SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura u sajd – Prodotti organiċi – Regolament (UE) 2018/848 – Regoli ta’ produzzjoni organika – Artikolu 16 – Ittikkettjar – Artikolu 30 – Termini li jirreferu għall-produzzjoni organika – Artikolu 33 – Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet għall-użu – Konformità tal-prodott mar-Regolament 2018/848 – Artikoli 45 u 48 – Importazzjoni ta’ prodotti minn pajjiż terz sabiex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni bħala prodotti organiċi – Ekwivalenza tar-regoli ta’ produzzjoni ta’ dan il-pajjiż terz mar-regoli tar-Regolament 2018/848 – Użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-pajjiż terz”

Fil-Kawża C‑240/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ April 2023, fil-proċedura

Herbaria Kräuterparadies GmbH

vs

Freistaat Bayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, T. von Danwitz, Z. Csehi, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, L. S. Rossi (Relatriċi), I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, I. Ziemele u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: N. Mundhenke, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Marzu 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Herbaria Kräuterparadies GmbH, minn H. Schmidt, Rechtsanwalt,

għal Freistaat Bayern, minn C. Diroll, C. Novak u J. Vogel, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn I. Anagnostopoulou u U. Rösslein, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn L. Hamtcheva u R. Meyer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u A. Dawes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 16(1), tal-Artikolu 30(1) u (2), tal-Artikolu 33(1), tal-Artikolu 45(1), tal-Artikolu 48(1) u tal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 260, p. 25, fil-ĠU 2018, L 262, p. 90, fil-ĠU 2018, L 270, p. 37, fil-ĠU 2019, L 305, p. 59, fil-ĠU 2021, L 7, p. 53, fil-ĠU 2021, L 204, p. 47, fil-ĠU 2021, L 318, p. 5 u fil-ĠU 2022, L 321, p. 74), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Herbaria Kräuterparadies GmbH (iktar ’il quddiem “Herbaria”) u l-Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) dwar il-projbizzjoni imposta fuq Herbaria milli tuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u termini li jirreferu għall-produzzjoni organika għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni ta’ taħlita ta’ meraq tal-frott u ta’ estratti tal-ħxejjex li jinkludu, minbarra prodotti organiċi, vitamini u glukonat ferruż li ma humiex ġejjin mill-agrikoltura organika.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament (KE) Nru 834/2007

3

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72), intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament prodott għandu jitqies li jinkludi termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fejn, fit-tikkettar, fil-materjal tar-riklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu huma mfissra f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu nkisbu skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness, id-derivati jew id-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bijo’ u ‘eko’, weħidhom jew b’mod kombinat, jistgħu jintużaw fil-Komunità kollha u fi kwalunkwe lingwa tal-Komunità għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodott li jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament.

Fit-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti agrikoli ħajjin jew mhux ipproċessati jistgħu jintużaw termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fil-każ biss fejn flimkien ma’ dan l-ingredjenti kollha ta’ dak il-prodott ikunu wkoll ġew prodotti skond il-ħtiġiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

4

L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 834/2007, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti li jipprovdu garanziji ekwivalenti”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi li s-sistema ta’ produzzjoni tagħhom hi konformi ma’ prinċipji u regoli ta’ produzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titoli II, III u IV u li l-miżuri ta’ kontroll tagħhom huma ta’ effettività ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu V, u tistabbilixxi lista ta’ dawn il-pajjiżi. L-evalwazzjoni ta’ ekwivalenza għandha tqis il-linji gwida CAC/GL 32 [tad-Direttivi dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar, l-ittikkettjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel li joriġina minn agrikoltura organika, stabbiliti mill-Kummissjoni Codex Alimentarius fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u għall-Agrikoltura (FAO) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)].

[…]”

Ir‑Regolament (KE) Nru 889/2008

5

L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal‑5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008, L 250, p. 1), intitolat “L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar ta’ l-ikel”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-iskop ta’ l-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament [Nru 834/2007], is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ l-ikel organiku, bl-eċċezzjoni ta’ l-inbid:

[…]

(f)

minerali (oligo-elementi inklużi), vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti, awtorizzati biss sa fejn l-użu tagħhom huwa legalment meħtieġ fl-affarijiet ta’ l-ikel li fihom huma inkorporati.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1235/2008

6

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat‑8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU 2008, L 334, p. 25) kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Kummissjoni se tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti skond l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007]. Il-lista ta’ pajjiżi rikonoxxuti hija stabbilita fl-Anness III għal dan ir-regolament. […]”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 126/2012

7

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 126/2012 tal‑14 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 fir-rigward ta’ evidenza dokumentata u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU 2012, L 41, p. 5), inkluda lill-Istati Uniti tal-Amerika fil-lista tal-pajjiżi terzi rrikonoxxuti, li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 1235/2008.

Ir‑Regolament 2018/848

8

Il-premessi 6, 9, 15, 17, 73, 77 sa 79, 93, 95, 96, 108 u 123 tar-Regolament 2018/848 jipprovdu:

“(6)

Fid-dawl tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika, jenħtieġ li l-qafas legali stabbilit għall-implimentazzjoni ta’ dik il-politika jkollu l-għan li jiżgura kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-prodotti organiċi, li jżomm u jiġġustifika l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti bit-tikketta organika, u li jipprovdi kondizzjonijiet li taħthom il-politika tista’ tagħmel progress f’konformità mal-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq.

[…]

(9)

Fid-dawl tal-evoluzzjoni dinamika tas-settur organiku, ir-Regolament [Nru 834/2007] identifika l-ħtieġa ta’ eżami futur tar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika, b’kont meħud tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli. Ir-riżultati ta’ dak l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni juru li l-qafas legali tal-Unjoni li jirregola l-produzzjoni organika jenħtieġ li jiġi mtejjeb biex jiġu previsti r-regoli li jikkorrispondu għall-aspettattivi għoljin tal-konsumaturi u li jiggarantixxu ċarezza suffiċjenti għal dawk li huma indirizzati lejhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament [Nru 834/2007] jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

[…]

(15)

Proġetti ta’ riċerka wrew li l-fiduċja tal-konsumatur hija kruċjali fis-suq tal-ikel organiku. Fuq perijodu ta’ żmien twil, ir-regoli li mhumiex affidabbli jistgħu jipperikolaw il-fiduċja pubblika u jwasslu għall-falliment tas-suq. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika fl-Unjoni jkun ibbażat fuq regoli sodi dwar il-produzzjoni li huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni u li jissodisfaw l-aspettattivi tal-operaturi u tal-konsumaturi rigward il-kwalità tal-prodotti organiċi u l-konformità mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

[…]

(17)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika u l-effetti pożittivi tagħha fuq l-ambjent, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern fil-prodotti organiċi kif ukoll il-kompetizzjoni ġusta, biex b’hekk il-bdiewa jiġu megħjuna jiksbu introjtu ġust, tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi u jiġu inkoraġġuti kanali ta’ distribuzzjoni qosra u produzzjonijiet lokali. Jenħtieġ li dawn l-objettivi jinkisbu permezz tal-konformità mal-prinċipji ġenerali u speċifiċi u mar-regoli dwar il-produzzjoni ġenerali u dettaljati applikabbli għall-produzzjoni organika.

[…]

(73)

Jenħtieġ li t-tikkettar ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ikun soġġett għar-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, fil-ĠU 2016, L 266, p. 7, fil-ĠU 2022, L 35, p. 26, fil-ĠU 2023, L 142, p. 41 u fil-ĠU 2023, L 214, p. 229)], u b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet bl-għan li jipprevjenu tikkettar li jista’ jfixkel lil jew iqarraq bil-konsumaturi. Barra minn hekk, jenħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mat-tikkettar ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni. Jenħtieġ li dawn jipproteġu kemm l-interessi tal-operaturi, biex ikollhom il-prodotti tagħhom fis-suq identifikati b’mod ċar u korrett u jgawdu minn kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti, kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi li jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

[…]

(77)

Sabiex ikun hemm ċarezza għall-konsumaturi fis-suq kollu tal-Unjoni, jenħtieġ li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jkun obbligatorju għall-ikel organiku kollu ppakkjat bil-lest prodott fl-Unjoni. Minbarra dan, jenħtieġ li jkun possibbli li jintuża dak il-logo fuq bażi volontarja fil-każ ta’ prodotti organiċi mhux ippakkjati bil-lest li jiġu prodotti fl-Unjoni u fil-każ ta’ kwalunkwe prodott organiku importat minn pajjiżi terzi, kif ukoll għal finijiet informattivi u edukattivi. Jenħtieġ li l-mudell tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jiġi stabbilit.

(78)

Madankollu, sabiex il-konsumaturi ma jitqarrqux dwar l-għamla organika tal-prodott sħiħ, huwa xieraq li l-użu ta’ dak il-logo jiġi limitat għall-prodotti li jinkludu biss, jew kważi biss, ingredjenti organiċi. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu tiegħu ma jkunx permess fl-ittikkettar ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni, jew ta’ prodotti pproċessati li jkun fihom anqas minn 95 % skont il-piż tal-ingredjenti tagħhom ta’ oriġini agrikola li jkunu organiċi.

(79)

Sabiex tiġi evitata kull konfużjoni possibbli fost il-konsumaturi dwar jekk il-prodotti joriġinawx mill-Unjoni jew le, kull meta jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-post fejn ġiet ikkultivata l-materja prima agrikola li minnha huwa magħmul il-prodott. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jkun permess li ssir referenza għall-akkwakultura fuq it-tikketta ta’ prodotti minn akkwakultura organika minflok ma ssir referenza għall-agrikoltura.

[…]

(93)

L-esperjenza fir-rigward tal-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni skont ir-Regolament [Nru 834/2007] uriet li hemm bżonn li dawk l-arranġamenti jiġu riveduti sabiex tingħata risposta għall-aspettattivi tal-konsumaturi li l-prodotti organiċi importati jissodisfaw standards li jkunu stretti daqs tal-Unjoni, kif ukoll sabiex ikun żgurat aħjar l-aċċess tal-prodotti organiċi tal-Unjoni għas-suq internazzjonali. Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata ċarezza rigward ir-regoli applikabbli għall-esportazzjoni ta’ prodotti organiċi, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti ċertifikati ta’ esportazzjoni organika.

[…]

(95)

Jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li l-prodotti organiċi jkollhom aċċess għas-suq tal-Unjoni meta dawn il-prodotti ma jikkonformawx mar-regoli tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, iżda jiġu minn pajjiżi terzi li l-produzzjoni organika u s-sistemi ta’ kontroll tagħhom huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni. Madankollu, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi, kif stipulat fir-Regolament [Nru 834/2007], jenħtieġ li tingħata biss permezz ta’ ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi terzi, fejn isir ukoll rikonoxximent reċiproku ta’ ekwivalenza favur l-Unjoni.

(96)

Il-pajjiżi terzi rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament [Nru 834/2007] jenħtieġ li jibqgħu rikonoxxuti bħala tali skont dan ir-Regolament, għal perijodu limitat neċessarju biex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel għall-iskema ta’ rikonoxximent permezz ta’ ftehim internazzjonali, dment li huma jkomplu jiżguraw li r-regoli tagħhom dwar il-produzzjoni organika u l-kontroll ikunu ekwivalenti għar-regoli tal-Unjoni rilevanti fis-seħħ u li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha marbutin mas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dik is-superviżjoni tkun bbażata b’mod partikolari fuq ir-rapporti annwali li dawk il-pajjiżi terzi rikonoxxuti jibagħtu lill-Kummissjoni.

[…]

(108)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri li jiżguraw transizzjoni mingħajr xkiel għall-qafas legali li jirregola l-importazzjoni tal-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni kif modifikat b’dan ir-Regolament.

[…]

(123)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti organiċi, kif ukoll l-iżgurar tal-fiduċja tal-konsumatur f’dawk il-prodotti u fil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, fid-dawl tal-armonizzazzjoni tar-regoli meħtieġa dwar il-produzzjoni organika, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif imsemmi fl-Artikolu 5 [TUE]. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imsemmi f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.”

9

Ir-Regolament 2018/848 huwa magħmul minn disa’ kapitoli, li l-Kapitolu I tiegħu, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 3, il-Kapitolu III, intitolat “Regoli ta’ produzzjoni”, jinkludi l-Artikoli 9 sa 29, il-Kapitolu IV, intitolat “Tikkettar”, jinkludi l-Artikoli 30 sa 34, u l-Kapitolu VII, intitolat “Kummerċ ma’ pajjiżi terzi”, jinkludi l-Artikoli 44 sa 49.

10

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-agrikoltura, inkluż l-akkwakultura u t-trobbija tan-naħal, kif elenkati fl-Anness I għat-TFUE u għall-prodotti li joriġinaw minn dawk il-prodotti, fejn tali prodotti jkunu, jew ikunu maħsuba li jkunu, prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti, imqiegħda fis-suq, importati fl-Unjoni jew esportati minnha:

(a)

prodotti agrikoli ħajjin jew mhux proċessati, inkluż materjal taż-żrieragħ u materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti;

(b)

prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala ikel;

(c)

għalf.

[…]”

11

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(64)

‘ekwivalenza’ tfisser l-ilħuq tal-istess objettivi u prinċipji bl-applikazzjoni ta’ regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ garanzija ta’ konformità;

[…]”

12

L-Artikolu 16 tal-istess regolament, intitolat “Regoli tal-produzzjoni għall-ikel ipproċessat”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-operaturi li jipproduċu ikel ipproċessat għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil-Parti IV tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw it-tekniki awtorizzati fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel.

[…]”

13

Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, prodott għandu jitqies li jinkludi t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika fejn, fuq it-tikketta, fil-materjal tar-reklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti tiegħu jew il-materjali tal-għalf użati fil-produzzjoni tiegħu jiġu deskritti f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali tal-għalf ikunu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness IV u d-derivattivi u d-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bio’, u ‘eko’, kemm jekk waħidhom kif ukoll jekk ikkombinati, jistgħu jintużaw fl-Unjoni kollha u bi kwalunkwe lingwa elenkata f’dak l-Anness għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1) li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-prodotti msemmijin fl-Artikolu 2(1), it-termini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jintużaw imkien fl-Unjoni, fl-ebda lingwa elenkata fl-Anness IV għat-tikkettar, il-materjal tar-reklamar jew id-dokumenti kummerċjali ta’ prodott li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.

[…]”

14

L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Indikazzjonijiet obbligatorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fejn jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, fl-istess qasam viżwali tiegħu għandha tidher indikazzjoni tal-post fejn tkabbret il-materja prima agrikola li minnha huwa kompost il-prodott u għandu jkollha waħda mill-forom li ġejjin, kif adatt:

(a)

‘Agrikoltura tal-UE’, meta l-materja prima agrikola tkun tkabbret fl-Unjoni;

(b)

‘Agrikoltura mhux tal-UE’, meta l-materja prima agrikola tkun tkabbret f’pajjiżi terzi;

(c)

‘Agrikoltura tal-UE/mhux tal-UE’, meta parti mill-materja prima agrikola tkun ġiet imkabbra fl-Unjoni u parti oħra tkun tkabbret f’pajjiż terz.

[…]”

15

L-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament, intitolat “Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

[…]

2.   Minbarra fejn jiġi użat f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huwa attestazzjoni uffiċjali f’konformità mal-Artikoli 86 u 91 tar-[Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU 2017, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 40)].

[…]

5.   Jistgħu jintużaw logos nazzjonali u logos privati fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

[…]”

16

L-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Prodott jista’ jiġi importat minn pajjiż terz għall-finijiet tat-tqegħid ta’ dak il-prodott fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku jew bħala prodott fil-fażi ta’ konverżjoni, dment li t-tliet kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-prodott huwa prodott kif imsemmi fl-Artikolu 2(1);

(b)

japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

il-prodott jikkonforma mal-Kapitoli II, III u IV ta’ dan ir-Regolament u l-operaturi kollha u l-gruppi ta’ operaturi imsemmija fl-Artikolu 36, inkluż l-esportaturi fil-pajjiż terz ikkonċernat, kienu soġġetti għal kontrolli mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46, u dawk l-awtoritajiet jew korpi jkunu fornew li dawn l-operaturi kollha ċertifikat li jikkonferma li huma f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(ii)

fil-każijiet kollha fejn il-prodott joriġina minn pajjiż terz li huwa rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 47, dak il-prodott jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim kummerċjali rilevanti; jew

(iii)

fil-każijiet kollha fejn il-prodott joriġina minn pajjiż terz li huwa rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 48, dak il-prodott jikkonforma mal-produzzjoni u r-regoli ta’ kontroll ekwivalenti ta’ dak il-pajjiż terz u huwa importat b’ċertifikat ta’ spezzjoni li jikkonferma din il-konformità li jkun inħareġ mill-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll ta’ dak il-pajjiż terz; u

(c)

l-operaturi f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu fi kwalunkwe ħin, jipprovdu lill-importaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Unjoni u f’dawk il-pajjiżi terzi informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-operaturi li huma l-fornituri tagħhom u l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll ta’ dawk il-fornituri, bil-ħsieb li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni kkonċernat. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll tal-importaturi.”

17

Skont l-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ekwivalenza skont ftehim kummerċjali”:

“Pajjiż terz rikonoxxut kif imsemmi fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 45(1) huwa pajjiż terz li l-Unjoni rrikonoxxiet skont ftehim kummerċjali li għandu sistema ta’ produzzjoni li tilħaq l-istess objettivi u prinċipji bl-applikazzjoni tar-regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ garanzija ta’ konformità bħal dawk tal-Unjoni.”

18

L-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007”, jipprevedi:

“1.   Pajjiż terz rikonoxxut kif imsemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 45(1) huwa pajjiż terz li ġie rikonoxxut għall-fini tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007], inkluż dawk rikonoxxuti skont il-miżuri transitorji previsti fl-Artikolu 58 ta’ dan ir-Regolament.

Dak ir-rikonoxximent għandu jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2025.

2.   Abbażi ta’ rapporti annwali li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, mill-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1 rigward l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri ta’ kontroll stabbiliti minnhom, u fid-dawl ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra riċevuta, il-Kummissjoni għandha tiżgura superviżjoni adatta tal-pajjiżi terzi rikonoxxuti billi regolarment tirrevedi r-rikonoxximent tagħhom. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza tal-Istati Membri. In-natura tas-superviżjoni għandha tkun iddeterminata abbażi ta’ valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ nonkonformità, filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari tal-volum ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni minn dak il-pajjiż terz, ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-attivitajiet superviżorji mwettqa mill-awtorità kompetenti u r-riżultati ta’ kontrolli preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] dwar l-eżitu tar-rieżami tagħha.

[…]”

19

L-Anness II tal-istess regolament jinkludi l-Parti IV, dwar ir-regoli applikabbli għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel ipproċessati. Il-punt 2.2.2 ta’ din il-Parti IV huwa fformulat kif ġej:

“Fl-ipproċessar tal-ikel, jistgħu jintużaw il-prodotti u sustanzi li ġejjin:

[…]

(f)

minerali (inkluż traċċi ta’ elementi), vitamini, aċidi amminiċi u mikronutrijenti, sakemm:

(i)

l-użu tagħhom f’ikel għal konsum normali jkun ‘rekwiżit legali dirett’ fis-sens li jkun meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-ikel ma jkun jista’ b’ebda mod jitqiegħed fis-suq bħala ikel għal konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali, il-vitamini, l-aċidi amminiċi jew il-mikronutrijent; […]

[…]”

20

L-Anness IV tar-Regolament 2018/848, intitolat “Termini msemmija fl-Artikolu 30”, huwa fformulat kif ġej:

“BG: биологичен

ES: ecológico, biológico, orgánico.

CS: ekologické, biologické.

DA: økologisk.

DE: ökologisch, biologisch.

ET: mahe, ökoloogiline.

EL: βιολογικό.

EN: organic.

FR: biologique.

GA: orgánach.

HR: ekološki.

IT: biologico.

LV: bioloģisks, ekoloģisks.

LT: ekologiškas.

LU: biologesch, ökologesch.

HU: ökológiai.

MT: organiku.

NL: biologisch.

PL: ekologiczne.

PT: biológico.

RO: ecologic.

SK: ekologické, biologické.

SL: ekološki.

FI: luonnonmukainen.

SV: ekologisk.”

Ir‑Regolament (UE) 2020/1693

21

Il-premessa 7 tar-Regolament (UE) 2020/1693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament (ĠU 2020, L 381, p. 1), tipprovdi:

“Il-pandemija tal-COVID‑19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika jippreżentaw ukoll sfida bla preċedent għall-pajjiżi terzi u għall-operaturi bbażati f’pajjiżi terzi. Konsegwentement, għal pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007], huwa xieraq li d-data ta’ skadenza tar-rikonoxximent tagħhom tiġi estiża b’sena, jiġifieri sal‑31 ta’ Diċembru 2026, sabiex pajjiżi terzi bħal dawn ikollhom biżżejjed żmien biex jibdlu l-istatus tagħhom, billi jikkonkludu ftehim kummerċjali mal-Unjoni jew permezz ta’ konformità sħiħa mill-operaturi tagħhom mar-Regolament [2018/848], mingħajr ma jinħoloq xkiel żejjed fil-kummerċ tal-prodotti organiċi.”

22

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Ir-Regolament [2018/848] huwa emendat kif ġej:

[…]

(2)

fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(1), id-data ‘31 ta’ Diċembru 2025’ hija sostitwita bi ‘31 ta’ Diċembru 2026’;

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

23

Herbaria tipproduċi xarba, imsejħa “Blutquick”, magħmula minn taħlita ta’ meraq tal-frott u ta’ estratti ta’ ħwawar li ġejjin minn produzzjoni organika. Ma’ din ix-xarba li hija kkummerċjalizzata bħala suppliment tal-ikel jiġu miżjuda vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż. Fuq l-imballaġġ hemm inkluż il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, l-ekotikketta nazzjonali kif ukoll riferiment għall-fatt li l-ingredjenti joriġinaw minn “agrikoltura organika kkontrollata”.

24

B’deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2012, il-Bayerische Landesanstalt für Landwirtschaft (l-Istitut tal-Agrikoltura tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), inter alia, ordna lil Herbaria tħassar, qabel l‑1 ta’ Diċembru 2012, ir-riferiment għall-produzzjoni organika protetta skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 834/2007 preżenti fuq l-ittikkettjar, fir-reklamar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ Blutquick, għar-raġuni li, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008, setgħu jiġu miżjuda vitamini u minerali fil-prodotti pproċessati li fuqhom ikun hemm il-kelma “organiku” biss jekk l-użu tagħhom kien meħtieġ mil-liġi. Skont l-Istitut tal-Agrikoltura tal-Land ta’ Bayern, dan ma kienx il-każ fir-rigward ta’ Blutquick.

25

Herbaria ppreżentat rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva Bavariża ta’ München, il-Ġermanja), li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 27(1)(f).

26

Fid-dawl tar-risposti għal dawn id-domandi, ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:2335), il-Bayerisches Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva Bavariża ta’ München) ċaħdet ir-rikors ta’ Herbaria.

27

L-appell ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni ġie miċħud b’sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2021, li kontriha Herbaria ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju.

28

Dik il-qorti tindika li, peress li d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2012 tal-Istitut tal-Agrikoltura tal-Land ta’ Bayern hija att amministrattiv li għandu l-effetti tiegħu ratione temporis, mill-ġurisprudenza nazzjonali jirriżulta li dik il-qorti hija obbligata tagħti deċiżjoni dwar it-tilwima li għandha quddiemha billi tibbaża ruħha fuq id-dritt applikabbli fil-mument meta hija tiddeċiedi. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 834/2007 ma għadux applikabbli ratione temporis għal din it-tilwima, peress li dan ir-regolament ġie ssostitwit bir-Regolament 2018/848.

29

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Herbaria ma għadhiex tikkontesta li ż-żieda ta’ vitamini u ta’ minerali f’Blutquick ma hijiex meħtieġa mil-liġi u li dan il-prodott ma huwiex, għaldaqstant, konformi mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2018/848 u mal-punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II tiegħu, li essenzjalment issostitwixxa l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li l-Artikolu 33(1), l-Artikolu 33(5) u l-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848 jipprojbixxu, għal Blutquick, l-użu, rispettivament, tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, tat-tikketta organika nazzjonali u ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika.

30

Madankollu, Herbaria ssostni li, skont dan l-aħħar regolament, prodott tal-ikel komparabbli għal Blutquick, importat mill-Istati Uniti tal-Amerika, ma huwiex suġġett għal tali projbizzjoni.

31

Fil-fatt, wara ftehim konkluż fl‑2012 permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn il-Kummissjoni u l-US Department of Agriculture (il-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Istati Uniti), l-Istati Uniti kienu ġew inklużi fil-lista tal-pajjiżi terzi li r-regoli ta’ produzzjoni tagħhom huma ekwivalenti għal dawk previsti mir-Regolament Nru 834/2007, skont l-Artikolu 33(1) tiegħu. Din l-inklużjoni tippermetti, skont, issa, l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, li l-prodotti li jikkompetu ma’ dawk ikkummerċjalizzati minn Herbaria, li joriġinaw mill-Istati Uniti, jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni bħala prodotti organiċi. Dawn tal-aħħar jista’ jkollhom fuqhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea kif ukoll termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, bl-unika kundizzjoni li josservaw ir-regoli ta’ produzzjoni ta’ dan il-pajjiż terz, jiġifieri anki meta ma jkunux konformi mar-regoli ta’ produzzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan jikkostitwixxi, skont Herbaria, inugwaljanza fit-trattament bi ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta.

32

Il-Land ta’ Bayern iqis li l-interpretazzjoni tar-Regolament 2018/848 sostnut minn Herbaria hija żbaljata u li, fir-realtà, prodott li joriġina mill-Istati Uniti jista’ jkollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni biss jekk dan jissodisfa r-regoli ta’ produzzjoni previsti minn dan ir-regolament, b’tali mod li l-ebda differenza fit-trattament ma teżisti ma’ prodott immanifatturat fl-Unjoni.

33

Il-qorti tar-rinviju għandha, qabelxejn, dubji dwar jekk prodott importat mill-Istati Uniti jistax ikollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, anki jekk dan ma jkunx totalment konformi mar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament 2018/848.

34

Sussegwentement, jekk dan kellu jkun effettivament il-każ, hija tistaqsi jekk dan jikkostitwixxix inugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Karta, u, jekk ikun il-każ, jekk tali inugwaljanza fit-trattament tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tar-rikonoxximent tan-natura ekwivalenti tar-regoli fil-qasam ta’ produzzjoni u ta’ kontroll applikabbli fl-Istati Uniti għall-prodotti inkwistjoni jew permezz tal-għan ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ segwit minn tali rikonoxximent ta’ ekwivalenza.

35

Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tqis li tqum bl-istess mod il-kwistjoni fir-rigward tal-użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, imsemmi fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 33(1) tar-[Regolament 2018/848] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża għal prodotti tal-ikel ipproċessati li, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament, ikunu qegħdin jiġu importati bil-għan li jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni Ewropea bħala prodotti organiċi, iżda li minħabba li jkun fihom, minbarra prodotti veġetali, minerali u vitamini ta’ oriġini mhux veġetali, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Mill-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża għal prodotti tal-ikel ipproċessati meta dawn joriġinaw mill-Unjoni u jkunu konformi mar-rekwiżiti ekwivalenti f’termini ta’ produzzjoni u ta’ kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut taħt l-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, iżda mhux ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament?

3)

Mill-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta li tali prodotti tal-ikel ipproċessati li joriġinaw mill-Unjoni jistgħu jiġu identifikati b’riferiment għal produzzjoni organika, konformement mal-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848, iżda mingħajr ma jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea?”

Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal‑proċedura

37

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Herbaria, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2024, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

38

Insostenn tat-talba tagħha, Herbaria tqis li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fihom diversi punti ta’ liġi u ta’ fatt ineżatti, li jistgħu jqarrqu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, tali punti, li l-Avukat Ġenerali qies bħala determinanti għar-risposta għad-domandi preliminari, ma ġewx diskussi fis-seduta bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali jew il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

39

Għalhekk, minn naħa, l-Avukat Ġenerali żbalja meta afferma li jeżistu “indikazzjonijiet li jakkumpanjaw” il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea li jsemmu l-oriġini tal-materja prima u l-post ta’ produzzjoni ta’ prodott, b’tali mod li l-konsumatur, meta jintuża dan il-logo, huwa dejjem informat bil-fatt li l-imsemmi prodott joriġina mill-Istati Uniti. Min-naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali interpreta ħażin il-Linji Gwida tal-Codex Alimentarius, imsemmija fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007.

40

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha jasal għalihom l-Avukat Ġenerali (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, CROSS Zlín, C‑303/22, EU:C:2024:60, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għandu jitfakkar ukoll li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet fil-kawża prinċipali u l-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut iwieġbu għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti fil-kawża prinċipali jew ta’ persuna kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, CROSS Zlín, C‑303/22, EU:C:2024:60, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għalhekk, Herbaria ma tistax tiġġustifika b’mod validu t-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura billi tikkritika l-fondatezza ta’ ċerti passaġġi tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

43

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

44

Madankollu, f’dan il-każ għandu jiġi rrilevat li l-persuni kkonċernati li pparteċipaw f’din il-proċedura setgħu jesponu, matul il-fażi bil-miktub u matul il-fażi orali tagħha, il-punti ta’ liġi li huma qiesu rilevanti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti u li l-ebda wieħed mill-elementi invokati minn Herbaria insostenn tat-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma jiġġustifika dan il-ftuħ mill-ġdid skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

46

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li titressaq quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li, formalment, qorti nazzjonali tkun ifformulat domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li titressaq quddiemha, irrispettivament minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Juan, C‑164/22, EU:C:2023:684, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi biss l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848, li jirregola l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, u, b’mod partikolari, mill-motivi li jikkonċernaw it-tielet domanda, jirriżulta li dik il-qorti tqis li l-ewwel domanda tqum b’mod simili f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 30(2) ta’ dan ir-regolament, li jirregola l-użu tat-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika.

48

Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk l-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u termini li jirreferu għall-produzzjoni organika jistgħu jintużaw għal prodott tal-ikel ipproċessat li huwa importat minn pajjiż terz skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) u fl-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-regolament sabiex jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku, filwaqt li, minħabba l-fatt li dan il-prodott tal-ikel fih minerali u vitamini ta’ oriġini mhux veġetali, dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2(f) tal-Parti IV tal-Anness II tiegħu.

Dwar l‑użu tal‑logo tal‑produzzjoni organika tal‑Unjoni Ewropea u t‑termini li jirreferu għall‑produzzjoni organika

49

Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, ir-Regolament 2018/848 japplika għall-prodotti koperti minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari meta jkunu prodotti jew importati fl-Unjoni, jew ikunu intiżi li jiġu importati fl-Unjoni.

50

Issa, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 30(2) u tal-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament, l-użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika u dak tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huma awtorizzati biss għal prodotti li jikkonformaw mal-imsemmi regolament.

51

Din il-formulazzjoni donnha għalhekk tindika, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn it-termini u dan il-logo jistgħu jintużaw għal prodotti organiċi, kemm jekk dawn ikunu mmanifatturati fl-Unjoni jew jiġu importati minn pajjiż terz għall-finijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq fl-Unjoni bħala prodotti organiċi, biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-imsemmi regolament, b’mod partikolari fil-Kapitoli II u III tiegħu.

52

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et, C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2018/848 jintroduċi distinzjoni bejn il-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni u dawk li huma importati minn pajjiż terz, għall-finijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq fl-Unjoni bħala prodotti organiċi.

54

Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prodotti tal-ikel ipproċessati prodotti fl-Unjoni, dawn għandhom, skont l-Artikolu 16(1) tiegħu, josservaw ir-regoli ta’ produzzjoni ddettaljati li jinsabu fil-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament kif ukoll fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 16(3) tiegħu.

55

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/848 jipprevedi l-kundizzjonijiet kumulattivi li prodott li ma huwiex immanifatturat fl-Unjoni għandu jissodisfa sabiex ikun jista’ jiġi importat minn pajjiż terz u mqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku.

56

Għalhekk, qabelxejn, l-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament 2018/848 jeżiġi li l-prodott importat ikun prodott imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament.

57

Sussegwentement, l-Artikolu 45(1)(c) tal-imsemmi regolament jeżiġi, essenzjalment, li l-operaturi tal-pajjiżi terzi jkunu f’pożizzjoni li jipprovdu lill-importaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Unjoni u f’dan il-pajjiż terz kull informazzjoni neċessarja sabiex tiġi ggarantita t-traċċabbiltà tal-prodott inkwistjoni.

58

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 45(1)(b) tal-istess regolament, il-prodott importat minn pajjiż terz għandu jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

59

Għalhekk, l-ewwel, fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 45(1)(b)(i) tar-Regolament 2018/848, dan il-prodott huwa, essenzjalment, konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II, III u IV ta’ dan ir-regolament, u, għalhekk, b’mod partikolari, mar-regoli ta’ produzzjoni li jinsabu fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament kif ukoll mar-regoli ta’ ttikkettjar previsti fil-Kapitolu IV tiegħu.

60

It-tieni nett, fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 45(1)(b)(ii) tar-Regolament 2018/848, l-imsemmi prodott, jekk ikun ġej minn pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim kummerċjali kkonċernat.

61

It-tielet nett, fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, il-prodott, jekk ikun ġej minn pajjiż terz irrikonoxxut, għall-finijiet tal-ekwivalenza, konformement mal-Artikolu 48(1) tiegħu, jissodisfa r-regoli ekwivalenti ta’ dan il-pajjiż terz fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll u jiġi importat flimkien ma’ ċertifikat ta’ spezzjoni, maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti, mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew mill-korpi ta’ kontroll tal-imsemmi pajjiż terz, li jikkonferma l-konformità ta’ dan il-prodott.

62

Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament 2018/848 jirriżulta li t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament, fil-punti (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni huma kundizzjonijiet alternattivi, b’tali mod li huwa biżżejjed li waħda minnhom biss tkun issodisfatta sabiex il-prodott importat minn pajjiż terz, jekk jissodisfa wkoll iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 45(1)(a) u (c) ta’ dan ir-regolament, ikun jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku.

63

Issa, fost dawn it-tliet kundizzjonijiet alternattivi, hija biss dik imsemmija fl-Artikolu 45(1)(b)(i) tar-Regolament 2018/848 li teżiġi li l-prodott importat ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II, III u IV ta’ dan ir-regolament.

64

Konsegwentement, prodott li jikkorrispondi għall-każ imsemmi fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, minkejja li ma josservax ir-regoli ta’ produzzjoni kollha msemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku, sakemm dan ikun prodott li joriġina minn pajjiż terz irrikonoxxut mill-Unjoni għall-finijiet tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007, li għalih jirreferi l-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, u li jissodisfa b’mod partikolari r-regoli ta’ produzzjoni fis-seħħ f’dan il-pajjiż terz li tqiesu mill-Unjoni bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-imsemmi Kapitolu III.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “ekwivalenza” huwa ddefinit fil-punt 64 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/848 bħala l-fatt li jiġu ssodisfatti l-istess għanijiet u li jiġu osservati l-istess prinċipji bl-applikazzjoni ta’ regoli li jiggarantixxu l-istess livell ta’ garanzija ta’ konformità.

66

Konsegwentement, ir-riferiment, fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, għan-natura ekwivalenti tar-regoli ta’ produzzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat jippreżumi neċessarjament li r-regoli fis-seħħ f’dan il-pajjiż terz isegwu l-istess għanijiet u jobdu l-istess prinċipji bħal dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament 2018/848. Fir-rigward tar-regoli ta’ produzzjoni stabbiliti fil-Kapitolu III tiegħu, minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-imsemmi pajjiż terz ma għandhiex tkun identika għal dik tal-Unjoni, iżda għandha tiggarantixxi l-istess “livell ta’ garanzija ta’ konformità” bħal dak meħtieġ minn din tal-aħħar fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni.

67

Issa, kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, kemm l-Artikolu 30(2) kif ukoll l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 jawtorizzaw l-użu, rispettivament, ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika u l-logo ta’ produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea biss għal prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-regolament.

68

Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2018/848 ma tippermetti l-użu ta’ dawn it-termini jew tal-imsemmi logo għal prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi rrikonoxxuti għall-finijiet tal-ekwivalenza, li, għalkemm jistgħu jiġu importati fl-Unjoni skont l-Artikolu 45(1)(b)(ii) jew (iii) ta’ dan ir-regolament, madankollu ma humiex konformi mar-regoli ta’ produzzjoni stabbiliti minnu.

69

L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 30(2) u tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848, esposta fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, hija għalhekk ikkorroborata b’mod partikolari mill-istruttura tal-Artikolu 45(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddistingwi, fi ħdan il-prodotti importati bħala prodotti organiċi, bejn, minn naħa, dawk li huma konformi mal-Kapitoli II, III u IV tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, dawk li huma rregolati minn regoli ekwivalenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, irrikonoxxuti bħala tali jew skont ftehim kummerċjali, jew abbażi ta’ miżura unilaterali tal-Unjoni.

70

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet tar-Regolament 2018/848, u b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-ittikkettjar ta’ prodotti organiċi li fosthom jinsabu l-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 33(1) tiegħu.

71

Qabelxejn, kif jirriżulta mill-premessi 6, 9 u 123 tar-Regolament 2018/848, il-kuntest ġuridiku stabbilit għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni, li dan ir-regolament jagħmel parti minnu skont l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 43(2) TFUE, huwa intiż li jiżgura kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali fi ħdan is-suq intern ta’ prodotti organiċi kif ukoll li jżomm u li jiġġustifika l-fiduċja li l-konsumaturi għandhom fil-prodotti ttikkettjati bħala prodotti organiċi. Għal dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprevedi regoli li jissodisfaw l-aspettattivi qawwija tal-konsumaturi f’dan il-qasam u li huma ċari biżżejjed għad-destinatarji tagħhom. Huwa f’dan il-kuntest li huwa enfasizza, fil-premessa 15 tar-Regolament 2018/848, li l-fiduċja tal-konsumaturi hija kruċjali għas-suq tal-prodotti tal-ikel organiċi u, fil-premessa 17 tiegħu, li dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari sabiex joħloq din il-fiduċja kif ukoll sabiex jipproteġi l-interessi tal-konsumaturi.

72

Sussegwentement, mill-premessa 73 tar-Regolament 2018/848 jirriżulta li l-għan tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-ittikkettjar, inklużi dawk dwar l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, jikkonsisti fil-protezzjoni tal-interessi kemm tal-operaturi, li jixtiequ jaraw il-prodotti tagħhom identifikati b’mod korrett fis-suq tal-prodotti organiċi u li jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, kif ukoll tal-konsumaturi, li għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet bejn il-prodotti li jiġu offruti lilhom b’għarfien sħiħ tal-fatti.

73

Fl-aħħar nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, il-premessi 77 sa 79 tar-Regolament 2018/848 jenfasizzaw ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li l-użu ta’ dan il-logo jiġi rregolat b’mod li jelimina kull ambigwità f’moħħ il-konsumaturi fis-suq kollu tal-Unjoni, li ma jqarraqx fir-rigward tan-natura organika tal-prodott ikkonċernat fit-totalità tiegħu kif ukoll li jevita kull possibbiltà ta’ konfużjoni f’moħħhom dwar jekk prodott joriġinax mill-Unjoni jew minn pajjiż terz.

74

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 64 sa 67 ta’ din is-sentenza, mill-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta li l-prodotti importati minn pajjiżi terzi skont is-sistema ta’ ekwivalenza prevista fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 jistgħu jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni bħala prodotti organiċi anki jekk ma jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha stabbiliti minn dan ir-regolament, b’mod partikolari fil-Kapitoli II u III tiegħu. Għall-kuntrarju, il-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti kollha sabiex ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala prodotti organiċi.

75

F’dan il-kuntest, li jiġi permess li t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika u li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jintużaw, fis-suq intern tal-prodotti organiċi, kemm għall-prodotti li jkunu ġew immanifatturati fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi f’konformità mar-regoli ta’ produzzjoni stabbiliti mir-Regolament 2018/848 kif ukoll għal dawk li kienu mmanifatturati f’pajjiżi terzi skont standards ekwivalenti biss għal dawn ir-regoli ta’ produzzjoni, idgħajjef il-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern tal-prodotti organiċi u joħloq ambigwità li tista’ tqarraq bil-konsumaturi.

76

Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, dawn tal-aħħar jistgħu jikkunsidraw li prodott li jkollu fuqu termini li jirreferu għall-produzzjoni organika jew il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huwa konformi mar-rekwiżiti kollha stabbiliti mir-Regolament 2018/848, b’mod partikolari fil-Kapitoli II u III tiegħu, filwaqt li josserva biss ir-regoli ta’ produzzjoni tal-pajjiż terz li minnu huwa importat li huma ekwivalenti għar-regoli ta’ produzzjoni ta’ dan ir-regolament.

77

Issa, b’mod partikolari, ir-raison d’être tal-imsemmi logo jikkonsisti preċiżament f’li l-konsumaturi jiġu informati, b’mod ċar u mingħajr ambigwità, dwar il-fatt li l-prodott li fuqu jidher huwa kompletament konformi mar-rekwiżiti kollha stabbiliti mir-Regolament 2018/848, u mhux biss ma’ regoli ekwivalenti għal dan tal-aħħar. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-imsemmi logo, skont l-Artikolu 33(2) ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxi attestazzjoni uffiċjali tal-Unjoni.

78

Il-fatt, enfasizzat b’mod partikolari mill-Kummissjoni, li, skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 2018/848, meta l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jintuża fuq prodott, għandha tiġi miżjuda indikazzjoni, li tippreċiża l-post fejn il-materja prima agrikola li tifforma dan il-prodott ġiet prodotta, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi evitata kull ambigwità. Fil-fatt, tali indikazzjoni ma tippermettix lill-konsumatur ikun jaf jekk prodott importat huwiex konformi mar-regoli ta’ produzzjoni tar-Regolament 2018/848 jew jekk josservax biss regoli ta’ produzzjoni ekwivalenti għal dawk ta’ dan ir-regolament.

79

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, għall-ittikkettjar tiegħu, prodott importat minn pajjiż terz sabiex jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku skont l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 la jista’ juża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u lanqas, bħala prinċipju, termini li jirreferu għall-produzzjoni organika.

Dwar l‑użu tal‑logo tal‑produzzjoni organika tal‑pajjiż terz

80

Madankollu, sa fejn ir-Regolament 2018/848 jinkludi, b’mod partikolari fil-Kapitolu VII tiegħu, dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ mal-pajjiżi terzi, dan ir-regolament huwa intiż ukoll li jistabbilixxi ċertu numru ta’ regoli applikabbli għall-kummerċ internazzjonali ta’ prodotti organiċi bl-għan, kif enfasizza ġustament il-Kunsill waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li jiffaċilita, minn naħa, il-provvista, id-disponibbiltà tal-provvista kif ukoll is-sodisfazzjon tad-domanda dejjem tikber għal dawn il-prodotti fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, abbażi ta’ akkordji bilaterali, l-esportazzjoni ta’ tali prodotti li joriġinaw mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi.

81

Huwa preċiżament f’dan il-kuntest li jidħol l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tal-imsemmi regolament, li jagħti lill-Kummissjoni l-ġurisdizzjoni sabiex tirrikonoxxi li r-regoli ta’ pajjiż terz huma ekwivalenti għal dawk tar-Regolament 2018/848.

82

Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti prodotti importati bħala prodotti organiċi, skont is-sistema ta’ ekwivalenza msemmija fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) ta’ dan ir-regolament, għandhom fuqhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-pajjiż terz li minnu huma importati, u li tali logo jista’ jinkludi termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, bħal “organiku”, “ecológico” jew “organic”, jew derivattivi u diminuttivi ta’ dawn it-termini, bħal “bio” jew “eco”.

83

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-użu, għal tali prodotti importati, tal-logo tal-produzzjoni organika tal-pajjiż terz li minnu huma importati ma jistax jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-suq intern tal-prodotti organiċi jew joħloq ambigwità li tista’ tqarraq bil-konsumaturi. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-użu ta’ logo tal-produzzjoni organika ta’ pajjiż terz differenti mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea ma jqegħidx il-prodotti kkonċernati fuq l-istess livell minn perspettiva kompetittiva, l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika ta’ pajjiż terz lanqas ma jista’ jagħti l-impressjoni li l-prodotti importati kkonċernati huma konformi mar-rekwiżiti kollha stabbiliti mir-Regolament 2018/848.

84

Minn dan isegwi li, minkejja l-konklużjoni fformulata fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi żgurat l-effett utli, b’mod partikolari, tal-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, kif ukoll sabiex jiġu ppreżervati s-setgħat li dan ir-regolament jagħti lill-Kummissjoni, il-prodotti importati skont din id-dispożizzjoni, li għandhom aċċess għas-suq tal-Unjoni “bħala prodotti organiċi”, għandhom ikunu jistgħu jużaw il-logo tal-produzzjoni organika tal-pajjiż terz li minnu joriġinaw, anki meta dan il-logo jkun fih termini identiċi għal dawk li jirreferu għall-produzzjoni organika, fis-sens tal-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament u tal-Anness IV tiegħu.

85

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija kif ġej:

L-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 għandhom jiġu interpretati fis-sens li la l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u lanqas, bħala prinċipju, termini li jirreferu għall-produzzjoni organika ma jistgħu jintużaw għal prodott tal-ikel ipproċessat li huwa importat minn pajjiż terz skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) u fl-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-regolament sabiex jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku, meta, minħabba l-fatt li dan il-prodott tal-ikel fih minerali u vitamini ta’ oriġini mhux veġetali, dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2(f) tal-Parti IV tal-Anness II tiegħu.

Il-logo tal-produzzjoni organika ta’ dan il-pajjiż terz jista’ madankollu jintuża fl-Unjoni għal tali prodott tal-ikel, anki meta dan il-logo jkun fih termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tal-istess regolament u tal-Anness IV tiegħu.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

86

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

Fuq l‑ispejjeż

87

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

la l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u lanqas, bħala prinċipju, termini li jirreferu għall-produzzjoni organika ma jistgħu jintużaw għal prodott tal-ikel ipproċessat li huwa importat minn pajjiż terz skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) u fl-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-regolament sabiex jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni Ewropea bħala prodott organiku, meta, minħabba l-fatt li dan il-prodott tal-ikel fih minerali u vitamini ta’ oriġini mhux veġetali, dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2(f) tal-Parti IV tal-Anness II tiegħu.

 

Il-logo tal-produzzjoni organika ta’ dan il-pajjiż terz jista’ madankollu jintuża fl-Unjoni għal tali prodott tal-ikel, anki meta dan il-logo jkun fih termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tal-istess regolament u tal-Anness IV tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.