SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
12 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikoli 1, 4 u 7 – Direttiva 2011/95/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikoli 2 u 3 – Protezzjoni nazzjonali għal raġunijiet umanitarji – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 14 – Impossibbiltà li ssir it-tneħħija – Attestazzjoni – Drittijiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fil-każ ta’ posponiment tat-tneħħija – Direttiva 2013/33/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza”
Fil-Kawża C‑352/23 [Changu] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura
LF
vs
Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn O. Spineanu‑Matei, Presidenta tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tad-Disa’ Awla, u S. Rodin, Imħallef,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal LF, minn V. B. Ilareva u M.R. Miteva kif ukoll V.V. Petkov u K. Stoyanov, advokati, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, J. Hottiaux, A. Katsimerou u E. Rousseva, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”), tal-Artikolu 2(h) u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LF u d-Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, il-Bulgarija) (iktar il quddiem id-“DAB”) dwar deċiżjoni lirrifjutat li tagħtih l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll l-“istatus umanitarju”. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2008/115/KE008/115
|
3 |
Il-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115 tipprovdi: “Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. Il-kondizzjonijiet bażiċi tagħhom ta’ sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Sabiex ikunu jistgħu jippruvaw is-sitwazzjoni speċifika tagħhom f’każ ta’ kontrolli jew verifiki amministrattivi, dawn il-persuni għandhom jiġu pprovduti b’konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom igawdu diskrezzjoni wiesgħa dwar il-forma u l-format tal-konferma bil-miktub u għandhom ukoll ikunu jistgħu jinkluduha f’deċiżjonijiet relatati mar-ritorn adottati taħt din id-Direttiva.” |
|
4 |
L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:
|
|
5 |
L-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li: “L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 8(1) u (2) tal-istess direttiva: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7. 2. Jekk l-Istat Membru jkun ta perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7, id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi nfurzata biss wara li l-perijodu jkun intemm, sakemm ma jirriżultax riskju matul dan il-perijodu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).” |
|
7 |
L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:
2. L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jieħdu kont ta’:
|
|
8 |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 konferma bil-miktub skond il-leġislazzjoni nazzjonali li l-perijodu għat-tluq volontarju ġie estiż skond l-Artikolu 7(2) jew li d-deċiżjoni ta’ ritorn mhix ser tiġi infurzata temporanjament.” |
Id‑Direttiva 2011/95
|
9 |
Il-premessi 14 u 15 tad-Direttiva 2011/95 tipprovdi:
|
|
10 |
Skont l-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” jinftiehem, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala li huwa t-“talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha”. |
|
11 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.” |
Id‑Direttiva 2013/32/UE
|
12 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
|
|
13 |
L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.” |
|
14 |
L-Artikolu 41(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni mid-dritt li jibqa’ fit-territorju fejn persuna:
L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni bħal din, biss meta l-awtorità determinanti tqis li deċiżjoni ta’ ritorn mhijiex se twassal għar-refoulement diretta jew indiretta fi ksur tal-obbligi ta’ dak l-Istat Membru taħt il-liġi internazzjonali u l-liġi tal-Unjoni.” |
|
15 |
L-Artikolu 46(5) u (6) tal-istess direttiva jipprovdi: “5. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju. 6. Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:
[…] qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal-applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.” |
Id‑Direttiva 2013/33
|
16 |
L-Artikolu 20(1) u (5) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), jipprevedi: “1. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu jew, f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, jirtiraw kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza fejn applikant: […]
[…] 5. Deċiżjonijiet għal tnaqqis jew irtirar ta’ kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza jew sanzjonijiet li jirreferu għalihom il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu b’mod individwali, oġġettiv u imparzjali u għandhom jingħataw raġunijiet. Deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata, b’mod speċjali fir-rigward ta’ persuni koperti bl-Artikolu 21, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-Istati Membri għandhom fiċ-ċirkostanzi kollha jiżguraw aċċess għal kura tas-saħħa skont l-Artikolu 19 u għandhom jiżguraw standard tal-ħajja dinjituż għall-applikanti kollha.” |
Id‑dritt Bulgaru
Iż-ZUB
|
17 |
L-Artikolu 8(1) taż-Zakon za ubezhichteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-“ZUB”) jipprovdi: “L-istatus ta’ refuġjat fir-Repubblika tal-Bulgarija jingħata lil ċittadin barrani li, filwaqt li jibża’ bir-raġun li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li, għal dawn ir-raġunijiet, ma jistax jew ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż jew jirritorna fih.” |
|
18 |
L-Artikolu 9 ta’ din il-liġi jipprevedi: “1. L-istatus umanitarju jingħata lil ċittadin barrani li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u li ma jkunx jista’ jew ma jkunx jixtieq jikseb il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu għaliex jista’ jkun espost għal riskju reali ta’ dannu serju, bħal:
[…] 8. Status umanitarju jista’ jingħata wkoll għal raġunijiet umanitarji oħra kif ukoll għar-raġunijiet indikati fil-konklużjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.” |
Iż-ZChRB
|
19 |
L-Artikolu 44 taż-Zakon za chuzhdentsite v Republika Balgaria (il-Liġi dwar il-Barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija, iktar ’il quddiem iż-“ZChRB”) jipprovdi: “1. Meta t-tkeċċija jew ir-ritorn immedjat taċ-ċittadin barrani jkunu impossibbli jew meta l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri jkollha tiġi posposta għal raġunijiet legali jew tekniċi, l-awtorità li tkun ħadet il-miżura amministrattiva koersiva għandha tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm jitneħħew l-ostakoli għall-eżekuzzjoni tagħha. 2. Meta, fl-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni temporanja previst miż-[ZUB], it-tkeċċija jew ir-ritorn taċ-ċittadin barrani tkun impossibbli jew meta l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri jkollha tiġi posposta għal raġunijiet sanitarji jew umanitarji, l-awtorità li tkun ħadet il-miżura amministrattiva koersiva għandha tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm jitneħħew l-ostakoli għall-eżekuzzjoni tagħha.” |
|
20 |
Skont il-punt 16 tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-ZChRB, ikunu jeżistu “raġunijiet umanitarji” meta n-nuqqas ta’ ammissjoni jew it-tluq mit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija ta’ ċittadin barrani joħloq riskju serju għal saħħtu jew għal ħajtu minħabba ċirkustanzi oġġettivi jew għall-integrità tal-familja tiegħu, jew meta l-aħjar interess tal-familja jew tal-wild ikun jeżiġi li jiġi ammess jew jibqa’ fit-territorju tal-pajjiż. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
21 |
LF huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, maġġorenni, li ilu jirrisjedi fil-Bulgarija sa mill‑1996. Huwa ppreżenta, mingħajr suċċess, diversi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u kien is-suġġett ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ ritorn, li qatt ma ġew infurzati. |
|
22 |
Fit‑13 ta’ April 2021, LF ippreżenta ħdax-il applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali filwaqt li sostna, b’mod partikolari, li huwa kien għadda parti kbira minn ħajtu fil-Bulgarija u li, minħabba l-lakuna legali tas-soġġorn tiegħu f’dan l-Istat Membru, huwa ma kellux aċċess la għal assigurazzjoni għall-mard u lanqas għal monitoraġġ tas-saħħa. Huwa argumenta wkoll li l-istat ta’ saħħa tiegħu partikolarment degradat kien ipprekludih milli jivvjaġġa b’mod normali u li vjaġġi twal setgħu jipperikolaw ħajtu. |
|
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ April 2021, id-DAB, l-awtorità determinanti fil-Bulgarija, ċaħdet it-talba għal LF. Ġie deċiż li r-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha kellu jiġi żgurat permezz tal-awtorità nazzjonali kompetenti għar-ritorn jew tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM). |
|
24 |
Din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, li saret definittiva, minħabba, minn naħa, li LF kien invoka l-prinċipju ta’ non-refoulement, li kien applikabbli għalih fid-dawl tal-allegazzjonijiet tiegħu li vjaġġi twal kienu jipperikolawlu ħajtu u, min-naħa l-oħra, li l-ksur ta’ tali prinċipju jikkostitwixxi raġuni għall-għoti tal-istatus umanitarju, previst fil-punt 2 tal-Artikolu 9(1) taż-ZUB. |
|
25 |
Wara dan l-annullament, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ LF ġiet irreġistrata fit‑30 ta’ Diċembru 2021. Dan esprima x-xewqa tiegħu li jinżamm f’ċentru ta’ reġistrazzjoni u ta’ akkoljenza (hotspot) tad-DAB, peress li ma kienx f’pożizzjoni li jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tiegħu. |
|
26 |
Fl‑10 ta’ Awwissu 2022, id-DAB adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija rrifjutat li tagħti lil LF l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll l-istatus umanitarju. |
|
27 |
Din l-awtorità qieset li r-raġunijiet invokati minn LF, minn naħa, ma kinux jiġġustifikaw biża’ fondata ta’ persekuzzjoni jew riskju reali ta’ dannu serju, fis-sens tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 9(1) taż-ZUB, u, min-naħa l-oħra, ma setgħux jikkostitwixxu raġunijiet għall-kisba tal-istatus umanitarju, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 9(8) ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, l-imsemmija awtorità indikat li d-diversi kundanni kriminali li LF kien suġġett għalihom enfasizzaw in-nuqqas ta’ integrazzjoni tiegħu fis-soċjetà Bulgara u l-aġir reċidiv tiegħu. Barra minn hekk, hija qieset li r-residenza fit-tul ta’ LF fil-Bulgarija u l-impossibbiltà li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ma kinux jikkostitwixxu raġuni għal protezzjoni skont iż-ZUB, iżda setgħu jiġġustifikaw biss talba għal status amministrattiv skont iż-ZChRB. |
|
28 |
LF ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
29 |
Dik il-qorti tqis, fl-ewwel lok, li LF ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 8(1) taż-ZUB jew sabiex jibbenefika mill-istatus umanitarju skont l-Artikolu 9(1) ta’ din il-liġi. Madankollu, fid-dawl tat-tul kunsiderevoli tar-residenza ta’ LF fil-Bulgarija, jiġifieri iktar minn 26 sena, li matulu huwa ma kellu ebda dokument ta’ identità u ta’ spiss ġie mċaħħad mill-garanziji neċessarji sabiex jiġi żgurat lilu livell ta’ għajxien dinjituż, bi ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115, is-sitwazzjoni tiegħu tkun paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni fis-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218), u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219), kif ukoll fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609). |
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod iktar partikolari, li l-awtoritajiet Bulgari ma kkonformawx ruħhom mal-obbligu tagħhom, li jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, li jipproċedu għat-tneħħija ta’ LF mill-iktar fis possibbli. |
|
31 |
Din il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni taż-ZChRB li tippermetti l-għoti ta’ dritt ta’ residenza lil LF għal raġunijiet umanitarji u fl-assenza ta’ obbligu għall-Istati Membri li jintroduċu tali dispożizzjoni taħt l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, il-fatt li l-awtoritajiet Bulgari ma rrikonoxxewx is-sitwazzjoni partikolari ta’ LF, jekk jiġi preżunt li dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta, jaqa taħt ir-“raġunijiet imperattivi umanitarji” li jiġġustifikaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(8) taż‑ZUB konformement mal-premessa 15 u mal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95. |
|
32 |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-imsemmija qorti tistaqsi wkoll jekk għandhiex tingħata protezzjoni sussidjarja, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, abbażi tal-Artikolu 9(8) taż-ZUB, jew dritt ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115. |
|
33 |
Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tenfasizza li ebda dispożizzjoni taż-ZChRB ma tipprevedi d-dritt għal LF li jingħata konferma bil-miktub tas-sitwazzjoni tiegħu, kuntrarjament għal dak li tistabbilixxi l-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115 u għal dak li tipprevedi l-Artikolu 14(2) tagħha. |
|
34 |
Fil-każ ineżami, l-applikazzjoni fil-konfront ta’ LF taż-ZChRB u tad-Direttiva 2008/115 sempliċement imponiet fuqu żewġ deċiżjonijiet ta’ ritorn, datati s‑26 ta’ Settembru 2005 u d‑9 ta’ Awwissu 2017, li ma ġewx infurzati. Xejn ma jindika li din l-assenza ta’ implimentazzjoni hija spjegata minn ostakoli għall-eżekuzzjoni tagħhom jew għal raġunijiet sanitarji jew umanitarji. |
|
35 |
Skont il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2008/115 ma tiddeterminax il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li l-infurzar tat-tneħħija jikser id-dritt taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ klawżola umanitarja nazzjonali adottata konformement mal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, ksur tal-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tagħha, ma jistax ikollu l-effett li jimponi fuq Stat Membru l-obbligu li jagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz. |
|
36 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa biss l-Artikolu 9(8) taż-ZUB li jirregola l-għoti lil ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ permess ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji. Madankollu, dik il-qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-leġiżlatur Bulgaru qies b’mod żbaljat li l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal “raġunijiet umanitarji” kellu jiġi rregolat miż-ZUB, li għandha l-għan prinċipali li tittrasponi fid-dritt Bulgaru d-Direttiva 2011/95. |
|
37 |
Fil-fatt, din il-qorti tqis li, minn naħa, anki jekk, fid-dritt Bulgaru, il-protezzjoni sussidjarja hija indikata wkoll mill-espressjoni “status umanitarju”, ir-“raġunijiet umanitarji”, imsemmija fl-Artikolu 9(8) taż-ZUB, ma jidhrux rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hemmx lok li jingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, kif irregolata mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 u mill-Artikolu 9(1) taż-ZUB. Min-naħa l-oħra, skont il-premessa 12 u l-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal tali raġunijiet umanitarji huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
|
38 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni ta’ LF timponi interpretazzjoni wiesgħa tal-unika possibbiltà li tiġi applikata, fid-dritt nazzjonali, “dispożizzjoni umanitarja” konformi mad-drittijiet fundamentali msemmija fl-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta. |
|
39 |
Kieku l-Artikolu 9(8) taż-ZUB kellu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95, is-sitwazzjoni legali ta’ LF tkun tista’ tiġi evalwata fid-dawl mhux tal-eventwali ritorn tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda tas-sitwazzjoni tiegħu fil-Bulgarija, inkluż billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tas-soġġorn tiegħu f’dan l-Istat Membru u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu. |
|
40 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għaldaqstant jekk, minkejja r-riżerva dwar l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ standards iktar favorevoli, li tinsab fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 2(2)(h) ta’ din id-direttiva jippermettix li tingħata protezzjoni “għal raġunijiet imperattivi umanitarji”, mingħajr rabta man-natura u mar-raġunijiet tal-imsemmija direttiva, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li, bħal LF, irrisjeda fi Stat Membru għal iktar minn 26 sena, mingħajr konferma bil-miktub tal-istatus legali tiegħu u mingħajr il-possibbiltà li jikseb permess ta’ residenza “għal raġunijiet umanitarji”. |
|
41 |
Skont din il-qorti, id-drittijiet għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, għall-ħajja, għall-integrità u għas-saħħa, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 1, 2, 3 u 35 tal-Karta, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti, imsemmija fl-Artikolu 4 tagħha, jipprekludu li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment u li t-tneħħija tiegħu tkun ġiet sospiża de facto jiċċaħħad, sakemm jiġi eżaminat ir-rikors tiegħu, minn kopertura tal-bżonnijiet bażiċi tiegħu. |
|
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel, it‑tielet u l‑ħames domanda
|
43 |
Permezz tal-ewwel, tat-tielet u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-premessa 15 u l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji li ma għandhom ebda rabta man-natura, mal-bażi u mal-għanijiet tal-protezzjoni internazzjonali msemmija mill-imsemmija direttiva. |
|
44 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-premessa 14 tagħha, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu standards li jtaffu l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr stat, bil-kundizzjoni li dawn l-istandards ikunu kompatibbli ma’ din id-direttiva. Għaldaqstant, tali standards ma għandhomx jippreġudikaw l-istruttura ġenerali jew l-għanijiet tal-imsemmija direttiva. Huma partikolarment ipprojbiti standards intiżi sabiex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet nieqsa minn kull rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja) (C‑91/20, EU:C:2021:898, punti 39 u 40). |
|
45 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni, fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), li l-formulazzjoni tagħha kienet identika għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, li din id-dispożizzjoni kienet tipprekludi li Stat Membru jagħti l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr Stat minħabba trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, li jseħħ fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, peress li tali sitwazzjoni ma għandhiex rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punti 33, 43 u 44). |
|
46 |
Għaldaqstant, l-għoti ta’ dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax ikun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 meta tali dritt ta’ residenza jkun iġġustifikat mis-sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali li fiha dan iċ-ċittadin ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, anki jekk din is-sitwazzjoni tkun tant serja li tkun tista’ tiġi assimilata ma’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
47 |
Fit-tieni lok, għandu madankollu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” bħala l-applikazzjoni magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja, u fejn l-applikant ma jitlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, li tippreċiża li ċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji tal-Istati Membri għal raġunijiet li ma humiex minħabba l-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali, iżda fuq bażi diskrezzjonali abbażi ta’ kumpassjoni jew raġunijiet umanitarji, ma jagħmlux parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
|
48 |
Minn dan isegwi li, minkejja l-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 2011/95 ma tipprojbixxix lil Stat Membru milli jagħtu protezzjoni nazzjonali mogħnija bi drittijiet li jippermettu lill-persuni li ma jibbenefikawx mill-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja milli jirrisjedu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, peress li l-għoti ta’ tali protezzjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 116 sa 118, kif ukoll tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 61). B’hekk, Stat Membru jista’ jagħti, skont id-dritt nazzjonali tagħhom biss, dritt ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu fi stat ta’ deprivazzjoni materjali estrema fit-territorju tagħhom. |
|
49 |
Madankollu, taħt piena ta’ ksur tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/95, din il-protezzjoni nazzjonali ma għandhiex madankollu tkun tista’ tiġi konfuża mal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, fis-sens ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant hemm bżonn li l-istandards li jagħtu din il-protezzjoni nazzjonali jippermettu li ssir distinzjoni ċara bejn l-imsemmija protezzjoni mill-protezzjoni mogħtija skont l-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 119 u 120). |
|
50 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha dritt ta’ residenza għal finijiet umanitarji jista’, jekk ikun il-każ, jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tippermettix li ssir distinzjoni ċara bejn l-istatus li jirriżulta minn tali dritt ta’ residenza u l-istatus mogħti skont id-Direttiva 2011/95. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li d-dritt nazzjonali jikklassifika bl-istess mod is-sistema li tirriżulta mill-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, minn naħa, u s-sistema li tirriżulta minn din il-protezzjoni nazzjonali, min-naħa l-oħra, ma jippermettix, waħdu, li jitqies li dawn iż-żewġ sistemi ma jistgħux ikunu suffiċjentement distinti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 119 u 120). Huwa lanqas ma jippermetti li jitqies li l-imsemmija skemi ma jistgħux ikunu suffiċjentement distinti mill-fatt li l-leġiżlazzjoni dwar tali protezzjoni nazzjonali tinsab fost id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar, bħala prinċipju, il-protezzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2011/95. |
|
52 |
Madankollu, meta, kif jidher li huwa l-każ hawnhekk, is-sistema li tirriżulta mill-protezzjoni nazzjonali tkun prevista mill-istess leġiżlazzjoni bħal dik li tittrasponi d-Direttiva 2011/95 u li din is-sistema tkun, barra minn hekk, ikklassifikata mil-leġiżlatur nazzjonali bl-istess mod bħas-sistema li tirriżulta mill-protezzjoni sussidjarja, l-istandards li jagħtu tali protezzjoni nazzjonali ma jistgħux jitqiesu li jippermettu li ssir distinzjoni ċara bejn din il-protezzjoni u dik mogħtija taħt din id-direttiva jekk l-istatus li jirriżulta minn din is-sistema nazzjonali jkun, barra minn hekk, sostanzjalment l-istess bħall-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, kif stabbilit mill-imsemmija direttiva. |
|
53 |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi biss li applikazzjoni li permezz tagħha ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jitolbu espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni ma tikkostitwixxix applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta d-dritt nazzjonali jippermetti li jintalab dan it-tip ieħor ta’ protezzjoni permezz ta’ applikazzjoni separata. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tipprekludi li awtorità nazzjonali, wara li tkun ċaħdet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tagħti dritt ta’ residenza abbażi ta’ protezzjoni li tirriżulta esklużivament mid-dritt nazzjonali. |
|
54 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel, għat-tielet u għall-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li Stat Membru jagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz għal raġunijiet li ma għandhom ebda rabta mal-istruttura ġenerali u mal-għanijiet ta’ din id-direttiva sa fejn dan id-dritt ta’ residenza jkun distint b’mod ċar mill-protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt l-imsemmija direttiva. |
Fuq it‑tieni domanda
|
55 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-premessa 12 ta’ din id-direttiva u mal-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li ma jkunx f’pożizzjoni li jipproċedi għat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-termini stabbiliti konformement mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandu joħroġ lil dan iċ-ċittadin konferma bil-miktub tal-fatt li, minkejja li huwa jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, id-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah ma tkunx ser tiġi infurzata temporanjament. |
|
56 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, din tal-aħħar tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, ladarba ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bħala prinċipju, jiġi suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minn din id-direttiva għar-ritorn tiegħu, u dan sakemm ir-residenza tiegħu ma tkunx, skont il-każ, ġiet irregolarizzata (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis Terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Għaldaqstant, sa fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet adottata fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’osservanza tal-garanziji materjali u proċedurali li d‑Direttiva 2008/115 tistabbilixxi, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat jipproċedi bit-tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punti 79 u 80, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis Terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, b’deroga mill-obbligu li ssir it-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fit-termini stabbiliti konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jġiegħel jew jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat, jew li jġiegħlu, jipposponi din it-tneħħija f’ċerti każijiet. |
|
59 |
Hekk kif tikkonfermat il-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment li t-tkeċċija tiegħu tkun posposta jibqa’ għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mill-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li dan iċ-ċittadin jibbenefika minn ċerti prerogattivi sakemm isseħħ it-tneħħija tiegħu. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2008/115 jimponi fuq l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan iċ-ċittadin ikun jirrisjedi irregolarment l-obbligu li jagħtih, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, konferma bil-miktub li d-deċiżjoni ta’ ritorn li huwa s-suġġett tagħha ma tkunx ser tiġi infurzata temporanjament. |
|
61 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li ma jkunx f’pożizzjoni li jipproċedi għat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-termini stabbiliti konformement mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandu joħroġ lil dan iċ-ċittadin konferma bil-miktub tal-fatt li, minkejja li huwa jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, id-deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah ma tkunx ser tiġi infurzata temporanjament. |
Fuq ir‑raba’ u s‑sitt domanda
|
62 |
Permezz tar-raba’ u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta, moqrija flimkien mad-Direttiva 2008/115, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jkun obbligat jagħti, għal raġunijiet imperattivi umanitarji, dritt ta’ residenza, jekk ikun il-każ abbażi tal-protezzjoni internazzjonali, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun irrisjeda fit-tul fit-territorju tiegħu mingħajr status stabbilit u li jkun attwalment jirrisjedi hemmhekk b’mod irregolari. |
|
63 |
Fl-ewwel lok, huwa importanti li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, sa fejn hija kkonċernata l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss, fejn din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet. Meta, min-naħa l-oħra, sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2024, Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova et, C‑58/22, EU:C:2024:70, punt 40). |
|
64 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u li jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk tali sitwazzjoni tinvolvix, skont l-Artikoli 1, 4 jew 7 tal-Karta, l-għoti ta’ dritt ta’ residenza lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. |
|
65 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta, l-ewwel nett, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jikseb il-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, b’tali mod li din id-direttiva ma tapplikax għas-sitwazzjoni tiegħu. |
|
66 |
It-tieni nett, sakemm ma jistax jinvoka permess ta’ residenza ieħor fit-territorju Bulgaru, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jaqa’, min-naħa l-oħra, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, minħabba li huwa ilu jirrisjedi f’dan it-territorju b’mod irregolari, sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, li kontriha huwa ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális IgazgatóságC‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 209 u 210). Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni. |
|
67 |
Madankollu, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li Stat Membru jagħti permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tiegħu. Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni sempliċement tippermetti lill-Istati Membri jagħtu, għal raġunijiet ta’ kompassjoni jew umanitarji, dritt ta’ residenza, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, u mhux tad-dritt tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punti 85 u 86). |
|
68 |
Issa, konformement mal-Artikolu 51(2) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jestendux il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, skont l-Artikoli 1, 4 jew 7 tal-Karta, Stat Membru jista’ jkun obbligat jagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tkeċċija – Kannabis Terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 87). Il-perijodu ftit jew wisq twil tar-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
|
69 |
It-tielet nett, anki jekk jinsab f’residenza irregolari fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ċittadin ta’ pajjiż terz imqiegħed f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33 sakemm il-qorti tar-rinviju ma tkunx tat deċiżjoni dwar ir-rikors li huwa ppreżenta kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 207 u 208). |
|
70 |
Issa, skont l-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali huma awtorizzati, bla ħsara għall-każijiet previsti fl-Artikolu 41(1) u fl-Artikolu 46(6) ta’ din id-direttiva, li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sal-eżitu tal-azzjoni li jkunu ppreżentaw kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 282). |
|
71 |
Ma huwiex għaldaqstant eskluż li, f’dan il-każ, minkejja l-fatt li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi applikazzjoni sussegwenti, dan għandu d-dritt li jibqa’ fit-territorju Bulgaru sal-eżitu tal-azzjoni pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
72 |
B’dan premess, hekk kif jippreċiża espressament l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32, tali dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ma jikkostitwixxix dritt għal permess ta’ residenza. Għaldaqstant, u għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 68 tas-sentenza preżenti, ebda dispożizzjoni tal-Karta ma tista’ ġġiegħel lil Stat Membru jagħti dritt ta’ residenza lil applikant għal protezzjoni internazzjonali li jmur lil hinn mill-portata tal-awtorizzazzjoni li jibqa’ fit-territorju li tirriżulta mill-Artikolu 46(5) ta’ din id-direttiva. |
|
73 |
Fit-tieni lok, għandu madankollu jiżdied, minn naħa, li, skont l-Artikolu 14(1)(b) u (d) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiżguraw li, sakemm it-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tiġi posposta, il-kura medika urġenti kif ukoll it-trattament indispensabbli tal-mard jiġu żgurati u l-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
74 |
Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti, kif tirriżulta mill-Artikolu 4 tal-Karta, meta jimplimentaw id-Direttiva 2008/115. Minn dan isegwi li dawn għandhom jiżguraw ukoll li ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom ma jkunx jinsab, sakemm ma jkunx tneħħa minn dan it-territorju, f’sitwazzjoni pprojbita minn dan l-Artikolu 4. |
|
75 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 4 jista’ jinkiser fil-każ fejn l-indifferenza tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollha l-konsegwenza li persuna kompletament dipendenti fuq l-għajnuna pubblika ssib ruħha, indipendentement mill-volontà tagħha u mill-għażliet personali tagħha, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 92, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis, C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 51). |
|
76 |
Min-naħa l-oħra, applikant għal protezzjoni internazzjonali awtorizzat jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat f’din il-kwalità, jibbenefika mill-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza previsti mid-Direttiva 2013/33, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ Applikanti għal Protezzjoni Internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punti 284 sa 286). |
|
77 |
F’dan il-każ, fil-każ li LF għandu tali dritt li jibqa’ fit-territorju Bulgaru sal-eżitu tal-azzjoni tiegħu pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, aspett li għandu jiġi vverifikat minn dik il-qorti, huwa għandu għalhekk jibbenefika wkoll mill-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza previsti minn din id-direttiva, sakemm ma tkunx ingħatat deċiżjoni definittiva dwar din l-azzjoni. |
|
78 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza huwa limitat jew irtirat abbażi tal-Artikolu 20(1)(c) tal-imsemmija direttiva, minħabba li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li wasslet għat-tilwima fil-kawża prinċipali hija applikazzjoni sussegwenti, l-Artikolu 20(5) tal-istess direttiva jiggarantixxi lil dan l-applikant, fi kwalunkwe każ, kundizzjonijiet ta’ akkoljenza minimi li jippermettulu jgħix ħajja dinjituża. |
|
79 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal għandha tingħata risposta għar-raba’ u s-sitt domanda li l-Artikoli 1, 4 u 7 tal-Karta, moqrija flimkien mad-Direttiva 2008/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ma huwiex obbligat jagħti, għal raġunijiet imperattivi umanitarji, dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li attwalment jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju tiegħu, ikun xi jkun it-tul tar-residenza ta’ dan iċ-ċittadin f’dan it-territorju. Sakemm wieħed ma jkunx ipproċeda bit-tneħħija tiegħu, dan iċ-ċittadin jista’ madankollu jinvoka d-drittijiet li huma ggarantiti lilu kemm mill-Karta kif ukoll mill-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, jekk l-imsemmi ċittadin ikollu wkoll il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, awtorizzat jibqa’ fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, huwa jista’ wkoll jinvoka d-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2013/33. |
Fuq l‑ispejjeż
|
80 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.