SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Responsabbiltà għal prodotti difettużi – Direttiva 85/374/KEE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘produttur’ – Kunċett ta’ ‘persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur” – Kundizzjonijiet – Fornitur li ismu jikkoinċidi parzjalment ma’ dak tal-produttur u mat-trade mark mwaħħla fuq il-prodott minn dan tal-aħħar”

Fil-Kawża C‑157/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Ford Italia SpA

vs

ZP,

Stracciari SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, il-President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ford Italia SpA, minn M. Manfredonia, avvocato,

għal Stracciari SpA, minn L. Landuzzi, avvocato,

għall‑Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ford Italia SpA u ZP u Stracciari SpA dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi ta’ Ford Italia, wara inċident tat-traffiku subit minn ZP, filwaqt li dan tal-aħħar kien qiegħed isuq vettura tad-ditta Ford li huwa kien xtara mingħand Stracciari.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-raba’ u l-ħames premessa tad-Direttiva 85/374 jistabbilixxu li:

“Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi li l-produtturi involuti kollha fil-proċess ta’ produzzjoni għandhom jinżammu responsabbli, kemm-il darba l-prodott finalizzat, parti komponenti jew kull materja prima tagħhom fornuta minnhom kienet difettuża; billi, għall-istess raġuni, responsabbiltà għandha testendi għall-importaturi ta’ prodotti fil-Komunità u għall-persuni li jippreżentaw lilhom infushom bħala produtturi billi jwaħħlu isimhom, trade mark jew kull karatteristika distintiva oħra jew li jipprovdu prodott li l-produttur tiegħu ma jistax jiġi identifikat;

Billi, f’sitwazzjonijiet fejn diversi persuni huma responsabbli għall-istess ħsara, il-protezzjoni tal-konsumatur tinħtieġ li l-persuna li ssofri danni għandha tkun tista’ titlob kumpens sħiħ għall-ħsara minn kwalunkwe wieħed minnhom”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu.

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   ‘Produttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-produttur, kull persuna li timporta fil-Komunità prodott għall-bejgħ, kiri, jew kull forma oħra ta’ distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tagħha titqies bħala produttur skond it-tifsira ta’ din id-Direttiva u tkun responsabbli bħala produttur.

3.   Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta’ prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità ta’ l-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat.”

6

Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva:

“Fejn, bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, żewġ persuni jew aktar huma responsabbli għall-istess danni, għandhom ikunu responsabbli flimkien u separatament, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-kontribuzzjoni jew rikors.”

Id-dritt Taljan

7

Id-Direttiva 85/374 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Taljan permezz tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 224 – Attuazione della direttiva CEE n. 85/374 relativa al ravvicinamento delle disposizioni legislative, regolamentari e amministrative degli Stati membri in materia di responsabilità per danno da prodotti difettosi, ai sensi dell’ art 15 della legge 16 aprile 1987, n. 183 (id-Digriet Presidenzjali Nru 224 dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 85/374/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi, skont l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 183 tas‑16 ta’ April 1987), tal‑24 ta’ Mejju 1988 (GURI Nru 146, tat‑23 ta’ Ġunju 1988, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 224/1988”).

8

L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, intitolat “Produttur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li l-produttur huwa l-manifattur tal-prodott lest jew ta’ wieħed mill-komponenti tiegħu jew il-produttur tal-materja prima. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jitqies bħala produttur ukoll kull min jippreżenta lilu stess bħala tali billi jqiegħed ismu, trade mark tiegħu jew kwalunkwe fattur distintiv ieħor fuq il-prodott jew l-imballaġġ tiegħu.

9

L-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet, dwar ir-responsabbiltà tal-fornitur, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, meta l-produttur ma jkunx identifikat, l-istess responsabbiltà taqa’ fuq il-fornitur li jkun qassam il-prodott fil-kuntest ta’ attività kummerċjali jekk huwa ma jkunx informa lill-parti leża, f’terminu ta’ tliet xhur mit-talba, bl-identità u bid-domiċilju tal-produttur jew tal-persuna li tkun ipprovdietlu l-prodott. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li t-terz indikat bħala produttur jew distributur preċedenti jista’ jissejjaħ fil-kawża u li d-distributur konvenut jista’ jiġi lliberat mill-kawża jekk il-persuna maħtura tidher u ma tikkontestax il-ħatra.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Fl‑4 ta’ Lulju 2001, ZP xtara vettura bil-mutur tat-trade mark Ford (iktar ’il quddiem il-“vettura inkwistjoni”) mingħand Stracciari, konċessjonarju ta’ din it-trade mark stabbilita fl-Italja.

11

Il-vettura inkwistjoni kienet ġiet prodotta minn Ford WAG, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, u wara pprovduta lil Stracciari permezz ta’ Ford Italia, li tiddistribwixxi fl-Italja l-vetturi prodotti minn Ford WAG. Ford WAG u Ford Italia jappartjenu għall-istess grupp kummerċjali.

12

Fis‑27 ta’ Diċembru 2001, ZP kien involut f’inċident tat-traffiku li matulu airbag li jgħammar il-vettura inkwistjoni ma ħadimx.

13

Fit‑8 ta’ Jannar 2004, ZP ippreżenta rikors quddiem it-Tribunale di Bologna (il-Qorti Distrettwali ta’ Bologna, l-Italja) kontra Stracciari u Ford Italia sabiex jiġu kkundannati għall-kumpens għad-danni li huwa qies li ġarrab minħabba d-difett li din il-vettura kienet affettwata bih.

14

Quddiem din il-qorti, Ford Italia sostniet li hija ma kinitx immanifatturat il-vettura inkwistjoni. Hija kienet biss il-fornitur, peress li l-produttur kien Ford WAG. Ford Italia sostniet ukoll li hija kienet indikat sew, fuq il-fattura tal-bejgħ tal-vettura inkwistjoni, li Ford WAG kienet il-produttur tagħha, b’tali mod li, f’dan il-każ, Ford Italia ma setgħetx titqies li kienet hija stess dan il-produttur skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 u lanqas tassumi r-responsabbiltà inkorsa minn produttur skont din id-direttiva.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Novembru 2012, it-Tribunale di Bologna (il-Qorti ta’ Bologna) iddeċidiet li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Ford Italia kienet tirriżulta minħabba n-nuqqas ta’ manifattura tal-airbag li kienet tgħammar il-vettura inkwistjoni.

16

Ford Italia appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte d’Appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna, l-Italja).

17

Insostenn tar-rikors tagħha, Ford Italia sostniet li l-qorti tal-ewwel istanza kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li hija kellha tqiegħed inkwistjoni l-produttur, permezz ta’ intervent forzat, sabiex hija stess tkun tista’ tiġi eskluża mill-kawża. Barra minn hekk, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet ultra petita, sa fejn hija ġiet ikkundannata bħala fornitur tal-vettura inkwistjoni, filwaqt li ZP kien talab li din tiġi kkundannata bħala produttur tagħha.

18

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2018, il-Corte d’Appello di Bologna (il-Qorti tal-Appell ta’ Bologna) ċaħdet l-appell ta’ Ford Italia għar-raġuni li din tal-aħħar, bħala fornitur, kienet ġiet ġustament imputata bl-istess responsabbiltà bħal dik tal-produttur, sa fejn il-pożizzjoni tagħha kellha tkun “assimilata ma’ dik tal-produttur mhux ikkontestat”. Peress li hija baqgħet ma kkontestatx lil Ford WAG, Ford Italia ma setgħetx tippretendi li tiġi eskluża skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374.

19

Ford Italia ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju.

20

Insostenn ta’ dan l-appell, Ford Italia tikkritika s-soluzzjoni adottata mill-qorti tar-rinviju f’kawża paragunabbli, li fil-kuntest tagħha r-responsabbiltà ta’ Ford WAG, bħala produttur, kienet ġiet estiża għal Ford Italia. Il-Qorti tar-rinviju kienet fil-fatt iddeċidiet, essenzjalment, li, skont l-Artikolu 3(3) tad-Digriet Nru 224/1988, li ttraspona l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 fl-ordinament ġuridiku Taljan, għall-finijiet tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi, il-fornitur ta’ tali prodott għandu jiġi assimilat mal-produttur meta t-trade mark tiegħu jew l-isem kummerċjali tiegħu u t-trade mark jew l-isem kummerċjali tal-produttur jikkoinċidu, kompletament jew fil-parti l-kbira tagħhom, u li l-prodott huwa kkummerċjalizzat taħt din it-trade mark.

21

Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar il-portata eżatta tal-espressjoni “billi tqiegħed isimha” li tinsab fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Nru 224/1988 u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374.

22

Hija tistaqsi, essenzjalment, jekk l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-produttur lill-fornitur hijiex b’hekk limitata għall-każ fejn it-“twaħħil” jikkonsisti, għall-fornitur, fl-istampar materjali ta’ ismu, tat-trade mark tiegħu jew ta’ sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott, bl-intenzjoni li jagħmel konfużjoni bejn l-identità tiegħu u dik tal-produttur, jew jekk din l-estensjoni hijiex applikabbli wkoll meta teżisti sempliċi koinċidenza ta’ data ta’ identifikazzjoni, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ.

23

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Hija konformi mal-Artikolu 3[(1)] tad-[Direttiva 85/374] – u, jekk ma hijiex konformi, għaliex ma hijiex – l-interpretazzjoni li testendi r-responsabbiltà tal-manifattur għall-fornitur, anki jekk dan tal-aħħar ma waħħalx materjalment fuq l-oġġett l-isem, it-trade mark jew sinjal distintiv ieħor tiegħu, biss għaliex il-fornitur għandu isem, trade mark jew sinjal distintiv ieħor totalment jew parzjalment l-istess bħal dak tal-manifattur?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

24

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ April 2024, wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Ford Italia talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Insostenn tat-talba tagħha, Ford Italia tallega, essenzjalment, l-eżistenza ta’ fatt “ġdid fid-dibattitu proċedurali, iżda mhux ġdid fil-proċess tal-kawża”, li jirrigwarda l-mument li fih il-konsumatur sar jaf bl-identità tal-produttur reali tal-vettura inkwistjoni. L-Avukat Ġenerali injora din iċ-ċirkustanza fil-konklużjonijiet tiegħu li huma, għaldaqstant, ibbażati fuq preżentazzjoni żbaljata tal-fatti.

26

Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-istatut li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu pubblikament jippreżenta, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 6263 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Barra minn dan, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta hija tqis li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-persuni kkonċernati.

28

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi. Barra minn hekk, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ta’ Ford Italia ma turix li din il-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-persuni kkonċernati u lanqas ma jinkludi fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur ta’ prodott difettuż għandu jiġi kkunsidrat bħala “persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur” ta’ dan il-prodott meta dan il-fornitur ma jkunx materjalment waħħal ismu, it-trade mark tiegħu jew sinjal distintiv ieħor fuq l-imsemmi prodott, iżda t-trade mark li l-produttur ikun waħħal fuqu tkun tikkoinċidi, minn naħa, mal-isem tal-imsemmi fornitur jew ma’ element distintiv tiegħu u, min-naħa l-oħra, mal-isem tal-produttur.

30

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 85/374 għandha, fuq il-punti li hija tirregola, armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri u li, għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni li dawn għandhom sabiex jirregolaw ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi huwa kompletament iddeterminat minn din id-direttiva u għandu jiġi dedott mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, EU:C:2006:6, punti 2223).

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-persuni li kontrihom il-konsumatur għandu dritt iressaq azzjoni skont is-sistema ta’ responsabbiltà prevista mid-Direttiva 85/374 huma elenkati fl-Artikoli 1 u 3 tagħha. Peress li din id-direttiva tfittex, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, armonizzazzjoni kompleta fuq il-punti li hija tirregola, il-lista tal-persuni msemmija fl-Artikoli 1 u 3 tagħha għandha titqies li hija eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, EU:C:2006:6, punti 3233).

32

Fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/374 jattribwixxi lill-produttur ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi, filwaqt li l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi t-terminu “produttur” bħala li jirreferi, b’mod partikolari, għall-manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti.

33

Għalkemm, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/374, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jattribwixxi, bħala prinċipju, lill-produttur ir-responsabbiltà għad-danni kkawżati mill-prodotti difettużi tiegħu, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jindika, fost il-professjonisti li pparteċipaw fil-proċess ta’ manifattura u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott inkwistjoni, dawk li jistgħu wkoll jassumu r-responsabbiltà stabbilita mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, EU:C:2006:6, punti 2930).

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 jipprevedi, essenzjalment, alternattiva li l-ewwel parti tagħha biss tikkonċerna l-persuna li hija tal-inqas parzjalment involuta fil-proċess tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, it-tieni parti tal-alternattiva tindika persuna li tippreżenta ruħha bħala produttur billi tqiegħed isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor fuq dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Keskinäinen Vakuutusyhtiö Fennia, C‑264/21, EU:C:2022:536, punt 26).

35

Għaldaqstant, mill-kliem ċar u inekwivoku ta’ dan l-Artikolu 3(1) jirriżulta li parteċipazzjoni tal-persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur fil-proċess ta’ manifattura tal-prodott ma hijiex neċessarja sabiex din tiġi kklassifikata bħala “produttur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Keskinäinen Vakuutusyhtiö Fennia, C‑264/21, EU:C:2022:536, punt 27).

36

Għaldaqstant, persuna bħal, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma tipproduċix vetturi, iżda sempliċement tixtrihom mill-manifattur tagħhom sabiex tiddistribwixxihom fi Stat Membru ieħor, tista’ titqies bħala “produttur”, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/374, jekk, konformement mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, hija ppreżentat ruħha bħala tali billi qiegħdet fuq il-vettura inkwistjoni isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor.

37

Fil-fatt, billi tqiegħed fuq il-prodott inkwistjoni isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor, il-persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tagħti l-impressjoni li hija involuta fil-proċess ta’ produzzjoni jew li tassumi r-responsabbiltà għalih. Għaldaqstant, l-użu ta’ dawn it-termini jfisser, għal din il-persuna, li tuża r-reputazzjoni tagħha sabiex tagħmel dan il-prodott iktar attraenti f’għajnejn il-konsumaturi, li jiġġustifika li, bħala korrispettiv, tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħha għal dan l-użu (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Keskinäinen Vakuutusyhtiö Fennia, C‑264/21, EU:C:2022:536, punt 34).

38

Madankollu, il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni tar-responsabbiltà tad-distributur uffiċjali fl-Italja ta’ prodott difettuż, jiġifieri, f’dan il-każ, Ford Italia, li, hija stess, ma waħħlitx materjalment isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor fuq dan il-prodott, peress li t-trade mark li tinsab fuqu, jiġifieri Ford, kienet tqiegħdet matul il-proċess ta’ manifattura ta’ dan il-prodott u li tikkorrispondi għall-isem tal-manifattur ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-fatt li din it-trade mark tikkorrispondi wkoll għal element distintiv tal-isem ta’ dan id-distributur huwiex biżżejjed sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħala “persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374.

39

F’dan ir-rigward, ċertament, billi tirreferi għal persuna “li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur”“billi tqiegħed” fuq il-prodott isimha, it-trade mark tagħha jew sinjal distintiv ieħor, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jagħti x’jifhem li din il-klassifikazzjoni hija suġġetta għal azzjoni attiva ta’ din il-persuna, li tikkonsisti fit-twaħħil hija stess ta’ tali indikazzjoni fuq il-prodott inkwistjoni.

40

Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li dan ir-riferiment jirrigwarda essenzjalment, kif ġie indikat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-aġir ta’ persuna li tuża t-twaħħil fuq prodott ta’ isimha, tat-trade mark tagħha jew ta’ sinjal distintiv ieħor sabiex tagħti l-impressjoni li hija involuta fil-proċess ta’ produzzjoni jew li tassumi r-responsabbiltà għaliha.

41

Issa, f’din il-perspettiva, meta din il-persuna tipprovdi l-prodott inkwistjoni, huwa rrilevanti li hija stess tkun materjalment waħħlet tali indikazzjoni fuq l-imsemmi prodott jew li isimha jinkludi l-indikazzjoni li twaħħlet fuqu mill-manifattur u li tikkorrispondi għall-isem ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ każijiet, il-fornitur jisfrutta l-koinċidenza bejn ir-riferiment inkwistjoni u l-isem kummerċjali tiegħu stess sabiex jippreżenta ruħu lill-konsumatur bħala responsabbli għall-kwalità tal-prodott u joħloq f’moħħ il-konsumatur fiduċja paragunabbli għal dik li kieku l-prodott kien mibjugħ direttament mill-produttur tiegħu. Fiż-żewġ każijiet, hija għandha għalhekk titqies bħala persuna li “tippreżenta lilha stess bħala l-produttur”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374.

42

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Cafpi u Aviva assurances, C‑691/21, EU:C:2022:926, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/374, moqri fid-dawl tar-raba’ u tal-ħames premessa tagħha, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “produttur” sabiex jipproteġi lill-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Keskinäinen Vakuutusyhtiö Fennia, C‑264/21, EU:C:2022:536, punt 31).

44

Fil-fatt, mir-raba’ premessa tad-Direttiva 85/374 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-protezzjoni tal-konsumatur teżiġi li r-responsabbiltà ta’ “kull persuna” li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur billi tqiegħed isimha, it-trade mark tagħha jew kull sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott tiġi stabbilita bl-istess mod bħar-responsabbiltà tal-produttur “veru”. Barra minn hekk, mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-ħames premessa tagħha, jirriżulta li r-responsabbiltà tal-persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur ma hijiex differenti minn dik li għandha l-produttur “veru” u li l-konsumatur jista’ jagħżel liberament li jitlob il-kumpens sħiħ tad-dannu minn kull wieħed minnhom mingħajr distinzjoni, peress li r-responsabbiltà tagħhom hija in solidum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Keskinäinen Vakuutusyhtiö Fennia, C‑264/21, EU:C:2022:536, punt 32).

45

Għalhekk jidher li l-għan tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 huwa li jiffaċilita l-oneru li jkollu jiġi stabbilit il-produttur reali tal-prodott difettuż inkwistjoni. F’dan ir-rigward, mill-espożizzjoni tal-motivi dwar l-Artikolu 2 tal-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Settembru 1976, li wasslet għad-Direttiva 85/374, li sar, mingħajr emenda sostanzjali, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-protezzjoni tal-konsumatur ma tkunx suffiċjenti jekk id-distributur ikun jista’ “jibgħat” lill-konsumatur għand il-produttur, li jista’ ma jkunx magħruf mill-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Keskinäinen Vakuutusyhtiö Fennia, C‑264/21, EU:C:2022:536, punt 33).

46

Konsegwentement, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti, fis-sens li l-kunċett ta’ “persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax ikopri esklużivament il-persuna li materjalment waħħlet isimha, it-trade mark tagħha jew kull sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott. Jekk jiġi miftiehem mod ieħor iwassal sabiex tiġi ristretta l-portata tal-kunċett ta’ “produttur” u sabiex b’hekk tiġi kompromessa l-protezzjoni tal-konsumatur. B’mod partikolari, għandu jiġi kkunsidrat li l-fornitur ta’ prodott “[j]ippreżenta lil[u] stess bħala l-produttur tiegħu” meta l-isem ta’ dan il-fornitur jew element distintiv tiegħu jikkoinċidi, minn naħa, mal-isem tal-manifattur, u, min-naħa l-oħra, mal-isem, it-trade mark jew sinjal distintiv ieħor imwaħħal fuq il-prodott minn dan tal-aħħar.

47

Madankollu, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/374, peress li r-responsabbiltà tal-persuna li tippreżenta ruħha bħala produttur u dik tal-manifattur tal-prodott difettuż hija in solidum, ir-responsabbiltà ta’ din il-persuna mill-konsumatur hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar id-dritt għal azzjoni legali, u b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-imsemmija persuna tistabbilixxi, min-naħa tagħha, ir-responsabbiltà tal-manifattur tal-prodott difettuż.

48

Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornitur ta’ prodott difettuż għandu jitqies li huwa “persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur” ta’ dan il-prodott, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan il-fornitur ma jkunx materjalment waħħal ismu, it-trade mark tiegħu jew sinjal distintiv ieħor fuq l-imsemmi prodott, iżda t-trade mark li l-produttur ikun waħħal fuqu tikkoinċidi, minn naħa, mal-isem tal-imsemmi fornitur jew ma’ element distintiv tiegħu u, min-naħa l-oħra, mal-isem tal-produttur.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-fornitur ta’ prodott difettuż għandu jitqies li huwa “persuna li tippreżenta lilha stess bħala l-produttur” ta’ dan il-prodott, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta dan il-fornitur ma jkunx materjalment waħħal ismu, it-trade mark tiegħu jew sinjal distintiv ieħor fuq l-imsemmi prodott, iżda t-trade mark li l-produttur ikun waħħal fuqu tikkoinċidi, minn naħa, mal-isem tal-imsemmi fornitur jew ma’ element distintiv tiegħu u, min-naħa l-oħra, mal-isem tal-produttur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.