SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
18 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli fil-każ li entità tkun qiegħda tfalli jew x’aktarx tkun ser tfalli – Artikolu 18(7) – Adozzjoni mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – Approvazzjoni ta’ din l-iskema mill-Kummissjoni Ewropea – Artikolu 86(2) – Att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑551/22 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑17 ta’ Awwissu 2022,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, P. Němečková, A. Nijenhuis, A. Steiblytė u D. Triantafyllou, bħala aġenti,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno, stabbilita f’Madrid (Spanja)
Stiftung für Forschung und Lehre (SFL), stabbilita f’Zürich (l-Isvizzera), irrappreżentata minn R. Pelayo Jiménez u R. Pelayo Torrent, abogados,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn H. Ehlers, S. Fernández Rupérez, A. R. Lapresta Bienz u J. M. Rius Riu, bħala aġenti, assistiti minn F. B. Fernández de Trocóniz Robles, abogado, u minn B. Meyring et S. Schelo, Rechtsanwälte,
konvenut fl-ewwel istanza,
Ir‑Renju ta’ Spanja,
Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Etienne, P. López-Carceller, M. Menegatti, L. Stefani u L. Visaggio, bħala aġenti,
Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Bauerschmidt, J. Haunold, H. Marcos Fraile u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,
Banco Santander SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn J. Remón Peñalver, J. M. Rodríguez Cárcamo, A. M. Rodríguez Conde u D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogados,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, T. von Danwitz (Relatur), F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele u D. Gratsias, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2023,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno u SFL vs SRB (T‑481/17, iktar ‘il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:311), li permezz tagħha din ċaħdet it-talba għal annullament imressqa mill-Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno (iktar ’il quddiem il-“Fundación”) u l-iStiftung für Forschung und Lehre (SFL) kontra d-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-sessjoni eżekuttiva tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tas‑7 ta’ Ġunju 2017, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ‘il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża”). |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir‑Regolament (UE) Nru 1024/2013
2 |
L-Artikolu 6(4) u (5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru°1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), jipprovdi: “(4) Fir-rigward tal-kompiti definiti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu, il-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] għandu jkollu r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, […], għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding finanzjarji jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin li ġejjin jew fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti:
Il-BĊE jista’ wkoll, fuq inizjattiva proprja, jikkunsidra li istituzzjoni tkun ta’ rilevanza sinifikanti fejn tkun stabbilixxiet sussidjarji bankarji f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed u l-attivi jew il-passivi transkonfinali tagħha jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-attivi jew il-passivi totali tagħha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija. […] (5) Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 4, u fi ħdan il-qafas definit fil-paragrafu 7: […]
[…]” |
Ir‑Regolament SRM
3 |
Il-premessi 24, 26, 62, 90 u 120 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament SRM”) huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament SRM, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti msemmija fl-Artikolu 4. Dawn ir-regoli uniformi u dik il-proċedura uniformi għandhom jiġu applikati mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit skont l-Artikolu 42 (‘il-Bord’) flimkien mal-Kunsill u l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM, ‘single resolution mechanism’) stabbilit minn dan ir-Regolament. L-SRM għandu jkun sostnut minn fond uniku ta’ riżoluzzjoni (‘il-Fond’). […]” |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet li ġejjin:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament SRM intitolat “It-tqassim tal-kompiti fi ħdan l-SRM”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “(1) Il-Bord għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-SRM. (2) Soġġett għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(1), il-Bord għandu jkollu r-responsabbiltà li jfassal il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u jadotta d-deċiżjonijiet kollha relatati mar-riżoluzzjoni għal:
|
7 |
L-Artikolu 14 tar-Regolament SRM, intitolat “Objettivi ta’riżoluzzjoni”, jipprovdi li: “(1) Meta jaġixxu skont il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, u l-Kummissjoni u fejn rilevanti l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kont tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni, u jagħżlu l-għodod ta’ riżoluzzjoni u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni li, fil-fehma tagħhom, jilħqu l-aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni li huma rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ. (2) L-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:
Meta jfittxu li jiksbu l-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord, l-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-kost tar-riżoluzzjoni u jevitaw id-distruzzjoni tal-valur ħlief jekk neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni. (3) Soġġetti għal dispożizzjonijiet differenti ta’ dan ir-Regolament, l-objettivi ta’ riżoluzzjoni huma ta’ sinifikat ugwali, u għandhom ikunu bbilanċjati, kif xieraq, man-natura u ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.” |
8 |
Konformement mal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, is-SRB, il-Kunsill, il-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni “għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha” sabiex il-miżura ta’ riżoluzzjoni tittieħed konformement mal-prinċipji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, meta jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ddefinita fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament. |
9 |
L-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, intitolat “Proċedura ta’ riżoluzzjoni”, jipprovdi: “(1) Il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 6 fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u lill-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi, biss meta dan jivvaluta, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont ir-raba’ subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li ntlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:
Għandha ssir mill-BĊE valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, wara konsultazzjoni mal-Bord. Il-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista’ jagħmel tali valutazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, fi żmien tlitt ijiem kalendarji wara li tkun waslet tali informazzjoni, ma jkunx għamel tali valutazzjoni. Il-BĊE għandu jipprovdi, mingħajr dewmien, lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jirrikjedi biex ikollu informazzjoni għall-valutazzjoni tiegħu. Fejn l-BĊE jivvaluta li l-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ntlaħqet fir-rigward ta’ istituzzjoni jew grupp imsemmija fl-ewwel subparagrafu, huwa għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Bord. Il-valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jew, fejn applikabbli, mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Il-BĊE jista’ jinforma wkoll lill-Bord jew lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni konċernati li huwa jqis li l-kondizzjoni stipulata f’dak il-punt ġiet sodisfatta. (2) Mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn il-BĊE ddeċieda li jeżerċità direttament il-kompiti superviżorji relatati mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fil-każ tar-riċezzjoni ta’ komunikazzjoni skont il-paragrafu 1 jew fejn il-Bord ikollu l-intenzjoni jagħmel valutazzjoni skont il-paragrafu 1 fuq inizjattiva proprja, fir-rigward ta’ entità jew grupp imsemmi fl-Artikolu 6a(3), il-Bord għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni lill-BĊE mingħajr dewmien. […] (4) Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli f’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin: […] (5) Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt. (6) Jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha:
(7) Immedjatament wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-Bord għandu jitrażmettiha lill-Kummissjoni. Fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni għandha jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew toġġezzjonaha fir-rigward tal-aspetti ta’ diskrezzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’każijiet li mhumiex koperti fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Fi żmien 12-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex:
Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza sempliċi. L-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mill-Bord. Il-Kunsill jew il-Kummissjoni, skont il-każ, għandhom jiġġustifikaw l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ oġġezzjoni li għandhom. Fil-każ fejn, fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kunsill ikun approva l-proposta tal-Kummissjoni għal modifika tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi msemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu jew il-Kummissjoni tkun oġġezzjonat skont it-tieni subparagrafu, il-Bord, fi żmien tmien siegħat, għandu jimmodifika l-iskema ta’ riżoluzzjoni skont ir-raġunijiet espressi. Fejn l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord tipprevedi l-esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 27(5), u fejn tali esklużjoni tirrikjedi kontribuzzjoni mill-Fond jew sors alternattiv ta’ finanzjament, bil-ħsieb li titħares l-integrità tas-suq intern, il-Kummissjoni tista’ tipprojbixxi jew titlob emendi għall-esklużjoni proposta filwaqt li telenka raġunijiet adegwati bbażati fuq il-ksur tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 27 u fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 44(11) tad-Direttiva [2014/59]. (8) Fil-każ fejn il-Kunsill joġġezzjona għat-tqegħid ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, fuq il-bażi li ma jkunux se jintlaħaq il-kriterju tal-interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c), l-entità rilevanti għandha tiġi stralċjata b’mod adegwat skont il-liġi nazzjonali applikabbli. (9) Il-Bord għandu jiżgura li l-azzjoni meħtieġa ta’ riżoluzzjoni titwettaq ħalli titwettaq l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha tkun indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti u għandha tagħti istruzzjonijiet lil dawk l-awtoritajiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimentawha f’konformità mal-Artikolu 29, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni. Fejn ikun hemm għajnuna mill-Istat jew mill-Fond, il-Bord għandu jaġixxi f’konformità ma’ deċiżjoni dwar dik l-għajnuna meħuda mill-Kummissjoni. (10) Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tikseb mingħand il-Bord kwalunkwe informazzjoni li tqis rilevanti biex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Il-Bord għandu jkollu s-setgħa jikseb mingħand kwalunkwe persuna, skont il-Kapitolu 5 ta’ dan it-Titolu, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jipprepara u jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni, inklużi aġġornamenti u supplimenti ta’ informazzjoni previsti fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni.” |
10 |
L-Artikolu 22 tar-Regolament SRM intitolat “Prinċipji ġenerali tal-għodod ta’ riżoluzzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu: “(2) L-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6)(b) huma dawn li ġejjin:
[…] (4) L-għodod ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati biex ikunu sodisfatti l-objettivi ta’ riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 14, skont il-prinċipji ta’ riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 15. Huma jistgħu jiġu applikati individwalment jew fi kwalunkwe kumbinazzjoni, ħlief għall-għodda ta’ separazzjoni tal-assi li tista’ tiġi applikata biss flimkien ma’ għodda oħra ta’ riżoluzzjoni. […]” |
11 |
L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skema ta’ Riżoluzzjoni”, jipprovdi: “L-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord skont l-Artikolu 18 għandha tistabbilixxi, skont kwalunkwe deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jew għajnuna mill-Fond, id-dettalji tal-għodod ta’ riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati għall-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni […] u tiddetermina l-ammonti speċifiċi u l-għanijiet li għalihom il-Fond għandu jintuża. […] Meta jadottaw skema ta’ riżoluzzjoni, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw u jsegwu l-pjan ta’ riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 8 sakemm il-Bord ma jivvalutax, b’konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jinkisbu b’mod aktar effikaċi bit-teħid ta’ azzjonijiet li ma hemmx provvediment għalihom fil-pjan ta’ riżoluzzjoni. Matul il-proċess tar-riżoluzzjoni, il-Bord jista’ jemenda u jaġġorna l-iskema ta’ riżoluzzjoni kif xieraq fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ. Għal emendi u aġġornamenti għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 18. […]” |
12 |
L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament intitolat “Obbligu ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-SRM”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “(1) Il-Bord għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni li jieħu sabiex iħejji għal riżoluzzjoni. Fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni li tasal mingħand il-Bord, il-membri, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni kif ukoll il-persunal tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit tas-segretezza professjonali stipulat fl-Artikolu 88. (2) Fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Bord, il-Kummissjoni, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib, partikolarment fl-ippjanar ta’ riżoluzzjoni, l-intervent bikri u l-fażijiet tar-riżoluzzjoni skont l-Artikoli 8 sa 29. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.” |
13 |
L-Artikolu 43(3) tar-Regolament SRM huwa fformulat kif ġej: “Il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom kull wieħed jaħtru rappreżentant li jkun intitolat li jipparteċipa fil-laqgħat tas-sessjonijiet eżekuttivi u tas-sessjonijiet plenarji bħala osservatur permanenti. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-BĊE għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fid-dibattiti u għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha.” |
14 |
Skont l-Artikolu 86 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”: “(1) Jistgħu jinbdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 [tat-Trattat FUE], li jikkontestaw deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, fejn ma jkun hemm l-ebda dritt tal-appell lill-Bord tal-Appell, mill-Bord. (2) L-Istati Membri u l-istituzzjoniji tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bord, skont l-Artikolu 263 [tat-Trattat FUE]. (3) Fil-każ li l-Bord ikollu obbligu li jaġixxi u jonqos milli jieħu deċiżjoni, il-proċedimenti għan-nuqqas ta’ azzjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 265 [tat-Trattat FUE]. (4) Il-Bord għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
15 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 24 sa 80 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
16 |
Banco Popular Español SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) kienet istituzzjoni ta’ kreditu Spanjola suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE. |
17 |
Waqt is-sezzjoni eżekuttiva tiegħu tas‑7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta, permezz tad-deċiżjoni tiegħu SRB/EES/2017/08, abbażi tar-Regolament SRM, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ Banco Popular. |
18 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda li Banco Popular kienet ser tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni b’effett mid-data tar-riżoluzzjoni, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament kienu ssodisfatti. |
19 |
Hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 2 sa 4 tal-imsemmija skema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies, qabelxejn, li Banco Popular kienet qiegħda tfalli jew kienet x’aktarx ser tfalli, sussegwentement, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ dan il-bank f’terminu raġonevoli u, fl-aħħar nett, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ strument ta’ bejgħ tal-operat tal-imsemmi bank kienet neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tiegħu u sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja. |
20 |
L-Artikolu 5(1) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża huwa fformulat kif ġej: “L-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata għal Banco Popular ser tikkonsisti f’bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament [SRM] bit-trasferiment tal-azzjonijiet lil akkwirent. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ser jitwettqu immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat.” |
21 |
L-Artikolu 6 ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni jispeċifika l-modalitajiet relatati ma’ din l-iżvalutazzjoni kif ukoll mal-bejgħ tal-operat. |
22 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 12(1) tal-imsemmija skema ta’ riżoluzzjoni jindika li din kienet “ser tidħol fis-seħħ” fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fis‑6.30 a.m. |
23 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, fil‑5.13 a.m, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. |
24 |
Fl-istess jum fis‑6.30 a.m., din l-istituzzjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15), u kkomunikatha lis-SRB. Il-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni, kif emendata fis‑6 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 320, p. 31) tistipula dan li ġej: “Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtiija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament [SRM].” |
25 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2017 ukoll, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB) (il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji, Spanja) adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament SRM. |
Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
26 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Awwissu 2017, il-Fundación u l-iStiftung für Forschung und Lehre (SFL), li dak iż-żmien kienu azzjonisti ta’ Banco Popular, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża. |
27 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ Awwissu 2018 u tat‑12 ta’ April 2019 rispettivament, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, minn naħa, u Banco Santander, SA, min-naħa l-oħra, ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tas-SRB. |
28 |
Minkejja li s-SRB sempliċement talab li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu mingħajr ma kkontesta l-ammissibbiltà tiegħu, il-Kummissjoni qajmet, fin-nota ta’ intervent tagħha, l-inammissibbiltà tar-rikors. Hija sostniet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kienet biss att intermedju, li ma kienx jipproduċi effetti legali vinkolanti, peress li, permezz tad-Deċiżjoni 2017/1246 tagħha, hija kienet approvat din l-iskema ta’ riżoluzzjoni, u tatha tali effetti. |
29 |
Il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw ukoll fin-noti ta’ intervent tagħhom, li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tipproduċix, fiha nnifisha, effetti legali fir-rigward ta’ terzi fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. |
30 |
Fil-kuntest tal-eżami dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li, huwa minnu li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li intervenjent ma għandux il-kwalità sabiex iqajjem b’mod awtonomu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata teżamina l-motivi ta’ inammissibbiltà invokati esklużivament minnu. Madankollu, fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, hija qieset li, fir-rigward ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, kien hemm lok li tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors. |
31 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali evalwat jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża setgħetx titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, hija fakkret, fil-punti 114 u 115 tas-sentenza appellata, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma kkunsidrati bħala tali atti d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti u li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati l-imsemmija effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu. |
32 |
F’dan ir-rigward, fil-punti 116 sa 123 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat dan li ġej:
|
33 |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kienet att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. |
34 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li din il-konklużjoni ma kinitx ikkontestata mill-argumenti invokati mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. |
35 |
F’dan ir-rigward, hija rrilevat, fl-ewwel lok, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li, għalkemm skema ta’ riżoluzzjoni tidħol fis-seħħ biss minħabba l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, dan ma jfissirx li din l-approvazzjoni għandha l-effett li telimina l-effetti legali awtonomi ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni u tissostitwixxihom b’dawk tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss. Fil-punti 128 sa 130 ta’ din is-sentenza, filwaqt li qieset li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi stadju neċessarju għad-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li tagħtiha saħħa legali, il-Qorti Ġenerali qieset li l-osservanza tal-prinċipji dwar id-delega ta’ setgħat stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja”, EU:C:1958:7), ma timplikax li hija biss id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni li tipproduċi effetti legali. Fil-fehma tagħha, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha sabiex din tipproduċi effetti legali, u b’hekk tevita “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà” fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta minn din l-aħħar sentenza. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha kompetenza proprja sabiex twettaq evalwazzjoni tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda mhux tas-setgħa li teżerċita l-kompetenzi rriżervati għas-SRB u lanqas tas-setgħa li temenda l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew l-effetti legali tagħha. |
36 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li skema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex vinkolanti għall-Kummissjoni u tikkostitwixxi att preparatorju li ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, hija qieset, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kumplessa stabbilita mir-Regolament SRM, skema ta’ riżoluzzjoni ma tistax titqies li tikkostitwixxi att preparatorju li għandu l-għan ta’ tħejjija tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għalkemm skont l-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, l-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Kummissjoni għandha l-effett li tidħol fis-seħħ u, għalkemm din l-istituzzjoni tista’ topponi din l-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha, hija la tista’ topponi l-aspetti purament tekniċi tagħha u lanqas temendahom. |
37 |
Fit-tielet lok, fil-punti 140 sa 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kemm mill-Artikolu 86 tar-Regolament SRM kif ukoll minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jirriżulta li skema ta’ riżoluzzjoni hija att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors. Dan l-Artikolu 86 ma jkoprix biss id-deċiżjonijiet awtonomi tas-SRB, li ma jeħtiġux approvazzjoni tal-Kummissjoni, iżda d-deċiżjonijiet kollha tas-SRB, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk, skema ta’ riżoluzzjoni taqa’ mid-definizzjoni tagħha stess fil-kategorija tad-deċiżjonijiet li, skont l-imsemmi Artikolu 86, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. |
38 |
Fir-raba’ lok, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-interpretazzjoni kuntrarja tkun inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn kull persuna affettwata minn deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors tagħha li ma hijiex prevista espressament. |
39 |
Fl-aħħar nett, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li jgħid li ma huwiex possibbli li tiġi annullata l-iskema ta’ riżoluzzjoni jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tibqa’ fis-seħħ. Hija rrilevat f’dan ir-rigward li, fil-każ li hija tasal sabiex tannulla skema ta’ riżoluzzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprovaha tkun imċaħħda mill-iskop tagħha. |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, qieset li, ladarba tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni, skema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tipproduċi effetti legali u tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament awtonomu, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 150 ta’ din is-sentenza, iddikjarat ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat fil-każ ineżami. |
41 |
Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors bħala infondat. |
It‑talbiet tal‑partijiet
42 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
43 |
Is-SFL titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
44 |
Is-SRB jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
45 |
Il-Parlament jitlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni u tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż. |
46 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, fil-każ li hija tannulla s-sentenza appellata, tikkonstata li xejn ma jikkontesta l-legalità tar-Regolament SRM u tad-Direttiva 2014/59. |
Fuq l‑appell
47 |
Insostenn tal-appell tagħha, ippreżentat kontra s-sentenza appellata sa fejn, permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża hija att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq kontradizzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata. |
Fuq l‑ammissibbiltà
48 |
Is-SFL issostni li l-appell huwa inammissibbli. Hija tfakkar li t-talbiet fir-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss l-għan li jsostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet u minn dan hija tiddeduċi li l-Kummissjoni, li kellha l-kwalità ta’ intervenjenti fl-ewwel istanza, ma tistax tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’mod awtonomu fil-livell tal-appell. |
49 |
Il-Kummissjoni u l-Parlament jopponu dan l-argument. |
50 |
F’dan ir-rigward, mis-sentenza appellata jirriżulta li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni invokat l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza minħabba li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. Barra minn hekk, u hekk kif fil-fatt fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 112 u 113 tas-sentenza appellata, jekk intervenjent ma jkunx intitolat li jqajjem, b’mod awtonomu, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jeħtieġ, fir-rigward ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 22 u 23). Fil-punti 114 sa 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet tali eżami ex officio tal-ammissibbiltà tar-rikors u, fi tmiem dan l-eżami, iddeċidiet li dan ir-rikors kien ammissibbli, u b’hekk ċaħdet impliċitament l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. L-imsemmi eżami għandu jkun jista’ jiġi suġġett għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell. |
51 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors fl-ewwel istanza fuq il-mertu ma jimplikax l-inammissibbiltà tal-appell preżenti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli sa fejn, meta hija tkun tat deċiżjoni ex officio jew deċiżjoni dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn waħda mill-partijiet fil-konfront ta’ azzjoni, hija tkun sussegwentement ċaħdet l-inammissibbiltà tar-rikors, minkejja li, imbagħad fl-istess sentenza, hija tkun ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjon vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell imqajma mis-SFL għandha tiġi miċħuda. |
Fuq il‑mertu
Fuq l‑ewwel aggravju
– L‑argumenti tal‑partijiet
53 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM meta, fil-punti 116 sa 120, 127 u 137 tas-sentenza appellata, qieset li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża hija att li jista’ jiġi kkontestat li jipproduċi effetti legali vinkolanti. |
54 |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirrileva li hija hi stess jew, jekk ikun il-każ, il-Kunsill li tagħti effetti legali vinkolanti lil skema ta’ riżoluzzjoni sabiex din tevita “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. Billi fil-punt 132 tas-sentenza appellata, affermat li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa fir-rigward tal-modifika ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret id-dispożizzjonijiet tal-ewwel, it-tieni u s-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM. |
55 |
Sussegwentement, l-interpretazzjoni li tipprovdi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża tipproduċi effetti legali awtonomi indipendentement mill-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, mill-Kunsill, tmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, kompetenzi li jinvolvu l-eżerċizzju ta’ setgħat diskrezzjonali ma jistgħux jiġu ddelegati lil entitajiet awtonomi li ma kinux previsti mit-Trattati. L-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet vinkolanti minn entitajiet bħal dawn għandha, b’mod ġenerali, tkun limitata għal kwistjonijiet strettament tekniċi, mingħajr ma jinqabżu l-limiti stretti stabbiliti fl-att bażiku. Issa, mill-premessa 24 tar-Regolament SRM jirriżulta li l-imsemmija ġurisprudenza ggwidat lil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, li permezz tiegħu l-kontroll tal-aspetti diskrezzjonali ta’ skema ta’ riżoluzzjoni ġie rriżervat għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom kompetenzi għall-politika fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. |
56 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, billi indikat, fil-punti 130, 132 u 137 tas-sentenza appellata, li hija mitluba tevalwa biss ċerti aspetti diskrezzjonali determinanti għall-approvazzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aspetti diskrezzjonali huma intrinsikament marbuta mal-aspetti iktar tekniċi. Għaldaqstant, meta jkollha tqajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tal-aspetti diskrezzjonali ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, il-Kummissjoni topponi din l-iskema fl-intier tagħha. |
57 |
Ir-Regolament SRM stabbilixxa proċedura amministrattiva kumplessa fis-sens li, konformement mal-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni twassal għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, tal-Kunsill li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni ppreżentata jew li topponiha. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tas-SRB ma tippreġudikax ir-riżultat ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill fi tmiem din l-istess proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jħejju d-deċiżjoni finali. |
58 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li jinsab fil-punti 122, 124 u 140 tas-sentenza appellata, ibbażat fuq id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 86 tar-Regolament SRM kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB, il-Kummissjoni tfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jibdlu s-sistema ta’ appell prevista mit-Trattati. |
59 |
Is-SFL u s-SRB jopponu dan l-argument. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat li jipproduċi effetti legali awtonomi. |
60 |
Qabel kollox, huma jirrilevaw li, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 7, l-Artikolu 18(1) kif ukoll l-Artikolu 20 tar-Regolament SRM, is-SRB huwa inkarigat jippjana, jfassal u jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessi 24 u 26 tiegħu, ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huwa limitat għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni u għall-kontroll tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. F’dan ir-rigward, is-SFL tippreċiża li, fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa wara t-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, din tidħol fis-seħħ. Barra minn hekk, fil-każ li l-Kummissjoni jew il-Kunsill ma jaqblux mal-iskema ta’ riżoluzzjoni maħsuba mis-SRB, huwa dan tal-aħħar li għandu jieħu d-deċiżjoni finali billi jikkonforma ruħu mal-linji gwida tagħhom. |
61 |
Is-SRB isostni li, għalkemm l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM jirriżerva r-responsabbiltà ġuridika u politika tal-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni lill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill, huwa jattribwixxi l-elementi l-oħra tal-iskema ta’ riżoluzzjoni espliċitament lill-Bord. Ir-rwol ta’ dawn l-istituzzjonijiet huwa li japprovaw jew li jiċħdu l-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda, fl-ebda każ, li jfasslu, jippreparaw jew japplikaw din l-iskema. Il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-aġenzija speċjalizzata li tikkostitwixxi s-SRB bil-kompitu li twettaq l-evalwazzjonijiet tekniċi ħafna li jippreżupponu l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB huwa responsabbli kemm għall-ippjanar, għat-tfassil u għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni kif ukoll għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi rrifjutat lilu d-dritt li jiddefendi skema ta’ riżoluzzjoni, taħt piena ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. |
62 |
Sussegwentement, is-SFL u s-SRB isostnu li l-evalwazzjoni li tgħid li d-deċiżjoni tas-SRB ittemm il-proċedura u għandha għalhekk titqies bħala l-att li jista’ jiġi kkontestat f’każ ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja ma tikkontradixxix il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. Fil-fatt, ir-Regolament SRM jevita “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, billi jiżgura li l-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, il-Kunsill ikunu jistgħu jistħarrġu, jew saħansitra jopponu kull element diskrezzjonali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Skont is-SRB, ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn, minn naħa, id-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra s-SRB, bħala awtur tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, il-Kunsill huma involuti fid-deċiżjoni dwar din l-iskema ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll il-fatt li din ma tistax tidħol fis-seħħ jekk dawn l-istituzzjonijiet jopponuha. Fi kwalunkwe każ, is-SRB iqis li s-setgħa li jadotta d-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni kollha, mogħtija lilu bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament SRM, ma tikkostitwixxix kompetenza li t-Trattat jagħti lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar iddeċidiet li tiddelega, iżda kompetenza maħluqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-regolament. |
63 |
Fl-aħħar nett, is-SFL tirrileva li l-premessi 90 u 120 tar-Regolament SRM kif ukoll l-Artikoli 7, 20 u 86 ta’ dan ir-regolament isemmu s-setgħat tas-SRB, filwaqt li jippreċiżaw li d-deċiżjonijiet li jadotta jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-Artikolu 86(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi tali stħarriġ tad-deċiżjonijiet kollha tas-SRB li, bħal dawk dwar l-iskemi ta’ riżoluzzjoni, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. L-argument kuntrarju tal-Kummissjoni jikkontradixxi dawn il-premessi u artikoli tal-istess regolament u jikkostitwixxi, għaldaqstant, interpretazzjoni contra legem. |
– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
64 |
L-ewwel aggravju jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 116 sa 120, 127, 137, 149 u 150 tas-sentenza appellata, ddeċidiet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża hija att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
65 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu, id-dispożizzjonijiet jew il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna fiżika jew ġuridika, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti u, għaldaqstant, jistax ikun is-suġġett ta’ tali rikors, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fir-rigward ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma l-kontenut tal-imsemmi att, b’teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jkun l-awtur tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punti 39 u 41, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlement u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punti 62 sa 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, huwa minnu li din tistabbilixxi, qabelxejn, fl-Artikoli 1 sa 4 tagħha, li s-SRB “jiddeċiedi” li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni minħabba li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM huma ssodisfatti, sussegwentement, tiddetermina, fl-Artikoli 5 sa 7 tagħha, l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati u, fl-aħħar nett, tindika, fl-Artikoli 9 u 10 tagħha, li huwa l-FROB li għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxi din id-deċiżjoni u li din l-eżekuzzjoni ser tiġi segwita mis-SRB. |
67 |
Madankollu, l-Artikolu 12(1) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża jipprevedi li din “ser tidħol fis-seħħ” fis‑7 ta’ Ġunju 2017, u mhux, kif ikkonstatat b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li hija “daħlet fis-seħħ” f’dik id-data. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 ta’ din l-iskema ta’ riżoluzzjoni jistabbilixxi li din hija indirizzat lill-FROB u għandha tiġi kkomunikata lilu wara l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. |
68 |
Mill-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża adottata mis-SRB permezz tad-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-sessjoni eżekuttiva tiegħu tas‑7 ta’ Ġunju 2017, li tikkostitwixxi l-att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti, kienet għadha ma ġietx approvata, kif jikkonferma l-fatt, irrilevat fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, li, wara l-adozzjoni tagħha, din ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fil-5.13 a.m. għall-finijiet tal-approvazzjoni tagħha, li seħħet fl-istess jum fis-6.30 a.m. Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta wkoll li d-dħul fis-seħħ ta’ din l-iskema u, għaldaqstant, il-produzzjoni minnha ta’ effetti legali vinkolanti kienu jiddependu mill-approvazzjoni tagħha. |
69 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li, kif jindika l-preambolu tagħha, din għandha bħala bażi legali r-Regolament SRM, b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu. Is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament hija bbażata fuq il-konstatazzjoni, msemmija essenzjalment fil-premessi 24 u 26 tiegħu, li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni previsti mill-imsemmi regolament jaqa’ taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jiddefinixxu, u li jeżisti marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, fid-dawl tar-riperkussjonijiet kunsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni nnifisha, kif ukoll fuq is-sovranità baġitarja tal-Istati Membri. Minn dawn il-premessi jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies, għal dawn ir-raġunijiet, li huwa neċessarju li jipprevedi l-parteċipazzjoni xierqa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jiġifieri parteċipazzjoni li ssaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tas-SRB filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ delega tas-setgħat lill-aġenziji identifikati fis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja u mfakkra fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18). |
70 |
F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tkunx tirrigwarda, min-naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddelimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Meroni vs L‑Awtorità Għolja, paġni 43, 44 u 47, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 41). |
71 |
Delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata flok dawk tal-awtorità li tiddelega, topera “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà” (sentenza Meroni vs L-Awtorita Għolja. paġna 43, kif ukoll is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 42). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-delega ta’ setgħat inkwistjoni f’din il-kawża, sa fejn tagħti lill-organi kkonċernati “libertà diskrezzjonali li timplika setgħa diskrezzjonali wiesgħa”, ma setgħetx titqies kompatibbli mar-“rekwiżiti tat-trattat”, filwaqt li ppreċiżat li, billi rriżervat biss il-possibbiltà li tirrifjuta l-approvazzjoni tagħha għad-deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi, l-Awtorità Għolja ma kinitx żammet setgħat suffiċjenti sabiex tevita tali trasferiment ta’ responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja, paġna 47). |
72 |
Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-paġna 44 tas-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja jirriżulta li l-ġurisprudenza li toħroġ minn din is-sentenza hija bbażata fuq il-premessa li l-bilanċ tas-setgħat, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, jikkostitwixxi garanzija fundamentali mogħtija mit-Trattati u li d-delega ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tippreġudika din il-garanzija, inkwantu din tagħti din is-setgħa lil awtoritajiet differenti minn dawk li ġew stabbiliti mit-Trattati sabiex jiżguraw u jikkontrollaw l-eżerċizzju tagħha fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-paġni 43 u 46 ta’ din is-sentenza, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa msemmija minn din il-ġurisprudenza tirrigwarda, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet fundamentali tal-qasam politiku kkonċernat, li jinvolvu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiġu rrikonċiljati diversi għanijiet kultant kontradittorji. |
73 |
Mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta, b’mod iktar partikolari, li l-applikabbiltà tal-prinċipji ta’ delega tas-setgħat lill-aġenziji stabbiliti minnha ma tiddependix min-natura individwali jew ġenerali tal-atti li l-aġenziji huma awtorizzati jadottaw, iżda biss mill-kwistjoni dwar jekk id-delega tirrigwardax setgħa diskrezzjonali wiesgħa jew, għall-kuntrarju, setgħat ta’ implementazzjoni ddefiniti b’mod preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 54, 65 u 66). |
74 |
Issa, kif jirriżulta mill-premessi 24 u 26 tar-Regolament SRM, is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament hija intiża li tikkonkretizza l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja u mfakkra fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18). |
75 |
Huwa minnu li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament SRM, is-SRB huwa responsabbli għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni kollha relatati, b’mod partikolari, ma’ istituzzjonijiet finanzjarji u ma’ gruppi meqjusa li huma importanti għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni kif ukoll għal gruppi transkonfinali oħra. Għal dan l-għan, l-Artikolu 18(1) u (6) tar-Regolament SRM jipprovdi li s-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet u gruppi biss jekk iqis, wara li jirċievi l-komunikazzjoni tal-evalwazzjoni tal-BĊE dwar il-falliment li jkun qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ikun ser iseħħ tal-entità kkonċernata jew ex officio, li l-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 18(1)(a) sa (c) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti. Dawn il-kundizzjonijiet huma relatati mal-fatt li l-entità tkun qiegħda tfalli jew li x’aktarx tkun ser tfalli, mal-assenza ta’ miżuri alternattivi meta mqabbla mar-riżoluzzjoni kif ukoll man-neċessità ta’ din ir-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku. |
76 |
Meta dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, is-SRB jadotta, abbażi tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament SRM, skema ta’ riżoluzzjoni li tissuġġetta lill-entità kkonċernata għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u tiddetermina l-applikazzjoni għaliha tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. L-Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament jispeċifika li dawn l-istrumenti jistgħu, bl-eċċezzjoni ta’ dak ta’ separazzjoni tal-assi, jiġu applikati separatament jew flimkien sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, konformement mal-prinċipji tar-riżoluzzjoni ddefiniti fl-Artikolu 15 ta’ dan tal-aħħar. |
77 |
Madankollu, għalkemm id-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti jagħtu lis-SRB setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk u b’liema mezzi l-entità kkonċernata għandha tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, din is-setgħa hija, skont l-Artikolu 18(1) u (4) sa (6) tar-Regolament SRM, irregolata minn kriterji u kundizzjonijiet oġġettivi li jiddelimitaw il-kamp ta’ azzjoni tas-SRB u jirrigwardaw kemm il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni kif ukoll l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, dan ir-regolament jipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, li, sabiex tidħol fis-seħħ, għandha tirċievi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-Kunsill. |
78 |
Għaldaqstant, skont l-Artikolu 30(1) u (2) tar-Regolament SRM, is-SRB għandu jinforma lill-Kummissjoni b’kull miżura li huwa jieħu sabiex jipprepara riżoluzzjoni u jiskambja, mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Skont l-Artikolu 43(3) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant awtorizzat li jipparteċipa fil-laqgħat tas-SRB, f’sessjoni eżekuttiva u f’sessjoni plenarja, bħala osservatur permanenti u li dan ir-rappreżentant għandu jkollu d-dritt jipparteċipa fid-diskussjonijiet u jkollu aċċess għad-dokumenti kollha. |
79 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li s-SRB għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-iskema ta’ riżoluzzjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħha u, fit-tieni u fit-tielet subparagrafu tiegħu, li, fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa wara din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonali ta’ din l-iskema, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku u mal-ammont previst għall-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar aspetti diskrezzjonali, dan it-tielet paragrafu jippreċiża li l-Kummissjoni tista’, f’terminu ta’ tnax-il siegħa mill-imsemmija komunikazzjoni, tipproponi lill-Kunsill iqajjem oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien erba’ u għoxrin siegħa wara l-komunikazzjoni tagħha mis-SRB. |
80 |
Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM jissuġġettaw id-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, fl-assenza ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tagħha jew tal-Kunsill. Meta l-Kummissjoni tapprova tali skema, hija għandha għalhekk tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet fdati lilha mit-Trattati. |
81 |
Mill-punti 75 sa 80 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, li abbażi tagħhom ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, huma ta’ natura li jevitaw “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà”, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. Fil-fatt, filwaqt li jagħtu lis-SRB is-setgħa li jevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni humiex issodisfatti fil-każ ineżami u dik li jiddetermina l-istrumenti neċessarji għall-finijiet ta’ tali skema, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Kummissjoni jew, jekk ikun il-każ, lill-Kunsill ir-responsabbiltà għall-evalwazzjoni finali tal-aspetti diskrezzjonali tiegħu li jaqgħu taħt il-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li, kif jirriżulta mill-Artikolu 14 u mill-premessi 24, 26 u 62 tar-Regolament SRM, jinvolvu bbilanċjar tal-għanijiet u tal-interessi differenti, intiżi għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-integrità tas-suq intern, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sovranità baġitarja tal-Istati Membri kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri. |
82 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, is-setgħat tas-SRB, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 129 u 130 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li skema ta’ riżoluzzjoni tista’ tipproduċi effetti legali vinkolanti indipendentement mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni, tmur kontra kemm is-setgħat mogħtija lis-SRB mir-Regolament SRM kif ukoll il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja. |
83 |
Fil-fatt, għalkemm l-Artikoli 7 u 18 ta’ dan ir-regolament jipprevedu li s-SRB huwa inkarigat li jfassal u jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, dawn madankollu ma jagħtuhx is-setgħa li jadotta att li jipproduċi effetti legali awtonomi. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni kif tirriżulta mill-Artikolu 18 tar-Regolament SRM, l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 128 tas-sentenza appellata, element indispensabbli għad-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. |
84 |
Din l-approvazzjoni hija determinanti wkoll għall-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni. |
85 |
Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM jippermetti lill-Kummissjoni tapprova tali skema mingħajr ma tkun qajmet oġġezzjonijiet dwar l-aspetti diskrezzjonali tagħha u mingħajr lanqas ma tkun ipproponiet lill-Kunsill jifformula tali oġġezzjonijiet, dan jippermetti wkoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom għal dik tas-SRB fir-rigward ta’ dawn l-aspetti diskrezzjonali billi jqajmu oġġezzjonijiet fir-rigward tagħhom, f’liema każ is-SRB huwa, skont is-seba’ subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 18(7), obbligat jemenda, f’terminu ta’ tmien sigħat, din l-iskema konformement mar-raġunijiet espressi mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, u dan sabiex l-imsemmi mekkaniżmu jidħol fis-seħħ. |
86 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(8) ta’ dan ir-regolament, oppożizzjoni tal-Kunsill ibbażata fuq il-motiv li l-kriterju tal-interess pubbliku ma huwiex issodisfatt għandha l-effett li tipprekludi, b’mod definittiv, ir-riżoluzzjoni skont l-imsemmi regolament tal-entità kkonċernata, peress li din l-entità għandha għalhekk tiġi stralċjata b’mod ordnat konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli. |
87 |
Fil-kawża preżenti, permezz tad-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża. Kif hija enfasizzat espressament fil-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni, billi approvat din l-iskema, il-Kummissjoni espremiet il-“qbil” tagħha mal-kontenut tagħha, kif ukoll mar-“raġunijiet mogħtija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku”. F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-aspetti diskrezzjonali ta’ skema ta’ riżoluzzjoni — li jirrigwardaw kemm l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni kif ukoll id-determinazzjoni tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni — huma marbuta b’mod inseparabbli mal-aspetti iktar tekniċi tar-riżoluzzjoni. Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 137 tas-sentenza appellata, ma tistax, għaldaqstant, issir distinzjoni bejn dawn l-aspetti diskrezzjonali u dawn l-aspetti tekniċi, sabiex jiġi ddeterminat l-att li jista’ jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ skema ta’ riżoluzzjoni approvata kollha kemm hi mill-Kummissjoni. |
88 |
Għaldaqstant, huwa biss permezz tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżura ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ġiet definittivament stabbilita u li din il-miżura kellha effetti legali vinkolanti, b’tali mod li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipji li rriżultaw fis-sentenza Meroni vs L‑Awtorità Għolja, hija l-Kummissjoni, u mhux is-SRB, li għandha tirrispondi għall-imsemmija miżura ta’ riżoluzzjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. |
89 |
Għalhekk, mill-kontenut tagħha, mill-kuntest tal-adozzjoni tagħha u mis-setgħat tas-SRB jirriżulta li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma pproduċietx effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ persuna ġuridika jew fiżika, b’tali mod li ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
90 |
Il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 121 sa 123 tas-sentenza appellata ma humiex tali li jikkontestaw l-evalwazzjoni preċedenti. |
91 |
F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti, mill-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regolament SRM ma jistax jiġi dedott li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament ma jistgħux ibiddlu s-sistema ta’ azzjonijiet prevista mit-Trattat FUE. Barra minn hekk, mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM jirriżulta li azzjonijiet li huma jirreferu għalihom għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja “skont l-Artikolu 263 [TFUE]”, li jippreżupponi li dawn josservaw il-kundizzjoni, li tinsab fih, dwar in-natura kontestabbli tal-att ikkontestat. |
92 |
Ċertament, fil-punti 56 u 66 tas-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li skema ta’ riżoluzzjoni tista’, bħala riżultat finali tal-proċedura kumplessa ta’ riżoluzzjoni, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti tal-Unjoni. Madankollu, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li qieset bħala inammissibbli rikorsi għal annullament ippreżentati, mhux kontra tali skema, iżda kontra atti preparatorji tal-BĊE li kkonstataw l-eżistenza ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ entitajiet, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM. Il-kunsiderazzjonijiet esposti f’dawk il-punti 56 u 66 għandhom għalhekk jinqraw fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri kumplessi li tgħid li, fil-preżenza ta’ atti li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi stadji proċedurali, jikkostitwixxi, bħala prinċipju, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżura li, fi tmiem il-proċedura, tistabbilixxi definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni kompetenti, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jħejju din il-miżura definittiva u li ma jipproduċux effetti legali awtonomi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10; tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punti 43 u 46, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 103). |
93 |
F’tali proċedura kumplessa, l-atti adottati matul l-istadji preparatorji għall-adozzjoni tal-att definittiv ma jistgħux, meta ma jipproduċux effetti legali awtonomi, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. |
94 |
Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 122 sa 124 tas-sentenza appellata, ma jistax għalhekk jiġi dedott mill-Artikolu 86 tar-Regolament SRM u mis-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369), li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża hija att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja li ma kkostitwixxietx ir-riżultat finali tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni, peress li dan ir-riżultat immaterjalizza ruħu biss bl-approvazzjoni ta’ din l-iskema mill-Kummissjoni, u li, kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, ma pproduċiex effetti legali awtonomi. |
95 |
Lanqas ma tista’ tiġi kkontestata l-evalwazzjoni preċedenti tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 146 u 147 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ rikonoxximent tan-natura kontestabbli tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża twassal għal ksur tad-dritt tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
96 |
Fil-fatt, deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni bħalma hija d-Deċiżjoni 2017/1246 għandha, min-naħa tagħha, il-karatteristiċi ta’ att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Issa, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra tali deċiżjoni, huwa possibbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati li jinvokaw l-illegalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li din l-istituzzjoni tkun approvat filwaqt li tatha b’dan il-mod effetti legali vinkolanti, li huwa ta’ natura li jiżguralhom protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 87 u 88 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni hija meqjusa, permezz ta’ tali approvazzjoni, li adottat il-punti u l-motivi li jinsabu f’din l-iskema, b’tali mod li hija għandha, jekk ikun il-każ, tirrispondi quddiem il-qorti tal-Unjoni. |
97 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
98 |
Għaldaqstant, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata sa fejn din tiddikjara ammissibbli r-rikors intiż għall-annullament ta’ din l-iskema. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet aggravju
99 |
Peress li s-sentenza appellata hija annullata abbażi tal-ewwel aggravju, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju. |
Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali
100 |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun tinsab fi stadju li tista’ tiġi deċiża. |
101 |
Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza. |
102 |
Għar-raġunijiet esposti fil-punti 66 sa 97 tas-sentenza preżenti, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
103 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali mill-Fundación u mis-SFL għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
104 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
105 |
Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
106 |
Fil-każ ineżami, peress li s-SFL tilfet fil-proċedura tal-appell, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura kif mitlub minn din tal-aħħar. Peress li l-Fundación u s-SFL tilfu fil-proċedura tal-ewwel istanza, hemm lok, konformement mat-talbiet tas-SRB u ta’ Banco Santander, li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mis-SRB u minn Banco Santander fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura. |
107 |
Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-Regoli li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li s-SRB tilef fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, l-unika talba inkwistjoni fil-kuntest tal-appell, huwa għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati mal-appell. |
108 |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dik tal-appell. Il-Kummissjoni għandha tbati, bħala intervenjenti fil-proċedura fl-ewwel istanza, l-ispejjeż tagħha relatati ma’ dik il-proċedura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.