SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

28 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Reati u sanzjonijiet applikabbli fl-oqsma tat-traffikar tad-droga u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata – Possibbiltà ta’ tnaqqis tal-pieni applikabbli – Portata – Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI – Artikoli 4 u 5 – Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI – Artikoli 3 u 4 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timplimentax id-dritt tal-Unjoni – Artikoilu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Proċeduri kriminali kontra diversi persuni – Ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża previst fid-dritt nazzjonali – Approvazzjoni minn kulleġġ ta’ sentenza ad hoc – Kunsens tal-imputati l-oħra”

Fil-Kawża C‑432/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2022, fil-proċeduri kriminali,

PT,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tat-Tieni Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, N. Jääskinen u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 94), tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42), tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet mressqa fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra PT u persuni oħra, akkużati li mexxew u/jew ipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ grupp kriminali organizzat.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

It‑Trattat UE

3

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

Id‑Deċiżjoni Qafas 2004/757

4

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li r-reati definiti fl-Artikoli 2 u 3 jkunu punibbli b’pieni kriminali li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikolu 2 huma punibbli b’pieni kriminali ta’ massimu ta’ minn ta# l-inqas bejn sena u 3 snin ħabs.”

5

Intitolat “Ċirkostanzi partikolari”, l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi:

“Minkejja l-Artikolu 4, kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-pieni msemmija fl-Artikolu 4 jistgħu jiġu mnaqqsa jekk il-ħati:

(a)

jirrinunzja l-attività kriminali relatata mat-traffikar ta’ drogi u ta’ prekursuri u

(b)

jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji informazzjoni li huma kieku ma kienux xort’ oħra jkunu jistgħu jakkwistaw, filwaqt li jgħinhom biex:

i)

jiġu prevenuti jew imnaqqsa l-effetti tar-reat,

ii)

jiġu identifikati jew imressqa quddiem il-ġustizzja l-ħatja l-oħra,

(iii)

jinstabu provi jew

(iv)

jiġu prevenuti reati ulterjuri msemmija fl-Artikoli 2 u 3.”

Id‑Deċiżjoni Qafas 2008/841

6

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li:

a)

ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2(a) jkun punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin;[.]”

7

Intitolat “Ċirkostanzi partikolari”, l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi:

“Kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-pieni msemmija fl-Artikolu 3 jistgħu jitnaqqsu jew li l-awtur ikun jista’ jiġi eżentat mill-pieni, jekk huwa, per eżempju:

(a)

jirrinunzja l-attività kriminali;

(b)

jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjali informazzjoni li huma huma ma kinux ikunu kapaċi jiksbu b’ mod ieħor, li tgħinhom sabiex:

(i)

jipprevjenu, itemmu jew jillimitaw l-effetti tar-reat;

(ii)

jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja l-awturi l-oħra;

(iii)

isibu provi;

(iv)

jiċħdu lill-organizzazzjoni kriminali minn riżorsi illeċiti jew mir-rikavati ta’ l-attività kriminali tagħha; jew jiġu identifikati jew imressqa quddiem il-ġustizzja l-ħatja l-oħra,

(v)

jipprevjenu t-twettiq ta’ reati oħra msemmija fl-Artikolu 2.”

Id‑dritt Bulgaru

In‑NK

8

L-Artikolu 55(1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NK”), jipprevedi:

“Fil-każ ta’ ċirkustanzi attenwanti eċċezzjonali jew numerużi, meta l-piena l-iktar ħafifa prevista mil-liġi tirriżulta li hija sproporzjonata, il-qorti għandha:

1. tistabbilixxi piena taħt il-limitu inferjuri;

[…]”

9

L-Artikolu 321 tan-NPK jipprevedi:

“[…]

(2)   Il-parteċipazzjoni fi [grupp kriminali organizzat] hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u sitt snin.

(3)   Meta l-grupp [kriminali organizzat] ikun armat jew iffurmat għal finijiet ta’ arrikkiment jew bl-għan li jwettaq ir-reati msemmija fl-[…] Artikolu 354a(1) u (2), […] is-sanzjonijiet għandhom ikunu dawn li ġejjin:

[…]

2.

Għar-reati indikati fil-paragrafu 2: priġunerija ta’ bejn tlieta u għaxar snin.

[…]”

10

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 354a(1) tan-NK:

“Kull min, mingħajr awtorizzazzjoni xierqa, jimmanifattura, jittrasforma, jakkwista jew jippossjedi sustanzi narkotiċi jew l-ekwivalenti tagħhom għal finijiet ta’ traffikar, għandu jiġi punit, meta s-sustanzi narkotiċi jkunu ta’ riskju għoli jew simili għalihom, b’terminu ta’ priġunerija ta’ bejn sentejn u tmien snin u b’multa ta’ bejn [5000 u 20000 lev Bulgaru (BGN) (bejn madwar EUR 2260 u 10230) u, għal sustanzi narkotiċi riskjużi jew l-ekwivalenti tagħhom, b’terminu ta’ priġunerija ta’ bejn sena u sitt snin u multa minn [BGN 2000 sa 10000 (minn madwar EUR 1020 sa 5115)]. […]”

In‑NPK

11

Intitolat “Ftehim ta’ Riżoluzzjoni tal-Kawża fil-kuntest tal-proċedura preliminari”, l-Artikolu 381 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprevedi:

“1.   Wara l-investigazzjoni, fuq proposta tal-prosekutur jew tal-avukat, jista’ jiġi stabbilit ftehim bejniethom intiż għar-riżoluzzjoni tal-kawża. […]

[…]

(4)   Il-ftehim jista’ jiddetermina s-sanzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 55 tan-NK anki fl-assenza ta’ ċirkustanzi attenwanti eċċezzjonali jew numerużi.

(5)   Il-ftehim għandu jkun bil-miktub u jinkludi kunsens fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

1.

Twettaq att, twettaq mill-persuna akkużata u twettaq b’mod żbaljat, l-att jikkostitwixxi reat u x’inhi l-klassifikazzjoni legali tiegħu?

2.

X’għandha tkun in-natura tas-sanzjoni u x’għandu jkun il-livell tagħha?

[…]

(6)   Il-ftehim għandu jiġi ffirmat mill-prosekutur u mill-avukat. Il-persuna akkużata għandha tiffirma l-ftehim jekk taċċettah, wara li tkun iddikjarat li tirrinunzja li l-kawża tagħha tiġi deċiża skont il-proċedura ordinarja.

(7)   Meta l-proċedura tkun kontra diversi persuni jew diversi reati, il-ftehim jista’ jiġi konkluż minn uħud minn dawn il-persuni jew għal uħud minn dawn ir-reati.

[…]”

12

L-Artikolu 383 tan-NPK, intitolat “Il-konsegwenzi tal-ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tal-kawża”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-ftehim approvat mill-qorti jipproduċi l-effetti ta’ kundanna li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.”

13

Skont l-Artikolu 384 tan-NPK, intitolat “Ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja”:

“(1)   Fil-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet ta’ dan il-kapitolu, il-qorti tal-ewwel istanza tista’ tapprova ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża nnegozjat wara l-ftuħ tal-proċedura ġudizzjarja, iżda qabel il-konklużjoni tal-fażi ġudizzjarja istruttorja.

[…]

(3)   F’dawn il-każijiet, il-ftehim [dwar ir-riżoluzzjoni tal-kawża] għandu jiġi approvat biss wara li jinkiseb il-kunsens tal-partijiet kollha [fil-proċedura].”

14

L-Artikolu 384 tan-NPK, intitolat “Deċiżjoni dwar ftehim konkluż ma’ wħud mill-akkużati jew għal xi wieħed mir-reati”, jipprevedi:

“(1)   Meta, wara l-ftuħ tal-proċedura ġudizzjarja, iżda qabel il-konklużjoni tal-fażi ġudizzjarji istruttorja, jiġi konkluż ftehim ma’ wieħed mill-akkużati jew għal wieħed mir-reati, il-qorti għandha tissospendi l-proċedura.

(2)   Kulleġġ ieħor tal-qorti għandu jiddeċiedi dwar il-ftehim konkluż […].

(3)   Il-kulleġġ ġudikanti msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkompli bl-eżami tal-kawża wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ftehim.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

Fil‑25 ta’ Marzu 2020, l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija), beda quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, proċeduri kriminali kontra 41 persuna, fosthom SD u PT, talli kienu mexxew u/jew ipparteċipaw f’attivitajiet ta’ grupp kriminali organizzat intiż għad-distribuzzjoni ta’ drogi għal finijiet ta’ arrikkiment. PT huwa akkużat b’parteċipazzjoni f’dan il-grupp kriminali u għall-pussess ta’ narkotiċi għall-finijiet ta’ traffikar, abbażi tal-Artikolu 321(2) u l-punt 2 tal-Artikolu 321(3) u tal-Artikolu 354a(1) tan-NK.

16

Fid‑19 ta’ Awwissu 2020, il-kawża ntbagħtet lura quddiem l-iSpetsializirana (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat) sabiex jiġu rrimedjati difetti proċedurali li jivvizzjaw l-att ta’ akkuża.

17

Fis‑26 ta’ Awwissu 2020, matul il-fażi preliminari tal-proċedura, il-prosekutur pubbliku u l-avukat ta’ SD ikkonkludew ftehim li permezz tiegħu SD kellu jingħata piena inqas ħarxa minn dik prevista mil-liġi, peress li dan l-imputat irrikonoxxa l-ħtija tiegħu fir-rigward tal-akkużi miġjuba kontrih. Dan il-ftehim kien isemmi l-ismijiet sħaħ u n-numru ta’ identità nazzjonali ta’ 40 persuna akkużata oħra, li l-kunsens tagħhom ma ntalabx għall-approvazzjoni tal-imsemmi ftehim. Dan il-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża ġie approvat fl‑1 ta’ Settembru 2020 minn kulleġġ ġudikanti differenti minn dak inizjalment adit bil-kawża.

18

Fit‑28 ta’ Awwissu 2020, l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat) ippreżenta verżjoni kkoreġuta tal-att ta’ akkuża u nbdiet il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura.

19

Fis‑17 ta’ Novembru 2020, il-prosekutur pubbliku u l-avukat ta’ PT ikkonkludew ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża, li permezz tiegħu dan l-imputat, peress li rrikonoxxa l-ħtija tiegħu għall-akkużi li jikkonċernawh, kien ser jiġi suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin, sospiża għal ħames snin. Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C-377/18, EU:C:2019:670), dan il-ftehim ġie emendat b’mod li tneħħew l-ismijiet u n-numru nazzjonali ta’ identità tal-imputati l-oħra. Il-verżjoni kkoreġuta tal-imsemmi ftehim tibqa’ ddatata s‑17 ta’ Novembru 2020.

20

Fit‑18 ta’ Jannar 2021, il-qorti tar-rinviju, konformement mal-Artikolu 384 tan-NPK, bagħtet il-ftehim tas‑17 ta’ Novembru 2020 lill-President ta’ din il-qorti sabiex jinħatar kulleġġ ġudikanti ieħor sabiex jiddeċiedi dwar dan il-ftehim. Fil‑21 ta’ Jannar 2021, il-kulleġġ ġudikanti maħtur, skont l-Artikolu 384 tan-NPK, sabiex jiddeċiedi dwar dan il-ftehim irrifjuta li japprovah, minħabba li ċerti imputati ma kinux taw il-kunsens tagħhom, li kien meħtieġ skont l-Artikolu 384(3) tan-NPK.

21

Fl‑10 ta’ Mejju 2022, il-prosekutur u l-avukat ta’ PT mill-ġdid ikkonkludew ftehim ġdid ta’ riżoluzzjoni tal-kawża, b’kontenut identiku, u talbu lill-kulleġġ ġudikanti adit mill-kawża jiddeċiedi dwar dan il-ftehim mingħajr ma ntalab il-kunsens tal-persuni imputati l-oħra.

22

Fit‑18 ta’ Mejju 2022, il-kulleġġ ġudikanti maħtur skont l-Artikolu 384a tan-NPK irrifjuta li japprova l-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża imsemmi fil-punt preċedenti, għar-raġuni li din l-approvazzjoni kienet teħtieġ il-kunsens tad‑39 imputat ieħor, konformement mal-Artikolu 384(3) tan-NPK.

23

B’konsegwenza ta’ dan ir-rifjut, il-prosekutur, PT u l-avukat tiegħu, fl-istess jum, kkonfermaw, fl-istess jum, li xtaqu jikkonkludu ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża u li tkun il-qorti li quddiemha ġew prodotti l-provi kollha li għandha tapprova dan il-ftehim, mingħajr ma jintalab il-kunsens tal-imputati l-oħra. Madankollu, il-prosekutur wera d-dubji tiegħu dwar l-imparzjalità tal-qorti tar-rinviju sabiex tkompli l-proċedura fir-rigward tal-imputati l-oħra jekk huwa kellu japprova l-imsemmi ftehim. PT, min-naħa tiegħu, sostna l-impossibbiltà tiegħu li jikkonkludi tali ftehim twassal għal ksur tad-drittijiet mogħtija lilu mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

24

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kawża mressqa quddiemha tikkonċerna reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841 u, għalhekk, tal-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Peress li, fil-fehma tagħha, skont b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, dawn ir-reati għandhom ikunu s-suġġett ta’ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, il-proċeduri kriminali li permezz tagħhom dawn id-dispożizzjonijiet huma applikati huma suġġetti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mill-ewwel u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, din il-qorti tqis li l-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża jikkostitwixxu “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 384 tan-NPK mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra diversi persuni, din id-dispożizzjoni tad-dritt Bulgaru teżiġi li kulleġġ ġudikanti differenti minn dak adit bil-kawża għandu jinħatar sabiex jiddeċiedi dwar il-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża konkluż minn wieħed mill-imputati matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura. Din il-qorti tispjega li l-Artikolu 384 tan-NPK għandu l-għan li jippermetti lill-kulleġġ ġudikanti adit bil-kawża fuq il-mertu li jkompli l-proċedura kontra l-imputati l-oħra, mingħajr riskju li jitlef l-oġġettività u l-imparzjalità tiegħu. L-imsemmija qorti tqis, madankollu, li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkiser jekk il-provi miġbura quddiem il-kulleġġ ġudikanti inizjalment adit bil-kawża kellhom jiġu evalwati minn kulleġġ ġudikanti ieħor.

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 384(3) tan-NPK mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll mal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta, minħabba li, meta ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża jiġi konkluż minn wieħed mill-imputati matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra diversi persuni, din id-dispożizzjoni tad-dritt Bulgaru teżiġi l-kunsens unanimu tal-imputati l-oħra sabiex tali ftehim ikun jista’ jiġi approvat, li ma huwiex il-każ matul il-fażi preliminari ta’ tali proċeduri.

27

Skont il-qorti tar-rinviju, bil-konklużjoni u bl-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża, l-imputat jikseb ir-riżultat finali li huwa jfittex, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ sanzjoni inqas ħarxa minn dik li kienet tiġi imposta fuqu li kieku din il-kawża kienet ġiet ittrattata fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ kunsens unanimu tal-imputati l-oħra jippreġudika n-natura ekwa tal-proċeduri, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u jirrestrinġi wkoll l-aċċess għal “rimedju ġudizzjarju”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 52 tal-Karta.

28

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li hija tapprova l-ftehim li jikkonċerna lil PT, hijiex marbuta, konformement mad-digriet tat‑28 ta’ Mejju 2020, UL u VM (C‑709/18, EU:C:2020:411), li tirrinunzja milli teżamina l-akkużi mressqa kontra l-imputati l-oħra, sabiex tiggarantilhom id-dritt tagħhom għal qorti imparzjali, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

29

Din il-qorti tirrileva li r-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domandi tagħha ser jippermettulha, essenzjalment, tiddetermina jekk hija tistax, jew saħansitra għandhiex tapprova hija stess, kif mitlub minn PT, il-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża konkluż minnu, u dan mingħajr il-kunsens tal-imputati l-oħra.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-kuntest ta’ kawża kriminali dwar akkuża abbażi ta’ fatti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, liġi nazzjonali li teżiġi li għandha tkun qorti differenti minn dik adita bil-kawża u li quddiemha jkunu ġew prodotti l-provi kollha li teżamina, fuq il-mertu, ftehim konkluż bejn il-prosekutur u akkużat, f’sitwazzjoni fejn il-bażi għal dan ir-rekwiżit hija l-preżenza ta’ akkużati oħra li ma kkonkludewx tali ftehim, hija konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […]?

2)

Liġi nazzjonali li tipprevedi li ftehim li jagħlaq il-proċedura kriminali jista’ jiġi approvat biss wara li jingħata l-kunsens mill-akkużati l-oħra kollha u mill-avukati tagħhom hija konformi mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas [2004/757], mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas [2008/841], mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 52 tal-Karta […], moqri flimkien mal-Artikolu 47 tagħha?

3)

Huwa meħtieġ, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […], li qorti, wara li tkun eżaminat u approvat ftehim, tirrikuża ruħha mill-eżami tal-akkużat mressqa kontra l-akkużati l-oħra f’sitwazzjoni fejn din il-qorti tkun tat deċiżjoni dwar dan il-ftehim b’mod li ma jimplika ebda osservazzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-att u b’mod li ma tkunx ħadet pożizzjoni dwar il-ħtija tagħhom?”

31

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, ir-Repubblika tal-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) kienet ġiet xolta u ċerti kawżi kriminali miġjuba quddiem din l-aħħar qorti, fosthom il-kawża prinċipali, kienu ġew ittrasferiti lilha sa minn dik id-data.

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja

32

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 42, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 29).

Fuq l‑applikabbiltà tal‑Karta

33

L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 51 tal-Karta, jispeċifika li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-karta ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti mit-Trattati.

34

Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonfermaw il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom. Konsegwentement, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punti 3031 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Il-kunċett ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-qrubija tas-suġġetti msemmija jew l-effetti diretti ta’ suġġett fuq ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24, u tad‑29 ta’ Lulju 2024, protectus, C‑185/23, EU:C:2024:657, punt 42).

36

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonkludiet li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni ma kinux applikabbli fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-qasam ikkonċernat ma kienu jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 26, kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35).

37

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, kif issostni l-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Bulgara li tirregola l-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża timplimentax id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u jekk, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Karta li huma s-suġġett tal-ewwel u tat-tieni domanda.

38

Fl-ewwel lok, sa fejn din il-qorti tqis li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tal-istess deċiżjoni qafas, u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jinsabu f’atti adottati abbażi tal-Artikolu 31(1) UE, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew imtennija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 83(1) TFUE. Dan l-Artikolu 4(1) u dan l-Artikolu 3 jinkludu dispożizzjonijiet minimi dwar is-sanzjonijiet applikabbli għar-reati fl-oqsma tal-kriminalità koperti mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet qafas, jiġifieri t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata.

39

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-implimentazzjoni tagħhom timplika li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi li jaqgħu taħt id-dritt kriminali sostantiv, bħall-Artikolu 321 u l-Artikolu 354a(1) tan-NK. Min-naħa l-oħra, fil-qasam tad-dritt kriminali proċedurali, li taħtu jaqgħu, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru applikabbli għall-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 384(3) u l-Artikolu 384a tan-NPK, ebda att leġiżlattiv tal-Unjoni li għandu bħala suġġett dan it-tip ta’ ftehimiet ma ġie adottat abbażi tal-Artikolu 31 UE jew tal-Artikolu 82 TFUE, li jiddefinixxi l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt kriminali proċedurali.

40

Minn dan isegwi li r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali sostantiv tal-Unjoni msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza u d-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali kriminali Bulgaru li jirregolaw il-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn mill-qrubija jew mill-effetti indiretti ta’ dawn tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fattur ta’ konnessjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi stabbilit bejniethom.

41

Fit-tieni lok, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757 u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, intitolati “Ċirkostanzi partikolari” u “Ċirkostanzi speċjali”, jillimitaw ruħhom li jipprevedu li l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-pieni previsti minn dawn id-deċiżjonijiet qafas ikunu jistgħu jitnaqqsu meta l-awtur tar-reat jirrinunzja għall-attivitajiet kriminali tiegħu fl-oqsma koperti mill-imsemmija deċiżjonijiet qafas u jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji informazzjoni, li huma ma kinux ikunu jistgħu jiksbu mod ieħor, jgħinuhom, b’mod partikolari, jidentifikaw jew iressqu quddiem qorti l-awturi l-oħra tal-ksur jew isibu provi. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni la jippreċiżaw il-modalitajiet u lanqas il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża u lanqas ma jimponu fuq l-Istati Membri li jilleġiżlaw f’dan il-qasam, kuntrarjament għal dak li teżiġi l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita rabta ta’ konnessjoni bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u dawk li jirregolaw il-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża fid-dritt Bulgaru.

42

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tan-NPK dwar il-konklużjoni u l-approvazzjoni ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża, b’mod partikolari l-Artikolu 384(3) tan-NPK u l-Artikolu 384 tan-NPK, ma jikkostitwixxux “implimentazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841.

43

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, u l-Artikolu 52 tal-Karta.

Fuq l‑applikabbiltà tat‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

44

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. B’hekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement minn jekk l-Istati Membri humiex qegħdin jimplimentaw dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Dan huwa l-każ tal-qorti tar-rinviju, li hija mitluba, f’dan il-każ, tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757 u 2008/841 li ġew trasposti permezz tad-dispożizzjonijiet tan-NK, b’tali mod li din il-qorti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE f’din il-kawża.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

49

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tattribwixxi lil kulleġġ ġudikanti ad hoc, u mhux lil dak inkarigat mill-kawża, il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fuq ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża konkluż minn imputat matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċeduri kriminali, meta imputati oħra huwa wkoll akkużati wkoll fil-kuntest tal-istess proċedura.

50

Għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari, l-istabbiliment, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-Istati, dawn xorta huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit, b’mod partikolari, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha, għalhekk, tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punti 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Barra minn hekk, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet li jinsabu fil-Karta għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB. Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, dan ma jipprekludix lid-dritt tal-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni iktar estensiva. Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti f’din il-kawża tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punti 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Kull Stat Membru għandu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma msejħa, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik tal-indipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 220224, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punti 47).

54

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u mingħajr ebda kundizzjoni, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati mitluba biex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, igawdi minn effett dirett li jimplika li titħalla mhux applikata kwalunkwe dispożizzjoni, ġurisprudenza jew prassi nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi rabta ġerarkika jew suġġetta għal xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet. It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jfittex id-distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aħħar aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u n-nuqqas ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima apparti l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punti 5051 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-prosekutur informa lill-qorti tar-rinviju bid-dubji tiegħu dwar l-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti responsabbli għall-kawża prinċipali sabiex ikompli l-proċedura li tikkonċerna lill-imputati l-oħra, jekk hija kellhiex tapprova l-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża li tikkonċerna lil PT.

57

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta, bħal f’dan il-każ, diversi persuni jiġu akkużati minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istess grupp kriminali organizzat u meta waħda minnhom tikkonkludi, matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura, ftehim li fih hija tirrikonoxxi l-ħtija tagħha, il-ħatra ta’ kulleġġ ġudikanti ad hoc sabiex jiddeċiedi dwar dan il-ftehim tikkostitwixxi miżura ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sabiex jiżguraw, jew saħansitra jsaħħu, l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti li jkun ser jiġġudika l-imputati li ma ammettewx il-ħtija tagħhom, rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

58

Fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Novembru 2021, Mucha vs Is‑Slovakkja (CE:ECHR:2021:1125JUD006370319, punti 62 sa 64 u 66), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’hekk ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ imparzjalità u l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, f’sitwazzjoni fejn l-istess kulleġġ ġudikanti ddeċieda, l-ewwel nett, dwar il-ftehimiet ta’ ammissjoni ta’ ħtija fir-rigward ta’ tmien persuni akkużati sabiex jipparteċipaw fi grupp kriminali u, sussegwentement, dwar il-fondatezza tal-akkuża miġjuba kontra persuna akkużata oħra għal parteċipazzjoni fl-istess grupp kriminali, peress li s-sentenzi li japprovaw dawn il-ftehimiet kienu jinkludu riferiment speċifiku u individwali għall-fatti li bihom ġiet akkużata din l-aħħar persuna u kienet, għalhekk, kisret id-dritt tagħha li tiġi preżunta innoċenti sakemm il-ħtija tagħha tkun ġiet stabbilita legalment. Din il-qorti kkonkludiet li d-dubji dwar l-imparzjalità tal-imsemmi kulleġġ ġudikanti kienu oġġettivament iġġustifikati.

59

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li fiha huma akkużati diversi persuni, il-ħatra ta’ kulleġġ ġudikanti ad hoc sabiex jiddeċiedi dwar ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża tista’ tikser il-prinċipju ta’ immedjatezza tal-proċedura kriminali.

60

Dan il-prinċipju jimplika li dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat għandhom, bħala prinċipju, jisimgħu lix-xhieda personalment u jevalwaw il-kredibbiltà tagħhom, meta wieħed mill-elementi importanti ta’ smigħ kriminali xieraq huwa l-possibbiltà għall-akkużat li jikkonfronta x-xhieda fil-preżenza tal-imħallef li, fl-aħħar mill-aħħar, jiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punti 4243).

61

F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ħatra ta’ kulleġġ ġudikanti ad hoc sabiex jiddeċiedi dwar ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-prinċipju ta’ immedjatezza tal-proċedura kriminali. Fil-fatt, peress li l-imputat għażel li jirrikonoxxi l-ħtija tiegħu, b’mod volontarju u b’għarfien perfett tal-fatti li huwa akkużat bihom kif ukoll tal-effetti legali marbuta ma’ din l-għażla, jirrinunzja, kif jirriżulta mill-Artikolu 381(6) tan-NPK, “li l-kawża tagħha tiġi deċiża skont il-proċedura ordinarja” u għal ċerti drittijiet li jirriżultaw minnha.

62

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tattribwixxi lil kulleġġ ġudikanti ad hoc, u mhux lil dak inkarigat mill-kawża, il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fuq ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża konkluż minn imputat u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċeduri kriminali, meta imputati oħra huwa wkoll akkużati wkoll fil-kuntest tal-istess proċedura.

Fuq it‑tieni domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

63

Il-Kummissjoni ssostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari dwar it-tieni domanda, sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, hija “lakonika ħafna” u ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

64

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 61).

65

Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari sservi ta’ bażi għall-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din it-talba, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rabta li din tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha. Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Kontroll fiskali), C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesponi, b’mod suffiċjenti, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u tirreferi, b’mod iddettaljat, għad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli. Hija tindika wkoll ir-raġunijiet li għalihom hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà, b’mod partikolari, tal-Artikolu 384(3) tan-NPK mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Din il-qorti tqis, fil-fatt, li r-rekwiżit ta’ kunsens tal-imputati l-oħra kollha għall-approvazzjoni ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża konkluż minn wieħed minn dawn l-imputati, matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċedura kriminali mibdija kontra diversi persuni, jirrestrinġi “indebitament” ir-“rimedju ġudizzjarju” li, fil-fehma tagħha, tali ftehim jikkostitwixxi għal dan l-imputat, sa fejn, bil-konklużjoni u bl-approvazzjoni ta’ dan il-ftehim, l-imsemmi imputat “jikseb ir-riżultat finali li huwa jfittex, jiġifieri li tiġi imposta fuqu sanzjoni iktar ħafifa minn dik li kienet tiġi imposta fuqu li kieku l-kawża kienet ġiet ittrattata fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja”. Dejjem skont din il-qorti, tali restrizzjoni tista’ tippreġudika l-“ekwità tal-proċedura”.

67

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din id-domanda preliminari tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura u, għaldaqstant, hija ammissibbli, sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

Fuq il‑mertu

68

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fi proċeduri kriminali mibdija kontra diversi persuni minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istess grupp kriminali organizzat, tissuġġetta l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża, konkluż minn wieħed mill-imputati u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura, għall-kunsens tal-imputati l-oħra kollha.

69

Kif tesponi l-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, tali rekwiżit “jaqdi l-interess ta’ wħud mill-[imputati] l-oħra li kontra tagħhom PT jista’ jixhed bħala xhud wara l-approvazzjoni tal-ftehim li jikkonċernah”. Barra minn hekk, din il-qorti ppreċiżat, b’risposta għal talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, indirizzata skont l-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li l-qorti inkarigata li tiddeċiedi lill-imputati l-oħra “hija marbuta” bil-kontenut tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża konkluż minn wieħed mill-imputati.

70

F’din il-perspettiva, ir-rekwiżit ta’ kunsens tal-imputati l-oħra jaqa’ taħt id-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Issa, ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jifformaw parti integrali mill-prinċipju fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, bħall-kunċett ta’ “smigħ xieraq”, imsemmi fl-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 203).

71

Dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jinkiser jekk deċiżjoni ġudizzjarja tiġi bbażata fuq fatti jew dokumenti li l-partijiet, jew waħda minnhom, ma setgħux jieħdu inkunsiderazzjoni u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, p. 156, kif ukoll tas‑17 ta’ Novembru 2022, Harman International Industries, C‑175/21, EU:C:2022:895, punt 63). Barra minn hekk, il-prinċipji ta’ smigħ xieraq jeżiġu li, fil-każijiet xierqa, l-interessi tad-difiża jiġu bbilanċjati ma’ dawk tax-xhieda jew tal-vittmi msejħa sabiex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 41).

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 384(3) tan-NPK, li l-għan tagħhom huwa li jiggarantixxu dawn id-drittijiet fil-konfront tal-imputati li, peress li ma rrikonoxxewx il-ħtija tagħhom, għandhom jiġu ġġudikati matul proċedura kriminali sussegwenti, fid-dawl mhux biss tal-informazzjoni li tikkonċernahom li tista’ tinsab fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża konkluż mill-imputat li rrikonoxxa l-ħtija tiegħu, iżda wkoll tad-dikjarazzjonijiet li dan jista’ jagħmel, bħala xhud, quddiem il-kulleġġ ġudikanti li jiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-imputati l-oħra.

73

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, hemm lok li t-tieni domanda tingħata risposta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) TUE għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fi proċeduri kriminali mibdija kontra diversi imputati minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istess grupp kriminali organizzat, tissuġġetta l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża, konkluż minn wieħed mill-imputati u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura, għall-kunsens tal-imputati l-oħra kollha.

Fuq it‑tielet domanda

74

Kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tielet domanda peress li din tirrigwarda esklużivament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta.

Fuq l‑ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tattribwixxi lil kulleġġ ġudikanti ad hoc, u mhux lil dak inkarigat mill-kawża, il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fuq ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża konkluż minn imputat u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku matul il-fażi ġudizzjarja ta’ proċeduri kriminali, meta imputati oħra huwa wkoll akkużati wkoll fil-kuntest tal-istess proċedura.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fi proċeduri kriminali mibdija kontra diversi imputati minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istess grupp kriminali organizzat, tissuġġetta l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni tal-kawża, konkluż minn wieħed mill-imputati u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku matul il-fażi ġudizzjarja ta’ din il-proċedura, għall-kunsens tal-imputati l-oħra kollha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.