SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

12 ta’ Settembru 2007 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika Griega lill-kumpannija ta’ l-ajru Olympic Airways — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Użu ħażin ta’ l-għajnuna — Għajnuna ġdida — Oneru tal-prova — Dritt għal smigħ — Kriterju tal-kreditur privat — Żball ta’ fatt — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Motivazzjoni — Artikolu 87(1) u (3)(ċ) KE”

Il-Kawża T-68/03,

Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE, li qabel kienet Olympiaki Aeroporia AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), inizjalment irrappreżentata minn D. Waelbroeck, E. Bourtzalas, avukati, J. Ellison u M. Hall, solicitors, A. Kalogeropoulos, C. Tagaras, A. Chiotelis, avukati, imbagħad minn P. Anestis, avukat, u T. Soames, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u J. L. Buendía Sierra, bħala aġenti, assistiti minn A. Oikonomou, avocat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/372/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2002, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Greċja lill-Olympic Airways (ĠU L 132, 2003, p. 1)

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová, u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I — Deċiżjoni ta’ l-1994

1

Fis-7 ta’ Ottubru 1994, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 94/696/KE, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat Grieg lill-kumpannija Olympic Airways (ĠU L 273, p. 22, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni ta’ l-1994”). Skond l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija jew li kienu ppjanati favur Olympic Airways (Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE, li qabel kienet Olympiaki Aeroporia AE, iktar ’il quddiem “OA” jew ir-“rikorrenti”) kienu kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, sakemm il-Gvern Grieg jirrispetta l-wieħed u għoxrin impenn elenkati fl-imsemmi artikolu. Din l-għajnuna kienet tikkonsisti:

f’garanziji għal self awtorizzati favur AO sas-7 ta’ Ottubru 1994 skond l-Artikolu 6 tal-Liġi Ġriega Nru 96/75 tas-26 ta’ Ġunju 1975 (FEK A’ 154/26. 7.1975);

f’garanziji għal self ġodda li jammontaw għal 378 miljun dollaru ta’ l-Istati Uniti (USD) fir-rigward ta’ self li kellu jittieħed qabel il-31 ta’ Diċembru 1997 għax-xiri ta’ ajruplani ġodda;

tnaqqis tad-dejn tal-kumpannija sa' l-ammont ta’ 427 biljun ta’ drakma Griegi (GRD),

f’konverżjoni tad-dejn tal-kumpannija f’kapital ta’ GDR 64 biljun,

f’immissjoni ta’ kapital ta’ GDR 54 biljun imqassma fi tliet partijiet rispettivament ta’ 19, 23 u 12-il biljun fl-1995, l-1996 u l-1997.

2

L-aħħar erba’ minn dawn il-ħames miżuri ta’ għajnuna kienu jagħmlu parti minn kapitalizzazzjoni mill-ġdid u ta’ ristrutturar ta’ OA għal-perijodu ta’ bejn l-1994 u l-1997, preċedentement innotifikati lill-Kummissjoni.

3

Madankollu, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ l-1994 jissuġġetta l-kompatibbiltà ta’ l-imsemmija ħames għajnuniet għar-rispett tal-wieħed u għoxrin impenn proposti mir-Repubblika Griega, sabiex jiġi assigurat li l-imsemmija għajnuna ma taffettwax il-kummerċ b’tali mod li jkun kontra l-interess komuni. Skond uħud minn dawn l-impenji, li kienu jirrigwardaw kemm lill OA kif ukoll il-kumpannija sussidjarja tagħha Olympic Aviation, ir-Repubblika Griega kellha b’mod partikolari:

“a)

[…] tirrevoka, qabel il-31 ta’ Diċembru 1994, l-Artikolu 6 tal-Liġi Griega Nru 96/75 li [kien] jippermetti lill-Istat Grieg li jawtorizza garanziji għal self li tkun daħlet għalih OA;

b)

[…] ma tinterferixxix iktar, fil-futur, fl-amministrazzjoni ta’ OA, ħlief fil-limiti stretti fil-kwalità tagħha ta’ azzjonist;

c)

[…] tagħti lill-AO, qabel il-31 ta’ Diċembru 1994, l-istatus fiskali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata paragunabbli għal dak li l-impriżi Griegi għandhom skond id-dritt ordinarju, madankollu mingħajr ma teżenta lill-AO mit-taxxi eventwali li jistgħu jaffettwaw l-operazzjonijiet ta’ kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ l-impriża previsti mill-pjan ta’ kapitalizzazzjoni mill-ġdid u ta’ ristrutturazzjoni tal-kumpannija mibgħut lill-Kummissjoni;

[…]

e)

[…] ma tagħti l-ebda għajnuna oħra lill-OA, tkun ta’ liema forma tkun, skond kif jeżiġi d-dritt Komunitarju;

f)

[…] tadotta immedjatament il-leġiżlazzjoni neċessarja għal implementazzjoni effettiva tal-pjan f’dak li jirrigwarda l-aspetti salarjali, soċjali u finanzjarji;

[…]

h)

[…] minn naħa, kull sena, minn ta’ l-inqas erba’ ġimgħat qabel il-ħlas ta’ kull parti taż-żidiet ta’ kapital previsti għal Jannar 1996 u Jannar 1997, tissottometti rapport lill-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni tal-pjan, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti l-kummenti tagħha, min-naħa l-oħra, tipposponi b’erba’ ġimgħat l-iskadenza tal-ħlas ta’ dawn il-partijiet, fil-każ fejn il-Kummissjoni tissottometti r-rapport in kwistjoni għall-evalwazzjoni ta’ konsulent indipendenti;

i)

[…] ma twettaqx iż-żidiet ta’ kapital previsti għall-1995, 1996 u 1997 fil-każ fejn l-għanijiet tal-pjan, kif spjegati fil-kapitolu IV tad-[deċiżjoni ta’ l-1994], ma jintlaħqux għas-snin finanzjarji preċedenti;

[…]

p)

tassigura li AO ma ġġibx ruħha, matul il-perijodu ta’ bejn l-1994 u l-1997, bħala price leader fir-rotot skedati Ateni-Stokkolma u Ateni-Londra;

[…]

s)

tassigura li, matul it-terminu kollu tal-pjan, in-numru ta’ postijiet offrut minn OA fuq it-titjiriet regolari fiż-Żona Ekonomika Ewropea, apparti konnessjonijiet bejn il-Greċja kontinentali u l-gżejjer [Griegi], ma jkunux iktar minn dawk li AO offriet fis-suq tażl-Żona Ekonomika Ewropea matul is-sena 1993 (3518778 il-post), filwaqt li tiġi kkunsidrata, madankollu, żieda eventwali li tkun proporzjonata maż-żieda fis-suq in kwistjoni;

t)

[tassigura] li l-garanziji għal self, awtorizzati favur OA, li jifdal kif ukoll il-garanziji l-ġodda, li jammontaw għal total ta’ USD 378 miljun, li għandhom jingħataw qabel il-31 ta’ Diċembru 1997 u li huma espliċitament previsti fil-pjan, jirrispettaw il-kundizzjonijiet li jidru fl-ittra li l-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri fil-5 ta’ April 1989.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Fl-1995, OA ngħatat l-ewwel parti tal-kapital prevista mid-deċiżjoni ta’ l-1994 li tammonta għal GDR 13-il biljun.

II — Deċiżjoni ta’ l-1998

5

Fl-1996, il-Kummissjoni, peress li qieset li r-Repubblika tal-Greċja ma kinitx irrispettat uħud mill-impenji previsti fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ l-1994, u peress li kellha wkoll dubji fuq jekk għajnuna ġdida u mhux innotifikati kinux kompatibbli ma’ l-Artikolu 87 KE, fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. F’Lulju 1998, ir-Repubblika Griega bagħtet lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat. Sabiex jagħmel tajjeb għall-għajnuna illegali mogħtija lil OA, dan il-pjan emendat kien jipprovdi tnaqqis ta’ l-ammonti tat-tieni u tat-tielet partijiet ta’ kapital, li kienu għadhom ma ngħatawx u li kienu previsti fid-deċiżjoni ta’ l-1994.

6

Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/332/KE, ta’ l-14 ta’ Awwissu 1998, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Greċja lil OA (ĠU L 128, 1999, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ l-1998”), fejn il-Kummissjoni aċċettat il-pjan emendat imsemmi iktar ’il fuq. Fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li l-garanziji għal self u t-tnaqqis u l-konverżjoni f’kapital ta’ djun, li kienu ġew approvati fl-1994, kif ukoll il-garanziji għal self il-ġodda fir-rigward ta’ self li kellu jittieħed qabel il-31 ta’ Diċembru 2000 għax-xiri ta’ ajruplani ġodda, kienu kompatibbli mas-suq komuni. Hija naqqset l-immissjoni ta’ kapital ta’ GRD 54 biljun, prevista mid-deċiżjoni ta’ l-1994, għal immissjoni ta’ kapital li tammonta għal total ta’ GDR 40,8 biljun li għandhom jitħallsu fi tliet partijiet, rispettiviament, ta’ GRD 19, 14 u 7,8 biljun fl-1995, fl-1998 u fl-1999.

7

L-għoti ta’ din l-għajnuna kellha magħha pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat għall-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2002 (iktar ’il quddiem “il-pjan ta’ ristrutturazzjoni” jew “il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998”) u suġġett, abbażi ta’ l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni ta’ l-1998, għar-rispett min-naħa tar-Repubblika Griega għar-rispett ta’ l-impenji segwenti:

“a)

[…] tirrispetta l-[21] l-impenn imsemmija iktar ’il fuq fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ l-1994;

b)

[…] tassigura li AO ma ġġibx ruħha, matul il-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2002, bħala price leader fir-rotot skedati Ateni-Stokkolma u Ateni-Londra;

c)

[…] tassigura li, sal-31 ta’ Diċembru 2002, din l-aħħar data inkluża, in-numru ta’ postijiet offrut minn OA fuq it-titjiriet regolari fiż-[Żona Ekonomika Ewropea], inklużi t-titjiriet addizzjonali u staġjonali u l-konnessjonijiet bejn il-Greċja kontinentali u l-gżejjer [Griegi], ma jkunux iktar minn dawk li AO offriet fis-suq taż-[Żona Ekonomika Ewropea] matul is-sena 1997 (7792243 il-post), filwaqt li tiġi kkunsidrata, madankollu, żieda eventwali li tkun proporzjonata maż-żieda fis-suq in kwistjoni;

d)

[…] tassigura li sa’ l-1 ta’ Diċembru 1998, OA tkun implementat sistema informatika ta’ amministrazzjoni (iktar ’il quddiem “SIA”) li tkun kompletament operattiva u adegwata u tissottomentti, sa’ l-1 ta’ Diċembru 1998, rapport f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Skond l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni ta’ l-1998, il-ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ GRD 7,8 biljun (madwar EUR 22,9 miljun) ikun suġġett għar-rispett tal-kundizzjonijiet kollha imposti sabiex jiġu assigurati l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni u l-implementazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kif ukoll li r-riżultati mistennija, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-proporzjonijiet ta’ spejjeż u produzzjoni, jintlaħqu. Minn ta’ l-inqas għaxar ġimgħat qabel il-ħlas ta’ din l-aħħar parti, previst għall-15 ta’ Ġunju 1999, u lejn l-aħħar ta’ Ottubru 1999, Marzu 2000 u Ottubru 2000, ir-Repubblika Griega kellha tissottometti quddiem il-Kummissjoni rapport fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha imposti sabiex tiġi assigurata l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna u l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kif ukoll fuq l-ilħuq tar-riżultati mistennija.

III — L-iżvilupp ta’ OA wara d-deċiżjoni ta’ l-1998

9

F’Settembru 1998, ir-Repubblika Griega ħallset lill OA t-tieni parti tal-kapital li tammonta għal GRD 14-il miljun (madwar EUR 41 miljun) prevista mid-deċiżjoni ta’ l-1998, u awtorizzat ukoll parti mill-garanziji għal self awtorizzati.

10

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 1999, ir-Repubblika Griega ssottomettiet quddiem il-Kummissjoni rapport fir-rigward l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Mejju 1999 u tad-19 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni talbet xi informazzjoni lill-awtoritajiet Griegi. F’Ġunju 1999 dawn l-awtoritajiet ikkompletaw ir-rapport permezz ta’ memorandum. Dan ir-rapport ġie eżaminat minn konsulent indipendenti (Deloitte & Touche), skond id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ l-1998 [Artikolu 1 ta’ l-imsemmija deċiżjoni u l-impenn h) previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ l-1994].

11

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 1999 il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Griegi l-analiżi tan-nuqqasijiet allegati fir-rigward ta’ l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, li kienu esposti fir-rapport ta’ Deloitte & Touch tal-21 ta’ Lulju 1999. F’din l-ittra l-Kummissjoni, b’mod partikolari, stiednet lill-Gvern Grieg sabiex jippreżentala pjan ta’ ristrutturazzjoni aġġornat għal OA, sabiex dan jiġi eżaminat mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet relatati ma’ l-immissjoni tat-tielet u l-aħħar parti ta’ kapital li tammonta għal EUR 22,9 miljun. Skond l-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni kkontestata, fir-risposta li hija bagħtet lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Awwissu 1999, ir-Repubblika Griega ammettiet li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kellu jiġi emendat, sabiex jintlaħqu r-riżultati mistennija u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta deċiżjoni favorevoli fir-rigward ta’ l-għoti ta’ l-aħħar parti.

12

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 1999, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li kellhom l-intenzjoni li, wara sejħa internazzjonali għall-offerti, jgħaddu l-amministrazzjoni ta’ OA lill-kumpannija stabbilita li topera fl-amministrazzjoni internazzjonali. Il-kuntratt kien intrebaħ minn Speedwing, kumpannija ta’ konsulenza sussidjarja ta’ British Airways. Dan il-kuntratt kien jinkludi ukoll opzjoni favur British Airways sabiex din tkun tista’ tixtri 20 % ta’ l-ishma ta’ OA, fit-terminu ta’ sena b’effett mill-iffirmar tal-kuntratt ta’ amministrazzjoni.

13

Wara laqgħa li seħħet fit-3 ta’ Awwissu 1999 fi Brussell, bejn il-grupp il-ġdid ta’ diretturi ta’ Speedwings u l-aġenti tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 1999, pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, elaborat minn Speedwings (iktar ’il quddiem il-“pjan Speedwings”). Mill fajl jirriżulta li l-pjan emendat kien akkumpanjat minn pjan imprenditorjali u kien ikopri l-perijodu ta’ bejn l-2000 u l-2004. It-twettieq tal-pjan Speedwings tnieda mingħajr ma kien hemm stennija għal deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tiegħu. Fl-ewwel rapport tagħha fuq dan il-pjan il-kumpannija Deloitte & Touche esprimiet tħassib fir-rigward ta’ wħud mill-aspetti tiegħu. Id-differenza prinċipali bejn dan il-pjan u dak ta’ l-1998, implementat fl-1998 u fil-bidu ta’ l-1999, kienet tinsab fl-enfażi magħmula fuq iż-żieda fid-dħul u l-espansjoni ta’ l-attivitajiet tal-kumpannija.

14

Permezz ta’ l-ittra ta’ l-20 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Griegi r-rapport finali ta’ Deloitte & Touche, datat Marzu 2000, fir-rigward tal-pjan Speedwings. Dan l-aħħar rapport ikkonferma t-tħassib espress fl-ewwel raport. Speedwings ikkontestat il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport u lejn nofs is-sena 2000 irrinunċjat għall-amministrazzjoni ta’ OA. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Awwissu 2000 l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw lill-Kummissjoni li AO ma kellhiex riżultati uffiċjali għas-sena 1999, fil-forma ta’ kontijiet ivverifikati minn awditur, u impenjaw ruħhom li ma jħallsux l-aħħar parti ta’ kapital. Ir-Repubblika Griega talbet lill-Kummissjoni sabiex ma tadottax deċiżjonijiet f’dan ir-rigward.

15

Fil-ħarifa ta’ l-2000, OA inkarigat lill-kumpannija PriceWaterhouseCoopers sabiex telabora rapport fil-qosor fir-rigward tal-kontijiet konsolidati preċedenti li ma kinux ivverifikati minn awditur, b’effett mill-31 ta’ Diċembru 1999, bil-għan li tistabbilixxi bażi solida għar-ristrutturazzjoni ulterjuri tagħha. L-awtoritajiet Griegi nnominaw lill-Crédit Suisse First Boston bħala konsulent finanzjarju fir-rigward tal-privatizzazzjoni ta’ OA.

IV — Deċiżjoni ta’ l-2000

16

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2000, ir-Repubblika Griega kienet informat lill-Kummissjoni li hija kellha l-intenzjoni li tuża l-għajnuna li kien għad fadal għal garanziji għal self ġodda, li kellhom jiġu awtorizzati qabel tmiem is-sena 2000, għal investimenti fir-rigward tat-trasferiment ta’ OA mill-ajruport ta’ Elliniko għall-ajruport il-ġdid ta’ Ateni, fi Spata, u li testendi d-data ta’ skadenza ta’ dawn il-garanziji sal-31 ta’ Marzu 2001. Sa dak iż-żmien l-Istat Grieg kien awtorizza garanziji għal self li jammontaw għal USD 201,6 miljun għax-xiri ta’ erba’ Airbus 340.

17

Fl-4 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fir-rigward ta’ dan il-proġett u għal dan il-għan emendat l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni ta’ l-1998. Konsegwentement, il-garanziji għal self ġodda li jammontaw għal USD 378 miljun, li kienu ġew approvati permezz tad-deċiżjoni ta’ l-1998, setgħu jiġu awtorizzati sal-31 ta’ Marzu 2001 għax-xiri ta’ ajruplani ġodda u għall-investimenti meħtieġa għat-trasferiment ta’ OA għall-ajruport il-ġdid ta’ Spata.

V — L-ilmenti tal-HACA u l-proċedura formali ta’ eżami

18

Fit-12 ta’ Ottubru 2000, l-Assoċjazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru Griegi (iktar ’il quddiem il-“HACA”) ressqet ilment li permezz tiegħu hija sostniet li l-Istat Grieg kien għadu qiegħed jagħti diversi għajnuna lill-OA, kuntrarjament għal dak li kien previst fid-deċiżjonijiet ta’ l-1994 u ta’ l-1998. L-awtoritajiet Griegi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dan l-ilment permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2001. Fl-24 ta’ Lulju 2001, il-HACA ressqet ilment addizzjonali. L-awtoritajiet Griegi rrispondew għal dan l-aħħar ilment permezz ta’ l-ittri tal-25 ta’ Ottubru, tas-7 ta’ Novembru u tal-11 ta’ Diċembru 2001.

19

Wara dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2002 (ĠU C 98, p. 8), fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE minħabba li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kienx ġie implementat u li wħud mill-kundizzjonijiet previsti mid-deċiżjoni ta’ l-1998 ma kinux ġew irrispettati. Barra minn dan, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Griega sabiex tipprovdilha informazzjoni, skond l-Artikolu 10 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).

20

Il-Kummissjoni bagħtet ir-risposti tagħha lill-Kummissjoni permezz ta’ l-ittra tal-11 ta’ April 2002.

21

Fid-9 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Griega t-tieni ordni sabiex din ta’ l-aħħar tipprovdi informazzjoni. L-awtoritajiet Griegi rrispondew permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2002.

22

F’Novembru ta’ l-2002, l-awtoritajiet Griegi bagħtu lill-Kummissjoni żewġ rapporti redatti minn Deloitte & Touche: ir-“Report on the Limited Review of Olympic Airways’ Performance as Compared to its 2002 Financial Plan (July 2002)” (Rapport fuq l-istħarriġ limitat ta’ l-operat ta’ [OA] meta mqabbel mal-pjan finanzjarju tagħha għall-2002 (Lulju 2002)), u r-rapport fuq l-OA intitolat “Restructuring and Privatisation (November 5th, 2002)” [2Ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni (5 ta’ Novembru 2002)].

VI — Id-deċiżjoni kkontestata

23

Fil-11 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/372 dwar l-għajnuna mogħtija mill-Greċja lill-Olympic Airways (ĠU L 132, 2003, p. 1; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni hija kkonstatat li l-parti l-kbira ta’ l-għanijiet tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ma ntlaħqux, li l-kundizzjonijiet imposti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ l-1998 ma kinux ġew kompletament irrispettati u li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, għalhekk, ġiet implementata b’mod abbużiv.

24

Hija ssemmi wkoll l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida mhux innotifikata li hija kkostitwita mill-fatt li l-Istat Grieg jittollera n-nuqqas ta’ ħlas jew żieda fit-tul ta’ żmien preskritt għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fuq il-karburanti u l-partijiet ta’ bdil, ħlasijiet u kirjiet dovuti lill-ajruporti, u ta’ taxxa imposta fuq il-biljetti ta’ l-ajru għal titjiriet li jitilqu minn ajruporti Griegi, imsejħa “spatosimo”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din l-għajnuna llegali hija inkompatibbli mas-suq komuni. Hija ssostni li l-għoti ta’ din l-għajnuna jikser l-impenn meħud mill-Istat Grieg li ma jagħtix iktar għajnuna lill-OA, u jmur kontra l-prinċipju ta’ l-għajnuna unika. Barra minn dan, filwaqt li ma rrispettatx il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 hija għadha m’għandhiex pjan alternattiv li jippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-Kumpannija reġgħet qabdet it-trieq tal-vijabbiltà għal-żmien medju u twil.

25

Il-Kummissjoni tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija tqis li:

“[…] wieħed ma jistax jeskludi l-eventwalità li d-deċiżjoni favorevoli tal-Kummissjoni ta’ l-1998 setgħet ħolqot xi aspettattivi li l-‛pakkett’ ta’ miżuri ta’ għajnuna ta’ l-1994 ma kienx jippreżenta problemi. Konsegwentement, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ħafna ta’ dan il-każ, mhuwiex meħtieġ li jiġi impost l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija qabel l-14 ta’ Awwissu 1998”. (premessa 229)

26

Il-parti operattiva tad-Deċiżjoni 2003/372 tgħid is-segwenti:

Artikolu 1

L-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Greċja lil Olympic Airways taħt forma ta’:

a)

garanziji għal self magħmula lill-kumpannija sas-7 ta’ Ottubru 1994, skond l-Artikolu 6 tal-Liġi Griega Nru 96/75 tas-26 ta’ Ġunju 1975;

b)

garanziji ġodda għal self li jammontaw għal USD 378 miljun għal self li kellu jiġi kkuntrattat qabel il-31 ta’ Marzu 2001 għax-xiri ta’ apparat ġdid u għall-investimenti neċessarji għar-rilokazzjoni ta’ Olympic Airways fl-ajruport il-ġdid ta’ Spata;

c)

tnaqqis tad-dejn ta’ [Olympic Airways] b’total ta’ GRD 427 biljun;

d)

konverżjoni ta’ GRD 64 biljun mid-dejn tal-kumpannija f’kapital;

e)

immissjoni ta’ kapital ta’ GRD 54 biljun, imnaqqas għal GRD 40.8 biljun, fi tliet pagamenti ta’ GRD 19, 14 u 7.8 biljun fl-1995, 1998 u 1999, rispettivament

hija kkunsidrata bħala inkompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87 (1) [KE], peress illi l-kundizzjonijiet segwenti, li taħthom ingħatat l-ewwel awtorizzazzjoni għal għajnuna, m’għadhomx iktar osservati:

a)

l-implementazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni bil-għan li tinkiseb il-vijabilità tal-kumpannija għal żmien twil;;

b)

l-osservanza ta’ 24 impenn speċifiku marbuta ma' l-approvazzjoni ta’ l-għajnuna, u

c)

l-immonitorjar regolari ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

Artikolu 2

L-għajnuna ta’ l-Istat mogħtija mill-Greċja taħt forma ta’ tolleranza għan-nuqqas kontinwat tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, tal-VAT dovuta minn Olympic Aviation fuq il-karburanti u l-partijiet ta’ bdil, tal-kirjiet dovuti lil diversi ajruporti, tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-ajruport ta’ Spata kif ukoll ajruporti oħra, tat-taxxa magħrufa bħala “spatosimo”, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

1.   Il-Greċja għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirkupra, mingħand il-kumpannija benefiċjarja, l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 fl-ammont ta’ GRD 14-il biljun (EUR 41 miljun), li hija inkompatibbli mat-Trattat, kif ukoll l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2, mogħtija lilha b’mod illegali.

2.   L-irkupru ta’ l-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, konformement mal-proċeduri previsti fil-liġi nazzjonali sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jinkludu l-interessi dovuti li jiddekorru mid-data li tkun ingħatat l-għajnuna sad-data li din tiġi rimborsata. L-interessi huma kkalkulati fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza użata sabiex tiġi kkalkulata l-għotja netta ekwivalenti għall-għajnuna reġjonali.

Artikolu 4

Il-Greċja għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati sabiex tikkonforma ma' din id-deċiżjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni stess.

[…]”

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Frar 2003, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

28

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla in toto jew in parte d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

tordna kull miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri ta’ investigazzjoni li hija jidrilha neċessarji;

tordna kull miżura oħra li hija jidrilha xieraq.

29

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

30

Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tipproċedi għall-miżuri istruttorji preliminari.

31

It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta li nżammet fid-29 ta’ Novembru 2006.

Id-dritt

32

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq komuni u timponi l-irkupru, minn naħa, ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni awtorizzata fid-deċiżjoni ta’ l-1998 u, min-naħa l-oħra, ta’ l-allegati għajnuna ġdida.

33

Qabel ma tibda tikkunsidra ż-żewġ partijiet tar-rikors, u l-motiv, li huwa komuni għaż-żewġ partijiet, ibbażat fuq abbuż ta’ poter, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa opportun, l-ewwel nett, li preliminarjament jiġi indikat il-kuntest ġuridiku li taħtu jaqa’ l-ilmenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw l-inverżjoni ta’ l-oneru tal-prova kif ukoll il-ksur tar-regoli proċedurali u tad-dritt għal smigħ u, it-tieni nett, li jiġi l-ewwel nett ikkunsidrat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

I — Osservazzjonijiet preliminari fuq l-oneru tal-prova, l-obbligi proċedurali tal-partijiet u l-ilmenti li jirrigwardaw id-dritt għal smigħ

34

Ir-rikorrenti ġustament issostni li bħala prinċipju hija l-Kummissjoni li kellha, fid-deċiżjoni kkontestata, iġġib il prova kemm ta’ l-użu ħażin ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kif ukoll ta’ l-għoti ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 88(2) u (3) KE jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ tali prova, l-għajnuna eżistenti hija koperta mid-deċiżjoni preċedenti ta’ approvazzjoni, u l-miżuri l-ġodda in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova ta’ l-użu ħażin ta’ għajnuna preċedentement approvata, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u Zemag vs Il-Kummissjoni, T-111/01 u T-133/01, Ġabra p. II-1579, punt 86, u, f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova ta’ l-għoti ta’ għajnuna ġdida, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C-324/90 u C-342/90, Ġabra p. I-1173, punt 23). Min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, b’deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(1) KE huwa, bħala prinċipju, responsabbiltà ta’ l-Istat membru kkonċernat, li għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga huma sodisfatti.

35

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li dan it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova huwa suġġett għar-rispett ta’ l-obbligi proċedurali rispettivi li l-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju minn din l-istituzzjoni tal-poter li hija għandha sabiex tobbliga Stat membru jipprovilha l-informazzjoni kollha meħtieġa.

36

B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tinkiseb l-approvazzjoni, b’deroga mir-regoli tat-Trattat, ta’ għajnuna ġdida jew emendati, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu, skond id-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni lejn Il-Kummissjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, jipprovdi l-elementi kollha li jkunu ta’ natura tali li jippermettu lill-din l-istituzzjoni li tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga huma sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-364/90, Ġabra p. I-2097, punt 20, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra p. II-2123, punt 129, u tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T-17/03, Ġabra p. II-1139, punt 48). Barra minn dan, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, jekk l-Istat Membru jibqa’ lura, bi ksur ta’ l-obbligu ta’ kooperazzjoni tiegħu, milli jipprovdi l-informazzjoni li hija tkun talbitu sabiex jew teżamina l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna ġdida jew emendata, jew inkella sabiex tivverifika l-użu regolari ta’ l-għajnuna preċedentement approvata. Madankollu, qabel ma tadotta tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tordna lill-Istat Membru sabiex jipprovdilha, fit-terminu li hija tkun iffissat, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa biss jekk l-Istat Membru jonqos, minkejja l-ordni, milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba, li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li ttemm il-proċedura u li tadotta abbażi ta’ l-elementi li hija jkollha, skond il-każ, deċiżjoni fir-rigward ta’ l-eżistenza u l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Boussac”, C-301/87, Ġabra p. I-307, Punt 22, u Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 26), jew deċiżjoni li tikkonstata li għajnuna preċedentement approvata ġiet użata legalment (sentenzi Saxonia Edelmetalle u Zemag vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 93, u Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T-318/00, Ġabra p. II-4178, punt 73).

37

Dawn l-obbligi proċedurali huma mandatorji fuq l-Istat Membru kkonċernat u fuq il-kummissjoni sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha abbażi ta’ informazzjoni li tkun suffiċjentement ċara u preċiża, filwaqt li jiġi assigurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ ta’ l-Istat Membru. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jista’ jaffettwa lil din ta’ l-aħħar, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1992, L-Olanda u PTT Nederland vs Il-Kummissjoni, C-48/90 u C-66/90, Ġabra p. I-565, punt 44; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 121).

38

F’dan il-każ, l-obbligu proċedurali msemmija iktar ’il fuq ġew inklużi u kkonkretizzati permezz ta’ l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(1) u (2), l-Artikolu 10, l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999.

39

F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika u titlob il-provi essenzjali li kienu jkunu jistgħu jneħħu d-dubji li hija kellha fir-rigward tal-kwalifikazzjoni tal-miżuri kkunsidrati jew fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mat-Tattat. Għalhekk, b’dan il-mod l-istituzzjoni konvenuta invertiet l-oneru tal-prova u kisret id-dritt għal smigħ tar-Repubblika Griega. Il-ksur ta’ dan id-dritt affettwa direttament ir-riżultat tal-proċedura (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Boussac, punt 36 iktar ’il fuq, punt 31, u tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 48). Barra minn dan, hija kkawżat dannu għad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, li huwa kompletament ta’ l-Istat Membru, u li kienet l-uniku sors possibbli tal-provi essenzjali li l-Kummissjoni kienet tqis bħala neqsin.

40

Minn dan l-argument jirriżulta li, billi invokat il-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ l-Istat Membru, u kif ukoll il-ksur tad-dritt għal smigħ tagħha, ir-rikorrenti speċifikatament tilmenta li l-Kummissjoni la wissiet lir-Repubblika Griega u lanqas lilha dwar l-elementi importatni fir-rigward ta’ liema din l-istituzzjoni kien għad kellha dubji, u li baqgħet lura milli titlob informazzjoni addizzjonali fuq dawn l-elementi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

41

Huwa fid-dawl tal-prinċipji proċedurali msemmijin iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw l-inverżjoni ta’ l-oneru tal-prova u l-ksur relatat tad-dritt għal smigħ tar-Repubblika Griega, li r-rikorrenti għamlet, suċċessivament, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u d-diversi għajnuna ġdida allegati, li ġew iddikjarati inkompatibbli fid-deċiżjoni kkontestata.

II — Fuq il-motiv ibbażat fuq id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti

42

F’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-Artikolu 88(2) KE jippermetti lill-persuni kkonċernati, fosthom il-benefiċjarji tal-miżura in kwistjoni, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata fis-sens li l-persuni kkonċernati għandhom biss dritt li jiġu involuti fil-proċedura amministrattiva safejn ikun xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 60, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 125). Ir-rispett tad-drittijiet proċedurali, hekk definiti, tal-persuni kkonċernati jikkostitwixxi eżiġenza proċedurali essenzjali li l-ksur tagħha jista’ jġib miegħu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-benefiċjarji ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata ma tpoġġewx, effettivament, f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ eżami, peress li dawn ma ġewx identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftugħ jew fi stadju sussegwenti, u ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ tali irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni,T-34/02, Ġabra p. II-267, punti 82 sa 95, u 137).

43

Madankollu, safejn il-proċedura li tirrigwarda għajnuna mogħtija mill-Istat tinfetaħ biss kontra l-Istat Membru kkonċernat, il-persuni kkonċernati ma jistgħux, bħala prinċipju, jagħmlu użu mid-drittijiet tad-difiża tal-persuni li fil-konfront tagħhom tkun infetħet il-proċedura u li jistgħu jitolbu diskussjoni mal-Kummissjoni, bħal dik mibdija għall-benefiċċju ta’ l-Istat membru kkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, British Airways et vs il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 60; Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punti 122 u 125; tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T-198/01, Ġabra p. II-2717, punt 192; Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 74, u Schmitz-Gotha Fahrzeugwerk vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 54).

44

F’dan il-każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tinvoka l-ebda ċirkustanza partikolari li tippermetti li jiġi kkunsidrat li hija ma ġietx involuta fil-proċedura amministrattiva safejn xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. F’dan ir-rigward, il-fatt biss, sostnut mill-persuna kkonċernata, li hija kienet l-uniku sors possibbli tal-provi meqjusa neċessarji mill-Kummissjoni, ma jiġġustifikax li din l-istituzzjoni tagħmlilha talbiet għall-informazzjoni. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat (punt 36 iktar ’il fuq), bħala prinċipju huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jipprovdi, fuq talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha meħtieġa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu affettwati la mill-allegat nuqqas ta’ identifikazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-provi essenzjali meħtieġa sabiex telimina d-dubji tagħha, u lanqas min-nuqqas ta’ talbiet għall-informazzjoni addizzjonali min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (ara punt 40 iktar ’il fuq). Għaldaqstant dawn l-ilmenti ser jiġu eżaminati biss fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-ksur, allegat mir-rikorrenti, tad-dritt għal smigħ tar-Repubblika Griega.

45

Barra minn dan, u f’kull każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tieħu sehem fil-proċedura amministrattiva b’mod indirett, permezz ta’ l-Istat Membru kkonċernat, li huwa l-uniku azzjonist tagħha. Barra minn hekk, mil-fajl jirriżulta li wħud mid-diretturi ta’ OA ħadu sehem f’laqgħat bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi, matul il-proċedura amministrattiva kollha.

46

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-motiv ibbażat fuq id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

III — F’dak li jirrigwarda l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni (Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata)

47

Ir-rikorrenti tikkuntesta l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkuntestata, sabiex tiddikjara l-għajnuna eżistenti għar-ristrutturazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Hija l-ewwel nett tikkritika l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ma ġiex implementat (A). Hija wara dan issostni li r-Repubblika Griega ssodisfat l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 1(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ l-1998 f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ sistema informatika ta’ amministrazzjoni (aktar’il quddiem is-“SIA”) (B). Barra minn dan , ir-Repubblika Griega rrispettat l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni ta’ l-1998, li jirrigwardaw il-preżentazzjoni ta’ rapporti li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet imposti mill-imsemmija deċiżjoni (C). Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 (b), (c) u (e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 ukoll ġew irrispettati (D).

A — F’dak li jirrigwarda n-nuqqas, allegat fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ implementazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni

48

Ir-rikorrenti tqis li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ġie implementat sabiex tiġi assigurata l-vijabbiltà fit-tul ta’ OA. Hija ssostni, l-ewwel nett, li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni ta’ dan il-pjan ma jiħdux in kunsiderazzjoni l-fatt li dan ġie emendat, u konsegwentement huma vvizzjati bi żball ta’ fatt, minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u/jew min-nuqqas ta’ motivazzjoni (1). It-tieni nett, il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod xieraq il-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna awtorizzata fl-1998 setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli ma’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE abbażi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, applikabbli matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkuntestata. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkuntestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE (2). It-tielet nett, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li ma kienet ittieħdet l-ebda waħda mill-miżuri ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA (3).

1. Fuq l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-emendi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni

a) L-argumenti tal-partijiet

49

Minn naħa, r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-emendi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, approvati, skond ir-rikorrenti, minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni unika u mtawwla li hija wettqet b’suċċess. Fil-fatt, il-Kummissjoni stħarrġet ir-rispett ta’ l-obbligi ta’ ristrutturazzjoni imposti fuq OA fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni fil-verżjoni inizjali tiegħu ta’ l-1998. Issa, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkuntestata, il-pjan emendat kien jipprovdi għall-privatizzazzjoni tas-sehem prinċipali ta’ OA, miżuri għat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż u l-bejgħ ta’ assi mhux essenzjali. L-unika interruzzjoni fil-proċedura ta’ ristrutturazzjoni kienet dovuta għall-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001. L-ewwel parti tal-proċess ta’ privatizzazzjoni kienet diġà ġiet imwettqa fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

50

Minn naħa, id-deċiżjoni kkuntestata hija vvizzjata min-nuqqas ta’ motivazzjoni, safejn il-Kummissjoni ma analizzatx il-pjan emendat iżda bbażat ruħha fuq il-pjan inizjali ta’ l-1998. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod rilevanti l-konklużjoni tagħha li tgħid li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni (emendat) ma assigurax il-vijabbiltà fit-tul ta’ OA.

51

Sabiex issostni l-motivi msemmijin iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tikkuntesta d-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 173) u li tgħid li r-Repubblika Griega ma pproponietx l-emendi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni li hija kienet tikkunsidra meħtieġa. Hija tallega li matul il-proċedura amministrattiva kien evidenti f’għajnejn il-partijiet kollha kkonċernati li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien ġie emendat.

52

Il-Kummissjoni aċċettat, b’effett mill-1999, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jiġi emendat. Fil-fatt, hija ħeġġet l-emendar ta’ dan il-pjan taħt id-direzzjoni ta’ Speedwing, kif jirriżulta mill-ittri lill-Gvern Grieg tat-12 ta’ Mejju 1999, tas-27 ta’ Lulju 1999 u tat-23 ta’ Awwissu 1999. Hija ġiet informata minn qabel b’din l-ewwel proposta ta’ emendi permezz ta’ l-ittri tal-Gvern Grieg tas-7 ta’ Mejju 1999, tat-23 ta’ Ġunju 1999 u tas-7 ta’ Lulju 1999. Il-pjan Speedwing, li kien iddettaljat ħafna, għalhekk kien l-ewwel pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat. Dan ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Novembru 1999 flimkien ma ittra tal-Gvern Grieg. Fl-ittra tagħha lir-Repubblika Griega tal-29 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni ammettiet li l-Pjan Speedwing kien diġà ġie implementat.

53

Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma approvatx il-pjan Speedwing, b’effett mis-sena 2000 il-Gvern Grieg informa lill-din ta’ l-aħħar, b’mod partikolari permezz ta’ l-ittri tad-29 ta’ Awwissu u tas-6 ta’ Settembru 2000, dwar it-tieni pjan ta’ ristrutturazzjoniemendat, li kien jipprevedi l-privatizzazzjoni ta’ OA, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 73 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata. Informazzjoni ddettaljata fuq il-privatizzazzjoni ġew ippreżentati lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, f’memorandum elaborat minn Crédit Suisse First Boston f’Diċembru 2000, u iktar tard f’ittra tal-Gvern Grieg tas-16 ta’ Mejju 2001.

54

Mill-bdil ta’ korrispondenza jirriżulta li, b’effett mis-sena 2000, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien jikkonsisti fi privatizzazzjoni tas-sehem prinċipali, f’miżuri ta’ tnaqqis ta’ spejjeż u fil-bejgħ ta’ assi mhux essenzjali. Ir-rikorrenti tindika li l-miżuri ta’ tnaqqis ta’ spejjeż, aċċettata mill-Kummissjoni hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 106 u 174), kienu nbdew fl-1998, b’mod konformi mad-deċiżjoni ta’ l-1998.

55

Diversi dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni jikkonfermaw li hija ammetiet li l-pjan ta’ l-1998 kien ġie emendat b’tali mod li jkun adatt għas-sitwazzjoni l-ġdida u li r-ristrutturazzjoni ta’ OA kienet neċessarjament timplika privatizzazzjoni. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 li tawtorizza formalment emenda tal-pjan ta’ l-1998, il-Kummissjoni ma semmietx it-tħassib tagħha dwar l-istat ta’ żvilupp tar-ristrutturazzjoni, iżda hija, bil-kontra ta’ dan, espliċitament irreferiet għall-privatizzazzjoni, u b’mod partikolari indikat li “[…] l-amministrazzjoni preżenti hija tranżitorja, fl-istennija tal-privatizzazzjoni [ta’ AO] fil-bidu tas-sena d-dieħla […]”.

56

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet li kienu ttieħdu miżuri effettivi għall-privatizzazzjoni, b’mod partikolari f’ittra lill-awtoritajiet Griegi tal-25 ta’ April 2001, kif ukoll f-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mit-trasport, is-Sinjura Loyola de Palacio, lill-Ministru tat-Trasport Grieg u mill-Komunikazzjonijiet tal-5 ta’ Lulju 2001. Fil-fatt din l-ittra rreferiet għal-laqgħa, li seħħet fid-29 ta’ Mejju 2001, bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-membri tal-Kabinet tas-Sinjura Loyola de Palacio, minn naħa, u l-konsulenti finanzjarji u legali tal-Gvern Grieg, min-naħa l-oħra, “fuq is-suġġett tal-privatizzazzjoni attwalment kurrenti [ta’ OA]”.

57

Barra minn dan, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna approvata fid-deċiżjoni ta’ l-1998 (EUR 22.9 miljun) jipprova li l-Gvern Grieg u l-Kummissjoni kienu aċċetaw li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kien ġie emendat b’effett mill-1999, sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-iżvilupp ta’ l-istat tas-suq tat-trasport bl-ajru u kif ukoll is-sitwazzjoni ta’ OA. Fid-dawl ta’ din l-emenda jew ta’ dan l-allegat abbandun tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li b’mod partikolari rriżulta fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna, id-deċiżjoni kkontestata, li tikkonkludi li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ma ġiex rispettat u li tordna l-irkupru tat-tieni parti ta’ l-għajnuna, tikser ukoll il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali u l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha tindika li hija ma kinitx ser taċċetta l-emenda msemmija iktar ’il fuq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna kellu jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

58

L-implementazzjoni tat-tieni pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat ġiet interrotta wara l-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001. Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Frar 2002, il-Gvern Grieg innotifika lill-Kummissjoni l-miżuri l-ġodda adottati minn OA, skond dan il-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, sabiex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis ġenerali tat-traffiku bl-ajru. Il-privatizzazzjoni tas-sehem prinċipali ta’ OA, il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż u l-bejgħ ta’ assi mhux essenzjali kienu jikkostitwixxu miżuri ta’ ristrutturazzjoni reali u xierqa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi.

59

Il-proċess attwali ta’ privatizzazzjoni tnieda, b’effett minn Frar 2002, b’suċċess kif tindika l-ittra li l-Gvern Grieg bagħat lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Frar 2002. Fl-2002, effettivament kien hemm titjib sinjifikanti fl-attivita ta’ OA. Ir-Repubblika Griega infurmat lill-Kummissjoni bil-proċess ta’ privatizzazzjoni u bil-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż, b’mod partikolari fir-risposti tagħha tal-11 ta’ April 2002 għall-ordni tal-Kummissjoni sabiex tipprovdi informazzjoni, fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Lulju 2002, u fir-risposti tagħha tat-30 ta’ Settembru 2002 għat-tieni ordni tal-Kummissjoni sabiex tipprovdi informazzjoni, tad-9 ta’ Awwissu 2002. F’dawn ir-risposti, hija b’mod partikolari kkonfermat il-bejgħ ta’ 58 % tal-kumpannija sussidjarja Olympic Catering.

60

Il-minuti tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2002 jippruvaw li l-Kummissjoni reġgħet ġiet informata dwar is-sitwazzjoni anke f’din l-okkażjoni. F’dawn il-minuti ġie espliċitament imsemmi li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 (fil-forma tiegħu approvata fl-1998) “m’għadux attwali” (l-aħħar paragrafu tal-punt 2, intitolat “Preżentazzjoni finanzjarja u kummerċjali”). Dawn il-minuti jindikaw ukoll (“Anness II”, paragrafu 16) li l-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mit-trasport, is-Sinjura Loyola de Palacio, iltaqgħet, fit-2 u t-3 ta’ Ottubru 2002, mas-Sur Verelis, il-Ministru Grieg inkarigat mit-trasport u l-komunikazzjoni, u talbet l-elaborazzjoni ta’ pjan ġdid ta’ ristrutturazzjoni qabel it-tmiem tas-sena 2002.

61

Barra minn dan, ir-“Report on the Limited Review of Olympic Airways Performance as Compared to its 2002 Financial Plan (July 2002)”, li ntbagħat lill-Kap tal-Kabinett tas-Sinjura de Palacio fil-5 ta’ Novembru 2002 u ntbagħat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Novembru 2002, semma titjib sinjifikanti fl-attivita ta’ OA fl-2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rapport, wara tmiem l-2002, tal-privatizzazzjoni ta’ sehem prinċipali ta’ l-attivitajiet relatati mat-titjiriet ma kienx sinjifikattiv.

62

Fil-21 ta’ Novembru 2002, ir-rapport dettaljat intitolat “Restructuring & Privatisation Report on OA (5 november 2002)” [Ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni: rapport fuq OA (5 ta’ Novembru 2002)] intbagħat lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport iddeskrieva fid-dettall ħafna l-proposta ta’ privatizzazzjoni saħansitra sad-dettall tan-numru ta’ impjegati, u kien jinkludi previżjonijiet finanzjarji għall-opperazzjonijiet ta’ titjiriet għall-perijodu ta’ bejn l-2003 u l-2005, li kienu juru l-vijabbiltà ta’ l-impriża.

63

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2002 tal-Ministru Grieg inkarigat mit-trasport u l-komunikazzjoni, il-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mit-trasport ġie infurmat li sitt investituri privati kienu wrew l-interess tagħhom sabiex jixtru l-maġġoranza ta’ l-ishma ta’ OA (ara l-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, it-tieni pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat ġie ppreżentat lilha “bid-dettalji kollha neċessarji”, skond il-punt 32 tal-Linji Gwida Komunitarji ta’ l-1999 għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikulta (ĠU C 288, p. 2; iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). B’mod partikolari r-rapport tal-5 ta’ Novembru 2002, imsemmi iktar ’il fuq, kien jinkludi l-“informazzjoni, l-ipoteżijiet, il-previżjonijiet, il-miżuri, l-għanijiet u l-kundizzjonijiet” kollha meħtieġa, u t-titolu tiegħu kien jindika b’mod ċar li dan kien pjan ta’ ristrutturazzjoni. Barra minn dan, il-linji gwida msemmijin iktar ’il fuq jillimitaw ruħhom li jipprovdu, fil-punt 3.2.4, li Stat Membru jista’ “jitlob” lill-Kummissjoni taċċetta emendi għal pjan ta’ ristrutturazzjoni. F’dan il-każ, il-bosta korrispondenza, msemmija iktar ’il fuq li għaddiet bejn ir-Repubblika Griega u l-Kummissjoni tikkostitwixxi, għalhekk, talba valida. Barra minn hekk, it-tieni pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat ġie ppreżentat lill-Kummissjoni skond l-istess proċedura li kienet ġiet segwita f’dak li jirrigwarda l-pjan Speedwing u fir-rigward ta’ liema l-Kummissjoni kienet tidher sodisfatta.

65

Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li l-motiv ta’ fatt imressaq mir-rikorrenti, li jgħid li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien ġie ppreżentat u approvat mill-Kummissjoni, qatt ma kien tqajjem minn OA jew mill-awtoritajiet Griegi matul il-proċedura amministrattiva, kemm jekk f’forma ta’ talba għall-għajnuna addizzjonali jew inkella bħala pjan ta’ ristrutturazzjoni ġdid li jieħu post il-pjan ta’ l-1998. Anke matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2002, kien ġie enfasizzat li l-Kummissjoni kellha teżamina r-rispett, min-naħa tar-Repubblika Griega, ta’ l-impenji imposti permezz tad-deċiżjoni ta’ l-1998. Għalhekk ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dan il-motiv ta’ fatt ġdid (ara, a contrario, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Darmon fil-kawża Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, Ġabra p. I-1175, punti 33 u 107; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 81, u tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T-126/96 u T-127/96, Ġabra p. II-3437, punt 88). Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tikkuntesta li OA kienet is-suġġett ta’ “proċedura ta’ ristrutturazzjoni unika u mtawwla”, ibbażata fuq pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat. Hija tallega li l-pjan Speedwing kien totalment differenti minn pjan ta’ privatizzazzjoni. Barra minn dan, wara l-abbandun tal-pjan Speedwing, ma ġie ppreżentat lilha l-ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat u konsegwentement tali pjan lanqas ma seta’ ġie approvat minn din l-istituzzjoni.

66

Il-Kummissjoni ssostni li, skond il-ġurisprudenza (sentenza BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 98 sa 100), sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni mhijiex biżżejjed sabiex ikun hemm emendar ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni. Il-preżentazzjoni formali ta’ pjan emendat (flimkien ma l-informazzjoni, l-ipoteżijiet, il-previżjonijiet, il-miżuri, l-għanijiet u l-kundizzjonijiet), sabiex dan jiġi evalwat mill-Kummissjoni, hija neċessarja. Barra minn dan l-awtoritajiet Griegi kienu perfettament konxji mill-proċeduri li għandhom jiġu segwiti peress li dawn segwewhom kemm fil-każ ta’ l-adozzjoni tal-pjan ta’ l-1994, li l-Kummissjoni approvat fid-deċiżjoni ta’ l-1998, kif ukoll fil-każ tal-pjan Speedwing.

67

F’dan il-każ, il-korrispondenza msemmija mir-rikorrenti fl-ebda każ ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat. B’mod partikolari, ir-rapport intitolat “Report on the limited review of [OA] performance as compared to its 2002 financial plan” huwa bbażat fuq informazzjoni u ipoteżijiet mhux ikkonfermati u fuq informazzjoni li xi drabi rriżultat ineżatta u mhux kompleta. F’dak li jirrigwarda r-rapport tal-5 ta’ Novembru 2002 intitolat “Restructuring and Privatization”, dan jippreżenta l-proċess ta’ privatizzazzjoni bħala “kunċett”, filwaqt li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni f’Novembru 2002, jiġifieri inqas minn xahrejn qabel l-iskadenza tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni approvat fl-1998. Barra minn dan, l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ rapporti ma ġie espliċitament ippreżentat bħala pjan emendat.

68

Fl-aħħar nett, l-argument li jgħid li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna jipprova li l-pjan ta’ l-1998 ġie emendat bi ftehim bejn il-partijiet, huwa tardiv peress li dan ma ġiex invokat matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn dan, dan mhuwiex fondat. Barra minn hekk, dan huwa kontradittorju ma l-osservazzjonijiet mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi fil-21 ta’ Novembru 2002, li jgħidu li l-fatt li l-ħlas ta’ l-aħħar parti ma kienx ġie approvat mill-Kummissjoni jostakola l-pjan milli jagħti r-riżultati mixtieqa.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li t-terminu tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni approvat permezz tad-deċiżjoni ta’ l-1998 kien qiegħed joqrob lejn tmiemu, il-Kummissjoni kienet obbligata li tevalwa l-implementazzjoni ta’ dan il-pjan.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

70

Qabel ma jiġu kkunsidrati l-motivi bbażati fuq, minn naħa, nuqqas ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq l-iżball ta’ fatt u kif ukoll fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-emendar tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni

71

Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata preżentazzjoni ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni li jemenda l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 huwa inammissibbli peress li dan ma tressaqx matul il-proċedura amministrattiva.

72

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skond l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu fil-ġurnata ta’ meta ġie adottat l-att. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl ta’ l-elementi li hija kellha fil-ġurnata ta’ meta hija għamlet dawn il-kalkoli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T-349/03, Ġabra p. II-2197, punt 142).

73

Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, rikors mhuwiex ammissibbli jekk jagħmel użu minn argumenti fattwali li ma jkunux magħrufa mill-Kummissjoni u li ma jkunux ġew indikati lill-din ta’ l-aħħar matul il-proċedura ta’ eżami. Min-naħa l-oħra, xejn ma jipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tiżviluppa, kontra d-deċiżjoni finali, motiv legali li ma jkunx ġie invokat fl-istadju tal-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T-110/97, Ġabra p. II-2881, punt 102 u Saxonia Edelmetalle et vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 68).

74

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkuntestax li l-kwistjoni tal-privatizzazzjoni ta’ OA, li tqajmet b’mod partikolari matul il-bdil ta’ korrispondenza bejnha u bejn l-awtoritajiet Griegi u f’ċerti rapporti li ntbagħtu lilha minn dawn l-awtoritajiet, li fuqhom ir-rikorrenti tibbaża l-motiv tagħha li jirrigwarda l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat approvat minn din l-istituzzjoni, kienet tressqet quddiemha matul il-proċedura amministrattiva.

75

Il-kwistjoni ta’ jekk pjan ta’ privatizzazzjoni li jemenda l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kienx ġie adegwatament ippreżentat lill-Kummissjoni sabiex din tapprovah, skond ir-regoli proċedurali applikabbli, jaqa fil-kuntest ta’ evalwazzjoni legali, abbażi ta’ l-elementi fattwali msemmijin iktar ’il fuq u li huwa stabbilit li ntbagħtu lill-Kummissjoni.

76

Għaldaqstant, peress li dan il-motiv huwa wieħed legali u mhux sempliċement argument fattwali, huwa ammissibbli li r-rikorrenti tagħmel użu mill-allegata eżistenza ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni li ħa l-post tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, kemm jekk hija invokat dan il-motiv matul il-proċedura amministrattiva u anke jekk le.

77

Għall-istess raġunijiet, għandha wkoll tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni kontra l-argument legali tar-rikorrenti li jgħid li n-nuqqas tal-ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna approvata permezz tad-deċiżjoni ta’ l-1998 jipprova li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kien ġie emendat bi ftehim mal-Kummissjoni.

Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

78

Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-portata ta’ l-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni.

79

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu ta’ l-att ikkontestat. L-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-att għalhekk mhumiex rilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti. Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-isħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punti 35 sa 38; sentenzi Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punti 52 u 59, u Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 70 u 71).

80

Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax il-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem użat iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 94, u Freistaat Thürigen vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 202).

81

F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli naqset mill-timmotiva d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ vijabbiltà ta’ OA, fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat.

82

Huwa minnu li, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni stħarrġet l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni fid-dawl tal-pjan previst mid-deċiżjoni ta’ l-1998. Madankollu, fil-premessa 173 ta’dik id-deċiżjoni, hija mmotivat dan il-metodu bin-nuqqas, fl-opinjoni tagħha, ta’ preżentazzjoni min-naħa ta’ l-Istat Grieg, l-uniku azzjonist ta’ OA, ta’ proposti għal emendi konkreti tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, wara r-rifjut tagħha tal-pjan Speedwing. Fit-tielet paragrafu tal-premessa 116 hija kienet diġà osservat f’dan ir-rigward li, għalkemm il-livell ta’ telf ta’ 50 % tal-kapital tal-kumpannija kien inqabeż b’effett mill-1999, ma saret l-ebda żieda ta’ kapital u “adattamenti importanti” għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kinux saru fiż-żmien.

83

Sabiex jiġi ddeterminat jekk f’dan il-każ din l-ispjegazzjoni tikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti, hija għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, minn naħa, li fid-deċiżjoni tagħha, tas-6 ta’ Marzu 2002, li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami l-Kummissjoni kienet b’mod partikolari indikat li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ l-1998 li tapprova l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kkonċernata, ma kienx ġie implementat kif previst u li l-eżistenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja attwali ta’ OA ma’ l-indikaturi operazzjonali u funzjonali tal-pjan in kwistjoni kienu jiġġustifikaw l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ l-1998, mill-perspettiva ta’ l-applikazzjoni korretta ta’ dan il-pjan. Min-naħa l-oħra, mill-fajl ma jirriżultax li l-awtoritajiet griegi kienu ppreżentaw, wara l-abbandun tal-pjan Speedwing u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-11 ta’ Diċembru 2002, talba formali u espliċita sabiex jiġi emendat il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, sabiex jitwettqu l-adattamenti meħtieġa ta’ dan il-pjan, f’dan il-każ, billi ssir il-privatizzazzjoni ta’ OA.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li telabora aktar, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li kellha tistħarreġ l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 fil-verżjoni inizjali tiegħu.

85

Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, invokat mir-rikorrenti, kienx jippermetti li terġa’ tinkiseb il-vijabbiltà fit-tul ta’ OA fi żmien raġjonevoli, mhuwiex fondat.

86

Għalhekk, l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-motivi bbażati fuq l-iżball ta’ fatt u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni invokati mir-rikorrenti.

Fuq il-motivi bbażati fuq żball ta’ fatt u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

87

Ir-rikorrenti tinvoka erba’ gruppi ta’ argumenti sabiex tipprova li l-pjan ta’ l-1998 kien ġie emendat wara l-abbandun tal-pjan Speedwing. Għandu l-ewwel nett jiġi indikat il-kuntest legali li taħtu taqa’ l-kwistjoni kkontestata, u dan qabel ma jiġu suċċessivament eżaminati dawn l-argumenti tar-rikorrenti bbażati, l-ewwel nett, fuq il-proċess ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA li fl-opinjoni tagħha kienu uniċi u mtawwla u l-ħtieġa li jiġi attwalizzat il-pjan ta’ l-1998, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna, it-tielet nett, fuq id-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 u, ir-raba’ nett, fuq il-korrispondenza li għaddiet bejn l-awtoritajiet Griegi u l-Kummissjoni kif ukoll fuq ir-rapporti mibgħuta lill-din ta’ l-aħħar matul il-proċedura amministrattiva.

— Il-kuntest legali u l-kwestjonijiet imqajma f’dan il-każ

88

Hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, l-għajnuna mogħtija lill-impriżi f’diffikultà għandha tkun marbuta ma pjan ta’ ristrutturazzjoni kooerenti li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien ma l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa (sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 45; BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 98, u Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 151). Il-linji gwida, applikabbli f’dan il-każ, jikkonfermaw li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandu jippermetti li l-vijabbiltà fit-tul ta’ l-impriża terġa’ tinkiseb f’terminu raġjonevoli, abbażi ta’ ipoteżijiet realistiċi li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet futuri ta’ l-attività, u li dan għandu jiġi ppreżentat bl-indikazzjonijiet kollha neċessarji [punt 3.2.2 (b)].

89

Barra minn dan, skond il-linji gwida, wara l-approvazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, hija l-impriża kkonċernata li għandha timplementa t-totalita tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni awtorizzat mill-Kummissjoni, u li jwettaq kull obbligu ieħor li jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni [punt 3.2.2 (f)]. L-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni għandha ssir taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, li għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tassigura żvolġiment tajjeb tal-pjan permezz ta’ rapporti regolari u ddettaljati, li jintbagħtu lilha mill-Istat Membru kkonċernat [punt 3.2.2 (g)].

90

Il-linji gwida (punt 3.2.4) jindikaw ukoll li, jekk għajnuna għar-ristrutturazzjoni ġiet awtorizzata, l-Istat Membru kkonċernat jista’, matul il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, jitlob lill-Kummissjoni sabiex taċċetta emendi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna. Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza tali emendi wara li tkun ivverifikat li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu sodisfatti. B’mod partikolari, il-pjan rivedut għandu juri ksib lura tal-vijabbiltà, dejjem f’terminu raġjonevoli.

91

Għalhekk, mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE moqrija flimkien ma dawk ta’ l-Artikolu 88(2) u (3) KE, kif dawn ġew interpretati fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u implementati mill-imsemmija dispożizzjonijiet tal-linji gwida, jirriżulta li kull emenda importanti għal-pjan ta’ ristrutturazzjoni awtorizzat mill-Kummissjoni jeħtieġ, bħala prinċipju, li l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta pjan emendat li jkun jinkludi l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fil-punt 3.2.4 tal-linji gwida.

92

Mill-perspettiva proċedurali, min-naħa l-oħra l-ġurisprudenza tindika li, ladarba waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-approvazzjoni ta’ għajnuna ma tkunx sodisfatta, normalment, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ deroga minn din il-kundizzjoni mingħajr ma tiftaħ mill-ġdid il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE biss jekk id-differenzi huma relattivament żgħar meta mqabbla mal-kundizzjoni inizjali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-140/95, Ġabra p. II-3327, punt 88). B’mod partikolari, meta l-adattament tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni jqajjem xi dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni hija obbligata li terġa’ tagħmel eżami formali tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni.

93

Dawn ir-regoli proċedurali jikkonfermaw li, fin-nuqqas ta’ twettieq integrali tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni awtorizzat permezz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, fejn meħtieġ, emenda importanti ta’ dan il-pjan biss abbażi ta’ eżami formali fil-fond tal-konformità tal-pjan emendat, ippreżentat mill-Istat Membru kkonċernat, għall-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq previsti mil-linji gwida. Konsegwentement, fin-nuqqas tal-preżentazzjoni, min-naħa ta’ l-Istat Membru kkonċernat, ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, il-Kummissjoni, bħala prinċipju, mhijiex la obbligata u lanqas f’pożizzjoni — matul l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna — li tieħu in kunsiderazzjoni eventwali emendi importanti tal-pjan inizjali, abbażi ta’ sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

94

F’dan il-każ għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk fin-nuqqas tat-tieni talba formali għall-emendar tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni wara l-abbandun ta’ l-ewwel pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat innotifikat lill-Kummissjoni, jiġifieri l-pjan Speedwing, (ara l-punti 13 u 83 iktar ’il fuq), id-diversi elementi invokati mir-rikorrenti jippermettux madankollu li jiġi kkunsidrat li t-tieni domanda għall-emendar tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ġietx ippreżentata lill-Kummissjoni flimkien ma’ l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna.

— L-eżami ta’ l-argumenti li jirrigwardaw il-proċess ta’ ristrutturazzjoni uniku u mtawwal ta’ OA u tal-ħtieġa li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi attwalizzat

95

Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li OA segwiet proċess ta’ ristrutturazzjoni uniku u mtawwal u li matul dan il-proċess il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ġie emendat, huwa f’kull każ irrilevanti. Fil-fatt, tkun xi tkun in-natura tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni implementati jew prospettati, ladarba l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jixtiequ jiksbu, bħal f’dan il-każ, adattazzjoni sostanzjali tal-pjan inizjali (ara punt 97 iktar ’il quddiem), huma għandhom jissottomettu pjan emendat għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida msemmijin iktar ’il fuq, sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tistħarreġ il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni fid-dawl ta’ dan il-pjan emendat. B’mod partikolari mhuwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tiġi mitluba teżamina s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA indipendentement mill-implementazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, bħalma għamlu, skond id-deċiżjoni kkontestata (premessa 184), l-awtoritajiet Griegi f’diversi okkażjonijiet. Barra minn dan għandu jiġi osservat li r-ristrutturazzjoni ta’ OA kienet tnediet fl-1994, kif jiġi enfasizzat fir-rapport finali elaborat minn Deloitte & Touche fuq il-pjan Speedwing f’Marzu ta’ l-2000, u li attwalizzazzjoni tal-pjan ta’ l-1994 u estensjoni tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, neċessarju sabiex OA tkun tista’ tindirizza s-sitwazzjoni skond l-għanijiet stabbiliti mill-pjan inizjali, kienu ġew awtorizzati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ l-1998, wara n-notifika min-naħa tar-Repubblika Griega, f’Lulju 1998, ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat flimkien ma pjan ta’ ristrutturazzjoni ddettaljat (ara l-premessi 40, 46, 78 u 85 ta’ dik id-deċiżjoni). Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kien intiż sabiex jirristabbilixxi l-vijabbiltà fit-tul ta’ OA permezz ta’ l-implementazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni diġà previsti fil-pjan ta’ l-1994, li magħhom żdiedu miżuri ta’ ristrutturazzjoni addizzjonali intiżi sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni r-riżultati finanzjarji ħżiena li OA kellha matul l-1997.

96

Barra minn hekk, il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA li ġew suċċessivament implementati matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jagħmlu parti minn strateġiji differenti u b’dan il-mod ġabu magħhom nuqqas ta’ kontinwità fil-proċess ta’ ristrutturazzjoni. Fil-fatt kif ammettew l-awtoritajiet Griegi b’mod partikolari fir-risposti tagħhom tal-11 ta’ april 2002 għall-ordni li tiġi pprovduta informazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2002, “il-filosofija [tal-]pjan Speedwing kienet differenti ħafna minn dik tal-pjan approvat fl-1998, peress li dan ta’ l-ewwel kien iktar jiffoka fuq il-massimizzazzjoni tal-profitti milli fuq l-ispejjeż”. Il-pjan Speedwing, akkompanjat minn pjan azjendali, ġie notifikat lill-Kummissjoni f’Novembru 1999 (ara punt 13 iktar ’il fuq). Madankollu r-realizzazzjoni ta’ dan il-pjan kienet inbdiet b’effett minn Awwissu 1999 mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ġiet għalhekk sospiża b’effett minn Awwissu 1999 sat-tluq ta’ Speedwing, lejn nofs is-sena 2000, u fażi ġdida ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż u ta’ tkomplija tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 seta’ jinbeda fis-sajf ta’ l-2000.

97

F’dan il-każ madankollu kien evidenti, b’effett mill-1999, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kellu jiġi emendat sabiex tiġi assigurata l-vijabbiltà fit-tul ta’ OA, kif jenfasizza l-Gvern Grieg, b’mod partikolari fil-pjan Speedwing, billi jirreferi speċifikament għar-rapport ta’ Deloitte & Touch tal-21 ta’ Lulju 1999 fuq it-twettieq tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 (ara punt 11 iktar ’il fuq). F’dan ir-rapport, fill-fatt kien enfasizzat li s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ OA u d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tas-suq kienu jagħmlu l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali indispensabbli sabiex il-vijabbiltà fit-tul tal-kumpannija tiġi assigurata. L-insuffiċjenza tar-riżultati finanzjarji ta’ OA li kienu mistennija skond il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kienu barra minn hekk diġà ġew indikata fir-rapport fuq l-implementazzjoni ta’ dan il-pjan li kien intbagħat lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Mejju 1999 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), fejn dawn l-awtoritajiet kienu spjegaw li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-1998, ir-riżultati reali li kienu jirriżultaw mill-kontijiet ivverifikati minn awditur tas-sena finanzjarja 1997 kienu “għar mill-estimi l-aktar pessimmistiċi li kienu saru lejn it-tmiem ta’ Frar 1998, meta l-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-pjan azjendali ġew elaborati”. Fl-aħħar nett, mill-minuti ta’ dik il-laqgħa miżmuma mill-Kummissjoni jirriżulta li, matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2002 mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, il-konsulenti legali tal-Gvern Grieg ikkonfermaw mill-ġdid li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ma kienx għadu attwali b’effett mill-1999 minħabba d-differenzi kunsiderevoli li kienu rriżultaw fl-ewwel sena tal-pjan.

98

Fid-dawl tal-firxa ta’ emendi li ż-żewġ partijiet kienu jqisu bħala neċessarji, l-eżiġenzi msemmija iktar ’il fuq (ara punti 91 u 93 iktar ’il fuq) li jirrigwardaw il-preżentazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat, matul il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat sabiex dan jiġi eżaminat fil-fond mill-Kummissjoni, ma setgħux jiġu modifikati minħabba s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ħeġġet — kif hija stess osservat — sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat. Il-Kummissjoni, effettivament, ħeġġet sabiex dan il-pjan jiġi emendat, għall-ewwel taħt l-amministrazzjoni ta’ Speedwing, kif jirriżulta b’mod partikolari kemm mill-ittri tagħha tas-27 ta’ Lulju 1999 u tat-23 ta’ Awwissu 1999 kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 29), u iktar tard wara l-abbandun tal-pjan Speedwing, kif jindikaw, per eżempju, l-ittra tagħha tad-29 ta’ Marzu 2000, l-ittra tal-Membru tal-Kummissjoni inkarigat mit-trasport, is-Sinjura Loyola de Palacio, tal-5 ta’ Lulju 2001, u l-fatt li din ta’ l-aħħar esprimiet, matul il-laqgħat li kellha fit-2 u tat-3 ta’ Ottubru 2002 ma’ M. Verelis, il-Ministru Grieg inkarigat mit-trasport u l-komunikazzjoni, id-dubji li l-Kummissjoni kellha fuq il-vijabbiltà ta’ OA u l-urġenza li jkun hemm pjan ġdid ta’ ristrutturazzjoni qabel l-iskadenza tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni attwalment fis-seħħ, kif jirriżulta mill-anness II tal-minuti tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2002.

99

Barra minn dan, mill-fajl jirrizulta li, f’diversi okkażjonijiet, u b’mod partikolari fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Awwissu 1999, imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, filwaqt li ddikjarat li kienet favur li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat, insistiet fuq il-fatt li hija kellha teżamina fid-dettall il-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat il-ġdid qabel ma tadotta d-deċiżjoni finali tagħha fuq il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna. Għall-ewwel, il-Kummissjoni kienet b’mod partikolari enfasizzat li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kellhom jagħtu prijorita għad-definizzjoni ta’ l-estimi finanzja emendati li jkopru t-terminu kollu tal-pjan (ara l-ittra li l-Kummissjoni bagħtet fit-12 ta’ Mejju 1999 lill-awtoritajiet Griegi).

100

F’dan il-kuntet, l-eżistenza ta’ qbil bejn l-awtoritajiet Griegi u l-Kummissjoni, matul il-proċess amministrattiv, fuq il-ħtieġa li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi attwalizzat, ma tippermettix, fiha nfisha, li jiġi kkunsidrat li pjan ġdid emendat li jissodisfa l-eżiġenzi msemmija iktar ’il fuq (ara l-punti 91 u 93) kien ġie ppreżentat lill-Kummissjoni sabiex din tapprovah.

— L-eżami ta’ l-argument li jirrigwarda n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna

101

F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna, mill-fajl jirriżulta b’mod ċar li dan kien immotivat min-nuqqas ta’ twettieq tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ l-1998 (Artikolu 1(2)) tissuġġetta l-ħlas ta’ din il-parti, li tammonta għal EUR 22,9 miljun, għar-rispett tal-kundizzjonijiet kollha imposti minn din id-deċiżjoni sabiex jiġu assigurati l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni u l-implementazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, u kif ukoll li r-riżultati mistennija jintlaħqu (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-proporzjonijiet ta’ spejjeż u ta’ produttività). Wara li fis-7 ta’ Mejju 1999 l-awtoritajiet Griegi bagħtu r-rapport, diġà ċċitat, previst mill-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni ta’ l-1998 qabel il-ħlas ta’ l-aħħar parti, il-Kummissjoni kienet indikat lill-awtoritajiet Griegi, b’mod partikolari permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 1999, imsemmija iktar ’il fuq, li mill-analiżi tan-nuqqasijiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, esposti fir-rapport ta’ Deloitte & Touch tal-21 ta’ Lulju 1999 (ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq), jirriżulta li hija ma setgħetx tadotta deċiżjoni favorevoli fir-rigward tal-ħlas ta’ l-aħħar parti. Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà osservat (ara l-punt 98 iktar ’il fuq), f’din l-ittra l-Kummissjoni kienet stiednet lill-Gvern Grieg sabbiex iressaq quddiema pjan attwallizzat għar-ristrutturazzjoni ta’ OA, sabiex teżamina jekk dan jiġġustifikax il-ħlas ta’ kapital li jammonta għal EUR 22,9 miljun. Fl-ittra tat-18 ta’ Novembru 1999, li permezz tagħha l-Kummissjoni ġiet innotifikata bil-pjan Speedwing (ara punt 13 iktar ’il fuq), il-Gvern Grieg kien talab lill-din l-istituzzjoni sabiex, wara l-istħarriġ tagħha tal-pjan emendat, tawtorrizzah iħallas l-aħħar parti ta’l-għajnuna. Madankollu, permezz ta’ l-ittra tas-17 ta’ Diċembru 1999, huwa stieden lil din l-istituzzjoni sabiex tittardja l-adozzjoni tad-deċiżjoni fir-rigward tal-ħlas ta’ l-aħħar parti, sabiex l-awtoritajiet Griegi jkunu jistgħu jevalwaw l-effett eventwali tal-proċedura intiża sabiex tippermetti investiment privat f’OA, li kienet ser tinbeda, u sabiex jiżviluppaw l-aħjar pjan possibbli sabiex tiġi assigurata l-vijabbiltà ta’ OA. Fil-fatt, il-kuntratt konkluż ma Speedwing kien jipprevedi favur British Airways għażla ta’ xiri, qabel Lulju 2000, ta’ ishma ta’ OA li jammontaw għal 20 % tal-kapital ta’ din ta’ l-aħħar. F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna huwa ħafna inqas iġġustifikat mill-fatt li l-Gvern Grieg u l-Kummissjoni kienu kkunsidraw li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kien ġie emendat, iktar milli mill-fatt li l-pjan Speedwing ġie definittivament abbandunat wara li l-Kummissjoni, permezz ta’ l-ittra ta’ l-20 ta’ Marzu 2000, bagħtet lill-awtoritajiet Griegi r-rapport sfavorevoli finali elaborat minn Deloitte & Touche f’Marzu 2000 (ara punt 14 iktar ’il fuq).

102

Żviluppi ulterjuri tal-kwistjoni lanqas ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna huwa xhieda tal-fatt li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kien ġie emendat. Peress li British Airways ma kinitx ippreżentat offerta sabiex tixtri l-ishma qabel Lulju 2000, il-Gvern Grieg informa lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Awwissu 2000, li jiftaħ proċedura internazzjonali ta’ sejħa għall-offerti sabiex jinstab investitur strateġiku. F’din l-ittra, huwa reġa’ għamel it-talba tiegħu sabiex il-Kummissjoni ddewwem l-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq l-awtorizzazzjoni ta’ l-aħħar parti, sakemm OA “tkun għadha ma evalwatx ir-riżultati ta’ dan it-tentattiv” ta’ privatizzazzjoni. Dawn l-elementi juru biss li l-Kummissjoni kienet ġiet infurmata bill-proġett ta’ privatizzazzjoni ta’ sehem prinċipali ta’ OA li kienet intiża sabiex l-għanijiet tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni jintlaħqu b’aktar faċilità (ara punt 106 iktar ’il quddiem). Konsegwentement, għalkemm, fir-risposti tagħhom tal-11 ta’ april 2002 (punt 1.9), l-awtoritajiet Griegi kienu indikaw li l-“iffriżar” ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna kien ir-riżultat ta’ l-attitudni tagħhom li jilħqu ftehim mal-Kummissjoni, dan l-“iffriżar” ma jistax jiġi interpretat, fil-kuntest espost iktar ’il fuq, bħala r-riżultat ta’ preżentazzjoni ta’ talba sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jiġi emendat flimkien ma pjan emendat skond id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida. Dan l-iffriżar huwa esklużivament ir-risultat ta’ l-implementazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni ta’ l-1998 (ara punt 101 iktar ’il fuq).

103

Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna ma jistax jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ġie emendat jew li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni talba sabiex dan il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat flimkien ma pjan emendat, wara l-abbandun tal-pjan Speedwing.

104

Konsegwentement, minkejja n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 baqa’ kompletament validu u baqa jorbot bis-sħieħ lir-rikorrenti, skond id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida (ara punt 89 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tindika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx ser taċċetta l-allegat emendar ta’ dan il-pjan u dan irriżulta fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna. Barra minn dan, hija ma kellhiex l-obbligu, meta hija stħarrġet, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rispett tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 u ddeċidiet fuq l-irkupru ta’ l-għajnuna diġà mħallsa li hija kienet tikkunsidra bħala inkompatibbli mas-suq komuni, li tieħu in kunsiderazzjoni l-allegat emendar imsemmi iktar ’il fuq u n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna, peress li hija ma kienet irċeviet l-ebda notifika uffiċjali ta’ xi emenda għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Minn dan jirriżulta li l-motivi sussidjarji invokati mir-rikorrenti fir-rigward ta’ l-argument li jirrigwarda n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti, li huma bbażati fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali u tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

— L-eżami ta’ l-argument li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000

105

Bl-istess mod, ir-referenza — fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni kontra emenda tad-deċiżjoni ta’ l-1998 — għall-karattru tranżitorju ta’ l-amministrazzjoni ta’ OA, fl-istennija tal-privatizzazzjoni ta’ OA fil-bidu tas-sena 2001, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li t-tieni pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, li jinkludi l-privatizzazzjoni ta’ OA, kien ġie ppreżentat lill-Kummissjoni wara l-abbandun tal-pjan Speedwing. Fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, ir-referenza msemmija hawn fuq tikkostitwixxi biss wieħed mill-motivi tad-deċiżjoni tal-kummissjoni li ttawwal it-terminu għall-użu tal-garanziji għal self il-ġodda approvati fid-deċiżjoni ta’ l-1998 (ara punti 16 u 17 iktar ’il fuq). Bil-kontra ta’ dak li allegat ir-rikorrenti matul is-seduta, fid-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, kienet biss l-emenda minuri kkostitwita mit-titwil ta’ l-imsemmi terminu għall-użu tal-garanziji għal self il-ġodda li ġiet ikkunsidrata bħala li ma tqajjem l-ebda dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, skond il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 92 iktar ’il fuq.

106

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, invokata mir-rikorrenti, ma tistax tiġi interpretata bħala li tinkludi indizju tal-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tat-tieni pjan emendat li jinkludi l-proċess ta’ privatizzazzjoni, u ta’ l-approvazzjoni ta’ dan il-pjan.

— L-eżami tal-korrispondenza li għaddiet bejn l-awtoritajiet Griegi u l-Kummissjoni u fuq ir-rapporti mibgħuta lill-din l-istituzzjoni

107

Għandu preliminarjament jiġi mfakkar li la l-informazzjoni regolari tal-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni tal-proġett ta’ privatizzazzjoni ta’ sehem prinċipali ta’ OA, b’mod partikolari fuq l-iżvilupp taż-żewġ proċessi ta’ privatizzazzjoni suċċessivi mibdija, rispettivament, fil-bidu tas-sajf ta’ l-2000 u fi Frar ta’ l-2002, u lanqas il-laqgħat f’dan ir-rigward miżmuma bejn il-konsulenti tal-Gvern Grieg u d-dipartimenti tal-Kummissjoni ma setgħu jeżentaw lill-awtoritajiet Griegi milli jissottomettu għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, flimkien ma l-indikazzjonijiet meħtieġa, kull emenda sinjifikattiva għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998.

108

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-korrispondenza u d-diversi rapporti invokati mir-rikorrenti jippermettux li jiġi kkunsidrat li talba sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat flimkien ma pjan emendat kienu ġew ippreżentati quddiem il-Kummissjoni skond l-eżiġenzi tal-linji gwida, kemm jekk fir-rigward ta’ l-ewwel u kif ukoll jekk fir-rigward tat-tieni proċess ta’ privatizzazzjoni.

109

F’dak li jirrigwarda l-ewwel proċess ta’ privatizzazzjoni, wara l-adozzjoni, f’Settembru 2000, tad-deċiżjoni meħtieġa sabiex issir privatizzazzjoni ta’ sehem prinċipali ta’ OA, f’Diċembru 2000 tnediet is-sejħa għall-offerti u dan skond l-indikazzjonijiet ipprovduti fir-risposti ta’ l-awtoritajiet Griegi tal-11 ta’ April 2002 għall-ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2002 (punti 2.7.4 u 2.19.2). Il-Ministru Grieg inkarigat mit-trasport u l-komunikazzjoni enfasizza, f’ittra li bagħat lis-Sinjura Loyola de Palacio fis-6 ta’ Settembru 2002, li, skond il-kummenti miġbura mill-Crédit Suisse First Boston mingħand investituri privati, kellu jkun hemm interess biss fil-każ ta’ ċessjoni ta’ sehem prinċipali u bil-kundizzjoni li l-parametri finanzjarji ta’ OA jkunu “ċari”. F’dak li jirrigwarda l-memorandun ta’ Crédit Suisse First Boston tal l-20 ta’ Diċembru 2000, mibgħut lill-Kummissjoni, dan kien intiż sabiex jgħin numru definit ta’ kumpanniji, li kienu wrew l-interess tagħhom fir-rigward tax-xiri ta’ OA, jiddeċiedu jekk jagħmlux jew le investigazzjoni addizzjonali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ din il-Kumpannija. Dan il-memorandum kien b’mod partikolari jinkludi r-rapport elaborat minn PriceWaterhouseCoopers (ara punt 15 iktar ’il fuq). Il-kwistjoni ta’ l-adattazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, sabiex tinkiseb lura l-vijabbiltà ta’ OA, madankollu ma ġietx ikkunsidrata la f’dan il-memorandum u lanqas fil-korrispondenza u r-risposti msemmijin iktar ’il fuq.

110

Dan jogħodd ukoll fir-rigward ta’ l-ittra li l-awtoritajiet Griegi bagħtu lill-Kummissjoni, fis-16 ta’ Mejju 2001, b’risposta għall-ittra ta’ din l-istituzzjoni tal-25 ta’ April 2001. F’din l-aħħar ittra, li kienet tirreferi għad-diskussjonijiet preliminari li kienu seħħu b’effett minn Diċembru 2002 bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-konsulenti tal-Gvern Grieg fir-rigward tal-proġett ta’ privatizzazzjoni ta’ OA, il-Kummissjoni kienet, minn naħa, esprimiet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti mal-pożizzjoni tagħha, fuq il-privattizzazzjonijiet, esposta fir-Rapport XXIII tagħha fuq il-politika tal-kompetizzjoni, ta’ l-1993 (punti 402 u 403). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni f’din l-istess ittra kienet fakkret li r-rispett tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-ksib lura tal-vijabbiltà ta’ OA kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet essenzjali fid-dawl tad-deċiżjonijiet ta’ l-1994 u ta’ l-1998.

111

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, l-awtoritajiet Griegi limitaw ruħhom, fir-risposti tagħhom tas-16 ta’ Mejju 2001, li jirreferu għall-osservazzjonijiet li huma kienu għamlu fid-19 ta’ Frar 2001 fir-rigward ta’ l-ilment tal-HACA (ara punt 18 iktar ’il fuq), mingħajr ma semmew eventwali adattazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-proċess ta’ privatizzazzjoni, huma kienu sempliċement informaw lill-Kummissjoni li kienu ġew ippreżentati tliet offerti sat-terminu ffissat, u ħabbru li l-operazzjoni kellha tiġi nnotifikata lilha wara konsultazzjonijiet informali mad-dipartimenti tagħha. Għalhekk, minn dan il-bdil ta’ korrispondenza tal-25 ta’ April u tas-16 ta’ Mejju 2001 jirriżulta li, f’dan l-istadju, ma kienet ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni l-ebda talba sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni jiġi emendat.

112

Permezz ta’ l-ittra ta’ l-1 ta’ Frar 2002, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni bid-diskussjonijiet li kienu għaddejjin ma waħda mill-partijiet li wriet interess. Barra minn dan, huma informaw lill din l-istituzzjoni dwar miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż ta’ l-operat, ta’ razzjonalizzazzjoni tan-netwerk ta’ OA, u ta’ titjib tar-rendiment permezz tat-tneħħija ta’ tariffi mnaqqsa u l-applikazzjoni ta’ metodi ta’ amministrazzjoni għar-rendiment. Dawn il-miżuri addizzjonali, adottati sabiex jagħmlu tajjeb għall-kriżi fis-suq tat-trasport bl-ajru wara l-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001 u li kienu kompletament kompatibbli mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, madankollu ma kinux akkompanjati minn talba sabiex dan il-pjan jiġi emendat.

113

Minn dan jirriżulta li la l-ittri u d-dokumenti invokati mir-rikorrenti u lanqas l-elementi l-oħra tal-fajl ma jwasslu għal-konklużjoni li, matul l-ewwel proċess ta’ privatizzazzjoni, interrott fi Frar 2002 minħabba li l-applikant privileġjat naqas milli jipprova l-istabbiltà finanzjarja tiegħu, kienet ġiet ippreżentata talba, anke impliċita, lill-Kummissjoni sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat.

114

F’dak li jirrigwarda t-tieni proċess ta’ privatizzazzjoni, il-Gvern Grieg informa lill-Kummissjoni, permezz ta’ l-ittra tal-Ministru inkarigat mit-trasport u l-komunikazzjoni tat-22 ta’ Frar 2002, li l-proċess ta’ privatizzazzjoni kien dieħel f’fażi ġdida li matula kellu jiġi implementat pjan ta’ riorganizzazzjoni ta’ OA sabiex, wara ftit xhur, jiġi ppreżentat trasportatur bl-ajru ġdid vijabbli. L-assi u l-kumpanniji sussidjarji kollha ta’ OA kellhom jiġu mibjugħa f’terminu ta’ bejn wieħed u ieħor sentejn. Il-pjan dettaljat ta’ privatizzazzjoni kif ukoll il-pjan azjendali ddettaljat tat-trasportatur bl-ajru l-ġdid kellhom jiġu ppreżentati fi żmien ftit ġimgħat lill-Kummissjoni.

115

Mid-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Griegi jirriżulta b’mod ċar li t-tieni proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ OA kien intiż sabiex jiffaċilita t-twettieq ta’ l-għan prinċipali definit fid-deċiżjoni ta’ l-1998, jiġifieri dak li tinkiseb lura l-vijabbiltà ta’ din il-kumpannija. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi evalwat jekk dawn jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirreferu, minn ta’ l-anqas impliċitament, għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat.

116

Fir-risposti tagħhom tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2002, l-awtoritajiet Griegi osservaw li, b’effett mis-sajf ta’ l-2000, l-isforz ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA kien jinkludi żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, il-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ sehem prinċipali ta’ OA bis-saħħa ta’ liema r-ristrutturazzjoni fit-tul kellha titwettaq u, min-naħa l-oħra u fl-istess ħin, ir-razzjonalizzazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ OA (b’mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-kapaċità u ta’ l-ispejjeż) b’tali mod li l-proċess ta’ privatizzazzjoni fis-seħħ ma jiġix ippreġudikat (punti 2.7.5, 2.3.13 u 2.7.1). Huma spjegaw li, peress li l-implementazzjoni tar-ristrutturazzjoni ta’ OA kienet ġiet ittardjata minħabba diversi fatturi interni u esterni, l-użu tal-privatizzazzjoni kien intiż sabiex iħaffef l-isforz ta’ ristrutturazzjoni (punt 1.6). Huma indikaw li l-għanijiet tal-privatizzazzjoni huma, b’mod partikolari, is-segwenti: il-kumpannija New Olympic Airways (NOA) kellha teżerċita biss attivitajiet ta’ titjiriet; l-ajruport internazzjonali ta’ Ateni fi Spata kellu jkun il-“hub” prinċipali, NOA kellu jkollha l-istabbiltà finanzjarja u l-mezzi neċessarji sabiex tassigura l-vijabbiltà fit-tul tagħha; l-espożizzjoni tar-Repubblika Griega u tal-grupp OA għar-riskji u għad-djun li jibqgħu ta’ OA wara r-ristrutturazzjoni kellhom jiġu minimizzati u, fl-aħħar nett, id-dħul mill-bejgħ kellu jiġi massimizzat (punt 2.19.8).

117

F’dawn ir-risposti tal-11 ta’ April 2002, l-awtoritajiet Griegi b’mod partikolari enfasizzaw li l-privatizzazzjoni ta’ OA ma kinitx fost il-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni, u li din kienet tirrappreżenta garanzija addizzjonali, għall-Kummissjoni, ta’ l-impenn sod tal-Gvern Grieg li jirristruttura l-kumpannija. Huma insistew fuq il-fatt li l-privatizzazzjoni kienet tikkostitwixxi element essenzjali għar-ristrutturazzjoni u l-vijabbiltà fit-tul ta’ OA. L-informazzjoni inizjali fir-rigward ta’ l-ewwel proċess ta’ privatizzazzjoni, interrott fi Frar 2002, kienet ġiet ipprovduta minn M. Verelis lis-Sinjura Loyola de Palacio fis-sajf ta’ l-2000 u kkompletata matul laqgħa li seħħet fl-20 ta’ Ottubru 2000. Wara dan, seħħew ċertu numru ta’ laqgħat bejn il-konsulenti tal-Gvern Grieg inkarigati mill-privatizzazzjoni, il-membri tal-Kabinett tas-Sinjura Loyola de Palacio u d-dipartimenti tal-Kummissjoni, sabiex din l-informazzjoni tiġi aġġornata, speċjalment wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għax-xiri ta’ OA u wara li ntbagħat il-memorandum imsemmi iktar ’il fuq ta’ l-20 ta’ Diċembru 2000 (ara punt 109 iktar ’il fuq), b’tali mod li jiġi assigurat li l-proċedura ta’ privatizzazzjoni tiġi approvata mill-Kummissjoni u, fuq kollox, li l-għanijiet tar-ristrutturazzjoni jintlaħqu (punti 2.19.3 sa 2.19.7).

118

Permezz ta’ l-ittra tas-16 ta’ Lulju 2002, il-Gvern Grieg informa lill-Kummissjoni li l-bejgħ ta’ Olympic Catering kellu jiġi ffinalizzat sa’ l-aħħar ta’ Awwissu 2002. Huwa indika li kien prospettat li l-privatizzazzjoni ta’ OA u tal-friegħi u kumpanniji sussidjarji tagħha kellha titwettaq “sat-tmiem ta’ Ottubru [ta’ wara]”.

119

Fir-risposti tagħhom tat-30 ta’ Settembru 2002 għat-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 2002, l-awtoritajiet Griegi fakkru l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis ta’ spejjeż u ta’ tnaqqis tas-servizzi offruti. Barra minn dan, huma osservaw li t-titjib fis-sitwazzjoni ta’ OA fuq livell finanzjarju u dak operazzjonali li kien hemm fl-2002 juri l-vijabbiltà fit-tul tal-fergħa tal-kumpannija relatata mat-titjiriet, sakemm il-kapital tagħha jiġi msaħħaħ b’mod partikolari permezz tal-proċess ta’ privatizzazzjoni. Huma spjegaw li l-privatizzazzjoni kellha żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li jiġu immedjatament ikkostitwiti assi likwidi permezz tal-bejgħ ta’ ishma tal-kumpannija, ta’ ishma li l-grupp għandu f’kumpanniji oħra u tal-fergħat tal-grupp u, min-naħa l-oħra, l-immissjoni ta’ kapital privat fil-kumpannija. Rapport fuq ir-riżultati tan-negozjati mal-kandidati għall-investiment kellu jiġi ppreżentat qabel it-tmiem ta’ Ottubru 2002. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li fil-każ ta’ stall ta’ dan it-tentattiv, l-attivitajiet relatati mat-titjiriet kellhom jiġu separati mill-grupp u fdati f’idejn NOA, kumpannija sussidjarja ta’ OA. Huma indikaw li l-għażla ta’ din is-soluzzjoni tispjega ruħha bil-fatt li s-sitwazzjoni f’saħħita ta’ NOA kienet tagħtiha l-possibbiltà li tissellef u peress li l-kuntratti l-ġodda tax-xogħol tal-persunal relatat mat titjiriet ta’ NOA kienu konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Huma indikaw li l-pjan finanzjarju ta’ NOA kien jipprevedi self bankarju fejn l-ishma tal-kumpannija kellhom iservu bħala garanzija. Fi ftit kliem, NOA kellha l-karatteristiċi segwenti: netwerk ristrutturat u vijabbli mingħajr rotot strutturali li jikkawżaw telf, flotta omoġenea u iktar moderna, adatta għan-netwerk strutturali, ftehim kollettivi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet tas-suq.

120

Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat (ara punt 97 iktar ’il fuq), mill-minuti tal-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2002 jirriżulta li l-konsulenti finanzjarji tal-Gvern Grieg iddikjaraw li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ma kienx għadu attwali b’effett mill-1999, u li kellha ssir referenza għaċ-ċifri reali u attwali sabiex tiġi evalwata l-vijabbiltà ta’ OA. Madankollu ma tissemma’ l-ebda talba konkreta sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat, flimkien mal-preżentazzjoni ta’ pjan emendat li jieħu in kunsiderazzjoni l-proċess ta’ privatizzazzjoni li kien fis-seħħ.

121

Id-dokumenti msemmijin u analizzati iktar ’il fuq juru biss li l-Kummissjoni kienet ġiet informata pass b’pass dwar il-progress tal-proċess ta’ privatizzazzjoni. Minn dawn id-dokumenti b’mod partikolari jirriżulta li din il-proċedura ta’ privatizzazzjoni tnediet mill-awtoritajiet Griegi bħala miżura addizzjonali għall-implementazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni — b’mod partikolari t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż u t-tnaqqis fis-servizzi offruti — li kienu jaqgħu fil-kuntest tal-miżuri diġà previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Fil-fatt, mid-deċiżjoni ta’ l-1998 jirriżulta li dan il-pjan kien speċifikament intiż għall-ksib lura tal-vijabbiltà ta’ OA permezz tat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż ta’ l-operat permezz tar-riorganizzazzjoni ta’ l-istruttura ta’ l-ispejjeż, permezz tat-titjib fir-rendiment u permezz tar-riorganizzazzjoni tal-kumpannija. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, b’effett mill-1999, kien irriżulta li dan il-pjan ma kienx adegwat sabiex jassigura l-vijabbiltà ta’ OA, minħabba, b’ mod partikolari, id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija. F’dan il-kuntest, kif jikkonfermaw b’mod partikolari r-risposti tat-30 ta’ Settembru 2002 għat-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, ir-riorganizzazjoni u l-privatizzazzjoni ta’ OA kienet intiża b’mod partikolari sabiex, minn naħa, jiġu immedjatament ikkostitwiti assi likwidi addizzjonali permezz tal-bejgħ individwali u separat ta’ l-assi mhux essenzjali u ta’ l-attivitajiet anċillari, b’tali mod li jkun jista’ jiġi assorbit id-dejn ta’ OA u, min-naħa l-oħra, sabiex jinġabru flimkien u jkun hemm pprivatizzati ta’ sehem prinċipali ta’ l-attivitajiet relatati mat-titjiriet li sa dak inhar kienu jitwettqu minn OA u l-kumpanniji sussidjarji tagħha Macedonian Airlines u Olympic Aviation, sabiex ir-rikostituzzjoni tal-fondi proprji tkun possibbli bis-saħħa ta’ immissjoni ta’ kapital fil-kumpannija ta’ l-ajru privata futura.

122

Fid-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Griegi madankollu baqgħu lura milli jipproponu b’mod ċar u preċiż adattazzjoni konkreta tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Huma, bil-kontra ta’ dan, limitaw ruħhom li jissuġġerixxu lill-Kummissjoni li twarrab il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, billi b’mod partikolari enfasizzaw il-fatt li l-privatizzazzjoni ta’ OA — fir-rigward ta’ liema huma kellhom jissottomettu l-modalitajiet tagħha għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni (ara punti 110, 111, 114 u 117 iktar ’il fuq) — kienet tikkonferma l-impenn sood tar-Repubblika Griega li tirristruttura l-kumpannija (ara punti 117 u 120 iktar ’il fuq). Iżda kif diġà ġie indikat, peress li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 kien speċifikament vinkolanti fuq l-impriża benefiċjarja, l-Istat Membru kkonċernat seta’ jikseb l-emendar tiegħu biss billi jippreżenta pjan emendat għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni (ara punti 89 sa 93 iktar ’il fuq).

123

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ rapporti ta’ Deloitte & Touche, mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi lill-Kummissjoni f’Novembru 2002, lanqas ma kienu jinkludu elementi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala talba sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat flimkien ma pjan emendat.

124

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li r-rapport ta’ Deloitte & Touche intitolat “Report on the Limited Review of Olympic Airways Performance as compared to its 2002 Financial Plan (July 2002)”, li ntbagħat lill-Kummissjoni bħala anness għall-ittra tat-13 ta’ Novembru 2002, ikkonferma li relattivament, meta mqabbel mas-snin finanzjarji preċedenti, kien hemm titjib fir-riżultati ta’ l-operat ta’ OA fl-2002, madankollu dan ir-rapport ma jinkludi l-ebda talba sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi attwalizzat, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-indikaturi finanzjarji u t-tul ta’ żmien tar-ristrutturazzjoni previsti, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni dan it-titjib u l-effett tal-privatizzazzjoni fis-seħħ. Dan ir-rapport kien espliċitament jindika li kellu bħala suġġett biss l-eżami limitat tar-riżultati prospettati ta’ l-operat ta’ OA, bl-eċċezzjoni ta’ Olympic Aviation u ta’ Macedonian Airlines, għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Awwissu 2002, u bl-għan ewlieni li jgħin lid-diretturi ta’ OA fl-evalwazzjoni tagħhom tal-kriterji raġjonevoli ta’ l-estimi finanzjarji għall-2002. F’dan ir-rapport kien indikat li l-pjan finanzjarju ta’ OA għall-2002 kien jiġbor fi ftit kliem l-effetti ta’ diversi tibdiliet fl-organizzazzjoni, fl-operat u kummerċjali li kienu intiżi — fost fatturi oħrajn — sabiex jikkontrollaw il-kapaċitajiet, iżidu l-prezz u, jekk possibbli, jikkontrollaw l-ispejjeż (punt 2.1). F’dan ir-rapport, il-proċess ta’ privatizzazzjoni li kien tnieda fl-2002 kien imsemmi biss fil-kuntest ta’ l-espożizzjoni tal-kuntest (“background”) li fih kien ġie żvilluppat il-pjan finanzjarju għall-2002. F’dan ir-rigward ir-rapport kien jindika li kien mistenni li l-miżuri previsti ta’ bejgħ ta’ assi mhux essenzjali u ta’ ristrutturazzjoni/privatizzazzjoni ta’ l-operazzjonijiet relatati mat-titjiriet, flmkien ma, b’mod parallelament, it-tkomplija ta’ l-istrateġija ta’ tnaqqis tal-kapaċitajiet u ta’ l-ispejjeż u titjib fid-dħul u r-rendiment, kellhom jipproduċu, fl-2002, riżultati finanzjarji iktar favorevoli minn dawk tas-snin preċedenti. Ir-rapport ma kien jinkludi l-ebda estimi f’dak li jirrigwarda r-riżultati ta’ OA matul is-snin finanzjarji 2003 u 2004, li matulhom kellha sseħħ il-privatizzazzjoni tal-grupp OA.

125

Fir-rapport ta’ Deloitte & Touche intitolat “Restructuring and Privatization (November 5th, 2002)”, mibgħut lill-Kummissjoni bħala anness ma l-ittra tal-21 ta’ Novembru 2002, l-awtoritajiet Griegi limitaw ruħhom li jiżviluppaw ċerta informazzjoni pprovduta preċedentement lil din l-istituzzjoni fuq it-tieni proċess ta’ privatizzazzjoni. Dan ir-rapport, li la kien jirreferi għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 u lanqas għas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA, kien jinkludi riassunt sommarju ta’ l-estimi prospettati tal-kumpannija ta’ l-ajru futura NOA, kif ukoll l-estimi għas-snin finanzjarji 2003, 2004 u 2005. Madankollu dan ir-rapport ma ntbagħatx flimkien ma pjan azjendali konkret għal din il-kumpannija l-ġdida, kif kien ġie indikat fl-ittra tat-22 ta’ Frar 2002 (ara punt 114 iktar ’il fuq). Dan ir-rapport kien sempliċement jindika li l-għan tal-privatizzazjoni mnedija kien li tinħoloq kumpannija ta’ l-ajru privata fuq il-bażi tal-grupp OA attwali, matul is-sena 2003. Dan il-metodu l-ġdid kien jikkonsisti fir-ristrutturar tal-grupp OA b’tali mod li jinġabru flimkien l-attivitajiet kollha relatati mat-titjiriet u li kull waħda minnhom tiġi separata mill-attivitajiet l-oħra. It-tfittxija għal kapital privat kellha ssir separatament għad-diversi attivitajiet. NOA kellha tkun kumpannija ta’ l-ajru vijabbli li ma jkollhiex il-piżijiet tal-problemi finanzjarji tal-passat. L-investitur privat tas-sehem prinċipali kellu jimmetti kapital privat ġdid u jassigura l-amministrazzjoni ta’ NOA. Ir-rapport kien b’mod partikolari jipprovdi għax-xiri mingħand il-grupp OA, bil-prezz tas-suq, ta’ l-assi kollha meħtieġa għall-kumpannija ta’ l-ajru l-ġdida (ajruplani, trade marks, relazzjonijiet kummerċjali, faxxex oraji allokati fl-ajruporti Komunitarji, immobbli), u l-impjieg minn NOA tal-persunal tal-grupp OA abbażi tal-kuntratti l-ġodda tax-xogħol kompetittivi. Il-kumpannija sussidjarja Macedonian Airline kellha sservi bħala bażi għal NOA. Il-kumpannija ta’ l-ajru l-ġdida kellha topera fuq netwerk inqas mifrux u intrinsikament vijabbli. Ir-rapport kien jinkludi indikazzjonijiet fuq il-linji ta’ l-ajru li kellhom jitneħħew mis-servizz, in-numru ta’ ajruplani u t-tnaqqis ta’ personal prospettati. Il-proċess ta’ privatizzazzjoni nnifsu kellu jiżvolġi ruħu f’żewġ fażijiet: il-fażi A, li kienet diġà nbdiet, li tiġi rrealizzata permezz ta’ l-għażla ta’ investitur privat, u l-fażi B li tkun tikkonsisti fin-negozzjati ma dan l-investitur. NOA kellha tibda topera (“take off”) qabel ix-xitwa ta’ l-2003. F’dak li jirrigwarda dawk l-attivitajiet li mhumiex relatati mat-titjiret, il-privatizzazzjoni separata tad-diversi kumpanniji sussidjarji kellha titwettaq sa’ Ġunju 2003, u dik tal-friegħi sa Ġunju 2004.

126

Mill-eżami tal-kontenut ta’ dan ir-rapport għalhekk jirriżulta li dan ma jistax jiġi interpretat bħala li impliċitament jinkludi talba konkreta sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat, sabiex jieħu in kunsiderazzjoni r-riorganizzazzjoni u l-privatizzazjoni tal-grupp OA. Fil-fatt, għalkemm din ir-riorganizzazzjoni u din il-privatizzazzjoni, intiżi preċiżament sabiex jiffaċilitaw ir-ristrutturazzjoni u l-ksib lura, f’terminu raġjonevoli, tal-vijabbiltà fit-tul ta’ OA, neċessarjament jimplikaw li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 għandu jiġi emendat, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet Griegi kellhom jipproponu b’mod ċar u preċiż l-emendi konkreti mixtieqa, f’dak li jirrigwarda mhux biss il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni addizjonali intiżi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-kapaċitajiet, iżda wkoll l-estimi finanzjarji għall-perijodu kopert mill-pjan emendat. Ma tirriżulta l-ebda evalwazzjoni provviżorja, la fir-rapport imsemmi iktar ’il fuq u lanqas fid-dokumenti l-oħra tal-fajl, ta’ l-effetti mistennija tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni addizzjonali u tal-privatizzazzjoni fuq l-indikaturi finanzjarji ta’ OA previsti fid-deċiżjoni ta’ l-1998 u, b’mod partikolari, fuq il-vijabbiltà finanzjarja fit-tul ta’ OA u, b’mod iktar partikolari, fuq il-kapaċità tagħha li tassorbi d-dejn tagħha u li ssir finanzjament indipendenti (ara punt 121 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, ir-rapport imsemmi iktar ’il fuq jinkludi biss, essenzjalment, nota dwar il-bejgħ ta’ Olympic Catering għas-somma ta’ EUR 16-il miljun u skeda provviżorja għall-bejgħ tal-kumpanniji sussidjarji u l-friegħi l-oħra tal-grupp, li kellu jitwettaq f’żewġ fażijiet fejn it-tieni waħda kellha tiġi fi tmiema f’Ġunju 2004.

127

Minn dan isegwi li r-rapport tal-5 ta’ Novembru 2002 fuq ir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni ta’ OA, kkompletat permezz ta’ elementi oħra ta’ informazzjoni pprovduti lill-kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li impliċitament jinkludu pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat. Fil-fatt, f’dawn id-dokumenti kollha, l-aċċent jitpoġġa fuq il-vijabbiltà tal-kumpannija ta’ l-ajru l-ġdida prospettata, NOA, li tkun ħielsa minn kull dejn, u ma tiġi pprovduta l-ebda indikazzjoni konkreta u preċiża fir-rigward tal-miżuri partikolari intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għall-problemi speċifiċi ta’ OA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 88).

128

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi fuq il-proċess ta’ privatizzazzjoni nnifsu, ir-rapport imsemmi iktar ’il fuq lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jinkludi talba għall-approvazzjoni ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni ddettaljat, li n-notifika tiegħu kienet ukoll ġiet imħabbra lill-kummissjoni permezz ta’ l-ittra tat-22 ta’ Frar 2002 (ara punti 114 u 122 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li tfakkar li l-istħarriġ tal-modalitajiet tal-privatizzazzjoni ta’ OA hija differenti mill-istħarriġ ta’ l-implementazzjoni ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-informazzjoni li tikkonċerna biss il-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ OA li tinsab fir-rapport, imsemmi iktar ’il fuq, fuq ir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni ta’ din il-kumpannija, lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tinkludi talba konkreta sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat u b’dan il-mod jiġi estiż il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni b’tali mod li jiġu inklużi l-konsegwenzi prospettati tar-riorganizzazzjoni u tal-privattizzazzjoni ta’ OA, sabiex tinkiseb lura l-vijabbiltà fit-tul tal-kumpannija, peress li anke l-modalitajiet tal-privatizzazzjoni nfushom kienu għadhom ma ġewx definiti b’mod ċar.

129

F’dan il-kuntest, l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni permezz ta’ l-ittra tat-2 ta’ Diċembru 2002, li kienet tgħid li s-sitt kandidati li kienu taw prova ta’ l-istabbiltà finanzjarja tagħhom kienu esprimew l-interess tagħhom sabiex jixtru l-OA, u li fil-jiem segwenti kellu jintgħażel kandidat, b’tali mogħod li n-negozjati jiġu konklużi fi żmien qasir ħafna, lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tammonta għal talba impliċita sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat.

130

Għall dawn ir-raġunijiet kollha, l-ittri, l-informazzjoni u d-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li impliċitament jinkludu talba sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi attwalizzat flimkien ma pjan emendat, skond id-dipożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tat-Trattat u tal-linji gwida (ara punti 90 u 91 iktar ’il fuq).

131

Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, fid-deċiżjoni kkuntestata (premessa 173), li l-ebda talba ġdida sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat ma kienet ġiet ippreżentata lilha matul il-proċedura amministrattiva, wara l-abbandun tal-pjan Speedwing, u billi eżaminat il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998.

132

Għandu jingħad ukoll li mill-fajl ma jirriżultax, u barra minn hekk lanqas ir-rikorrenti ma ssostni dan, li l-awtoritajiet Griegi pproponew lill-Kummissjoni, wara li bagħtu r-rapporti ta’ Deloitte & Touche lil din l-istituzzjoni f’Novembru 2002, li fi ftit żmien, sabiex jikkompletaw dawn ir-rapporti, kienu ser jissottomettu quddiema pjan ta’ ristrutturazzjoni attwalizzat.

133

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha billi adottat, fil-11 ta’ Diċembru 2002, id-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni mhux attwalizzat.

134

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-motivi bbażati fuq żball ta’ fatt u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2. Fuq l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

a) L-argumenti tal-partijiet

135

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma eżaminatx kif jixraq jekk l-għajnuna in kwistjoni, approvata fl-1998, setgħetx, abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ), tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

136

Hija tallega li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq il-pjan ta’ ristrutturazzjoni kif dan kien jirriżulta fil-11 ta’ Diċembru 2002, billi tieħu in kunsiderazzjoni l-probabbiltà tal-privatizzazzjoni, il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż u t-titjib tar-riżultati ta’ l-operat fl-2002, f’liema każ kienet tasal għall-konklużjoni li l-għajnuna approvata fl-1998 setgħet terġa’ tiġi approvata mill-ġdid.

137

Ir-rikorrenti ssostni li l-erba’ kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni previsti mil-linji gwida (punt 3.2.2) kienu ssodisfati f’dan il-każ, bil-kontra ta’ dak li kkonkludiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 182 sa 185).

138

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni relatata mal-vijabbiltà, ir-rikorrenti b’mod partikolari tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni (premessi 130 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata), li tgħid li r-riżultati ta’ l-operat ta’ OA baqgħu dgħajjfa. Din l-analiżi tinjora l-evalwazzjoni li saret fir-rapport ta’ Deloitte & Touche, imsemmi iktar ’il fuq, fuq l-eżami limitat ta’ l-operat ta’ OA meta mqabbel mal-pjan finanzjarju tagħha għall-2002. Fil-fatt, skond dan ir-rapport (paġna 16), “b’effett mill-1999, kien hemm titjib kunsiderevoli ta’ l-iżvilupp ta’ l-ebitda [Earnings before Interests, Taxes and Depreciation of Assets, profitti qabel l-interessi, it-taxxi u l-iżvalutar ta’ l-assi], u dan minkejja klima estremament sfavorevoli fis-settur kollu tat-trasport bl-ajru” u “[m]inn dan jirriżulta li r-rendiment ta’ l-operat ta’ OA […] sejjer lejn id-direzzjoni t-tajba”. F’dan ir-rigward, ir-rapport imsemmi iktar ’il fuq jindika (paġna 18) li, skond l-aktar xenarju probabbli għall-2002, OA għandu jkolla telf żgħir fl-operat ta’ EUR 39.1 miljun. Din iċ-ċifra, meta mqabbla mat-telf stmat għall-2001 ta’ EUR 148.75 miljun, tirrappreżenta, skond dan l-istess rapport, trasformazzjoni iktar notevoli jekk wieħed jikkunsidra l-effett ta’ l-EUR 26.5 miljun ta’ spejjeż addizzjonali ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni (AIA). Ir-rikorrenti tosserva li dan it-titjib huwa iktar evidenti jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni d-diversi fatturi li ġabu magħhom tnaqqis fil-qligħ tal-parti l-kbira tat-trasportaturi bl-ajru ewlenin Ewropej għall-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2002. Is-settur kollu kien b’mod paritikolari affaċjat bi tnaqqis tat-talba Ewropea b’effett mill-1998, u fuq kollox wara l-11 ta’ Settembru 2001.

139

Barra minn dan, billi ddeċidiet li l-profitti eċċezzjonali kienu “ta’ darba” (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata), u billi analizzat is-sitwazzjoni tal-kapital ta’ OA fit-totalità tagħha (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata), sabiex tikkonkludi li l-kumpannija kienet soffriet “kollass finanzjarju totali” (premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni injorat il-fatt li OA kienet għaddejja minn proċess ta’ privatizzazzjoni.

140

Il-programm dettaljat u solidu, espost fir-rapport fuq ir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni ta’ OA tal-5 ta’ Novembru 2002, imsemmi iktar ’il fuq, kien ġie implementat. Dan kien jipprevedi li-privatizzazzjoni ta’ sehem prinċipali, miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż u l-bejgħ separat ta’ l-assi mhux essenzjali b’tali mod li, f’terminu raġjonevoli, tinkiseb lura l-vijabbiltà fit-tul ta’ OA, kif jeżiġu l-linji gwida. Il-parti l-kbira ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-ajru kellhom jinbiegħu f’darba, fejn l-investitur privat kellu jipprovdi immissjoni sostanzjali ta’ kapital. Dawn kellhom ikunu vijabbli sa mill-bidu, kif juru l-bilanċ u r-rendikont tat-telf u tal-qliegħ fir-rapport imsemmi iktar ’il fuq. Il-privatizzazzjoni kellha tibda bil-bejgħ ta’ 58 % ta’ l-ishma ta’ Olympic Catering u titkompla b’mod partikolari permezz tas-sitt espressjonijiet ta’ interess għax-xiri ta’ sehem prinċipali fl-operazzjonijiet ta’ l-ajru ta’ OA. Skond il-pjan ta’ privatizzazzjoni, id-dejn li OA jkun fadlilha kellu jitħallas mill-ammonti magħmula mill-bejgħ separat tad-diversi attivitajiet anċillari u mil-likwidità. Il-mistoqsija li kellha ssir ma kinitx dik ta’ jekk, fil-forma preżenti tagħha, kinitx impriża vijabbli iżda jekk, fid-dawl tat-titjib fir-riżultati ta’ l-operat ikkonstatat minn Deloitte & Touche u tal-proċess ta’ privatizzazzjoni li kien fis-seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2002, l-impriża, fid-diversi partijiet tagħha, kellhiex tkun vijabbli. B’mod partikolari OA ma sostnietx li ċirkustanzi eċċezzjonali, bħall bejgħ, kienu rilevanti għall-vijabbiltà kontinwata ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-ajru ta’ OA. Dawn iċ-ċirkustanzi kellhom sempliċement jipprovdu lill-OA likwidita addizzjonali sabiex il-grupp ikun jista’ jimplementa l-privatizzazzjoni.

141

Fir-rigward tad-daħliet eċċezzjonali fil-kontabbiltà, il-Kummissjoni f’kull każ wettqet żbalji fl-analiżi tagħha. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li ddikjarat (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata), informazzjoni preċiża fir-rigward ta’ prodotti eċċezzjonali ta’ madwar EUR 112 miljun kienet ġiet ipprovduta lilha fir-rapport, imsemmi iktar ’il fuq, fuq l-eżami limitat ta’ l-operat ta’ OA meta mqabbel mal-pjan finanzjarju tagħha għall-2002 (paġna 73). Barra minn hekk il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li OA kienet iddeċidiet, lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2000, li ma toffrix iktar is-servizzi tagħha lejn l-Awstralja, fatt li skond l-imsemmi rapport (paġna 15) kellu jtejjeb ir-riżultati b’EUR 20 miljun fis-sena. Fl-aħħar nett hija injorat il-fatt li AO kienet nediet proċedura ta’ arbitraġġ sabiex tikseb kumpens addizzjonali ta’ EUR 55 miljun talli ġiet prematurament imkeċċija mill-ajruport il-qadim ta’ Ateni (Elliniko) (ara l-premessi 160, u 35 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

142

F’dak li jirrigwarda l-iskeda tal-proċess ta’ privatizzazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li, bil-kontra ta’ l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti ta’ l-ittra tal-Gvern Grieg tas-16 ta’ Lulju 2002, imsemmija iktar ’il fuq, mill-kuntest ġenerali u minn dak ta’ din l-ittra jirriżulta li l-Gvern Grieg kien qiegħed jindika li l-privatizzazzjoni kella titlesta sa’ Ottubru 2003 — u mhux iktar sa’ Ottubru 2002. Dan jikkoinċidi mar-rapport imsemmi iktar ’il fuq, tal-5 ta’ Novembru 2002 (paġni 17 u 21), li kien jipprovdi għall-bejgħ ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-ajru “qabel ix-xitwa ta’ l-2003” u għal-bejgħ tal-parti l-kbira tal-kumpanniji sussidjarji u ta’ l-unitajiet matul l-2003. F’kull każ, minħabba t-tbattija ġenerali fit-traffiku ta’ l-ajru fl-Ewropa wara l-1998, kif ukoll minħabba l-konsegwenzi mhux prevedibbli tal-11 ta’ Settembru 2001, il-linji gwida kienu jiġġustifikaw dewmien fil-kuntest ta’ l-emendi “għal raġunijiet li għalihom ma kinux responsabbli l-impriża jew l-Istat Membru”.

143

Wara dan, ir-rikorrenti tenfasizza li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat kien jipprovdi tnaqqis fl-operazjonijiet ta’ l-ajru fis-suq sabiex ma jkunx hemm distorsjonijiet żejda tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-għajnuna kienet limitata għall-minimu. Madankollu d-deċiżjoni kkontestata ma eżaminatx dawn il-punti.

144

Barra minn dan, l-eżiġenzi li jirrigwardaw il-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni emendati (punt 3.2.4 tal-linji gwida) kienu wkoll ġew issodisfati. Fl-aħħar nett, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, fil-verżjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2002, kien ukoll jissodisfa l-linji gwida ta’ l-10 ta’ Diċembru 1994 fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [87 u 88 KE] u ta’ l-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għall-għajnuna mogħtija mill-Istat fis-settur ta’ l-avjazzjoni (ĠU C 350, p. 5).

145

Il-Kummissjoni min-naħa tagħha tressaq l-eċċezzjoni li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati fuq l-ipoteżi li l-pjan ta’ privatizzazzjoni kien ġie ppreżentat quddiem din l-istituzzjoni sabiex jiġi mistħarreġ u approvat. Madankollu dan il-pjan ma kienx ġie ppreżentat lilha la bħala pjan emendat li jemenda l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 u lanqas bħala talba għal għajnuna addizzjonali.

146

F’kull każ, wara li għadda, mingħajr suċċess, minn diversi stadji li l-aħħar wieħed fosthom kellu, skond l-ittra tal-Gvern Grieg tas-16 ta’ Lulju 2002, jilħaq il-qofol tiegħu lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2002, il-proċess ta’ privatizzazzjoni baqa’ jiġi ppreżentat, fir-rapport tal-5 ta’ Novembru 2002 fuq ir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni ta’ OA, bħala “kunċett”, jiġifieri bħala eventwalità teoretika.

147

Barra minn hekk, ma kienx hemm informazzjoni finanzjarja vverifikata minn awditur għall-2001 — u dan għamel l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja reali ta’ OA diffiċli — u, fir-rapport li ħarġu għas-sena finanzjarja 2000, l-awdituri indikaw li l-verifika tagħhom ingħatat “fuq il-premessa espliċita li l-kumpannija għandha tkompli topera bħala grupp ta’ kumpanniji attivi”. Ir-rapport ta’ Deloitte & Touche fuq l-eżami limitat ta’ l-operat ta’ OA meta mqabbel mal-pjan finanzjarju tagħha għall-2002 (punti 1.1, 1.3 u 1.5) jindika li l-informazzjoni disponibbli fuq OA ma kinitx ġiet ivverifikata u li f’ċerti każijiet irriżultat mhux eżatta jew inkompatibbli, anki jekk id-differenzi kienu żgħar ħafna.

148

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni għall-perijodu kollu ta’ bejn l-1998 u l-2002 u eżaminat bir-reqqa l-iżviluppi li seħħu matul l-2002.

149

Il-Kummissjoni tikkuntesta l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq it-titjib tar-riżultati ta’ l-operat ta’ OA fl-2002. Hija ssostni li l-evalwazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni għandha tkopri l-perijodu kollu ta’ dan il-pjan, jiġifieri, f’dan il-każ, is-snin ta’ bejn l-1998 u l-2002. Barra minn hekk, parti sostanzjali tal-profitti eċċezzjonali saret b’effett mis-sena 2000 ’il quddiem, u dan naqqas it-telf ta’ OA. Il-Kummissjoni żżid li l-fraġilità tal-livell probabbli tar-riżultat ta’ l-operat għall-2002 tibqa’ inaċċettabbli. Minkejja t-titjib relattiv probabbli ta’ l-indikaturi għall-2002, OA kompliet taffaċċja diffikultajiet finanzjarji serji u, b’effett mill-aħħar tas-sena 200, bbażat ruħha esklużivament fuq fondi mislufa sabiex tiffinanzja l-attivitajiet tagħha.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

150

Għandu preliminarjament jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-Artikolu 87(3) KE. Il-qorti Komunitarja ma tistax tibdel l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ekonomiċi komplessi ma dik tal-Kummissjoni, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu konsegwentement jillimita ruħu għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 92, punt 90; Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 148; Corsica Ferries France vd il-Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punti 137 u 138, u Schmitz-Gotha Fahrzeuge vs il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 41).

151

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ma ġiex implementat kompletament. Bil-kontra ta’ dan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha hija tenfasizza li għal żmien twil dan il-pjan ma kienx għadu rilevanti. Kif tosserva l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 181), il-Gvern Grieg stess, minkejja li matul il-proċedura amministrattiva sostna li l-għanijiet kollha ffissati mid-deċiżjoni ta’ l-1994 u ta’ l-1998 kienu ntlaħqu jew kienu fi stadju avvanzat ta’ implementazzjoni, kien osserva — fir-rapport tiegħu intitolat “Synopsis of the Government of the Hellenic Republic’s Case for [OA] on Key Issues” anness ma l-ittra li bagħat lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Novembru 2002 (p. 5 u 32) — li qatt ma kien possibbli li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA jiġi implementat kompletament, kemm minħabba ostakoli interni u kif ukoll minħabba ostakoli esterni.

152

F’dan il-każ ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-għajnuna in kwistjoni, approvata fl-1998, kellha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, safejn, fid-dawl tal-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż, tat-titjib tar-rendiment finanazjarju ta’ OA għall-2002 u tal-proċess ta’ privatizzazzjoni li kien għaddej, l-impriżi, u b’mod partikolari, ll-kumpannija ta’ l-ajru l-ġdida li kellha tirriżulta mill-privatizzazzjoni separata tad-diversi friegħi ta’ attività ta’ OA kellhom ikunu vijabbli.

153

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ talba konkreta sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat, skond id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida, il-Kummissjoni setgħet ġustament teżamina l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 fir-rigward tal-perijodu 1998-2002 (ara punt 131 iktar ’il fuq), u konsegwentement tibqa’ lura milli tieħu in kunsiderazzjoni estensjoni tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni u, b’mod partikolari, l-previżjonijiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni sussegwenti tal-pjan ta’ privatizzazzjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-rapport ta’ Deloitte & Touche tal-5 ta’ Novembru 2002, imsemmi iktar ’il fuq, u minn elementi oħra ta’ informazzjoni mressqa quddiem din l-istituzzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

154

Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-effetti mistennija li l-privatizzazzjoni ta’ OA kellu jkollha fuq il-vijabbiltà tad-diversi impriżi mhumiex rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

155

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta naqset, b’mod partikolari, milli tieħu in kunsiderazzjoni l-immissjoni ta’ kapital mistennija mill-privatizzazzjoni ta’ sehem prinċipali ta’ l-attivitajiet relatati mat-titjiriet tal-grupp miġburin fi ħdan impriża waħda, liema impriża kellha tiġi stabbilita, skond il-previżjonijiet tal-Gvern Grieg, qabel ix-xitwa ta’ l-2003, kif ukoll il-kostituzzjoni ta’ assi likwidi li kellha tirriżulta, b’mod partikolari, mill-privatizzazzjoni separata tad-diversi kumpanniji sussidjarji u friegħi ta’ attivitajiet anċillari ta’ OA, peress li din il-privatizzazzjoni kienet għadha ma ġietx implementata.

156

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata kien ġie mwettaq biss il-bejgħ tal-kumpannija sussidjarja Olympic Catering, liema bejgħ kien ikkonfermat fir-risposti ta’ l-awtoritajiet Griegi tat-30 ta’ Settembru 2002. F’dak li jirrigwarda l-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ l-attivitajiet relatati mat-titjiriet, għalkemm mhuwiex ikkontestat li sitt kandidati, li kienu offrew il-garanziji finanzjarji kollha, kienu esprimew l-interess tagħhom għax-xiri ta’ OA, kif jirriżulta mill-ittra tal-Gvern Grieg tat-2 ta’ Diċembru 2002 (ara punt 129 iktar ’il fuq), xorta jibqa’ l-fatt li kien biss l-ewwel stadju ta’ din il-proċedura li kien ġie mwettaq. Peress li kien għadu ma ġie magħżul l-ebda applikant u peress li n-negozjati kienu għadhom ma nbdewx, l-ebda riżultat konkret ma seta’ jiġi antiċipat b’mod suffiċjentement preċiż u kredibbli. Barra minn dan, kif diġà ġie osservat (punt 128 iktar ’il fuq), in-notifikat tal-privatizzazzjoni, li kienet ġiet imħabbra mill-awtoritajiet Griegi, kienet għadha ma saritx.

157

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet, f’kull każ, kompletament iġġustifikata li tevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja effettiva ta’ OA, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-profitti eċċezzjonali u tal-livell tal-kapital tagħha, kif din kienet tirriżulta f’Diċembru 2002 u mhux fil-perspettiva ta’ l-operazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni li kellhom iseħħu.

158

Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, sabiex tikkonstata li l-vijabbiltà ta’ OA kienet għadha ma nkisbitx lura.

159

Huwa minnu li l-Kummissjoni qieset li, fin-nuqqas ta’ kull talba min-naħa ta’ l-Istat Membru kkonċernat sabiex l-għajnuna tiżdied jew sabiex il-pjan jiġi adottat wara t-tluq tal-grupp amministrattiv Speedwing, fis-sajf ta’ l-2000 (premessa 173), hija setgħet tevalwa l-implementazzjoni effettiva tar-ristrutturazzjoni ta’ OA biss fid-dawl tal-pjan previst mid-deċiżjoni ta’ l-1998.

160

F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara li kkonstatat li l-indikaturi finanzjarji prinċipali previsti mid-deċiżjoni ta’ l-1998 ma kinux ġew irrispettati, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-nuqqas ta’ implementazzjoni, min-naħa ta’ OA, tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien, b’effett mill-1999, irriżulta fl-impossibbiltà li l-għanijiet inizjali, b’mod partikolari l-għan prinċipali li tinkiseb lura l-vijabbiltà tal-kumpannija, jintlaħqu (premessi 179. 181 u 184).

161

Madankollu, il-Kummissjoni essenzjalment sostniet ukoll, li anke li kieku s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA kellha tiġi evalwata indipendentement mill-implementazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, xorta ma kienx ikun possibbli li tiġi pprovata l-vijabbiltà tal-kumpannija, kemm jekk għal żmien qasir jew fit-tul, peress li, minħabba l-kollass finanzjarju totali tagħha, OA ma kellhiex fondi proprji iżda biss djun (premessa 184).

162

Ir-rikorrenti tikkonfuta li din l-evalwazzjoni hija kontradetta mit-titjib kunsiderevoli fir-riżultati ta’ l-operat li hija kellha għall-2002, meta mqabbla ma dawk tas-snin preċedenti, b’mod partikolari meta mqabbla ma dawk ta’ l-2001, fi klima sfavorevoli ħafna fis-settur kollu u tat-trasport bl-ajru Ewropew.

163

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 116, 172 sa 174 u 179) il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-informazzjoni segwenti, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. L-ewwel nett, matul il-perijodu ta’ bejn Awwissu 1999 u s-sajf ta’ l-2000, l-isforzi ta’ ristrutturazzjoni u speċjalment ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż, li flimkien mat-titjib fir-rendiment ta’ OA kienu jirrappreżentaw element essenzjali tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, kienu ġew sospiżi sabiex jiġi implementat il-pjan Speedwing (ara punt 96 iktar ’il fuq). It-tieni nett, wara t-tluq ta’ Speedwing, il-fażi l-ġdida ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż kienet tnediet f’nofs l-2000. It-tielet nett, sadattant, il-kumpannija tilfet, b’effett mill-1999, 50 % tal-kapital tagħha. Barra minn dan, is-suċċessjoni ta’ fażijiet ta’ tnaqqis ta’ spejjeż (1998 — bidu ta’ l-1999) u ta’ espansjoni ta’ l-attivitajiet (tmiem ta’ l-1999 — bidu ta’ l-2000) ħolqot sitwazzjoni ta’ instabbiltà fi ħdan il-kumpannija. Ir-raba’ nett, l-indikaturi finanzjarji, eżaminati fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-perijodu finanzjarju ta’ bejn l-1998 u l-2002, huma kunsiderevolment differenti mill-indikaturi prinċipali previsti mid-deċiżjoni ta’ l-1998. Il-ħames nett, fl-2000, il-fondi proprji tal-kumpannija kienu kważi niżlu għal-livell żero. Skond il-kontijiet mhux ivverifikati minn awditur għas-sena 2001, l-ammont tagħhom niżel għal EUR -139 miljun. Is-sitt nett, fil-31 ta’ Diċembru 2002 minkejja l-impatt pożittiv ħafna tad-dħul eċċezzjonali fuq is-sitwazzjoni ta’ OA, il-kapital tal-kumpannija baqa’, f’kull każ, negativ. L-ammont ta’ fondi proprja kien ta’ EUR -139 miljun skond ix-“xenarju l-aktar probabbli” previst minn Deloitte & Touche fir-rapport fuq l-eżami limitat ta’ l-operat ta’ OA meta mqabbel mal-pjan finanzjarju tagħha għall-2002, imsemmi iktar ’il fuq. Is-seba’ nett, b’effett mill-2000, OA kienet tiddependi biss fuq l-ammonti mislufa sabiex tiffinanzja l-attivitajiet tagħha. Fl-2001, is-self kien iffinanzja mhux biss l-attivitajiet immobiljari kollha tal-kumpannija iżda wkoll il-kapital negattiv tal-kumpannija. It-tmien nett, minħabba n-nuqqas ta’ assi likwidi, id-dejn għal żmien qasir ta’ OA tagħa minn EUR 116 miljun fl-1999 għal EUR 252 miljun fl-2000 u għal EUR 342 miljun fl-2001. Id-disa’ nett, fost l-indikaturi previsti fid-deċiżjoni ta’ l-1998, il-proporzjon ta’ dejn, miksub bid-diviżjoni ta’ l-ammont tad-dejn kollu tal-kumpannija bl-ammont tal-kapital tagħha u li, skond id-deċiżjoni ta’ l-1998, kellu jkun, għas-sena 2000, ta’ bejn 2.22 u 2.76, kien tela’ għal 303 lejn tmiem is-sena 2000, peress li l-kapital tal-kumpannija kien kważi għeb kompletament. Għas-snin finanzjarji sussegwenti dan il-proporzjon ma setax jiġi kkalkolat minħabba l-livell negattiv tal-kapital tal-kumpannija. L-għaxar u l-aħħar nett, anki jekk il-profitti eċċezzjonali prospettati għall-2002 setgħu jinkisbu, proporzjon ta’ dejn ta’ 2.76, ekwivalenti għal dak awtorizzat għas-sena finanzjarja 2000, relatat mal-livell ta’ dejn globali li lejn tmiem ta’ l-2000 kien jammonta għal EUR 575 miljun u għal EUR 825 miljun lejn tmiem l-2001, jeżiġi li l-kapital ta’ OA jitla’ minn ta’ l-anqas għal bejn EUR 200 u EUR 300 miljun. Għaldaqstant sabiex jiġi kkumpensat il-kapital negattiv tal-kumpannija, fl-2001, kellu jkun neċessarju li jkun hemm immissjoni ta’ kapital li tammonta għal bejn EUR 350 u EUR 450 miljun, madankollu dan sakemm OA żżomm, b’effett mill-2003, minn ta’ l-anqas bilanċ ekwilibrat fuq il-limitu tal-vijabbiltà.

164

F’dan il-każ, il-pożizzjonijiet tal-partijiet huma differenti fir-rigward ta’ l-analiżi tar-riżultati finanzjarji għall-2002, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-iżvilupp ta’ l-ebitda u r-riżultat ta’ l-operat u, min-naħa l-oħra, il-profitti eċċezzjonali.

165

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-analiżi ta’ l-iżvilupp ta’ l-ebitda u tar-riżultat ta’ l-operat ta’ OA, għandu jiġi osservat li, fil-pjan finanzjarju ta’ OA għall-2002, li jġib id-data ta’ Lulju 2002, l-ebitda kien ġie stmat għal ammont pożittiv ta’ EUR 11-il miljun. Madankollu mir-rapport ta’ Deloitte & Touche fuq l-eżami limitat ta’ l-operat ta’ Olympic Airways meta mqabbel mal-pjan finanzjarju tagħha għall-2002, imsemmi iktar ’il fuq, jirriżulta li, skond ix-xenarju l-aktar probabbli, l-ebitda għandu jilħaq l-ammont negattiv ta’ EUR 39.1 miljun (paġna 16). F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ġustament tosserva li f’ċirkustanzi sfavorevoli din iċ-ċifra kienet, minkejja kollox, tirrappreżenta titjib sostanzjali meta mqabbla ma l-ammonti negattivi ta’ l-ebitda ta’ EUR 148.8 miljun fl-2001 u ta’ EUR 132.4 miljun fl-2000.

166

Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 110 u 111) il-Kummissjoni fakkret li l-ebitda kellu b’mod partikolari jkopri d-deprezzament ta’ l-assi fissi kif ukoll l-ispejjeż relatati ma interessi. Issa, is-somma ta’ dawn iż-żewġ komponenti ta’ l-ispiża ta’ l-operat kienet tammonta, fl-2002, għal EUR 52 miljun, skond l-informazzjoni li OA pprovdiet lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għaldaqstant enfasizzat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li t-tnaqqis ta’ dan l-ammont ta’ ebitda kellu jittrasforma r-riżultat ta’ l-operat, jiġifieri r-riżultat nett qabel il-ħlas tat-taxxa u profitti eċċezzjonali (EBT), f’telf li jammonta għal EUR 41 miljun skond il-pjan finanzjarju ta’ l-2002, u għal EUR 92 miljun skond ix-xenarju l-aktar probabbli bbażat fuq l-eżami li Deloitte & touche għamlu fir-rapport imsemmi iktar ’il fuq. Id-deċiżjoni ta’ l-1998 kienet tirrikjedi riżultat ta’ l-operat pożittiv li jammonta għal EUR 24,9 miljun gall-2002. Il-Kummissjoni madankollu ammettiet li t-telf imsemmi iktar ’il fuq kien jirrappreżenta titjib relattiv probabli meta mqabbel mas-snin finanzjarji preċedenti. Hija madankollu qieset li dan it-titjib kien insuffiċjenti.

167

F’dak li jirrigward, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li jitneħħa s-servizz offrut lejn l-Awstralja, invokata mir-rikorrenti, u li kellha ġġib magħha, skond ir-rapport ta’ Deloitte & Touche (paġni 15 u 54), imsemmi iktar ’il fuq, tnaqqis fit-telf ta’ EUR 2.9 miljun fl-2002 u ttejjeb iktar ir-riżultat ta’ l-operat b’madwar EUR 20 miljun fis-sena, bilfors għandu jiġi kkonstatat li din taqa’ taħt il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż, implementati wara l-abbandun tal-pjan Speedwing u meħudin in kunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 175). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx b’mod speċifiku t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż relatat ma din id-deċiżjoni li ma jibqax jiġi offrut is-servizz lejn l-Awstralja, iktar u iktar peress li t-tnaqqis rilevanti, jiġifieri dak previst għal matul il-perijodu tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni kkunsidrat, stmat li jammonta għal EUR 2,9 miljun fl-2002, ma kienx, waħdu, ta’ natura tali li jaffettwa b’mod sinjifikanti r-riżultati finanzjarji ta’ OA għas-sena finanzjarja 2002.

168

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ l-effett tal-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001 u tas-siwazzjoni sfavorevoli fis-settur tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa b’effett mill-1998 u, fuq kollox, wara Settembru 2001, fuq l-ebitda, fid-deċizjoni kkontestata (premessa 177) il-Kummissjoni osservat li, fin-nuqqas ta’ kontijiet ivverifikati minn awditur għas-sena 2001, hija ma setgħetx tivverifika l-impatt reali ta’ l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001 fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA. Madankollu, hija kkunsidrat li n-nuqqas ta’ rispett tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 seta’ jiġi kkonstatat b’effett mill-1999 u kien ġie kkonfermat matul is-snin segwenti, indipendentement mill-impatt ta’ l-attentati tal-11 ta’ Settembru u tal-kumpens, ta’ EUR 5 miljun fl-2002, li AO kienet irċeviet wara dawn l-attentati u ta’ l-għeluq ta’ l-ispazju ta’ l-ajru, u li kien is-suġġett ta’ eżami separat (premessa 114).

169

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda element ta’ prova li jippermetti li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ twettieq tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jista’ jiġi, minn ta’ l-anqas parzjalment, imputat fuq l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001. Barra minn hekk, f’kull każ, anke jekk jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ twwettieq ta’ dan il-pjan mhuwiex imputabbli fuq OA jew fuq ir-Repubblika Griega — ħaġa li mhijiex stabbilita f’dan il-każ — din iċ-ċirkustanza mhijiex ta’ natura tali li teżenta lill-din ta’ l-aħħar milli tippreżenta quddiem il-Kummissjoni talba sabiex il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat.

170

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-analiżi tal-profitti eċċezzjonali, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 113) il-Kummissjoni osservat li parti kunsiderevoli ta’ dawn il-profitti magħmulin b’effett mill-2002 kienu relatati mal-bejgħ ta’ assi mhux essenzjali. Hija indikat li, fl-2002, l-ammont tal-profitti eċċezzjonali (komposti mill-aħħar parti, li kienet tammonta għal EUR 6 miljun, tal-kumpens għat-trasferiment mill-ajruport ta’ Spata, u mill-bejgħ ta’ assi immobbli u ta’ assi fissi finanzjarji bħal per eżempju ishma f’kumpannija) kellu jilħaq, skond il-previżjonijiet, l-ammont ta’ EUR 60 miljun. Filwaqt li ammettiet li dawn il-profitti jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA, hija enfasizzat li dawn ma kellhom l-ebda effett fuq l-istruttura ta’ l-ispejjeż tal-kumpannija. Il-Kummissjoni ġustament qieset li huma biss il-profitti ta’ l-operat li jistgħu jippermettu li AO tkompli teżisti fit-tul.

171

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 115) il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li, fin-nuqqas ta’ provi definittivi, l-informazzjoni li tirrigwarda l-profitti eċċezzjonali addizzjonali prospettati għall-2002, li jammontaw għal EUR 112 miljun, ma kinitx affidabbli. Hija indikat li, skond l-informazzjoni li kienet ġiet ipprovduta lilha minn OA matul il-laqgħa tas-16 ta’ Ottubru 2002, imsemmija iktar ’il fuq, dan l-ammont jista’ jikkorrispondi, sa l-ammont ta’ EUR 37 miljun għal bejgħ ta’ l-ishma ta’ OA fl-attivitajiet ta’ ristorazzjoni u ta’ reżervazzjoni tal-biljetti u l-ammont li jifdal (EUR 75 miljun) kien ġej mill-bejgħ u mill-kiri ta’ l-ajruplani.

172

F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-karattru allegatament żbaljat ta’ din l-analiżi tal-Kummissjoni, fid-dawl ta’ l-informazzjoni li jidher fir-rapport ta’ Deloitte & Touche (paġna 73), imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan ir-rapport ma fih l-ebda indikazzjoni addizzjonali fuq il-profitti eċċezzjonali kkunsidrati. Huwa jillimita ruħu li jsemmi l-profitti magħmulin mill-bejgħ tal-kumpannija sussidjarja Olympic Catering (stmati li jammontaw għal EUR 11-il miljun wara t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ OA għall-oneri soċjali ta’ Olimpic Catering) il-profitti prospettati (mhux stmati) li jirriżultaw mill-bejgħ tal-kumpannija sussidjarja Galileo Hellas, kif ukoll il-profitti prospettati mill-bejgħ jew mill-kiri ta’ l-ajruplani, stmati minn OA li jammontaw għal EUR 75 miljun. Issa, huwa biss mir-rapport ta’ Deloitte & Touche fuq ir-ristrutturazzjoni u l-privatizzazzjoni ta’ OA li jirriżulta li Galileo International kienet esprimiet interess “qawwi ħafna” fir-rigward tax-xiri ta’ Galileo Hellas u li, skond l-iskeda prospettata, il-proċess ta’ privatizzazzjoni mibdi f’Novembru 2002 kellu jintemm f’Jannar 2003. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-istimi msemmija iktar ’il fuq li jikkonċernaw il-profitti mill-bejgħ ta’ l-ajruplani, l-ebda wieħed miż-żewġ rapporti ta’ Deloitte & Touche li ntbagħtu lill-Kummissjoni f’Novembru 2002 ma jinkludu spjegazzjonijiet li jiġġustifikaw dawn l-istimi fir-rispett, minn naħa, tal-valur nett ta’ l-ajruplani, wara d-deprezzament, ta’ EUR 41 miljun imsemmija — skond l-indikazzjonijiet mhux ikkontestati mir-rikorrenti li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 115) — fl-aħħar kontijiet ta’ OA tal-31 ta’ Diċembru 2001, u min-naħa l-oħra, tal-livell tal-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ l-ajruplani second hand. F’dan ir-rigward, ir-rapport ta’ Deloitte & touche fuq l-eżami limitat ta’ l-operat ta’ Olympic Airways meta mqabbel mal-pjan finanzjarju tagħha għall-2002 (paġna 73) jillimita ruħu li jindika li, skond OA, dawn l-istimi huma bbażati fuq offerti “tas-suq” li hija kienet irċeviet għal dawn l-ajruplani.

173

F’dak li jirrigwarda l-kumpens li l-Istat Grieg ħallas għat-trasferiment mill-ajruport ta’ Elliniko għal dak ta’ Spata, ir-rapport ta’ Deloitte & Touche, imsemmi iktar ’il fuq, kien indika (paġna 21) li kien tħallas kumpens li jammonta għal EUR 138.7 miljun u li l-ispejjeż ta’ l-operat kienu ħafna għola fl-ajruport ta’ Spata. Mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 160 u 200) jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li dan il-kumpens ta’ EUR 138.7 miljun ma kienx eċċessiv u li għaldaqstant ma kien jinvolvi l-ebda element ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat. F’dan ir-rigward hija enfasizzat li l-ammont addizzjonali ta’ EUR 55 miljun mitlub minn OA ma kienx għadu qiegħed jiġi mitlub mir-Repubblika Griega. F’dan il-kuntest, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti (ara punt 141 iktar ’il fuq), IL-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-ammont addizzjonali ta’ EUR 55 miljun mitlub, anki jekk fir-risposti tagħhom tal-11 ta’ April 2002 (punt 2.17.10), l-awtoritajiet Griegi kienu informawha bid-deċiżjoni ta’ OA li tikkuntesta l-ammont finali tal-kumpens iffissat mill-Gvern Grieg. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha r-rikorrenti la tindika l-istat — meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata — tal-proċedura ta’ arbitraġġ li hija tinvoka f’dan il-każ, u lanqas jekk f’dan ir-rigward hija pprovdietx informazzjoni preċiża lill-Kummissjoni. Issa, peress li dak iż-żmien ma kienx hemm sentenza ta’ arbitraġġ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx in kunsiderazzjoni s-sempliċi eventwalita ta’ kumpens addizzjonali. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’kull każ, l-għoti, jekk ikun il-każ, ta’ kumpens addizzjonali huwa bħala prinċipju suġġett għall-istħarriġ tal-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi jekk dan jammontax għal għajnuna mogħtija mill-Istat (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

174

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, mhux biss fid-dawl tad-differenzi fir-riżultati ta’ l-operat ta’ OA meta mqabbla ma’ l-indikaturi previsti fid-deċiżjoni ta’ l-1998, matul il-perijodu kkunsidrat u b’mod partikolari fl-2002 (ara punt 166 iktar ’il fuq), iżda fuq kollox minħabba l-portata tad-dejn tal-kumpannija u tan-nuqqas ta’ fondi proprji (ara punti 161 u 163 iktar ’il fuq), li, minkejja titjib probabbli tar-riżultati ta’ l-operat għall-2002 meta mqabbel mar-riżultati tas-snin finanzjarji preċedenti, il-vijabbiltà għal żmien qasir u fit-tul ma kinitx inkisbet lura, u billi ddikjarat l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni.

175

F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-limitazzjoni għall-minimu ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna, li ma ġewx ikkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata, kif tosserva, barra minn dan, ir-rikorrenti.

176

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

3. Fuq il-karattru manifestament żbaljat ta’ l-evalwazzjoni li tgħid li ma ttieħdet l-ebda miżura ta’ ristrutturazzjoni

a) L-argumenti tal-partijiet

177

Ir-rikorrenti tikkuntesta l-konstatazzjoni li tgħid li l-ebda miżura ta’ ristrutturazzjoni ma ttieħdet fil-mument opportun u/jew li l-pjan ma ġiex emendat (premessi 172 sa 181 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-proċess komplet ta’ privatizzazzjoni ta’ sehem prinċipali, ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż u ta’ bejgħ ta’ assi, li jikkorrispondi mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat ta’ l-2000, inbeda fl-2000 u baqa’ jiġi segwit sal-11 ta’ Diċembru 2002. Il-Kummissjoni kienet regolarment informata bil-miżuri ta’ ristrutturazzjoni kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 73, 106, 172 u 175).

178

Il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż applikati minn OA jirriżultaw b’mod partikolari mid-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni, bħall mhija l-ittra tal-Gvern Grieg ta’ l-1 ta’ Frar 2002, ir-risposta tiegħu għall-ewwel ordni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ April 2002, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, ir-risposta tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2002 għat-tieni ordni, u l-osservazzjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2002, intitolati “Synopsis of the Government of the Hellenic Republic’s Case for [OA] on Key Issues”.

179

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

180

Għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, għalkemm minn-naħa l-Kummissjoni kkonkludiet li l-għanijiet previsti fid-deċiżjoni ta’ l-1998, b’mod partikolari l-ksib lura tal-vijabbiltà ta’ OA, ma kinux intlaħqu, hija min-naħa l-oħra ma kkunsidratx li l-ebda miżura ta’ ristrutturazzjoni ma kienet ġiet implementata. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar (premessi 172 sa 175) li l-Kummissjoni eżaminat il-politiki sussegwenti implementati minn OA. Wara li osservat li, b’effett mill-1999, ir-riżultati mistennija ma kinux intlaħqu wara l-ewwel fażi ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż (1998/bidu ta’ l-1999), li kienet segwita minn fażi ta’ espansjoni taħt l-amministrazzjoni ta’ Speedwing, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fażi l-ġdida ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż kienet inbdiet wara t-tluq ta’ Speedwing, skond il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998.

181

Wara dan għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni implementati ġew eżaminati fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Fil-fatt, kif diġà ġie deċiż (ara punt 131 iktar ’il fuq), dan il-pjan ma kien is-suġġett ta’ l-ebda talba konkreta għall-emendi min-naħa ta’ l-awtoritajiet Griegi, kif kien rikjest mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-linji gwida. Konsegwentement il-Kummissjoni astjeniet ruħha milli teżamina l-miżuri previsti fil-kuntest tal-pjan ta’ privatizzazzjoni, peress li dawn ma kinux ġew implementati matul it-terminu tal-pjan. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-effett, b’mod partikolari fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA, tal-miżuri ta’ privatizzazzjoni li kienu ġew effettivament implementati meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, bħal per eżempju l-bejgħ tat-58% tal-kumpannija sussidjarja Olympic Catering.

182

Għalhekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni abbażi tal-miżuri kollha adottati matul it-terminu kollu tal-pjan, sabiex tivverifika jekk l-għan tal-pjan, intiż sabiex tinkiseb lura l-vijabbiltà fit-tul ta’ l-impriża, kienx intlaħaq.

183

Minn dan isegwi li l-ilment li jgħid li l-Kummissjoni qieset li ebda miżura ta’ ristrutturazzjoni ma kienet ġiet implementata għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

B — Fuq l-allegat nuqqas tar-Repubblika Griega milli twettaq l-obbligu li timplementa SIA operattiva u adegwata, kif previst fl-Artikolu 1(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ l-1998

1. L-argumenti tal-partijiet

184

Ir-rikorrenti tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 118), il-Kummissjoni tikkonferma li r-Repubblika Griega implementat SIA. Huwa biss in kwistjoni l-karattru“[operattiv u adekwat]” ta’ din is-SIA. Il-Kummissjoni ammettiet ukoll (premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata) li t-terminu preskritt għall-implementazzjoni ta’ sistema bħal din, stabbilit għall-1 ta’ Diċembru 1998 mill-Artikolu 1(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ l-1998, ma kienx suffiċjenti.

185

F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li s-SIA ma kinitx testendi għall-kumpanniji sussidjarji ta’ OA ma jfissirx li din ma kinitx operattiva u adegwata. F’dan ir-rigward il-kummissjoni fixklet il-kwistjoni tal-karattru operattiv u adegwat tas-SIA ta’ OA mal-kwistjoni iktar wiesgħa, iżda differenti ħafna, tal-modernizzazzjoni u tat-trasformazzjoni tas-sotto sistemi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni finanzjarja ta’ OA. Huwa stabbilit li l-kwalità ta’ dawn ta’ l-aħħar jinfluwenza l-kwalità tar-riżultati tas-SIA, iżda mhux il-kwalità ta’ l-ippjanar u l-kapaċità operattiva tas-SIA nfisha. L-esperti tal-Kummissjoni rrikonoxxew il-kwalità ta’ l-ippjanar u tal-funzjonalità tas-SIA. Madankollu l-kwalità tar-riżultati tas-SIA kienet tiddependi fuq il-modernizzazzjoni u t-titjib progressiv tas-sotto sistema ta’ ġbir ta’ informazzjoni relatata ma l-ispejjeż u mad-dħul ta’ OA. Din il-proċedura fi stadji ma kinitx intiża biss sabiex tassigura l-kompatibbiltà tad-diversi sistemi informatiċi inkompatibbli — mhux inqas minn 44 —, iżda kienet tinvolvi wkoll it-tħarriġ ta’ numru kunsiderevoli ta’ impjegati implikati f’attivitajiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni, kif ukoll l-assorbiment ta’ ammont kunsiderevoli ta’ informazzjoni li l-ipproċessar tagħha kien waqa’ lura. Il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet għall 1 ta’ Diċembru 1998, tliet xhur u nofs biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-1998, id-data inizjali għall-implementazzjoni ta’ SIA “kompletament operattiva u adegwata” huwa biżżejjed sabiex juri li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ l-1998 ma tapplikax għall-adozzjoni tas-sotto sistemi.

186

F’dawn iċ-ċirkustanzi d-deċiżjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni safejn din tiddikjara li l-awtoritajiet Griegi ma rrispettawx l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 1(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ l-1998.

187

Barra minn hekk id-deċiżjoni hija wkoll ivvizzjata minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-obbligu ta’ prova li hija għandha f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tas-SIA ta’ OA. Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fir-rigward tas-SIA li, skond il-kliem li hija stess użat (premessa 187 tad-deċiżjoni), mhijiex kompleta fuq livell ta’ provi.

188

B’mod partikolari, il-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-Repubblika Griega u tar-rikorrenti. Hija ma għamlet l-ebda talba għal informazzjoni addizzjonali fir-rigward tas-SIA, u la avżat lir-Repubblika Griega u lanqas lir-rikorrenti fir-rigward tad-dubji li hija kien għad kellha fir-rigward tal-karattru operattiv u adegwat tas-SIA.

189

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li hija bagħtet indikazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni tas-SIA fir-risposta tagħha tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2002. Fil-fatt, ir-rapport fuq is-sitwazzjoni tas-SIA f’April 2002 (anness 39 ta’ dawn l-osservazzjonijiet), għamel distinzjoni ċara bejn l-adattament tas-SIA ta’ OA, ta’ kwalità għolja ħafna, u l-ħtieġa li s-sotto sistemi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni fis-SIA jiġu mmodernizzati. Dan ir-rapport ikkonferma li l-elaborazzjoni tas-SIA kienet intemmet f’Awwissu 2000, li s-SIA kienet ġiet installata fir-rigward ta’ 34 utent fi ħdan OA f’Ottubru 2000, u li l-iżviluppi tas-sistemi sekondarji kien intemm (dħul fl-1999, pagi fl-2000 u Oracle Financials fl-2001). Fit-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni l-Kummissjoni m’għamlet l-ebda referenza għas-SIA.

190

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni ssostni li OA u l-kumpanniji sussidjarji tagħha ma kellhom, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-ebda SIA affidabbli, b’tali mod li ma kienx possibbli li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-amministrazzjoni ta’ OA fuq informazzjoni valida jew li tikseb informazzjoni affidabbbli. Dan huwa kkonfermat mill-osservazzjonijiet ta’ l-awdituri fuq iċ-ċertifikat ta’ kontroll anness mal-kontijiet ta’ OA għall-2002.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

191

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li huwa xieraq li l-ewwel nett jiġu eżaminati, fid-dawl tal-prinċipji esposti iktar ’il fuq (ara punti 34 sa 41), il-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-oneru tal-prova u fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, f’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ rispett min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenn tagħha li tassigura li, sa l-1 ta’ Diċembru 1998, OA tkun implementat SIA kompletament operattiva u adegwata.

192

Mill-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni (premessi 51 sa 53, 88 u 90) jirriżulta li l-Kummissjoni rreferiet b’mod iddettaljat, b’mod partikoari fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport magħmul fl-1999 mil-kumpannija ta’ konsulenza indipendenti Alan Stratford and Associates, għall-kwistjoni ta’ jekk SIA operattiva u adegwata kinitx ġiet implementata, u li hija stiednet lir-Repubblika Griega sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna.

193

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 118), mill-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni u mis-sinteżi tar-rapport ta’ Alan Stratford and Associates, imsemmi iktar ’il fuq, li kien anness bħala anness 39 mar-risposti ta’ l-awtoritajiet Griegi tal-11 ta’ April 2002, jirriżulta li dan ir-rapport kien wera ċertu numru ta’ punti dgħajfa potenzjali fis-SIA. Dan kien b’mod partikolari jindika li l-effiċjenża tas-sistema kienet tiddependi fuq is-“subappaltar u l-implementazzjoni effettiva ta’ sistema ta’ kontabbiltà gdida fir-riġward tad-dħul”, li b’mod partikolari s-SIA ma kinitx tapplika għall-kumpannija sussidjarja Olympic Aviation, u li din kien għad ma fihiex informazzjoni ewlenija fuq l-amministrazzjoni, u dan kien jillimita kunsiderevolment il-kapaċità tal-korpi ta’ amministrazzjoni li jkollhom idea ġenerali vera ta’ l-attivitajiet kummerċjali kollha relatati mat-titjiriet.

194

Fid-dawl tal-kwestjonijiet imsemmija hawn fuq fir-rigward tas-SIA, li tqajmu fir-rapport ta’ Alan Stratford and Associates u esposti mill-ġdid fl-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, kienu l-awtoritajiet Griegi, abbażi tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom, li kellhom jipprovdu l-elementi kollha ta’ informazzjoni utli sabiex jiġi stabbilit il-karattru operattiv u adegwat tas-SIA. Fit-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, il-Kummissjoni reġgħet stiednet lir-Repubblika Griega sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex teżamina jekk il-miżuri ta’ għajnuna msemmija fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Marzu 2002 kinux kompatibbli ma l-Artikolu 87 KE, u b’mod ċar ħafna indikat l-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni definittiva abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli (premessi 7, 9 u 10).

195

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tadotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tar-risposti li kienu ntbagħtulha mill-awtoritajiet Griegi.

196

Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Griega għaldaqstant mhuwiex fondat. Dan jgħodd ukoll għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ OA, kif diġà ġie osservat (ara punt 46 iktar ’il fuq).

197

It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilietx kif jitlob id-dritt, fid-dawl ta’ l-informazzjoni li hija kellha, li l-impenji relatati mas-SIA ma kinux ġew rispettati.

198

Għandu preliminarjament jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 186) jirriżulta li peress li r-Repubblika Griega ddikjarat li s-SIA kienet ġiet implementata f’Ottubru 2000, il-Kummissjoni aċċettat li t-terminu ta’ erba’ xhur preskritt fid-deċiżjoni ta’ l-1998 ma kienx suffiċjenti għall-implementazzjoni tas-sistema.

199

Barra minn dan, kif tenfasizza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 46 u 47), il-ħolqien ta’ SIA kien ġie impost mid-deċiżjoni ta’ l-1998 sabiex il-korpi ta’ amministrazzjoni ta’ OA jkollhom. b’mod permanenti, informazzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-progress ta’ l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 u, jekk ikun hemm bżonn, jagħmlu tibdiliet ġodda fih. Fil-fatt, fid-deċiżjoni ta’ l-1998 (premessa 85), il-Kummissjoni kkonstatat li s-SIA użata sa dak iż-żmien ma kinitx tipprovdi informazzjoni bħal din b’mod affidabbli. F’dan ir-rigward, min-naħa l-oħra l-istess awtoritajiet Griegi osservaw, fir-rapport tas-7 ta’ Mejju 1999 fuq l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li wħud mill-għanijiet previsti mid-deċiżjoni ta’ l-1998 ma setgħux jintlaħqu fiż-żmien minħabba li “ir-riżultati reali ta’ l-1997 [kienu] rriżultaw għar mill-estimi l-aktar pessimmistiċi li kienu saru lejn it-tmiem ta’ Frar 1998”.

200

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-impenn li jikkonċerna l-implementazzjoni ta’ SIA kompletament operattiv u adegwat, imsemmi fid-deċiżjoni ta’ l-1998, ma jistax jiġi interpretat bħala li jirrigwarda unikament il-ħolqien ta’ sistema li, fiha nfisha, tiġi magħrufa bħala tajba ħafna, iżda li magħha jkunu għadhom ma tqabbdux is-sotto sistemi informatiċi kollha ta’ ġbir ta’ informazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, id-dħul u l-ispejjeż tal-grupp OA. Iktar minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tas-SIA għall-kumpanniji sussidjarji kollha kienet indispensabbli sabiex tippermetti li l-Istat Grieg ikollu informazzjoni eżatta sabiex jistabbilixxi l-kontijiet konsolidati għal OA u l-kumpanniji sussidjarji tagħha, kif kien jipprovdi l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998.

201

Kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 120), mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi, f’dan il-każ l-anness 39 tar-risposti tagħhom tal-11 ta’ April 2002, ma jirriżultax li l-eżiġenzi msemmija iktar ’il fuq fir-rigward ta’ l-implementazzjoni sħiħa tas-SIA kienu ġew sodisfatti, kemm f’dak li jirrigwarda l-aċċess għas-sistema jew inkella fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tagħha għall-kumpanniji sussidjarji kollha.

202

F’dan il-kuntest, peress li l-awtoritajiet Griegi ma pprovdewx elementi ta’ prova li juru mod ieħor matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 121 sa 137 u 141), li n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ SIA operattiva u adekwata kienet ikkonfermata b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti ta’ l-awditur tas-snin 1998, 1999 u 2000 fir-rigward tan-nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontabbiltà, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll intern, kif ukoll mill-ittardjar kunsiderevoli fl-ippreżentar tal-kontijiet ivverifikati minn awditur. F’dan ir-rigward, barra minn dan fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 136) il-Kummissjoni osservat li r-rapport ta’ Deloitte & Touche fir-rigward ta’ l-eżami limitat ta’ l-operat ta’ OA meta mqabbel mal-pjan finanzjarju tagħha għall-2002, imsemmi iktar ’il fuq, jipprovdi:

“kif indikat fir-rapporti preċedenti, l-amministrazzjoni ta’ l-informazzjoni hija bbażata fuq sistemi manwali li f’ċerti każijiet jirriżultaw inaffidabbli u mingħajr kooerenza.”

203

Barra minn hekk, u f’kull każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-aċċess għas-SIA kien għadu limitat u li s-sistema ma kinitx tapplika għall-kumpanniji sussidjarji ta’ OA, b’mod partikolari ta’ Olympic Aviation u Macedonian Airlines.

204

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li l-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-oneru ta’ prova, ksur tad-dritt għal smigħ u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

C — Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-obbligu li hija għandha li tippreżenta rapporti

1. L-argumenti tal-partijiet

205

Ir-rikorrenti ssostni li hija ppreżentat quddiem il-Kummissjoni r-rapporti fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti sabiex tiġi assigurata l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni u l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, kif ukoll fuq it-twettieq tar-riżultati mistennija, skond l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ l-1998.

206

B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ rispett ta’ l-obbligu li jiġu ppreżentati tali rapporti f’Marzu u f’Ottubru 2000 (premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata) għandha tiġi annullata minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, dawn ir-rapporti, intiżi għall-istħarriġ ta’ l-osservanza min-naħa ta’ OA tal-modalitajiet tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, f’dan il-każ tilfu l-għan tagħhom minħabba l-emendar ta’ dan il-pjan, safejn OA ma kellha l-ebda possibbiltà li tevita telf sa’ l-2000. Fl-ittra msemmija iktar ’il fuq tad-29 ta’ Marzu 2000 lir-Repubblika Griega, il-Kummissjoni barra minn hekk indikat li, “peress li OA diġà qegħda topera fuq pjan ta’ ristrutturazzjoni differenti, dan ir-rapport għandu jenfasizza fuq il-miżuri adottati wara Novembru 1999 bil-għan li jiġi implementat il-pjan il-ġdid Speedwing”. Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma aċċettatx il-pjan Speedwing, li kien ġie sospiż, u finalment abbandunat fis-sajf ta’ l-2000, rapport fuq l-istat ta’ żvilupp ta’ l-implementazzjoni ta’ dan il-pjan f’Marzu 2002, għaldaqstant, ma kien ikun ta’ l-ebda utilità.

207

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija estremament formalistika. Fil-fatt, hija rċeviet, f’Marzu 2000, ir-rapport iddettaljat ta’ Deloitte & Touche fuq il-pjan Speedwing, u għalhekk kellha għad-dispożizzjoni tagħha evalwazzjoni ekonomika tas-sitwazzjoni ta’ OA f’dak iż-żmien tas-sena. Wara t-tluq ta’ Speedwing, matul is-sajf ta’ l-2000, ir-Repubblika Griega ppreżentat it-tieni pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat — li jipprevedi l-privatizzazzjoni sħiħa ta’ OA — li hija ddiskutiet għal żmien twil mal-Kummissjoni. Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA u l-kapaċità tagħha li tirrispetta dan il-pjan kienu ġew eżaminati mill-Crédit Suisse First Boston f’memorandum ta’ informazzjoni ta’ 160 paġna mibgħut lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2000 .

208

F’kull każ, anke jekk jiġi meqjus li r-rikorrenti naqset mill-obbligu tagħha li tippreżenta rapporti f’Marzu u f’Ottubru 2000, fatt li hija tikkuntesta, is-sanzjoni imposta għal dan in-nuqqas, jiġifieri l-irkupru ta’ parti kunsiderevoli ta’ l-għajnuna, hija sproporzjonata.

209

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-argument għandu jiġi miċħud. Hija tenfasizza li n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tar-rapporti meħtieġa f’Marzu u f’Ottubru 2000, flimkien man-nuqqas ta’ preżentazzjoni fil-ħin tal-kontijiet tal-kumpannija vverifikati minn awditur (premessi 132 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata), ipprekludewha milli tivverifika l-osservanza ta’ l-impenji msemmija fid-deċiżjoni ta’ l-1998, l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, u t-twettieq tar-riżultati mistennija abbażi ta’ l-indikaturi stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ l-1998. Barra minn hekk, peress li OA ma kinitx implementat SIA operattiva, l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni ma kinitx ibbażata fuq sistema adegwata ta’ amministrazzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-kontabbiltà.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

210

Għandu preliminarjament jiġi osservat li l-evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ OA li jidhru fur-rapport ta’ Deloitte & Touche ta’ Marzu 1999 fuq il-pjan ta’ ristrutturazzjoni Speedwing, u iktar tard fil-memorandum tal-Crédit Suisse First Boston ta’ Diċembru 2000, imsemmi iktar ’il fuq (ara punt 109 iktar ’il fuq), ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sostituzzjonijiet validi għar-rapporti li r-Repubblika Griega kienet obbligata li tippreżenta lill-Kummissjoni, f’Marzu u f’Ottubru 2000, fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha imposti mid-deċiżjoni ta’ l-1998 sabiex tiġi assigurata l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna u l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998.

211

Fil-fatt, mill-istess suġġett tagħhom, dawn iż-żewġ dokumenti, li jirrigwardaw rispettivament il-pjan Speedwing u l-proċess ta’ privatizzazzjoni, ma jirrigwardawx il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Issa, safejn il-pjan Speedwing ġie definittivament abbandunat u safejn sussegwentement l-awtoritajiet Griegi ma ppreżentaw l-ebda pjan ġdid ta’ ristrutturazzjoni emendat, kif espost iktar ’il fuq (ara punt 131), id-dokumenti invokati mir-rikorrenti huma irrilevanti f’dan il-każ.

212

Huwa minnu li fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Marzu 2000 il-Kummissjoni kienet indikat li r-rapport li kellu jiġi ppreżentat lilha lejn tmiem Marzu 1998, skond id-deċiżjoni ta’ l-1998, kelu jenfasizza fuq il-miżuri adottati fil-kuntest tal-pjan Speedwing — li kien ġie applikat saħansitra qabel ma nkisbet l-awtorizzazzjoni ta’ din l-istituzzjoni. Madankollu, in-neċessita li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA jiġi attwalizzat sabiex jintlaħqu l-għanijiet persegwiti minnha ma teliminax l-iskop tar-rapporti previsti fid-deċiżjoni ta’ l-1998, sakemm il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 ma kienx is-suġġett ta’ emenda approvata mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni barra minn hekk insistiet, fl-ittra msemmija iktar ’il fuq, fuq il-ħtieġa li jiġi ppreżentat rapport fuq l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha imposti mid-deċiżjoni ta’ l-1998.

213

F’dan il-kuntest, jidher b’mod ċar li l-obbligu li jiġu ppreżentati rapporti f’Marzu u f’Ottubru 2000 ma ġiex irrispettat.

214

Barra minn dan, fil-kuntest imsemmi iktar ’il fuq u fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, m’hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-irkupru ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna huwa sproporzjonat, kif sussidjarjament issostni r-rikorrenti. Fil-fatt, f’kull każ, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata timponi li r-Repubblika Griega tirkupra t-tieni parti ta’ l-għajnuna, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 u ta’ ċerti kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-approvazzjoni inizjali, u mhux sempliċement minħabba li l-obbligu li jiġu ppreżentati rapporti, f’Marzu u f’Ottubru 2000, previst fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni ta’ l-1998 kien ġie miksur, b’tali mod li l-implementazzjoni ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ monitoraġġ regolari.

215

Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu miċħuda.

D — Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji tagħha previsti fl-Artikolu 1(b), (c) u (e), tad-deċiżjoni ta’ l-1994

1. Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji tagħha previsti fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni ta’ l-1994

a) L-argumenti tal-partijiet

216

Ir-rikorrenti ssostni l-l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti u wettqet żball ta’ dritt meta kkonkludiet, fil-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Griega għar-rikorrenti kienet ikkawżat ksur ta’ l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 li kien jimponi lill-Gvern Grieg li josserva l-“impenji” tiegħu li fil-futur ma jinterferixxix iktar fl-amministrazzjoni ta’ OA, ħlef fil-limiti stretti ta’ l-istatus tiegħu ta’ azzjonista.

217

Ir-rikorrenti tikkuntesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-premessi 59, 60, 149, 203 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, għalkemm AO m’għadhiex “DEKO”, jiġifieri kumpannija suġġetta għal-liġi Griega Nru 2414/96 li tapplika għall-impriżi pubbliċi (premessa 144), iżda kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata ordinarja, madankollu hija għadha tibbenefika, bi ksur tal-leġiżlazzjoni Griega, mid-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni speċjali (liġijiet Nri 227/94, FEK A’229/23.12.1994; 2190/94, FEK A’28/03.03.1994; 2527/97, FEK A’206/08.10.1997; u 2602/98, FEK A’83/16.04.1998), ġeneralment applikata għad-DEKO.

218

Ir-rikorrenti ssostni l-l-applikazzjoni għal OA ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni speċjali msemmija iktar ’il fuq hija kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni Griega. Fil-fatt, il-Liġi Nru 2271/94 tipprovdi li OA u l-kumpanniji sussidjarji tagħha ma jibqgħux jiġu suġġetti għal-leġiżlazzjoni li tapplika għall-impriżi tas-settur pubbliku (“DEKO”), bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikoli 1 sa 24 tal-Liġi Nru 2190/94. Il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 14(1) tal-Liġi Nru 2190/94 jipprovdi li din il-liġi tapplika mhux biss għall-impriżi li jissodisfaw d-definizzjoni ta’ DEKO iżda wkoll għall-impriżi regolati mid-dritt privat irregistrati fl-Istat Grieg. Issa. sa dak inhar, OA kienet 100 % ta’ l-Istat Grieg. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet relatati mar-reklutaġġ u l-amministrazzjoni tal-persunal, kif jirriżultaw mil-liġijiet Nri 2271/94, 2190/94, 2527/97 u 2602/98, jibqgħu japplikaw regolarment għal OA.

219

B’mod partikolari l-liġi Nru 2602/98, li kienet diġà tapplika meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ l-1998, tissuġġetta r-reklutaġġ tal-kategoriji kollha tal-persunal permanenti ta’ OA għal-proċeduri li kienu ġew stabbiliti fir-regoli ġenerali tal-persunal tagħha, li fil-prattika jagħtu s-setgħa kollha lill-Bord tad-Diretturi. Il-persunal staġjonali min-naħa tiegħu huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ reklutaġġ speċifika stabbilita fil-Liġi Nru 2190/94 kif emendata mil-liġi Nru 2527/97, li tistabbilixxi ċerta flessibbiltà. Fid-deċiżjoni tagħha ta’ l-1998 (premessa 66(a)) il-Kummissjoni min-naħa l-oħra aċċettat li din il-proċedura l-ġdida derogatorja fir-rispett ta’ dik applikabbli għall-persunal permanenti tassigura “il-flessibbiltà neċessarja filwaqt li tissodisfa l-ħtieġa ta’ trasparenza”. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinux imorru kontra l-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni ta’ l-1994.

220

Issa, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-1998, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija iktar ’il fuq ma ġewx emendati. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni tal-bdil impliċitu ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Barra minn dan, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, fil-premessi 203 u 204, tad-deċiżjoni kkontestata, huma kontradittorji mal-premessa 192, li tiddikjara li l-liġijiet imsemmijin iktar ’il fuq ma jiksrux l-impenji previsti fl-Artikolu 1(b), (c) u (f) tad-deċiżjoni ta’ l-1994.

221

F’kull każ, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt meta kkonkludiet li l-allegat toqol tal-leġiżlazzjoni fuq ir-reklutaġġ jagħti vantaġġ lil OA fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

222

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni ħażina tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tikkunsidra, f’kull każ, bħala irrilevanti l-fatt li l-leġiżlazzjoni Griega espliċitament tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet speċjali għall-impriżi privati miżmuma mill-Istat. Fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 146), hija enfasizzat li, skond l-awtoritajiet Griegi, OA ma tikkostitwixxix “DEKO” u tinsab, minħabba f’dan, unikament suġġetta għad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi Griega Nru 2190/1920 fuq il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata. Minn dan hija ddeduċiet li ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġijiet Nri 2271/94 u 2602/98 kellhom jiġu emendati konsegwentement. Fin-nuqqas ta’ tali emenda, OA tikkostitwixxi każ eċċezzjonali, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

223

Il-Kummissjoni ġustament issostni li l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni ħażina tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

224

Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 138) l-Kummissjoni espliċitament ammettiet li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega kkunsidrati (Liġijiet Nri 2271/94, 2602/98, 2527/98 u 2414/96), li jirrigwardaw ir-reklutaġġ u l-amministrazzjoni tal-personal, kienu ġew approvati fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ l-1998. Dak iż-żmien, OA kienet “DEKO”. Madankollu, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-1998 l-istatus tagħha ġie mibdul. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, b’effett mill-1999, OA ma baqgħetx suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Griega Nru 2414/96 dwar id-“DEKO”, iżda kienet suġġetta għad-dritt ordinarju li jirregola l-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, ħlief f’dak li jirrigwarda ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni msemmija iktar ’il fuq li baqgħu japplikaw fil-konfront tagħha (premessi 144 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

225

F’dan il-kuntest il-ġdid, il-Kummissjoni tenfasizza, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 192), li l-informazzjoni li l-awtoritajiet Griegi bagħtu tikkonferma li l-leġiżlazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tiksirx l-impenji msemmija fl-Artikolu 1(b)(c) u (f) tad-deċiżjoni ta’ l-1994. Hija tikkonkludi (premessa 225) li d-dubji li kienu wassluha sabiex tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami, f’dan il-każ esposti b’mod partikolari fil-premessi 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ġew eliminati f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ l-impenji msemmija fl-Artikolu 1(b) u (f) tad-deċiżjoni ta’ l-1994.

226

Għaldaqstant, mill-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata — li jikkonstata li l-kundizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ l-24 impenn speċifiku meħudin mir-Repubblika Griega ma kinux ġew irrispettati — interpretat fid-dawl tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari tal-konklużjonijiet magħmula fil-premessi 192 u 255, jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma kkonstatatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm ksur ta’ l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni ta’ l-1994.

227

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti li r-rikorrenti tagħmel fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji msemmija fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 huma infondati.

228

Barra minn dan, kif tosserva l-Kummissjoni, mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li jelenka l-għajnuna l-ġdida li ġew iddikjarati bħala inkompatibbli u li ma jsemmix il-liġijiet imsemmija iktar ’il fuq, jirriżulta b’mod ċar li effettivament il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-applikazzjoni għal OA ta’ dawn il-liġijiet bħala għajnuna ġdida.

229

Minn dan jirriżulta li l-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq żball ta’ dritt għandhom jiġu miċħuda.

2. Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji tagħha previsti fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994

a) L-argumenti tal-partijiet

230

L-ewwel nett ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 hija bbażata fuq interpretazzjoni ħażina ta’ dan l-Artikolu. Fil-fatt ir-referenza f’dan l-Artikolu għall-“istatus fiskali” skond id-dritt ordinarju u l-eżenzjoni mit-taxxi dovuti fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ OA turi li din bl-ebda mod ma tirrigwarda aspetti bħalma huma l-pubblikazzjoni tal-kontijiet ta’ kull sena ta’ OA jew il-livell tal-fondi proprji ta’ din ta’ l-aħħar. Din tirrigwarda biss il-kwistjoni ta’ jekk OA hijiex suġġetta għall-istess leġiżlazzjoni fiskali Griega bħal impriżi oħra rregolati mid-dritt privat. Din il-kwistjoni ġiet ikkunsidrata espliċitament fis-siltiet tad-deċiżjonijiet ta’ l-1994 u ta’ l-1998 li jirrigwardaw l-Artikolu 1(c).

231

Barra minn hekk, anke jekk jiġi meqjus li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 proposta mill-Kummissjoni hija korretta, ħaġa li r-rikorrenti tikkuntesta, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u motivazzjoni insuffiċjenti.

232

Fil-fatt, l-ewwel nett, id-dewmien fil-pubblikazzjoni tal-kontijiet ta’ OA, b’effett mill-1999, irriżulta mill-ħtieġa li tiġi stabbilita bażi ta’ kontabbiltà soda għall-pjan ta’ ristrutturazzjoni permezz ta’ privatizzazzjoni ta’ l-impriża, mibdi fl-2000. Dan id-dewmien ġie regolarment imnaqqas. Fil-fatt, il-kontijiet ta’ kull sena għas-sena finanzjarja 2001 ġew ippubblikati f’Ġunju 2003 u dawk għas-sena finanzjarja 2002 ġew magħluqin f’Ottubru 2003.

233

B’mod partikolari r-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma stabbilixxietx li l-kontabbiltà tagħha ma kinitx miżmuma kif jixraq fid-dawl tad-dritt fiskali Grieg. Iktar minn hekk, jekk tiġi aċċettata t-teżi tal-Kummissjoni, sempliċi ksur tad-dritt fiskali Grieg min-naħa tar-rikorrenti jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994. Issa, dan l-artikolu kien sempliċement jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti hijiex jew le suġġetta għall-istess leġiżlazzjoni fiskali Griega bħal kumpanniji l-oħra kollha rregolati mid-dritt privat. Il-Kummissjoni ma ppruvatx li dan ma kienx il-każ.

234

Barra minn dan, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li n-nuqqas ta’ kontijiet ippubblikati tar-rikorrenti jostakola l-istħarriġ ta’ l-osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji previsti fid-deċiżjonijiet ta’ l-1994 u ta’ l-1998, huwa manifestament irrilevanti għal-kwistjoni ta’ l-“istatus fiskali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt ordinarju” imsemmi fl-artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994.

235

It-tieni nett, il-Kummissjoni analizzat b’mod ħażin il-Liġi Griega Nru 2190/1920. F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ fondi proprji, ir-rikorrenti tallega li din il-liġi ma tipprovdix għal sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, ladarba l-fondi prorprji ta’ l-impriża jinżlu taħt il-50 % tal-kapital tagħha u li l-azzjonisti ta’ l-impriża ma jxoljux l-impriża u ma jadottawx miżuri oħra neċessarji sabiex jagħmlu tajjeb għal din is-sitwazzjoni. Il-fatt li tali sanzjonijiet ma ġewx imposti fuq OA għalhekk ma jistax jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994. F’kull każ, l-azzjonijst ta’ OA, jiġifieri l-Gvern Grieg, kien implementa miżuri importanti sabiex jirimedja għall-kapital negattiv ta’ OA, b’mod partikolari privatizzazzjoni sħiħa flimkien ma, fost l-oħrajn, il-bejgħ ta’ attivitajiet mhux essenzjali.

236

Wara dan, f’dak li jirrigwarda d-dewmien fil-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet ta’ kull sena, ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 48a tal-Liġi Nru 2190/1920 tipprovdi li l-liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru tista’ tiġi rtirata jekk huwa ma jippreżentax kontijiet ta’ kull sena approvati b’riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti matul minn ta’ l-anqas tliet snin. Issa, f’dan il-każ, dan ma kienx il-każ. Barra minn dan, l-ammont żgħir (EUR 146) tal-multa prevista mil-liġi msemmija iktar ’il fuq, fil-każ ta’ dewmien fil-preżentazzjoni ta’ kontijiet ta’ kull sena lill-awtoritajiet Griegi, jindika li l-leġiżlatur Grieg ma jikkunsidrax dan id-dewmien bħala ksur gravi tad-dritt tal-kumpanniji.

237

It-tielet nett, is-sanzjoni ta’ l-irtirar tal-liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru, prevista fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU L 240, p. 1), hija intiża sabiex tiggarantixxi s-“servizzi affidabbli u xierqa” u l-“kriterji ta’ sigurtà għoljin” imsemmija fil-preambolu tar-regolament. Dan ir-regolament iħalli f’idejn kull Stat Membru sabiex jiddetermina jekk tali sanzjoni għandhiex jew le tiġi imposta, fid-dawl ta’ informazzjoni fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ trasportatur bl-ajru. F’dan il-każ, id-dewmien fil-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet ta’ OA għas-snin finanzjarji 1999 sa 2001 ma jiġġustifikax din is-sanzjoni, li, f’kull każ, hija sproporzjonata. Fil-fatt, matul dan il-perijodu, l-awtoritajiet Griegi kellhom biżżejjed informazzjoni sabiex jevalwaw jekk l-għanijiet ta’ interess pubbliku msemmija iktar ’il fuq persegwiti mir-Regolament Nru 2407/92, kinux ipperikolati mis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA.

238

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tispjega li hija ma tirreferix la għall-Artikolu 48 tal-liġi Nru 2190/1920 u lanqas għar-regolament Grieg dwar l-istabbiliment ta’ kumpanniji ta’ l-ajru u ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, peress li dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

239

L-ewwel nett il-Kummissjoni tikkuntesta li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-pubblikazzjoni tal-kontijiet mhijiex kwistjoni fiskali ma ġiex imressaq matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn dan, dan l-argument jagħti preferenza lill-proċedura iktar milli lill-mertu.

240

Wara dan il-Kummissjoni tenfasizza li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, hija kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 126), li r-rikorrenti ma kinitx żammet kif xieraq il-kotba tal-kontabbiltà. Iċ-ċertifikat ta’ l-awditur ta’ l-1 ta’ Diċembru 2003, anness mal-bilanċ ta’ l-2002, (Anness I tal-kontro replika), jikkonferma li r-rikorrenti ma segwietx id-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali, b’mod partikolari dawk tal-kodiċi tal-kontabbiltà li jirrigwardaw kif għandhom jinżammu l-kotba u d-dokumneti. Konsegwentement l-informazzjoni li kienet tinsab, b’mod partikolari, f’diversi kontijiet ta’ dħul u ta’ ħruġ ma kinitx koordinata u għalhekk ma kienx possibbli li jiġi kkonfermat il-bilanċ ta’ dawn il-kontijiet. Fin nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli fir-rigward tar-riżultati tal-kumpannija, kien impossibbli li tiġi vverifikata l-osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji u l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998.

241

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq allegat żball min-naħa tal-Kummissjoni fl-analiżi tagħha tal-Liġi 2190/1920 huma irrilevanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sistema fiskali ta’ OA hija differenti minn dik ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata oħrajn irregolati mid-dritt privat, peress li r-Repubblika Griega ttolerat in-nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ OA għall-obbligu li tippreżenta fil-ħin u tippubblika l-kontijiet ivverifikati minn awditur, kif ukoll l-insuffiċjenza tal-kapital tar-rikorrenti.

242

Il-Kummissjoni żżid li l-Artikolu 48 tal-Liġi Nru 2190/1920 jipprovdi għar-revoka ta’ l-att li jistabbilixxi kumpannija jekk l-ammont totali tal-fondi proprji ta’ din il-kumpannija jkun inqas minn 1/10 tal-kapital tagħha, li kien il-każ fil-kawża preżenti.

243

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata (premessa 195) ma tirreferix biss għall-ksur tal-liġi Griega Nru 2190/1920 u tar-Regolament Nru 2407/92 iżda wkoll għall-prattika tar-Repubblika Griega li ma tużax l-irmedji previsti mid-dritt nazzjonali, jew li ma tirrevokax il-liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru skond ir-regolament Grieg dwar l-istabbiliment ta’ kumpanniji ta’ l-ajru u ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru. Fil-fatt dan ir-regolament kien jipprovdi għar-revoka tal-liċenzja ta’ kull trasportatur bl-ajru li ma jippreżentax informazzjoni perjodika, ma jħallas in-nollijiet għall-illandjar u għall-parkeġġ, jew li t-telf tiegħu jkun jaqbeż iż-żewġ terzi tal-kapital azjonarju mħallas, kundizzjonijiet li kienu kollha sodisfatti fil-każ ta’ OA, kif indikat f’diversi partijiet tad-deċiżjoni.

244

F’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 2407/92, il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ OA ta’ l-obbligu li trasportatur bl-ajru għandu li kull sena jippreżenta lill-awtoritajiet il-kontijiet ivverifikati minn awditur fir-rigward tas-sena finanzjarja preċedenti, previst fl-Artikolu 5(6) ta’ dan ir-regolament, kien jikkostitwixxi raġuni sabiex tiġi revokata l-liċenzja ta’ l-operatur ta’ l-ajru.

245

F’kull każ, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorretni, l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 2407/92 kien jawtorizza lill-awtoritajiet Griegi li joħorġu l-liċenzji li jirtiraw il-liċenzja ta’ OA, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kollass finanzjarju li fiha kienet din il-kumpannija (ara l-premessi 116 u 195 tad-deċiżjoni kkontestata).

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

246

Skond il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq (ara punti 72 u 73) għandha preliminarjament tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-Kummissjoni tagħmel fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-pubblikazzjoni tal-kontijiet ma jagħmilx parti mill-“istatus fiskali”. Fil-fatt, dan l-argument jirriżulta minn evalwazzjoni legali u mhuwiex ibbażat fuq elementi fattwali ġodda.

247

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “status fiskali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata paragunabbli ma dak ta’ kumpanniji Griegi rregolati mid-dritt ordinarju”, msemmi fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994, għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet ta’ l-1994 u ta’ l-1998 ma jinkludu l-ebda definizzjoni espliċita ta’ dan il-kunċett. Madankollu mid-deċiżjoni ta’ l-1994 (paġna 9) jirriżulta b’mod espliċitu li, fil-kuntest tat-taħdidiet fuq l-istatus ta’ OA matul il-proċedura amministrattiva li ntemmet bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Gvern Grieg kien iddikjara li OA kienet tibbenefika minn sistema ta’ dritt ordinarju, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell soċjali, dak tal-kontabbiltà u dak finanzjarju, u li l-unika sistema derogatorja li kien għad fadal favur OA kienet tirrigwarda l-qasam fiskali.

248

F’dan il-kuntest, interpretazzjoni tal-kunċett imsemmi iktar ’il fuq ta’ “status fiskali rregolat mid-dritt ordinarju” li teskludi, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-pubblikazzjonijiet tal-kontijiet ta’ kull sena u l-livell tal-fondi proprji, kif tipproponi r-rikorrenti, ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, l-impenn ta’ l-Istat Grieg li jirrigwarda l-istatus fiskali huwa espliċitament ibbażat fuq il-premessa li, fl-oqsma l-oħra, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kontabbiltà u finanzjarji, OA kienet bħala prinċipju suġġetta għas-sistema prevista mid-dritt ordinarju. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjonijiet ta’ l-1994 u ta’ l-1998 effettivament jirriżulta li dawn kellhom it-tendenza, permezz ta’ l-impenji imposti fuq l-Istat Grieg, li b’mod partikolari jneħħu, bħala prinċipju, kull trattament derogatorju favur OA. L-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 għandu għaldaqstant jiġi interpretat fis-sens li dan jobbliga lir-Repubblika Griega sabbix tqied is-sistema ta’ OA fuq l-istess linji tal-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata rregolati mid-dritt ordinarju u li tapplika effettivament din is-sistema fil-konfront ta’ OA.

249

Barra minn dan, mill-argument tal-Kummissjoni, mhux ikkontestat mir-rikorrenti, jirriżulta li l-fatt li impriża ma tkunx kapaċi, għal perijodu twil, tippubblika fil-ħin il-kontijiet tagħha jimplika wkoll ksur ta’ l-obbligu ta’ l-istabbiliment u tar-reġistrazzjoni tal-kontijiet fil-kotba u d-dokumenti li l-liġi timponi li din għandha żżomm.

250

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 141 u fuq kollox 195), li l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 ma kienx ġie rrispettat minħabba li l-awtoritajiet Griegi kienu ttolleraw — mingħajr ma imponew is-sanzjonijiet previsti mil-Liġi Griega Nru 2190/1920 u mir-Regolament Nru 2407/92 — minn naħa, id-dewmien ta’ OA fl-ippubblikar tal-kontijiet tagħha ta’ kull sena u, min-naħa l-oħra, livell insuffiċjenti ta’ fondi proprja.

251

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 195), li din it-tolleranza tipprova li r-Repubblika Griega ppermettiet it-tkomplija ta’ l-attivitajiet ta’ OA, wara l-2000, mingħajr ma adottat miżuri ta’ ristrutturazzjoni addizzjonali, filwaqt li impriża f’kundizzjonijiet normali kien ikollha twaqqaf l-attivitajiet tagħha.

252

Hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kif tirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, u tar-Regolament Nru 2407/92, li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jekk din l-aħħar istituzzjoni marritx lil hinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha meta essenzjalment ikkunsidrat li r-Repubblika Griega kienet ikkonċediet trattament derogatorju lil OA li jmur kontra l-impenn stabbilit fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994, billi ppermettiet it-tkomplija ta’ l-attivitajiet ta’ din il-kumpannija mingħajr ma adottat miżuri ta’ ristrutturazzjoni addizzjonali minkejja, minn naħa, id-dewmien sistematiku fil-pubblikazzjoni tal-kontijiet ivverifikati minn awditur u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ħafna ta’ OA.

253

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, preliminarjament, li r-rikorrenti ġustament tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ssir l-ebda referenza la għall-Artikolu 48 tal-Liġi Griega Nru 2190/1920 u lanqas għar-regolament Grieg dwar l-istabbiliment ta’ kumpanniji ta’ l-ajru u ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, invokati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara punti 242 u 243 iktar ’il fuq). Din id-deċiżjoni tirreferi biss għall-Artikolu 47 tal-Liġi Nru 2190/1920 u għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li tirrigwarda l-pubblikazzjoni tal-kontijiet, kif ukoll għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2407/92 (premessi 49 u 195).

254

Issa, skond il-ġurisprudenza, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tkun tinsab fi ħdan l-istess deċiżjoni u spjegazzjonijiet li jiġu pprovduti iktar tard mill-Kummissjoni ma jistgħux, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jittieħdu in kunsiderazzjoni. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni għandha tkun sodisfaċenti fiha nfisha u l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta minn spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija iktar tard, meta d-deċiżjoni in kwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja (sentenza Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 287).

255

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk, fil-kuntest ta’ din il-kwistjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet fattwali mogħtija iktar tard għandhomx jiġu miċħudin.

256

Safejn il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 hija b’mod partikolari mmotivata permezz tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tas-sanżjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali, u safejn mil-fajl ma jirriżultax li l-kwistjoni li tirrigwarda l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 48 tal-Liġi Griega Nru 2190/1920 u ta’ l-imsemmi regolament kienet ġiet diskussa bejn il-partijiet matul il-proċedura amministrattiva, kienet il-Kummissjonii li kellha, fid-deċiżjoni kkontestata, tispeċifika d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernati, jew minn ta’ l-anqas tispeċifika l-kontenut tagħhom. Konsegwentement, il-motivazzjoni addizzjonali bbażata fuq din il-leġiżlazzjoni nazzjonali m’għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni.

257

Barra minn dan, għandu preliminarjament jiġi miċħud ukoll iċ-ċertifikat ta’ kontroll ta’ l-awdituri anness mal-bilanċ tas-sena finanzjarja 2002, li jġib id-data ta’ l-1 ta’ Diċembru 2003, safejn dan sar wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu meta l-att ġie adottat. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmulin mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl ta’ l-elementi li din ta’ l-aħħar kellha meta għamlet tali evalwazzjonijiet (sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 81, u Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 142).

258

Wara dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandhom l-ewwel nett jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet fir-rigward tas-sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 47 tal-Liġi Griega Nru 2190/1920 u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2407/92, fil-każ ta’ deterjorament gravi tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kumpannija ta’ l-ajru. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, meta l-fondi proprji ta’ impriża jinżlu taħt il-livell ta’ 50 % tal-kapital azzjonarju, l-Artikolu 47 tal-Liġi Griega Nru 2190/1920 jimponi li l-Bord tad-Diretturi għandu jsejjaħ laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti fi żmien sitt xhur li jibdew jiddekorru mill-għeluq ta’ l-aħħar sena finanzjarja, u dan sabiex jiġi deċiż ix-xoljiment ta’ l-impriża jew inkella l-adozzjoni ta’ miżuri oħra xierqa sabiex tiġi rmedjata din is-sitwazzjoni.

259

F’dan il-kuntest, fid-dawl b’mod partikolari tal-ħtiega li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi emendat, li ġiet ikkonstatata sa mill-1999, iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorretni, li tgħid li l-liġi Griega ma tissanzjonax in-nuqqas ta’ addozzjoni, min-naħa tal-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonijieti, tal-miżuri msemmija iktar ’il fuq, ma tipprekludix li dan in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ l-Istat Grieg, azzjonista uniku ta’ OA, jista’ jiġi kkunsidrat bħala indizju importanti li jippermetti l-preżunzjoni li OA kienet is-suġġett ta’ trattament partikolari. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li kienu ttieħdu miżuri importanti, fil-forma tal-privatizzazzjoni ta’ OA, sabiex tiġi ristabbilita s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-kumpannija, mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat, l-ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat ma kien ġie ppreżentat quddiem il-Kummissjoni, u inqas ma kien ġie nnotifikat lilha l-ebda pjan ta’ privatizzazzjoni (ara punti 128 u 130 iktar ’il fuq).

260

Barra minn dan, l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 2407/92 jawtorizza lill-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji sabiex jagħmlu evalwazzjoni tar-riżultati finanzjarji meta jkun evidenti li trasportatur bl-ajru jkollu problemi finanzjarji, u li jissospendu jew jirtiraw il-liċenzja jekk huma ma jkunux iktar ċerti li t-trasportatur bl-ajru huwa kapaċi li jissodisfa l-obbligi attwali jew potenzjali tiegħu matul perijodu ta’ tnax-il xahar. Bil-kontra ta’ l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti, dan l-artikolu, moqri flimkien mas-seba’ premessa ta’ l-istess regolament, li tipprovdi li għandu “jiġi żgurat li kull air carrier ikun f’kull ħin qiegħed jopera b’livelli ta’ ekonomija b’saħħitha u ta’ sigurtà għolja”, jippermetti lill-awtoritajiet imsemmijin iktar ’il fuq li jirtiraw il-liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru meta dan ta’ l-aħħar ikun jiddependi għal iktar minn 12-il xahar fuq self sabiex jiffinanzja mhux biss l-assi fissi tiegħu iżda wkoll il-kapital azzjonarju negattiv, kif kien il-każ ta’ OA skond l-indikazzjonijiet mhux ikkontestati mir-rikorrenti li jidhru fid-deċiżjoni kkontesata (ara punt 163 iktar ’il fuq). Għalkemm in-nuqqas ta’ użu ta’ din il-fakultà biss ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi prova suffiċjenti ta’ l-applikazzjoni ta’ status derogatorju, dan jista’ madankollu jiġi kkunsidrat bħala indizju addizzjonali, anke jekk ikun jidher relattivamment dgħajjef.

261

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, is-sanzjoni għad-dewmien fil-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet ivverifikati minn awditur, mill-argumenti tar-rikorrenti, li mhumiex espliċitament ikkuntestati mill-Kummissjoni (ara punti 236 u 241 iktar ’il fuq) jirriżulta li d-dewmien imputabbli lil OA huwa ssanzjonat mil-liġi Griega biss b’multa ta’ EUR 146.

262

Madankollu, fid-dawl tal-proċedura ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA, imnedija b’effett mill-1994, tad-diffikultajiet finanzjarji li l-kumpannija kellha għal diversi snin u tal-fatt li l-grupp kien 100 % miżmum mill-Istat Grieg, il-fatt biss li l-liġi Griega ma tipprovdix għal sanzjonijiet kunsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-imsemmi dewmien ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li d-dewmien sistematiku fil preżentazzjoni tal-kontijiet, li kienu jostakolaw implementazzjoni kooerenti u supervizzjoni stretta tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA, jikkostitwixxu indizju li jikkonferma li OA bbenefikat minn sistema privileġġjata meta mqabbla ma kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata oħrajn, u dan bi ksur ta’ l-impenji li jirriżultaw mill-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994, kif ġie indikat fil-punt 248 iktar ’il fuq.

263

Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, minn qari flimkien ta’ l-Artikolu 3(1) u ta’ l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 2407/92 jirriżulta li l-Istati Membri setgħu jirtiraw il-liċenzji tagħhom maħruġa lil trasportaturi bl-ajru li ma kinux jipprovdu, wara kull sena finanzjarja u mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, il-kontijiet ivverifikati minn awditur għas-sena finanzjarja preċedenti, lill-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji tagħhom. Fil-kuntest tal-kawża preżenti, m’għandux jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha meta qieset li n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, anke jekk din kienet tipprovdi biss sempliċi fakulta, kien jikkostitwixxi, f’dan il-każ, indizju addizzjonali ta’ trattament derogatorju favur OA.

264

Fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet kollha, m’għandux jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq is-serje ta’ indizji eżaminati hawn fuq sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur ta’ l-impenn previst fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994.

265

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata, safejn din tindika b’mod ċar li t-tolleranza ta’ l-awtoritajiet Griegi fir-rigward tal-ksur min-naħa ta’ OA ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega u tar-Regolament Nru 2407/92 tipprova li din il-kumpannija bbenefikat minn sistema partikolari (ara punti 251 u 253 iktar ’il fuq).

266

Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball jew insuffiċjenża ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

3. Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994

a) L-argumenti tal-partijiet

267

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u żball ta’ dritt safejn hija ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata meta kkonkludiet li r-Repubblika Griega kienet kisret l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994, li jirrigwarda l-obbligu li OA ma tingħatax għajnuna ġdida (premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

268

Hija l-ewwel nett tosserva li l-konklużjoni tal-Kummissjoni (premessi 203 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata) li tgħid li l-artikolu 1(b) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 kien ġie miksut, lienet tniżżlet bi żball fil-punt 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwarda “l-allegata għajnuna l-ġdida”. Ksur ta’ dan l-artikolu huwa ekwivalenti għal ksur ta’ kundizzjoni marbuta ma għajnuna eżistenti u mhux ma l-għoti ta’ għajnuna ġdida. Għaldaqstant din il-konklużjoni hija vvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni u minn żball ta’ dritt.

269

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni barra minn dan ammettiet, fir-risposta tad-difiża tagħha, li t-trattament allegatament privileġġjat mogħti lil OA abbażi tal-Liġijiet Nri 2190/1920, 2271/94, 2602/98 u 2414/96 ma kienx ġie inkluż fost l-għajnuna l-ġdida kkonstatati fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. L-imsemmija liġijiet Griegi għalhekk ma jiksrux l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994. Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annulat safejn dan huwa bbażat fuq dan l-allegat ksur.

270

Wara dan ir-rikorrenti tikkuntesta l-allegat ksur addizzjonali tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994. Hija tenfasizza li hija tiżviluppa l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwarda l-allegati għajnuna ġdida.

271

F’dan il-każ, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma eżaminatx jekk l-irkupru ta’ l-għajnuna kollha mogħtija għar-ristrutturazzjoni, approvata fl-1999, minħabba ksur ta’ l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994, kienx konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

272

Barra minn dan, anke jekk jiġi meqjus li l-miżuri indikati fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu għajnuna, ħaġa li r-rikorrenti tikkuntesta, xorta jibqa l-fatt li l-Kummissjoni kellha tivverifika jekk dawn setgħux jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni, abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Issa, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom il-“prinċipju ta’ għajnuna unika” (“one time, last time”), fis-sens tal-linji gwida, kien ġie miksur minħabba l-għoti ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, il-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001 kienu jikkostitwixxu “ċirkustanzi eċċezzjonali li ma setgħux jiġu mbassra u mhux imputabbli fuq l-impriża”, li jiġġustifikaw, skond il-punt 48 tal-linji gwida, l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna ġdida.

273

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tikkuntesta li l-parti l-kbira ta’ l-għajnuna l-ġdida allegati fid-deċiżjoni kkontestata ngħataw wara l-11 ta’ Settembru 2001. F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax b’mod ċar meta “it-tolleranza” ta’ kreditur privat kienet tintemm fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħlas tad-dejn in kwistjoni. Għalhekk huwa impossibbli li jiġi ddeterminat b’effett minn liema ħlas din l-allegata tolleranza setgħet tibda tiġi kkunsidrata bħala għajnuna illegali. Issa, il-parti l-kbira ta’ l-allegata għajnuna ġdida ngħatat f’perijodu qrib il-11 ta’ Settembru 2001. F’kull każ, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk l-allegati għajnuna kinitx konformi ma’ l-Artikolu 87(3) KE. F’dan il-kuntest, hija kellha l-obbligu li tivverifika jekk il-prinċipju msemmi iktar ’il fuq ta’ l-għajnuna unika kienx japplika.

274

Il-Kummissjoni tikkuntesta dawn l-allegazzjonijiet. F’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-“prinċipju ta’ l-għajnuna unika”, hija toġġezzjona li r-rikorrenti ma talbitiex tapprova l-għajnuna l-ġdida in kwistjoni, minħabba, per eżempju, ċirkustanzi eċċezzjonali abbażi tal-punt 48 tal-linji gwida. Barra minn dan, l-parti l-kbira ta’ l-għajnuna l-ġddia li hija timputa fuq ir-Repubblika Griega ngħataw qabel il-11 ta’ Settembru 2001 (premessi 147, 150, 152, 155, u 156 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni f’dan ir-rigward tirreferi għall-argumenti tagħha fir-rigward ta’ l-eżami ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

275

Huwa biżżejjed li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kkonkludiet in-nuqqas ta’ rispett min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenn imsemmi fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 li jimponi li OA ma tingħatax iktar għajnuna, minħabba li serje ta’ għajnuna ġdida kienu ngħataw lil din il-kumpannija ta’ l-ajru. Safejn il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jikkonċernaw l-għoti ta’ għajnuna ġdida huma kkontestati mir-rikorrenti fit-tieni parti tar-rikors tagħha, l-ilmenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994 ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżami separat, kif barra minn hekk tammetti l-istess rikorrenti (ara punt 270 iktar ’il fuq).

276

Madankollu għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, ikun x’ikun ir-riżultat ta’ l-eżami ta’ l-ilmenti li jirrigwardaw l-għoti ta’ għajnuna ġdida, dan ma jistax jaffettwa l-ammont ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li għandha tiġi rkuprata. B’mod partikolari, il-ħlas lura ta’ l-ammont kollu tat-tieni parti ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li tammonta għal EUR 41 miljun, huwa, f’kull każ, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, invokat mir-rikorrenti. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jimponi l-irkupru ta’ dan l-ammont billi fl-istess ħin jibbaża ruħu kemm fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni — li fih innifsu huwa diġà biżżejjed sabiex jiġġustifika l-irkupru — u kif ukoll fuq il-ksur ta’ numru ta’ impenji min-naħa ta’ l-Istat Grieg, fosthom dak li OA ma tingħatax għajnuna ġdida.

277

F’dak li jirrigwarda l-ilmenti li r-rikorrenti tagħmel fir-rigward ta’ l-eżami tal-Kummissjoni, dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni ta’ l-1994, u dwar l-applikazzjoni favur OA ta’ ċerti liġijiet Griegi li normalment jiġu applikati biss għall-impriżi pubbliċi fil-kuntest tal-kapitolu tad-deċiżjoni kkontestata ddedikat għall-għajnuna l-ġdida (ara punti 268 u 269 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, f’kull każ, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni la qieset li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti u lanqas li dawn kienu għajnuna ġdida (ara punti 226 sa 228 iktar ’il fuq). Dawn l-ilmenti għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

278

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-motiv sussidjarju invokat mir-rikorrenti, li jgħid li l-allegata għajnuna ġdida kellha, f’kull każ, tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE (ara punti 272 u 273 iktar ’il fuq), mhuwiex inkluż fit-tieni parti r-rikors. Barra minn dan, dan il-motiv huwa f’kull każ infondat safejn, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Griegi ma kinux talbu lill-Kummissjoni sabiex tapprova l-għoti ta’ għajnuna ġdida, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-effetti tal-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001 fuq is-suq tat-trasport bl-ajru. Fin-nuqqas ta’ tali talba, flimkien ma pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, il-Kummissjoni la kienet obbligata u lanqas f’pożizzjoni li teżamina jekk dawn l-għajnuna addizzjonali mogħtija matul il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni setgħux jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq komuni, abbażi ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 223 u 224), li, f’kull każ, l-allegati għajnuna ġdida ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

279

Konsegwentement, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE kif ukoll fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

280

F’dan l-istadju għandhom jiġu eżaminati l-motivi li r-rikorrenti tinvoka sabiex tikkontesta l-kwalifikazzjoni tal-miżuri kkontestati bħala għajnuna ġdida.

IV — F’dak li jirrigwarda l-allegat għajnuna ġdida (Artikoli 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata)

281

Ir-rikorrenti tikkuntesta d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonstata l-għoti u timponi l-irkupru ta’ għajnuna ġdida fil-forma ta’ tolleranza għan-nuqqas kontinwat fil-ħlasijiet tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-ajruport internazzjonali ta’ Ateni (iktar ’il quddiem l-“AIA”), tal-VAT dovuta fuq il-karburanti u l-partijiet ta’ bdil, ta’ kirjiet u ta’ tariffi ajruportwali dovuti lill-ajruporti oħra apparti l-AIA, tat-taxxa magħrufa bħala “spatosimo”, u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Hija ssostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika bi preċiżjoni dawn l-allegati għajnuna ġdida li l-irkupru tagħha hija imposta fid-deċiżjoni kkontestata u hija tikkontesta l-interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

282

Qabel ma jiġu kkunsidrati suċċessivament, għal kull waħda mill-allegat għajnuna l-ġdida, l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ l-għajnuna l-ġdida li għandha tiġi rkuprata u l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, wara li jiġi mfakkar, preliminarjament, il-kontenut tal-kriterju tal-kreditur privat u l-portata ta’ l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-implementazzjoni ta’ dan il-kriterju, kif ukoll l-eżiġenzi relatati mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

A — Osservazzjonijiet preliminari fir-rigward tal-kriterju tal-kreditur privat u tal-portata ta’ l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll fuq l-eżiġenzi ta’ motivazzjoni

283

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kriterju tal-kreditur privat u l-istħarriġ ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-fatt biss li l-faċilitajiet ta’ ħlas jingħataw b’mod diskrezzjonali minn kreditur pubbliku mhuwiex biżżejjed sabiex dawn jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn dan, il-faċilitajiet ta’ ħlas mogħtija għandhom manifestament ikunu iktar minn dawk li kienu jingħataw minn kreditur privat li jkun jisab f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tad-debitur tiegħu, fid-dawl b’mod partikolari tad-daqs tad-dejn, l-irmedji legali li għandu l-kreditur pubbliku, il-probabbiltà ta’ titjib tas-sitwazzjoni tad-debitur jekk it-tkomplija ta’ l-attività tiegħu tiġi awtorizzata, kif ukoll fid-dawl tar-riskji li l-kreditur jara t-telf tiegħu ikompli jikber fil-każ li l-attività titkompla (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C-256/97, Ġabra p. I-3913, point 30, u konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-480/98, Ġabra p. I-8717, I-8720, punti 34 sa 37; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T-46/97, Ġabra p. II-2125, punt 95).

284

F’dan ir-rigward għandu wkoll jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna, kif definit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti Komunitarja għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm ta’ l-elementi konkreti tal-kawża li għandha quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa ta’ l-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T-152/99, Ġabra p. II-3049, punt 159).

285

Madankollu, meta l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-kwistjoni ta’ jekk miżura tissodisfax il-kriterju kreditur privat tkun tinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa, fir-rigward ta’ liema l-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għal verifika ta’ l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, għall-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kkontestata, għan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u għan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni (sentenza HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 284 iktar ’il fuq, punt 127).

286

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti ġustament tenfasizza li l-motivazzjoni ma tistax tkun limitata għall-konstatazzjoni li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda għandha tinkludi referenza għall-fatti konkreti, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jesponu utilment l-opinjoni tagħhom fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati u sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2002, INMA u Itainvest vs Il-Kummissjoni, T-323/99, Ġabra p. II-545, punt 57).

287

Madankollu mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, safejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat iżda wkoll fid dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 279).

B — Fuq l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ l-għajnuna l-ġdida li għandha tiġi rkuprata u fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

288

Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġu identifikati bi preċiżjoni l-għajnuna l-ġdida kkunsidrata bħala inkompatibbli mat-Trattat u fir-rigward ta’ liema l-Kummissjoni timponi, konsegwentement, l-irkupru. Minħabba f’dan ir-Repubblika Griega mhijiex f’pożizzjoni li tiddetermina l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. F’dan il-każ il-Kummissjoni kellha tiddetermina, għal kull għajnuna ġdida kkunsidrata, il-vantaġġ finanzjarju miksub minn OA minħabba l-fatt tat-tolleranza tan-nuqqas kontinwat fil-ħlasijiet tad-dejn tagħha. Dan il-vantaġġ mhux neċessarjament jikkorrispondi ma l-ammont dovut. Dan huwa kkostitwit mill-vantaġġ monetarju li jirriżulta mid-differenza ta’ bejn l-imġiba teoretika ta’ kreditur privat u l-imġiba effettiva tal-Gvern Grieg, għal kull każ. Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet obbligata tidentifika l-imġiba li kien jadotta kreditur privat, billi tindika, per eżempju, it-terminu ta’ żmien ta’ dewmien wara liema, fl-opinjoni tal-kummissjoni, dan il-kreditur kien iniedi azzjoni legali.

289

Id-deċiżjoni kkontestata hija minħabba f’dan nieqsa minn motivazzjoni u tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ l-allegata għajnuna ġdida li għandu jiġi rkuprat.

290

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-argument imressaq mir-rikkorenti diġà ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-415/03, Ġabra p. I-3875).

291

Fil-fatt, f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba tal-Kummissjoni abbażi ta’ l-Artikolu 88(2) KE li kienet intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Griega ma kinitx adottat il-miżuri kollha meħtieġa għall-ħlas lura ta’ l-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, bl-eċċezzjoni ta’ dik relatata mal-kontribuzzjonijiet dovuti lill-korp tas-sigurtà soċjali Grieg (iktar ’il quddiem l-“IKA”). B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna l-ġdida — bl-eċċezzjoni tal-kontribuzzjonijiet dovuti lill-IKA — fir-rigward ta’ liema d-deċiżjoni kkontestata kienet tordna l-irkupru, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument imressaq mir-Repubblika Griega li jgħid li ma kienx possibbli li din id-deċiżjoni tiġi implementata minħabba n-nuqqas ta’ indikazzjonijiet preċiżi fuq l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati. F’dan ir-rigward hija fakkret, fil-punti 39 sa 40 tas-sentenza tagħha, li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, għandha tiffissa l-ammont preċiż ta’ l-għajnuna li għandu jiġi mħallas lura. Fil-fatt huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju stess tad-deċiżjoni jkun jista’, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, jiddetermina dan l-ammont. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li għalhekk il-Kummissjoni setgħet ġustament tillimita ruħha li tikkonstata l-obbligu ta’ ħlas lura ta’ l-għajnuna in kwistjoni u tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jikkalkolaw l-ammont preċiż ta’ l-ammonti li għandhom jitħalsu lura, u dan jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata moqri flimkien mal-premessi 206 sa 208 ta’ din id-deċiżjoni.

292

F’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar li bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tiddetermina, għall kull għajnuna ġdida, il-mument ta’ meta, fl-opinjoni tagħha, kreditur privat kien jieqaf jittollera d-dewmien fil-ħlasijiet u l-miżuri speċifiċi li dan kien jadotta u l-konsegwenzi tagħhom sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jikkwantifika, għal kull każ, il-vantaġġ miksub minn OA.

293

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-vantaġġ miksub minn debitur minħabba t-tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas jew tad-dewmien fil-ħlas tad-dejn tiegħu huwa preċiżament ikkostitwit mill-eżenzjoni jew mid-dewmien fil-ħlas ta’ l-ammont ta’ dan id-dejn, b’effett minn meta dan isir dovut. Dan il-vantaġġ mhux neċessarjament ikun jikkoinċidi ma l-ammont tas-somma li kreditur privat seta’ jirkupra li kieku waqaf jittollera n-nuqqas jew id dewmien tal-ħlas.

294

B’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit jekk f’dan il-każ OA kinitx ibbenefikat minn vantaġġ, kienet biss il-Kummissjoni li kellha tivverifika, l-aktar tard meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, jekk kreditur privat li jkun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli kien manifestament jieqaf jittollera n-nuqqas jew id-dewmien tal-ħlasijiet, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkrin iktar ’il fuq (ara punt 283). F’dan il-każ, dan l-eżami ma kienx jirrikjedi li jiġi ddeterminat il-mument preċiż ta’ meta kreditur privat kien jieqaf jittollera n-nuqqas jew id-dewmien fil-ħlasijiet u kien jieħu miżuri sabiex jikseb il-ħlas tal-kreditu tiegħu.

295

Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, f’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ l-għajnuna l-ġdida li għandha tiġi rkuprata, għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata.

296

Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 229) jirriżulta li sad-data ta’ meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ l-1998 ma kienet ingħatat l-ebda għajnuna ġdida.

297

Din l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni (premessa 230) jirriżulta espliċitament li l-Kummissjoni imponiet l-irkupru ta’ l-għajnuna l-ġdida kollha illegali, safejn, bid-differenza ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni diġà eżaminata fid-deċiżjoni ta’ l-1998, l-għajnuna l-ġdida kienet għadha qatt ma kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni li setgħet toħloq xi aspettattivi li l-irkupru ta’ l-għajnuna ma kinitx ser tiġi impost. Konsegwentement, hija biss l-ewwel parti ta’ l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, mogħtija qabel l-14 ta’ Awwissu 1998, li ġiet eżentata mill-obbligu ta’ l-irkupru (ara punt 25 iktar ’il fuq).

C — F’dak li jirrigwarda l-allegata tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-AIA

298

Skond ir-rikorrenti, l-imġiba kkontestata ma tistax tiġi imputata fuq l-Istat Grieg u ma timplikax it-trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Barra minn hekk, Il-Kummissjoni invertiet l-oneru tal-prova u kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u tar-Repubblika Griega. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u minn żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat.

1. L-argumenti tal-partijiet fir-rigward ta’ l-allegata imputabbiltà ta’ l-imġiba kkontestata fuq l-Istat Grieg

299

Ir-rikorrenti ssostni li l-allegata tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-AIA ma tistax tiġi imputata fuq l-Istat. Hija tosserva, preliminarjament, li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni m’għamlitx distinzjoni bejn l-entita fiżika kkostitwita mill-AIA, li tinsab fi Spata, u l-entita legali responsabbli għall-operat ta’ dan l-ajruport, jiġifieri Διεθνής Αερολιμένας Αθηνών ΑΕ (iktar ’il quddiem “AIA SA”), kumpannija privata li hija 55 % ta’ l-Istat u 45 % ta’ impriżi privati. AIA SA hija rregolata mill-istatuti tagħha u mill-kuntratt ta’ żvilupp ta’ l-ajruport iffirmat bejn l-Istat Grieg u t-tliet impriżi privati li għandhom 45 % tal-kapital tagħha. Dawn iż-żewġ testi ġew emendati permezz tal-Liġi Nru 2338/1995.

300

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt billi fid-deċiżjoni kkontestata (premess 210) bbażat ruħha impliċitament fuq iċ-ċirkustanza li l-Awtorita Griega ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (iktar ’il quddiem l-“AGAĊ”) tamministra l-AIA, sabiex timputa l-allegata tolleranza fuq l-Istat. Fil-fatt, l-AGAĊ hija awtorita pubblika li taqa’ taħt il-Ministeru tat-Trasport, inkarigata mill-iżvilupp u s-sorveljanza tat-trasport bl-ajru fil-Greċja.

301

F’kull każ, fil-każ fejn, u dan huwa kkontestat mir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ibbażata fuq l-idea li l-AIA hija amministrata mill-AGAĊ, din id-deċiżjoni hija nieqsa minn kull motivazzjoni u vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-imputabbiltà tat-tolleranza allegata fuq l-Istat Grieg.

302

Ir-rikorrenti ma tiċħadx li l-AIA SA tista’ taqa’ taħt is-“settur pubbliku”, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1980, fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU L 195, p. 35). Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix il-preżunzjoni li l-miżuri in kwistjoni huma imputabbli fuq l-Istat Grieg. Fil-fatt, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Stardust Marine” (C-482/99, Ġabra p. I-4397, punti 52 u 55), huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li kienu implikati, b’mod jew b’ieħor, fl-adozzjoni tal-miżuri in kwistjoni.

303

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tikkunsidra li l-indizji msemmija mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda. L-ewwel nett, il-fatt biss li l-Istat Grieg għandu 55 % ta’ AIA SA, jinnomina erbgħa mid-disa’ membri tal-Bord tad-Diretturi u jinnomina wkoll il-president ta’ dan il-bord, mhuwa ta’ l-ebda rilevanza fir-rigward tal-mod ta’ kif din il-kumpannija ddeċidiet li tadotta l-miżuri in kwistjoni. Skond il-kuntratt ta’ żvilupp ta’ l-imsemmi ajruport, il-Bord tad-Diretturiir għandu r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni ta’ l-operat ta’ AIA SA u kull membru tal-Bord huwa obbligat li jaġixxi b’mod kompletament indipendenti fir-rispett ta’ l-azzjonisti. Il-funzjoni tal-president tista’ tiġi kkwalifikata bħala, l-aktar l-aktar, simbolika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-fatti ta’ din il-kawża huma differenti ħafna minn dawk in kwistjoni fid-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 1985, Van der KOOY vs Il-Kummissjoni (67/85 R, 68/85 R u 70/85 R, Ġabra p. 1313). Fil-kwistjoni Van der Kooy, l-Istat Olandiż kellu 50 % ta’ l-ishma u kien jinnomina nofs il-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ l-impriża (Gasunie) li kienet tat l-għajnuna ta’ l-Istat in kwistjoni. Madankollu l-Ministru Olandiż responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi kellu s-setgħa li japprova t-tariffi u kien għamel użu minn din il-kompetenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dawn id-diversi elementi, “ikkunsidrati kollha flimkien”, juru li l-azzjonijiet ta’ Gasunie setgħu jiġu attribwiti fuq l-Istat Olandiż. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, l-Istat Grieg ma jeżerċita l-ebda kontroll dirett fuq l-iffissar tat-tariffi min-naħa ta’ AIA SA. Fl-aħħar nett, il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun kien jaqa’, fil-verità, taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Ġenerali ta’ AIA SA.

304

It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tispjegax għalfejn il-fatt li, skond il-ftehim ta’ żvilupp ta’ l-ajruport, ħadd ħlief l-Istat Grieg mhuwa awtorizzat li jkollu 50 % jew iktar ta’ l-ishma ta’ AIA SA (Artikolu 2.8.1), jew li din ta’ l-aħħar ma jistax ikollha ishma f’impriża li topera f’attivitajiet oħra li mhumiex dawk li għalihom din ġiet stabbilita (Artikolu 3.1.3), jippermetti li jiġi konkluż li l-Istat Grieg kien implikat fit-tolleranza fir-rigward tad-dewmien fil-ħlas tat-tariffi dovuti minn OA lill-AIA SA. Dan jogħodd ukoll għall-fatt li l-Istat Grieg huwa, skond ċerti kundizzjonijiet, awtorizzat li jwaqqaf il-funzjonament ta’ l-ajruport (Artikolu 11.1 ta’ l-imsemmi ftehim), b’mod partikolari għal “raġunijiet ta’ difiża nazzjonali”. Drittijiet bħal dawn intiżi sabiex jipproteġu investitur straordinarju huma irrilevanti f’dan il-każ.

305

It-tielet nett, id-drittijiet jew privileggi mogħtija lill-OA abbażi ta’ l-Artikolu 13.4.2 tal-ftehim ta’ żvilupp ta’ l-ajruport m’għandhom l-ebda relazzjoni ma l-aspetti eżaminati f’dan il-każ. Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw prinċipalment id-dritt ta’ OA li tuża l-ajruport. F’dak li jirrigwarda d-dejn ta’ OA, AIA SA kienet obbligata li titratta lill din il-kumpannija bħala parti terza, mingħajr ma tagħtiha l-ebda preferenza. Dan il-prinċipju jirriżulta mill-Artikolu 13.4.2(c), li jimponi fuq AIA SA li tagħti lill-OA ċerti drittijiet ajruportwali iżda jindika espliċitament li l-kirjiet u t-tariffi relatati għandhom jiġu kkalkolati “fuq l-istess bażi […] bħall dik użata fir-rigward ta’ operaturi ta’ l-ajru oħrajn”. Barra minn dan, fl-Artikolu 13.4.2(e) huwa wkoll previst li, fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet u fil-provvista tas-servizzi previsti fl-Artikolu 13.4.2(c), OA “hija suġġetta għar-regoli ġenerali li japplikaw f’dan ir-rigward”.

306

Ir-raba’ nett il-fatt li l-Istat Grieg jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jawtorizza self, li jigradwa l-aħħar fost il-kredti u li ma jkunx iggarantit, lill-AIA SA jekk OA ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas it-tariffi dovuti lill-AIA SA (artikolu 13.4.3 tal-ftehim ta’ l-iżvilupp ta’ l-ajruport), lanqas ma jippermetti li jiġi konkluż li l-Istat Grieg kien implikat f’xi waħda miż-żewġ miżuri in kwistjoni. Fl-analiżi tagħha ta’ l-eventwali implikazzjonijiet f’termini ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat tal-modalitajiet ta’ l-għoti ta’ self bħal dan, approvati fit-12 ta’ Ġunju 1996 (kawża NN 27/96), il-Kummissjoni kkunsidrat fit-tul u bir-reqqa l-Artikolu 13.4.3 imsemmi iktar ’il fuq. Hija kkonkludiet li l-mekkaniżmu ma kienx jinvolvi għajnuna mogħtija mill-Istat favur OA. Din id-dispożizzjoni hija iktar u iktar irrilevanti f’dan il-każ peress li qatt ma ġie ddikjarat li AIA SA għamlet użu minnha.

307

Il-ħames nett, l-eżenzjonijiet fiskali, mogħtija lil AIA SA abbażi ta’ l-Artikolu 25 tal-ftehim ta’ żvilupp ta’ l-ajruport, japplikaw indipendentement mill-konklużjoni jew l-implementazzjoni ta’ fthim li jirregola l-ħlas tad-djun ma OA, u huma inklużi fost il-modalitajiet approvati mill-Kummissjoni fl-1996.

308

F’dawn iċ-ċirkustanzi r-rikorrenti tfakkar li fis-sentenza Stardust Marine, punt 302 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatat l-ebda imputabbiltà tal-fatti, għalkemm ir-relazzjoni bejn l-Istat Franċiż u Altus/SBT (konkretament proprjetarju ta’ 100 % ta’ l-ishma rrappreżentati mill-Bord tad-Diretturi ta’ Altus) kienet minn ta’ l-anqas stretta daqs ir-relazzjoni ta’ bejn l-Istat Grieg u AIA SA (proprjetarju ta’ 55 % ta’ ishma rrappreżentati mill-Bord tad-Diretturi, fejn l-azzjonisti l-oħra kienu kumpanniji privati ewlenin).

309

Il-Kummissjoni tikkuntesta li hija bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuq il-fatt li AIA kienet topera taħt ir-rsponsabbiltà ta’ l-AGAĊ.

310

Sabiex turi l-imputabbiltà tal-miżuri in kwistjoni fuq l-Istat, il-Kummissjoni ssostni li huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li l-impriża kkonċernata ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni in kwistjoni “mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi tas-setgħat pubbliċi” (konklużjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fis-sentenza Stardust Marine, punt 302 iktar ’il fuq, Ġabra p. I-4400, punti 51 sa 78).

311

F’dan il-każ, l-imputabbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna in kwistjoni lill-AIA hija kkonfermata min-numru kunsiderevoli ta’ indizji li juru li l-Istat Grieg għandu s-setgħa li jinfluwenza t-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ interess partikolari, bħal kwistjoni tad-dejn akkumulat minn OA fil-konfront ta’ l-AIA.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

312

Suċċessivament għandhom jiġu kkunsidrati l-motivi bbażati fuq żball ta’ fatt, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-imputabbiltà fuq l-Istat Grieg ta’ l-allegata tolleranza fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-AIA.

313

Fil-premessa 210 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat li l-allegati ħames għajnuniet ġodda kienu imputabbli fuq l-Istat Grieg, skond il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Stardust Marine, punt 302 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, hija ressqet tliet motivi. L-ewwel nett il-Kummissjoni osservat li “ma [kien] hemm l-ebda dubju li [kien] l-Istat stess li [kien] jittolera d-dewmien kontinwu fil-ħlasijiet, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ diversi ħlasijiet, taxxi u dazji dovuti minn OA, kif ukoll il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Kommunitarja u dawk korrisspondenti tal-leġiżlazzjoni Griega”. It-tieni nett hija indikat li, “f’dak li [kien] jirrigwarda l-ajruporti, l-awtoritajiet Griegi [kienu] ddikkjaraw li l-ajruporti kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-[AGAĊ kinu] ffinanzjati mill-estimi ta’ l-Istat u li d-dħul magħmul mill-attivitajiet tagħhom [kien] jagħmel parti mill-estimi ta’ l-Istat” u li “la l-ajruporti Griegi u lanqas [l-AGAĊ ma kienu] awtonomi mill-perspettiva finanzjarja”. It-tielet nett, il-Kummissjoni sempliċement eżaminat l-imputabbiltà tat-tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet dovuti lill-IKA.

314

F’dan il-każ ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq it-tieni motiv iċċitat iktar ’il fuq sabiex issostni li l-Kummissjoni ġġustifikat l-imputabbiltà fuq l-Istat Grieg tat-tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffi dovuti lill-AIA permezz ta’ l-idea żbaljata li AIA hija amministrata minn awtorita pubblika, jiġifieri l-AGAĊ.

315

Dan il-motiv ibbażat fuq żball ta’ fatt għandu jiġi miċħud peress li t-tieni motiv iċċitat iktar ’il fuq m’għandu l-ebda rilevanza f’dak li jirrigwarda l-AIA. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, in-nuqqas ta’ referenza speċifika, fid-deċiżjoni kkontestata, għal AIA SA, li topera l-AIA li jinsab fi Spata, bl-ebda mod ma juri li l-Kummissjoni kkunsidrat li dan l-ajruport kien amministrat mill-AGAĊ. Fid-deċiżjoni tagħha (premessi 92, 156, 207 u l-Artikolu 2 tad-dispożittiv), il-Kummissjoni sistematikament tirreferi għall AIA permezz tal-kleim “l-ajruport ta’ Spata”, u b’dan il-mod tirreferi għall-entità legali kostitwita mill-kumpannija msemmija iktar ’il fuq u mhux sempliċement l-infrastruttura ajruportwali li tinsab fi Spata.

316

Barra minn dan il-Kummissjoni tuża l-kelma “ajruporti” sabiex tirreferi għal ajruporti oħrajn li mhumiex l-AIA (premessi 92, 151, 152, 209 u l-Artikolu 2 tad-dispożittiv). Huwa wkoll f’dan is-sens li din il-kelma intużat fit-tieni motiv (ara punt 313 iktar ’il fuq), fil-premessa 210. Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda plawżibbli, kemm fid-dawl ta’ l-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-dawl tal-kontenut ta’ dan it-tieni motiv, li jirrigwarda speċifikatament in-nuqqas ta’ awtonomija finanzjarja ta’ ajruporti oħra li mhumiex l-AIA, li joperaw taħt ir-responsabbiltà ta’ l-AGAĊ.

317

F’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, anke jekk jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din il-kawża, u b’mod partikolari l-fatt li l-Istat Grieg kien direttament implikat fl-amministrazzjoni tar-rikorrenti, l-ewwel motiv ta’ din id-deċiżjoni, li jgħid li “mhemm l-ebda dubju li huwa l-Istat stess li jittollera d-dewmien kontinwu fil-ħlasijiet”, jillimita ruħu li jindika l-konklużjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma jsostniha b’xi element ta’ motivazzjoni. Issa, skond ġuriprudenza stabbilita (ara punti 286 u 287 iktar ’il fuq) is-sempliċi indikazzjoni ta’ din il-konklużjoni ma jippermettix lir-rikorrenti li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq il-verità u r-rilevanza tat-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-Istat kien implikat fit-tolleranza fir-rigward tan-nuqqas tat-tariffi dovuti lill-AIA, u lanqas ma tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha.

318

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annulata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni safejn din tirrigwarda l-allegata tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-AIA.

319

F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li jiġi vverifikat jekk l-evalwazzjoni tal-kummissjoni fir-rigward ta’ l-imputabbiltà ta’ l-imġiba in kwistjoni fuq l-Istat Grieg hijiex ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas li jiġu eżaminati l-kwistjonijiet l-oħra mqajma f’dan il-kuntest, li jirrigwardaw, minn naħa, l-allegat trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat, min-naħa l-oħra, l-oneru ta’ prova u d-dritt għal smigħ u, fl-aħħar nett, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat.

D — F’dak li jirrigwarda l-allegata tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tal-VAT fuq il-karburanti u l-partijiet ta’ bdil

1. Fuq l-allegata għajnuna ġdida fir-rigward tal-VAT fuq il-karburanti

a) L-argumenti tal-partijiet

320

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkuntesta l-allegazzjoni li Olympic Aviation ma ħallsitx il-VAT fuq il-karburanti għax-xhur ta’ bejn Jannar u Mejju 2001 u għax-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2001.

321

Dan il-ħlas huwa minn ta’ l-anqas ikkonfermat għax-xhur ta’ Marzu u ta’ April 2001 min-noti ta’ debitu (li jinkludu l-VAT) indirizzati minn OA lill-Olympic Aviation għall-provvista ta’ karburanti matul dawn ix-xahrejn, li kienu ġew annessi ma' l-osservazzjonijiet mibgħuta mir-Repubblika Griega fil-11 ta’ April 2002.

322

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni injorat l-ispjegazzjoni ġenerali li r-Repubblika Griega tat fl-osservazzjonijiet tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2001 u tal-11 ta’ April 2002, fuq il-mekkaniżmu ta’ ħlas minn Olympic Aviation tal-karburanti mixtri minnha.

323

Fil-verità il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ kull xahar tar-rikorrenti u ta’ Olympic Aviation. B’mod partikolari, mit-tabella li tidher fl-anness 29 tar-risposti tagħha tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, jirriżulta li Olympic Aviation ma ħallsitx il-VAT dovuta lill-Istat għal-perijodu tas-seba’ xhur ikkontestati.

324

Issa, il-ħlasijiet tal-VAT dovuta lill-Istat isiru biss għax-xhur fejn il-VAT miġbura fuq il-bejgħ tkun iktar mill-VAT imħallsa fuq ix-xiri. iktar minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ kull xahar ta’ Olympic Aviation mibgħuta lill-Kummissjoni jkopru kull tip ta’ xiri u ta’ bejgħ, u mhux sempliċement ix-xiri ta’ karburanti.

325

F’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ kull xahar mibgħuta lill-Kummissjoni fl-anness 9 ta’ l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Griega tal-25 ta’ Ottubru 2001 u għal darba oħra fl-anness 53 tar-risposti tal-11 ta’ April 2002, jindikaw biss li l-VAT imħallsa minn Olympic Aviation fuq ix-xiri effetwat matul il-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2001 taqbeż il-VAT miġbura fuq il-bejgħ suġġett għall-VAT. Dan jgħodd ukoll għad-dikjarazzjonijiet tal-VAT għax-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2001.

326

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li n-nuqqas ta’ prova ta’ ħlas tal-VAT għas-seba’ xhur in kwistjoni jippermetti li jiġi konkluż li Olympic Aviation ma kinitx ħallset il-VAT fuq il-karburanti matul dan il-perijodu.

327

It-tieni nett ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligi li hija għandha f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova u kisret d-dritt għal smigħ tagħha u dak tar-Repubblika Griega f’dak li jirrigwarda l-VAT fuq il-karburanti.

328

F’dan il-każ, ir-Repubblika Griega rrispondiet korrettament u in bona fede għat-talbiet ta’ informazzjoni kollha tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għaż-żewġ ordnijiet. Issa, minkejja n-noti ta’ debitu msemmija iktar ’il fuq mibgħuta lilha, il-Kummissjoni fl-ebda mument ma taat lir-Repubblika Griega x’tifhem li hija kienet tqis dawn il-provi bħala insuffiċjenti u lanqas li hija kienet tqis li kien hemm nuqqas ta’ provi fir-rigward tal-ħlas min-naħa ta’ Olympic aviation tal-VAT fuq il-karburanti għas-seba’ xhur in kwistjoni.

329

L-ewwel nett il-Kummissjoni tikkkuntesta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi tal-ħlas min-naħa ta’ Olympic Aviation tal-VAT fuq il-karburanti.

330

Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni fl-ebda waqt ma tat lill-wieħed x’jifhem li hija kellha ċ-ċertezza li Olympic Aviation kienet ħallset il-VAT fuq il-karburanti għall-perijodi lil hinn mis-seba’ xhur ikkontestati ta’ l-2001. Hija enfasizzat, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 150 u 206), li ma kienet ġiet ippreżentata l-ebda prova fir-rigward tal-ħlasijiet għal-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju u għax-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2001.

331

Fir-rigward ta’ l-ispjegazzjoni dwar is-sistema ta’ ħlas tal-VAT ta’ Olympic Aviation, mogħtija mir-rikorrenti, din hija irrilevanti peress li din ma tikkostitwixxix prova ta’ ħlas.

332

Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar tal VAT jindikaw biss il-VAT iddikjarata bħala imħallsa u miġbura. Ir-rikorrenti kellha tipprova li, għall-provvista ta’ karburanti pprovduta matul is-seba’ xhur ikkontestati, Olypic Aviation kienet effettivament ħalsitha l-VAT in kwistjoni sabiex tonora n-noti ta’ debitu korrispondenti. Issa, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda prova ta’ ħlas. Barra minn hekk, jekk għas-seba’ xhur ikkontestati l-ammont tad-dħul magħmul minn Olympic Aviation mill-VAT miġbura fuq il-bejgħ suġġett għall-VAT kien għola mill-ammont ta’ VAT imħallsa fuq ix-xiri, Olympic Aviation kellha tħallas id-differenza lill-Istat. Konsegwentement, ir-rikorrenti kellha tipprova b’mod konkret liema kien, għal kull wieħed mis-seba’ xhur in kwistjoni, id-dħul li Olympic Aviation għamlet mill-VAT fuq il-bejgħ u liema kien l-ammont tal-VAT li ġie effettivament imħallas fuq ix-xiri.

333

Aktar minn hekk, kif tindika l-istess rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ kull xahar bl-ebda mod ma jindikaw li l-VAT fuq il-karburanti għas-seba’ xhur ikkontestati kienet ġiet meħuda in kunsiderazzjoni.

334

Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-kontroll min-naħa ta’ l-awtoritajiet fiskali tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ kull xahar ta’ OA u ta’ Olympic Aviation ma joffri l-ebda garanzija ta’ korrettezza. Fil-fatt, minn dokument tal-konsulent fiskali ta’ OA, anness ma l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002, jirriżulta li l-kontabbiltà ta’ OA ma kinitx aġġornata fir-rigward tal-VAT.

335

It-tieni nett, il-Kummissjoni la kisret ir-regoli relatati ma’ l-oneru tal-prova u lanqas id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u tar-Repubblika Griega. Fiż-żewġ ordnijiet sabiex tiġi pprovduta informazzjoni hija talbet l-informazzjoni kollha neċessarja.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

336

Fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 150 u 206) il-Kummissjoni kkonstatat in-nuqqas ta’ kwalsiasi prova li l-kumpannija sussidjarja Olympic Aviation kienet ħallset il-VAT fuq il-karburanti għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2001 u kif ukoll għax-xhur ta’ Novembru u Diċembru ta’ l-istess sena. Hija kkonkludiet biss li “hija ma kinitx f’pożizzjoni li teskludi li dan kollu kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat”. Min-naħa l-oħra, lil hinn mill-perijodu hawn fuq imsemmi ta’ seba’ xhur, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-VAT fuq il-karburanti kienet tħallset.

337

Sabiex tasal għal-konklużjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-perijodu kkontestat, il-Kummissjoni b’mod partikolari bbażat ruħha fuq it-tabella inizjali intitolata “Ħlasijiet tal-VAT 2001” li kienet tinsab fl-anness 29 — ikkunsidrata fil-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata — tar-risposti tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002. Mir-riassunt ta’ l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Griegi magħmul fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 91) jirriżulta wkoll l-evidenza li fuqha l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha kienet id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ippreżentati minn dawn l-awtoritajiet.

338

Mit-tabella msemmija iktar ’il fuq, li tesponi biss, għal kull xahar ta’ l-2001, l-ammont tal-VAT imħallsa minn Olympic Aviation u li tinkludi inċiż ħdejn is-seba’ xhur ikkontestati, jirriżulta li Olympic Aviation ma kinitx ħallset il-VAT matul dawn is-seba’ xhur.

339

F’dan ir-rigward, id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ kull xahar ta’ Olympic aviation għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Awwissu 2001, li kienu ntbagħtu lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, kienu jippermettu li jiġi spjegat, għax-xhur in kwistjoni, in-nuqqa ta’ dejn ta’ VAT ta’ Olympic Aviation li jirriżulta mit-tabella msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn juru li l-ammont ta’ VAT li din il-kumpannija ħallset fuq ix-xiri, matul il-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2001, jaqbeż l-ammont ta’ dħul mill-VAT magħmul, essenzjalment, mill-bejgħ ta’ biljetti ta’ l-ajru, b’tali mod li f’dan ir-rigward Olympic Aviation kellha kreditu ta’ VAT.

340

Barra minn dan, matul il-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni kellha wkoll noti ta’ debitu, li kienu jinkludu l-VAT, li OA kienet bagħtet lill-Olympic Aviation għall-provvista ta’ karburanti għax-xhur ta’ Marzu u ta’ April 2001. Dawn iż-żewġ noti ta’ debitu kienu jindikaw biss li l-VAT fuq il-karburanti kienet ċertament ġiet iffatturata min-naħa ta’ OA.

341

F’dak li jirrigwarda n-noti ta’ debitu għal Jannar, Frar, Mejju, Novembru u Diċembru 2001, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ Olympic Aviation għax-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2001, huwa stabbilit li dawn ma ntbagħtux lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (ara punti 72 u 73), dawn m’għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni.

342

F’dan il-kuntest, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari tat-tabella li tidher fl-anness 29 tar-risposti tal-11 ta’ April 2002 u tad-dikjarazzjonijet tal-VAT għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2001, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, din l-istituzzjoni setgħetx ġustament tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida fil-forma ta’ tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat ta’ ħlas tal-VAT fuq il-karburanti dovuta minn Olypic Aviation.

343

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ġustament tosserva li d-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar tal-VAT ta’ Olympic Aviation ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni fuq l-ammont ta’ input VAT imħallsa fuq il-karburanti. Fil-fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jippermettux li tiġi identifikata l-VAT iddikjarata fuq il-karburanti. Dawn isemmu biss, billi jiġbruhom flimkien skond ir-rata ta’ taxxa applikabbli, minn naħa, l-ammonti globali ddikjarati tal-bejgħ li fuqu l-impriża tiġbor l-input VAT kif ukoll l-ammonti ta’ VAT korrispondenti u, min-naħa l-oħra, l-ammonti glodali ddikjarati ta’ xiri magħmul mill-impriża, suġġett għal-VAT kif ukoll l-ammonti ta’ VAT korrispondenti.

344

Aktar minn hekk, skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti u mhux ikkontestati mill-Kummissjoni, il-fatt li ebda VAT ma kienet ġiet imħallsa minn Olympic Aviation matul il-perijodu kkontestat, kif ukoll ir-riżultati tat-tabella msemmija iktar ’il fuq, jistgħu jiġu spjegati permezz ta’ kreditu ta’ VAT jew l-ebda VAT dovuta matul dan il-perijodu, u dan kien effettivament verifikabbli abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar disponibbli, minn ta’ l-anqas għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2001 (ara punt 325 iktar ’il fuq).

345

Minn dan jirriżulta li l-imsemmija tabella u d-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar għal ħamsa mis-seba’ xhur ikkontestati, li minnhom jirriżulta kredtu ta’ VAT, la huma inqas u lanqas iktar probatorji minn dikjarazzjonijiet tal-VAT li juru debitu ta’ VAT għall-perijodu lil hinn min dak ikkontestat.

346

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 91) il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni s-sitema ta’ ħlas tax-xiri ta’ karburanti min-naħa ta’ Olympic Aviation, esposta fl-osservazzjonijiet tar-Repubblika Griega tal-25 ta’ Ottubru 2001 u fir-risposti tagħha tal-11 ta’ April 2002. Skond din is-sistema, OA tixtri karburanti f’isem Olympic Aviation u wara dan tiffattura lill-din ta’l-aħħar il-prezz sħieħ ta’ dan il-karburanti, billi tinkludi l-VAT fuq il-prezz tax-xiri.

347

Skond il-prinċipji li jirregolaw il-ġbir tal-VAT, il-VAT dovuta minn Olympic Aviation fuq ix-xiri tagħha ta’ karburanti fl-ebda każ ma kellu jitħallas direttament minn din il-kumpannija lill-Istat, iżda lill-fornitur tagħha, f’dan il-każ OA, li kienet taxxabbli għall-VAT hekk miġbura fil-konfront ta’ l-Istat u kellha għalhekk tiddikjaraha ma’ l-ammont ta’ VAT miġbur minnha (taxxi fuq l-output).

348

F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda motivazzjoni li tippermeti li jiġi mifhum ir-raġunament tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-premessa 150 tagħha, li tikkonstata nuqqas ta’ “prova li turi li Olympic Aviation ħallset il-VAT in kwistjoni lill-awtoritajiet fiskali” matul il-perijodu kkontestat, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi motivazzjoni li tista’ tiftiehem, u dan peress li mhijiex kooerenti fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-fatt li OA kienet tiffattura lill-Olympic Aviation il-prezz tal-Karburanti bil-VAT inkluża.

349

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-fatt li l-osservanza ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li l-ksur tiegħu jista’ jiġi mistħarreġ ex-officio mill-qorti Komunitarja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkonstatata hija vvizzjata minn ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, safejn din tikkonkludi t-tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta minn Olympic Aviation fuq il-karburanti mixtri matul il-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2001 u għax-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2001. Konsegwentement, mhuwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra li r-rikorrenti tinvoka f’dan ir-rigward.

2. Fuq l-allegata għajnuna ġdida fir-rigward tal-VAT fuq il-partijiet ta’ bdil

a) L-argumenti tal-partijiet

350

Ir-rikorrenti tfakkar li x-xiri ta’ partijiet ta’ bdil min-naħa ta’ Olympic Aviation isir permezz ta’ OA skond proċedura ċentralizzata. Bħala trasportatur bl-ajru internazzjonali, OA hija eżentata mill-VAT. Min-naħa l-oħra Olympic Aviation mhijiex eżentata peress li hija topera biss fi ħdan il-pajjiż. Ir-rikorrenti tammetti li, bi żball, Olympic Aviation teknikament kisret il-leġiżlazzjoni Griega fil-qasam tal-VAT billi ma ħallsitx il-VAT dovuta fuq il-partijiet ta’ bdil lill-Istat Grieg.

351

Madankollu, dan l-element ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE u dan peress li olympic Aviation ma kisbet l-ebda vantaġġ mill-fatt tan-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fuq il-partijiet ta’ bdil. Fil-fatt, li kieku Olympic Aviation ħallset din il-VAT hija kienet sempliċement tnaqqas l-istess ammont mill-fattura tagħha ta’ kull xahar tal-VAT lill-Istat Grieg.

352

Skond il-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda n-nuqqas ta’ benefiċċju ma kienx ġie ppreżentat matul il-proċedura amministrattiva u minħabba f’hekk huwa inammissibli.

353

Barra minn dan, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova sabiex issostni l-kalkoli approssimattivi li hija tagħmel. Hija fil-fatt la indikat l-ammont eżatt tal-VAT in kwistjoni u lanqas ma indikat liema kienu x-xiri tal-partijiet ta’ bdil u l-perijodi in kwistjoni.

354

Mill-ittra li r-Repubblika Griega bagħtet lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 2003 jirriżulta li din ta’ l-ewwel tirrikonoxxi espliċitament li, fl-1998 OA ma rċevietx mingħand Olympic Aviation ammont speċifiku ta’ VAT (EUR 202694,53) li tirriżulta mill-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil u li hija ma inkludietx dan l-ammont fid-dikjarazzjoni tal-VAT korrispondenti. Ir-Repubblika Griega kkonfermat mal-Kummissjoni li f’dan ir-rigward r-rikorrenti kellha tippreżenta, fl-2003, dikjarazzjoni addizzjonali tal-VAT għas-sena finanzjarja 1998. Skond il-parir tal-konsulent fiskali ta’ OA, anness mar-risposti tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni, il-kontabbiltà ta’ OA fir-rigward tal-VAT ma kinitx aġġornata. Għalhekk il-kontroll ta’ l-informazzjoni tar-rikorrenti u dik ta’ Olympic Aviation f’dak li jirrigwarda l-VAT ma kienx possibbli meta saret il-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT ta’ kull xahar min-naħa ta’ l-awtoritajiet fiskali.

355

Is-sitwazzjoni tal-kontabbiltà ta’ Olympic Aviation mhijiex aħjar peress li l-kontabbiltà għas-snin finanzjarji 1998, 1999, 2000 u 2001 kienet ġiet ippubblikata tard. Barra minn hekk, fiċ-ċertifikat ta’ kontroll anness mal-kontijiet ta’ l-2001, l-awdituri kienu indikaw kemm li kien hemm nuqqas ta’ kooerenza fil-kontabbiltà tat-tranżazzjonijiet ta’ bejn Olympic Aviation u l-kumpannija prinċipali tagħha u kif ukoll in-nuqqas, fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, tad-dokumenti previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali.

356

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tqis li, billi ma ħallsitx il-VAT li hija kellha tħallas, Olympic Aviation ibbenefikat minn vantaġġ finanzjarju reali fil-konfront tal-kompetituri tagħha, kemm jekk l-ammont li effettivament ma tħallasx kienx inkluż fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT ikkonċernati u anke jekk le.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

357

Għandha l-ewwel nett tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-Kummissjoni tagħmel fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ vantaġġ. Fil-fatt, peress li dan huwa argument legali dan ma jistax jiġi kkunsidrat, skond ġurisprudenza kostanti (ara punti 72 u 73 iktar ’il fuq), bħala li ġie ppreżentat tard, kemm jekk dan ġie invokat matul il-proċedura amministrattiva u anke jekk le.

358

Min-naħa l-oħra, skond il-ġurisprudenza (ara punt 254 iktar ’il fuq), m’hemmx lok li tittieħed in kunsiderazzjoni l-ittra tar-Repubblika Griega tas-26 ta’ Ġunju 2003, ippreżentata mir-rikorrenti u invokata mill-Kummissjoni, u dan peress li din saret wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

359

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata (premessi 150 u 206) issemmi n-nuqqas ta’ ġlas, min-naħa ta’ Olympic Aviation, tal-VAT dovuta fuq ix-xiri ta’ partijiet ta’ bdil għall-perijodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2001 u għax-xhur ta’ Novembru u Diċembru ta’ l-istess sena. Ir-rikorrenti tammetti li Olympic Aviation ma ħallsitx din il-VAT.

360

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li dan in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta fuq il-partijiet ta’ bdil ma ta’ l-ebda vantaġġ lill-Olympic Aviation.

361

Għandu jiġi mfakkar li, bħala prinċipju, il-VAT hija newtra f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni kompettitiva. Fil-fatt, il-VAT imħallsa mill-persuna taxxabbli tista’ jew tiġi mnaqqsa immedjatament bħala taxxa mħallsa input, jew inkella tiġi rkuprata fi żmien qasir. L-uniku vantaġġ eventwali li minnhu setgħet ibbenefikat Olympic Aviation, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fuq il-partijiet ta’ bdil, setgħa jikkonsisti f’vantaġġ ta’ teżorerija li jirriżulta mill-ħruġ temporanju ta’ l-ammont tat-taxxa input (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza Hutchison 3G UK et, C-369/04, sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ġabra p. I-5247, punti 137 u 138).

362

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 10 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata, tipprovdi li l-VAT issir dovuta meta ssir il-kunsinna ta’ l-oġġett jew meta jingħata s-servizz. B’deroga minn dan, l-Istati Membri għandhom il-fakulta li jipprovdu, fir-rigward ta’ ċerti operazzjonijiet jew ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli, li t-taxxa ssir dovuta l-aktar tard meta tingħata l-fattura jew meta jitħallas il-prezz. Id-dritt għat-tnaqqis jibda jogħodd, skond l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, minn meta t-taxa deduċibbli ssir dovuta.

363

F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fuq il-partijiet ta’ bdil min-naħa ta’ Olympic Aviation mhuwiex biżżejjed, bħala prinċipju, sabiex jiġi preżunt li din il-Kumpannija bbenefikat minn vantaġġ fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Hija l-Kummissjoni li kellha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni, dan in-nuqqas ta’ ħlas kienx effettivament jagħti vantaġġ ta’ teżorerija li persuna kkonċernata.

364

Issa, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 206) il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq in-nuqqas ta’ ħlas ta’ din il-VAT sabiex tikkonkludi li kien hemm għajnuna mogħtija mill-Istat. Hija naqset milli teżamina jekk dan in-nuqqas ta’ ħlas kienx jagħti vantaġġ ekonomiku reali lill-Olympic Aviation, u jekk minħabba f’dan kienx jaqgħa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

365

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE safejn din tikkonstata li t-tolleranza fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT fuq il-partijiet tal-bdil kien jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat.

E — F’dak li jirrigwarda l-allegata tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlasijiet tal-kirjiet u tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-ajruporti oħrajn li mhumiex l-AIA

366

Skond ir-rikorrenti l-Kummissjoni invertiet l-oneru tal-prova u kisret id-dritt tas-smigħ tar-rikorrenti u tar-Repubblika Griega. Barra minn dan, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-analiżi tal-ftehim ta’ kumpens konkluż bejn l-Istat Grieg u OA fl-24 ta’ Ġunju 1999, u rratifikat permezz tal-Liġi Nru 2733/99 (FEK A’155/30.07.1999; iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999” jew (il-ftehim ta’ “tpaċċija”). Fl-aħħar nett, din id-deċiżjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat.

367

Qabel ma jiġu eżaminati suċċessivament dawn it-tliet ilmenti, għandu preliminarjament jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni eżaminat, minn naħa, it-tpaċċija tat-tariffi u tal-kirjiet ajruportwali dovuti, għal diversi perijodi bejn l-1994 u l-1998, lill-diversi ajruporti Griegi li mhumiex l-AIA (premessi 151 sa 153 u 209) u, min-naħa l-oħra, il-kirjiet li jammontaw għal EUR 2,46 miljun dovuti lill-dawn l-ajruporti l-oħra għal diversi perijodi bejn, skond din id-deċiżjoni, l-1998 u l-2001 (premessi 154 u 206).

368

Fil-fatt l-imsemmi ftehim jipprovdi għat-tpaċċija tad-djun dovuti minn OA lill-Istat Grieg għal kirjiet u tariffi ajruportwali li skadew fil-31 ta’ Diċembru 1998, permezz ta’ djun ta’ l-Istat fil-konfront ta’ OA għall-istess perijodu. Minn dan il-ftehim jirriżulta li l-ammont ta’ krediti reċiproċi mpaċċija kien ta’ EUR 28,9 miljun. Id-dejn ta’ OA fil-konfront ta’ l-AGAĊ kien jikkonsisti f’tariffi dovuti għall-perijodu ta’ bejn Novembru 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1998, kif ukoll f’kirjiet dovuti għal-perijodu ta’ bejn l-1996 u l-1998.

369

Fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 152 u 209), il-Kummissjoni essenzjalment qieset li l-Liġi Nru 2733/1999 u l-ftehim ta’ tpaċċija ma kinux eżatti b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perijodu li għalih jikkorrispondi d-dejn ta’ l-Istat, u ma kinux akkumpanjati minn provi rilevanti suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-krediti reċiproċi. Fin-nuqqas ta’ provi fir-rigward ta’ l-ammonti mpaċċija, skond il-Kummissjoni, din it-tpaċċija, għalhekk, ma kinitx tippermetti li jiġi ppruvat in-nuqqas ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat.

370

Barra minn dan, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija kirjiet li jammontaw għal madwar EUR 2,46 miljun (EUR 1.6 miljun għal OA u EUR 860000 għal Olympic Aviation), li skond id-deċiżjoni kkontestata huma dovuti għal diversi perijodi bejn l-1998 u l-2001, il-Kummissjoni qieset li ma kienet ġiet ipprovduta l-ebda prova ta’ ħlas. Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, minn dawn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Artikolu 2 tad-dispożittiv tagħha jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ dawn il-kirjiet kienet tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mogħtija mill-Istat.

1. Fuq l-oneru tal-prova u fuq id-dritt għal smigħ

a) L-argumenti tal-partijiet

371

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kellha provi indispensabbli li jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-ammonti kkonċernati mill-ftehim ta’ tpaċċija u, it-tieni nett, il-ħlas tal-kirjiet li jammontaw għal EUR 2.6 miljun dovuti għal diversi perijodi bejn l-1998 u l-2001. Barra minn dan, ir-rikorrenti u r-Repubblika Griega ma kellhomx l-opportunita li jesponu l-opinjoni tagħhom fuq dawn il-kwistjonijiet.

372

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-validità tal-ftehim ta’ tpaċċija jew il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ir-Repubblika Griega kienet irrispondiet għall-ilmenti tal-HACA. Hija kienet ipprovdiet analiżi tad-dejn li kien is-suġġett tal-ftehim ta’ tpaċċija fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Frar 2001 fuq l-ewwel ilment. Wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2001 li kienet titlob “informazzjoni adegwata” u l-“konferma tal-ħlas min-naħa ta’ OA tat-tariffi ajruportwali”, kienet ġiet ipprovduta informazzjoni addizzjonali fl-osservazzjonijiet tar-Repubblika Griega tal-25 ta’ Ottubru 2001 fuq it-tieni lment ta’ l-AGAĊ. Il-Kummissjoni qatt ma talbet informazzjoni speċifika addizzjonali.

373

L-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni ma kinitx tirrigwarda l-kirjiet u t-tariffi kkonċernati mill-ftehim ta’ tpaċċija iżda fuq dawn it-tipi ta’ djun għall-perijodu ta’ bejn l-1998 u s-6 ta’ Marzu 2002. Madankollu r-Repubblika Griega pprovdiet, fir-risposti tagħha tal-11 ta’ April 2002, b’mod partikolari, analiżi tad-djun koperti mill-ftehim ta’ tpaċċija. Wara dawn ir-risposti, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda mistoqsija addizzjonali fuq dan il-ftehim. Fit-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, hija kienet talbet “ċifri eżatti u kwantitattivament preċiżi fuq l-ispejjeż ta’ loperat mhux imħallsa minn Olympic Airways fl-2001 (filwaqt li indikat speċifikatament it-taxxi għas-sena finanzjarja 2001 u t-taxxi għas-snin finanzjarji preċedenti)”. Din it-talba ma kinitx tikkonċerna l-kirjiet u t-tariffi ajruportwali li jirrigwardaw il-perijodu ta’ qabel it-tmiem tas-sena 1998.

374

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ kirjiet ajruportwali li jammontaw għal EUR 2,46 miljun li skond id-deċiżjoni kkontestata huma dovuti għal diversi perijodi bejn l-1998 u l-2001, fil-kontroreplika tagħha l-Kummissjoni tosserva li mill-anness 18 ta’ l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002 jirriżulta li dan l-ammont ta’ EUR 2,46 miljun kien fil-verita jinkludi diversi kirjiet ajruportwali dovuti minn OA u Olympic Aviation għal diversi perijodi bejn Jannar u April 2002. Hija ssostni li l-informazzjoni li tistabbilixxi li dan l-ammont kien għadu mhux ivverifikat minn awditur intbagħtet lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-risposti tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni. Fit-tieni ordni l-Kummissjoni kienet talbet informazzjoni fuq il-pjan ta’ ħlas lura tad-djun b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002. Madankollu, ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni f’dan ir-rigward min-naħa tar-Repubblika Griega fir-risposti tagħha tat-30 ta’ Settembru 2002 peress li tali pjan ta’ ħlas lura kien għadu ma jeżistix.

375

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni tqis li kemm fir-rigward ta’ l-elementi ta’ kalkolu tad-dejn ta’ l-Istat Grieg fil-konfront ta’ OA kif ukoll fir-rigward tal-kirjiet mhux imħallsa minn OA, hija kienet espliċitament talbet il-provi rikjesti, b’mod partikolari fiż-żewġ ordnijiet tagħha.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

376

F’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li dan diġà ġie miċħud għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq (ara punti 42 u 46).

377

F’dan l-istadju għandu jiġi vverifikat jekk ġewx osservati r-regoli relatati ma’ l-oneru tal-prova u d-dritt għal smigħ tar-Repubblika Griega.

378

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda d-djun reċiproċi kkonċernati mill-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999, la l-osservazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Griegi tad-19 ta’ Frar 2001 fuq l-ewwel ilment tal-HACA, li magħhom kienet annessa b’mod partikolari n-nota interna ta’ OA tal-15 ta’ Frar 2001, u lanqas l-osservazzjonijiet tagħhom tal-25 ta’ Ottubru 2001 u l-annessi tagħhom, ma jinkludu xi ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ l-ammont tal-kirjiet ikkontestat u dak tal-krediti li OA kellha fil-konfront ta’ l-Istat u li jidhru fil-ftehim ta’ tpaċċija. Il-Kummissjoni kienet sempliċement ġiet informata dwar il-ftehim ta’ tġaċċija, u l-imsemmija nota interna tal-15 ta’ Frar 2001, li ssemmi l-Liġi Nru 2733/1999 li tirratifika dan il-ftehim, kienet sempliċement tinkludi tabella li tiġbor flimkien id-djun reċiproċi mpaċċija.

379

Barra minn dan, għandu jiġi osservat li, fil-punt 72 E tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2002 li fethet il-proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni enfasizzat li l-ftehim ta’ tpaċċija ma kienx jipprovdi, b’mod oġġettiv, rilevanti, trasparenti, newtru u mhux diskriminatorju, l-informazzjoni li tirrigwarda d-dejn akkumulat minn kull waħda miż-żewġ partijiet, u għalhekk, esprimiet id-dubji tagħha fuq il-metodi tal-kalkolu ta’ l-ammonti mpaċċija.

380

B’mod partikolari, fl-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni indirizzata lir-Repubblika Griega fl-imsemmija deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni b’mod partikolari talbet il-lista u d-dettalji tal-ħlas, min-naħa ta’ OA, tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-ajruport ta’ Elleniko u lill-AIA, kif ukoll tal-kirjiet, taxxi u kontribuzzjonijiet kollha dovuti lill-ajruport ta’ Elleniko, lill-AIA u lill-ajruporti Griegi l-oħra kollha b’effett mill-1998 sad-data ta’ l-ordni. Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, kien evidenti li din it-talba kienet tirrigwarda l-kirjiet u t-tariffi kollha li kienu għadhom dovuti sa dik id-data, u kienu għalhekk inklużi d-djun kollha mhux imħallsa għall-perijodu ta’ bejn l-1994 u l-1998.

381

Issa, għalkemm l-elementi ta’ prova ppreżentati mir-Repubblika Griega, fir-risposti tagħha tal-11 ta’ April 2002 għal din l-ewwel ordni, jkopru kompletament it-tariffi ajruportwali, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 152), madankollu mil-fajl ma jirriżultax li dawn ir-risposti jew l-annessi tagħhom kienu jkopru wkoll il-kirjiet u l-krediti li OA kellha fil-konfront ta’ l-Istat Grieg.

382

Fit-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, il-Kummissjoni talbet kemm l-informazzjoni li kienet diġà intalbet fl-ewwel ordni u li kienet nieqsa, kif ukoll ċerta informazzjoni addizzjonali. B’mod partikolari hija stiednet lir-Repubblika Griega sabiex tipprovdilha, minn naħa, iċ-ċifri preċiżi fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ l-operat ta’ OA fl-2001, billi indikat speċifikatament l-ispejjeż għas-sena finanzjarja 2001 u l-ispejjeż għas-snin finanzjarji preċedenti, u, min-naħa l-oħra, il-pjan ta’ ħlas lura tad-djun b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002. Fir-risposti tagħhom tat-30 ta’ Settembru 2002 għal din it-tieni ordni, madankollu, l-awtoritajiet Griegi ma pprovdew l-ebda element ta’ prova fir-rigward tad-djun impaċċija, b’mod partikolari dwar il-kirjiet li jammontaw għal EUR 1,49 miljun u l-metodu ta’ kalkolu tad-djun li l-Istat Grieg kellu fil-konfront ta’ OA.

383

F’dan il-kuntest, peress li kienu l-awtoritajiet Griegi li kellhom jidentifikaw b’mod ċar id-djun reċiproċi kollha mpaċċija permezz tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999, b’mod partikolari wara l-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, u a fortiori wara t-tieni ordni, il-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq l-elementi disponibbli u tadotta d-deċiżjoni kkontestata, u dan mingħajr ma titlob informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi kkompletata l-informazzjoni li kienet nieqsa.

384

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-kirjiet ajruportwali li jammontaw għal EUR 2,46 miljun dovuti għal diversi perijodi b’effett mill-1998, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza li bi żball id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-perijodu 1998-2001, filwaqt li d-dejn ikkontestat kien jinkludi wkoll il-kirjiet għall-diversi perijodi bejn Jannar u April 2002 — kif tosserva r-rikorrenti u kif effettivament jirriżulta mill-anness 18 tar-risposti tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni — mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi b’mod ċar in-nuqqas ta’ prova fir-riward għall-ħlas tal-kirjiet kollha li jammontaw għal EUR 2,46 miljun, imsemmija f’dan l-anness 18, li huma relatati ma diversi perijodi bejn, fil-verità, l-1998 u April 2002, u mhux, kif issostni r-rikorrenti, bejn Jannar 2001 u April 2002. B’mod partikolari d-deċiżjoni kkontestata ssemmi b’mod partikolari l-ammonti totali li jirrigwardaw rispettivament OA u Olympic Aviation, imsemmija fl-anness 18 imsemmi iktar ’il fuq.

385

Għaldaqstant huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, fir-risposti tagħha tal-11 ta’ April 2002, li kienet tgħid li l-ammont ta’ EUR 2,46 li jikkorrispondi ma' l-ammont ta’ dawn il-kirjiet ma kienx tħallas. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha, b’mod partikolari fir-risposti tagħha tat-30 ta’ Settembru 2002 għat-tieni ordni, ir-rikorrenti ma reġgħetx irreferiet għal din il-kwistjoni.

386

Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq il-ksur tar-regoli relatati ma’ l-oneru tal-prova u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tar-Repubblika Griega għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

2. Fuq l-analiżi tal-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999

a) L-argumenti tal-partijiet

387

Ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi tal-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999, magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

388

Hija tallega li wieħed mill-ilmenti tal-Kummissjoni, fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ kooerenza bejn iċ-ċifra ta’ GRD 3402729422 (madwar Eur 9,99 miljun), imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tal-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999, u ċ-ċifra ta’ GRD 2443981910 (madwar EUR 7,17 miljun), imsemmija fl-anness II ta’ dan il-ftehim, li kienu jikkonċnċernaw it-tnejn li huma djun min-naħa ta’ l-AGAĊ fil-konfront ta’ OA.

389

Ir-rikorrenti tispjega li d-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti (GRD 958747512) tirrappreżenta l-interessi fuq l-imsemmi dejn ta’ GRD 2443981910. Fil-fatt, wara t-tieni ċifra hemm, fl-anness II tal-ftehim ta’ tpaċċija, referenza għal “interessi” ta’ GRD 958747512 GRD.

390

Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’l-interessi fuq id-djun l-oħra ta’ l-Istat, mhux koperti mill-ftehim ta’ tpaċċija, mhijiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk dan il-ftehim kienx jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. OA tibqa’ debitriċi ta’ l-ammont ta’ dawn l-interessi. F’kull każ, l-ilmenti tal-Kummissjoni kellhom jittressqu matul il-proċedura amministrattiva.

391

Il-Kummissjoni tikkonfuta li l-anness II tal-ftehim ta’ tpaċċija jsemmi d-djun dovut mill-Istat fil-konfront ta’ OA, sal-31 ta’ Diċembru 1998, li jirriżultaw minn sorsi differenti, fosthom il-AGAĊ. Għalhekk huwa impliċitu li l-interessi huma relatati mad-dejn kollu msemmi iktar ’il fuq. F’kull każ, hija r-rikorrenti li kellha tispjega għaliex id-djun li ma kinux jikkonċernaw l-AGAĊ ma kinux suġġetti għal interessi.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

392

Għandu jiġi osservat li l-kliem użat fil-ftehim ta’ tpaċċija jirreferi għall-ammonti tad-djun reċiproċi mpaċċija, mingħajr ma jispeċifika jekk dawn l-ammonti jinkludux interessi fuq dawn id-djun.

393

Min-naħa l-oħra, mill-anness I tal-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999, li jirrigwarda d-djun ta’ OA fil-konfront ta’ l-Istat Grieg, jirriżulta b’mod espliċitu li l-ammont ta’ Eur 28,9 miljun jikkorrispondi għad-djun ta’ OA fil-konfront ta’ l-Istat Grieg bl-interessi inklużi — iktar speċifikatament “arretrati” previsti mill-kodiċi ta’ rkupru ta’ kredti pubbliċi — sal 31 ta’ Mejju 1999, għal dik il-parti tad-dejn ta’ OA rreġistrata ma l-awtorita kompetenti bħala dħul pubbliku.

394

Barra minn dan, huwa biss miċ-ċifri esposti fit-tabella li tinsab fl-anness II ta’ l-imsemmi ftehim, li tirrigwarda l-obbligi li l-Istat Grieg għandu fil-konfront ta’ OA, li jirriżulta li l-ammont tad-djun ta’ l-Istat Grieg li ġie meħud in kunsiderazzjoni fil-ftehim ta’ tpaċċija kien jinkludi seba’ kategoriji ta’ djun ta’ l-istat fil-konfront ta’ OA, kif ukoll “interessi”. Fil-fatt, l-imsemmija tabella tesponi l-ammont ta’ djun impaċċija li kienu jirriżultaw minn seba’ sorsi differenti, bħal ministeri u korpi ta’ interess ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-fatt biss, invokat mir-rikorrenti, li d-djun ta’ l-AGAĊ kienu ġew imsemmija fis-seba post, qabel l-interessi msemmija fit-tmien post u segwiti mit-total, ma jippermettiv li jiġi preżunt li dawn l-interessi kienu jirrigwardaw biss l-ammont tad-dejn ta’ l-AGAĊ.

395

Issa, bilfors għandu jiġi kkonstatat li matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet indikazzjonijiet fuq il-bażi u l-metodu ta’ kalkolu ta’ l-interessi meħudin in kunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tpaċċija. Barra minn hekk, anke jekk jiġi meqjus li l-interessi kkunsidrati jirrigwardaw biss id-djun ta’ l-AGAĊ, fatt li mhuwiex stabbilit, ir-rikorrenti naqset milli tipprovdi informazzjoni fuq il-ħlas ta’ interessi fuq id-djun l-oħra, li hija tgħid li mhumiex inklużi fil-ftehim.

396

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li fid-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra li l-ftehim ta’ tpaċċija kien inkooerenti, safejn it-tqassim tad-djun ta’ l-Istat, fl-anness II tal-ftehim ta’ tpaċċija, juri li d-dejn ta’ l-AGAĊ kien jammonta għal madwar EUR 7,17 miljun (GRD 2443981910) u mhux għal EUR 9,99 miljun, hekk kif kien indikat fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan l-istess ftehim.

397

F’kull każ, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata (premessa 153) mhijiex ibbażata biss fuq l-imsemmija inkooerenza fiċ-ċifri li jirrigwardaw id-djun ta’ l-AGAĊ, iżda, b’mod iktar ġenerali, fuq in-nuqqas ta’ speċifikazzjoni tal-perijodi kkonċeranti u n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ta’ l-ammonti tad-djun ta’ l-Istat fil-konfront ta’ OA, permezz ta’ biljetti ta’ l-ajru jew ta’ fatturi.

398

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ftehim ta’ tpaċċija ma kienx adegwat sabiex jistabbilixxi n-nuqqas ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat ma tistax tiġi kkunsidrata bħala vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

399

Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

3. Fuq il-kriterju tal-kreditur privat

a) L-argumenti tal-partijiet

400

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata min-nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, safejn din hija ta’ natura ġenerika. Din il-motivazzjoni ma tidentifikax il-perijodi rilevanti fir-rigward tal-faċilitajiet mogħtija lil OA f’dak li jikkonċerna l-kirjiet u t-tariffi. Din il-motivazzjoni lanqas ma tipprovdi risposta għal-kwistjoni ta’ meta kreditur privat kien iniedi azzjoni u lanqas ma tindika x’alternattivi dan ta’ l-aħħar kellu, apparti l-ftehim ta’ tpaċċija jew l-eżekuzzjoni forzata tal-ħlas tal-kirjiet ajruportwali ta’ EUR 2,46 miljun, fir-rigward ta’ l-ammonti li huwa kellu jiġbor mingħand ir-rikorrenti.

401

It-tieni nett, sabiex issostni l-motiv tagħha bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni r-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni kellha teżamina jekk kienx “manifest” li kreditur privat “fl-istess sitwazzjoni” bħal dik tal-kreditur pubbliku ma kienx jikkonkludi l-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999, u li barra minn hekk kien juża kull mezz legali sabiex jikseb il-ħlas immedjat ta’ l-ammonti tal-kirjiet u tat-tariffi previsti f’dan il-ftehim, kif ukoll ta’ l-imsemmija kirjiet, li jammontaw għal EUR 2,46 miljun, dovuti għal diversi perijodi bejn, skond ir-rikorrenti, Jannar 2001 u April 2002.

402

Fil-kuntest ta’ l-eżami intiż sabiex jiddetermina jekk huwiex “manifest” li kreditur privat ma kienx jikkonkludi l-ftehim ta’ tpaċċija, ma kienx xieraq li ttieħdet in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti fl-2002. F’dan ir-rigward dan kellu jssir fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fl-1999, jiġifieri fid-data ta’ meta ġie konkluż il-ftehim.

403

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li kreditur privat ma kienx jaċċetta tpaċċija simili tad-dejn reċiproku. F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ħlas ta’ interessi għal dewmien fil-ħlas ma jeliminax il-vantaġġ miksub mill-ħlas tard tad-dejn, huwa irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ l-imġiba ta’ kreditur privat. Barra minn dan, dan l-argument huwa inkooerent f’sitwazzjoni ta’ tpaċċija ta’ djun, bħal f’dan il-każ. Fil-fatt, il-vantaġġ ipotetiku miksub minn ħlas tard jiġi annullat mill-iżvantaġġi li jġib miegħu l-ħlas tard tad-djun tal-parti l-oħra.

404

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-ħlas, min-naħa tar-rikorrenti, ta’ somma li tammonta għal madwar EUR 11.9 miljun abbażi tal-kirjiet u t-tariffi, għall-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Jannar 1999 u s-26 ta’ Settembru 2001. Issa, dawn il-ħlasijiet juru li r-rikorrenti setgħet tiġi kkunsidrata bħala “persuna li tħallas b’mod regolari u diliġenti”. Il-kirjiet ajruportwali mhux imħallsa, li jammontaw għal EUR 2,46 miljun għall-perijodu ta’ bejn “l-1998 u l-2001”, kienu jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-imsemmi ammont, imħallas mir-rikorrenti matul dan il-perijodu għall-użu ta’ ajruporti, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 6454528 (ammont ikkonfermat mill-provi ta’ ħlas li jinsabu fl-anness 30 ta’ l-osservazzjonijiet tal-11 ta’ April 2002), kif ukoll ammont ta’ EUR 5426832 (ammont ikkonfermat mill-provi ta’ ħlas li jinsabu fl-anness 17 ta’ l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002). Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet ħallset ukoll l-ammont kollu tal-kirjiet u tat-tariffi ajruportwali għall-perijodu ta’ bejn l-1996 u l-1998, li jammontaw għal madwar EUR 6050376, li ma kienx ġie inkluż fil-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999 li kien ikopri, b’mod partikolari, kirjiet li jammontaw għal EUR 1,49 miljun, fir-rigward ta’ liema l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienet ġiet ipprovduta l-ebda kjarifika.

405

F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata ma vverifikatx jekk kienx manifest li, wara eżami tal-vantaġġi u l-inkonvenjenti ta’ l-irmedji legali disponibbli sabiex jiġu rkuprati s-sommom dovuti, kreditur privat kienx juża “kull mezz legali”. B’mod partikolari r-rikorrenti tfakkar li jekk, kif tallega l-Kummissjoni, l-krediti ta’ l-Istat għandhom il-prijorità fil-proċeduri ta’ sekwestru jew ta’ stralċ, kreditur privat ma kienx jieħu benefiċċju mill-akkummulazzjoni ta’ kredti li jiggradwaw f’livell iktar baxx. Barra minn hekk, indipendentementt mill-probabbiltà ta’ suċċess tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-ajruporti Griegi kollha minbarra l-AIA, li kienu proprjeta ta’ l-Istat, kienu jitilfu l-klijent prinċipali tagħhom prematurament li kieku OA kellha tiġi mġiegħla tiddikjara falliment.

406

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni tammetti li fiha nfisha tpaċċija ma tikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat. F’dan il-każ l-ilmenti li jirrigwardaw il-ftehim ta’ tpaċċija jikkonċernaw in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-kalkolu tad-djun li l-Istat Grieg kellu fil-konfront ta’ OA. Konsegwentement il-ftehim ta’ tpaċċija ma setax jittieħed in kunsiderazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-volum ta’ faċilitajiet konċessi lil OA u tas-sitwazzjoni finanzjarja prekarja ta’ OA, il-kreditur privat kien ifittex, permezz ta’ l-irmedji kollha disponibbli, li jikseb il-ħlas ta’ l-ammonti dovuti, jew inkella kien ifittex li jiġu onorati l-garanziji.

407

Il-Kummissjoni tenfasizza li la l-informazzjoni speċifika li tinsab fl-anness 30 tar-risposta tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002, invokata mir-rikorrenti, u lanqas is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta’ OA ma jippermettu li OA tiġi kkwalifikata bħala persuna li tħallas b’mod regolari u diliġenti u dan peress li l-informazzjoni li tinsab fl-anness 30 kienet frammentarja u nieqsa. B’mod partikolari, numru kbir ta’ fatturi li jirrigwardaw il-kirjiet ma kinux akkumpanjati minn provi ta’ ħlas.

408

Mill-bqija, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala kirjiet mhux imħallsa, għall-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2001, biss il-kirjiet imsemmija iktar ’il fuq li jammontaw għal EUR 2,46 miljun.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

409

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda t-tpaċċija tad-djun ta’ OA fil-konfront ta’ l-ajruporti l-oħra li mhumiex l-AIA, li kienu kostitwiti minn kirjiet u minn tariffi dovuti għal perijodi preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 1998, huwa evidenti li kreditur privat kien jaċċetta ftehim ta’ tpaċċija, bħal dak konkluż fl-24 ta’ Ġunju 1999 bejn l-Istat Grieg u OA, biss jekk id-djun tiegħu proprji, meħudin in kunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tpaċċija, kienu ċerti u l-ammonti tagħhom kienu definiti b’mod ċar.

410

Issa, f’dan il-każ, mill-elementi tal-fajl jirriżulta li l-perijodi kkonċernati fir-rigward ta’ parti kunsiderevoli tal-kredti reċiproċi (kirjiet dovuti minn OA għall-perijodu ta’ bejn l-1996 u l-1998 u dejn tal-ministeri u ta’ korpi ta’ interess ġenerali), li ġew meħudin in kunsiderazzjoni fil-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999, ma kinux ġew speċifikati mill-awtoritajiet Griegi. Iktar minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva dawn l-awtoritajiet ma pprovdewx provi (biljetti ta’ l-ajru jew fatturi) fir-rigward tad-dejn kollu li l-Istat Grieg kellu fil-konfront ta’ OA.

411

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi ftehim ta’ tpaċċija ma setax jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ l-imġiba li kien jadotta kreditur privat li jkun f’sitwazzjoni simili, sabiex jirkupra l-imsemmija krediti kostitwiti mit-tariffi u l-kirjiet ajruportwali li jammontaw għal EUR 28,9 miljun, għal diversi perijodi bejn l-1994 u l-1998.

412

Minn dan jirriżulta li, meta evalwat il-kriterju tal-kreditur privat f’dak li jirrigwarda l-krediti u t-tariffi mhux imħallsa koperti mill-ftehim ta’ tpaċċija, il-Kummissjoni setgħet ġustament tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti għall-matul il-perijodu kollu kkonċernat mid-djun, bejn l-1994 u l-2002, pjuttost milli tibbaża ruħha fuq kif kienet is-sitwazzjoni ta’ OA meta ġie konkluż il-ftehim ta’ tpaċċija, kif issostni r-rikorrenti.

413

F’dak li jirrigwarda, wara dan, il-kirjiet ajruportwali li jammontaw għal EUR 2,46 miljun għal diversi perijodi bejn l-1998 u l-2002 (ara punt 384 iktar ’il fuq), għandu jiġi mfakkar li matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti ammettiet li dan id-dejn kien għadu ma tħallasx.

414

F’dan il-kuntest, fid-dawl ta’ l-ammont kunsiderevoli kostitwit mis-somma tal-kirjiet u t-tariffi mhux imħallsa dovuti minn OA għal diversi perijodi bejn l-1994 u l-2002, li parti minn dan id-dejn kien ilu dovut għal żmien twil u tar-riskju, għall-kreditur, li ma jkunx jista’ jirkupra din is-somma, anzi li x’aktarx iġarrab telf addizzjonali, ikkunsidrata s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ħafna tar-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li kreditur privat ma kienx manifestament jaċċetta n-nuqqas kontinwat fil-ħlas ta’ dawn id-djun.

415

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata fid-dritt. Fil-fatt, fil-premessi 151 sa 154, 206 u 209, hija tinkludi informazzjoni dettaljata fir-rigward tat-tariffi u l-kirjiet ajruportwali mhux imħallsa. F’dan il-kuntest, l-ispjegazzjonijiet ġeneriċi, iżda preċiżi, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, esposti fil-premessa 212 u li b’mod partikolaru jpoġġu l-enfażi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ OA, jippermettu bis-sħieħ li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jevalwaw il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-imsemmija tariffi u kirjiet kif ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’mod partikolari, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni tiddetermina, għal dan il-għan, il-mument preċiż ta’ meta kreditur privat li jkun jinsab f’sitwazzjoni simili kien jieqaf jittolera n-nuqqas jew id-dewmien fil-ħlas (ara punti 290 sa 295 iktar ’il fuq).

416

Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

F — Fuq l-għajnuna ġdida li allegatament irriżultat mit-tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tat-taxxa msejħa “spatosimo”

1. L-argumenti tal-partijiet

417

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dak li jirrigwarda l-allegata għajnuna li tirriżulta mit-tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tat-taxxa msejħa “spatosimo” għall-perijodu ta’ bejn Diċembru 2000 u Frar 2002 u għax-xahar ta’ Marzu 1999, imposta mir-Repubblika Griega fuq il-biljetti ta’ l-ajru bil-għan li jiġi ffinanzjat l-iżvilupp ta’ l-ajruporti. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li hija għandha u kisret id-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-Repubblika Griega u fir-rigward tar-rikorrenti.

418

Ir-rikorrenti tallega li, li kieku l-Kummissjoni fittxet il-provi “neqsin”, hija kienet tasal għall-konklużjoni li, mill-ammont ikkontestat ta’ EUR 61 miljun, l-ammont dovut għall-perijodu ta’ bejn Diċembru 2000 u April 2001 kien ġie mħallas (sa l-ammont ta’ EUR 19.3 miljun) u li l-kumplament tat-taxxa msemmija “spatosimo” li kienet dovuta mir-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun skond id-dritt Grieg, li kien imsemmi fl-ittra tar-Repubblika Griega tat-13 ta’ Novembru 2002. Barra minn hekk, kien possibbli għar-rikorrenti li tippreżenta l-prova tal-ħlas tat-taxxa msejħa “spatosimo” għax-xahar ta’ Marzu 1999.

419

Ir-rikorrenti ssostni li r-Repubblika Griega rrispondiet b’mod adegwat u in bona fede għat-talbiet ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni. F’dak li jirrigwarda l-ħlas tat-taxxa msejħa “spatosimo” għal matul is-sena 1999 u għall-perijodu ta’ bejn Diċembru u Frar 2002 ir-Repubblika Griega kienet ipprovdiet, fir-risposta tagħha tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, risposta kompluta ħlief f’dak li jirrigwarda l-prova tal-ħlas tat-taxxa għax-xahar ta’ Marzu 1999 u għall-perijodu ta’ bejn Diċembru 2002 u April 2001. Madankollu huwa minħabba żball li din l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta. Konsegwentement, ir-Repubblika Griega ma bagħtitx informazzjoni addizzjonali fuq dan il-ħlas fir-risposta tagħha għat-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni. Madankollu din ir-risposta kienet tinkludi tabella tal-ħlasijiet magħmulin fl-2001. Hija kienet semmiet it-taxxa msejħa “spatosimo”, li tammonta għal EUR 19,36 miljun u għal EUR 27,3 miljun, li kienet għadha ma tħallsitx sal-31 ta’ Diċembru 2001 u li kellha tkun is-suġġett ta’ ftehim ta’ ħlas “immineneti”.

420

Fin-nuqqas ta’ talbiet għal informazzjoni addizzjonali, ir-Repubblika Griega u r-rikorrenti kienu injoraw totalment id-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħlas tat-taxxa msejħa “spatosimo” għax-xahar ta’ Marzu 1999 u għall-perijodu ta’ bejn Diċembru 2000 u Frar 2002. Barra minn hekk, madwar seba’ ġimgħat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx eżaminat l-informazzjoni mibgħuta lilha, kif ikkonfermat min-nota interna ta’ din ta’ l-aħħar tat-18 ta’ Ottubru 2002 u l-anness tagħha, intitolat “anness II — L-istorja”, imsemmija iktar ’il fuq.

421

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun fir-rigward tat-taxx msejħa “spatosimo”, konkluż f’Novembru 2002, ir-rikorrenti tosserva li, fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-13 ta’ Novembru 2002, l-awtoritajiet Griegi kienu kkonfermaw lill-Kummissjoni li l-imsemmi ammont ta’ EUR 31 miljun kien is-suġġett ta’ ftehim ta’ ħlas skond il-leġiżlazzjoni u l-proċedura applikabbli u li d-deċiżjoni rilevanti kellha tintbagħtilha fil-qrib.

422

Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni impliċita tal-Kummissjoni li tgħid li dan il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun kien jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. Għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex manifest li kreditur privat ma kienx jikkonkludi ftehim bħal dan. Madankollu, safejn il-Kummissjoni tiddikjara li ma kellha l-ebda prova tal-konklużjoni u ta’ l-osservanza tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun u, evidentement, l-ebda evidenza fir-rigward tal-modalitajiet ta’ dan il-ftehim, hija ma tistax tiddikjara li huwa manifest li kreditur privat ma kienx jadotta l-istess imġiba ta’ l-Istat Grieg.

423

F’kull każ, il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun jipprovdi li l-ammont tat-taxxa msejħa “spatosimo” dovuta mir-rikorrenti hija suġġetta għal interessi moratorji b’rata ta’ 5 % fix-xahar sal-limitu massimu ta’ 300 %. Rata ta’ interessi daqshekk għolja kienet tittieħed in kunsiderazzjoni, flimkien ma fatturi oħra, minn kreditur privat. Għaldaqstant mhuwiex manifest li kreditur privat ma kienx jikkonkludi l-imsemmi ftehim.

424

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument għandu jiġi miċħud. Hija tikkuntesta li hija kellha l-obbligu li titlob informazzjoni ġdida sabiex tikkompleta l-informazzjoni li kienet nieqsa, wara r-risposti għaż-żewġ ordnijiet.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

425

Fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 155 u 208), il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ prova ta’ ħlas tat-taxxa msejjħa “spatosimo”, li tammonta għal madwar EUR 61 miljun, għax-xahar ta’ Marzu 1999 u għall-perijodu ta’ bejn Diċembru 2000 u Frar 2002, sabiex tippreżumi l-eżistenza ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fil-forma ta’ tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa għall-ammont imsemmi.

426

F’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet diġà esposti iktar ’il fuq (ara punti 42 sa 46).

427

Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni osservatx l-oneru tal-prova u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Griega, fir-rigward, minn naħa, tat-talbiet għall informazzjoni li hija għamlet lill-awtoritajiet Griegi fil-kuntest tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, tar-risposti pprovduti minn dawn l-awtoritajiet.

428

Fl-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, il-Kummissjoni talbet il-lista u d-dettalji tal-ħlas, min-naħa ta’ OA, tat-taxxa msejħa “spatosimo”. Fit-tieni ordni, tad-9 ta’ Awwissu 2002, hija stiednet lill-awtoritajiet Griegi sabiex jipprovdulha kemm l-informazzjoni li kienet diġà ġiet mitluba fl-ewwel ordni u li kienet nieqsa, kif ukoll ċerta informazzjoni addizzjonali, bħaċ-ċifri preċiżi li jirrigwardaw, minn naħa, il-ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ l-operat ta’ OA għall-2001, li jispjegaw iktar fil-fond l-ispejjeż tas-sena finanzjarja 2001 u l-ispejjeż tas-snin finanzjarji preċedenti u, min-naħa l-oħra, il-pjan ta’ ħlas lura tad-djun b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002.

429

Ir-rikorrenti tammetti li, wara din l-ordni, hija naqset milli tipprova l-ħlas tat-taxxa msemmija “spatosimo” għax-xahar ta’ Marzu 1999, kif ukoll ta’ l-ammont ta’ EUR 19,3 miljun dovut għall-perijodu ta’ bejn Diċembru 2000 u April 2001.

430

Barra minn dan, wara t-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, l-awtoritajiet Griegi pprovdew biss, fir-risposti tagħhom tat-30 ta’ Settembru 2002, tabella tal-ħlasijiet li saru fl-2001. Barra minn hekk, huma indikaw li t-taxxa msejħa “spatosimo”, sa l-ammmont ta’ EUR 27,3 miljun, li kienet għadha ma tħallsitx sal-31 ta’ Diċembru 2001, kellha tkun is-suġġett ta’ ftehim ta’ ħlas “iminenti”. Issa la l-imsemmija tabella u l-anqas d-dikjarazzjoni fir-rigward tal-ħlas iminenti tat-taxxa li kien għad fadal titħallas għall-2001 ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu elementi ta’ prova.

431

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament issostni li hija ma setgħetx raġjonevolment tqis li l-awtoritajiet Griegi u r-rikorrenti, billi pprovdew, b’risposta għat-tieni ordni, tabella ta’ l-ammonti tat-taxxa msejħa “spatosimo” li kienu għadhom ma tħallsux sal-31 ta’ Diċembru 2001 u dokument fejn tiġi ddikjarata l-iminenza ta’ ftehim ta’ ħlas, ma setgħux raġjonevolment iqisu li kienu pprovdew il-provi kollha mitluba.

432

Fl-aħħar nett, mill-argumenti tal-partijiet u mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li, permezz ta’ l-ittra tat-13 ta’ Novembru 2002 ir-Repubblika Griega kienet infurmat lill-Kummissjoni biss dwar il-konklużjoni, skond il-leġiżlazzjoni Griega, ta’ ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun fir-rigward tat-taxxa msejħa “spatosimo”, għall-ammont ta’ EUR 31 miljun.

433

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ kwalsiasi prova tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun u ta’ kwalsiasi indikazzjoni fir-rigward tal-perijodi u ta’ l-ajruporti kkonċernati kif ukoll dwar l-interessi previsti, it-tqassim f’partijiet tal-ħlas lura stipulat u l-kwistjoni ta’ jekk il-ħlas minuri kienx diġà sar, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli fid-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx in kunsiderazzjoni dan il-ftehim sabiex tiddetermina jekk l-ammont in kwistjoni tat-taxxa msejħa “spatosimo” kienx tħallas.

434

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi t-tolleranza kontinwata tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ dan l-ammont, mingħajr ma kellha l-obbligu li tivverifika preliminarjament jekk kreditur privat kienx jikkonkludi jew le l-allegat ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun.

435

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni la kisret l-oneru ta’ prova u lanqas ma kisret id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Griega billi adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ l-elementi li kienu ġew ipprovduti lilha mill-awtoritajiet Griegi wara ż-żewġ ordnijiet sabiex tiġi pprovduta informazzjoni.

436

Fil-fatt, kienet ir-rikorrenti li kellha tipprovdi informazzjoni adegwata sa minn wara l-ewwel ordni u iktar u iktar wara t-tieni ordni. F’dan il-każ, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel mistoqsijiet addizzjonali lill-awtoritajiet Griegi ma jistax jiġi imputat fuq għarfien ħażin tal-fajl. F’dan ir-rigward, il-kontenut tan-nota interna invokata mir-rikorrenti ma jipprovdi l-ebda indizju f’dan is-sens.

437

Minn dan isegwi li l-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-oneru tal-prova u tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Griega għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

G — Fuq l-għajnuna l-ġdida li allegatament tirriżulta mit-tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali dovuti lill-IKA

1. L-argumenti tal-partijiet

438

Ir-rikorrenti tikkuntesta li kienet ingħatatilha għajnuna fil-forma ta’ tolleranza fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurta soċjali tagħha, minħabba li, skond il-Kummissjoni, hija ma ħasitx kontribuzzjonijiet lill-IKA għall-perijodu ta’ bejn l-1993 u l-2001, hija kienet ikkonkludiet ma’ l-IKA, f’April 2001, ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun li kien jipprovdi għall-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet f’24 parti mħallsa fix-xahar, b’pagament bil-quddiem u li hija kienet kisret dan il-ftehim billi ma ħallsitx il-kontribuzzjonijiet anterjuri għall-ftehim, dovuti għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001, b’tali mod li l-ammont kollu kemm hu tad-dejn sar eżiġibbli.

439

Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma osservatx l-oneru tal-prova u kisret id-dritt għal smigħ tagħha u dak tar-Repubblika Griega.

440

Minkejja n-nuqqas ta’ kwalsiasi mistoqsija fir-rigward ta’ l-IKA fl-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, il-Gvern Grieg kien b’mod partikolari fakkar, fir-risposti tiegħu tal-11 ta’ April 2002, il-konklużjoni tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun. Huwa kien bagħat lill Kummissjoni provi ta’ ħlas min-naħa ta’ OA lill-IKA abbażi ta’ dan il-ftehim, kif ukoll id-dokument ta’ l-IKA tat-3 ta’ April 2001 li kien jistabbilixxi dan il-ftehim u li diġà kien ġie anness ma’ l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Griega tal-25 ta’ Ottubru 2001 fir-rigward tat-tieni lment.

441

Ir-Repubblika Griega kienet ipprovdiet informazzjoni addizzjonali fl-anness III tar-risposti tagħha tat-30 ta’ Settembru 2002 għat-tieni ordni. Dan l-anness kien jindika li l-ammonti ta’ kontribuzzjonijiet ta’ OA lill-IKA, mhux imħallsa fil-31 ta’ Diċembru 2001, kienu jammontaw għal madwar EUR 6 miljun u li dan l-ammont kien tħallas f’Jannar 2002. Barra minn hekk, peress li t-tieni ordni kienet tikkonċerna biss l-ispejjeż ta’ l-operat “mhux imħallsa” minn OA fl-2001 u peress li l-Kummissjoni ma kinitx indikat li r-risposti tal-11 ta’ April 2002 ma kinux jippermettu, fl-opinjoni tagħha, li jiġi stabbilit il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet anterjuri għall-ftehim, dovuti lill-IKA għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001, ir-rikorrenti ma setgħetx tinterpreta din it-talba fis-sens li din kienet tikkonċerna dawn il-kontribuzzjonijiet, peress li hija kienet ħallsithom.

442

Wara dawn ir-risposti, il-Kummissjoni ma kinitx indikat li hija kien għad kellha dubji fuq il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001 jew fuq il-miżuri adottati mill-IKA għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun konkluż f’April 2001.

443

Ir-raġuni vera li għaliha l-Kummissjoni ma tatx lir-Repubblika Griega u lir-rikorrenti l-possibbiltà li jipprovdu l-provi li hija kienet tikkunsidra bħala neqsin hija li, fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura, hija kienet tinjora l-informazzjoni li kienet tinsab fil-fajls tagħha. Dan jirriżulta min-nota interna tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Ottubru 2002 u l-anness tagħha intitolat “L-istorja”, imsemmija iktar ’il fuq.

444

It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkuntesta l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li l-provi mibgħuta kienu vagi u żbaljati.

445

Hija b’mod partikolari ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ fatt minħabba li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta preżumiet li r-rikorrenti ma kinitx ħallset il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti lill-IKA għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001. Hija ssostni li l-informazzjoni li tinsab fl-ordni ta’ ħlas inkluż fl-anness 31 ta’ l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002, kien jirriżulta li r-rikorrenti kienet wettqet il-ħlas ta’ Diċembru 2001, anke jekk dan id-dokument jista’ ma jiġix ikkunsidrat bħala prova ta’ ħlas konkludenti. Dan l-ordni ta’ ħlas tinkludi, fil-kwadru inferjuri tal-kantuniera ta’ fuq tal-lemin, referenza magħmula mill-akronimu tal-Bank Nazzjonali Grieg (ETE) u n-numru taċ-ċekk bankarju (20825222) li r-rikorrenti użat għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minnha għax-xahar ta’ Diċembru 2001. L-istess numru taċ-ċekk bankarju jidher ukoll fir-rendikont bankarju, anness mar-rikors, li kien inħareġ minn dan il-bank.

446

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn żball ta’ fatt, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx ħallset multi jew sanzjonijiet fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet mhux imħallsa tagħha għal diversi perijodi bejn l-1993 u l-2001.

447

Ir-rikorrenti tispjega li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun f’April 2001, l-interessi akkumulati fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet mhux imħallsa, li kien ta’ madwar EUR 21 miljun, ma kinux ġew ikkalkolati jew imħallsa. Madankollu, meta ġie konkluż dan il-ftehim, l-interessi fuq l-imsemmi ammont, li kien is-suġġett ta’ dan il-ftehim, kienu ġew ikkalkolati skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega applikabbli għall-impożizzjoni ta’ interessi fuq kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti iżda mhux imħallsa, u miżjuda ma dan l-ammont. L-ammont totali ta’ madwar EUR 32 miljun, previst fil-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun, għalhekk kien jinkludi l-interessi akkumulati sad-data tal-ftehim. Dan il-ftehim kien barra minn hekk jiprovdi wkoll għall-interessi addizzjonali għall-24 xahar koperti minnu, li l-ammont tagħhom kien ta’ madwar EUR 13-il miljun, li kien jirriżulta fi ħlas totali, abbażi tal-ftehim, ta’ madwar EUR 45 miljun.

448

F’dak li jirrigwarda l-interessi fuq l-imsemmi ammont ta’ EUR 21 miljun, akkumulati sad-data tal-ftehim, ir-rikorrenti tikkritika l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ż-żieda ta’ 120 % prevista mil-leġiżlazzjoni Griega kellha tintlaħaq wara tliet snin. Hija tallega li 99,7 % ta’ l-imsemmi ammont kien jirrigwarda kontribuzzjonijiet li kienu saru eżiġibbli matul il-perijodu ta’ bejn Novembru 2000 u Jannar 2001.

449

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkuntesta l-argument tal-Kummissjoni li jirrigwarda n-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika fuq l-ammonti dovuti f’diversi perijodi u fuq il-kalkolu ta’ l-interessi. Il-Kummissjoni ma tistax tqajjem, fl-istadju tad-deċiżjoni kkontestata, kwistjonijiet li hija ma qajjmitx matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

450

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat.

451

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tiddetermina jekk kienx manifest li kreditur privat li kien jinsab f’sitwazzjoni bħall dik ta’ l-IKA kienx juża kull mezz legali sabiex jikseb il-ħlas immedjat tas-somma totali li kienet dovuta lilu skond il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun, sa mill-ewwel dewmien fil-ħlas — fatt li r-rikorrenti tikkuntesta — tal-kontribuzzjonijiet dovuti għall-Ottubru 2001, jew jekk huwiex manifest li tali kreditur ma kienx jikkonkludi l-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun, ta’ April 2001.

452

L-elementi segwenti kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni. L-ewwel nett, skond il-leġiżlazzjoni Griega rilevanti, f’każ ta’ ksur ta’ ftehim li jirregola l-ħlas ta’ djun, debitur ta’ l-IKA jista’ jitlob ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun ġdid għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet dovuti.

453

It-tieni nett, kreditur privat kien ċertament jieħu in kunsiderazzjoni s-sekwestru ta’ beni immobbiljari ta’ OA li seħħ, f’Lulju 2001, għal ammont totali ta’ EUR 21 miljun. Huwa kien effettivament diġà jikseb garanzija ta’ ammont li jikkorrispondi, fiż-żmien tas-sekwestru, għal madwar 85 % ta’ l-ammont tal-kumplament tad-dejn li kien għad fadal jitħallas skond il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun konkluż f’April 2001.

454

It-tielet nett, kreditur privat kien jeżamina l-vantaġġi u l-inkonvenjenti li jġib miegħu l-użu tal-mezzi kollha meta mqabbel mal-konklużjoni tat-tieni ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun. Għalhekk, peress li l-użu tal-mezzi kollha seta’ jwassal lill-OA għall-istralċ, f’liema każ is-somom dovuti skond il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun ma kinux ikunu jistgħu jiġu onorati u l-kreditur privat kien jitlef kull ħlas ieħor ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali min-naħa ta’ OA.

455

Ir-raba’ nett, OA kienet diġà wettqet ħlasijiet kunsiderevoli abbażi tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun u kompliet tħallas il-kontribuzzjonijiet anterjuri għal dan il-ftehim. B’dan il-mod hija uriet li kienet debitur regolari u serja.

456

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fid-dawl ta’ l-informazzjoni pprovduta fir-risposti tar-Repubblika Griega tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni, hija kienet ikkonkludiet li OA kienet kisret il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun meta naqset milli tħallas il-kontribuzzjonijiet dovuti għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001.

457

Barra minn hekk il-Kummissjoni tenfasizza li l-interessi minħabba dewmien inklużi, skond ir-rikorrenti, fl-imsemmi ammont ta’ EUR 32 miljun kienu ġew imposti biss wara l-konklużjoni tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun. Fid-dawl tal-kapitalizzazzjoni ta’ kull sena ta’ l-interessi, iż-żieda massima ta’ 120 % kienet tintlaħaq f’madwar tliet snin ta’ dewmien fil-ħlas. Konsegwentement, ċerti ammonti ma kinux suġġetti għal interessi għal matul madwar ħamsa mit-tmien snin ta’ dewmien fil-ħlas għall-perijodu ta’ bejn l-1993 u l-2001.

458

F’dak li jirrigwarda l-ammont totali tal-ħlas, li kien jammonta għal madwar EUR 45 miljun, previst mill-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun, konkluż f’April 2001, il-Kummissjoni tilmenta li r-rikorrenti la indikat id-diversi ammonti tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mhux imħallsa, li kienu saru dovuti f’perijodi differenti, li jikkostitwixxu l-kapital dovut, la l-metodi ta’ kalkolu ta’ l-interessi, sabiex jiġi evalwat jekk dan il-kalkolu kienx ġust, u lanqas jekk kinux ġew imposti lilha multi minħabba dewmien fil-ħlas.

459

F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna hija kostitwita kemm mit-tolleranza kontinwata tan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-perijodu ta’ bejn l-1993 u l-2001, iżda kif ukoll min-nuqqas ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rkupru tal-kontribuzzjonijiet dovuti, ladarba l-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun kien intemm.

460

F’dan il-kuntest, anke jekk jiġi meqjus li, għal xi raġuni kwalsiasi, kreditur privat kien ikun imġiegħel jittollera n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għal-perijodu mhux interott ta’ tmien snin u li, wara dan il-perijodu, huwa kkonkluda ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun li ma tantx dam ma ġie miksur, u fejn id-debitur ikun jinsab f’sitwazzjoni ta’ kollass finanzjarju totali, dan il-kreditur privat kien juża kull mezz legali disponibbli sabiex jirkupra l-kreditu tiegħu.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

461

Id-deċiżjoni kkontestata (premessi 147 sa 149 u 205) tirrigwarda n-nuqqas ta’ ħlas min-naħa tar-rikorrenti tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali obbligatorji, għall-perijodi ta’ bejn l-1993 u l-2001, mingħajr ma subiet l-impożizzjoni ta’ multi jew l-implementazzjoni ta’ miżuri oħrajn, bħal bejgħ fl-irkant bil-qorti, kif tipprovdi kemm il-leġiżlazzjoni Griega u kif ukoll il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna lill-IKA f’dak li jirrigwarda ħlas ta’ djun. Hija tibbaża ruħha, b’mod iktar partikolari, fuq il-konstatazzjoni li, wara li OA u l-IKA kkonkludew, f’April 2001, ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun fir-rigward ta’ ammont totali ta’ EUR 45 miljun, ikkostitwit mill-ammont ta’ l-imsemmija kontribuzzjonijiet u ż-żidiet akkumulati fuq dan l-ammont, OA ma kinitx osservat dan il-ftehim, b’tali mod li l-ammont kollu tad-dejn, total ta’ EUR 45 miljun, kien sar eżiġibbli.

462

Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat l-ammont ta’ EUR 45 miljun definit fil-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun. B’mod partikolari, hija ma kkontestatx l-ammont ta’ l-interessi inkluż ma dawn il-45 miljun. Wara li kkonstatat li, minn dan l-ammont ta’ EUR 45 miljun kien tħallas, sa’ l-2002, l-ammont ta’ EUR 17,6 miljun, hija qieset li l-ammont li kien għad fadal jitħallas kien ta’ EUR 27,4 miljun u li dan l-ammont flimkien ma l-interessi muratorji kien immedjatament eżiġibbli (premessi 149 u 205 tad-deċiżjoni kkontestata).

463

Għaldaqstant mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-għajnuna kienet ikkostitwita, skond il-Kummissjoni, mit-tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-ammont imsemmi ta’ EUR 27,4 miljun. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata ma ġiex ikkunsidrat li l-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun konkluż f’April 2001 kien jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. Madankollu fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri — multi, bejgħ fl-irkant bil-qorti —, matul il-perijodu ta’ tmien snin bejn l-1993 u l-2001, wara nuqqas ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali matul dan il-perijodu, kien isaħħaħ il-preżunzjoni li tgħid li, matul dawn is-snin kollha, l-IKA manifestament ma ġabitx ruħha kif kien iġib ruħu kreditur privat li jkun jinsab f’sitwazzjoni simili.

464

Fid-dawl tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata li ser jiġi espost, huma rilevanti biss dawk l-ilmenti u dawk l-argumenti mressqa mill-partijiet fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ rispett tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun u n-nuqqas min-naħa ta’ l-IKA li tadotta l-mezzi kollha li jippermettula li tikseb il-ħlas tas-somma kkontestata, li tammonta għal EUR 27,4 miljun, miżjuda bl-interessi. B’mod partikolari, l-ilmenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-konklużjoni tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun kienet, fiha nnifisha, ġiet ikkunsidrata bħala li tinvolvi elementi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, huma infondati. Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-kalkolu ta’ l-interessi inklużi fl-ammont ta’ EUR 45 miljun li ġew stabbiliti fil-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala irrilevanti, fid-dawl tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

465

Għaldaqstant għandhom l-ewwel nett jiġu eżaminati l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-oneru tal-prova, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq żball ta’ fatt, fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li OA “tidher li ma ħalsitx il-kontribuzzjonijiet għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001, bi ksur ta’ l-imsemmi ftehim” (premessa 205 tad-deċiżjoni kkontestata).

466

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, fid-dawl tal-mistoqsijiet preċiżi fir-rigward tal-ħlas, min-naħa ta’ OA, tal-kontribuzzjonijiet tagħha, magħmulin mill-Kummissjoni fiż-żewġ ordnijiet sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, kienet ir-rikorrenti li kellha tipprovdi l-elementi kollha utli ta’ prova li jirigwardaw, b’mod partikolari, it-twettieq tal-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun, mingħajr ma l-Kummissjoni jkollha titlob informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001.

467

Fil-fatt, mill-ewwel ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftugħ tal-proċedura formali ta’ eżami tas-6 ta’ Marzu 2002, jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Griega sabiex tipprovdilha “l-informazzjoni kollha neċessarja” sabiex tevalwa l-allegat għajnuna ġdida, fost liema hija kienet semmiet it-tolleranza fir-rigward tan-nuqqas jew tad-dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti minn OA. F’din l-istess deċiżjoni (punt 38), il-Kummissjoni b’mod partikolari osservat li fir-risposti tagħhom għat-tieni lment, l-awtoritajiet Griegi kienu b’mod partikolari kkonfermaw dewmien min-naħa ta’ OA fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti għall-perijodu ta’ bejn Marzu u Diċembru 2001.

468

Barra minn dan, fit-tieni ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, il-Kummissjoni talbet kemm l-informazzjoni li kienet diġà ġiet mitluba fl-ewwel ordni u li kienet nieqsa, kif ukoll iċ-ċifri preċiżi li jirrigwardaw il-ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ l-operat ta’ OA. Fil-kuntest imsemmi iktar ’il fuq, il-kliem użat f’din it-tieni ordni, li kien jirreferi għall-“ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ l-operat li OA ma kinitx ħallset fl-2001” (“payment of the operational costs Olympic Airways did not meet in 2001”) għandu evidentement jiġi interpretat fis-sens li dan jirrigwarda b’mod partikolari l-provi ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet il-ġodda dovuti lill-IKA.

469

Issa, mill-fajl jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-ħlas lill-IKA tal-kontribuzzjonijiet il-ġodda dovuti għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001, l-uniku dokument li r-Repubblika Griega bagħtet lill-Kummissjoni matul il-proċedura amminstrattiva kienet l-ordni ta’ ħlas imsemmija iktar ’il fuq (ara punt 445), li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet dovuti għal-Diċembru 2001. Issa, dan l-ordni ta’ ħlas ma kienx iffirmat u r-rikorrenti nfisha tammetti, barra minn hekk, li dan l-ordni ma jikkostitwixxix “prova konkludenti”.

470

F’dak li jirrigwarda l-elementi l-oħra ta’ prova invokati mir-rikorrenti, li kienu ntbagħtu lill-Kummissjoni bħala annessi mar-risposti tal-11 ta’ April 2002 għall-ewwel ordni, dawn b’mod partikolari jirrigwardaw il-ħlas ta’ partijiet previsti mill-ftehim, kif ukoll il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ġodda għall-perijodu ta’ bejn April u Settembru 2001.

471

Barra minn hekk, l-elementi ta’ prova li jirrigwardaw il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għax-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2001, li tressqu għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni u dan skond ġurisprudenza stabbilita (ara punt 72 iktar ’il fuq).

472

F’kull każ, għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet għax-xahar ta’ Ottubru 2001, skond il-liġi Griega, huwa biżżejjed sabiex jagħmel il-ftehim li jirregola l-ħlas tad-djun invalidu.

473

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ prova ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet dovuti lill-IKA għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummisjoni invertiet l-oneru tal-prova jew li marret lil hinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha billi ppreżumiet li l-imsemmija kontribuzzjonijiet ma kinux tħallsu.

474

Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat, it-tieni nett, jekk kreditur privat, li jkollu d-dritt li jeżiġi l-ħlas ta’ l-ammont kollu tad-dejn ta’ OA li jkun għad fadal jitħallas wara n-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-perijodu ta’ bejn Ottubru u Diċembru 2001, kienx jittollera n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-ammont li kien għad fadal jitħallas, EUR 27,4 miljun, flimkien ma l-interesi akkumulati fuq dan l-ammont.

475

Għal dan il-għan għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li s-sekwestru tal-beni immobbli ta’ OA, magħmul mill-IKA f’Lulju 2001, kien ikopri biss sest ta’ l-ammont li kien għad fadal jitħallas mid-dejn ta’ OA u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet li l-IKA kienet effettivament adottat miżuri sabiex tikseb il-ħlas tas-somma li tikkorrispondi għal-valur tal-beni sekwestrati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li d-dejn kopert mill-ftehim li jirregola l-ħlas tad-dejn kien ilu dovut għal żmien twil, jiġifieri, skond l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, għall-perijodu ta’ bejn l-1993 u l-2001, u tar-riskju li l-kreditur mhux talli ma jkunx jista’ jirkupra parti mill-kredtu tiegħu, iżda talli jista’ jsofri telf addizzjonali minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ħafna tar-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li kreditur privat ma kienx manifestament jittollera n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-ammont li kien għad fadal jitħallas minn OA li jammonta għal EUR 27,4 miljun.

476

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-motivi invokati mir-rikorrenti bbażati fuq l-inverżjoni ta’ l-oneru tal-prova, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq l-iżball ta’ fatt u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

V — Fuq il-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter

A — L-argumenti tal-partijiet

477

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn abbuż ta’ poter. Hija tallega li din id-deċiżjoni ttieħdet bl-għaġġla u mhijiex immotivata biżżejjed f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-allegat għajnuna l-ġdida.

478

Barra minn dan, id-deċiżjoni kkontestata hija manifestament ir-riżultat ta’ rieda — fil-perspettiva li jitnaqqsu n-numru tal-kumpanniji ta’ l-ajru fl-Ewropa — li OA jew tingħata “d-daqqa tal-mewt” jew inkella tiġi mdgħajjfa, iktar milli minn xewqa li r-ristrutturazzjoni tiġi kkunsidrata korrettament sabiex jiġi ddeterminat jekk din ir-ristrutturazzjoni għandiex twassal għar-ristrutturazzjoni ta’ l-impriża. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tissanzjona lill-OA talli hija ma kkonformatx ruħha mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Issa, in-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ dan il-pjan huwa imputabbli fuq din l-istituzzjoni, safejn din irrifjutat li tikkonstata li l-kundizzjonijiet relatati mal-ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna kienu sodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet naqset milli tindirizza l-kwistjoni essenzjali li kienet tikkunsisti f’li jiġi ddeterminat jekk il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ OA, fis-sitwazzjoni li kien jinsab fiha fit-12 ta’ Diċembru 2002, kien konformi mal-linji gwida u, għaldaqstant, ma l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

479

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-11 ta’ Diċembru 2002, jiġifieri qabel it-tmiem tal-perijodu kopert mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Issa, f’Diċembru 2002 kienet ġiet implementata l-ewwel parti tal-privatizzazzjoni. Olympic Catering kienet inbiegħet u kienu saru sitt espressjonijiet ta’ interess fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ OA relatati mat-titjiriet.

480

Fl-aħħar nett, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ma tidentifikax l-ammont ta’ kull waħda mill-allegat għajnuna ġdida u tħalli f’idejn l-Istat Membru sabiex jiddetermina dan l-ammont, il-komunikat stampa tal-Kummissjoni ssemmi l-ammont totali ta’ EUR 194 miljun. Din iċ-ċifra ġiet ikkwotata mill-istampa u dan ikkawża dannu kunsiderevoli lil OA.

481

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni ssostni li hija użat il-mezzi kollha disponibbli għaliha sabiex tikseb il-livell neċessarju ta’ kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet Griegi.

482

Hija tfakkar li l-proċedura amministrattiva kienet inbdiet fit-12 ta’ Ottubru 2000, permezz ta’ l-ippreżentar ta’ l-iment tal-HACA.

483

F’dan il-każ, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma ġiex implementat, u r-rikorrenti ma rnexxiliex tipprovdi l-informazzjoni rikjesta sabiex ikun jista’ jiġi awtorizzat il-ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna, li tammonta għal EUR 22,9 miljun. Hija r-rikorrenti li kellha tindika l-miżuri li hija setgħet tieħu matul id-19-il ġurnata li kien fadal, bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-31 ta’ Diċembru 2002, sabiex , kif hija tiddikjara, “il-pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat jagħti r-riżultati tiegħu […] fi ħdan il-perijodu ta’ validità tal-pjan inizjali”. Barra minn dan, l-għajnuna l-ġdida illegali kienu diġà ilhom jingħataw għal żmien twil — per eżempju, b’effett mill-1993 fil-każ ta’ l-IKA.

B — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

484

Skond il-ġurisprudenza, deċiżjoni hija vvizzjata minn abbuż ta’ poter biss jekk jirriżulta, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din ittieħdet bl-iskop uniku, jew minn ta’ l-anqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk eċepiti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, punt 84, u Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 81).

485

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tinvoka l-ebda indizju li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni applikat b’mod partikolarment rigoruż ir-regoli Komunitarji li jirrigwardaw l-għajnuna mogħtija mill-Istat, bl-iskop b’mod partikolari li jitnaqqas in-numru ta’ kumpanniji ta’ l-ajru fl-Ewropa, u li din l-istituzzjoni ma segwietx il-proċedura u l-implementazzjoni tal-kriterji applikabbli, skond il-prattika abitwali tagħha u tar-regoli rilevanti tat-Trattat u tad-dritt sekondarju kemm f’dak li jirrigwarda l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kif ukoll fir-rigward ta’ l-għajnuna l-ġdida kkunsidrati.

486

F’dak li jirrigwarda l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni rrifjutat li tawtorizza l-ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna skond l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni ta’ l-1998, li jissuġġetta l-ħlas ta’ din il-parti għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha imposti minn din id-deċiżjoni, b’mod partikolari l-ksib tar-riżultati prospettati fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998. Peress li dawn ir-riżultati ma kinux inkisbu, fatt mhux ikkontestat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata, skond id-deċiżjoni ta’ l-1998, li tadotta deċiżjoni favorevoli fir-rigward tal-ħlas ta’ l-aħħar parti ta’l-għajnuna, kif diġà ġie osservat (ara punti 101 sa 103 iktar ’il fuq). Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ostakolat it-twettieq tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni meta kkunsidrat li l-kundizzjonijiet li għalihom dan il-ħlas kien suġġett ma kinux ġew irrispettati.

487

F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti relatati ma l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE matul l-istħarriġ ta’ l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, b’mod partikolari l-ilment li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ privatizzazzjoni ta’ OA, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata qabel ma skada l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998, dawn mhumiex fondati, kif diġà ġie deċiż (ara punti 131 sa 133, 155 sa 157 u 174 iktar ’il fuq).

488

Barra minn hekk, l-irregolarità tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ l-allegata għajnuna ġdida f’dak li jirrigwarda l-VAT fuq il-karburanti u l-partijiet ta’ bdil (ara punti 349 u 365 iktar ’il fuq), ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi indizju ta’ abbuż ta’ poter. Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-għajnuna l-ġdida l-oħra kkunsidrati, in-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni ta’ l-obbligi li hija għandha fir-rigward ta’ l-oneru ta’ prova u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, li r-rikorrenti tinvoka wkoll sabiex tipprova l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter, huma, f’dan ir-rigward, totalment irrilevanti fin-nuqqas ta’ kwalsiasi indizju li jippermetti l-preżunzjoni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi skop ieħor li mhuwiex dak eċepit. Iktar minn hekk, f’kull każ, dawn il-motivi ġew miċħuda bħala infondati.

489

F’dak li jirrigwarda l-komunikat stampa tal-Kummissjoni, li kien jindika l-ammont preċiż f’dak li jirrigwarda l-għajnuna l-ġdida li għandha tiġi rkuprata mill-awtoritajiet nazzjonali skond id-deċiżjoni kkontestata, dan m’għandu l-ebda valur legali. Barra minn dan, l-indikazzjoni ta’ dan l-ammont fil-komunikat stampa ma jistax jikkostitwixxi indizju li l-Kummissjoni ppersegwiet, fid-deċiżjoni kkontestata, skop li mhuwiex dak ta’ l-applikazzjoni tar-regoli tat-trattat f’dak li jirrigwarda l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

490

Il-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

491

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn din tirrigwarda t-tolleranza tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-AIA SA u tal-VAT fuq il-karburanti u l-partijiet ta’ bdil. Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

492

Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu jekk iktar minn parti waħda titlef, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

493

Peress li kull waħda mill-partijiet tilfet parzjalment, ir-rikorrenti għandha tiġi ordnata tbati 75 % ta’ l-ispejjeż u l-Kummissjoni għandha tiġi ordnata tbati 25 % ta’ l-ispejjeż, skond kif mitlub mill-partijiet.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/372/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2002, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Greċja lill-Olympic Airways, huma annullati safejn dawn jirrigwardaw it-tolleranza għan-nuqqas kontinwu tal-ħlas, minn naħa, tat-tariffi ajruportwali dovuti minn Olympic Airways lill-ajruport internazzjonali ta’ Ateni u, min-naħa l-oħra, tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta minn Olympic Aviation fuq il-karburanti u l-partijiet ta’ bdil.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE għandha tbati 75 % ta’ l-ispejjeż tagħha u ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati 25 % ta’ l-ispejjeż tagħha u ta’ dawk ta’ Olympiaki Aeroporia Ypiresies.

 

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Settembru 2007.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

Papasavvas

Reġistratur

E. Coulon

President

J. Pirrung

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

I — Deċiżjoni ta’ l-1994

 

II — Deċiżjoni ta’ l-1998

 

III — L-iżvilupp ta’ OA wara d-deċiżjoni ta’ l-1998

 

IV — Deċiżjoni ta’ l-2000

 

V — L-ilmenti tal-HACA u l-proċedura formali ta’ eżami

 

VI — Id-deċiżjoni kkontestata

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

I — Osservazzjonijiet preliminari fuq l-oneru tal-prova, l-obbligi proċedurali tal-partijiet u l-ilmenti li jirrigwardaw id-dritt għal smigħ

 

II — Fuq il-motiv ibbażat fuq id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti

 

III — F’dak li jirrigwarda l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni (Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata)

 

A — F’dak li jirrigwarda n-nuqqas, allegat fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ implementazzjoni effettiva tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni

 

1. Fuq l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-emendi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni

 

Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 

Fuq il-motivi bbażati fuq żball ta’ fatt u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

 

— Il-kuntest legali u l-kwestjonijiet imqajma f’dan il-każ

 

— L-eżami ta’ l-argumenti li jirrigwardaw il-proċess ta’ ristrutturazzjoni uniku u mtawwal ta’ OA u tal-ħtieġa li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-1998 jiġi attwalizzat

 

— L-eżami ta’ l-argument li jirrigwarda n-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-aħħar parti ta’ l-għajnuna

 

— L-eżami ta’ l-argument li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000

 

— L-eżami tal-korrispondenza li għaddiet bejn l-awtoritajiet Griegi u l-Kummissjoni u fuq ir-rapporti mibgħuta lill-din l-istituzzjoni

 

2. Fuq l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

3. Fuq il-karattru manifestament żbaljat ta’ l-evalwazzjoni li tgħid li ma ttieħdet l-ebda miżura ta’ ristrutturazzjoni

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

B — Fuq l-allegat nuqqas tar-Repubblika Griega milli twettaq l-obbligu li timplementa SIA operattiva u adegwata, kif previst fl-Artikolu 1(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ l-1998

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

C — Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-obbligu li hija għandha li tippreżenta rapporti

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

D — Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji tagħha previsti fl-Artikolu 1(b), (c) u (e), tad-deċiżjoni ta’ l-1994

 

1. Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji tagħha previsti fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni ta’ l-1994

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega ta’ l-impenji tagħha previsti fl-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni ta’ l-1994

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

3. Fuq l-allegat nuqqas ta’ osservanza min-naħa tar-Repubblika Griega tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni ta’ l-1994

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

IV — F’dak li jirrigwarda l-allegat għajnuna ġdida (Artikoli 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata)

 

A — Osservazzjonijiet preliminari fir-rigward tal-kriterju tal-kreditur privat u tal-portata ta’ l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll fuq l-eżiġenzi ta’ motivazzjoni

 

B — Fuq l-ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ l-għajnuna l-ġdida li għandha tiġi rkuprata u fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 

C — F’dak li jirrigwarda l-allegata tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-AIA

 

1. L-argumenti tal-partijiet fir-rigward ta’ l-allegata imputabbiltà ta’ l-imġiba kkontestata fuq l-Istat Grieg

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

D — F’dak li jirrigwarda l-allegata tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tal-VAT fuq il-karburanti u l-partijiet ta’ bdil

 

1. Fuq l-allegata għajnuna ġdida fir-rigward tal-VAT fuq il-karburanti

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. Fuq l-allegata għajnuna ġdida fir-rigward tal-VAT fuq il-partijiet ta’ bdil

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

E — F’dak li jirrigwarda l-allegata tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlasijiet tal-kirjiet u tat-tariffi ajruportwali dovuti lill-ajruporti oħrajn li mhumiex l-AIA

 

1. Fuq l-oneru tal-prova u fuq id-dritt għal smigħ

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. Fuq l-analiżi tal-ftehim ta’ tpaċċija ta’ l-24 ta’ Ġunju 1999

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

3. Fuq il-kriterju tal-kreditur privat

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

F — Fuq l-għajnuna ġdida li allegatament irriżultat mit-tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tat-taxxa msejħa “spatosimo”

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

G — Fuq l-għajnuna l-ġdida li allegatament tirriżulta mit-tolleranza fir-rigward tan-nuqqas kontinwat fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali dovuti lill-IKA

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

V — Fuq il-motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter

 

A — L-argumenti tal-partijiet

 

B — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.