SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 143(1)(b) – Eżenzjonijiet fuq l-importazzjoni – Direttiva 2006/79/KE – Merkanzija li hija s-suġġett ta’ spedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali mibgħuta minn pajjiżi terzi – Destinatarju residenti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ importazzjoni”
Fil-Kawża C‑405/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
L. s.c.
vs
Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej,
fil-preżenza ta’:
Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),
komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei u N. Fenger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għad-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, minn M. Kowalewska, K. Nowicka u T. Tratkiewicz, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn Ł. Habiak u M. Herold, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/69/KE tal‑25 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 175, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”), u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/79/KE tal‑5 ta’ Ottubru 2006 dwar eżenzjonijiet mit-taxxi applikabbli għall-importazzjoni ta’ kunsinni żgħar ta’ merkanzija ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi (ĠU 2008, L 352M, p. 526). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn L. s.c. u d-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur tal-Informazzjoni Fiskali Nazzjonali, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tat-taxxa tat‑22 ta’ Frar 2019. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 78/1035/KEE
3 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 78/1035/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-eżenzjoni minn taxxi fuq importazzjonijiet ta’ kunsinni żgħar ta’ oġġetti ta’ kwalità mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 75), kien jipprevedi: “Oġġetti f’kunsinni żgħar ta’ kwalità mhux kummerċjali mibgħuta minn xi pajjiż mhux membru minn persuni privati lil persuni privati oħrajn f’xi Stat Membru għandhom ikunu eżentati mal-importazzjoni minn taxxi fuq id-dħul u taxxa tas-sisa.” |
Ir-Regolament (KEE) Nru 918/83
4 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat‑28 ta’ Marzu 1983 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419), kien jiddisponi: “Bla ħsara għall-Artikoli 30 u 31, oġġetti f’konsenji żgħar ta’ natura mhux kummerċjali mibgħuta minn pajjiż terz minn persuna privata lil persuna oħra li jgħix fit-territorju doganali tal-Komunità għandhom jiddaħħlu mingħajr dazji fuq l-importazzjoni.” |
Id-Direttiva 2006/79
5 |
Il-premessa 3 tad-Direttiva 2006/79 hija fformulata kif ġej: “Għal dak il-għan il-limiti li fihom dik l-eżenzjoni għandha tkun applikata għandhom, għal raġunijiet prattiċi, ikunu safejn possibbli l-istess bħal dawk stabbiliti għall-arranġamenti Komunitarji għall-eżenzjoni mid-dazju doganali fir-Regolament [Nru 918/83].” |
6 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddisponi: “1. Merkanzija f’kunsinni żgħar ta’ natura mhux kummerċjali mibgħuta minn pajjiż terz minn persuni privati lil persuni privati oħrajn fi Stat Membru għandhom ikunu eżenti ma’ l-importazzjoni mit-taxxa fuq id-dħul u t-taxxa tas-sisa. 2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ‘kunsinni żgħar ta’ natura mhux kummerċjali’ għandha tfisser kunsinni li:
|
Id-Direttiva 2006/112
7 |
L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi: “Fejn merkanżija hija mibgħuta jew ittrasportata mill-fornitur, jew mill-konsumatur, jew minn persuna terza, il-post ta’ provvista għandu jitqies bħala l-post fejn tkun tinsab il-merkanzija fil-ħin meta tintbagħat jew jibda t-trasport tal-merkanzija għall-konsumatur. Madankollu, jekk it-tluq jew it-trasport tal-merkanzija jibda f’territorju terz jew f’pajjiż terz, kemm il-post tal-provvista mill-importatur innominat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 201 bħala obbligat li jħallas il-VAT u l-post ta’ kwalunkwe provvista sussegwenti għandha titqies li tkun fl-Istat Membru ta’ l-importazzjoni tal-merkanzija.” |
8 |
L-Artikolu 86(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-ammont taxxabbli għandu jinkludi l-fatturi li ġejjin, sakemm mhux diġà inklużi: […]
|
9 |
L-Artikolu 143(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi: “L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
10 |
Skont l-Artikolu 163 tad-Direttiva 2006/112: “Jekk il-merkanzija ma tibqax koperta mill-arranġamenti jew mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din it-Taqsima, u b’hekk tagħti lok għal importazzjoni għall-finijiet ta’ l-Artikolu 61, l-Istat Membru ta’ l-importazzjoni għandu jieħu l-mizuri meħtieġa biex jevita tassazzjoni doppja.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1186/2009
11 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas‑16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU 2009, L 324, p. 23), huwa fformulat kif ġej: “Soġġett għall-Artikoli 26 u 27, merkanzija miżmuma f’kunsinni mibgħuta minn pajjiż terz minn individwu għal individwu ieħor li joqgħod f’territorju doganali tal-Komunità għandha tiġi ammessa ħielsa minn dazji fuq l-importazzjoni, sakemm importazzjonijiet bħal dawn mhumiex ta’ xorta kummerċjali.” |
12 |
Skont l-Artikolu 133(1) ta’ dan ir-regolament: “Ir-Regolament (KEE) Nru 918/83, kif emendat mill-atti elenkati fl-Anness V, huwa mħassar.” |
Id-dritt Pollakk
13 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 2174), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprevedi: “Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet iktar ’il quddiem, ‘territorju nazzjonali’ tfisser it-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, bla ħsara għall-Artikolu 2a.” |
14 |
L-Artikolu 52(1) tal-Liġi dwar il-VAT jiddisponi: “Għandha tibbenefika mill-eżenzjoni l-importazzjoni, bla ħsara għall-paragrafu 2, tal-merkanzija li tkun is-suġġett ta’ spedizzjoni mibgħuta mit-territorju ta’ pajjiż terz minn individwu u intiża għal individwu residenti fit-territorju nazzjonali, meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti kumulattivament: 1. il-kwantità u n-natura tal-merkanzija ma jindikaw l-ebda intenzjoni ta’ natura kummerċjali; 2. id-destinatarju ma għandux iħallas lill-ispeditur għar-riċezzjoni ta’ spedizzjoni; 3. l-ispedizzjonijiet huma ta’ natura okkażjonali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 |
L. hija kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ spedizzjoni u ta’ żdoganar tal-merkanzija. |
16 |
Din il-kumpannija ressqet, quddiem l-awtorità tat-taxxa, talba għal deċiżjoni tat-taxxa intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjoni, fil-Polonja, ta’ merkanzija li hija s-suġġett ta’ spedizzjoni bejn individwi tistax tiġi eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bis-saħħa tal-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-VAT meta d-destinatarju ta’ din l-ispedizzjoni jkun jinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Polonja. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-taxxa tat‑22 ta’ Frar 2019, l-awtorità tat-taxxa qieset li s-sitwazzjoni deskritta minn L. fit-talba tagħha ma kinitx taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-VAT, minħabba li din l-eżenzjoni ma tapplikax għall-importazzjoni, fil-Polonja, ta’ merkanzija intiża għal individwu li jinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Polonja. |
18 |
L. ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni tat-taxxa quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja). |
19 |
Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Hija qieset li kemm mill-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll mill-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-VAT jirriżulta li l-eżenzjoni mill-VAT inkwistjoni tapplika biss meta l-ispedizzjoni tkun intiża għal individwu residenti fl-Istat Membru li fih il-merkanzija hija importata. |
20 |
L. ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
21 |
Din il-qorti tqis li jista’ jitqies, fid-dawl tas-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2009, Har Vaessen Douane Service (C‑7/08, EU:C:2009:417), li l-fatt li l-merkanzija importata daħlet fit-territorju tal-Unjoni Ewropea fi Stat Membru differenti minn dak fejn jinsab id-destinatarju tagħha ma jaffettwax l-eżenzjoni mill-VAT tagħha. Għaldaqstant, l-ispedizzjonijiet ta’ merkanzija ta’ valur negliġibbli mibgħuta minn pajjiż terz lejn individwu li jinsab fl-Unjoni għandhom jiġu eżentati. |
22 |
Madankollu, minn ġurisprudenza Pollakka jirriżulta li l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 52 tal-Liġi dwar il-VAT ma tapplikax għall-importazzjoni ta’ merkanzija intiża għal individwu residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Polonja. Skont din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/79 jistabbilixxu distinzjoni skont il-post ta’ residenza tad-destinatarju finali tal-merkanzija, peress li l-post ta’ importazzjoni msemmi huwa “Stat Membru”. Għalhekk, kemm l-issuġġettar għat-taxxa fuq l-importazzjoni tal-merkanzija kif ukoll l-eżenzjoni mill-VAT relatata ma’ din l-importazzjoni għall-ispedizzjonijiet żgħar bejn individwi mingħajr natura kummerċjali huma marbuta mal-post ta’ residenza tad-destinatarju finali tal-merkanzija. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva [2006/112] u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [2006/79], fid-dawl tal-premessa 3 tad-Direttiva 2006/79 u tal-Artikolu 25 tar-Regolament [Nru 1186/2009], jipprekludu dispożizzjoni bħall-Artikolu 52(1) [tal-Liġi dwar il-VAT], li tipprovdi li l-importazzjoni ta’ merkanzija li hija s-suġġett ta’ spedizzjoni mibgħuta mit-territorju ta’ pajjiż terz minn individwu u intiża għal individwu li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għajr it-territorju tal-Istat fejn isseħħ l-importazzjoni, ma hijiex eżenta mill-VAT?” |
Fuq id-domanda preliminari
24 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/79 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet l-ispedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiż terz, magħmula minn individwu, intiżi għal individwu residenti fi Stat Membru ieħor. |
25 |
Mill-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-Istati Membri jeżentaw l-importazzjonijiet definittivi ta’ oġġetti rregolati b’mod partikolari mid-Direttiva 2006/79. |
26 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/79 jipprevedi li l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ spedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiż terz, minn individwu lil individwu ieħor fi Stat Membru, jibbenefikaw, mal-importazzjoni, minn eżenzjoni mit-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ u mis-sisa. |
27 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi ddeterminat jekk l-eżenzjoni mill-VAT prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet tirrigwardax biss spedizzjonijiet intiżi għal individwi residenti fl-Istat Membru ta’ importazzjoni jew jekk din tapplikax għal spedizzjonijiet intiżi għal individwi li jinsabu f’kull Stat Membru, inkluż fi Stat Membru differenti minn dak tal-importazzjoni. |
28 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 jirreferi espliċitament għall-eżenzjonijiet mill-VAT previsti, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2006/79. |
30 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din l-aħħar direttiva jippreċiża li l-eżenzjoni li huwa jipprevedi tkopri l-ispedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali lil individwu li jinsab fi Stat Membru. |
31 |
Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-verżjoni Pollakka ta’ din id-dispożizzjoni tuża l-kliem “Stat Membru” mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra. Barra minn hekk, fil-verżjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni fil-lingwi Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Ingliża, Franċiża, Taljana, Olandiża, Rumena u Svediża, b’mod partikolari, dawn it-termini huma ppreċeduti minn artiklu indefinit. |
32 |
Peress li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/79 ma jirreferix għal Stat Membru speċifiku u ma jsemmix, b’mod partikolari, l-Istat Membru ta’ importazzjoni, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni donnha tindika li l-eżenzjoni mill-VAT li din tipprevedi tkopri spedizzjonijiet lejn individwu li jinsab fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri. |
33 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 u tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/79, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-riferiment għall-ispedizzjonijiet intiżi għal individwu li jinsab fi Stat Membru kien diġà jinsab kemm fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/1035, li jikkorrispondi għall-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/79, kif ukoll fl-Artikolu 1(1) tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar eżenzjonijiet mit-taxxa applikabbli għall-importazzjoni ta’ merkanzija li tkun is-suġġett ta’ spedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi (ĠU 1975, C 18, p. 6). |
34 |
Issa, mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 78/1035, li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/79, konformement mal-Artikolu 6 ta’ din l-aħħar direttiva, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jissuġġetta l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT ta’ spedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali għal kundizzjoni dwar post ta’ destinazzjoni speċifiku tal-ispedizzjoni kkonċernata fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta jirriżulta li l-għan tagħha kien li tipprevedi li l-ispedizzjonijiet ta’ valur baxx indirizzati minn individwu li jinsab f’pajjiż terz lil individwu ieħor li jinsab fl-Unjoni jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq l-importazzjoni, sakemm il-merkanzija kkonċernata tissodisfa ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. |
35 |
Sussegwentement, il-premessa 3 tad-Direttiva 2006/79 tippreċiża li, għal raġunijiet prattiċi, il-limiti li fihom l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni ta’ spedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi għandha tiġi applikata għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikunu l-istess bħal dawk previsti għall-eżenzjonijiet mid-dazji fuq l-importazzjoni mir-Regolament Nru 918/83. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament, li t-termini tiegħu ġew, essenzjalment, riprodotti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1186/2009, kien jipprevedi eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni għal spedizzjonijiet b’karatteristiċi simili għal dawk tal-ispedizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/1035 u kien jippreċiża li din l-eżenzjoni kienet tapplika għall-ispedizzjonijiet indirizzati lil individwu li kien jinsab fit-territorju doganali tal-Unjoni, mingħajr ma kien intiż għal Stat Membru speċifiku. |
37 |
Fl-aħħar nett, kuntrarjament għall-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/79, dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2006/112, bħall-Artikoli 32, 86 u 163 ta’ din id-direttiva, isemmu espressament l-Istat Membru ta’ importazzjoni. |
38 |
F’dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, l-għan tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 u fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/79, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-Direttiva 78/1035, li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2006/79, kellha l-għan li ttaffi s-sistema applikabbli għall-ispedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi bejn individwi, peress li tali spedizzjonijiet huma essenzjalment ta’ natura affettiva, li għandhom biss valur żgħir u li diġà ġew suġġetti, bħala prinċipju, għal taxxa fil-pajjiż ta’ spedizzjoni. Issa, f’tali perspettiva, ma teżisti l-ebda differenza bejn l-ispedizzjonijiet ta’ merkanzija mingħajr natura kummerċjali minn pajjiż terz, minn individwu, lejn individwu ieħor, skont l-Istat Membru ta’ residenza tad-destinatarju tal-ispedizzjoni. |
39 |
Għalhekk, mhux biss minn interpretazzjoni letterali iżda wkoll minn interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/79 jirriżulta li l-eżenzjoni mill-VAT prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet tapplika indipendentement mill-fatt li d-destinatarju tal-ispedizzjoni jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ importazzjoni jew fi Stat Membru ieħor. |
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/79 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet l-ispedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiż terz, magħmula minn individwu, intiżi għal individwu residenti fi Stat Membru ieħor. |
Fuq l-ispejjeż
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 143(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/69/KE tal‑25 ta’ Ġunju 2009, u l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/79/KE tal‑5 ta’ Ottubru 2006 dwar eżenzjonijiet mit-taxxi applikabbli għall-importazzjoni ta’ kunsinni żgħar ta’ merkanzija ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi, |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet l-ispedizzjonijiet żgħar ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiż terz, magħmula minn individwu, intiżi għal individwu residenti fi Stat Membru ieħor. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.