SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

[Test rettifikat permezz tad-digriet tat‑30 ta’ Jannar 2025]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Kuntratti konklużi bejn pjattaforma ta’ riżervazzjoni online u lukandiera – Klawżoli ta’ parità tariffarja – Restrizzjoni anċillari – Eżenzjoni skont il-kategorija – Ftehimiet vertikali – Regolament (UE) Nru 330/2010 – Artikolu 3(1) – Definizzjoni tas-suq rilevanti”

Fil-Kawża C‑264/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ April 2023, fil-proċedura

Booking.com BV,

Booking.com (Deutschland) GmbH,

vs

25hours Hotel Company Berlin GmbH,

Aletto Kudamm GmbH,

Air-Hotel Wartburg Tagungs- & Sporthotel GmbH,

Andel’s Berlin Hotelbetriebs GmbH,

Angleterre Hotel GmbH & Co. KG,

Atrium Hotelgesellschaft mbH,

Azimut Hotelbetrieb Köln GmbH & Co. KG,

Barcelo Cologne GmbH,

Business Hotels GmbH,

Cocoon München GmbH,

DJC Operations GmbH,

Dorint GmbH,

Eleazar Novum GmbH,

Empire Riverside Hotel GmbH & Co. KG,

Explorer Hotel Fischen GmbH & Co. KG,

Explorer Hotel Nesselwang GmbH & Co. KG,

Explorer Hotel Schönau GmbH & Co. KG,

Fleming’s Hotel Management und Servicegesellschaft mbH & Co. KG,

G. Stürzer GmbH Hotelbetriebe,

Hotel Bellevue Dresden Betriebs GmbH,

Hotel Europäischer Hof W.A. L. Berk GmbH & Co KG,

Hotel Hafen Hamburg. Wilhelm Bartels GmbH & Co. KG,

Hotel John F GmbH,

Hotel Obermühle GmbH,

Hotel Onyx GmbH,

Hotel Rubin GmbH,

Hotel Victoria Betriebs- und Verwaltungs GmbH,

Hotel Wallis GmbH,

i31 Hotel GmbH,

IntercityHotel GmbH,

ISA Group GmbH,

Kur-Cafe Hotel Allgäu GmbH,

Lindner Hotels AG,

M Privathotels GmbH & Co. KG,

Maritim Hotelgesellschaft mbH,

MEININGER Shared Services GmbH,

Oranien Hotelbetriebs GmbH,

Platzl Hotel Inselkammer KG,

prize Deutschland GmbH,

Relexa Hotel GmbH,

SANA BERLIN HOTEL GmbH,

SavFra Hotelbesitz GmbH,

Scandic Hotels Deutschland GmbH,

Schlossgarten Hotelgesellschaft mbH,

Seaside Hotels GmbH & Co. KG,

SHK Hotel Betriebsgesellschaft mbH,

Steigenberger Hotels GmbH,

Sunflower Management GmbH & Co. KG,

The Mandala Hotel GmbH,

The Mandala Suites GmbH,

THR Hotel am Alexanderplatz Berlin Betriebs- und Management GmbH,

THR III Berlin Prager-Platz Hotelbetriebs- und Beteiligungsgesellschaft mbH,

THR München Konferenz und Event Hotelbetriebs- und Management GmbH,

THR Rhein/Main Hotelbetriebs- und Beteiligungs-GmbH,

THR XI Berlin Hotelbetriebs- und Beteiligungsgesellschaft mbH,

THR XXX Hotelbetriebs- und Beteiligungs-GmbH,

Upstalsboom Hotel + Freizeit GmbH & Co. KG,

VI VADI HOTEL Betriebsgesellschaft mbH & Co. KG,

Weissbach Hotelbetriebsgesellschaft mbH,

Wickenhäuser & Egger AG,

Wikingerhof GmbH & Co. KG,

Hans-Hermann Geiling (Hotel Präsident),

Karl Herfurtner, Hotel Stadt München e.K.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Booking.com BV u Booking.com (Deutschland) GmbH, minn J.K. de Pree, H. Gornall, P. W. Post u K. J. Saarloos, advocaten,

għal 25hours Hotel Company Berlin GmbH e.a., minn R. Buchmann, Rechtsanwalt, H.C.E.P.J. Janssen, advocaat, V. Soyez, Rechtsanwalt, u A.P. van Oosten, advocaat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits u C. Kokkosi, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Samoilova u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi u G. Meessen kif ukoll minn C. Zois, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal‑20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Booking.com BV u Booking.com (Deutschland) GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, “Booking.com”) u 25hours Hotel Company Berlin GmbH u 62 stabbiliment ieħor ta’ lukandi li jinsabu fil-Ġermanja dwar il-validità, fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE, tal-klawżoli ta’ parità tariffarja użati minn Booking.com fil-kuntratti konklużi ma’ dawn l-istabbilimenti.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003

3

L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), bit-titolu “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni [Ewropea] u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] f’koperazzjoni qariba.

[…]

5.   L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw lil Kummissjoni fuq xi każ li jinvolvi l-applikazzjoni tal-liġi tal-[Unjoni].

[…]”

Ir‑Regolament Nru 330/2010

4

Konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tiegħu, ir-Regolament Nru 330/2010 skada fil‑31 ta’ Mejju 2022.

5

Il-premessi 5 u 9 ta’ dan ir-regolament kienu jgħidu:

“5.

Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-akkordji [ftehimiet] vertikali li fir-rigward tagħhom wieħed jista’ jassumi b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) [TFUE].

[…]

(9)

’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %, ma jista’ jkun hemm l-ebda preżunzjoni li akkordju vertikali li jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) [TFUE] ġeneralment se jwassal għal vantaġġi oġġettivi ta’ tali natura u daqs li jkunu jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li joħolqu għall-kompetizzjoni. Fl-istess ħin, ma hemm l-ebda preżunzjoni li dawk l-akkordji vertikali jew jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) [TFUE] jew jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) [TFUE].”

6

Skont l-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘akkordju [ftehim] vertikali’ tfisser akkordju jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi.”

7

L-Artikolu 2 tal-istess regolament kien jipprovdi:

“1.   Skont l-Artikolu 101(3) [TFUE] u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, qed jiġi ddikjarat li l-Artikolu 101(1) [TFUE] ma għandux japplika għal akkordji [ftehimiet] vertikali.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn tali akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.

[…]”

8

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 330/2010 huwa fformulat kif ġej:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq miżmum mill-fornitur ma jaqbiżx it-30 % tas-suq rilevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u s-sehem mis-suq miżmum mix-xerrej ma jaqbiżx it-30 % tas-suq relevanti li fih jixtri l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.”

Id‑Direttiva 2014/104/UE

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, (ĠU 2014, L 349, p. 1) intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni minn impriża jew minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, tista’ b’mod effettiv teżerċita d-dritt li titlob għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara minn dik l-impriża jew assoċjazzjoni. Tistabbilixxi regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni [Ewropea] kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.

2.   Din id-Direttiva tistipula regoli li jikkoordinaw l-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-infurzar ta’ dawn ir-regoli f’azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali.”

10

Skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ Implimentazzjoni”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 1 tittieħed fi Stat Membru ieħor, dik id-deċiżjoni finali tista’, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, tiġi ppreżentata quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom bħala tal-inqas evidenza prima facie tal-fatt li seħħ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, u, kif xieraq, tista’ tiġi valutata flimkien ma’ kwalunkwe evidenza oħra ppreżentata mill-partijiet.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 [TFUE].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11

Booking.com BV, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż li għandha s-sede tagħha f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), ġiet stabbilita matul is-sena 1996 u toffri servizz dinji ta’ intermedjazzjoni għar-riżervazzjoni ta’ akkomodazzjonijiet permezz tal-operat tal-pjattaforma online tagħha booking.com. Hija sostnuta fl-attivitajiet tagħha minn sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari fil-Ġermanja minn Booking.com (Deutschland).

12

Booking.com la hija fornitur u lanqas xerrej ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni. Huwa lanqas ma jiddetermina l-akkomodazzjoni u l-prezzijiet korrispondenti offruti fuq il-pjattaforma tiegħu, peress li dawn l-elementi jiġu ddefiniti mill-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni. Għalhekk, Booking.com sempliċement tqiegħed f’kuntatt, fil-pjattaforma tagħha, stabbilimenti u vjaġġaturi.

13

Is-servizzi offruti mill-pjattaforma operata minn Booking.com huma b’xejn għall-passiġġieri. L-istabbilimenti tal-lukandi jħallsu kummissjoni lil Booking.com fil-każ li klijent jagħmel riżervazzjoni permezz ta’ din il-pjattaforma u ma jikkanċellahiex. Indipendentement mill-imsemmija pjattaforma, dawn l-istabbilimenti jistgħu jużaw kanali ta’ bejgħ alternattivi.

14

Mad-dħul tagħha fis-suq Ġermaniż matul is-sena 2006, Booking.com, bħal pjattaformi oħra ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi [magħrufa wkoll bl-isem “Online Travel Agency” (aġenzija tal-ivvjaġġar online, iktar ’il quddiem “OTA”)], kienet tinkludi, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehimiet konklużi mal-fornituri ta’ akkomodazzjoni, klawżola msejħa ta’ “parità wiesa’”. Bis-saħħa ta’ din il-klawżola, ma kienx permess li dawn il-fornituri joffru, fuq il-mezzi ta’ bejgħ tagħhom stess jew fuq kanali ta’ bejgħ operati minn terzi, inklużi l-OTA kompetituri, kmamar bi prezz inqas minn dak offrut fis-sit ta’ Booking.com.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2013, il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) ikkonkludiet, essenzjalment, li l-klawżola ta’ parità wiesa’ użata minn Hotel Reservation Service Robert Ragge GmbH (iktar ’il quddiem “HRS”), waħda mill-OTA attivi fis-suq Ġermaniż, kienet tmur kontra l-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt Ġermaniż u ordnat il-waqfien mill-użu tiegħu.

16

Matul is-sena 2013, din l-awtorità fetħet ukoll investigazzjoni dwar il-klawżola ta’ parità wiesa’ użata minn Booking.com, li kienet analoga għal dik li kienet intużat minn HRS.

17

Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2015, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ċaħdet rikors ippreżentat minn HRS kontra d-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità tal‑20 ta’ Diċembru 2013. Din is-sentenza, li ma kienet is-suġġett ta’ ebda appell, saret definittiva.

18

Mill‑1 ta’ Lulju 2015, Booking.com intrabtet, bi ftehim mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Franċiżi, Taljani u Svediżi, li tneħħi, mill-kundizzjonijiet ġenerali tagħha, il-klawżola ta’ parità wiesa’ sabiex tissostitwixxiha bi klawżola ta’ parità msejħa “ta’ parità ristretta”, li bis-saħħa tagħha l-projbizzjoni magħmula lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni milli jipproponu l-kmamar tagħhom bi prezzijiet aħjar minn dawk proposti fuq Booking.com kienet tapplika biss għall-offerti magħmula mill-mezzi ta’ bejgħ tagħhom stess.

19

[Kif rettifikat permezz tad-digriet tat‑30 ta’ Jannar 2025] Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2015, meħuda wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni qieset li tali klawżola ta’ parità ristretta kienet ukoll tmur kontra l-projbizzjoni tal-akkordji taħt id-dritt tal-Unjoni u taħt id-dritt Ġermaniż u ordnat lil Booking.com tieqaf milli tużaha. Din l-awtorità qieset, essenzjalment, li tali klawżoli kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni kemm fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni kif ukoll fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online mill-pjattaformi lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni. L-imsemmija awtorità qieset ukoll, minn naħa, li, minħabba s-sehem sinjifikattiv miżmum minn Booking.com fis-suq inkwistjoni, dawn il-klawżoli ma setgħux jiġu eżentati bis-saħħa tar-Regolament Nru 330/2010 u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3) TFUE lanqas ma kienu ssodisfatti.

20

Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2019, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) laqgħet, parzjalment, ir-rikors ippreżentat minn Booking.com kontra l-imsemmija deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2015. Din il-qorti qieset, b’mod partikolari, li l-klawżola ta’ parità ristretta kienet tirrestrinġi, ċertament, il-kompetizzjoni, iżda setgħet, madankollu, bħala restrizzjoni anċillari, titqies li kienet neċessarja sabiex tippermetti lil Booking.com tirċievi remunerazzjoni ekwa abbażi tal-provvista tagħha ta’ servizzi. B’hekk ikun żleali min-naħa tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni li jirreġistraw ruħhom fuq il-pjattaforma ta’ riżervazzjoni ta’ Booking.com, iżda li sussegwentement iħeġġu lill-klijenti jirriżervaw direttament magħhom billi joffru tariffi aħjar fis-sit tagħhom stess. Skont l-imsemmija qorti, il-possibbiltà għall-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni li jittrasferixxu r-riżervazzjonijiet lejn is-sistemi ta’ riżervazzjoni tagħhom stess tikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex Booking.com tipprekludi kuntrattwalment lil dawn l-istabbilimenti milli jwettqu attivitajiet ta’ “parassitiżmu” (free riding). Għalhekk, din il-klawżola ma setgħetx, skont din l-istess qorti, titqies li tmur kontra l-projbizzjoni tal-akkordji prevista fid-dritt nazzjonali u fl-Artikolu 101(1) TFUE.

21

Matul is-sena 2020, Hotelverband Deutschland, assoċjazzjoni li tirrappreżenta iktar minn 2600 lukanda, ressqet azzjoni għad-danni kontra Booking.com quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) intiża għall-kumpens għad-dannu li l-membri ta’ din l-assoċjazzjoni jsostnu li ġarrbu minħabba l-klawżoli ta’ parità tariffarja.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2021, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), adita b’appell ippreżentat mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, annullat id-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) tal‑4 ta’ Ġunju 2019. Hija ddeċidiet li l-klawżola ta’ parità ristretta tirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq tal-pjattaformi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online kif ukoll f’dik tal-akkomodazzjoni tal-lukandi. Tali klawżola ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “restrizzjoni anċillari”, peress li ma kienx stabbilit li, fl-assenza tagħha, il-profittabbiltà ta’ Booking.com kienet ser tiġi kompromessa. Din il-klawżola lanqas ma setgħet tibbenefika minn eżenzjoni skont ir-Regolament Nru 330/2010 jew minn kwalunkwe eżenzjoni oħra mill-projbizzjoni tal-akkordji taħt id-dritt tal-Unjoni u taħt id-dritt Ġermaniż.

23

Fit‑23 ta’ Ottubru 2020, Booking.com adixxiet lir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, b’talba intiża li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-klawżoli ta’ parità li hija tuża ma kinux jiksru l-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, li l-konvenuti ma kinux ġarrbu dannu minħabba dawn il-klawżoli. Dawn tal-aħħar, bħala kontrotalba, talbu lil din il-qorti, minn naħa, tikkonstata li Booking.com kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, tikkundannaha għall-ħlas ta’ danni għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, li rrikonoxxiet li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża permezz ta’ sentenza interlokutorja tas‑26 ta’ Ottubru 2022, tqum, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli ta’ parità tariffarja, kemm wiesa’ kif ukoll ristretta, li huma inklużi fil-kuntratti konklużi bejn l-OTA u l-fornituri ta’ akkomodazzjoni affiljati għandhomx, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet anċillari”.

25

Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum għadha ma tatx deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk tali klawżoli, li bis-saħħa tagħhom pjattaforma ta’ riżervazzjoni online tipprekludi lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni affiljati ma’ din il-pjattaforma milli jipprattikaw prezzijiet iktar baxxi — skont il-każ fuq il-kanali kollha ta’ bejgħ jew fuq ċerti kanali ta’ bejgħ oħra — għal dawk offruti fuq din il-pjattaforma, jistgħux, bħala restrizzjonijiet anċillari, jaħarbu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji msemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE. Issa, din il-kwistjoni tagħti lok għal analiżi diverġenti, li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet kontradittorji.

26

F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk Booking.com għandhiex tkun tista’ tipproteġi lilha nnifisha mir-riskji ta’ parassitiżmu. Mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta b’mod partikolari li ma huwiex neċessarju li jintwera li l-ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali jipperikola l-vijabbiltà tal-impriża, iżda li huwa biżżejjed li din tiġi “kompromessa”. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-frattemp, kemm il-klawżola ta’ parità ristretta kif ukoll il-klawżola ta’ parità wiesa’ ġew ipprojbiti mil-liġi fil-Belġju, fi Franza, fl-Italja u fl-Awstrija u li l-proċedura attwalment pendenti quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) tirrigwarda l-istess kwistjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-proċedura.

27

Fit-tieni lok, fil-każ li jiġi konkluż li l-klawżoli ta’ parità kontenzjużi ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati bħala “restrizzjoni anċillari”, il-qorti tar-rinviju tqis li tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk dawn il-klawżoli jistgħux jiġu eżentati. Issa, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 330/2010, huwa neċessarju li jsir magħruf kif għandu jiġi ddefinit is-suq tal-prodotti inkwistjoni. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-mod kif jiġi ddefinit is-suq rilevanti, li huwa ta’ natura “multifaċċali”, ma huwiex ċar.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-klawżoli ta’ parità wiesgħa u ta’ parità ristretta għandhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni anċillari għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE?

2)

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 330/2010], kif għandu jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni meta t-tranżazzjonijiet jiġu konklużi permezz ta’ pjattaforma ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar online (OTA) li fuqha stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni jistgħu joffru kmamar u jidħlu f’kuntatt ma’ vjaġġaturi, li jistgħu jirriżervaw kamra permezz tal-imsemmija pjattaforma?”

Fuq l‑ammissibbiltà

29

L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ikkontestata għal tliet raġunijiet.

30

Fl-ewwel lok, skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-qorti tar-rinviju naqset milli tiddeskrivi b’mod preċiż u komplet il-kuntest fattwali li fih saru d-domandi.

31

F’dan ir-rigward, minn qari globali tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u ġuridiku li fih taqa’ t-talba tagħha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tippermetti kemm lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda. B’mod partikolari, din il-qorti rreferiet b’mod ċar għad-deċiżjonijiet meħuda kemm mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni kif ukoll mill-qrati Ġermaniżi fil-kuntest tat-tilwim bejn l-OTA u stabbilimenti tal-lukandi fil-Ġermanja.

32

Għaldaqstant, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-konvenuti fil-kawża prinċipali għandu jitwarrab.

33

Fit-tieni lok, kemm il-konvenuti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Ġermaniż isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda domandi purament ipotetiċi, nieqsa minn rabta mal-kawża prinċipali. Huma jsostnu li d-domandi preliminari diġà ġew indirizzati mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni fl‑20 ta’ Diċembru 2013 u fit‑22 ta’ Diċembru 2015, fir-rigward rispettivament tal-klawżoli ta’ parità wiesa’ u tal-klawżoli ta’ parità ristretta, deċiżjonijiet li, fl-aħħar mill-aħħar, ġew ikkonfermati mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) fid‑9 ta’ Jannar 2015 u minn dik tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) fit‑18 ta’ Mejju 2021. Issa, sa fejn, b’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju kellha, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104, tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-deċiżjonijiet u dawn is-sentenzi, hemm lok li jkun wieħed jistaqsi dwar in-neċessità li jsiru dawn id-domandi preliminari.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Santen, C‑673/18, EU:C:2020:531, punt 26 u l‑ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 27).

35

Isegwi li peress li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Santen, C‑673/18, EU:C:2020:531, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal,C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 28).

36

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Ir-risposta li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula tikkundizzjona b’mod ċar l-eżitu tal-kawża prinċipali.

37

F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura fil-kawża prinċipali tidher li taqa’, parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/104, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha. Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, it-talbiet prinċipali u l-kontrotalba li hija adita bihom ma jirrigwardawx biss il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli ta’ parità inkwistjoni jiksrux l-Artikolu 101 TFUE, iżda wkoll jekk ir-responsabbiltà tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax tiġi stabbilita minħabba d-dannu allegatament subit mill-konvenuti fil-kawża prinċipali minħabba tali klawżoli.

38

Issa, l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi li, meta azzjoni għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni titressaq quddiem il-qrati ta’ Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew ta’ qorti tal-appell ta’ Stat Membru ieħor ikunu jistgħu jiġu ppreżentati bħala prova prima facie tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

39

Minn dan jirriżulta li, anki jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju tiġi effettivament adita b’azzjoni għad-danni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, liema fatt għandu jiġi ddeterminat minnha, din il-qorti ma hijiex neċessarjament marbuta bil-konstatazzjonijiet dwar il-klawżoli ta’ parità tariffarja li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni jew fid-deċiżjonijiet sussegwenti tal-qrati Ġermaniżi. Il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jikkostitwixxu bidu ta’ prova tal-eżistenza ta’ ksur għalhekk ma jirrendix din it-talba għal deċiżjoni preliminari inammissibbli.

40

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk u sa fejn id-deċiżjonijiet definittivi adottati fil-Ġermanja huma ta’ natura li jkollhom impatt fuq l-evalwazzjoni li l-qorti nazzjonali għandha jkollha fir-rigward tal-konformità tal-klawżoli ta’ parità kontenzjużi, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu “huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali taħt l‑Artikolu 267 [TFUE]”.

41

Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari, kif jistabbilixxi l-punt 29 tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302), intużat ħażin mill-partijiet għall-finijiet li għalihom din kienet prevista. Anki jekk jitqies li l-għan aħħari tat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti tar-rinviju mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien li jiġu miġġielda d-deċiżjonijiet definittivi meħuda fil-Ġermanja li permezz tagħhom dawn il-klawżoli tqiesu li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom tiġi adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess.

42

Għalhekk ma jidhirx manifest li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domandi preliminari ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

43

Għaldaqstant, it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà għandu wkoll jiġi miċħud.

44

Fit-tielet lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż iqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax l-“interpretazzjoni” tat-Trattati u tal-atti tad-dritt sekondarju, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, iżda tirrigwarda fir-realtà l-“applikazzjoni” ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li tingħata risposta għall-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli ta’ parità tariffarja jikkostitwixxux restrizzjonijiet anċillari, li ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, b’mod astratt u indipendentement mill-kuntest fattwali, ġuridiku u ekonomiku li japplikaw għalih. Id-definizzjoni ta’ suq tal-prodotti inkwistjoni ma hijiex kunċett ġuridiku, iżda pjuttost teħtieġ evalwazzjoni fattwali.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet, mill-organi u mill-korpi tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-fatti li jkunu taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali u li tislet, minn dawn il-fatti, il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li jkollha tingħata mill-qorti tar-rinviju, u lanqas ma għandha tinterpreta l-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali kkonċernati (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Bouygues travaux publics et, C‑17/19, EU:C:2020:379, punti 5152).

46

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-artikolu, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Adita iktar preċiżament b’talbiet intiżi li jikklassifikaw l-aġir ta’ impriża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 101 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod definittiv jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih din taqa’, il-ftehim inkwistjoni jkollux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija tista’, madankollu, abbażi tal-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tagħha, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-interpretazzjoni tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ taqta’ l-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punti 5152 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punti 2829).

48

Minn dan isegwi li t-tielet motiv ta’ inammissibbiltà lanqas ma jista’ jintlaqa’.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

50

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ parità, kemm wesgħin kif ukoll ristretti, inklużi fil-ftehimiet konklużi bejn il-pjattaformi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online u l-fornituri ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni jevitaw l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minħabba li huma anċillari għall-imsemmija ftehimiet.

51

Skont ġurisprudenza stabbilita, jekk operazzjoni jew attività ddeterminata ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fuq livell ta’ kompetizzjoni, restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant wieħed jew iktar f’din l-operazzjoni jew attività ma tkunx koperta minn din il-projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni jew attività u tkun proporzjonata mal-għanijiet imfittxija minn xi waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 89; tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 69, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP– Energias de Portugal et, C‑331/21, EU:C:2023:812, punt 88).

52

B’hekk, meta ma jkunx possibbli li tissepara tali restrizzjoni tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali mingħajr ma tikkomprometti l-eżistenza u l-għan ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività, hemm lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mal-Artikolu 101 TFUE ta’ din ir-restrizzjoni konġuntament mal-kompatibbiltà tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali li tagħha tkun anċillari, u dan minkejja li, meħuda waħidha, tali restrizzjoni tkun tista’ tidher, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li taqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 90; tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 70, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP– Energias de Portugal et, C‑331/21, EU:C:2023:812, punt 89).

53

Sabiex restrizzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “anċillari”, għandu, l-ewwel nett, jiġi eżaminat jekk it-twettiq tal-operazzjoni prinċipali, li ma tkunx ta’ natura antikompetittiva, ikunx impossibbli fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni. Il-fatt li l-imsemmija operazzjoni sempliċement issir iktar diffiċli sabiex titwettaq, jew anki inqas profitabbli, fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni ma jistax jitqies li jagħti lil din ir-restrizzjoni n-natura “oġġettivament neċessarja” meħtieġa sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala anċillari. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun twassal sabiex dan il-kunċett jiġi estiż għal restrizzjonijiet li ma jkunux strettament indispensabbli għat-twettiq tal-operazzjoni prinċipali. Dan ir-riżultat jippreġudika l-effettività tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 91; tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 71, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP– Energias de Portugal et, C‑331/21, EU:C:2023:812, punt 90).

54

It-tieni nett, hemm lok, jekk ikun il-każ, li tiġi eżaminata l-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni mal-għanijiet li fuqhom hija bbażata l-operazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, sabiex jikkonfutaw in-natura anċillari ta’ restrizzjoni, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ alternattivi realistiċi, inqas restrittivi għall-kompetizzjoni mir-restrizzjoni inkwistjoni. Dawn l-alternattivi ma humiex limitati għas-sitwazzjoni li tirriżulta fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni, iżda jistgħu jestendu wkoll għal ipoteżijiet kontrafattwali oħra bbażati, b’mod partikolari, fuq sitwazzjonijiet realistiċi li jistgħu jseħħu fl-assenza tal-imsemmija restrizzjoni Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 107 sa 111).

55

Għandu jiġi ppreċiżat li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet anċillari” kif eżaminat fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE, u l-eżenzjoni bbażata fuq l-Artikolu 101(3) TFUE. B’differenza minn din tal-aħħar, il-kundizzjoni dwar in-neċessità oġġettiva, sabiex tiġi kklassifikata, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, restrizzjoni bħala “anċillari”, ma timplikax ibbilanċjar tal-effetti prokompetittivi u antikompetittivi ta’ ftehim. Fil-fatt, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 101(3) TFUE li dan l-ibbilanċjar jista’ jseħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 93).

56

F’dan il-każ, bħala prinċipju, hija biss il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha ppreżentati quddiemha, li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni anċillari jkunux issodisfatti. Hija tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2014/104, meta tiġi adita b’azzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tagħha, id-deċiżjonijiet finali meħuda minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn istanza tal-appell.

57

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet sabiex tiggwidaha fl-eżami tagħha tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-operazzjoni prinċipali.

58

Fil-fatt, tali eżami għandu, b’differenza minn dak meħtieġ fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-effetti prokompetittivi u antikompetittivi ta’ ftehim għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE, natura relattivament ġenerali u astratta li ma teħtieġx evalwazzjoni purament fattwali.

59

Fl-ewwel lok, jidher li l-operazzjoni prinċipali msemmija f’dan il-każ, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online mill-pjattaformi bħal Booking.com, kellha effett newtrali, jew pożittiv, fuq il-kompetizzjoni. Dawn is-servizzi jwasslu għal titjib sinjifikattiv fl-effiċjenza billi jippermettu, minn naħa, lill-konsumaturi jkollhom aċċess għal grupp kbir ta’ offerti ta’ akkomodazzjoni u li jqabblu b’mod sempliċi u mgħaġġel dawn l-offerti skont diversi kriterji u, min-naħa l-oħra, lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni jiksbu viżibbiltà ikbar kif ukoll li jżidu, b’dan il-mod, in-numru ta’ klijenti potenzjali.

60

Fit-tieni lok, ma huwiex stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-klawżoli ta’ parità tariffarja, minn naħa, huma oġġettivament neċessarji għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni prinċipali u, min-naħa l-oħra, huma proporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex minnha.

61

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-klawżoli ta’ parità wiesa’, li jipprojbixxu lil-lukandiera msieħba referenzjati fuq il-pjattaforma ta’ riżervazzjoni milli joffru, fuq il-mezzi ta’ bejgħ tagħhom stess jew fuq kanali ta’ bejgħ operati minn terzi, kmamar bi prezz inferjuri għal dak offrut fuq l-imsemmija pjattaforma, dawn ma jidhrux oġġettivament neċessarji u proporzjonati mal-operazzjoni prinċipali ta’ provvista ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online.

62

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li ma teżisti ebda rabta intrinsika bejn il-permanenza tal-attività prinċipali tal-pjattaforma ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi u l-impożizzjoni ta’ tali klawżoli, li evidentement jipproduċu effetti restrittivi sinjifikattivi. Tali klawżoli, minbarra l-fatt li huma ta’ natura li jnaqqsu l-kompetizzjoni bejn id-diversi pjattaformi ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi, jinvolvu riskji ta’ esklużjoni ta’ pjattaformi żgħar u ta’ pjattaformi ġodda.

63

L-istess japplika, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għall-klawżoli ta’ parità ristretta li jipprojbixxu biss lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni msieħba milli joffru lill-pubbliku fuq il-mezzi online tagħhom iljieli b’rata inferjuri għal dik offruta fuq il-pjattaforma ta’ riżervazzjoni tal-lukandi. Għalkemm dawn il-klawżoli tal-aħħar iwasslu, prima facie, għal effett inqas restrittiv tal-kompetizzjoni u li għandhom l-għan li jaffrontaw ir-riskju tal-parassitiżmu msemmi, b’mod partikolari, minn Booking.com fil-kawża prinċipali, ma jidhirx li dawn huma oġġettivament neċessarji sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tal-pjattaforma ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi.

64

Ċertament, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ġie sostnut li l-klawżoli ta’ parità huma intiżi li jipprekludu, minn naħa, lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni milli jużaw b’mod żleali u mingħajr korrispettiv is-servizzi u l-viżibbiltà offruta mill-pjattaforma ta’ riżervazzjoni tal-lukandi u, min-naħa l-oħra, li l-investimenti mwettqa fl-iżvilupp tal-funzjonijiet ta’ tfittxija u ta’ tqabbil ta’ din il-pjattaforma ma jkunux jistgħu jiġu ammortizzati.

65

Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “restrizzjoni anċillari”, li jiddetermina jekk restrizzjoni tkunx tista’ tevita l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE, ma għandhiex twassal li tinħoloq amalgamazzjoni bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex tiġi kklassifikata, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, restrizzjoni bħala “anċillari” u, min-naħa l-oħra, il-kriterju ta’ natura indispensabbli meħtieġa skont l-Artikolu 101(3) TFUE, sabiex restrizzjoni pprojbita tkun tista’ tibbenefika minn eżenzjoni.

66

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 51 sa 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta jkun meħtieġ li tiġi eżaminata n-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-operazzjoni prinċipali, ma tkunx kwistjoni li jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq inkwistjoni, tali restrizzjoni tkunx meħtieġa sabiex jiġi żgurat is-suċċess kummerċjali tal-operazzjoni prinċipali, iżda li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest partikolari ta’ din l-operazzjoni, ir-restrizzjoni inkwistjoni tkunx indispensabbli sabiex titwettaq l-imsemmija operazzjoni.

67

Il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni “anċillari”, li ma taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, fil-fatt ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja biss f’każijiet fejn it-twettiq tal-operazzjoni prinċipali kien neċessarjament kompromess fl-assenza ta’ tali restrizzjoni. Barra minn hekk, huma biss ir-restrizzjonijiet li kienu intrinsikament neċessarji sabiex l-operazzjoni prinċipali tkun tista’, fi kwalunkwe każ, titwettaq, li setgħu jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet anċillari”.

68

Dan kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni (42/84, EU:C:1985:327, punti 1920), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li klawżola ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni kienet oġġettivament neċessarja għat-twettiq ta’ trasferiment ta’ impriżi, sa fejn, fl-assenza ta’ tali klawżola, u meta l-bejjiegħ u x-xerrej jibqgħu f’kompetizzjoni wara t-trasferiment, jidher li l-ftehim ta’ trasferiment ta’ impriża ma setax jitwettaq. Fil-fatt, tqies li l-bejjiegħ, li jkun jaf b’mod partikolari l-partikolaritajiet tal-impriża ttrasferita, iżomm il-possibbiltà li jattira mill-ġdid lejh il-klijentela l-antika tiegħu immedjatament wara ċ-ċessjoni u li b’hekk jagħmel din l-impriża mhux vijabbli.

69

Dan kien ukoll il-każ ta’ ċerti restrizzjonijiet imsemmija fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia de Paris (161/84, EU:C:1986:41). F’dik is-sentenza, il-Qorti ddeċidiet li l-klawżoli tal-kuntratti ta’ eżenzjoni mid-distribuzzjoni li kienu indispensabbli biex is-sistema ta’ eżenzjonijiet tkun tista’ taħdem ma kinux jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Dan kien il-każ fir-rigward tal-klawżoli li kienu jipprekludu li n-know-how u l-assistenza mogħtija mill-bejjiegħ kienu ta’ benefiċċju għall-kompetituri. Bl-istess mod, klawżoli li jorganizzaw il-kontroll indispensabbli għall-preżervazzjoni tal-identità u tar-reputazzjoni tan-netwerk, li huwa ssimbolizzat mis-sinjal tal-bejjiegħ (punti 16 u 17 tal-imsemmija sentenza).

70

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fis-sentenza tad‑19 ta’ April 1988, Erauw-Jacquery (27/87, EU:C:1988:183, punt 11), li klawżola, inkluża fi ftehim dwar il-propagazzjoni u l-bejgħ taż-żrieragħ li waħda mill-partijiet tkun id-detentur jew il-mandatarju tad-detentur ta’ ċerti drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti, u li kienet tipprojbixxi lill-persuna liċenzjata milli tbigħ u tesporta żrieragħ bażiċi, kienet kompatibbli mal-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE), sa fejn din kienet neċessarja biex tippermetti lil dak li jkabbar jagħżel in-negozjaturi-preparaturi li jkunu ngħataw liċenzja.

71

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fis-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C‑250/92, EU:C:1994:413, punt 45) kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et (C‑399/93, EU:C:1995:434, punt 20), li ċerti restrizzjonijiet imposti fuq il-membri ta’ assoċjazzjoni kooperattiva tax-xiri jew ta’ soċjetà kooperattiva agrikola, bħal dawk li kienu jipprojbixxuhom milli jagħmlu parti minn forom oħra ta’ kooperazzjoni organizzata f’kompetizzjoni diretta magħha jew dawk li kienu jipprevedu sistema ta’ kumpens għall-waqfien mill-attività, ma kinux jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista issa fl-Artikolu 101(1) TFUE, peress li, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet statutorji inkwistjoni kienu limitati għal dak li kien neċessarju sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-kooperattiva inkwistjoni u sabiex tiġi sostnuta s-setgħa kuntrattwali tagħha fir-rigward tal-produtturi.

72

F’dan il-każ, il-fatt li l-assenza tal-klawżoli ta’ parità tariffarja imposti mill-pjattaforma ta’ riżervazzjoni tal-lukandi jista’ eventwalment ikollha konsegwenzi negattivi fuq il-profittabbiltà tas-servizzi offruti minn din il-pjattaforma ma jimplikax, fih innifsu, li dawn il-klawżoli għandhom jitqiesu li huma oġġettivament neċessarji. Tali ċirkustanza, jekk tiġi stabbilita, tidher li tkun relatata mal-mudell kummerċjali segwit mill-pjattaforma ta’ riżervazzjoni online, li, b’mod partikolari, għażlet limitazzjoni tal-livell tal-kummissjonijiet dovuti mill-fornituri ta’ akkomodazzjoni affiljati sabiex iżżid il-volum tal-offerti ppreżentati fuq din il-pjattaforma u li ssaħħaħ l-effetti tan-network indiretti li dan jiġġenera.

73

Barra minn hekk, il-fatt, jekk jitqies li huwa minnu, li l-klawżoli ta’ parità tariffarja għandhom it-tendenza li jiġġieldu kontra fenomeni eventwali ta’ parassitiżmu u huma indispensabbli sabiex tiġi ggarantita żieda fl-effiċjenza jew sabiex jiġi żgurat is-suċċess kummerċjali tal-operazzjoni prinċipali ma jippermettux li dawn jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet anċillari”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Dan il-fatt jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE.

74

Għalkemm huwa relattivament astratt, l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-operazzjoni prinċipali jista’, b’mod partikolari, jibbaża ruħu fuq analiżi kontrofattwali li tippermetti li jiġi eżaminat b’liema mod is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online kienu jiffunzjonaw fl-assenza tal-klawżola ta’ parità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 164). Issa, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja li l-klawżoli ta’ parità, kemm wiesa’ kif ukoll ristretti, ġew ipprojbiti f’diversi Stati Membri, il-provvista tas-servizzi minn Booking.com ma ġietx kompromessa.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ parità, kemm wiesa’ kif ukoll ristretti, inklużi fil-ftehimiet konklużi bejn il-pjattaformi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online u l-fornituri ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni ma jevitawx l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għar-raġuni li huma anċillari għall-imsemmija ftehimiet.

Fuq it‑tieni domanda

76

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 330/2010, jiġi ddefinit is-suq ta’ prodotti rilevanti f’sitwazzjoni li fiha pjattaforma ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi sservi ta’ intermedjarju fi tranżazzjonijiet konklużi bejn fornituri ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni u konsumaturi.

77

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 330/2010, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 tiegħu tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq miżmum mill-fornitur ma jaqbiżx 30 % tas-suq inkwistjoni li fih ibiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u li s-sehem mis-suq miżmum mix-xerrej ma jaqbiżx 30 % tas-suq inkwistjoni li fih jixtri l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

78

Il-limitu ta’ sehem mis-suq previst f’din id-dispożizzjoni huwa intiż, kif tikkonferma l-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, li jillimita l-benefiċċju tal-eżenzjoni skont il-kategorija previst mill-imsemmi regolament għall-ftehimiet vertikali li tagħhom ikun jista’ jiġi preżunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE. Kif tgħid il-premessa 9 ta’ dan l-istess regolament, lil hinn mil-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %, ma huwiex possibbli li jiġi preżunt li l-ftehimiet vertikali li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) TFUE ġeneralment iwasslu għal vantaġġi oġġettivi ta’ natura u ta’ daqs li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li dawn il-ftehimiet jipproduċu fuq il-kompetizzjoni.

79

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju telqet mill-premessa li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mill-klawżoli ta’ parità tariffarja inkwistjoni jagħmlu parti minn “ftehim vertikali”, li, skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 330/2010, huwa ddefinit bħala “akkordju [ftehim]jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi”.

80

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna biss tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-elementi ta’ interpretazzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti meta jkunu inkwistjoni, bħal fil-kawża prinċipali, servizzi ta’ intermedjazzjoni online, filwaqt li jiġi ppreċiżat li tali definizzjoni, li teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kif ukoll l-istruttura tad-domanda u tal-offerta fis-suq ikkonċernat, tiddependi ħafna fuq eżami fattwali fil-fond li hija biss il-qorti tar-rinviju li tista’ twettaq. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li din tal-aħħar ipprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja biss ftit elementi u li, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tipproċedi għal definizzjoni rigoruża tas-suq tal-prodotti inkwistjoni.

81

Kif stabbilit kemm fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal‑1997 tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1997, Vol. 372, p. 5) kif ukoll fil-punt 6 tal-Komunikazzjoni riveduta tal‑2024 tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ĠU 2024, C 1645, p. 1), id-definizzjoni tas-suq tippermetti li jiġi identifikat u ddefinit il-perimetru li fih tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni bejn l-impriżi.

82

Fir-rigward tas-suq ta’ prodotti, l-uniku wieħed inkwistjoni fil-kuntest ta’ din id-domanda, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “suq rilevanti” jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippreżupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà fid-dawl tal-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jagħmlu parti mill-istess suq. L-interkambjabbiltà jew is-sostitwibbiltà ma jiġux evalwati biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tad-domanda u tal-offerta fis-suq (sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann‑La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 51, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑30 ta’ Jannar 2020 Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 129).

83

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’mod definittiv jekk, kif ġie deċiż fil-kuntest tal-proċeduri mibdija fil-Ġermanja, is-suq ta’ prodotti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq previst mir-Regolament Nru 330/2010 kienx is-“suq tal-pjattaformi ta’ lukandi”, iddefinit bħala s-suq li fih il-pjattaformi ta’ lukandi online joffru servizzi ta’ intermedjazzjoni lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni, jew jekk is-suq inkwistjoni huwiex usa’ minn dak tal-portali ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi.

84

F’dan ir-rigward, kif jindika l-punt 95 tal-komunikazzjoni riveduta ċċitata fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, fil-preżenza ta’ pjattaformi multifaċċali, huwa possibbli li jiġi ddefinit suq ta’ prodotti inkwistjoni għall-prodotti offruti minn pjattaforma kollha kemm hi, b’mod li jinkludi l-gruppi kollha (jew diversi gruppi) ta’ utenti; jew inkella swieq tal-prodotti rilevanti distinti (għalkemm relatati ma’ xulxin) għall-prodotti offruti fuq kull naħa tal-pjattaforma. Skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, jista’ jkun aktar xieraq li jiġu ddefiniti swieq separati meta jkun hemm differenzi sinjifikattivi fil-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni fuq id-diversi naħat tal-pjattaforma. Sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux tali differenzi, jistgħu jitqiesu fatturi bħall-fatt li l-impriżi li joffru prodotti sostitwibbli għal kull grupp ta’ utent ivarjaw, il-grad ta’ differenzjazzjoni fuq kull naħa (jew il-perċezzjoni li kull grupp ta’ utenti jkollu tagħhom), il-fatturi komportamentali bħad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-akkomodazzjoni ta’ kull grupp ta’ utenti u n-natura tal-pjattaforma.

85

Sabiex jiġi ddeterminat is-sehem mis-suq miżmum minn Booking.com bħala fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online għall-fornituri ta’ akkomodazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 330/2010, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk tipi oħra ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni u kanali ta’ bejgħ oħra humiex sostitwibbli għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni mill-perspettiva tat-talba, minn naħa, tal-fornituri ta’ akkomodazzjoni ta’ dawn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-klijenti finali.

86

Il-Qorti tar-rinviju għandha għalhekk, sabiex tiddetermina s-suq rilevanti, tivverifika jekk teżistix konkretament sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-kanali l-oħra ta’ bejgħ, indipendentement mill-fatt li dawn il-kanali jkollhom karatteristiċi differenti u ma jkunux joffru l-istess funzjonalitajiet ta’ tiftix u ta’ paragun tal-offerti ta’ servizzi ta’ lukandi.

87

F’din il-perspettiva, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jkunu ġew ippreżentati lilha.

88

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċeduri mibdija fil-Ġermanja, li taw lok għal din il-kawża, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), fid-deċiżjoni tagħha tat‑18 ta’ Mejju 2021, ikkonfermat l-evalwazzjonijiet imwettqa kemm mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) kif ukoll mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. Hija b’hekk ikkonfermat il-konklużjoni li s-suq ta’ prodotti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq tar-Regolament Nru 330/2010 kien is-suq tal-pjattaformi ta’ lukandi, iddefinit bħala s-suq li fih il-pjattaformi tal-lukandi online joffru servizzi ta’ intermedjazzjoni lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni.

89

Għalkemm l-evalwazzjonijiet tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni u tal-istanzi ta’ appell fil-Ġermanja dwar id-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 330/2010 ma humiex relatati stricto sensu ma’ deċiżjonijiet definittivi li jikkonstataw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li, konformement mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2014/104, jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali tal-inqas bħala prova prima facie ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-evalwazzjonijiet, meta jirrigwardaw l-istess suq ġeografiku, jagħmlu parti mill-elementi ta’ kuntest partikolarment rilevanti.

90

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tali definizzjoni tas-suq, li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-“servizzi kuntrattwali” offruti mill-OTA kemm mill-perspettiva tal-fornituri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll mill-perspettiva tal-klijenti finali, hijiex ikkaratterizzata minn xi żball ta’ analiżi jew hijiex ibbażata fuq konstatazzjonijiet żbaljati.

91

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 330/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn pjattaforma ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online sservi ta’ intermedjarju fi tranżazzjonijiet konklużi bejn stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni u konsumaturi, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limiti tal-ishma tas-suq previsti f’din id-dispożizzjoni teħtieġ eżami konkret tas-sostitwibbiltà, mill-perspettiva tal-offerta u tad-domanda, bejn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-kanali l-oħra ta’ bejgħ.

Fuq l‑ispejjeż

92

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 101(1) TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

klawżoli ta’ parità, kemm wiesa’ kif ukoll ristretti, inklużi fil‑ftehimiet konklużi bejn il-pjattaformi ta’ riżervazzjoni tal‑lukandi online u l-fornituri ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni ma jevitawx l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għar‑raġuni li huma anċillari għall-imsemmija ftehimiet.

 

2)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal‑20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

f’sitwazzjoni fejn pjattaforma ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online sservi ta’ intermedjarju fi tranżazzjonijiet konklużi bejn stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni u konsumaturi, id‑definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-limiti tal-ishma tas-suq previsti f’din id‑dispożizzjoni teħtieġ eżami konkret tas-sostitwibbiltà, mill‑perspettiva tal-offerta u tad-domanda, bejn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-kanali l-oħra ta’ bejgħ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.