SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
23 ta’ Frar 2006 (*)
"Trade mark Komunitarja − Proċediment ta’ oppożizzjoni – Talba għal trade mark Komunitarja figurattiva li fiha l-element verbali ‘Bainbridge’ − Trade marks nazzjonali preċedenti verbali, figurattivi u tridimensjonali li fihom l-element verbali ‘Bridge’ − Prova ta’ l-użu − Użu taħt forom differenti − Trade marks ‘difensivi’− Grupp ta’ trade marks"
Fil-kawża T-194/03,
Il Ponte Finanziaria SpA, stabbilita f’Scandicci (l-Italja), irrappreżentata minn P. L. Roncaglia, A. Torrigiani Malaspina u M. Boletto, avocats,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), irrappreżentat minn M. Buffolo u O. Montalto, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-kawża quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija
Marine Enterprise Projects – Società Unipersonale di Alberto Fiorenzi Srl, stabbilita f’Numana (l-Italja), irrappreżentata minn D. Marchi, avocat,
parti intervenjenti,
li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċizjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-17 ta’ Marzu 2003 (Każ R 1015/2001‑4), dwar proċediment ta’ oppożizzjoni bejn Il Ponte Finanziaria SpA u Marine Enterprise Projects – Società Unipersonale ta’ Alberto Fiorenzi Srl,
Il-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Mejju 2003,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Ottubru 2003,
wara li rat ir-replika ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Settembru 2003,
wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 L-Artikolu 15(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994 p. 1), kif emendata, tipprovdi li:
"1. Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ suġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.
2. Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fil-paragrafu 1:
a) l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija giet reġistrata;
[…]"
2 L-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, huwa fformulat kif ġej:
"2. Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika [oppożizzjoni] għandu jġib provi li, waqt il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.
3. Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dan billi l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità."
3 Il-paragrafi 1 sa 3 tar-Regola 22, "Prova ta’ użu", tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), jipprovdi li:
"1. Fejn, skond Artikolu 43(2) jew (3) tar-Regolament, il-parti li tkun qiegħda topponi għandha tagħti prova ta’ użu jew turi li hemm raġunijiet xierqa għan-nuqqas ta’ użu, l-Uffiċċju għandu jistedinha sabiex tagħti l-provi meħtieġa fiż-żmien li l-Uffiċċju għandu jispeċifika. Jekk il-parti li tkun qiegħda topponi ma tagħtix din il-prova qabel ma jiskadi l-limitu ta’ żmien, l-Uffiċċju għandu jiċħad l-oppożizzjoni.
2. L-indikazzjonijiet u l-provi sabiex tagħti prova ta’ użu għandhom jikkonsistu f’indikazzjonijiet fuq il-post, il-ħin, il-limitu u l-karattru ta’ użu tat-trade mark opposta għall-prodotti u servizzi li għalihom hija reġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni hija bbażata, u provi li jsaħħu dawn l-indikazzjonijiet skond il-paragrafu 3.
3. Il-provi għandhom, ġeneralment, ikunu ristretti għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ prova u affarijiet bħal pakketti, tikketti, listi ta’ prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti, riklami fil-gazzetti, u prospetti bil-miktub kif imsemmi f’Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament."
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 Fl-24 ta’ Settembru 1998, il-kumpannija Marine Enterprise Projects − Società Unipersonale ta’ Alberto Fiorenzi Srl (iktar ‘il quddiem l-"intervenjenti") ippreżentat talba għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), skond ir-Regolament Nru 40/94.
5 It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni tikkonsisti fis-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:
6 Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:
– klassi 18 : "Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ";
– klassi 25 : "Ħwejjeġ, żraben, kpiepel".
7 Din it-talba ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 47/99, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1999.
8 Fis-7 ta’ Settembru 1999, il-kumpannija Il Ponte Finanziaria SpA (iktar ‘il quddiem ir-"rikorrenti") ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
9 L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti li ġejjin:
– reġistrazzjoni Taljana Nru 370836, b’effett mill-11 ta’ Mejju 1979, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:
– reġistrazzjoni Taljana Nru 704338, b’effett mill-15 ta’ Lulju 1964, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "artikoli ta’ ħwejjeġ, inklużi fosthom l-istvali, iż-żraben u l-papoċċi ta’ ġewwa", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:
– reġistrazzjoni Taljana Nru 606709, b’effett mit-22 ta’ Ottubru 1990, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "żraben u ingravati", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:
– reġistrazzjoni Taljana Nru 593651, b’effett mit-12 ta’ Ġunju 1990, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ", inklużi fil-klassi 18, u għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ, żraben, kpiepel", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:
– reġistrazzjoni Taljana Nru 642952, b’effett mill-14 ta’ Ġunju 1994, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ, żraben, kpiepel", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal verbali THE BRIDGE;
– reġistrazzjoni Taljana Nru 704372, b’effett mit-22 ta’ Ġunju 1994, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ", inklużi fil-klassi 18, u għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ, żraben, kpiepel", inklużi fil-klassi 25 tas-sinjal tridimensjonali riprodott hawn taħt:
– reġistrazzjoni Taljana Nru 633349, b’effett mit-22 ta’ Ġunju 1994, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ", inklużi fil-klassi 18, u għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ, żraben, kpiepel", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal tridimensjonali riprodott hawn taħt:
– reġistrazzjoni Taljana Nru 710102, b’effett mis-7 ta’ Diċembru 1994, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ", inklużi fil-klassi 18, u għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ, żraben, kpiepel", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal verbali FOOTBRIDGE;
– reġistrazzjoni Taljana Nru 721569, b’effett mit-28 ta’ Frar 1996, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ", inklużi fil-klassi 18, u għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ, żraben, kpiepel", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:
– reġistrazzjoni Taljana Nru 630763, b’effett mill-24 ta’ Diċembru 1991, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ", inklużi fil-klassi 18, u għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ, żraben, kpiepel", inklużi fil-klassi 25, tas-sinjal verbali OVER THE BRIDGE;
– reġistrazzjoni Taljana Nru 642953, b’effett mis-26 ta’ Ottubru 1994, għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta’ l-annimali; bagolli u basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta’ żiemel jew ta’ bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ", inklużi fil-klassi 18, tas-sinjal verbali THE BRIDGE.
10 B’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2001, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni ta’ l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni billi qieset li, minkejja l-interdipendenza bejn il-livell ta’ xebh tal-prodotti kkonċernati u l-livell ta’ xebh tas-sinjali in kwistjoni, kull probabbiltà ta’ konfużjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, setgħet tiġi raġonevolment eskluża minħabba fin-nuqqas ta’ xebh bejniethom fuq il-livell fonetiku u dak viżiv.
11 Fit-3 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrenti ressqet appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni.
12 B’deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2003, ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ċaħad ir-rikors (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). L-ewwel nett, huwa eskluda mill-evalwazzjoni tiegħu r-reġistrazzjonijiet preċedenti Nri 370836, 704338, 606709 u 593651, minħabba li l-użu tat-trade marks korrispondenti ma kienx ġie stabbilit (deċiżjoni kkontestata, punti 12 u 13). Huwa eskluda wkoll ir-reġistrazzjoni preċedenti Nru 642952, minħabba fin-nuqqas ta’ provi ta’ użu tat-trade mark korrispondenti ppreżentati mill-opponent (deċiżjoni kkontestata, punt 14). Imbagħad, il-Bord ta’ l-Appell, qabbel is-sitt trade marks preċedenti l-oħra, koperti mir-reġistrazzjonijiet Nri 704372, 633349, 710102, 721569, 630763 u 642953, mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, sabiex jiddeċiedi li ma hemm ebda xebh kunċettwali jew viżwali u fonetiku bejniethom (deċiżjoni kkontestata, punti 16 ‘il quddiem). Għaldaqstant, huwa kkonkluda li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, filwaqt li ċaħad kull rilevanza fil-kawża fir-rigward tal-prinċipju ta’ interdipendenza bejn ix-xebh tal-prodotti u x-xebh tas-sinjali, fid-dawl tan-nuqqas tal-livell minimu ta’ xebh bejn it-trade marks in kwistjoni meħtieġ sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju (deċiżjoni kkontestata, punt 25).
Talbiet tal-partijiet
13 Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tordna lill-UASI jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ l-intervenjenti;
– tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.
14 Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-tieni kap ta’ talbiet tagħha, u saret nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.
15 L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
Fid-dritt
16 L-ilmenti mqajma mir-rikorrenti in sostenn tat-talba tagħha għal annullament jistgħu jiġu miġbura f’żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 15(2)(a), u ta’ l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll fuq il-ksur tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95.
Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2)(a), u ta’ l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll fuq il-ksur tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95
Argumenti tal-partijiet
17 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell żbalja meta bbaża l-evalwazzjoni tiegħu relatata mal-probabbiltà ta’ konfużjoni biss fuq it-trade marks preċedenti THE BRIDGE u THE BRIDGE WAYFARER, billi eskluda t-trade marks l-oħra li r-rikorrenti hija proprjetarja tagħhom u billi eskluda l-protezzjoni speċifika ta’ "trade marks f’serje" għat-trade marks preċedenti kollha. Ir-rikorrenti tenfasizza li t-trade marks preċedenti li ġew esklużi mill-Bord ta’ l-Appell ġew irreġistrati inqas minn ħames snin qabel ma ġiet ippreżentata l-oppożizzjoni u li konsegwentement mhumiex suġġetti għall-prova ta’ użu skond l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, dawn it-trade marks preċedenti kellhom jiġu kkunsidrati mill-Bord ta’ l-Appell għas-sempliċi fatt li ġew irreġistrati.
18 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li huwa bi ksur tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 li l-Bord ta’ l-Appell eskluda mill-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni t-trade mark verbali THE BRIDGE għall-klassi 25, koperta mir-reġistrazzjoni Nru 642952, minħabba li l-użu tagħha ma ġiex stabbilit suffiċjentement. Ir-rikorrenti tosserva, f’dan ir-rigward, li r-regola msemmija iktar ‘il fuq tinkludi l-katalgi u r-riklami fost id-dokumenti ta’ prova li jistgħu jiġu ppreżentati sabiex jiġi ppruvat l-użu ta’ trade mark. Issa, sabiex jiġi ppruvat użu ġenwin u effettiv ta’ din it-trade mark, hija kellha tipproduċi quddiem il-Bord ta’ l-Appell, skond ir-regola msemmija iktar ‘il fuq, diversi riklami kif ukoll il-katalgi tagħha. Dawn id-dokumenti ta’ prova ġew ikkunsidrati, żbaljatament, bħala insuffiċjenti mill-Bord ta’ l-Appell. Għall kull buon fini, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza dokumenti ġodda dwar l-użu ta’ din it-trade mark.
19 It-tielet nett, ir-rikorrenti tafferma li l-Bord ta’ l-Appell żbaljatament eskluda mill-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni t-trade marks preċedenti figurattivi koperti mir-reġistrazzjonijiet Nri 370836, 704338, 606709 u 593651, minħabba li l-użu tagħhom ma kienx ġie ppruvat. Skond ir-rikorrenti, it-trade marks preċedenti in kwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala "trade marks difensivi" fis-sens tad-digriet irjali Taljan Nru 929, tal-21 ta’ Ġunju 1942, kif emendat (iktar ‘il quddiem il-"liġi Taljana dwar it-trade marks"), u huma esklużi, skond l-Artikolu 42(4) ta’ din il-liġi, minn revoka għal nuqqas ta’ użu. Ir-rikorrenti tenfasizza li t-trade marks imsejħa "difensivi" għandhom l-għan li jwessgħu l-kamp ta’ protezzjoni tat-trade mark prinċipali mill-probabbiltà ta’ konfużjoni, billi jippermettu lill-proprjetarju tagħhom li jopponi ruħu kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark simili jew identika għal dik li, minnha nfisha, mhijiex daqstant simili għat-trade mark prinċipali li tippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell żbaljatament qies li t-trade marks preċedenti in kwistjoni ma kinux jikkostitwixxu "trade marks difensivi", billi ma ġewx irreġistrati fl-istess waqt jew wara t-trade mark preċedenti prinċipali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva, minn naħa, li l-Bord ta’ l-Appell naqas milli jikkunsidra l-fatt li r-rikorrenti kisbet minn terzi r-reġistrazzjonijiet Nri 704338 u 607909 preċiżament bil-għan li tużahom bħala "trade marks difensivi" u, min-naħa l-oħra, li r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks kollha li r-rikorrenti invokat n-natura "difensiva" tagħhom seħħew, f’kull każ, wara, kemm ir-reġistrazzjoni Taljana tat-trade mark THE BRIDGE MADE IN ITALY, li tmur lura għall-1975, li fuqha l-oppożizzjoni mhijiex ibbażata, kif ukoll l-użu effettiv tat-trade mark preċedenti THE BRIDGE, li tmur lura għas-snin 70.
20 Fl-aħħar nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tar-reġistrazzjoni Nru 370836, ir-rikorrenti ssostni li l-provi ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti THE BRIDGE għandhom jitqiesu xierqa sabiex jippruvaw ukoll l-użu tat-trade mark preċedenti kopert minn din ir-reġistrazzjoni, li hija differenti mit-trade mark THE BRIDGE biss b’varjazzjoni negliġibbli. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li, skond l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din fil-forma kif hija ġiet irreġistrata jikkostitwixxi użu ta’ din it-trade mark. Għaldaqstant, huwa bi ksur ta’ l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 li, skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell eskluda mill-evalwazzjoni tiegħu l-probabbiltà ta’ konfużjoni tat-trade mark preċedenti BRIDGE, minħabba li l-użu tagħha ma kienx ġie ppruvat.
21 Fir-rigward ta’ l-ewwel ilment tar-rikorrenti, l-UASI jirribatti li, biex isir użu mill-kunċett ta’ "trade marks f’serje", ir-rikorrenti kellha tippreżenta l-prova ta’ l-użu tat-trade marks tagħha kollha, li hija naqset li tagħmel.
22 Fir-rigward tat-tieni lment, l-UASI wieġeb li l-Bord ta’ l-Appell evalwa korrettament il-provi prodotti mir-rikorrenti billi kkunsidra li ma kinux biżżejjed sabiex jippruvaw l-użu tat-trade mark verbali THE BRIDGE kopert mir-reġistrazzjoni Nru 642952.
23 Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda t-tielet ilment tar-rikorrenti, l-UASI jenfasizza li jirriżulta mill-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 li l-użu tat-trade mark preċedenti hija kundizzjoni neċessarja biex l-oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja iktar riċenti tkun tista’ tintlaqa. L-UASI jindika wkoll li l-protezzjoni tat-"trade mark difensiva" mhijiex meħtieġa mill-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p 1), u li r-rikonoxxoment tagħha mhuwiex kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trade marks.
24 L-ewwel nett, l-intervenjenti tenfasizza li r-rikorrenti kellha tipprova l-użu tat-trade marks kollha tagħha biex tibbaża l-argument tagħha li hija proprjetarja ta’ "trade marks f’serje".
25 It-tieni nett, l-intervenjenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell korrettament eskluda mill-evalwazzjoni tiegħu t-trade mark preċedenti THE BRIDGE protetta mir-reġistrazzjoni Nru 642952. F’dan ir-rigward, hija tindika li l-informazzjoni dwar oġġetti koperti minn trade mark, li jinsabu f’katalgi jew f’riklami, minnhom infushom, ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni dwar l-importanza kwantitattiva ta’ l-użu ta’ din it-trade mark, peress li din trid tkun ikkompletata b’dokumenti oħra ta’ natura tali li jippruvaw distribuzzjoni wiesgħa u importanti tat-trade mark fit-territorju rilevanti. Skond l-intervenjenti, f’din il-kawża, il-Bord ta’ l-Appell probabbilment ikkunsidra li r-rikorrenti pproduċiet katalgu wieħed għall-ħarifa/xitwa 1994-1995 u xi riklami fl-1995, li seta’ raġonevolment wasslu sabiex jikkonkludi li t-trade mark in kwistjoni kienet is-suġġett ta’ użu purament simboliku.
26 Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-ilment tar-rikorrenti dwar il-ksur tat-"trade marks difensivi" tiegħu, l-intervenjenti twieġeb li protezzjoni usa’ ta’ trade mark permezz ta’ "trade marks difensivi" tippresupponi l-eżistenza ta’ trade mark prinċipali, b’mod li, biex tiġi kklassifikata bħala "difensiva", trade mark għandha tiġi ppreżentata fl-istess waqt jew wara l-preżentata tat-trade mark prinċipali u mhux f’data preċedenti. L-intervenjenti tirrimarka wkoll, minn naħa, li r-reġistrazzjonijiet preċedenti Nri 370836 u 704338 kienu ġew miksuba għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 25 minkejja li l-kummerċ ewlieni tar-rikorrenti jirrigwarda prodotti inklużi fil-klassi 18 u, min-naħa l-oħra, li t-"trade marks difensivi" għandhom, bħala regola ġenerali, jippreżentaw biss differenza minima meta mqabbla mat-trade mark prinċipali waqt li t-trade marks preċedenti li r-rikorrenti tinvoka bħala "difensivi" huma differenti b’mod importanti mit-trade mark preċedenti prinċipali THE BRIDGE.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
27 Fir-rigward ta’ l-ewwel ilment tar-rikorrenti, għandu jiġi rrimarkat li, kuntrarjament għal dak li ssostni din ta’ l-aħħar, il-Bord ta’ l-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq il-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u sitt trade marks preċedenti li jikkorrispondu għar-reġistrazzjonijiet Nri 704372, 633349, 710102, 721569, 630763 u 642953. Fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell afferma b’mod espliċitu li dawn it-trade marks preċedenti ma kinux suġġetti għall-prova ta’ użu skond l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94, billi l-perijodu ta’ ħames snin mir-reġistrazzjoni tagħhom, pprovduta minn din id-dispożizzjoni, kienet għadha ma skadietx. Għaldaqstant huwa kkonkluda li s-sitt trade marks imsemmija iktar ‘il fuq għandhom jittieħdu in kunisderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark mitluba, għall-prodotti kollha li għalihom huma kienu ġew irreġistrati. Din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata.
28 Kien biss meta huwa eżamina l-argument tar-rikorrenti li t-trade marks preċedenti kellhom jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti minn "grupp ta’ trade marks" u, għaldaqstant, għandhom, fuq din il-bażi, jibbenefikaw minn protezzjoni usa’ li l-Bord ta’ l-Appell ikkonstata, abbażi ta’ l-evalwazzjoni tiegħu ta’ l-elementi ta’ prova miġjuba mir-rikorrenti, li l-prodotti differenti kkummerċjalizzati minn din ta’ l-aħħar "kienu riklamati u mibjugħa essenzjalment taħt it-trade mark THE BRIDGE u, għal parti żgħira, taħt it-trade mark figurattiva THE BRIDGE WAYFARER", b’tali mod li l-konsumatur Taljan fir-realtà kien jiltaqa’ biss ma’ dawn iż-żewġ trade marks preċedenti fuq is-suq (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li l-protezzjoni usa’ invokata mir-rikorrenti, marbuta ma’ l-eżistenza ta’ l-allegat "grupp ta’ trade marks", mhijiex iġġustifikata f’din il-kawża, billi s-sempliċi reġistrazzjoni ta’ diversi trade marks, li mhumiex użati fuq is-suq, mhijiex biżżejjed biex tistabbilixxi tali kunċett.
29 L-ilment in kwistjoni fil-fatt huwa intiż biex jikkontesta din il-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell u l-konstatazzjoni li fuqha din hija bbażata. Billi huwa jikkontesta kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell magħmula fil-kuntest ta’ l-analiżi tal-mertu ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni, dan l-ilment għandu jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ l-analiżi tal-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
30 Bit-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li huwa bi ksur tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 li l-Bord ta’ l-Appell eskluda mill-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni t-trade mark verbali THE BRIDGE, koperta mir-reġistrazzjoni Nru 642952, minħabba li l-użu tiegħu ma kienx ġie stabbilit suffiċjentement.
31 Skond l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu, fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel oppożizzjoni għandu jġib provi li, waqt il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti f’dan l-Istat Membru li fih hija protetta għal prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata. Skond il-paragrafu 2 tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, "l-indikazzjonijiet u l-provi sabiex tagħti prova ta’ użu għandhom jikkonsistu f’indikazzjonijiet fuq il-post, il-ħin, il-limitu u l-karattru ta’ l-użu tat-trade mark opposta għall-prodotti u servizzi li għalihom hija rreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni hija bbażata". Il-katalgi u r-riklami fil-gazzetti huma fost id-dokumenti ta’ prova li jistgħu jiġu ppreżentati bħala prova ta’ użu skond il-paragrafu 3 tar-regola msemmija iktar ‘il fuq.
32 Għandu jiġi osservat li użu ġenwin jippresupponi użu reali tat-trade mark fis-suq ikkonċernat sabiex jiġu identifikati prodotti jew servizzi. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li użu ġenwin jipprekludi kull użu minimu u li mhuwiex biżżejjed biex trade mark tiġi kkunsidrata bħala realment u effettivament użata f’suq speċifiku. F’dan ir-rigward, anki jekk il-proprjetarju għandu l-intenzjoni li juża b’mod reali t-trade mark tiegħu, jekk din ta’ l-aħħar mhijiex oġġettivament preżenti fis-suq b’mod effettiv, kostanti fiż-żmien u stabbli fil-konfigurazzjoni tas-sinjal, b’mod li l-konsumaturi ma jistgħux jikkunsidrawha bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini ta’ prodotti jew ta’ servizzi in kwistjoni, mhemmx użu ġenwin tat-trade mark [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs L-UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, Ġabra p. II‑5233, punt 36, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO AIRE), T‑156/01, Ġabra p. II‑2789, punt 35].
33 F’dan il-każ, ir-rikorrenti kellha turi l-użu fl-Italja tat-trade mark verbali THE BRIDGE, irreġistrata għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "ħwejjeġ, żraben, kpiepel" taħt il-klassi 25. Barra minn hekk, din il-prova għandha tiġi stabbilita għall-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tat-talba ta’ trade mark, jiġifieri għall-perijodu bejn l-14 ta’ Ġunju 1994 u l-14 ta’ Ġunju 1999.
34 Mill-analiżi tad-dokumenti fl-inkartament ta’ l-UASI ppreżentati lill-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-uniċi provi prodotti mir-rikorrenti rigward l-użu tat-trade mark verbali preċedenti THE BRIDGE għall-oġġetti fil-klassi 25 jikkonsistu fi katalgu tal-ħarifa/xitwa 1994-1995 u xi riklami magħmula fl-1995. Il-katalgi l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti m’għandhomx data.
35 Għandu jiġi osservat li l-provi miġjuba mir-rikorrenti huma limitati ħafna f’dak li jikkonċerna l-1994 u ineżistenti għas-snin 1996 sa 1999.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-provi prodotti mir-rikorrenti, indipendentement minn kemm huma xierqa sabiex jipprovdu elementi fuq l-importanza kwantitattiva ta’ l-użu tat-trade mark in kwistjoni, ma jurux li din ta’ l-aħħar ġiet ippreżentata fis-suq Taljan b’mod kostanti, għall-prodotti li għalihom hija ġiet irreġistrata, matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark, kuntrarjament għal dak li jitlob l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu.
37 Jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell ġustament qies li l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark għall-prodotti in kwistjoni ma ġiex ippruvat.
38 Barra minn hekk, id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huma inammissibbli u għalhekk m’għandhomx jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors imressaq quddiemha huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet ta’ l-appell ta’ l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex dik li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs L-UASI (Calandre), T‑128/01, Ġabra p. II‑701, punt 18; tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 67; ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, Díaz vs L-UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T‑85/02, Ġabra p. II‑4835, punt 46; tat-13 ta’ Lulju 2004, Samar vs L-UASI – Grotto (GAS STATION), T‑115/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 13, u ta’ l-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs L-UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Alcon vs L-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T‑237/01, Ġabra p. II‑411, punti 61 u 62, ikkonfermata b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs L-UASI, C‑192/03 P, Ġabra p. I‑8993].
39 Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ‘il fuq li t-tieni lment ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.
40 Permezz tat-tielet ilment tagħha, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tafferma li l-Bord ta’ l-Appell żbaljatament eskluda mill-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni r-reġistrazzjonijiet Nri 370836, 704338, 606709 u 593651, minħabba li l-użu tat-trade marks korrispondenti ma ġiex ippruvat. Ir-rikorrenti ssostni li t-trade marks imsemmija iktar ‘il fuq huma "trade marks difensivi", li bħala tali huma eżenti mill-prova ta’ użu, skond il-liġi Taljana dwar it-trade marks.
41 Fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell, filwaqt li kkonstata li l-erba’ trade marks preċedenti msemmija iktar ‘il fuq ma kinux jidhru fil-katalgi u lanqas fir-riklami ppreżentati mir-rikorrenti, ikkonkluda li d-dokumentazzjoni ppreżentata waqt il-proċedura ta’ oppożizzjoni ma tippermettix li tiġi stabbilita l-preżenza fis-suq ta’ dawn it-trade marks. Fil-punt li jmiss, il-Bord ta’ l-Appell eskluda l-argument tar-rikorrenti li t-trade marks in kwistjoni kienu jibbenefikaw, bħala "trade marks difensivi", mill-użu tat-trade mark preċedenti THE BRIDGE. F’dan ir-rigward, qabel kollox huwa osserva li t-"trade marks difensivi" huma ta’ karattru awżiljarju peress li huma rreġistrati mhux biex jiġu użati fis-suq, iżda bil-għan li titwessa’ l-protezzjoni tat-trade mark prinċipali, u li jirriżulta loġikament mill-karattru tagħhom li huma għandhom jiġu rreġistrati fl-istess waqt jew wara t-trade mark prinċipali. Imbagħad, huwa kkonstatata li r-reġistrazzjoni ta’ l-erba’ trade marks in kwistjoni saret qabel dik tat-trade mark THE BRIDGE. Konsegwentement, huwa kkonkluda li dawn it-trade marks ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħal "trade marks difensivi". Peress li l-użu tagħhom ma ġiex ippruvat, huma għandhom jiġu esklużi mill-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.
42 Għandu jiġi osservat li jekk, fid-dritt Taljan, l-Artikolu 42(4) tal-liġi dwar it-trade marks tipprovdi eċċezzjoni għar-regola tar-revoka tat-trade mark għal nuqqas ta’ użu matul perijodu ta’ ħames snin, li tinsab fil-paragrafu 1 ta’ l-istess Artikolu, meta "il-proprjetarju tat-trade mark mhux użata huwa proprjetarju, fl-istess waqt, ta’ trade mark oħra jew ta’ diversi trade marks simili li għadhom fis-seħħ, li almenu waħda minnhom hija użata biex tindika l-istess prodotti jew servizzi", min-naħa l-oħra l-kunċett ta’ "trade mark difensiva" ma jeżistix fis-sistema ta’ protezzjoni tat-trade mark Komunitarja.
43 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-istruttura tar-Regolament Nru 40/94, l-użu effettiv ta’ sinjal fil-kummerċ għall-prodotti jew is-servizzi li għalihom dan ġie rreġistrat jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali sabiex il-proprjetarju tagħha jingħata d-drittijiet esklużivi li jikkostitwixxu l-oġġett tal-protezzjoni mogħtija lit-trade marks. B’hekk, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li, "jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ suġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu". Skond l-Artikolu 50(1)(a), id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu. L-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tiġi miċħuda jekk il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, Komunitarja jew nazzjonali, li jkun għamel oppożizzjoni għandu jġib provi, fuq talba ta’ l-applikant, li waqt il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fil-Komunità jew fl-Istat Membru li fih hija protetta għall-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża. Dispożizzjoni analoga hija pprovduta fl-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 40/94 fil-każ ta’ preżentata ta’ applikazzjoni għal revoka jew nullità.
44 Ir-rwol ċentrali li l-obbligu ta’ użu tat-trade mark għandu fis-sistema tar-Regolament Nru 40/94 jinsab ikkonfermat fid-disa’ premessa ta’ dan ir-Regolament, li jgħid li "m’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw".
45 Minn dan jirriżulta li l-kunsiderazzjoni tar-reġistrazzjonijiet imsejħa "difensivi" mhijiex kompatibbli mas-sistema ta’ protezzjoni tat-trade mark Komunitarja intiża mir-Regolament Nru 40/94.
46 Huwa minnu, li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jimponu fuq il-proprjetarju ta’ trade mark l-obbligu ta’ użu ta’ din it-trade mark jew dak, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ta’ revoka jew ta’ nullità, li jippreżenta l-prova ta’ l-użu ġenwin tagħha jipprovdu eċċezzjoni li tgħid li l-proprjetarju tat-trade mark huwa eżenti mill-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dawn l-obbligi meta jkun hemm "raġunijiet validi" għalfejn ma ntużatx. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ "raġunijiet validi" imsemmi minn dawn id-dispożizzjonijiet jirreferi għal raġunijiet ibbażati fuq l-eżistenza ta’ ostakoli għall-użu tat-trade mark jew għal sitwazzjonijiet li fihom l-użu kummerċjali ta’ din jirriżulta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża, eċċessivament oneruż. Ostakli bħal dawn jistgħu eventwalment jirriżultaw minn leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, per eżempju, restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark, b’mod li tali leġiżlazzjoni tista’ tkun invokata sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ użu tat-trade mark. Min-naħa l-oħra, il-proprjetarju tar-reġistrazzjoni nazzjonali li jopponi applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ma jistax jinvoka, biex jevita l-oneru tal-prova li huwa impost fuqu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, dispożizzjoni nazzjonali li, bħal fil-każ ta’ l-Artikolu 42(4) tal-"liġi Taljana dwar it-trade marks", tippermetti l-preżentata bħala trade marks ta’ sinjali intiżi sabiex ma jintużawx fil-kummerċ minħabba l-funzjoni tagħhom purament difensiva ta’ sinjal ieħor li huwa s-suġġett ta’ użu kummerċjali. Fil-fatt, hekk kif ġie deċiż fil-punt 45 iktar ‘il fuq, tali reġistrazzjonijiet mhumiex kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tat-trade mark Komunitarja, hekk kif jirriżulta mir-Regolament Nru 40/94, u r-rikonoxximent tagħhom fuq il-livell nazzjonali ma jikkostitwixxix "raġunijiet validi" skond l-Artikolu 43(2) u (3) ta’ dan ir-Regolament, għan-nuqqas ta’ użu tat-trade mark preċedenti li fuqha tibbaża ruħha oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.
47 Għal dawn ir-raġunijiet, it-tielet ilment ta’ dan il-motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq l-allegat karattru difensiv, skond il-"liġi Taljana dwar it-trade marks", ta’ ċerti trade marks preċedenti esklużi mill-Bord ta’ l-Appell.
48 It-tieni nett, fil-kuntest tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-bosta elementi li hija ppreżentat waqt il-proċedura quddiem l-UASI sabiex tipprova l-użu tat-trade mark preċedenti THE BRIDGE huma wkoll tali li jippruvaw l-użu ġenwin tat-trade mark koperta mir-reġistrazzjoni Nru 370836, li hija differenti mit-trade mark THE BRIDGE biss b’varjazzjonijiet negliġibbli. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi kemm għall-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li l-użu ta’ trade mark f’forma li hija differenti biss fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din fil-forma li taħtha ġiet irreġistrata jikkostitwixxi użu ta’ din it-trade mark, kemm għall-Artikolu 42(2) tal-"liġi Taljana dwar it-trade marks", li tinkludi dispożizzjoni analoga.
49 Dan l-argument għandu jiġi miċħud.
50 Fil-fatt, l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 li għalih tirreferi r-rikorrenti jirrigwarda l-każ fejn trade mark irreġistrata, nazzjonali jew Komunitarja, hija użata fil-kummerċ taħt forma kemmxejn differenti meta mqabbla mal-forma li tatħha saret ir-reġistrazzjoni. Is-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni, li jevita li jimponi konformità stretta bejn il-forma użata mit-trade mark u dik li taħtha ġiet irreġistrata t-trade mark, huwa li jippermetti lill-proprjetarju ta’ din ta’ l-aħħar, fl-okkażjoni ta’ l-użu kummerċjali tagħha, li jintroduċi varjazzjonijiet fis-sinjal, mingħajr ma jimmodifika l-karattru distintiv, li jippermettu li tiġi adattata aħjar għall-eżiġenzi tal-kummerċ u tar-reklamar tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. B’mod konformi ma’ l-iskop tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala limitat għal sitwazzjonijiet li fihom is-sinjal konkretament użat mill-proprjetarju ta’ trade mark biex ikopri l-prodotti jew is-servizzi li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata jikkostitwixxi l-forma li taħtha din l-istess trade mark hija użata kummerċjalment. F’sitwazzjonijiet simili, meta s-sinjal użat fil-kummerċ huwa differenti mill-forma li taħtha dan ġie irreġistrat biss minħabba elementi negliġibbli, b’tali mod li ż-żewġ sinjali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala globalment ekwivalenti, id-dispożizzjoni msemmija iktar ‘il fuq tipprovdi li l-obbligu ta’ użu tat-trade mark irreġistrata jista’ jiġi sodisfatt billi tinġieb il-prova ta’ l-użu tas-sinjal li jikkostitwixxi l-forma użata fil-kummerċ. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(2)(a), ma jippermettix lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata li jevita l-obbligu tiegħu li jagħmel użu minn din it-trade mark billi jinvoka l-użu ta’ trade mark simili li hija s-suġġett ta’ reġistrazzjoni distinta.
51 F’din il-kawża, ir-rikorrenti fil-fatt qed tipprova tistabbilixxi l-użu tat-trade mark koperta mir-reġistrazzjoni Nru 370836 billi tinvoka l-istess elementi ta’ prova ppreżentati quddiem l-UASI dwar l-użu tat-trade mark THE BRIDGE kopert minn reġistrazzjonijiet distinti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għar-raġunijiet li ġew esposti iktar ‘il fuq u mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-trade mark li hija s-suġġett tar-reġistrazzjoni Nru 370836 tistax tiġi kkunsidrata bħala globalment ekwivalenti għat-trade mark THE BRIDGE, għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 mhumiex sodisfatti f’din il-kawża.
52 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, it-tielet ilment ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.
53 Jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94
Argumenti tal-partijiet
54 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li hija proprjetarja ta’ bosta trade marks li fihom it-terminu "bridge", li jikkostitwixxu "grupp" ta’ trade marks jew "trade marks f’serje". Dan il-fatt, li huwa tali li jżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, ma ġiex ikkunsidrat mill-Bord ta’ l-Appell fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 dwar il-prova ta’ l-użu tat-trade marks.
55 Ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-trade marks li hija proprjetarja tagħhom huma trade marks kumplessi, li għandhom kollha terminu komuni, il-kelma Ingliża "bridge", flimkien ma sinjali oħra verbali jew figurattivi. L-elementi kollha li jiffurmaw dawn it-trade marks m’għandhom l-ebda relazzjoni mal-prodotti li huma jkopru. Għaldaqstant, dawn it-trade marks għandhom karattru distintiv intrinsiku qawwi ħafna, imsaħħaħ, fir-rigward tat-trade mark verbali THE BRIDGE, mill-użu massiv li sar minnha u li huwa sostnut mid-dokumentazzjoni ferm voluminuża ppreżentata mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Ir-rikorrenti tosserva li kemm il-ġurisprudenza Taljana kif ukoll dik Komunitarja tagħti protezzjoni estensiva għal dan it-tip ta’ trade marks. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li, fis-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 18), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li "it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli ħafna, intrinsikament, jew minħabba r-reputazzjoni ta’ dawn fuq is-suq, igawdu minn protezzjoni iktar estensiva minn dawk li għandhom karattru inqas distintiv".
56 Ir-rikorrenti tosserva li kemm id-diviżjoni ta’ oppożizzjoni kif ukoll il-Bord ta’ l-Appell barra minn hekk ammettew li t-trade mark THE BRIDGE tesprimi kunċett li ma jippreżenta ebda rabta mal-prodotti li għalihom hija rreġistrata u li, konsegwentement, hija għandha karattru distintiv intrinsiku. Il-Bord ta’ l-Appell għaraf ukoll il-fatt li t-trade mark THE BRIDGE hija magħrufa, mingħajr madankollu ma ġibed il-konkużjonijiet neċessarji f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
57 It-tieni nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta’ l-Appell ma kkunsidrax, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, tal-prinċipju ta’ l-interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks u dik tal-prodotti. B’referenza għall-ġurisprudenza Komunitarja, b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C‑251/95, Ġabra p. I‑6191), hija tosserva li l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala interdipendenti.
58 It-tielet nett, fir-rigward tal-paragun bejn is-sinjali in kwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell żbaljatament ikkunsidra li t-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mhumiex simili.
59 F’dak li jirrigwarda l-paragun fuq il-livell viżiv, ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li huwa affermat fid-deċiżjoni kkontestata, il-preżenza, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, maġenb l-element verbali "bainbridge", ta’ disinn, li juri romblu drapp tal-qlugħ li jinfetaħ sal-punt li jifforma l-qlugħ ta’ vapur, ma jagħmilx għajr li jżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din it-trade mark u t-trade marks figurattivi preċedenti, billi dawn huma wkoll magħmula mill-element verbali, li fih il-kelma "bridge", u minn elementi grafiċi. Din iċ-ċirkustanza twassal biex il-pubbliku jemmen li l-prodotti koperti mit-trade mark li għalihom saret applikazzjoni ġejjin mir-rikorrenti u li huma jikkostitwixxu linja ta’ prodotti intiżi speċjalment għall-persuni interessati fid-dinja tal-qlugħ u dik nawtika. Imbagħad, din l-impressjoni hija msaħħa mill-fatt li l-element figurattiv tat-trade mark preċedenti koperta mir-reġistrazzjoni Nru 721569 tirriproduċi d-disinn ta’ warda tar-rjieħ, li huwa s-simbolu nawtiku l-iktar tipiku.
60 Ir-rikorrenti tosserva wkoll li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark figurattiva preċedenti li hija s-suġġett tar-reġistrazzjoni Nru 370836 huma simili ħafna fuq il-livell grafiku.
61 Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali fuq il-livell kunċettwali, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni safejn huwa kkunsidra li l-konsumatur medju Taljan jiddisponi minn għarfien tal-lingwi barranin li jippermettilu jifhem l-allegata differenza kunċettwali eżistenti bejn it-trade marks in kwistjoni.
62 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell, li dan il-konsumatur jista’ jifhem is-sens tal-kelma Ingliża "bridge", hija żbaljata. Hija tenfasizza li din il-kelma m’għandhiex assonanza mal-kelma Taljana korrispondenti, "ponte", u li l-kelma "bridge" hija komunement użata fit-Taljan biex tiddeskrivi logħba tal-karti.
63 Barra minn dan, anki kieku l-konklużjoni li t-terminu Ingliż "bridge" jinftiehem mill-konsumatur medju Taljan hija korretta, hija f’kull każ kellha twassal lill-Bord ta’ l-Appell jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade marks in kwistjoni, safejn dawn kollha fihom l-imsemmi terminu. Għall-kuntrarju, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-konsumatur medju Taljan, minkejja li kien kapaċi jifhem is-sinjifikat tal-kelma "bridge" meta din hija użata fit-trade marks tar-rikorrenti, mhuwiex kapaċi jagħraf dan l-istess terminu fit-trade mark mitluba, billi din hija użata flimkien ma’ terminu ieħor, "bain", li m’għandu l-ebda sinjifikat fl-Ingliż, b’tali mod li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huwa ppreżentat f’għajnejn il-pubbliku rilevanti bħala għaqda omoġenja u indiviżibbli mingħajr l-ebda sinjifikat evidenti.
64 Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni, u żżid li, jekk, kif isostni l-Bord ta’ l-Appell, il-konsumatur medju Taljan għandu biżżejjed għarfien tal-lingwi barranin li jippermettilu jifhem is-sinjifikat tal-kelma Ingliża "bridge", huwa wkoll jista’ jifhem, fit-trade mark mitluba, il-kelma Franċiża "bain" u dan iwasslu biex jaqsam it-terminu "bainbridge" f’żewġ kelmiet. Hija tenfasizza li l-argument ta’ l-intervenjenti, li l-konsumatur jara t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni bħala patronimiku jew bħala indikazzjoni ġeografika, mhux kredibbli.
65 Skond ir-rikorrenti, il-konsumatur medju Taljan probabbilment ma jifhem l-ebda waħda mill-kliem barrani li jifforma t-trade marks in kwistjoni, jew inkella jagħraf biss il-kelma "bridge", li jidentifika fit-trade marks kollha in kwistjoni. Fiż-żewġ każijiet, il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija evidenti. In sostenn ta’ l-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka diversi deċiżjonijiet ta’ l-UASI li fihom l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ġiet aċċettata mingħajr l-ebda referenza dwar jekk it-trade marks in kawża jinftehmux mill-konsumatur rilevanti.
66 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għal serje ta’ deċiżjonijiet, mogħtija f’kawżi li jippreżentaw analoġiji qawwija ma’ din il-kawża, li fihom l-korpi ta’ l-UASI rrikonoxxew l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt.
67 L-UASI jqis li l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell hija korretta.
68 Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Bord ta’ l-Appell ma kkunsidrax il-fatt li r-rikorrenti hija proprjetarja ta’ serje ta’ trade marks li għandhom l-element komuni "bridge", l-UASI jsostni li s-sistema Komunitarja ma tagħti l-ebda protezzjoni legali astratta lit-"trade marks f’serje", peress li kull sinjal preċedenti għandu jittieħed in kunsiderazzjoni separatament fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni eventwali mat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni. F’dan is-sens, il-kunċett ta’ "trade marks f’serje" huwa rilevanti f’tali evalwazzjoni biss jekk il-konsumatur rilevanti ġie kkonfrontat ma’ kull trade mark preċedenti, li ġiet effettivament użata, b’tali mod li jagħti l-impressjoni li teżisti bejniethom rabta ta’ karattru li tagħti l-istess oriġini lit-trade marks kollha. Konsegwentement, il-kunċett ta’ "trade marks f’serje" jew ta’ "grupp ta’ trade marks" huwa biss rilevanti fil-każ ta’ użu ġenwin ta’ kull trade mark.
69 Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta’ l-Appell ma kkunsidrax fl-evalwazzjoni tiegħu la l-interdipendenza bejn ix-xebh tal-prodotti kkonċernati u x-xebh tas-sinjali in kwistjoni u lanqas l-allegata reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, l-UASI jenfasizza li l-eżistenza ta’ livell minimu ta’ xebh bejn is-sinjali in kwistjoni hija kundizzjoni indispensabbli sabiex tiġi stabbilita probabbiltà ta’ konfużjoni, li fin-nuqqas tagħha mhuwiex iktar neċessarju li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi l-oħra li jintervjenu fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, bħall-karattru distintiv intrinsiku u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew ix-xebh eventwali bejn il-prodotti. F’dan il-każ, tali livell minimu ta’ xebh bejn is-sinjali in kwistjoni ma jistax jiġi distint.
70 L-UASI, bħall-Bord ta’ l-Appell, jikkunsidra li huwa biss fit-trade marks preċedenti li l-kelma "bridge" tista’ tiġi mifruda mill-għaqda li hija tagħmel parti minnha. Min-naħa l-oħra t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tikkostitwixxi għaqda omoġenja u indiviżibbli, mingħajr ebda sinjifikat evidenti, li fiha l-element verbali "bridge" jitlef kull karattru individwali biex jingħaqad f’kelma oħra kjarament distinta mill-elementi li jiffurmawha. Skond l-UASI, l-esperjenza komuni turi li l-kliem jistgħu jitilfu jew jiksbu s-sens tagħhom jekk jiġu mifruda jew magħquda ma’ kliem ieħor, bħal ma huwa l-każ tal-kelma Taljana "bella" meta riprodotta fil-kelma "isabella".
71 Barra minn hekk, l-UASI josserva li, fuq il-livell viżiv, is-sinjali in kwistjoni huma kjarament differenti, minħabba t-tul tagħhom jew l-oġġett grafiku rrappreżentat.
72 L-intervenjenti taqbel mal-kunsiderazzjonijiet ta’ l-UASI f’dak li jirrigwarda l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegata eżistenza ta’ "trade marks f’serje" u ta’ l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti. Fir-rigward ta’ l-ewwel ilment, l-intervenjenti żżid li l-kunċett ta’ "trade marks f’serje" jippresupponi li t-trade marks ikkunsidrati fihom matriċi komuni, li ma tinsabx fit-trade marks preċedenti.
73 Fir-rigward tal-paragun bejn it-trade marks in kwistjoni, l-intervenjenti tosserva li, f’dak li jirrigwarda l-elmenti viżivi, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija trade mark kumplessa, figurattiva u verbali, li fiha disinn mogħni b’qawwa kbira ta’ distinzjoni, tali li tiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur u li tindika l-oriġini nawtika tat-trade mark u tal-prodotti li hija tkopri. Hija tenfasizza wkoll ir-rappreżentazzjoni grafika partikolari ta’ l-element verbali "bainbridge". It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti huma wkoll differenti fuq il-livell fonetiku.
74 Fuq il-livell kunċettwali, l-intervenjenti tenfasizza li t-terminu "bainbridge" huwa patronimiku komuni ħafna fl-Istati Uniti. Din il-kawża tirrigwarda l-isem ta’ wieħed miż-żewġ fundaturi tal-kumpannija Amerikana Bainbridge Aquabatten Inc., li tipproduċi drapp għall-qlugħ, li l-intervenjenti tiddistribwixxi esklużivament fl-Italja. Dan it-terminu huwa wkoll toponimu, li jindika belt żgħira fl-Istat ta’ Washington kif ukoll gżira żgħira f’waħda mill-għadajjar ta’ l-Istat tal-Ġeorġja. Konsegwentement, skond l-intervenjenti, it-terminu "bainbridge" m’għandux jiġi kkunsidrat bħala kelma magħquda, iżda bħala isem uniku li ma għandha l-ebda rabta kunċettwali mat-trade marks preċedenti, li jirreferu għal kunċett ta’ pont.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
75 L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li, "jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta" u li "l-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti".
76 Skond ġurisprudenza kostanti, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kawża ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom.
77 Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u billi jiġu meqjusa l-fatturi rilevanti kollha in kwistjoni, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].
78 F’din il-kawża, minħabba n-natura tal-prodotti kkonċernati, li d-deskrizzjoni tagħhom hija riprodotta fil-punti 6 u 9 iktar ‘il fuq, il-pubbliku kkonċernat li dwaru l-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi effettwata huwa magħmul, għall-prodotti kollha in kwistjoni, mill-konsumaturi medji ta’ l-Istat Membru li fihom it-trade marks preċedenti huma protetti, jiġifieri l-Italja.
79 B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ‘il fuq, hemm lok li jsir il-paragun bejn, minn naħa, il-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, is-sinjali in kwistjoni.
– Fuq il-prodotti in kwistjoni
80 Skond il-ġurisprudenza, għall-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom, kif ukoll jekk humiex f’kompetizzjoni ma’ xulxin jew komplementari għal xulxin [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI – Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 51].
81 F’din il-kawża, l-oppożizzjoni tibbaża ruħha fuq trade marks preċedenti rreġistrati għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25 jew waħda minn dawn iż-żewġ klassijiet u hija diretta kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal prodotti fl-istess klassijiet.
82 Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-livell ta’ xebh bejn il-prodotti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-deskrizzjonijiet riprodotti fil-punti 6 u 9 iktar ‘il fuq, u li l-partijiet jaqblu dwarhom, il-prodotti koperti minn din l-applikazzjoni għal trade mark u dawk koperti mit-trade marks preċedenti huma identiċi.
– Fuq is-sinjali in kwistjoni
83 Fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li sitta biss mill-ħdax-il trade mark preċedenti, jiġifieri t-trade marks tridimensjonali li fihom l-element verbali "the bridge" (reġistrazzjonijiet Nri 704372 u 633349), it-trade mark verbali FOOTBRIDGE (reġistrazzjoni Nru 710102), it-trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali "the bridge wayfarer" (reġistrazzjoni Nru 721579), it-trade mark verbali OVER THE BRIDGE (reġistrazzjoni Nru 630763) u t-trade mark verbali THE BRIDGE (reġistrazzjoni Nru 642953), setgħu jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.
84 Peress li l-ebda lment imressaq mir-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell u eżaminat fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ l-ewwel motiv ma ġie aċċettat, l-analiżi rigward ix-xebh tas-sinjali in kwistjoni għandha tiġi ristretta għall-paragun bejn it-trade mark mitluba u s-sitt trade marks preċedenti elenkati fil-punt 11 imsemmi iktar ‘il fuq tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ‘il quddiem it-"trade marks preċedenti rilevanti").
85 Qabel kollox it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha tiġi mqabbla ma’ kull waħda mit-trade marks preċedenti rilevanti kkunsidrati separatament, u wara, għandu jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ l-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ allegat "grupp" jew "serje" ta’ trade marks preċedenti.
86 Hija ġurisprudenza stabbilita li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li għandha ssir fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjali, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (is-sentenza SABEL, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23, u s-sentenza ELS, iċċitata iktar ‘il fuq punt, 62). Barra minn hekk, il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju ta’ tip ta’ prodott jew ta’ servizz in kwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, u dan il-konsumatur normalment jipperċepixxi trade mark bħala xi ħaġa sħiha u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji (is-sentenza SABEL, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23).
87 F’din il-kawża, it-trade marks preċedenti rilevanti jikkonsistu f’sinjali verbali, f’sinjali kumplessi, figurattivi u verbali, u f’sinjali tridimensjonali, li kollha fihom element verbali komuni, jiġifieri l-kelma Ingliża "bridge", b’quddiemha, fil-biċċa l-kbira tas-sinjali, l-artikolu definit "the". It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija sinjal kumpless ikkostitwit minn tiketta rettangolari bajda u sewda li fiha huwa riprodott id-disinn ta’ romblu drapp tal-qlugħ li jinfetaħ sal-punt li jifforma l-qlugħ ta’ vapur. Fuq in-naħa tal-lemin tad-disinn jidher l-isem "bainbridge", b’tipa sewda korsiva, li testendi orizzontalment fuq iż-żewġ terzi tat-tul tat-tiketta, u b’linja sewda taħt tul it-tiketta.
88 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat, bħal ma għamel il-Bord ta’ l-Appell fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks preċedenti għandhom karattru distintiv intrinsiku għoli inkwantu dawn huma magħmula minn sinjali verbali, kumplessi u tridimensjonali, li l-elementi tagħhom, ikkunsidrati separatament jew flimkien, m’għandhom l-ebda rabta mal-prodotti li huma jkopru. F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari t-trade marks preċedenti li fihom l-element verbali "the bridge", dan il-karattru jidher iktar bl-użu intensiv li jsir minnhom. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni hija ogħla meta l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun importanti u li t-trade marks li għandhom karattru distiniv ogħla, intrinsikament, jew minħabba r-reputazzjoni fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar estensiva minn dawk li għandhom karattru inqas distintiv (is-sentenza SABEL, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24, u Canon, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 18).
89 Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Bord ta’ l-Appell irrikonoxxa li t-trade marks preċedenti huma magħrufa, biżżejjed jiġi osservat li l-ebda silta tad-deċiżjoni kkontestata ma ssostni din l-allegazzjoni.
90 Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord ta’ l-Appell seta’, mingħajr ma jagħmel żbalji ta’ evalwazzjoni, jikkonkludi li ma jeżistix xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni.
91 Qabel kollox għandhom jiġu mqabbla dawn is-sinjali fuq il-livell viżiv.
92 F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn it-trade marks preċedenti rilevanti fi tliet kategoriji, skond jekk huma sinjali verbali, kumplessi, jiġifieri dawk magħmula minn elementi figurattivi u verbali, jew tridimensjonali.
93 It-trade marks preċedenti FOOTBRIDGE (reġistrazzjoni Nru 710102), OVER THE BRIDGE (reġistrazzjoni Nru 630763) u THE BRIDGE (reġistrazzjoni Nru 642953) jagħmlu parti mill-ewwel kategorija.
94 Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li trade mark kumplessa, verbali u figurattiva, tista’ tiġi kkunsidrata li tixbah trade mark oħra, simili jew identika għal wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, biss jekk dan il-komponent ma jikkostitwixxix l-element dominanti fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark kumplessa. Dan huwa l-każ meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, id-dehra ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm f’moħħu, b’tali mod li l-komponenti l-oħra ta’ din it-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta minnha [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 33].
95 F’din il-kawża, anki jekk jitqies li l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, "bainbridge", jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-element li għandu mnejn jiġbed iktar mill-elementi l-oħra l-attenzjoni tal-konsumatur, għandu jiġi osservat li x-xebh viżiv bejn dan l-element u t-tliet trade marks preċedenti in kwistjoni jikkonċerna biss sekwenza ta’ sitt ittri, li tifforma l-kelma Ingliża "bridge". Din il-kelma hija akkumpanjata, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, bil-prefiss "bain" u, fit-trade marks preċedenti, bil-kelmiet separati "over the", "the" u bil-prefiss "foot".
96 Barra minn hekk, il-kelma "bainbridge" fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija akkumpanjata b’elementi figurattivi li l-importanza tagħhom, minkejja li tista’ tiġi deskritta bħala inqas, mhijiex madankollu negliġibbli fl-impressjoni ġenerali prodotta minn dan is-sinjal.
97 Issa, fid-dawl tad-differenzi msemmija iktar ‘il fuq bejn it-tliet trade marks preċedenti in kwistjoni u l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u fid-dawl tal-fattur l-ieħor ta’ differenzjar li jikkostitwixxu l-elementi figurattivi li jikkaratterizzaw din it-trade mark ta’ l-aħħar, ix-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni msemmija fil-punt 95 iktar ‘il fuq mhumiex tali li jkunu prevalenti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tas-sinjali in kwistjoni fuq il-livell viżiv.
98 It-tieni kategorija tinkludi biss it-trade mark kumplessa li fiha l-element verbali "the bridge wayfarer" (reġistrazzjoni Nru 721579). Din it-trade mark tirriproduċi d-disinn iswed u abjad ta’ warda tar-rjieħ b’linja orizzontali sewda għaddejja minn ġo nofsu. Dan l-element figurattiv huwa mqiegħed bejn il-kliem "the bridge", b’tipa sewda u grassa, u "wayfarer", b’tipa sewda iżgħar.
99 Għandu jiġi kkonstatat li din it-trade mark preċedenti hija sostanzjalment differenti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq il-livell viżiv. Fil-fatt, l-uniku element komuni bejn is-sinjali in kwistjoni, jiġifieri s-sekwenza ta’ sitt ittri li jiffurmaw il-kelma "bridge", tidher f’dan il-każ kważi imperċettibbli fl-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, li hija affettwata sew mill-elementi figurattivi, li jinkludu, minbarra d-disinji, ir-riproduzzjoni grafika ta’ l-elementi verbali li huma miżjuda mal-kelma msemmija iktar ‘il fuq, jiġifieri l-prefiss "bain" fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u l-kliem separati "the" u "wayfarer" fit-trade mark preċedenti in kwistjoni.
100 Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kategorija ta’ trade marks preċedenti rilevanti, magħmula minn tikketti tridimensjonali li jirriproduċu l-frażi "the bridge", għandu jiġi kkonstatat li d-differenzi dovuti għan-natura nfisha ta’ dawn it-trade marks huma biżżejjed sabiex jeskludu kull xebh mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fuq il-livell viżiv.
101 Fl-aħħar nett, il-paragun fuq il-livell viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni juri nuqqas ta’ xebh qawwi bejniethom, ta’ natura tali li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-uniku element komuni, ikkostitwit mis-sekwenza ta’ sitt ittri li jiffurmaw il-kelma "bridge", mhuwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit bejn it-trade marks in kwistjoni, fid-dawl ta’ l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, livell ta’ xebh viżiv sinjifikanti għal fini ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
102 Għaldaqstant, jeħtieġ li s-sinjali in kwistjoni jiġu mqabbla fuq il-livell fonetiku.
103 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li x-xebh fonetiku bejn is-sinjali in kwistjoni huwa pjuttost baxx meta wieħed iqabbel it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mat-trade mark preċedenti li fih l-element verbali "the bridge wayfarer" u t-trade mark preċedenti verbali OVER THE BRIDGE, filwaqt li huwa iktar aċċentwat meta tali tqabbil jirrigwarda t-trade marks preċedenti verbali THE BRIDGE u FOOTBRIDGE u t-trade marks preċedenti tridimensjonali li fihom l-element verbali "the bridge".
104 F’dan ir-rigward, l-argument ippreżentat mill-Bord ta’ l-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-differenzi fonetiċi "jirriflettu fil-biċċa l-kbira dawk kunċettwali (…), peress li l-pronunzja tad-diversi trade marks hija differenti skond is-sinjifikat tal-kliem li jiffurmawha", mhuwiex konvinċenti.
105 Min-naħa l-oħra għandu jiġi kkunsidrat li probabbilment il-konsumatur Taljan jippronunzja l-erba’ trade marks preċedenti msemmija iktar ‘il fuq u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni b’mod tali li l-kelma "bridge" tkun f’kull każ aċċentwata, b’mod partikolari minħabba t-tqegħid ta’ l-ittri u tat-tqegħid maġenb xulxin tal-konsonanti "d" u "g", li mhux magħrufa fil-lingwa Taljana. Barra minn hekk, ix-xebh fonetiku bejn it-trade marks preċedenti verbali THE BRIDGE u FOOTBRIDGE u t-trade marks preċedenti tridimensjonali li fihom l-element verbali "the bridge", minn naħa, u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li fiha l-element verbali "bainbridge", min-naħa l-oħra, tinsab iktar aċċentwata milli tidher il-kelma "bridge" f’dawn it-trade marks kollha f’din l-istess pożizzjoni. Min-naħa l-oħra, dan ix-xebh jiddgħajjef bil-preżenza tal-kliem "the" u tal-prefiss "foot" fit-trade marks preċedenti u tal-prefiss "bain" fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.
106 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq, għandha tingħaraf l-eżistenza ta’ ċertu xebh fonetiku bejn it-trade mark mitluba u, almenu, l-erba’ trade marks preċedenti msemmija iktar ‘il fuq.
107 Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġu mqabbla s-sinjali in kwistjoni fuq il-livell kunċettwali.
108 Il-punt ta’ tluq ta’ l-analiżi tal-Bord ta’ l-Appell fir-rigward tal-kontenut semantiku tat-trade marks in kwistjoni jinsab fil-premessa, ikkontestata mir-rikorrenti, li l-konsumatur medju Taljan jiddisponi minn biżżejjed għarfien tal-lingwa Ingliża li jippermettilu jagħraf is-sinjifikat tal-kelma "bridge" u jagħmel il-konnessjoni mal-kelma Taljana korrispondenti, "ponte" (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata).
109 Tali premessa ma tistax tiġi kkontestata. Fil-fatt, kif l-intervenjenti ġustament osserva, il-kelma "bridge" hija parti mill-vokabolarju elementari tal-lingwa Ingliża, li l-għarfien tagħha fl-Italja jinkiseb, f’livell medju ta’ edukazzjoni skolastika. L-istess japplika għat-termini Ingliżi "the" u "foot", u l-espressjoni "over the" li jinsabu fit-trade marks preċedenti.
110 Il-Bord ta’ l-Appell ikompli r-raġunament tiegħu billi juri li l-konsumatur Taljan mhuwiex kapaċi jifhem il-kelma "bridge" fis-sinjifikat tagħha ta’ pont biss meta huwa kkonfrontat mat-trade marks preċedenti, billi huwa biss f’dawn it-trade marks li dan it-terminu huwa użat flimkien ma’ l-artikolu "the" jew ma kliem ieħor Ingliż, bħal "foot", li jinftiehmu faċilment. Min-naħa l-oħra, dan mhuwiex il-każ fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, billi qabel il-kelma "bridge" hemm il-prefiss "bain", li huwa, minnu nnifsu, m’għandu l-ebda sinjifikat (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, skond il-Bord ta’ l-Appell, "jekk, fit-trade marks preċedenti, il-kelma ‘bridge’ setgħat nozzjonalment tiġi mifruda mill-għaqda li tagħmel parti minnha, it-trade mark BAINBRIDGE tikkostitwixxi għaqda omoġenja u indiviżibbli, mingħajr l-ebda sinjifikat evidenti, jekk mhux bħala sinjal fantasjuż, patronimiku jew indikazzjoni ġeografika, li fiha l-kelma ‘bridge’, minkejja li hija preżenti, ma għandha l-ebda valur awtonomu" (punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata).
111 Ir-raġunament tal-Bord ta’ l-Appell f’dan ir-rigward ma fihx żbalji ta’ evalwazzjoni.
112 Fil-fatt, il-fatt li l-kelma "bridge", fit-trade mark mitluba, għandha quddiemha l-prefiss "bain", li m’għandu l-ebda sinjifikat fil-lingwa Ingliża, huwa tali li jdgħajjef in-natura immedjata tar-rabta semantika bejn l-imsemmija kelma u l-kunċett li fuqu hija bbażata din il-lingwa. B’hekk, il-kelma sħiħa ffurmata mit-terminu "bainbridge" tista’ faċilment tinftiehem mill-konsumatur Taljan bħala kelma fantasjuża jew, fid-dawl ukoll tal-fatt li fir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark dan it-terminu jibda b’ittra kapitali, bħala indikazzjoni ġeografika, li tindika belt jew reġjun li minnu tgħaddi xmara, bħal fil-każ, per eżempju, tal-kelma "Cambridge", jew bħal kunjom. Barra minn hekk, ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ sinjal ma tinkludi l-ebda element li jista’ jevoka l-idea ta’ pont. Min-naħa l-oħra, id-disinn li jirriproduċi qlugħ ta’ vapur jista’ jwassal lill-konsumatur jaħseb li l-indikazzjoni "bainbridge" tindika post qrib il-baħar, li fih jiġu pprattikati l-isport nawtiċi. Tali assoċjazzjoni ta’ ideat tista’ tiġi msaħħa f’moħħ il-konsumatur medju Taljan, jekk jiġi ammess li, kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, dan ikun kapaċi jifhem is-sinjifikat tal-kelma Franċiża "bain", li hija l-prefiss tat-terminu "bainbridge".
113 Min-naħa l-oħra, meta hija użata fit-trade marks preċedenti rilevanti, il-kelma "bridge" tevoka immedjatament il-kunċett ta’ pont. Din in-natura immedjata tar-rabta semantika hija msaħħa minn diversi elementi, bħall-użu ta’ l-artikolu "the", jew ta’ kliem ieħor li ġej mil-lingwa Ingliża użat bħala aġġettivi ("foot").
114 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx żbalji ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li s-sinjali in kwistjoni ma kinux simili fuq il-livell semantiku u, għalhekk, ma jistax jiġi affermat li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tagħmel użu illegali mill-kunċett ta’ "pont" espress mit-trade marks preċedenti rilevanti (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata).
– Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni
115 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq li s-sinjali in kwistjoni għandhom xebh sinjifikattiv biss fuq il-livell fonetiku.
116 Minkejja l-karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti rilevanti u l-identità tal-prodotti indikati minn dawn ta’ l-aħħar u mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, ma jistax jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fid-dawl tax-xebh fonetiku bejn is-sinjali in kwistjoni biss. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-livell ta’ xebh fonetiku bejn żewġ trade marks huwa ta’ importanza mnaqqsa fil-każ ta’ prodotti li huma kkummerċjalizzati b’tali mod li, normalment, il-pubbliku rilevanti, waqt ix-xiri, jipperċepixxi t-trade mark li tindikahom b’mod viżiv [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Canali Ireland vs L-UASI – Canal Jean (CANAL JEAN CO. NEW YORK), T‑301/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra]. Dan huwa l-każ tal-prodotti in kwistjoni f’din il-kawża.
117 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni billi kkonkluda li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u s-sitt trade marks preċedenti rilevanti, ikkunsidrati separatament.
118 F’dan l-istadju, jifdal li ssir analiżi ta’ l-argument tar-rikorrenti li t-trade marks preċedenti, kkaratterizzati kollha mill-preżenza ta’ l-istess komponent verbali, "bridge", jikkostitwixxu "grupp ta’ trade marks" jew "trade marks f’serje". Fl-opinjoni tagħha, tali ċirkustanza hija tali li toħloq probabbiltà oġġettiva ta’ konfużjoni inkwantu l-konsumatur, meta kkonfrontat mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li tirriproduċi l-istess komponent verbali tat-trade marks preċedenti, jkun imwassal li jemmen li l-prodotti indikati minn din it-trade mark ġejjin ukoll mir-rikorrenti.
119 L-ewwel nett, għandu jingħad li l-kunċett ta’ "trade marks f’serje" mhuwiex imsemmi mir-Regolament Nru 40/94.
120 Madankollu, tali konstatazzjoni ma tippermettix li jiġi eskluż a priori l-argument tar-rikorrenti.
121 Biex tiġi evalwata l-mertu ta’ tali argument, qabel kollox għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-prodotti jew servizzi koperti, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fost il-pubbliku li "tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti". Barra minn hekk, is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94 tippreċiża li "l-possibbiltà ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn is-sinjal użat u dak irreġistrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni".
122 Għandu jiġi osservat ukoll li, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 77 iktar ‘il fuq, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kawża, u billi jiġu meqjusa l-fatturi rilevanti kollha in kwistjoni.
123 Issa, għandu jingħad li, meta l-oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tkun ibbażata fuq diversi trade marks preċedenti u dawn it-trade marks jippreżentaw karatteristiċi li jippermettu li jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti mill-istess "serje" jew "grupp", li jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta jirripproduċu integralment l-istess element distintiv flimkien ma’ element, grafiku jew verbali, li jagħmilhom differenti waħda mill-oħra, jew meta dawn huma kkaratterizzati mir-ripetizzjoni ta’ l-istess prefiss jew suffiss meħud minn trade mark oriġinali, tali ċirkustanza tikkostitwixxi fattur rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.
124 Fil-fatt, f’ċirkustanzi simili, probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ tinħoloq mill-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti li huma parti mis-serje, meta t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tippreżenta xebh ma’ dawn ta’ l-aħħar li jista’ jwassal lill-konsumatur jemmen li hija tagħmel parti mill-istess serje u, għalhekk, li l-prodotti koperti minnha għandhom l-istess oriġini kummerċjali ta’ dawk koperti mit-trade marks preċedenti, jew oriġini relatata. Tali probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u s-serje ta’ trade marks preċedenti, li jistgħu jwasslu għal konfużjoni rigward l-oriġini kummerċjali tal-prodotti identifikati mis-sinjali in kwistjoni, tista’ teżisti wkoll meta, bħalma huwa l-każ in kwistjoni, il-paragun bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade marks preċedenti, meħuda kull waħda separatament, ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni diretta. F’tali każ, il-probabbiltà li l-konsumatur jista’ jieħu żball fir-rigward ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni ma tirriżultax mill-possibbiltà li jfixkel it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma’ xi waħda mit-trade marks f’serje preċedenti iżda mill-possibbiltà li jqis li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tagħmel parti mill-istess serje.
125 Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni deskritta iktar ‘il fuq ma tistax tiġi invokata ħlief jekk iż-żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti b’mod kumulattiv.
126 L-ewwel nett, il-proprjetarju ta’ serje ta’ reġistrazzjonijiet preċedenti għandu jagħti l-prova ta’ l-użu tat-trade marks li huma parti minn serje jew, almenu, ta’ numru ta’ trade marks li jistgħu jikkostitwixxu "serje". Fil-fatt, sabiex teżisti probabbiltà li l-pubbliku jiżbalja ruħu fir-rigward il-fatt li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija parti mis-serje, it-trade marks preċedenti li jagħmlu parti minn din is-serje għandhom neċessarjament ikunu preżenti fis-suq. It-teħid in kunsiderazzjoni tal-karattru ta’ serje tat-trade marks preċedenti jimplika l-estensjoni tal-kamp ta’ protezzjoni tat-trade marks li jagħmlu parti mis-serje kkunsidrati separatament, kull evalwazzjoni astratta tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ibbażata biss fuq l-eżistenza ta’ diversi reġistrazzjonijiet li jkopru trade marks li jirriproduċu, bħal f’din il-kawża, l-istess element distintiv, u fin-nuqqas ta’ użu effettiv tat-trade marks, għandu jiġi kkunsidrat bħala eskluż. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ prova ta’ tali użu, il-probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ eventwalment tiġi kkawżata mill-preżenza fis-suq tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha tiġi evalwata permezz ta’ paragun bejn kull trade mark preċedenti meħuda separatament u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.
127 It-tieni nett, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mhux biss għandha tkun simili għat-trade marks parti mis-serje, iżda għandha wkoll tippreżenta karatteristiċi li jistgħu jassoċjawha mas-serje. Dan jista’ ma jkunx il-każ, per eżempju, meta l-element komuni għat-trade marks f’serje preċedenti huwa użat fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni f’pożizzjoni differenti minn dik li fiha normalment huwa fit-trade marks li huma parti mis-serje jew b’kontenut semantiku distint.
128 F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, almenu l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq mhijiex sodisfatta. Fil-fatt, hekk kif sostna l-Bord ta’ l-Appell u kif jirriżulta mill-inkartament, l-uniċi provi ppreżentati mir-rikorrenti waqt il-proċediment ta’ oppożizzjoni jirreferu għall-użu tat-trade mark THE BRIDGE u, f’miżura inqas, tat-trade mark THE BRIDGE WAYFARER. Peress li dawn iż-żewġ trade marks huma l-uniċi trade marks preċedenti li r-rikorrenti pprovat il-preżenza tagħhom fuq is-suq, il-Bord ta’ l-Appell ġustament eskluda l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti kienet tinvoka l-benefiċċju tal-protezzjoni dovuta għat-"trade marks f’serje".
129 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-Bord ta’ l-Appell eskluda l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni, mingħajr ma wettaq żball fl-evalwazzjoni u lanqas żball fid-dritt.
130 Għaldaqstant il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu wkoll jiġi miċħud.
131 Għaldaqstant, ir-rikors huwa miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
132 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef ghandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Billi r-rikorrenti tilfet il-kawża, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta’ l-UASI.
Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.
Legal |
Mengozzi |
Wiszniewska-Białecka |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Marzu 2005
H. Jung |
J. Pirrung |
Reġistratur |
President |
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.