SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
22 ta’ Frar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21(1) TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri –Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 4 – Ħruġ ta’ karta tal-identità – Kundizzjoni ta’ domiċilju fl-Istat Membru emittenti tad-dokument – Rifjut tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru li joħorġu karta tal-identità lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu residenti fi Stat Membru ieħor – Ugwaljanza fit-trattament – Restrizzjonijiet – Ġustifikazzjoni”
Fil-Kawża C‑491/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura
WA
vs
Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date din Ministerul Afacerilor Interne,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ewwel Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: R. Șereș, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal WA, minn C. L. Popescu, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn L.-E. Baţagoi, E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan u E. Montaguti, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-27 ta’ April 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(2) TFUE, tal-Artikolu 20, tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn WA, ċittadin Rumen li jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu kemm fi Franza kif ukoll fir-Rumanija, u d-Direcția pentru Evidența Persoanelor și Administrarea Bazelor de Date din Ministerul Afacerilor Interne (id-Direttorat Responsabbli għar-Reġistru tal-Persuni u għall-Ġestjoni tad-Databases tal-Ministeru għall-Intern, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tar-Reġistru”), dwar ir-rifjut minn dan tal-aħħar li joħroġ lil WA karta tal-identità minħabba li kien iddomiċiljat fi Stat Membru li ma huwiex ir-Rumanija. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 1 sa 4 tad-Direttiva 2004/38:
|
|
4 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ ħruġ”, huwa fformulat kif ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. 2. L-ebda visa ta’ ħruġ jew formalità ekwivalenti m’għandha tiġi imposta fuq il-persuni li għalihom japplika l-paragrafu 1. 3. Skond il-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom joħorġu jew iġeddu għaċ-ċittadini tagħhom karta ta’ l-identità jew passaport li jiddikjara ċ-ċittadinanza tagħhom. 4. Il-passaport għandu jkun validu minn ta’ l-inqas għall-Istati Membri kollha u għall-pajjiżi li minnhom irid jgħaddi meta ċ-ċittadin ikun qed jivjaġġa bejn l-Istati Membri. Fejn il-liġi ta’ Stat Membru ma tipprevedix li joħorġu karti ta’ l-identità, il-perjodu ta’ validità tal-passaport, meta jinħareġ jew jiġi mġedded, m’għandux ikun inqas minn ħames snin.” |
Id‑dritt Rumen
|
5 |
Skont l-Artikolu 12 tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 97/2005 privind evidența, domiciliul, reședința și actele de identitate ale cetățenilor români (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 97/2005 dwar ir-Reġistru tal-Persuni, id-Domiċilju, ir-Residenza u d-Dokumenti tal-Identità ta’ Ċittadini Rumeni, ippubblikat mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 719 tat-12 ta’ Ottubru 2011, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 97/2005”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali: “(1) Mill-età ta’ [erbatax]-il sena, iċ-ċittadini Rumeni jinħarġulhom dokumenti tal-identità. […] (3) Għall-finijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, dokument tal-identità jfisser: il-karta tal-identità, il-karta tal-identità sempliċi, il-karta tal-identità elettronika, il-karta tal-identità provviżorja u l-ktieb tal-identità, validi bħalissa.” |
|
6 |
L-Artikolu 13 tal-OUG Nru 97/2005 jipprovdi: “(1) Id-dokument tal-identità jiċċertifika l-identità, in-nazzjonalità Rumena, l-indirizz tad-domiċilju u, jekk applikabbli, l-indirizz tar-residenza. (2) Skont il-[Legea nr. 248/2005 privind regimul liberei circulații a cetățenilor români în străinătate (il-Liġi Nru 248/2005 dwar ir-Regoli ta’ Moviment Liberu taċ-Ċittadini Rumeni Barra mill-Pajjiż) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 682 tad-29 ta’ Lulju 2005)], kif emendata u ssupplimentata sussegwentement (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Regoli ta’ Moviment Liberu”), il-karta tal-identità u l-karta tal-identità elettronika jikkostitwixxu dokument tal-ivvjaġġar fl-Istati Membri tal-Unjoni. (3) Il-karta tal-identità elettronika tippermetti lid-detentur tagħha jawtentika lilu nnifsu fis-sistemi informatiċi tal-Ministeru tal-Intern u fis-sistemi informatiċi ta’ istituzzjonijiet pubbliċi jew privati oħra kif ukoll juża l-firma elettronika, taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.” |
|
7 |
L-Artikolu 15(3) tal-OUG Nru 97/2005 jipprovdi: “It-talba għall-ħruġ ta’ dokument tal-identità ġdid hija akkumpanjata biss mid-dokumenti li, skont il-liġi, jiċċertifikaw id-domiċilju tal-persuna kkonċernata u, fejn applikabbli, ir-residenza tagħha, ħlief jekk:
|
|
8 |
L-Artikolu 20(1)(c) tal-OUG Nru 97/2005 huwa fformulat kif ġej: “Il-karta tal-identità provviżorja tinħareġ fil-każijiet li ġejjin:
|
|
9 |
L-Artikolu 28(1) tal-OUG Nru 97/2005 jipprovdi: “(1) Il-prova tal-indirizz tad-domiċilju tista’ tiġi stabbilita permezz ta’:
|
|
10 |
Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi dwar ir-Regoli tal-Moviment Liberu: “(1) It-tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li abbażi tagħhom iċ-ċittadini Rumeni jistgħu jivvjaġġaw barra mill-pajjiż huma dawn li ġejjin:
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 61(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-karta tal-identità, il-karta tal-identità sempliċi u l-karta tal-identità elettronika validi jikkostitwixxu dokument tal-ivvjaġġar li fuq il-bażi tiegħu ċ-ċittadini Rumeni jistgħu jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll lejn Stati terzi li jirrikonoxxuhom bħala dokument tal-ivvjaġġar. […]” |
|
12 |
L-Artikolu 171(1)(d) u (2)(b) tal-imsemmija liġi jipprovdi: “(1) Il-passaport sempliċi temporanju jinħareġ liċ-ċittadini Rumeni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi u li ma humiex suġġetti għal sospensjoni tad-dritt li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, fil-każijiet li ġejjin: […]
[…] 2. Il-passaport sempliċi temporanju jinħareġ: […]
|
|
13 |
L-Artikolu 34(1), (2) u (6) tal-Liġi dwar ir-Regoli tal-Moviment Liberu jipprovdi: “1. Ċittadin Rumen li jkun stabbilixxa r-residenza tiegħu barra mill-pajjiż jista’ jitlob il-ħruġ ta’ passaport sempliċi elettroniku jew passaport sempliċi temporanju li jindika l-pajjiż tad-domiċilju tiegħu, meta jsib ruħu f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
2. Ċittadin Rumen detentur ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew dokument li jiċċertifika r-residenza tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fil-Konfederazzjoni Żvizzera, maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Żvizzera, jista’ jitlob il-ħruġ ta’ passaport sempliċi elettroniku jew passaport sempliċi temporanju li jindika lil dan l-Istat bħala l-pajjiż tad-domiċilju. […] 6. Ċittadin Rumen li jkun stabbilixxa d-domiċilju tiegħu barra mill-pajjiż huwa meħtieġ, meta jirċievi passaport sempliċi elettroniku jew passaport sempliċi temporanju li jsemmi l-pajjiż tad-domiċilju, li jirritorna d-dokument tal-identità li jiċċertifika l-eżistenza ta’ domiċilju fir-Rumanija maħruġ mill-awtoritajiet Rumeni.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
14 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa avukat ta’ nazzjonalità Rumena, li jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu kemm fi Franza kif ukoll fir-Rumanija u li, sa mill-2014, huwa ddomiċiljat fi Franza. |
|
15 |
L-awtoritajiet Rumeni ħarġulu passaport sempliċi elettroniku li jindika li huwa ddomiċiljat fi Franza. Minħabba li l-ħajja privata tiegħu u l-ħajja professjonali tiegħu jiżvolġu kemm fi Franza kif ukoll fir-Rumanija, huwa jistabbilixxi wkoll kull sena r-residenza tiegħu fir-Rumanija u jirċievi, bħala tali, karta tal-identità provviżorja, liema kategorija ta’ karta madankollu ma tikkostitwixxix dokument li jippermettilu jivvjaġġa barra mill-pajjiż. |
|
16 |
Fis-17 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq talba lid-Direttorat tar-Reġistru għall-ħruġ ta’ karta tal-identità jew karta tal-identità elettronika. Din it-talba ġiet miċħuda għar-raġuni li ma kienx stabbilixxa d-domiċilju tiegħu fir-Rumanija. |
|
17 |
Fit-18 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq azzjoni fl-ambitu ta’ proċedura amministrattiva quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) intiża sabiex id-Direttorat tar-Reġistru jiġi ordnat joħroġlu d-dokument mitlub. |
|
18 |
Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Marzu 2018, din il-qorti ċaħdet ir-rikors bħala infondat, għar-raġuni li d-deċiżjoni ta’ rifjut tad-Direttorat tar-Reġistru kienet iġġustifikata mid-dritt Rumen, li jipprovdi li l-karti tal-identità jinħarġu biss lil ċittadini Rumeni ddomiċiljati fir-Rumanija. Hija qieset li d-dritt Rumen ma kienx kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni sa fejn id-Direttiva 2004/38 ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li joħorġu karti tal-identità liċ-ċittadini tagħhom stess. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti qieset li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx ġie ddiskriminat, sa fejn l-awtoritajiet Rumeni ħarġulu passaport sempliċi elettroniku, li jikkostitwixxi dokument tal-ivvjaġġar li jippermettilu jivvjaġġa barra mill-pajjiż. |
|
19 |
Peress li qies li s-sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) kienet tikser diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, tal-Karta u tad-Direttiva 2004/38, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
20 |
Dik il-qorti tesprimi dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tar-rifjut li tinħareġ karta tal-identità lir-rikorrent fil-kawża prinċipali fiċ-ċirkustanzi tal-kawża adita biha. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-Direttiva 2004/38 għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Istati Membri għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħti lok għal applikazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom joħorġu liċ-ċittadini tagħhom karti tal-identità jew passaporti skont il-leġiżlazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-kriterju tad-domiċilju bħala kundizzjoni għall-ħruġ ta’ karta tal-identità jista’ jippermetti li jkun hemm trattament diskriminatorju li, sabiex ikun iġġustifikat taħt id-dritt tal-Unjoni, għandu jkun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u proporzjonati mal-għan leġittimament segwit mid-dritt nazzjonali. Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, id-Direttorat tar-Reġistru ma indikax liema kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali setgħet tiġġustifika d-differenza fit-trattament riflessa fil-fatt li ċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jiġu rrifjutati d-dritt li jkollhom karta tal-identità nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tindika li ma identifikatx tali ġustifikazzjoni. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 26(2) TFUE, l-Artikolu 20, l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 45(1) tal-[Karta] u l-Artikoli 4 [sa] 6 tad-Direttiva [2004/38] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix il-ħruġ ta’ karta tal-identità, li tkun tista’ tintuża bħala dokument għall-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea, lil ċittadin ta’ Stat Membru bħala riżultat tal-istabbiliment tad-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
23 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha. Fil-fatt, il-fatt li qorti nazzjonali tkun ifformulat, minn perspettiva formali, domanda preliminari billi tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha, indipendentement minn jekk tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2023, Nordic Info, C‑128/22, EU:C:2023:951, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż, skont ġurisprudenza stabbilita, li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Barra minn hekk, ċittadin ta’ Stat Membru li, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jista’ jinvoka d-drittijiet relatati ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE, inkluż, skont il-każ, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ għalhekk jinvoka d-drittijiet mogħtija mill-imsemmija dispożizzjonijiet, bla ħsara, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati u mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tagħhom. Tali limitazzjonijiet u kundizzjonijiet huma previsti mid-Direttiva 2004/38, li għandha l-għan, b’mod partikolari, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet kif ukoll il-limitazzjonijiet għalihom. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 TFUE, tal-Artikolu 20 u tal-Artikolu 21(1) tal-Karta u kif ukoll tal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2004/38, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 45(1) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ karta tal-identità li jkollha valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Unjoni, sempliċement għaliex ikun stabbilixxa d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. |
|
29 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ilu ddomiċiljat fi Franza sa mis-sena 2014 u li huwa jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu bħala avukat kemm fi Franza u kif ukoll fir-Rumanija. L-awtoritajiet Rumeni ħarġulu passaport sempliċi elettroniku li jsemmi l-fatt li huwa ddomiċiljat f’dan l-ewwel Stat Membru kif ukoll karta tal-identità provviżorja. |
|
30 |
Din tal-aħħar ma tikkostitwixxix dokument tal-ivvjaġġar. Din tinħareġ liċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor li jirrisjedu temporanjament fir-Rumanija u għandha tiġi mġedda kull sena. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lid-Direttorat tar-Reġistru l-ħruġ ta’ karta tal-identità, sempliċi jew elettronika, li tikkostitwixxi dokument tal-ivvjaġġar li jippermettilu jivvjaġġa lejn Franza. Din it-talba ġiet miċħuda essenzjalment minħabba li din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix tali ħruġ fil-każ ta’ domiċilju barra mill-pajjiż, fatt li barra minn hekk ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. |
|
31 |
Mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċittadini Rumeni kollha, irrispettivament mill-post tad-domiċilju tagħhom, għandhom id-dritt li jinħarġilhom passaport skont l-Artikolu 6(1)(f) u (g), kif ukoll l-Artikolu 34(1) u (2) tal-Liġi dwar ir-Regoli ta’ Moviment Liberu. Barra minn hekk, iċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fir-Rumanija għandhom, mill-età ta’ erbatax-il sena, id-dritt li tinħarġilhom jew karta tal-identità sempliċi, jew karta tal-identità elettronika li għandha l-valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar, skont l-Artikolu 12(1) u (3) tal-OUG Nru 97/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 61(1) tal-Liġi dwar ir-Regoli ta’ Moviment Liberu. |
|
32 |
Mill-banda l-oħra, iċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor ma għandhomx id-dritt li jiksbu dawn il-karti tal-identità. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont l-Artikolu 34(6) tal-Liġi dwar ir-Regoli ta’ Moviment Liberu, meta jinħareġ lil dawn iċ-ċittadini passaport li jsemmi l-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom, huma għandhom jirritornaw id-dokument tal-identità li għandu valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar u li jiċċertifika l-eżistenza ta’ domiċilju fir-Rumanija. Madankollu, jekk jirrisjedu temporanjament f’dan l-Istat Membru, tinħarġilhom karta tal-identità provviżorja li, skont l-Artikolu 12(3) tal-OUG Nru 97/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu, ma għandhiex valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar. |
|
33 |
Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni Rumena fil-qasam tal-ħruġ tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati barra mill-pajjiż, inkluż fi Stat Membru ieħor, u dawk li huma ddomiċiljati fir-Rumanija, fejn lil dawn tal-aħħar jista’ jinħarġilhom dokument jew żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar li jippermettulhom jivvjaġġaw fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri karta tal-identità u passaport, filwaqt li lil tal-ewwel jista’ jinħarġilhom biss passaport bħala dokument tal-ivvjaġġar. |
|
34 |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk tali differenza fit-trattament tmurx kontra l-Artikolu 21 TFUE, l-Artikolu 45(1) tal-Karta u kif ukoll l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38. |
|
35 |
Sabiex iċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu li, waqt li jaġixxu skont il-leġiżlazzjonijiet tagħhom, joħorġu liċ-ċittadini tagħhom, jew iġġeddulhom, karta tal-identità jew passaport li jindikaw in-nazzjonalità tagħhom. |
|
36 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni disġuntiva “jew” jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmija dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri l-għażla tat-tip ta’ dokument tal-ivvjaġġar, jiġifieri karta tal-identità jew passaport, li huma obbligati joħorġu liċ-ċittadini tagħhom stess. |
|
37 |
Madankollu, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/38 hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 4 tagħha, sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri li ngħata direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u li din għandha b’mod partikolari l-għan li ssaħħaħ l-imsemmi dritt (sentenza tal-11 ta’ April 2019, Tarola, C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Barra minn hekk, għalkemm, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-ħruġ tal-karti tal-identità jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, għandu madankollu jitfakkar li dawn għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tagħhom kif mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, A (Qsim tal-fruntiera fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni), C‑35/20, EU:C:2021:813, punti 53 u 57). |
|
39 |
Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38 ma jimponix fuq l-Istati Membri l-ħruġ ta’ żewġ dokumenti tal-identità li għandhom valur ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar liċ-ċittadini tagħhom, u jħalli, għall-kuntrarju, lil dawn l-Istati l-għażla li joħorġu lil dawn tal-aħħar jew karta tal-identità jew passaport, din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE, ma tistax madankollu tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu din l-għażla billi jittrattaw b’mod inqas favorevoli lil dawk miċ-ċittadini tagħhom li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi ħdan l-Unjoni, u billi jirrestrinġu dan id-dritt, mingħajr ġustifikazzjoni bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali. |
|
40 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, iċ-ċittadini Rumeni li joqogħdu fi Stati Membri oħra u li jixtiequ jiksbu kemm passaport u kif ukoll karta tal-identità (sempliċi jew elettronika) jeħtieġu li jkunu stabbilixxew id-domiċilju tagħhom fir-Rumanija. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prova tal-indirizz tad-domiċilju hija stabbilita, b’mod partikolari, permezz ta’ att ta’ proprjetà, kuntratt ta’ kiri jew ċertifikat ta’ akkomodazzjoni, li jfisser li tali ċittadini għandhom ikunu proprjetarji, kerrejja jew okkupanti bħala persuni akkomodati f’akkomodazzjoni fir-Rumanija. Issa, tali rekwiżit iwassal għal trattament inqas favorevoli tal-imsemmija ċittadini minħabba l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal moviment liberu, sa fejn huma għandhom għalhekk iżommu domiċilju fir-Rumanija sabiex ikunu jistgħu jiksbu żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar, kundizzjoni li ċ-ċittadini Rumeni li ma eżerċitawx dan id-dritt jissodisfaw b’mod iktar faċli. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżvantaġġa lil ċerti ċittadini nazzjonali minħabba l-fatt biss li huma eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2020, ZW, C‑454/19, EU:C:2020:947, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-faċilitajiet offerti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jkun jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom, b’ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba s-sempliċi fatt li huwa eżerċita dawn il-faċilitajiet (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, bir-rifjut li tinħareġ karta tal-identità li jkollha valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar lir-rikorrent fil-kawża prinċipali għas-sempliċi raġuni li huwa stabbilixxa d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor, jiġifieri fi Franza, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiddisswadi liċ-ċittadini Rumeni li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan ir-rikorrent milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fi ħdan l-Unjoni. |
|
44 |
Kif jirrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Rumen, anki jekk iċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor għandhom passaport, l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu jista’ jiġi ostakolat mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li saru fis-seduta jirriżulta li, għal perijodu ta’ tnax-il jum, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jivvjaġġa lejn Franza peress li ma kellux karta tal-identità li kellha valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar billi l-passaport tiegħu kien jinsab fl-ambaxxata ta’ pajjiż terz f’Bukarest (ir-Rumanija) sabiex tinkiseb viża. Issa, f’tali każ, ċittadin Rumen iddomiċiljat fir-Rumanija seta’ mar fi Stat Membru ieħor bil-karta tal-identità tiegħu. Il-Gvern Rumen isostni f’dan ir-rigward li, f’sitwazzjoni bħal dik invokata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, passaport temporanju jinħareġ f’terminu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol wara d-data tal-preżentata ta’ talba f’dan is-sens. Tali dokument huwa intiż sabiex jiggarantixxi li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadini Rumeni jkunu jistgħu, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu malajr u mingħajr xkiel. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, madankollu, sostna waqt is-seduta li, f’perijodi ta’ domanda kbira, terminu ta’ xahar huwa meħtieġ sabiex wieħed jingħata appuntament u jkun jista’ jippreżenta applikazzjoni għal passaport temporanju. |
|
46 |
Fi kwalunkwe każ, jidher li ċ-ċittadini Rumeni li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandhom ibatu spejjeż amministrattivi ogħla miċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fir-Rumanija f’dak li jirrigwarda l-proċedura għall-ħruġ tal-karti tal-identità u/jew tal-passaporti, u dan joħloq ostakoli għad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi ħdan l-Unjoni. |
|
47 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dan id-dritt għandhom ġeneralment interessi f’diversi Stati Membri u jimmanifestaw għalhekk ċertu livell ta’ mobbiltà bejniethom. Għalhekk huwa probabbli li dawn il-persuni jkollhom bżonn, f’kull ħin, dokument tal-ivvjaġġar validu, b’mod li l-pussess tat-tieni dokument ta’ din in-natura jista’ jirriżulta meħtieġ, jekk mhux indispensabbli, għalihom. |
|
48 |
Mill-premess jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera previst fl-Artikolu 21(1) TFUE. |
|
49 |
F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 45 tal-Karta, għandu jitfakkar li dan jiggarantixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, dritt li, skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), jikkorrispondi għal dak iggarantit fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE u għandu jiġi eżerċitat, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE u mal-Artikolu 52(2) tal-Karta, skont il-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti mit-Trattati u mill-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura nazzjonali li tkun ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni tista’ tkun iġġustifikata biss meta din il-miżura tkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 281 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, kull restrizzjoni għad-drittijiet previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE tikser neċessarjament l-Artikolu 45(1) tal-Karta, sa fejn id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, previst mill-Karta, jirrifletti d-dritt mogħti mill-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 275). |
|
51 |
Peress li restrizzjoni għad-dritt previst fl-Artikolu 21(1) TFUE diġà ġiet ikkonstatata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, tali restrizzjoni għandha wkoll tiġi kkonstatata fir-rigward tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta. |
|
52 |
Restrizzjoni bħal dik irrilevata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u jekk din tkun proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura tkun proporzjonata meta, filwaqt li tkun adatta sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, hija ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà), C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Issa, il-qorti tar-rinviju ma identifikatx kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali li tista’ tkun il-bażi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
54 |
Min-naħa l-oħra, il-Gvern Rumen, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta, sostna li l-fatt li jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ karta tal-identità nazzjonali li għandha l-valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar liċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, mill-impossibbiltà li jiġi rreġistrat fiha l-indirizz tad-domiċilju ta’ dawn iċ-ċittadini barra mir-Rumanija. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, dan il-gvern sostna, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 91(1) tal-Codul civil (il-Kodiċi Ċivili), il-prova tad-domiċilju u tar-residenza hija pprovduta mill-informazzjoni fuq il-karta tal-identità, li għalhekk isservi prinċipalment biex tipprova dan l-element intrinsiku tal-identità taċ-ċittadini Rumeni, sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jwettqu l-obbligi tagħhom, b’mod partikolari, f’materji ċivili jew amministrattivi. L-imsemmi gvern jenfasizza, imbagħad, li l-indikazzjoni tal-indirizz tad-domiċilju fuq il-karta tal-identità hija għalhekk ta’ natura li tirrendi l-identifikazzjoni iktar effettiva u li tipprevjeni l-ipproċessar eċċessiv tad-data personali tal-imsemmija ċittadini. Fl-aħħar nett, huwa jispeċifika li, anki fil-każ fejn l-indirizz tad-domiċilju taċ-ċittadini Rumeni fi Stat Membru ieħor ikun indikat fuq il-karta tal-identità tagħhom, l-awtoritajiet Rumeni ma jistgħux jassumu r-responsabbiltà li jiċċertifikaw ir-realtà tiegħu, peress li, minbarra n-nuqqas ta’ kompetenza f’dan ir-rigward, ma għandhomx il-mezzi biex jivverifikaw dan l-indirizz mingħajr ma tali verifika ssir piż amministrattiv sproporzjonat, jekk mhux impossibbli, sabiex jitwettaq. |
|
56 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-Gvern Rumen ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza. |
|
57 |
Fir-rigward tal-valur probatorju tal-informazzjoni dwar l-indirizz tad-domiċilju, indikat fuq il-karta tal-identità, il-Gvern Rumen ma weriex ir-rabta bejn l-indikazzjoni ta’ tali indirizz fuq dan id-dokument, informazzjoni li mingħajr dubju hija utli għall-amministrazzjoni, u l-obbligu ta’ rifjut li tinħareġ karta tal-identità liċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kunsiderazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ma jistgħux jiġġustifikaw deroga, minn Stat Membru, mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, iktar u iktar meta d-deroga inkwistjoni twassal għal restrizzjoni, jekk mhux esklużjoni, tal-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C‑369/96 u C‑376/96, EU:C:1999:575, punt 37). Għaldaqstant, l-effikaċja tal-identifikazzjoni u tal-kontroll tal-indirizz tad-domiċilju taċ-ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor lanqas ma tikkostitwixxi kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
59 |
Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex invalidata mill-ġurisprudenza li tipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jilħqu għanijiet leġittimi permezz tal-introduzzjoni ta’ regoli li huma faċilment amministrati u kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti (sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Sopora, C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), invokata mill-Gvern Rumen. Fil-fatt, tali kunsiderazzjoni tippreżupponi l-eżistenza ta’ għan leġittimu, li l-Gvern Rumen ma setax juri f’dan il-każ. |
|
60 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi ħdan l-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 45(1) tal-Karta, fir-rigward ta’ ċittadini Rumeni ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor, li ma tistax tiġi ġġustifikata la min-neċessità li jingħata valur probatorju lill-indirizz tad-domiċilju indikat fuq il-karta tal-identità u lanqas mill-effettività tal-identifikazzjoni u tal-kontroll ta’ dan l-indirizz mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti. |
|
61 |
Minn dan kollu premess jirriżulta li l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 45(1) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ karta tal-identità li jkollha valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Unjoni, sempliċement għaliex huwa jkun stabbilixxa d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. |
Fuq l-ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha ċittadin tal-Unjoni Ewropea, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ karta tal-identità li jkollha valur ta’ dokument tal-ivvjaġġar fi ħdan l-Unjoni Ewropea, sempliċement għaliex huwa jkun stabbilixxa d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.