SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
16 ta’ Jannar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika minn status ta’ refuġjat – Artikolu 2(d) – Raġunijiet għal persekuzzjoni – ‘Appartenenza għal grupp soċjali partikolari’ – Artikolu 10(1)(d) – Atti ta’ persekuzzjoni – Artikolu 9(1) u (2) – Konnessjoni bejn ir-raġunijiet u l-atti ta’ persekuzzjoni, jew bejn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni u l-assenza ta’ protezzjoni minn tali atti – Artikolu 9(3) – Atturi mhux statali – Artikolu 6(c) – Kundizzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja – Artikolu 2(f) – ‘Dannu serju’ – Artikolu 15(a) u (b) – Evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 4 – Vjolenza kontra n-nisa abbażi tas-sess – Vjolenza domestika – Theddida ta’ ‘delitt fuq l-unur’”
Fil-Kawża C‑621/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura
WS
vs
Intervyuirasht organ na Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet,
fil-preżenza ta’:
Predstavitelstvo na Varhovnia komisar na Organizatsiyata na obedinenite natsii za bezhantsite v Bulgaria,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, F. Biltgen u N. Piçarra (Relatur), Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, S. Rodin, P. G. Xuereb, I. Ziemele, J. Passer, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal WS, minn V. B. Ilareva, advokat, |
– |
għal Predstavitelstvo na Varhovnia komisar na Organizatsiyata na obedinenite natsii za bezhantsite v Bulgaria, minn M. Demetriou, J. MacLeod, BL, u C. F. Kroes, avukat, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u J. Illouz, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ April 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-premessa 17, tal-Artikolu 6(c), tal-Artikolu 9(2)(a) u (f), tal-Artikolu 9(3), tal-Artikolu 10(1)(d) kif ukoll tal-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn WS u l-Intervyuirasht organ na Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet (id-Dipartiment tal-Interrogatorji tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati mal-Kunsill tal-Ministri) (iktar ’il quddiem id-“DAB”) dwar deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali wara applikazzjoni sussegwenti ta’ WS. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Il-konvenzjoni ta’ Genève
3 |
Skont l-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”): “għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‛refuġjat’ għandu japplika għal kwalunkwe persuna li, […] minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwita għar-raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija ta’ grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika, tkun barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx tixtieq tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Iċ-CEDEF
4 |
Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (iktar ’il quddiem iċ-“CEDEF”), adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta’ Diċembru 1979, li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Settembru 1981 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1249, Nru I-20378, p. 13) u li għaliha l-Istati Membri kollha huma partijiet, “għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, l-espressjoni “diskriminazzjoni kontra n-nisa” tirreferi għal kull distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni bbażata fuq is-sess li għandha l-effett jew l-għan li tikkomprometti jew teqred ir-rikonoxximent, it-tgawdija jew l-eżerċizzju min-nisa, ikun xi jkun l-istat ċivili tagħhom, fuq il-bażi tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor”. |
Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul
5 |
L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, konkluża f’Istanbul fl-11 ta’ Mejju 2011, iffirmata mill-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Ġunju 2017, approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 (ĠU 2023, L 143 I, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Istanbul”), u li daħlet fis-seħħ, fir-rigward tal-Unjoni, fl-1 ta’ Ottubru 2023, jipprovdi: “1 Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, li taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat. 2 Il-Partijiet huma mħeġġa japplikaw din il-Konvenzjoni għall-vittmi kollha tal-vjolenza domestika. Il-Partijiet għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lin-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni. […]” |
6 |
L-Artikolu 60 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Talbiet għal ażil ibbażati fuq il-ġeneru”, huwa fformulat kif ġej: “1 Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex jiżguraw li l-vjolenza sessista kontra n-nisa tista’ tiġi rikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal- Artikolu 1, [taqsima] A [paragrafu 2], tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u bħala forma ta’ periklu serju li jagħti lok għal protezzjoni kumplimentari/sussidjarja. 2. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li tingħata interpretazzjoni li hija sensittiva għad-differenza bejn is-sessi għal kull bażi tal-Konvenzjoni u li fejn jiġi stabbilit li l-persekuzzjoni li dwarha hemm biża’ hija għal wieħed jew aktar minn dawn ir-raġunijiet, l-applikanti għandhom jingħataw status ta’ rifuġjat skont l-istrumenti rilevanti applikabbli. […]” |
Id-dritt tal-Unjoni
7 |
Il-premessi 4, 10, 12, 17, 29, 30 u 34 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
8 |
Skont l-Artikolu 2(a), (d) sa (i) u (n) ta’ din id-direttiva: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
|
9 |
Fil-Kapitolu II tad-Direttiva msemmija, intitolat “Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, hemm l-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi” li fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu jipprovdi: “3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…] 4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.” |
10 |
L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju”, jipprovdi: “Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu:
|
11 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/95, intitolat, “Atturi ta’ protezzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju tista’ tiġi pprovduta biss minn:
sakemm dawn iridu u jistgħu joffru protezzjoni skont il-paragrafu 2. 2. Protezzjoni kontra persekuzzjoni jew dannu serju trid tkun effettiva u ta’ natura mhux temporanja. Tali protezzjoni hija ġeneralment ipprovduta meta l-atturi msemmija skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew il-konsegwenzi ta’ dannu serju, fost ħwejjeġ oħra billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew dannu serju, u meta l-applikant ikollu aċċess għal din il-protezzjoni. […]” |
12 |
L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Atti ta’ persekuzzjoni”, jipprovdi: “1. Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:
2. Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:
[…]
3. Bi qbil ma punt (d) tal-Artikolu 2, irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta dan l-Artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn.” |
13 |
Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”: “1. L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […]
2. Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika [marbuta mal-appartenenza għal grupp soċjali partikolari] li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.” |
14 |
L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “L-għoti ta’ status ta’ refuġjat”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.” |
15 |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Dannu serju”, jipprovdi: “Dannu serju jikkonsisti minn:
[…]” |
16 |
L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjara”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.” |
Id-dritt Bulgaru
17 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 8(1), (3) sa (5) u (7) taz-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iz-“ZUB”) jittrasponi l-Artikolu 2(d) kif ukoll l-Artikoli 6, 7 u 9 tad-Direttiva 2011/95 fl-ordinament ġuridiku Bulgaru u li l-Artikolu 9(1) ta’ din il-liġi jittrasponi l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. |
18 |
Il-punt 5 tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari taz-ZUB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mis-16 ta’ Ottubru 2015 (DV Nru 80 tal-2015), jippreċiża li “[i]l-kunċetti ta’ ‘razza, reliġjon, nazzjonalità, grupp soċjali partikolari u opinjoni jew twemmin politiku’ huma dawk fis-sens tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva [2011/95]”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 |
WS hija ċittadina Torka li tifforma parti mill-grupp etniku Kurd, Musulman Sunnit u hija divorzjata. Hija waslet legalment fil-Bulgarija f’Ġunju 2018. Sussegwentement, hija ngħaqdet ma’ membru tal-familja tagħha f’Berlin (il-Ġermanja), fejn ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2019 tad-DAB, adottata wara talba mill-awtoritajiet Ġermaniżi, WS ittieħed lura mill-awtoritajiet Bulgari għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. |
20 |
Matul tliet interrogatorji magħmula mid-DAB f’Ottubru 2019, WS iddikjarat li kienet miżżewwġa bil-forza, fl-età ta’ sittax-il sena, u li kellha tliet ibniet. Żewġha sawwatha matul il-ħajja konjugali tagħhom, mingħajr ma l-familja bijoloġika tagħha, li kienet taf b’din is-sitwazzjoni, għenitha. WS ħarbet mid-domiċilju konjugali tagħha f’Settembru 2016, daħlet fi żwieġ reliġjuż matul l-2017 u kellha tifel, minn dan iż-żwieġ, f’Mejju 2018. Wara li telqet mit-Turkija, hija ddivorzjat uffiċjalment mill-ewwel konjuġi tagħha f’Settembru 2018, minkejja l-kontestazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar. Għal dawn ir-raġunijiet, hija ddikjarat il-biża’ li l-familja tagħha toqtolha jekk tmur lura lejn it-Turkija. |
21 |
Quddiem id-DAB, WS ippreżentat id-deċiżjoni, li saret definittiva, tal-qorti ċivili Torka li ddikjarat id-divorzju tagħha, kif ukoll l-ilment li hija ressqet kontra żewġha, il-familja bijoloġika tagħha u l-familja tar-rispett tagħha, f’Jannar 2017, quddiem il-Prosekutur Ġenerali ta’ Torbali (it-Turkija), li l-proċess verbal tiegħu, stabbilit fid-9 ta’ Jannar 2017, jirreferi għal messaġġi telefoniċi ta’ theddida li kien bagħtilha żewġha. Hija ppreżentat ukoll deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 ta’ qorti Torka li tpoġġiha f’dar għal nisa vittmi ta’ vjolenza, li fiha hija ma ħassithiex sigura. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2020, il-President tad-DAB ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn WS, billi qies, minn naħa, li l-motivi invokati minnha sabiex titlaq mit-Turkija, b’mod partikolari l-atti ta’ vjolenza domestika jew it-theddid ta’ mewt min-naħa tal-konjuġi tagħha u tal-membri tal-familja bijoloġika tagħha, ma kinux rilevanti għall-finijiet tal-għoti ta’ dan l-istatus, sa fejn dawn ma jistgħu jintrabtu ma’ ebda waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) taz-ZUB. Barra minn hekk, WS ma ddikjarax li kienet vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni minħabba s-sess tagħha. |
23 |
Min-naħa l-oħra, il-President tad-DAB irrifjuta l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil WS. Huwa qies li din ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan, sa fejn “la l-awtoritajiet uffiċjali u lanqas ċerti gruppi ma ħadu azzjoni kontra l-persuna li ressqet it-talba li l-Istat ma huwiex f’pożizzjoni li jikkontrolla”, u sa fejn hija “kienet is-suġġett ta’ aggressjoni kriminali li dwarha hija lanqas ma kienet informat lill-pulizija u li fir-rigward tagħha hija ma kinitx ressqet ilment u […] kienet telqet legalment mit-Turkija”. |
24 |
Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2020, ikkonfermata fid-9 ta’ Marzu 2021 mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) u li saret definittiva, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn WS kontra d-deċiżjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza. |
25 |
Fit-13 ta’ April 2021, WS ippreżentat, abbażi ta’ provi ġodda, applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, billi invokat biża’ fondata ta’ persekuzzjoni, minn atturi mhux statali, minħabba l-appartenenza tagħha għal “ċertu grupp soċjali”, jiġifieri dak tan-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika kif ukoll nisa li jistgħu jkunu vittmi ta’ “delitti tal-unur”. Hija ddikjarat li l-Istat Tork ma kienx f’pożizzjoni li jiddefendiha kontra dawn l-atturi mhux statali u sostniet li r-refoulement tagħha lejn it-Turkija kien ser jesponiha għal “delitt ta’ unur” jew għal żwieġ forzat u, għaldaqstant, għal ksur tal-Artikoli 2 u 3 tal-KEDB. |
26 |
Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, WS ippreżentat, bħala element ta’ prova ġdid, deċiżjoni ta’ qorti kriminali Torka li kkundannat lill-ex konjuġi tagħha għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames xhur minħabba reat ta’ theddid imwettaq fil-konfront tagħha f’Settembru 2016. Din il-piena ġiet sospiża u ngħatat terminu ta’ sospensjoni ta’ ħames snin, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kundanni preċedenti, ta’ karatteristiċi personali u tal-aċċettazzjoni tal-imsemmija piena. Mal-applikazzjoni msemmija hija hemżet artikli tal-ġurnal “Deutsche Welle” tal-2021 u li jsemmi qtil vjolenti kontra n-nisa fit-Turkija. Barra minn hekk, bħala ċirkustanza ġdida, WS invokat l-irtirar tar-Repubblika tat-Turkija mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’Marzu 2021. |
27 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2021, id-DAB irrifjuta li jiftaħ mill-ġdid il-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali wara l-applikazzjoni sussegwenti ta’ WS, minħabba li din ma semmiet ebda element ġdid importanti relatat mas-sitwazzjoni personali tagħha jew mal-Istat ta’ oriġini tagħha. Id-DAB enfasizza li l-awtoritajiet Torok għenuha diversi drabi u indikaw li kienu lesti jgħinuha bil-mezzi legali kollha. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża qabel kollox li, anki jekk l-applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn WS ġiet miċħuda bħala inammissibbli, l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-dritt sostantiv għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali hija madankollu neċessarja sabiex hija tkun tista’ tiddetermina jekk WS ippreżentatx elementi jew fatti ġodda li jiġġustifikaw l-għoti ta’ tali protezzjoni. |
29 |
F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet fuq il-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża, “relatati ma’ vjolenza kontra n-nisa, ibbażati fuq is-sess, fil-forma ta’ vjolenza domestika u theddida ta’ delitt tal-unur, bħala raġuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali”. Din il-qorti tistaqsi jekk, sabiex jiġi kkonstatat li mara, vittma ta’ tali vjolenza, tappartjeni għal ċertu grupp soċjali, bħala raġuni ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, il-ġeneru bijoloġiku jew soċjali huwiex suffiċjenti u jekk l-atti ta’ persekuzzjoni, inkluża l-vjolenza domestika, jistgħux ikunu determinanti sabiex tiġi stabbilita l-viżibbiltà ta’ dan il-grupp fis-soċjetà. |
30 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel kollox, jekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u fid-dawl tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/95, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni s-CEDEF u l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, minkejja li r-Repubblika tal-Bulgarija ma hijiex parti f’din il-konvenzjoni tal-aħħar. |
31 |
Din il-qorti tosserva li l-atti elenkati fl-Artikoli 34 sa 40 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, jiġifieri b’mod partikolari l-vjolenza fiżika jew sesswali, iż-żwiġijiet furzati jew il-fastidju, jaqgħu taħt il-vjolenza kontra n-nisa bbażati fuq is-sess li jissemmew, b’mod mhux eżawrjenti, fil-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95 u jistgħu jiġu kklassifikati bħala “atti ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) u (f) ta’ din id-direttiva. |
32 |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 fil-każ fejn l-atti ta’ persekuzzjoni bbażati fuq is-sess, li jieħdu l-forma ta’ vjolenza domestika, jitwettqu minn atturi mhux statali, fis-sens tal-Artikolu 6(c) ta’ din id-direttiva. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk ir-“rabta” meħtieġa f’dan l-Artikolu 9(3) tippreżumix li l-atturi mhux statali jirrikonoxxu li l-atti ta’ persekuzzjoni li huma jwettqu huma ddeterminati mill-ġeneru bijoloġiku jew soċjali tal-vittmi ta’ dawn l-atti. |
33 |
Fl-aħħar nett, fil-każ li l-appartenenza għal “ċertu grupp soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, ta’ mara vittma ta’ vjolenza domestika u li tista’ tkun vittma ta’ delitt ta’ unur ma tiġix stabbilita, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li WS tista’ tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha biss wara li jiġi stabbilit li dan ir-refoulement ma jesponihiex għal riskju reali li ssofri “dannu serju”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk theddida ta’ “delitt tal-unur” tikkostitwixxix riskju reali ta’ dannu serju li jaqa’ taħt l-Artikolu 15(a) tad-direttiva msemmija, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-KEDB, jew taħt l-Artikolu 15(b) tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tal-KEDB. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel sat-tielet domandi
35 |
Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, skont il-kundizzjonijiet prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, in-nisa ta’ dan il-pajjiż jistgħu jitqiesu, fl-intier tagħhom, bħala li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari”, bħala “raġunijiet ta’ persekuzzjoni” li jistgħu jwasslu għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, jew jekk in-nisa kkonċernati għandhomx jaqsmu karatteristika komuni addizzjonali sabiex jappartjenu għal tali grupp. |
36 |
Preliminarjament, mill-premessi 4 u 12 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li din id-direttiva ġiet adottata b’mod partikolari sabiex l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 19)). |
37 |
L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 għandha, għaldaqstant, issir mhux biss fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ din id-direttiva, iżda wkoll billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u trattati oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Fost dawn it-trattati hemm, kif jirriżulta mill-premessa 17 tad-direttiva msemmija, dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 23, u tad-19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 20). |
38 |
F’dan il-kuntest, fid-dawl tar-rwol mogħti lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) mill-Konvenzjoni ta’ Genève, id-dokumenti maħruġa minnu għandhom rilevanza partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 2019, Bilali, C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 57, u tat-12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet għal persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi), C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 27). |
39 |
Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, li jirriproduċi l-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-kunċett ta’ “refuġjat” ifisser, b’mod partikolari, kull ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari, jinsab barra mill-pajjiż li tiegħu għandu n-nazzjonalità u li ma jistax jew, minħabba din il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż. L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jelenka, għal kull wieħed minn dawn il-ħames raġunijiet ta’ persekuzzjoni li jistgħu jwasslu għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni. |
40 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġuni tal-“appartenenza għal grupp soċjali partikolari”, minn dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) jirriżulta li grupp jitqies bħala “grupp soċjali partikolari” meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, il-membri tal-grupp ikkonċernat għandhom jaqsmu mill-inqas waħda mit-tliet karatteristiċi ta’ identifikazzjoni segwenti, jiġifieri “karatteristika intrinsika” jew “storja komuni li ma tistax tinbidel”, jew anki “karatteristika jew twemmin tant essenzjali għall-identità jew għal kuxxjenza li ma għandux ikun meħtieġ minn persuna li hija tirrinunzja għaliha”. It-tieni nett, dan il-grupp għandu jkollu l-“identità distinta” tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini “minħabba li s-soċjetà ta’ madwaru tqisu bħala differenti”. |
41 |
Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) jippreċiża, fost oħrajn, li “[a]spetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan”. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95, li tipprovdi li l-identità tal-ġeneru tista’ tkun marbuta ma’ ċerti tradizzjonijiet legali jew konswetudini, li jirriżultaw pereżempju f’mutilazzjoni ġenitali, sterilizzazzjoni furzata jew aborti furzati. |
42 |
Barra minn hekk, il-punt 30 tal-prinċipji gwida tal-UNHCR dwar il-protezzjoni internazzjonali Nru 1, dwar il-persekuzzjoni marbuta mas-sess fil-kuntest tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jippreċiża, fir-rigward tal-kunċett ta’ “grupp soċjali” imsemmi f’din il-konvenzjoni u ddefinit fl-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, li “s-sess jista’ jiġi inkluż, b’mod xieraq, fil-kategorija tal-grupp soċjali, peress li n-nisa jikkostitwixxu eżempju manifest ġenerali soċjali ddefinit minn karatteristiċi intrinsiċi u immutabbli, u peress li spiss jiġu ttrattati b’mod differenti mill-irġiel. […] Il-karatteristiċi tagħhom jidentifikawhom ukoll bħala grupp fis-soċjetà, li jesponuhom għal forom ta’ trattament u [għal] standards differenti skont ċerti pajjiżi”. |
43 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari li għandha tingħata r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
44 |
Fl-ewwel lok, fid-dawl tad-dubji espressi minn din il-qorti fir-rigward tar-rilevanza taċ-CEDEF u tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li, għalkemm l-Unjoni ma hijiex parti għall-ewwel konvenzjoni, l-Istati Membri kollha, min-naħa l-oħra, irratifikawha. Għalhekk, iċ-CEDEF jinsab fost it-Trattati rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE, li b’osservanza tagħhom, b’mod partikolari l-Artikolu 10(1)(d) tagħha, għandha tiġi interpretata l-imsemmija direttiva. |
45 |
Barra minn hekk, skont il-premessa 17 tad-direttiva msemmija, li tikkonċerna t-trattament tal-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi li jirriżultaw mill-istrumenti tad-dritt internazzjonali li huma parti għalihom, inklużi partikolarment dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, fosthom iċ-CEDEF. Il-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, responsabbli mis-sorveljanza tal-applikazzjoni tas-CEDEF, ippreċiża li din il-konvenzjoni ssaħħaħ u tikkompleta s-sistema internazzjonali ta’ protezzjoni legali applikabbli għan-nisa u għall-bniet, inkluż fil-qafas relattiv għar-refuġjati. |
46 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li ilha torbot lill-Unjoni mill-1 ta’ Ottubru 2023, għandu jiġi enfasizzat li din il-konvenzjoni tistabbilixxi obbligi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 78(2) TFUE, li jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta miżuri relatati ma’ sistema Ewropea komuni ta’ ażil, bħad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/19 (Konvenzjoni ta’ Istanbul), tas-6 ta’ Ottubru 2021, EU:C:2021:832, punti 294, 302 u 303). Għalhekk, l-imsemmija konvenzjoni, sa fejn għandha rabta mal-ażil u man-non-refoulement, tifforma wkoll parti mit-Trattati rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 10(1)(d) tagħha, għandhom jiġu interpretati b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, minkejja li ċerti Stati Membri, fosthom ir-Repubblika tal-Bulgarija, ma rratifikawx din il-konvenzjoni. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 60(1) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jipprovdi li l-vjolenza fuq in-nisa bbażata fuq is-sess għandha tiġi rrikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 60(2) jimponi fuq il-Partijiet li jiżguraw li tiġi applikata interpretazzjoni sensittiva għas-sess għal kull waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève u li l-applikanti għall-ażil jingħataw l-istatus ta’ refuġjat fil-każijiet fejn ikun ġie stabbilit li l-biża’ ta’ persekuzzjoni hija bbażata fuq waħda jew iktar minn dawn ir-raġunijiet. |
49 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ “grupp soċjali partikolari”, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 u mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, jiġifieri li tiġi kondiviża minn tal-inqas waħda mit-tliet karatteristiċi ta’ identifikazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li wieħed ikun ta’ sess femminili jikkostitwixxi karatteristika intrinsika u huwa biżżejjed, għaldaqstant, sabiex jissodisfa din il-kundizzjoni. |
50 |
Dan ma jeskludix li nisa li jaqsmu karatteristika komuni supplimentari bħal, pereżempju, karatteristika intrinsika oħra, jew storja komuni li ma tistax tinbidel, bħal sitwazzjoni familjari partikolari, jew inkella karatteristika jew twemmin tant essenzjali għall-identità jew għall-kuxjenza li ma għandux ikun meħtieġ minn dawn in-nisa li jirrinunzjaw għalihom, jistgħu jappartjenu wkoll għal “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. |
51 |
Fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li l-fatt li n-nisa jkunu ħarbu minn żwieġ sfurzat jew, għal nisa miżżewġin, li jkunu telqu mid-dar matrimonjali tagħhom, jista’ jitqies bħala “storja komuni li ma tistax tinbidel”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
52 |
Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ “grupp soċjali partikolari”, dwar l-“identità distinta” tal-grupp fil-pajjiż ta’ oriġini, għandu jiġi kkonstatat li n-nisa jistgħu jiġu pperċepiti b’mod differenti mis-soċjetà tal-madwar u tiġi rrikonoxxuta lilhom identità distinta f’din is-soċjetà, b’mod partikolari minħabba r-regoli soċjali, morali jew ġuridiċi li joperaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. |
53 |
Din it-tieni kundizzjoni ta’ identifikazzjoni hija wkoll issodisfatta minn nisa li għandhom karatteristika komuni addizzjonali, bħal waħda minn dawk imsemmija fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, meta r-regoli soċjali, morali jew ġuridiċi li jeżistu fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikollhom bħala konsegwenza li dawn in-nisa, minħabba din il-karatteristika komuni, jiġu pperċepiti bħala differenti mis-soċjetà ta’ madwarhom. |
54 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina liema soċjetà tal-madwar hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dan il-grupp soċjali. Din is-soċjetà tista’ tikkoinċidi mal-pajjiż terz kollu ta’ oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jew tista’ tkun iktar limitata, pereżempju għal parti mit-territorju jew mill-popolazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz. |
55 |
Fir-raba’ lok, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk atti bħal dawk imsemmija fil-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95 jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-identità proprja ta’ “grupp soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi ppreċiżat li s-sħubija fi grupp soċjali partikolari għandha tiġi kkonstatata indipendentement mill-atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-direttiva msemmija, li l-membri ta’ dan il-grupp jistgħu jkunu vittmi tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini. |
56 |
Xorta jibqa’ l-fatt li diskriminazzjoni jew persekuzzjoni mġarrba minn persuni li għandhom karatteristika komuni tista’ tikkostitwixxi fattur rilevanti meta, sabiex jiġi vverifikat jekk it-tieni kundizzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ grupp soċjali prevista fl-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 hijiex issodisfatta, hemm lok li jiġi evalwat jekk il-grupp inkwistjoni jidhirx bħala distint fir-rigward tar-regoli soċjali, morali jew ġuridiċi tal-pajjiż ta’ oriġini inkwistjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-punt 14 tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 2, dwar l-“appartenenza għal grupp soċjali partikolari” fil-kuntest tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. |
57 |
Għaldaqstant, in-nisa, fit-totalità tagħhom, jistgħu jitqiesu li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, meta jkun stabbilit li, fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, huma jkunu, minħabba s-sess tagħhom, esposti għal vjolenza fiżika jew mentali, inkluża vjolenza sesswali u vjolenza domestika. |
58 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, nisa li jirrifjutaw żwieġ furzat, meta tali prattika tista’ titqies li hija regola soċjali fi ħdan is-soċjetà tagħhom, jew jiksru tali regola billi jtemmu dan iż-żwieġ, jistgħu jitqiesu li jappartjenu għal grupp soċjali b’identità proprja fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jekk, minħabba tali aġir, huma jiġu stigmatizzati u esposti għad-diżapprovazzjoni tas-soċjetà madwarhom li twassal għall-esklużjoni soċjali tagħhom jew għal atti ta’ vjolenza. |
59 |
Fil-ħames lok, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq l-appartenenza fi grupp soċjali partikolari, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jivverifika jekk il-persuna li tinvoka din ir-raġuni ta’ persekuzzjoni “tibżax bir-raġun” li tiġi ppersegwitata, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minħabba din l-appartenenza, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95. |
60 |
F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, l-evalwazzjoni tan-natura fondata tal-biża’ ta’ applikant li jiġi ppersegwitat għandha tkun ta’ natura individwali u għandha ssir każ b’każ b’viġilanza u prudenza, abbażi biss ta’ evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, konformement mar-regoli stabbiliti mhux biss f’dan il-paragrafu 3, iżda wkoll fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-fatti u ċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ bir-raġun tibża’, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament vittma ta’ atti ta’ persekuzzjoni li kieku kellha tirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Opinjonijiet politiċi fl-Istat Membru ospitanti), C‑151/22, EU:C:2023:688, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Għal dan l-għan, kif jindika l-punt 36(x) tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 1, għandha tinġabar informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini rilevanti għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal status ta’ refuġjat magħmula min-nisa, bħas-sitwazzjoni tan-nisa fir-rigward tal-liġi, id-drittijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom, id-drawwiet kulturali u soċjali tal-pajjiż u l-konsegwenzi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità magħhom, il-frekwenza tal-prattiki tradizzjonali dannużi, l-impatt u l-forom ta’ vjolenza rrapportata kontra n-nisa, il-protezzjoni disponibbli għalihom, is-sanzjonijiet imġarrba mill-awturi ta’ tali vjolenza, kif ukoll ir-riskji mġarrba minn mara f’każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha wara li tkun ippreżentat tali applikazzjoni. |
62 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, skont il-kundizzjonijiet prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, jistgħu jitqiesu li jappartjenu għal “grupp soċjali partikolari”, bħala “raġuni għall-persekuzzjoni” li tista’ twassal għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, kemm in-nisa ta’ dan il-pajjiż flimkien kif ukoll gruppi iktar ristretti ta’ nisa li jaqsmu karatteristika komuni addizzjonali. |
Fuq ir-raba’ domanda
63 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi, meta applikant jallega li jibża’ li jiġi ppersegwitat, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minn atturi mhux statali, li tiġi stabbilita rabta, fil-każijiet kollha, bejn l-atti ta’ persekuzzjoni u minn tal-inqas waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva. |
64 |
Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 6(c) tad-Direttiva 2011/95, sabiex atturi mhux statali jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju”, għandu jintwera li l-atturi tal-protezzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, fosthom b’mod partikolari l-Istat, ma jistgħux jew ma jridux jagħtu protezzjoni kontra dawn l-atti. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan l-Artikolu 7(1) jirriżulta li l-atturi tal-protezzjoni għandu jkollhom mhux biss il-kapaċità, iżda wkoll ir-rieda li jipproteġu lill-applikant ikkonċernat minn dawn il-persekuzzjonijiet jew danni serji li huwa espost għalihom. |
65 |
Din il-protezzjoni għandha, skont l-imsemmi Artikolu 7(2), tkun effettiva u mhux temporanja. Dan huwa ġeneralment il-każ meta l-atturi tal-protezzjoni, imsemmija fl-istess Artikolu 7(1), jieħdu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjenu l-imsemmija persekuzzjonijiet jew danni serji, b’mod partikolari meta għandhom sistema ġudizzjarja effettiva, li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandu aċċess għaliha, li jippermetti li jiġu identifikati, imħarrka u ssanzjonati tali atti. |
66 |
Skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 6(c) u mal-Artikolu 7(1) tagħha, u fid-dawl tal-premessa 29 tad-direttiva msemmija, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jippreżupponi li tiġi stabbilita rabta, jew bejn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva u l-atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tagħha, jew bejn dawn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni u l-assenza ta’ protezzjoni, mill-“atturi tal-protezzjoni”, kontra tali atti ta’ persekuzzjoni mwettqa minn “atturi mhux statali”. |
67 |
Għalhekk, fil-preżenza ta’ att ta’ persekuzzjoni mwettaq minn attur mhux statali, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 hija ssodisfatta meta dan l-att ikun ibbażat fuq waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, anki jekk l-assenza ta’ protezzjoni ma tkunx ibbażata fuq dawn ir-raġunijiet. Din il-kundizzjoni għandha wkoll titqies li hija ssodisfatta meta l-assenza ta’ protezzjoni tkun ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, anki meta l-att ta’ persekuzzjoni mwettaq minn attur mhux statali ma jkunx ibbażat fuq dawn ir-raġunijiet. |
68 |
Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2011/95, stabbiliti fil-premessi 10 u 12 tagħha, li jikkonsistu fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li jidentifikaw lill-persuni kollha ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. |
69 |
Tali interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-punt 21 tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 1, li jipprovdi li, “[f]il-każijiet fejn ikun hemm riskju ta’ persekuzzjoni minn aġent mhux tal-Istat (pereżempju, raġel, sieħeb jew aġent ieħor mhux tal-Istat) għal raġunijiet marbuta ma’ waħda mir-raġunijiet previsti mill-[Konvenzjoni ta’ Genève], ir-rabta kawżali hija stabbilita, irrispettivament minn jekk l-assenza ta’ protezzjoni tal-Istat hijiex marbuta mal-[Konvenzjoni ta’ Genève] jew le. Barra minn hekk, meta r-riskju ta’ persekuzzjoni minn aġent mhux statali ma jkunx marbut ma’ raġuni prevista mill-[Konvenzjoni ta’ Genève], iżda meta l-inkapaċità jew in-nuqqas ta’ rieda tal-Istat li joffri protezzjoni huma bbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti mill-[Konvenzjoni ta’ Genève], ir-rabta kawżali hija stabbilita wkoll”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta applikant jallega li jibża’ li jiġi ppersegwitat, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minn atturi mhux statali, ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita rabta bejn waħda mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva u tali atti ta’ persekuzzjoni, jekk tali rabta tista’ tiġi stabbilita bejn waħda minn dawn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni u l-assenza ta’ protezzjoni minn dawn l-atti mill-atturi tal-protezzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-direttiva msemmija. |
Fuq il-ħames domanda
71 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “dannu serju” jkopri t-theddida reali, għall-applikant, li jinqatel jew li jiġu imposti fuqu atti ta’ vjolenza minn membru tal-familja tiegħu jew tal-komunità tiegħu, minħabba l-allegat ksur ta’ regoli kulturali, reliġjużi jew tradizzjonali, u fis-sens li dan il-kunċett jista’ jwassal għar-rikonoxximent tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva. |
72 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li din id-domanda hija rilevanti biss, għall-bżonnijiet tal-kawża prinċipali, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li WS ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, peress li, konformement mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu dan l-istatus ta’ refuġjat lill-applikant li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-direttiva, mingħajr ma għandhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 63, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 89), huwa biss f’tali ipoteżi li għandu jiġi vverifikat jekk WS għandhiex tingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. |
73 |
L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja kull ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li ma jistax jitqies bħala refuġjat, iżda li għalih hemm raġunijiet serji u pprovati biex wieħed jaħseb li, jekk jiġi rritornat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun f’riskju reali li jsofri dannu serju kif iddefinit fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva u li ma jkunx jista’ jew, minħabba dan ir-riskju, ma jkunx lest li jieħu vantaġġ mill-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż. |
74 |
L-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-premessa 34 tagħha, jikklassifika bħala “dannu serju” il-“piena kapitali jew eżekuzzjoni” u t-“tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini”. |
75 |
Dan l-Artikolu 15(a) jirreferi għal attakki li jikkawżaw il-mewt tal-vittma, filwaqt li l-imsemmi Artikolu 15(b) jirreferi għal atti ta’ tortura, irrispettivament minn jekk dawn l-atti jikkawżawx jew le l-mewt tagħha. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxu ebda distinzjoni skont jekk il-preġudizzju twettaqx minn awtorità statali jew minn attur mhux statali. |
76 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 15(a) tad-Direttiva 2011/95 li jiżgura protezzjoni lill-persuni li d-dritt għall-ħajja tagħhom ikun mhedded fil-każ li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, it-terminu “eżekuzzjoni” li jinsab fiha ma jistax jiġi interpretat bħala li jeskludi preġudizzju għall-ħajja għas-sempliċi raġuni li dawn jitwettqu minn atturi mhux statali. Għalhekk, meta mara tkun f’riskju reali li tinqatel minn membru tal-familja tagħha jew tal-komunità tagħha minħabba l-allegat ksur ta’ regoli kulturali, reliġjużi jew tradizzjonali, tali preġudizzju serju għandu jiġi kklassifikat bħala “eżekuzzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
77 |
Min-naħa l-oħra, meta l-atti ta’ vjolenza li mara tista’ tiġi esposta għalihom minħabba l-allegat ksur ta’ regoli kulturali, reliġjużi jew tradizzjonali, ma jkollhomx bħala konsegwenza probabbli l-mewt tagħha, dawn l-atti għandhom jiġu kklassifikati bħala tortura jew trattamenti jew sanzjonijiet inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2011/95. |
78 |
Fir-rigward, barra minn hekk, tar-rikonoxximent tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 18 tagħha jimponi fuq l-Istati Membri, wara li jwettqu evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, li jirrikonoxxu dan l-istatus lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr Stat li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva. |
79 |
Peress li r-regoli li jinsabu f’dan il-Kapitolu II, applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, huma l-istess bħal dawk li jirregolaw l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat, għandu jsir riferiment għall-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli, adottata fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza. |
80 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “dannu serju” jkopri t-theddida reali għall-applikant li jinqatel, jew li jiġu imposti fuqu atti ta’ vjolenza minn membru tal-familja tiegħu jew tal-komunità tiegħu, minħabba l-allegat ksur ta’ regoli kulturali, reliġjużi jew tradizzjonali, u li għalhekk dan il-kunċett jista’ jwassal għar-rikonoxximent tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
81 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.