SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Appell – Dritt istituzzjonali – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-kostitwenzi Taljani – Adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-pensjonijiet mill-Kamra tad-Deputati Taljana – Bidla fl-ammont tal-pensjonijiet għall-Membri tal-Parlament nazzjonali Taljan – Bidla korrispondenti, mill-Parlament Ewropew, tal-ammont tal-pensjonijiet ta’ ċerti ex Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja – Sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Parlament – Persistenza tal-interess ġuridiku għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑725/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑28 ta’ Diċembru 2020,

Maria Teresa Coppo Gavazzi, residenti f’Milano (l-Italja),

Cristiana Muscardini, residenti f’Milano,

Luigi Vinci, residenti f’Milano,

Agostino Mantovani, residenti fi Breschia (l-Italja),

Anna Catasta, residenti f’Milano,

Vanda Novati, residenti f’Varese (l-Italja),

Francesco Enrico Speroni, residenti f’Busto Arsizio (l-Italja),

Maria Di Meo, residenti f’Cellole (l-Italja),

Giuseppe Di Lello Finuoli, residenti f’Palermo (l-Italja),

Raffaele Lombardo, residenti f’Catania (l-Italja),

Olivier Dupuis, residenti f’Saint-Gilles (il-Belġju),

Leda Frittelli, residenti fi Frosinone (l-Italja),

Livio Filippi, residenti f’Carpi (l-Italja),

Vincenzo Viola, residenti f’Palermo,

Antonio Mussa, residenti f’Torino (l-Italja),

Mauro Nobilia, residenti f’Ruma (l-Italja),

Clara di Prinzio, bħala eredi ta’ Sergio Camillo Segre, residenti f’Ruma,

Stefano De Luca, residenti f’Palermo,

Riccardo Ventre, residenti f’Formicola (l-Italja),

Mirella Musoni, residenti f’Ruma,

Francesco Iacono, residenti f’Forio (l-Italja),

Vito Bonsignore, residenti f’Torino,

Claudio Azzolini, residenti f’Napoli (l-Italja),

Vincenzo Aita, residenti f’Campagna (l-Italja),

Mario Mantovani, residenti f’Arconate (l-Italja),

Vincenzo Mattina, residenti f’Buonabitacolo (l-Italja),

Romano Maria La Russa, residenti f’Milano,

Giorgio Carollo, residenti f’Torri di Quartesolo (l-Italja),

Fiammetta Cucurnia, bħala eredi ta’ Giulietto Chiesa, residenti f’Ruma,

Roberto Costanzo, residenti f’Benevento (l-Italja),

Giorgio Gallenzi, bħala eredi ta’ Giulio Cesare Gallenzi, residenti f’Ruma,

Vitaliano Gemelli, residenti f’Ruma,

Pasqualina Napoletano, residenti f’Anzio (l-Italja),

Ida Panusa, residenti f’Latina (l-Italja),

irrappreżentati minn M. Merola, avvocato,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Alves u S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, Maria Teresa Coppo Gavazzi, Cristiana Muscardini, Luigi Vinci, Agostino Mantovani, Anna Catasta, Vanda Novati, Francesco Enrico Speroni, Maria Di Meo, Giuseppe Di Lello Finuoli, Raffaele Lombardo, Olivier Dupuis, Leda Frittelli, Livio Filippi, Vincenzo Viola, Antonio Mussa, Mauro Nobilia, Clara di Prinzio, bħala eredi ta’ Sergio Camillo Segre, Stefano De Luca, Riccardo Ventre, Mirella Musoni, Francesco Iacono, Vito Bonsignore, Claudio Azzolini, Vincenzo Aita, Mario Mantovani, Vincenzo Mattina, Romano Maria La Russa, Giorgio Carollo, Fiammetta Cucurnia, bħala eredi ta’ Giulietto Chiesa, Roberto Costanzo, Giorgio Gallenzi, bħala eredi ta’ Giulio Cesare Gallenzi, Vitaliano Gemelli, Pasqualina Napoletano u Ida Panusa jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Coppo Gavazzi et vs Il-Parlament (T‑389/19 sa T‑394/19, T‑397/19, T‑398/19, T‑403/19, T‑404/19, T‑406/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑414/19, T‑416/19 sa T‑418/19, T‑420/19 sa T‑422/19, T‑425/19 sa T‑427/19, T‑429/19 sa T‑432/19, T‑435/19, T‑436/19, T‑438/19 sa T‑442/19, T‑444/19 sa T‑446/19, T‑448/19, T‑450/19 sa T‑454/19, T‑463/19 u T‑465/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2020:494), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tan-noti tal‑11 ta’ April 2019 stabbiliti, għal kull wieħed mir-rikorrenti, mill-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”) u li jikkonċernaw l-aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet li jibbenefikaw minnhom l-appellanti wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2019, tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja), tat‑12 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 14/2018”).

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

1.   Ir‑Regoli ta’ Proċedura tal‑Parlament

2

L-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, fil-verżjoni tagħhom applikabbli matul it-tmien leġiżlatura (2014 – 2019) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament”), intitolat “Dmirijiet tal-Bureau”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-Bureau għandu jieħu deċiżjonijiet dwar affarijiet ta’ natura finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva li jikkonċernaw il-Membri fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali jew ta’ grupp politiku.”

3

Din id-dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament baqgħet identika fil-verżjoni tagħhom applikabbli matul id-disa’ leġiżlatura (2019 – 2024).

2.   Ir‑Regoli PEAM

4

L-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regoli li jirrigwardaw l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sal‑14 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli PEAM”), kien jipprevedi:

“1.   Il-Membri kollha tal-Parlament Ewropew għandhom id-dritt li jgawdu minn pensjoni tal-irtirar.

2.   Sakemm tiġi stabbilita skema ta’ pensjoni Komunitarja definittiva għall-Membri kollha tal-Parlament Ewropew, u fil-każijiet fejn l-iskemi nazzjonali ma jagħtux pensjoni jew fil-każijiet fejn il-livell u/jew il-kundizzjonijiet tal-pensjoni mogħtija m’humiex identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-parlament nazzjonali tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett, għandha tingħata, fuq talba tal-Membru interessat, pensjoni proviżorja li titħallas mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, Sezzjoni Parlament.”

5

L-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM kien jipprovdi:

“1.   Il-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett.

2.   Membru li jgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) huwa marbut, b’din is-sistema, li jagħti kontribuzzjoni lill-baġit tal-Unjoni Ewropea li hija kkalkolata b’tali mod li b’kollox iħallas l-istess kontribuzzjoni li jħallas Membru tal-Kamra Inferjuri tal-Istat Membru fejn kien elett skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.”

6

Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-Anness III tar-Regoli PEAM:

“1.   It-talba għad-dħul f’din l-iskema ta’ pensjoni proviżorja għandha ssir sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar mill-bidu tal-mandat tal-Membru kkonċernat.

Meta jiskadi dan iż-żmien, is-sħubija fl-iskema ta’ pensjoni tidħol fis-seħħ mill-ewwel jum tax-xahar li fih tidħol it-talba.

2.   It-talba għall-ħlas tal-pensjoni għandha ssir fi żmien sitt xhur minn meta jibda d-dritt għal dik il-pensjoni.

Meta jiskadi dan iż-żmien, il-pensjoni għandha titħallas mill-ewwel jum tax-xahar li fih tidħol it-talba.”

3.   L‑Istatut tal‑Membri

7

l-Artikolu 25(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom, tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Membri”), li daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Lulju 2009, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Il-Membri li kienu fil-Parlament qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istatut u li reġgħu ġew eletti jistgħu jagħżlu s-sistema nazzjonali applikabbli sa dak iż-żmien fir-rigward tas-salarju, ta’ l-allowance tranżitorju u tal-pensjonijiet għall-perjodu sħiħ li fih ikunu Membri tal-Parlament Ewropew.

2.   Dawn il-pagamenti għandhom isiru mill-baġit ta’ l-Istat Membru kkonċernat.”

8

L-Artikolu 28(1) tal-Istatut tal-Membri jipprevedi:

“Kull dritt għal pensjoni li Membru kiseb skond arranġamenti nazzjonali fiż-żmien meta dan l-Istatut jiġi applikat għandu jinżamm fl-intier tiegħu.”

4.   Il‑miżuri ta’ implimentazzjoni

9

Il-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/C 340/06 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat‑13 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2010, C 340, p. 6) (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implimentazzjoni”), tipprovdi:

“[…] għandhom jittieħdu passi rigward id-dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex ikun żgurat li persuni li jirċievu ċertu benefiċċji skont ir-Regoli PEAM ikunu jistgħu jibqgħu jirċievuhom wara li dawk ir-regoli jitħassru, sabiex b’hekk ikun rispettat il-prinċipju ta’ [protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi]. Għandhom ukoll jittieħdu passi sabiex tkun garantita ż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni fuq il-bażi tar-Regoli PEAM qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri].”

10

L-Artikolu 49(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jipprovdi:

“Wara t-tmiem tal-kariga tagħhom, il-Membri li wettqu l-mandat tagħhom għal mill-anqas sena sħiħa jkollhom id-dritt tul ħajjithom kollha li jirċievu pensjoni tal-età li titħallas mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi immedjatament wara x-xahar li fih jagħlqu l-età ta’ 63 sena.

Eks-Membri jew ir-rappreżentanti legali tagħhom għandhom, ħlief fil-każi ta’ force majeure iressqu l-applikazzjoni tagħhom biex titħallas il-pensjoni tal-età fi żmien sitt xhur minn meta jibda jgħodd id-dritt. Wara dik l-iskadenza, id-data meta tibda sseħħ it-tgawdija tal-pensjoni tal-età għandha tkun l-ewwel jum tax-xahar meta tasal l-applikazzjoni.”

11

Skont l-Artikolu 73 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, dawn il-miżuri daħlu fis-seħħ fl-istess jum li daħal fis-seħħ l-Istatut tal-Membri, jiġifieri fl‑14 ta’ Lulju 2009.

12

L-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jipprovdi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-Titolu IV tagħhom, li jinkludu l-Artikolu 75 tagħhom, ir-Regoli PEAM jiskadu fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

13

Skont l-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni:

“1.   Il-pensjoni tas-superstiti, il-pensjoni tal-invalidità, il-pensjoni tal-invalidità addizzjonali mogħtija għall-ulied dipendenti u l-pensjoni tal-età mħallsa skont l-Annessi I, II, u III tar-Regoli PEAM għandhom ikomplu jitħallsu skont dawk l-annessi lil dawk il-persuni li kienu jirċievu l-benefiċċji taħt eżami qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri].

Fejn ex Membru li jkun qed jirċievi l-pensjoni tal-invalidità imut wara l‑14 ta’ Lulju 2009, il-pensjoni tas-superstiti għandha titħallas lill-konjuġi, lis-sieħeb stabbli mhux fiż-żwieġ jew lit-tfal dipendenti tiegħu jew tagħha, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għar-Regoli PEAM.

2.   Id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri] skont l-Anness III imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Il-persuni li kisbu drittijiet skont l-iskema tal-pensjoni għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont l-Anness III imsemmi hawn sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq.”

B. Id‑dritt Taljan

14

Skont l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018:

“1.   Mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-ammonti tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, li d-drittijiet tagħhom kienu nkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru 2011, għandhom jiġu kkalkolati skont il-modalitajiet il-ġodda previsti f’din id-deċiżjoni.

2.   Il-kalkolu l-ġdid imsemmi fil-paragrafu preċedenti jsir billi l-ammont tal-kontribuzzjoni individwali jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ trasformazzjoni relatat mal-età tal-membru fid-data li fiha l-membru jkun kiseb id-dritt għall-benefiċċju ta’ ħajja jew għall-benefiċċju ta’ manteniment pro rata.

3.   Il-koeffiċjenti ta’ pproċessar li jinsabu fit-Tabella 1, annessa ma’ din id-deċiżjoni, għandhom jiġu applikati.”

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

15

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 14 sa 23 tas-sentenza appellata. Dawn jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ dan l-appell, jiġu mqassra kif ġej.

16

Kull wieħed mill-appellanti huwa jew ex membru tal-Parlament Ewropew, elett fl-Italja, jew aventi kawża ta’ tali ex Membru tal-Parlament Ewropew, li jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar jew minn pensjoni tas-superstiti (iktar ’il quddiem il-“pensjoni”).

17

Biż-żieda ta’ kumment fir-rendikonti tal-pensjoni tax-xahar ta’ Jannar 2019, il-Parlament informa lill-appellanti bil-fatt li l-ammont tal-pensjoni tagħhom seta’ jiġi rivedut skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018 u li dan il-kalkolu l-ġdid jista’ eventwalment jagħti lok għal irkupru tas-somom imħallsa indebitament.

18

B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2019, il-Parlament naqqas, billi applika din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, l-ammont tal-pensjoni tal-appellanti.

19

Permezz ta’ nota mingħajr data tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Finanzi tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Kap tad-Diviżjoni”), annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tar-rikorrenti tax-xahar ta’ Frar 2019, il-Parlament avża lil dawn tal-aħħar li, permezz tal-Avviż Nru SJ‑0836/18 tiegħu tal‑11 ta’ Jannar 2019, is-servizz legali tiegħu kien ikkonferma l-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għas-sitwazzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tas-servizz legali”). Sussegwentement, meta jkun irċieva l-informazzjoni neċessarja mingħand il-Camera dei deputati (il-Kamra tad-Deputati, l-Italja), il-Parlament kellu jinnotifika lill-appellanti bl-ammont ġdid tal-pensjoni tagħhom u jipproċedi għall-irkupru tad-differenza eventwali matul it-tnax-il xahar ta’ wara. Fl-aħħar nett, huwa informa lill-appellanti li l-ammont definittiv tal-pensjoni tagħhom kellu jiġi stabbilit permezz ta’ att formali li kontra tiegħu jkun possibbli li jitressaq ilment jew rikors għal annullament.

20

Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kap tad-Diviżjoni, fl-ewwel lok, informa lill-appellanti li l-ammont tal-pensjoni tagħhom kien ser jiġi adattat, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, sal-ammont tat-tnaqqis tal-pensjonijiet analogi mħallsa fl-Italja lill-ex Membri nazzjonali mill-Kamra tad-Deputati skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018. Fit-tieni lok, l-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti għandu jiġi aġġustat mix-xahar ta’ April 2019, u b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2019, b’applikazzjoni tal-abbozzi ta’ ffissar tal-ammonti ġodda tal-pensjonijiet trażmessi fl-anness ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fit-tielet lok, id-deċiżjonijiet kontenzjużi taw lill-appellanti terminu ta’ 30 jum, li jiddekorri minn meta jirċevuhom, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet jitqiesu li huma definittivi u jimplikaw, b’mod partikolari, l-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament għax-xhur ta’ Jannar sa Marzu 2019.

21

Peress li ebda wieħed mill-appellanti f’dan l-appell ma ppreżenta tali osservazzjonijiet, l-effetti tad-deċiżjonijiet kontenzjużi saru definittivi fir-rigward tagħhom fl-iskadenza ta’ dan it-terminu.

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

22

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Ġunju (Kawżi T‑389/19 sa T‑393/19), fit‑28 ta’ Ġunju (Kawżi T‑397/19, T‑407/19, T‑409/19 sa T‑411/19, T‑413/19, T‑414/19, T‑416/19 u T‑417/19), fl‑1 ta’ Lulju (Kawżi T‑436/19, T‑439/19 sa T‑442/19, u T‑445/19), fit‑2 ta’ Lulju (Kawżi T‑421/19, T‑422/19, T‑425/19, T‑426/19 u T‑429/19 sa T‑431/19), fit‑3 ta’ Lulju (Kawżi T‑418/19, T‑420/19, T‑448/19 u T‑450/19 sa T‑453/19), l-appellanti ppreżentaw l-azzjonijiet tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

23

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, l-appellanti invokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kap tad-Diviżjoni sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. It-tieni motiv kien ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. It-tielet motiv kien ibbażat fuq żball ta’ liġi relatat mal-klassifikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Permezz tar-raba’ motiv, l-appellanti invokaw ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza kif ukoll ksur tad-dritt għall-proprjetà.

24

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fil-Kawża T‑453/19 bħala inammissibbli u ċaħdet il-motivi kollha fil-kawżi l-oħra, u b’hekk ċaħdet ir-rikorsi f’dawn tal-aħħar.

IV. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

25

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża Panusa vs Il-Parlament (T‑453/19) quddiem il-Qorti Ġenerali;

tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi fir-rigward tal-appellanti l-oħra, u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż marbuta mal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

26

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż marbuta mal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

27

Fit‑12 ta’ Jannar 2022, Enrico Falqui, fil-kuntest tal-proċedura fil-Kawża C‑391/21 P li tikkonċernah, ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kopja tas-sentenza Nru 4/2021 tal-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill tal-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja), tat‑23 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 4/2021”), li tannulla d-Deċiżjoni Nru 14/2018. F’dan l-istadju, dan id-dokument ma ddaħħalx fil-proċess.

28

Fid‑9 ta’ Marzu 2022, l-appellanti fil-kawża Santini et vs Il-Parlament (C‑198/21 P) ippreżentaw l-istess sentenza fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29

F’din il-kawża, kif ukoll fil-kawżi Falqui vs Il-Parlament (C‑391/21 P) u Santini et vs Il-Parlament (C‑198/21 P), ir-Reġistru bagħat lill-partijiet f’dawn il-kawżi, fis‑16 ta’ Marzu 2022, miżura ta’ organizzazzjoni deċiża mill-Imħallef Relatur u mill-Avukata Ġenerali skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha dawn intalbu jipproduċu d-dokumenti kollha li seta’ jkollhom effett fuq is-suġġett tal-kawża li tikkonċernahom, u b’mod partikolari s-sentenza Nru 4/2021.

30

Fil‑25 ta’ Marzu 2022, l-appellanti f’din il-kawża pproduċew diversi dokumenti, fosthom is-sentenza Nru 4/2021. Fid‑29 ta’ Marzu 2022, il-Parlament ipproduċa wkoll diversi dokumenti, fosthom is-sentenza Nru 4/2021 u dokument intitolat “Regoli ġodda għall-kalkolu tal-pensjonijiet adottati mill-Kamra tad-Deputati Taljana”. Din l-istituzzjoni informat ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li, malli tirċievi l-kjarifiki addizzjonali li hija kienet talbet lill-Kamra tad-Deputati dwar l-applikazzjoni konkreta ta’ dawn ir-regoli, hija kienet ser twettaq kalkolu ġdid tal-pensjonijiet tal-appellanti u kienet ser tibgħatilhom abbozz ġdid ta’ deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni, li dwaru huma jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali.

31

Fl‑14 ta’ Ottubru u fid‑29 ta’ Novembru 2022, il-Parlament ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja d-deċiżjonijiet finali li jiddeterminaw l-ammont il-ġdid tal-pensjonijiet li għandhom jitħallsu lill-appellanti mix-xahar ta’ Novembru 2022 flimkien mal-arretrati dovuti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament”).

32

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja stieden lill-partijiet jippreċiżaw jekk kinux iqisu, minn naħa, li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament kienu ssostitwixxew ex tunc id-deċiżjonijiet kontenzjużi, u, min-naħa l-oħra, li, wara l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet il-ġodda, l-appell kien għad għandu skop.

33

Fid‑29 ta’ Novembru 2022, il-Parlament ippreċiża li huwa kien iqis li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament kienu ssostitwixxew b’effett ex tunc id-deċiżjonijiet kontenzjużi, iżda l-appell kien għad għandu skop. Fil-fatt, ikun fl-interess tal-partijiet u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-appell, sabiex tipprovdi ċarezza dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-sentenza appellata hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi u jekk il-Parlament jistax jikkalkola mill-ġdid, abbażi tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, il-pensjonijiet tal-appellanti fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

34

Permezz ta’ ittra ppreżentata fit‑30 ta’ Novembru 2022, l-appellanti indikaw li huma kienu jikkunsidraw li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament kienu jikkostitwixxu sempliċi emenda tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

35

Fil-fatt, sabiex iwettaq dan il-kalkolu l-ġdid, il-Parlament ippersista jirreferi għar-regoli nazzjonali, indipendentement mill-kontenut tagħhom, billi, abbażi tal-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni tal-Parlament”), wettaq applikazzjoni awtomatika tad-deċiżjonijiet nazzjonali.

36

Minn dan l-appellanti kkonkludew, minn naħa, li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament baqgħu intrinsikament identiċi, tal-inqas fil-parti l-kbira, għad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament jirriżulta ksur persistenti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet miksuba kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif invokati quddiem il-Qorti Ġenerali u fl-istadju ta’ dan l-appell. Fi kliem ieħor, minkejja li, għal uħud mill-appellanti, id-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament kellhom l-effett li jistabbilixxu mill-ġdid l-ammont tal-pensjoni tagħhom għal dak li huma kienu jirċievu qabel id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, xorta jibqa’ l-fatt li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Parlament jibqa’ eżistenti, fil-forma ta’ nuqqas ta’ istruzzjoni u ta’ applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li, f’ċerti każijiet, twassal għall-persistenza ta’ tnaqqis illegali ta’ dawn l-ammonti.

37

Barra minn hekk, l-appellanti jqisu li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament ma jistgħux jissostitwixxu ex tunc id-deċiżjonijiet kontenzjużi, ħlief fir-rigward tal-ammont tal-pensjonijiet applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2019. Il-kalkoli l-ġodda għadhom isiru fuq bażi illegali. Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-Kap tad-Diviżjoni ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament, peress li ma kienx l-organu kompetenti sabiex jadotta atti li jmorru lil hinn mill-amministrazzjoni ordinarja.

V. Fuq l‑appell

38

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu tliet aggravji intiżi li jikkontestaw, essenzjalment, il-konferma, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tal-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament, li wasslu lil din l-istituzzjoni tapplika d-Deċiżjoni Nru 14/2018 sabiex tirrevedi l-ammont tal-pensjoni tagħhom. L-ewwel aggravju huwa bbażat, fl-ewwel parti tiegħu, fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni u, fit-tieni parti tiegħu, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). It-tieni aggravju huwa bbażat, fl-ewwel parti tiegħu, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 74 u 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regoli PEAM setgħu jikkostitwixxu bażi legali għad-deċiżjonijiet kontenzjużi; fit-tieni parti tiegħu, fuq ksur tal-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament mill-Qorti Ġenerali sa fejn hija ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kap tad-Diviżjoni kien kompetenti sabiex jadotta dawn id-deċiżjonijiet u, fit-tielet parti tiegħu, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu mmotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt. It-tielet aggravju jikkonċerna biss lil I. Panusa u huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-interess ġuridiku tagħha.

A. Osservazzjonijiet preliminari dwar il‑persistenza tal‑interess ġuridiku tal‑appellanti

39

Mill-punt 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament, adottati matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma intiżi sabiex jistabbilixxu l-ammont il-ġdid tal-pensjonijiet imħallsa lill-appellanti mix-xahar ta’ Novembru 2022 flimkien mal-arretrati dovuti.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-kawża, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku, għandu jissussisti sa meta tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas tiegħu, ma jkunx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, fatt li jimplika li l-appell, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Madankollu, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jonqosx neċessarjament minħabba l-fatt li l-att ikkontestat minnu jkun waqaf jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 62).

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att imħassar fil-mori tal-kawża, sabiex l-awtur tal-att ikkontestat jagħmel, fil-futur, l-emendi xierqa u, b’hekk, jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li biha dan l-att ikun allegatament ivvizzjat (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il-Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, mir-risposta tal-Parlament tad‑29 ta’ Novembru 2022, miġbura fil-qosor fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mingħajr ambigwità li din l-istituzzjoni tixtieq, anki fil-futur, tikkalkola mill-ġdid il-pensjonijiet ta’ ex Membri tal-Parlament Ewropew fil-każ ta’ bidla li sseħħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM (iktar ’il quddiem l-“iskema dinamika”).

44

Minkejja li l-Parlament issostitwixxa d-deċiżjonijiet kontenzjużi bid-deċiżjonijiet il-ġodda, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kollha huma bbażati fuq interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew li jibbenefikaw mill-pensjoni tal-irtirar u għall-persuni li jibbenefikaw mill-pensjoni tas-superstiti li, bħall-appellanti, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-annessi tar-Regoli PEAM (iktar ’il quddiem l-“ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati”).

45

Issa, hija preċiżament din l-interpretazzjoni li hija kkontestata mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Minn dan jirriżulta li, minkejja s-sostituzzjoni ex tunc tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-appellanti għad għandhom interess li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni, peress li din tista’ tiġi implimentata mill-Parlament fl-adozzjoni, fil-futur, ta’ deċiżjonijiet analogi għad-deċiżjonijiet kontenzjużi jew għad-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament, b’tali mod li jeżisti mhux biss riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità allegata, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll riskju li, fil-każ ta’ rikors għal annullament kontra tali deċiżjonijiet simili, il-Qorti Ġenerali twettaq mill-ġdid l-allegati żbalji ta’ liġi li wassluha sabiex tikkonferma l-fondatezza tal-imsemmija interpretazzjoni.

46

Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet il-ġodda jirriżulta li l-Parlament jibqa’ tal-opinjoni li l-Kap tad-Diviżjoni huwa awtorizzat jadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-ammont tal-pensjonijiet fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jinkludu motivazzjoni dwar il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.

47

Minn dan isegwi li għandu jitqies li l-appellanti għad għandhom interess ġuridiku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn dan l-appell huwa dirett kontra l-motivi tas-sentenza appellata li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li skonthom, l-ewwel nett, mir-regoli interni tal-Parlament jirriżulta li dan tal-aħħar huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati, it-tieni nett, il-Kap tad-Diviżjoni huwa kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet li jemendaw l-ammont tal-pensjonijiet ta’ dawn l-ex Membri u, it-tielet nett, il-Parlament ma huwiex obbligat li jesponi, f’tali deċiżjonijiet, il-motivi li jiġġustifikaw il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.

B. Fuq l‑ewwel aggravju

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

48

L-ewwel aggravju jinkludi żewġ partijiet.

49

Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kkonstatat, fil-punti 142 sa 145, 147 u 156, 159, 160 u 162 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kisrux id-drittijiet miksuba tal-appellanti li jirċievu pensjoni meta bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq id-distinzjoni żbaljata bejn tnaqqis tal-ammont ta’ pensjoni u ksur ta’ tali drittijiet miksuba.

50

Tali konstatazzjoni teħtieġ li jiġu ppreċiżati ċ-ċirkustanzi li fihom tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni dovuta lill-ex Membri tal-Parlament Ewropew skont id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax id-dritt miksub għal din il-pensjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, din il-konstatazzjoni hija arbitrarja, sa fejn il-Qorti Ġenerali, minn naħa, naqset milli tivverifika jekk dan kienx il-każ jew le fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet konkreti u, min-naħa l-oħra, ma semmietx kriterji oġġettivi, iddefiniti minn qabel u nondiskriminatorji li jippermettu li jiġi kkonstatat f’liema sitwazzjonijiet ta’ tnaqqis id-dritt għall-pensjoni tal-ex Membri tal-Parlament Ewropew jiġi miksur.

51

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx distinzjoni bejn il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet it-teżi tal-iffissar definittiv tal-benefiċċju tal-pensjoni miksub fil-mument tat-tħassir tar-Regoli PEAM, kemm għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni kif ukoll għal dawk imsemmija fl-Artikolu 75(2) tagħhom.

52

Skont l-appellanti, id-dritt għall-pensjoni ta’ ex Membru tal-Parlament Ewropew jitnissel mat-tmiem tal-funzjonijiet tiegħu, bil-kundizzjoni li huwa jkun ħallas kontribuzzjonijiet għal mill-inqas ħames snin. Sabiex dan id-dritt ikun eżiġibbli, il-persuna kkonċernata għandha tkun laħqet l-età tal-irtirar prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija tkun ġiet eletta u t-talba għal-likwidazzjoni tal-pensjoni għandha tkun ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 3(2) tal-Anness III tar-Regoli PEAM. B’hekk, il-ksur tad-drittijiet għall-pensjoni li jirriżulta mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li kisru d-drittijiet eżiġibbli, kien jikkonċerna ż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, u b’mod partikolari dik prevista fil-paragrafu 1 tiegħu.

53

F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet kontenzjużi biddlu mhux biss l-ammont tal-pensjoni tal-appellanti, iżda wkoll il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan l-ammont. Fil-fatt, il-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-allowance rċevuta matul il-mandat tal-Membru tal-Parlament Ewropew ikkonċernat ġie ssostitwit, b’mod retroattiv, minn dak ibbażat fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa minnu. Il-kalkolu l-ġdid tal-ammont tal-pensjoni tal-appellanti ma kienx jirrigwarda s-somom dovuti mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, iżda ab initio, jiġifieri l-pensjoni dovuta lill-ex Membru tal-Parlament Ewropew ikkonċernat elett fl-Italja mill-mument meta dan tal-aħħar irtira. Barra minn hekk, il-kalkolu l-ġdid sar bħallikieku, matul il-mandat tagħhom, l-ex Membri tal-Parlament Ewropew kollha kienu ħallsu kontribuzzjonijiet abbażi tal-istess rata ddeterminata mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, sabiex b’hekk l-appellanti li ħallsu kontribuzzjonijiet ogħla minn din ir-rata ġew ippenalizzati.

54

Sussidjarjament, jiġifieri fl-ipoteżi fejn id-distinzjoni bejn id-dritt għall-pensjoni u d-dritt għall-benefiċċju tal-pensjoni kienet applikabbli, l-appellanti jsostnu li mill-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jirriżulta li huma mhux biss intitolati għal dritt għal pensjoni, iżda wkoll għal dritt li jirċievu ammont fiss ta’ pensjoni, li jikkorrispondi għal dak li huma setgħu jistennew fil-mument meta ddeċidew li jikkontribwixxu għall-iskema ta’ pensjoni stabbilita bir-Regoli PEAM, jew tal-inqas b’effett mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 143 tas-sentenza appellata.

55

Id-deċiżjonijiet kontenzjużi jwasslu għal żbilanċ fir-rigward tad-dannu għall-appellanti, peress li, dak iż-żmien, il-kontribuzzjonijiet imħallsa ma kellhom ebda influwenza fuq il-kisba tad-dritt għall-pensjoni. Dan l-iżbilanċ huwa iktar evidenti fil-każ tal-appellanti li, peress li wettqu biss parti minn mandat komplet ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, sa fejn huma waqqfuh jew bdewh matul il-leġiżlatura, ħallsu kontribuzzjonijiet addizzjonali sabiex ikopru wkoll is-snin li matulhom huma ma kkontribwixxewx, biex b’hekk ikunu jistgħu jitolbu dritt għal pensjoni skont ir-Regoli PEAM.

56

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li ċ-ċaħda, fil-punti 204, 211 u 236 tas-sentenza appellata, tal-argumenti tagħhom ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta, hija bbażata fuq raġunament li jikser dawn il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u dan id-dritt fundamentali stipulat fil-Karta.

57

L-ewwel nett, id-determinazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni abbażi tar-regoli l-ġodda tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali li jipprekludi, skont l-iskop ta’ oriġini tal-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri u tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, ksur tad-drittijiet miksuba.

58

It-tieni nett, tali kalkolu jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn dan tal-aħħar ma jippermettix li jkun hemm bdil tar-regoli ta’ kalkolu ta’ pensjoni li għalihom l-appellanti aderixxew volontarjament.

59

Barra minn hekk, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Parlament informa lill-appellanti bl-applikazzjoni possibbli tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fir-rigward tagħhom biss matul ix-xahar ta’ Jannar 2019, jiġifieri wara d-data li fiha t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tagħhom ikkawżat minn din id-deċiżjoni kellu japplika, jiġifieri fl‑1 ta’ Jannar 2019.

60

It-tielet nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta.

61

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali għamlet, fil-punt 222 tas-sentenza appellata, distinzjoni bejn ksur tad-dritt għal pensjoni u sempliċi aġġustament tal-ammont tal-pensjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma indikatx fejn jinsab il-limitu li lil hinn minnu l-bidla fl-ammont tal-pensjoni ma tosservax iktar il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u twassal għal ksur tad-dritt għall-pensjoni bħala tali.

62

Fit-tieni lok, fil-punt 228 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat, billi bbażat ruħha fuq il-kontenut tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti kellu l-għan li jadatta l-ammont tal-pensjonijiet imħallsa lill-ex Membri tal-Parlament Ewropew kollha għall-metodu ta’ kalkolu kontributorju.

63

Skont l-appellanti, dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa ċirkulari. Fil-fatt, hija tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan u mhux fuq għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk il-Parlament kienx debitament ivverifika jekk l-aġġustament tal-pensjoni tal-ex Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja kienx, fid-dawl b’mod partikolari ta’ għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, konformi mad-dritt tal-Unjoni.

64

Barra minn hekk, l-imsemmi raġunament allegatament żnatura l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet previst mid-Deċiżjoni Nru 14/2018 li ma jistax jitqies li huwa ta’ natura kontributorja, sa fejn huwa bbażat mhux fuq rata ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa lill-baġit tal-Unjoni ddeterminata individwalment, iżda fuq rata identika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati kollha. B’hekk, ex Membru tal-Parlament Ewropew li jkun ħallas, matul il-mandat tiegħu, kontribuzzjonijiet ikkalkolati b’rata ogħla minn din ir-rata identika jitlef il-benefiċċju tal-parti tal-kontribuzzjonijiet li tmur lil hinn mill-imsemmija rata. Għaldaqstant, il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 14/2018 juri mhux biss ksur tad-dritt għall-proprjetà, iżda wkoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn dan huwa bbażat fuq rata ta’ kontribuzzjonijiet mhux individwalizzata.

65

Dan il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-ġustifikazzjoni mressqa huwa iktar u iktar evidenti jekk wieħed jikkunsidra li s-sistema kontributorja tal-pensjonijiet ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-Italja fl‑1 ta’ Jannar 1996, u li din ġiet estiża għall-maġġoranza tal-ħaddiema mill‑1 ta’ Jannar 2012. Min-naħa l-oħra, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, is-sistema kontributorja hija imposta fuq l-appellanti fir-rigward ta’ perijodu ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ferm qabel is-sena 1995, meta din is-sistema kontributorja ma kienet teżisti għal ħadd fl-Italja.

66

Il-Parlament isostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Osservazzjonijiet preliminari

67

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, li l-iskema dinamika tippreġudika d-drittijiet miksuba li jirċievu pensjoni.

68

Għaldaqstant, permezz ta’ tali lment, l-appellanti jikkontestaw, essenzjalment, il-fondatezza tal-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan għandu japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

69

L-istess japplika fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, sa fejn, permezz tagħha, l-appellanti jsostnu li l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda għall-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tagħhom la hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn dawn ir-regoli l-ġodda jippreġudikaw id-drittijiet miksuba li jirċievu pensjoni, u lanqas mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn dan jipprekludi kull tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni li r-rikorrenti jittamaw li jistgħu jippretendu billi jaderixxu volontarjament mal-iskema ta’ pensjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM.

70

Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz ta’ din it-tieni parti, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Parlament kien informahom tard bil-possibbiltà ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, huma ma jikkritikawx il-motivi tas-sentenza appellata li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju ta’ waħda mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, dan l-argument jirrigwarda ċirkustanza speċifika dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

71

Dejjem fir-rigward tal-imsemmija tieni parti, sa fejn, permezz tagħha, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li evalwat il-konformità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mad-dritt għall-proprjetà stipulat mill-Karta mhux fid-dawl ta’ għan irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, iżda fid-dawl ta’ dak imfittex mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, huma jikkontestaw, essenzjalment, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha din l-istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

72

Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma jikkontestawx il-fondatezza tal-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament meta jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, li ma ppreċiżatx il-limitu li lil hinn minnu emenda tal-ammont tal-pensjoni ma tosservax iktar il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u twassal għal ksur tad-dritt għall-pensjoni bħala tali, u, it-tieni nett, li żnaturat il-metodu ta’ kalkolu tal-pensjonijiet previst mid-Deċiżjoni Nru 14/2018. Peress li, permezz ta’ tali argumenti, l-appellanti ma jikkritikawx il-motivi tas-sentenza appellata li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju ta’ waħda mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li dawn jiġu eżaminati.

73

L-istess japplika fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li permezz tiegħu l-appellanti jsostnu li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma hijiex konformi ma’ dan il-prinċipju minħabba, minn naħa, il-metodu ta’ kalkolu tal-pensjonijiet previst minn din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, il-kuntest storiku li fih l-imsemmija deċiżjoni taqa’.

b)   Fuq il‑mertu

1) Fuq l-allegat ksur tar-regoli interni tal-Parlament

74

L-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li qieset, fil-punt 163 tas-sentenza appellata, abbażi tar-raġunijiet esposti fil-punti 142 sa 145, 147 u 156, 159, 160 u 162 ta’ dik is-sentenza, li l-Parlament seta’ validament jibbaża ruħu fuq ir-regoli interni tiegħu sabiex japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

75

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-regoli PEAM, “[i]l-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett”.

76

Kif indikat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, mill-kliem “[i]l-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi” jirriżulta li l-Parlament huwa obbligat japplika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati r-regoli ta’ kalkolu tal-pensjonijiet kif applikati għall-Membri tal-Parlament tal-Istat Membru li fih dawn l-ex Membri tal-Parlament Ewropew ġew eletti. Fi kliem ieħor, din l-istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

77

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM hija konformi mal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) ta’ dan l-anness.

78

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li jistgħu jibbenefikaw mill-iskema tal-pensjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi anness biss l-ex Membri tal-Parlament Ewropew li l-iskema tal-irtirar tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti ma tipprevedix pensjoni, jew li l-livell u/jew il-modalitajiet tal-kalkolu tal-pensjoni li għaliha huma intitolati ma humiex identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali.

79

Għalhekk, l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM għandu essenzjalment l-għan li jippermetti li l-ex Membri tal-Parlament Ewropew li jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan l-anness jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-Membri tal-Parlament Ewropew li l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali tagħhom kienet tipprevedi dritt għal pensjoni li l-livell u/jew il-modalitajiet ta’ kalkolu tagħha kienu identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali tagħhom.

80

L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li timponi fuq il-Parlament l-obbligu li japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati għandha b’hekk il-konsegwenza li tissuġġettahom, bħal dawn l-ex Membri tal-Parlament Ewropew l-oħra, għall-emendi magħmula għar-regoli ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet tal-Membri tal-Parlament nazzjonali tagħhom.

81

Din l-iskema bbażata fuq l-Anness III tar-Regoli PEAM inżammet, skont l-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-pensjonijiet tal-irtirar tal-ex Membri tal-Parlament Ewropew.

82

Ċertament, l-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jipprovdi li r-Regoli PEAM għandhom jiskadu fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-Istatut tal-Membri u l-miżuri ta’ implimentazzjoni stabbilixxew żewġ skemi suċċessivi ta’ pensjoni li jimplikaw żewġ tipi ta’ drittijiet għall-pensjoni, jiġifieri, minn naħa, id-drittijiet għall-pensjoni miksuba sal‑14 ta’ Lulju 2009, data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi statut, abbażi tar-regoli interni tal-Parlament, u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar miksuba minn din id-data, abbażi tal-Artikolu 49 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

83

Madankollu, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, din l-iskadenza tar-Regoli PEAM hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-Titolu IV ta’ dawn il-miżuri. Fost dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji hemm l-Artikolu 75 tal-imsemmija miżuri.

84

Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 145 u 153 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni japplika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew, fosthom uħud mill-appellanti, li ħallsu lill-baġit tal-Unjoni kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 2(2) tal-Anness III tar-Regoli PEAM u li kienu bdew jirċievu pensjoni bis-saħħa ta’ dan l-anness qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, filwaqt li l-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni japplika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew, fosthom appellanti oħra, li, filwaqt li huma wkoll ħallsu tali kontribuzzjonijiet, kienu għadhom ma bdewx jirċievu pensjoni tal-irtirar fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

85

Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, il-pensjonijiet imħallsa skont l-Anness III tar-Regoli PEAM għandhom ikomplu jitħallsu skont dak l-anness lill-persuni li kienu jirċievu l-benefiċċji qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

86

Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 140 tas-sentenza appellata, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod iktar preċiż min-natura imperattiva tal-formulazzjoni “għandhom ikomplu jitħallsu skont [l-Anness III tar-Regoli PEAM]”, kif ukoll mill-użu tal-preżent indikattiv f’din il-formulazzjoni, għandu jiġi dedott li l-iskema dinamika għandha tibqa’ applikabbli għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

87

Min-naħa l-oħra, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jirriżulta li “[i]d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri] skont l-Anness III [tar-Regoli PEAM] għandhom jibqgħu fis-seħħ” u mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni li “[i]l-persuni li kisbu drittijiet skont [l-Anness III tar-Regoli PEAM] għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont [dan l-anness] sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq”.

88

Sa fejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tipprevedi kundizzjonijiet li l-ex Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn pensjoni kkalkolata abbażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont l-Anness III tar-Regoli PEAM, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tapplika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew li bdew jibbenefikaw minn pensjoni skont dan l-anness qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

89

Barra minn hekk, sa fejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tipprevedi li l-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar skont l-Anness III tar-Regoli PEAM abbażi tad-drittijiet miksuba, il-kunċett ta’ “drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 75(2), għandu jinftiehem, kif enfasizzat ġustament il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 143 u 151 tas-sentenza appellata, bħala li jirrigwarda d-drittijiet għall-pensjoni li jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet imħallsa individwalment minn kull wieħed mill-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati u li jikkostitwixxu l-bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar imħallsa lilhom skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM. Għaldaqstant, dan il-kunċett ma jistax jinftiehem fis-sens li jirreferi għal allegat dritt li wieħed jirċievi ammont fiss u immutabbli ta’ pensjoni, ikkalkolat abbażi tar-regoli nazzjonali fis-seħħ fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri jew mal-adeżjoni fl-iskema stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

90

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, huwa għalhekk ukoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati ma kienx jippreġudika d-“drittijiet miksuba tagħhom għal pensjoni tal-irtirar” fis-sens tar-regoli interni tal-Parlament, peress li dawn jiggarantixxulhom biss id-dritt li l-ammont tal-pensjoni tagħhom jiġi ddeterminat konformement mal-iskema dinamika.

91

Għaldaqstant, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-kuntest u mill-għan tar-regoli interni tal-Parlament jirriżulta li, fil-punt 163 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-Parlament seta’ validament jibbaża ruħu fuq ir-regoli interni tiegħu sabiex japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

2) Fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà, stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta

92

L-appellanti jsostnu li l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament adottata mill-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta.

93

Skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, kemm jista’ jkun possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu u f’konformità mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Għalhekk, meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt primarju (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-appellanti jsostnu li l-fatt li huma aderixxew volontarjament mal-iskema ta’ pensjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM jiggarantilhom, skont dan il-prinċipju, li l-ammont tal-pensjoni tagħhom jiġi kkalkolat skont il-modalitajiet fis-seħħ fil-mument tal-adeżjoni tagħhom ma’ din l-iskema.

95

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħadd ma jista’ jinvoka utilment ksur tal-imsemmi prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull persuna li jkollha tamiet fondati maħluqa minn istituzzjoni. F’dan ir-rigward, tikkostitwixxi garanzija li toħloq tali tamiet, tkun xi tkun il-forma ta’ komunikazzjoni tagħha, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA (C‑419/17 P, EU:C:2019:52, punti 6970 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96

Min-naħa l-oħra, meta persuna prudenti u informata tajjeb tkun f’pożizzjoni li tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tagħha, hija ma tkunx tista’ tinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta din il-miżura tiġi adottata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA (C‑419/17 P, EU:C:2019:52, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Il-fatt li ex Membru tal-Parlament Ewropew aderixxa volontarjament mal-iskema tal-pensjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM ma jtihx b’daqshekk, fil-mument tal-adeżjoni tiegħu ma’ din l-iskema, id-dritt li jirċievi ammont ta’ pensjoni tal-irtirar prevedibbli, fiss u immutabbli. Fil-fatt, kif qieset ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 208 u 209 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkritikati mill-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħhom, l-unika garanzija, preċiża u inkundizzjonata, li l-Parlament kien f’pożizzjoni li jagħti kienet dik li, skont ir-regoli interni tiegħu, l-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati kellhom jirċievu pensjoni tal-irtirar li l-livell u l-modalitajiet tagħha jkunu identiċi għal dawk li kienu applikabbli għall-Membri tal-Parlament tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti, skont l-iskema dinamika.

98

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan huwa obbligat japplika din l-iskema hija konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

99

Fir-rigward, sussegwentement, tad-dritt għall-proprjetà, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 228 tas-sentenza appellata, meta eżaminat il-konformità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mad-dritt għall-proprjetà fid-dawl tal-għan tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u mhux ta’ għan irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni.

100

Għandu jitfakkar li, fil-punt 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jinvolvux ċaħda pura u sempliċi tal-pensjonijiet tal-appellanti, xorta jibqa’ l-fatt li dawn inaqqsu l-ammont tagħhom, u b’hekk jirrestrinġu d-dritt għall-proprjetà tagħhom.

101

Sussegwentement, fil-punti 220 sa 235 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk din ir-restrizzjoni kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, imfakkra fil-punt 213 ta’ dik is-sentenza. F’dan ir-rigward, fil-punt 227 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-evalwazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma setgħetx issir mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Huwa f’dan l-ambitu li, wara l-eżami tal-konformità ta’ dawn id-deċiżjonijiet mad-dritt għall-proprjetà li hija wettqet, fil-punti 228 sa 234 tal-istess sentenza, billi ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-għanijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 236 tagħha, li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà kellu jiġi miċħud.

102

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata ta’ dan id-dritt għandha, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, tiġi ddeterminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1952, li jistipula l-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 49).

103

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-drittijiet li jirriżultaw mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għal skema ta’ sigurtà soċjali jikkostitwixxu drittijiet patrimonjali għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu 1 (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 50).

104

Barra minn hekk, tnaqqis tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar li jista’ jkollu effett fuq il-kwalità tal-ħajja tal-persuna kkonċernata jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà tagħha (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 1 ta’ Settembru 2015, Da Silva Carvalho Rico vs Il-Portugall, CE:ECHR:2015:0901DEC001334114, punt 33).

105

Sa fejn l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament fis-sens li dan huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati tista’ twassal għal tali tnaqqis tal-ammont ta’ pensjoni, din l-interpretazzjoni tista’ twassal għal restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta.

106

Issa, id-dritt għall-proprjetà ma huwiex assolut u l-eżerċizzju tiegħu jista’ għalhekk ikun suġġett għal restrizzjonijiet, sakemm, b’mod partikolari, dawn ikunu ġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107

Fil-fatt, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tagħha hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar sa fejn din tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

108

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li r-rekwiżit li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement miftuħa sabiex tkun tista’ tadatta ruħha għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet tas-sitwazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tippreċiża permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-limitazzjoni fir-rigward kemm tat-termini stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha u tal-għanijiet imfittxija minnha, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114).

109

Kif ġie rrilevat fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-kuntest u mill-għan tar-regoli interni tal-Parlament, li għandhom portata ġenerali fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Ewropew u jistgħu għalhekk jitqiesu li huma l-ekwivalenti, fuq il-livell intern ta’ din l-istituzzjoni, għal “liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 145146), jirriżulta li l-imsemmija istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

110

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-mertu u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, setgħet tikkonstata fil-punti 216 u 235 tas-sentenza appellata li l-appellanti ma kinux ipproduċew elementi konkreti li jistgħu juru li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tagħhom kien jippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà tagħhom jew kellu jiġi kklassifikat bħala sproporzjonat.

111

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-punt dwar jekk l-iskema dinamika u t-tnaqqis tal-ammonti tal-pensjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha humiex neċessarji u effettivament jissodisfawx għan wieħed jew iktar mill-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 227 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li, fid-dawl tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kienet neċessarjament tiddependi fuq l-għażliet magħmula mill-awtoritajiet Taljani kompetenti, b’tali mod li “l-evalwazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex [mid-deċiżjonijiet kontenzjużi] ma [setgħetx] tinjora l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018”.

112

Fil-fatt, l-għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, applikabbli għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati skont l-iskema dinamika, huma ta’ natura purament nazzjonali. Għaldaqstant, bħala tali, dawn ma jistgħux jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet, peress li dawn is-somom jitħallsu taħt skema ta’ pensjoni stabbilita mhux skont id-dritt nazzjonali, iżda skont id-dritt tal-Unjoni u jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni.

113

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta, fil-punti 228 sa 234 tas-sentenza appellata, ħadet inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija minn din id-deċiżjoni nazzjonali sabiex teżamina jekk il-ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-appellanti, ikkawżat mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, kienx iġġustifikat.

114

Madankollu, għandu jitfakkar li jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jkun jidher li huwa fondat abbażi ta’ motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi u li l-appell jiġi miċħud (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Amazon.com et, C‑457/21 P, EU:C:2023:985, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

115

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta tidhirx li hija fondata abbażi ta’ motivi tad-dritt differenti minn dawk ivvizzjati bl-iżball identifikat fil-punti 111 u 113 ta’ din is-sentenza.

116

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew li jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regoli PEAM għandha għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, sa fejn hija intiża, kif jirriżulta mill-punt 79 ta’ din is-sentenza, li tittratta bl-istess mod, minn naħa, lill-Membri tal-Parlament Ewropew li ma kinux jibbenefikaw minn skema ta’ pensjoni fl-Istat Membru li fih huma kienu ġew eletti, jew kienu jibbenefikaw minn skema ta’ pensjoni li l-livell u/jew il-modalitajiet tal-kalkolu tal-pensjoni tagħha ma kinux identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-Membri tal-Parlament Ewropew li l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali tagħhom kienet tipprevedi tali livell u/jew modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali.

117

L-applikazzjoni tal-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati tissodisfa effettivament dan l-għan ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li għandha l-effett li ż-żewġ kategoriji ta’ Membri tal-Parlament Ewropew imsemmija fil-punt preċedenti huma suġġetti, fi kwalunkwe ħin, għar-regoli nazzjonali dwar il-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-Membri tal-Parlament tal-Istat Membru kkonċernat.

118

Barra minn hekk, din l-applikazzjoni kienet neċessarja sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, peress li kien biss allinjament tal-livell u/jew tal-modalitajiet tal-kalkolu tal-pensjoni bħal dak previst fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) ta’ dan l-anness, li seta’ jwassal għall-ugwaljanza fit-trattament bejn l-imsemmija kategoriji ta’ Membri tal-Parlament Ewropew.

119

Għalhekk jidher li, minkejja l-iżball ta’ liġi identifikat fil-punti 111 u 113 ta’ din is-sentenza, iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta hija fondata, peress li r-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

120

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-appellanti jsostnu li dan jipprekludi ksur tad-drittijiet miksuba tagħhom li għalih twassal l-applikazzjoni tal-iskema dinamika.

121

Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-konformità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, li diġà kien jirriżulta mill-punti 126 sa 161 ta’ din is-sentenza li d-“drittijiet għall-pensjoni miksuba” kellhom jiġu distinti mill-“ammonti tal-pensjonijiet”. Il-Qorti Ġenerali indikat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm id-“drittijiet għall-pensjoni” jinkisbu b’mod definittiv u ma jistgħux jiġu emendati, u għalkemm il-pensjonijiet jibqgħu jitħallsu, xejn ma jipprekludi li l-ammonti ta’ dawn il-pensjonijiet jiġu aġġustati ’l fuq jew ’l isfel, ħaġa li l-Parlament kien obbligat jagħmel f’dan il-każ, fid-dawl tal-obbligu tiegħu li japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

122

Fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-analiżi tagħha billi qieset li l-appellanti ma kinux urew li l-prinċipju ta’ ċertezza legali kien ġie miksur f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-regoli interni tal-Parlament kienu jimplikaw li l-ammonti l-ġodda tal-pensjonijiet tal-appellanti kellhom jidħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019. Issa, il-Qorti Ġenerali fakkret li dawn ir-regoli interni kienu ferm qabel l‑1 ta’ Jannar 2019, u mhux wara din id-data. Barra minn hekk, l-appellanti la stabbilixxew u lanqas sostnew li l-Parlament kien applika dawn l-ammonti l-ġodda qabel l‑1 ta’ Jannar 2019, jiġifieri qabel id-data kkunsidrata għal dan il-għan mid-Deċiżjoni Nru 14/2018. Fl-aħħar nett, skont il-Qorti Ġenerali, sa mix-xahar ta’ Jannar 2019, il-Parlament kien informa lill-appellanti bil-possibbiltà li r-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 14/2018 jiġu applikati għalihom, liema applikazzjoni ġiet ikkonfermata minn din l-istituzzjoni fix-xahar ta’ Frar 2019. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-appellanti kienu ġew informati bl-emenda tar-regoli applikabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tagħhom qabel ma ġew adottati d-deċiżjonijiet kontenzjużi.

123

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar illi l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jieħdu konjizzjoni mingħajr ambigwità tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom u jieħdu l-miżuri tagħhom fir-rigward (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Global Silicones Council et vs Il-Kummissjoni, C‑558/21 P, EU:C:2023:839, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Għalhekk, il-liġijiet il-ġodda, li jemendaw il-liġi l-qadima, japplikaw, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt din tal-aħħar. Dan ma huwiex il-każ biss fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li oriġinaw u ġew definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, li joħolqu drittijiet miksuba. Dritt huwa kkunsidrat miksub meta l-fatt li jagħti lok għalih ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt li l-fatt li ġġenerah ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il-Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt għal pensjoni tal-irtirar, dan jinkiseb, bħala prinċipju, fil-mument meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għal dan id-dritt, jiġifieri fil-mument meta l-pensjoni ssir dovuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il-Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punt 85 sa 87).

126

Madankollu, dan ma jimplikax li kull emenda magħmula għall-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ pensjoni li twassal għal tnaqqis ta’ dan l-ammont, applikata abbażi ta’ leġiżlazzjoni adottata wara li din il-pensjoni tkun saret dovuta, tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-drittijiet miksuba.

127

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fid-dritt tal-Unjoni ma jeżistix prinċipju li skontu d-drittijiet miksuba ma jistgħu fl-ebda każ jiġu mmodifikati jew imnaqqsa. Huwa possibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, li dawn id-drittijiet jiġu mmodifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il-Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punti 8889).

128

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi, abbażi tal-elementi msemmija b’mod partikolari fil-punt 202 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-iskema dinamika, kif prevista fl-Anness III tar-Regoli PEAM u fl-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

129

Fid-dawl ta’ dan kollu premess, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud sa fejn, permezz tiegħu, l-appellanti jikkontestaw l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

C. Fuq it‑tieni aggravju

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

130

It-tieni aggravju jinkludi tliet partijiet.

131

Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikoli 74 u 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regoli PEAM setgħu jikkostitwixxu bażi legali valida għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

132

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala applikabbli, bis-saħħa tar-riferiment previst fl-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni moqri flimkien mal-Artikolu 75 tagħhom, mhux il-kontenut ta’ dan l-anness fil-mument tal-adozzjoni tal-Istatut tal-Membri, iżda d-dispożizzjoni legali bħala tali, minkejja li kienet tħassret. B’hekk, l-imsemmi anness għandu japplika, skont il-Qorti Ġenerali, mhux biss b’riferiment għall-mument tat-tħassir tal-iskema l-qadima tal-pensjoni iżda wkoll fil-futur, billi jiġu applikati b’mod retroattiv emendi tal-benefiċċju tal-pensjoni Taljana deċiżi meta l-Anness III ma kienx għadu fis-seħħ.

133

Skont l-appellanti, fil-fatt mill-kliem tal-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, moqri flimkien mal-premessa 7 tagħhom, jirriżulta li l-Anness III tar-Regoli PEAM ġie totalment imħassar fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

134

Permezz tat-tieni parti, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament fis-sens li l-Kap tad-Diviżjoni kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi, peress li huwa kellu subdelegazzjoni regolari.

135

Id-deċiżjonijiet kontenzjużi kellhom jiġu adottati mill-Bureau tal-Parlament, sa fejn dawn għandhom il-kwalità ta’ atti ta’ amministrazzjoni straordinarja. Fil-fatt, tali deċiżjonijiet jaqgħu taħt sitwazzjoni ġdida, kumplessa u imprevista, kif barra minn hekk jixhed l-intervent tas-servizz legali tal-Parlament, b’tali mod li l-konformità tagħhom mar-regoli u mal-prinċipji ta’ livell superjuri tal-Unjoni kellha tiġi vverifikata qabel ma jiġu adottati. Għaldaqstant, dawn ma humiex deċiżjonijiet purament tekniċi, li jistgħu jiġu ddelegati lil kap ta’ diviżjoni.

136

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 110 sa 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

137

Dawn id-deċiżjonijiet sempliċement jagħmlu riferiment indirett għall-motivazzjoni li tinsab fl-opinjoni tas-servizz legali. Madankollu, din l-opinjoni la ssemmiet fid-deċiżjonijiet kontenzjużi u lanqas ma ġiet annessa magħhom. Din l-opinjoni lanqas ma ġiet annessa mal-komunikazzjoni annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tax-xahar ta’ Frar 2019 li ntbagħtu lill-appellanti. Fiha ġiet iċċitata biss, fil-forma ta’ sempliċi indikazzjoni li s-servizz legali tal-Parlament kien ikkonferma l-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

138

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-ittra mibgħuta mill-Kap tad-Diviżjoni fil‑11 ta’ Ġunju 2019 lil L. A. Florio, rikorrent fil-Kawża T‑465/19, kienet tipprovdi link diretta lejn il-paġna tal-internet tal-Parlament li tippermetti li l-opinjoni tas-servizz legali tiġi kkonsultata. Fil-fatt, din l-ittra hija t-tweġiba għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-parti kkonċernata wara n-notifika tan-nota tal‑11 ta’ April 2019 li tikkonċernaha. Għaldaqstant, l-appellanti l-oħra ma rċevewx tali informazzjoni u d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jagħmlux riferiment għal link għas-sit internet fejn l-opinjoni tas-servizz legali hija aċċessibbli għall-pubbliku.

139

Il-fatt li l-appellanti rnexxielhom jiksbu din l-opinjoni ma jistax iwassal għall-konklużjoni li r-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 296 TFUE ġew osservati.

140

Fl-aħħar nett, l-opinjoni tas-servizz legali kienet tinkludi biss eżami parzjali u sommarju ħafna tal-osservanza tar-regoli ta’ livell superjuri u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, fatt li l-Qorti Ġenerali injorat.

141

Il-Parlament isostni li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Osservazzjonijiet preliminari

142

L-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 74 u 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha li dan huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ tali lment peress li, permezz tiegħu, l-appellanti jinvokaw illegalità li tista’ tiġi rrepetuta fil-futur.

143

L-istess japplika fir-rigward tat-tieni parti, li permezz tagħha l-appellanti jsostnu li l-Kap tad-Diviżjoni ma kienx kompetenti skont l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi.

144

Permezz tat-tielet parti, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296 TFUE. Minn naħa, hija ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punti 112 u 116 tas-sentenza appellata, li l-Parlament ma kienx naqas mill-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni peress li l-appellanti kellhom aċċess liberu u għarfien perfett tal-kontenut tal-opinjoni tas-servizz legali qabel il-preżentata tar-rikors tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-opinjoni tas-servizz legali kienet tinvolvi biss eżami parzjali ħafna u sommarju tal-osservanza tar-regoli ta’ livell superjuri u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

145

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija inammissibbli.

146

Konformement mal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix għalhekk, mingħajr ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu ta’ appell (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147

Fl-ewwel lok, sa fejn l-appellanti jikkontestaw li huma kellhom aċċess liberu u għarfien perfett tal-kontenut tal-opinjoni tas-servizz legali qabel il-preżentata tar-rikors tagħhom, huma jfittxu fir-realtà li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, mingħajr madankollu ma jinvokaw l-iżnaturament tagħhom mill-Qorti Ġenerali.

148

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali injorat in-natura parzjali u sommarja tal-eżami tal-osservanza tar-regoli ta’ livell superjuri u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li l-opinjoni tas-servizz legali kienet tinvolvi, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa inammissibbli, peress li huwa bbażat fuq illegalità allegatament imwettqa mill-Parlament li ma tqajmitx, u, konsegwentement, ma ġietx iddibattuta quddiem il-Qorti Ġenerali.

149

Fil-fatt, mill-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-aggravji għandhom ikunu bbażati fuq argumenti dedotti mill-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, hija għaldaqstant limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat għall-motivi u għall-argumenti ddibattuti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Aeris Invest vs SRB, C‑874/19 P, EU:C:2021:1040, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150

Ċertament l-appellanti kkritikaw lill-Parlament quddiem il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punt 99 tas-sentenza appellata, li ma analizzax sa fejn l-applikazzjoni retroattiva ta’ skema ta’ pensjoni inqas favorevoli tista’ tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan l-argument huwa differenti minn dak miġbur fil-qosor fil-punt 140 ta’ din is-sentenza b’mod partikolari sa fejn ma jirrigwardax l-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ġustament qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 120 tas-sentenza appellata.

151

Minn dan isegwi li hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza biss tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju.

b)   Fuq il‑mertu

152

Fir-rigward tal-ewwel parti, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jipprevedi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-Titolu IV ta’ dawn il-miżuri, ir-Regoli PEAM jiskadu fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

153

Minn dan it-test ma jistax jiġi dedott li l-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati għandhom ikunu suġġetti, b’mod intanġibbli, għar-regoli ta’ kalkolu tal-pensjonijiet li kienu applikabbli fil-mument tat-tħassir tar-Regoli PEAM għall-membri tal-Parlament tal-Istat Membru li fih dawn l-ex Membri ġew eletti.

154

Kif jirriżulta mill-punti 81 sa 83 ta’ din is-sentenza, l-iskema dinamika tibqa’ applikabbli għal tali Membri skont l-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

155

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni ma hijiex invalidata, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, mill-premessa 7 tagħhom.

156

Il-premessa 7 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tipprovdi, minn naħa, li “persuni li jirċievu ċertu benefiċċji skont ir-Regoli PEAM [għandhom] ikunu jistgħu jibqgħu jirċievuhom wara li dawk ir-regoli jitħassru, sabiex b’hekk ikun rispettat il-prinċipju ta’ [protezzjoni tal-aspettativi leġittimi]” u, min-naħa l-oħra, li “[g]ħandhom ukoll jittieħdu passi sabiex tkun garantita ż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni fuq il-bażi tar-Regoli PEAM qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut”.

157

Minn din il-premessa jirriżulta li din tippreċiża li l-benefiċċji mogħtija skont dawn ir-regoli għandhom jibqgħu jitħallsu, mingħajr ma jista’ jiġi dedott li dawn ir-regoli ma jibqgħux japplikaw wara l-imsemmija data.

158

B’hekk, il-kunċett ta’ “drittijiet għall-pensjoni miksuba” għandu l-istess portata f’din il-premessa bħal dik li huwa għandu fl-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, kif ippreċiżat fil-punt 89 ta’ din is-sentenza.

159

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, essenzjalment, li l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, li jipprevedi l-applikazzjoni tal-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati, ma tħassarx u jibqa’ applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, fil-każ tal-appellanti.

160

Minn dan isegwi li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

161

Fir-rigward tat-tieni parti, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-Kap tad-Diviżjoni kien inħatar bħala regolatur subdelegat għal-linja baġitarja 1030, dwar il-pensjonijiet tal-irtirar msemmija fl-Anness III tar-Regoli PEAM, permezz tad-Deċiżjoni FINS/2019–01 tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tat‑23 ta’ Novembru 2018 u li din id-deċiżjoni tindika espressament li l-Kap tad-Diviżjoni huwa awtorizzat jipproċedi, b’mod partikolari, għall-istabbiliment tal-impenji legali u tal-impenji baġitarji, għal-likwidazzjoni tal-ispejjeż u għall-awtorizzazzjoni tal-ħlasijiet, iżda wkoll għall-istabbiliment tat-tbassir tal-krediti, għall-konstatazzjoni tad-drittijiet li għandhom jiġu rkuprati u għall-ħruġ tal-ordnijiet ta’ rkupru.

162

Fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari li r-regoli stabbiliti mill-miżuri ta’ implimentazzjoni u mir-Regoli PEAM, kif ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament, ma ġewx emendati mill-Kap tad-Diviżjoni, iżda ġew biss implimentati minnu.

163

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Kap tad-Diviżjoni kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi.

164

Sa fejn id-Deċiżjoni FINS/2019–01 tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tat‑23 ta’ Novembru 2018 tawtorizza lill-Kap tad-Diviżjoni jipproċedi b’mod partikolari għall-istabbiliment tal-impenji legali u tal-impenji baġitarji, għal-likwidazzjoni tal-ispejjeż u għall-awtorizzazzjoni tal-ħlasijiet, iżda wkoll għat-tfassil tat-tbassir tal-krediti, għall-konstatazzjoni tad-drittijiet li għandhom jiġu rkuprati u għall-ħruġ tal-ordnijiet ta’ rkupru, din hija redatta b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex tinkludi s-sitwazzjonijiet invokati mill-appellanti, jiġifieri sitwazzjonijiet ġodda, kumplessi u mhux previsti fl-oqsma ddelegati.

165

Barra minn hekk, l-appellanti ma jsostnux li din id-deċiżjoni tinkludi riżerva dwar il-kompetenza sabiex jiġi applikat id-dritt primarju tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Karta, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt dawn l-oqsma.

166

Barra minn hekk, l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ma jinkludi, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, ebda riżerva ta’ kompetenza f’dan il-qasam favur il-Bureau tal-Parlament. Fil-fatt, fi kliem din id-dispożizzjoni, “[i]l-Bureau għandu jieħu deċiżjonijiet dwar affarijiet ta’ natura finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva li jikkonċernaw il-Membri fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali jew ta’ grupp politiku”. L-allegata distinzjoni bejn l-atti ta’ amministrazzjoni straordinarja, li l-adozzjoni tagħhom hija rriżervata għall-Bureau tal-Parlament, u l-atti ta’ amministrazzjoni ordinarja, li ġew iddelegati lill-Kap tad-Diviżjoni, lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-imsemmija dispożizzjoni.

167

Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

168

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

D. Fuq it‑tielet aggravju

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

169

It-tielet aggravju huwa dirett kontra l-punt 70 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors ta’ I. Panusa fil-Kawża T‑453/19 kien inammissibbli, minħabba li n-nota tal-Kap tad-Diviżjoni tal‑11 ta’ April 2019 li kienet tikkonċernaha ma kienet wasslet għal ebda tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tas-superstiti tagħha.

170

Din il-konklużjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn, essenzjalment, il-pensjoni tas-superstiti li minnha tibbenefika I. Panusa hija kkalkolata abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regoli PEAM, filwaqt li d-determinazzjoni ta’ tali pensjoni taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Anness I ta’ dawn ir-regoli, li għandu jwassalha sabiex tkun tista’ titlob ammont ta’ pensjoni ogħla.

171

Il-Parlament isostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

172

Għandu jiġi kkonstatat li l-motivi tas-sentenza appellata msemmija fit-tielet aggravju ma jikkostitwixxux is-sostenn neċessarju ta’ waħda mill-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

173

Għaldaqstant, ma hemmx lok li dan l-aggravju jiġi eżaminat.

174

Peress li ebda wieħed miż-żewġ aggravji mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma ntlaqa’, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VI. Fuq l‑ispejjeż

175

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Konformement mal-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

176

Peress li l-appellanti tilfu u l-Parlament talab li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li l-appellanti jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Parlament.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Maria Teresa Coppo Gavazzi, Cristiana Muscardini, Luigi Vinci, Agostino Mantovani, Anna Catasta, Vanda Novati, Francesco Enrico Speroni, Maria Di Meo, Giuseppe Di Lello Finuoli, Raffaele Lombardo, Olivier Dupuis, Leda Frittelli, Livio Filippi, Vincenzo Viola, Antonio Mussa, Mauro Nobilia, Clara di Prinzio, bħala eredi ta’ Sergio Camillo Segre, Stefano De Luca, Riccardo Ventre, Mirella Musoni, Francesco Iacono, Vito Bonsignore, Claudio Azzolini, Vincenzo Aita, Mario Mantovani, Vincenzo Mattina, Romano Maria La Russa, Giorgio Carollo, Fiammetta Cucurnia, bħala eredi ta’ Giulietto Chiesa, Roberto Costanzo, Giorgio Gallenzi, bħala eredi ta’ Giulio Cesare Gallenzi, Vitaliano Gemelli, Pasqualina Napoletano u Ida Panusa huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.