SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 89/391/KEE – Obbligi ta’ natura ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa – Proċeduri nazzjonali paralleli – Sentenza ta’ qorti amministrattiva li għandha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali – Klassifikazzjoni ta’ avveniment bħala ‘inċident fuq il-post tax-xogħol’ – Effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 89/391 – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ – Proċeduri dixxiplinari kontra mħallef ta’ qorti ordinarja fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni ta’ qorti kostituzzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑792/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Diċembru 2022, fil-proċeduri kriminali kontra
MG,
fil-preżenza ta’:
Parchetul de pe lângă Judecătoria Rupea,
LV,
CRA,
LCM,
SC Energotehnica SRL Sibiu,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Parchetul de pe lângă Judecătoria Rupea, minn D. Câmpean, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn R. Antonie, E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u D. Recchia, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (2) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349, rettifika fil-ĠU 2023, L 77, p. 20), kif ukoll tal-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra MG fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ miżuri legali fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol kif ukoll ta’ omiċidju involontarju. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-għaxar premessa tad-Direttiva 89/391 tgħid: “Billi l-inċidenza ta’ aċċidenti fuq ix-xogħol u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol għadu għoli ħafna; billi għandhom jiġu ntrodotti jew imtejba miżuri ta’ prevenzjoni mingħajr dewmien sabiex jipproteġu is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni”. |
4 |
L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu introdotti miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. 2. Għal dak il-għan fiha prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-prevenzjoni ta’ riskji ikkaġunati mix-xogħol, il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa, l-eliminazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju u ta’ aċċident, l-informar, ikkonsultar, parteċipazzjoni bilanċjata skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali u t-taħriġ ta’ ħaddiema u tar-rapreżentanti tagħhom, kif ukoll bħala linji ta’ gwida ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.” |
5 |
L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi: “Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ikunu soġġetti għad disposizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.” |
6 |
Intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Min iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol.” |
Id‑dritt Rumen
Il‑Kodiċi Kriminali u l‑Kodiċi tal‑Proċedura Kriminali
7 |
L-Artikolu 350 tal-Codul penal (il-Kodiċi Kriminali), intitolat “Nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri legali ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol”, jipprevedi: “(1) Jekk in-nuqqas ta’ osservanza minn kwalunkwe persuna tal-obbligi u tal-miżuri previsti fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, joħloq periklu imminenti ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, huwa punibbli bi priġunerija minn sitt xhur sa tliet snin jew b’multa. […] (3) Il-fatti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 huma punibbli b’piena ta’ priġunerija minn tliet xhur sa sena jew b’multa meta jitwettqu b’negliġenza.” |
8 |
L-Artikolu 192 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Omiċidju involontarju”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-omiċidju involontarju li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet legali jew ta’ miżuri ta’ prekawzjoni previsti għall-eżerċizzju ta’ professjoni jew ta’ mestier jew għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija minn sentejn sa seba’ snin. Meta l-ksur tad-dispożizzjonijiet legali jew tal-miżuri ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi reat fih innifsu, japplikaw ir-regoli dwar il-konkors ta’ reati.” |
9 |
L-Artikolu 52 tal-Codul de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “(1) Il-qorti kriminali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża, anki jekk, min-natura tagħha, din il-kwistjoni tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet ġudizzjarji ma jkollhomx ġurisdizzjoni. (2) Il-kwistjoni preliminari għandha tiġi deċiża mill-qorti kriminali b’konformità mar-regoli u l-mezzi ta’ prova relattivi fil-qasam li għalih tappartjeni din il-kwistjoni.” |
Il‑Liġi dwar is‑Sigurtà u s‑Saħħa fuq il‑Post tax‑Xogħol
10 |
L-Artikolu 5(g) tal-Legea nr. 319/2006 a securității și sănății în muncă (il-Liġi Nru 319/2006 dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol”), tal‑14 ta’ Lulju 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 646 tas‑26 ta’ Lulju 2006, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol”), li tittrasponi d-Direttiva 89/391, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, is-segwenti għandhom ifissru: […]
[…]” |
11 |
L-Artikolu 20(1) ta’ din il-liġi jipprevedi: “Il-persuna li timpjega għandha tiżgura kundizzjonijiet li jippermettu lil kull ħaddiem jirċievi taħriġ suffiċjenti u xieraq fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fil-forma ta’ informazzjoni u ta’ struzzjonijiet speċifiċi għall-post tax-xogħol u għall-pożizzjoni tiegħu: […]
[…]” |
12 |
L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej: “Kull ħaddiem għandu jwettaq ix-xogħol tiegħu b’konformità mat-taħriġ u mal-preparazzjoni tiegħu kif ukoll mal-istruzzjonijiet li jingħataw mill-persuna li timpjegah, b’mod li ma jiġix espost, u lanqas jesponi lill-persuni oħra li jistgħu jkunu affettwati bl-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ xogħlu, għal riskji ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol.” |
13 |
Konformement mal-Artikolu 29(1) tal-istess liġi, l-ispettorati territorjali tax-xogħol għandhom iwettqu investigazzjoni fil-każ ta’ avveniment li jwassal, b’mod partikolari, għall-mewt tal-vittma. Skont l-Artikolu 29(2) tagħha, ir-riżultat tal-investigazzjoni għandu jiġi rreġistrat f’proċess verbal. |
Ir‑Rekwiżiti Minimi ta’ Sigurtà u ta’ Saħħa
14 |
Il-cerințele minime de securitate și sănătate pentru utilizarea în muncă de către lucrători a echipamentelor de muncă (ir-Rekwiżiti Minimi ta’ Sigurtà u ta’ Saħħa għall-Użu ta’ Apparat tax-Xogħol mill-Ħaddiem fuq il-Post tax-Xogħol), stabbiliti mill-Hotărârea Guvernului nr. 1146/2006 (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1146/2006), tat‑30 ta’ Awwissu 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 815 tat‑3 ta’ Ottubru 2006), fihom il-partijiet li ġejjin: “3.3.2.1. Fl-installazzjonijiet u apparat ta’ xogħol elettriku, il-protezzjoni kontra x-xokk elettriku b’kuntatt dirett għandha tiġi żgurata permezz ta’ miżuri tekniċi, ikkompletati permezz ta’ miżuri organizzattivi. […] 3.3.2.3. Il-protezzjoni kontra x-xokk elettriku b’kuntatt dirett għandha tiġi żgurata permezz tal-miżuri organizzattivi li ġejjin:
[…]
3.3.2.4. L-interventi fuq l-installazzjonijiet, magni, apparat u tagħmir li jużaw l-elettriku huma awtorizzati biss abbażi tal-forom ta’ xogħol li ġejjin: […]
[…] 3.3.23.1. Fil-każ tal-installazzjonijiet jew tal-apparat ta’ xogħol elettriku li jkunu jew ma jkunux mitfija waqt li jsiru xogħlijiet fuqhom, għandhom jintużaw mezzi ta’ protezzjoni elettro-iżolaturi. […] 3.3.23.4. Ix-xogħlijiet fuq installazzjonijiet u apparat elettriku mhux mitfija għandhom isiru mill-persunal awtorizzat sabiex jaħdem waqt li jkun għaddej l-elettriku.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
15 |
Fil‑5 ta’ Settembru 2017, elettriċista impjegat ta’ SC Energotehnica SRL Sibiu (iktar ’il quddiem “Energotehnica”), miet b’xokk elettriku waqt intervent f’bozza esterna ta’ arblu ta’ voltaġġ baxx f’azjenda agrikola. |
16 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li MG, impjegat ukoll ta’ Energotehnica, kien inkarigat mill-organizzazzjoni tax-xogħol, mit-taħriġ tal-persunal u mill-adozzjoni ta’ miżuri intiżi li jiżguraw l-arranġamenti ta’ sigurtà tax-xogħol u l-apparat ta’ protezzjoni. |
17 |
Wara dan il-mewt, saru żewġ proċeduri fir-rigward tal-avveniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri, minn naħa, proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva mibdija mill-Inspecția Muncii (l-Ispettorat tax-Xogħol, ir-Rumanija) kontra Energotehnica, u, min-naħa l-oħra, proċeduri kriminali kontra MG għan-nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri legali ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol u omiċidju involontarju. |
18 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-investigazzjoni amministrattiva, l-Ispettorat tax-Xogħol, permezz ta’ proċess verbal ta’ investigazzjoni tad‑9 ta’ Settembru 2019, ikklassifikaha bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
19 |
Energotehnica għalhekk ippreżentat rikors kontenzjuż amministrattiv quddiem it-Tribunalul Sibiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Sibiu, ir-Rumanija) intiż għall-annullament ta’ dan il-proċess verbal. |
20 |
Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Frar 2021, dik il-qorti annullat parzjalment l-imsemmi proċess verbal billi qieset, għall-kuntrarju tal-klassifikazzjoni adottata mill-Ispettorat tax-Xogħol, li l-avveniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jikkostitwixxi inċident fuq il-post tax-xogħol. |
21 |
L-appell ippreżentat mill-Ispettorat tax-Xogħol kontra dik is-sentenza ġie annullat permezz ta’ sentenza tal-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) tal‑14 ta’ Ġunju 2021. |
22 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proċeduri kriminali kontra MG, dan tal-aħħar kien, bis-saħħa ta’ att ta’ akkuża tal-Parchetul de pe lângă Judecătoria Rupea (il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rupea, ir-Rumanija) tal‑31 ta’ Lulju 2020, mibgħut lura quddiem il-Judecătoria Rupea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rupea, ir-Rumanija). |
23 |
Fl-att ta’ akkuża tiegħu, dan il-Prosekutur Pubbliku sostna li, fil‑5 ta’ Settembru 2017, għall-ħabta tas‑18:00, MG ta lill-vittma taħriġ sabiex iwettaq intervent fuq il-bozza inkwistjoni, mingħajr ma ttieħdu miżuri ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol, jiġifieri l-intervent minn membru tal-persunal awtorizzat li jibqa’ taħt is-sorveljanza ta’ MG. Għalhekk, il-vittma wettaq dan l-intervent mingħajr ma ntfiet il-provvista tal-elettriku u mingħajr ma ntużaw ingwanti ta’ protezzjoni tal-elettriku. |
24 |
L-aventi kawża tal-vittma dehru bħala partijiet ċivili quddiem dik il-qorti, billi talbu l-kundanna ta’ MG u ta’ Energotehnica, peress li din tal-aħħar kienet ċivilment responsabbli minn MG, sabiex jiġu kkumpensati għad-danni li ġarrbu. |
25 |
Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Diċembru 2021, il-Judecătoria Rupea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rupea) ħelset lil MG mill-akkużi kriminali u ċaħdet l-azzjoni ċivili mressqa mill-aventi kawża tal-vittma. Dik il-qorti kkunsidrat, minn naħa, li kien jeżisti dubju raġonevoli li MG kien ta ordni ta’ xogħol lill-vittma u li, min-naħa l-oħra, l-avveniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ wara t-tmiem tal-ħinijiet tax-xogħol, b’tali mod li ma setax jiġi kklassifikat bħala inċident fuq il-post tax-xogħol. |
26 |
Il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rupea u l-aventi kawża tal-vittma appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju. |
27 |
Dik il-qorti tirrileva li, konformement mad-dritt Rumen, kif interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), id-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva hija vinkolanti fuq il-qorti kriminali minħabba l-awtorità ta’ res judicata li għandha. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, fil-fatt, li l-kwistjoni dwar jekk l-avveniment li wassal għall-mewt tal-vittma jikkostitwixxix “inċident fuq il-post tax-xogħol”, fis-sens tal-Liġi dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, hija kwistjoni preliminari, fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. |
28 |
F’dan ir-rigward, dik il-qorti tenfasizza li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2021, irrikonoxxiet in-natura assoluta tal-awtorità ta’ res judicata lis-sentenzi ċivili (lato sensu) li ddeċiedu tali kwistjonijiet preliminari. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, konsegwentement, hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-qorti amministrattiva, li rrifjutat li tikklassifika l-avveniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala inċident fuq il-post tax-xogħol fis-sens tad-dritt Rumen. |
30 |
Issa, l-awtorità ta’ res judicata li għandha tali klassifikazzjoni tipprekludiha milli tiddeċiedi fuq ir-responsabbiltà kriminali jew ċivili tal-partijiet akkużati, peress li l-imsemmija klassifikazzjoni hija element kostituttiv tar-reat li fuqu hija mitluba tagħti deċiżjoni. |
31 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju żżid li l-partijiet ċivili fil-kuntest tal-proċeduri kriminali ma nstemgħux quddiem il-qorti amministrattiva, peress li l-proċedura amministrattiva kienet biss bejn Energotehnica u l-Ispettorat tax-Xogħol. |
32 |
Tali impossibbiltà li tingħata deċiżjoni dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà kriminali jew ċivili, minkejja li l-partijiet li nstemgħu fil-kuntest taż-żewġ proċeduri ma humiex l-istess, tippreġudika l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-persuna li timpjega u dak tal-protezzjoni tal-ħaddiema, stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u (2), kif ukoll fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(1) tal-Karta. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà
34 |
Il-Gvern Rumen isostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli. |
35 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-ewwel domanda, dan il-gvern isostni li l-qorti tar-rinviju hija adita b’appell ippreżentat fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-istabbiliment tar-responsabbiltà kriminali ta’ ħaddiem u mhux ta’ persuna li timpjega, peress li din tal-aħħar għandha biss il-kwalità ta’ parti responsabbli ċivilment fil-kawża kriminali. Issa, id-Direttiva 89/391 tirrigwarda biss l-obbligu li għandhom il-persuni li jimpjegaw sabiex jiżguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-persuni li jimpjegaw f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu. Għalhekk, ir-relazzjoni ġuridika li dwarha l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti deċiżjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda preliminari tkun inammissibbli. |
36 |
Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Gvern Rumen isostni li din ma hijiex awtonoma, peress li tiddependi mir-risposta għall-ewwel domanda, b’tali mod li hija wkoll għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
37 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali li għandha tevalwa n-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema domandi jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti deċiżjoni, meta d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ din it-tilwima, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Unedic,C‑125/23, EU:C:2024:163, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-aventi kawża tal-vittma dehru bħala partijiet ċivili quddiem il-qorti kriminali billi talbu l-kundanna tal-akkużat u tal-persuna li timpjega sabiex jiġu kkumpensati għad-danni li ġarrbu. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax lill-persuna li timpjega u li l-problema mqajma mill-ewwel domanda hija ta’ natura ipotetika. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li qorti amministrattiva tkun tista’ tiddeċiedi, b’mod vinkolanti għal qorti kriminali, dwar il-klassifikazzjoni ta’ avveniment bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”, fis-sens tad-dritt Rumen, hija deċiżiva għall-eżitu tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. |
39 |
Minn dan isegwi li d-domandi magħmula huma ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
Fuq l‑ewwel domanda
40 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, moqrija flimkien mal-Artikolu 31 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, li bis-saħħa tagħha s-sentenza definittiva ta’ qorti amministrattiva li tirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ avveniment bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol” ikollha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali, meta din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-aventi kawża tal-ħaddiem vittma ta’ dan l-avveniment jinstemgħu f’ebda waħda mill-proċeduri li jagħtu deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ tali inċident fuq il-post tax-xogħol. |
41 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy (Spiża reali tal-enerġija),C‑266/23, EU:C:2024:506, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Għal dawn il-finijiet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu wkoll inkunsiderazzjoni r-regoli ta’ dan id-dritt li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, PAN Europe (Closer),C‑308/22, EU:C:2024:350, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, huwa wkoll rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula. |
44 |
Fir-rigward tad-Direttiva 89/391, mill-Artikolu 1(1) tagħha, moqri fid-dawl tal-għaxar premessa ta’ din id-direttiva, jirriżulta li din għandha bħala għan l-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi intiżi sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol sabiex jiġi żgurat livell aħjar ta’ protezzjoni. |
45 |
L-imsemmija direttiva tinkludi, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1(2) tagħha, prinċipji ġenerali li jikkonċernaw b’mod partikolari l-prevenzjoni tar-riskji fuq ix-xogħol u l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa, l-eliminazzjoni tal-fatturi ta’ riskju u ta’ inċidenti kif ukoll linji gwida ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji. |
46 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 jipprovdi li l-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol. |
47 |
Bħalma ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑127/05, EU:C:2007:338), din id-dispożizzjoni tissuġġetta lill-persuna li timpjega għall-obbligu li tiżgura lill-ħaddiema ambjent tax-xogħol mingħajr periklu, li huwa obbligu li l-kontenut tiegħu huwa ppreċiżat fl-Artikoli 6 sa 12 ta’ din id-direttiva kif ukoll minn diversi direttivi partikolari li jipprevedu l-miżuri ta’ prevenzjoni li għandhom jiġu adottati f’ċerti setturi ta’ produzzjoni speċifiċi. |
48 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ sigurtà impost fuq il-persuna li timpjega, mingħajr ma tiddeċiedi dwar xi forma ta’ responsabbiltà (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑127/05, EU:C:2007:338, punt 42). |
49 |
Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, għalkemm id-Direttiva 89/391 tirreferi għall-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-persuna li timpjega u tistabbilixxi obbligi ta’ natura ġenerali relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol, hija ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji intiżi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-persuna li timpjega li ma tkunx osservat dawn l-obbligi. |
50 |
Bl-istess mod, għalkemm l-Artikolu 31 tal-Karta, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari tagħha, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, huwa lanqas ma jinkludi preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet proċedurali tar-rimedji intiżi sabiex jintużaw meta l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema ma tkunx ġiet żgurata. |
51 |
Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-persuna li timpjega fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, dawn il-proċeduri jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Air Europa Líneas Aéreas,C‑173/23, EU:C:2024:295, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jaqa’ taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, b’osservanza, madankollu, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
B’mod partikolari, meta l-Istati Membri jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 89/391, huma għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-modalitajiet konkreti għall-eżerċizzju tar-rimedji minħabba ksur tal-obbligi previsti minn din id-direttiva ma jaffettwawx b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punti 50 u 51). |
54 |
Dan id-dritt huwa kkostitwit minn diversi elementi, fosthom b’mod partikolari d-dritt għal smigħ. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jkun inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv li deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u fuq dokumenti li l-partijiet infushom, jew wieħed mill-partijiet, ma setgħux ikunu jafu bihom u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, NW u PQ (Informazzjoni kklassifikata), C‑420/22 u C‑528/22, EU:C:2024:344, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Issa, meta qorti kriminali tkun mitluba tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà ċivili mġarrba minħabba l-fatti li huma akkużati bihom l-akkużat, id-dritt għal smigħ għall-partijiet li jitolbu l-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà jinkiser jekk ikun impossibbli għalihom li jieħdu pożizzjoni dwar kundizzjoni neċessarja għall-istabbiliment tal-imsemmija responsabbiltà qabel ma din il-kundizzjoni tiġi deċiża b’mod definittiv mill-qorti adita. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-fatt li dawn il-partijiet jistgħu jieħdu pożizzjoni quddiem qorti fuq ir-responsabbiltà tal-persuna li timpjega huwa nieqes minn kull effett utli. |
56 |
Dan ikun il-każ jekk is-soluzzjoni li għandha tingħata fir-rigward ta’ tali kundizzjoni tiġi deċiża, permezz ta’ deċiżjoni li torbot lill-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi dwar din ir-responsabbiltà, minn qorti oħra li quddiemha l-partijiet ma setgħux jidhru u ma kellhomx, tal-inqas, il-possibbiltà effettiva li jippreżentaw l-argumenti tagħhom. |
57 |
Għall-kuntrarju, fil-każ fejn il-partijiet kellhom tali dritt u, b’mod partikolari, kellhom il-possibbiltà effettiva li jippreżentaw l-argumenti tagħhom, il-fatt li huma ma eżerċitawx dan id-dritt hija irrilevanti. |
58 |
F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-aventi kawża tal-vittma, li huma l-partijiet ċivili fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti kriminali, kellhomx id-dritt għal smigħ quddiem il-qorti amministrattiva fir-rigward, b’mod partikolari, tal-klassifikazzjoni ta’ natura definittiva tal-avveniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”. |
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 1(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, li bis-saħħa tagħha s-sentenza definittiva ta’ qorti amministrattiva li tirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ avveniment bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol” ikollha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali mitluba tagħti deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà ċivili minħabba l-fatti li l-akkużat huwa akkużat bihom, fil-każ fejn din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-aventi kawża tal-ħaddiem vittma ta’ dan l-avveniment jinstemgħu f’ebda waħda mill-proċeduri li jagħtu deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ tali inċident fuq il-post tax-xogħol. |
Fuq it‑tieni domanda
60 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-qrati nazzjonali ordinarji ma jistgħux, taħt piena ta’ proċeduri dixxiplinari li għalihom ikunu suġġetti l-membri tagħhom, ma japplikawx ex officio d-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, meta huma jqisu, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn id-deċiżjonijiet jiksru d-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 89/391. |
61 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-qorti nazzjonali li tkun eżerċitat il-possibbiltà mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandha, jekk ikun il-każ, twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun meħtieġ billi ma tapplikax ir-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet ta’ dik il-qorti superjuri (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
F’dan ir-rigward, din is-soluzzjoni tapplika b’mod partikolari meta qorti ordinarja tkun marbuta b’deċiżjoni ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali li hija tqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinkiseb soluzzjoni konformi mal-iskop imfittex minnha. Ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften,C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 59 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Fir-rigward tal-istabbiliment tar-responsabbiltà dixxiplinari possibbli ta’ qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ qorti nazzjonali għal kull ksur tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Fir-rigward tar-responsabbiltà dixxiplinari li għaliha l-qrati ordinarji jistgħu jkunu suġġetti fil-każ ta’ ksur tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali nazzjonali, huwa minnu li s-salvagwardja tal-indipendenza tal-qrati ma tistax, b’mod partikolari, ikollha l-konsegwenza li teskludi totalment li r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ dawn il-qrati tista’, f’ċerti każijiet għal kollox eċċezzjonali, tinħoloq bħala riżultat ta’ deċiżjonijiet adottati minnhom, bħall-aġir gravi u totalment ineskużabbli min-naħa tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Madankollu, jidher li huwa essenzjali, sabiex tiġi ppreżervata din l-indipendenza, li l-qrati ordinarji ma jiġux esposti għal proċeduri jew għal sanzjonijiet dixxiplinari talli eżerċitaw il-possibbiltà li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 83 sa 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-qrati nazzjonali ordinarji ma jistgħux, taħt piena ta’ proċeduri dixxiplinari li għalihom ikunu suġġetti l-membri tagħhom, ma japplikawx ex officio d-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, meta huma jqisu, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn id-deċiżjonijiet jiksru d-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 89/391. |
Fuq l‑ispejjeż
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.