arbitrarjetà.

109

Il-Kummissjoni ssostni li l-ammissibbiltà tat-tielet motiv tmur kontra l-fatt li l-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, ta’ possibbiltà ta’ sanzjoni bbażata fuq id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 diġà saret res judicata. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti m’għandhiex l-interess ġuridiku sabiex issa tikkontesta din il-possibbiltà ta’ sanzjoni, li sa dan iż-żmien kienet għadha ma ġietx ikkontestata. Dan in-nuqqas ta’ interess ġuridiku jiġġustifika wkoll l-inammissibbiltà tar-raba’ motiv għal annullament, ibbażat fuq l-illegalità tal-impożizzjoni ta’ multa bbażata fuq id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

110

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni, li timponi fuqha multa ta’ EUR 3168000 , huwa inkontestabbli u li t-tielet motiv għal annullament, ibbażat fuq il-ksur tar-res judicata, ma jistax ikun iddikjarat inammissibbli sempliċement minħabba li, fil-proċedura li wasslet għas-sentenza Krupp Thssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kkontestat biss il-possibbiltà li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 tista’ tiġi interpretata bħala li tinkludi rinunzja għad-dritt għal smigħ tagħha.

111

Għaldaqstant, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti jiġi eżaminat fil-fond.

112

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza fundamentali li għandu l-prinċipju ta’ res judicata kemm fis-sistema legali Komunitarja kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibbli li jitqajmu dubji fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw il-mezzi għal appell kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dan il-għan (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 38, u tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C-234/04, Ġabra p. I-2585, punt 20).

113

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ res judicata japplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu effettivament jew neċessarjament deċiżi bid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-281/89, Ġabra p. I-347, punt 14; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 1996, Lenz vs Il-Kummissjoni, C-277/95 P, Ġabra p. I-6109, punt 50, u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 44).

Fuq il-portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni

114

Mill-punti 51 sa 52 u 55 sa 68 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, jirriżulta dan li ġej:

ir-rikorrenti ddeskriviet hija stess bħala fatt inkontestabbli l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen, mingħajr ma tagħmel ebda restrizzjoni jew riżerva fuq il-valur tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997;

il-Qorti tal-Prim’Istanza espressament innotat li TKS ma kinitx qegħda tikkontesta l-possibbiltà għall-Kummissjoni li timputa r-responsabbiltà għall-imġiba illegali li Thyssen kienet akkużata biha;

il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat b’mod ċar il-possibbiltà għall-Kummissjoni li timputa lil TKS, abbażi tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur li kienet akkużata bih Thyssen bejn ix-xahar ta’ Diċembru 1993 u l-1 ta’ Jannar 1995;

l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/247 ġie annullat, inkwantu dan kien jimputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-ksur li kienet akkużata bih Thyssen, biss minħabba li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma setgħetx tiġi interpretata bħala li timplika “ukoll”, rinunzja ta’ din għad-dritt għal smigħ tagħha fir-rigward tal-fatti li kienet akkużata bihom Thyssen, peress li din l-idea żbaljata tal-Kummissjoni dwar il-portata tal-imsemmija dikjarazzjoni rriżultat fi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ TKS;

id-diskussjoni u l-konklużjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ TKS kellhom bħala rekwiżit neċessarju l-konstatazzjoni tal-validità tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li biha TKS kienet ikkonfermat li kienet qed tassumi r-responsabbiltà għall-atti mwettqa minn Thyssen.

115

Fid-dispożittiv tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/247 sa fejn dan kien attribwixxa lil TKS ir-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA mwettaq minn Thyssen, naqqset mill-multa ta’ TKS l-ammont ta’ dik li kienet ġiet imposta fuqha minħabba l-ksur imwettaq minn Thyssen, billi ffissat għal EUR 4032000 l-ammont tal-multa finalment imposta fuq TKS, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

Fuq il-portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni

116

Ir-rikorrenti ppreżentat appell mis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, fejn talbet, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad ir-rikors tagħha;

temenda l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/247 u, sa fejn dan jirrigwardha, tbiddel il-perijodu tal-ksur;

tnaqqas fl-istess proporzjonijiet l-ammont tal-multa imposta fuqha bis-saħħa tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 98/247;

sussidjarjament, fil-każ taż-żewġ talbiet preċedenti, tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

117

TKS ressqet tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha:

l-iżball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur;

il-kalkolu ħażin tal-ammont tal-multa b’rata fissa, u

l-iżball ta’ liġi mwettaq fir-rigward tal-konsegwenzi tal-kooperazzjoni ta’ TKS fil-proċedura ta’ investigazzjoni fuq it-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

118

Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-appell tar-rikorrenti ma kienx jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-trasferiment tar-responsabbiltà ta’ Thyssen lil TKS.

119

Il-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali mis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, fejn talbet, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell tar-rikorrenti;

sussidjarjament, fil-każ fejn is-sentenza appellata tiġi annullata, tiċħad it-talba intiża sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa;

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza:

i)

annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/247 li bih imputat lil TKS ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen;

ii)

stabbilixxiet il-multa imposta fuq TKS bis-saħħa tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 98/247 għal ammont inqas minn EUR 7596000;

iii)

ordnat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

120

Il-Kummissjoni ressqet tliet aggravji insostenn tal-appell inċidentali tagħha:

l-iżnaturament ta’ ċerti dokumenti ta’ prova u l-iżball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tat-trasferiment ta’ responsabbiltà minn Thyssen lil TKS;

l-evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet meħtieġa fil-qasam tar-rispett tad-drittijet tad-difiża;

l-iżball ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ ksur tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.

121

Hija l-interpretazzjoni tal-kontenut tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, u b’mod iktar partikolari l-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li hija s-suġġett tal-argument bejn il-partijiet, interpretazzjoni li hija neċessarjament marbuta mal-portata tal-imsemmi aggravju u mal-kliem preċiż tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni insostenn tiegħu.

122

F’dan ir-rigward, mill-punti 73 sa 79 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, jirriżulta li bl-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni ma jidhirx li riedet tikkontesta r-rikonoxximent mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-fatt li hija setgħet timputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur li kienet akkżata bih Thyssen fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, imma, biss, il-konklużjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza li abbażi tagħha l-imsemmija dikjarazzjoni ma setgħetx tiġi interpretata bħala li timplika wkoll rinunzja minn TKS għad-dritt għal smigħ tagħha fir-rigward tal-fatti li kienet akkużata bihom Thyssen.

123

Fir-rigward tal-kontenut tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 82 sa 87 tas-sentenza tagħha, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba difett proċedurali, wara, fil-punt 88, żviluppat motiv supplimentari sabiex tistabbilixxi l-invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni billi ppreċiżat li, indipendentement mid-difett proċedurali ċċitat iktar ’il fuq, TKS ma setgħetx tkun sostanzjalment responsabbli għall-imġiba ta’ Thyssen.

124

Ir-rikorrenti l-ewwel nett issostni li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma riditx tiddeċiedi dwar it-trasferiment ta’ responsabbiltà fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, din ma kinitx tikkonstata, fl-ewwel żewġ sentenzi, li Thyssen kienet kompliet teżisti u li, għalhekk, ir-responsabbiltà għall-imġiba ta’ din tal-aħħar ma setgħetx tiġi attribwita lil TKS skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Parteċipazioni, punt 101 iktar ’il fuq. Il-motivazzjoni supplimentari tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinsab fl-ewwel żewġ sentenzi tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, tkun inkompleta jekk it-tielet sentenza ma kinitx tagħmel ukoll riferiment għad-domanda dwar it-trasferiment sostantiv tar-responsabbiltà, minħabba li, fin-nuqqas ta’ dan, din id-domanda kienet tibqa’ mingħajr risposta f’dak li jikkonċerna d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

125

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan l-ewwel argument manifestament jinjora l-istruttura tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali kkaratterizzata mill-korrelazzjoni stretta tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-argumenti invokati mill-Kummissjoni.

126

L-ewwel nett, fis-sentenza tagħha ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq (punti 80 sa 87), il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li abbażi tagħha d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma timplikax rinunzja minn TKS għad-dritt għal smigħ tagħha, hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba żnaturament, minn naħa, tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 stess, u, min-naħa l-oħra, ta’ dokumenti oħra msemmija fil-punti 76 u 77 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri r-risposti ta’ TKS għaż-żewġ dikjarazzjonijiet tal- oġġezzjonijiet u l-ittra tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1996.

127

Fis-sentenza tagħha ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, (punti 81 u 82), il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar u tikkonferma l-validità tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza msemmija iktar ’il fuq fir-rigward tal-kontenut tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, wara hija teżamina u tiċħad (punti 83 sa 86) l-argument tal-Kummissjoni dwar nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ provi oħra fir-rigward tal-imsemmija dikjarazzjoni u tal-iżnaturament sussegwenti tagħhom.

128

Il-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ żnaturament mill-Qorti tal-Prim’Istanza kemm tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 kif ukoll ta’ dawn il-provi l-oħra (sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 87) ma jfissirx, madankollu, it-tmien tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-ewwel aggravju mqajjem mill-Kummissjoni fl-appell inċidentali tagħha.

129

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli teżamina u tiċħad ukoll argument ieħor tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ibbażati fuq allegata suċċessjoni ekonomika ta’ Thyssen minn TKS, unità ta’ azzjoni evidenti bejn dawn iż-żewġ opertaturi u d-dikjarazzjonijiet magħmulin minn TKS f’isem Thyssen matul il-proċedura amministrattiva. Dan huwa l-uniku għan tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li huwa immedjatament segwit mill-konklużjoni ta’ ċaħda tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali.

130

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27, iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika, skont terminoloġija inekwivoka, li d-“dikjarazzjonijiet” ta’ TKS magħmulin matul il-proċedura amministrattiva, imsemmijin fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, ma jippermettux li “ r-responsabbiltà għall-imġiba ta’ Thyssen li seħħet qabel l-imsemmija data tiġi imputata lil [din]” u li barra minn hekk il-punt 85 tal-imsemmija sentenza jirreferi espressament għad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

131

Madankollu, minn sempliċi qari letterarju tat-tielet sentenza tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, jirriżulta li kull ma’ tagħmel din huwa li terreferi għall-konklużjoni tal-analiżi magħmula fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza u li d-dikjarazzjonijiet imsemmija hemmhekk huma dawk li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà għamlet l-evalwazzjoni tagħha, jiġifieri, ir-risposti ta’ TKS għaż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet u l-ittra tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1996.

132

Għalkemm huwa veru li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 hija msemmija fil-punt 85 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-formulazzjoni tal-aħħar sentenza tal-imsemmi punt turi li l-Qorti tal-Ġustizzja preċiżament tiddistingwi, għall-bżonnijiet tar-raġunament tagħha, id-dikjarazzjonijiet ta’ TKS fuq ċerti attivitajiet ta’ Thyssen qabel l-akkwist tagħhom fl-1995 mid-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, b’hekk, li, anki jekk fir-risposta tagħha għall-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fl-ittra tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1996, ir-rikorrenti kienet ukoll ressqet osservazzjonijiet fuq ċerti attivitajiet ta’ Thyssen qabel l-akkwist tagħhom fl-1995, id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma timplikax li TKS kienet tikkunsidra li hija kienet kompletament u suffiċjentement iddefendiet ruħha fuq il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-imġiba ta’ Thyssen, b’mod li l-Kummissjoni setgħet timponi multa fuqha relatata mal-imsemmija mġiba mingħajr ma terġa’ tismaha.

133

Barra minn hekk, fit-tielet sentenza tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi d-dikjarazzjonijiet li kienu saru minn TKS “dwar l-attivitajiet ta’ Thyssen” matul il-proċedura amministrattiva, formulazzjoni li tippermetti li ssir distinzjoni bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li biha TKS ikkonfermat li kienet qegħda tassumi r-responsabbiltà għall-atti mwettqa minn Thyssen, u li tirreferi għal dik użata fil-punt 85 tal-imsemmija sentenza dwar l-“osservazzjonijiet [imressqa minn TKS] dwar ċerti attivitajiet ta’ Thyssen qabel l-akkwist tagħhom fl-1995”.

134

Fir-rigward tal-formulazzjoni, fit-tielet sentenza msemmija iktar ’il fuq, li abbażi tagħha d-dikjarazzjonijiet magħmula minn TKS fuq l-attivitajiet ta’ Thyssen matul il-proċedura amministrattiva ma jippermettux “li r-responsabbiltà għall-imġiba ta’ Thyssen qabel [l-1995] tiġi imputata lil TKS”, din għandha tinqara fid-dawl tal-għan preċiż ħafna tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali u tal-fatt li l-parti inkwistjoni kull ma tagħmel huwa li tirreferi għall-konklużjoni tal-analiżi magħmulha mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 85 u 86 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, u dan minħabba paralelliżmu parzjali tal-argumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali.

135

It-tielet frażi tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, għandha għalhekk tiġi interpretata bħala t-tfakkira mill-Qorti tal-Ġustizzja li d-dikjarazzjonijiet magħmulin minn TKS fuq l-attivitajiet ta’ Thyssen matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri r-risposti ta’ TKS għaż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet u l-ittra tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1996, ma jippermettux li jitqies li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 kienet timplika wkoll rinunzja għad-dritt għal smigħ tagħha u, sussegwentement, li r-responsabbiltà għall-imġiba ta’ Thyssen qabel l-1995 tiġi attribwita lil TKS minħabba difett proċedurali li jwassal għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ TKS.

136

L-interpretazzjoni kuntrarja tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, sostnuta mir-rikorrenti, tammonta għal li jiġi aċċettat li l-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ebda motivazzjoni u b’sempliċi riferiment, bidlet konstatazzjoni dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ f’konstatazzjoni fuq it-trasferiment ta’ responsabbiltà, fatt li ma jistax ikun aċċettat.

137

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, jekk il-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, kellu jiġi interpretat kif tinterpretah ir-rikorrenti, jiġifieri li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat fih li, indipendentement mid-difett proċedurali, TKS ma setgħetx tiġi ddikjarata responsabbli għall-imġiba ta’ Thyssen, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kien ikollha ebda raġuni terġa’ tiddeċiedi fuq it-tieni u t-tielet aggravji tal-appell inċidentali li jikkritikaw l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, li hija madankollu għamlet fil-punti 90 sa 97 tas-sentenza inkwistjoni, sabiex tikkonstata ċ-ċaħda tal-imsemmija aggravji.

138

Minn dan jirriżulta li t-tielet motiv tar-rikorrenti, li abbażi tiegħu, billi imponiet fuqha multa għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Thyssen, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ res judicata fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, jiġifieri li TKS ma setgħetx tiġi ddikjarata responsabbli għall-imġiba ta’ Thyssen, għandu jiġi miċħud bħala li huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punt 88 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq.

Fuq l-effetti tar-res judicata

139

Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li l-qorti Komunitarja qieset li, fid-dawl tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni eċċezzjonalment setgħet timputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-aġir li kienet akkużata bih Thyssen mix-xahar ta’ Diċembru 1993, u dan sat-trasferiment tal-attivitajiet ta’ din tal-aħħar lil TKS fl-1 ta’ Jannar 1995, imma li hija ma kinitx tat l-opportunità lil TKS tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmi aġir u li, għalhekk, TKS ma setgħetx teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha f’dan ir-rigward, konklużjoni li ġġustifikat l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 98/247.

140

Għandu jiġi kkunsidrat li dan il-punt ta’ liġi kien ġie effettivament deċiż mill-qorti Komunitarja, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 113 iktar ’il fuq, u li għalhekk huwa res judicata, filwaqt li jitfakkar li dan il-prinċipju ma japplikax biss għad-dispożittiv tas-sentenzi ġuridiċi ta’ annullament. Dan jestendi għall-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv u għalhekk huma inseparabbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata].

141

Is-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speċiali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, ikkonfermata mis-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, imponiet fuq il-Kummissjoni biss l-obbligu — abbażi tal-Artikolu 233 KE, li jimponi fuq l-istituzzjoni li att tagħha jkun ġie annullat li tieħu l-miżuri sabiex teżegwixxi s-sentenza kkonċernata — li telimina, fl-att intiż li jissostitwixxi l-att annullat, l-illegalità effettivament ikkonstatata (ara, f’dan is-sens is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 48).

142

Dan huwa preċiżament dak li għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, li l-adozzjoni tagħha saret wara li fil-5 ta’ April 2006, intbagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil TKS, li hija rrispondiet għaliha fis-17 ta’ Mejju 2006. Ir-rikorrenti b’hekk kienet ingħatat il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti li kienet akkużata bihom Thyssen.

143

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija mistiedna tiddeċiedi fuq il-legalità tal-att li jissostiwixxi d-Deċiżjoni 98/247 u li permezz tiegħu l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, ikkonfermata mis-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, dwar id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, multa ta’ EUR 3168000 għall-imġiba ta’ Thyssen.

144

Minkejja l-fatt li dan ir-rikors jikkonċerna att formalment differenti mid-Deċiżjoni 98/247, għandu jiġi kkonstatat li l-punt ta’ liġi diskuss fil-kuntest tar-rikors, dwar il-validità tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 bħala bażi legali tal-attribuzzjoni tal-imġiba ta’ Thyssen lir-rikorrenti u tas-sanzjoni sussegwenti imposta fuq din tal-aħħar, diġà ġie eżaminat u deċiż definittivament mill-qorti Komunitarju u għalhekk huwa res judicata.

145

Din ir-res judicata timpedixxi li dan il-punt ta’ liġi jerġa’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u eżaminat minnha.

146

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argument tar-rikorrenti li l-prinċipju ta’ res judicata ma jistax ikun invokat fir-rigward tagħha f’dan il-każ, sa fejn is-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna esklużivament id-Deċiżjoni 98/247, li mhijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors, huwa irrilevanti u għandu jiġi miċħud.

147

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv ta’ annullament, ibbażat fuq l-illegalità tal-impożizzjoni ta’ multa bbażata fuq id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, li jfisser li r-revoka tal-imsemmija dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrenti matul is-seduta u intiża biss sabiex turi l-argument tagħha dwar il-portata ta’ din id-dikjarazzjoni, issir irrilevanti.

4. Fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ preċiżjoni”

L-argumenti tal-partijiet

148

Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni tikser il-“prinċipju ta’ preċiżjoni”, minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tiddetermina b’mod ċar biżżejjed, minn naħa, il-bażi legali sabiex timponi s-sanzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “teħid tar-responsabbiltà permezz ta’ dikjarazzjoni privata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

149

L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni tallega li bbażat il-multa imposta fuq TKS fuq “konġunzjoni ta’ regoli”, li minn tal-inqas tgħaqqad l-Artikolu 65 KEFA mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, li mhijiex preċiża, minħabba li l-multa imposta fuq din il-bażi mhijiex “prevedibbli għal dawk kollha kkonċernati”, kuntrarjament għal dak meħtieġ mill-ġurisprudenza. L-ispjegazzjonijiet kontradittorji mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta juru li din tal-aħħar lanqas biss taf lil xhiex “għandha tixbah” din il-konġunzjoni.

150

L-impreċiżjoni tal-konġunzjoni ta’ bażijiet legali hija kkonfermata mill-fatt li din ma tippermettiex li jiġi determinat, b’mod partikolari, jekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors applikabbli kienx ta’ xahar, kif jipprevedi t-Trattat KEFA, jew ta’ xahrejn, kif jipprevedi t-Trattat KE. L-inċertezzi proċedurali, ikkawżati mill-Kummissjoni, jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ TKS.

151

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, bil-kunċett ta’ “teħid ta’ responsabbiltà permezz ta’ Dikjarazzjoni privata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 125 u 127 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni żviluppat każ sui generis ta’ suċċessjoni legali, li huwa applikat għall-ewwel darba f’din il-kawża u li huwa impreċiż, indefinit u għalhekk manifestament illegali kemm minħabba l-portata tiegħu kif ukoll minħabba l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu.

152

Dan il-kunċett ġdid ma jirriżulta la mid-dritt Komunitarju primarju, la mid-dritt sekondarju u lanqas mill-ġurisprudenza, ikkaratterizzata minn soluzzjoni kuntrarja definita fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 101 iktar ’il fuq. Il-ksur tal-“prinċpiju ta’ preċiżjoni” jirriżulta wkoll mill-fatt li, fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Jannar 2005, MCAA, il-Kummissjoni wkoll espressament ħadet il-pożizzjoni kuntrarja, jiġifieri li dikjarazzjoni privata awtonoma ma twassalx fil-fatt għat-trasferiment ta’ responsabbiltà. Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni lanqas biss semmiet il-kunċett il-ġdid li minn issa ’il quddiem hija kienet ser tapplika meta tissanzjona l-ksur tal-liġi dwar l-akkordji.

153

Fl-aħħar, ir-rikorrenti tindika li l-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx b’mod ċar u definittiv fuq liema bażi legali hija kienet qed tibbaża ruħha sabiex timponi sanzjoni kien jippermettilha li tagħmel biss suppożizzjonijiet fuq l-imsemmija bażi. Din il-konstatazzjoni ma jistax ikollha bħala konsegwenza l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv, kif invokat mill-Kummissjoni, imma biss in-nullità tad-Deċiżjoni.

154

Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti fuq l-allegati “inċertezzi, ikkawżati mill-Kummissjoni” huwa tant vag li l-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni. Sussidjarjament hija titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

155

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ħames motiv minħabba allegata impreċiżjoni tiegħu.

156

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega f’hiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T-102/92, Ġabra p. II-17, punt 68, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punt 333).

157

F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti dwar il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ preċiżjoni” jirriżulta li hija fir-realtà tirreferi għall-prinċpiju ta’ ċertezza legali, li ġie miksur mill-Kummissjoni minħabba l-impreċiżjoni, minn naħa, tal-bażi legali tas-sanzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà.

158

Għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, ir-rikorrenti pprovdiet indikazzjonijiet ċari u preċiżi biżżejjed peress li dawn ma waqqfux lill-Kummissjoni milli tirrispondi għall-argumenti mqajma sa mill-istadju tar-risposta u jippermettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

159

Għalhekk il-motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli u għandu jiġi eżaminat fil-mertu.

Fuq il-mertu

160

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, imsemmija mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċara u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għal dawk kollha kkonċernati. Dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-forza vinkolanti ta’ att intiż sabiex joħloq effetti legali għandha tirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li għandha espressament tiġi indikata bħala bażi legali u li tippreskrivi l-forma ġuridika li l-att għandu jkollu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C-325/91, Ġabra p. I-3283, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li sanzjoni, anki jekk mhux ta’ natura kriminali, tista’ tiġi imposta biss jekk din hija bbażata fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11).

161

Rigward, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni ta’ impreċiżjoni tal-bażi legali tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni hija bbażata fuq “konġunzjoni ta’ regoli”, li minn tal-inqas tgħaqqad l-Artikolu 65 KEFA mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, li hija impreċiża. Minbarra kunsiderazzjonijiet irrilevanti fuq allegati impreċiżjonijiet tar-risposta, hija ssostni li din il-konġunzjoni hija impreċiża, minħabba li l-multa imposta ma kinitx “prevedibbli għal dawk kollha kkonċernati”, u l-impreċiżjoni tat-“taħlita ta’ bażijiet legali” hija responsabbli għall-inċertezzi proċedurali li jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża.

162

Dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għalhekk għandu jiġi miċħud.

163

Mid-Deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar li l-bażi legali tagħha, jiġifieri d-dispożizzjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni taġixxi fil-qasam ikkonċernat, hija kkostitwita biss mill-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, bl-esklużjoni tal-Artikolu 65 KEFA. Ir-riferiment, fid-Deċiżjoni, għall-Artikolu 65 KEFA jikkonċerna l-paragrafu (1), jiġifieri d-dispożizzjoni sostantiva intiża għall-impriżi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li tipprojbixxi ċertu aġir antikompetittiv, u l-paragrafu (5), sa fejn dan jipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti multi sa massimu tad-doppju tad-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett tal-ftehim kollużiv. Ir-riferiment għall-applikabbiltà tal-Artikolu 65(5) KEFA jikkonċerna d-diskussjoni dwar il-prinċipju ta’ lex mitior sabiex tiġi ġġustifikata, fil-każ preżenti, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mhux tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa (ara l-premessi 162 sa 168 u 178 tad-Deċiżjoni).

164

Il-kontenut tal-ewwel u tat-tieni motivi għal annullament eżaminati hawn fuq juri li r-rikorrenti ma ppruvatx inċertezza reali rigward il-bażi legali tad-Deċiżjoni.

165

Minbarra r-riferiment espliċitu għall-Artikolu 7(1) u għall-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni, fil-premessa 70 tad-Deċiżjoni, fakkret,il-kliem ta’ ġurisprudenza kostanti li abbażi tagħha r-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa li japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fil-mument li fih huma jidħlu fis-seħħ, bid-differenza għar-regoli bażiċi li normalment huma interpretati bħala li ma japplikawx fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom (sentenza Meridionale Industria Salumi et, punt 85 iktar ’il fuq, punt 9). Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni jsemmi espressament li din tal-aħħar tifforma titolu eżekuttiv “skont-Artikolu 256 [KE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], deċiżjoni li ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra li tippreċiżalu li din in-notifika kienet saret “skont l-Artikolu 254 [KE]”.

166

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kien hemm l-ebda dubju li r-rikors kontra d-Deċiżjoni, adottata iktar minn erba’ snin wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, kellu jiġi ppreżentat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE u tar-Regoli tal-Proċedura u li l-Artikolu 23 tal-Istatut KEFA tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setax, f’ebda każ, ikun applikat.

167

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tagħti ebda spjegazzjoni insostenn għall-ilment partikolari li l-bażi legali hija impreċiża, minħabba li l-multa imposta ma kinitx “prevedibbli għal dawk kollha kkonċernati”, u li, fi kwalunkwe każ, din ma tinvokax illegalità tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u lanqas nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni.

168

Għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u tissanzjona r-rikorrenti wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, kienet ġiet adottata b’osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi ratione temporis u li l-Kummissjoni korrettament applikat l-artikolu, iċċitat iktar ’il fuq, bħala regola sostantiva, u regoli ta’ kompetenza u ta’ proċedura li rriżultaw mir-Regolament Nru 1/2003, fosthom l-Artikolu 23(2), li jipprevedi espressament il-possibbiltà li l-Kummissjoni timponi multa fuq l-impriżi li l-aġir tagħhom kien antikompetittiv.

169

Sa fejn ir-rikorrenti tfittex, fil-fatt, li tikkontesta l-validità tal-bażi legali tad-Deċiżjoni billi tirreferi għal “taħlita ta’ bażijiet legali li mhijiex ammessa la mill-ġurisprudenza u lanqas mid-dottrina”, huwa biżżejjed li jitfakkar li kien ġie preċedentament ikkonstatat li l-bażi legali użata kienet tagħti kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

170

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ impreċiżjoni, f’dan il-każ, fir-rigward tal-imputazzjoni ta’ responsabbiltà, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-aġir ta’ Thyssen huwa espliċitament u unikament ibbażat fuq id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, kif jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-premessi 112 sa 117, 125, 127, 128 u 149 tad-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-eżami tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti juri n-nuqqas ta’ kull inċertezza fuq dan il-punt.

171

Fil-fatt jirriżulta, li l-argument tar-rikorrenti żviluppat insostenn tal-ħames motiv għal annullament huwa intiż sabiex juri mill-ġdid l-illegalità ta’ tali bażi, kontestazzjoni li hija inammissibbli inkwantu dan il-punt ta’ liġi kien diġà ġie deċiż definittivament mill-qorti Komunitarja, favur il-validità tal-imsemmija bażi, u għalhekk, huwa, res judicata (ara l-punti 139 sa 147 iktar ’il fuq).

172

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-“prinċpiju ta’ preċiżjoni” għandu jiġi miċħud.

5. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

L-argumenti tal-partijiet

173

Fil-kuntest tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-kunċett tat-“trasferiment ta’ responsabbiltà permezz ta’ dikjarazzjoni privata” jikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem, li għandu wkoll ikun irrispettat fil-kuntest tat-“tiġdid ta’ proċedura ta’ multa”.

174

Din il-kawża hija kkaratterizzata minn sanzjoni doppja illegali. Il-ksur imwettaq minn TKS diġà kien is-suġġett ta’ sanzjoni li saret definittiva u l-Kummissjoni kienet imponiet fuqha wkoll ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen, li jwassal biex hija tiġi ssanzjonata għat-tieni darba għall-istess att.

175

Fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, hija tindika li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-trasferiment ta’ responsabbiltà kien impossibbli fuq il-livell sostantiv u li għalhekk hija kienet immultata għat-tieni darba, minkejja l-fatt li din ik-kwistjoni kienet saret res judicata. Din il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja trendi rrilevanti l-fatt li l-parti annullata tad-Deċiżjoni 98/247 kienet tikkorrispondi għall-parti tal-multa li kienet ġiet, teoretikament, imposta fuq ir-rikorrenti li tikkonċerna l-ksur li kienet akkużata bih Thyssen.

176

Barra minn hekk, skont il-kunċett il-ġdid tagħha ta’ “teħid ta’ responsabbiltà permezz ta’ dikjarazzjoni privata”, il-Kummissjoni tipproċedi għall-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà li taqa’ fuq terzi. Il-Kummissjoni tenfasizza hija stess li inizjalment ir-responsabbiltà ma kinitx taqa’ fuq TKS u li lanqas mhuwa l-każ ta’ responsabbiltà imposta fil-kuntest ta’ suċċessjoni legali. Issa, skont ir-rikorrenti, jekk dan huwa l-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qegħda timponi fuqha multa oħra ġdida minflok ma tillimita ruħha tikkoreġi żball ta’ proċedura. Għaldaqstant l-impożizzjoni ta’ sanzjoni għall-ksur imwettaq minn Thyssen huwa legali biss jekk TKS ma kinitx diġà ġiet issanzjonata għall-ksur li kienet wettqet. Madankollu, peress li s-sanzjoni imposta fuq TKS, sa mill-1998, saret definittiva, il-proċeduri għandhom issa jitqiesu li ngħalqu fir-rigward tal-fatti kollha kkontestati.

177

Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

178

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, stabbilit barra minn hekk mill-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jipprojbixxi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew li jittieħdu proċeduri kontriha għal darba oħra, minħabba l-aġir antikompetittiv li għalih hija kienet ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija kienet ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi kkontestata (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 59).

179

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa suġġett għal kundizzjoni trippla ta’ identità tal-fatti, ta’ unità ta’ min jikser il-liġi u ta’ unità tal-interess ġuridiku protett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 338).

180

F’dan il-każ, ir-rikorrenti tallega li hija s-suġġett ta’ sanzjoni doppja illegali. Hija ssostni li hija diġà kienet ġiet issanzjonata, b’mod definittiv, fid-Deċiżjoni 98/247, għall-ksur li hija wettqet u li, billi fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni imponiet fuqha r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen, hija ssanzjonata għat-tieni darba għall-“istess att”.

181

Insostenn għal din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti teċċepixxi mill-ġdid l-irregolarità tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, u dan, minn naħa, billi tfakkar l-argument tagħha li, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li TKS ma kinitx sostanzjalment responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Thyssen u, min-naħa l-oħra, billi tafferma li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imputat responsabbiltà li kienet taqa’ fuq terza persuna.

182

Minn din l-allegata irregolarità r-rikorrenti tiddeduċi li l-multa imposta fid-Deċiżjoni ma jistax ikollha skop ieħor ħlief li tissanzjonaha għat-tieni darba għall-ksur li hija wettqet, li jikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

183

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan l-argument huwa fondat fuq premessa żbaljata.

184

Fil-fatt, kif diġà ġie indikat, il-qorti Komunitarja kkunsidrat li, fid-dawl tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni eċċezzjonalment kellha d-dritt timputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur li kienet akkużata bih Thyssen.

185

Wara li rrilevat l-eżistenza ta’ difett proċedurali bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/247 sa fejn dan kien jimputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA mwettaq minn Thyssen, naqqset, konsegwentement, mill-multa ta’ TKS l-ammont ta’ dik li kienet ġiet imposta fuqha minħabba l-ksur imwettaq minn Thyssen, u stabbilixxiet l-ammont tal-multa finalment imposta fuq TKS għal EUR 4032000 minħabba l-aġir antikompetittiv tagħha.

186

Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, filwaqt li għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti tal-punt 88 tal-imsemmija sentenza diġà ġiet miċħuda.

187

Skont l-Artikolu 233 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tirrimedja għall-illegalità kkonstatata mill-qorti Komunitarja, li huwa dak li hija għamlet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Din tal-aħħar għandha bħala l-uniku għan, wara li rrimedjat għad-difett proċedurali, li timputa lir-rikorrenti, fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, ir-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA mwettaq minn Thyssen u, konsegwentement, li timponi fuqha multa ta’ EUR 3168000.

188

Għalhekk, id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxi ebda każ ta’ sanzjoni doppja tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ TKS li diġà kien issanzjonat, b’mod definittiv, bid-Deċiżjoni 98/247. Barra minn hekk, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, it-teħid ta’ responsabbiltà permezz tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma jirriduċix iż-żewġ ksur imwettqa minn TKS għal ksur wieħed.

189

Barra minn hekk, billi tirreferi għal darba oħra u esklużivament għall-imġiba antikompetittiva ta’ Thyssen, id-Deċiżjoni ma tiksirx iktar il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

190

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem fih innifsu ma jipprekludix it-teħid ta’ azzjonijiet legali li għandhom bħala suġġett l-istess aġir antikompetittiv meta l-ewwel deċiżjoni ġiet annullata għal raġunijiet ta’ forma mingħajr ma kien ġie deċiż fuq il-mertu tal-fatti kkontestati, peress li f’dawn iċ-ċirkustanzi d-deċiżjoni ta’ annullament ma tistax titqies li hija, “dikjarazzjoni ta’ liberazzjoni” fis-sens mogħti lil din l-espressjoni fil-kwistjonijiet kriminali. F’tali każ, is-sanzjonijiet imposti bid-deċiżjoni l-ġdida ma jiżdidux ma’ dawk stabbiliti bid-deċiżjoni annullata, imma jissostitwixxuhom (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 62).

191

Din is-soluzzjoni ġudizzjarja hija kompletament applikabbli f’dan il-każ, minħabba li s-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti fid-Deċiżjoni minħabba r-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq minn Thyssen tissostitwixxi dik deċiża fid-Deċiżjoni 98/247 fuq l-istess raġuni, u b’hekk teskludi kull ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

192

Mill-premessi kollha li jippreċedu jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi miċħud.

6. Fuq il-preskrizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

193

Fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti tisħaq li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 715/78/KEFA tas-6 ta’ April 1978 dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni fil-proċeduri u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 94, p. 22), il-ksur imwettaq minn Thyssen huwa kopert minn perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, li skada fl-1999, jew l-iktar tard fl-2003, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju temmew il-ksur.

194

Ma kienx hemm interruzzjoni tal-preskrizzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 715/78, u lanqas sospensjoni tagħha, minħabba li Thyssen ma kinitx parti fil-proċedura li wasslet għas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq. Ir-riżultat huwa l-istess jekk isir riferiment għar-regoli ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jew tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74 tas-26 ta’ Novembru 1974 li jikkonċerna l-perjodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 1 p. 61).

195

Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, f’dan il-każ il-preskrizzjoni ma tiddependix fuq il-ksur imwettaq minn TKS, minħabba li għandu jitfakkar li l-multa imposta fid-Deċiżjoni tissanzjona ksur imwettaq oriġinarjament minn Thyssen. B’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni (C-297/98 P, Ġabra p. I-10101) ir-rikorrenti ssostni li, minħabba li l-ksur li hija akkużata bih huwa ksur imwettaq minn Thyssen, is-sanzjoni imposta fuqha tista’ tiġi applikata biss sa fejn din setgħet tiġi imposta fuq il-predeċessur fid-dritt tagħha, jiġifieri Thyssen. Minħabba li f’dak li jikkonċerna lil Thyssen il-ksur huwa preskritt, dan huwa preskritt ukoll fil-konfront tar-rikorrenti, li hija kkunsidrata li “ssostitwixxiet lil Thyssen fil-proċedura li tista’ twassal għal multa”.

196

B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni li din mhijiex “problema ta’ suċċessjoni”, minħabba li Thyssen għadha teżisti u l-abbiltà tagħha li tkompli bil-ksur tirriżulta biss u direttament mill-allegata dikjarazzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà, ir-rikorrenti ssostni li l-kunċett ta’ suċċessjoni fil-liġi mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-predeċessur fid-dritt ma jkunx għadu jeżisti u li hemm suċċessjoni meta l-kompetenzi legali huma mmodifikati, anki meta l-predeċessur fid-dritt għadu jeżisti. Barra minn hekk, il-fatt li dan it-trasferiment ta’ responsabbiltà huwa kkwalifikat bħala “suċċessjoni fid-dritt” jew bħala l-użu mill-Kummissjoni tal-“kompetenza kriminali” tagħha minħabba d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 huwa irrilevanti, inkwantu dejjem kienet kwistjoni ta’ responsabbiltà għal ksur li r-rikorrenti hija kompletament estranja għalih.

197

Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-preskrizzjoni fuq il-bażi tal-“interess leġittimu [tagħha] li tikkonstata l-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] permezz tad-Deċiżjoni, meħuda kontra TKS, u tallega li t-termini ta’ preskrizzjoni ma japplikawx biss għad-“deċiżjonijiet ta’ konstatazzjoni”. Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ minħabba li m’hemmx fuq xiex il-Kummissjoni tista’ tibbaża tali “interess leġittimu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u din mhijiex deċiżjoni deklaratorja, imma deċiżjoni li timponi multa. Anki “interess leġittimu li tikkonstata l-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jista’ jbiddel xejn minħabba li l-ksur huwa preskritt. Fi kwalunwke każ, “deċiżjoni ta’ konstatazzjoni” li mhijiex suġġetta għar-regoli ta’ preskrizzjoni tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ TKS, minħabba li dan l-interess leġittimu qatt ma ġie msemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

198

Il-Kummissjoni titlob li s-seba’ motiv jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

199

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan il-motiv ma jistax jintlaqa’, minħabba l-premessa li fuqha huwa bbażat, jiġifieri li s-sanzjoni li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti fid-Deċiżjoni 98/247 u wara fid-Deċiżjoni tikkonċerna “ksur li hija kompletament estranja għalih”, hija żbaljata.

200

Għandu jitfakkar li permezz tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, indirizzata lill-Kummissjoni, TKS aċċettat li tinżamm responsabbli għall-fatti li kienet akkużata bihom Thyssem għall-perijodu li jibda jiddekorri mis-sena 1993, filwaqt li l-attivitajiet ta’ Thyssen fis-settur tal-prodotti kkonċernati kienu ġew ittrasferiti lil TKS biss mill-1 ta’ Jannar 1995.

201

Id-Deċiżjoni 98/247 li timputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-imġiba antikompetittiva ta’ Thyssen u li f’dan ir-rigward timponi fuqha multa hija preċiżament u unikament ibbażata fuq id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

202

Fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni eċċezzjonalment kellha d-dritt timputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur li kienet akkużata bih Thyssen, minħabba li tali dikjarazzjoni timplika li l-persuna ġuridika li taħt ir-responsabbiltà tagħha kienu jaqgħu l-attivitajiet tal-persuna l-oħra, wara d-data tal-ksur li jirriżulta mill-imsemmija attivitajiet, hija obbligata tirrispondi għal dan l-aġir, anki jekk, prinċipalment, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li tidderiġi l-impriża kkonċernata fil-mument li fih twettaq il-ksur li għandha tkun responsabbli għalih (punt 62 tas-sentenza).

203

Jidher għalhekk li TKS hija ġuridikament ikkunsidrata li wettqet hija stess il-ksur inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I-10065, punt 28).

204

Dan huwa preċiżament għaliex, fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssanzjonat lill-Kummissjoni għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

205

Wara li rrilevat li d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma setgħetx tiġi interpretata b’mod li timplika, ukoll, rinunzja min-naħa tar-rikorrenti tad-dritt għal smigħ tagħha fir-rigward tal-fatti li kienet akkużata bihom Thyssen, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet innotifikata lir-rikorrenti ma kinitx timputa lilha r-responsabbiltà għall-imġiba allegata kontra Thyssen, fatti li fir-rigward tagħhom minn dak iż-żmien ’il quddiem TKS kienet qegħda taċċetta li tinżamm responsabbli għall-finijiet tal-attribuzzjoni ta’ multa eventwali, u li TKS ma ngħatatx il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti li kienet akkużata bihom Thyssen. Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li r-rikorrenti ma setgħetx teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

206

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li fuq il-bażi tal-provi miġbura wara inspezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-ksur irrilevat u li l-garanzija proċedurali essenzjali li tikkostitwixxi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija applikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, punti 142 u 143). Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, att proċedurali li jindika l-bidu tal-proċedura amministrattiva kontradittorja, il-Kummissjoni tistipola l-ilmenti u tesponi l-fatti li hija akkużata bihom l-impriża li hija d-destinatarja ta’ tali dikjarazzjoni. Fid-dawl tal-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippreċiża mingħajr ekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi u għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni, C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, punt 21, u ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 92).

207

Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ikkunsidrat li kienet TKS biss li kellha tirrispondi għall-ksur li legalment seta’ jiġi attribwit lilha fid-dawl tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

208

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni fir-rigward tal-preskrizzjoni mqajma f’dan il-każ mhijiex dik li jkun magħruf jekk is-sanzjoni imposta fuq TKS fid-Deċiżjoni setgħetx tiġi imposta fuq l-allegat “predeċessur [tagħha] fid-dritt”, imma jekk il-Kummissjoni kien għadx għandha d-dritt timponi fuq TKS, fl-20 ta’ Diċembru 2006, multa minħabba ksur li ntemm fl-1 ta’ Jannar 1995 jew fil-21 ta’ Jannar 1998, skont jekk tittieħidx inkunsiderazzjoni d-data ta’ akkwist minn TKS tal-attivitajiet ta’ Thyssen fis-settur tal-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli jew id-data li fiha ntemm il-ksur kontinwu li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/247.

209

F’dak li jikkonċerna r-regoli ta’ preskrizzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, peress li fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni applikat ir-regoli dwar il-kompetenza u r-regoli proċedurali li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1/2003, ir-Regolament Nru 2988/74 ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ, skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1/2003. Fir-rigward tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-Deċiżjoni Nru 715/78, dawn jinkludu dispożizzjonijiet li huma essenzjalment identiċi.

210

L-atti msemmija hawn fuq jipprovdu kif ġej:

il-kompetenza tal-Kummissjoni li timponi multi għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa suġġett, prinċipalment, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur jew meta l-ksur intemm fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut (Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 715/78);

il-preskrizzjoni hija interrotta permezz ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-investigazzjoni jew għat-tressieq ta’ proċeduri fir-rigward ta’ ksur, fejn l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika b’effett mid-data li fiha l-azzjoni ġiet innotifikata lil mill-inqas waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur u tapplika għall-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur (Artikolu 25(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 715/78);

il-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri wara kull interruzzjoni, madankollu din tiskadi l-iktar tard fil-ġurnata li fiha perijodu li jkun ugwali għad-dopju tal-perijodu tal-preskrizzjoni jkun għadda, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tkun imponiet multa jew sanzjoni; dan il-perijodu għandu jiġi mtawwal bil-perijodu li matulu l-preskrizzjoni kienet sospiża (Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni Nru 715/78);

it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-proċeduri huwa sospiża sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-qorti Komunitarja (Artikolu 25(6) tar-Regolmanet Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78).

211

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, wara d-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li saret ftit iktar minn sentejn wara l-akkwist minn TKS, fl-1 ta’ Jannar 1995, tal-attivitajiet ta’ Thyssen fis-settur tal-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 98/247, li tissanzjona għall-ewwel darba lil TKS, u dan fil-21 ta’ Jannar 1998, jiġifieri fil-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

212

Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni 98/247, fil-11 ta’ Marzu 1998, u l-Qorti tal-Prim’Istanza tat is-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, fit-13 ta’ Diċembru 2001. Din is-sentenza ġiet appellata permezz ta’ appell ippreżentat mir-rikorrenti fit-28 ta’ Frar 2002 u miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, fl-14 ta’ Lulju 2005.

213

Għandu jitfakkar li, wara s-sospensjoni tiegħu matul il-perijodu kollu li matulu l-proċedura mibdija kontra d-Deċiżjoni 98/247 kienet pendenti, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-ġdid fl-14 ta’ Lulju 2005 sal-5 ta’ April 2006, data li fiha dan ġie interrott mill-ġdid permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lil TKS fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006.

214

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Deċiżjoni kienet adottata b’osservanza għar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fl-atti msemmija fil-punt 209 iktar ’il fuq, li l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ din il-preskrizzjoni huwa l-1 ta’ Jannar 1995 jew l-21 ta’ Jannar 1998, u li hemm lok, għalhekk, li l-motiv għal annullament ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-proċeduri jiġi miċħud.

7. Fuq il-ksur tad-drittjiet tad-difiża

215

Ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża, ilment li jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq l-irregolarità tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (id-disa’ motiv għal annullament) u, it-tieni, fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl (it-tmien motiv għal annullament).

L-argumenti tal-partijiet

216

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tiddikjara għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni li t-trasferiment ta’ responsabbiltà jirriżulta mhux minn suċċessjoni, imma, esklużivament mid-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 u, fir-rigward tal-preskrizzjoni tal-ksur, li din għandha “interess leġittimu li tikkonstata l-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fatt li ma kienx imsemmi la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fil-proċedura preċedenti.

217

Hija ssostni wkoll li, minflok dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet debitament magħmula, il-Kummissjoni indirizzatilha “patchwork” ta’ dokumenti differenti, inkluża d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997 u diversi noti, kompluti b’kunsiderazzjonijiet legali frammentarji, li minnhom kien impossibbli li jinstiltu l-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda’ proċedura kontrihom u l-punti li fir-rigward tagħhom hija kienet bidlet l-evalwazzjoni tagħha wara li d-deċiżjoni preċedenti u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997 kienu ġew ikkritikati u parzjalment annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza.

218

Skont ir-rikorrenti, it-teknika tar-rinviju użata mill-Kummissjoni u n-natura partikolarment vaga tal-analiżi ġuridika tal-punti prinċipali tagħha ma kinux formalment biżżejjed sabiex jippermettu proċedura kontradittorja regolari u, konsegwentement, ma setgħux jippreparaw b’mod adegwat għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

219

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tagħha billi ma ppermettitilhiex, fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-fajl imwettqa fil-bini tal-istituzzjoni fl-24 ta’ April 2006, tikkonsulta d-dokumenti kollha li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha, minħabba li ċerti dokumenti kien fihom sigrieti kummerċjali.

220

Hija tallega li dan ir-rifjut li tagħti aċċess għall-fajl huwa inġustifikat, jekk mhuwa għal xejn minħabba li dawn kienu dokumenti li jmorru lura għal iktar minn għaxar snin, u li għalhekk kienu tilfu l-allegata natura kunfidenzjali tagħhom skont il-kliem tal-punt 23 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għal fajls tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2005”), u għaliex il-Kummissjoni, fl-ebda mument, ma speċifikat in-natura tas-sigrieti kummerċjali li dawn seta’ jkun fihom. Fuq livell iktar ġenerali l-Kummissjoni naqset ukoll milli tqis li, fil-kuntest tal-“proċedura ta’ adozzjoni mill-ġdid”, hija naturalment kien imissha ppermettiet l-aċċess għar-risposti mogħtija mill-impriżi l-oħra kkonċernati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997.

221

Wara l-iskadenza, fis-17 ta’ Mejju 2006, tat-terminu għar-risposta għall-aħħar dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, b’ittra tat-8 ta’ Awwissu 2006, tatha aċċess għal ċerti dokumenti inizjalment miżmuma. Madankollu, din il-miżura ma rrimedjatx għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ TKS, inkwantu din ma kinitx tkopri d-dokumenti kollha li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha u TKS ma kinitx f’pożizzjoni li tuża dawn id-dokumenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod li, f’dan ir-rigward ukoll, id-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura. Ir-rikorrenti ssostni li hija ma kellhiex il-possibbiltà tagħti l-opinjoni tagħha fuq id-dokumenti kkomunikati fit-8 ta’ Awwissu 2006 minħabba t-terminu stabbilit paralellament għas-seduta.

222

Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li d-dokumenti li r-rikorrenti ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha huma rrilevanti, minħabba li hija ma kkontestatx il-fatti, mhuwiex konvinċenti, inkwantu jista’ jkun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża biss fil-każ fejn impriża jkollha l-intenzjoni tikkontesta l-fatti fid-difiża tagħha. Elementi li jirrigwardaw ċirkustanzi attenwanti rilevanti għall-kalkolu tal-ammont tal-multa jew li jirrigwardaw il-possibbiltà li jinbdew proċeduri kontra ksur mil-lat ta’ preskrizzjoni jistgħu jirriżultaw minn tali dokumenti. Inkwantu l-Kummissjoni fl-aħħar issostni li r-rikorrenti kellha tipprovdi iktar dettalji dwar id-dokumenti li din ma setax ikollha aċċess għalihom, sabiex tibbaża b’mod sodisfaċenti talba għal aċċess għal dawn id-dokumenti, hemm lok li tiġi kkonstatata n-natura kontradittorja ta’ din l-allegazzjoni, minħabba li l-imsemmija dokumenti ma setgħux ikunu magħrufa mir-rikorrenti.

223

Il-Kummissjoni tikkonkludi li m’hemm ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dan il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

224

Qabel kollox għandu jitfakkar li huma d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minn naħa, u l-aċċess għall-fajl, min-naħa l-oħra, li jippermettu lill-impriżi li qed jiġu investigati li jsiru jafu dwar il-provi li għandha l-Kummissjoni u li jagħtu lid-drittijiet tad-difiża effettività sħiħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 55).

Fuq il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-5 ta’ April 2006

225

Skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi sunt tal-ilmenti redatt fi kliem ċar biżżejjed, fil-qosor, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni (sentenza Mo Och Domsjö vs Il-Kummissjoni punt 156 iktar ’il fuq, punt 63). Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet bħal dik inkwistjoni jeżiġi fil-fatt li l-impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jingħataw il-possibbiltà, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jagħtu utilment l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 553). Dan ir-rekwiżit jiġi osservat meta d-deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak previst fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkusiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 94). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ biss tieħu inkunsiderazzjoni l-ilmenti li fir-rigward tagħhom dawn tal-aħħar kellhom l-opportunità jagħtu l-opinjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T-39/92 u T-40/92, Ġabra p. II-49, punt 47).

226

Ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-5 ta’ April 2006 ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, għal żewġ raġunijiet.

227

Hija ssostni, l-ewwel nett, li, minflok dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet debitament magħmula, il-Kummissjoni indirizzatilha “patchwork ta’ dokumenti differenti”, inkluża d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997 u diversi noti, kompluti b’kunsiderazzjonijiet legali frammentarji, “li minnhom kien impossibbli li jinstiltu l-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda’ proċedura kontrihom u l-punti li fir-rigward tagħhom hija kienet bidlet l-evalwazzjoni tagħha wara li d-deċiżjoni preċedenti u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997 kienu ġew ikkritikati u parzjalment annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza”.

228

Huwa paċifiku li fil-5 ta’ April 2006 il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li magħha kien hemm mehmuża d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-23 ta’ April 1997 u l-annessi tagħha, kif ukoll lista kompluta tad-dokumenti tal-proċedura preċedenti u tal-“proċedura ta’ adozzjoni mill-ġdid”, li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “patchwork ta’ dokumenti differenti”.

229

Minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma tirreferi għall-ebda dispożizzjoni Komunitarja li tipprojbixxi l-azzjoni msemmija iktar ’il fuq adottata mill-Kummissjoni, l-imsemmija azzjoni tista’ tiġi ġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

230

Wara li rrilevat l-eżistenza ta’ difett proċedurali li jwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/247 sa fejn dan kien jimputa lil TKS ir-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA mwettaq minn Thyssen, naqqset, konsegwentement, mill-multa ta’ TKS l-ammont ta’ dik li kienet ġiet imposta fuqha minħabba l-ksur imwettaq minn Thyssen, u stabbilixxet l-ammont tal-multa finalment imposta fuq TKS għal EUR 4032000 minħabba l-aġir antikompetittiv tagħha.

231

Is-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, ikkonfermata mis-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, imponiet fuq il-Kummissjoni biss l-obbligu, abbażi tal-Artikolu 233 KE, li telimina, fl-att intiż sabiex jissostitwixxi l-att annullat, l-illegalità effettivament ikkonstatata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 48).

232

Skont il-ġurisprudenza li abbażi tagħha l-proċedura intiża li tissostitwixxi l-att annullat għandha bħala regola ġenerali titkompla mill-punt preċiż li fih saret l-illegalità (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 73), il-Kummissjoni marret lura għall-mument fejn TKS assumiet ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Thyssen, it-23 ta’ Lulju 1997, u kompliet il-proċedura minn dik id-data.

233

Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, ikkonfermata bis-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, fil-5 ta’ April 2006 il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lir-rikorrenti sabiex hija tkun tista’ tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-aġir antikompetittiv ta’ Thyssen. Fid-dawl tal-identità tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi tal-imsemmi aġir meta mqabbla mal-proċedura oriġinali, il-Kummissjoni setgħet tinkludi “l-ilmenti preċedenti” tal-1997 bħala parti integrali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-ġdida tal-2006.

234

Fil-punt 16 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 il-Kummissjoni tippreċiża dan li ġej:

“Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997 diġà mibgħuta lil [Thyssen], inkluż l-Annessi (I-V), hija riprodotta fil-forma tal-verżjoni orġinali skannjata fl-Anness 1 ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tifforma parti integrali minn din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.”

235

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata kienet f’pożizzjoni li tafferma utilment l-opinjoni tagħha fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-konstatazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 25). Għaldaqstant, huma biss id-dokumenti li kienu ċċitati jew imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, bħala regola ġenerali, jistgħu jikkostitwixxu provi kontra d-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 55, u ICI vs Il-Kummissjoni, T-13/89, Ġabra p. II-1021, punt 34).

236

Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006, il-Kummissjoni ppreżentat kunsiderazzjonijiet legali espliċiti fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA, minkejja l-iskadenza tat-Trattat KEFA, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ lex mitior, u għal darba oħra fil-punt 15 ippreċiżat dan li ġej:

“1.   L-ilmenti huma indirizzati esklużivament lil TKS għall-aġir ta’ [Thyssen]. 2. L-indikazzjonijiet kollha (pereżempju n-numru ta’ Stati Membri tal-KE) għandhom jinqraw fil-kuntest storiku. 3. Il-punt 64 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA għandu jinqara flimkien mal-punti 26 u s-segwenti ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. 4. Id-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll il-membru tal-Kummissjoni li f’dak iż-żmien kien adotta d-deċiżjoni għall-Kummissjoni huma sostitwiti permezz ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.”

237

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax ikun allegat, kif tgħamel ir-rikorrenti b’mod mhux issostanzjat, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 ma kinitx tippermetti li jkunu magħrufa l-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda’ proċedura kontrihom wara s-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, u s-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq. Barra minn hekk fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni billi ma kkontestatx il-fatti u l-klassifikazzjoni legali tagħhom, kif esposti fl-imsemmija dikjarazzjoni.

238

Ir-rikorrenti sostniet ukoll li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 ma kinitx tippermetti li jiġu identifikati l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni taċċetta u li, sa fejn il-Kummissjoni kienet tisħaq li ma kinitx marbuta mill-konstatazzjonijiet kollha magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, din kien imissha, a fortiori, adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet tinftiehem u li kienet konsistenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, minbarra li dan l-ilment huwa għal darba oħra impreċiż, dan huwa bbażat impliċitament, imma neċessarjament, fuq it-teżi żbaljata tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fis-sentenza ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li TKS ma setgħetx tkun sostanzjalment responsabbli għall-aġir ta’ Thyssen. Kif diġà ġie indikat, din l-allegazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija sentenza, u b’mod partikolari tal-punt 88 tagħha.

239

Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma allegat li hija ma kinitx marbuta bil-konstatazzjonijiet kollha magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u, f’eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti Komunitarja, indirizzat lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-aġir ta’ Thyssen, li fiha indikat b’mod ċar li hija kienet tikkunsidra li, permezz tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, ir-rikorrenti kienet assumiet ir-responsabbiltà għall-aġir ta’ Thyssen.

240

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni “b’sorpriża” introduċiet argumenti legali ġodda fid-Deċiżjoni. B’hekk, il-Kummissjoni sostniet għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni li t-trasferiment ta’ responsabbiltà ma kienx jirriżulta minn suċċessjoni, imma esklużivament mid-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 u, fir-rigward tal-preskrizzjoni tal-ksur, li din kellha “interess leġittimu li tikkonstata l-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fatt li ma kienx ġie msemmi la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fil-proċedura preċedenti.

241

Fir-rigward tar-riferiment għad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 bħala bażi għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għall-aġir ta’ Thyssen lil TKS, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-Deċiżjoni 98/247 kienet diġà rreferiet għal din id-dikjarazzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà, kif kienet irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 59 sa 62 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra li l-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006, u b’mod iktar preċiż il-punti 5, 7, 11 u 33 tagħha, ma jħallu ebda dubju fuq din il-kwistjoni.

242

Fir-rigward tar-riferiment fid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni għandha “interess leġittimu li tikkonstata l-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa risposta tal-Kummissjoni għall-invokazzjoni mir-rikorrenti, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li d-deċiżjoni li għandha tiġi adottata hija illegali minħabba ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni.

243

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni m’għandhiex neċessarjament tkun kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68). Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-risposti tal-impriżi kkonċernati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija għandha mhux biss tilqa’ jew tiċħad l-argumenti tal-impriżi kkonċernati, imma għandha wkoll tipproċedi għall-analiżi tagħha tal-fatti mressqa minnhom, jew sabiex tabbanduna tali lmenti li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex temenda jew tissupplimenta, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tisħaq tressaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punt 92; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 437 u 438). Barra minn hekk, huwa biss jekk id-deċiżjoni finali tallega li l-impriżi kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tieħu inkunsiderazzjoni fatti differenti li ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi kkonstatat. (sentenza ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punt 94; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza CB u Europay vs Il-Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punti 49 sa 52. Dan mhuwiex il-każ meta, bħal f’dan il-każ, l-allegati differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali jikkonċernaw biss dak l-aġir li fir-rigward tiegħu l-impriżi kkonċernati diġà kienu spjegaw irwieħhom u li, għalhekk, mhumiex relatati ma’ lment ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 103).

244

Fl-aħħar, ir-rikorrenti, ssostni, fil-punt 63 tar-risposta, li “anki l-kwistjoni tal-bażi ta’ awtorizzazzjoni baqgħet mingħajr risposta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-[D]eċiżjoni jew kienet is-suġġett ta’ diversi trattamenti mhux uniformi u varjabbli”. Minbarra l-fatt li din l-affermazzjoni hija ta’ natura intrinsikament kontradittorja, għandu jiġi enfasizzat li din hija wkoll kontradetta mill-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 (ara l-punti 19 u segwenti) u mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti stess ifformulati f’punt ieħor tal-istess risposta (punt 27), li abbażi tagħhom il-Kummissjoni “fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (DO) (punt 19 u segwenti) argumentat li huwa biss l-Artikolu 65 KEFA u mhux it-Trattat KE li huwa l-bażi materjali u li fuq il-livell proċedurali, huwa biss ir-Regolament Nru 1/2003 li japplika”.

245

Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-motiv dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ibbażata fuq l-irregolarità tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-5 ta’ April 2006, għandha tiġi miċħuda.

Fuq id-dritt ta’ aċċess għall-fajl

— Fuq l-ammissibbiltà

246

Skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-partijiet ikkonċernati huma “intitolati li jkollhom aċċess lil [għall-] file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ”.

247

Il-qorti Komunitarja ppreċiżat li l-aċċess għall-fajl huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet isiru jafu dwar il-provi fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex abbażi ta’ dawn il-provi huma jkunu jistgħu, b’mod utli, jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata trendi aċċessibbli lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet id-dokumenti kollha li jinkulpaw jew li jiskaġunaw li hija tkun kisbet matul l-investigazzjoni, bl-eċċezzjoni, madankollu, tad-dokumenti ta’ natura kunfidenzjali (sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punti 45 u 46).

248

Għalhekk id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni huwa intiż sabiex jiggarantixxi eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, punt 76), drittijiet li kemm jirriżultaw mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju kif ukoll huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-KEDB (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 316).

249

Deċiżjoni li timponi multi fuq impriżi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tista’ tiġi kompletament jew parzjalment annullata fuq il-bażi ta’ aċċess irregolari biss jekk ikun ikkonstatat li dan l-aċċess irregolari għall-fajl tal-investigazzjoni impedixxihom milli jkunu jafu dwar dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħhom u, għalhekk, kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, punt 101).

250

F’dan il-każ, ir-rikorrenti indikat, sa mill-istadju tar-rikors, li d-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl kien inkiser mill-Kummissjoni, li kienet irrifjutatilha l-aċċess għad-dokumenti kollha li setgħu jkun utli għad-difiża tagħha u b’mod partikolari rrifjutat li tikkomunikalha r-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997 ipprovduti mill-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997 (iktar ’il quddiem ir-“risposti preċedenti”), dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha.

251

Għandu jiġi kkunsidrat li, b’hekk, u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretati mill-ġurisprudenza, li abbażi tagħhom it-talba għandha tispeċifika n-natura tal-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat, b’mod li dikjarazzjoni astratta ta’ dan il-motiv ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi Viho vs Il-Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punt 68, u Mo och Domsjö Il-Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punt 333).

252

L-indikazzjonijiet ipprovduti fit-talba kienu biżżejjed ċari u preċiżi peress li dawn ma impeddixxewx lill-Kummissjoni tirrispondi għall-argumenti mqajma sa mill-istadju tad-difiża u ppermettew lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

253

Għalhekk, l-ilment għandu jiġi ddikjarat ammissibbli u għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu.

— Fuq il-mertu

254

Huwa paċifiku li, bejn il-konsultazzjoni tal-fajl mir-rikorrenti fil-bini tal-Kummissjoni fl-24 ta’ April 2006 u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bagħtitilha, suċċessivament, dokumenti differenti li kienu joriġinaw minn impriżi involuti fl-akkordju u sanzjonati fid-Deċiżjoni 98/247.

255

Matul is-seduta, il-partijiet ftehmu fuq il-fatt li r-rikorrenti rċiviet kopja tar-risposti kollha tal-impriżi involuti fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-24 ta’ April 1997, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti msemmija fil-punti 9 u 10 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrenti fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom (Anness S 2 li jikkorrispondi għall-paġni 2260 sa 2262, 3108 sa 3318, 5824 sa 5836 u 5838 sa 5842 tal-fajl tal-Kummissjoni dwar l-ewwel proċedura amministrattiva, iktar ’il quddiem il-“fajl preċedenti”).

256

L-ewwel nett, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tat aċċess għad-dokumenti kollha li kienu jikkonċernaw it-talba tar-rikorrenti, sakemm kunsiderazzjonijiet kunfidenzjali, marbuta mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, ma kinux jimpedixxu dan, skont il-Komunikazzjoni tal-2005.

257

Il-Komunikazzjoni tal-2005 tippreċiża li l-fajl tal-Kummissjoni jista’ jinkludi dokumenti aċċessibbli u mhux aċċessibbli, dawn tal-aħħar jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, dokumenti li fihom żewġ kategoriji ta’ informazzjoni, jiġifieri s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, li l-aċċess għalihom jista’ jiġi parzjalment jew totalment ristrett u li huma ddefiniti fil-punti 18 u 19 tal-imsemmija komunikazzjoni. Il-punt 18 jaqra kif ġej:

“Inkwantu l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-attività professjonali ta’ impriża jista’ jikkawża dannu gravi lill-interessi tagħha, din l-informazzjoni tikkostitwixxi sigriet kummerċjali. Bħala eżempju ta’ din it-tip ta’ informazzjoni, jistgħu jissemmew: l-informazzjoni teknika u/jew finanzjarja dwar il-kapaċità tal-impriża, il-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż, is-sigrieti u l-proċeduri ta’ fabbrikazzjoni, is-sorsi ta’ provvista, il-kwantitajiet prodotti u mibjugħin, l-ishma tas-suq, il-listi tal-klijenti u tad-distributuri, l-istrateġija kummerċjali, l-istruttura tal-ispejjeż u tal-prezzijiet u l-politika ta’ bejgħ ta’ impriża.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

258

Ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut li jingħata aċċess għall-fajl huwa inġustifikat, jekk mhuwa għal xejn minħabba li dawn kienu dokumenti li jmorru lura għal iktar minn għaxar snin, u li għalhekk kienu tilfu l-allegata natura kunfidenzjali tagħhom skont il-kliem tal-punt 23 tal-Komunikazzjoni tal-2005 u għaliex il-Kummissjoni, fl-ebda mument ma speċifikat in-natura tas-sigrieti kummerċjali li dawn seta’ jkun fihom.

259

Il-punt 23 iċċitat iktar ’il fuq jipprovdi dan li ġej:

“L-informazzjoni dwar impriża, imma li hija diġà magħrufa barra minn din l-impriża (jew fil-każ ta’ grupp, barra dan il-grupp) jew barra mill-assoċjazzjoni li lilha din kienet ġiet ikkomunikata minn din l-impriża, mhijiex normalment ikkunsidrata bħala kunfidenzjali. L-informazzjoni li tilfet l-importanza kummerċjali tagħha, pereżempju minħabba ż-żmien li għadda, ma tistax tibqa’ tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni tippreżumi li l-informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ, il-bejgħ, l-ishma tas-suq tal-partijiet u data oħra simili li għandha iktar minn ħames snin mhijiex iktar kunfidenzjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

260

Fid-dawl tal-Anness S2 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jiġi osservat li l-informazzjoni li ma kinitx aċċessibbli fil-verżjoni mhux kunfidenzjali mogħtija lir-rikorrenti, a priori, ma taqax taħt il-kategorija definita fl-aħħar sentenza tal-punt 23 tal-Komunikazzjoni tal-2005, peress li għandu jiġi osservat li l-kliem “bħala regola ġenerali” u “tippreżumi” imsemmija f’din is-sentenza jeskludu kull awtomatiċità fil-klassifikazzjoni ta’ dokument li għandu iktar minn ħames snin.

261

Kif tindika l-Kummissjoni, mingħajr mhija kontradetta mir-rikorrenti, biss xi data ċċifrata relatata mal-politika kummerċjali ta’ Usinor-Sacilor, rigward, pereżempju, data dwar prezzijiet jew spejjeż, ta’ marġini ta’ profitt, jew is-sors ta’ ċerta data ċċifrata kienet ġiet imneħħija fil-paġni 3108 sa 3318 tal-fajl preċedenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-fajl li hija kellha aċċess għalih fl-24 ta’ April 2006, fil-bini tal-Kummissjoni kien diġà fih il-paġni 5914 sa 5922, li jirriproduċu r-risposta tal-impriża inkwistjoni għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997. Dawn l-aħħar paġni kienu ġew ikkomunikati mill-ġdid lir-rikorrenti fit-8 ta’ Awwissu 2006 (ara l-Anness KB 8 tar-risposta li jinkludi l-ittra indirizzata mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fit-8 ta’ Awwissu 2006).

262

Fil-paġni 2260 sa 2262 tal-fajl preċedenti, li jikkonċernaw diversi fatturi maħruġa minn ALZ NV, kienu ġew imħassra biss l-indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi identifikat il-klijent. Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-paġni 5824 sa 5836 u 5838 sa 5842 tal-fajl preċedenti, għandu jiġi indikat li l-paġni 5838 sa 5842 jikkostitwixxu biss riproduzzjoni ta’ ċerti partijiet tal-paġni 5824 sa 5836. F’dawn tal-aħħar, minbarra l-identità ta’ ċerti klijenti u d-data tal-ittra korrispondenti, ġew imħassra biss l-indikazzjonijiet li jikkonċernaw is-sistema ta’ tariffi li kienet għadha qed tiġi applikata minn Avesta Sheffiel (li saret Outokumpu) fl-2006 u l-eżistenza ta’ derogi għal ċerti klijenti (ara l-Anness KB 8 tar-risposta li jinkludi l-ittra indirizzata mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fit-8 ta’ Awwissu 2006).

263

Barra minn hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ssib bilanċ bejn, minn naħa, in-neċessità li tippreserva d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet permezz tal-għoti tal-iktar aċċess possibbli għall-fajl u min-naħa l-oħra l-bżonn li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali ta’ partijiet oħra jew ta’ terzi persuni, dawn il-partijiet u dawn it-terzi persuni għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-elementi kollha utli.

264

F’dan ir-rigward, il-punt 47 tal-Komunikazzjoni tal-2005 jaqra kif ġej:

“Jekk wara li tkun kisbet aċċess għall-fajl parti tikkunsidra li għad-difiża tagħha hija teħtieġ ċerta informazzjoni mhux aċċessibbli, hija tista’ tressaq talba mmotivata għal dan il-għan lill-Kummissjoni. Jekk is-servizzi tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni ma jkunux f’pożizzjoni li jilqgħu din it-talba, u jekk il-parti inkwistjoni tikkontesta din il-konklużjoni, il-kwistjoni tiġi solvuta mill-Uffiċjal tas-Seduta skont il-mandat tal-Uffiċjali tas-Seduta”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

265

Huwa paċifiku li, wara r-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tinvoka ksur tad-drittijiet ta’ difiża minħabba nuqqas ta’ aċċess komplet għar-risposti preċedenti, il-Kummissjoni, b’ittra tal-20 ta’ Ġunju 2006, stiednet lir-rikorrenti tippreżenta, skont il-punt 47 tal-Komunikazzjoni tal-2005, talba mmotivata “li tindika għalfejn l-informazzjoni mhux aċċessibbli hija f’dan il-każ neċessarja għad-difiża [tagħha]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

266

Fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti indikat, permezz tal-avukati tagħha, li “[hija] kienet [tikkunsidra] li kien superfluwu tippreżenta talba ġdida jew addizzjonali sabiex tkun tista’ tikkonsulta l-fajl u li tgħid għalfejn kellu jingħatalha aċċess għal ċerti dokumenti li s’issa l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat jew għalfjen dawn setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha”. Hija fakkret li din l-informazzjoni ma setgħetx titqies iżjed bħala kunfidenzjali, jekk mhuwa għalxejn minħabba ż-żmien li kien għadda, u indikat li r-rilevanza ta’ tali informazzjoni għad-difiża tagħha kienet tirriżulta mill-fatt “li l-impriżi kkonċernati fl-ewwel proċedura [kienu] diġà użaw dawn l-osservazzjonijiet għad-difiża tagħhom kontra l-allegazzjonjiet li issa [hija akkużata bihom]”. Ir-rikorrenti, essenzjalment żammet din il-pożizzjoni fl-ittri tagħha tal-5 u tas-7 ta’ Lulju 2006 kif ukoll f’ittra tat-23 ta’ Awwissu 2006.

267

Għandu jiġi kkonstatat li din ir-risposta ta’ natura ġenerali, u mhux iddettaljata, dokument b’dokument, ma tammontax għal talba motivata u ma tirrispondix għad-domanda tal-Kummissjoni dwar ir-rilevanza apparenti tal-informazzjoni mhux aċċessibbli għad-difiża tar-rikorrenti stess, fil-kuntest speċifiku ta’ proċedura amministrattiva fejn ir-rikorrenti, l-unika impriża involuta f’tali proċedura, kellha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imġiba antikompetittiva ta’ Thyssen.

268

Meta mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza, matul is-seduta, fuq l-eżistenza ta’ talba mmotivata għal aċċess sussegwenti għalll-konsultazzjoni tal-fajl, ir-rikorrenti għamlet riferiment għall-ittra tagħha tal-5 ta’ Lulju 2006, diġà msemmija iktar ’il fuq, u għal ittra tas-26 ta’ Settembru 2006 indirizzata lill-Uffiċjal tas-Seduta, li ma ġietx imressqa matul il-proċeduri orali u li r-rikostruzzjoni orali tagħha ma tippermettiex li jiġi konkluż li verament kien hemm talba mmotivata fis-sens tal-punt 47 tal-Komunikazzjoni tal-2005.

269

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza u l-Artikolu 17 tal-Komunikazzjoni tal-2005, ir-rikorrenti kellha aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni. Hija ma tallegax u lanqas ma turi a fortiori li din il-verżjoni ta’ dawn id-dokumenti kienet ġiet redatta b’mod tali li din ma kinitx tippermettilha tiddetermina jekk l-informazzjoni mħassra setgħetx tkun utli għad-difiża tagħha u għalhekk jekk kienx hemm raġunijiet biżżejjed li titlob lill-Kummissjoni l-aċċess għall-informazzjoni li l-kunfidenzjalità tagħhom hija allegata (ara l-punt 38 tal-Komunikazzjoni tal-2005). Fuq kollox mill-ittra indirizzata mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fit-8 ta’ Awwissu 2006, li fiha din tispjega l-pożizzjoni tagħha dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti inkwistjoni fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni li dawn fihom, jirriżulta li r-rikorrenti rċiviet żewġ ittri mingħand il-kumpannija Arcelor, iddatati t-30 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Awwissu 2006, li fihom huma indikati r-raġunijiet għalfejn il-paġni 2260 sa 2262 u 3108 sa 3318 tal-fajl preċedenti kellhom jibqgħu kunfidenzjali.

270

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela lir-rikorrenti, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, id-dokumenti kollha inkwistjoni, ma jistax jitqies li huwa inġustifikat.

271

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, m’hemmx lok li jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, minħabba li din m’għandhiex “interess ġuridiku” fl-aċċess għall-fajl minkejja li ammettiet il-fatti u l-evalwazzjoni ġuridika tagħhom u li l-partijiet tar-risposti preċedenti li ma kienx ingħatalha aċċess għalihom ma fihomx provi la li jinkulpawha u lanqas li jiskaġunawha.

272

B’risposta għal dan l-argument, ir-rikorrenti tindika “li ma jistax ikun hemm ksur tad-drittijiet għad-difiża biss meta impriża tintendi tikkontesta fatti għad-difiża tagħha imma wkoll meta ċirkustanzi attenwanti rilevanti għall-kalkolu tal-ammont tal-multa jew li jirrigwardaw il-possibbiltà ta’ proċeduri kontra ksur mill-perspettiva tal-preskrizzjoni jistgħu jirriżultaw minn tali dokumenti”.

273

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fformulat biss dikjarazzjoni ta’ natura ġenerali dwar il-portata tal-kunċett ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, li jagħti x’jiġi mifhum li d-dokumenti parzjalment żvelati jistgħu jkunu utli għad-difiża tagħha minħabba li dawn jinkludu provi li jiskaġunaw. Hija la tindika, u lanqas a fortiori ma turi nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, tal-imsemmija dokumenti inkriminanti użati fid-Deċiżjoni.

274

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħtet tuża l-imsemmi dokument li jiskaġuna għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku matul il-proċedura amministrattiva hija setgħet tinvoka tali dokument, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u d-dewmien tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà li dokument li ma ġiex żvelat seta’ kellu influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juri li d-dokumenti mhux żvelati setgħu kellhom — fil-konfront ta’ dawn il-mezzi ta’ prova — importanza li ma kienx imissha ġiet injorata (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 179 iktar ’il fuq, punti 74 sa 76).

275

Jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma tressaq ebda allegazzjoni konkreta u preċiża rigward ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha f’dan il-każ, b’konnessjoni mad-dokumenti li hija ġiet parzjalment miċħuda l-aċċess għalihom u l-livell tal-multa jew il-kwistjoni tal-preskrizzjoni.

276

Dan l-argument ġenerali mhuwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, li għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 69).

277

Sussidjarjament, il-possibbiltà li d-dokumenti mhux kompletament żvelati mill-Kummissjoni seta’ kellhom xi influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-Deċiżjoni tidher kompletament ipotetika.

278

Għandu jitfakkar li sabiex ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn Thyssen tiġi attribwita lil TKS u fuq din il-bażi tiġi imposta fuqha multa ta’ EUR 3168000 fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod effettiv, fuq id-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997. Ġie preċedentment indikat li, b’hekk, il-Kummissjoni ma kisritx ir-regoli ta’ preskrizzjoni u l-informazzjoni li saret mhux aċċessibbli, li tinkludi indikazzjonijiet ċċifrati u l-isem ta’ impriżi, tidher, fir-rigward ta’ kwistjoni ġuridika li tinvolvi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti biss, nieqsa minn kull rilevanza.

279

Rigward il-livell tal-multa u l-evalwazzjoni korrelattiva mill-Kummissjoni tal-gravità u d-dewmien tal-ksur, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim jew il-prattiki miftiehma intiżi għal żieda uniformi f’element ta’ prezz kienu jikkostitwixxu ksur gravi u li din il-konċertazzjoni illegali bdiet bil-laqgħa ta’ Madrid fis-16 ta’ Diċembru 1993 u ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 1994, li jirrappreżenta perijodu ta’ ksur ta’ iktar minn sena (premessi 171 u 173 tad-Deċiżjoni).

280

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq id-dikjarazzjonijiet tal-impriżi involuti fl-akkordju miġbura matul l-investigazzjoni mibdija fil-kuntest tal-ewwel proċedura amministrattiva u fuq id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, li kienet irrikonoxxiet il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Mejju 2006, għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-5 ta’ April 2006, ir-rikorrenti, għal darb’oħra, ma kkontestatx il-fatti esposti fiha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax ikun ġustament sostnut li d-dokumenti mhux kompletament żvelati seta’ kellhom importanza li ma kienx imissha ġiet injorata f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-gravità u d-dewmien tal-ksur ikkonċernat, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 274 iktar ’il fuq.

281

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li din ser teżamina jekk hemmx lok li jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta din tistabbilixxi l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-allegat ksur u l-fatt li dan twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tas-smigħ tal-impriżi. B’hekk hija tagħtihom l-elementi neċessarji sabiex jiddefendu rwieħhom mhux biss minn konstatazzjoni tal-ksur, imma wkoll mill-impożizzjoni ta’ multa fuqhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 199; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21).

282

Minn dan isegwi li, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati huma garantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jsiru osservazzjonijiet fuq id-dewmien, il-gravità u n-natura antikompetittiva tal-fatti li huma akkużati bihom. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija supplimentari, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa u tista’ b’mod partikolari tħassar jew tnaqqas il-multa, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 281 iktar ’il fuq, punt 200).

283

Issa, ma jistax jiġi kkontestat li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 u fl-annessi tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-allegat ksur.

284

Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ibbażati fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, għandha tiġi miċħuda.

285

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, b’ittra tat-8 ta’ Awwissu 2006, tatha aċċess għal ċerti dokumenti li inizjalment kienu mħassra, imma li hija ma setgħetx tuża dawn id-dokumenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod li, f’dan ir-rigward ukoll, id-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura.

286

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li huma s-suġġett tal-proċeduri l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom rigward l-ilmenti li saru “[q]abel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2) [ta’ dan ir-regolament]”.

287

Sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, il-Kummissjoni għandha għalhekk tagħti lill-partijiet kkonċernati d-dritt li jinstemgħu qabel ma tieħu waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li huwa dak li hija għamlet fir-rigward tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

288

Huwa paċifiku li, wara t-trażmissjoni lir-rikorrenti, fil-5 ta’ April 2006, tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-konsultazzjoni minnha tal-fajl tal-Kummissjoni fil-bini tal-istituzzjoni, ir-rikorrenti setgħet tagħti l-opinjoni tagħha fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Mejju 2006 għall-imsemmija dikjarazzjoni.

289

Huwa veru li, għalkemm il-Kummissjoni, wara din ir-risposta u sabiex tilqa’ talba tar-rikorrenti biex tagħtiha r-risposti kollha tal-impriżi involuti fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997 bagħtitilha, diversi drabi, dokumenti wara li tkun evalwat il-kunfidenzjalità tagħhom fid-dawl tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, hija, madankollu, bl-ebda mod ma emendat l-ilmenti esposti fid-dikjarazzjoni tal-5 ta’ April 2006. Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tallegax u lanqas ma turi a fortiori li d-Deċiżjoni takkużaha bi ksur għajr dak imsemmi fis-sunt tal-ilmenti jew tinkludi konstatazzjonijiet li dwarhom hija ma kellhiex l-opportnità tispjega ruħha.

290

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, meta kienu ġew trażmessi dokumenti ġodda fit-8 ta’ Awwissu 2006, ingħatatilha l-possibbiltà li tagħti l-opinjoni tagħha bil-miktub f’terminu ta’ xahar sabiex tikkompleta, jekk ikun il-każ, ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fatt li hija m’għamlitx.

291

Fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Awwissu 2006 ir-rikorrenti rrispondiet li “fiż-żmien mogħti hija ma setgħetx iktar teżamina d-dokumenti addizzjonali u tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq dawn id-dokumenti”, u dan minħabba l-preparazzjoni neċessarja għas-seduta stabbilita għad-data qariba tal-15 ta’ Settembru 2006.

292

Din l-allegazzjoni hija inkluża fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrneti, iżda bl-eda mod mhija ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Hemm lok li jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet saret fil-5 ta’ April 2006 u li din hija bbażata fuq il-fatti esposti fis-sunt tal-ilmenti preċedenti tal-1997 li magħhom ir-rikorrenti kienet perfettament familjari. L-affermazzjoni mir-rikorrenti li kien impossibbli għaliha, matul l-aħħar ħames ġimgħat qabel is-seduta (jiġifieri bejn it-8 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Settembru 2006), tipprepara għas-seduta, li wara kollox ir-rikorrenti kienet talbet fis-17 ta’ Mejju 2006, u li tabbozza osservazzjonijiet fuq il-ftit dokumenti li kienu ġew trażmessi lilha tikkostitwixxi, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, sempliċi pretest.

293

Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti ddikkjarat li hija “kienet taqbel li tinżamm is-seduta kif stabbilit fuq il-bażi tal-istat attwali tal-aċċess għall-fajl sabiex tevita dewmien proċedurali”. Jekk il-proċedura kellha titkompla wara s-seduta, hija kienet ħabbret li hija kienet titlob “jekk ikun il-każ l-opportunità li tippreżenta bil-miktub eċċezzjonijiet addizzjonali”. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkompletatx ir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet wara s-seduta, u lanqas wara l-aċċess supplimentari għall-fajl mogħti fl-20 ta’ Settembru 2006.

294

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li l-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti jiġi miċħud kollu kemm hu.

8. Fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

295

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-għaxar motiv, li l-ammont tal-multa kien ġie kkalkolat b’mod żbaljat, minħabba li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur kollu kemm hu. Din it-tieni kooperazzjoni ta’ TKS kien imissha wasslet għal tnaqqis fil-multa ikbar minn dak ta’ 20% diġà mnaqqsa fuq il-bażi tal-punt D tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU L 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”), sa fejn din ippermettiet li jiġu kkonfermati l-fatti kollha kif ukoll l-evalwazzjoni tagħhom bħala ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA.

296

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni topponi għal kull tnaqqis minħabba l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-validità tal-bażi legali tas-sanzjoni imposta, fatt li huwa kompletament irrilevanti fid-dawl tal-awtonomija tal-kwistjonijiet ikkonċernati. Il-prova tal-ksur bl-ebda mod ma saret iktar diffiċli minħabba dawn l-osservazzjonijiet partikolari ta’ TKS.

297

Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

298

Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u hija tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mis-servizzi ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn (sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punti 81 u 88).

299

Fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu (ara t-tielet paragrafu tal-Punt A tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni).

300

Il-Punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdi:

“1.

Meta impriża tikkoopera mingħajr ma tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija [fil-Punti] B u C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50% mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx.

2.

Dan ikun b’mod partikolari l-każ fejn:

qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur imwettaq,

wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

301

Fid-Deċiżjoni 98/247, il-Kummissjoni kienet tat lil TKS, fuq il-bażi tal-Punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, tnaqqis ta’ 10% mill-ammont tal-multa, minħabba li din irrikonoxxiet il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-1997. Għalkemm hija kienet tat lil żewġ impriżi oħrajn involuti fl-akkordju, tnaqqis ta’ 40%, il-Kummissjoni kienet iġġustifikat din ir-rata ta’ 10% billi indikat li d-dikjarazzjonijet u r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ TKS, l-ewwel nett, ma kienu ressqu l-ebda element ġdid u, it-tieni nett, kienu jinkludu kontestazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur.

302

Fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkritikat l-ewwel parti ta’ din l-evalwazzjoni (punti 232 sa 248 tas-sentenza) u allokat lil TKS, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqis ta’ 20% mill-ammont tal-multa.

303

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tfakkar li din il-proċedura tkompli l-proċedura oriġinali mill-punt li fih twettaq id-difett proċedurali u li, f’din tal-aħħar, TKS ikkontribwixxiet sabiex tispjega l-fatti li jikkonċernaw lil Thyssen, li jiġġustifika, fid-dawl tal-eżitu stabbilit mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, tnaqqis ta’ 20% mill-multa abbażi tal-Punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni (premessi 179 u 182 tad-Deċiżjoni).

304

Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni ċċifrata u ssostni li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006, hija ma kkonstestatx il-fatt u lanqas il-klassifikazzjoni legali tagħhom bħala ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA. Hija tippreċiża li l-fatturi li wasslu għat-tnaqqis ta’ 20% baqgħu validi u li magħhom żdied il-fatt li, fil-“proċedura ta’ adozzjoni mill-ġdid”, hija ma kkontestatx il-ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA imma, kuntrarjament, espressament ikkonċedietu, fatt li kien imissu wassal lill-Kummissjoni tagħtiha tnaqqis fil-multa għola minn dak ta’ 20% stabbilit fid-Deċiżjoni.

305

Dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax ikun milqugħ fid-dawl ta’ analiżi globali tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 kif ukoll, b’mod iktar partikolari, tal-punt 75 tagħha.

306

Il-punt 75 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 jaqra kif ġej:

“TKS espressament tiddikjara li hija ma tikkontestax il-fatti allegati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar is-snin 1993 sa Jannar 1998 u li l-fatti mhux ikkontestati jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA”.

307

Għandu jiġi kkonstatat li din hija formulazzjoni impersonali, astratta u ambigwa, li ma tippermettix li jiġi ppreċiżat kontra min il-ksur jista’ jiġi kkonstatat u jekk dan kienx għadu legalment possibbli, fid-data tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006. Barra mill-fatt li r-rikorrenti ma tirreferix għall-perijodu 1993/1994, l-uniku perijodu msemmi fl-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet, din ma taffermax espressament u b’mod ċar li l-fatti inkwistjoni jikkostitwixxu ksur li hija responsabbli għalih.

308

Għall-kuntrarju, il-punti kollha tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 li jippreċedu l-punt 75 ta’ din id-dikjarazzjoni (ara l-punt 306 iktar ’il fuq), juru mingħajr ekwivoku li r-rikorrenti tikkontesta kull possibbiltà għall-Kummissjoni li tapplika f’dan il-każ l-Artikolu 65(1) KEFA u li timputa lilha r-responsabbiltà għall-aġir ta’ Thyssen.

309

Issa, jaqbel li jiġi rrilevat li, sabiex tibbenefika minn tnaqqis abbażi tal-kooperazzjoni, l-aġir tal-impriża inkwistjoni għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u fit-tmiem tal-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punti 309 u 332) u hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa, f’kull każ individwali, jekk l-imsemmi aġir iffaċilitalhiex ix-xogħol tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-48/00, Ġabra p. II-2325, punt 193, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punt 559, attwalment appellata).

310

L-affermazzjoni tar-rikorrenti li “il-fatti mhux ikkontestati jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA”, ma kienet, fiċ-ċirkustanzi tal-każ imfakkra fil-punt 308 iktar ’il fuq, ta’ ebda użu għall-Kummissjoni.

311

Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tnaqqis fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jista’ jiġi ġustifikat biss meta l-informazzjoni pprovduta, u b’mod iktar ġenerali, l-aġir tal-impriża kkonċernata, ikunu jistgħu jitqiesu f’dan ir-rigward li juru spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 395, u tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 68).

312

Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, ikkontestat b’saħħa l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tapplika f’dan il-każ l-Artikolu 65(1) KEFA u li timputa lilha r-responsabbiltà għall-ksur ta’ dan l-artikolu, billi tiċħad għall-ewwel darba minn meta nbdiet il-proċedura inizjali kull validità tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, u wara żiedet, fl-aħħar, dikjarazzjoni allegatament intiża li turi l-kooperazzjoni tagħha, imma li, fir-realtà, hija intrinsikament ambigwa u qarrieqa.

313

Dan l-aġir tar-rikorrenti, li jirrifletti strateġija intiża sabiex tirrikonċilja għanijiet kontradittorji, ma jistax jitqies li juri spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha.

314

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet intitolata tikkunsidra li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fil-punt 75 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 ma kinitx tiġġustifika tnaqqis mill-multa ogħla minn 20%, kemm jekk abbażi tal-Punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni kif ukoll jekk abbażi ta’ xi ċirkustanza attenwanti oħra.

315

Minn dan jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

316

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

317

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Minħabba li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

ThyssenKrupp Stainless AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Lulju 2009.

Firem

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

1. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

 

2. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA

 

3. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1/2003

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

1. Fuq l-eżistenza ta’ argument allegatament ġdid u tardiv tal-Kummissjoni

 

2. Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-bażi legali tad-Deċiżjoni

 

Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni li tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1/2003

 

3. Fuq ir-res judicata u l-validità tad-Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni

 

Fuq il-portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni

 

Fuq l-effetti tar-res judicata

 

4. Fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ preċiżjoni”

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

 

Fuq il-mertu

 

5. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

6. Fuq il-preskrizzjoni

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

7. Fuq il-ksur tad-drittjiet tad-difiża

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-5 ta’ April 2006

 

Fuq id-dritt ta’ aċċess għall-fajl

 

— Fuq l-ammissibbiltà

 

— Fuq il-mertu

 

8. Fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.