SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
19 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 20 TFUE – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 22 TFUE – Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat – Ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu – Assenza ta’ dritt li wieħed ikun membru ta’ partit politiku – Artikoli 2 u 10 TUE – Prinċipju ta’ demokrazija – Artikolu 4(2) TUE – Osservanza tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri – Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rwol tal-partiti politiċi fl-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑814/21,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fil‑21 ta’ Diċembru 2021,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Szmytkowska u J. Tomkin, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, E. Borawska-Kędzierska u A. Siwek-Ślusarek, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn A. Edelmannová, T. Müller, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. L. Arastey Sahún, A. Kumin u D. Gratsias, Presidenti ta’ Awla, E. Regan, I. Ziemele (Relatriċi), Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2023,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjutat liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Pollakka iżda li jirrisjedu fil-Polonja d-dritt li jkunu membru ta’ partit politiku, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22 TFUE. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
2 |
Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprevedi, fl-Artikolu 11 tagħha, intitolat “Libertà ta’ għaqda u libertà ta’ assoċjazzjoni”: “1. Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni ma’ oħrajn, inkluż id-dritt li wieħed jifforma u jidħol fi trade unions għall-protezzjoni ta’ l-interessi tiegħu. 2. Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ħlief dawk li jkunu preskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-imposizzjoni ta’ restrizzjonijiet skont il-liġi fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet minn membri tal-Forzi Armati, tal-Pulizija jew ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Istat.” |
3 |
L-Artikolu 16 tal-KEDB, intitolat “Restrizzjonijiet fuq l-attività politika tal-barranin”, jistabbilixxi li: “Ebda ħaġa li hemm fl-Artikoli 10, 11 u 14 ma għandha tiftiehem li timpedixxi lill-Partijiet Għolja Kontraenti milli jimponu restrizzjonijiet fuq l-attività politika ta’ barranin.” |
4 |
L-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali għall-KEDB, iffirmat f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1952, intitolat “Dritt għal elezzjonijiet liberi”, huwa fformulat kif ġej: “Il-Partijiet Għolja Kontraenti jobbligaw ruħhom li jżommu elezzjonijiet liberi f’intervalli xierqa b’votazzjoni sigrieta, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-espressjoni libera ta’ l-opinjoni tal-poplu fl-għażla tal-leġislatura.” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
It-Trattati UE u FUE
5 |
L-Artikolu 2 TUE jipprevedi: “L-Unjoni [Ewropea] hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.” |
6 |
L-Artikolu 4(1) u (2) TUE huwa fformulat kif ġej: “1. Skond l-Artikolu 5, il-kompetenzi kollha li m’humiex mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni jibqgħu għand l-Istati Membri. 2. L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.” |
7 |
L-Artikolu 5(1) u (2) TUE jipprevedi li: “1. Il-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni huma regolati mill-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi. L-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi huwa regolat mill-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. 2. Skond il-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri.” |
8 |
L-Artikolu 10 TUE jistabbilixxi li: “1. Il-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva. 2. Fil-livell ta’ l-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew. L-Istati Membri huma rappreżentati fil-Kunsill Ewropew mill-Kap ta’ l-Istat jew tal-Gvern tagħhom u fil-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] mill-gvernijiet tagħhom, li jkunu demokratikament responsabbli kemm lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll lejn iċ-ċittadini tagħhom. 3. Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika ta’ l-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin. 4. Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ l-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.” |
9 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jgħid li: “Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza [nazzjonalità] għandha tiġi projbita.” |
10 |
L-Artikolu 20 TFUE huwa fformulat kif ġej: “1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. 2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn: […]
[…] Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.” |
11 |
L-Artikolu 21(1) TFUE jipprevedi: “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.” |
12 |
L-Artikolu 22 TFUE jistabbilixxi li: “1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru. 2. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223[(1)] u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.” |
Il-Karta
13 |
L-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, intitolat “Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta’ kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma’ oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta’ l-interessi tagħha. 2. Il-partiti politiċi fil-livell ta’ l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.” |
14 |
L-Artikolu 39 tal-Karta, intitolat “Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew”, jistabbilixxi li: “1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat. 2. Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b’vot dirett universali li hu liberu u sigriet.” |
15 |
L-Artikolu 40 tal-Karta, intitolat “Id-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali”, jipprevedi li: “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u d-dritt li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.” |
Id-Direttiva 93/109/KE
16 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas‑6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 7), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/1/UE tal‑20 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2013, L 26, p. 27) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/109”), tipprovdi, fil-premessi tlieta sa seba’ u għaxra tagħha, li: “Billi d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru tar-residenza, pprovdut fl-Artikolu 8b(2) [KE] li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huwa eżempju fejn ikun qed jiġi applikat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini u dawk li m’humiex u r-riżultat tad-dritt tal-moviment u r-residenza libera miġbura fl-Artikolu 8a [KE]; Billi l-Artikolu 8b(2) [KE] huwa biss dwar il-possibbilità li jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 138(3) [KE], li jipprovdi għat-twaqqif ta’ proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha għal dawn l-elezzjonijiet; Billi essenzjalment ifittex li jabolixxi l-ħtieġa tan-nazzjonalità li bħalissa teżisti fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri sabiex jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet; Billi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8[b](2) [KE] ma tissupponix konformità tas-sistemi elettorali ta’ l-Istati Membri; Billi, barra minn hekk, sabiex jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità preskritt fil-tielet paragrafu ta’ l- l-Artikolu 3[B] [KE], il-kontenut tal-leġislazzjoni Komunitarja f’din l-isfera ma jistax jespandi iktar minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan ta’ l-Artikolu 8[B](2) [KE]; Billi l-għan ta’ l-Artikolu 8b(2) [KE] huwa li jassigura li ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, sew jekk huma ċittadini ta’ Stat Membru fejn joqgħodu jew le, jistgħu jeżerċitaw f’dan l-Istat id-dritt tagħhom tal-vot u l-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bl-istess kondizzjonijiet; Billi l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li m’humiex ċittadini, inklużi dawk dwar il-perjodu taż-żmien u l-prova tar-residenza, għandhom għaldaqstant ikunu l-istess li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fejn jeżistu; Billi l-Artikolu 8b(2) [KE] jipprovdi d-dritt għall-vot u għall-kandidatura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri tar-residenza, mingħajr, madankollu, ma jneħħilhonx id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini; billi l-libertà taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jagħżlu f’liema Stat Membru iridu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej għandha tiġi rispettata, filwaqt li tingħata attenzjoni biex jiġi assigurat illi din il-libertà ma tiġix abbużata minn individwi li jivvotaw jew li joħorġu għall-elezzjoni f’iktar minn pajjiż wieħed; […] Billi ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija maħsuba sabiex tgħin liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jintegraw ruħhom aħjar fil-pajjiż li jilqagħhom u li f’dan il-kuntest, hija skond l-intenzjonijiet ta’ l-awturi tat-Trattat li tiġi evitata xi polarizzazzjoni bejn il-listi tal-kandidati nazzjonali u dawk li m’humiex”. |
17 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/109 jistabbilixxi li: “Din id-Direttiva tipprovdi l-arranġamenti dettaljati li bihom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu m’humiex ċittadini jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-vot u għall-Kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.” |
18 |
L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li: “Ċittadin tal-Komunità għandu jippreżenta l-istess dokumenti meħtieġa bħal kandidat li huwa ċittadin meta jagħti l-applikazzjoni tiegħu biex joħroġ bħala kandidat. Għandu wkoll jipproduċi dikjarazzjoni formali li tiddikjara:
|
19 |
Skont l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva: “Jekk persuna tiġi mċaħħda milli titniżżel fil-lista elettorali jew jekk l-applikazzjoni tagħha biex toħroġ bħala kandidat tiġi rrifjutata, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt għall-rimedji legali skond ir-regoli tal-liġi li l-Istat Membru tar-residenza jippreskrivi liċ-ċittadini tiegħu li għandhom d-dritt għall-vot u biex joħorġu bħala kandidati.” |
Id-Direttiva 94/80/KE
20 |
Ir-raba’, il-ħames u l-erbatax-il premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad‑19 ta’ Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini ta’ l-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 12), huma fformulati kif ġej: “Billi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8b(1) [KE] ma tippresupponix l-armonizzazzjoni kompleta tas-sistemi elettorali ta’ l-Istati Membri; billi l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa essenzjalment sabiex tkun abolita l-ħtieġa ta’ ċittadinanza li għaliha l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri fil-preżent jissoġġettaw id-dritt tal-vot u tal-kandidatura; billi, barra dan, sabiex jittieħed kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità mniżżel fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3b [KE], il-kontenut tal-leġislazzjoni tal-Komunità f’dan il-qasam m’għandux imur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-għan tal-Artikolu 8b(1) [KE]; Billi l-iskop ta’ l-Artikolu 8b(1) [KE] huwa li jassigura illi ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, kemm jekk huma ċittadini ta’ l-Istati Membri fejn joqogħdu u kemm jekk mhumiex, jistgħu jeżerċitaw f’dak l-Istat id-dritt tagħhom tal-vot u tal-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali taħt l-istess kondizzjonijiet; billi l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni mhux ċittadini, inklużi dawk dwar il-perijodu u l-prova ta’ residenza, għandhom għalhekk ikunu identiċi għal dawk, jekk hemm, li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru kkonċernat; billi persuni li mhumiex ċittadini m’għandhomx ikunu meħtieġa li jimxu ma’ kwalunkwe kondizzjonijiet speċjali sakemm, bħala eċċezzjoni, trattament differenti bejn ċittadini u dawk li mhumiex [ma] tkun ġustifikata b’ċirkustanzi speċifiċi għal dawn ta’ l-aħħar li jiddistingwuhom minn dawk ta’ l-ewwel; […] Billi ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija maħsuba sabiex tippermetti liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jintegraw aħjar fil-pajjiż li qed jilqgħuhom; billi f’dan il-kuntest huwa skond l-intenzjonijiet ta’ l-awturi tat-Trattat li jevitaw kwalunkwe polarizzazzjoni bejn listi ta’ kandidati ta’ ċittadinanza u oħrajn li mhumiex”. |
21 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/80 jistabbilixxi li: “Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti dettaljati li permezz tagħhom ċittadini ta’ l-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini tiegħu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li joqogħdu bħala kandidati hemmhekk f’elezzjonijiet muniċipali.” |
22 |
L-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “Votanti […] li ddaħħlu f’reġistru elettorali fi Stat Membru ta’ residenza għandhom jibqgħu hemmhekk, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal votanti li huma ċittadini, sa dak iż-żmien illi huma jitneħħew awtomatikament peress illi huma ma jissodisfawx aktar il-ħtiġijiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot. Votanti li ddaħħlu fir-reġistru elettorali fuq talba tagħhom stess jistgħu ukoll jitneħħew minnu jekk huma jitolbu hekk. Jekk tali votanti jiċċaqilqu għal unità bażika ta’ gvern lokali oħra fl-istess Stat Membru, huma għandhom jiddaħħlu fir-reġistru elettorali ta’ dik l-unità taħt l-istess kondizzjonijiet bħal votanti li huma ċittadini ta’ dak il-pajjiż.” |
23 |
L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li: “Meta tissottometti l-applikazzjoni tagħha sabiex tkun kandidat, persuna ntitolata sabiex tkun kandidat fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 għandha tipproduċi l-istess dokumenti ta’ sostenn bħall-kandidat li hu ċittadin. L-Istat Membru ta’ residenza jista’ jitolbu sabiex jipproduċi dikjarazzjoni formali li tgħid iċ-ċittadinanza u l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza.” |
24 |
L-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva jipprevedi li: “Jekk persuna li ma tiddaħħalx fir-reġistru elettorali jew li jkollha l-applikazzjoni tad-dħul tagħha miċħuda jew li jkollha l-applikazzjoni sabiex tkun kandidat mhix aċċettata, il-persuna konċernata għandha tkun intitolata għal rimedji legali fuq l-istess termini skond kif il-liġijiet ta’ l-Istat Membru ta’ residenza jipprovdi għal votanti jew persuni ntitolati li jkunu kandidati li huma ċittadini tiegħu.” |
Id‑dritt Pollakk
25 |
L-Artikolu 2(1) tal-ustawa o partiach politycznych (il-Liġi dwar il-Partiti Politiċi), tas‑27 ta’ April 1997 (Dz.U. tal‑1997, Nru 98, pożizzjoni 604), kif emendata, jipprevedi: “Iċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Polonja li għandhom tal-inqas 18‑il sena jistgħu jkunu membri ta’ partit politiku.” |
26 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi: “L-aċċess għall-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni huwa ggarantit għall-partiti politiċi skont ir-regoli stabbiliti f’liġijiet distinti.” |
27 |
L-Artikolu 24 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. Il-patrimonju tal-partiti politiċi joriġina minn kontribuzzjonijiet tal-imsieħba tagħhom, donazzjonijiet, suċċessjonijiet, legati, dħul mill-proprjetà kif ukoll għotjiet u sussidji previsti mil-liġi. 2. Il-patrimonju tal-partiti politiċi jista’ jintuża biss għal finijiet stabbiliti fl-istatuti jew għal finijiet karitattivi. […] 4. Partit politiku ma jistax jagħmel dħul mill-patrimonju tiegħu ħlief għal dak li jirrigwarda:
[…].” |
28 |
L-Artikolu 28(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Partit politiku li:
għandu dritt jibbenefika, matul il-leġiżlatura u skont il-modalitajiet u r-regoli stabbiliti f’din il-liġi, minn sussidju ffinanzjat mill-baġit tal-Istat […] għat-twettiq tal-attivitajiet statutorji tiegħu.” |
29 |
L-Artikolu 36(1) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej: “Il-fond elettorali tal-partit politiku jista’ jiġi kkostitwit minn ħlasijiet imwettqa minnu, kif ukoll minn donazzjonijiet, suċċessjonijiet u legati.” |
30 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 84 tal-ustawa Kodeks wyborczy (il-Liġi dwar il-Kodiċi Elettorali), tal‑5 ta’ Jannar 2011 (Dz.U. tal-2011, Nru 21, Pożizzjoni 112), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal dan ir-rikors (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Elettorali”): “1. Id-dritt ta’ nomina ta’ kandidati għal elezzjoni jappartjeni lill-kumitati elettorali. Il-kumitati elettorali jeżerċitaw ukoll attivitajiet elettorali oħra u b’mod partikolari, abbażi tal-prinċipju ta’ esklużività, imexxu l-kampanja elettorali għan-nom tal-kandidati. 2. Waqt l-elezzjonijiet tas-Sejm u tas-Senat u waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fir-Repubblika tal-Polonja, il-kumitati elettorali jistgħu jiġu kkostitwiti mill-partiti politiċi u mill-koalizzjonijiet ta’ partiti politiċi kif ukoll mill-votanti. […] 4. Waqt elezzjonijiet għall-korpi rappreżentattivi ta’ awtoritajiet territorjali kif ukoll elezzjonijiet ta’ sindki, il-kumitati elettorali jistgħu jiġu kkostitwiti mill-partiti politiċi u l-koalizzjonijiet ta’ partiti politiċi, minn assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet soċjali (iktar ’il quddiem l-‘organizzazzjonijiet’), kif ukoll mill-votanti.” |
31 |
L-Artikolu 87 tal-Kodiċi Elettorali jipprevedi: “1. Il-partiti politiċi jistgħu jifformaw koalizzjoni elettorali sabiex jinnominaw kandidati komuni. Partit politiku jista’ jappartjeni għal koalizzjoni elettorali waħda biss. 2. L-attivitajiet elettorali għan-nom ta’ koalizzjoni elettorali jitmexxew minn kumitat elettorali tal-koalizzjoni kkostitwit mill-korpi tal-partiti politiċi awtorizzati biex jirrappreżentaw lil kull partit vis-à-vis il-pubbliku. […]”. |
32 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 89(1) ta’ dan il-kodiċi: “Tal-inqas ħmistax-il ċittadin, li għandhom id-dritt tal-vot, jistgħu jifformaw kumitat elettorali ta’ votanti.” |
33 |
L-Artikolu 117(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi: “Il-kumitati elettorali li l-kandidati tagħhom kienu rreġistrati, għandhom id-dritt, sa mill-15‑il jum ta’ qabel id-data ta’ votazzjoni sad-data tal-għeluq tal-kampanja elettorali, jippreżentaw mingħajr ħlas il-programmi elettorali tagħhom fuq l-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni, bl-ispejjeż għax-xandara.” |
34 |
L-Artikolu 119(1) tal-istess kodiċi jipprevedi li: “Minkejja d-dritt imsemmi fl-Artikolu 117(1), kull kumitat elettorali jista’, sa mid-data li fiha l-awtorità elettorali kompetenti tirċievi n-notifika tat-twaqqif tiegħu u sad-data tal-għeluq tal-kampanja elettorali, jippreżenta l-programm elettorali tiegħu fuq l-istazzjonijiet pubbliċi u privati tar-radju u tat-televiżjoni bi ħlas.” |
35 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 126 tal-Kodiċi Elettorali: “Il-kumitati elettorali għandhom iħallsu l-ispejjeż esposti għall-finijiet tal-elezzjonijiet mir-riżorsi tagħhom stess.” |
36 |
L-Artikolu 130 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “1. Ir-responsabbiltà tal-obbligi finanzjarji tal-kumitat elettorali hija imposta fuq l-aġent finanzjarju. 2. Ebda obbligu finanzjarju ma jista’ jiġi kkuntrattat għan-nom jew f’isem il-kumitat elettorali mingħajr il-ftehim bil-miktub tal-aġent finanzjarju. 3. Meta l-assi għad-dispożizzjoni tal-aġent finanzjarju ma jkunux suffiċjenti sabiex ikopru d-djun tal-kumitat elettorali:
[…]” |
37 |
L-Artikolu 132 tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej: “1. Ir-riżorsi finanzjarji tal-kumitat elettorali ta’ partit politiku jistgħu joriġinaw biss mill-fond elettorali ta’ dan il-partit, ikkostitwit b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-[Liġi dwar il-Partiti Politiċi]. 2. Ir-riżorsi finanzjarji tal-kumitat elettorali ta’ koalizzjoni jistgħu joriġinaw biss mill-fond elettorali tal-partiti li jifformawha. 3. Ir-riżorsi finanzjarji
jistgħu joriġinaw biss minn kontribuzzjonijiet ta’ ċittadini Pollakki li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja kif ukoll minn self bankarju meħud unikament għall-bżonnijiet ta’ elezzjonijiet. […]” |
38 |
L-Artikolu 133 tal-istess kodiċi jipprevedi li, matul il-kampanja elettorali, il-kumitat elettorali ta’ partit politiku jew ta’ koalizzjoni, il-kumitat elettorali ta’ votanti u l-kumitat elettorali ta’ organizzazzjoni jistgħu jużaw mingħajr ħlas, rispettivament, il-bini tal-partit politiku, il-bini ta’ membru tal-kumitat elettorali u l-bini ta’ din l-organizzazzjoni, kif ukoll l-apparat tal-uffiċċju ta’ dawn l-entitajiet. |
39 |
It-Taqsima VI tal-Kodiċi Elettorali, iddedikata għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, tinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 341 u 343 ta’ dan il-kodiċi. Skont il-kliem tal-Artikolu 341 tal-imsemmi kodiċi, il-kumitat elettorali ta’ partit politiku, il-kumitat elettorali ta’ koalizzjoni u l-kumitat elettorali ta’ votanti huma dawk li għandhom id-dritt li jinnominaw kandidati għal dawn l-elezzjonijiet. Konformement mal-Artikolu 343 tal-istess kodiċi, il-lista ta’ kandidati għandha tkunu sostnuta mill-firem ta’ mill-inqas 10000 votant li jirrisjedi b’mod permanenti fil-kostitwenza elettorali kkonċernata. |
40 |
It-Taqsima VII tal-Kodiċi Elettorali, iddedikata għall-elezzjonijiet tar-rappreżentanti tal-kollettivitajiet territorjali, tinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 399 sa 403 tiegħu. |
41 |
L-Artikolu 399 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li d-dritt ta’ nomina ta’ kandidati għall-pożizzjoni ta’ kunsillier jaqa’ fuq il-kumitati elettorali ta’ partiti politiċi, fuq il-kumitati elettorali ta’ koalizzjonijiet, fuq il-kumitati elettorali ta’ organizzazzjonijiet u fuq il-kumitati elettorali ta’ votanti. |
42 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 400(1) tal-imsemmi kodiċi, il-kumitat elettorali ta’ partit politiku għandu jinnotifika l-istabbiliment tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali sa mid-data ta’ pubblikazzjoni tar-regolament dwar iż-żamma tal-elezzjonijiet sa 55 jum qabel id-data tal-votazzjoni. |
43 |
L-Artikolu 401(1) tal-istess kodiċi jipprovdi li kumitat elettorali ta’ koalizzjoni jista’ jkun ikkostitwit matul il-perijodu ta’ bejn id-data ta’ pubblikazzjoni tar-regolament dwar iż-żamma tal-elezzjonijiet sa 55 jum qabel id-data tal-votazzjoni, u r-rappreżentant elettorali tal-kumitat elettorali ta’ koalizzjoni għandu jinforma lill-kummissjoni elettorali nazzjonali b’dan mhux iktar tard minn 55 jum qabel id-data tal-votazzjoni. |
44 |
Skont l-Artikolu 402(1) tal-Kodiċi Elettorali, il-kumitat elettorali ta’ organizzazzjoni għandu jikkomunika l-istabbiliment tiegħu lill-kummissarju elettorali kompetenti skont is-sede ta’ din l-organizzazzjoni sa mid-data tal-pubblikazzjoni tar-regolamenti dwar iż-żamma ta’ elezzjonijiet sa 55 jum qabel id-data tal-votazzjoni. |
45 |
L-Artikolu 403 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “1. Tal-inqas ħmistax-il ċittadin, li għandhom id-dritt tal-vot, jistgħu jifformaw kumitat elettorali ta’ votanti. 2. Wara li jkunu inġabru tal-inqas 1000 firma minn ċittadini li għandhom id-dritt tal-vot li jappoġġjaw it-twaqqif ta’ kumitat elettorali ta’ votanti, ir-rappreżentant elettorali għandu jinforma lill-kummissjoni elettorali nazzjonali bl-istabbiliment ta’ dan il-kumitat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3. Il-komunikazzjoni tista’ ssir sa mhux iktar mill-55 jum ta’ qabel id-data tal-votazzjoni. 3. Jekk il-kumitat elettorali ta’ votanti kien imwaqqaf għall-finijiet tan-nomina ta’ kandidati f’distrett wieħed:
|
46 |
L-Artikolu 23(1) tal-ustawa o radiofonii i telewizji (il-Liġi dwar ix-Xandir), tad‑29 ta’ Diċembru 1992 (Dz. U. tal‑1993, Nru 7, Pożizzjoni 34) fil-verżjoni tagħha applikabbli għal dan ir-rikors, tipprovdi li l-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni għandhom jagħtu lill-partiti politiċi l-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar kwistjonijiet fundamentali ta’ affarijiet pubbliċi. |
47 |
Skont l-Artikolu 4(1) tal-ustawa Prawo o stowarzyszeniach (il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet), tas‑7 ta’ April 1989 (Dz. U. tal-1989, Nru 20, Pożizzjoni 104) jistgħu wkoll jingħaqdu fl-assoċjazzjonijiet il-barranin li jirrisjedu fil-Polonja. |
Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
48 |
Fis‑26 ta’ April 2013, wara skambji mingħajr suċċess li saru fil-kuntest tas-sistema EU Pilot, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Pollakki dwar l-inkompatibbiltà, fil-fehma tagħha, mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tirriżerva għaċ-ċittadini tiegħu biss id-drittijiet li jifformaw partit politiku u li jsiru membri ta’ tali partit. L-imsemmi Stat Membru rrisponda għal din l-ittra fl‑24 ta’ Lulju 2013 billi kkontesta kull ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
49 |
Fit‑22 ta’ April 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha hija sostniet li r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22 TFUE billi rrifjutat liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Pollakka, iżda li jirrisjedu b’mod permanenti fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, id-dritt li jistabbilixxu partit politiku u d-dritt li jsiru membri ta’ tali partit. Konsegwentement, din l-istituzzjoni stiednet lir-Repubblika tal-Polonja tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha. |
50 |
Fit-tweġiba tagħha tas‑16 ta’ Ġunju 2014, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li l-Artikolu 22 TFUE ma jagħtix liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità tal-Istat Membru li fih huma jirrisjedu d-drittijiet, fl-Istat Membru ta’ residenza, li jistabbilixxu partit politiku u li jsiru membri ta’ partit politiku. |
51 |
Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja talab lir-Repubblika tal-Polonja informazzjoni dwar l-eventwali żvilupp tal-pożizzjoni tagħha jew dwar l-eventwali emendi leġiżlattivi li seħħew sabiex id-drittijiet ikkonċernati jiġu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Pollakka u li jirrisjedu fit-territorju tagħha. |
52 |
Peress li l-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Jannar 2021, il-pożizzjoni preċedenti tagħhom li d-dritt Pollakk ma huwiex inkompatibbli mal-Artikolu 22 TFUE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors filwaqt li llimitat is-suġġett tiegħu għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li dan l-Istat Membru għandu taħt din id-dispożizzjoni minħabba l-fatt li huwa jirriżerva l-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku biss għaċ-ċittadini Pollakki. |
53 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika Ċeka ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja. |
Fuq ir‑rikors
Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors
L-argumenti tal-partijiet
54 |
Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Ċeka teċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni, peress li r-rikors ma jindikax b’mod ċar il-punti ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors u ma huwiex ifformulat b’mod li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi ultra petita. Fil-fatt, filwaqt li bbażat ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 22 TFUE, il-Kummissjoni allegatament invokat ukoll il-ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 12(1) tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 20(2)(b) TFUE, li ma humiex riprodotti fit-talbiet tar-rikors tagħha. |
55 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
56 |
Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. |
57 |
Issa, ir-Repubblika tal-Polonja, li hija l-konvenuta li insostenn tat-talbiet tagħha r-Repubblika Ċeka ġiet awtorizzata tintervjeni, ma qajmet ebda eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors tal-Kummissjoni. |
58 |
Minn dan isegwi li r-Repubblika Ċeka, intervenjenti, ma għandhiex locus standi sabiex teċepixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il-Kummissjoni,C‑141/05, EU:C:2007:653, punti 27 u 28). |
59 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi,C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 43, u tal‑5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-ġurisprudenza tagħha relatata ma’ din id-dispożizzjoni, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Tali indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu redatti b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-Imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat b’applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, li hija kundizzjoni neċessarja sabiex dan l-Istat ikun jista’ jsostni b’mod utli l-motivi tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-Imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-Imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li mit-talbiet tar-rikors promotur jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja bil-ksur tal-Artikolu 22 TFUE sa fejn dan l-Istat Membru jirrifjuta liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Pollakka iżda li jirrisjedu fit-territorju tiegħu d-dritt li jkunu membru ta’ partit politiku. Ir-rikors jinkludi espożizzjoni koerenti u preċiża tar-raġunijiet li wasslu sabiex din l-istituzzjoni tqis li dan ir-rifjut jipprekludi lil dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Pollakki. |
64 |
B’mod partikolari, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-motivi tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 22 TFUE għandu jiġi interpretat fil-kuntest iddefinit, b’mod partikolari, mill-Artikolu 20(2)(b) TFUE u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet li jeżistu bejn l-imsemmi Artikolu 22 TFUE u l-Artikoli 11 u 12 tal-Karta, mingħajr ma jista’ jiġi dedott minn dan li l-Kummissjoni tfittex li turi ksur awtonomu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Ir-riferiment, f’ċerti punti tar-rikors promotur, kemm għall-Artikolu 20(2)(b) TFUE kif ukoll għall-Artikoli 11 u 12 tal-Karta, għalhekk, ma għandux l-effett li jirrendi l-formulazzjoni ta’ din it-talba ambigwa. |
65 |
Konsegwentement, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma ssodisfatti u r-rikors tal-Kummissjoni għandu jitqies li huwa ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
L‑argumenti tal‑partijiet
66 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 22 TFUE jiggarantixxi lil kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru mingħajr ma jkollu n-nazzjonalità tiegħu d-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura kemm fl-elezzjonijiet muniċipali fik ukoll fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’dan l-Istat Membru taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-aħħar Stat. Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22 TFUE, billi rriżervat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, il-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku biss għaċ-ċittadini Pollakki u billi pprekludiet, b’dan il-mod, liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka milli jeżerċitaw id-drittijiet elettorali fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Pollakki. |
67 |
L-Artikolu 22 TFUE jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u jimplika t-tneħħija tar-rekwiżit ta’ nazzjonalità bħala kundizzjoni tal-vot u ta’ kandidatura għal dawn l-elezzjonijiet kif ukoll dik tal-miżuri kollha li jistgħu jipprekludu liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-kandidatura taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma jirrisjedu. Dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom għalhekk jibbenefikaw mill-mezzi kollha li jeżistu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li huma għad-dispożizzjoni tal-kandidati nazzjonali għall-imsemmija elezzjonijiet. |
68 |
Issa, fl-ewwel lok, il-partiti politiċi għandhom rwol fundamentali fis-sistemi elettorali tal-Istati Membri, peress li huma jikkostitwixxu l-forma essenzjali ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja politika u l-iktar mezz komuni użat sabiex jittieħed sehem fl-elezzjonijiet bħala kandidati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma għandhom in-nazzjonalità Pollakka ma jistgħux ikunu membri ta’ partit politiku u jibbenefikaw għalhekk minn diversi vantaġġi, b’mod partikolari f’termini ta’ popolarità, ta’ riżorsi umani u finanzjarji, ta’ infrastruttura organizzattiva u ta’ aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, li jirriżultaw minn tali kwalità ta’ membru, jikkomprometti l-kapaċità tagħhom li joħorġu b’suċċess u b’effikaċja għall-elezzjonijiet taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Pollakki. |
69 |
Minkejja li tali ċittadin tal-Unjoni jista’ jiġi inkluż, permezz ta’ ftehim individwali, fil-lista tal-kandidati tal-kumitat elettorali ta’ partit politiku, huwa madankollu jsib ruħu f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dik tal-kandidati għall-elezzjoni li huma membri tal-partit inkwistjoni. Ċittadin tal-Unjoni residenti fil-Polonja mingħajr ma jkollu n-nazzjonalità Pollakka ma jkollux, fil-fatt, l-istess opportunitajiet li jokkupa pożizzjoni vantaġġuż f’din il-lista u għandu jissottoskrivi għal programm li għat-tfassil tiegħu huwa ma jkunx, bħala prinċipju, ipparteċipa. Il-fatt stess li huwa jista’ jippreżenta ruħu fuq l-imsemmija lista biss bħala kandidat mhux membru tal-partit li jippreżentah, filwaqt li ċ-ċittadini Pollakki jistgħu jagħmlu dan bħala membri ta’ dan il-partit, huwa, fih innifsu, xhieda li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka ma jistgħux joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Pollakki. |
70 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm huma attwalment l-Istati Membri li għandhom jirregolaw l-aspetti relatati mal-elezzjonijiet muniċipali u mal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li ma humiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni, dawn l-Istati għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Miżura nazzjonali li tista’ tillimita l-eżerċizzju ta’ wieħed mid-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħad-dritt għall-kandidatura għal dawn l-elezzjonijiet, tista’ tkun iġġustifikata mill-interess ġenerali biss jekk din il-miżura tkun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, li ma huwiex il-każ hawnhekk. |
71 |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE li tgħid li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jabolixxi biss ir-rekwiżiti formali imposti fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu la hija riflessa fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas f’dak tad-Direttivi 93/109 u 94/80, u ċċaħħad lill-Artikolu 22 TFUE mill-effett utli tiegħu. Il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija dispożizzjoni ma jistgħux jiġu ridotti biss għall-aspetti formali rregolati minn dawn id-direttivi u l-obbligu li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-Artikolu 22 TFUE ma huwiex ikkonfutat mill-assenza, f’din id-dispożizzjoni, ta’ lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għal dan l-għan. |
72 |
Fit-tielet lok, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, ir-Repubblika tal-Polonja timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u għalhekk hija obbligata tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rekwiżiti tal-Artikolu 20(2)(b) u tal-Artikolu 22 TFUE għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tagħha, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 11 tal-KEDB. |
73 |
Iċ-ċaħda tad-dritt li wieħed ikun membru ta’ partit politiku hija limitazzjoni tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u ma tistax tmur, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, lil hinn mil-limitazzjonijiet aċċettati mill-KEDB. Il-motivi stipulati fl-Artikolu 11(2) tal-KEDB li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni ma japplikawx f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fis-sentenza tas‑27 ta’ April 1995, Piermont vs Franza (CE:ECHR:1995:0427JUD 001577389, punt 64), li l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 16 tal-KEDB fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jinvokaw drittijiet mogħtija lilhom mit-Trattati. |
74 |
Il-projbizzjoni li wieħed ikun membru ta’ partit politiku ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li jiġi evitat li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja politika tal-Istat ta’ residenza tagħhom u jinfluwenzaw, b’mod partikolari, ir-riżultati tal-elezzjonijiet leġiżlattivi jew presidenzjali li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. |
75 |
Minn naħa, mingħajr ma ssostni li d-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu dritt ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja politika ta’ dan l-Istat Membru mingħajr ebda restrizzjoni, il-Kummissjoni tosserva li d-drittijiet politiċi ġew inklużi fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza bl-għan li jiġi ggarantit li l-imsemmija ċittadini jkunu jistgħu jintegraw ruħhom u jkollhom rwol politiku attiv fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom f’dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet muniċipali u l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, hekk kif dan huwa kkonfermat ukoll mill-għaxar premessa tad-Direttiva 93/109 u mill-erbatax-il premessa tad-Direttiva 94/80. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma liberi li jirriżervaw għaċ-ċittadini tagħhom id-dritt għall-kandidatura għall-elezzjonijiet nazzjonali jew, f’ċerti każijiet, reġjonali, jew ukoll li jadottaw regoli partikolari li għandhom l-effett li jirrestrinġu d-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni residenti f’dawn l-Istati Membri mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tagħhom fil-kwalità tagħhom ta’ membri ta’ partit politiku, b’mod partikolari billi jirrifjutawlhom id-dritt li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet tal-partit inkwistjoni dwar in-nomina tal-kandidati għall-elezzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali. |
76 |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE sostnuta mill-Kummissjoni ma tippreġudikax il-prinċipju ta’ osservanza tal-identità nazzjonali, peress li, minn naħa, l-Artikolu 4(2) TUE għandu jiġi interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati, inkluż mal-Artikolu 22 TFUE, u li, min-naħa l-oħra, dan l-aħħar artikolu japplika biss għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u mhux għall-elezzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali. |
77 |
Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Polonja ma pproduċiet ebda prova li l-possibbiltà li ċ-ċittadini tal-Unjoni residenti f’dan l-Istat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu, li jixtiequ joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-imsemmi Stat Membru, li jsiru membri ta’ partit politiku tikkostitwixxi theddida għall-identità nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru. |
78 |
Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, issostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 22 TFUE ma huwiex direttament applikabbli u jeħtieġ l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi addizzjonali mill-Kunsill. Il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 22 TFUE huma stabbiliti mid-Direttivi 94/80 u 93/109, li l-premessi tagħhom jagħmlu espliċitament riferiment għall-għan prinċipali u għaċ-ċirkustanzi relatati mal-introduzzjoni tal-Artikolu 8B(1) u (2) KE, li jikkorrispondi għall-attwali Artikolu 22 TFUE. Issa, mir-raba’ premessa tad-Direttiva 94/80 u mill-ħames premessa tad-Direttiva 93/109 jirriżulta li l-Artikolu 22 TFUE ma jippreżumix armonizzazzjoni globali tas-sistemi elettorali tal-Istati Membri. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jneħħi r-rekwiżiti formali li kienu jipprekludu liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu milli jeżerċitaw id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura tagħhom, jew li kienu jillimitaw dan id-dritt minħabba kundizzjonijiet addizzjonali imposti esklużivament fuq dawn il-persuni mill-Istati Membri mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti. |
79 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, tosserva li d-dritt Pollakk jimplimenta l-garanziji li jirriżultaw mill-Artikolu 22 TFUE. B’mod partikolari, dan id-dritt ma jissuġġettax il-possibbiltà li ċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu joħorġu għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għall-appartenenza għal partit politiku. Barra minn hekk, id-dritt Pollakk jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka l-possibbiltà li jużaw il-forom kollha ta’ kandidatura disponibbli, inkluża l-kandidatura f’lista proposta minn partit politiku jew minn koalizzjoni ta’ partiti politiċi, peress li l-inklużjoni f’tali lista ma hijiex suġġetta għall-appartenenza ta’ din il-persuna f’xi partit. |
80 |
Fit-tielet lok, dan l-Istat Membru, sostnut mir-Repubblika Ċeka, isostni li l-Artikolu 22 TFUE ma jagħtix liċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu d-dritt li jsiru membri ta’ partiti politiċi u li jipparteċipaw mingħajr limiti fil-ħajja politika fl-Istat Membru fejn jirrisjedu u ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jippermettu lil dawn iċ-ċittadini jeżerċitaw tali dritt u jkollhom influwenza, permezz tas-sistema tal-partiti, fuq ir-riżultat tal-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali nazzjonali. L-appartenenza għal partit politiku tippermetti l-parteċipazzjoni fl-elezzjoni tal-korpi interni ta’ dan il-partit, li jiddeċiedu dwar id-direzzjoni tal-azzjonijiet tiegħu fil-livelli kollha, u mhux biss fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali u tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. |
81 |
Id-determinazzjoni tar-regoli ta’ funzjonament, tal-istruttura u tal-għanijiet tal-partiti politiċi attivi fl-Istati Membri taqa’, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE proposta mill-Kummissjoni allegatament tmur kemm kontra l-għan u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi ddefinit fl-Artikolu 5(2) TUE. Din allegatament twassal għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, bi ksur tal-Artikolu 4(1) u (2) TUE. |
82 |
Peress li l-Artikolu 22 TFUE ma jagħtix liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li jsiru membri ta’ partiti politiċi, l-Artikolu 12 tal-Karta ma japplikax. Min-naħa l-oħra, id-dritt Pollakk allegatament jirrispetta b’mod sħiħ id-dritt ta’ assoċjazzjoni msemmi fl-Artikolu 11 tal-KEDB, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 16 ta’ din il-konvenzjoni, li jawtorizza l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-attività politika tal-barranin. |
83 |
Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, issostni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-projbizzjoni imposta fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka li jsiru membru ta’ partit politiku tillimita l-possibbiltà li l-imsemmija ċittadini jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, peress li din l-allegazzjoni hija purament ipotetika u mhux sostnuta minn data jew minn provi konkreti. |
84 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-appartenenza għal partit politiku tirrapreżenta diversi vantaġġi għall-kandidati fl-elezzjonijiet, vantaġġi li minnhom il-kandidati indipendenti ma jistgħux jibbenefikaw. Qabel kollox, il-Kummissjoni ma wrietx li tali appartenenza hija rilevanti għall-immaġni li l-kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew joħolqu f’moħħ il-votanti. Din l-immaġni tiddependi pjuttost mill-attività tal-kandidati u ma hijiex marbuta mal-affiljazzjoni ma’ partit. Din tal-aħħar għalhekk ma taffettwax il-possibbiltajiet tagħhom li jiġu eletti. |
85 |
Sussegwentement, il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmi eżistenti fid-dritt Pollakk intiżi sabiex jipprevjenu t-trattament preferenzjali tal-kumitati elettorali tal-partiti u tal-koalizzjonijiet meta mqabbla mal-kumitati elettorali tal-votanti u tal-organizzazzjonijiet, b’mod partikolari l-limitu tal-ispejjeż ta’ propaganda elettorali, applikabbli għall-kumitati elettorali kollha, ir-regoli għall-użu tal-bini u l-materjal applikabbli għall-kumitati elettorali kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, li tiggarantixxi dan l-aċċess għall-kumitati elettorali kollha f’kundizzjonijiet simili. Mill-bqija, il-fatt li huwa ggarantit li partiti politiċi jkollhom id-dritt li jesprimu ruħhom fuq l-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni dwar kwistjonijiet fundamentali li jaqgħu taħt l-affarijiet pubbliċi barra mill-perijodu ta’ kampanja elettorali, jirriżulta mir-rwol tagħhom fis-sistema politika tal-Istat u jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, il-kandidati kollha għandhom aċċess b’mod ugwali għall-midja soċjali. |
86 |
Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu huma inqas magħrufa u li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku huma għalhekk ikbar għalihom hija wkoll ibbażata fuq affermazzjoni li ma hijiex a priori kkonfermat fil-fatt. Il-popolarità ta’ persuna fis-soċjetà tiddependi esklużivament fuq l-inizjattivi tagħha kif ukoll fuq il-livell ta’ impenn tagħha u ma bl-ebda mod ma hija relatata man-nazzjonalità tagħha. Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jippreżentaw ruħhom bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka jqajmu l-interess tal-votanti minħabba s-sempliċi fatt li huma ġejjin minn Stat Membru ieħor u li l-esperjenza tagħhom tista’ tagħti xi ħaġa ġdida lill-ħajja pubblika Pollakka. Ir-Repubblika tal-Polonja wriet, billi għamlet riferiment għal rapport ta’ studju mfassal mill-Centrum Badania Opinii Społecznej (iċ-Ċentru ta’ Studji fuq l-Opinjoni Pubblika, il-Polonja), li, minħabba l-ispeċifiċità tal-elezzjonijiet muniċipali u tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-personalità tal-kandidat hija ta’ importanza kruċjali għall-immaġni li huwa jagħti lill-votanti u l-appartenenza tiegħu għal partit politiku hija, f’dan ir-rigward, ta’ natura sekondarja. |
87 |
Ir-Repubblika Ċeka tkompli tesponi li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-appartenenza għal partit politiku u l-possibbiltà ta’ kandidatura effikaċi u effettiva għal elezzjoni muniċipali jew għal elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jqis li l-Kummissjoni invokat bażi legali żbaljata insostenn tar-rikors tagħha. Il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu milli jsiru membri ta’ partit politiku ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 22 TFUE iżda f’dak tal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE. Issa, peress li s-sempliċi appartenenza ta’ tali ċittadin għal partit politiku xorta waħda ma tagħtihiex il-kwalità ta’ kandidat għal elezzjoni muniċipali jew għal elezzjoni għall-Parlament Ewropew, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax titqies li hija inkompatibbli mal-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE jew f’dispożizzjoni oħra tad-dritt primarju li tipprevedi projbizzjoni speċifika ta’ diskriminazzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
88 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi tirrifjuta liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka d-dritt li jkunu membri ta’ partit politiku, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22 TFUE. |
89 |
Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, għandha qabel kollox tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 22 TFUE qabel ma jiġi evalwat jekk id-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni Pollakka minħabba n-nazzjonalità, fir-rigward tal-possibbiltà li residenti mhux ċittadin isir membru ta’ partit politiku, hijiex ipprojbita minn din id-dispożizzjoni jew tistax eventwalment tkun iġġustifikata minn raġunijiet marbuta mal-osservanza tal-identità nazzjonali ta’ Stat Membru. |
– Fuq il-portata tal-Artikolu 22 KE
90 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha u l-għanijiet tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, L-Italja u Comune di Milano vs Il-Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), C‑59/18 u C‑182/18, EU:C:2022:567, punti 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
91 |
Fl-ewwel lok, skont il-kliem tal-Artikolu 22 TFUE, iċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru li tiegħu ma humiex ċittadini jibbenefikaw mid-dritt tal-vot u mid-dritt tal-kandidatura kemm fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-aħħar Stat Membru u dawn id-drittijiet huma eżerċitati bla ħsara għall-modalitajiet adottati mill-Kunsill. |
92 |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE ma tinkludix riferiment għall-kundizzjonijiet dwar il-kisba tal-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku. |
93 |
Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija formulazzjoni jirriżulta, qabelxejn, li d-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru li tiegħu ma humiex ċittadini jikkonċerna l-elezzjonijiet muniċipali u l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-imsemmi Stat Membru. |
94 |
Sussegwentement, minn dan jirriżulta li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw minn dan id-dritt “taħt l-istess kundizzjonijiet” bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li fih jirrisjedu. Permezz tar-riferiment għall-kundizzjonijiet tad-dritt tal-vot u tad-dritt tal-kandidatura applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ tali ċittadin tal-Unjoni, l-Artikolu 22 TFUE jistabbilixxi l-projbizzjoni, għal dan l-Istat Membru, li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt minn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet differenti minn dawk li huma applikabbli għaċ-ċittadini tiegħu stess. |
95 |
Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk regola speċifika ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità applikabbli għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tad-dritt tal-kandidatura kemm fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir-Renju Unit, C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 66; tat‑12 ta’ Settembru 2006 Eman u Sevinger, C‑300/04, EU:C:2006:545, punt 53, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne,C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 42) u, konsegwentement, tapplika għal kull miżura nazzjonali li tistabbilixxi differenza fit-trattament li tista’ tippreġudika l-eżerċizzju effettiv ta’ dawn id-drittijiet. |
96 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din ir-regola ta’ nondiskriminazzjoni hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li huwa fost il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment), C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
97 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland,C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 65). |
98 |
Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tallega b’mod validu insostenn tar-Repubblika tal-Polonja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett tar-rikors tal-Kummissjoni taqa’ taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, u mhux taħt l-Artikolu 22 TFUE. |
99 |
Fl-aħħar nett, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE jirriżulta li dawn id-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura huma eżerċitati bla ħsara għall-modalitajiet adottati mill-Kunsill. |
100 |
F’dan ir-rigward, id-Direttivi 93/109 u 94/80 li ġew adottati abbażi tal-Artikolu 8B KE, li sar l-Artikolu 22 TFUE, jistabbilixxu l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tad-dritt tal-kandidatura, rispettivament, fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali. |
101 |
Ċertament, dawn id-direttivi, li, hekk kif jirriżulta mill-ħames premessa tad-Direttiva 93/109 u mir-raba’ premessa tad-Direttiva 94/80, ma jwettqux armonizzazzjoni eżawrjenti tas-sistemi elettorali tal-Istati Membri, ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-kisba, minn ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu, tal-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku. |
102 |
Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi ma jistax, lanqas impliċitament, jillimita l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 22 TFUE. F’dan l-aħħar rigward, għandu, fil-fatt, jiġi osservat li r-regola speċifika ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità prevista f’din id-dispożizzjoni hija stabbilita f’termini ġenerali u li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 22 TFUE, huwa biss l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura li huma stabbiliti fih li huwa suġġett għall-modalitajiet adottati mill-Kunsill. Għalkemm dawn il-modalitajiet jistgħu ċertament “jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru”, min-naħa l-oħra, lil hinn minn dan il-każ partikolari, l-effett tagħhom ma jistax ikun li jikkompromettu b’mod ġenerali l-effett utli ta’ dawn id-drittijiet. |
103 |
F’dan ir-rigward, għalkemm huma l-Istati Membri li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jistgħu jsiru membri tal-partiti politiċi f’dan l-Istat Membru, li għandhom il-kompetenza biex jiddeterminaw dawn il-kundizzjonijiet taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, madankollu fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, dawn tal-aħħar għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann,C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 38; tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 63, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
104 |
Għalhekk, filwaqt li jikkonforma ruħu mal-modalitajiet stabbiliti mill-imsemmija direttivi, Stat Membru ma jistax, barra mill-oqsma rregolati minnhom, jissuġġetta lil ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru mingħajr ma jkollu n-nazzjonalità tiegħu għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jintroduċu differenza fit-trattament fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lil dan iċ-ċittadin mill-Artikolu 22 TFUE, mingħajr ma jipperikola l-effett utli tar-regola ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilita fl-imsemmi artikolu (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 21(1) TFUE, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 54, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn, C 230/17, EU:C:2018:497, punt 26). |
105 |
Konsegwentement, la l-assenza, fid-Direttivi 93/109 u 94/80, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li skonthom ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jistgħu jsiru membri ta’ partiti politiċi f’dan l-Istat Membru, u lanqas il-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri għandhom kull kompetenza mhux mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati, stabbilit fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(2) TUE, ma jippermettu li jiġi konkluż li d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE. |
106 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 22 TFUE, hemm lok li jsir riferiment kemm għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat FUE kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-istess livell, li jinsabu b’mod partikolari fit-Trattat UE u fil-Karta. |
107 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 22 TFUE jinsab fit-tieni parti tat-Trattat FUE, li tinkludi d-dispożizzjonijiet dwar in-nondiskriminazzjoni u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. |
108 |
L-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż, skont ġurisprudenza stabbilita, li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk,C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31; tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni), C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 49). |
109 |
L-Artikolu 22 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 20(2) TFUE, jorbot id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura kemm fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 49 sa 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ April 2024, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑716/22, EU:C:2024:339, punti 40 u 41). |
110 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 20(2) u mal-Artikolu 21 TFUE, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat TFUE u għall-miżuri adottati bil-għan tal-applikazzjoni tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 50). |
111 |
Għalhekk teżisti rabta bejn, minn naħa, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 94 u 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, din ir-rabta ġiet stabbilita sa mir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt tal-vot u dan id-dritt tal-kandidatura mit-Trattat ta’ Maastricht, billi l-imsemmi dritt ġie marbut mad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. |
112 |
It-tieni nett, skont il-kliem tal-Artikolu 10(1) TUE, il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva, li tikkonkretizza l-valur tad-demokrazija. Din tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2 TUE, wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il-Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 64, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies,C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 63). |
113 |
L-Artikolu 10(2) u (3) TUE jirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu direttament irrappreżentati fil-Parlament Ewropew u li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. |
114 |
Hekk kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 10 TUE jenfasizza, f’dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, ir-rabta bejn il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva fi ħdan l-Unjoni u d-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew marbut maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, iggarantit fl-Artikolu 22(2) TFUE. |
115 |
It-tielet nett, l-Artikolu 12(1) tal-Karta jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni f’kull livell, b’mod partikolari fil-qasam politiku, sindakali, u ċiviku. |
116 |
L-imsemmi dritt jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 11(1) tal-KEDB u għalhekk dan għandu jingħata l-istess sens u l-istess portata bħal dan tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva,C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 111), u dan ma jostakolax lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar wiesgħa (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali), C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 41). |
117 |
F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista, sa fejn jippermetti li ċ-ċittadini jaġixxu kollettivament f’oqsma ta’ interess komuni u b’dan il-mod jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-ħajja pubblika (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il-Polonja, CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punti 88, 90 u 92). |
118 |
Issa, ir-rwol primordjali tal-partiti politiċi fl-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni huwa rrikonoxxut, fir-rigward tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew, fl-Artikolu 10(4) TUE u fl-Artikolu 12(2) tal-Karta. |
119 |
Il-partiti politiċi, li waħda mill-funzjonijiet tagħhom hija li jippreżentaw kandidati għall-elezzjonijiet (ara, b’analoġija, Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 2008, Partit Laburista Ġeorġjan vs Il-Ġeorġja, CE:ECHR:2008:0708JUD 000910304, punt 142), jassumu għalhekk funzjoni essenzjali fis-sistema ta’ demokrazija rappreżentattiva, li fuqha huwa bbażat il-funzjonament tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 10(1) TUE. |
120 |
Minn dan isegwi li l-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku tikkontribwixxi sostanzjalment għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-kandidatura, kif mogħti mill-Artikolu 22 TFUE. |
121 |
Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-għan tal-Artikolu 22 TFUE, dan l-artikolu huwa intiż, l-ewwel nett, sabiex jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċess elettorali demokratiku ta’ dan l-Istat Membru. Dan id-dritt jestendi, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, għall-parteċipazzjoni f’dan il-proċess permezz tad-dritt għall-vot u tad-dritt tal-kandidatura fuq livell Ewropew u lokali. |
122 |
It-tieni nett, l-imsemmi artikolu huwa intiż li jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni, li jimplika li, sabiex id-dritt għall-kandidatura taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, l-għoti ta’ aċċess ugwali għall-mezzi previsti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għaċ-ċittadini tal-imsemmi Stat Membru għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fir-rigward tal-elezzjonijiet muniċipali u tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. |
123 |
It-tielet nett, mir-rabta bejn, minn naħa, il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura f’dawn l-elezzjonijiet, imsemmija fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-dritt imsemmi l-aħħar huwa intiż, b’mod partikolari, li jiffavorixxi l-integrazzjoni progressiva taċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes,C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 56 u tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni), C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 42). |
124 |
Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 101 u 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 22 TFUE huwa għalhekk intiż li jiżgura r-rappreżentattività taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu bħala korollarju tal-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. |
125 |
Konsegwentement, għandu jitqies li l-Artikolu 22 TFUE, interpretat kemm fid-dawl tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, tal-Artikolu 10 TUE kif ukoll tal-Artikolu 12 tal-Karta, jeżiġi li, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura tagħhom kemm fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’dan l-Istat Membru, huma jibbenefikaw minn aċċess ugwali għall-mezzi li ċ-ċittadini tal-imsemmi Stat Membru għandhom għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv ta’ dawn id-drittijiet. |
– Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ipprojbita mill-Artikolu 22 TFUE
126 |
Hekk kif jirriżulta mill-punt 89 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Pollakka tistabbilixxi differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità fir-rigward tal-possibbiltà li wieħed isir membru ta’ partit politiku. |
127 |
Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, tqis madankollu, sussidjarjament, li din id-differenza fit-trattament ma tmurx kontra l-Artikolu 22 TFUE peress li, l-ewwel nett, id-dritt Pollakk jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka l-possibbiltà li jużaw il-forom kollha disponibbli ta’ kandidatura għall-elezzjoni, inkluża l-kandidatura f’lista proposta minn partit politiku jew minn koalizzjoni ta’ partiti politiċi, peress li l-inklużjoni f’tali lista ma hijiex suġġetta għall-appartenenza ta’ din il-persuna għal xi partit. |
128 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni ma wrietx li l-projbizzjoni għal tali ċittadini tal-Unjoni li jsiru membri ta’ partit politiku tillimita l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ eliġibbiltà għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-Parlament Ewropew. |
129 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija tallega, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq xi tip ta’ preżunzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva,C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
130 |
Madankollu, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tiġi ppruvata, fil-każ fejn dan joriġina mill-adozzjoni ta’ liġi jew ta’ regolament li l-eżistenza u l-applikazzjoni tagħhom ma humiex ikkontestati, permezz ta analiżi ġuridika tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva,C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Kriminalizzazzjoni tal-għajnuna għall-applikanti għall-ażil,C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 106). |
131 |
F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni tallega fil-konfront tar-Repubblika tal-Polonja joriġina mill-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, li la l-eżistenza u lanqas l-applikazzjoni tagħha ma hija kkontestata minn dan l-Istat Membru u li d-dispożizzjonijiet tagħha huma s-suġġett ta’ analiżi ġuridika fir-rikors promotur. |
132 |
Għaldaqstant, il-fondatezza ta’ din l-analiżi għandha tiġi eżaminata billi jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament stabbilita bl-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi twassalx sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka ma jibbenefikawx minn aċċess ugwali għall-mezzi li jinsabu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt tagħhom għall-kandidatura, bi ksur tal-Artikolu 22 TFUE. |
133 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 84(1) tal-Kodiċi Elettorali, id-dritt li jinnominaw il-kandidati għal elezzjoni jappartjeni lill-kumitati elettorali li jmexxu, abbażi tal-prinċipju ta’ esklużività, il-kampanja elettorali f’isem dawn il-kandidati. Mill-Artikolu 84(2) u (4) tal-imsemmi kodiċi jirriżulta li, matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-Polonja, il-kumitati elettorali huma kkostitwiti minn partiti politiċi, minn koalizzjonijiet ta’ partiti politiċi kif ukoll minn votanti u li, matul l-elezzjonijiet għall-korpi rappreżentattivi ta’ kollettivitajiet territorjali kif ukoll matul l-elezzjonijiet ta’ sindki, il-kumitati elettorali huma barra minn hekk ikkostitwiti minn organizzazzjonijiet soċjali. |
134 |
Għaldaqstant, bħala prinċipju huwa possibbli li, hekk kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, kandidat indipendenti li ma jappartjenix għal partit politiku jkun jista’ jinħatar minn kumitat elettorali ta’ partit politiku jew ta’ koalizzjoni ta’ partiti politiċi. |
135 |
Madankollu, minn naħa, il-konsegwenza tal-fatt li persuna ma tkunx membru ta’ partit politiku b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi hija li ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fil-Polonja mingħajr ma jkollu n-nazzjonalità Pollakka jiġi eskluż minn parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni ta’ dan il-partit fir-rigward n-nomina tiegħu mill-kumitat elettorali tiegħu jew min tal-inqas li din il-parteċipazzjoni tiġi limitata. L-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja intiżi sabiex jiġġustifikaw il-projbizzjoni imposta fuq dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni milli jsiru membri ta’ partiti politiċi bin-neċessità li tiġi eskluża l-influwenza ta’ tali ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari, fuq il-korpi interni ta’ partit politiku li jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet tiegħu huma preċiżament xhieda tal-importanza tal-fatt li persuna jkollha l-kwalità ta’ membru ta’ partit politiku sabiex tieħu sehem fid-deċiżjonijiet tiegħu. |
136 |
Fir-rigward tal-kandidati potenzjali li jikkondividu l-ideat politiċi ta’ partit politiku, il-projbizzjoni li resident mhux ċittadin isir membru ta’ dan tal-aħħar, għalkemm din ma tagħmilx in-nomina tagħhom minn kumitat elettorali ta’ partit politiku jew ta’ koalizzjoni ta’ partiti politiċi impossibbli, hija minn tal-inqas tikkomplika din in-nomina, peress li, bħala prinċipju, huma l-membri ta’ partit politiku li jagħżlu kemm il-kandidati li għandhom jiġu nnominati kif ukoll il-pożizzjoni li dawn jokkupaw fil-listi tagħhom, u dan jista’ jkollu influwenza fuq il-possibbiltajiet tagħhom li jiġu eletti. |
137 |
Dan il-fatt iqiegħed liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik taċ-ċittadini Pollakki, membri ta’ partit politiku, fir-rigward tal-possibbiltà li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-lista ta’ partit politiku. |
138 |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li ċ-ċittadini Pollakki jistgħu jagħżlu li jippreżentaw ruħhom bħala kandidati jew inkwantu membri ta’ partit politiku jew inkwantu kandidati indipendenti, filwaqt li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka għandhom biss din il-possibbiltà tal-aħħar, juri, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-kandidatura għal dawn l-elezzjonijiet taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Pollakki. |
139 |
Id-differenza fit-trattament stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi twassal għalhekk sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka ma jibbenefikawx minn aċċess ugwali għall-mezzi li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru għandhom għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt tagħhom għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. |
140 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li jgħidu li, minn naħa, l-appartenenza għal partit politiku ma taffettwax l-opportunitajiet tal-kandidati li jiġu eletti, peress li fir-realtà dawn jiddependu kemm fuq l-attivitajiet tagħhom kif ukoll fuq il-personalità tagħhom u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tagħhom għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw ruħhom bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fuq il-listi stabbiliti mill-kumitati elettorali li ma humiex il-kumitati elettorali tal-partiti politiċi. |
141 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 117 sa 119 ta’ din is-sentenza, il-partiti politiċi għandhom rwol primordjali fis-sistema elettorali u, konsegwentement, fil-funzjonament tajjeb tas-sistema demokratika Ewropea. Ir-Repubblika tal-Polonja stess tirrikonoxxi dan ir-rwol f’dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet nazzjonali, billi ssostni li l-għan prinċipali tal-istabbiliment u tal-funzjonament tal-partiti politiċi huwa li jiffavorixxu l-aċċess tal-membri tagħhom għall-poter fl-Istat Membru kkonċernat. Issa, tali konstatazzjoni tapplika wkoll għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. |
142 |
Għaldaqstant, għalkemm l-effett li l-personalità tal-kandidati għall-elezzjonijiet u l-attivitajiet tagħhom jipproduċu fost il-votanti ma jistax jiġi sottovalutat, l-appartenenza tagħhom għal partit politiku, li, essenzjalment, ifittex li jikseb għall-kandidati tiegħu riżultat favorevoli fl-elezzjonijiet u li kemm l-istrutturi organizzattivi tiegħu kif ukoll ir-riżorsi umani, amministrattivi u finanzjarji tiegħu huma ddedikati sabiex jintlaħaq dan l-għan, hija ta’ natura li tiffavorixxi l-elezzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ studju ppreżentati mir-Repubblika tal-Polonja huma xhieda tal-fatt li l-appartenenza għal partit politiku tikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li jiggwidaw l-għażla tal-votanti. |
143 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà, għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka, li jkunu kandidati għal dawn l-elezzjonijiet b’mod differenti milli f’lista ppreżentata mill-Kumitat Elettorali ta’ partit politiku, jiġifieri billi jiġu nnominati minn kumitat elettorali ta’ votanti jew ta’ organizzazzjoni, fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-korpi rappreżentattivi ta’ kollettivitajiet territorjali kif ukoll tal-elezzjonijiet ta’ sindki, għandu jiġi osservat li l-fatt li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu mħeġġa jużaw mezzi oħra minbarra l-inklużjoni f’lista ppreżentata minn partit politiku jista’ jwassal għal polarizzazzjoni bejn il-listi tal-kandidati nazzjonali u mhux nazzjonali, għal frammentazzjoni tad-diskors politiku u għal marġinalizzazzjoni ta’ dawn il-kandidati, li jmur kontra l-għan ta’ integrazzjoni mfittex mill-Artikolu 22 TFUE. |
144 |
It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li d-dritt Pollakk jipprevedi mekkaniżmi intiżi sabiex jiġi evitat li l-kumitati elettorali tal-partiti politiċi u tal-koalizzjonijiet ta’ partiti politiċi jibbenefikaw minn kundizzjonijiet iktar favorevoli mit-tipi l-oħra ta’ kumitati elettorali, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 126 tal-Kodiċi Elettorali, il-kumitati elettorali jsostnu l-ispejjeż inkorsi għall-finijiet tal-elezzjonijiet permezz tar-riżorsi tagħhom stess. |
145 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 132(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li r-riżorsi finanzjarji tal-kumitat elettorali ta’ partit politiku jistgħu joriġinaw biss mill-fond elettorali ta’ dan il-partit, ikkostitwit b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi. Issa, konformement mal-Artikoli 24 u 28 ta’ din il-liġi, ir-riżorsi ta’ partit politiku huma kkostitwiti mill-kontribuzzjonijiet tal-membri, mid-dħul minn donazzjonijiet, mis-suċċessjonijiet u mil-legati, mid-dħul mill-proprjetà, mid-donazzjonijiet u mis-sussidji previsti mil-liġi, minn dħul li ġej, fost oħrajn, minn interessi bankarji, min-negozjar ta’ obbligi jew mit-trasferiment ta’ xi wħud mill-attivi tiegħu u, jekk jiksbu ċertu numru ta’ voti fil-kuntest tal-elezzjonijiet tas-Sejm, permezz ta’ allokazzjoni matul il-leġiżlatura. Skont l-Artikolu 36(1) tal-Liġi dwar il-partiti politiċi, il-fond elettorali tal-partit politiku jista’ jkun ikkostitwit minn ħlasijiet magħmula minnu, kif ukoll minn donazzjonijiet, suċċessjonijiet u legati. |
146 |
Min-naħa l-oħra, is-sorsi ta’ finanzjament ta’ kumitat elettorali ta’ votanti jew ta’ organizzazzjonijiet huma limitati, skont l-Artikolu 132(3) ta’ dan il-kodiċi, għall-kontribuzzjonijiet imħallsa minn ċittadini Pollakki li jirrisjedu fil-Polonja b’mod permanenti u għas-self bankarju kkuntrattat biss għall-finijiet tal-elezzjonijiet. |
147 |
Konsegwentement, minkejja li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli jipprevedu limiti massimi ta’ nfiq li l-kumitati elettorali kollha ma jistgħux jaqbżu, xorta jibqa’ l-fatt li l-partiti politiċi għandhom sorsi ta’ finanzjament iktar numerużi, u għaldaqstant, bħala prinċipju, ikbar, sabiex jiffinanzjaw il-kampanja elettorali tagħhom. |
148 |
Sussegwentement, l-Artikolu 133 tal-Kodiċi Elettorali jipprevedi li, matul il-kampanja elettorali, il-kumitat elettorali ta’ partit politiku jew ta’ koalizzjoni, il-kumitat elettorali ta’ votanti u l-kumitat elettorali ta’ organizzazzjoni jistgħu jużaw mingħajr ħlas, rispettivament, il-bini tal-partit politiku, il-bini ta’ membru tal-kumitat elettorali u l-bini ta’ din l-organizzazzjoni, kif ukoll l-apparat tal-uffiċċju ta’ dawn l-entitajiet. Issa, il-korollarju tal-fatt li l-partiti politiċi għandhom diversi sorsi ta’ finanzjament, hekk kif jirriżulta mill-punt 145 ta’ din is-sentenza, għall-finijiet b’mod partikolari tal-akkwist jew tal-kiri tal-bini u ta’ materjal tal-uffiċċju tagħhom, huwa li, meta mqabbla mat-tipi l-oħra ta’ kumitati elettorali, il-kumitati elettorali ta’ partiti politiċi għandhom, bħala prinċipju, kapaċitajiet ikbar f’termini ta’ bini u ta’ materjal tal-uffiċċju sabiex jippromwovu l-kampanja elettorali tagħhom. |
149 |
Fl-aħħar nett, għall-istess raġunijiet, il-kumitati ta’ partiti politiċi jew ta’ koalizzjonijiet ta’ partiti politiċi għandhom, bħala prinċipju, iktar mezzi li jistgħu jiġu allokati għal spejjeż ta’ komunikazzjoni politika minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 117(1) tal-Kodiċi Elettorali, dwar il-preżentazzjoni mingħajr ħlas tal-programmi elettorali fuq l-istazzjonijiet pubbliċi tar-radju u tat-televiżjoni bl-ispejjeż għax-xandara, u b’mod partikolari, dwar ir-reklamar fuq in-netwerks soċjali. |
150 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi twassal sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Polonja mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità Pollakka ma jibbenefikawx minn aċċess ugwali għall-mezzi li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru għandhom għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt tagħhom għall-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali u għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għalhekk tikkostitwixxi differenza fit-trattament ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 22 TFUE. |
– Fuq ir-rispett tal-identità nazzjonali
151 |
Għad fadal li jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li jgħidu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 TFUE li skontha, sabiex jiġi ggarantit li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit mill-imsemmi artikolu jiġi osservat fl-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tad-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-Istati Membri għandhom jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jsiru membri ta’ partit politiku f’dan l-Istat Membru, tmur kontra l-Artikolu 4(2) TUE li jipprevedi li l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom. |
152 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li Stat Membru ma jistax ikun obbligat li jippermetti li tali ċittadini tal-Unjoni jipparteċipaw b’mod permanenti u mingħajr restrizzjoni fil-ħajja politika tal-Istat Membru fejn huma jirrisjedu u li jkollhom influwenza, permezz tas-sistema tal-partiti politiċi, fuq ir-riżultat tal-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali nazzjonali, li jkun il-każ jekk tali ċittadini jkollhom id-dritt li jsiru membri ta’ partit politiku. |
153 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-organizzazzjoni tal-ħajja politika nazzjonali, li għaliha jikkontribwixxu l-partiti politiċi, tagħmel parti mill-identità nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. |
154 |
Madankollu, it-tieni nett, peress li d-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura li l-Artikolu 22 TFUE jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jikkonċerna l-elezzjonijiet muniċipali u l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-imsemmi Stat Membru, din id-dispożizzjoni la timplika l-obbligu, għal dan l-Istat Membru, li jagħti lil dawn iċ-ċittadini d-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet nazzjonali u lanqas ma timplika projbizzjoni, għal dan l-istess Stat Membru, li jadotta regoli partikolari dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan partit politiku dwar in-nomina tal-kandidati fl-elezzjonijiet nazzjonali, li jeskludu lill-membri tal-partit li ma humiex ċittadini tal-imsemmi Stat milli jipparteċipaw f’tali teħid ta’ deċiżjoni. |
155 |
It-tielet nett, l-Artikolu 4(2) TUE għandu jinqara billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-istess livell, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 10 TFUE, ma jistax jeżenta lill-Istati Membri mill-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72). |
156 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ demokrazija u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxu valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, konformement mal-Artikolu 2 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L-Ungerija vs Il-Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 94). |
157 |
L-Artikolu 2 TUE ma jikkostitwixxix sempliċi artikolazzjoni ta’ linji gwida jew ta’ intenzjonijiet ta’ natura politika, iżda jinkludi valuri li jappartjenu għall-identità nnifisha tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni, valuri li huma kkonkretizzati fi prinċipji li jinkludu obbligi legalment vinkolanti għall-Istati Membri (sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 232, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 264). |
158 |
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 112 ta’ din is-sentenza, skont il-kliem tal-Artikolu 10(1) TUE, il-funzjonament tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, li jikkonkretizza l-valur tad-demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies,C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
159 |
Billi jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru mingħajr ma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu d-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura kemm fl-elezzjonijiet muniċipali kif ukoll fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-imsemmi Stat Membru, u dan taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu, l-Artikolu 22 TFUE jikkonkretizza kemm il-prinċipju ta’ demokrazija kif ukoll, kif ġie rrilevat fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini tal-Unjoni, prinċipji li jifformaw parti mill-identità u mill-valuri komuni tal-Unjoni, li għalihom jaderixxu l-Istati Membri u li tagħhom huma għandhom jiżguraw l-osservanza fit-territorju tagħhom. |
160 |
Konsegwentement, il-fatt li jiġi aċċettat li tali ċittadini tal-Unjoni jsiru membri ta’ partit politiku fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom sabiex jimplementaw b’mod sħiħ il-prinċipji ta’ demokrazija u ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jitqies li jippreġudika l-identità nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. |
161 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi tirrifjuta liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Pollakka iżda li jirrisjedu fil-Polonja d-dritt li jkunu membru ta’ partit politiku, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22 TFUE. |
Fuq l‑ispejjeż
162 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, hekk kif mitlub minn din tal-aħħar. |
163 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.