SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Pubblikazzjoni, fir-reġistru tal-kummerċ, tal-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni li jinkludu data personali – Direttiva (UE) 2017/1132 – Data personali mhux obbligatorja – Assenza ta’ kunsens tas-suġġett tad-data – Dritt għal tħassir – Dannu morali”

Fil-Kawża C‑200/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Agentsia po vpisvaniyata

vs

OL,

fil-preżenza ta’:

Varhovna administrativna prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Agentsia po vpisvaniyata, minn I. D. Ivanov u D. S. Miteva, bħala aġenti, assistiti minn Z. N. Mandazhieva, advokat,

għal OL, minnha nnifisha, assistita minn I. Stoynev u T. Tsonev, advokati,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u R. Stoyanov, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce, M. Lane, u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn I. Boyle Harper, BL,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Natale, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, C. Georgieva, H. Kranenborg u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2009, L 258, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 283, p. 52), kif ukoll tal-Artikoli 4, 6, 17, 58 u 82 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Agentsia po vpisvaniyata (l-Aġenzija Responsabbli għall-Iskrizzjoni fir-Reġistri, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) u OL li tikkonċerna r-rifjut ta’ din l-aġenzija li tħassar ċerta data personali li tikkonċerna lil OL u li tinsab fil-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva (UE) 2017/1132

3

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46), ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2009/101, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri l‑20 ta’ Lulju 2017.

4

Il-premessi 1, 7, 8 u 12 tad-Direttiva 2017/1132 jgħidu li:

“(1)

Id-Direttivi [2009/101] u 2012/30/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2012, L 315, p. 74)] ġew emendati kemm-il darba b’mod sostanzjali […]. Jenħtieġ li għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttivi jiġu kkodifikati.

[…]

(7)

Il-koordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta’ obbligazzjonijiet li jkunu daħlu għalihom il-kumpaniji limitati b’ishma jew li diversament ikollhom responsabbiltà limitata u n-nullità tagħhom hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi.

(8)

Jenħtieġ li d-dokumenti bażiċi ta’ kumpanija jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il-kontenut tagħhom u informazzjoni oħra dwar il-kumpanija, speċjalment, id-dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija.

[…]

(12)

Jenħtieġ li l-aċċess transkonfinali għal informazzjoni dwar kumpaniji jiġi faċilitat billi minbarra l-iżvelar obbligatorju li jsir f’waħda mil-lingwi li tkun permessa mill-Istat Membru tal-kumpanija, ikun permess li ssir ir-reġistrazzjoni volontarja b’lingwi addizzjonali tad-dokumenti udettalji meħtieġa. Jenħtieġ li terzi persuni li jaġixxu in bona fede jkunu jistgħu joqogħdu fuq dawk it-traduzzjonijiet.”

5

Taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu I tad-Direttiva 2017/1132, intitolata “Inkorporazzjoni tal-kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata”, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni obbligatorja li trid tingħata fl-istatuti jew fl-atti ta’ inkorporazzjoni jew dokumenti separati”, jistabbilixxi li:

“L-informazzjoni li ġejja għandha tidher għallinqas fl-istatuti jew fl-atti ta’ inkorporazzjoni jew f’dokument separat ippubblikat skont il-proċedura stabbilita fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 16:

[…]

(i)

l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew kumpaniji jew ditti li ffirmaw jew li ġew iffirmati f’isimhom l-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni, jew fejn il-kumpanija ma kinitx iffurmata fl-istess żmien, l-abbozzi ta’ dawk id-dokumenti;

[…]”

6

It-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tat-Titolu I tal-imsemmija direttiva, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tinkludi l-Artikoli 13 sa 28 tagħha.

7

Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“Il-miżuri ta’ koordinazzjoni stabbliti minn din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-liġijiet, għar-regoli u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness II.”

8

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2017/1132, intitolat “Dokumenti u dettalji li jridu jiġu żvelati mill-kumpaniji”, jistabbilixxi li:

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm l-obbligu ta’ żvelar minn kumpaniji tal-inqas tad-dokumenti u d-dettalji li ġejjin:

(a)

id-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat;

(b)

kull emenda għad-dokumenti msemmija fil-punt (a), inkluża kull estensjoni ta’ kemm ilha mwaqqfa l-kumpanija;

(c)

wara kull emenda tad-dokument ta’ kostituzzjoni jew tal-istatuti, it-test komplet tad-dokument jew statuti kif emendati sa dak il-jum;

(d)

il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga u d-dettalji tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skont liġi jew bħala membri ta’ kull korp bħal dak:

(i)

huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit-trattattivi ma’ terzi u fi proċedimenti legali; l-iżvelar għandu jindika b’mod ċar jekk il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw il-kumpanija jistgħux jaġixxu waħedhom jew jekk għandhomx jaġixxu konġuntement;

(ii)

jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.

[…]”

9

L-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Tibdil fid-dokumenti u d-dettalji”, jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe bidla fid-dokumenti u d-dettalji imsemmija fl-Artikolu 14 tiddaħħal fir-reġistru kompetenti msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16(1) u tiġi żvelata, skont l-Artikolu 16(3) u (5), normalment fi żmien 21 jum mill-wasla tad-dokumentazzjoni kompluta dwar dawk il-bidliet, inkluż, jekk japplika, il-kontroll tal-legalità, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali biex isir id-dħul fil-fajl.”

10

Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żvelar fir-reġistru”:

“1.   F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ fajl f’reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji (“ir-reġistru”), għal kull waħda minn dawk il-kumpaniji rreġistrati fih.

[…]

3.   Id-dokumenti u d-dettalji kollha rikjesti li jiġu żvelati skont l-Artikolu 14 għandhom jinżammu fil-fajl, jew jiddaħħlu fir-reġistru; is-suġġett tan-notamenti fir-reġistru għandhom f’kull każ jidhru fil-fajl.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fajling mill-kumpaniji, kif ukoll minn persuni jew korpi oħra meħtieġa li jagħmlu n-notifiki, jew jgħinu biex isiru, tad-dokumenti u tad-dettalji rikjesti li jiġu żvelati skont l-Artikolu 14 ikun jista’ jsir permezz ta’ mezzi elettroniċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-kumpaniji kollha, jew ċerti kategoriji, jippreżentaw dawk id-dokumenti u d-dettalji kollha, jew ċerti tipi tagħhom, b’mezzi elettroniċi.

Id-dokumenti u d-dettalji kollha msemmija fl-Artikolu 14 li jkunu ppreżentati, f’forma stampata jew b’mezzi elettroniċi, għandhom jinżammu fil-fajl, jew jiġu annotati fir-reġistru, f’forma elettronika. Għal dak l-iskop, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibdel dawk id-dokumenti u d-dettalji kollha li jkunu ppreżentati f’forma stampata, f’forma elettronika.

[…]

4.   Kopja tad-dokumenti jew tad-dettalji, kollha jew ta’ kwalunkwe parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 14 għandha tkun disponibbli meta ssir applikazzjoni. L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lir-reġistru f’forma stampata jew b’mezzi elettroniċi skont l-għażla tal-applikant.

[…]

5.   L-iżvelar ta’ dokumenti u tad-dettalji imsemmija fil-paragrafu 3 għandu jsir permezz ta’ pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali magħżula għal dak l-iskop minn Stat Membru, tat-test kollu jew ta’ parti minnu, jew permezz ta’ riferenza għad-dokument li jkun ġie depożitat fil-fajl jew annotat fir-reġistru. Il-gazzetta nazzjonali magħżula għal dak l-iskop tista’ tinżamm f’forma elettronika.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jibdlu l-pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali b’mezzi ugwalment effettivi, li jinvolvu mill-anqas l-użu ta’ sistema li biha l-informazzjoni żvelata jista’ jkun hemm aċċess għaliha b’ordni kronoloġiku permezz ta’ bażi elettronika ċentrali.

6.   Id-dokumenti u d-dettalji jistgħu jintużaw kontra terzi mill-kumpanija biss wara li jkunu ġew żvelati skont il-paragrafu 5, sakemm il-kumpanija ma tagħtix prova li l-dawk it-terzi kienu jafu biha.

[…]

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw kull diskrepanza bejn dak li jkun żvelat skont il-paragrafu 5 u dak li jidher fir-reġistru jew fil-fajl.

Madankollu, f’każi ta’ diskrepanza, it-test żvelat skont il-paragrafu 5 ma jistax jintuża kontra terzi; madankollu dawk it-terzi jistgħu jużaw dak it-test, sakemm il-kumpanija ma ġġibx provi li kellhom informazzjoni tat-test depositat fil-fajl jew imdaħħal fir-reġistru.

[…]”

11

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2017/1132, intitolat “Il-lingwa li biha jsir l-iżvelar u t-traduzzjoni tad-dokumenti u tal-partikularitajiet li jridu jiġu żvelati”, jipprevedi li:

“1.   Dokumenti udettalji li għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 14 għandhom jitfasslu u jiġu ppreżentati f’waħda mil-lingwi li jistgħu jintużaw skont ir-regoli tal-lingwa awtorizzati fl-Istat Membru li fih jinfetaħ il-fajl imsemmi fl-Artikolu 16(1).

2.   Barra l-iżvelar obbligatorju msemmi fl-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jippermettu t-traduzzjonijiet ta’ dokumenti udettalji imsemmija fl-Artikolu 14 jiġu żvelati volontarjament skont l-Artikolu 16 f’kull lingwa uffiċjali tal-Unjoni [Ewropea].

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li t-traduzzjoni ta’ dawk id-dokumenti udettalji tkun ċertifikata.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw l-aċċess għal partijiet terzi għat-traduzzjonijiet żvelati volontarjament.

3.   Barra l-iżvelar obbligatorju msemmija fl-Artikolu 16, u l-iżvelar volontarja prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li d-dokumenti u d-dettalji kkonċernati jkunu żvelati, skont l-Artikolu 16, fi kwalunkwe lingwa oħra.

[…]

4.   Fil-każijiet ta’ diskrepanza bejn id-dokumenti u d-dettalji żvelati fil-lingwi uffiċjali tar-reġistru u t-traduzzjonijiet żvelati volontarjament, it-traduzzjonijiet ma jistgħux jintużaw kontra terzi. […]”

12

Skont l-Artikolu 161 ta’ din id-Direttiva 2017/1132, intitolat “Protezzjoni tad-data”:

“L-ipproċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest tal-din id-Direttiva għandu jkum soġġett għad-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)].”

13

L-Artikolu 166 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tħassir”, jistabbilixxi li:

“Id-Direttivi [2009/101 u 2012/30] huma mħassra […].

Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.”

14

L-Anness II tad-Direttiva 2017/1132 jelenka l-forom ta’ kumpanniji msemmija fl-Artikolu 7(1), fl-Artikolu 13, fl-Artikolu 29(1), fl-Artikolu 36(1), fl-Artikolu 67(1) u fil-punt (a) tal-Artikolu 119(1) ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm, għall-Bulgarija, l-OOD.

15

Skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV tad-Direttiva 2017/1132, minn naħa, l-Artikoli 2, 2a, 3, 4 u 7a tad-Direttiva 2009/101 jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikoli 14, 15, 16, 21 u 161 tad-Direttiva 2017/1132. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/30 jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2017/1132.

Id‑Direttiva (UE) 2019/1151

16

Id-Direttiva 2017/1132 ġiet emendata b’mod partikolari bid-Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2019, L 186, p. 80), li daħlet fis-seħħ fl‑31 ta’ Lulju 2019 u li tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Emendi għad-Direttiva [2017/1132]”:

“Id-Direttiva [2017/1132] tiġi emendata kif ġej:

[…]

(6) L-Artikolu 16 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 16

Żvelar fir‑reġistru

1.   f’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ fajl f’reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji (‘ir-reġistru’), għal kull waħda mill-kumpaniji reġistrati fih.

[…]

2.   Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li huma meħtieġa li jiġu żvelati skont l-Artikolu 14 għandhom jinżammu fil-fajl imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew jiddaħħlu direttament fir-reġistru, u s-suġġett tal-entrati fir-reġistru għandu jiġi rrekordjat fil-fajl.

Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14, irrispettivament mill-mezzi li permezz tagħhom jiġu preżentati, għandhom jinżammu fil-fajl fir-reġistru jew jiddaħħlu dirett fih f’forma elettronika. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibdel dawk id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jkunu ppreżentati f’forma stampata, f’forma elettronika mill-aktar fis possibbli.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iżvelar tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 isir billi jiġu magħmula pubblikament disponibbli fir-reġistru. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw ukoll dawk id-dokumenti u dik l-informazzjoni kollha jew uħud minnhom fil-gazzetta nazzjonali nnominata għal dak l-għan jew b’mezzi ugwalment effettivi. […]

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw kwalunkwe diskrepanza bejn dak li hemm fir-reġistru u fil-fajl.

L-Istati Membri li jeħtieġu l-pubblikazzjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni f’gazzetta nazzjonali jew fuq pjattaforma elettronika ċentrali għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw kwalunkwe diskrepanza bejn dak li jiġi żvelat f’konformità mal-paragrafu 3 u dak li jiġi ppubblikat fil-gazzetta jew fuq il-pjattaforma.

f’każijiet ta’ kwalunkwe diskrepanza skont dan l-Artikolu, id-dokumenti u l-informazzjoni disponibbli fir-reġistru għandhom jipprevalu.

5.   Id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 jistgħu jintużaw mill-kumpanija kontra partijiet terzi unikament wara li jkunu ġew żvelati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, sakemm il-kumpanija ma tagħtix prova li dawk il-partijiet terzi kienu jafu biha.

[…]

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni kollha ppreżentati bħala parti mill-formazzjoni ta’ kumpanija, ir-reġistrazzjoni ta’ fergħa, jew preżentazzjoni minn kumpanija jew fergħa, jinħażnu mir-reġistri f’format li jinqara mill-magni u li tista’ tfittex fih jew bħala data strutturata.’

(7) jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘Artikolu 16a

Aċċess għal informazzjoni żvelata

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kopji ta’ kull dokument u informazzjoni jew ta’ kwalunkwe parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 14, jistgħu jinkisbu mir-reġistru mal-applikazzjoni […]

[…]”

(19) l-Artikolu 161 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 161

Protezzjoni tad‑data

L-ipproċessar ta’ kwalunkwe data personali mwettaq fil-kuntest ta’ din id-Direttiva se jkun suġġett [għall-GDPR].’”

17

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1151, intitolat “Traspożizzjoni”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal‑1 ta’ Awwissu 2021. […]

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-punt […] (6) tal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, fir-rigward tal-Artikolu 16(6) tad-Direttiva [2017/1132], sal‑1 ta’ Awwissu 2023.

3.   b’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri li jkollhom diffikultajiet partikolari biex jittrasponu din id-Direttiva għandhom ikunu intitolati li jibbenefikaw minn estensjoni tal-perjodu previst fil-paragrafu 1 ta’ mhux aktar minn sena. […]

[…]”

Il‑GDPR

18

Il-premessi 26, 32, 40, 42, 43, 50, 85, 143 u 146 tal-GDPR jgħidu li:

“(26)

Il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli […]. Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament […].

[…]

(32)

Il-kunsens għandu jingħata b’att affermattiv ċar li jistabbilixxi indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa tal-qbil tas-suġġett tad-data li huwa jaqbel li tiġi pproċessata data personali b’rabta miegħu, pereżempju b’dikjarazzjoni bil-miktub, inkluż b’mod elettroniku, jew bil-fomm. […] Il-kunsens għandu jkopri l-attivitajiet tal-ipproċessar kollha li jsiru għall-istess fini jew finijiet. Meta l-ipproċessar ikollu diversi finijiet, għandu jingħata kunsens għalihom kollha. […]

[…]

(40)

Sabiex l-ipproċessar ikun legali, id-data personali għandha tkun ipproċessata abbażi tal-kunsens tas-suġġett tad-data kkonċernat jew ta’ xi bażi leġittima oħra, stabbilita bil-liġi, jew f’dan ir-Regolament jew f’liġi oħra tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru kif imsemmi f’dan ir-Regolament, inkluż il-ħtieġa ta’ konformità mal-obbligu legali li għalih hu soġġett il-kontrollur jew il-ħtieġa għall-prestazzjoni tal-kuntratt li s-suġġett tad-data ikun parti fih jew li jiġu meħuda passi fuq it-talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt.

[…]

(42)

Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-attività tal-ipproċessar. […] Il-kunsens ma għandux jitqies li ngħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina jew libera jew ma jkunx jista’ jiċħad jew jirtira l-kunsens mingħajr ħsara.

(43)

Sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ kunsens b’mod liberu, il-kunsens ma għandux jipprovdi raġuni legali valida għall-ipproċessar ta’ data personali f’każ speċifiku fejn ikun hemm żbilanċ ċar bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, b’mod partikolari fejn il-kontrollur huwa awtorità pubblika u għalhekk ikun improbabbli li l-kunsens ingħata liberament fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ dik is-sitwazzjoni speċifika. Il-kunsens huwa preżunt li mhux mogħti b’mod liberu jekk ma jippermettix li jingħata kunsens separat għal operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali differenti minkejja li jkun xieraq fil-każ partikolari […].

[…]

(50)

L-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment għandu jkun permess biss fejn l-ipproċessar ikun kompatibbli mal-finijiet li għalihom id-data personali tkun inġabret inizjalment. F’tali każ ma tkun meħtieġa l-ebda bażi għajr dik li tkun ippermettiet il-ġbir tad-data personali. […]

[…]

(85)

Il-vjolazzjoni ta’ data personali tista’, jekk ma tiġix indirizzata b’mod adegwat u fil-ħin, tirriżulta f’dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali lill-persuni fiżiċi bħat-telf ta’ kontroll tad-data personali tagħhom jew limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom, diskriminazzjoni, serq tal-identità jew frodi, telf finanzjarju, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, dannu għar-reputazzjoni, telf ta’ kunfidenzjalità tad-data personali protetta mis-segretezza professjonali jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali ieħor għall-persuna fiżika kkonċernata. […]

[…]

(143)

[…] kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ dik il-persuna. Tali deċiżjoni tikkonċerna b’mod partikolari t-tħaddim ta’ setgħat investigattivi, korrettivi u ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja jew iċ-ċaħda jew ir-rifjut ta’ ilmenti. Madankollu, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jinkludix miżuri meħudin minn awtoritajiet superviżorji li mhumiex legalment vinkolanti, bħal opinjonijiet maħruġa jew pariri pprovduti mill-awtorità superviżorja. […]

[…]

(146)

[…] Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu. Il-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa b’mod sħiħ l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. […] Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu. […]”

19

L-Artikolu 4 tal-GDPR, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]

(9)

‘riċevitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta’ inkjesta partikolari f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta’ dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f’konformità mar-regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

[…]

(11)

‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;

[…]”

20

L-Artikolu 5 tal-GDPR, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali ”, jistabbilixxi li:

“1.   Id-data personali għandha:

[…]

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet […] (‘limitazzjoni tal-fini’);

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

21

Skont l-Artikolu 6 tal-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi[:] [i]l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

[…]”

22

L-Artikolu 17 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’)”, jipprevedi li:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data;

(b)

is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar;

(c)

is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2);

(d)

id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

[…]

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:

[…]

(b)

għal konformità ma’ obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]”

23

L-Artikolu 21(1) tal-GDPR huwa fformulat kif ġej:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta’ profili abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”

24

L-Artikolu 58 tal-GDPR jistabbilixxi li:

“1.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:

[…]

2.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:

[…]

3.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha konsultattivi u ta’ awtorizzazzjoni li ġejjin:

[…]

(b)

li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-parlament nazzjonali, il-gvern tal-Istat Membru jew, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lil istituzzjonijiet u korpi oħra kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali;

[…]

4.   L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f’konformità mal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”].

5.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b’mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

6.   Kull Stat Membru jista’ jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha setgħat addizzjonali minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat ma għandux jostakola l-operazzjoni effettiva tal-Kapitolu VII.”

25

Skont l-Artikolu 82 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”:

“1.   Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.

2.   Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. Proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar f’każ biss fejn ma jkunx ikkonforma mal-obbligi ta’ dan ir-Regolament diretti b’mod speċifiku lejn il-proċessuri jew fejn ikun aġixxa lil hinn minn jew kontra istruzzjonijiet legali tal-kontrollur.

3.   Kontrollur jew proċessur għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 2 jekk jagħti prova li bl-ebda mod m’huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.

[…]”

26

L-Artikolu 94 tal-GDPR jipprevedi li:

“1.   Id-Direttiva [95/46] titħassar b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018.

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […]”

Id‑dritt Bulgaru

Il‑Liġi dwar ir‑Reġistri

27

L-Artikolu 2 taż-Zakon za targovskia registar i registara na yuridicheskite litsa s nestopanska tsel (il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Kummerċ u dwar ir-Reġistru tal-Persuni Ġuridiċi Mingħajr Skop ta’ Lukru, DV Nru 34, tal‑25 ta’ April 2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Reġistri”), jistabbilixxi li:

“(1)   Ir-reġistru tal-kummerċ u r-reġistru tal-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru jikkostitwixxu database elettronika komuni li tinkludi fiha ċ-ċirkustanzi inklużi bis-saħħa ta’ liġi, kif ukoll l-atti disponibbli għall-pubbliku bis-saħħa ta’ liġi, li jikkonċernaw in-negozjanti u l-fergħat ta’ negozjanti barranin, il-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru u l-fergħat ta’ persuni ġuridiċi barranin mingħajr skop ta’ lukru.

(2)   Iċ-ċirkustanzi u l-atti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ħlief għall-informazzjoni li tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-[GDPR], bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont il-liġi.”

28

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Ir-reġistru tal-kummerċ u r-reġistru tal-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru għandhom jinżammu mill-[Aġenzija], marbuta mal-Ministar na pravosadieto [il-Ministru tal-Ġustizzja, il-Bulgarija].”

29

Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija liġi:

“Kull negozjant u kull persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru huma obbligati li jitolbu l-iskrizzjoni tagħhom fir-reġistru tal-kummerċ u fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru, filwaqt li jiddikjaraw iċ-ċirkustanzi li hija mitluba l-iskrizzjoni tagħhom u filwaqt li jippreżentaw l-atti li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”

30

L-Artikolu 11 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Ir-reġistru tal-kummerċ u r-reġistru tal-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru huma pubbliċi. Kull persuna għandha d-dritt li tingħata aċċess liberu u mingħajr ħlas għad-database li tikkostitwixxi r-reġistri.

(2)   L-[Aġenzija] għandha tiżgura aċċess irreġistrat għall-fajl tan-negozjant jew tal-persuna ġuridika mingħajr skop ta’ lukru.”

31

L-Artikolu 13(1), (2), (6) u (9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri jistabbilixxi li:

“(1)   L-iskrizzjoni, it-tħassir u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandhom jitwettqu fuq il-bażi ta’ formola ta’ talba.

(2)   It-talba għandha tinkludi:

1. id-dettalji tal-applikant;

[…]

3. iċ-ċirkustanza suġġetta għall-iskrizzjoni, l-iskrizzjoni li qiegħed jintalab it-tħassir tagħha, jew l-att li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

[…]

(6)   [I]t-talba għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti jew, skont il-każ, mill-att li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, konformement mar-rekwiżiti tal-liġi. Id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati fil-forma ta’ oriġinal, ta’ kopja awtentikata mill-applikant jew awtentikata minn nutar. L-applikant għandu jippreżenta wkoll kopji awtentikati tal-atti li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ, li fihom tkun inħbiet id-data personali minbarra dik li hija mitluba mil-liġi.

[…]

(9)   Meta t-talba jew id-dokumenti mehmuża magħha jsemmu data personali li ma hijiex rikjesta mil-liġi, il-persuni li jkunu pprovdewhom għandhom jitqiesu bħala li taw il-kunsens tagħhom sabiex din id-data tiġi pproċessata mill-Aġenzija u għat-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

[…]”

Il‑Liġi Kummerċjali

32

Il-punt 3 tal-Artikolu 101 tat-Targovski zakon (il-Liġi Kummerċjali, DV Nru 48, tat‑18 ta’ Ġunju 1991), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Kummerċjali”), jipprovdi li l-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni għandhom jinkludu ‘l-isem, l-isem tan-negozju u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku tas-soċji’.

33

Skont l-Artikolu 119 tal-Liġi Kummerċjali:

“(1)   L-iskrizzjoni tal-kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ tirrikjedi:

1. il-preżentata tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

[…]

(2)   Id-data msemmija fil-punt 1 […] għandha tiddaħħal fir-reġistru […]

[…]

(4)   Sabiex jiġu emendati jew ikkompletati l-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ, għandha tiġi ppreżentata kopja tal-imsemmija dokumenti li tkun tinkludi fiha l-emendi u ż-żidiet kollha, awtentikata mill-korp li jirrappreżenta l-kumpannija bil-ħsieb li din titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”

Id-Digriet Nru 1 dwar iż-Żamma, il-Ħżin u l-Aċċess għar-Reġistru tal-Kummerċ u għar-Reġistru tal-Persuni Ġuridiċi Mingħajr Skop ta’ Lukru

34

L-Artikolu 6 tan-Naredba no 1 za vodene, sahranyavane i dostap do targovskia registar i do registara na yuridicheskite litsa s nestopanska tsel (id-Digriet Nru 1 dwar iż-Żamma, il-Ħżin u l-Aċċess għar-Reġistru tal-Kummerċ u għar-Reġistru tal-Persuni Ġuridiċi Mingħajr Skop ta’ Lukru), tal‑14 ta’ Frar 2007 (DV Nru 18, tas‑27 ta’ Frar 2007), adottat mill-Ministar na pravosadieto (il-Ministru tal-Ġustizzja), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li:

“Ir-reġistrazzjoni u t-tħassir mir-reġistru kummerċjali u mir-reġistru tal-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru għandhom isiru abbażi ta’ formola ta’ talba skont l-Annessi [li fihom formoli speċifiċi]. It-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku tal-atti fir-reġistru kummerċjali u fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru għandu jsir abbażi ta’ formola ta’ talba skont l-Annessi [li fihom formoli speċifiċi].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

35

OL hija soċja ta’ “Praven Shtit Konsulting” OOD, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Bulgaru, li ġiet irreġistrata fl‑14 ta’ Jannar 2021 fir-reġistru tal-kummerċ wara l-preżentazzjoni tal-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni, tat‑30 ta’ Diċembru 2020 u ffirmat mis-soċji ta’ din il-kumpannija (iktar ’il quddiem il-“memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati”).

36

Dawn il-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni, li jinkludu l-kunjom, l-isem, in-numru ta’ identifikazzjoni, in-numru tal-karta tal-identità, id-data u l-post tal-ħruġ ta’ din il-karta kif ukoll l-indirizz ta’ OL u l-firma tagħha, tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Aġenzija kif kienu ġew ippreżentati.

37

Fit‑8 ta’ Lulju 2021, OL talbet lill-Aġenzija sabiex tħassar id-data personali li tikkonċernaha inkluża fl-imsemmija memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni, filwaqt li speċifikat li, sa fejn l-ipproċessar ta’ din id-data kien ibbażat fuq il-kunsens tagħha, hija kienet qiegħda tirtira dan il-kunsens.

38

Fl-assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-Aġenzija, OL bdiet proċeduri quddiem l-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva ta’ Dobrich, il-Bulgarija), liema qorti, permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2021, annullat ir-rifjut impliċitu tal-Aġenzija li tħassar l-imsemmija data u bagħtet il-każ lura quddiemha sabiex din tadotta deċiżjoni ġdida.

39

B’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, u ta’ sentenza analoga li tikkonċerna lis-soċju l-ieħor li kien wettaq l-istess passi, l-Aġenzija indikat, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Jannar 2022, li kellha tiġi trażmessa lilha kopja awtentikata tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati li fiha tiġi moħbija d-data personali tas-soċji, bl-eċċezzjoni ta’ dik rikjesta mil-liġi, sabiex hija tkun tista’ tilqa’ t-talba għal tħassir tad-data personali mressqa minn OL.

40

Fil‑31 ta’ Jannar 2022, OL adixxiet mill-ġdid lill-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva ta’ Dobrich) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din l-ittra u għall-kundanna tal-Aġenzija sabiex tħallasha kumpens għad-dannu morali li l-imsemmija ittra, li kienet tikser id-drittijiet mogħtija mill-GDPR, ikkawżatilha.

41

Fl‑1 ta’ Frar 2022, qabel ma laħqet irċeviet in-notifika ta’ dan ir-rikors, l-Aġenzija ħassret ex officio in-numru ta’ identifikazzjoni, id-data marbuta mal-karta tal-identità u l-indirizz ta’ OL iżda mhux kunjomha, isimha u l-firma tagħha.

42

B’sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, l-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva ta’ Dobrich) annullat l-ittra tas‑26 ta’ Jannar 2022 u ordnat lill-Aġenzija tħallas kumpens lil OL ekwivalenti għas-somma ta’ 500 leva Bulgari (BGN) (madwar EUR 255), miżjuda bl-interessi legali, għad-dannu morali, skont l-Artikolu 82 tal-GDPR. Skont din is-sentenza, minn naħa, dan id-dannu kien jikkonsisti f’esperjenzi psikoloġiċi u emozzjonali negattivi ta’ OL, jiġifieri l-biża’ u t-tħassib dwar eventwali abbuż kif ukoll l-impotenza u d-diżappunt fir-rigward tal-impossibbiltà li tiġi protetta d-data personali tagħha. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi dannu jirriżulta minn din l-ittra, fatt li wassal għal ksur tad-dritt għal tħassir stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-GDPR kif ukoll għal ipproċessar illegali tad-data personali tagħha inkluża fil-memorandum u fl-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

43

Il-qorti tar-rinviju, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), hija adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mill-Aġenzija kontra l-imsemmija sentenza.

44

Skont din il-qorti, l-Aġenzija ssostni li hija mhux biss responsabbli għall-ipproċessar tad-data iżda wkoll destinatarja tad-data personali trażmessa fil-kuntest tal-proċedura ta’ iskrizzjoni ta’ “Praven Shtit Konsulting”. Barra minn hekk, l-Aġenzija ma rċeviet ebda kopja tal-memorandum u tal-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati ta’ din il-kumpannija li taħbi d-data personali ta’ OL li ma kellhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, minkejja li hija kienet talbet din il-kopja qabel ir-reġistrazzjoni ta’ din il-kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ. Issa, l-assenza ta’ tali kopja ma tistax tostakola, waħedha, ir-reġistrazzjoni ta’ kumpannija kummerċjali f’dan ir-reġistru. Dan jirriżulta mill-Opinjoni Nru 01‑116(20)/01.02.2021 tal-awtorità superviżorja nazzjonali, il-Komisia za zashtita na lichnite danni (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali, il-Bulgarija), ippreżentata skont l-Artikolu 58(3)(b) tal-GDPR, li tirreferi għalih l-Aġenzija. L-imsemmija qorti tirrileva li, skont OL, l-Aġenzija, bħala kontrollur, ma tistax timponi fuq persuni oħra l-obbligi tagħha ta’ tħassir tad-data personali, peress li, skont ġurisprudenza nazzjonali, din l-opinjoni ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR.

45

Il-qorti tar-rinviju żżid li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali maġġoritarja, kjarifika tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-regolament tidher neċessarja. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar il-konċiljazzjoni li għandha ssir bejn, minn naħa, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-iżvelar kif ukoll l-aċċess għal ċerti dokumenti tal-kumpanniji billi tippreċiża, b’mod partikolari, li s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197), ma tippermettix li jiġu solvuti d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li tqajjem is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2009/101] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil Stat Membru jawtorizza l-iżvelar ta’ kuntratt ta’ kumpannija li r-reġistrazzjoni tiegħu hija meħtieġa skont l-Artikolu 119 [tal-Liġi Kummerċjali] u li, minbarra l-ismijiet tal-membri li għandhom ikunu obbligatorjament disponibbli għall-pubbliku skont l-Artikolu 2(2) [tal-Liġi dwar ir-Reġistri], jinkludi wkoll data personali oħra ta’ dawn il-membri? Fl-għoti ta’ risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-[Aġenzija] hija organu pubbliku li fir-rigward tiegħu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jkollhom effett dirett (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Vassallo,C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, jista’ jitqies li, fiċ-ċirkustanzi li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-ipproċessar tad-data personali mill-[Aġenzija] huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) [tal-GDPR]?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, jista’ jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 13(9) [tal-Liġi dwar ir-Reġistri], li tipprevedi li meta l-applikazzjoni jew id-dokumenti annessi magħha jsemmu data personali li ma hijiex meħtieġa mil-liġi, il-persuni li jkunu pprovdew din id-data għandhom jitqiesu li taw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tagħha mill-[Aġenzija] u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha għall-pubbliku, hija permessa minkejja l-premessi 32, 40, 42, 43 u 50 [tal-GDPR], sa fejn telabora l-possibbiltà ta’ ‘żvelar volontarju’ fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/101, anki ta’ data personali?

4)

Għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligu li għandhom l-Istati Membri taħt l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/101 li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw kull diskrepanza bejn il-kontenut ta’ dak li jkun ġie żvelat skont il-paragrafu 5 u l-kontenut tar-reġistru jew tal-fajl u li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi li jkollhom għarfien tal-atti essenzjali tal-kumpannija u ta’ ċerti partikolaritajiet li jikkonċernawha, imsemmija fil-premessa 3 ta’ din id-direttiva, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet proċedurali (formoli għall-applikazzjoni, preżentazzjoni ta’ kopja ta’ dokumenti bid-data personali moħbija) għall-eżerċizzju tad-dritt tal-persuna fiżika taħt l-Artikolu 17 [tal-GDPR] li titlob lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar it-tħassir tad-data personali li tikkonċernaha mingħajr dewmien żejjed hija permessa, meta d-data personali li jintalab it-tħassir tagħha tkun tagħmel parti minn dokumenti żvelati uffiċjalment (imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku) u mgħoddija lill-kontrollur responsabbli għall-ipproċessar skont modalitajiet proċedurali simili minn terz li bl-istess mod ikun iddetermina l-finalità tal-ipproċessar mibdi minnu?

5)

Fiċ-ċirkustanzi li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-[Aġenzija] tkun qiegħda taġixxi biss bħala kontrollur responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali jew tkun ukoll id-destinatarja ta’ din id-data, f’sitwazzjoni fejn il-finalità tal-ipproċessar ta’ din id-data bħala parti minn dokumenti ppreżentati bil-għan li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tkun ġiet iddeterminata minn kontrollur ieħor li jkun responsabbli għall-ipproċessar?

6)

Il-firma bl-idejn tal-persuna fiżika tikkostitwixxi informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata u, għalhekk, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘data personali’ fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 [tal-GDPR]?

7)

Il-kunċett ta’ ‘dannu morali’, fis-sens tal-Artikolu 82(1) [tal-GDPR], għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ l-eżistenza ta’ konsegwenzi negattivi identifikabbli u preġudizzju għall-interessi personali li jista’ jintwera oġġettivament, jew huwa biżżejjed li s-suġġett tad-data jitlef, anki għal żmien qasir, id-dritt sovran tiegħu li jżomm kontroll fuq id-data personali tiegħu minħabba t-tqegħid ta’ din id-data għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-reġistru tal-kummerċ, fl-assenza ta’ konsegwenzi identifikabbli jew sfavorevoli għas-suġġett tad-data?

8)

L-Avviż Nru 01‑116(20)/01.02.2021 maħruġ mill-awtorità superviżorja nazzjonali, [il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali], abbażi tal-Artikolu 58(3)(b) [tal-GDPR], li jipprovdi li l-[Aġenzija] la għandha l-possibbiltà legali u lanqas is-setgħa li tillimita, ex officio jew fuq talba tas-suġġett tad-data, l-ipproċessar tad-data li tkun diġà tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jista’ jitqies li huwa prova, fis-sens tal-Artikolu 82(3) [tal-GDPR], li l-fatt li allegatament ikkawża d-dannu għall-persuna fiżika bl-ebda mod ma huwa imputabbli lill-[Aġenzija]?”

Fuq id‑domandi preliminari

Kunsiderazzjonijiet preliminari

47

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni kemm tal-GDPR kif ukoll tad-Direttiva 2009/101, li ġiet ikkodifikata u ssostitwita bid-Direttiva 2017/1132, li hija applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2017/1132.

48

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 15 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li parti minn dawn il-fatti seħħew wara l‑1 ta’ Awwissu 2021, data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1151, li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ din l-aħħar direttiva, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmija fatti jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2017/1132 jew tad-Direttiva 2017/1132, kif emendata bid-Direttiva 2019/1151.

49

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-emendi tal-formulazzjoni tal-Artikoli 16 u 161 tad-Direttiva 2017/1132 u ż-żieda tal-Artikolu 16a ma’ din id-direttiva li jirriżultaw mid-Direttiva 2019/1151 ma għandhomx effett fuq l-analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba twettaq f’din il-kawża, b’tali mod li r-risposti li ser jingħataw f’din is-sentenza ser ikunu fi kwalunkwe każ rilevanti.

Fuq l‑ewwel domanda

50

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2017/1132 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq Stat Membru obbligu li jawtorizza l-iżvelar, fir-reġistru tal-kummerċ, ta’ memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni ta’ kumpannija suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst minn din id-direttiva u li jinkludu data personali li ma hijiex id-data personali minima meħtieġa, li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

51

B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar il-portata tal-iżvelar volontarju msemmi f’din id-dispożizzjoni u tfittex li tiddetermina jekk l-imsemmija dispożizzjoni timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jawtorizzaw l-iżvelar ta’ dettalji inklużi fid-dokumenti tal-kumpanniji, bħal data personali, li huma ma jkunux eżiġew għall-iżvelar obbligatorju previst mill-imsemmija direttiva.

52

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2017/1132, “[b]arra l-iżvelar obbligatorju msemmi fl-Artikolu 16 [ta’ din id-direttiva], l-Istati Membri għandhom jippermettu t-traduzzjonijiet ta’ dokumenti udettalji imsemmija fl-Artikolu 14 [tal-imsemmija direttiva] jiġu żvelati volontarjament skont l-Artikolu 16 [tagħha] f’kull lingwa uffiċjali tal-Unjoni”. It-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 21(2) jawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu li “t-traduzzjoni ta’ dawk id-dokumenti udettalji” għandha tkun awtentikata. Fl-aħħar nett, it-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 21(2) jikkonċerna l-miżuri neċessarji sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess ta’ terzi għat-“traduzzjonijiet” li kienu s-suġġett ta’ żvelar volontarju.

53

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2017/1132 jelenka d-dokumenti u d-dettalji li għandhom, bħala minimu, jiġu ppubblikati b’mod obbligatorju mill-kumpanniji kkonċernati. Dawn id-dokumenti u dettalji għandhom, skont l-Artikolu 16(3) sa (5) ta’ din id-direttiva, jiġu inklużi fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru, ikunu aċċessibbli permezz tal-kisba ta’ kopja sħiħa jew parzjali fuq talba u jkunu s-suġġett ta’ żvelar mwettaq permezz tal-pubblikazzjoni, jew sħiħa jew permezz ta’ estratti jew fil-forma ta’ dikjarazzjoni, fil-gazzetta nazzjonali, jew permezz ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti.

54

F’dan ir-rigward, fid-dawl b’mod partikolari tal-użu repetut tat-terminu “traduzzjonijiet” fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2017/1132, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tikkonċerna l-iżvelar volontarju tat-traduzzjonijiet tad-dokumenti u tad-dettalji msemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni u, għaldaqstant, biss il-lingwa tal-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti u dettalji. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tirreferix għall-kontenut tal-imsemmija dokumenti u dettalji.

55

Għaldaqstant, din il-formulazzjoni tidher li tindika li dan l-Artikolu 21(2) ma tistax tiġi interpretata bħala li timponi fuq l-Istati Membri xi obbligu dwar l-iżvelar ta’ data personali li l-iżvelar tagħha ma huwa meħtieġa la minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni u lanqas mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, iżda li tinsab f’att suġġett għall-iżvelar obbligatorju previst mill-imsemmija direttiva.

56

Issa, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND,C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39).

57

Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2017/1132, it-titolu ta’ dan l-artikolu, li jirreferi għal-“lingwa li biha jsir l-iżvelar u t-traduzzjoni tad-dokumenti u tal-partikularitajiet li jridu jiġu żvelati”, l-istess bħall-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu, jikkorroboraw l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

58

Fil-fatt, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2017/1132 jistabbilixxi li “[d]okumenti udettalji li għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 14 [ta’ din id-direttiva] għandhom jitfasslu u jiġu ppreżentati f’waħda mil-lingwi li jistgħu jintużaw” skont ir-regoli nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam. Dan l-Artikolu 21(3) jipprevedi li, minbarra l-iżvelar obbligatorju msemmi fl-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva u l-iżvelar volontarju previst fl-imsemmi Artikolu 21(2) ta’ din l-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-iżvelar tad-dokumenti u tad-dettalji kkonċernati “fi kwalunkwe lingwa oħra”. Fir-rigward tal-istess Artikolu 21(4), dan jirreferi għat-“traduzzjonijiet żvelati volontarjament”.

59

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza hija kkonfermata mill-premessa 12 tal-istess direttiva li tgħid li għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess transkonfinali għall-informazzjoni dwar il-kumpanniji billi tkun permessa, minbarra l-iżvelar obbligatorju mwettaq f’waħda mil-lingwi awtorizzati tal-Istati Membri tal-kumpanniji kkonċernati, ir-reġistrazzjoni volontarja, f’lingwi oħra, ta’ dokumenti u ta’ dettalji obbligatorji.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2017/1132 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq Stat Membru obbligu li jawtorizza l-iżvelar, fir-reġistru tal-kummerċ, ta’ memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni ta’ kumpannija suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst minn din id-direttiva u li jinkludu data personali li ma hijiex id-data personali minima meħtieġa, li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

61

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda, li saru biss fl-ipoteżi ta’ risposta affermattiva għal din l-ewwel domanda.

Fuq il‑ħames domanda

62

Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata qabel ir-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-GDPR, b’mod partikolari l-punti 7 u 9 tal-Artikolu 4 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru li tippubblika, f’dan ir-reġistru, id-data personali li tinsab f’memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni, suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst mid-Direttiva 2017/1132, li ġew trażmessi lilha fil-kuntest ta’ talba għall-iskrizzjoni tal-kumpannija fl-imsemmi reġistru, hija kemm “destinatarju” ta’ din id-data kif ukoll “kontrollur” tal-imsemmija data, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

63

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 161 tad-Direttiva 2017/1132, l-ipproċessar tad-data personali mwettaq fil-kuntest ta’ din id-direttiva huwa suġġett għad-Direttiva 95/46 u, għaldaqstant, għall-GDPR, li l-Artikolu 94(2) tiegħu jispeċifika li r-riferimenti magħmula għal din l-aħħar direttiva għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għal dan ir-regolament.

64

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 14(a), (b) u (d) tad-Direttiva 2017/1132, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-iżvelar obbligatorju dwar il-kumpanniji jkun għall-inqas jirrigwarda l-att kostituttiv tal-kumpannija kkonċernata, il-modifiki tiegħu, u l-ħatra, it-tmiem tal-kariga kif ukoll l-identità tal-persuni li, bħala korp ikkostitwit skont il-liġi, jew membri ta’ tali korp, għandhom is-setgħa li jorbtu lil din il-kumpannija fir-rigward ta’ terzi u li jirrappreżentawha quddiem qorti jew jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll tal-imsemmija kumpannija. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(i) ta’ din id-direttiva, id-dettalji obbligatorji li għandhom jiġu pprovduti fl-att kostituttiv li huwa s-suġġett ta’ tali żvelar għandhom jinkludu l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew tal-kumpanniji li ffirmaw jew li f’isimhom ġie ffirmat dan l-att.

65

Skont l-Artikolu 16(3) sa (5) tal-imsemmija direttiva, kif indikat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, dawn l-atti u dettalji għandhom jiġu inklużi fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru, ikunu aċċessibbli permezz tal-kisba ta’ kopja sħiħa jew parzjali fuq talba u jkunu s-suġġett ta’ żvelar imwettaq permezz tal-pubblikazzjoni, jew sħiħa jew permezz ta’ estratti jew fil-forma ta’ dikjarazzjoni, fil-gazzetta nazzjonali, jew permezz ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti.

66

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tagħha, huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, b’mod partikolari, liema kategoriji ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-persuni msemmija fl-Artikolu 4(i) u fl-Artikolu 14(d) tad-Direttiva 2017/1132, b’mod partikolari, liema tipi ta’ data personali, huma s-suġġett ta’ żvelar obbligatorju, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

67

Issa, id-dettalji dwar l-identità ta’ dawn il-persuni jikkostitwixxu, bħala informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni,C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 34).

68

L-istess japplika għad-dettalji addizzjonali dwar l-identità tal-imsemmija persuni jew ta’ kategoriji oħra ta’ persuni li l-Istati Membri jiddeċiedu li jissuġġettaw għall-iżvelar obbligatorju, jew li, bħal f’dan il-każ, jidhru fid-dokumenti suġġetti għal tali żvelar mingħajr ma t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din id-data huwa meħtieġ mid-Direttiva 2017/1132 jew mid-dritt nazzjonali li jimplimenta din id-direttiva.

69

Sussegwentement, fir-rigward tal-kunċett ta’ “destinatarju” fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, dan jindika “persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le”, fejn din id-dispożizzjoni tippreċiża li huma esklużi minn din id-definizzjoni l-awtoritajiet pubbliċi li jirċievu din id-data fil-kuntest ta’ missjoni ta’ investigazzjoni partikolari skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt ta’ Stat Membru.

70

Issa, meta tirċievi, fil-kuntest tat-talba għall-iskrizzjoni ta’ kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru, id-dokumenti suġġetti għall-iżvelar obbligatorju msemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2017/1132 li jkun fihom data personali, irrispettivament minn jekk humiex meħtieġa jew le minn din id-direttiva jew mid-dritt nazzjonali, l-awtorità inkarigata miż-żamma ta’ dan ir-reġistru għandha l-kwalità ta’ “destinatarju” ta’ din id-data fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.

71

Fl-aħħar nett, skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, il-kunċett ta’ “kontrollur” ikopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji u l-korpi l-oħra li, waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, jiddeterminaw l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li, meta l-għanijiet u l-mezzi ta’ dan l-ipproċessar ikunu ddeterminati mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu previsti mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża li tiżgura, permezz ta’ definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur”, protezzjoni effikaċi u kompleta tal-persuni kkonċernati (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali), C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, moqri fid-dawl ta’ dan l-għan, jidher li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna jew entità għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din il-persuna jew din l-entità tiddeterminax, waħedha jew flimkien ma’ oħrajn, l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar jew inkella jekk dawn humiex iddeterminati mid-dritt nazzjonali. Meta tali determinazzjoni titwettaq mid-dritt nazzjonali, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk dan id-dritt jaħtarx il-kontrollur jew jipprevedix il-kriterji speċifiċi applikabbli għall-ħatra tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali), C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 29).

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, id-determinazzjoni tal-għanijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar u, jekk ikun il-każ, il-ħatra ta’ dan il-kontrollur mid-dritt nazzjonali jistgħu jkunu mhux biss espliċiti, iżda wkoll impliċiti. F’dan l-aħħar każ, huwa madankollu meħtieġ li din id-determinazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjentement ċert mir-rwol, mill-missjoni u mill-kompetenzi mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali),C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 30).

75

Barra minn hekk, meta tniżżel u żżomm data personali rċevuta fil-kuntest ta’ talba għall-iskrizzjoni ta’ kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru, billi tikkomunikaha, jekk ikun il-każ, fuq talba lil terzi u billi tippubblikaha fil-gazzetta nazzjonali, jew permezz ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti, l-awtorità inkarigata miż-żamma ta’ dan ir-reġistru twettaq ipproċessar ta’ data personali li għaliha hija “kontrollur” fis-sens tal-punti 2 u 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni,C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 35).

76

Fil-fatt, dan l-ipproċessar ta’ data personali huwa distint u sussegwenti għall-komunikazzjoni tad-data personali magħmula mill-applikant għal din l-iskrizzjoni u rċevuta minn din l-awtorità. Barra minn hekk, din tal-aħħar tipproċedi waħedha għall-imsemmi pproċessar, konformement mal-għanijiet u mal-modalitajiet li huma stabbiliti mid-Direttiva 2017/1132 u mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li timplimenta din id-direttiva.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li mill-premessi 1, 7 u 8 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-iżvelar previst minnha huwa intiż li jipproteġi b’mod partikolari l-interessi ta’ terzi fir-rigward tal-kumpanniji limitati b’ishma u tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, peress li dawn joffru bħala garanzija fir-rigward ta’ terzi l-assi tagħhom biss. Għal dan il-għan, dan l-iżvelar għandu jippermetti li t-terzi jkunu jistgħu jsiru jafu bid-dokumenti essenzjali tal-kumpannija kkonċernata u ċerti dettalji li jikkonċernawha, bħall-identità tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu lill-kumpannija.

78

Barra minn hekk, l-għan tal-istess direttiva huwa li tiżgura ċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji u t-terzi bl-għan li jintensifikaw il-flussi tan-negozju bejn l-Istati Membri wara l-ħolqien tas-suq intern. Minn din il-perspettiva, huwa importanti li kull persuna li tixtieq tistabbilixxi u tkompli relazzjonijiet kummerċjali ma’ kumpanniji li jinsabu fi Stati Membri oħra tkun tista’ faċilment issir taf bid-data essenzjali dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji kummerċjali u dwar is-setgħat tal-persuni inkarigati li jirrappreżentawhom, li jeħtieġ li d-data rilevanti kollha tkun tinsab b’mod espliċitu fir-reġistru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni,C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 50).

79

Issa, kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, billi jibgħat lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru d-dokumenti u d-dettalji suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst mid-Direttiva 2017/1132 u billi jipproċessa, b’dan il-mod, id-data personali li dawn id-dokumenti jinkludu, l-applikant għall-iskrizzjoni ta’ kumpannija f’dan ir-reġistru ma jeżerċita ebda influwenza fuq id-determinazzjoni tal-għanijiet u tal-ipproċessar ulterjuri mwettaq minn din l-awtorità. Barra minn hekk, huwa għandu għanijiet differenti u li huma speċifiċi għalih, jiġifieri li jissodisfa l-formalitajiet neċessarji għal din l-iskrizzjoni.

80

F’dan il-każ, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-data personali ta’ OL seħħ fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-Aġenzija bħala awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ, peress li l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ din id-data huma ddeterminati kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari mill-Artikolu 13(9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri. Għalhekk, il-fatt li kopja awtentikata tal-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati li taħbi d-data personali mhux meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni ma ġietx trażmessa, kuntrarjament għall-modalitajiet proċedurali previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni, ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni tal-Aġenzija bħala “kontrollur”.

81

Din il-klassifikazzjoni lanqas ma hija kkontestata mill-fatt li l-Aġenzija ma tikkontrollax, skont l-istess leġiżlazzjoni, qabel it-tqegħid online tagħha, id-data personali li tinsab fl-istampi elettroniċi jew fl-oriġinali tad-dokumenti trażmessi lilha għall-finijiet tal-iskrizzjoni ta’ kumpannija. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jkun kuntrarju għall-għan tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, imsemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, li jiġi eskluż mill-kunċett ta’ “kontrollur” il-Ġurnal Uffiċjali ta’ Stat Membru għar-raġuni li dan tal-aħħar ma jeżerċitax kontroll fuq id-data personali li tinsab fil-pubblikazzjonijiet tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali),C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 38).

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Aġenzija hija responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali ta’ OL li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, online, ta’ din id-data, anki jekk kopja tal-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati li taħbi d-data personali mhux meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi trażmessa lilha, skont din il-leġiżlazzjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, l-Aġenzija hija responsabbli wkoll, skont l-Artikolu 5(2) tal-GDPR, għall-osservanza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-GDPR, b’mod partikolari l-punti 7 u 9 tal-Artikolu 4 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru li tippubblika, f’dan ir-reġistru, id-data personali li tinsab f’memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst mid-Direttiva 2017/1132 li ġew trażmessi lilha fil-kuntest ta’ talba għall-iskrizzjoni tal-kumpannija kkonċernata fl-imsemmi reġistru, hija kemm “destinatarju” ta’ din id-data kif ukoll, b’mod partikolari sa fejn din tqegħedha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku,“kontrollur” tal-imsemmija data, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta dawn il-memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni jinkludu data personali mhux meħtieġa minn din id-direttiva jew mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq ir‑raba’ domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

84

Il-Gvern Bulgaru jsostni li r-raba’ domanda hija inammissibbli peress li tqajjem problema ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, skont dan il-gvern, din id-domanda tirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2017/1132 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-modalitajiet proċedurali għall-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 17 tal-GDPR, li għadha ma ġietx adottata.

85

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 KE tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq it-tqassim ta’ funzjonijiet bejniethom, u tikkostitwixxi strument li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu meħtieġa minnhom għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li jkunu mitluba jiddeċiedu. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju),C‑564/19, EU:C:2021:949, punti 5960 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fil-każ li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti),C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi, fl-aħħar istanza, dwar il-legalità tar-rifjut tal-Aġenzija għat-talba għat-tħassir tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li kopja tal-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati li taħbi d-data personali mhux meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Bulgara ma kinitx ġiet ipprovduta lill-Aġenzija, kuntrarjament għall-modalitajiet proċedurali previsti minn din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, minn din it-talba jirriżulta li tali rifjut jikkorrispondi għall-prattika tal-Aġenzija. Fl-aħħar nett, din il-qorti ppreċiżat li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda kienet neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, f’kuntest fejn il-ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex uniformi.

88

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Bulgaru, ir-raba’ domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

89

Fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif esposti fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2017/1132, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha, kif ukoll l-Artikolu 17 tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru li twassal lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ dan l-Istat Membru sabiex tirrifjuta kull talba għal tħassir ta’ data personali, mhux meħtieġa minn din id-direttiva jew mid-dritt tal-imsemmi Stat Membru, li tinsab f’memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni ppubblikati f’dan ir-reġistru, meta kopja ta’ dawn id-dokumenti li taħbi din id-data ma tkunx ġiet ipprovduta lil din l-awtorità kuntrarjament għall-modalitajiet proċedurali previsti minn din il-leġiżlazzjoni.

90

Skont l-Artikolu 17(1) tal-GDPR, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir tad-data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar din id-data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda mir-raġunijiet imniżżla f’din id-dispożizzjoni.

91

Dan huwa l-każ, skont dan l-Artikolu 17(1)(c), meta s-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament u ma jkun hemm l-ebda “raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar” jew, skont l-imsemmi Artikolu 17(1)(d), meta d-data inkwistjoni tkun ġiet “ipproċessata illegalment”.

92

Mill-Artikolu 17(3)(b) tal-GDPR jirriżulta wkoll li dan l-Artikolu 17(1) ma japplikax sa fejn dan l-ipproċessar ikun neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li jirrikjedi l-ipproċessar previst mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, jew għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur.

93

Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-suġġett tad-data għandux dritt għat-tħassir skont l-Artikolu 17 tal-GDPR, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat ir-raġuni jew ir-raġunijiet ta’ legalità li jista’ jaqa’ taħthom l-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

94

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies legali. Għaldaqstant, sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun jista’ jitqies li huwa leġittimu, dan għandu jkun kopert minn wieħed mis-sitt każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità),C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Fl-assenza ta’ kunsens tas-suġġett tad-data għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu skont dan l-Artikolu 6(1)(a) jew meta dan il-kunsens ma jkunx ingħata b’mod liberu, speċifiku, informat u inekwivoku, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, tali pproċessar jista’ madankollu jkun iġġustifikat meta dan ikun jissodisfa wieħed mir-rekwiżiti ta’ neċessità msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 92).

96

F’dan il-kuntest, il-ġustifikazzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni, sa fejn dawn jippermettu li pproċessar ta’ data personali mwettaq fl-assenza tal-kunsens tas-suġġett tad-data jsir legali, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, skont l-Artikolu 5 tal-GDPR, l-oneru huwa fuq il-kontrollur li juri li din id-data tinġabar b’mod partikolari għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, li hija adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata u li tkun ipproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 95).

98

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-diversi elementi ta’ pproċessar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex iġġustifikati minn waħda jew mill-oħra mir-rekwiżiti msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha indikazzjonijiet utli sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 96).

99

F’dan il-każ, qabelxejn, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, il-preżunzjoni ta’ kunsens stabbilita fl-Artikolu 13(9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri, ma tidhirx li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, moqri flimkien mal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

100

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 32, 42 u 43 tal-imsemmi regolament, il-kunsens għandu jingħata permezz ta’ azzjoni pożittiva ċara, pereżempju permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali, mingħajr ma jitqies li ngħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollux libertà ġenwina ta’ għażla jew ma jkunx jista’ jirrifjuta jew jirtira l-kunsens tiegħu mingħajr ma jġarrab ħsara. Barra minn hekk, il-kunsens ma għandux jikkostitwixxi bażi legali valida f’każ partikolari fejn ikun hemm żbilanċ ċar bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar ikun awtorità pubblika.

101

Għaldaqstant, preżunzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 13(9) tal-Liġi dwar ir-Reġistri ma tistax titqies li tistabbilixxi kunsens mogħti b’mod liberu, speċifiku, informat u inekwivoku għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn awtorità pubblika bħall-Aġenzija.

102

Sussegwentement, ir-raġunijiet ta’ legalità previsti fil-punti (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), dwar l-ipproċessar ta’ data personali meħtieġa rispettivament għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt u għall-protezzjoni tal-interessi vitali ta’ persuna fiżika, ma jidhrux rilevanti fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-istess japplika għar-raġuni ta’ legalità prevista f’dan il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) dwar ipproċessar ta’ data personali meħtieġa għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur, peress li mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 6(1) jirriżulta b’mod ċar li pproċessar ta’ data personali mwettaq minn awtorità pubblika fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tagħha ma jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Skopijiet tal-ipproċessar ta’ data – Investigazzjoni preliminari), C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 85).

103

Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ir-raġunijiet ta’ legalità li jinsabu fil-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, hemm lok li jitfakkar li, skont dan il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), ipproċessar ta’ data personali jkun legali jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi osservat obbligu legali li għalih il-kontrollur ikun suġġett. Barra minn hekk, skont l-imsemmi punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), l-ipproċessar li jkun neċessarju għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur huwa wkoll legali.

104

L-Artikolu 6(3) tal-GDPR jippreċiża b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ ipoteżijiet ta’ legalità, li l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u li din il-bażi legali għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex.

105

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex neċessarju fir-rigward ta’ obbligu legali li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punti 45 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-Direttiva 2017/1132 ma timponix l-ipproċessar sistematiku ta’ kull data personali li tinsab f’att suġġett għall-iżvelar obbligatorju previst minn din id-direttiva. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 161 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest tad-Direttiva 2017/1132 u, b’mod partikolari, kull ġbir, ħżin, tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi u pubblikazzjoni ta’ informazzjoni skont din id-direttiva għandu jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-GDPR.

106

Għalhekk, huma l-Istati Membri, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-obbligi imposti mill-imsemmija direttiva, li għandhom jiżguraw li jirrikonċiljaw, minn naħa, l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, imfittxija mill-istess direttiva mfakkra fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet stabbiliti mill-GDPR u mid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, u dan billi jwettqu bbilanċjar bejn dawn l-għanijiet u dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija,C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 98).

107

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, online, fir-reġistru tal-kummerċ, ta’ data personali mhux meħtieġa mid-Direttiva 2017/1132 jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tinsab f’memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni suġġetti għal żvelar obbligatorju previst minn din id-direttiva u trażmessi lill-Aġenzija huwa ġġustifikat mir-rekwiżit li jiġi żgurat l-iżvelar tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva konformement mal-Artikolu 16 tagħha, u li, għaldaqstant, huwa jirriżulta minn obbligu legali previst mid-dritt tal-Unjoni.

108

Il-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma tidher li hija bbażata, bla ħsara għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, fuq obbligu legali previst mid-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, f’dan il-każ id-dritt Bulgaru, sa fejn, minn naħa, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar ir-Reġistri jipprevedi li d-dokumenti li għandhom jitniżżlu fir-reġistru tal-kummerċ għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-informazzjoni li tikkostitwixxi data personali, “bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont il-liġi” u fejn, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(9) ta’ din il-liġi jistabbilixxi preżunzjoni ta’ kunsens li, kif jirriżulta mill-punt 99 ta’ din is-sentenza, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-GDPR.

109

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex neċessarju għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, li għalih jirreferu, b’mod partikolari, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Bulgaru u l-Aġenzija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-attività ta’ awtorità pubblika li tikkonsisti fis-salvagwardja, f’database, ta’ data li l-kumpanniji huma obbligati li jikkomunikaw abbażi ta’ obbligi legali, f’li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jikkonsultaw din id-data u f’li tipprovdilhom kopji tagħha taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u tikkostitwixxi missjoni ta’ interess pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni,C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 43).

110

Minn dan isegwi li l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher, ċertament, imwettaq fl-okkażjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din l-istess dispożizzjoni, huwa neċessarju li dan l-ipproċessar jissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija, mingħajr ma jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 109).

111

Dan ir-rekwiżit ta’ neċessità ma jkunx issodisfatt meta l-għan ta’ interess ġenerali mfittex jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, peress li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ tali data għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112

Issa, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, online, ta’ data personali li la hija meħtieġa mid-Direttiva 2017/1132 u lanqas mid-dritt nazzjonali ma jistax jitqies fih innifsu li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

113

B’mod partikolari, fir-rigward tal-eżistenza ta’ mezzi li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li l-applikant għall-iskrizzjoni ta’ kumpannija fir-reġistru tal-kummerċ huwa obbligat li jipprovdi kopja tal-att ta’ din il-kumpannija li minnu titneħħa d-data personali mhux meħtieġa intiża li tiġi ppubblikata f’dan ir-reġistru u li tkun aċċessibbli għal terzi, li, f’dan il-każ, qatt ma ġiet ipprovduta lill-Aġenzija, anki wara talba min-naħa tagħha. Madankollu, il-Gvern Bulgaru u l-Aġenzija kkonfermaw li, anki wara li jkun għadda terminu raġonevoli u meta s-suġġett tad-data ma jkunx f’pożizzjoni li jikseb mingħand il-kumpannija kkonċernata jew mir-rappreżentanti tagħha tali kopja, din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix li l-Aġenzija tkun tista’ tistabbilixxi hija stess din il-kopja, li madankollu jkun jikkostitwixxi mezz sabiex jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet li jiġu żgurati l-iżvelar tad-dokumenti tal-kumpanniji, iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, filwaqt li jkun inqas ta’ preġudizzju għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

114

Għandu jiġi rrilevat ukoll, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, li, kuntrarjament għal dak li sostnew diversi Stati Membri fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit li jiġu ppreżervati l-integrità u l-affidabbiltà tad-dokumenti tal-kumpanniji suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst mid-Direttiva 2017/1132, li jeżiġi l-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti kif ġew trażmessi lill-awtoritajiet inkarigati miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ, ma jistax sistematikament jipprevali fuq dan id-dritt, taħt piena li jrendi l-protezzjoni tiegħu illużorja.

115

B’mod partikolari, dan ir-rekwiżit ma jistax jimponi ż-żamma għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, online, f’dan ir-reġistru, ta’ data personali mhux meħtieġa mid-Direttiva 2017/1132 jew mid-dritt nazzjonali, meta, kif jirriżulta mill-punt 113 ta’ din is-sentenza, l-Aġenzija tista’ tistabbilixxi hija stess il-kopja tad-dokument tal-kumpannija kkonċernata, prevista minn dan id-dritt, bl-għan ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni.

116

Minn dan isegwi li l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher, fi kwalunkwe każ, li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-missjoni ta’ interess pubbliku fdata lill-Aġenzija skont l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali.

117

Konsegwentement, kif l-Avukata Ġenerali osservat fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, tali pproċessar lanqas ma jidher li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità previsti fil-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) moqrija flimkien mal-Artikolu 6(3) tal-GDPR.

118

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għal tħassir skont l-Artikolu 17 tal-GDPR inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju jkollha tikkonkludi, fi tmiem l-evalwazzjoni tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-ipproċessar, li l-imsemmi pproċessar ma huwiex legali, hija l-Aġenzija, bħala kontrollur, kif jirriżulta mill-punti 82 u 83 ta’ din is-sentenza, skont il-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 17(1)(d) tal-GDPR, li għandha tħassar id-data kkonċernata fl-iqsar żmien possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura) (C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 108).

119

Jekk din il-qorti tikkonkludi, min-naħa l-oħra, li dan l-ipproċessar jissodisfa effettivament ir-raġuni ta’ legalità prevista fl-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, b’mod partikolari sa fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, online, fir-reġistru tal-kummerċ, ta’ data mhux meħtieġa mid-Direttiva 2017/1132 jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien neċessarju sabiex jiġi evitat li l-iskrizzjoni tal-kumpannija kkonċernata tiġi ttardjata, fl-interess tal-protezzjoni ta’ terzi, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17(1)(c) tal-GDPR ikun applikabbli.

120

Minn din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 21(1) tal-GDPR, jirriżulta li s-suġġett tad-data għandu dritt li joġġezzjona għall-ipproċessar u dritt għal tħassir, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet leġittimi imperattivi li jipprevalu fuq l-interessi kif ukoll fuq id-drittijiet u l-libertajiet ta’ din il-persuna fis-sens ta’ dan l-Artikolu 21(1), fatt li għandu jiġi pprovat mill-kontrollur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Rilaxx ta’ dejn li ma tħallasx lura),C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punt 111).

121

Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jidhirx li hemm raġuni leġittima imperattiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti oġġezzjoni għal tali talba għal tħassir.

122

Fil-fatt, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpannija li fiha OL hija soċja hija diġà iskritta fir-reġistru tal-kummerċ.

123

Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit li jiġu ppreżervati l-integrità u l-affidabbiltà tad-dokumenti tal-kumpanniji suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst mid-Direttiva 2017/1132 ma jistax jimponi ż-żamma għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, online, f’dan ir-reġistru, ta’ data personali mhux meħtieġa mid-Direttiva 2017/1132 jew mid-dritt nazzjonali.

124

Fl-aħħar nett, jekk wieħed jassumi li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-pproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa effettivament ir-raġuni ta’ legalità prevista fl-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR, għandu jiġi rrilevat li l-GDPR, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(b) tiegħu, jistabbilixxi espliċitament ir-rekwiżit ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet leġittimament imfittxija mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istati Membri li huma l-bażi tal-obbligu legali li għall-osservanza tiegħu l-ipproċessar huwa neċessarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni allegatament falza),C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, limitazzjoni tal-aċċess għad-data personali li d-dritt tal-Unjoni jissuġġetta għal żvelar obbligatorju, lil dawk it-terzi biss li jiġġustifikaw interess speċifiku tista’, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, tkun iġġustifikata, għal raġunijiet predominanti u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tas-suġġetti tad-data (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni,C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 60).

126

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istess għandu japplika, a fortiori, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, id-data personali kkonċernata la hija meħtieġa mid-Direttiva 2017/1132 u lanqas mid-dritt nazzjonali.

127

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li d-Direttiva 2017/1132, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha, kif ukoll l-Artikolu 17 tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru li twassal lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ dan l-Istat Membru sabiex tirrifjuta kull talba għal tħassir ta’ data personali, mhux meħtieġa minn din id-direttiva jew mid-dritt tal-imsemmi Stat Membru, li tinsab f’memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni ppubblikati f’dan ir-reġistru, meta kopja ta’ dawn id-dokumenti li taħbi din id-data ma tkunx ġiet ipprovduta lil din l-awtorità kuntrarjament għall-modalitajiet proċedurali previsti minn din il-leġiżlazzjoni.

Fuq is‑sitt domanda

128

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li l-firma bl-idejn ta’ persuna fiżika taqa’ taħt il-kunċett ta’ “data personali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

129

L-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li data personali tfisser “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli” u tippreċiża li “persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

130

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-użu tal-espressjoni “kwalunkwe informazzjoni” fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “data personali”, li tinsab fl-istess dispożizzjoni, jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi sens wiesa’ lil dan il-kunċett, li potenzjalment jiġbor fih kull tip ta’ informazzjoni, kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, fil-forma ta’ opinjonijiet jew evalwazzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn “jikkonċernaw” lill-persuna inkwistjoni (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 23).

131

Informazzjoni tkun tikkonċerna lil persuna fiżika identifikata jew identifikabbli meta, minħabba l-kontenut, l-għan jew l-effett tagħha, din tkun relatata ma’ persuna identifikabbli (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 24).

132

Fir-rigward tan-natura “identifikabbli” ta’ persuna fiżika, il-premessa 26 tal-GDPR tippreċiża li għandhom jitqiesu “l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament”.

133

Minn dan jirriżulta li d-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “data personali” ma tkoprix biss id-data miġbura u maħżuna mill-kontrollur, iżda tinkludi wkoll l-informazzjoni kollha li tirriżulta minn ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna persuna identifikata jew identifikabbli (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punt 26).

134

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-kitba bl-idejn ta’ persuna fiżika tagħti informazzjoni dwar din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Nowak,C‑434/16, EU:C:2017:994, punt 37).

135

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-firma bl-idejn ta’ persuna fiżika hija, b’mod ġenerali, użata sabiex tidentifika din il-persuna, sabiex tagħti valur probatorju, fir-rigward tal-eżattezza u tas-sinċerità tagħhom, għad-dokumenti li fuqhom hija mqiegħda jew sabiex tassumi r-responsabbiltà għalihom. Barra minn hekk, jidher li, fuq il-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati, il-firma tas-soċji takkumpanja l-isem ta’ dawn tal-aħħar.

136

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda hija li l-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-firma bl-idejn ta’ persuna fiżika taqa’ taħt il-kunċett ta’ “data personali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq is‑seba’ domanda

137

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li telf ta’ kontroll ta’ tul limitat, mis-suġġett tad-data, fuq id-data personali tiegħu, minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ din id-data, online, fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru, jistax ikun biżżejjed sabiex jikkawża “dannu morali” jew jekk dan il-kunċett ta’ “dannu morali” jeħtieġx li tintwera l-eżistenza ta’ konsegwenzi negattivi tanġibbli addizzjonali.

138

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[k]walunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur [tal-GDPR] għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab”.

139

F’dan ir-rigward, peress li l-GDPR ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda s-sens u l-portata tat-termini li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċetti ta’ “dannu materjali jew morali” u ta’ “kumpens għad-dannu mġarrab”, dawn it-termini għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 30).

140

Għal dan l-għan, l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi ksur ta’ dan ir-regolament ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti dritt għal kumpens, peress li l-eżistenza ta’ “dannu”, materjali jew morali, jew “dannu” li jkun ġie “mġarrab” jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens previst f’dan l-Artikolu 82(1), bħall-eżistenza ta’ ksur tal-imsemmi regolament u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur, liema tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 32, u tal‑11 ta’ April 2024, juris,C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 34).

141

Għalhekk, il-persuna li titlob kumpens għal dannu jew għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija obbligata tistabbilixxi mhux biss il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, iżda wkoll li dan il-ksur ikkawżalha tali dannu. Tali dannu għalhekk ma jistax jiġi biss preżunt minħabba li jkun seħħ l-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 4250, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2024, juris,C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 35).

142

B’mod partikolari, persuna kkonċernata minn ksur tal-GDPR li kellha konsegwenzi negattivi fil-konfront tagħha hija obbligata turi li dawn il-konsegwenzi jikkostitwixxu dannu morali, fis-sens tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, peress li s-sempliċi ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti dritt għal kumpens (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, MediaMarktSaturn,C‑687/21, EU:C:2024:72, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143

Għaldaqstant, meta persuna li titlob kumpens fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 82(1) tinvoka l-biża’ li fil-futur iseħħ użu abbużiv mid-data personali tagħha minħabba l-eżistenza ta’ tali ksur, il-qorti nazzjonali adita għandha tivverifika jekk din il-biża’ tistax titqies li hija fondata, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi inkwistjoni u fir-rigward tas-suġġett tad-data (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite,C‑340/21, EU:C:2023:986, punt 85).

144

B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta mhux biss mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 82(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessi 85 u 146 ta’ dan ir-regolament, li jsejħu għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dannu morali” fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, iżda wkoll mill-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, li huwa previst mill-imsemmi regolament, li l-biża’ ta’ użu abbużiv potenzjali tad-data personali tiegħu minn terzi li suġġett tad-data jkollu wara ksur tal-istess regolament tista’, waħedha, tikkostitwixxi “dannu morali”, fis-sens tal-istess Artikolu 82(1) (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, PS (Indirizz żbaljat),C‑590/22, EU:C:2024:536, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145

B’mod partikolari, mil-lista illustrattiva tad-“danni” li jistgħu jiġu mġarrba mis-suġġetti tad-data li tinsab fl-ewwel sentenza tal-premessa 85 tal-GDPR jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinkludi fil-kunċett ta’ “dannu” li jista’ jiġi mġarrab mis-suġġetti tad-data, b’mod partikolari, is-sempliċi “telf ta’ kontroll” fuq id-data personali tagħhom stess, wara ksur ta’ dan ir-regolament, anki jekk użu abbużiv tad-data inkwistjoni ma jkunx seħħ konkretament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite,C‑340/21, EU:C:2023:986, punt 82).

146

Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR li tgħid li l-kunċett ta’ “dannu morali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jinkludix is-sitwazzjonijiet fejn persuna kkonċernata tinvoka biss il-biża’ tagħha li d-data personali tagħha tkun is-suġġett ta’ użu abbużiv minn terzi, fil-futur, ma tkunx konformi mal-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Unjoni, li huwa kopert minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite,C‑340/21, EU:C:2023:986, punt 83).

147

Bl-istess mod, dan il-kunċett ma jistax jiġi limitat biss għad-danni ta’ ċerta gravità, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tal-perijodu li matulu l-konsegwenzi negattivi tal-ksur tal-imsemmi regolament inġarrbu mis-suġġetti tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Gemeinde Ummendorf,C‑456/22, EU:C:2023:988, punti 1619 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

148

Għalhekk, ma jistax jitqies li, mat-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, jistgħu jiżdiedu kundizzjonijiet oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR, bħalma huma n-natura tanġibbli tad-dannu jew in-natura oġġettiva tal-ksur (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Gemeinde Ummendorf,C‑456/22, EU:C:2023:988, punti 17).

149

Din id-dispożizzjoni lanqas ma teżiġi li, wara ksur ikkonfermat tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, id-“dannu morali” allegat mis-suġġett tad-data għandu jilħaq “livell de minimis” sabiex dan id-dannu jkun jista’ jiġi kkumpensat (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Gemeinde Ummendorf,C‑456/22, EU:C:2023:988, punt 18).

150

Konsegwentement, għalkemm xejn ma jipprekludi li l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ data personali u t-telf konsekuttiv ta’ kontroll fuqha għal perijodu qasir ta’ żmien jistgħu jikkawżaw lis-suġġetti tad-data “dannu morali”, fis-sens tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR, li jagħti dritt għal kumpens, dawn is-suġġetti tad-data xorta waħda għandhom juru li huma effettivament ġarrbu tali dannu, anki jekk minimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Gemeinde Ummendorf,C‑456/22, EU:C:2023:988, punt 22, u tal‑11 ta’ April 2024, juris,C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 42).

151

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont ta’ danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens għal dannu morali, dannu morali kkawżat minn ksur ta’ data personali ma huwiex, min-natura tiegħu, inqas sinjifikattiv minn dannu fiżiku (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punt 39).

152

Barra minn hekk, meta persuna jirnexxilha turi li l-ksur tal-GDPR ikkawżalha dannu, fis-sens tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kumpens dovut fil-kuntest tal-azzjonijiet intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan l-artikolu għandhom jiġu stabbiliti fi ħdan l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru, sakemm tali kumpens ikun sħiħ u effettiv (Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, Scalable Capital,C‑182/22 u C‑189/22, EU:C:2024:531, punt 43).

153

F’dan ir-rigward, id-dritt għal kumpens previst f’dan l-Artikolu 82(1), b’mod partikolari fil-każ ta’ danni morali, jissodisfa funzjoni esklużivament kumpensatorja, sa fejn kumpens pekunjarju bbażat fuq din id-dispożizzjoni għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur tal-imsemmi regolament, u mhux funzjoni dissważiva jew punittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 5758, u tal‑11 ta’ April 2024, juris,C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 61).

154

Barra minn hekk, minn naħa, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kontrollur skont l-Artikolu 82 tal-GDPR huwa suġġett għall-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq minnu, li huwa preżunt, sakemm dan tal-aħħar ma jipprovax li l-fatt li kkawża d-dannu bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu, u, min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 82 ma jeħtieġx li l-grad ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi tal-imsemmi artikolu (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein,C‑667/21, EU:C:2023:1022, punt 103, u tal‑25 ta’ Jannar 2024, MediaMarktSaturn,C‑687/21, EU:C:2024:72, punt 52).

155

F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva de Dobrich) kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu morali li jikkonsisti f’esperjenzi psikoloġiċi u emozzjonali negattivi ta’ OL, jiġifieri l-biża’ u t-tħassib dwar eventwali abbuż kif ukoll l-impotenza u d-diżappunt fir-rigward tal-impossibbiltà li tiġi protetta d-data personali tiegħu. Hija ddeċidiet ukoll li dan id-dannu jirriżulta mill-ittra tal-Aġenzija tas‑26 ta’ Jannar 2022, li wasslet għal ksur tad-dritt għat-tħassir stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-GDPR kif ukoll għall-ipproċessar illegali tad-data personali tagħha li tinsab fil-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni kkonċernati mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

156

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ domanda hija li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li telf ta’ kontroll ta’ tul limitat, mis-suġġett tad-data, fuq id-data personali tiegħu, minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ din id-data, online, fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru, jista’ jkun biżżejjed sabiex jikkawża “dannu morali” sakemm din il-persuna turi li hija effettivament ġarrbet tali dannu, anki jekk minimu, mingħajr ma dan il-kunċett ta’ “dannu morali” jirrikjedi li tintwera l-eżistenza ta’ konsegwenzi negattivi tanġibbli addizzjonali.

Fuq it‑tmien domanda

157

Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(3) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li opinjoni tal-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, maħruġa abbażi tal-Artikolu 58(3)(b) ta’ dan ir-regolament, hija biżżejjed sabiex teżenta mir-responsabbiltà, skont l-Artikolu 82(2) tal-imsemmi regolament, l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ dan l-Istat Membru li għandha l-kwalità ta’ “kontrollur” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-istess regolament.

158

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sistema ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 82 tal-GDPR, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna li tkun ġarrbet dannu materjali jew morali minħabba ksur ta’ dan ir-regolament għandha d-dritt li tikseb mingħand il-kontrollur jew il-proċessur kumpens għad-dannu mġarrab. Kif jirriżulta mill-punt 140 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt għal kumpens huwa suġġett għall-fatt li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi.

159

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(2) tal-imsemmi regolament, li kull kontrollur li jkun ipparteċipa fl-ipproċessar huwa responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikkostitwixxi ksur tal-istess regolament. Din id-dispożizzjoni, li tippreċiża s-sistema ta’ responsabbiltà li l-prinċipju tagħha huwa stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tirrepeti t-tliet kundizzjonijiet neċessarji sabiex tnissel id-dritt għal kumpens, jiġifieri pproċessar ta’ data personali mwettaq bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, dannu mġarrab mis-suġġett tad-data u rabta kawżali bejn dan l-ipproċessar illegali u dan id-dannu (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali),C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 36).

160

L-Artikolu 82(3) tal-GDPR, min-naħa tiegħu, jistabbilixxi li kontrollur huwa eżentat mir-responsabbiltà, skont dan il-paragrafu 2, jekk jipprova li l-fatt li kkawża d-dannu bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu.

161

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minn analiżi magħquda tal-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 82 tal-GDPR, tal-kuntest li fih jaqa’ dan l-artikolu u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-imsemmi artikolu jipprevedi sistema ta’ responsabbiltà għal ħtija li fiha l-oneru tal-prova jaqa’ mhux fuq il-persuna li ġarrbet dannu, iżda fuq il-kontrollur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein,C‑667/21, EU:C:2023:1022, punti 9495).

162

B’mod partikolari, ma jkunx konformi mal-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali jekk tingħata interpretazzjoni fis-sens li s-suġġetti tad-data l-persuni li jkunu ġarrbu dannu minħabba ksur tal-GDPR għandhom, fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 82 tiegħu, iġorru l-oneru li jipprovaw mhux biss l-eżistenza ta’ dan il-ksur u tad-dannu li rriżulta għalihom, iżda wkoll l-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq mill-kontrollur deliberatament jew b’negliġenza, jew saħansitra l-grad ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas, minkejja li dan l-Artikolu 82 ma jifformax tali rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein,C‑667/21, EU:C:2023:1022, punt 99).

163

Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kontrollur skont l-imsemmi Artikolu 82 huwa għalhekk suġġett għall-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq minnu, li huwa preżunt, sakemm dan tal-aħħar ma jagħtix prova li l-fatt li kkawża d-dannu bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu.

164

F’dan ir-rigward, kif turi ż-żieda espliċita tal-avverbju “bl-ebda mod” matul il-proċedura leġiżlattiva, iċ-ċirkustanzi li fihom il-kontrollur jista’ jippretendi li jiġi eżentat mir-responsabbiltà ċivili li huwa jinkorri skont l-Artikolu 82 tal-GDPR għandhom ikunu strettament limitati għal dawk li fihom dan il-kontrollur ikun f’pożizzjoni li juri assenza ta’ imputabbiltà tad-dannu min-naħa tiegħu stess (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite,C‑340/21, EU:C:2023:986, punt 70).

165

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ ta’ ksur ta’ data personali mwettaq minn terz bħal ċiberkriminal, jew minn persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur, dan tal-aħħar jista’ jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu, abbażi tal-Artikolu 82(3) tal-GDPR, biss billi jipprova li ma hemm ebda rabta kawżali bejn l-eventwali ksur tal-obbligu ta’ protezzjoni tad-data impost fuqu skont dan ir-regolament u d-dannu mġarrab mill-persuna fiżika kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite,C‑340/21, EU:C:2023:986, punt 72, u tal‑11 ta’ April 2024, juris,C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 51).

166

Għaldaqstant, sabiex dan il-kontrollur ikun jista’ jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu, skont l-Artikolu 82(3), ma jistax ikun suffiċjenti li huwa juri li huwa kien ta istruzzjonijiet lill-persuni li jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament, u li waħda minn dawn il-persuni naqset mill-obbligu tagħha li ssegwi dawn l-istruzzjonijiet, b’tali mod li din tal-aħħar ikkontribwixxiet għall-okkorrenza tad-dannu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, juris,C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 52).

167

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-regoli relatati mal-mezzi ta’ provi, għandu jitfakkar li l-GDPR ma jistabbilixxix regoli dwar l-ammissjoni u l-valur probatorju ta’ mezz ta’ prova li għandhom jiġu applikati mill-qrati nazzjonali aditi b’azzjoni għad-danni bbażata fuq l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt dan l-Artikolu 82, b’mod partikolari, ir-regoli li jirrigwardaw il-mezzi ta’ prova, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Natsionalna agentsia za prihodite,C‑340/21, EU:C:2023:986, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168

Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 58(3)(b) tal-GDPR, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jistabbilixxi s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji.

169

Għalhekk, l-Artikolu 58 tal-GDPR jagħti lil dawn l-awtoritajiet, fil-paragrafu 1 tiegħu, setgħat investigattivi, fil-paragrafu 2 tiegħu, is-setgħa li jadottaw miżuri korrettivi, fil-paragrafu 3 tiegħu, is-setgħat ta’ awtorizzazzjoni u s-setgħat konsultattivi elenkati fih kif ukoll, fil-paragrafu 5 tiegħu, is-setgħa li jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, li jibdew proċeduri ġudizzjarji sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

170

Issa, fost is-setgħat elenkati fl-Artikolu 58(3) tal-GDPR hemm, f’dan l-Artikolu 58(3)(b), dik li “tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-parlament nazzjonali, il-gvern tal-Istat Membru jew, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lil istituzzjonijiet u korpi oħra kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali”.

171

Mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, b’mod partikolari mit-terminu “opinjonijiet”, jirriżulta b’mod ċar li l-għoti ta’ tali opinjoni jaqa’ taħt is-setgħat konsultattivi u mhux taħt is-setgħat ta’ awtorizzazzjoni tal-awtorità superviżorja.

172

L-użu tat-termini “opinjonijiet” u “setgħat […] konsultattivi” jindika wkoll li opinjoni mogħtija abbażi tal-Artikolu 58(3)(b) tal-GDPR ma hijiex, skont id-dritt tal-Unjoni, legalment vinkolanti.

173

Il-premessa 143 tal-GDPR tikkonferma din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, din tgħid li “ kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ dik il-persuna. Tali deċiżjoni tikkonċerna b’mod partikolari t-tħaddim ta’ setgħat investigattivi, korrettivi u ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja jew iċ-ċaħda jew ir-rifjut ta’ ilmenti. Madankollu, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jinkludix miżuri meħudin minn awtoritajiet superviżorji li mhumiex legalment vinkolanti, bħal opinjonijiet maħruġa jew pariri pprovduti mill-awtorità superviżorja.”

174

Issa, meta opinjoni pprovduta lill-kontrollur ma tkunx legalment vinkolanti, hija ma tistax turi, fiha nnifisha, assenza ta’ imputabbiltà tad-dannu fil-konfront ta’ dan il-kontrollur stess, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 164 ta’ din is-sentenza u lanqas, għaldaqstant, ma tista’ tkun biżżejjed sabiex l-imsemmi kontrollur jiġi eżentat mir-responsabbiltà skont l-Artikolu 82(3) tal-GDPR.

175

Tali interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 82(3) hija wkoll konformi mal-għanijiet imfittxija mil-GDPR li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u li jiġi ggarantit il-kumpens effettiv għad-danni li huma jistgħu jġarrbu minħabba pproċessar ta’ data mwettaq bi ksur ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, li kieku kien biżżejjed għall-kontrollur li jinvoka opinjoni legalment mhux vinkolanti sabiex jevita kull responsabbiltà u, korrelattivament, kull obbligu ta’ kumpens, dan ma jkunx inċentivat jagħmel dak kollu li jkun fis-setgħa tiegħu sabiex jiżgura dan il-livell għoli ta’ protezzjoni u josserva l-obbligi imposti mill-imsemmi regolament.

176

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tmien domanda hija li l-Artikolu 82(3) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li opinjoni tal-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, maħruġa abbażi tal-Artikolu 58(3)(b) ta’ dan ir-regolament, ma hijiex biżżejjed sabiex teżenta mir-responsabbiltà, skont l-Artikolu 82(2) tal-imsemmi regolament, awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ dan l-Istat Membru li għandha l-kwalità ta’ “kontrollur” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-istess regolament.

Fuq l‑ispejjeż

177

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 21(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jimponix fuq Stat Membru obbligu li jawtorizza l-iżvelar, fir-reġistru tal-kummerċ, ta’ memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni ta’ kumpannija suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst minn din id-direttiva u li jinkludu data personali li ma hijiex id-data personali minima meħtieġa, li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

 

2)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), b’mod partikolari l-punti 7 u 9 tal-Artikolu 4 tiegħu,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru li tippubblika, f’dan ir-reġistru, id-data personali li tinsab f’memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni suġġetti għall-iżvelar obbligatorju previst mid-Direttiva 2017/1132 li ġew trażmessi lilha fil-kuntest ta’ talba għall-iskrizzjoni tal-kumpannija kkonċernata fl-imsemmi reġistru, hija kemm “destinatarju” ta’ din id-data kif ukoll, b’mod partikolari sa fejn din tqegħedha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, “kontrollur” tal-imsemmija data, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta dawn il-memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni jinkludu data personali mhux meħtieġa minn din id-direttiva jew mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

 

3)

Id-Direttiva 2017/1132, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha, kif ukoll l-Artikolu 17 tar-Regolament 2016/679

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru li twassal lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ dan l-Istat Membru sabiex tirrifjuta kull talba għal tħassir ta’ data personali, mhux meħtieġa minn din id-direttiva jew mid-dritt tal-imsemmi Stat Membru, li tinsab f’memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni ppubblikati f’dan ir-reġistru, meta kopja ta’ dawn id-dokumenti li taħbi din id-data ma tkunx ġiet ipprovduta lil din l-awtorità kuntrarjament għall-modalitajiet proċedurali previsti minn din il-leġiżlazzjoni.

 

4)

Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-firma bl-idejn ta’ persuna fiżika taqa’ taħt il-kunċett ta’ “data personali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

5)

L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

telf ta’ kontroll ta’ tul limitat, mis-suġġett tad-data, fuq id-data personali tiegħu, minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ din id-data, online, fir-reġistru tal-kummerċ ta’ Stat Membru, jista’ ikun biżżejjed sabiex jikkawża “dannu morali”, sakemm din il-persuna turi li hija effettivament ġarrbet tali dannu, anki jekk minimu, mingħajr ma dan il-kunċett ta’ “dannu morali” jirrikjedi li tintwera l-eżistenza ta’ konsegwenzi negattivi tanġibbli addizzjonali.

 

6)

L-Artikolu 82(3) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

opinjoni tal-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru, maħruġa abbażi tal-Artikolu 58(3)(b) ta’ dan ir-regolament, ma hijiex biżżejjed sabiex teżenta mir-responsabbiltà, skont l-Artikolu 82(2) tal-imsemmi regolament, l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kummerċ ta’ dan l-Istat Membru li għandha l-kwalità ta’ “kontrollur” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-istess regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.