SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

8 ta’ Settembru 2008

Kawża T-222/07 P

Petrus Kerstens

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Terminu sabiex jiġi ppreżentat ilment – Tardività – Appell infondat”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ April 2007, Kerstens vs Il-Kummissjoni (F-59/06, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. P. Kerstens huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Appell – Suġġett – Talbiet għar-rinviju tal-kawża quddiem awla oħra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 139(1))

2.      Proċedura – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 111; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

3.      Proċedura – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Smigħ tal-Avukat Ġenerali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 111; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

4.      Proċedura – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 111; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

5.      Proċedura – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Talba għal deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, fid-dawl tad-dokumenti prodotti mill-konvenuta fl-ilment tagħha, indirizzat lir-rikorrenti – Rispett tal-prinċipju tal-kontradittorju

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 44, 46 u 64(3))

1.      It-talba li tfittex li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrinvija l-kawża quddiem awla oħra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tikkorrispondi għall-ebda waħda mill-kategoriji tat-talbiet previsti limitattivament fl-Artikolu 139(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u għandha, għalhekk, tiġi ddikjarata inammissibbli.

(ara l-punt 24)

2.      Sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, fuq il-bażi tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jiddeċiedi li jaqta’ fuq l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors mingħajr il-proċedura orali, jekk jikkunsidra li jkollu biżżejjed informazzjoni mill-elementi tal-proċess, u dan mingħajr ma jkun hemm obbligu, anki wara li jkun ammess skambju doppju ta’ noti, għall-ftehim tal-partijiet.

(ara l-punti 32, 34, 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ottubru 2004, Ripa di Meana vs Il‑Parlament, C‑360/02 P, Ġabra p. I‑10339, punt 35

3.      Peress li l-applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza għall-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan tal-aħħar timplika neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-organizzazzjoni interna tal-imsemmi tribunal, l-ebda intervent ta’ Avukat Ġenerali u inqas u inqas ta’ terza persuna imparzjali u indipendenti ma jista’ jiġi impost b’din id-dispożizzjoni fil-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, la t-Trattat KE, la d-Deċiżjoni 2004/752, u lanqas l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun assistit minn avukati ġenerali. Barra minn hekk, lanqas ma huwa previst li, f’kawżi speċifiċi, membru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jinħatar mill-imsemmi Tribunal sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali.

(ara l-punti 49, 50)

4.      Għalkemm huwa minnu li d-determinazzjoni tal-mument eżatt ta’ meta jsir magħruf l-att li jikkawża preġudizzju jista’ jkun l-oġġett ta’ kontestazzjonijiet bejn il-partijiet u jista’ jirrikjedi evalwazzjoni tad-diversi provi mill-qorti Komunitarja, jew jirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, madankollu, peress li l-Qorti Komunitarja ddeterminat bi preċiżjoni d-dies a quo sabiex jitressaq l-ilment, id-dekorrenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 90(2) tal-istatut iwassal inevitabbilment għall-inammissibbiltà manifesta tar-rikors, li tista’ tiġi evalwata permezz ta’ digriet motivat kif previst fl-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, in-natura manifesta tal-inammissibbiltà tar-rikors hija marbuta mad-dekorrenza tat-terminu sabiex jitressaq l-ilment bħala tali u mhux mad-diffikultà eventwali sabiex jiġi ddeterminat id-dies a quo jew in-numru eżatt tal-ġranet li jkunu skorrew mit-terminu ta’ tliet xhur.

(ara l-punti 48 u 58)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Jannar 2006, AIT vs Il-Kummissjoni, C‑547/03 P, Ġabra p. I‑845, punt 30

5.      Bħala regola, huma l-partijiet li għandhom jipproduċu l-provi insostenn tal-affermazzjonijiet tagħhom. Dawn għandhom madankollu jkunu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju. Il-fatt li, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lir-rikorrent jagħti l-opinjoni tiegħu bil-miktub dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, fid-dawl tal-provi prodotti mill-konvenuta fil-kontroreplika, bħala xhieda tar-rispett tal-prinċipju tal-kontradittorju, il-kwalifika tal-anness tal-kontroreplika bħala prova ma timplika l-ebda deċiżjoni fuq il-valur probatorju tagħha.

(ara l-punti 73-75)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Ottubru 2007, É.R. et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑100/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27