SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
21 ta’ Marzu 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa – Saħħa tal-annimali – Verifiki veterinarji – Prodotti li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina – Projbizzjoni ta’ importazzjoni – Deċiżjoni 2002/994/KE – Eżenzjoni għal ċerti prodotti – Parti I tal-Anness – Prodotti tas-sajd – Kunċett – Żejt tal-ħuta – Prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali – Validità”
Fil-Kawża C‑7/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura
Marvesa Rotterdam NV
vs
Federaal Agentschap voor de veiligheid van de voedselketen (FAVV),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn N. Wahl (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Marvesa Rotterdam NV, minn S. Feyen, advocaat, C. Louski, avocate, u J. Mosselmans, advocaat, |
|
– |
għall-Federaal Agentschap voor de veiligheid van de voedselketen (FAVV), minn R. Depla, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u M. ter Haar, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/994/KE tal‑20 ta’ Diċembru 2002 dwar xi miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali impurtati miċ-Ċina (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 534), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1068 tal‑1 ta’ Lulju 2015 (ĠU 2015, L 174, p. 30) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2002/994”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Marvesa Rotterdam NV (iktar ’il quddiem “Marvesa”) u l-Federaal Agentschap voor de veiligheid van de Voedselketen (FAVV) (l-Aġenzija Federali għas-Sigurtà tal-Katina Alimentari (AFSCA), il-Belġju) dwar il-legalità ta’ żewġ deċiżjonijiet tagħha li jirrifjutaw l-importazzjoni taż-żejt tal-ħuta li joriġina miċ-Ċina u maħsub għall-għalf tal-annimali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 97/78/KE
|
3 |
L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat‑18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 247, rettifika fil-ĠU 2015, L 182, p. 92), kif emendata bl-Artikolu 58 tar-rettifika tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/78”), kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti” kif ġej: “Barra minhekk:
|
|
4 |
L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78 kien jipprevedi li: “Jekk, fit-territorju ta’ pajjiż terz, marda li hemm referenza dwarha fid-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 5, p. 191)], iż-żoonosi jew mard ieħor jew kwalunkwe fenomenu ieħor jew ċirkostanzi li jistgħu jippreżentaw theddida serja għas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-pubbliku, tkun tidher jew inkella tilħaq tinfirex, jew jekk għal xi raġuni serja oħra dwar is-saħħa ta’ l-annimali jew tal-pubbliku tkun titlob hekk, partikolarment fid-dawl tas-sejbien li l-esperti veterinarji jkunu għamlu jew fil-verifiki li jkunu twettqu f’post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha, waqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, tadotta waħda mill-miżuri segwenti mingħajr dewmien, jiddependi mill-gravità tas-sitwazzjoni:
|
|
5 |
Id-Direttiva 97/78 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU 2017, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 40). |
Id‑Deċiżjoni 2002/994
|
6 |
Il-premessi 1 u 4 tad-Deċiżjoni 2002/994 jgħidu li:
[…]
|
|
7 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/994 huwa fformulat kif ġej: “Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina u li huma maħsuba għall-konsum uman jew biex jiġu mitmugħa l-annimali.” |
|
8 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxi li: “1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1. 2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni skond il-kondizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali applikabbli għall-prodotti kkonċernati, u skond l-Artikolu 3 fil-każ ta’ prodotti elenkati fil-Parti II ta’ l-Anness.” |
|
9 |
Skont il-Parti I tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni: “Lista ta’ prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-użu bħala għalf għall-annimali li l-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni [Ewropea] hija awtorizzata mingħajr l-attestazzjoni stipulata mill-Artikolu 3:
[…]” |
Ir‑Regolament (KE) Nru 853/2004
|
10 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35), jistabbilixxi li: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw:
[…]” |
|
11 |
Il-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004 jipprevedi li: “‘Prodotti tas-sajd’ tfisser kull annimal ta’ l-ilma baħar jew ta’ l-ilma ħelu (ħlief għall-molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi ħajjin, tunikati ħajjin u gastropodi marini ħajjin, u l-mammali, ir-rettili u ż-żrinġijiet kollha) kemm slavaġ kif ukoll imrobbija u inklużi kull forom, partijiet u prodotti ta’ dawn l-annimali li jittieklu”. |
Ir‑Regolament (KE) Nru 854/2004
|
12 |
L-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament Nru 854/2004 jgħid li: “It-tifsiriet preskritti fir-Regolamenti li ġejjin għandhom ukoll japplikaw kif xieraq: […] (d) Ir-Regolament [Nru 853/2004].” |
|
13 |
Ir-Regolament Nru 854/2004 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament 2017/625. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
14 |
Marvesa, kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, timporta, fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ bejgħ bl-ingrossa u ta’ distribuzzjoni ta’ żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali, żejt tal-ħuta li joriġina miċ-Ċina. |
|
15 |
Fil‑5 u fil‑25 ta’ Jannar 2018, l-awtoritajiet Ċiniżi responsabbli mill-fruntieri ħarġu ċertifikati tas-saħħa għat-trasport lejn il-Belġju tal-ewwel lott ta’ 258470 kilogramma (kg) u tat-tieni lot ta’ 261674 kg ta’ żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali li joriġina miċ-Ċina. |
|
16 |
Fit‑23 ta’ Frar 2018, il-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera Belġjan kompetenti rrifjuta l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ kontenituri li jittrasportaw l-imsemmija lottijiet ta’ żejt tal-ħuta. |
|
17 |
Wara skambji bejn l-AFSCA u Marvesa dwar l-imsemmi rifjut ta’ importazzjoni u wara s-smigħ ta’ din tal-aħħar, l-AFSCA kkonfermat, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet definittivi tal‑20 u tal‑24 ta’ April 2018, ir-rifjut ta’ importazzjoni fil-Belġju tal-imsemmija lottijiet ta’ żejt tal-ħuta. |
|
18 |
L-AFSCA indikat, f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, li ż-żejt tal-ħuta inkwistjoni kien “prodott ipprojbit”, bl-indikazzjoni “mhux awtorizzat li jidħol miċ-Ċina (miżuri ta’ salvagwardja 2002/994/KE)”. |
|
19 |
Marvesa qiegħda tikkontesta l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li huwa l-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li dawn jiksru l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2002/994, billi ssostni f’dan ir-rigward li ż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali jissodisfa d-definizzjoni ta’ “prodotti tas-sajd”, fis-sens tal-Parti I tal-Anness ta’ din l-aħħar deċiżjoni, b’tali mod li l-importazzjoni ta’ dan il-prodott hija awtorizzata, konformement mal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
20 |
Skont Marvesa, il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jinkludi kemm il-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif ukoll dawk maħsuba għall-għalf tal-annimali. Konsegwentement, dan il-kunċett jinkludi ż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali. Marvesa tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” li tinsab f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li hija tqis rilevanti, fuq il-formulazzjoni tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 kif ukoll fuq il-kuntest u l-għan ta’ din id-deċiżjoni. Hija tosserva wkoll li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li tgħid li jinkludi biss prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem tagħti lok għal sitwazzjoni “mingħajr preċedent”, li fiha ż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ikun suġġett għal sistema iktar stretta miż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem. |
|
21 |
L-AFSCA, min-naħa tagħha, issostni li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd”, fis-sens tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994, ikopri biss prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Hija tindika, fost argumenti oħra, li d-dritt tal-Unjoni jagħmel distinzjoni bejn prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali. Hija tfakkar ukoll l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-minuti tal-laqgħa tad‑9 ta’ April 2018 tal-“Expert Group on veterinary import controls” (grupp ta’ esperti fil-qasam tal-verifiki tal-importazzjonijiet fil-qasam veterinarju), li tgħid li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni attwalment applikabbli ma tawtorizzax l-importazzjoni ta’ żejt tal-ħuta ta’ oriġini Ċiniża maħsub għall-għalf tal-annimali. |
|
22 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-legalità taż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd”, li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994, u li l-interpretazzjoni tal-AFSCA tista’ twassal għal trattament differenti ta’ importazzjonijiet ta’ żejt tal-ħuta skont jekk dan ikunx maħsub għall-konsum mill-bniedem jew jekk ikunx maħsub għall-konsum mill-annimali. |
|
23 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
24 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jinkludi l-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif ukoll il-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali u, konsegwentement, jekk iż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali huwiex “prodott tas-sajd”, fis-sens ta’ dan l-anness. |
|
25 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, billi tibbaża ruħha fuq raġuni serja ta’ saħħa tal-annimali jew ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni setgħet, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78, tadotta miżuri li jikkonċernaw l-importazzjonijiet li joriġinaw minn Stat terz bħas-sospensjoni tal-importazzjonijiet, l-iffissar ta’ kundizzjonijiet partikolari, l-impożizzjoni ta’ verifiki adattati jew iż-żieda fil-frekwenza tal-verifiki fiżiċi. |
|
26 |
Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2002/994 jirriżulta li miżuri ta’ din in-natura ġew adottati wara li l-preżenza ta’ kloramfenikol kienet ġiet identifikata fi prodotti tal-akkwakultura u tas-sajd importati miċ-Ċina u wara li żjara ta’ spezzjoni f’dan il-pajjiż kienet żvelat lakuni għal dak li jirrigwarda r-regolamenti tal-mediċina veterinarja u s-sistema ta’ kontroll tar-residwi f’annimali ħajjin u f’prodotti tal-annimali. Għalhekk, permezz tad-Deċiżjoni 2001/699 u tad-Deċiżjoni 2002/69, il-Kummissjoni l-ewwel nett ipprojbixxiet l-importazzjoni ta’ gambli li jintbagħtu jew li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam u sussegwentement l-importazzjoni tal-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina u maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali identifikati b’mod ċar, bħall-prodotti tas-sajd li jinqabdu, jiġu ffriżati u jiġu ppakkjati fl-ippakkjar finali tagħhom fuq il-baħar u jitniżżlu l-art direttament fit-territorju tal-Unjoni. |
|
27 |
Wara l-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-miżuri u fid-dawl tar-riżultati pożittivi tal-verifiki mwettqa mill-Istati Membri u tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ċiniżi, il-Kummissjoni, peress li qieset li kien hemm lok li jiġu aġġornati u kkonsolidati d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/69 u li jitħassru d-Deċiżjonijiet 2001/699 u 2002/69, adottat id-Deċiżjoni 2002/994. |
|
28 |
Skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2002/994, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina u maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali. Madankollu, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw, b’deroga mill-projbizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 2(1), l-importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
29 |
Għalkemm il-prodotti tas-sajd jinsabu fost il-prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati f’dan l-istess anness, id-Deċiżjoni 2002/994 u, b’mod partikolari, il-Parti I tal-imsemmi anness madankollu ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” u lanqas ma jippreċiżaw jekk dan il-kunċett jinkludix kemm il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif ukoll dawk maħsuba għall-għalf tal-annimali. |
|
30 |
Konsegwentement, sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 u tal-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” li jinsab f’dan l-anness, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Orthomol, C‑418/21, EU:C:2022:831, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Fl-ewwel lok, huwa minnu li, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/994 u tal-Parti I tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni, kemm l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll dan l-anness japplikaw għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina u maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali. |
|
32 |
Madankollu, tali ċirkustanza ma tfissirx li l-prodotti kollha identifikati u elenkati fl-imsemmi anness huma neċessarjament maħsuba għall-konsum mill-bniedem u għall-għalf tal-annimali. |
|
33 |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/994 u l-Parti I tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni jkopru alternattivament il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali. Min-naħa l-oħra, ċerti prodotti koperti minn dan l-anness jistgħu, min-natura tagħhom, ikunu maħsuba għall-konsum mill-bniedem biss jew għall-għalf tal-annimali biss. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-għalf tal-annimali domestiċi li huwa kopert mill-imsemmi anness. |
|
34 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni Marvesa, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/994 ma jistax jiġi dedott li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” imsemmi fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni jinkludi neċessarjament il-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem u dawk maħsuba għall-għalf tal-annimali. |
|
35 |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kuntest u l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ d-Deċiżjoni 2002/994, għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati mill-atti adottati fl-istess qasam għandu jkollhom l-istess tifsira (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, 5th AVENUE Products Trading, C‑775/19, EU:C:2020:948, punt 42). |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-leġiżlatur jistabbilixxi distinzjoni bejn il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u l-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti jaqgħu taħt kuntesti legali li huma differenti peress li ġew imfassla fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ prodotti. |
|
37 |
Barra minn hekk, id-Direttiva 97/78 li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni 2002/994 kienet tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha, il-kunċett ta’ “prodotti” b’riferiment għal atti oħra tad-dritt tal-Unjoni. Hija kienet tirreferi, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 854/2004, li kien jirreferi, fl-Artikolu 2(2)(d) tiegħu, għar-Regolament Nru 853/2004, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” fil-punt 3.1 tal-Anness I tiegħu. |
|
38 |
Issa, ir-Regolament Nru 853/2004 u r-Regolament Nru 854/2004 japplikaw biss, mid-definizzjoni tagħhom, għall-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem. |
|
39 |
Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolament Nru 854/2004 kien ikopri l-prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem. |
|
40 |
Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 853/2004 jiddetermina r-regoli ta’ iġjene applikabbli għall-ikel li joriġina mill-annimali. Issa, ir-Regolament Nru 178/2002, li d-definizzjonijiet tiegħu huma, skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 853/2004, applikabbli għall-finijiet ta’ dan l-aħħar regolament, jiddefinixxi, fl-Artikolu 2 tiegħu, il-kunċett ta’ “ikel” bħala “kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem”. |
|
41 |
Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li taħtha taqa’ d-Deċiżjoni 2002/994, il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” ikopri biss il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem. |
|
42 |
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fid-Deċiżjoni 2002/994, il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” għandu, għal raġunijiet ta’ koerenza, ikollu l-istess tifsira skont din id-deċiżjoni bħal f’dan il-kuntest iktar ġenerali. |
|
43 |
Fit-tielet lok, tali approċċ huwa kkorroborat mill-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2002/994. |
|
44 |
Kif fakkret il-Kummissjoni fil-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni, id-Direttiva 97/78 tippermetti li jiġu adottati l-miżuri neċessarji għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, meta xi kawża li tista’ tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-annimali jew tal-bniedem tkun tidher jew tkun qiegħda tinxtered. |
|
45 |
Issa, tali miżuri jiddependu, minn naħa, min-natura u mid-destinazzjoni tal-prodotti li huma jkopru u, min-naħa l-oħra, mir-riskji speċifiċi għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali maħluqa minn dawn il-prodotti. |
|
46 |
Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ importazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti mid-Deċiżjoni 2002/994 u l-eventwali taffija ta’ dawn il-miżuri permezz tad-deċiżjoni li tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali jiddependu, kif enfasizzat il-Kummissjoni, mill-informazzjoni u mill-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet Ċiniżi u, jekk ikun il-każ, mir-riżultati tal-verifiki fil-post imwettqa mill-esperti tal-Unjoni. |
|
47 |
Tali informazzjoni u tali verifiki huma speċifiċi għall-prodott li l-projbizzjoni ta’ importazzjoni tiegħu hija eżaminata mill-ġdid u għar-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali maħluq mill-prodott hekk evalwat. |
|
48 |
Għalhekk, l-informazzjoni u l-verifiki relatati maż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem ma humiex rilevanti sabiex jiġu evalwati r-riskji ppreżentati miż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali. |
|
49 |
F’dan il-każ, peress li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jirreferi biss għall-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem, l-informazzjoni u l-verifiki li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tar-riskju maħluq minn dawn il-prodotti kienu mfassla sabiex jevalwaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u mhux ir-riskji għas-saħħa tal-annimali. |
|
50 |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd”, fis-sens tad-Deċiżjoni 2002/994, ikopri biss il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem. |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jinkludi l-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u mhux il-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali, u li, konsegwentement, iż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ma huwiex “prodott tas-sajd”, fis-sens ta’ dan l-anness. |
Fuq it‑tieni domanda
|
52 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-validità tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 fid-dawl tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78, moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 2 anness mat-Trattat FUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. |
|
53 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Marvesa sostniet, quddiem il-qorti tar-rinviju, li trattament differenti taż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem u taż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ma kienx iġġustifikat u li tali differenza fit-trattament tqajjem dubji dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2002/994 fid-dawl tal-bażi legali tagħha u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
54 |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78, il-Kummissjoni setgħet, billi tibbaża ruħha fuq raġuni serja ta’ saħħa tal-annimali jew ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tadotta miżuri kontra importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż terz bħas-sospensjoni tal-importazzjonijiet, l-iffissar ta’ kundizzjonijiet partikolari, l-impożizzjoni ta’ verifiki adattati jew iż-żieda fil-frekwenza tal-verifiki fiżiċi. |
|
55 |
Din id-dispożizzjoni teżiġi għalhekk li l-miżuri adottati mill-Kummissjoni jkollhom bħala għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem jew is-saħħa tal-annimali u li jkunu adattati għal-“gravità tas-sitwazzjoni”. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, tibbaża tali miżuri fuq evalwazzjoni speċifika għal kull prodott kopert mill-imsemmija miżuri. |
|
56 |
Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni tippreżupponi l-adozzjoni ta’ miżuri differenzjati, speċifiċi għal kull prodott imsemmi u għar-riskju li dan joħloq għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali. |
|
57 |
Issa, f’dan il-każ, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u l-prodotti mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem huma differenti. L-evalwazzjoni tar-riskju kkawżat minn kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ prodotti għandha, għaldaqstant, tkun differenti sabiex jiġu identifikati u ddeterminati, għal kull waħda minn dawn il-kategoriji, ir-riskju għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, il-gravità tas-sitwazzjoni u l-miżuri neċessarji sabiex dawn jiġu rrimedjati. |
|
58 |
Għalhekk, fid-dawl tad-differenzi bejn il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u l-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali, id-differenza fit-trattament magħmula mid-Deċiżjoni 2002/994 bejn iż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem u ż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ma tmurx kontra l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78. |
|
59 |
F’dan il-kuntest, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni taż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali lanqas ma tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-fatt li l-importazzjoni ta’ dan il-prodott hija pprojbita filwaqt li l-importazzjoni taż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem hija awtorizzata ma jfissirx, fih innifsu, li tali projbizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-annimali. |
|
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994. |
Fuq l‑ispejjeż
|
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.