SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

29 ta’ Lulju 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikoli 2, 4, 11, 12, 14, 16 u 17 – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali – Canis lupus (lupu) – Sfruttament permezz tal-kaċċa – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata – Stat ta’ konservazzjoni ‘sfavorevoli u inadegwat’ ta’ din l-ispeċi – Esplojtazzjoni inkompatibbli maż-żamma jew mar-ripristinar ta’ dik l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli – Teħid inkunsiderazzjoni tad-data xjentifika kollha l-iktar reċenti”

Fil-Kawża C‑436/22

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja), b’deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo Ibérico (ASCEL)

vs

Administración de la Comunidad de Castilla y León,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo Ibérico (ASCEL), minn J. Gil Ibáñez, abogada, u A. I. Fernández Marcos, procuradora,

għall-Administración de la Comunidad de Castilla y León, minn D. Vélez Berzosa, letrada,

għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn I. Herranz Elizalde, sussegwentement minn M. Morales Puerta, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) kif ukoll tal-Artikoli 4, 11, 12, 14, 16 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Asociación para la Conservación y Estudio del Lobo Ibérico (ASCEL) (l-Assoċjazzjoni għall-Konservazzjoni u l-Istudju tal-Lupu Iberiku, Spanja) u l-Administración de la Comunidad de Castilla y León (l-Amministrazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, Spanja) dwar talba, imressqa mill-ASCEL, intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Dirección General del Patrimonio Natural y Política Forestal de la Junta de Castilla y León (id-Direttorat Ġenerali tal-Patrimonju Naturali u tal-Politika Forestali ta’ Castilla y León, Spanja), dwar l-approvazzjoni tal-pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fit-territorji miftuħa għall-kaċċa fit-Tramuntana tax-xmara Duero f’Castilla y León għall-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022, tad‑9 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2019”), u għall-kundanna tal-konvenuta fil-kawża prinċipali sabiex tħallas allowance kumpensatorja għal kull kampjun maqtul waqt dawn l-istaġuni.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont l-ewwel premessa tad-Direttiva dwar il-habitat:

“[…] l-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, inkluża l-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, huma għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex min-naħa tal-Komunità [Ewropea], kif jidher fl-Artikolu [191 TFUE]”.

4

Il-ħmistax-il premessa ta’ din id-direttiva tistabbilixxi:

“[…] hi meħtieġa sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi ta’ flora u fawna biex tikkumplimenta d-Direttiva 79/409/KEE [tal-Kunsill tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)]; billi jrid isir provdiment għal miżuri ta’ l-immaniġġjar għal ċerti speċi, jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob, inkluża l-projbizzjoni ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jew qtil, filwaqt li tagħti lok biex ikun hemm il-possibbiltà għal derogi skond ċerti kondizzjonijiet”.

5

L-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(i)

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2”

[…]”

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

7

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. […]

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni [Ewropea], fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. […]

[…]

4.   Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

[…]”

8

Skont l-Artikolu 11 tal-istess direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u l-ispeċi msemmija fl-Artikolu 2 b’attenzjoni speċjali għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità u speċi ta’ priorità”.

9

L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett [protezzjoni stretta] ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)

qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

[…]”

10

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Jekk, in vista ta’ din is-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11, l-Istati Membri jidhrilhom li hu meħtieġ, huma għandhom jieħdu miżuri li jiżguraw li t-teħid fis-selvaġġ ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġa elenkati fl-Anness V kif ukoll l-esplojtazzjoni tagħhom huwa kompatibbli ma’ li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

2.   Fejn dawk il-miżuri huma meqjusa li huma meħtieġa, huma għandhom jinkludu l-issoktar tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll b’mod partikolari:

regolamenti marbuta ma’ l-aċċess għal ċerta proprjetà,

projbizzjoni temporanja jew lokali mit-teħid ta’ kampjuni fis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ ċerti popolazzjonijiet,

regolamentazzjoni dwar il-perjodi u/jew metodi ta’ teħid ta’ kampjuni,

l-applikazzjoni, meta jittieħdu l-kampjuni, ta’ regoli tal-kaċċa u tas-sajd li jieħdu kont tal-konservazzjoni ta’ dawk il-popolazzjonijiet,

l-istabbiliment ta’ sistema ta’ liċenzji biex jittieħdu l-kampjuni jew il-kwoti,

ir-regolamentazzjoni tax-xiri, bejgħ, offerta għall-bejgħ, żamma għall-bejgħ jew trasport għall-bejgħ ta’ kampjuni,

it-tgħammir fil-magħluq ta’ speċi ta’ annimali kif ukoll propagazzjoni artifiċjali ta’ speċi ta’ pjanti, f’kondizzjonijiet kontrollati b’mod strett, bil-ħsieb li jitnaqqas it-teħid ta’ kampjuni mis-selvaġġ,

l-evalwazzjoni ta’ l-effett tal-miżuri adottati.”

11

Skont l-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u15 (a) u (b):

(a)

fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

(b)

biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

(ċ)

fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

(d)

għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

(e)

biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

12

L-Artikolu 17(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Kull sitt snin mid-data ta’ meta jiskadi l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 23, l-Istati Membri għandhom iħejju rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva. Dan ir-rapport irid ikun fih b’mod partikolari l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) kif ukoll l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ l-habitat naturali ta’ l-Anness I u l-ispeċi ta’ l-Anness II u r-riżultati ewlenin tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Ir-rapport, magħmul skond l-għamla stabbilita mill-kumitat [stabbilit skont l-Artikolu 20], irid jiġi mgħoddi lill-Kummissjoni u jkun aċċessibbli għall-pubbliku.”

13

L-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitat, intitolat “Speċi ta’ annimali u ta’ pjanti ta’ interess komunitarju li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jiġu ddikjarati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, isemmi l-Canis lupus, fejn jiġi ppreċiżat li, fost il-popolazzjonijiet Spanjoli huma kkonċernati “dawk biss li jinsabu fin-nofsinhar tad-Duero”.

14

L-Anness IV ta’ din id-direttiva, intitolat “Speċi ta’ annimali u pjanti ta’ interess komunitarju fi bżonn ta’ protezzjoni stretta”, isemmi l-Canis Lupus, “minbarra […] l-popolazzjonijiet ta’ Spanja fit-tramuntana tad-Duero”.

15

L-Anness V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Animali u speċi ta’ pjanti li huma ta’ interess għall-komunita li biex jittieħdu mis-selvaġġ u biex jiġu sfruttati jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ tmexxija”, isemmi, fil-punt (a) tiegħu, il-Canis Lupus, b’mod partikolari, “[il-]Popolazzjonijiet Spanjoli fit-tramuntana ta’ Duera”.

Id‑dritt Spanjol

16

Il-Ley 4/1996 de Caza de Castilla y León (il-Liġi 4/1996 ta’ Castilla y León dwar il-Kaċċa), tat‑12 ta’ Lulju 1996 (BOE Nru 210, tat‑30 ta’ Awwissu 1996, p. 26650), kif emendata bil-Ley 9/2019 (il-Liġi 9/2019), tat‑28 ta’ Marzu 2019 (BOE Nru 91, tas‑16 ta’ April 2019, p. 39643) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 4/1996”), kienet tindika, fl-Artikolu 7 tagħha u fl-Anness I tagħha, il-lupu (Canis Lupus) bħala “speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa” fit-Tramuntana tax-xmara Duero. Il-Liġi 4/1996 ġiet imħassra bil-Ley 4/2021 de Caza y de Gestión Sostenible de los Recursos Cinegéticos de Castilla y León (il-Liġi 4/2021 dwar il-Kaċċa u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi tal-Kaċċa ta’ Castilla y León), tal‑1 ta’ Lulju 2021 (BOE Nru 172, tal‑20 ta’ Lulju 2021, p. 86581), li tindika wkoll, fl-Artikolu 6 tagħha u fl-Anness I.3 tagħha, il-lupu bħala tali. Il-punt 4(f) tal-Anness II tal-Liġi 4/2021 jipprevedi bħala perijodu li matulu hija awtorizzata l-kaċċa ta’ din l-ispeċi l-perijodu li ġej: mir-raba’ Ħadd tax-xahar ta’ Settembru sar-raba’ Ħadd tax-xahar ta’ Frar tas-sena ta’ wara. Fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ din l-aħħar liġi, il-valur ta’ kull lupu kkaċċjat huwa stabbilit għal EUR 6000.

17

Il-Ley 42/2007 del Patrimonio Natural y de la Biodiversidad (il-Liġi 42/2007 dwar il-Patrimonju Naturali u l-Bijodiversità), tat‑13 ta’ Diċembru 2007 (BOE Nru 299, tal‑14 ta’ Diċembru 2007, p. 51275), tipprevedi, fl-Artikolu 65(1) tagħha, li l-kaċċa u s-sajd fl-ilmijiet interni jistgħu jirrigwardaw biss l-ispeċi ddeterminati mill-komunitajiet awtonomi, peress li tali indikazzjoni ma tista’ fl-ebda każ tikkonċerna dawk li huma inklużi fil-lista tal-ispeċi li huma suġġetti għal sistema ta’ protezzjoni speċjali, u lanqas dawk li l-kaċċa jew is-sajd tagħhom huwa pprojbit mill-Unjoni Ewropea.

18

Ir-Real Decreto 139/2011 para el desarrollo del Listado de especies Silvestres en Régimen de Protección Especial y del Catálogo Español de Especies Amenazadas (id-Digriet Irjali 139/2011 li Jistabbilixxi l-Lista ta’ Annimali Selvaġġi Partikolarment Protetti u r-Reġistru Spanjol tal-Ispeċi Mhedda), tal‑4 ta’ Frar 2011 (BOE Nru 46, tat‑23 ta’ Frar 2011, p. 20912), jinkludi, fl-anness tiegħu, il-lista ta’ speċi selvaġġi partikolarment protetti u inklużi, jekk ikun il-każ, fir-reġistru Spanjol tal-ispeċi mhedda. Dan l-anness ġie emendat mill-Orden TED/980/2021, por la que se modifica el Anexo del Real Decreto 139/2011, de 4 de febrero, para el desarrollo del Listado de Especies Silvestres en Régimen de Protección Especial y del Catálogo Español de Especies Amenazadas (id-Digriet Ministerjali TED/980/2021 li jemenda l-Anness tad-Digriet Irjali 139/2011, tal‑4 ta’ Frar 2011, li Jistabbilixxi l-Lista ta’ Annimali Selvaġġi Partikolarment Protetti u r-Reġistru Spanjol tal-Ispeċi Mhedda), tal‑20 ta’ Settembru 2021 (BOE Nru 226, tal‑21 ta’ Settembru 2021, p. 115283), sabiex jinkludi fil-lista tal-ispeċi selvaġġi li huma s-suġġett ta’ sistema ta’ protezzjoni stretta l-popolazzjonijiet Spanjoli kollha tal-ilpup. Madankollu, dan id-digriet ministerjali jippermetti li l-miżuri ta’ teħid u ta’ qbid ta’ kampjuni li ġew adottati mill-komunitajiet awtonomi qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu jibqgħu japplikaw, sakemm dawn josservaw ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet. B’mod partikolari, għandu jiġi stabbilit, abbażi tal-aħjar għarfien disponibbli, li l-miżuri ma jaffettwax b’mod negattiv l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi kkonċernata.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

19

Permezz tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2019, id-Direttorat Ġenerali tal-Patrimonju Naturali u tal-Politika Forestali ta’ Castilla y León approva l-pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fit-territorji miftuħa għall-kaċċa li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero f’Castilla y León għall-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022.

20

Dan il-pjan huwa bbażat fuq għadd reġjonali ta’ lpup tas-snin 2012 u 2013, li jagħmel parti minn għadd nazzjonali mwettaq bejn is-sena 2012 u s-sena 2014, kif ukoll fuq rapporti ta’ monitoraġġ annwali, li jinkludu sforz ta’ osservazzjoni u ta’ sorveljanza inqas minn dak magħmul għat-tfassil ta’ għadd. Abbażi tad-data disponibbli u b’applikazzjoni ta’ fatturi differenti, l-imsemmi pjan jiddikjara li l-għadd stmat ta’ lpup li kienu jeżistu qabel il-kaċċa fit-Tramuntana tax-xmara Duero f’Castilla y León huwa ta’ 1051. L-għadd nazzjonali rrapporta total ta’ 297 grupp fi Spanja, li minnhom 179 jaqgħu taħt l-għadd ta’ Castilla y León, jiġifieri 60.3 % tal-għadd totali fil-livell nazzjonali. Skont il-konklużjonijiet tal-istess pjan, ir-rata ta’ mortalità annwali ta’ iktar minn 35 % tirriżulta fi tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi.

21

Fl‑14 ta’ Novembru 2019, l-ASCEL ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2019, li ġie miċħud permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Marzu 2020 tal-Consejero de Fomento y Medio Ambiante (il-Ministru tal-Komunità Awtonoma tal-Iżvilupp u tal-Ambjent) tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León.

22

Fis‑17 ta’ Frar 2020, l-ASCEL ippreżentat rikors quddiem l-Awla għall-Kwistjonijiet Amministrattivi tat-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ dan ir-rikors, hija titlob kemm l-annullament tad-digriet li permezz tiegħu ġie miċħud ir-rikors tagħha ppreżentat kontra d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2019 kif ukoll dak ta’ din id-deċiżjoni stess. Barra minn hekk, peress li s-sitwazzjoni legali preċedenti għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma tistax tiġi stabbilita mill-ġdid, peress li l-ilpup ikkonċernati ġew maqtula, l-ASCEL titlob li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġi kkundannata tħallas allowance kumpensatorja għad-dannu kkawżat lill-fawna selvaġġa, ekwivalenti għall-valur ekonomiku ta’ kull kampjun maqtul matul l-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022, jiġifieri somma ta’ EUR 9261 għal kull lupu.

23

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rapport mibgħut mir-Renju ta’ Spanja fl‑2019 lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitat, għall-perijodu 2013–2018 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tas-sena 2019”) jindika li l-lupu kien jinsab fi stat ta’ konservazzjoni “sfavorevoli u inadegwat” fir-Reġjun tal-Mediterran, tal-Atlantiku u tal-Alpi, fejn l-ewwel tnejn minn dawn ir-reġjuni jinkludu t-territorju ta’ Castilla y León.

24

Madankollu, skont l-Artikolu 7 u l-Anness I tal-Liġi 4/1996, il-lupu kien indikat bħala “speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa” fit-Tramuntana tax-xmara Duero.

25

Dik il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-indikazzjoni mad-Direttiva dwar il-habitat u tistaqsi wkoll dwar il-portata, il-kontenut u s-sors tar-rapporti xjentifiċi li jistgħu jsostnu d-deċiżjonijiet dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu u, konsegwentement, il-miżuri intiżi sabiex it-teħid mis-selvaġġ ta’ kampjuni tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi msemmija fl-Anness V ta’ din id-direttiva kif ukoll l-isfruttament ta’ dawn l-ispeċi jkunu kompatibbli maż-żamma ta’ dawn l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

26

Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Sa fejn kull miżura meħuda minn Stat Membru abbażi tad-[Direttiva dwar il-habitat] għandu jkollha bħala għan, skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, li jiġu żgurati ż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-ispeċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju, bħalma huwa l-lupu (canis lupus),

1)

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2), kif ukoll tal-Artikoli 4, 11, 12, 14, 16 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludu li, skont liġi ta’ komunità awtonoma [bħall-Liġi 4/1996, sussegwentement il-Liġi 4/2021], il-lupu huwa identifikat bħala speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa, b’tali mod li l-isfruttament lokali tal-lupu fit-territorji miftuħa għall-kaċċa kien ġie awtorizzat matul l-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022, u dan filwaqt li, skont ir-rapport [tas-sena 2019], l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu huwa ‘sfavorevoli u inadegwat’, li wassal lill-Istat (l-Istat Membru, Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitat) sabiex jinkludi l-popolazzjonijiet Spanjoli kollha tal-lupu fil-lista tal-ispeċi selvaġġi li huma s-suġġett ta’ sistema ta’ protezzjoni speċjali u fir-reġistru Spanjol ta’ speċi mhedda, b’mod li ta protezzjoni stretta anki lill-popolazzjoni li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero?

2)

huwa kompatibbli ma’ dan l-għan li l-lupu jingħata protezzjoni differenti skont jekk jinsabx fit-Tramuntana jew fin-Nofsinhar tax-xmara Duero, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni (i) il-fatt li, minn perspettiva xjentifika, din id-distinzjoni llum il-ġurnata titqies li hija inadegwata, (ii) l-evalwazzjoni sfavorevoli tal-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fit-tliet reġjuni fejn jinsab fi Spanja, jiġifieri fir-reġjun tal-Alpi, tal-Atlantiku u tal-Mediterran, matul il-perijodu bejn l‑2013 u l‑2018, (iii) il-fatt li din hija speċi li tgawdi minn protezzjoni stretta prattikament fl-Istati Membri kollha u, b’mod partikolari, fil-Portugall, li miegħu huwa kondiviż wieħed minn dawn ir-reġjuni, u (iv) il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-firxa naturali u l-portata territorjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu, u dan filwaqt li jitqies li jkun iktar konformi mad-Direttiva dwar il-habitat u li ma jkunx hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) tagħha jekk il-lupu jiġi inkluż fl-Annessi II u IV mingħajr ma ssir distinzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tax-xmara Duero, b’tali mod li l-qbid u l-qtil tal-lupu jkunu possibbli biss meta ma jkun hemm ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra fis-sens tal-Artikolu 16 u konformement mar-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu?

Fil-każ li jitqies li din id-distinzjoni hija ġġustifikata,

3)

il-kelma ‘sfruttament’ li tinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat tinkludi l-isfruttament fil-kuntest tal-kaċċa tal-lupu fid-dawl tal-importanza partikolari ta’ din l-ispeċi (li għandha prijorità fiż-żoni territorjali l-oħra), u fid-dawl tal-fatt li l-kaċċa għal-lupu kienet awtorizzata sal-lum il-ġurnata u tal-fatt li ġie kkonstatat li s-sitwazzjoni tiegħu għall-perijodu bejn l-2013 u l-2018 kienet sfavorevoli?

4)

l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jipprekludi l-identifikazzjoni, permezz ta’ leġiżlazzjoni, tal-lupu fit-Tramuntana tax-xmara Duero bħala speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa (Artikolu 7 u Anness I tal-[Liġi Nru 4/1996] u Artikolu 6 u Anness I tal-Liġi Nru 4/2021 […], kif ukoll l-adozzjoni ta’ pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fit-territorji territorji miftuħa għall-kaċċa li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero fir-rigward tal-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022 mingħajr ma tkun ippreżentata d-data li tippermetti li jiġi evalwat jekk is-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva kinitx ġiet implimentata, mingħajr it-twettiq, sa mill-2012–2013, ta’ ċensimenti u mingħajr ma tingħata informazzjoni suffiċjenti, oġġettiva, xjentifika u aġġornata fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-lupu fil-fajl li fuqu kienet ibbażata l-adozzjoni tal-pjan ta’ sfruttament lokali, u dan filwaqt li, għall-perijodu bejn l-2013 u l-2018, fit-tliet reġjuni fejn il-lupu jinsab fi Spanja, jiġifieri fir-reġjun tal-Alpi, tal-Atlantiku u tal-Mediterran, l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tiegħu hija sfavorevoli?

5)

skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 11 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitat, ir-rapporti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu (il-livelli ta’ popolazzjoni attwali u reali, it-tqassim ġeografiku attwali, ir-rata ta’ riproduzzjoni, eċċ), jiġu stabbiliti mill-Istat Membru kull sitt snin jew, jekk ikun meħtieġ, f’perijodu iqsar, permezz ta’ kumitat xjentifiku bħalma huwa dak maħluq permezz tar-Real Decreto 139/2011 (id-Digriet Irjali Nru 139/2011), fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata jinsabu fit-territorju ta’ diversi komunitajiet awtonomi u tal-ħtieġa li jiġu evalwati “fuq livell ikbar” il-miżuri li jikkonċernaw popolazzjoni lokali, konformement mas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola [(C‑674/17, EU:C:2019:851)]?”

Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

27

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28

Insostenn ta’ din it-talba, din il-qorti sostniet, minn naħa, li l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja huwa sfavorevoli u, min-naħa l-oħra, li l-perijodu ta’ awtorizzazzjoni tal-kaċċa kkonċernata jibda r-raba’ Ħadd tax-xahar ta’ Settembru 2022.

29

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża teżiġi li din tiġi ttrattata f’qasir żmien, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissuġġetta rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

30

Għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa tista’ tiġi ġġustifikata meta jeżisti riskju kbir li jkun hemm konsegwenzi irrimedjabbli fuq l-ambjent sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2023, Confédération paysanne et (Mutaġenesi każwali in vitro), C‑688/21, EU:C:2023:75, punt 27).

31

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl‑14 ta’ Lulju 2022, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukata Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

32

Fil-fatt, għalkemm il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fir-rigward tal-istaġun 2022/2023, il-perijodu ta’ awtorizzazzjoni tal-kaċċa kkonċernata kien ser jibda r-raba’ Ħadd tax-xahar ta’ Settembru 2022, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna biss l-approvazzjoni tal-pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fit-territorji miftuħa għall-kaċċa li jinsabu fit-tramuntana tax-xmara Duero f’Castilla y León għat-tliet staġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fl-assenza ta’ elementi addizzjonali, ma jistax jiġi konkluż li, fil-kawża prinċipali, riskju qawwi li jkun hemm konsegwenzi irrimedjabbli fuq l-ambjent sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa kkaratterizzat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

34

Madankollu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jagħti lil din il-kawża trattament prijoritarju, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

35

Il-Gvern Spanjol u l-Amministrazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għal diversi raġunijiet.

36

Il-Gvern Spanjol isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex iktar rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li, fis-sentenza tagħha Nru 99/2022, tat‑13 ta’ Lulju 2022, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) iddikjarat bħala antikostituzzjonali d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 4/2021, u b’mod partikolari l-punt 4(f) tal-Anness II tagħha, minħabba, b’mod partikolari, il-ksur minn dawn tal-aħħar tad-Digriet Ministerjali TED/980/2021.

37

Min-naħa tagħha, l-Amministrazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León issostni li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali, ma huwiex neċessarju li tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost li jiġu evalwati l-provi inklużi fil-proċess. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju diġà ddeċidiet fuq rikors ippreżentat mill-istess rikorrenti kontra pjan simili u bbażat fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din tal-aħħar, f’dan il-każ, ma qajmitx dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. It-tielet nett, il-kawża prinċipali hija ta’ natura artifiċjali.

38

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tindika l-lupu bħala speċi li tista’ tkun is-suġġett tal-kaċċa, kif ukoll dik dwar jekk il-preġudizzju kkawżat lill-popolazzjoni tal-ilpup bil-kaċċa taħt il-leġiżlazzjonijiet reġjonali li jippreċedu d-deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza għandux jagħti lok għal kumpens. Issa, dik id-deċiżjoni tikkonċerna biss il-perijodu ta’ wara s-sena 2021, filwaqt li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-istaġuni tal-kaċċa li jmorru lura għas-sena 2019. Għaldaqstant, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjonijiet reġjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni għad għandha interess għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

41

Għalhekk, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u lanqas li l-problema hija ta’ natura ipotetika, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li saru lilha.

42

Għaldaqstant, il-motivi ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Gvern Spanjol u mill-Amministrazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León għandhom jiġu miċħuda.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

44

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2, 4, 11, 12, 14, 16 u 17 tad-Direttiva dwar il-habitat għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-lupu huwa indikat bħala speċi li l-kampjuni tagħha jistgħu jiġu kkaċċjati f’parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru li ma taqax taħt il-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, meta l-istat ta’ konservazzjoni tagħha ġie kkunsidrat bħala sfavorevoli fit-territorju kollu tal-imsemmi Stat Membru.

45

Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva u għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ma’ dan l-artikolu tal-pjan ta’ sfruttament lokali tal-lupu fit-territorji miftuħa għall-kaċċa li jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Duero f’Castilla y León, peress li l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fit-tliet reġjuni li huwa kien jokkupa fi Spanja, jiġifieri r-Reġjun tal-Alpi, tal-Atlantiku u tal-Mediterran, matul il-perijodu 2013–2018, ġie kkunsidrat bħala sfavorevoli.

46

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fl-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva dwar il-habitat tindika li l-preżervazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, inkluża l-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa, jikkostitwixxu għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex mill-Unjoni.

47

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, moqri flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV tagħha, il-lupu jaqa’ taħt l-ispeċi ta’ “interess Komunitarju” li fir-rigward tagħha għandha tiġi żgurata “ħarsien strett [protezzjoni stretta]”, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

48

Din is-sistema ta’ protezzjoni stretta hija intiża, b’mod partikolari, għall-popolazzjonijiet tal-ilpup li jinsabu fin-Nofsinhar tax-xmara Duero, li huma espressament inklużi fl-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitat, bħala speċi “ta’ interess Komunitarju li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jiġu ddikjarati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”.

49

Il-popolazzjonijiet Spanjoli tal-ilpup li jinsabu fit-Tramuntana ta’ din ix-xmara huma, min-naħa tagħhom, inklużi fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat, bħala speċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju li t-teħid tagħhom mis-selvaġġ u l-isfruttament tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ ġestjoni u li jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li speċi ta’ annimali jew pjanti ta’ interess Komunitarju hija inkluża fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat ma jimplikax li l-istat ta’ konservazzjoni tagħha għandu, bħala prinċipju, jitqies li huwa favorevoli. Fil-fatt, minbarra l-fatt li huma l-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-istatus ta’ dawn l-ispeċi fit-territorju tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li din l-inklużjoni timplika biss li, fid-dawl tal-obbligu ta’ sorveljanza previst fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva u sabiex jiġi ggarantit l-għan tagħha, din l-ispeċi “tista’” tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ ġestjoni, b’differenza mill-ispeċi inklużi fl-Anness IV(a) tal-imsemmija direttiva, li jibbenefikaw fi kwalunkwe każ mis-sistema ta’ protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12 tal-istess direttiva.

51

Tali inklużjoni ma tistax, fil-fatt, tiġi interpretata f’sens kuntrarju għall-għan imfittex mid-Direttiva dwar il-habitat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, huwa li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri, peress li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi espressament li l-miżuri meħuda skont din id-direttiva huma intiżi sabiex jiżguraw iż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi ta’ interess Komunitarju.

52

Fir-rigward tal-miżuri ta’ ġestjoni li l-ispeċi inklużi fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitats, bħall-popolazzjonijiet tal-ilpup fit-tramuntana tax-xmara Duero, jistgħu jkunu s-suġġett tagħhom, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, “[j]ekk, in vista ta’ din is-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11, l-Istati Membri jidhrilhom li hu meħtieġ, huma għandhom jieħdu miżuri li jiżguraw li t-teħid fis-selvaġġ ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġa elenkati fl-Anness V kif ukoll l-esplojtazzjoni tagħhom huwa kompatibbli ma’ li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli”.

53

Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw in-neċessità li jiġu adottati miżuri skont l-imsemmija dispożizzjoni, ta’ natura li jillimitaw l-isfruttament tal-ispeċi inklużi fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, konformement mal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, dawn il-miżuri jistgħu jikkonċernaw l-aċċess għal ċerti setturi, il-projbizzjoni tat-teħid ta’ kampjuni mis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ ċerti popolazzjonijiet jew ukoll l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ kwoti. Għaldaqstant, għalkemm jinkludu regoli tal-kaċċa, kif jirriżulta mir-raba’ inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri adottati abbażi ta’ dan l-artikolu huma ta’ natura li jirrestrinġu, u mhux li jestendu, it-teħid tal-ispeċi kkonċernati.

55

Min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-marġni ta’ evalwazzjoni msemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza huwa limitat mill-obbligu li jiġi żgurat li t-teħid ta’ kampjuni ta’ speċi mis-selvaġġ u l-isfruttament ta’ dawn il-kampjuni jkun kompatibbli maż-żamma ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

56

Fil-fatt, għandu jitfakkar li kull miżura meħuda minn Stat Membru abbażi tad-Direttiva dwar il-habitat għandu jkollha bħala għan, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li jiġu żgurati ż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ispeċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju.

57

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ħmistax-il premessa tad-Direttiva dwar il-habitat, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li għandha tiġi pprovduta sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi tal-fawna u tal-flora u li l-miżuri ta’ ġestjoni għandhom jiġu previsti għal ċerti speċi, “jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob”, liema miżuri jinkludu l-projbizzjoni ta’ ċerti modalitajiet ta’ qbid jew ta’ qtil, filwaqt li l-istess sistema tipprovdi għall-possibbiltà ta’ derogi taħt ċerti kundizzjonijiet. B’dan il-mod, kif turi l-frażi “jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob”, l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandha tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li l-ispeċi kkonċernata tinżamm jew tiġi rripristinata fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

58

Minn dan jirriżulta, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat għandu jiġi interpretat fis-sens li l-isfruttament permezz tal-kaċċa jista’ jiġi ristrett jew ipprojbit jekk dan ikun neċessarju sabiex l-ispeċi kkonċernata tinżamm jew tiġi rripristinata fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

59

Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw is-sorveljanza tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi u tal-habitat naturali msemmija fl-Artikolu 2 tad-direttiva, b’attenzjoni partikolari għat-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità u l-ispeċi ta’ prijorità. Din is-sorveljanza hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva u sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri li jiżguraw il-kompatibbiltà tal-isfruttament ta’ din l-ispeċi maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli u tikkostitwixxi fiha nnifisha waħda mill-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-imsemmija speċi. Għaldaqstant, speċi ma tistax tiġi sfruttata fuq livell tal-kaċċa jekk ma tkunx żgurata sorveljanza effettiva tal-istat ta’ konservazzjoni tagħha.

60

Skont id-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi għandu jitqies li huwa favorevoli meta, l-ewwelnett, id-data dwar id-dinamika tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tippermetti li jiġi preżunt li din tikkostitwixxi u ser tkompli tikkostitwixxi għal żmien twil element vijabbli tal-habitat naturali li għalih din l-ispeċi tappartjeni. It-tieni nett, il-firxa naturali ta’ din l-ispeċi la għandha tonqos u lanqas għandha xejra li ser titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli. It-tielet nett, hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm habitat kbir biżżejjed biex iżomm il-popolazzjonijiet tal-imsemmija speċi għal żmien twil (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 56).

61

Il-kunċett ta’ “firxa naturali”, li jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi huwiex favorevoli, huwa, fil-każ ta’ speċi ta’ annimali protetti li jokkupaw territorji kbar, bħal-lupu, usa’ miż-żona ġeografika li tippreżenta l-elementi fiżiċi jew bijoloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Alianța pentru combaterea abuzurilor, C‑88/19, EU:C:2020:458, punt 38).

62

Barra minn hekk, sa fejn l-effett, fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata, tat-teħid mis-selvaġġ u tal-isfruttament ta’ din l-ispeċi għandu jiġi evalwat “in vista ta’ din is-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11” tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Istati Membri għandhom, meta jieħdu deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-kaċċa tal-imsemmija speċi, skont l-Artikolu 14(1) tagħha, jiġġustifikaw dawn id-deċiżjonijiet u jipprovdu d-data ta’ sorveljanza li fuqha l-imsemmija deċiżjonijiet huma bbażati.

63

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss id-data dwar il-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata li hija s-suġġett tal-miżura ta’ sfruttament inkwistjoni, iżda wkoll l-impatt ta’ din tal-aħħar fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fuq skala ikbar, fil-livell tar-reġjun bijoġeografiku jew ukoll, sa fejn huwa possibbli, fuq il-livell transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 61).

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-habitat jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu u jibagħtu lill-Kummissjoni, kull sitt snin, rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bl-għan li jintlaħaq għan ta’ żamma ta’ “stat ta’ konservazzjoni favorevoli”, iddefinit fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. Dan ir-rapport għandu jinkludi r-riżultati prinċipali tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11 tad-direttiva. Barra minn hekk, huwa għandu jikkonsisti fi tliet partijiet, jiġifieri parti li tinkludi informazzjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-istess direttiva, parti li tinkludi evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi differenti u parti ddedikata għall-habitat. L-imsemmi rapport għandu jirrigwarda l-habitats u l-ispeċi kollha preżenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

65

Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi u tal-opportunità li jiġu adottati miżuri bbażati fuq l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat għandhom isiru b’teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tar-rapport stabbilit skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, iżda wkoll id-data xjentifika l-iktar reċenti miksuba permezz tas-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom isiru mhux biss fil-livell lokali, iżda wkoll fil-livell tar-reġjun bijoġeografiku jew saħansitra fil-livell transkonfinali.

66

Barra minn hekk, din is-sorveljanza għandha tkun is-suġġett ta’ attenzjoni speċifika meta din l-ispeċi tidher fl-Anness II u fl-Anness IV(a) ta’ din id-direttiva għal ċerti reġjuni u fl-Anness V tal-imsemmija direttiva, għal reġjuni ġirien, u meta din titqies, b’mod ġenerali, bħala “speċi ta’ interess Komunitarju”.

67

Madankollu, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, skont ir-rapport tas-sena 2019, li għandu jiġi kkunsidrat bħala dokument ta’ referenza, rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fi Spanja matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-popolazzjonijiet tal-ilpup fi Spanja jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni “sfavorevoli u inadegwat” fit-tliet reġjuni bijoġeografiċi okkupati mil-lupu f’dan l-Istat Membru, jiġifieri fir-Reġjun tal-Alpi, tal-Atlantiku u tal-Mediterran, inklużi dawk li jinsabu fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tax-xmara Duero.

68

Barra minn hekk, minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li l-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y Léon ma ħaditx inkunsiderazzjoni, waqt it-tfassil tal-pjan ta’ sfruttament għall-istaġuni 2019/2020, 2020/2021 u 2021/2022, dan ir-rapport.

69

Issa, meta speċi ta’ annimali tkun tinsab fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli, bħal f’dan il-każ, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, jieħdu miżuri, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, sabiex itejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata, b’tali mod li l-popolazzjonijiet tagħha jilħqu fil-futur stat ta’ konservazzjoni favorevoli fit-tul. Ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tal-kaċċa wara l-konstatazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli ta’ din l-ispeċi tista’ għalhekk tiġi kkunsidrata bħala miżura neċessarja sabiex jiġi rripristinat l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-imsemmija speċi.

70

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, l-adozzjoni ta’ miżuri bbażati fuq dan l-artikolu hija, fi kwalunkwe każ, permessa biss jekk dawn jikkontribwixxu għaż-żamma jew għar-ripristinar tal-ispeċi kkonċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Għalhekk, jekk l-analiżi mwettqa fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-ispeċi li jinsabu fl-Anness V tad-Direttiva dwar il-habitat jipprovdu riżultati ta’ natura li juru n-natura neċessarja ta’ intervent fuq livell nazzjonali, dan l-Istat Membru jista’ jillimita, u mhux jestendi, l-attivitajiet imsemmija fl-imsemmi artikolu, sabiex it-teħid mis-selvaġġ ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi jkun kompatibbli mal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

71

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tagħha, tali miżura hija meħtieġa b’mod partikolari meta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata jkun sfavorevoli fuq kollox minħabba t-telf ta’ kampjuni. Madankollu, anki jekk dan it-telf huwa prinċipalment dovut għal raġunijiet oħra, jista’ jkun meħtieġ li ma tiġix awtorizzata l-kaċċa li tikkawża telf addizzjonali.

72

Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, jekk l-eżami tal-aħjar data xjentifika disponibbli jħalli inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk l-isfruttament ta’ speċi ta’ interess Komunitarju huwiex kompatibbli maż-żamma tagħha fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-Istat Membru kkonċernat għandu jastjeni milli jawtorizza tali sfruttament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, C‑674/17, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, EU:C:2019:851, punt 66).

73

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jimplika li, meta jkun hemm inċertezza dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni qabel ma r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu stabbiliti kompletament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 80).

74

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li miżuri ta’ protezzjoni ta’ speċi, bħar-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tal-kaċċa, jistgħu jitqiesu bħala neċessarji meta, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, ikun għad hemm inċertezza dwar ir-riskji eżistenti għaż-żamma ta’ din l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

75

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja adotta d-Digriet Ministerjali TED/980/2021, li inkluda l-popolazzjoni Spanjola kollha tal-ilpup, inkluża dik ta’ Castilla y León fit-Tramuntana tax-xmara Duero, fil-lista nazzjonali tal-ispeċi selvaġġi li huma s-suġġett ta’ sistema ta’ protezzjoni stretta.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-Direttiva dwar il-habitat tirriproduċi d-distinzjoni bejn il-popolazzjonijiet tal-ilpup li jinsabu, rispettivament, fin-Nofsinhar tax-xmara Duero u fit-Tramuntana tagħha, skont l-Artikolu 193 TFUE, il-miżuri ta’ protezzjoni adottati skont l-Artikolu 192 TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din id-direttiva, ma jipprekludux iż-żamma u l-istabbiliment, minn kull Stat Membru, ta’ miżuri ta’ protezzjoni msaħħa.

77

Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tal-protezzjoni stretta mogħtija skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, il-qbid u l-qtil jistgħu jiġu aċċettati biss bħala deroga, meta ma jkunx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra u d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom, u konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat tista’ tikkostitwixxi biss applikazzjoni konkreta u fil-ħin sabiex tissodisfa rekwiżiti preċiżi u għal sitwazzjonijiet speċifiċi (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-lupu huwa indikat bħala speċi li l-kampjuni tagħha jistgħu jiġu kkaċċjati f’parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru li ma taqax taħt il-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, meta l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fl-imsemmi Stat Membru jitqies bħala “sfavorevoli u inadegwat”. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rapport stabbilit kull sitt snin skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, id-data xjentifika l-iktar reċenti kollha, inkluża dik miksuba permezz tas-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva, kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE.

Fuq l‑ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-lupu huwa indikat bħala speċi li l-kampjuni tagħha jistgħu jiġu kkaċċjati f’parti mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru li ma taqax taħt il-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, meta l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fl-imsemmi Stat Membru jitqies bħala “sfavorevoli u inadegwat”. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rapport stabbilit kull sitt snin skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, id-data xjentifika l-iktar reċenti kollha, inkluża dik miksuba permezz tas-sorveljanza prevista fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva, kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.