SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla Estiża)
6 ta' Ottubru 2005 (*)
"Kompetizzjoni – Prattiċi restrittivi fis-settur tal-prodotti tal-vitamini – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur ta' regoli li kien intemm u li ma timponix multi – Regolament (KEE) Nru 2988/74 – Preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew pieni – Prinċipju ta' ċertezza legali – Preżunzjoni ta' l-innoċenza – Interess leġittimu biex jiġi kkonstatat il-ksur"
Fil-kawżi magħquda T-22/02 u T-23/02,
Sumitomo Chemical Co. Ltd, stabbilita f'Tokyo (il-Ġappun),
Sumika Fine Chemicals Co. Ltd, stabbilita f'Osaka (il-Ġappun),
irrappreżentati minn M. Klusmann, avocat, u V. Turner, solicitor,
rikorrenti
vs
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Pignataro‑Nolin u A. Whelan, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni 2003/2/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Novembru 2001 dwar
proċedura skond l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (kawża COMP/E-1/37.512
– Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1), safejn din tikkonċerna lir-rikorrenti,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
(ir-Raba' Awla Estiża),
komposta minn H. Legal, President, P. Lindh, P. Mengozzi, I. Wiszniewska-Białecka u V. Vadapalas, Imħallfin,
Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,
Wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Novembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Permezz tad-Deċiżjoni 2003/2/KE, tal-21 ta' Novembru 2001, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (kawża COMP/E‑1/37.512 − Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1, iktar 'il quddiem "id-Deċiżjoni"), il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1, li diversi intrapriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f'serje ta' prattiċi restrittivi distinti li affettwaw tnax-il suq differenti ta' prodotti tal-vitamini, jiġifieri l-vitamini A, E, B1, B2, B5, B6, l-aċidu foliku, il-vitamini C, D3, H, il-betakaroten u l-karotenojdi. B'mod partikolari, jirriżulta mit-tieni premessa tad-Deċiżjoni li, fil-kuntest ta' dawn il-prattiċi restrittivi, l-intrapriżi kkonċernati ffissaw il-prezzijiet tal-prodotti differenti, attribwew lilhom infushom ċerti kwoti ta' bejgħ, ftehmu dwar u applikaw xi żidiet fil-prezzijiet, irreklamaw il-prezzijiet skond il-ftehim tagħhom, biegħu l-prodotti bil-prezzijiet miftehma, stabbilew mekkaniżmu ta' sorveljanza u ta' kontroll biex jiżguraw li l-ftehim jiġi osservat, u ħadu sehem f'sistema ta' laqgħat regolari biex iwettqu l-pjanijiet tagħhom.
2 Fost dawn l-intrapriżi hemm, b'mod partikolari, l-intrapriżi Ġappuniżi Sumitomo Chemical Co. Ltd (iktar 'il quddiem "Sumitomo") u Sumika Fine Chemicals Co. Ltd (iktar 'il quddiem "Sumika"), li ġew rispettivament miżmuma responsabbli għal ksur ta' regoli fis-swieq Komunitarji u taż-ŻEE tal-vitamina H (magħrufa wkoll bħala bijotina) u ta' l-aċidu foliku [Artikolu 1(1)(j) u (k) tad-Deċiżjoni].
3 Fl-Artikolu 1(2)(k) u (l) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ksur ta' regoli li twettaq minn, fost l-oħrajn, Sumitomo u Sumika, seħħ bejn Ottubru ta' l-1991 u April ta' l-1994 u bejn Jannar ta' l-1991 u Ġunju ta' 1994 rispettivament.
4 L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jordna lill-intrapriżi li ġew miżmuma responsabbli għall-ksur ikkonstatat, itemmu l-ksur immedjatament safejn ma jkunux diġà temmewh u ma jieħdux sehem, minn issa 'l quddiem, fl-atti jew fl-aġir ikkonstatat li jikser regoli, kif ukoll fi kwalunkwe miżura li jkollha għan jew effett identiku jew ekwivalenti.
5 Filwaqt illi l-Kummissjoni imponiet xi multi għall-ksur ikkonstatat fis-swieq tal-vitamini A, E, B 2, B 5, C, D 3, tal-betakaroten u tal-karotenojdi, hija ma imponietx multi għall-ksur ikkonstatat fis-swieq tal-vitamini B 1, B 6, H u ta' l-aċidu foliku (Artikolu 3 tad-Deċiżjoni).
6 Fil-fatt jirriżulta mill-premessi 645 sa 649 tad-Deċiżjoni li l-ksur ikkonstatat fis-swieq imsemmija l-aħħar kien intemm aktar minn ħames snin qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha u li, għalhekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE Nru 2988/74) tal-Kunsill, tas-26 ta' Novembru 1974 li jikkonċerna l-preskrizzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1), kien applikabbli fir-rigward ta' dan il-ksur.
7 B'hekk, Sumitomo u Sumika, b'mod partikolari, ma ġewx immultati.
8 Jirriżulta wkoll mid-Deċiżjoni (premessa 650) li dawn iż-żewġ intrapriżi kienu sostnew, fir-risposti rispettivi tagħhom għan-notifikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li peress illi l-ksur li allegatament kienu wettqu kien preskritt, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħti deċiżjoni dwar dan il-ksur.
9 Fid-Deċiżjoni (premessa 651), il-Kummissjoni rrifjutat din l-argumentazzjoni, billi rrilevat li "r-regoli dwar il-preskrizzjoni jikkonċernaw esklużivament l-applikazzjoni ta' multi jew ta' pieni" u li "r-regoli m'għandhomx effett fuq id-dritt tal-Kummissjoni li tinvestiga każi ta' prattiċi restrittivi u li tadotta, jekk xieraq, deċiżjonijiet ta' projbizzjoni".
Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
10 Permezz ta' rikorsi separati, ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Frar 2002, Sumitomo u Sumika ressqu dawn ir-rikorsi, irreġistrati bin-numri T-22/02 u T-23/02 rispettivament.
11 Permezz ta' digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 2004, il-kawżi T-22/02 u T-23/02 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, minħabba fil-konnessjoni bejniethom, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza
12 Skond l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta ta' l-Ewwel Awla, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, wara li nstemgħu il-partijiet skond l-Artikolu 51 ta' l-imsemmija Regoli, li tibgħat dawn il-kawżi lil Kulleġġ ġudikanti estiż.
13 Peress illi l-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza tbiddlet u peress illi l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-raba' Awla, dawn il-kawżi ġew attribwiti lir-Raba' Awla estiża.
14 Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
15 It-trattazzjoni tal-partijiet seħħet u r-risposti għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-18 ta' Novembru 2004.
16 Fil-kawża T-22/02, Sumitomo talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tannulla d-Deċiżjoni fil-parti li tikkonċernaha u tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
17 Fil-kawża T-23/02, Sumika talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tannulla d-Deċiżjoni fil-parti li tikkonċernaha u tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
18 F'kull waħda miż-żewġ kawżi magħquda, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiċħad ir-rikors u tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
Fuq it-talbiet għal annullament
19 Ir-rikorrenti jagħtu żewġ raġunijiet in sostenn tar-rikors tagħhom, li huma bbażati rispettivament fuq il-preklużjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur ta' regoli u fuq in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni.
1. Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-preklużjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur ta' regoli
20 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx, f'dan il-każ, tadotta deċiżjoni ta' projbizzjoni fir-rigward tagħhom, peress illi hija kienet prekluża milli tagħmel hekk, min-naħa waħda, minħabba li kien għadda l-perijodu ta' preskrizzjoni mogħti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/74 u, min-naħa l-oħra, skond ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.
L-ewwel parti: applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/74
L-Argumenti tal-partijiet
21 Ir-rikorrenti josservaw li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi u pieni għall-ksur tad-dritt Komunitajru dwar il-kompetizzjoni hi suġġetta għal perijodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/74 u li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li dan il-perijodu ta' preskrizzjoni kien skada għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti.
22 Skond ir-rikorrenti, deċiżjoni formali ta' projbizzjoni bħal dik li ttieħdet kontrihom f'dan il-każ għandha tissejjaħ "piena" skond l-imsemmi Artikolu, peress illi minnha jirriżultaw almenu tliet tipi ta' effetti punittivi.
23 Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta' l-allegata prattika restrittiva dinjija, tista' twassal għal proċedimenti oħra fi Stati Membri fejn ir-regoli dwar il-preskrizzjoni jkunu differenti, kif ukoll f'pajjiżi oħra; il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jservu bħala provi fil-kuntest ta' dawn il-proċedimenti, li jistgħu jesponu lir-rikorrenti għall-inqas għal spejjeż għoljin ħafna biex jiżguraw id-difiża tagħhom. Fit-tieni lok, jista' jiġri li terzi persuni, li jkunu bi ħsiebhom jibbażaw rwieħhom fuq id-Deċiżjoni biex jitolbu d-danni, jipproċedu kontra r-rikorrenti fuq il-bażi tar-responsabbiltà ċivili tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Fit-tielet lok, id-Deċiżjoni u possibbilment il-pubbliċità negattiva li tirriżulta mill-kawżi ċivili li jiftħu t-terzi, jippreġudikaw serjament ir-reputazzjoni tar-rikorrenti.
24 Ir-rikorrenti jirrilevaw li l-għan tar-Regolament Nru 2988/74, skond il-preambolu tiegħu, huwa li jiġi introdott il-prinċipju tal-preskrizzjoni sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, għal dak li jikkonċerna kemm il-multi kif ukoll il-pieni. Il-ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni f'sistema ġuridika tal-perijodi ta' preskrizzjoni bħal dawk ipprovduti fir-Regolament Nru 2988/74 hija li jiġi ggarantit li, sabiex is-sistema ġuridika taħdem tajjeb, ma jinfetħux proċedimenti u ma jingħatawx pieni għal ksur li jkun ilu li seħħ. Iċ-ċertezza legali, il-ġustizzja u l-effettività ta' l-amministrazzjoni jeħtieġu li l-amministrazzjoni tuża r-riżorsi tagħha u l-flus ta' min iħallas it-taxxi billi tipproċedi kontra ksur attwali u mhux kontra ksur li sar fil-passat. Għaldaqstant, wara li jgħaddi ċertu żmien speċifiku, l-intrapriżi mhux biss m'għandhomx jiġu ssuġġettati għal multi, iżda wkoll m'għandhomx jibżgħu li tiġi indirizzata kontrihom deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur bl-effetti punittivi li jirriżultaw minnha.
25 Minn dan għandu jsegwi li, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2988/74, il-Kummissjoni mhux biss ma setgħetx timponi multi fuq ir-rikorrenti, iżda hija lanqas ma setgħet tadotta fir-rigward tagħhom deċiżjoni ta' projbizzjoni li tikkonstata ksur ta' regoli.
26 Il-konvenuta ssostni li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74, moqri fil-kuntest tiegħu u fid-dawl tax-xogħolijiet preparatorji ta' dan ir-Regolament, ma jistax jiġi interpretat bħala applikabbli għal multi u pieni differenti minn dawk li għandhom natura strettament pekunjarja koperti mil-leġiżlazzjoni ċċitata fil-preambolu ta' l-istess Regolament. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu juża ż-żewġ kelmiet "multi" u "penalitajiet [pieni]" preċiżament sabiex ikun jista' jissuġġetta għall-istess sistema ta' preskrizzjoni l-pieni pekunjarji kollha, li jisimhom kemm "multi" kif ukoll "pieni", koperti mill-imsemmija leġiżlazzjoni. Peress illi l-proposta inizjali tar-Regolament, ippreżentata mill-Kummissjoni, u ż-żewġ proposti emendati li segwew użaw il-kelma doppja "multi (pieni)", dan juri b'mod ċar li ż-żewġ kelmiet intużaw bħala sinonimi. L-ewwel frażi ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [illum il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (iktar 'il quddiem "l-EESC")] tad-29 ta' Ġunju 1972, ("Il-proposta għal Regolament jikkonċerna biss is-setgħa li jiġu imposti u miġbura multi għall-ksur ta' dispożizzjonijiet magħmula bis-saħħa tat-Trattat li jistabbilixxi l-KEE fil-qasam tal-liġi tat-trasport u tal-kompetizzjoni"), turi li l-imsemmi Kumitat kien fehem il-proposta għal Regolament fis-sens li hija tirreferi esklużivament għall-multi f'sens wiesgħa, inklużi l-pagamenti ta' pieni perjodiċi.
27 Il-konvenuta tikkunsidra, fi kwalunkwe każ, li kull piena imposta minn awtorità tal-kompetizzjoni ta' pajjiż terz jew kull kundanna għad-danni mogħtija minn qorti nazzjonali ma tista' f'ebda każ tiġi deskritta bħala piena imposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-iktar li jista' jkun id-dannu għar-reputazzjoni huwa l-konsegwenza indiretta ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni u ma dan jistax jiġi kkunsidrat bħala piena. Minbarra dan, ir-rikorrenti qed ifixklu l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur mal-pubblikazzjoni tagħha. Hija biss il-pubblikazzjoni li tista' tirrappreżenta riskju potenzjali għall-interessi tad-destinatarju, mingħajr b'daqshekk ma tikkostitwixxi piena.
28 Fir-risposta tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, jekk, bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/74, il-Kummissjoni m'għadx għandha s-setgħa li tobbliga l-intrapriżi jtemmu l-ksur ikkonstatat kif ukoll li timponi multi u pagamenti ta' pieni perjodiċi f'każ ta' ksur, minn dan jirriżulta neċessarjament li hija lanqas ma għandha s-setgħa impliċita li tikkonstata l-ksur ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Marzu 1983, GVL vs il-Kummissjoni, 7/82, Ġabra p. 483, punt 23).
29 Ir-rikorrenti jirrilevaw li meta l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt Komunitarju, hija tirrikorri għat-tifsira evidenti tal-kliem, għall-kuntest leġiżlattiv, għall-għan tal-miżura u, biss b'mod sussidjarju, għax-xogħolijiet preparatorji (konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Tizzano fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Bowden e.a., C-133/00, Ġabra p. I-7031, I-7033, punti 28 sa 30). Ix-xogħolijiet preparatorji ma jistgħux, fihom infushom, jiġu kkunsidrati bħala li jesprimu b'mod ċar l-intenzjoni ta' l-awturi ta' regolament (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Gencor vs il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II‑753, punti 128 u 129). Dak li huwa importanti għal din il-kawża mhuwiex għalhekk is-sens li fih l-EESC seta' fehem il-proposta għal Regolament, iżda l-kliem stess tat-test definittiv ta' dan ta' l-aħħar.
30 Il-kliem ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/74 huwa ċar u mhux ambigwu. M'hemmx dubju li, minħabba l-effetti punittivi tagħha u l-għan penali klassiku li hija għandha, id-deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur fil-fatt tikkostitwixxi piena skond l-imsemmi Artikolu. Il-konvenuta stess tammetti dan meta tirrikonoxxi li hija adottat deċiżjoni li sservi l-fini li "tinkoraġġixxi aġir eżemplari" u l-fini li "tiskoraġġixxi r-reċidività", żewġ finijiet li, skond ir-rikorrenti, jikkorispondu għall-għan klassiku ta' kull piena. Huma jenfasizzaw, min-naħa waħda, li jirriżulta wkoll mill-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Reischl fis-sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (p. 510 u 516), li l-konvenuta diġà ammettiet, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur tipproduċi wkoll effett ta' piena meta tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni (41/69, Ġabra p. 661, punt 104), iddeċidiet li l-pubblikazzjoni ta' deċiżjoni għandha l-effett ta' piena supplementari.
31 Ir-rikorrenti jinsistu b'mod partikolari fuq il-fatt li qorti nazzjonali, ta' Stat Membru jew ta' Stat terz, tista' tuża l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni bħala "prova suffiċjenti prima facie", li r-rikorrenti jkollhom diffikultajiet kbar biex jikkonfutaw, b'mod partikolari fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. Huma jiċċitaw, f'dan ir-rigward, xi deċiżjonijiet ta' qrati ta' l-Awstralja, ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C-344/98, Ġabra p. I-11369, punti 49 sa 52). Huma jirrilevaw li l-konvenuta stess, fis-sottomissjonijiet tagħha, tammetti tali possibbiltà b'mod impliċitu fejn hija ssemmi, fil-kuntest tar-risposta tagħha għat-tieni raġuni, "l-interess li jkunu jistgħu jinfetħu kawżi ċivili quddiem il-qrati nazzjonali mill-partijiet offiżi" bħala interess leġittimu li jippermettilha li tadotta deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur (ara l-punt 122 'iktar 'il quddiem).
32 Ir-rikorrenti jżidu li l-kuntest leġiżlattiv lanqas ma għandu jqajjem dubju dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 2988/74 għad-deċiżjonijiet ta' konstatazzjoni ta' ksur. Huma josservaw li l-użu, fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Regolament, tal-kelma "piena" ma jispjegax ruħu, kif tippretendi l-konvenuta, bil-ħtieġa li pieni pekunjarji li jissejħu b'mod differenti jiġu ssuġġettati għal sistema komuni ta' preskrizzjoni. Fil-fatt, il-kelma "multi" kienet xorta waħda tinkludi ċarament il-piena pekunjarja pprovduta fir-Regolament Nru 11 tal-Kunsill, tas-27 ta' Ġunju 1960, dwar l-abolizzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, u li jimplementa l-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1960, 52, p. 1121).
33 Il-konvenuta, fil-kontroreplika, tikkontesta l-argument li r-rikorrenti jiddeduċu mis-sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, billi tippreċiża b'mod partikolari li, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx li s-setgħa impliċita li jiġu adottati deċiżjonijiet ta' konstatazzjoni ta' ksur kienet idderivata direttament mis-setgħat li jiġi ordnat li l-ksur jintemm u li jiġu imposti multi mogħtija espressament mil-leġiżlazzjoni, iżda li dawn is-setgħat kollha kellhom bħala bażi komuni l-Artikoli 83 KE u 85 KE. Barra minn hekk, il-konvenuta tikkonfuta l-interpretazzjoni li taw ir-rikorrenti tas-sentennza ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
34 Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-implementazzjoni u għall-orjentament tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni. Huwa b'dan il-mod li l-Artikolu 85(1) KE, li, f'dan il-qasam, jikkostitwixxi l-manifestazzjoni speċifika ta' l-inkarigu ġenerali ta' kontroll mogħti lill-Kummissjoni mill-Artikolu 211 KE, assenjalha l-inkarigu li tiggarantixxi li l-prinċipji stabbiliti mill-Artikoli 81 KE u 82 KE jiġu applikati u li d-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 83 KE tawha setgħat estiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Frar 1991, Delimitis, C-234/89, Ġabra p. I‑935, punt 44, u Masterfoods u HB, iċċitati iktar 'il fuq, punt 46; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1992, Automec vs il-Kummissjoni T-24/90, Ġabra p. II-2223, punti 73 u 74).
35 Għaldaqstant, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), applikabbli għal dan il-każ ratione temporis, għandhom l-għan li jippermettulha li ttemm l-inkarigu, mogħti lilha mill-Artikolu 85 KE, li tiggarantixxi li r-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni jiġu osservati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland e.a vs il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 54, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren‑Werke vs il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II‑729, punti 61 u 66). Ċertament, huwa konformi ma' l-interess ġenerali li jiġu evitati l-prattiċi u l-ftehim antikompetittivi, li dawn jiġu skoperti u li jiġu ppenalizzati (sentenza Aalborg Portland e.a. vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54).
36 Huwa b'dan il-mod li r-Regolament Nru 17 ippermetta lill-Kummissjoni tobbliga lill-intrapriżi jtemmu l-ksur ta' regoli kkonstatat kif ukoll timponi multi u pagamenti ta' pieni perjodiċi f'każ ta' ksur. Is-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet f'dan is-sens timplika neċessarjament is-setgħa li jiġi kkonstatat il-ksur in kwistjoni (sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).
37 Jekk il-ksur jintemm qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni, dan ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza li tostakola l-Kummissjoni milli teżerċeta s-setgħat li tikkonstata u tippenalizza ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, min-naħa waħda, li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi pieni bl-ebda mod m'hi affettwata mill-fatt li l-aġir li jikkostitwixxi l-ksur u l-pożizzjoni ta' l-effetti ta' ħsara tiegħu intemmu (sentenza ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 175) u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni fejn tikkonstata ksur li l-intrapriża tkun diġà temmet, iżda bil-kundizzjoni li l-istituzzjoni jkollha interess leġittimu tagħmel dan (sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).
38 F'dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, illimitat ruħha, għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti, għal konstatazzjoni li huma kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f'ċerti ftehim li affettwaw is-swieq Komunitarji u taż-ŻEE tal-vitamina H (fir-rigward ta' Sumitomo, minn Ottubru 1991 sa April 1994) u ta' l-aċidu foliku (fir-rigward ta' Sumika, minn Jannar 1991 sa Ġunju 1994) rispettivament, u ordni li r-rikorrenti ma jerġgħux iwettqu dawn l-atti jew jaġixxu b'dan il-mod jew jadottaw kwalunkwe miżura li għandha għan jew effett identiku jew ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma imponietx multi fuq ir-rikorrenti, minħabba li huma kienu waqfu milli jipparteċipaw fl-imsemmi ftehim aktar minn ħames snin qabel ma nbdiet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, ħaġa li timplika, skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni tas-setgħa ta' l-istituzzjoni li timponi multi.
39 Ir-rikorrenti, fl-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni tagħhom, essenzjalment jallegaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu msemmi l-aħħar, inkwantu l-preskrizzjoni stipulata fih tkopri wkoll, skond ir-rikorrenti, is-setgħa li jiġi kkonstatat il-ksur in kwistjoni. B'mod partikolari, huma jenfasizzaw, min-naħa waħda, li deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur taqa' taħt il-kunċett ta' "pieni" li l-Kummissjoni ma tistax timponi ġaladarba l-perijodu ta' preskrizzjoni msemmi fid-dispożizzjoni in kwistjoni jkun skada u, min-naħa l-oħra, li l-estinzjoni permezz tal-preskrizzjoni tas-setgħa li jiġu imposti multi timplika neċessarjement l-estinzjoni tas-setgħa impliċita li jiġi kkonstatat il-ksur tar-regoli.
40 Għaldaqstant, huwa importanti, fl-ewwel lok, li jiġi ddeterminat jekk, kif qed jippretendu r-rikorrenti, il-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 tapplikax għas-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE.
41 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 jiddisponi li "[i]s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew [pieni] għall-ksur tar-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea fir-rigward tat-trasport jew il-kompetizzjoni għandha tkun soġġetta għall-perjodi ta' [preskrizzjoni] segwenti:
a) tliet snin fil-każ ta' ksur ta' dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet jew in-notifikazzjonijiet ta' impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi, talbiet għall-informazzjoni, jew it-twettiq ta' l-investigazzjonijiet;
b) ħames snin fil-każ tal-ksur l-ieħor kollu".
42 Fil-kuntest ta' interpretazzjoni letterali ta' l-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi meqjus il-fatt li t-testi tad-dritt Komunitarju huma miktubin f'diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti huma lkoll awtentiċi; interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju b'hekk timplika li l-verżjonijiet lingwistiċi għandhom jiġu pparagunati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 1982, CILFIT, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 18).
43 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kliem ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74, fil-verżjonijiet lingwistiċi kważi kollha, jindika li hija s-setgħa tal-Kummissjoni, li timponi multi jew pieni, li hija ssuġġettata għall-preskrizzjoni. L-ebda verżjoni lingwistika ma tirreferi għall-preskrizzjoni tal-fatti jew tal-ksur ta' regoli, jew tas-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur. Għaldaqstant, il-portata tal-kelma "piena", li tinsab ħdejn il-kelma "multi" fl-imsemmija dispożizzjoni, għandha tiġi kkunsidrata sabiex jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, din il-kelma tkoprix ukoll deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur.
44 Għalkemm fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi, din il-kelma, meqjusa fiha nnifisha, jista' jkollha portata iktar wiesgħa mill-kelma "multi", li tirreferi biss għal pieni ta' natura pekunjarja, jeżistu verżjonijiet lingwistiċi (il-verżjoni Finlandiża u dik Żvediża) fejn din il-kelma tirreferi, bħal fil-każ tal-kelma "multi" li tippreċediha, għal pieni neċessarjament pekunjarji.
45 Xi elementi ta' interpretazzjoni kemmxejn kontradittorji joħorġu wkoll meta jitqies it-titolu ta' l-Artikolu 1. Fil-fatt, f'ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 2988/74, issir referenza, f'dan it-titolu, għall-preskrizzjoni ta' l-azzjoni jew tal-proċedimenti, kliem li jistgħu jissuġġerixxu li l-portata tal-preskrizzjoni koperta mid-dispożizzjoni in kwistjoni hi iktar wiesgħa mis-sempliċi setgħa li jiġi ppenalizzat l-ksur ta' regoli, u tkopri l-possibbiltà stess li ssir azzjoni jew li jinbdew proċedimenti sempliċiment biex jiġi stabbilit il-ksur ta' regoli. F'xi verżjonijiet oħra, it-titolu jinkludi ternmini bħall-kelma "poursuites" (verżjoni Franċiża) jew il-kelma "vervolging" (verżjoni Olandiża) - li tevoka ċarament, għall-kuntrarju tat-termini "azzjoni" jew "proċedimenti", l-idea ta' azzjoni b'fini ripressiva. Fil-verżjoni Daniża, it-titolu jirreferi għall-preskrizzjoni tas-setgħa li jiġu imposti "pieni ekonomiċi".
46 Skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm il-ħtieġa ta' interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti Komunitarji teskludi li test determinat jiġi kkunsidrat għalih waħdu, iżda teżiġi, f'każ ta' dubju, li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet fil-lingwi l-oħra, f'każ ta' diverġenza bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha tiġi interpretata skond is-sens ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1979, Koschniske, 9/79, Ġabra p. 2717, punt 6; tat-28 ta' Marzu 1985, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, 100/84, Ġabra p. 1169, punt 17, u ta' l-20 ta' Novembru 2003, Kyocera Electronics Europe, C-152/01, Ġabra p. I-13821, punt 33; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Settembru 2000, Starway vs il-Kunsill, T-80/97, Ġabra p. II‑3099, punt 81).
47 Barra minn hekk, b'mod aktar ġenerali, għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha d-dispożizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju kollha kemm huma (sentenza CILFIT, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).
48 Fuq il-livell ta' l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-proposta COM(71) 1514 finali tal-Kummissjoni, tat-23 ta' Diċembru 1971, li ddaħħlet fil-proċess mill-konvenuta, l-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/74 kienet ir-risposta tal-leġiżlatur Komunitarju għall-indikazzjonijiet li ħarġu mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fl-1970 fil-kawżi dwar il-prattika restrittiva li kienet tikkonċerna s-suq tal-kinina (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 18 sa 20), li ġew ripetuti fl-1972 fil-kawżi dwar il-prattika restrittiva li kienet tikkonċerna s-suq tas-sustanzi koloranti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 1972, Geigy vs il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 21), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li osservat li t-testi li jirregolaw is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi f'każ ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma kienu jipprovdu ebda preskrizzjoni, enfasizzat li, sabiex taqdi d-dmir tagħha li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali, perijodu ta' preskrizzjoni kellu jiġi stabbilit minn qabel u li l-iffissar tat-tul tal-perijodu ta' preskrizzjoni u l-modalitajiet ta' l-applikazzjoni tiegħu kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju.
49 Għandu jingħad li, fl-ewwel premessa tar-Regolament Nru 2988/74, huwa stipulat li, "taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea fir-rigward tat-trasport u l-kompetizzjoni l-Kummissjoni għandha s-setgħa li timponi multi, [pieni] u pagamenti ta' [pieni] perjodiċi fuq intrapriżi jew assoċjazzjonijiet ta' intrapriżi li jiksru l-liġi tal-Komunità fir-rigward ta' l-informazzjoni jew l-investigazzjoni, jew fir-rigward tal-projbizzjoni [tad]-diskriminazzjoni, prattiċi restrittivi u abbuz ta' pożizzjoni dominanti"; huwa stipulat ukoll li "dawk ir-regoli ma jagħmlu l-ebda dispożizzjoni għal xi perjodu ta' [preskrizzjoni]".
50 Barra minn hekk, fit-tieni premessa ta' l-istess Regolament, huwa b'mod partikolari indikat li "huwa meħtieġ fl-interessi taċ-ċertezza legali li l-prinċipju tal-[preskrizzjoni] jiġi introdott u li r-regoli ta' l-implimentazzjoni jitniżżlu; [u li] sabiex il-materja tkun koperta totalment, huwa meħtieġ li d-disposizzjoni għal [preskrizzjoni] issir mhux biss fir-rigward tas-setgħa li timponi multi jew [pieni], iżda ukoll fir-rigward tas-setgħa li tinforza deċiżjonijiet [li j]impon[u] multi, [pieni] jew pagamenti ta' [pieni] perjodiċi".
51 It-tielet premessa tippreċiża li r-Regolament għandu "japplika għad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament Nru 11 […], tar-Regolament Nru […] u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68 tad-19 ta' lulju 1968 li japplika regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilmijiet interni [ĠU L 175, p. 1] ".
52 F'dan ir-rigward, kif irrilevat il-konvenuta b'mod pertinenti, filwaqt illi r-Regolamenti Nru 17 u Nru 1017/68 jipprovdu għas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi "multi" (ara l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1017/68), ir-Regolament Nru 11 jippermetti lill-Kummissjoni timponi "pieni" (ara l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 11). Il-"pieni" msemmija mir-Regolament Nru 11 huma ta' natura esklużivament pekunjarja, kif jirriżulta, min-naħa waħda, mill-fatt li ammont massimu tal-piena huwa stabbilit u rrappreżentat f'unitajiet ta' kont [units of account] jew f'multipli tal-prezz tat-trasport miġbur jew mitlub mit-trażgressur u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li huwa stipulat li dawn il-pieni "għandhom jiġu nfurzati skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 192 tat-Trattat [li sar l-Artikolu 256 KE]" dwar "deċiżjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati" u li, skond dan l-Artikolu, għandhom "forza eżekuttiva" (ara l-Artikoli 17, 18 u 23 tar-Regolament Nru 11).
53 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu, fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74, tal-kelma "pieni" flimkien mal-kelma "multi" huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi kkjarifikat il-fatt li l-preskrizzjoni stipulata f'din id-dispożizzjoni tikkonċerna wkoll is-setgħa li jiġu imposti pieni pekunjarji li ma jkunux multi, bħal dwak imsemmija fir-Regolament Nru 11.
54 L-argument tar-rikorrenti li jgħid li din il-kjarifika ma kinitx neċessarja peress illi l-kelma "multi" setgħet tkopri l-pieni tar-Regolament Nru 11 ukoll, b'mod li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-kelma "pieni" li tinsab fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 jippriva lill-kelma msemmija l-aħħar minn effett utli, mhuwiex konvinċenti.
55 Ċertament, għandu jiġi rrilevat, fl-ambitu ta' interpretazzjoni kuntestwali, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/74 dwar il-preskrizzjoni "għall-infurzar ta' [pieni]", jiġifieri l-preskrizzjoni tas-"setgħa tal-Kummissjoni li tenforza deċiżjonijiet li jimponu multi, [pieni] jew pagamenti ta' [pieni] perjodiċi għall-ksur ta' regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea fir-rigward tat-trasport jew tal-kompetizzjoni" (l-Artikolu 4), juru li l-leġiżlatur Komunitarju, meta adotta l-imsemmi Regolament, ma użax il-kelma "multi" biex jindika l-pieni kollha ta' natura pekunjarja. B'mod partikolari, skond l-Artikolu 5, il-perijodu ta' preskrizzjoni għall-infurzar ta' sanzjonijiet huwa interrott kemm permezz ta' notifikazzjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa, piena jew pagamenti ta' pieni perjodiċi jew ir-rifjut ta' applikazzjoni għat-tibdil, kif ukoll permezz ta' kull azzjoni tal-Kummissjoni bl-iskop ta' l-infurzar tal-pagamenti ta' multa, piena jew pagament ta' piena perjodiku. Ir-referenzi għall-ammont u għall-infurzar tal-piena juru li l-leġiżlatur Komunitarju ma użax il-kelma "pieni" sabiex jinkludi pieni li ma jkunux pekunjarji.
56 F'dan ir-rigward, ma jistax jiġi dedott mit-tielet premessa tar-Regolament Nru 2988/74, li tippreċiża li dan ir-Regolament "għandu japplika ukoll għad-dispożizzjonijiet relevanti ta' regolamenti futuri fl-oqsma tal-liġi tal-Komunità Ekonomika Ewropea fir-rigward tat-trasport u l-kompetizzjoni", li meta l-leġiżlatur Komunitarju semma', fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 il-"pieni" ħdejn il-"multi", ried jissuġġetta għall-preskrizzjoni kull setgħa li jiġu imposti pieni, inklużi pieni mhux pekunjarji, li eventwalment tingħata lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-kompetizzjoni.
57 Deduzzjoni bħal din ma taqbilx mat-teħid in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta' interpretazzjoni sistematika ta' l-imsemmi Artikolu, ta' dipożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu analizzati l-premessi u d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 715/78/KEFA tal-Kummissjoni, tas-6 ta' April 1978, dwar il-perijodi ta' preskrizzjoni fir-rigward tal-prosekuzzjonijiet u ta' l-infurzar ta' pieni skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 94, p. 22).
58 Il-premessi u d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni, li ttieħdet xi erba' snin wara li ġie adottat ir-Regolament Nru 2988/74, huma ċarament ibbażati fuq dawk ta' dan ir-Regolament. Għandu jingħad li l-perijodi ta' preskrizzjoni tal-proċedimenti mogħtija fl-Artikolu 1(1) ta' din id-Deċiżjoni jikkonċernaw biss "is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi" u l-kelma "pieni" ma tissemmiex f'din id-dispożizzjoni. B'mod ġenerali, fejn premessa jew dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2988/74 tirreferi għall-"multi jew [pieni]", il-premessa jew dispożizzjoni korrispondenti tad-Deċiżjoni Nru 715/78 tirreferi biss għall-"multi". Il-kelma "pieni" ma tintuża qatt fl-imsemmija Deċiżjoni. Għandu jiġi miżjud li, fil-premessi tad-Deċiżjoni, jissemmew l-Artikoli tat-Trattat KEFA li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi u pagamenti ta' pieni perjodiċi, u li ma jinkludux il-kelma "piena". Madankollu, bħal fil-każ tar-Regolament Nru 2988/74, il-leġiżlatur ma riedx jirristrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-preskrizzjoni tal-proċedimenti biss "għad-dispożizzjonijiet dwar il-multi jew il-pagamenti ta' pieni perjodiċi li huma pprovduti fit-Trattat u fl-atti li saru sa [dak iż-żmien] biex jiġi applikat it-Trattat", iżda, semma' wkoll espressament "id-dipozizzjonijiet relevanti li jiġu pprovduti f'atti futuri". Minkejja dan, xorta waħda ma użax il-kelma "pieni", b'mod li l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma jkoprix, bħala prinċipju, pieni li ma jkunux multi (ara l-ewwel u l-ħames premessi).
59 Li kieku l-kelma "pieni", użata fir-Regolament Nru 2988/74, kellha tiġi interpretata bħala li tkopri wkoll deċiżjonijiet ta' konstatazzjoni ta' ksur, ikun jista' jiġi kkonstatat li deċiżjonijiet ta' dan it-tip huma suġġetti għas-sistema ta' preskrizzjoni taħt it-Trattat KE u mhux taħt it-Trattat KEFA, minkejja li s-sistema ta' preskrizzjoni introdotta fit-Trattat KEFA ċarament tispira ruħa, sa l-inqas dettal, għal dik li kienet ġiet introdotta ftit qabel fit-Trattat KE. Tali differenza ma kien ikollha l-ebda ġustifikazzjoni.
60 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-kelma "pieni" li tinsab fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74, timmira biss, kif issostni l-konvenuta, biex tissuġġetta s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi pieni pekunjarji għal ksur tar-regoli tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tat-trasport u l-kompetizzjoni għall-istess sistema ta' preskrizzjoni, ikun xi jkun l-isem li jingħata lill-pieni fit-testi li jistitwixxuhom.
61 Deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur ma tikkostitwixxix piena taħt l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 u għaldaqstant, mhijiex koperta mill-preskrizzjoni stipulata f'din id-dispożizzjoni.
62 Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li, fi kwalunkwe każ, il-preskrizzjoni tas-setgħa li jiġu imposti multi u pagamenti ta' pieni perjodiċi timplika neċessarjament il-preskrizzjoni tas-setgħa impliċita li jiġi kkonstatat il-ksur (ara l-punt 28 iktar 'il fuq), lanqas din l-argumentazzjoni ma għandha tirnexxi.
63 Ċertament, għalkemm fil-kuntest tas-sistema istitwita mir-Regolament Nru 17, is-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur ta' regoli tirriżulta biss b'mod impliċitu, jiġifieri inkwantu s-setgħat mogħtija espressament li jiġi ordnat li l-ksur jintemm u li jiġu imposti multi neċessarjament jimplikaw din is-setgħa (sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq,punt 23), tali setgħa impliċita mhijiex madankollu użata biss sabiex l-istituzzjoni tkun tista' teżerċita s-setgħat mogħtija espressament. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta' din is-setgħa impliċita f'sentenza – is-sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq – li tikkonċerna l-legalità ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonstatat ksur ta' regoli, fejn il-ksur kien intemm u fejn ma kinux ġew imposti multi. Għaldaqstant, l-awtonomija tas-setgħa in kwistjoni ma tistax tiġi miċħuda, kif, bl-istess mod, ma tistax tiġi affettwata mill-fatt li l-eżerċizzju ta' din is-setgħa ġie ssuġġettat għall-eżistenza ta' interess leġittimu ta' l-istituzzjoni.
64 Isegwi li l-ewwel parti ta' din ir-raġuni mhijiex fondata.
It-tieni parti: l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju
L-Argumenti tal-partijiet
65 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta d-Deċiżjoni kontrihom, peress illi l-istituzzjoni kienet prekluża milli tagħmel dan skond diversi prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.
66 Fl-ewwel lok, huma jinvokaw il-prinċipju taċ-ċertezza legali. Huma jsostnu li l-ġustifikazzjoni għall-perijodi ta' preskrizzjoni fl-Unjoni Ewropea hi li wara li jkun għadda ċertu żmien, sabiex is-sistema ġuridika taħdem tajjeb, il-ksur ta' regoli ma jmissux jiġi investigat jew jagħti lok għal "piena" kwalunkwe. Barra minn hekk, huma jfakkru li, kemm skond ir-Raba' Rapport fuq il-politika tal-kompetizzjoni magħmul mill-Kummissjoni, kif ukoll skond il-preambolu tar-Regolament Nru 2988/74, l-introduzzjoni, permezz ta' dan ir-Regolament, tal-preskrizzjoni tal-proċedimenti u ta' l-infurzar tal-pieni timmira biex tiggarantixxi ċ-ċertezza legali li, skond ir-rikorrenti, hija eżiġenza essenzjali li għandu jkollha effett mhux biss fuq is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi, iżda wkoll fuq is-setgħa li tagħti kwalunkwe tip ta' piena, bħal deċiżjoni ta' projbizzjoni.
67 Fit-tieni lok, meta l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fir-rigward tar-rikorrenti, hija kisret il-prinċipji ġenerali tal-liġijiet ta' l-Istati Membri. Ir-rikorrenti, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq siltiet minn deċiżjonijiet ta' qrati nazzjonali jew fuq xogħolijiet ta' ġuristi dwar il-preskrizzjoni fil-leġiżlazzjoni ta' xi Stati Membri, jaffermaw li jirriżulta mir-raison d'être tar-regoli dwar il-preskrizzjoni fis-sistemi ġuridiċi ta' l-Istati Membri li dawn ir-regoli għandhom japplikaw sabiex jiġi evitat kwalunkwe proċedimenti u pieni għall-ksur ta' regoli wara li jkun għadda ħafna żmien.
68 Fit-tielet lok, id-Deċiżjoni tmur kontra l-preżunzjoni ta' l-innoċenza, li tinsab fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 (ĠU 2000, C 364, p. 1, iktar 'il quddiem "il-Karta"), u fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (ECHR), li tgħid li kull akkużat għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat li huwa ħati skond il-liġi.
69 L-osservanza ta' din il-preżunzjoni hija imposta fuq il-Kummissjoni bis-saħħa, min-naħa waħda, ta' l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jobbliga b'mod partikolari lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni biex jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji koperti mill-Karta, u min-naħa l-oħra, tal-fatt li dan huwa dritt fundamentali garantit mill-ECHR [KEDB] u b'hekk, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, skond l-Artikolu 6(2) UE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Komunitarji (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR e.a. vs il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II‑491, punt 713, u Mannesmannröhren‑Werke vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 60).
70 Ir-rikorrenti jenfasizzaw, għal dak li jikkonċerna l-portata tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li kull motiv ta' deċiżjoni ġudizzjarja li ttemm xi proċedimenti minħabba li jkun skada l-perijodu ta' preskrizzjoni jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 6(2) ta' l-ECHR, jekk jissuġġerixxi sempliċement li l-akkużat aġixxa b'mod illegali u b'hekk ikkommetta nuqqas (ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem "Adolf", tas-26 ta' Marzu 1982, Serje A, Nru 49, § 38) jew jekk jagħti x'jifhem li l-Imħallef jikkunsidra l-interessat bħala ħati (sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem "Minelli", tal-25 ta' Marzu 1983, Serje A, Nru 62, § 37).
71 Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, f'dan il-każ, la ma setgħet tissuġġerixxi li r-rikorrenti kienu aġixxew b'mod illegali u lanqas ma setgħet tadotta deċiżjoni fejn tikkonstata din l-illegalità, mingħajr ma tikser il-preżunzjoni ta' l-innoċenza.
72 Skond il-konvenuta, din il-parti għandha tiġi kkunsidrata bħala argument supplimentari in sostenn ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni, u mhijiex fondata. Hija tenfasizza, b'mod partikolari, li jidher li r-rikorrenti jissoponu li perijodu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin japplika wkoll skond ċerti prinċipji ġenerali, iżda ma jispjegawx għaliex dan għandu jkun hekk, u lanqas ma jispjegaw għaliex l-interess tal-prinċipju taċ-ċertezza legali issa ġie ppreġudikat minħabba f'deċiżjoni ta' konstatazzjoni, li ttieħdet xi seba' snin wara li ntemm il-ksur biex tiddefendi interess leġittimu, u minħabba f'hekk id-Deċiżjoni għandha tiġi annullata. Barra minn hekk, hija tirrileva li jirriżulta mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti li l-Istati Membri li għandhom perijodi ta' preskrizzjoni itwal minn ħames snin għad-deċiżjonijiet amministrattivi jew għall-kawżi ċivili fil-qasam tal-kompetizzjoni qed jiksru l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.
73 Hija tikkontesta r-rilevanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imsemmija mir-rikorrenti, ġurisprudenza li kienet tikkonċerna kawżi dwar l-iskadenza ta' perijodi ta' preskrizzjoni, fejn l-applikabbiltà ta' dawn il-perijodi fil-każi in kwistjoni ma kinitx ikkontestata, u li ma tista' toffri ebda kjarifika dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-perijodi ta' preskrizzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-preżunzjoni ta' l-innoċenza tapplika biss, skond il-konvenuta, qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 281) u ma tistax tiddetermina l-adozzjoni jew in-nuqqas ta' adozzjoni ta' deċiżjoni meta jitqiesu l-prinċipju taċ-ċertezza legali u r-regoli applikabbli fir-rigward tal-preskrizzjoni.
74 Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jirrepetu l-affermazzjoni li "s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni in kwistjoni ukoll kienet [preskritta] skond il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju". Huma jippreċiżaw li ma qalux li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jipprovdu perijodu ta' preskrizzjoni analogu għal dak ipprovdut fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74, iżda pjuttost li huma "wrew li dan il-perijodu ta' preskrizzjoni jirriżulta direttament mit-Trattat KE, b'mod partikolari [mill-]Artikolu 85(2) KE, moqri flimkien ma' l-Artikoli 3(1) u 15(2) tar-Regolament Nru 17 u [ma'] l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 u – fl-istess ħin – għandu bħala bażi legali ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta' l-amministarazzjoni tajba tal-liġi".
75 Fil-kontroreplika tagħha, il-konvenuta tenfasizza l-fatt li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-Regolament Nru 2988/74 huwa bbażat fuq il-prinċipji ġenerali tad-dritt ma jipprova xejn dwar il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi Regolament. Huwa f'idejn il-leġiżlatur Komunitarju, f'ċerti limiti li jvarjaw skond is-suġġett, li jistabbilixxi l-perijodi differenti ta' preskrizzjoni għal tipi differenti ta' proċedimenti. Dan japplika wkoll għall-proċedimenti differenti li għandhom x'jaqsmu mal-pieni, kif juri l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/74 stess u, a fortiori, għall-miżuri li m'għandhomx l-effett li jimponi pieni, hu x'inhu s-sens ta' din il-kelma. Fil-każ ta' deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur, li, f'għajnejn il-konvenuta, ma tidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi Regolament, xejn ma jissuġġerixxi li l-fatt li tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata ksur li jkun ilu li ntemm ħames snin u ftit xhur qabel ma nbdiet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni huwa kuntrarju għar-regoli ta' preskrizzjoni kollha li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
76 Minħabba ċertu ambigwità fl-argumenti li r-rikorrenti żviluppaw fis-sottomissjonijiet tagħhom fil-kuntest ta' din il-parti, huma ġew mistiedna, waqt is-seduta, jippreċiżaw il-portata ta' dawn l-argumenti. B'dan il-mod, ir-rikorrenti indikaw li invokaw ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, min-naħa waħda, biex isostnu l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2988/74 li kienu taw fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' din ir-raġuni u, min-naħa l-oħra, biex isostnu li, meta l-Kummissjoni ħadet id-Deċiżjoni fir-rigward tagħhom, hija kisret l-imsemmija prinċipji direttament, independentement mill-allegat ksur tar-Regolament Nru 2988/74.
77 Għaldaqstant, min-naħa waħda, din il-parti tqajjem il-kwistjoni jekk l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/75 mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest ta' l-analiżi ta' l-ewwel parti ta' din ir-raġuni, tmurx kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju imsemmija mir-rikorrenti. Ċertament, test tad-dritt sussidjarju Komunitarju għandu jiġi interpretat, safejn dan ikun possibbli, f'sens li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1991, Rauh, C-314/89, Ġabra p. I-1647, punt 17; ta' l-10 ta' Lulju 1991, Neu e.a., C-90/90 u C-91/90, Ġabra p. I-3617, punt 12, u tas-27 ta' Jannar 1994, Herbrink, C-98/91, Ġabra p. I-223, punt 9).
78 Min-naħa l-oħra, din il-parti tqajjem il-kwistjoni jekk dawn il-prinċipji jostakolawx direttament l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur fir-rigward tar-rikorrenti, deċiżjoni li ttieħdet madwar seba' snin u nofs wara li ntemm l-allegat ksur mir-rikorrenti u fuq il-bażi ta' investigazzjoni li nbdiet madwar ħames snin u erba' jew ħames xhur wara li ntemm l-allegat ksur.
79 Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, dawn iż-żewġ kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati wara xulxin, fid-dawl ta' kull wieħed mill-prinċipji invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta' din il-parti.
– Il-prinċipju taċ-ċertezza legali
80 Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprova jiggarantixxi li s-sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju jkunu previdibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Frar 1996, Duff e.a., C-63/93, Ġabra P. I-569, punt 20, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2002, Hult vs il-Kummissjoni, T-206/00, Ġabra SP p. I-A-19 u II-81, punt 38).
81 Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex taqdi d-dmir tagħha li tiggarantixxi ċ-ċertezza legali, perijodu ta' preskrizzjoni għandu jiġi stabbilit minn qabel u l-iffissar tat-tul tal-perijodu ta' preskrizzjoni u l-modalitajiet ta' l-applikazzjoni tiegħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ACF Chemiefarma vs il-Kummissjoni iċċitata iktar 'il fuq, punti 19 u 20; Geigy vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21; ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7896, punt 139, u tat-2 ta' Ottubru 2003, International Power e.a vs NALOO, C-172/01 P, C-175/01 P, C-176/01 P u C-180/01 P, Ġabra p. I‑11421, punt 106).
82 Fil-verità, il-preskrizzjoni, filwaqt illi ma tħallix li sitwazzjonijiet li jkunu ġew ikkonsolidati bil-mogħdija taż-żmien ikunu suġġetti għal stħarriġ b'mod indefinit u għalhekk għandha t-tendenza li ssaħħaħ iċ-ċertezza legali, hija tista' wkoll tippermetti li jiġu kkonsolidati sitwazzjonijiet li kienu, almenu fiż-żmien meta seħħew, kontra l-liġi. Il-kwistjoni ta' kif u meta għandha tintuża l-preskrizzjoni tirriżulta konsegwentement minn eżerċizzju ta' bilanċ bejn il-ħtiġijiet taċ-ċertezza legali u dawk tal-legalità skond iċ-ċirkustanzi storiċi u soċjali li jipprevalu fis-soċjetà fi żmien partikolari. Għal din ir-raġuni, l-għażla hija f'idejn il-leġiżlatur biss.
83 Għaldaqstant, il-leġiżlatur Komunitarju mhux se jiġi ċċensurat mill-Imħallef Komunitarju minħabba fl-għażla li jkun għamel fir-rigward ta' l-introduzzjoni tar-regoli dwar il-preskrizzjoni u l-iffissar tal-perijodi ta' preskrizzjoni korrispondenti. Għalhekk, il-fatt li ma ġiex ipprovdut perijodu ta' preskrizzjoni għall-eżerċizzju tas-setgħat li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur tad-dritt Komunitarju ma jistax, fih inniffsu, jikkostitwixxi illegalità fir-rigward ta' l-osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.
84 B'hekk, il-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jimpedixxix li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 jiġi interpretat bil-mod kif ġie interpretat fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel parti ta' din ir-raġuni, jiġifieri li l-preskrizzjoni msemmija f'dan l-Artikolu tapplika biss għas-setgħa li jiġu imposti pieni pekunjarju u ma tkoprix, b'mod partikolari, is-setgħa ta' konstatazzjoni tal-Kummissjoni.
85 Bħala konsegwenza ta' dan, din il-parti, inkwantu hija tipprova tikkorobora, billi tinvoka l-prinċipju taċ-ċertezza legali, l-interpretazzjoni kuntrarja ta' l-imsemmi Artikolu mogħtija mir-rikorrenti fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' din ir-raġuni, għandha tiġi miċħuda.
86 Għal dak li jikkonċerna l-invokazzjoni, mir-rikorrenti, tal-prinċipju taċ-ċertezza legali bħala parametru ta' l-eżami tal-legalità tad-Deċiżjoni barra mill-kuntest ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/74, għandu jiġi enfasizzat li l-argumenti tar-rikorrenti huma essenzjalment ibbażati fuq l-idea li s-sempliċi kunsiderazzjoni taż-żmien li għadda wara li ntemm il-ksur attribwit lir-rikorrenti timpedixxi t-teħid ta' azzjoni u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontra r-rikorrenti. B'mod partikolari, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jallegaw li l-Kummissjoni kienet taf jew li setgħet u jmissha kienet taf bl-aġir in kwistjoni li jikser regoli f'mumuent li kien jippermettilha tibda l-azzjoni tagħha iktar kmieni. Huma sempliċiment isostnu li l-azzjoni tal-Kummissjoni li ppruvat tikkonstata l-imsemmi ksur ta' regoli, inkwantu inbdiet, permezz ta' l-ewwel talbiet għal informazzjoni dwar il-vitamina H u l-aċidu foliku li ntbagħtu, ħames snin u erba' jew ħames xhur wara li ntemm dan il-ksur u inkwantu wasslet għal deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur li ttieħdet xi seba' snin u nofs wara li ntemm il-ksur, saret b'mod tardiv meta jitqiesu l-eżiġenzi taċ-ċertezza legali.
87 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiffisa l-perijodi ta' preskrizzjoni jew li tistabbilixxi l-portata u l-modalitajiet ta' applikazzjoni tagħhom fir-rigward ta' aġir li jikser regoli, kemm b'mod ġenerali, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-każ partikolari quddiemha. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-assenza ta' preskrizzjoni leġiżlattiva ma teskludix li l-azzjoni tal-Kummissjoni, f'każ konkret, tista' tiġi ċċensurata minħabba fil-prinċipju taċ-ċertezza legali. Fil-fatt, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta' dispożizzjoni li tipprovdi perijodu ta' preskrizzjoni, l-eżiġenza fundamentali taċ-ċertezza legali timpedixxi lill-Kummissjoni milli ddewwem b'mod indefinittiv l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Geigy vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21; Falck u Acciaierie di Bolzano vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 140; International Power et vs NALOO, iċċitata iktar 'il fuq, punt 107; tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 116, u l-Italja vs il-Kummissjoni, C-298/00 P, Ġabra p. I-4087, punt 90).
88 Għaldaqstant, l-Imħallef Komunitarju, meta jiġi biex jeżamina raġuni bbażata fuq l-azzjoni tardiva tal-Kummissjoni, m'għandux jillimilta ruħu għal konstatazzjoni li ma jeżisti ebda perijodu ta' preskrizzjoni, iżda għandu jivverifika jekk il-Kummissjoni tkunx aġixxiet b'mod eċċessivament tardiv (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza ta' l-10 ta' Ġunju 2004, François vs il-Kummissjoni, T-307/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).
89 Minkejja dan, ma jirriżultax mill-ġurisprudena tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar 'il fuq li n-natura eċċessivament tardiva ta' l-azzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata unikament skond iż-żmien li jkun għadda bejn il-fatti li jiffurmaw is-suġġett ta' l-azzjoni u meta tinbeda l-azzjoni. Għall-kuntrarju, jista' jiġi dedott minn din il-ġurisprudenza li ma jistax jintqal, dwar l-azzjoni tal-Kummissjoni, li hija kienet eċċessivament tardiva fl-assenza ta' dewmien jew ta' negliġenza oħra imputabbli lill-istituzzjoni u li għandu jitqies, b'mod partikolari, il-mument meta l-istituzzjoni saret taf bl-eżistenza tal-fatti li jinvolvu ksur ta' regoli u r-raġonevolezza ta' kemm damu l-proċedimenti amministrattivi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Geigy vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tikkonstata jekk "l-aġir f'dan il-każ" ta' l-istituzzjoni setax jitqies "bħala li jikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tas-setgħa [tagħha li timponi multi]"; is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 144, moqri fid-dawl tal-punt 132; is-sentenzi tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, iċċitata iktar 'il fuq, punti 118 u 119, u l-Italja vs il-Kummissjoni,C-298/00 P, iċċitata iktar 'il fuq, punti 91 u 92; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' April 2003, Département du Loiret vs il-Kummissjoni, T-369/00, Ġabra p. II-1789, punt 56, u François vs il-Kummissjoni iċċitata iktar 'il fuq, punti 48 sa 54).
90 Dan il-każ ma jikkonċernax kwistjoni ta' negliġenza tal-Kummissjoni fir-rigward ta' kif bdiet jew temmet il-proċedimenti amministrattivi, iżda jikkonċerna kwistjoni tas-sempliċi u oġġettiva mogħdija taż-żmien minn meta ntemm il-ksur tar-regoli li fir-rigward tiegħu, mhuwiex allegat li l-Kummissjoni kienet taf jew li setgħet u jmissha kienet taf bih, f'mument li kien jippermettilha tibda l-azzjoni tagħha iktar kmieni. Jirriżulta wkoll mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni rċeviet elementi ta' informazzjoni dwar il-ksur ta' regoli in kwistjoni fis-sena 1999, li fl-istess sena, hija bagħtet xi talbiet għal informazzjoni, li n-nota ta' l-oġġezzjonijiet ġiet adottata fis-6 ta' Lulju 2000 u li d-Deċiżjoni ġiet adottata fil-21 ta' Novembru 2001, sekwenza ta' żmien li ċertament ma tindikax li l-proċedimenti damu għaddejjin għal żmien li ma kienx raġonevoli.
91 Peress illi s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma skoprietx prattika restrittiva, li kienet, għal raġunijiet ovvji, ta' natura deliberatament sigrieta, ma jista' bl-ebda mod jiġi assimilat għal aġir negliġenti ta' l-istituzzjoni meta jitqies l-inkarigu ta' kontroll mogħti lilha mit-Trattat, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanza, f'dan il-każ, li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ksur ta' regoli in kwistjoni ngħatat bidu biss wara li kienu għaddew ħames snin u ftit xhur mid-data ta' meta ntemm il-ksur u li d-Deċiżjoni ġiet adottata seba' snin u nofs wara din id-data ma turi l-ebda ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.
– Prinċipji komuni fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri
92 Fil-kuntest ta' dan it-tieni argument ta' din il-parti, ir-rikorrenti jiġbru serje ta' kwotazzjonijiet minn xogħolijiet ta' ġuristi jew minn deċiżjonijiet ta' qrati nazzjonali dwar il-preskrizzjoni, siltiet mil-liġijiet ta' xi Stati Membri, li permezz tagħhom ir-rikorrenti ifittxu li jikkonvinċu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, essenzjalment, li r-raison d'être tal-perijodi ta' preskrizzjoni stabbiliti fil-liġijiet ta' l-Istati Membri timponi li meta dawn il-perijodi jiskadu, huma jostakolaw mhux biss l-impożizzjoni ta' pieni, iżda wkoll il-konstatazzjoni tal-ksur ta' regoli.
93 Madankollu, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu l-eżistenza ta' prinċipji komuni fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri dwar il-preskrizzjoni.
94 Ix-xogħgolijiet ta' ġuristi u l-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-preskrizzjoni, kemm ċivili kif ukoll kriminali, iċċitati fir-rikorsi, isemmu, barra miċ-ċertezza legali, ġustifikazzjonijiet oħra għall-iffissar ta' perijodi ta' preskrizzjoni: il-ħtieġa li ma jitħallewx isiru azzjonijiet li, meta jinbdew b'mod tardiv, ikunu mmotivati aktar mill-intenzjoni li jagħmlu ħsara milli mill-ġustizzja; id-deterjorament tal-provi; il-ħtieġa li n-nuqqas ta' diliġenza tal-parti li tibda l-proċedimenti tiġi ppenalizzata; in-nuqqas, wara ċertu żmien, ta' l-interess soċjali fil-prosekuzzjoni tal-ksur tar-regoli u l-ħtieġa li l-awtoritajiet pubbliċi jikkonċentraw l-attivitajiet tagħhom fuq kwistjonijiet attwali.
95 Jirriżulta mill-kliem stess tal-kwotazzjonijiet li r-regoli ta' preskrizzjoni jistgħu jiġu stabbiliti minħabba f'diversi ħtiġijiet. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li huwa f'idejn il-leġiżlatur li jiddeċiedi, fid-diversi oqsma li fihom għandu l-kompetenza jilleġiżla, jekk waħda jew oħra minn dawn il-ħtiġijiet issejjaħx għall-iffissar ta' perijodi ta' preskrizzjoni u li jistabbilixxi l-portata u l-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' dawn il-perijodi skond l-għanijiet li bi ħsiebu jilħaq permezz ta' l-introduzzjoni tal-perijodi ta' preskrizzjoni.
96 B'mod partikolari, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta' xi regola ta' dritt komuni għall-Istati Membri li tgħid li, meta jiġi stabbilit perijodu ta' preskrizzjoni fir-rigward ta' ċertu tip ta' ksur ta' regoli, dan għandu jappplika wkoll kemm għas-setgħa li jiġi ppenalizzat il-ksur ta' regoli kif ukoll għas-setgħa li jiġi kkonstatat il-ksur.
97 Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li s-sistemi legali ta' l-Istati Membri lkoll japplikaw effettivament ir-regola ta' l-applikazzjoni neċessarja ta' perijodu wieħed ta' preskrizzjoni li jkun l-istess, għas-setgħa li jiġi kkonstatat il-ksur u għas-setgħa li jiġu imposti pieni, tali regola b'daqshekk ma tapplikax fis-sistema legali Komunitarja. Fil-verità, ikun għad jeħtieġ li din ir-regoli tiġi imposta, f'dawn is-sistemi legali, bħala prinċipju purament ġenerali tad-dritt u mhux sempliċiment skond dispożizzjonijiet speċifiċi adottati mil-leġiżlatur fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu.
98 Peress illi l-preskrizzjoni stess ma tikkostitwixxix prinċipju ġenerali tad-dritt (ara l-punti 82 u 83 iktar 'il fuq), din il-kwalifika ma tistax, a fortiori, tingħata lil regola li teżiġi l-applikazzjoni ta' perijodu wieħed ta' preskrizzjoni li jkun l-istess, għas-setgħa li jiġi kkonstatat il-ksur u għas-setgħa li jiġu imposti pieni.
99 Għaldaqstant, tali regola mhijiex mitluba mil-leġiżlatur u mill-amministrazzjoni Komunitarji bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Konsegwentement, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda, u dan kemm minħabba li hija tfittex li ssostni, f'isem il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jiġu interpretati b'mod li jkunu konformi mal-prinċipji ġenerali ta' dan id-dritt, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2988/74 li huma jagħtu fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' din ir-raġuni, kif ukoll minħabba li hija tfittex li tikkonvinċi lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni, meta ħadet deċiżjoni fir-rigward tar-rikorrenti li ma tagħtix kas ta' din l-allegata regola komuni għall-liġijiet ta' l-Istati Membri, kisret direttament il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.
100 Barra minn hekk, fejn ir-rikorrenti jinvokaw din l-allegata regola komuni anki indipendentement min-natura tagħha ta' prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-kliem ta' dispożizzjoni ta' liġi Komunitarja, li ma tinkludi ebda referenza espressa għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata interpretazzjoni awtonoma, interpretazzjoni li għandha ssir billi jitqiesu l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Marzu 1990, Schwedler vs il-Parlament, T-41/89, Ġabra p. II-79, punt 27; tat-18 ta' Diċembru 1992, Díaz García vs il-Parlament, T-43/90, Ġabra p. II-2619, punt 36, u tat-22 ta' April 1993, Peugeot vs il-Kummissjoni, T-9/92, Ġabra p. II-493, punt 39).
101 B'mod partikolari, fin-nuqqas ta' referenza espressa, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tista' timplika, jekk ikun hemm bżonn, referenza għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri meta l-Imħallef Komunitarju ma jkunx jista' jsib, fid-dritt Komunitarju jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, l-elementi li jippermettulu jippreċiża l-kontenut u l-portata permezz ta' interpretazzjoni awtonoma (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 1992, Khouri vs il-Kummissjoni, T-85/91, Ġabra p. II-2637, punt 32, u Díaz García vs il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).
102 F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, meta analizzat l-ewwel parti ta' din ir-raġuni, li l-kontenut u l-portata ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74, fir-rigward tal-kwistjoni mqajma mir-rikorrenti, joħorġu minn interpretazzjoni awtonoma ta' din id-dispożizzjoni, magħmula skond il-metodi ta' interpretazzjoni letterali, kuntestwali, teleoloġika u sistematika. Għalqadstant, m'hemmx għalfejn issir referenza għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri biex tiġi interpretata l-imsemmija dispożizzjoni
– Il-preżunzjoni ta' l-innoċenza
103 Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-preżunzjoni ta' l-innoċenza, kif tinsab fl-Artikolu 48(1) tal-Karta u fl-Artikolu 6(2) ta' l-(ECHR).
104 F'dan ir-rigward, għandu mill-ewwel jiġi enfasizzat li l-preżunzjoni ta' l-innoċenza, kif tirriżulta b'mod partikolari mill-Artikolu 6(2) ta' l-ECHR, tifforma parti mid-drittijiet fundamentali li, skond l-Artikolu 6(2) UE u ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma protetti fis-sistema legali Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Hüls vs il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 149, u Montecatini vs il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 175).
105 Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-preżunzjoni ta' l-innoċenza tapplika għall-proċedimenti relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-intrapriżi u li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' multi jew pagamenti ta' pieni perjodiċi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Hüls vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 150, u Montecatini vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 176, u Volkswagen vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 281).
106 Il-preżunzjoni ta' l-innoċenza timplika li kull akkużat għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat li huwa ħati skond il-liġi. Din il-preżunzjoni b'hekk timpedixxi kwalunkwe konklużjoni formali kif ukoll kwalunkwe allużjoni ta' responsabbiltà ta' persuna akkużata bil-ksur ta' xi regoli partikolari f'deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma tkun ingħatat opportunità lil din il-persuna biex tibbenefika mill-garanziji kollha li jingħataw normalment għall-eżerċiżżju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta' proċedimenti li jkunu qed jissoktaw b'mod normali u li jwasslu għal deċiżjoni dwar jekk il-kwistjoni tkunx fondata.
107 Min-naħa l-oħra jirriżulta li l-preżunjoni ta' l-innoċenza ma timpedixxix li r-responsabbiltà ta' persuna akkużata bil-ksur ta' xi regoli partikolari tiġi stabbilita fi tmiem proċedimenti li jkunu seħħew kompletament skond il-modalitajiet stipulati u li tulhom id-drittijiet tad-difiża setgħu b'hekk jiġu eżerċitati għalkollox, u dan minkejja li ebda piena ma tista' tiġi imposta fuq il-persuna li tkun kisret ir-regoli minħabba l-preskrizzjoni tas-setgħa ta' l-awtorità kompetenti kkonċernata.
108 Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem invokata mir-rikorrenti (ara l-punt 70 iktar 'il fuq), jekk tiġi meqjusa applikabbli għal dan il-każ, isservi biss biex issaħħaħ il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 106 u 107 hawn fuq.
109 Għaldaqstant, min-naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2988/74 mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-analiżi ta' l-ewwel parti ta' din ir-raġuni ma toħloqx konflitt mar-rispett tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza. Ċertament, bl-ebda mod ma jirriżulta minn din l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni hija awtorizzata tikkonstata l-eżistenza ta' ksur ta' regoli permezz ta' deċiżjoni li ttemm, b'mod prematur, il-proċedimenti msemmija fir-Regolament Nru 17 minħabba li jkun skada l-perijodu ta' preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74. Skond din l-interpretazzjoni, ir-Regolament Nru 2988/74, peress illi ma jirrigwardax is-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur ta' regoli, ma jostakolax lill-Kummissjoni milli, meta hija tinduna li l-preskrizzjoni pprovduta fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament hija applikabbli, tkompli bil-proċedimenti xorta waħda, iżda biss għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ksur ta' regoli, skond l-iter normali tagħhom u filwaqt illi jiġu osservati l-garanziji istitwiti sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża.
110 Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma jidher, f'dan il-każ, illi l-Kummissjoni naqset milli tirrispetta l-preżunzjoni ta' l-innoċenza. Fil-verità, id-Deċiżjoni ma temmitx l-azzjoni meħudha kontra r-rikorrenti minħabba li kien skada l-perijodu ta' preskrizzjoni, iżda hija ttieħdet f'għeluq proċedimenti li kienu ssoktaw b'mod normali u li tulhom ir-rikorrenti kienu bbenefikaw – kif jikkonferma l-fatt illi huma ma għamlu ebda kontestazzjoni f'dan ir-rigward – mill-garanziji proċedurali kollha li għandhom jingħataw lill-intrapriżi qabel ma tista' tittieħed kontrihom deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
111 F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex utli għar-rikorrenti li jinvokaw il-preżunzjoni ta' l-innoċenza f'dan il-każ.
112 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet mogħtija hawn fuq, għandu jiġi meqjus li din il-parti, bħall-ewwel parti, mhijiex fondata u, konsegwentement, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.
2. Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni
L-Argumenti tal-partijiet
113 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti biex tadotta deċiżjoni li tiddikjara li huma kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, la l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u lanqas xi dispożizzjoni oħra ma tawtorizza lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur meta dan il-ksur ikun diġà intemm wara li jkun għadda l-perijodu ta' preskrizzjoni mogħti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/74.
114 Huma jenfasizzaw li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u r-Regolament Nru 17 jagħtu espressament lill-Kummissjoni biss is-setgħa li tieħu miżuri sabiex ittemm ksur eżistenti ta' regoli u s-setgħa li timponi multi jew pagamenti ta' pieni perjodiċi. Min-naħa l-oħra, la t-Trattat KE u lanqas ir-Regolament Nru 17 ma jittrattaw il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandiex is-setgħa tiddikjara, permezz ta' deċiżjoni, li intrapriża kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat fil-passat, meta dan il-ksur ikun ċarament intemm qabel id-deċiżjoni jew inkella qabel ma tkun bdiet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
115 Ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, iddeċidiet li s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni li tfittex li tobbliga l-intrapriżi jtemmu l-ksur ikkonstatat minnha u s-setgħa li timponi multi jew pagamenti ta' pieni perjodiċi f'każ ta' ksur jimplikaw neċessarjament is-setgħa li jiġi kkonstatat il-ksur. Madankollu, huma jirrilevaw li, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, sabiex tiġi adottata deċiżjoni li kulma tagħmel hu li tikkonstata ksur li jkun diġà intemm, il-Kummissjoni għandha turi li jeżisti "interess leġittimu" li tittieħed deċiżjoni bħal din, u, iktar preċiżament, li jeżisti riskju reali li l-prattika in kwistjoni terġa' sseħħ, li b'kekk jiġġustifikaw kjarifika tas-sitwazzjoni ġuridika permezz ta' deċiżjoni formali.
116 Il-Kummissjoni, filwaqt illi rrikonoxxiet, fil-prattika tagħha qabel ma adottat id-Deċiżjoni, li interess leġittimu huwa meħtieġ sabiex tittieħed deċiżjoni li tikkonstata ksur ta' regoli li jkun intemm u filwaqt illi hija ammettiet li, f'dan il-każ, l-allegat ksur attribwit lir-rikorrenti kien ċarament diġà ntemm fl-1994, hija ma wrietx interess leġittimu biex tikkonstata, permezz tad-Deċiżjoni, li r-rikorrenti kienu kisru l-Artikolu 81 KE.
117 Filwaqt illi jenfasizzaw li l-eżiġenza ta' l-interess leġittimu għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv (konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Reischl fis-sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, p. 512 sa 521), ir-rikorrenti jagħmlu enfażi fuq il-fatt li huma ma qajmu, tul il-proċedimenti amministrattivi, ebda kwistjoni legali li kienet teħtieġ kjarifika permezz ta' deċiżjoni formali tal-Kummissjoni, iżda huma sempliċiment ċaħdu, fuq il-bażi tal-fatti, il-parteċipazzjoni tagħhom fl-allegati prattiċi restrittivi.
118 B'hekk, skond ir-rikorrenti, f'dan il-każ, ma kien hemm, fir-rigward tagħhom, ebda riskju reali li jerġgħu lura għall-prattika kkonċernata, peress illi hija kienet intemmet iktar minn ħames snin qabel id-Deċiżjoni u peress illi wara dak iż-żmien, il-konvenuta ma identifikat ebda reċidività min-naħa tagħhom jew ebda raġuni li twassal għal probabbiltà akbar ta' reċidività milli f'każi oħra.
119 Il-konvenuta tirrileva li r-rikorrenti ċertament għandhom jammettu li hija għandha kompetenza impliċita biex tadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-eżistenza ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni meta l-ksur ikun intemm u l-ebda multa ma tkun ġiet imposta. Hija tirrikonoxxi li, sabiex teżerċita din il-kompetenza, hija għandu jkollha interess leġittimu biex taġixxi b'dan il-mod.
120 Skond il-konvenuta, madankollu, m'hemm l-ebda raġuni għalfejn il-kundizzjonijiet li taħthom teżerċita l-kompetenza tagħha l-Kummissjoni għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv. B'mod partikolari, m'hemm xejn li jipprova li, fis-sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tillimita l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' deċiżjonijiet ta' konstatazzjoni ta' ksur għal sitwazzjonijiet ta' inċertezza fir-rigward tal-legalità ta' l-aġir inkriminanti. Barra minn hekk, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Reischl, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-eżistenza tal-kompetenza impliċita in kwistjoni, b'mod illi jkun żbaljat li wieħed jibbaża ruħu fuq l-argumenti ta' l-Avukat Ġenerali biex jinterpreta l-portata ta' din is-sentenza.
121 Skond il-konvenuta, lanqas m'hemm raġuni għaliex għandu jiġi konluż li setgħa impliċita hija, ipso facto, eċċezzjonali. Is-setgħa impliċita li jiġu adottati deċiżjonijiet ta' konstatazzjoni ta' ksur, f'isem interess leġittimu li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, bl-ebda mod ma tinvolvi deroga tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 17, anzi, hija tikkomplethom. Il-kompetenzi espressi tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-idea, ifformultata b'mod partikolari fl-Artikolu 83(2)(d) KE u mill-Artikolu 85 KE, li l-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-intrapriżi u għandha tikkonstata, jekk ikun hemm bżonn, li dawn ir-regoli inkisru (sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22). Għaldaqstant, mhuwiex xieraq li tittieħed pożizzjoni, a priori, fuq il-kwistjoni jekk il-kamp ta' kompetenza impliċitu tal-Kummissjoni għandux jiġi interpretat f'sens restrittiv jew wiesgħa. Il-ħaġa importanti hi li wieħed jiżgura ruħu mill-eżistenza taċ-ċirkustanzi li fihom ikun neċessarju li jiġi kkonstatat ksur, sabiex jiġi ggarantit li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu applikati mill-intrapriżi. Din l-eżiġenza hija espressa mill-kriterju ta' l-interess leġittimu.
122 B'dan il-mod, jista' jkun li interessi leġittimi oħra, minbarra dak li tiġi kkjarifikata s-sitwazzjoni ġuridika, jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tikkonstata ksur li jkun ntemm, bħal:
– l-interess li jiġi inkoraġġat aġir eżemplari ta' l-intrapriżi, billi jiġi rrivelat ksur partikolarment gravi f'deċiżjoni li tittieħed wara li jkunu saru proċedimenti amministrattivi li tulhom ikunu ġew irrispettati b'mod sħiħ il-preżunzjoni ta' l-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża, u dan iktar u iktar meta, kif għamlu r-rikorrenti f'dan il-każ, l-intrapriżi jikkontestaw il-fatti u l-ksur fl-imsemmija proċedimenti;
– l-interess li tiġi skoraġġata r-reċidività, deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur tista' tikkostitwixxi l-bażi biex, minħabba fir-reċidività u skond il-punt 2 tal-linji-gwida biex jiġu kkalkulati l-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C9, p. 3), tiġi imposta multa għola fuq l-intrapriża f'każ ta' ksur ulterjuri ta' l-istess tip;
– l-interess li jkunu jistgħu jinfetħu kawżi ċivili quddiem il-qrati nazzjonali mill-partijiet offiżi, li, mingħajr l-għajnuna tas-setgħat li għandha l-Kummissjoni biex tikseb il-provi fuq livell Komunitarju, inevitabbilment ma jkunux jistgħu jiġbru l-elementi kollha ta' prova meħtieġa f'każ ta' ksur li jkollu portata ġeografika wiesgħa u fejn il-fatti jkunu kkontestati mill-intrapriżi responsabbli.
123 Fid-dawl, b'mod partikolari, tan-natura gravi ħafna tal-ksur li allegatament ikkommettew ir-rikorrenti u tal-kontestazzjoni tal-fatti min-naħa tagħhom, elementi li jirriżultaw b'mod ċar mit-test tad-Deċiżjoni, dawn it-tliet interessi leġittimi huma preżenti f'din il-kawża. F'dan ir-rigward, il-konvenuta tenfasizza li fil-kuntest ta' proċedimenti nazzjonali, m'hemmx dubju li r-rikorrenti kienu ukoll jikkontestaw il-fatti allegati kontrihom, li kien ċertament possibbli li kien ikun hemm reċidività li kieku l-aġir ikkonstatat li jikser regoli ma ġiex pubblikament ikkundannat u li prattika restrittiva li timplika l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim ta' informazzjoni tikkostitwixxi ksur gravi ħafna li m'għandux jiġi ttraskurat fid-determinazzjoni tal-multa li għandha tiġi imposta f'każ ta' reċidività.
124 Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti iwieġbu li l-interessi invokati mill-konvenuta ma jiġġustifikawx l-adozzjoni tad-Deċiżjoni fir-rigward tagħhom.
125 Għal dak li jikkonċerna l-interess li jiġi inkoraġġat aġir eżemplari ta' l-intrapriżi u l-interess li tiġi skoraġġata r-reċidività, ir-rikorrenti jsostnu li n-notifikazzjoni ta' l-oġġeżżjonijiet diġà kellha effett dissważiv fuqhom, b'mod illi ma kienx meħtieġ, għal din ir-raġuni, li tiġi adottata d-Deċiżjoni fir-rigward tagħhom, li essenzjalment irrepetiet il-kontenut ġuridiku ta' l-imsemmija notifikazzjoni. Għal dak li jikkonċerna l-effett dissważiv fuq il-pubbliku, id-deċiżjoni indirizzata lill-intrapriżi implikati fil-prattika restrittiva li għalihom ma kienx hemm preskrizzjoni kienet, skond ir-rikorrenti, biżżejjed. Barra minn hekk, huma jagħmlu l-osservazzjoni li jekk wieħed kellu jaċċetta, fin-nuqqass ta' riskju reali li jerġgħu lura għall-prattika kkonċernata, li kien hemm interess leġittimu biex tiġi skoraġġata r-reċidività dan ifisser li l-Kummissjoni tkun tista' tadotta deċiżjoni ta' konstatzzjoni ta' ksur f'kull każ, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża u mid-data meta sar il-ksur.
126 Għal dak li jikkonċerna l-interess li jkunu jistgħu jinfetħu kawżi ċivili quddiem il-qrati nazzjonali mill-partijiet offiżi, ir-rikorrenti jsostnu li dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala leġittimu. It-Trattat KE u r-Regolament Nru 17 bl-ebda mod ma jagħtu lill-Kummissjoni l-funzjoni li tippermetti tali ftuħ ta' kawżi.
127 Il-konvenuta, fil-kontroreplika tagħha, tippreċiża li d-difiża tagħha f'dawn il-kawżi mhijiex ibbażata fuq l-allegazzjoni ġenerali ta' l-eżistenza, fil-każi kollha, ta' interess leġittimu biex jiġu adottati deċiżjonijiet ta' konstatazzjoni ta' ksur. Hija tenfasizza li r-riskji marbuta mar-reċidività, bi ħsara ta' l-interess pubbliku, huma partikolarment serji fil-każi l-aktar gravi ta' prattiċi restrittivi u, b'mod partikolari, fil-każ ta' tip ta' ksur li jkun, min-natura tiegħu, sigriet u għalhekk iktar diffiċli biex jiġi skopert mill-Kummissjoni. Din hija r-raġuni għaliex il-bilanċ li jrid jiġi stabbilit bejn l-interessi ta' l-intrapriżi destinatarji u l-interess pubbliku għandu jkun differenti fil-każ ta' ksur gravi tal-passat u fil-każ ta' ksur inqas serju.
128 Fir-rigward ta' l-interess li jkunu jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-qrati nazzjonali, il-konvenuta tinsisti fuq id-diffikutà partikolari għall-partijiet offiżi li juru l-eżistenza ta' ksur li jkun seħħ fuq livell ġeografiku daqshekk vast, kif ukoll fuq l-importanza li l-Kummissjoni teżerċita s-setgħat tagħha li tikseb il-provi fl-investigazzjonijiet dwar il-prattiċi restrittivi sigrieti. Hija tenfasizza li ma nvokatx l-interess in kwistjoni bħala ġustifikazzjoni sistematika ta' l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur, iżda, f'isem l-interess li tiġi skoraġġata r-reċidività, fir-rigward ta' ksur partikolarment gravi. Barra minn hekk, hija żżid li l-eżistenza ta' mezzi ta' kumpens tad-danni ċivili wkoll tista' taqdi funzjoni ta' interess pubbliku, safejn dawn il-mezzi jistgħu jikkostitwixxu dissważjoni kontra l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Id-dritt Komunitarju fil-fatt jikkunsidra l-eżistenza ta' dawn il-mezzi bħala vitali biex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Courage u Crehan, C-453/99, Ġabra p. I-6297).
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza
129 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti biex tieħu d-Deċiżjoni fir-rigward tagħhom, fin-nuqqas ta' dispożizzjoni li tawtorizzaha tikkonstata, permezz ta' deċiżjoni, ksur ta' regoli li kien diġà intemm, iktar u iktar meta l-perijodu ta' preskrizzjoni mogħti fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 kien skada, u meta ma ġiex ippruvat li kien jeżisti interess leġittimu li jiġġustifika l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-rigward tagħhom.
130 Għal dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrenti li jinsabu fil-punti 113 u 114 iktar 'il fuq, diġà ġie mfakkar, fil-punt 37 ta' din is-sentenza, li jekk il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jintemm qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni, dan ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza li tostakola l-Kummissjoni milli teżerċita s-setgħa li tikkonstata dan il-ksur, peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni fejn tikkonstata ksur li l-intrapriża tkun diġà temmet, iżda bil-kundizzjoni li l-istituzzjoni jkollha interess leġittimu tagħmel dan (sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).
131 Barra minn hekk, ġie deċiż fil-punt 63 iktar 'il fuq li, għalkemm fil-kuntest tas-sistema istitwita mir-Regolament Nru 17, is-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur ta' regoli tirriżulta biss b'mod impliċitu, jiġifieri inkwantu s-setgħat mogħtija espressament li jiġi ordnat li l-ksur jintemm u li jiġu imposti multi neċessarjament jimplikaw din is-setgħa (sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq,punt 23), tali setgħa impliċita mhijiex madankollu użata biss sabiex l-istituzzjoni tkun tista' teżerċita s-setgħat mogħtija espressament. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni m'għadx għandha s-setgħa li timponi multi fuq l-awturi ta' ksur minħabba li skada l-perijodu ta' preskrizzjoni stipulat fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/74 ma jostakolax, fih inniffsu, l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tikkonstata li dan il-ksur tal-passat seħħ.
132 Għal dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrenti li jinsabu fil-punti 115 sa 118 iktar 'il fuq, il-kwistjoni li jqajmu mhijiex, fil-verità, kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex il-kompetenza biex tikkonstata, permezz ta' deċiżjoni, il-ksur li sar fil-passat attribwit lir-rikorrenti, iżda kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kelliex, f'dan il-każ, interess leġittimu biex tieħu deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur (ara, f'dan is-sens, is-sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24). Permezz ta' dawn l-argumenti, huma essenzjalment il-modalitajiet ta' l-eżerċizzju f'dan il-każ ta' din il-kompetenza li qed jiġu kkritikati mir-rikorrenti.
133 Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax ħlief tirrileva li bl-ebda mod ma jirriżulta mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet effettivament eżaminat il-kwistjoni jekk kellhiex tali interess jew le.
134 Meta ġiet mistoqsija f'dan ir-rigward fis-seduta, il-konvenuta bbażat ruħha fuq il-premessa 651 tad-Deċiżjoni, li tippreżenta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li kien xieraq li tiġi adottata deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur fir-rigward tar-rikorrenti, konklużjoni li, skond il-Kummissjoni, tfisser, essenzjalment, li kien hemm interess leġittimu biex dan isir.
135 Madankollu, inevitabbilment għandu jiġi kkonstatat li, meta affermat, fl-imsemmija premessa li, "ir-regoli dwar il-preskrizzjoni jikkonċernaw esklużivament l-applikazzjoni ta' multi jew ta' pieni" u li "ir-regoli m'għandhomx effett fuq id-dritt tal-Kummissjoni li tinvestiga każi ta' prattiċi restrittivi u li tadotta, jekk xieraq, deċiżjonijiet ta' projbizzjoni", il-konvenuta rrispondiet biss, sabiex tiċħdu, għall-argument li kienu qajmu r-rikorrenti, li kien jgħid li, fl-ipoteżi li l-ksur in kwistjoni ġie stabbilit, ma kienx għadu possibbli li tittieħed deċiżjoni dwaru, minħabba fil-preskrizzjoni. Ma jistax jiġi dedott minn din l-affermazzjoni li l-Kummissjoni kienet ukoll staqsiet lilha nfisha jekk kellhiex interess leġittimu tikkonstata, permezz ta' deċiżjoni, ksur li r-rikorrenti kienu diġà temmew.
136 Jirriżulta minn dak li ntqal iktar 'il fuq li, minħabba li ma ppruvatx tara, meta ħadet id-Deċiżjoni, jekk il-konstatazzjoni tal-ksur ta' regoli fir-rigward tar-rikorrenti kinitx iġġustifikata minn interess leġittimu, il-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi li jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni safejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.
137 Barra minn hekk, il-konvenuta lanqas ma stabbiliet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-eżistenza f'dan il-każ ta' tali interess leġittimu. Ċertament, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-konvenuta indikat li, barra l-interess li tiġi kkjarifikata sitwazzjoni ġuridika, interess rikonoxxut bħala leġittimu fiċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għas-sentenza GVL vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, interessi oħra jistgħu, f'dan il-każ, jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-Deċiżjoni fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi inkoraġġat aġir eżemplari ta' l-intrapriżi, l-interess li tiġi skoraġġata r-reċidività, meta titqies in-natura partikolarment gravi tal-ksur in kwistjoni, u l-interess li jkunu jistgħu jinfetħu kawżi ċivili quddiem il-qrati nazzjonali mill-partijiet offiżi.
138 Madankollu, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-konvenuta tillimita ruħha biex tesponi, b'mod ġeneriku, tliet ipoteżijiet mingħajr ma turi, permezz taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal dan il-każ, relatati mal-ksur gravi ħafna u wiesgħa ħafna allegat kontra r-rikorrenti, li dawn l-ipoteżijiet seħħew f'dan il-każ u jiġġustifikaw bħala konsegwenza ta' l-interess leġittimu tagħha li tadotta fir-rigward tar-rikorrenti deċiżjoni li tikkonstata l-imsemmi ksur. Il-Kummissjoni ma spjegatx lill-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod konkret, kif il-gravità u l-estensjoni ġeografika ta' l-aġir in kwistjoni li jikser regoli rrenda neċessarja l-konstatazzjoni tal-ksur li kien intemm, konstatazzjoni magħmula mid-Deċiżjoni, fil-każ partikolari tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija ma pprovdietx l-inqas prova dwar ir-riskju ta' reċidività min-naħa tar-rikorrenti. Il-konvenuta lanqas ma tat indikazzjonijiet, li jirrigwardaw speċifikatament il-fatti ta' dan il-każ, dwar il-kawżi li nfetħu jew li għallinqas qed tipprevedi li jinfetħu mit-terzi li soffrew dannu minħabba f'dan l-aġir li jikser regoli.
139 Minbarra dan, ir-rikorrenti kkontestaw il-leġittimità ta' l-interessi msemmija mill-konvenuta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, billi sostnew li n-nota ta' l-oġġezzjonijiet kellha effett dissważiv biżżejjed fir-rigward tagħhom, li ma kien hemm ebda riskju reali li jerġgħu lura għall-prattiċi anti-kompetittivi in kwistjoni u li x-xewqa li jkunu jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-qrati nazzjonali hi, fiha nfisha, diskutibbli. Il-konvenuta ma tatx risposta ċirkostanzjata għal dawn l-oġġezzjonijiet, ta' natura li tistabbilixxi l-allegat interess leġittimu.
140 Għaldaqstant, it-tieni raġuni għandha tiġi milqugħa.
Fuq it-talba tar-rikorrenti li titħalla barra ċerta informazzjoni fil-pubblikazzjonijiet relatati ma' dawn il-kawżi
141 Fir-rikors tagħhom, kull waħda mir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza li fil-pubblikazzjonijiet li jikkonċernaw dawn il-kawżi, titneħħa, minħabba fis-suġġett tal-kawżi, kull referenza għall-prodotti u għall-perijodi kkonċernati mill-ksur li ġie attribwit lilhom fid-Deċiżjoni.
142 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li jirriżulta mid-dokumenti miżjuda fil-proċess mir-rikorrenti bħala anness mar-replika tagħhom li, wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors, kienu seħħew diskussjonijiet approfonditi bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni fir-rigward tal-publikazzjoni tad-Deċiżjoni. Fil-fatt ir-rikorrenti kienu talbu lill-Kummissjoni biex tħalli barra, fil-verżjoni tad-Deċiżjoni li kellha tiġi ppubblikata, kull referenza għall-ismijiet ta' l-intrapriżi tagħhom, għall-prodotti ta' vitamini li fir-rigward tagħhom ġie attribitwit ksur ta' regoli lir-rikorrenti u għal elementi oħra li kienu jippermettu li r-rikorrenti jiġu identifikati bħala intrapriżi li kienu pparteċipaw fi prattika restrittiva illegali.
143 Il-Kummissjoni finalment irriffjutat dawn il-pretensjonijiet u l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-10 ta' Jannar 2003, issemmi b'mod ċar l-elementi li għalihom saret referenza fit-talbiet tar-rikorrenti imsemmija fil-punt 141 iktar 'il fuq (ara b'mod partikolari l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni).
144 Peress illi l-karattru pubbliku li inkiseb b'dan il-mod permezz ta' din l-informazzjoni wara li ġew ippreżentati dawn ir-rikorsi jeskludi li huma jistgħu jiġu ttrattati b'mod kunfidenzjali (digrieti tal-President tat-tieni Awla estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Novembru 1994, Langnese Iglo vs il-Kummissjoni, T-7/93, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 11; tal-President tal-ħames Awla estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' ġunju 1997, Gencor vs il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-879, punt 29 u tal-President tat-tieni Awla estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 1998, Volkswagen u Volkswagen Sachsen vs il-Kummissjoni, T-143/96, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20), it-talba tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.
Fuq l-ispejjeż
145 Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-konvenuta tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla Estiża)
taqta' u tiddeciedi li:
1) Id-Deċiżjoni 2003/2/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Novembru 2001, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (kawża COMP/E-1/37.512 – Vitamini), hija annullata safejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.
2) Il-konvenuta għandha tbati l-ispejjeż
Legal |
Lindh |
Mengozzi |
Wiszniewska-Białecka |
|
Vadapalas |
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta' Ottubru 2005
Reġistratur |
il-President |
H. Jung |
H. Legal |
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.