SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
18 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Impossibbiltà għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli minħabba l-għoti preċedenti tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Riskju li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti f’dan l-Istat Membru l-ieħor – Eżami minn dawn l-awtoritajiet ta’ din l-applikazzjoni għall-ażil minkejja l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fl-imsemmi Stat Membru ieħor – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 4 – Analiżi individwali”
Fil-Kawża C‑753/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura
QY
vs
Bundesrepublik Deutschland,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe (Relatriċi), E. Regan, T. von Danwitz, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, S. Rodin, I. Jarukaitis, A. Kumin, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: K. Hötzel, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Settembru 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal QY, minn S. Kellmann, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, A. Hoesch u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, A. Van Baelen u M. Van Regemorter, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u D. O’Reilly, bħala aġenti, assistiti minn A. McMahon, BL, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn G. Karipsiadis u T. Papadopoulou, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, O. Duprat-Mazaré, B. Fodda u J. Illouz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux, J. Reckinger u T. Schell, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u M. Kopetzki, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, J. Hottiaux u H. Leupold, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tal-Artikolu 10(2) u (3) u tal-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn QY, ċittadina Sirjana li kisbet l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni ta’ QY intiża għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament Nru 604/2013
|
3 |
Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 604/2013 tipprovdi: “L-ewwel fażi tal-ħolqien ta[s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] li, fit-tul ta’ żmien, għandha twassal għal proċedura komuni u status uniformi, validu madwar l-Unjoni, għal dawk li jingħataw il-protezzjoni internazzjonali, issa tlestiet. […]” |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-għan tal-imsemmi regolament kif ġej: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).” |
|
5 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.” |
Id‑Direttiva 2011/95
|
6 |
Il-premessi 7 u 9sa 13 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdu dan li ġej:
[…]
|
|
7 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi l-iskop ta’ din tal-aħħar kif ġej: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.” |
|
8 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.” |
|
9 |
Il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 8 tagħha. L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. […] 3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…]” |
|
10 |
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jinkludu l-Artikoli 9 sa 12 tagħha. L-Artikoli 11 u 12 ta’ din id-direttiva jiddefinixxu, rispettivament, il-każ fejn persuna li tkun ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat ma tibqax refuġjat u l-każ fejn persuna li tkun ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat tkun eskluża mill-istatus ta’ refuġjat. |
|
11 |
L-Artikoli 13 u 14 tal-imsemmija direttiva jinsabu fil-Kapitolu IV tagħha, li huwa intitolat “Status ta’ refuġjat”. |
|
12 |
Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.” |
|
13 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Revoka ta’, tmiem ta’ jew ċaħda għat-tiġdid ta’ stat ta’ refuġjat”, jipprovdi: “1. Rigward applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva [2004/83], l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 11. 2. Mingħajr preġudizzju għad-dmir tar-refuġjat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li jiżvela l-fatti rilevanti kollha u jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu jew/tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat għandu, fuq bażi individwali, juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet refuġjat bi qbil mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 3. L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:
[…]” |
|
14 |
Il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kontenut ta’ Protezzjoni Internazzjonali”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 35 tagħha. L‑Artikolu 29 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għajnuna soċjali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.” |
|
15 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom, b’konnessjoni mal-Kummissjoni [Ewropea], jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jistabbilixxu kooperazzjoni diretta u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.” |
Id‑Direttiva 2013/32
|
16 |
Il-premessi 4, 12, 13 u 43 tad-Direttiva 2013/32 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
17 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-għan tagħha kif ġej: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva [2011/95].” |
|
18 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Dispożizzjonijiet aktar favorevoli”, jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu fis-seħħ standards aktar favorevoli għal proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawk l-istandards ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.” |
|
19 |
Skont l-Artikolu 10(2) u (3) ta’ din id-direttiva: “2. Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
|
|
20 |
L-Artikolu 33(1)u (2)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Nru 604/2013], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu. 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:
|
|
21 |
L-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2013/32 jiddeterminaw il-proċeduri għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali. |
|
22 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom, f’kuntatt mal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta u bdil ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
23 |
Il-punt 2 tal-Artikolu 1(1) tal-Asylgesetz (AsylG) (il-Liġi dwar id-Dritt tal-Ażil), tas‑26 ta’ Ġunju 1992 (BGBl. 1992 I, p. 1126), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 9 tal-Gesetz zur Weiterentwicklung des Ausländerzentralregisters (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tar-Reġistru Ċentrali taċ-Ċittadini Barranin), tad‑9 ta’ Lulju 2021 (BGBl. 2021 I, p. 2467) (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), jipprovdi: “(1) Din il-liġi tapplika għaċ-ċittadini barranin li jitolbu: […] 2. protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva [2011/95].” |
|
24 |
L-Artikolu 29 tal-AsylG, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprevedi, fil-punt 2 tal-paragrafu 1 tiegħu: “Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta […]
|
|
25 |
L-Artikolu 60(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (Aufenthaltsgesetz – AufenthG) (il-Liġi dwar ir-Residenza, l-Attività Professjonali u l-Integrazzjoni taċ-Ċittadini Barranin fit-Territorju Federali), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil‑25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 4a tal-Gesetz zur Regelung eines Sofortzuschlages und einer Einmalzahlung in den sozialen Mindestsicherungssystemen sowie zur Änderung des Finanzausgleichsgesetzes und weiterer Gesetze (il-Liġi li Tirregola Suppliment Immedjat u Pagament Uniku fis-Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali Minima kif ukoll Emenda tal-Liġi dwar l-Aġġustament Finanzjarju u Liġijiet Oħra), tat‑23 ta’ Mejju 2022 (BGBl. 2022 I, p. 760), jipprovdi: “Skont il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)) (u li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954] (BGBl. 1953 II, p. 559), ċittadin barrani ma jistax jiġi rritornat lejn il-fruntiera ta’ Stat li fih ħajtu jew il-libertà tiegħu huma mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu. L-istess japplika għall-benefiċjarji tad-dritt għall-ażil u għaċ-ċittadini barranin li, jew kisbu l-istatus ta’ refuġjat permezz ta’ att inkontestabbli, jew jibbenefikaw, għal raġuni oħra, minn status ta’ refuġjati barranin fit-territorju federali, jew ġew irrikonoxxuti barra mit-territorju federali bħala refuġjati barranin skont il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati. Meta ċittadin barrani jinvoka l-projbizzjoni milli jiġi rritornat lejn il-fruntiera msemmija f’dan il-paragrafu, l-Uffiċċju Federali għandu jiddetermina fi proċedura tal-ażil, ħlief fil-każijiet previsti fit-tieni sentenza, jekk il-kundizzjonijiet tal-ewwel sentenza jkunux issodisfatti u jekk dan iċ-ċittadin barrani għandux jiġi rrikonoxxut bħala refuġjat. Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tista’ tiġi kkontestata biss skont id-dispożizzjonijiet tal-AsylG.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
26 |
QY, ċittadina Sirjana, ingħatat l-istatus ta’ refuġjat fil-Greċja fl-2018. |
|
27 |
F’data mhux żvelata mill-qorti tar-rinviju, QY ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja. |
|
28 |
Permezz ta’ deċiżjoni definittiva, imsemmija iżda mhux iddatata fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) ikkunsidrat li QY kienet tinsab, fil-Greċja, f’riskju serju li tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’tali mod li hija ma setgħetx tmur lura hemmhekk. |
|
29 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2019, l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjoni ta’ QY intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda taha l-protezzjoni sussidjarja. |
|
30 |
QY ressqet azzjoni kontra din id-deċiżjoni, li ġiet miċħuda mill-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) adita. Skont din tal-aħħar, l-applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kienet infondata, peress li QY ma kinetx f’riskju li tiġi ppersegwitata fis-Sirja. |
|
31 |
QY għalhekk ippreżentat appell dirett, awtorizzat minn din il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva), quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, hija ssostni li l-Uffiċċju Federali kien marbut bir-rikonoxximent, mill-awtoritajiet Elleniċi, tal-istatus ta’ refuġjat. |
|
32 |
Tali qorti tippreċiża li l-imsemmija Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) kellha tiddeċiedi fil-mertu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ QY. Fil-fatt, din l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba l-għoti minn qabel ta’ dan l-istatus fil-Greċja, sa fejn QY kienet tinsab f’riskju serju li ssostni, f’dan l-Istat Membru, trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
33 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-mertu, huwa stabbilit li QY ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jiġi rrikonoxxut lilha l-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tal-Liġi dwar ir-Residenza, l-Attività Professjonali u l-Integrazzjoni taċ-Ċittadini Barranin fit-Territorju Federali, kif emendata, id-deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat meħuda mill-awtoritajiet Elleniċi għandha biss l-effett legali li tirritorna lil din ir-refuġjat fuq il-fruntiera tal-Istat terz li hija ħarbet minnu. Min-naħa l-oħra, skont id-dritt Ġermaniż, tali deċiżjoni ma toħloq ebda dritt għal rikonoxximent ġdid tal-istatus ta’ refuġjat. Bl-istess mod, skont id-dritt Ġermaniż, din id-deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma tipproduċi ebda effett vinkolanti li jwassal sabiex l-awtoritajiet Ġermaniżi, eċċezzjonalment obbligati li jmexxu mill-ġdid proċedura ta’ ażil, ikollhom b’mod obbligatorju jirrikonoxxu dan l-istatus lill-persuna kkonċernata fl-ambitu ta’ din il-proċedura. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li l-Uffiċċju Federali jwettaq eżami awtonomu ġdid tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jekk id-dritt tal-Unjoni jirrikjedix li d-deċiżjoni tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat meħuda fi Stat Membru ieħor ikollha effett vinkolanti għal dan l-uffiċċju. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, din il-qorti hija tal-fehma li d-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 78 TFUE, ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika tali effett. Mid-dritt primarju tal-Unjoni ma jirriżulta ebda prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Konsegwentement, u fl-assenza, sal-lum, ta’ status uniformi ta’ protezzjoni internazzjonali, l-eżami tal-kundizzjonijiet sostantivi ta’ applikazzjoni għal tali protezzjoni jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru adit b’din l-applikazzjoni. |
|
36 |
Skont l-imsemmija qorti, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka lanqas ma jista’ jiġġustifika r-rikonoxximent reċiproku ta’ tali deċiżjonijiet. Barra minn hekk, din il-fiduċja nkisret f’dan il-każ, minħabba r-riskju serju tal-persuna kkonċernata li tkun esposta, fl-Istat Membru li taha protezzjoni internazzjonali, għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
37 |
It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li ebda regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni ma tipprevedi espressament li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru jipproduċi effett vinkolanti fuq il-proċedura tal-ażil fi Stat Membru ieħor. |
|
38 |
Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ uniċità tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013, jew ukoll id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95 jistgħux jimplikaw li l-istatus ta’ refuġjat mogħti minn Stat Membru għandu jiġi rrikonoxxut fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr ma jsir eżami ġdid. |
|
39 |
F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti għandha dubji fir-rigward tal-konsegwenzi legali li jirriżultaw, fil-każ ta’ riskju serju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta fl-Istat Membru li ta l-protezzjoni internazzjonali, mit-tneħħija tal-possibbiltà għal Stat Membru ieħor, adit b’applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li jiċħad tali applikazzjoni bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32. Skont l-istess qorti, l-applikant għandu jitqies li huwa “applikant tal-ewwel darba” minn dan l-Istat Membru l-ieħor u dan tal-aħħar għandu jipproċedi b’eżami ġdid, mingħajr ma jkun marbut bil-kunsiderazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat li ngħatat qabel mill-ewwel Stat Membru. |
|
40 |
Madankollu, l-istess qorti tinnota li tali approċċ jista’ jimplika evażjoni tar-regoli speċjali marbuta mat-terminazzjoni, mal-esklużjoni u mar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, previsti fl-Artikoli 11, 12 u 14 tad-Direttiva 2011/95. B’dan premess, hija tenfasizza li, f’dan il-każ, ma hemmx riskju ta’ deterjorament tal-pożizzjoni legali tal-parti kkonċernata li ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi rritornata fuq il-fruntiera tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha billi l-Uffiċċju Federali akkordalha l-protezzjoni sussidjarja. |
|
41 |
It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-mod kif għandu jinftiehem il-punt 42 tad-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar (C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964). Fil-fatt, ir-riferiment għal proċedura “ġdida” ta’ ażil jista’ jimmilita favur eżami ġdid, filwaqt li r-riferiment għad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ refuġjat jista’ jimplika rikonoxximent tal-istatus diġà mogħti minn Stat Membru ieħor. |
|
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Meta Stat Membru ma jkunx awtorizzat jeżerċita l-fakultà, mogħtija permezz tal‑Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [2013/32], li jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba l-istatus ta’ refuġjat mogħti fi Stat Membru ieħor, għaliex il-kundizzjonijiet tal-ħajja f’dan l-aħħar Stat Membru jkunu jesponu lill-applikant għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 604/2013], it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva [2011/95], kif ukoll l-Artikolu 10(2) u (3), u l-Artikolu 33(1) u (2) (a) tad-Direttiva [2013/32], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istatus ta’ refuġjat diġà mogħti jipprekludi lill-Isat Membru [tal-ewwel] milli jeżamina mingħajr preġudizzji l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet ippreżentata quddiemu u jobbligah jagħti lill-applikant l-istatus ta’ refuġjat mingħajr ma jivverifika l-kundizzjonijiet sostantivi ta’ din il-protezzjoni?” |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
43 |
L-Irlanda teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-interpretazzjoni mitluba taqa’ taħt l-applikazzjoni tat-teorija msejħa “acte clair”. Skont l-Irlanda, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ebda dispożizzjoni ta’ dan id-dritt ma tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mill-Istati Membri, tad-deċiżjonijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali meħuda minn Stat Membru ieħor. |
|
44 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta mingħajr ekwivoku li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali. Il-fatt, allegat mill-Irlanda, li l-interpretazzjoni hekk mitluba hija imposta b’ċarezza jaqa’ taħt ir-risposta fil-mertu għal din id-domanda u ma jistax, jekk jitqies li huwa stabbilit, jiġġustifika t-taqlib tal-preżunzjoni ta’ rilevanza li tgawdi minnha din id-domanda. |
|
46 |
Fi kwalunkwe każ, ma huwa bl-ebda mod ipprojbit għal qorti nazzjonali li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għaliha ma tħalli ebda dubju raġonevoli. B’hekk, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari li tinkludi tali domanda ma ssirx madankollu inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Vapo Atlantic, C‑604/21, EU:C:2023:175, punt 33). |
|
47 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
48 |
Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll l-Artikolu 10(2) u (3) u l-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma tkunx tista’ teżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar li tiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li toriġina minn applikant, lil min Stat Membru ieħor ikun diġà ta tali protezzjoni, minħabba riskju serju għal dan l-applikant li jkun suġġett, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, din l-awtorità għandha tirrikonoxxi lill-imsemmi applikant l-istatus ta’ refuġjat għas-sempliċi raġuni li dan l-istatus ikun diġà ġie rrikonoxxut lilu mill-imsemmi Stat Membru l-ieħor jew jekk hija tistax twettaq eżami awtonomu ġdid ta’ din l-applikazzjoni fil-mertu. |
|
49 |
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32, minbarra l-każijiet li fihom applikazzjoni ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jitlob protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, meta applikazzjoni titqies inammissibbli skont dan l-artikolu. L-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli (sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 76, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 23). |
|
50 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 huwa maħsub, kif jirriżulta mill-premessa 43 ta’ din id-direttiva, sabiex itaffi l-obbligu tal-Istat Membri li jeżaminaw kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jiddefinixxi s-sitwazzjonijiet li fihom applikazzjoni bħal din għandha titqies inammissibbli. Fid-dawl ta’ dan l-għan, din id-dispożizzjoni hija, fit-totalità tagħha, ta’ natura derogatorja fir-rigward ta’ dan l-obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati, imwieled barra mill-Istat ospitanti), C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Fost dawn is-sitwazzjonijiet hemm dik, prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, li fiha protezzjoni internazzjonali tkun diġà ngħatat minn Stat Membru ieħor. Meta japplikaw din ir-raġuni ta’ inammissibbiltà f’tali sitwazzjoni, l-Istati Membri huma għaldaqstant eżentati mill-obbligu msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat (Unità tal‑Familja – Protezzjoni diġà mogħtija), C‑483/20, EU:C:2022:103, punti 23 u 24). |
|
52 |
B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fuq bażi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux jeżerċitaw il-fakultà, mogħtija lilhom fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, li jiċħdu applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor, meta huma jkunu waslu għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru l-ieħor jesponuh għal riskju serju li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 92; id-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar, C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punt 35; kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija), C‑483/20, EU:C:2022:103, punti 32 u 34). |
|
53 |
Fil-fatt, peress li l-fakultà mogħtija fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 tikkostitwixxi, fil-kuntest tal-proċedura komuni tal-ażil stabbilita minn din id-direttiva, espressjoni tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li jippermetti u jimponi fuq l-Istati Membri li jippreżumu, fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li t-trattament mogħti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, b’mod partikolari mal-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, din il-preżunzjoni u l-eżerċizzju tal-imsemmija possibbiltà li tirriżulta minnha ma jistgħux jiġu ġġustifikati meta jiġi stabbilit li, fir-realtà, dan ma huwiex il-każ fi Stat Membru partikolari (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 83 sa 86, kif ukoll id-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar, C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punt 41). |
|
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li n-nuqqasijiet imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza għandhom jilħqu livell minimu partikolarment għoli ta’ gravità, li jiddependi mill-informazzjoni kollha tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 89 sa 91). |
|
55 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk, fl-ipoteżi fejn ikun impossibbli għall-awtorità ta’ Stat Membru li tiddikjara inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li hija adita biha, hija tistax għalhekk tevalwa l-fondatezza ta’ din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, mingħajr ma tkun marbuta mill-fatt li Stat Membru ieħor diġà ta lill-applikant tali protezzjoni. |
|
56 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali ma jinkludix, fl-istat attwali, obbligu espress għall-Istati Membri li jirrikonoxxu b’mod awtomatiku d-deċiżjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat adottati minn Stat Membru ieħor. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 78(1) TFUE, il-politika komuni li l-Unjoni tiżviluppa fil-qasam tal-ażil hija maħsuba sabiex jingħata status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Id-diversi aspetti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil huma elenkati fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 78(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 75). |
|
58 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 78(2)(a) TFUE jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom jadottaw il-miżuri dwar sistema Ewropea komuni tal-ażil li tinkludi “status uniformi ta’ ażil favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha”. |
|
59 |
Għalkemm din id-dispożizzjoni tipprovdi għalhekk bażi legali għall-adozzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ atti tal-Unjoni li jinkludu tali status uniformi, xorta jibqa’ l-fatt li, kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa neċessarju sabiex jiġu ddefiniti b’mod konkret id-drittijiet kollha relatati mal-imsemmi status li, mogħti minn Stat Membru u rrikonoxxut mill-oħrajn kollha, huwa validu fl-Unjoni kollha. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, mill-premessi tal-atti adottati abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE, u b’mod partikolari mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 604/2013, mill-premessi 7 u 9 sa 11 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll mill-premessi 4 u 12 tad-Direttiva 2013/32, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried joħloq b’mod progressiv, f’fażijiet suċċessivi, sistema Ewropea komuni tal-ażil li għandha twassal, fit-tmiem, għal proċedura komuni u għal status uniformi ta’ refuġjat, valida fl-Unjoni kollha. |
|
61 |
Għalhekk, qabelxejn, id-Direttiva 2011/95, adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, hija maħsuba, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tagħha, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni li jkunu ġenwinament jeħtieġu protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 37). |
|
62 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva msemmija mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 4 tagħha jistabbilixxi tali kriterji komuni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, billi jippreċiża, fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tiegħu, li huwa l-Istat Membru li għandu jevalwa, b’kooperazzjoni mal-applikant, l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva min-naħa tiegħu jobbliga lill-Istati Membri jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jissodisfaw l-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu bħala refuġjat konformement mal-Kapitoli II u III tal-istess direttiva. |
|
63 |
Madankollu, la dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2011/95 ma jimponu fuq l-Istati Membri obbligu li jirrikonoxxu b’mod awtomatiku d-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat adottati minn Stat Membru ieħor. Għall-kuntrarju, ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, bħall-Artikolu 29(1) tagħha, dwar il-protezzjoni soċjali, jillimitaw ċerti drittijiet marbuta mal-istatus ta’ refuġjat għall-Istat Membru li jkun ta dan l-istatus. |
|
64 |
Sussegwentement, id-Direttiva 2013/32, ibbażata fuq l-Artikolu 78(2)(d) TFUE, tfittex, skont l-Artikolu 1 tagħha, “li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva [2011/95]”. |
|
65 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2013/32, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, jipprevedi l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-eżami tal-applikazzjonijiet għal tali protezzjoni u jeżiġi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-awtorità responsabbli għandha tiddetermina qabelxejn jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u, jekk le, tiddetermina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja. Konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 10, din l-awtorità għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha wara eżami xieraq u billi tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, la l-imsemmi Artikolu 10 u lanqas l-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2013/32, li l-kontenut tiegħu tfakkar fil-punti 49 sa 51 ta’ din is-sentenza, ma jobbligaw lill-imsemmija awtorità tirrikonoxxi b’mod awtomatiku d-deċiżjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat adottati minn Stat Membru ieħor. |
|
66 |
Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 604/2013, ibbażat fuq l-Artikolu 78(2)(e) TFUE, għandu l-għan, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat. |
|
67 |
Issa, għalkemm, konformement mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna mingħajr Stat fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, ikun liema jkun, għandha, bħala prinċipju, tiġi eżaminata biss mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament jindikaw li huwa responsabbli (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 56), madankollu, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni f’dan is-sens, ma jirriżultax li d-deċiżjoni adottata mill-Istat Membru hekk indikat għandha tiġi rrikonoxxuta b’mod awtomatiku mill-Istati Membri l-oħra. |
|
68 |
Mir-raġunijiet esposti fil-punti 57 sa 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni għadu, fl-istat attwali tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, ma kkonkretizzax kompletament l-għan li għalih huwa intiż l-Artikolu 78(2)(a) TFUE, jiġifieri status uniformi tal-ażil favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha. B’mod partikolari, il-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan l-istadju, ma stabbilixxiex prinċipju li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu b’mod awtomatiku d-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat adottati minn Stat Membru ieħor, u lanqas ma ppreċiża l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ tali prinċipju. |
|
69 |
Għalkemm l-Istati Membri huma għalhekk, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, liberi li jissuġġettaw ir-rikonoxximent tad-drittijiet kollha marbuta mal-istatus ta’ refuġjat fit-territorju tagħhom għall-adozzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, ta’ deċiżjoni ġdida ta’ għoti ta’ dan l-istatus, huma jistgħu jipprevedu rikonoxximent awtomatiku ta’ tali deċiżjonijiet adottati minn Stat Membru ieħor bħala dispożizzjoni iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/32. Issa, huwa stabbilit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma eżerċitatx din il-fakultà. |
|
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi ddeterminata, fit-tieni lok, il-portata tal-eżami, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li toriġina minn applikant li diġà ngħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif irrilevat fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies bħala refuġjat konformement mal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva, mingħajr ma għandhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 63; tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 89; kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, minbarra l-possibbiltà li jiġu applikati regoli nazzjonali iktar favorevoli, prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, din ma tipprevedix l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat minbarra dawk li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja), C‑91/20, EU:C:2021:898, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
72 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex issodisfatti, l-Istati Membri għandhom, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, jagħmlu evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini tal-persuna kkonċernata fil-mument tad-deċiżjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti ppreżentati minnha kif ukoll l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2018, F, C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 41, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 98). |
|
73 |
Fl-istess sens, mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta, essenzjalment, li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami individwali, oġġettiv u imparzjali fid-dawl ta’ informazzjoni preċiża u aġġornata. |
|
74 |
Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, ikun impossibbli għall-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li tiddikjara inammissibbli, skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li biha tkun adita, din l-awtorità għandha twettaq eżami individwali, komplet u aġġornat tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. |
|
75 |
Jekk l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li huwa refuġjat konformement mal-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2011/95, l-imsemmija awtorità għandha tagħtih l-istatus ta’ refuġjat mingħajr ma teżerċita setgħa diskrezzjonali. |
|
76 |
F’dan ir-rigward, għalkemm l-istess awtorità ma hijiex obbligata tirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat lil dan l-applikant għas-sempliċi raġuni li dan l-istatus ingħata, preċedentement, lil dan tal-aħħar permezz ta’ deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor, hija għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ din id-deċiżjoni u l-elementi li jissostanzjawha. |
|
77 |
Fil-fatt, is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li tinkludi kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni li jkollhom realment ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali, kif tenfasizza l-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95, hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li b’konformità miegħu għandu jiġi preżunt, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li t-trattament mogħti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru jkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, inkluż dawk tal-Karta, tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 84 u 85). |
|
78 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw lil xulxin u jgħinu lil xulxin reċiprokament fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 42), u li huwa espress b’mod konkret fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll fl-Artikolu 49 tad-Direttiva 2013/32, u sabiex jiġi żgurat, sa fejn ikun possibbli, il-konsistenza tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri dwar il-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali tal-istess ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, għandu jitqies li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru mitlub jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni l-ġdida għandha tibda, malajr kemm jista’ jkun, skambju ta’ informazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun preċedentement ta l-istatus ta’ refuġjat lill-istess applikant. Fuq din il-bażi, hija l-ewwel waħda minn dawn l-awtoritajiet li għandha tinforma lit-tieni waħda bit-talba l-ġdida, li tibagħtilha l-opinjoni tagħha dwar din it-talba ġdida u li titlob min-naħa tagħha t-trażmissjoni, fi żmien raġonevoli, tal-informazzjoni fil-pussess tagħha li wasslet għall-għoti ta’ dan l-istatus. |
|
79 |
Dan l-iskambju ta’ informazzjoni huwa intiż sabiex ipoġġi lill-awtorità tal-Istat Membru adita bl-imsemmija applikazzjoni ġdida f’pożizzjoni li tkun informata sewwa meta tipproċedi bil-verifiki li hija għandha twettaq fil-kuntest tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali. |
|
80 |
Fid-dawl tar-raġunijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll l-Artikolu 10(2) u (3) u l-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma tkunx tista’ teżerċita l-fakultà mogħtija minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar li tiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li toriġina minn applikant, li lilu Stat Membru ieħor ikun diġà ta tali protezzjoni, minħabba riskju serju għal dan l-applikant li jkun suġġett, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, din l-awtorità għandha twettaq eżami individwali, komplet u aġġornat ġdid ta’ din l-applikazzjoni fl-okkażjoni ta’ proċedura ġdida ta’ protezzjoni internazzjonali mwettqa konformement mad-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-imsemmija awtorità għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ id-deċiżjoni tal-imsemmi Stat Membru ieħor li tingħata protezzjoni internazzjonali lill-imsemmi applikant u l-elementi li jsostnu din id-deċiżjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
|
81 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, kif ukoll l-Artikolu 10(2) u (3) u l-Artikolu 33(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma tkunx tista’ teżerċita l-fakultà mogħtija minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar li tiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li toriġina minn applikant, li lilu Stat Membru ieħor ikun diġà ta tali protezzjoni, minħabba riskju serju għal dan l-applikant li jkun suġġett, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din l-awtorità għandha twettaq eżami individwali, komplet u aġġornat ġdid ta’ din l-applikazzjoni fl-okkażjoni ta’ proċedura ġdida ta’ protezzjoni internazzjonali mwettqa konformement mad-Direttivi 2011/95 u 2013/32. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-imsemmija awtorità għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ id-deċiżjoni tal-imsemmi Stat Membru ieħor li tingħata protezzjoni internazzjonali lill-imsemmi applikant u l-elementi li jsostnu din id-deċiżjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.