SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
17 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu b’mod irregolari fi Stat Membru – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 5 – Prinċipju ta’ non-refoulement – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, bħala konsegwenza tar-residenza irregolari taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li tirriżulta miċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali – Obbligu, għall-awtorità amministrattiva, li tevalwa l-konformità tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni mal-prinċipju ta’ non-refoulement – Artikolu 13 – Rimedji kontra deċiżjonijiet relatati mar-ritorn – Obbligu, għall-qorti nazzjonali, li tirrileva ex officio l-ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Portata – Artikolu 4, Artikolu 19(2) u Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑156/23 [Ararat] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir‑rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
K,
L,
M,
N
vs
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tieni Awla li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Jääskinen, M. Gavalec u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal K, L, M u N, minn C. M. G. M. Raafs, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Svizzeru, minn V. Michel, Ministru u L. Lanzrein, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou, S. Noë u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 19(2) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn K, L, M u N, ċittadini ta’ pajjiż terz, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħhom għal permess ta’ residenza previst mid-dritt Olandiż u li tikkonstata l-irregolarità tar-residenza tagħhom fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll l-eżekuzzjoni, konsegwentement, ta’ deċiżjoni ta’ ritorn preċedentement adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 6, 8, 15 u 23 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu li:
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin [fit-territorju ta’ Stat Membru] illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.” |
|
5 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li din tal-aħħar tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qiegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru irregolarment. |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, jipprevedi: “Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:
jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.” |
|
8 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn” jiddisponi, fil-paragrafi 1, 4 u 6 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5. […] 4. L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn. […] 6. Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.” |
|
9 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Posponiment ta’ tneħħija”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:
|
|
10 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva, “[d]eċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli”. |
|
11 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Rimedji”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza. 2. L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali. […]” |
Id‑dritt Olandiż
|
12 |
L-Artikolu 8: 69 tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Kodiċi Amministrattiv), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Amministrattiv”), jipprovdi: “1. Il-qorti adita tiddeċiedi abbażi tar-rikors, id-dokumenti prodotti, l-istruttorja preliminari u t-trattazzjonijiet fis-seduta. 2. Il-qorti għandha tikkompleta l-motivi ta’ dritt ex officio. 3. Il-qorti tista’ tikkompleta l-fatti ex officio.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
13 |
Fis‑16 ta’ Marzu 2011, K u L, li huma żewġ aħwa nisa, kif ukoll il-ġenituri tagħhom, M u N, kollha kemm huma ċittadini ta’ pajjiż terz, ippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fid‑9 ta’ Awwissu 2012, din l-applikazzjoni kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda li saret definittiva, flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2012”). Din id-deċiżjoni tal-aħħar ġiet adottata wara evalwazzjoni, mill-awtorità amministrattiva kompetenti, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement, tar-riskju possibbli ta’ tortura jew ta’ pieni jew ta’ trattamenti inumani u degradanti li għalihom jesponu ruħhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-każ li l-imsemmija deċiżjoni tiġi eżegwita u fil-każ ta’ tneħħija lejn dan il-pajjiż terz. |
|
14 |
Fl‑10 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst minn sistema nazzjonali applikabbli għall-ulied li jirrisjedu għal żmien twil. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni adottata fis‑16 ta’ Ġunju 2016, li saret ukoll definittiva wara ċ-ċaħda tal-appell tagħhom minn din id-deċiżjoni, fis‑17 ta’ Jannar 2017. |
|
15 |
Fit‑18 ta’ Frar 2019, huma ppreżentaw applikazzjoni ġdida għal permess ta’ residenza abbażi ta’ sistema nazzjonali oħra applikabbli għall-ulied li jirrisjedu għal żmien twil. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2019, is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà ċaħad din l-applikazzjoni. Konsegwentement, huwa kkonstata, minn naħa, li r-residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet irregolari u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2012 kellha tiġi eżegwita. |
|
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu lment kontra d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2019, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2020”, u appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Ruremonde, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar laqgħet it-talba tagħhom għal miżuri provviżorji intiżi sabiex jawtorizzawhom jistennew l-eżitu ta’ dan l-appell fit-territorju nazzjonali u ssospendiet l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2012. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-awtorità amministrattiva li adottat id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2020, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, ma evalwatx jekk l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2012, meħuda kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kinitx tosserva l-prinċipju ta’ non-refoulement. |
|
18 |
Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva, minn naħa, li, permezz tal-applikazzjoni tagħhom għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali, bid-data tat‑18 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom l-intenzjoni jiksbu l-awtorizzazzjoni sabiex ikomplu jgħixu l-ħajja privata tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija tirrileva, min-naħa l-oħra, li wieħed mill-argumenti insostenn ta’ din l-applikazzjoni huwa li K u L kien sar għandhom “stil ta’ ħajja tal-Punent”, peress li kibru fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u billi adottaw ir-regoli u l-valuri li jipprevalu f’dan l-Istat Membru, b’tali mod li huma jibżgħu li, li kieku kellhom jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, isibu ruħhom f’sitwazzjoni li l-prinċipju ta’ non-refoulement, stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprojbixxi. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li tali argument ma kienx ġie invokat insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fis‑16 ta’ Marzu 2011, iżda jista’ jiġi eżaminat fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, iwassal lill-awtorità kompetenti twettaq tali eżami sabiex tagħti lil K u lil L, jekk ikun il-każ, l-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirreferi għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi) (C‑646/21, EU:C:2024:487), li kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-data tal-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża preżenti. |
|
20 |
Hija żżid tgħid li K u L iddeċidew li ma jippreżentawx applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali intiża li tissottometti lil tali awtorità l-argument ibbażat fuq l-allegat “stil ta’ ħajja tal-Punent” tagħhom u, għaldaqstant, fuq il-biża’ tagħhom li jiġu ppersegwitati minħabba dan il-fatt, minkejja li tali possibbiltà ġiet offruta lilhom, sakemm ir-rikors dwar l-applikazzjoni tagħhom għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali kien pendenti. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li d-dritt nazzjonali ma jeskludix li tali argument seta’ jiġi invokat minn K u L insostenn tal-applikazzjoni tagħhom għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali u li l-awtorità li ħadet id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2020 setgħet, fuq din il-bażi, tagħtihom “permess ta’ residenza ordinarja”. |
|
21 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, “fih obbligu ddikjarat b’mod ċar, mingħajr eċċezzjoni jew riżerva”, għall-Istati Membri, li josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement meta jimplimentaw din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità amministrattiva kompetenti tikkonstata li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qiegħed jirrisjedi irregolarment u tordna l-eżekuzzjoni, fil-konfront tiegħu, ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata preċedentement fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, dik l-awtorità hija obbligata tirrevedi din id-deċiżjoni ta’ ritorn fid-dawl tal-prinċipju ta’ non-refoulement, billi twettaq evalwazzjoni aġġornata tar-riskju mġarrab mid-destinatarju tagħha li jkun espost għal tortura jew għal pieni jew għal trattamenti inumani jew degradanti fil-każ ta’ tneħħija lejn dan il-pajjiż terz. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li, fil-prattika legali nazzjonali, it-tneħħija ma hijiex ordnata minn deċiżjoni jew att separat mid-deċiżjoni ta’ ritorn. Din tal-aħħar għalhekk timponi mhux biss obbligu ta’ ritorn fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun id-destinatarju tagħha, iżda wkoll, fuq l-awtorità amministrattiva kompetenti, l-obbligu li twettaq it-trasferiment fiżiku barra mill-Istat Membru fil-każ ta’ rifjut ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ ritorn. |
|
23 |
Din il-qorti tenfasizza, min-naħa l-oħra, li, għalkemm, skont il-prattika nazzjonali, ir-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement huwa sistematikament evalwat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, dan madankollu ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata miċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, din iċ-ċaħda allegatament għandha bħala konsegwenza li r-residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tkun irregolari u li dan tal-aħħar ikollu l-obbligu ta’ ritorn. |
|
24 |
Fit-tieni lok, sa fejn il-konferma possibbli, mill-qorti tar-rinviju, tal-legalità tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2020, li tiċħad il-permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali, ser tiddetermina n-natura irregolari tar-residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u, għaldaqstant, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2012 li s-sospensjoni tagħha tintemm minħabba dan il-fatt, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mhux biss mal-Artikolu 19(2) tal-Karta iżda wkoll mal-Artikolu 47 tagħha, jobbligaha tistħarreġ l-osservanza tal-prinċipju ta’ non‑refoulement mill-awtorità amministrattiva li ddeterminat l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn u, jekk ikun il-każ, teżamina ex officio r-riskju ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar l-applikabbiltà fil-qasam inkwistjoni tal-Artikolu 8:69 tal-Kodiċi Amministrattiv, li jiddefinixxi f’termini ġenerali s-setgħat ex officio tal-qorti amministrattiva. Hija tirrileva wkoll li, fil-prattika nazzjonali, il-qrati ma humiex obbligati jikkonstataw ex officio ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement iggarantit mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk il-motivi li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858), li l-istħarriġ, minn awtorità ġudizzjarja, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għal-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni għandu jwassal lil din l-awtorità sabiex tirrileva ex officio, abbażi tal-informazzjoni fl-atti tal-proċess miġjuba quddiemha, kif issuplimentata jew iċċarata matul il-proċedura kontradittorja quddiemha, l-eventwali nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni għal-legalità li ma ġietx invokata mill-persuna kkonċernata, japplikawx, b’analoġija, għall-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ non-refoulement fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-portata tal-obbligu li jiġi rrilevat ex officio l-ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, tvarja skont jekk huwiex eżegwit fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, jew ta’ proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li nbdiet b’applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali. |
|
27 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, fi kwalunkwe każ, li kemm il-prinċipju ta’ non‑refoulement, li huwa ta’ natura assoluta, kif ukoll id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta, huma ggarantiti b’mod sħiħ biss jekk l-awtorità ġudizzjarja tkun obbligata tivverifika ex officio, billi tapplika, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 8:69 tal-Kodiċi Amministrattiv, jekk l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkunx ser tesponi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu d-destinatarji tagħha għal riskju ta’ tortura jew ta’ pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti f’dan il-pajjiż terz. Fil-fehma tagħha, prattika legali nazzjonali li fiha l-istħarriġ ġudizzjarju jkun limitat għall-evalwazzjoni tal-argumenti u tal-motivi espressament imressqa miċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat ma tistax tiġi kkonċiljata man-natura assoluta tal-prinċipju ta’ non-refoulement iggarantit mid-dritt tal-Unjoni. |
|
28 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq it‑tielet domanda
|
29 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtorità amministrattiva li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza prevista mid-dritt nazzjonali u, konsegwentement, tikkonstata li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, tiżgura ruħha mill-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, billi tirrevedi, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, id-deċiżjoni ta’ ritorn adottata qabel kontra dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali u li s-sospensjoni tagħha tkun intemmet wara tali ċaħda. |
|
30 |
Preliminarjament għandu jitfakkar li l-għan prinċipali tad-Direttiva 2008/115 jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, fl-istabbiliment ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni fl-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48 u tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 88). |
|
31 |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115 u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, mill-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għal soġġorn jew għal residenza fih ikun, minħabba dan il-fatt biss, jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 39; tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis, C‑546/19, EU:C:2021:432, punti 43 u 44; kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2023, Odbor azylové a migrační politiky MV (Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ritorn), C‑257/22, EU:C:2023:852, punt 36). |
|
32 |
Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 huwa ddefinit b’riferiment biss għas-sitwazzjoni ta’ residenza irregolari li fiha jkun jinsab ċittadin ta’ pajjiż terz, indipendentement mir-raġunijiet li jkunu wasslu għal din is-sitwazzjoni jew mill-miżuri li jkunu jistgħu jiġu adottati fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis, C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 45). |
|
33 |
Barra minn hekk, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jaqa’, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bħala prinċipju, ikun suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minnha għar-ritorn tiegħu, u dan sakemm ir-residenza tiegħu ma tkunx ġiet, jekk ikun il-każ, irregolarizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 31, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 52). |
|
34 |
Fid-dawl ta’ dan, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, ladarba tiġi stabbilita n-natura irregolari tar-residenza, kull ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu u b’osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li għandha tidentifika, fost il-pajjiżi terzi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, dak il-pajjiż li lejh għandu jitneħħa (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 53, u tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 46). |
|
35 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li jikkostitwixxi regola ġenerali li għandha tiġi imposta fuq l-Istati Membri hekk kif jimplimentaw din id-direttiva, jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti tosserva, fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn, il-prinċipju ta’ non-refoulement, iggarantit, bħala dritt fundamentali, fl-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, kif ukoll fl-Artikolu 19(2) tal-Karta (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tkeċċija– Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 55, u tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 49). Konsegwentement, fid-dawl tal-għan imfittex minnu, dan l-Artikolu 5 ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri) (C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 35). Fl-aħħar nett, l-imsemmi Artikolu 5 għandu effett dirett u għalhekk jista’ jiġi invokat minn individwu u applikat mill-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll mill-qrati tal-Istati Membri (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 97). |
|
36 |
Issa, l-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tagħha, jipprojbixxi f’termini assoluti, ikun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata, it-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li din il-persuna tkun suġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux ineħħu, jkeċċu jew jestradixxu barrani meta jkunu jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li fil-pajjiż ta’ destinazzjoni huwa ser ikun f’riskju reali li jsofri minn trattamenti pprojbiti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li jkun wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 36, u tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Generalstaatsanwaltschaft Hamm (Talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat lejn it-Turkija), C‑352/22, EU:C:2024:521, punt 61). Din il-projbizzjoni tirrifletti wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u n-natura assoluta tagħha hija marbuta mill-qrib mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmi fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 1 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 85 u 87). |
|
37 |
Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati jippermettu lill-persuni kkonċernati jinvokaw kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, li tkun tali li jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 64). |
|
38 |
Minn dak li ntqal jirrizulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 19(2) tal-Karta, jobbliga lill-awtorità nazzjonali twettaq, qabel l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, evalwazzjoni aġġornata tar-riskji sostnuti miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun espost għal trattamenti pprojbiti f’termini assoluti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Karta. Din l-evalwazzjoni, li għandha tkun distinta u awtonoma meta mqabbla ma’ dik imwettqa fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ ritorn, għandha tippermetti lill-awtorità nazzjonali tiżgura, billi tieħu inkunsiderazzjoni kull bidla fiċ-ċirkustanzi li tkun seħħet kif ukoll kull element ġdid li seta’ jressaq dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li ma jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil wieħed jemmen li l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ser ikun espost, fil-każ ta’ ritorn f’pajjiż terz, għal riskju reali li jkun suġġett, f’dan tal-aħħar, għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti. Fil-fatt, tali evalwazzjoni aġġornata hija l-unika waħda tali li tippermetti lil din l-awtorità tiżgura ruħha li t-tneħħija tkun konformi mal-kundizzjonijiet legali meħtieġa, u b’mod partikolari mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115. |
|
39 |
Fil-każ li l-awtorità nazzjonali kompetenti tasal, fi tmiem din l-evalwazzjoni, għall-konklużjoni li t-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tesponih għal riskju serju li jiġi suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew għal trattamenti inumani u degradanti, din l-awtorità għandha tipposponi din it-tneħħija sakemm jippersisti tali riskju, konformement mal-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis, C‑546/19, EU:C:2021:432, punt 59, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punti 58 u 59). |
|
40 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li regola jew prattika nazzjonali li tipprovdi li l-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement jista’ jsir biss fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali tmur kontra l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 30 sa 34 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva, inkluż l-Artikolu 5 tagħha, tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari, indipendentement mir-raġunijiet li jkunu wasslu għal din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, l-għan tal-effikaċja tal-politika ta’ tneħħija, fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali, imfakkar fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, jimmilita wkoll kontra tali regola jew prattika nazzjonali. |
|
41 |
Hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax għalhekk jiġi rikjest minn K u minn L li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), u tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), sabiex tiġi ggarantita l-osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ non-refoulement imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta. |
|
42 |
Fil-każ ineżami, il-fatt li K u L invokaw l-“istil tal-ħajja tal-Punent” li għandhom għalhekk kellu jwassal lill-awtorità kompetenti teżamina, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, jekk il-prinċipju ta’ non-refoulement jipprekludix l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li huma s-suġġett tagħha u, jekk ikun il-każ, tipposponi t-tneħħija, skont l-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva. |
|
43 |
Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtorità amministrattiva li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bbażata fuq id-dritt nazzjonali u, konsegwentement, tikkonstata li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, billi tirrevedi, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, id-deċiżjoni ta’ ritorn adottata qabel kontra dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali u li s-sospensjoni tagħha tkun intemmet wara tali ċaħda. |
Fuq l‑ewwel domanda
|
44 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 19(2) u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga qorti nazzjonali, adita bl-istħarriġ tal-legalità ta’ att li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun ċaħdet applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali, u, b’dan il-mod, temmet is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata qabel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, li tqajjem ex officio l-ksur possibbli tal-prinċipju ta’ non-refoulement li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni, abbażi tal-informazzjoni fl-atti tal-proċess miġjuba quddiemha, kif issupplimentata jew iċċarata fi tmiem proċedura kontradittorja. |
|
45 |
Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv sabiex jappella mid-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, imsemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jibbenefikaw minn salvagwardji ta’ indipendenza. |
|
46 |
Il-karatteristiċi ta’ tali rimedju għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprovdi li kull persuna li tkun ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu, u f’konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement, iggarantit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 19(2) tal-Karta u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2020, CPAS de Liège, C‑233/19, EU:C:2020:757, punt 45). Dawn id-dispożizzjonijiet, hekk kif imsemmi fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, jobbligaw lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni dan il-prinċipju fl-istadji kollha tal-proċedura, mill-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn sal-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. |
|
47 |
Għal dan l-għan, mill-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li kemm l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali, kif ukoll l-awtoritajiet ġudizzjarji li quddiemhom hija kkontestata l-legalità ta’ deċiżjoni marbuta mar-ritorn għandhom ikunu jistgħu jipproċedu bir-reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni u jipposponu, jekk ikun il-każ, it-tneħħija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 108). F’dan ir-rigward, hekk kif tiddikjara l-premessa 15 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jiddeċiedu jekk tali reviżjoni għandhiex jew le tawtorizza lil dawn l-awtoritajiet jissostitwixxu d-deċiżjoni tagħhom stess marbuta mar-ritorn mad-deċiżjoni preċedenti. |
|
48 |
Barra minn hekk, sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta u kkonkretizzata fl-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 tkun effettiva, ir-rimedju għandu neċessarjament ikollu effett sospensiv meta jiġi eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni għal riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 56; tat‑30 ta’ Settembru 2020, CPAS de Liège, C‑233/19, EU:C:2020:757, punt 46, u tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 109). |
|
49 |
Minn dan isegwi li, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-modalitajiet proċedurali ddefiniti fl-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 għandhom l-għan li jiggarantixxu li ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn ma jitneħħiex f’kundizzjonijiet kuntrarji għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, dawn huma intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, li għandu, kif ġie kkonstatat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, natura assoluta. Issa, huma l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jiżguraw, jekk ikun il-każ ex officio, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju meta l-informazzjoni fl-atti tal-proċess miġjuba quddiemhom jagħtu x’jifhem li dan jista’ jiġi ppreġudikat. |
|
50 |
Fil-fatt, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta u kkonkretizzata fl-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 la tkun effettiva u lanqas kompleta kieku l-qorti nazzjonali ma kellhiex l-obbligu li tikkonstata ex officio l-ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement, peress li l-informazzjoni fl-atti tal-proċess miġjuba quddiemha, kif issupplimentata jew iċċarata matul il-proċedura kontradittorja quddiemha, hija intiża li turi li d-deċiżjoni ta’ ritorn hija bbażata fuq evalwazzjoni mhux aġġornata tar-riskji ta’ trattamenti pprojbiti minn dan il-prinċipju, imġarrba miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li kieku kellu jirritorna fil-pajjiż terz inkwistjoni, u li minnhom jisiltu l-konsegwenzi kollha dwar l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Limitazzjoni tal-funzjoni tal-qorti nazzjonali jista’ jkollha l-konsegwenza li tali deċiżjoni tiġi eżegwita, minkejja li tali informazzjoni tindika li l-persuna kkonċernata tirriskja li tkun suġġetta, f’dan il-pajjiż terz, għal tali trattamenti pprojbiti b’mod assolut, mill-Artikolu 4 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 94). |
|
51 |
L-eżistenza ta’ dan l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiżgura, jekk ikun il-każ ex officio, l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement hija meħtieġa bl-istess mod fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali u fil-kuntest ta’ proċedura, bħal dik fil-kawża prinċipali, li nbdiet permezz ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 31 sa 34 tas-sentenza preżenti, id-Direttiva 2008/115, li fuq l-Artikolu 13(1) u (2) tagħha jibbaża l-imsemmi obbligu, tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. |
|
52 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 19(2) u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil qorti nazzjonali, adita bl-istħarriġ tal-legalità ta’ att li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun ċaħdet applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali, u, b’dan il-mod, temmet is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata qabel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, li tqajjem ex officio l-ksur possibbli tal-prinċipju ta’ non-refoulement li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni, abbażi tal-informazzjoni fl-atti tal-proċess miġjuba quddiemha, kif issuplimentata jew iċċarata fi tmiem proċedura kontradittorja |
Fuq it‑tieni domanda
|
53 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtorità amministrattiva li, fil-kuntest ta’ proċedura li ma tkunx inbdiet permezz ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali u, konsegwentement, tikkonstata r-residenza irregolari fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ressaq din l-applikazzjoni, sabiex ma tiħux deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu mingħajr ma tkun evalwat minn qabel l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement. |
|
54 |
Hekk kif tirrikonoxxi espressament il-qorti tar-rinviju, din id-domanda “tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn ebda deċiżjoni ta’ ritorn ma tkun ittieħdet qabel”. Issa, sa fejn, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2012 ġiet adottata kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-imsemmija domanda hija ipotetika u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula opinjoni konsultattiva, bi ksur tal-missjoni tagħha fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 18; u tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 84). |
|
55 |
Għaldaqstant, it-tieni domanda hija inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
|
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.