SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 18 – Rappreżentant doganali – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2006/123/KE – Artikoli 10 u 15 – Ċentri ta’ assistenza doganali – Limitazzjoni territorjali tal-attività – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni”
Fil-Kawża C‑503/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemeonte, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura
Centro di Assistenza Doganale (Cad) Mellano Srl
vs
Agenzia delle Dogane e dei Monopoli - – Agenzia delle Dogane - – Direzione Interregionale per la Liguria,
Ministero dell’ Economia e delle Finanze,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev u I. Ziemele (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għaċ-Centro di Assistenza Doganale (Cad) Mellano Srl, minn S. Mellano, avvocata, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L.Armati u F. Moro, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 sa 62 FUE, tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikoli 10 u 15 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ċentru ta’ assistenza doganali (CAD), iċ-Centro di Assistenza Doganale (Cad) Mellano Srl (iktar ’il quddiem iċ-“Cad Mellano”), u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli – Agenzia delle Dogane – Direzione Interregionale per la Liguria (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji – Aġenzija tad-Dwana – Direttorat Interreġjonali għal-Liguria, l-Italja) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tawtorizza liċ-Cad Mellano jeżerċita l-attivitajiet tiegħu barra mill-ġurisdizzjoni territorjali tad-distrett doganali fejn għandu s-sede tiegħu. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Il‑Kodiċi Doganali
|
3 |
Il-premessa 21 tal-Kodiċi Doganali tipprevedi: “Biex ikunu ffaċilitati n-negozji, kull persuna għandha tibqa’ jkollha d-dritt li taħtar rappreżentant fit-trattati tagħha mal-awtoritajiet doganali. Madankollu, m’għandux jibqa’ jkun aktar possibbli li dak id-dritt ta’ rappreżentanza jkun riżervat taħt liġi stabbilita minn wieħed mill-Istati Membri. Barra minn hekk, rappreżentant doganali li jikkonforma mal-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għal simplifikazzjonijiet doganali, għandu jkollu d-dritt jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn huwa jkun stabbilit. Bħala regola ġenerali, rappreżentant doganali għandu jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni [Ewropea]. Dak l-obbligu għandu jitneħħa fejn ir-rappreżentant doganali jaġixxi f’isem persuni li mhumiex meħtieġa li jkunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni jew f’każijiet ġustifikati oħra.” |
|
4 |
L-Artikolu 18 ta’ dan il-kodiċi, bit-titolu “Ir-rappreżentant doganali”, huwa fformulat kif ġej: “1. Kwalunkwe persuna tista’ taħtar rappreżentant doganali. Tali rappreżentanza tista’ jew tkun diretta, f’liema każ ir-rappreżentant doganali għandu jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra, jew indiretta, f’liema każ ir-rappreżentant doganali għandu jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra. 2. Rappreżentant doganali għandu jkun stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni. Ħlief fejn ipprovdut mod ieħor, għandu jingħata eżoneru minn dak ir-rekwiżit fejn ir-rappreżentant doganali jaġixxi f’isem persuni li mhumiex meħtieġa jkunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni. 3. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-kondizzjonijiet li taħthom rappreżentant doganali jista’ jipprovdi servizzi fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit. Madankollu, mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta’ kriterji inqas stretti mill-Istat Membru kkonċernat, rappreżentant doganali li jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 39 għandu jkollu d-dritt jipprovdi tali servizzi fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn huwa stabbilit. 4. L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-kondizzjonijiet determinati f’konformità mal-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 għal rappreżentanti doganali mhux stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni.” |
|
5 |
L-Artikolu 39 tal-imsemmi kodiċi jispeċifika: “Il-kriterji biex jingħata status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandhom ikunu dawn li ġejjin:
|
Id‑Direttiva 2006/123
|
6 |
Il-premessi 2, 5, 6, 29 u 40 tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi:
[…]
[…]
[…]
|
|
7 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/123: “Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.” |
|
8 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru. […] 3. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-qasam tat-tassazzjoni.” |
|
9 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jindika: “1. Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju. 2. Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:
[…] 4. L-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-fornitur ikollu aċċess għall-attività ta’ servizz, jew biex jeżerċita dik l-attività, mat-territorju nazzjonali kollu, inkluż bl-istabbiliment ta’ aġenziji, sussidjarji, fergħat jew uffiċċji, ħlief fejn awtorizzazzjoni għal kull stabbiliment individwali jew limitu ta’ l-awtorizzazzjoni għal ċertu parti tat-territorju huma ġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku. […]” |
|
12 |
L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jispeċifika: “1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet. 2. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:
[…]
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
Id‑dritt Taljan
|
13 |
Id-decreto-legge n. 417 – Disposizioni concernenti cisieri di applicazione dell’ imposta sul valore aggiunto, delle tasse per i contratti di trasferimento di titoli o valori e altre disposizioni tributarie urgenti (id-Digriet-Liġi Nru 417 dwar id-Dispożizzjonijiet li Jikkonċernaw il-Kriterji ta’ Applikazzjoni tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, tat-Taxxi għall-Kuntratti ta’ Trasferiment ta’ Titoli jew ta’ Valuri u Dispożizzjonijiet Fiskali Urġenti Oħra), tat‑30 ta’ Diċembru 1991 (GURI Nru 1 tat‑2 ta’ Jannar 1992, p. 3), ikkonvertit f’liġi, wara emendi, permezz tal-legge n. 66 (il-Liġi Nru 66), tas‑6 ta’ Frar 1992 (GURI Nru 33 tal‑10 ta’ Frar 1992, p. 4), fl-Artikolu 7(1f) u (1g) tagħha jipprevedi: “1f. L-aġenti tad-dwana msemmija fil-paragrafu 1e jistgħu jikkostitwixxu kumpanniji b’kapital azzjonarju b’kapital minimu ta’ 100 miljun lira [Taljana (ITL) (madwar EUR 51645)], li għandhom bħala għan soċjali esklużiv il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza doganali sabiex iwettqu, skont l-awtorizzazzjoni tal-Ministru għall-Finanzi, minbarra l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1e, il-kompiti li ġejjin:
1 g. L-amministrazzjoni fiskali għandha s-setgħa li titlob lill-kumpanniji awtorizzati jeżerċitaw attivitajiet ta’ assistenza doganali, inkluż b’deroga minn kwalunkwe dispożizzjoni statutorja jew regolamentari kuntrarja, id-data u l-provi fil-pussess tagħhom. Digriet tal-Ministru għall-Finanzi li għandu jiġi adottat sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Lulju 1992 […] għandu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1f, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-kumpanniji previsti f’dan l-istess paragrafu 1f u, b’mod partikolari, il-kriterji u l-modalitajiet tar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru previst għal dan l-għan, tal-għoti mill-Ministru għall-Finanzi tal-awtorizzazzjoni li jwettqu l-kompiti fdati lilhom, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli u s-sorveljanza, inkluż l-ispezzjoni, mill-amministrazzjoni fiskali […]” |
|
14 |
L-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 549 – Regolamento recante la costituzione dei centri di assistenza doganale (id-Digriet Ministerjali Nru 549 –Regolament li Jistabbilixxi ċ-Ċentri ta’ Assistenza Doganali), tal‑11 ta’ Diċembru 1992 (GURI Nru 17 tat‑22 ta’ Jannar 1993, p. 16, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 549/1992”), jipprevedi: “1. L-aġenti tad-dwana rreġistrati għal mill-inqas tliet snin fir-reġistru professjonali […] u li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom barra minn relazzjoni ta’ impjieg jistgħu jikkostitwixxu kumpanniji b’kapital azzjonarju, imsejħa CAD […] li għandha bħala għan esklużiv il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza doganali […]. 2. Iċ-[CAD] huma suġġetti għas-sorveljanza, inkluż l-ispezzjoni, tal-amministrazzjoni fiskali […] […]” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet: “1. L-awtorizzazzjoni tal-Ministru għall-Finanzi, prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tal-Liġi [Nru 66], tingħata lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1(1), wara preżentazzjoni lid-Dipartiment tad-Dwana u tat-Taxxi Indiretti tad-dokumenti li ġejjin: a) l-att kostituttiv tal-kumpannija b’indikazzjoni tas-soċji, flimkien mad-dettalji tal-awtorizzazzjoni b’validità illimitata; b) l-istatuti tal-kumpannija, stabbiliti skont il-mudell approvat fl-anness ta’ dan id-digriet; (c) iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija fil-Kamra tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġjanat u tal-Agrikoltura; (d) iċ-ċertifikazzjoni tal-Kunsill Amministrattiv kompetenti li jikkonferma li l-membri kollha kienu rreġistrati għal mill-inqas tliet snin fir-reġistru professjonali, li jeżerċitaw attività professjonali barra minn relazzjoni ta’ impjieg u li l-ebda waħda mill-każijiet li jagħtu lok għas-sospensjoni jew għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħhom ma tapplika għalihom, skont l-Artikolu 53 jew 54 tad-[decreto del presidente della Repubblica n. 43. – Approvazione del testo unico delle disposizioni legislative in materia doganale (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 43 li Jadotta t-Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fil-Qasam Doganali), tat‑23 ta’ Jannar 1973 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 80 tat‑28 ta’ Marzu 1973, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 43/1973”)]. 2. Barra minn hekk, dokument maħruġ mid-distrett doganali kompetenti fit-territorju fejn jinsabu l-uffiċċji taċ-[CAD] għandu jiġi ppreżentat, li jiċċertifika, wara żjara ta’ spezzjoni, li effettivament jeżisti stabbiliment b’bini u tagħmir xieraq għall-eżerċizzju tal-attività ta’ assistenza doganali, kif ukoll ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni tal-kontabbiltà u ta’ żamma tal-fajls. Kull stabbiliment assenjat ulterjorment għall-attività taċ-[CAD] għandu wkoll jiġi kkomunikat lid-distrett doganali kompetenti għall-finijiet taż-żjara ta’ spezzjoni meħtieġa. […]” |
|
16 |
L-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 jindika: “1. Għandu jiġi stabbilit, fi ħdan id-Direttorat Ċentrali tas-Servizzi Doganali tad-Dipartiment tad-Dwana u tat-Taxxi Indiretti, reġistru speċifiku li l-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom obbligatorjament jirreġistraw wara li jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Ministru tal-Finanzi. Ir-reġistrazzjoni għandha tinkludi l-indikazzjoni tad-dettalji ta’ identifikazzjoni, tan-numru tal-awtorizzazzjoni, tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u n-numru tal-VAT tal-kumpannija, kif ukoll l-allokazzjoni ta’ numru ta’ serje. […] 3. Il-kumpanniji awtorizzati msemmija fl-Artikolu 1(1) jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-ġurisdizzjoni territorjali tad-distrett doganali li fih huma għandhom is-sede tagħhom u jistgħu jassoċjaw ruħhom ma’ kumpanniji ekwivalenti li għandhom is-sede tagħhom u awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw f’ġurisdizzjonijiet territorjali oħra li jaqgħu taħt direttorati dipartimentali differenti u jikkostitwixxu Gruppi Ewropej ta’ Interess Ekonomiku, kif previsti mir-Regolament [tal-Kunsill] KEE Nru 2137/1985 [tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 83], irregolati mid-decreto legislativo […] n. 240 [(id-Digriet Leġiżlattiv Nru 240), tat‑23 ta’ Lulju 1991]”. |
|
17 |
L-Artikolu 7(4) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 jipprevedi: “Id-direttorat doganali tad-distrett jista’ jordna kontrolli jew verifiki fuq l-attività eżerċitata fl-uffiċċji jew postijiet oħra taċ-[CAD] li jinsabu fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha.” |
|
18 |
Skont l-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet ministerjali: “1. Sabiex tiġi żgurata ż-żamma tajba tar-reġistri miċ-[CAD], tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet imwettqa u tal-osservanza tal-obbligi preskritti, is-sorveljanza, inkluż l-ispezzjoni, li għandha tiġi eżerċitata fuq iċ-[CAD], tikkonsisti f’kontroll trażversali, permezz ta’ teħid ta’ kampjuni, bejn it-tranżazzjonijiet li jirriżultaw mir-reġistri, mil-kotba u minn kull dokument ieħor miżmum miċ-[CAD], u l-atti tal-uffiċċji doganali u tal-utenti li operaw f’dawn iċ-[CAD]. Din is-sorveljanza għandha ssir mill-inqas darba fis-sena. […] 3. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu legali ieħor, jekk is-sorveljanza turi irregolaritajiet f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ servizz finanzjarju ieħor jew ta’ amministrazzjoni oħra, għandhom jiġu indirizzati komunikazzjonijiet formali lis-servizzi kkonċernati.” |
|
19 |
L-Artikolu 3 tal-legge n. 213 – Norme di adeguamento dell’ attività degli spedizionieri doganali alle mutate esigenze dei traffici e dell’ interscambio internazionale delle merci (il-Liġi Nru 213 dwar id-Dispożizzjonijiet li Jadattaw l-Attività tal-Aġenti tad-Dwana għall-Iżvilupp tal-Bżonnijiet Iddettati mit-Trasport u mill-Kummerċ Internazzjonali tal-Merkanzija), tal‑25 ta’ Lulju 2000 (GURI Nru 178, tal‑1 ta’ Awwissu 2000, p. 5), jipprevedi: “[…] 4. L-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju mogħtija liċ-CAD tipprevedi li dawn huma ammessi għall-proċeduri ssemplifikati ta’ konstatazzjoni previsti fl-Artikolu 76 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 [li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)] u fl-Artikoli 253 et seq. tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 [li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, fil-kundizzjonijiet u skont il-proċeduri previsti fih. 5. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-proċeduri ssemplifikati, iċ-CAD jistgħu jippreżentaw il-merkanzija mhux biss fl-ispazji u fil-postijiet intiżi għall-operazzjonijiet doganali msemmija fl-Artikolu 17 tad-[Digriet Nru 43/1973] iżda wkoll fil-postijiet u fl-imħażen tal-persuni li f’isimhom joperaw f’kull każ u li fihom tinsab il-merkanzija, sakemm dawn il-postijiet jew imħażen ikunu jinsabu fil-ġurisdizzjoni territorjali tad-distrett doganali li fih huma awtorizzati joperaw. […]” |
|
20 |
L-Artikolu 47(3) tad-Digriet Nru 43/1973, kif emendat bl-Artikolu 82(1)(b) tad-decreto legislativo n. 59 – Attuazione della direttiva 2006/123/KE relativa ai servizi nel mercato interno (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 59, li Jimplimenta d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-Servizzi fis-Suq Intern), tas‑26 ta’ Marzu 2010 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 94 tat‑23 ta’ April 2010), jispeċifika: “Il-ħatra bħala aġent tad-dwana li tippermetti li jiġu ppreżentati dikjarazzjonijiet doganali fit-territorju nazzjonali kollu.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
21 |
Cad Mellano huwa CAD li l-attività tiegħu tikkonsisti f’li joffri lill-klijenti tiegħu servizzi ta’ rappreżentazzjoni doganali. Huwa ġie approvat f’dan ir-rigward mid-Direzione Territoriale II per la Liguria, il Piemonte e la Valle d’Aosta (id-Direttorat Territorjali II għal-Liguria, il-Piemonte u l-Valle d’Aosta, l-Italja) kompetenti għad-distrett fejn tinsab is-sede tiegħu. Għall-applikazzjoni tal-proċeduri ssemplifikati, iċ-Cad Mellano għandu, f’dan id-distrett doganali, bini approvat li jippermettilu jwettaq operazzjonijiet doganali fuq merkanzija mingħajr ma jkollu jgħaddihom lid-dwana jew fil-bini tal-importatur. |
|
22 |
Matul l‑2021, iċ-Cad Mellano kkonkluda kuntratt mal-kumpannija Ġermaniża ALFA dwar il-ħruġ ta’ dokumenti doganali ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ta’/lejn ir-Renju Unit. |
|
23 |
Bl-għan li jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni tal-merkanzija ta’ ALFA, iċ-Cad Mellano kkonkluda kuntratt mal-kumpannija BETA li għandha maħżen fil-Provinċja ta’ Vicenza (l-Italja), barra mill-ġurisdizzjoni tad-distrett doganali li fih għandu s-sede tiegħu Cad Mellano. Konsegwentement, dan tal-aħħar talab lill-awtoritajiet doganali kompetenti l-awtorizzazzjoni għal dan il-bini. |
|
24 |
Fl‑20 ta’ Ottubru 2021, din it-talba ġiet miċħuda minħabba li l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 ma jippermettix liċ-CAD jeżerċitaw l-attività tagħhom barra mid-distrett doganali fejn għandhom is-sede tagħhom. |
|
25 |
Iċ-Cad Mellano mar quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament ta’ din iċ-ċaħda. |
|
26 |
Fl-ewwel lok, din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 mal-Artikolu 18(3) tal-Kodiċi Doganali. Fil-fatt, skont din l-aħħar dispożizzjoni, meta rappreżentant doganali jissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 39(a) sa (d) ta’ dan il-kodiċi, dan għandu jiġi awtorizzat jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak li fih huwa stabbilit. A fortiori, tali rappreżentant għandu jkun jista’ jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fit-territorju kollu tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit. |
|
27 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 jista’ jmur kontra l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, din l-awtorizzazzjoni għandha tippermetti lill-fornitur awtorizzat li jkollu aċċess għall-attività ta’ servizzi jew sabiex jeżerċita din l-attività mat-territorju nazzjonali kollu “inkluż bl-istabbiliment ta’ aġenziji, sussidjarji, fergħat jew uffiċċji”, ħlief fil-każ fejn in-neċessità ta’ limitu tal-awtorizzazzjoni għal ċertu parti tat-territorju għal kull stabbiliment huwa ġġustifikati b’raġuni imperattiv ta’ interess ġenerali. Minn naħa, fil-kawża prinċipali ma jidhirx li teżisti ġustifikazzjoni għal tali limitazzjoni. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża jista’ jkollha l-effett li tipprojbixxi liċ-CAD milli jkollhom iktar minn stabbiliment wieħed fit-territorju nazzjonali. Issa, tali projbizzjoni la hija neċessarja u lanqas proporzjonali. |
|
28 |
Fit-tielet lok, il-limitazzjoni territorjali tal-eżerċizzju tal-attività taċ-CAD tista’ tmur kontra l-Artikoli 56 sa 62 TFUE. Fil-fatt, dawn iċ-CAD, li joperaw fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament sfavorevoli meta mqabbla mal-aġenti tad-dwana li, filwaqt li jeżerċitaw l-istess attività bħaċ-CAD, ma huma suġġetti għal ebda limitazzjoni territorjali. |
|
29 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan il-kuntest, li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taċ-CAD stabbiliti fl-Italja li twassal għaliha l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 jista’ jkollha wkoll effetti transkonfinali, peress li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
31 |
Il-Gvern Taljan jikkunsidra li d-domandi preliminari huma inammissibbli. Fil-fatt, huwa possibbli li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun inutli. |
|
32 |
Għandu jitfakkar li l-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni distinta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, U.I. (Rappreżentant doganali indirett),C‑714/20, EU:C:2022:374, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Legea,C‑686/21, EU:C:2023:357, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjentement ċar il-kuntest ġuridiku u fattwali kif ukoll ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija tqis neċessarju sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha. Ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex relatata mal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. |
|
35 |
Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mill-Gvern Taljan. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-qrati nazzjonali huma obbligati jinterpretaw id-dritt nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa ta’ dan tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju sabiex tipprovdi l-elementi kollha li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu li tiġi evalwata l-kompatibbiltà ma’ dan id-dritt ta’ ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali, iżda ma tistedinx lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess dwar din il-kompatibbiltà. |
|
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
37 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-eżerċizzju tal-attività tar-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha bħala għan esklużiv il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza doganali fid-distrett doganali li fih din il-kumpannija għandha s-sede tagħha. |
|
38 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, BEMH u CNCC, C‑325/20, EU:C:2021:611, punt 18, u tat‑12 ta’ Ottubru 2023, INTER CONSULTING,C‑726/21, EU:C:2023:764, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(3) tal-Kodiċi Doganali, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet li taħthom rappreżentant doganali jista’ jipprovdi servizzi fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit. |
|
40 |
Fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi minn rappreżentant doganali stabbilit fi Stat Membru ieħor, it-tieni sentenza tal-Artikolu 18(3) ta’ dan il-kodiċi tipprevedi li, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ kriterji inqas stretti mill-Istat Membru kkonċernat, tali rappreżentant huwa awtorizzat jipproponi dawn is-servizzi fi Stat Membru differenti minn dak li fih huwa stabbilit, meta jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 39(a) sa (d) tal-imsemmi kodiċi. |
|
41 |
B’hekk, skont dawn il-kriterji, rappreżentant doganali għandu juri li ma wettaqx ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tad-dispożizzjonijiet fiskali, li huwa jeżerċita livell għoli ta’ kontroll fuq l-operazzjonijiet tiegħu u fuq il-movimenti tal-merkanzija permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-kotba kummerċali, li huwa finanzjarjament solventi u li jippreżenta sitwazzjoni finanzjarja sodisfaċenti li tippermettilu jissodisfa l-impenji tiegħu, billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tat-tip tal-attività ekonomika kkonċernata, u li josserva r-regoli prattiċi fil-qasam ta’ kompetenza jew ta’ kwalifiki professjonali direttament marbuta mal-attività eżerċitata. |
|
42 |
Konsegwentement, mill-Artikolu 18(3) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li rappreżentant doganali li jixtieq jipproponi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak li fih huwa stabbilit huwa suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 39(a) sa (d) ta’ dan il-kodiċi, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ kriterji inqas stretti mill-Istat Membru kkonċernat. Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex imposti, min-naħa l-oħra, fuq ir-rappreżentant doganali li jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit, peress li dan l-Istat jista’ jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
|
43 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 jistabbilixxi kundizzjoni applikabbli għaċ-CAD, li tillimita l-attività tagħhom fit-territorju tad-distrett doganali fejn għandhom is-sede tagħhom. B’dan il-mod, ir-Repubblika Taljana eżerċitat il-fakultà mogħtija lilha mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(3) ta’ dan il-kodiċi li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom ir-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jistgħu jipprovdu servizzi f’dan it-territorju. |
|
44 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 18(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-eżerċizzju tal-attività tar-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha bħala għan esklużiv il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza doganali fid-distrett doganali li fih din il-kumpannija għandha s-sede tagħha, sakemm tali leġiżlazzjoni tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
|
45 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 10 u 15 tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll l-Artikoli 56 sa 62 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-eżerċizzju tal-attività tar-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha bħala għan esklużiv il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza doganali fid-distrett doganali li fih din il-kumpannija għandha s-sede tagħha. |
|
46 |
L-ewwel nett, mill-premessa 6 tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li t-tneħħija tal-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment ma tistax titwettaq biss bl-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 56 TFUE minħabba, b’mod partikolari, il-kumplessità estrema tat-trattament każ b’każ tal-ostakoli għal din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑729/17, EU:C:2019:534, punt 53). |
|
47 |
Fil-fatt, l-eżami simultanju ta’ miżura nazzjonali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 u ta’ dawk tat-TFUE jkun ekwivalenti għall-introduzzjoni ta’ eżami każ b’każ, skont id-dritt primarju, u jinvalida l-armonizzazzjoni selettiva mwettqa minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 96). |
|
48 |
Minn dan isegwi li, meta restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, ma jkunx hemm lok li din tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑729/17, EU:C:2019:534, punt 54). |
|
49 |
It-tieni nett, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjoni purament interna, sa fejn iċ-ċirkustanzi tagħha jirrigwardaw ir-rifjut tal-amministrazzjoni Taljana li teżerċita l-attività tagħha fit-territorju Taljan f’distrett doganali differenti minn dak li fih din il-kumpannija għandha s-sede tagħha. |
|
50 |
Madankollu, tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li teskludi l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 li jinkludu l-Artikoli 10 u 15 ta’ din id-direttiva, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu III għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għal sitwazzjoni li l-elementi rilevanti kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliwości,C‑55/20, EU:C:2022:6, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-istabbiliment sħiħ tas-suq intern tas-servizzi jeħtieġ, qabelxejn, it-tneħħija tal-ostakoli li jiltaqgħu magħhom il-fornituri sabiex jistabbilixxu ruħhom fl-Istati Membri, kemm jekk dan ikun fl-Istat Membru tagħhom stess kif ukoll fi Stat Membru ieħor, u li jistgħu jimminaw il-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi lil destinatarji fl-Unjoni kollha (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 105). |
|
51 |
Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, hemm lok li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 jiġu interpretati, sa fejn dawn ikunu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali. |
Fuq il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2006/123
|
52 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi li, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jkunu f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ att li jirregola aspetti speċifiċi tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha f’setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ tali att għandhom jipprevalu. |
|
53 |
Issa, kif jirriżulta mill-punti 39 u 44 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 18(3) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom rappreżentant doganali jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit, konformement mad-dritt tal-Unjoni u ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita l-eżerċizzju tal-attività tar-rappreżentanti doganali għad-distrett doganali li fih huma stabbiliti. |
|
54 |
Minn dan jirriżulta li l-Kodiċi Doganali ma jinkludix, f’dan ir-rigward, regoli li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123, b’tali mod li din id-direttiva tista’ tapplika għas-servizzi pprovduti mir-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti fit-territorju Taljan, suġġetti għal-limitazzjoni territorjali prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992. |
|
55 |
Fir-rigward tal-attività stess tar-rappreżentanti doganali, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 jipprevedu li din tapplika għal kull attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, normalment imwettqa għal remunerazzjoni minn fornitur stabbilit fi Stat Membru, irrispettivament minn jekk huwiex stabbilit jew le b’mod stabbli u kontinwu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, bla ħsara għall-attivitajiet u għall-oqsma espressament esklużi skont l-Artikolu 2(2) u (3) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 45). |
|
56 |
B’hekk, l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jeskludi serje ta’ attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 2(3) tal-istess direttiva jispeċifika barra min hekk li din ma tapplikax fil-qasam tat-tassazzjoni. |
|
57 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti fit-territorju Taljan, suġġetti għal-limitazzjoni territorjali prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992, jipprovdu servizzi ta’ assistenza għat-twettiq tal-formalitajiet doganali inkambju għal remunerazzjoni. |
|
58 |
Tali servizzi jaqgħu taħt l-għan stess tad-Direttiva 2006/123, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, peress li dawn ir-rappreżentanti doganali huma fornituri li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti. Barra minn hekk, l-attività ta’ rappreżentant doganali tikkorrispondi għall-kunċett stess ta’ “servizzi”, kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, sa fejn din hija attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, normalment eżerċitata għal remunerazzjoni. |
|
59 |
Barra minn hekk, is-servizzi pprovduti mill-imsemmija rappreżentanti doganali manifestament ma jaqgħux taħt l-attivitajiet espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva. |
|
60 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123, li jipprevedi li din “m’għandhiex tapplika għall-qasam tat-tassazzjoni”, mill-premessa 29 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-esklużjoni tal-qasam tat-tassazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li t-Trattat FUE jipprevedi bażijiet legali speċifiċi f’dan il-qasam. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, għandha ssir distinzjoni bejn il-qasam tat-tassazzjoni u l-qasam doganali, peress li dan tal-aħħar jikkostitwixxi kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(a) TFUE u huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Kodiċi Doganali. Fir-rigward tas-servizzi pprovduti mir-rappreżentanti doganali, l-Artikolu 18(3) ta’ dan il-kodiċi jirreferi għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, filwaqt li jeżiġi li dawn il-leġiżlazzjonijiet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk ukoll mad-Direttiva 2006/123. L-applikabbiltà f’dan il-każ ta’ din id-direttiva għalhekk ma hijiex eskluża skont l-Artikolu 2(3) tagħha. |
|
62 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-attività tar-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti fl-Italja, suġġetti għal-limitazzjoni territorjali prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123. |
|
63 |
Tali interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 hija kkorroborata mill-għanijiet ta’ din id-direttiva li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessi 2 u 5 tagħha, tikkonsisti f’li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali intiżi li jeliminaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment tal-fornituri fl-Istati Membri u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn dawn tal-aħħar, sabiex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ suq intern tas-servizzi liberu u kompetittiv (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tirregola l-eżerċizzju tal-attività tar-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti fit-territorju Taljan, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123. |
Fuq id‑dispożizzjonijiet rilevanti tad‑Direttiva 2006/123
|
65 |
Skont it-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 10 u 15 tad-Direttiva 2006/123. |
|
66 |
Skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123, li taqa’ taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva dwar l-awtorizzazzjonijiet ta’ aċċess għal attività ta’ servizzi, l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li irregolaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju. |
|
67 |
Il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, bħala kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur huwa tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha. |
|
68 |
L-Artikolu 15(1) u (2) tal-imsemmija direttiva li jaqa’ taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tagħha, dwar ir-rekwiżiti pprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni, jindika r-rekwiżiti li għalihom l-Istati Membri huma awtorizzati jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 15. |
|
69 |
Il-kunċett ta’ “rekwiżit”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva bħala kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kundizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri jew bħala riżultat tal-każistika, il-prattika amministrattiva, ir-regoli ta’ korpi professjonali, jew ir-regoli kollettivi ta’ assoċjazzjonijiet professjonali jew organizzazzjonijiet professjonali oħrajn, adottati fl-eżerċizzju tal-awtonomija legali tagħhom. |
|
70 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, hija għalhekk distinta minn “rekwiżit”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, sa fejn timplika azzjoni min-naħa tal-fornitur tas-servizz kif ukoll att formali li permezz tiegħu l-awtoritajiet kompetenti jawtorizzaw l-attività ta’ dan il-fornitur (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, Cali Apartments,C‑724/18 u C‑727/18, EU:C:2020:743, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992, iċ-CAD jistgħu jibbenefikaw mill-approvazzjoni ta’ post li jippermetti t-twettiq tal-formalitajiet doganali mingħajr preżentazzjoni fiżika tal-merkanzija f’uffiċċju doganali biss meta dan il-post jinsab f’dan id-distrett doganali. |
|
72 |
Issa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-limitazzjoni territorjali prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992, tali kundizzjoni għandha titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “rekwiżit”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, kif dan il-kunċett huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tillimita l-eżerċizzju tal-attività tar-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha bħala għan esklużiv il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza doganali lid-distrett doganali li fih din il-kumpannija għandha s-sede tagħha. |
Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 15(2) u (3) tad‑Direttiva 2006/123
|
73 |
Skont l-Artikolu 15(2)(a) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema ġuridika tagħhom tissuġġettax l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għall-osservanza, b’mod partikolari, ta’ limitu territorjali. |
|
74 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li limitazzjoni territorjali tal-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività ta’ servizzi tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler,C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 49). |
|
75 |
Fil-fatt, l-Artikolu 15(2)(a) tad-Direttiva 2006/123 jikklassifika espliċitament ir-“restrizzjonijiet territorjali” għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizzi bħala “rekwiżiti” fis-sens tal-punti 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jikkostitwixxu kundizzjonijiet li jaffettwaw il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ servizzi (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler,C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 51). |
|
76 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 jipprekludi liċ-CAD milli jkollhom post approvat fit-territorju ta’ distrett doganali differenti minn dak li fih għandhom is-sede tagħhom u jimponi, għalhekk, limitazzjoni territorjali għall-attività tagħhom li tikkostitwixxi restrizzjoni. |
|
77 |
F’dan ir-rigward, kif irrilevaw iċ-Cad Mellano u l-Kummissjoni, il-fatt li, skont l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992, iċ-CAD jistgħu jassoċjaw ruħhom, fil-forma ta’ gruppi Ewropej ta’ interess ekonomiku, ma’ kumpanniji ekwivalenti li għandhom is-sede tagħhom f’distretti doganali oħra sabiex joffru s-servizzi tagħhom hemmhekk ma huwiex ta’ natura li jelimina r-restrizzjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni, peress li ma huwiex permess lilhom li jipprovdu s-servizzi tagħhom barra mid-distrett doganali li fih għandhom is-sede tagħhom skont il-modalitajiet li jkunu għażlu. |
|
78 |
Sabiex tiġi aċċettata, tali restrizzjoni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, jiġifieri li hija għandha tapplika b’mod nondiskriminatorju skont in-nazzjonalità u li għandha tkun neċessarja u proporzjonata mal-għanijiet imfittxija minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler,C‑293/14, EU:C:2015:843, punti 56 sa 70). |
|
79 |
Għaldaqstant, ir-restrizzjoni li tirriżulta mir-rekwiżit li jimponi l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 tista’ tiġi aċċettata, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, jekk din ir-restrizzjoni ma tkunx direttament jew indirettament diskriminatorja minħabba n-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, il-post tas-sede tagħhom, jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u jekk tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex, mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, peress li miżuri oħra inqas vinkolanti ma għandhomx jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat. |
|
80 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ nondiskriminazzjoni kif imfakkra fl-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2006/123, huwa paċifiku li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 japplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew il-post tal-uffiċċju rreġistrat, peress li dan ir-rekwiżit għandu jiġi ssodisfatt mir-rappreżentanti doganali kollha li jixtiequ jużaw il-proċedura ssemplifikata msejħa tal-“post approvat”, kemm jekk ikunu stabbiliti fl-Italja jew fi Stat Membru ieħor. |
|
81 |
F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-punt dwar jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2006/123, il-Gvern Taljan jinvoka l-għan li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli doganali, bl-għan li tiġi evitata l-frodi doganali u li jiġu protetti d-destinatarji tas-servizzi ta’ assistenza doganali. |
|
82 |
Fir-rigward tal-għan ibbażat fuq l-effikaċja tal-kontrolli doganali, għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-frodi doganali u tal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ta’ assistenza doganali, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tal-premessa 40 tagħha, il-protezzjoni tad-destinatarji ta’ servizzi u l-ġlieda kontra l-frodi jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, CNAE et, C‑292/21, EU:C:2023:32, punt 61). |
|
83 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif jeżiġi l-Artikolu 15(3)(ċ) tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi vverifikat jekk din il-miżura hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq u li ma jeżistux miżuri li jippreġudikaw inqas il-libertà inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, CNAE et, C‑292/21, EU:C:2023:32, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat ukoll li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali hija xierqa sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan imfittex unikament jekk fil-verità tissodisfa x-xewqa li dan jintlaħaq b’mod konsistenti u sistematiku (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Inġenjaturi ċivili, aġenti tal-privattivi u veterinarji), C‑209/18, EU:C:2019:632, punt 94). |
|
85 |
Finalment huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, li hija unikament kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li tiddetermina jekk miżura tissodisfax din il-kundizzjoni. Madankollu, sabiex tipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub li tressqu quddiemha, li jkunu tali li jippermettu lil din il-qorti nazzjonali li tagħti deċiżjoni (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, CNAE et, C‑292/21, EU:C:2023:32 punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kapaċità ta’ miżura bħal dik prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 li tilħaq l-għan intiż li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-limitazzjoni territorjali li għaliha huma suġġetti ċ-CAD tippermetti li tinżamm rabta ġeografika bejn il-post fejn iċ-CAD jeżerċitaw l-attività tagħhom u d-distrett doganali li fil-ġurisdizzjoni tiegħu huma għandhom is-sede tagħhom. |
|
87 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-prossimità ġeografika tal-uffiċċju doganali kompetenti kif ukoll l-informazzjoni li huwa għandu bħala awtorità li approvat post għall-finijiet tat-twettiq tal-proċeduri doganali jistgħu, bħala prinċipju, iżidu l-effikaċja tal-kontrolli fuq il-post, billi jippermettu, kif jindika l-Gvern Taljan, li jiġi ggarantit kontroll preventiv u kostanti. |
|
88 |
Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tiżgura li l-uffiċċju doganali territorjalment kompetenti sabiex jikkontrolla CAD ikun l-eqreb għall-post approvat li fih dan iċ-CAD huwa awtorizzat jopera l-attivitajiet tiegħu. |
|
89 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 47(3) tad-Digriet Nru 43/1973, l-aġenti doganali jistgħu jippreżentaw dikjarazzjonijiet doganali fit-territorju Taljan kollu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju speċifikat li, qabel ma ġiet emendata, din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi għall-aġenti doganali limitazzjoni territorjali identika għal dik applikabbli għaċ-CAD. |
|
90 |
Fid-dawl ta’ din id-differenza fit-trattament bejn l-aġenti tad-dwana u ċ-CAD, u bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, il-limitazzjoni territorjali li tirriżulta mill-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992, li hija applikabbli biss għaċ-CAD, ma tidhirx li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija, peress li ma ssodisfatx verament l-intenzjoni li dawn jintlaħqu b’mod koerenti u sistematiku. |
|
91 |
Sa fejn il-Gvern Taljan jirrileva, f’dan il-kuntest, li l-aġenti tad-dwana ma jistgħux jibbenefikaw mill-proċedura doganali ssemplifikata msejħa tal-“post awtorizzat”, peress li dawn huma obbligati jwettqu l-formalitajiet doganali fil-bini tal-klijenti tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-vantaġġ mogħti minn din il-proċedura jinsab fil-fatt li l-merkanzija ma għandhiex tiġi ppreżentata fiżikament fil-bini tal-awtoritajiet doganali. Issa, l-aġenti tad-dwana jidhru wkoll li jibbenefikaw minn tali vantaġġ peress li jistgħu jissuġġettaw il-merkanzija għall-formalitajiet doganali mill-istabbilimenti tal-klijenti tagħhom. |
|
92 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, billi tipprojbixxi liċ-CAD milli jużaw “postijiet awtorizzati” li jinsabu fit-territorju ta’ distrett doganali differenti minn dak li fih għandhom is-sede tagħhom, dawn huma obbligati, sabiex ikunu jistgħu jużaw tali postijiet, li jittrasferixxu s-sede tagħhom f’dan id-distrett doganali jew li jassoċjaw ruħhom, fil-forma ta’ gruppi Ewropej ta’ interess ekonomiku, ma’ kumpanniji ekwivalenti għandhom is-sede tagħhom fl-imsemmi distrett. |
|
93 |
Issa, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri inqas restrittivi mil-limitazzjoni territorjali li tirriżulta mill-Artikolu 3(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992 jistgħu jiġu previsti sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli doganali, għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-frodi doganali u tal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ta’ assistenza doganali. |
|
94 |
B’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, b’mod partikolari, jekk l-iskambju bejn l-uffiċċji doganali tal-informazzjoni neċessarja għall-kontrolli tal-formalitajiet doganali mwettqa miċ-CAD, previst fl-Artikolu 8(3) tad-Digriet Ministerjali Nru 549/1992, jippermettix li jintlaħaq l-istess riżultat bħall-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
95 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli doganali, għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-frodi doganali u tal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ta’ assistenza doganali, tillimita l-eżerċizzju tal-attività tar-rappreżentanti doganali organizzati fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha bħala għan tagħha esklużiv il-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza doganali fid-distrett doganali li fih din il-kumpannija għandha s-sede tagħha, sa fejn tali limitazzjoni territorjali ma tiġix applikata b’mod koerenti u li l-għan li tiġi ggarantita l-effikaċja ta’ dawn il-kontrolli jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi. |
Fuq l‑ispejjeż
|
96 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.