SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
12 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 16(3) – Rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza tal-isponsor – Konsegwenzi – Rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu – Raġuni indipendenti mir-rieda tagħhom – Preżenza ta’ tfal minuri – Artikolu 15(3) – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi partikolarment diffiċli’ – Portata – Artikolu 17 – Eżami individwalizzat – Dritt għal smigħ”
Fil-Kawża C‑63/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2023, fil-proċedura
Sagrario,
Joaquín,
Prudencio
vs
Sudelegación del Gobierno en Barcelona,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Sagrario u ż-żewġ ulied tagħha minuri, minn E. Leiva Vojkovic, abogado, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u J. Hottiaux, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(3) u tal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), kif ukoll tal-Artikoli 7, 24, 33(1) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn omm tal-familja u ż-żewġt ulied minuri tagħha, kollha ċittadini ta’ pajjiż terz, u s-Subdelegación del Gobierno en Barcelona (is-Sottodelegazzjoni tal-Gvern f’Barcelona, Spanja, iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali kompetenti”) dwar ir-rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2003/86
|
3 |
Il-premessi 2, 4, 6 u 15 tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu I tagħha, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.” |
|
5 |
F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
|
6 |
Fil-Kapitolu VI tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dħul u residenza ta’ membri tal-familja”, l-Artikolu 15 huwa fformulat kif ġej: “1. Mhux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza, u sakemm il-membru tal-familja ma ngħatax permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra barra dik ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-konjugi jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa u wild li jkun laħaq età maġġorenni għandhom ikunu intitolati, wara applikazzjoni, jekk rikjest, għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak ta’ l-isponsor. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għotja tal-permess ta’ residenza li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu lir-raġel/lill-maa [mara] jew partner mhux miżżewweġ/miżżewġa f’każijiet ta’ tifrik tar-relazzjoni familjali. 2. L-Istati Membri jistgħu joħorġu permess ta’ residenza awtonomu lil tfal adulti u lil qraba fil-linja diretta axxendenti li għalihom japplika l-Artikolu 4(2). 3. Fil-każ ta’ rmulija, divorzju, separazzjoni, jew mewt ta’ qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ, wara applikazzjoni, jekk rikjest, lil persuni li jkunu daħlu minħabba riunifikazzjoni tal-familja. Stati Membri għandhom jippreskrivu disposizzjonijiet li jiżguraw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ ċirkustanzi partikolarment diffiċli. 4. Il-kondizzjonijiet konnessi ma’ l-għoti u t-tul tal-permess ta’ residenza awtonomu jkunu stabbiliti b’liġi nazzjonali.” |
|
7 |
Fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2003/86, intitolat “Pieni u rimedju”, l-Artikolu 16(3) tagħha jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja fejn ir-residenza ta’ l-isponsor’s tasal fi tmiemha u l-membru tal-familja għad ma jgawdix dritt ta’ residenza awtonomu taħt l-Artikolu 15.” |
|
8 |
F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.” |
Id‑Direttiva 2004/38/KE
|
9 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), intitolat: “Żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri ta’ familja f’każ ta’ divorzju, ta’ annullament ta’ żwieġ, jew ta’ tmiem ta’ unjoni reġistrata”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għat-tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn: […]
[…]” |
Il‑Linji Gwida dwar l‑applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86
|
10 |
Il-punt 5.3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (COM(2014) 210 final) intitolat “Aċċess għal permess ta’ residenza awtonomu”, huwa fformulat kif ġej: “L-Artikolu 15(1) jgħid li wara tal-inqas ħames snin residenza, jekk ma jkunx inħareġ permezz ta’ residenza għal raġunijiet oħra, l-Istati Membri għandhom joħorġu, wara li ssir applikazzjoni, permess ta’ residenza awtonomu, indipendentement mill-isponsor, lill-konjuġi jew lis-sieħeb/sieħba mhux miżżewweġ/miżżewġa u lill-ulied li jkunu saru maġġorenni. Residenza għandha tinftiehem bħala permanenza leċita u l-Kummissjoni [Ewropea] tenfasizza li l-Istati Membri huma awtorizzati li joħorġu dan il-permess qabel. Fil-każ li r-relazzjoni tintemm, id-dritt għal permess ta’ residenza awtonomu għandu fi kwalunkwe każ xorta waħda jinħareġ lill-konjuġi jew lis-sieħeb/sieħba mhux miżżewweġ/miżżewġa, iżda l-Istati Membri huma awtorizzati li jeskludu lit-tfal adulti. Filwaqt li l-Artikolu 15(4) jipprovdi li l-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti mid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 15(3) jindika li t-tmiem ta’ relazzjoni jista’ jinftiehem li jinkludi rmulija, separazzjonijiet, divorzji, mwiet, eċċ. L-Artikoli 15(2) u 15(3) (l-ewwel sentenza) jippermettu lill-Istati Membri biex joħorġu permess ta’ residenza awtonomu fi kwalunkwe mument lil tfal adulti u axxendenti tal-ewwel grad li għalihom japplika l-Artikolu 4(2) u, wara applikazzjoni, lil kwalunkwe persuna li tkun daħlet bis-saħħa tar-riunifikazzjoni tal-familja fil-każ li tormol, tiddivorzja, tissepara jew f’każ ta’ mewt tal-axxendenti jew dixxendenti tal-ewwel grad. L-Artikolu 15(3) (it-tieni sentenza) jgħid li l-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ ċirkostanzi diffiċli partikolari lil kwalunkwe membru tal-familja li jkun daħal bis-saħħa tar-riunifikazzjoni tal-familja. L-Istati Membri huma mitluba biex jistabbilixxu dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali għal dan l-għan. Iċ-ċirkustanzi partikolarment diffiċli jridu jkunu kkawżati minn sitwazzjoni familjali jew mit-tkissir tagħha, mhux fil-każ ta’ diffikultajiet b’kawżi oħra. Eżempji ta’ ċirkostanzi diffiċli jistgħu jkunu pereżempju vjolenza domestika kontra nisa u tfal, ċerti każijiet ta’ żwiġijiet furzati, riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, jew każijiet fejn il-persuna tkun tinsab f’sitwazzjoni familjali partikolarment diffiċli jekk tiġi sfurzata tirritorna fil-pajjiż tal-oriġini.” |
Id‑dritt Spanjol
|
11 |
L-Artikolu 19 tal-Ley Orgánica 4/2000 sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (il-Liġi Organika 4/2000 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom), tal‑11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 10, tal‑12 ta’ Jannar 2000, p. 1139), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “1. Il-permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti lill-konjuġi u lit-tfal riunifikati meta jilħqu l-età tax-xogħol jagħtihom id-dritt li jaħdmu mingħajr il-ħtieġa ta’ iktar proċessi amministrattivi. 2. Il-konjuġi li jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jikseb permess ta’ residenza indipendenti meta jkollu l-mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex isostni lilu nnifsu. F’każ li l-konjuġi mara li tibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja tkun vittma tal-vjolenza abbażi ta’ sess, tista’ tikseb il-permess ta’ residenza u tax-xogħol indipendenti, mingħajr ma jkollha tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni preċedenti, dment li tkun inħarġet ordni ta’ protezzjoni għaliha jew, fin-nuqqas ta’ dan, rapport mill-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Spanja) li jindika l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet ta’ vjolenza abbażi ta’ sess. 3. It-tfal li jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja jistgħu jiksbu permess ta’ residenza indipendenti meta jilħqu l-età maġġuri u jkollhom il-mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex isostnu lilhom innifishom. 4. Il-forma u l-ammont tal-mezzi finanzjarji meqjusa suffiċjenti biex jippermettu lill-membri tal-familja riunifikata jiksbu permess indipendenti huma ddeterminati b’mod regolamentari. 5. F’każ li l-isponsor imut, il-membri tal-familja riunifikata jistgħu jiksbu permess ta’ residenza indipendenti taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati.” |
|
12 |
L-Artikolu 59 tad-Real Decreto 557/2011 por el que se aprueba el Reglamento de la Ley Orgánica 4/2000, tras su reforma por Ley Orgánica 2/2009 (id-Digriet Irjali 557/2011, li japprova r-Regolament tal-Liġi Organika 4/2000, wara r-riforma tiegħu bil-Liġi Organika 2/2009), tal‑20 ta’ April 2011 (BOE Nru 103, tat-30 ta’ April 2011, p. 43821) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 557/2011”), intitolat “Residenza tal-membri tal-familja riunifikati indipendentement minn dik tal-isponsor”, jipprovdi: “1. Il-konjuġi jew is-sieħeb li jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja jista’ jikseb permess ta’ residenza u tax-xogħol indipendenti jekk ikun jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin u jekk ma jkollu l-ebda dejn mal-awtoritajiet tat-taxxa jew tas-sigurtà soċjali:
[…] 2. Barra minn hekk, il-konjuġi jew is-sieħeb jista’ jikseb permess ta’ residenza u tax-xogħol indipendenti fil-każijiet li ġejjin:
3. Fil-każijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, meta, minbarra l-konjuġi jew is-sieħeb, membri oħra tal-familja jkunu bbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja, dawn tal-aħħar iżommu l-permess ta’ residenza mogħti u jiddependu, għall-finijiet tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja, fuq il-membru tal-familja li jgħixu miegħu. 4. It-tfal u l-minuri li l-isponsor tagħhom huwa r-rappreżentant legali jiksbu permess ta’ residenza indipendenti meta jilħqu l-età maġġuri u jkunu jistgħu juru bil-provi li jinsabu f’waħda miċ-ċirkustanzi deskritti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jew meta jkunu laħqu l-età maġġuri u jkunu ilhom residenti fi Spanja għal ħames snin. […]” |
|
13 |
L-Artikolu 61 tad-Digriet Irjali 557/2011, intitolat “Tiġdid ta’ permessi ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja:
[…]” |
|
14 |
Skont il-paragrafu 4 tal-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Irjali 557/2011: “Fuq il-proposta tal-Kap tas-Secretaría de Estado de Inmigración y Emigración (is-Segretarjat tal-Istat għall-Immigrazzjoni u l-Emigrazzjoni, Spanja), wara li ra r-rapport tal-Kap tas-Secretaría de Estado de Seguridad (is-Segretarjat tal-Istat għas-Sigurtà, Spanja) u, fejn xieraq, il-Kapijiet tas-Subsecretarías de Asuntos Exteriores y de Cooperación y de Política Territorial y Administración Pública (is-Sottosegretarjati għall-Affarijiet Barranin, il-Kooperazzjoni u l-Politika Territorjali u l-Amministrazzjoni Pubblika, Spanja), il-Consejo de Ministros (il-Kunsill tal-Ministri, Spanja) jista’, meta jkun iġġustifikat minn ċirkustanzi ekonomiċi, soċjali jew professjonali u f’każijiet mhux irregolati ta’ interess partikolari, joħroġ, wara li jinforma u jikkonsulta lill-Comisión Laboral Tripartita de Inmigración (il-Kummissjoni Tripartita tax-Xogħol dwar l-Immigrazzjoni, Spanja), istruzzjonijiet għall-finijiet tal-għoti ta’ permessi ta’ residenza temporanji u/jew tax-xogħol, li jistgħu jkunu marbuta ma’ perijodu, impjieg jew post skont it-termini [ta’ dawn l-]istruzzjonijiet, jew awtorizzazzjonijiet ta’ residenza […] Bl-istess mod, il-Kap tas-Segretarjat tal-Istat għall-Immigrazzjoni u l-Emigrazzjoni, fuq ir-rapport tal-Kap tas-Segretarjat tal-Istat għas-Sigurtà, jista’ jagħti permessi ta’ residenza temporanji individwali meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali mhux previsti minn dan ir-regolament.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
15 |
It-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali, omm u ż-żewġt ulied minuri tagħha, għandhom permess ta’ residenza għar-riunifikazzjoni tal-familja, fejn l-isponsor huwa r-raġel tagħha u l-missier taż-żewġt itfal. |
|
16 |
Fit‑22 ta’ April 2021, l-erba’ membri tal-familja ppreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza fit-tul. |
|
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2021, l-awtorità kompetenti nazzjonali ċaħdet l-applikazzjoni tal-isponsor minħabba l-eżistenza ta’ fedina penali. |
|
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2021, din l-awtorità nazzjonali ċaħdet ukoll l-applikazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għar-riunifikazzjoni tal-familja, minħabba li, bi ksur tal-kundizzjoni prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 61(3)(b) tad-Digriet Irjali 557/2011, l-isponsor ma kellux permess ta’ xogħol u/jew ta’ residenza. |
|
19 |
Adita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, rrilevat li l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata mingħajr ma l-awtorità kompetenti nazzjonali wettqet, f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, evalwazzjoni tan-natura u s-saħħa tar-rabtiet familjari tal-persuni kkonċernati, it-tul ta’ żmien tar-residenza tagħhom kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet familjari, kulturali u soċjali mal-pajjiż fejn jirrisjedu u mal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. |
|
20 |
Issa, skont din il-qorti, peress li l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 ma jispeċifikax il-każijiet ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” li jiġġustifikaw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lill-membri tal-familja ta’ sponsor, ma jistax jiġi eskluż li tali kunċett ikopri s-sitwazzjoni li tirriżulta mit-telf, minn dawn tal-aħħar, tal-permess ta’ residenza tagħhom abbażi ta’ riunifikazzjoni tal-familja għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħhom, speċjalment fil-każ ta’ tfal minuri u persuni f’sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni strutturali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, kif huwa l-każ għan-nisa minn ċerti pajjiżi terzi, fejn in-nisa huma miċħuda minn kull protezzjoni. |
|
21 |
Madankollu, minn naħa, l-imsemmija qorti tirrileva li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma tipprevedix proċedura li tippermetti lill-persuni kkonċernati jinvokaw ċirkustanzi individwali jew li tiġi organizzata seduta ta’ smigħ minn qabel tal-minuri, sabiex b’hekk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiddeċiedu mingħajr ma jqisu s-sitwazzjoni personali tal-membri tal-familja, il-benefiċjarji tar-riunifikazzjoni tal-familja. Dawn tal-aħħar, għalhekk, isibu ruħhom immedjatament f’sitwazzjoni ta’ irregolarità. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, kif segwa mis-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punti 62 sa 64), kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y.Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punti 51 sa 55) li dawn l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, qabel ma jadottaw deċiżjoni dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, jevalwaw iċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ, li jeskludi kwalunkwe deċiżjoni awtomatika. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 59 tad-Digriet Irjali 557/2011, minkejja n-natura imperattiva tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, ma jsemmix il-każijiet ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, skont din il-qorti, għalkemm il-paragrafu 4 tal-ewwel dispożizzjoni addizzjonali ta’ dan id-digriet irjali jipprevedi l-għoti ta’ permess ta’ residenza f’każijiet eċċezzjonali mhux previsti mir-regolamenti, dan il-paragrafu ma jidhirx li jikkonforma mad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tirrileva li l-kompetenza għall-għoti ta’ tali permess ta’ residenza hija mogħtija mhux lill-organi tal-amministrazzjoni periferali tal-Istat, kompetenti għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza, iżda lill-amministrazzjoni pubblika ċentrali, u li tali għoti jaqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar, li ma jipprekludix id-deċiżjonijiet awtomatiċi dwar il-permessi ta’ residenza. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado Contencioso-Administrativo no 5 de Barcelona (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 5 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda
|
24 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tipprevedix li l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata li toħroġ, billi tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, permess ta’ residenza awtonomu lil membri tal-familja ta’ sponsor meta dawn ikunu tilfu l-permess ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħhom jew meta tfal minuri jagħmlu parti minnu. |
|
25 |
Bl-għan li jiġu eżaminati dawn id-domandi, għandu, preliminarjament, jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ sponsor meta r-residenza ta’ dan tal-aħħar tasal fi tmiemha u li l-membru tal-familja kkonċernat ma jkunx għadu jibbenefika, skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, minn dritt għal permess ta’ residenza awtonomu. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li l-konjuġi jew is-sieħeb mhux miżżewweġ u l-wild li jkun sar maġġuri ta’ sponsor għandhom dritt għal permess ta’ residenza awtonomu, indipendenti minn dak tal-isponsor, mhux iktar tard minn wara ħames snin ta’ residenza, sa fejn huma ma jkunux irċevew permess ta’ residenza għal raġunijiet oħra minbarra r-riunifikazzjoni tal-familja, għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jillimitaw l-għoti ta’ tali permess ta’ residenza awtonomu, fil-każ ta’ ksur tar-rabta tal-familja, mal-konjuġi u mas-sieħeb mhux miżżewweġ. Skont l-Artikolu 15(2), l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu permess ta’ residenza awtonomu lit-tfal adulti u lill-axxendenti diretti tal-isponsor. |
|
27 |
Sussegwentement, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ, anki qabel ma jintemm il-perijodu ta’ ħames snin ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 15, lill-persuni li jkunu daħlu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja f’każ ta’ rmulija, divorzju, separazzjoni jew mewt ta’ axxendenti jew dixxendenti diretti fl-ewwel grad. It-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 15(3) tipprovdi, min-naħa tagħha, li l-Istati Membri għandhom jippreskrivu dispożizzjonijiet li jiżguraw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u għat-tul ta’ dan il-permess ta’ residenza awtonomu huma ddefiniti mid-dritt nazzjonali. |
|
29 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandha tiġi ppreċiżata l-portata tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, li hija s-suġġett tal-ewwel tliet domandi. |
|
30 |
Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma tiddefinixxi l-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” jew ma tipprovdi illustrazzjoni ta’ tali sitwazzjoni. |
|
31 |
Madankollu minn dan ma jirriżultax, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Spanjol waqt is-seduta, li l-portata ta’ dan il-kunċett tista’ tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri, b’tali mod li dawn għandhom marġni ta’ manuvra illimitat sabiex jiddefinixxuh fid-dritt intern tagħhom. |
|
32 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 tirrikonoxxi dritt għall-benefiċċju tal-membri tal-familja msemmija f’din id-dispożizzjoni, billi teżiġi li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, u tipprovdi, f’dan ir-rigward, kundizzjoni sostantiva essenzjali għall-għoti ta’ tali permess ta’ residenza, mingħajr ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri. |
|
33 |
Ċertament, peress li l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti u għat-tul ta’ dan il-permess ta’ residenza awtonomu huma ddefiniti fid-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħa ta’ evalwazzjoni rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-kuntest tal-imsemmija direttiva għandha titqies li hija wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-għoti, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-istess direttiva, ta’ permess ta’ residenza awtonomu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jidħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja meta jinsab f’“ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punti 85 u 86). |
|
34 |
Għalhekk, billi rrefera, fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/86, għad-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika li kien xtaq iħalli għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza awtonomu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun daħal fit-territorju tiegħu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja meta jsib ruħu f’tali sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa ta’ evalwazzjoni rrikonoxxuta lill-Istati Membri ma għandhiex tintuża minnhom b’mod li tippreġudika l-effett utli u l-għan ta’ din id-direttiva jew li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, Stat Membru ma jistax jimponi kundizzjonijiet tant eżiġenti li jikkostitwixxu ostakolu li diffiċilment jista’ jingħeleb li jipprekludi fil-prattika l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A (C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Minn dan isegwi li, sabiex jiġi kompromess l-effett utli jew l-għan tal-obbligu impost fuqhom, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, li jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu, lill-membru tal-familja kkonċernat, id-dritt li jikseb permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, l-Istati Membri ma jistax ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni illimitat sabiex jiddefinixxu ċ-ċirkustanzi li jaqgħu taħt tali sitwazzjoni. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Girelli Alcool, C‑509/22, EU:C:2024:341, punt 77). L-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tat-tifsira tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, l-espressjoni “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” tippreżumi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jippreżentaw, min-natura tagħhom, livell għoli ta’ gravità jew ta’ tbatija għall-membru tal-familja kkonċernat jew li jesponuh għal livell għoli ta’ prekarjetà jew ta’ vulnerabbiltà li jeċċedi r-riskji abitwali ta’ ħajja tal-familja normali. |
|
39 |
Din l-interpretazzjoni hija konformi, fit-tieni lok, mal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tifforma parti minnha. |
|
40 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/86, kif jirriżulta mill-premessi 2, 4 u 6 tagħha tfittex, b’mod ġenerali, li tiżgura l-protezzjoni tal-familja kif ukoll li tiffaċilita l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fl-Istati Membri billi tippermetti ħajja tal-familja u billi tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ stabbiltà soċjokulturali grazzi għar-riunifikazzjoni tal-familja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 26; tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 83, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja b’wild minuri), C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 58). |
|
41 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-għan li tkun iffaċilitata l-ħajja tal-familja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2019, E., C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal-familja b’wild minuri), C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 59). |
|
42 |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/86, kif jirriżulta mill-premessa 15 tagħha, jaqa’ kompletament fil-kuntest ta’ dan l-għan ta’ protezzjoni tal-familja billi jippermetti lill-membri tal-familja ta’ sponsor li kisbu permess ta’ residenza sabiex iwettqu riunifikazzjoni tal-familja jaċċedu għal status indipendenti mill-isponsor sabiex jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom, billi jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, għall-impjieg u għat-taħriġ professjonali. |
|
43 |
F’dan il-kuntest, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva għandha l-għan speċifiku li tipproteġi l-membri tal-familja ta’ sponsor billi tagħtihom status indipendenti minn dan tal-aħħar, anki qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ residenza ta’ ħames snin li jagħtu aċċess ipso jure għal dan l-istatus skont dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), billi tiżgura lil dawn il-membri tal-familja dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li ma jirriżultax mid-dipendenza tagħhom fuq dan tal-aħħar, meta din id-dipendenza tkun il-kawża ta’ diffikultajiet partikolari li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tal-familja, li toħloq fir-rigward tagħhom, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, bżonn reali ta’ protezzjoni permezz tal-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu. |
|
44 |
F’din il-perspettiva, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, huwa irrilevanti li l-għoti, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva, ta’ permess ta’ residenza awtonomu lill-membri tal-familja kkonċernati jista’ jkollu bħala konsegwenza s-separazzjoni ta’ din il-familja, sa fejn l-isponsor, minħabba t-telf tal-permess ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, jista’ jkun obbligat jirritorna fil-pajjiż terz ta’ oriġini tiegħu, filwaqt li dawn il-membri tal-familja jkunu jistgħu jkomplu jirrisjedu f’dan l-Istat Membru. |
|
45 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza, l-għan imfittex fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 ma huwiex neċessarjament konfuż mal-għan iktar ġenerali mfittex minn din id-direttiva. Filwaqt li din hija intiża, fl-intier tagħha, sabiex tipproteġi l-familja billi tirriunifikaha, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva hija intiża, min-naħa tagħha, li tipproteġi l-familja permezz tal-għoti, fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja diġà eżistenti, ta’ status indipendenti lill-membri kkonċernati tagħha, li jista’, f’ċerti każijiet, jiffaċilita t-tbegħid ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-isponsor u, għaldaqstant, iwassal sabiex jiġu sseparati ċerti membri tal-familja. |
|
46 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 hija intiża, b’mod partikolari, permezz tal-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu, li tipproteġi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja li kien vittma ta’ atti ta’ vjolenza domestika mwettqa mill-isponsor matul iż-żwieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punti 69, 70, 85 u 89). |
|
47 |
Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, hija sostnuta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill, dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata mill-Kummissjoni fl‑1 ta’ Diċembru 1999, (COM (1999) 638 final, p. 22), li tipprovdi li din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod partikolari sabiex tipproteġi lin-nisa vittmi ta’ vjolenza fil-familja tagħhom, li ma jistgħux jiġu ppenalizzati bl-irtirar tal-permess ta’ residenza tagħhom jekk jiddeċiedu li jitilqu mid-dar tagħhom, kif ukoll is-sitwazzjoni tan-nisa, ir-romol, ir-romol iddivorzjati jew irripudjati, li jkunu suġġetti għal sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli, li kieku kienu obbligati jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. |
|
48 |
Dawn l-eżempji jikkoinċidu, barra minn hekk, ma’ dawk imsemmija fil-punt 5.3 tal-Linji Gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86, li jsemmu, bħala eżempji ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, mhux biss il-każijiet ta’ vjolenza domestika kontra n-nisa u t-tfal kif ukoll il-każijiet li fihom il-persuna kkonċernata ssib ruħha f’sitwazzjoni familjari partikolarment diffiċli jekk hija tkun kostretta tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, iżda wkoll ċerti każijiet ta’ żwiġijiet furzati jew ir-riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punt 64). |
|
49 |
Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni preċedenti hija kkorroborata mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, kif jirriżulta, l-ewwel nett, minn qari flimkien taż-żewġ sentenzi li jifformaw din id-dispożizzjoni. |
|
50 |
Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, fil-każ ta’ rmulija, divorzju, separazzjoni jew mewt ta’ axxendenti jew dixxendenti diretti fl-ewwel grad, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, kif jirriżulta mill-kelma “tista’”, is-sempliċi possibbiltà li jingħata permess ta’ residenza awtonomu lill-persuni li daħlu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, billi jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom f’dan ir-rigward, filwaqt li tali sitwazzjonijiet jistgħu diġà jitqiesu li huma, fihom innifishom, sitwazzjonijiet li jippreżentaw diffikultajiet mhux negliġibbli għall-persuni kkonċernati. |
|
51 |
Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punti 32 u 36 ta’ din is-sentenza, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-għoti ta’ tali permess ta’ residenza awtonomu fil-każ ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
52 |
Tali gradazzjoni fl-istruttura ta’ dan l-Artikolu 15(3) turi li t-tieni sentenza tiegħu tkopri sitwazzjonijiet tal-familja li jkollhom grad ta’ gravità ogħla anki minn dawk diġà koperti mill-ewwel sentenza tiegħu f’dak li jirrigwarda l-prekarjetà jew il-vulnerabbiltà għall-membru tal-familja kkonċernat, b’tali mod li dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jeċċedu r-riskji abitwali ta’ ħajja tal-familja normali. |
|
53 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, li teżisti rabta bejn iż-żewġ sentenzi tal-imsemmi Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, fis-sens li ċ-“ċirkustanza partikolarment diffiċli” li taqa’ taħt it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni għandha neċessarjament tkun ġiet ikkawżata mit-terminazzjoni tar-rabta konjugali, kif tirriżulta mill-mewt, mid-divorzju jew mis-separazzjoni, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
54 |
Fil-fatt, taħt piena li t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 tiġi mċaħħda minn kull effett utli u li jiġi ppreġudikat l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni li l-membri tal-familja kkonċernati jingħataw status indipendenti minn dak tal-isponsor, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħtha ma jistgħux jiġu ridotti biss għad-diffikultajiet li jirriżultaw mit-tmiem tar-rabta konjugali, peress li l-gravità tad-diffikultajiet li jista’ jiltaqa’ magħhom il-membru tal-familja ta’ sponsor tista’ ma tkunx relatata ma’ tali terminazzjoni u tirriżulta, għall-kuntrarju, miż-żamma tar-rabta konjugali, b’mod partikolari fil-każ ta’ vjolenza domestika, ta’ żwiġijiet furzati jew ta’ riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili, b’mod partikolari, meta, f’każ ta’ telf tad-dritt ta’ residenza, l-isponsor jista’ jkun obbligat jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. |
|
55 |
Minn dan jirriżulta għalhekk li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, iċ-“ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, kif prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, għandha tirriżulta mis-sitwazzjoni tal-familja taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, f’sens wiesa’, mingħajr ma huwa rilevanti jekk din is-sitwazzjoni hijiex marbuta jew le mat-terminazzjoni tar-rabta konjugali. |
|
56 |
It-tieni, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, li, fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, taqsam mat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 l-għan li tiġi żgurata protezzjoni tal-membri tal-familja li huma vittmi tal-vjolenza domestika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657, punti 70 u 89). |
|
57 |
Fil-fatt, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi wkoll li d-divorzju, l-annullament taż-żwieġ jew it-tmiem ta’ unjoni rreġistrata ma jwasslux għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni meta sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli jirrikjedu dan, u b’hekk jissemma espliċitament bħala eżempju ta’ tali sitwazzjonijiet il-fatt li kienet vittma ta’ vjolenza domestika “meta ż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata kienu għadhom jeżistu”, u b’hekk jirriżulta b’mod espliċitu li tali sitwazzjonijiet jistgħu jinħolqu fl-assenza ta’ kwalunkwe ksur tar-rabta konjugali. |
|
58 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 tirrikjedi li jiġi stabbilit li ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jaffaċċja, ċirkustanzi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tal-familja li jippreżentaw, min-natura tagħhom, grad għoli ta’ gravità jew tbatija jew li jesponuh għal livell għoli ta’ prekarjetà jew ta’ vulnerabbiltà, u b’hekk joħolqu għalih ħtieġa reali għal protezzjoni permezz tal-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu, mingħajr ma jkun rilevanti li r-rabta konjugali tkun intemmet. |
|
59 |
Minn dan isegwi li s-sempliċi preżenza ta’ ulied minuri fost il-membri tal-familja tal-isponsor jew il-fatt li t-telf tal-permess ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar huwa l-konsegwenza ta’ ċirkustanzi partikolari tal-isponsor, bħat-twettiq, minnu, ta’ reat kriminali, ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu billi jibbażaw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86. |
|
60 |
B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan it-tieni fatt, għandu jiġi enfasizzat li t-telf tal-permess ta’ residenza tal-membri tal-familja minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tagħhom jirrifletti l-prinċipju li, konformement mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/86, kif imfakkra fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, sakemm il-membri tal-familja kkonċernati ma jkunux kisbu dritt ta’ residenza awtonomu abbażi tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, id-dritt ta’ residenza tagħhom huwa dritt idderivat minn dak tal-isponsor ikkonċernat, intiż sabiex jiffavorixxi l-integrazzjoni ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y.Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 47). |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-importanza ċentrali tal-isponsor fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/86, huwa konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u mal-loġika sottostanti tagħha li t-telf minn dan tal-aħħar tal-permess ta’ residenza tiegħu jew in-nuqqas ta’ tiġdid tiegħu għal raġunijiet partikolari għalih jista’ jkollu, bħala prinċipju, riperkussjonijiet fuq il-proċess ta’ riunifikazzjoni tal-familja u, b’mod partikolari, fuq il-permessi ta’ residenza mogħtija lill-membri tal-familja ta’ dan l-isponsor (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y.Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 46). |
|
62 |
Bl-istess mod, peress li d-Direttiva 2003/86 għandha l-għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri, dan id-dritt huwa rriżervat għal tali ċittadini, li huwa kkonfermat mid-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “sponsor” u ta’ “riunifikazzjoni tal-familja”, li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) u (d) ta’ din id-direttiva. Issa, sponsor li l-permess ta’ residenza tiegħu ġie rtirat ma jistax jibqa’ jitqies li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, huwa a priori ġġustifikat li l-permessi ta’ residenza mogħtija lill-membri tal-familja tiegħu abbażi tad-Direttiva 2003/86 ikunu jistgħu wkoll jiġu rtirati jew ma jiġġeddux mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jinvokaw “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, għas-sempliċi raġuni li jkunu indipendenti mill-volontà tagħhom tar-raġuni għall-irtirar tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y.Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 48). |
|
63 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tipprevedix li l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata li toħroġ, billi tibbaża ruħha fuq l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, permess ta’ residenza awtonomu lil membri tal-familja ta’ sponsor meta dawn ikunu tilfu l-permess ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħhom jew meta tfal minuri jagħmlu parti minnu. |
Fuq ir‑raba’ sas‑sitt domanda
Fuq l‑ammissibbiltà
|
64 |
Il-Gvern Spanjol isostni li l-ħames domanda hija inammissibbli minħabba li ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, la l-Artikolu 15(3) u lanqas l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 ma jipprevedu regoli dwar is-smigħ tal-persuni li ma humiex l-applikant għal riunifikazzjoni tal-familja u d-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-kapaċità tat-tfal minuri li jieħdu azzjoni fi proċedura amministrattiva. |
|
65 |
Barra minn hekk, din id-domanda tidher ipotetika, sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju, minn naħa, ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar l-età tal-ulied minuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, issemmi li l-membri kollha tal-familja kkonċernati ppreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza fit-tul għar-riunifikazzjoni tal-familja, li juri li dawn il-membri kollha tal-familja pparteċipaw flimkien fil-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, l-imsemmija domanda hija bbażata fuq il-“premessa mhux realistika” li l-ulied minuri jistgħu jinvokaw dritt ta’ residenza barra miċ-ċellola tal-familja. Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li omm dawn it-tfal kienet talbet li jinstemgħu dawn tal-aħħar u ma kien hemm ebda indizju ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi bejniethom. |
|
66 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolatorju u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Sozialministeriumservice, C‑116/23, EU:C:2024:292, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Issa, f’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk l-ulied minuri għandhomx, skont id-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja taqa’ taħt il-mertu tad-domanda magħmula, u mhux taħt l-ammissibbiltà tagħha. |
|
68 |
Fit-tieni lok, din id-domanda ma tistax titqies li hija ipotetika, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna, skont it-termini espliċiti tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat liż-żewġ ulied minuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kellhom permess ta’ residenza għal riunifikazzjoni tal-familja, it-tiġdid tiegħu wara t-telf, mill-isponsor, tal-permess ta’ residenza tiegħu. |
|
69 |
Huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax l-età preċiża ta’ dawn iż-żewġt ulied minuri. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali indikazzjoni dwar il-fatti tal-kawża prinċipali, li d-determinazzjoni tagħha taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju, bl-ebda mod ma taffettwa l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula, peress li ma hijiex ta’ natura li tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju risposta utli għal din id-domanda billi tipproċedi għall-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni. |
|
70 |
Bl-istess mod, fir-rigward taċ-ċirkustanzi allegati mill-Gvern Spanjol li, f’dan il-każ, l-imsemmija żewġt itfal minuri għamlu applikazzjoni flimkien mal-membri l-oħra tal-familja, ommhom ma talbitx li jinstemgħu u ma ġie allegat l-ebda indizju ta’ kunflitt ta’ interessi, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirrigwardaw ukoll elementi fattwali li l-evalwazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Għaldaqstant, dawn iċ-ċirkustanzi ma għandhomx effett fuq l-ammissibbiltà tal-ħames domanda. |
|
71 |
Konsegwentement, għandu jitqies li din id-domanda hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
|
72 |
Permezz tar-raba’ sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza li tkun inħarġet lil membri tal-familja ta’ sponsor, mingħajr ma tkun wettqet minn qabel eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħhom u mingħajr ma jkunu semgħuhom u, fl-affermattiv, jekk, meta din id-deċiżjoni tikkonċerna wild minuri, dan tal-aħħar għandux jinstema’ wkoll. |
|
73 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-portata tal-eżami li għandha twettaq l-awtorità nazzjonali kompetenti, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni espliċita tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri għandhom, fil-każijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni, ta’ rtirar jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza, jieħdu debitament inkunsiderazzjoni n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna kkonċernata u t-tul ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, kulturali jew soċjali mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha. |
|
74 |
Għalhekk, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jimplimentaw id-Direttiva 2003/86 li għandhom, b’mod partikolari, jagħmlu evalwazzjoni individwalizzata tas-sitwazzjoni tal-membru tal-familja inkwistjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-każ u li, fejn hu xieraq, tagħti attenzjoni partikolari lill-interessi tat-tfal ikkonċernati u għall-interess li tiffavorixxi l-ħajja tal-familja. B’mod partikolari, ċirkustanzi bħalma huma l-età tat-tfal ikkonċernati, is-sitwazzjoni tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u l-livell ta’ dipendenza tagħhom fuq il-ġenituri jistgħu jkollhom effett fuq il-portata u l-intensità tal-eżami meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
75 |
Din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal‑familja ma’ minuri refuġjat), C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 61), billi ssir evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha inkwistjoni (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
Għaldaqstant, ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza ma jistax iseħħ b’mod awtomatiku (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 51 kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2019, G.S. u V.G. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑381/18 u C‑382/18, EU:C:2019:1072, punt 65). |
|
77 |
Minn dan isegwi li deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza mogħti lil membri tal-familja ta’ sponsor tista’ tittieħed biss wara eżami individwalizzat li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha relatati mas-sitwazzjoni ta’ dawn il-membri tal-familja, u b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi li jippermettu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tevalwa jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, raġunijiet li jiġġustifikaw l-għoti, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/86, ta’ permess ta’ residenza awtonomu minħabba l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
78 |
F’dan ir-rigward, ċertament, it-telf, mill-membri tal-familja kkonċernati, tal-permess ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħhom jew il-preżenza ta’ ulied minuri fosthom ma jistgħux, waħedhom, jistabbilixxu, kif jirriżulta mill-punti 59 sa 63 ta’ din is-sentenza, tali “ċirkustanzi partikolarment diffiċli”. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, flimkien ma’ ċirkustanzi oħra relatati mal-ħajja tal-familja tal-persuni kkonċernati, li madankollu ma jidhrux li ġew invokati fil-kawża prinċipali, dawn l-elementi jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġġustifikaw l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu skont din it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y.Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal‑familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punti 54 u 55). |
|
79 |
F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, id-dritt għal smiegħ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan id-dritt fundamentali, li għandu jiġi rrispettat anke meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedihx espressament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiggarantixxi lil kulħadd il-possibbiltà li jsemma’, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tiegħu matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tiegħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2022, Boshab vs Il‑Kunsill, C‑242/21 P, EU:C:2022:375, punti 57 u 58, kif ukoll tad‑29 ta’ Settembru 2022, HIM vs Il‑Kummissjoni, C‑500/21 P, EU:C:2022:741, punti 42 u 43), filwaqt li ġie ppreċiżat li dan id-dritt ma jimplikax neċessarjament l-obbligu li din il-persuna tingħata l-opportunità li tesprimi lilha nnifisha oralment (digriet tal‑21 ta’ Mejju 2019, Le Pen vs Il‑Parlament, C‑525/18 P, EU:C:2019:435, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dritt għal smigħ jimplika wkoll li l-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tagħti l-attenzjoni kollha dovuta lill-osservazzjonijiet sottomessi b’dan il-mod mill-persuna kkonċernata filwaqt li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u tagħti motivazzjoni ddettaljata għad-deċiżjoni tagħha billi l-obbligu li timmotiva deċiżjoni b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għalfejn it-talba tagħha qiegħda tiġi miċħuda jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjilija, C‑249/13. EU:C:2014:2431, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza mogħti lill-membri tal-familja ta’ sponsor hija manifestament ta’ natura li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li għandhom jinstemgħu mill-awtorità nazzjonali kompetenti qabel it-teħid ta’ tali deċiżjoni. |
|
82 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tfal minuri għandhomx jinstemgħu wkoll, għandu jitfakkar li l-Artikolu 24(1) tal-Karta jeżiġi li t-tfal ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom liberament u li din l-opinjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għal kwistjonijiet li jikkonċernawhom skont l-età u l-maturità tagħhom. |
|
83 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 24(2) tal-Karta jimponi fuq l-awtorità kompetenti nazzjonali, fil-każijiet kollha relatati mat-tfal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri. |
|
84 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-aħħar dispożizzjoni timplika li, fl-atti kollha mwettqa mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 li jikkonċernaw it-tfal, l-aħjar interess tal-minuri għandu jkun kunsiderazzjoni primarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Riunifikazzjoni tal‑familja ma’ minuri refuġjat), C‑273/20 u C‑355/20, EU:C:2022:617, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
85 |
Għalhekk, l-opportunità ta’ smigħ, li ma huwiex neċessarjament meħtieġ mill-aħjar interess tal-minuri, għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni skont ir-rekwiżiti marbuta ma’ dan l-aħjar interess f’kull każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga, C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punti 63 u 64). |
|
86 |
Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tal-Karta ma jimponux is-smigħ tal-minuri bħala tali, iżda l-possibbiltà għall-minuri li jinstema’ (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 62). |
|
87 |
Minn dan isegwi li d-dritt tat-tfal li jinstemgħu ma jirrikjedix li neċessarjament issir seduta ta’ smigħ, iżda jirrikjedi li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet legali jkunu disponibbli għal dan il-minuri sabiex jippermettulu jesprimi l-opinjoni tiegħu liberament u li din tinġabar. |
|
88 |
Għalhekk, meta d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza tkun tikkonċerna wild minuri, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprovdu lil dak il-minuri possibbiltà reali u effettiva li jinstema’, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età jew il-grad ta’ maturità tiegħu. |
|
89 |
Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ sas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza li jkun ingħata lil membri tal-familja ta’ sponsor, mingħajr ma tkun wettqet minn qabel eżami individwali tas-sitwazzjoni tagħhom u mingħajr ma tkun semgħethom. Meta din id-deċiżjoni tikkonċerna wild minuri, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprovdu lil dak il-minuri possibbiltà reali u effettiva li jinstema’, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età jew il-grad ta’ maturità tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
90 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.