SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 3(2) – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Riskju ta’ trattament inuman jew degradanti – Mezzi u livell ta’ prova tar-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, li jirriżulta minn difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti fl-Istat Membru responsabbli – Sospensjoni, mill-Istat Membru responsabbli, tat-teħid ta’ responsabbiltà u tat-teħid mill-ġdid ta’ responsabbiltà għall-applikanti għall-ażil”

Fil-Kawżi magħquda C‑185/24 u C‑189/24 [Tudmur] ( i ),

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land tan-Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Frar 2024, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 u fit‑8 ta’ Marzu 2024, fil-proċeduri

RL (C‑185/24),

QS (C‑189/24)

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Gavalec, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Daniż, minn D. Elkan, M. Jespersen u C. Maertens, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u O. Duprat‑Mazaré, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia u D. G. Pintus, avvocati dello Stato,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u M. Kopetzki, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou u B. Schima, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, żewġ ċittadini Sirjani u, min-naħa l-oħra, il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar deċiżjonijiet li ċaħdu l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom u li ordnaw it-tneħħija tagħhom lejn l-Italja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevedi:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

4

Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxu:

“(4)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw ukoll li s-SEKA għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali”.

5

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.”

Id‑dritt Ġermaniż

6

Skont l-Artikolu 29(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar l-Ażil), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798), kif emendat l-aħħar bl-Artikolu 1 tal-liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2023 (BGBl. 2023 I, Nru 382):

“Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta

1. Stat ieħor ikun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proċedura tal-ażil

(a)

taħt ir-[Regolament Dublin III]

[…]”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

7

RL u QS huma żewġ ċittadini Sirjani. Huma ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil fil-Ġermanja, rispettivament, fit‑30 ta’ Diċembru 2021 u fil‑15 ta’ Frar 2022.

8

Abbażi tal-informazzjoni li tinsab fid-database Eurodac, ir-Repubblika Taljana, madankollu, ġiet identifikata bħala li kienet l-Istat Membru responsabbli għall-eżami taż-żewġ applikazzjonijiet għal ażil.

9

Il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Migrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) għalhekk talab lir-Repubblika Taljana tieħu responsabbiltà għal RL u QS. Din it-talba baqgħet mingħajr tweġiba.

10

Sussegwentement, permezz tad-deċiżjonijiet tal‑31 ta’ Marzu u tad‑19 ta’ April 2022, l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ RL u ta’ QS bħala inammissibbli b’applikazzjoni tal-punt 1(a) tal-Artikolu 29(1) tal-Liġi dwar l-Ażil, kif emendata bil-liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2023, minħabba li r-Repubblika Taljana kienet responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom. Huwa ordna wkoll it-tneħħija ta’ dawn l-applikanti lejn l-Italja.

11

RL u QS ippreżentaw, kull wieħed minnhom, rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Düsseldorf (il-Qorti Amministrattiva ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Permezz ta’ digrieti tal‑25 u tad‑29 ta’ April 2022, din tal-aħħar ordnat l-effett sospensiv ta’ dawn ir-rikorsi. Permezz ta’ sentenzi tal‑11 u tat‑13 ta’ Mejju 2022, hija annullat l-imsemmija deċiżjonijiet.

12

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja appellat minn dawn is-sentenzi quddiem l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

13

Sakemm l-appelli kienu pendenti, l-Unità Dublin Taljana bagħtet, fil‑5 ta’ Diċembru 2022, ittra ċirkulari lill-unitajiet Dublin kollha. Din l-ittra kienet ifformulata kif ġej:

“Nixtieq ninformakom li, għal raġunijiet tekniċi li seħħew f’daqqa, marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza, l-Istati Membri huma mitluba jissospendu temporanjament it-trasferimenti lejn l-Italja sa minn għada, bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ta’ minuri mhux akkumpanjati.

Ser issegwi informazzjoni oħra iktar iddettaljata dwar it-tul tas-sospensjoni.”

14

Fis‑7 ta’ Diċembru 2022, l-Unità Dublin Taljana bagħtet it-tieni ittra ċirkulari. Skont din l-ittra:

“Qiegħed nikteb wara l-komunikazzjoni preċedenti tal‑5 ta’ Diċembru dwar is-sospensjoni tat-trasferimenti, bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ta’ minuri, minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza.

F’dan ir-rigward, minħabba l-għadd kbir ta’ wasliet, kemm fil-fruntieri marittimi kif ukoll f’dawk tal-art, nixtieq ninformakom dwar in-neċessità li jiġi rrivedut il-kalendarju tal-attivitajiet ta’ akkoljenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fid-dawl ukoll tan-nuqqas ta’ postijiet ta’ akkoljenza disponibbli.”

15

Permezz ta’ digrieti tal‑21 ta’ Ġunju 2023, il-qorti tar-rinviju ċaħdet l-appelli msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza. Hija qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet saret responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ RL u QS konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, peress li kien impossibbli li dawn l-applikanti jiġu ttrasferiti lejn l-Italja.

16

Dawn id-digrieti ġew annullati mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) u l-kawżi ntbagħtu lura lill-qorti tar-rinviju bil-għan ta’ eżami mill-ġdid u deċiżjoni ġdida.

17

F’dan il-kuntest, dik il-qorti tosserva li, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, ir-Repubblika Taljana hija l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil inkwistjoni. Dawn l-applikazzjonijiet setgħu għalhekk jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sakemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkunx saret l-Istat Membru responsabbli skont it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, minħabba “difetti sistemiċi” fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Italja, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

18

Issa, l-imsemmija qorti tqis li huwa neċessarju li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “difetti sistemiċi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament. Hija tistaqsi jekk ir-rifjuti tal-Istat Membru responsabbli li jieħu responsabbiltà jew li jieħu mill-ġdid responsabbiltà għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għal perijodu indeterminat jikkostitwixxux difetti sistemiċi, u dan bl-eċċezzjoni ta’ każijiet individwali rari.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. Fil-fehma tagħha, billi tirrifjuta, deliberatament, li tieħu responsabbiltà jew li tieħu mill-ġdid responsabbiltà għall-applikanti għall-ażil, ir-Repubblika Taljana tirrifjutalhom mill-ewwel l-aċċess għall-proċedura tal-ażil u l-akkoljenza.

20

Fil-każ li, madankollu, l-imsemmija domanda tingħata tweġiba fin-negattiv, din il-qorti tixtieq tkun taf ukoll kif hija tista’ tevalwa l-eżistenza ta’difetti sistemiċi fil-każ fejn l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jieħu responsabbiltà jew li jieħu mill-ġdid responsabbiltà għall-applikanti għall-ażil. Fil-fatt, f’tali każ, ikun impossibbli li jinġabru elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati relatati mal-proċedura tal-ażil u mal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil neċessarji għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza għal applikanti fl-Istat Membru primarjament responsabbli huma kkaratterizzati minn difetti sistemiċi li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], f’sitwazzjoni fejn dan l-Istat Membru bħala prinċipju jirrifjuta, għal perijodu indeterminat, li jieħu (mill-ġdid) responsabbiltà għal applikanti għal ażil minħabba li t-teħid ta’ responsabbiltà għal każijiet ittrasferiti kien ġie sospiż permezz ta’ miżura meħuda mill-Istat?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti previsti fid-dritt tal-Unjoni dwar il-konstatazzjoni tal-fatti, li jeżiġu l-istabbiliment ta’ informazzjoni oġġettiva, affidabbli, preċiża u raġonevolment aġġornata dwar il-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikant li jkun is-suġġett ta’ trasferiment, ser jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet jekk il-qorti meħtieġa tagħti deċiżjoni ma tkunx tista’ tikseb din l-informazzjoni iżda jkollha tikkonstata fatti ipotetiċi minħabba li l-Istat Membru meħud inkunsiderazzjoni [bħala responsabbli] bħala prinċipju jirrifjuta, għal perijodu indeterminat, li jieħu (mill-ġdid) responsabbiltà għal applikanti għal ażil minħabba li t-teħid ta’ responsabbiltà għal każijiet ittrasferiti kien ġie sospiż permezz ta’ miżura meħuda mill-Istat?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ April 2024, il-Kawżi C‑185/24 u C‑189/24 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess jum, dawn il-kawżi kienu suġġetti għal trattament prijoritarju.

24

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Ġunju 2024, it-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dawn il-kawżi jkunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

25

Il-Gvern Taljan jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tieni domanda, li hija purament ipotetika peress li hija bbażata fuq premessa żbaljata u li tmur kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet għas-sospensjoni tat-trasferimenti lejn l-Italja.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat), C‑753/22, EU:C:2024:524, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta mingħajr ekwivoku li t-tieni domanda tirrigwarda tabilħaqq l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-ħtiġijiet tat-tilwim fil-kawżi prinċipali. Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju hija responsabbli sabiex tistabbilixxi l-kuntest ġuridiku u fattwali tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-premessi li fuqhom it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma bbażati.

28

Minn dan jirriżulta li t-tieni domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

29

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi kkonstatat li jeżistu, fl-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, għas-sempliċi raġuni li dan l-Istat Membru ssospenda, unilateralment, it-teħid ta’ responsabbiltà u t-teħid mill-ġdid ta’ responsabbiltà għal dawn l-applikanti. Jekk le, din il-qorti tistaqsi fuq il-bażi ta’ liema elementi hija tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali difetti f’każ bħal dan.

30

Għandu jitfakkar li, id-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, hekk kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li dawn il-valuri ser ikunu rrikonoxxuti, u għalhekk, li d-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom ser ikun osservat, kif ukoll li s-sistemi ġuridiċi nazzjonali rispettivi huma f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jiġifieri d-dinjità tal-bniedem, li tinkludi b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 80, kif ukoll tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li dan jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha qegħdin josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, qegħdin jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 44).

32

Għaldaqstant, fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u b’mod partikolari tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi preżunt li t-trattament irriżervat lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 u li ġiet ikkompletata permezz tal-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967, kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 45).

33

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li din is-sistema tkun tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji ta’ funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun hemm riskju serju li applikanti għal protezzjoni internazzjonali ikunu ttrattati, fil-każ ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru, b’mod li jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 46).

34

B’hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jekk ikunu jeżistu raġunijiet serji li jwasslu għall-konvinzjoni li l-applikant ikun sejjer jesponi ruħu għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għal tali protezzjoni f’dan l-Istat Membru (sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 47). F’din is-sitwazzjoni, skont it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru li jkun qiegħed jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jsir l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jekk huwa jikkonstata, wara eżami tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li l-applikant ma jistax jiġi ttrasferit lejn Stat Membru indikat abbażi ta’ dawn il-kriterji jew lejn l-ewwel Stat Membru li quddiemu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 86).

35

Issa, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jirriżulta mingħajr ekwivoku li huma biss id-“difetti sistemiċi” li “jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta]” li jirrendu impossibbli t-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk żewġ kundizzjonijiet kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punti 57 u 58).

36

L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, relatata mal-eżistenza ta’ “difetti sistemiċi”, tkun issodisfatta meta d-difetti inkwistjoni jkomplu jeżistu u jkunu jirrigwardaw, b’mod ġenerali, il-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza applikabbli għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew, tal-inqas, għal ċerti gruppi ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali meħuda fl-intier tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 59).

37

Dawn id-difetti għandhom, barra minn hekk, jilħqu livell partikolarment għoli ta’ gravità, li jkun jiddependi mill-informazzjoni kollha tal-każ. Dan il-livell jintlaħaq meta l-indifferenza tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollha l-konsegwenza li persuna li tkun kompletament dipendenti fuq l-għajnuna pubblika ssib ruħha, indipendentement mill-volontà tagħha u mill-għażliet personali tagħha, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tkunx tħalliha tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li tkun iddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew tkun tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem. L-imsemmi livell ma jistax għalhekk ikopri sitwazzjonijiet ikkaratterizzati anki minn prekarjetà kbira jew minn deterjorament sinjifikattiv fil-kundizzjonijiet tal-għejxien tal-persuna kkonċernata, meta dawn ma jkunux jinvolvu deprivazzjoni materjali estrema li tkun tqiegħed lil din il-persuna f’sitwazzjoni ta’ tant gravità li tkun tista’ tiġi assimilata ma’ trattament inuman jew degradanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 91 sa 93, kif ukoll id-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar, C‑540/17 u C‑541/17, EU:C:2019:964, punt 39).

38

It-tieni kundizzjoni, relatata mal-eżistenza ta’ riskju ta’ tali trattament, tkun għalhekk issodisfatta meta dawn id-difetti sistemiċi jkunu jwasslu għal riskju, għall-persuna kkonċernata, li tkun esposta għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 4 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 62).

39

Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet mill-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta dik il-qorti jkollha provi prodotti mill-persuna kkonċernata sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali riskju, l-imsemmija qorti għandha tevalwa, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, kif ukoll fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jekk iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 90, kif ukoll tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’ Interno et (Fuljett komuni – Refoulement indirett), C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21, EU:C:2023:934, punt 136). Barra minn hekk, dik il-qorti għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, informazzjoni rilevanti li hija tkun taf biha sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Fiduċja reċiproka fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 77).

40

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, hekk kif irrilevaw il-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, li jesponu lill-applikant għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti, ma tistax tiġi preżunta minħabba s-sempliċi fatt li l-Istat Membru responsabbli jkun ħabbar, unilateralment u bi ksur tal-obbligi tiegħu fil-kuntest tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, is-sospensjoni tat-trasferimenti kollha tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tiegħu u, b’hekk, tal-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid mill-ġdid ta’ responsabbiltà għal dawn l-applikanti. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ tali difetti sistemiċi u ta’ tali riskju tista’ tiġi stabbilita biss wara analiżi konkreta, ibbażata fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati.

41

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet tar-Regolament Dublin III, li huwa intiż b’mod partikolari li jistabbilixxi metodu ċar u operazzjonali għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u li jipprevjeni l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-ażil bejn l-Istati Membri (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’ Interno et (Fuljett komuni) – Refoulement indirett), C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21, EU:C:2023:934, punt 141 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Issa, l-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III ma jistax jeħles lilu nnifsu, permezz ta’ sempliċi avviż unilaterali, mir-responsabbiltajiet tiegħu taħt dan ir-regolament, peress li tali possibbiltà tkun twassal sabiex dawn il-kriterji jiġu injorati u tkun tissogra li b’hekk jiġi pperikolat il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament. Barra minn hekk, il-fatt li jitqies li minn tali avviż unilaterali tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti li jwasslu għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti, sal-punt li jiġu preklużi t-trasferimenti kollha tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli u li jkun hemm trasferiment tar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru lejn l-Istat Membru tal-moviment sekondarju, ikun jista’ jinkoraġġixxi tali movimenti billi jħeġġeġ lill-applikanti jkomplu r-rotta migratorja tagħhom lejn Stat Membru ieħor li jkun jidhrilhom li joffri kundizzjonijiet iktar favorevoli.

43

Għaldaqstant, il-fatt li l-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III ikun issospenda, unilateralment, it-teħid ta’ responsabbiltà u t-teħid mill-ġdid ta’ responsabbiltà għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jiġġustifika l-konstatazzjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, ta’ difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

44

Konsegwentement, anki f’każ bħal dan, hija l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali difetti sistemiċi u tar-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta fil-kundizzjonijiet ippreċiżati mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 35 sa 39 ta’ din is-sentenza.

45

F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jingħad ukoll li, għalkemm din l-evalwazzjoni, li għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, tinkludi neċessarjament parti prospettiva sa fejn hija l-qorti kompetenti li għandha teżamina r-riskji sostnuti mill-individwu kkonċernat fil-mument stess tat-trasferiment, matul il-proċedura tal-ażil jew fit-tmiem tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 88, kif ukoll tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’ Interno et (Fuljett komuni – Refoulement indirett), C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21, EU:C:2023:934, punt 135), din la hija impossibbli u lanqas purament ipotetika.

46

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment tista’, għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti kollha disponibbli, bħal, jekk ikun il-każ, ir-rapporti regolari u konkordanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali li jirreferu għad-diffikultajiet prattiċi li ġġib magħha l-applikazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil fl-Istat Membru kkonċernat, dokumenti maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, kif ukoll dokumenti u skambji ta’ informazzjoni li jkunu saru fil-kuntest tal-implimentazzjoni tas-sistema li tirriżulta mir-Regolament Dublin III (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 90 u 91), b’tali mod li hija tkun tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali difetti sistemiċi u tar-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

ma jistax jiġi kkonstatat li jeżistu, fl-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, għas-sempliċi raġuni li dan l-Istat Membru ssospenda, unilateralment, it-teħid ta’ responsabbiltà u t-teħid mill-ġdid ta’ responsabbiltà għal dawn l-applikanti;

–

tali konstatazzjoni tista’ ssir biss wara analiżi tad-data rilevanti kollha abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati.

Fuq l‑ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jistax jiġi kkonstatat li jeżistu, fl-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għas-sempliċi raġuni li dan l-Istat Membru ssospenda, unilateralment, it-teħid ta’ responsabbiltà u t-teħid mill-ġdid ta’ responsabbiltà għal dawn l-applikanti.

 

Tali konstatazzjoni tista’ ssir biss wara analiżi tad-data rilevanti kollha abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.