SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
30 ta’ Jannar 2024 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet tal-ġlieda kontra r-reati kriminali – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 4(1)(c) u (e) – Minimizzazzjoni tad-data – Limitazzjoni taż-żamma – Artikolu 5 – Termini xierqa għat-tħassir jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa taż-żamma – Artikolu 10 – Ipproċessar ta’ data bijometrika u ta’ data ġenetika – Neċessità assoluta – Artikolu 16(2) u (3) – Dritt għat-tħassir – Limitazzjoni tal-ipproċessar – Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Persuna fiżika li tkun ġiet ikkundannata b’sentenza definittiva u sussegwentement irriabilitata – Terminu ta’ żamma tad-data sal-mewt – Assenza ta’ dritt għat-tħassir jew għal-limitazzjoni tal-ipproċessar – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑118/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Frar 2022, fil-proċedura
NG
vs
Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti – Sofia
fil-preżenza ta’:
Varhovna administrativna prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, N. Piçarra u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Frar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal NG, minn P. Kuyumdzhiev, advokat |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva, T. Mitova u E. Petranova, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn A. Hanje, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, D. Łukowiak u J. Sawicka, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, C. Georgieva, H. Kranenborg u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), moqri flimkien mal-Artikolu 13(2)(b) u (3) ta’ din id-direttiva. |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn NG u d-Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti – Sofija (direttur tad-Direttorat Ġenerali “Pulizija nazzjonali” fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“DĠPN”) fir-rigward taċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tat-talba ta’ NG biex jitneħħa mir-reġistru nazzjonali li fih l-awtoritajiet tal-pulizija Bulgari jdaħħlu lill-persuni li kontrihom hemm proċeduri għal reat kriminali intenzjonali li jaqa’ taħt l-azzjoni pubblika (iktar ’il quddiem ir-“reġistru tal-pulizija”), liema talba hija bbażata fuq ir-riabilitazzjoni li minnha din il-persuna bbenefikat wara li kienet suġġetta għal kundanna kriminali definittiva. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 11, 14, 26, 27, 37, 47 u 104 tad-Direttiva 2016/680 jiddikjaraw:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1). […] 3. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali:
[…]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680 intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun: […] (c) adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata; […] (e) miżmuma b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li tiġi pproċessata; […]” |
|
8 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Limiti ta’ żmien għall-ħażna [għaż-żamma] u għar-rieżami”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien għat-tħassir ta’ data personali jew għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa li tinħażen [tinżamm] id-data personali. Miżuri proċedurali għandhom jiżguraw li dawk il-limiti ta’ żmien jiġu osservati.” |
|
9 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, huwa redatt kif ġej: “L-ipproċessar ta’ data […] ġenetika [u] ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika […] għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data […]” |
|
10 |
L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, bil-liġi, li l-kontrollur jagħti lis-suġġett tad-data, f’każijiet speċifiċi, l-informazzjoni ulterjuri elenkata f’dan il-paragrafu 2 sabiex dan is-suġġett tad-data jkun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Fost din l-informazzjoni ulterjuri hemm, b’mod partikolari, fil-punt (b) tal-imsemmi paragrafu 2, it-tul ta’ żamma tad-data personali, jew, fejn ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dan it-tul. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2016/680 jindika r-raġunijiet għalfejn l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi li jittardjaw jew li jillimitaw il-provvista tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jew li ma jipprovdulux din l-informazzjoni. |
|
11 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”, jipprovdi: “Soġġett għall-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi pproċessata, u, fejn dak hu l-każ, aċċess għal tali data personali u għall-informazzjoni li ġejja: […]
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali u restrizzjoni fuq l-ipproċessar”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-kontrollur li jħassar data personali mingħajr dewmien bla bżonn u jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien bla bżonn meta l-ipproċessar jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 4, 8 jew 10, jew meta d-data personali jkollha titħassar f’konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett. 3. Minflok it-tħassir, il-kontrollur għandu jillimita l-ippproċessar meta:
[…]” |
|
13 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni tad-data b’mod intenzjonat u b’mod awtomatiku”, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiġu żgurati l-ħtiġijiet tal-istess direttiva u jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data u, b’mod partikolari, li jiggarantixxu li, b’mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss id-data personali li tkun meħtieġa fir-rigward ta’ kull fini speċifiku. |
|
14 |
L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Sigurtà tal-ipproċessar”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur u l-proċessur, b’kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta’ probabbiltà u gravità diversa għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sabiex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 10.” |
Id-dritt Bulgaru
Il-Kodiċi Kriminali
|
15 |
L-Artikolu 82(1) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali, DV no 26, tat-2 ta’ April 1968), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi: “Il-piena imposta ma tiġix eżegwita jekk ikunu ddekorrew: 1. għoxrin sena, jekk il-piena hija għomor priġunerija mingħajr il-possibbiltà ta’ kommutazzjoni jew għomor priġunerija; 2. ħmistaxil‑il sena, jekk il-piena inkorsa hija priġunerija ta’ iktar minn għaxar snin; 3. għaxar snin, jekk il-piena hija priġunerija minn tlieta għal għaxar snin; 4. ħames snin jekk il-piena hija inferjuri għal tliet snin priġunerija, u 5. sentejn, għall-każijiet l-oħra kollha.” |
|
16 |
L-Artikolu 85(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “Ir-riabilitazzjoni tħassar il-kundanna u tabroga għall-futur l-effetti li l-liġijiet jorbtu mal-kundanna nnifisha, sakemm ma jiġix dispost mod ieħor minn liġi jew digriet.” |
|
17 |
L-Artikolu 88a tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej: “Meta terminu ugwali għal dak imsemmi fl-Artikolu 82(1) ikun iddekorra minn meta l-piena tkun ġiet skontata u l-persuna kkundannata ma tkunx wettqet reat kriminali intenzjonali ġdid li jaqa’ taħt l-azzjoni pubblika punibbli b’piena ta’ priġunerija, il-kundanna u l-konsegwenzi tagħha jitħassru minkejja kull dispożizzjoni prevista minn liġi oħra jew digriet ieħor.” |
Il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern
|
18 |
L-Artikolu 26 taż-Zakon za Ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, DV Nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern”) jipprovdi: “(1) Meta jipproċessaw data personali b’rabta mal-attivitajiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, ta’ żamma tal-ordni pubbliku u ta’ tmexxija ta’ proċeduri kriminali, l-awtoritajiet tal-Ministeru għall-Intern: […]
[…] (2) It-termini għaż-żamma tad-data msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-verifika perjodika tal-ħtieġa għall-ħażna [għaż-żamma] tad-data għandhom jiġu ffissati mill-Ministru għall-Intern. Din id-data għandha titħassar ukoll bis-saħħa ta’ att ġudizzjarju jew deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali.” |
|
19 |
Skont l-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern: “Id-data li tirriżulta mir-reġistrazzjoni tal-persuni fir-reġistru tal-pulizija li ssir fuq il-bażi tal-Artikolu 68 tintuża biss għal skopijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ta’ ġlieda kontra l-kriminalità u ta’ żamma tal-ordni pubbliku.” |
|
20 |
L-Artikolu 68 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “(1) L-awtoritajiet tal-pulizija għandhom jirreġistraw fir-reġistru tal-pulizija lill-persuni li jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali minħabba reat intenzjonat suġġett għal azzjoni pubblika. L-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fir-reġistru mill-awtoritajiet tal-pulizija. (2) Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija hija tip ta’ pproċessar ta’ data personali tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li sseħħ fil-kuntest ta’ din il-liġi. (3) Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija, l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom:
[…] (6) Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija għandha titħassar fuq il-bażi ta’ ordni bil-miktub tal-kontrollur ta’ data personali jew tal-uffiċjali awtorizzati minnu, ex officio jew wara talba bil-miktub u motivata tal-persuna rreġistrata, meta:
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
21 |
NG ġie rreġistrat fir-reġistru tal-pulizija, konformement mal-Artikolu 68 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, fil-kuntest ta’ proċedura istruttorja minħabba xhieda falza, reat kriminali previst fl-Artikolu 290(1) tal-Kodiċi Kriminali. Wara li ntemmet din il-proċedura istruttorja, NG tqiegħed taħt akkuża u, permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, ġie misjub ħati b’dan ir-reat u kkundannat għal piena ta’ probation għal sena. Wara li skonta din il-piena, NG bbenefika, b’applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 82(1) u tal-Artikolu 88a tal-Kodiċi Kriminali, minn riabilitazzjoni, li seħħet fl‑14 ta’ Marzu 2020. |
|
22 |
Fil‑15 ta’ Lulju 2020, fuq il-bażi ta’ din ir-riabilitazzjoni, NG ressaq talba għat-tħassir ta’ din ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija mal-amministrazzjoni territorjali kompetenti tal-Ministeru għall-Intern. |
|
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2020, id-DĠPN ċaħad din it-talba, billi qies li kundanna kriminali definittiva ma tagħmilx parti mill-motivi għat-tħassir tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija, elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 68(6) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern. |
|
24 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2021, l-Administrativen sad Sofia grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn NG kontra din id-deċiżjoni tad-DĠPN għal raġunijiet, essenzjalment, analogi għal dawk ikkunsidrati minn dan tal-aħħar. |
|
25 |
NG ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija). L-aggravju prinċipali huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju, li jirriżulta mill-Artikoli 5, 13 u 14 tad-Direttiva 2016/680, li skontu l-ipproċessar ta’ data personali permezz taż-żamma tagħha ma jistax ikun għal żmien illimitat. Issa, skont NG, essenzjalment, dan huwa de facto l-każ meta, fl-assenza ta’ raġuni għal tneħħija mir-reġistru tal-pulizija applikabbli għall-ipoteżi ta’ riabilitazzjoni, is-suġġett tad-data ma jista’ qatt jikseb it-tħassir tad-data personali tiegħu miġbura b’rabta mar-reat kriminali li għalih huwa ġie kkundannat b’mod definittiv, wara li jkun skonta l-piena tiegħu u jkun ibbenefika minn tali riabilitazzjoni. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-pulizija huwa pproċessar ta’ data personali mwettaq għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u għaldaqstant jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
|
27 |
Fit-tieni lok, hija tindika li r-riabilitazzjoni ma tagħmilx parti mir-raġunijiet għal tħassir mir-reġistru tal-pulizija, elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 68(6) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, u li ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma hija applikabbli fil-każ inkwistjoni, fejn għalhekk huwa impossibbli, għas-suġġett tad-data, li jinkiseb it-tħassir tar-reġistrazzjoni tiegħu f’dan ir-reġistru f’tali ipoteżi. |
|
28 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680 tirreferi għal garanziji biex id-data miġbura ma tkunx eċċessiva, u lanqas ma tiġi miżmuma għal tul li jeċċedi dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata u tiddikjara li l-kontrollur għandu jiffissa termini bil-għan tat-tħassir tagħha jew għandu jiffissa eżami perjodiku. Barra minn hekk, mill-premessa 34 ta’ din id-direttiva hija tiddeduċi li l-ipproċessar għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tagħha kellu jinkludi operazzjonijiet sabiex din id-data tiġi limitata, mħassra jew meqruda. Fil-fehma tagħha, dawn il-prinċipji huma riflessi fl-Artikolu 5 kif ukoll fl-Artikolu 13(2) u (3) tal-imsemmija direttiva. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għanijiet iddikjarati fil-punt preċedenti jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal, għall-awtoritajiet kompetenti, għal “dritt kważi illimitat” għall-ipproċessar ta’ data għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 u, għas-suġġett tad-data, għat-telf tad-dritt tiegħu għal-limitazzjoni tal-ipproċessar jew għat-tħassir tad-data tiegħu. |
|
30 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2016/680], ikkunsidrat mal-Artikolu 13(2)(b) u (3) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jwasslu għal dritt prattikament mingħajr limiti għall-ipproċessar ta’ data personali mill-korpi kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali u/jew għar-rinunzja mis-suġġett tad-data tad-dritt tiegħu għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, għat-tħassir jew għall-qerda tad-data tiegħu?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
31 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fid-domanda tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo,C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan il-każ, id-domanda tal-qorti tar-rinviju toriġina mill-fatt li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Bulgaru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ebda waħda mir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tħassir tad-data personali li tinsab fir-reġistru tal-pulizija, elenkati b’mod limitat mil-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, ma hija applikabbli fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna ġiet definittivament ikkundannata, bil-konsegwenza li din id-data tinżamm f’dan ir-reġistru u tista’ tiġi pproċessata mill-awtoritajiet li għandhom aċċess għaliha mingħajr ebda limitazzjoni ta’ terminu ta’ żmien minbarra l-mewt tal-imsemmija persuna. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, mid-deċiżjoni ta’ rinviju, b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet spjegati fil-qosor fil-punt 27 ta’ din is-sentenza u mill-kliem tad-domanda preliminari nnifisha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Issa, kif tesponi l-premessa 104 tad-Direttiva 2016/680, il-limitazzjonijiet magħmula minn din id-direttiva għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, previst fl-Artikolu 8 tal-Karta, kif ukoll għad-drittijiet għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, protetti rispettivament mill-Artikoli 7 u 47 ta’ din il-karta, għandhom jiġu interpretati konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tagħha, li jinkludu l-osservanza ta’ dan il-prinċipju. |
|
34 |
Sussegwentement, fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, ġustament, għall-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, dwar it-termini xierqa għat-tħassir tad-data personali jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa li din id-data tinżamm. Peress li l-imsemmi Artikolu 5 għandu rabtiet stretti kemm mal-Artikolu 4(1)(c) u (e) tal-istess direttiva kif ukoll mal-Artikolu 16(2) u (3) tagħha, jeħtieġ li d-domanda preliminari tinftiehem fis-sens li tirrigwarda dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ukoll. |
|
35 |
Bl-istess mod, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi ż-żamma, b’mod partikolari, ta’ data bijometrika u ġenetika, li taqa’ taħt il-kategoriji partikolari ta’ data personali li l-ipproċessar tagħha huwa rregolat speċifikament mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li d-domanda magħmula tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
36 |
Fl-aħħar nett, ir-rilevanza ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/680 tirriżulta b’mod ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari biss għal dak li jikkonċerna l-paragrafu 2(b) tiegħu. Huwa minnu, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, li l-paragrafu 3 tiegħu jirrifletti wkoll il-prinċipji ddikjarati, b’mod partikolari, fil-premessa 26 ta’ din id-direttiva. Madankollu, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li fil-kawża prinċipali tinsab ukoll inkwistjoni miżura leġiżlattiva intiża li ddewwem jew li tillimita l-provvista ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data, fis-sens ta’ dan il-paragrafu 3. |
|
37 |
Fid-dawl tal-punti preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(c) u (e) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 10, l-Artikolu 13(2)(b), kif ukoll l-Artikolu 16(2) u (3) tagħha u fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma, mill-awtoritajiet tal-pulizija, għall-finijiet tal-prevenzjoni u tal-identifikazzjoni tar-reati kriminali, tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni f’dan ir-rigward jew tal-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, ta’ data personali, b’mod partikolari ta’ data bijometrika u ġenetika, li tikkonċerna persuni li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal azzjoni pubblika, u dan sal-mewt tas-suġġett tad-data, inkluż fil-każ ta’ riabilitazzjoni tiegħu, mingħajr ma jiġi rrikonoxxut lilu, barra minn hekk, id-dritt għat-tħassir tal-imsemmija data jew, jekk ikun il-każ, għal-limitazzjoni tal-ipproċessar tagħha. |
|
38 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li d-domanda magħmula tirrigwarda pproċessar ta’ data personali li jirrifletti wħud mill-għanijiet li jaqgħu, konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, mill-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, iċċitat fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li d-data miżmuma fir-reġistru tal-pulizija tista’ tkun suġġetta wkoll għal ipproċessar fil-kuntest tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, fejn, skont l-Artikolu 2(3)(a) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, din id-direttiva ma tapplikax għal tali data. Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tiżgura li ż-żamma tad-data tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tkunx tali li tirrifletti għanijiet li jaqgħu taħt il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, fid-dawl tal-fatt li dan l-Artikolu 2(3)(a) jirrigwarda eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tingħata interpretazzjoni stretta (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li d-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’rabta mal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u jiġu bbilanċjati ma’ drittijiet fundamentali oħra. Kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet fundamentali għandha, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tkun prevista mil-liġi u tosserva l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bis-saħħa ta’ dan l-aħħar prinċipju, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u jekk effettivament ifittxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. Dawn għandhom jiġu applikati fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u l-leġiżlazzjoni li tinvolvi l-limitazzjonijiet inkwistjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Kif tenfasizza, essenzjalment, il-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, dawn ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfatti meta l-għan ta’ interess ġenerali msemmi jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra, li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Fit-tieni lok, qabel kollox, skont l-Artikolu 4(1)(c) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali hija adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva fir-rigward tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata. B’hekk din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, li jartikola l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Għalhekk, b’mod partikolari, il-ġbir ta’ data personali fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u ż-żamma tagħha mill-awtoritajiet tal-pulizija, għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, għandhom, bħal kull ipproċessar li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, josservaw dawn ir-rekwiżiti. Tali żamma tikkostitwixxi, barra minn hekk, indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, indipendentement mill-fatt dwar jekk l-informazzjoni miżmuma hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jekk l-interessi ġarrbux inkonvenjenti eventwali jew le minħabba dan l-indħil, jew ukoll jekk id-data miżmuma tintużax jew le sussegwentement (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Barra minn hekk, fir-rigward, iktar preċiżament, tan-natura proporzjonata tat-tul ta’ żamma tal-imsemmija data, l-Istati Membri għandhom, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680, jipprevedu li din id-data tinżamm taħt forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal tul li ma jeċċedix dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata. |
|
44 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva timponi lill-Istati Membri jipprevedu l-iffissar ta’ termini xierqa għat-tħassir tad-data personali jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa li tali data tinżamm kif ukoll regoli proċedurali li jiggarantixxu l-osservanza ta’ dawn it-termini. |
|
45 |
Kif tiddikjara l-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi li d-data personali ma tiġix, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(e) ta’ din id-direttiva, miżmuma għal iktar milli jkun neċessarju. Ċertament, din tħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jiffissaw termini xierqa għat-tul ta’ żamma u li jiddeċiedu jekk dawn it-termini jikkonċernawx it-tħassir tal-imsemmija data jew il-verifika regolari tal-ħtieġa li din tinżamm, suġġett għall-garanzija tal-osservanza ta’ dawn it-termini minn regoli proċedurali adegwati. Madankollu, in-natura “xierqa” ta’ dawn it-termini tirrikjedi, fi kwalunkwe każ, li, konformement mal-Artikolu 4(1)(c) u (e) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-imsemmija termini jippermettu, jekk ikun il-każ, it-tħassir tad-data kkonċernata fl-ipoteżi fejn iż-żamma tagħha ma tkunx iżjed neċessarja fir-rigward tal-għanijiet li ġġustifikaw l-ipproċessar. |
|
46 |
B’mod partikolari, huwa bil-għan li jippermettu lis-suġġetti tad-data jivverifikaw din in-natura “xierqa” u, jekk ikun il-każ, li jitolbu tali tħassir li l-Artikolu 13(2)(b) u l-Artikolu 14(d) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedu li, bħala prinċipju, dawn il-persuni jistgħu jiġu informati, meta dan ikun possibbli, dwar it-tul taż-żamma tad-data personali li tikkonċernahom jew, meta dan ma jkunx possibbli, dwar il-kriterji użati għad-determinazzjoni ta’ dan it-tul. |
|
47 |
Sussegwentement, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika li tirregola l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali, b’mod partikolari d-data bijometrika u ġenetika. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura protezzjoni addizzjonali tas-suġġett tad-data, sa fejn, minħabba s-sensittività partikolari tagħha u tal-kuntest li fih tiġi pproċessata, id-data inkwistjoni tista’ tikkawża, kif jirriżulta mill-premessa 37 tal-imsemmija direttiva, riskji importanti għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
B’mod iktar partikolari, dan l-Artikolu 10 jiddikjara r-rekwiżit li l-ipproċessar tad-data sensittiva jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ”, li jikkostitwixxi kundizzjoni msaħħa tal-legalità tal-ipproċessar ta’ tali data u jimplika, b’mod partikolari, kontroll partikolarment strett tal-osservanza tal-prinċipju tal-“minimizzazzjoni tad-data”, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, li tagħha dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi applikazzjoni speċifika għall-imsemmija data sensittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punti 117, 122 u 125). |
|
49 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/680 jintroduċi dritt għat-tħassir tad-data personali meta l-ipproċessar jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tal-Artikoli 4, 8 jew 10 ta’ din id-direttiva jew meta din id-data jkollha titħassar biex jiġi osservat obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur. |
|
50 |
Minn dan l-Artikolu 16(2) jirriżulta li dan id-dritt għat-tħassir jista’ jiġi eżerċitat, b’mod partikolari, meta ż-żamma tad-data personali inkwistjoni ma tkunx neċessarja jew ma tkunx iżjed neċessarja fir-rigward tal-għanijiet tal-ipproċessar tagħha, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 4(1)(c) u (e) tal-imsemmija direttiva kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 10 tagħha, jew meta dan it-tħassir ikun meħtieġ biex jiġi osservat it-terminu ffissat, għal dan il-għan, mid-dritt nazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 5 tal-istess direttiva. |
|
51 |
Madankollu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2016/680, id-dritt nazzjonali għandu jipprevedi li l-kontrollur jillimita l-ipproċessar ta’ din id-data minflok ma jipproċedi għat-tħassir tagħha meta, konformement mal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, is-suġġett tad-data jikkontesta l-eżattezza tad-data personali u ma jistax jiġi ddeterminat jekk din id-data hijiex eżatta jew le, jew meta, konformement mal-punt (b) tagħha, id-data personali għandha tinżamm għal finijiet probatorji. |
|
52 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 eżaminati fil-punti 41 sa 51 ta’ din is-sentenza jiffissaw qafas ġenerali li jippermetti li jiġi ggarantit, fost oħrajn, li ż-żamma ta’ data personali u, b’mod iktar partikolari, it-tul taż-żamma tagħha, tkun limitata għal dak li jirriżulta li huwa neċessarju fid-dawl tal-għanijiet li għalihom tinżamm din id-data, filwaqt li jħallu lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw, fl-osservanza ta’ dan il-qafas, is-sitwazzjonijiet konkreti li fihom il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data tirrikjedi t-tħassir ta’ din id-data u l-mument meta dan għandu jseħħ. Min-naħa l-oħra, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux li l-Istati Membri jiddefinixxu limiti ta’ żmien assoluti għaż-żamma tad-data personali, li kif jiddekorru din id-data jkollha titħassar awtomatikament. |
|
53 |
F’dan il-każ, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-data personali li tinsab fir-reġistru tal-pulizija bis-saħħa tal-Artikolu 68 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern għandha tinżamm biss għal finijiet ta’ investigazzjoni operattiva u, b’mod iktar partikolari, bil-għan li tiġi pparagunata ma’ data oħra miġbura waqt investigazzjonijiet dwar reati oħra. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li ż-żamma, f’reġistru tal-pulizija, ta’ data dwar persuni li kienu suġġetti għal kundanna kriminali definittiva tista’ tirriżulta neċessarja għall-finijiet indikati fil-punt preċedenti, anki wara li din il-kundanna titħassar mir-rekords kriminali u li, konsegwentement, l-effetti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali torbot ma’ din il-kundanna jitneħħew. Fil-fatt, dawn il-persuni jistgħu jkunu involuti fil-kuntest ta’ reati kriminali oħra minbarra dawk li għalihom ġew ikkundannati jew, għall-kuntrarju, li ma jinsabux ħatja permezz tal-paragun tad-data miżmuma minn dawn l-awtoritajiet ma’ dik miġbura waqt proċeduri relatati ma’ dawn ir-reati l-oħra. |
|
55 |
B’hekk, tali żamma tista’ tikkontribwixxi għall-għan ta’ interess ġenerali ddikjarat fil-premessa 27 tad-Direttiva 2016/680, li skontha, għall-finijiet tal-prevenzjoni tar-reati kriminali kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, l-awtoritajiet kompetenti għandhom il-ħtieġa li jipproċessaw data personali, miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni u tal-konstatazzjoni ta’ reati kriminali speċifiċi, kif ukoll tal-investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam lil hinn minn dan il-kuntest, sabiex jinkiseb għarfien aħjar tal-attivitajiet kriminali u jiġu stabbiliti rabtiet bejn id-diversi reati kriminali identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 98). |
|
56 |
Fit-tieni lok, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fir-reġistru tal-pulizija hija miżmuma data relatata mas-suġġett tad-data msemmija mil-leġiżlazzjoni Bulgara u li tirrigwarda dokumenti ta’ identità, il-marki tas-swaba’, ir-ritratt tiegħu kif ukoll kampjun għal finijiet ta’ ħolqien ta’ profil tad-DNA li magħhom, kif ikkonferma l-Gvern Bulgaru waqt is-seduta, tingħadd id-data relatata mar-reati kriminali mwettqa mis-suġġett tad-data u l-kundanni tiegħu f’dan ir-rigward. Issa, dawn il-kategoriji differenti ta’ data jistgħu jirriżultaw li huma indispensabbli għall-finijiet tal-verifika dwar jekk is-suġġett tad-data huwiex involut fil-kuntest ta’ reati kriminali oħra minbarra dawk li għalihom irċieva kundanna definittiva. Konsegwentement, bħala prinċipju, din id-data tista’ titqies li hija adegwata u rilevanti fid-dawl tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680. |
|
57 |
Fit-tielet lok, il-proporzjonalità ta’ tali żamma fid-dawl tal-għanijiet tagħha għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa previsti mid-dritt nazzjonali, li huma intiżi li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data miżmuma fir-rigward ta’ pproċessar kuntrarju għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/680, konformement mal-Artikoli 20 u 29 ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari miżuri msemmija fl-Artikolu 20(2) tagħha, li jiggarantixxu li tiġi pproċessata biss id-data personali li tkun neċessarja għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. |
|
58 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tat-tul taż-żamma tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, f’dan il-każ, jirriżulta li huwa biss fil-każ ta’ kundanna definittiva tas-suġġett tad-data għal reat kriminali intenzjonali suġġett għall-azzjoni pubblika li l-imsemmija data tinżamm sal-mewt ta’ din il-persuna, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi t-tneħħija tal-persuni suġġetti għal proċeduri kriminali mir-reġistru għal tali reat kriminali fil-każijiet l-oħra. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li l-kunċett ta’ “reat kriminali intenzjonali suġġett għall-azzjoni pubblika” huwa ta’ natura partikolarment ġenerali u jista’ japplika għal numru kbir ta’ reati kriminali, indipendentement min-natura u l-gravità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 129). |
|
60 |
Issa, kif osserva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-persuni kollha kkundannati b’mod definittiv għal reat kriminali li jaqa’ taħt dan il-kunċett ma jippreżentawx l-istess livell ta’ riskju li jkunu involuti f’reati kriminali oħra u li jiġġustifika tul uniformi ta’ żamma tad-data li tikkonċernahom. B’hekk, f’ċerti każijiet, fid-dawl tal-fatturi bħan-natura u l-gravità tal-ksur imwettaq jew fl-assenza ta’ reċidiva, ir-riskju rrappreżentat mill-persuna kkundannata ma jiġġustifikax neċessarjament iż-żamma sal-mewt tagħha tad-data li tikkonċernaha fir-reġistru nazzjonali tal-pulizija previst għal dan il-għan. F’tali każijiet inkwistjoni, ma jkunx jeżisti iżjed in-ness neċessarju bejn id-data miżmuma u l-għan li għandu jintlaħaq (ara, b’analoġija, l-opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 205). Għalhekk, iż-żamma tagħha ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, iddikjarat fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680 u teċċedi t-tul neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, kuntrarjament għall-Artikolu 4(1)(e) ta’ din id-direttiva. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li, huwa minnu, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-riabilitazzjoni ta’ tali persuna, li twassal għat-tħassir tal-kundanna tagħha mir-rekords kriminali, bħal dik li seħħet fil-kawża prinċipali, ma tistax iċċaħħad, fiha nnifisha, mill-ħtieġa li tinżamm id-data tagħha fir-reġistru tal-pulizija, inkwantu din tal-aħħar twieġeb għal għanijiet differenti tal-elenku tal-preċedenti kriminali fl-imsemmija rekords kriminali. Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt kriminali nazzjonali, tali riabilitazzjoni hija suġġetta għall-assenza ta’ twettiq ta’ reat kriminali intenzjonali ġdid suġġett għall-azzjoni pubblika matul ċertu mogħdija ta’ żmien wara li l-piena ġiet skontata, hija tista’ tikkostitwixxi l-ħjiel ta’ riskju inqas sinjifikattiv irrappreżentat mis-suġġett tad-data fir-rigward tal-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità jew taż-żamma tal-ordni pubbliku u għaldaqstant element ta’ natura li jnaqqas it-tul neċessarju ta’ tali żamma. |
|
62 |
Fil-ħames lok, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, iddikjarat fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, jimplika, b’mod partikolari, ponderazzjoni tal-importanza tal-għan imfittex u tal-gravità tal-limitazzjoni mqiegħda fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 66). |
|
63 |
F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, iż-żamma tad-data personali fir-reġistru tal-pulizija inkwistjoni tinkludi data bijometrika u ġenetika. Għaldaqstant għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tar-riskji sinjifikattivi li jirrappreżenta l-ipproċessar ta’ data sensittiva għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, l-importanza partikolari tal-għan imfittex għandha tiġi evalwata konformement ma’ numru ta’ elementi rilevanti. Taħt dawn il-punti ta’ evalwazzjoni hemm, b’mod partikolari, il-fatt li l-ipproċessar iservi għal għan konkret marbut mal-prevenzjoni ta’ reati kriminali jew theddid kontra s-sigurtà pubblika li jippreżenta ċertu livell ta’ gravità, ir-repressjoni ta’ tali reati jew il-protezzjoni kontra tali theddid, kif ukoll iċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom iseħħ dan l-ipproċessar (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 127). |
|
64 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma sistematika tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna eżaminata għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio hija, bħala prinċipju, kuntrarja għar-rekwiżit ta’ neċessità assoluta, iddikjarat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 u mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ twassal, mingħajr distinzjoni u b’mod iġġeneralizzat, għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-parti l-kbira tal-persuni mqiegħda taħt eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punti 128 u 129). |
|
65 |
Min-naħa tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li n-natura ġenerali u mingħajr distinzjoni tas-setgħa ta’ żamma tal-marki tas-swaba, kampjuni bijoloġiċi u profili tad-DNA tal-persuni ssuspettati li wettqu reat iżda li ma ġewx ikkundannati, hekk kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li biha ġiet adita din il-qorti, ma kinitx sarrfet f’ekwilibriju ġust bejn l-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni li qed jikkompetu bejniethom u li, għalhekk, iż-żamma ta’ din id-data kienet tfisser preġudizzju sproporzjonat għad-dritt tar-rikorrenti għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom u ma setgħetx titqies li kienet neċessarja f’soċjetà demokratika, fejn tali preġudizzju, għalhekk, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2008, S u Marper vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:1204JUD 003056204, punti 125 u 126). |
|
66 |
Huwa minnu ż-żamma tad-data bijometrika u ġenetika ta’ persuni li diġà kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva, inkluż sal-mewt ta’ dawn il-persuni, tista’ tkun ta’ natura ta’ neċessità assoluta, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, b’mod partikolari sabiex tkun tista’ ssir il-verifika tal-involviment possibbli tagħhom fuq reat kriminali ieħor u, b’hekk, biex l-awturi ta’ dawn ir-reati jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni u jiġu kkundannati. Fil-fatt, jeħtieġ li titqies l-importanza li għandha dan it-tip ta’ data għall-investigazzjonijiet kriminali, inkluż bosta snin wara l-fatt, b’mod partikolari meta l-imsemmi ksur jikkostitwixxi reat gravi (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2020, Gaughran vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2020:0213JUD004524515, punt 93). |
|
67 |
Madankollu, iż-żamma ta’ data bijometrika u ġenetika ma tistax titqies li tissodisfa r-rekwiżit li din għandha tkun permessa esklużivament “meta verament ikun meħtieġ”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, biss jekk din tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur li wassal għall-kundanna kriminali definittiva, jew ċirkustanzi oħra bħall-kuntest partikolari li fih jitwettaq dan il-ksur, ir-rabta eventwali tiegħu ma’ proċeduri oħra fis-seħħ jew ukoll il-preċedenti jew il-profil tal-persuna kkundannata. Għalhekk, fl-ipoteżi fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li d-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data rreġistrati fir-reġistru tal-pulizija tinżamm sal-mewt ta’ dawn il-persuni fil-każ tal-kundanna kriminali definittiva tagħhom, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din iż-żamma, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq, ikun ta’ natura eċċessivament wiesa’ fir-rigward tal-għanijiet li għalihom din id-data tiġi pproċessata. |
|
68 |
Fis-sitt lok, fir-rigward, minn naħa, tal-obbligu fuq l-Istati Membri li jipprevedu l-iffissar ta’ termini xierqa, iddikjarat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680, għandu jiġi osservat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 59, 60 u 67 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(c) u (e), kif ukoll tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, terminu jista’ jitqies li huwa “xieraq”, fis-sens ta’ dan l-istess Artikolu 5, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna ż-żamma tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna kkundannata definittivament għal reat kriminali intenzjonali suġġett għall-azzjoni pubblika, biss jekk jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti, bħal dawk imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, b’mod li tali tul ta’ żamma jsir neċessarju. |
|
69 |
Konsegwentement, anki jekk ir-riferiment, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-mewt tal-persuna kkonċernata jista’ jikkostitwixxi “terminu” għat-tħassir tad-data miżmuma, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5, tali terminu jista’ jiġi kkunsidrat bħala “xieraq” biss f’ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw dan debitament. Issa, dan ma huwiex manifestament il-każ meta dan ikun applikabbli b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni għal kull persuna kkundannata b’mod definittiv. |
|
70 |
Huwa minnu, kif ġie osservat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680 iħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeċiedu jekk għandhomx jiġu ffissati termini għat-tħassir tal-imsemmija data jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa li din tinżamm. Madankollu, minn dan l-istess punt jirriżulta wkoll li n-natura “xierqa” tat-termini għal tali verifika regolari tirrikjedi li dawn jippermettu, konformement mal-Artikolu 4(1)(c) u (e) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li d-data inkwistjoni titħassar fil-każ li ż-żamma tagħha ma hijiex iktar neċessarja. Issa, għar-raġunijiet imfakkra fil-punt preċedenti, tali rekwiżit ma jiġix issodisfatt meta, bħal f’dan il-każ, l-uniku każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi tali tħassir, għal dak li jikkonċerna persuna kkundannata b’mod definittiv b’reat kriminali intenzjonali suġġett għall-azzjoni pubblika, huwa meta jseħħ il-mewt tagħha. |
|
71 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-garanziji previsti fl-Artikolu 16(2) u (3) ta’ din id-direttiva, dwar il-kundizzjonijiet relatati mad-drittijiet għat-tħassir u għal-limitazzjoni tal-ipproċessar, mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet mill-persuna kkundannata b’mod definittiv għal reat kriminali intenzjonali suġġetta għall-azzjoni pubblika. |
|
72 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 4(1)(c) u (e) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 10, l-Artikolu 13(2)(b), kif ukoll l-Artikolu 16(2) u (3) tagħha, u fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma, mill-awtoritajiet tal-pulizija, għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni tar-reati kriminali, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni f’dan il-qasam jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, ta’ data personali, b’mod partikolari ta’ data bijometrika u ġenetika, li tikkonċerna persuni li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal azzjoni pubblika, u dan sal-mewt tas-suġġett tad-data, inkluż fil-każ ta’ riabilitazzjoni tiegħu, mingħajr ma jitqiegħed fuq il-kontrollur l-obbligu li jivverifika b’mod regolari jekk din iż-żamma għadhiex neċessarja, jew li jirrikonoxxi lill-imsemmi suġġett tad-data d-dritt għat-tħassir ta’ din id-data fil-mument li ż-żamma tagħha ma hijiex iktar neċessarja fir-rigward tal-għanijiet li għalihom din ġiet ipproċessata, jew, jekk ikun il-każ, għal-limitazzjoni tal-ipproċessar tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
|
73 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 4(1)(c) u (e) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 10, l-Artikolu 13(2)(b), kif ukoll l-Artikolu 16(2) u (3) tagħha, u fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma, mill-awtoritajiet tal-pulizija, għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni tar-reati kriminali, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni f’dan il-qasam jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, ta’ data personali, b’mod partikolari ta’ data bijometrika u ġenetika, li tikkonċerna persuni li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva għal reat kriminali intenzjonali suġġett għal azzjoni pubblika, u dan sal-mewt tas-suġġett tad-data, inkluż fil-każ ta’ riabilitazzjoni tiegħu, mingħajr ma jitqiegħed fuq il-kontrollur l-obbligu li jivverifika b’mod regolari jekk din iż-żamma għadhiex neċessarja, jew li jirrikonoxxi lill-imsemmi suġġett tad-data d-dritt għat-tħassir ta’ din id-data fil-mument li ż-żamma tagħha ma hijiex iktar neċessarja fir-rigward tal-għanijiet li għalihom din ġiet ipproċessata, jew, jekk ikun il-każ, għal-limitazzjoni tal-ipproċessar tagħha. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
( i ) Fl-okkju u fil-punti 6, 8, 10, 11, 18, 25, 28, 32, 34, 35, 37, 38, 42, 43, 45, 46, 50, 52, 54, 55, 56, 57, 58, 60, 61, 63, 64, 65, 66, 67, 68, 69, 70, 72 u d-dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.