SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 42 – Speċifikazzjonijiet tekniċi – Formulazzjoni – Natura limitattiva tal-lista li tinsab fl-Artikolu 42(3) – Sejħa għal offerti li teħtieġ it-twettiq ta’ xogħlijiet tad-drenaġġ b’katusi tal-ġebel u tal-konkrit – Esklużjoni tal-katusi tal-plastik – Artikolu 42(4) – Riferiment għal tip jew għal produzzjoni speċifika – Każijiet fejn riferiment għandu jkun akkumpanjat mill-kliem ‘jew ekwivalenti’”
Fil-Kawża C‑424/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Gand, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura
DYKA Plastics NV
vs
Fluvius System Operator CV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, S. Rodin, D. Gratsias u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal DYKA Plastics NV, minn S. Van Garsse u S. Verhoeven, advocaten, |
– |
għal Fluvius System Operator CV, minn E. Gypen u G. Laenen, advocaten, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u C. Pesendorfer, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68 u fil-ĠU L, 2023/90063). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DYKA Plastics NV (iktar ’il quddiem “DYKA”) u Fluvius System Operator CV (iktar ’il quddiem “Fluvius”), dwar l-għoti minn din tal-aħħar ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet ta’ drenaġġ, li fil-kuntest tagħhom hija teżiġi l-użu ta’ pajpijiet għad-drenaġġ tal-ġebel u tal-konkrit. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 74 u 92 tad-Direttiva 2014/24 jistipulaw:
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”: “Fis-sens ta’ din id-Direttiva l-akkwist huwa akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, sew jekk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi huma maħsuba għal skop pubbliku u sew jekk le”. |
5 |
L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi”. |
6 |
Skont l-Artikolu 42 tal-istess direttiva, intitolat “Speċifikazzjonijiet tekniċi”: “1. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti fil-punt 1 tal-Anness VII għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti ta’ akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistipulaw il-karatteristiċi meħtiega ta’ xogħol, servizz jew provvista. Dawk il-karatteristiċi jistgħu jirreferu wkoll għall-proċess jew metodu speċifiku tal-produzzjoni jew il-provvista tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi mitluba jew għal proċess speċifiku għal stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu anke fejn tali fatturi ma jiffurmawx parti mis-sustanza materjali tagħhom dment li huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u proporzjonali għall-valur u l-objettivi tiegħu. […] 2. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura ta’ akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni. 3. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
4. Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-referenza għandha tkun permessa fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u leġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 3. Din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’. […]” |
7 |
L-Anness VII tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Definizzjoni ta’ Ċerti Speċifikazzjonijiet Tekniċi” jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
Id‑dritt Belġjan
8 |
L-Artikolu 4 tal-wet inzake overheidsopdrachten (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) tas‑17 ta’ Ġunju 2016 (Belgisch Staatsblad tal‑14 ta’ Lulju 2016, p. 44219), jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat”. |
9 |
L-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Awtorità kontraenti ma tistax tfassal kuntratt pubbliku bl-intenzjoni li teskludih mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jew li tillimita l-kompetizzjoni artifiċjalment. Il-kompetizzjoni titqies li tkun ristretta artifiċjalment meta l-kuntratt ikun tfassal bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi. […]” |
10 |
L-Artikolu 53(2) sa (4) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “2. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru lill-operaturi ekonomiċi aċċess ugwali għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu ostakoli mhux iġġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għal kompetizzjoni. 3. Bla ħsara għar-regoli tekniċi nazzjonali vinkolanti, sa fejn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
4. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jistgħux jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew is-servizzi pprovduti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marka kummerċjali, privattiva, tip jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu ffavoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din l-indikazzjoni jew referenza hija awtorizzata biss, b’mod eċċezzjonali:
Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2(1°), l-indikazzjoni jew referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’. […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11 |
Fluvius hija kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan inkarigata, fir-Reġjun Fjamming, mill-kostruzzjoni, mill-ġestjoni u mill-manutenzjoni ta’ diversi netwerks ta’ utilità pubblika, fosthom netwerks tad-drenaġġ. |
12 |
Meta tippubblika avviżi ta’ kuntratti pubbliċi għall-installazzjoni jew is-sostituzzjoni tad-drenaġġ, Fluvius teħtieġ l-użu ta’ katusi tal-ġebel għas-sistemi ta’ drenaġġ u ta’ katusi tal-konkrit għas-sistemi ta’ rimi tal-ilma tax-xita. L-użu ta’ materjali oħra huwa awtorizzat biss f’ċirkustanzi tekniċi partikolari. |
13 |
Bħala manifattur u fornitur ta’ katusi tad-drenaġġ tal-plastik, DYKA tqis li l-esklużjoni tagħha mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku organizzati minn Fluvius tikser il-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 53 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li jimplimentaw l-Artikoli 18 u 42 tad-Direttiva 2014/24. |
14 |
Fl‑4 ta’ Ġunju 2020, DYKA intimat lil Fluvius sabiex tadatta s-sejħiet għal offerti tagħha b’tali mod li l-katusi tad-drenaġġ tal-plastik ikunu jistgħu jiġu proposti fil-kuntest tagħhom. |
15 |
Barra minn hekk, fis‑7 ta’ Ottubru 2020, DYKA talbet lil Fluvius tippreċiża, fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti dwar kuntratt pubbliku għall-installazzjoni tad-drenaġġ fil-komun ta’ Beringen (il-Belġju), ir-raġunijiet għalfejn il-pajpijiet tal-plastik kienu esklużi minn dan il-kuntratt. |
16 |
Fir-risposta tagħha tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Fluvius ikkonfermat li kienu biss il-katusi tal-ġebel, għat-tneħħija tad-drenaġġ, u tal-konkrit, għat-tneħħija tal-ilma tax-xita, li kienu aċċettati. Hija tqis li lanqas ma għandha timmotiva din l-għażla ta’ materjali. |
17 |
DYKA adixxiet lill-ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Gent, Sezzjoni Gent, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn talbitha tordna lil Fluvius ittemm din il-prattika u tikkundannaha għall-ħlas ta’ kumpens. |
18 |
Quddiem dik il-qorti, Fluvius issostni li huwa leġittimu, b’mod partikolari mill-perspettiva tas-sostenibbiltà, li tagħżel b’mod awtomatiku, jiġifieri fl-assenza ta’ ċirkustanzi tekniċi partikolari, katusi tal-ġebel u tal-konkrit. Hija tqis, essenzjalment, li tali rekwiżit ma jiksirx il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 18 u 42 tad-Direttiva 2014/24. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li mill-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jitfasslu b’mod li jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi ristretta b’mod artifiċjali. Bħalma jsegwi mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 42, moqri flimkien mal-premessa 74 ta’ din id-direttiva, il-formulazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ rendiment u ta’ rekwiżiti funzjonali ġeneralment tippermetti li jintlaħaq bl-aħjar mod l-għan ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni. |
20 |
Dik il-qorti ma teskludix li l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti hija obbligata tifformula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ wieħed mill-modi elenkati f’din id-dispożizzjoni. Issa, jidher li l-formulazzjoni użata minn Fluvius, li tikkonsisti f’li tirreferi għal katusi tal-ġebel u tal-konkrit, ma taqa’ taħt ebda wieħed minn dawn il-modi u li, barra minn hekk, għandha l-effett li telimina ċerti impriżi jew ċerti prodotti, li jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 42(4) ta’ din id-direttiva. Minn dan jista’ jsegwi li l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u fl-Artikolu 42(2) tal-imsemmija direttiva ġew miksura. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Gent, Sezzjoni Gent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
22 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tistaqsi dwar id-direttiva applikabbli. |
23 |
Għandu jitfakkar li domanda preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati u tad-dritt sekondarju li jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-problema mressqa. Iċ-ċirkustanza li l-qorti tar-rinviju fformulat id-domanda tagħha billi għamlet riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex għalhekk ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Obshtina Razlog, C‑376/21, EU:C:2022:472, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Fluvius hija responsabbli għall-installazzjoni, għall-ġestjoni u għall-manutenzjoni tan-netwerks tad-drenaġġ. Ix-xogħlijiet marbuta ma’ din l-attività huma, bħala regola ġenerali, irregolati mid-Direttiva 2014/24, skont l-Artikolu 1(2) tagħha. |
25 |
Madankollu, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU L, 2023/90064) jipprevedi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-attivitajiet marbuta mat-trasport u mad-distribuzzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb jew mal-provvista ta’ ilma tajjeb għax-xorb. L-Artikolu 10(2)(b) tad-Direttiva 2014/25 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li kuntratti jew kompetizzjonijiet li ssir sejħa għalihom jew li jiġu organizzati mill-entitajiet kontraenti li jeżerċitaw attività msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 10 u li huma marbuta mat-tneħħija jew mat-trattament tad-drenaġġ jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
26 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk Fluvius, bħala awtorità kontraenti, teżerċitax attività marbuta mat-trasport u mad-distribuzzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb jew mal-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb. Madankollu, matul is-seduta, Fluvius, sostnuta mill-Kummissjoni u minn DYKA, sostniet li ma kinitx attiva f’dan il-qasam. Jidher għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li hija d-Direttiva 2014/24 li hija applikabbli f’dan il-każ. |
27 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fid-Direttivi 2014/24 u 2014/25 huma sostanzjalment l-istess. |
Fuq l‑ewwel domanda
28 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-lista, f’din id-dispożizzjoni, tal-metodi ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi hija eżawrjenti. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu fformulati, konformement mal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, f’termini ta’ rendiment jew ta’ rekwiżiti funzjonali, jew inkella, konformement mal-punt (b) tal-imsemmija dispożizzjoni, b’riferiment għal speċifikazzjonijiet tekniċi u, b’ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej, għall-evalwazzjonijiet tekniċi Ewropej, għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, għall-istandards internazzjonali, għas-sistemi ta’ referenzi tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew, fin-nuqqas tagħhom, għall-istandards nazzjonali, għall-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, mal-kalkolu u mat-twettiq tax-xogħlijiet u mal-użu tal-provvisti, jew inkella, konformement mal-punt (c) jew (d) tal-istess dispożizzjoni, permezz ta’ taħlita ta’ dawn iż-żewġ metodi. Ma teżistix ġerarkija bejn il-metodi ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 3 dan l-Artikolu 42 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva, C‑413/17, EU:C:2018:865, punti 26 u 28). |
30 |
Bħalma jirriżulta mill-frażi “l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin”, li tippreċedi dawn il-punti (a) sa (d), hija l-awtorità kontraenti li għandha tifformula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi konformement ma’ wieħed mill-imsemmija punti u mhux skont metodu ieħor. Għaldaqstant, l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24 għandu, bħalma osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, jinftiehem fis-sens li jelenka b’mod eżawrjenti l-metodi ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti tal-kuntratt. Fil-fatt, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jaċċetta metodi addizzjonali, huwa kien jesprimi r-rieda tiegħu billi juża formula li tmur f’dan is-sens, bħal “jistgħu jiġu fformulati”. |
31 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-preċiżazzjoni, li tinsab fil-bidu tal-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24, li tgħid li din id-dispożizzjoni hija “[m]ingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni”. Din il-preċiżazzjoni tista’ ċertament, fil-każ ta’ preżenza ta’ regola teknika nazzjonali, twassal għal sitwazzjonijiet li fihom awtoritajiet kontraenti jistgħu jidderogaw mir-regola stabbilita f’dan l-Artikolu 42(3), iżda ma tbiddilx, bħala tali, is-sens ta’ din ir-regola. Meta, bħal f’dan il-każ, ebda “regola teknika nazzjonali obbligatorja” ma tiġi invokata, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom, bla ħsara għall-Artikolu 42(4) ta’ din id-direttiva, jiġu fformulati konformement ma’ wieħed mill-metodi previsti fil-punti (a) sa (d) tal-imsemmi Artikolu 42(3). |
32 |
L-imsemmija interpretazzjoni lanqas ma hija invalidata mill-indikazzjoni, li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, li tgħid li jista’ jkun hemm każijiet “fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u leġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 3” ta’ dan l-Artikolu 42. |
33 |
Skont it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 42(4) ta’ din id-direttiva, l-awtorità kontraenti tista’, f’tali każijiet, eċċezzjonalment tirreferi għal manifattura jew għal provenjenza partikolari, għal proċess partikolari jew ukoll għal element partikolari ieħor imsemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 42, billi żżid il-kliem “jew ekwivalenti”. |
34 |
Meta din l-eċċezzjoni tapplika, minħabba l-impossibbiltà li tiġi pprovduta deskrizzjoni suffiċjentement preċiża u li tinftiehem tas-suġġett tal-kuntratt skont l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti tista’ tinkludi, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, riferiment għall-elementi li l-indikazzjoni tagħhom hija bħala prinċipju pprojbita mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, sakemm dan ir-riferiment ikun akkumpanjat mill-kliem “jew ekwivalenti”. |
35 |
Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 jippreċiża, fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-projbizzjoni li jintużaw ir-riferimenti msemmija fih ma tapplikax meta tali riferiment ikun iġġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, għandu jitqies li dan il-każ jidderoga, bħal dak previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 42(4) ta’ din id-direttiva, imsemmi fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, mill-applikabbiltà esklużiva tal-metodi ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Artikolu 42(3) tal-imsemmija direttiva. |
36 |
Madankollu, minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 42(4) tal-istess direttiva u fl-assenza ta’ kwalunkwe regola teknika nazzjonali obbligatorja, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 42, il-lista tal-metodi ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Artikolu 42(3)(a) sa (d) tad-Direttiva 2014/24 għandha titqies li hija eżawrjenti. |
37 |
Bħalma jsegwi mill-elementi preċedenti kollha, l-interpretazzjoni stabbilita fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li tirriżulta b’mod ċar mill-kliem “għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin” li jinsab fl-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24, hija meħtieġa bħala prinċipju, jiġifieri bla ħsara għall-preċiżazzjoni li tinsab fil-bidu ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, u għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 42(4) ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra. Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minnha (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata,C‑200/23, EU:C:2024:827, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma hemmx lok li tiġi eżaminata iktar il-portata ta’ dan l-Artikolu 42(3). |
38 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-elenkar, f’din id-dispożizzjoni, tal-metodi ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huwa eżawrjenti, bla ħsara għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji li huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u bla ħsara għall-Artikolu 42(4) ta’ din id-direttiva. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
39 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jippreċiżaw, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, minn liema materjali għandhom jiġu kkostitwiti l-prodotti proposti mill-offerenti. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, il-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi hija intiża, konformement mal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/24, li tiddefinixxi “il-karatteristiċi meħtiega ta’ xogħol”. Sa fejn jiddeterminaw dawn il-karatteristiċi, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddefinixxu, bħalma jirriżulta mill-premessa 92 ta’ din id-direttiva, is-suġġett stess tal-kuntratt pubbliku. |
41 |
Fost dawn l-ispeċifikazzjonijiet jista’ b’mod partikolari jkun hemm, skont il-punt 1(a) tal-Anness VII tal-imsemmija direttiva, il-karatteristiċi meħtieġa ta’ “prodott jew provvista, sabiex dawk jipprovdu l-użu li huma maħsuba għalih mill-awtorità kontraenti”. Dawn il-karatteristiċi jinkludu, b’mod partikolari, il-“kondizzjonijiet tekniċi kollha l-oħrajn li l-awtorità kontraenti qiegħda f’pożizzjoni li tippreskrivi, skont regolamenti ġenerali jew speċifiċi, fir-rigward tax-xogħlijiet kompluti u fir-rigward tal-materjali jew komponenti li dawn jinvolvu”. |
42 |
Għalkemm l-awtoritajiet kontraenti għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward, li huwa ġġustifikat mill-fatt li huma għandhom l-aħjar għarfien tal-provvisti li jeħtieġu u r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa, id-Direttiva 2014/24 madankollu tistabbilixxi ċerti limiti li huma għandhom josservaw. Konformement mal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) tagħha, huma għandhom jiżguraw li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jagħtu lill-operaturi ekonomiċi aċċess ugwali għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u li dawn ma jkollhomx l-effett li joħolqu ostakoli mhux iġġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva, C‑413/17, EU:C:2018:865, punti 29 sa 33). |
43 |
Bl-istess mod, mill-premessa 74 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fformulati għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandhom jiftħu dan il-kuntratt pubbliku għall-kompetizzjoni u għalhekk jippermettu li jiġu ppreżentati offerti li jirriflettu b’mod partikolari d-diversità tas-soluzzjonijiet tekniċi eżistenti fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva, C‑413/17, EU:C:2018:865, punt 36, u tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Obshtina Pleven, C‑513/23, EU:C:2024:917, punt 36). |
44 |
Din l-istess premessa 74 tippreċiża li l-formulazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ rendiment u ta’ rekwiżiti funzjonali ġeneralment tippermetti li jintlaħaq bl-aħjar mod l-għan ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni u li, għaldaqstant, dan il-metodu ta’ formulazzjoni, li jippromwovi l-innovazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għandu jintuża bl-iktar mod wiesa’ possibbli. |
45 |
Dan il-mod ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, imsemmi fl-Artikolu 42(3)(a) tad-Direttiva 2014/24, jippermetti, fil-fatt, lil kull operatur ekonomiku li l-prodotti tiegħu jissodisfaw ir-rendimenti u r-rekwiżiti funzjonali imposti mill-awtorità kontraenti li jagħmlu offerta, indipendentement, b’mod partikolari, mill-proċess segwit fil-manifattura tal-prodotti tiegħu u mill-materjal li huma magħmula minnu. |
46 |
Sabiex il-metodu ta’ formulazzjoni previst fl-Artikolu 42(3)(b) tad-Direttiva 2014/24 jiggarantixxi huwa wkoll ftuħ xieraq għall-kompetizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fformulati skont dan il-metodu għandhom ikunu akkumpanjati mill-kliem “jew ekwivalenti”. |
47 |
Peress li l-ftuħ għall-kompetizzjoni huwa għalhekk iggarantit fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ wieħed mill-metodi msemmija fl-Artikolu 42(3)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24, dan huwa ggarantit ukoll fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 42(3)(c) u (d) tagħha, li jikkonsistu f’kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ metodi. |
48 |
Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ta’ riferiment “għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku” jew “għal marki kummerċjali, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti” hija bħala prinċipju pprojbita, skont l-Artikolu 42(4) ta’ din id-direttiva. |
49 |
Fil-fatt, tali referenzi, mhux talli ma jikkontribwixxux għall-ftuħ tal-kuntratt pubbliku għall-kompetizzjoni, iżda għandhom l-effett li jillimitawha. |
50 |
Madankollu, b’mod eċċezzjonali, awtorità kontraenti tista’, fid-dokumenti tal-kuntratt li jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, tinkludi riferiment imsemmi fl-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, sakemm, bħalma tipprevedi essenzjalment it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rendimenti jew ir-rekwiżiti funzjonali msemmija konformement mal-Artikolu 42(3)(a) ta’ din id-direttiva jew l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija konformement mal-Artikolu 42(3)(b) tal-imsemmija direttiva, jew kombinazzjoni tat-tnejn, ma jippermettux, fihom infushom, li tiġi pprovduta deskrizzjoni suffiċjentement preċiża u li tinftiehem tas-suġġett tal-kuntratt. F’każ bħal dan, l-awtorità kontraenti għandha, konformement mat-tielet sentenza tal-Artikolu 42(4) tal-istess direttiva, takkumpanja dan ir-riferiment bil-kliem “jew ekwivalenti”. |
51 |
Bħalma jsegwi, barra minn hekk, mill-frażi “[s]akemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt”, li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, ir-riferimenti msemmija f’din id-dispożizzjoni jistgħu jsiru wkoll meta dan ikun leġittimu fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt. Fid-dawl tal-pożizzjoni tiegħu fil-bidu ta’ dan il-paragrafu 4 u tal-użu tal-kelma “sakemm”, dan il-każ, li huwa distint minn dak previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 42(4), għandu jinftiehem bħala ċirkustanza li tippermetti lill-awtorità kontraenti teskludi l-applikabbiltà stess tal-kontenut normattiv ta’ dan il-paragrafu 4, li jinkludi l-projbizzjoni ta’ prinċipju stabbilita fl-ewwel sentenza tal-imsemmi paragrafu, l-eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tiegħu u r-rekwiżit, previst fit-tielet sentenza ta’ dan tal-aħħar, li żżid, fil-każ ta’ applikabbiltà ta’ din l-eċċezzjoni, il-kliem “jew ekwivalenti”. |
52 |
Konsegwentement, meta riferiment bħal dak imsemmi fl-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 huwa ġġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, dan jista’ jiġi introdott fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, mingħajr ma tapplika l-projbizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni jew il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni u fit-tielet sentenza tagħha. |
53 |
Dan il-każ kopert bil-kliem “sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt” għandu, sabiex ma jiġix ippreġudikat l-għan tal-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni, jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’tali mod li jkopri biss is-sitwazzjonijiet li fihom rekwiżit relatat mal-użu ta’ prodott ta’ tip jew ta’ oriġini jew saħansitra ta’ trade mark partikolari, jew miksub abbażi ta’ privattiva jew ta’ proċess partikolari, jirriżulta inevitabbilment mis-suġġett tal-kuntratt. |
54 |
Huwa fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet kollha pprovduti iktar ’il fuq dwar il-portata tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24 li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk Fluvius tistax tillimita jew le, permezz tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li hija tifformula għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet tad-drenaġġ, dawn il-kuntratti pubbliċi għall-operaturi ekonomiċi li jipprovdu katusi tal-ġebel għad-drenaġġ u katusi tal-konkrit għat-tneħħija tal-ilma tax-xita. |
55 |
Għalkemm hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tapplika r-regoli stabbiliti f’dan l-Artikolu 42, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ madankollu tagħti indikazzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat sa fejn dawn ir-regoli jistgħu japplikaw għal riferiment, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fir-rekwiżit tal-użu ta’ katusi “tal-ġebel” u “tal-konkrit”. |
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat, l-ewwel, li l-materjal li minnu huwa kkostitwit prodott ma jistax jiġi kklassifikat bħala “rendiment” jew “ħtieġa funzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 42(3)(a) tad-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, għalkemm materjal jista’ jikkontribwixxi għar-rendiment ta’ prodott jew għall-kapaċità tiegħu li jissodisfa rekwiżit funzjonali, huwa ma jikkostitwixxix, fih innifsu, “rendiment” jew “rekwiżit funzjonali”. |
57 |
F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn jeżistu, fis-settur ekonomiku kkonċernat, prodotti li jistgħu jiġu ddifferenzjati skont il-manifattura tagħhom u, b’mod partikolari, il-materjal li huma kkostitwiti minnu, ir-rekwiżit li jintużaw prodotti kkostitwiti minn ċertu materjal għandu, bħalma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, jiġi kklassifikat bħala riferiment għal “tip” jew għal “produzzjoni speċifika” li għandha “l-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, peress li dan ir-riferiment iwassal sabiex jiġu eliminati l-impriżi li jipprovdu prodotti kkostitwiti minn materjal differenti minn dak meħtieġ. |
58 |
It-tieni, għandu jiġi indikat li, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Fluvius iddikjarat, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula minnha, li hija ma kinitx akkumpanjat l-ispeċifikazzjoni teknika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-katusi tad-drenaġġ għandhom ikunu tal-ġebel u dawk għat-tneħħija tal-ilma tax-xita tal-konkrit, bil-frażi “jew ekwivalenti”. |
59 |
Jekk dan kellu jkun il-każ, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ikun isegwi, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli, skont l-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24, li tiġi pprovduta deskrizzjoni suffiċjentement preċiża u li tinftiehem tas-suġġett ta’ kull kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li Fluvius ma tkunx tista’ tinvoka b’mod utli l-eċċezzjoni prevista fil-punt 1° tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(4) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li tittrasponi fid-dritt Belġjan it-tieni sentenza tal-Artikolu 42(4) ta’ din id-direttiva, peress li r-rekwiżit ifformulat fit-tielet sentenza tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 42, traspost fid-dritt Belġjan permezz tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(4) ta’ din il-liġi, ma jkunx issodisfatt. |
60 |
Fir-rigward, it-tielet, tal-każ imsemmi fil-bidu tal-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, interpretat fil-punti 51 sa 53 ta’ din is-sentenza u traspost fid-dritt Belġjan mill-punt 2° tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(4) tal-imsemmija liġi, għandu jitqies li r-rekwiżit dwar l-użu ta’ materjal partikolari għal kuntratt pubbliku jew għal parti minnu jista’, b’mod partikolari, jirriżulta inevitabbilment mill-għan tal-kuntratt meta dan ikun ibbażat fuq l-estetika mfittxija mill-awtorità kontraenti jew fuq in-neċessità li tinkiseb l-adegwatezza ta’ xogħol għall-ambjent tiegħu, jew meta, fid-dawl ta’ rendiment jew ta’ rekwiżit funzjonali fformulat skont l-Artikolu 42(3)(a) ta’ din id-direttiva, huwa inevitabbli li jintużaw prodotti magħmula minn dan il-materjal. Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, ebda alternattiva bbażata fuq soluzzjoni teknika differenti ma hija possibbli. |
61 |
Minbarra l-każijiet fejn l-użu ta’ materjal jirriżulta inevitabbilment mis-suġġett tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti ma tistax, mingħajr iż-żieda tal-kliem “jew ekwivalenti”, teżiġi l-użu ta’ materjal partikolari. Hija għandha għalhekk, fil-kuntest tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, tastjeni milli timponi l-użu ta’ materjal partikolari, jew billi tevita li ssemmi tali materjal fid-dokumenti tal-kuntratt, jew billi ssemmi materjal wieħed jew iktar filwaqt li żżid miegħu l-kliem “jew ekwivalenti”. Għalhekk, l-awtorità kontraenti jkollha, konformement mal-għan ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni mfittex mid-Direttiva 2014/24, tapplika l-kriterji ta’ għoti għal diversità ta’ offerti, li tista’ tinkludi kemm dawk li jipproponu prodotti magħmula minn materjali li l-użu tagħhom huwa komuni fis-settur ikkonċernat kif ukoll dawk li jipproponu prodotti magħmula minn materjali inqas abitwali, jew saħansitra innovattivi. L-awtorità kontraenti għalhekk tagħti lill-operaturi ekonomiċi interessati l-possibbiltà li juru l-ekwivalenza ta’ tali materjali. |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux, mingħajr iż-żieda tal-kliem “jew ekwivalenti”, jippreċiżaw, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, minn liema materjali għandhom jiġu kkostitwiti l-prodotti proposti mill-offerenti, sakemm l-użu ta’ materjal partikolari ma jirriżultax inevitabbilment mis-suġġett tal-kuntratt, peress li ebda alternattiva bbażata fuq soluzzjoni teknika differenti ma hija possibbli. |
Fuq ir‑raba’ domanda
63 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li l-operaturi ekonomiċi jingħataw ugwaljanza fl-aċċess għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-projbizzjoni li jinħolqu ostakoli mhux iġġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni, stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni, humiex neċessarjament miksura meta awtorità kontraenti telimina, permezz ta’ speċifikazzjoni teknika li ma hijiex kompatibbli mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 42(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, ċerti impriżi jew ċerti prodotti. |
64 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24 jsegwi mingħajr ambigwità li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tfakkar, f’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, uħud mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri, minn naħa, l-obbligu li l-operaturi ekonomiċi jiġu ttrattati b’mod ugwali u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni li l-kompetizzjoni tiġi limitata artifiċjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva, C‑413/17, EU:C:2018:865, punti 32 u 33). |
65 |
Dan il-kontenut tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24 huwa, min-naħa tiegħu, ikkonkretizzat mill-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu 42. Bħalma jirriżulta mill-eżami tal-ewwel sat-tielet domanda preliminari, dawn il-paragrafi huma bbażati, huma wkoll, bħalma huwa kkonfermat mill-premessa 74 tad-Direttiva 2014/24, fuq l-imsemmi obbligu u l-imsemmija projbizzjoni. |
66 |
Konsegwentement, meta ċerti impriżi jew ċerti prodotti jkunu esklużi minħabba speċifikazzjoni teknika li hija inkompatibbli mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 42(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24, din l-esklużjoni neċessarjament tippreġudika l-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 42(2), li jiġi żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jagħtu aċċess ugwali għall-proċedura ta’ għoti u ma jillimitawx indebitament il-kompetizzjoni. |
67 |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li l-operaturi ekonomiċi jingħataw ugwaljanza fl-aċċess għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-projbizzjoni li jinħolqu ostakoli mhux iġġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni, stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, huma neċessarjament miksura meta awtorità kontraenti telimina, permezz ta’ speċifikazzjoni teknika li ma hijiex kompatibbli mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 42(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, ċerti impriżi jew ċerti prodotti. |
Fuq l‑ispejjeż
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.