KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑12 ta’ Diċembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑629/23
Eesti Suurkiskjad
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Lupu (canis lupus) – Teħid mis-selvaġġ u sfruttament ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna selvaġġa elenkati fl-Anness V(a) – Pjan għall-ikkaċċjar tal-lupu – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata”
I. Introduzzjoni
|
1. |
L-għan tad-Direttiva dwar il-habitat ( 2 ) huwa li tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi. Deterjorament jew theddida għall-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet jistgħu jipprekludu attivitajiet jew jirriżultaw f’obbligi ta’ azzjoni. Iżda kif jista’ jiġi ddeterminat l-istat ta’ konservazzjoni? ( 3 ) |
|
2. |
Din il-kwistjoni tqajmet, fil-kawża ineżami, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-kampjuni individwali tal-lupu (canis lupus), speċi li huwa ta’ interess Komunitarju. Din l-ispeċi hija suġġetta wkoll, fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, għall-protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat, li diġà ( 4 ) kienet is-suġġett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ). Skont din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, il-qtil deliberat tal-lupu għandu jiġi pprojbit, inkluż il-kaċċa, u d-derogi minn din il-projbizzjoni huma possibbli biss f’limiti stretti ħafna. |
|
3. |
Madankollu, ċerti Stati Membri, bħall-Estonja, setgħu jaqblu, matul in-negozjati tad-direttiva jew waqt l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, li hija biss il-protezzjoni l-iktar dgħajfa skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat li tapplika għal-lupu fit-territorju tagħhom jew f’partijiet minnu. Skont din id-dispożizzjoni, il-kaċċa hija, bħala prinċipju, awtorizzata, iżda l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta’ protezzjoni meta ż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tkun kompromessa. Din is-sistema ta’ protezzjoni kellha tiġi eżaminata f’iktar dettall għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza reċenti ASCEL ( 6 ). F’din is-sentenza, hija enfasizzat l-importanza tal-istat ta’ konservazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14 iżda ma ddeċidietx fil-fond dwar l-analiżi tagħha. |
|
4. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, magħmula mill-Estonja, issa tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar dan l-eżami. Għandu jiġi eżaminat sa fejn il-popolazzjonijiet tal-lupu barra mill-Estonja għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tiegħu, l-importanza ta’ evalwazzjoni ta’ dan l-istat fid-dawl tal-kriterji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (International Union for Conservation of Nature and Natural Ressources, IUCN) u jekk jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Il-Konvenzjoni ta’ Berna
|
5. |
Fid-dritt internazzjonali, hija qabel kollox il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali ( 7 ) li hija rilevanti. Il-Komunità Ekonomika Ewropea rratifikat din il-konvenzjoni fl‑1982 ( 8 ). Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-Estonja fl‑1 ta’ Diċembru 1992 ( 9 ). |
|
6. |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-ispeċi: “Kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni speċjali tal-ispeċijiet tal-fawna ferjali kif speċifikati fl-Appendiċi II. Dan li ġej għandu partikolarment ikun ipprojbit għal dawn l-ispeċijiet:
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7. |
L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprevedi sistemi ta’ protezzjoni attenwati għal ċerti speċi oħra li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
8. |
L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jipprevedi derogi mill-garanziji previsti fl-Artikoli 6 u 7 li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
9. |
Il-lupu huwa msemmi fl-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Berna bħala speċi ta’ annimali partikolarment protetta. Madankollu, skont l-informazzjoni fuq is-sit internet tal-Kunsill tal-Ewropa, tnax‑il Stat Kontraenti, eż. Spanja, għamlu riżervi, sabiex, hemmhekk, il-protezzjoni tal-Artikolu 7 tapplika biss għal-lupu. Madankollu, dan ma japplikax għall-Unjoni Ewropea jew għall-Estonja ( 10 ). |
B. Id-Direttiva dwar il-habitat
|
10. |
Madankollu, il-premessa ħmistax tad-Direttiva dwar il-habitat tikkonċerna l-protezzjoni tal-ispeċi: “Billi hi meħtieġa sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi ta’ flora u fawna biex tikkumplimenta d-Direttiva [dwar l-għasafar ( 11 )]; billi jrid isir provdiment għal miżuri ta’ l-immaniġġjar għal ċerti speċi, jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob, inkluża l-projbizzjoni ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jew qtil, filwaqt li tagħti lok biex ikun hemm il-possibbiltà għal derogi skond ċerti kondizzjonijiet.” |
|
11. |
L-Artikolu 1(g) u (i) tad-Direttiva dwar il-habitat jiddefinixxi kunċetti differenti:
[…]
j) […]” |
|
12. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-habitat jiddeskrivi l-għan tagħha: “(1) L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat. (2) Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità. (3) Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.” |
|
13. |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitat, “għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network […] għandhom [għandu] jippermettu [jippermetti] li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.” L-Artikolu 4 jirregola kif jintgħażlu ż-żoni protetti skont id-Direttiva u jirreferi għall-monitoraġġ skont l-Artikolu 11 għall-adattament ta’ dawn iż-żoni. |
|
14. |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat jeżiġi l-istabbiliment ta’ sistema ta’ ħarsien strett ta’ ċerti speċi ta’ annimali li tipprojbixxi, fost oħrajn, il-qtil deliberat tagħhom. |
|
15. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jistabbilixxi r-regoli dwar it-teħid ta’ ċerti speċi ta’ annimali mis-selvaġġ: “(1) Jekk, in vista ta’ din is-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11, l-Istati Membri jidhrilhom li hu meħtieġ, huma għandhom jieħdu miżuri li jiżguraw li t-teħid fis-selvaġġ ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġa elenkati fl-Anness V kif ukoll l-esplojtazzjoni tagħhom huwa kompatibbli ma’ li jinżammu fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. (2) […]” |
|
16. |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprovdi derogi mill-Artikoli 12 u 14. |
|
17. |
L-Anness II(a) tad-Direttiva dwar il-habitat jelenka, inter alia, il-lupu bħala speċi ta’ prijorità li għaliha għandhom jiġu ddeżinjati żoni ta’ protezzjoni, iżda jeskludi l-popolazzjonijiet fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja. Il-lupu huwa elenkat ukoll fl-Anness IV(a) bħala speċi li għandha tkun suġġetta għal protezzjoni stretta skont l-Artikolu 12, iżda jeskludi wkoll, b’mod partikolari, il-popolazzjonijiet fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja. Għall-kuntrarju, dawn il-popolazzjonijiet ta’ lpup huma elenkati fl-Anness V(a). |
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
|
18. |
Fl-4 ta’ Ottubru 2012, il-Keskkonnaminister (il-Ministru għall-Ambjent, l-Estonja) adotta l-“pjan ta’ azzjoni għall-protezzjoni u l-ġestjoni tal-karnivori kbar (il-lupu Canis lupus, il-linċi Lynx lynx, l-ors kannella Ursus arctos) għall-perijodu 2012 sa 2021”. Skont il-pjan, l-istat tal-popolazzjonijiet kollha ta’ karnivori kbar seta’ jitqies bħala tajjeb. Il-pjan iddefinixxa l-għan fit-tul li l-popolazzjoni tal-ilpup tinżamm fi stat favorevoli matul it-30 sena segwenti, b’kunsiderazzjoni għall-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Wieħed mill-għanijiet konkreti għall-perijodu 2012 sa 2021 kien il-konservazzjoni ta’ 15 sa 25 grupp ta’ lpup bil-frieħ fis-sena (ta’ daqs tal-popolazzjoni globali ta’ madwar 150 sa 250 kampjun) qabel il-bidu tal-istaġun tal-kaċċa (fil-ħarifa). F’din il-firxa, kellhom jiġu stabbiliti għanijiet annwali skont ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-istokk kellu jinżamm f’dawn il-firxiet permezz tal-kaċċa. |
|
19. |
Il-Keskonnaamet (l-Uffiċċju għall-Ambjent, l-Estonja) stabbilixxa l-kwota tal-kaċċa għal-lupu għas-sena tal-kaċċa 2020/2021 fit-territorju tar-Repubblika tal-Estonja permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2020. Skont id-deċiżjoni, l-Uffiċċju għall-Ambjent għandu d-dritt li jibdel il-kwota tal-kaċċa għal-lupu wara li l-Keskkonnautur (l-Aġenzija għall-Ambjent, l-Estonja) ikun għamel proposti f’dan ir-rigward. L-għan prinċipali tal-ġestjoni kien li jkun hemm medja ta’ 20 boton ta’ lpup fil-kontinent Estonjan sal‑2021, bl-iktar distribuzzjoni omoġenja possibbli tal-popolazzjoni bejn il-habitats xierqa. |
|
20. |
Il-MTÜ Eesti Suurkiskjad (organizzazzjoni Estonjona mingħajr skop ta’ lukru tal-karnivori kbar (MTÜ għal Mittetulundusühing)) ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni. Peress li t-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) ċaħdet dan ir-rikors, Eesti Suurkiskjad ippreżentat appell mingħajr suċċess. |
|
21. |
It-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja) irrilevat, inter alia, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprojbixxix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-movimenti migratorji u l-influwenzi bejn l-Istati Membri fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni ta’ speċi. Ebda element ma juri li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat għaż-żamma fit-tul tal-istat ta’ konservazzjoni ma jkunux issodisfatti mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-popolazzjoni Russa. Għaldaqstant, ma jkunx inammissibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill-Polonja, mil-Litwanja u mil-Latvja, anki jekk dan ma jaqax fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. |
|
22. |
Il-Qorti tal-Appell ibbażat ruħha fuq ir-rapport intitolat “Key actions for Large Carnivorepopulations in Europe (2015)”, ikkummissjonat mill-Kummissjoni. Skont dan ir-rapport, il-popolazzjoni Baltika tal-ilpup fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (mingħajr il-partijiet barra mill-Unjoni) tinkludi madwar 900 sa 1400 kampjun (li minnhom 20 % fl-Estonja), fejn l-istat tal-popolazzjoni huwa stabbli u jikkorrispondi għall-kategorija LC (least concern) tal-lista ħamra tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali, jiġifieri mhux ikklassifikat bħala vulnerabbli (p. 47). Għalhekk, ma jkunx xieraq li jiġu stabbiliti paralleli mal-popolazzjonijiet tal-ilpup ta’ Karjala (madwar 150 kampjun fil-Finlandja) u tal-Iskandinavja (total ta’ 250 sa 300 kampjun fl-Isvezja u fin-Norveġja) li huma, skont ir-rapport, EN (endangered), jiġifieri vulnerabbli ħafna. |
|
23. |
Eesti Suurkiskjad ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi li ġejjin:
|
|
24. |
MTÜ Eesti Suurkiskjad, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar dawn id-domandi. Eesti Suurkiskjad, l-Estonja u l-Kummissjoni wieġbu wkoll għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Novembru 2024. |
IV. Evalwazzjoni legali
|
25. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex tiċċara diversi kwistjonijiet marbuta mal-eżami tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li t-teħid mis-selvaġġ ta’ kampjuni tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi elenkati fl-Anness V kif ukoll l-isfruttament tagħhom ikun kompatibbli maż-żamma fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
26. |
Għaldaqstant, meta speċi ta’ annimali tkun tinsab fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, sabiex itejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata, b’tali mod li l-popolazzjonijiet tagħha jilħqu fil-futur stat ta’ konservazzjoni favorevoli fit-tul ( 12 ). Minn dan isegwi li l-Artikolu 14 jipprekludi b’mod partikolari l-approvazzjoni tal-kaċċa għal-lupu meta l-Istat Membru kkonċernat ikun ikkwalifika l-istat ta’ konservazzjoni tiegħu bħala “sfavorevoli u inadegwat” ( 13 ). |
|
27. |
L-ewwel domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni, hijiex biss il-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernata fl-Istat Membru kkonċernat li hija rilevanti jew jekk il-popolazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra jistgħux ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. Ir-risposta għal din id-domanda għandha tingħata flimkien mat-tieni domanda jekk huwiex neċessarju ftehim formali sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-popolazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt A). Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fl-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni, jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt B). It-tielet domanda tikkonċerna l-importanza tal-klassifikazzjoni ta’ popolazzjoni ta’ Stat Membru bħala “vulnerabbli” (VU) mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt C). Fl-aħħar, ser nindirizza fil-qosor l-importanza tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tal-lupu fl-Estonja (ara, f’dan ir-rigward, taħt il-punt D). |
A. L-ewwel u t-tieni domanda - Popolazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni
|
28. |
L-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri neċessarji skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jiddependux biss mill-fatt li l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat huwa favorevoli jew jekk l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni fl-Unjoni kollha jistax jittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
29. |
Din il-kwistjoni taqa’ fil-kuntest tal-fatt li l-popolazzjoni Estonjana tal-lupu tagħmel parti minn popolazzjoni Baltika ikbar, l-hekk imsejħa metapopolazzjoni, li tinkludi popolazzjonijiet oħra fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja kif ukoll fir-Russja, fil-Bjelorussja u fl-Ukraina. Filwaqt li l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni Estonjana qiegħed jiġi kkontestat, li huwa b’mod partikolari s-suġġett tat-tielet domanda, l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjoni Baltika tal-ilpup kollu kemm hu ma huwiex ikkontestat skont it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
30. |
Fil-każ li l-istat ta’ konservazzjoni jkun rilevanti fi Stati Membri oħra, it-tieni domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk teħid inkunsiderazzjoni jippreżupponix kooperazzjoni formali bejn l-Istati Membri kkonċernati fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċi. Fil-fatt, skont l-informazzjoni disponibbli, sa issa jeżistu biss approċċi ta’ kooperazzjoni bejn l-Estonja u Stati oħra tal-metapopolazzjoni Baltika. Essenzjalment, l-Estonja għalhekk identifikat is-sitwazzjoni fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati u, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, stabbilixxiet il-kundizzjonijiet ta’ konservazzjoni tal-ispeċi fi pjan nazzjonali ta’ ġestjoni. |
|
31. |
Dawn iż-żewġ domandi għandhom rabta mill-qrib, b’tali mod li ser nirrispondi għalihom flimkien. F’dan ir-rigward, ser neżamina qabel kollox il-qafas ta’ riferiment territorjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat (ara l-punt 1), sussegwentement, il-metodu ta’ eżami tal-istat ta’ konservazzjoni (ara l-punt 2), l-eventwali influwenzi reċiproċi fuq il-popolazzjonijiet ta’ Stati Membri differenti (ara l-punt 3) u, fl-aħħar, l-evalwazzjoni prospettiva tal-istat ta’ konservazzjoni, billi nindirizza l-importanza ta’ kooperazzjoni formali u tas-sistemi ta’ protezzjoni fl-Istati kkonċernati (ara l-punt 4). |
1. Qafas territorjali ta’ riferiment għall-eżami tal-istat ta’ konservazzjoni
|
32. |
Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, huwiex l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kollu kemm hu fl-Unjoni li huwa rilevanti jew l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
33. |
F’ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi mill-Artikolu 1(i) u mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar il-habitat li, sabiex jiġi evalwat l-istat ta’ konservazzjoni (favorevoli) ta’ speċi, għandu jsir riferiment għat-territorju Ewropew kollu tal-Istati Membri li fih japplika t-Trattat ( 14 ). Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(i) tiddefinixxi l-istat ta’ konservazzjoni taż-żona msemmija fl-Artikolu 2. Tali żona tirrigwarda t-territorju Ewropew tal-Istati Membri li japplika għalih it-Trattat u li fir-rigward tiegħu d-Direttiva għandha tikkontribwixxi, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitat naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġi. |
|
34. |
Dan l-għan tad-Direttiva dwar il-habitat, li tiġi ggarantita l-bijodiversità fl-Unjoni kollha, jikkorrispondi għar-responsabbiltà tal-Unjoni għall-Istati Membri kollha li fihom hija tfittex, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) TUE, mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 191(2) TFUE u mal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
|
35. |
Huwa f’dan is-sens li, permezz ta’ din il-ġurisprudenza ( 15 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet il-missjoni tal-Kummissjoni fid-definizzjoni ta’ network Ewropew ta’ żoni protetti fil-qafas Natura 2000. Hija għandha, skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-habitat, tevalwa, fl-Unjoni kollha, is-siti li għandhom jiġu protetti sabiex jinżammu jew, fejn xieraq, jiġu rripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, it-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom. |
|
36. |
Madankollu, il-miżuri meħuda skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat ma jittiħdux mill-Kummissjoni, iżda mill-Istati Membri. Madankollu, dawn jistgħu jieħdu miżuri biss għat-territorju tagħhom stess jew għal partijiet minnu meta huma japplikaw id-Direttiva dwar il-habitat. Għalhekk, dawn jistgħu jiżguraw biss il-kontribut tat-territorju tagħhom stess għall-garanzija tal-bijodiversità. |
|
37. |
Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-habitat ma għandhiex biss l-għan li tippreserva l-ispeċijiet protetti fi ħdan l-Unjoni. Għall-kuntrarju, skont l-ewwel inċiż tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, kull speċi għandha tkun element vijabbli tal-habitat naturali li tappartjeni għalih. Fil-fatt, f’dan l-habitat naturali, l-ispeċi għandha funzjoni ekoloġika. |
|
38. |
F’dak li jirrigwarda l-lupu, bħala karnivori kbar, din il-funzjoni tikkonsisti b’mod partikolari fil-kontroll tal-popolazzjonijiet tal-priża tiegħu. Jekk il-lupu ma jeżistix fl-habitat naturali tiegħu, il-popolazzjonijiet ta’ dawn l-ispeċi l-oħra jistgħu jiżdiedu b’mod eċċessiv u jikkawżaw ħsara. Dan huwa l-każ, pereżempju, fir-rigward tal-ispeċi ta’ ċriev kbar li jistgħu jikkawżaw ħsara kbira lill-foresti meta l-popolazzjonijiet tagħhom ma jkunux ikkontrollati minn predaturi bħal-lupu ( 16 ). Il-kontroll dirett ta’ dawn l-ispeċi mill-bniedem huwa biss mezz ta’ emerġenza ħafna drabi inqas effettiv għal diversi raġunijiet ( 17 ). |
|
39. |
Jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi ma huwiex favorevoli fi Stat Membru, hija ma tistax twettaq il-funzjoni ekoloġika tagħha hemmhekk, jew almenu mhux għal kollox, anki jekk il-popolazzjoni ta’ Stat Membru hija parti minn metapopolazzjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
40. |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jistgħu jiġu imposti mill-Istati Membri biss sa fejn il-firxa naturali tal-ispeċi kkonċernata testendi, tal-inqas potenzjalment, għat-territorju tal-Istat Membru. B’differenza mill-Artikoli 12 u 16, din il-kundizzjoni ċertament ma tissemmiex espressament fl-Artikolu 14; iżda ma jkunx utli li l-Istati Membri jiġu obbligati jieħdu miżuri intiżi sabiex jiżguraw stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi li bl-ebda mod ma jistgħu jkunu preżenti fit-territorju tagħhom, minħabba, pereżempju, l-assenza ta’ habitats xierqa minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi jew klimatiċi. Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni favorevoli li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat tirreferi għall-preżenza fil-habitat naturali tal-ispeċi (l-ewwel inċiż) u għall-firxa naturali tagħha (it-tieni inċiż). |
|
41. |
Konsegwentement, għandu jitqies li l-qafas ta’ riferiment territorjali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat minn Stat Membru u, b’mod partikolari, tal-eżami neċessarju tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata huwa t-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
42. |
L-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli li jagħti lok għall-obbligi ta’ azzjoni ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat ( 18 ) għalhekk ma jikkonċernax l-Unjoni kollha, iżda l-popolazzjonijiet tal-ispeċi fit-territorju tiegħu. Għalhekk, dan l-istat ta’ konservazzjoni għandu neċessarjament jeżisti u jiġi evalwat fil-livell lokali u nazzjonali, b’tali mod li stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli fit-territorju ta’ Stat Membru jew f’parti minnu ma huwiex moħbi permezz ta’ evalwazzjoni mwettqa fuq livell transkonfinali ( 19 ). Għaldaqstant, effett kumpensatorju li jirriżulta minn stat ta’ konservazzjoni favorevoli fi Stat ieħor ma huwiex previst mid-Direttiva. |
2. Metodu għall-eżami tal-istat ta’ konservazzjoni
|
43. |
Madankollu, dan huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-popolazzjonijiet tal-ispeċi barra mill-Istat Membru huma irrilevanti għall-istat ta’ konservazzjoni tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat? Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nanalizza l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, li jiddefinixxi qabelxejn l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi u, sussegwentement, il-kundizzjonijiet tal-evalwazzjoni tagħha bħala “favorevoli”. |
|
44. |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jirreferi għall-effett tal-influwenzi kollha li fuq medda twila ta’ żmien jistgħu jaffettwaw it-tqassim u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. |
|
45. |
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, l-istat ta’ konservazzjoni huwa favorevoli meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: L-ewwel nett, l-informazzjoni dwar iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni għandha tippermetti li jiġi preżunt li din tikkostitwixxi u ser tkompli tikkostitwixxi element vijabbli tal-habitat naturali li hija tagħmel parti minnu fuq medda twila ta’ żmien (l-ewwel inċiż tad-dispożizzjoni). It-tieni nett, il-firxa naturali ta’ din l-ispeċi la għandha tonqos u lanqas, fil-futur prevedibbli, ma hija ser tonqos (it-tieni inċiż). U, it-tielet nett, li għandu jkun hemm, attwalment u probabbilment, habitat naturali kbir biżżejjed sabiex iżomm il-popolazzjonijiet tiegħu fuq medda twila ta’ żmien (it-tielet inċiż). |
|
46. |
L-eżami tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi għalhekk jeħtieġ żewġ stadji: Qabel kollox, għandhom jiġu identifikati l-influwenzi kollha li, fuq medda twila ta’ żmien, jistgħu jaffettwaw it-tqassim u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fl-Istat Membru kkonċernat. Imbagħad, dawn l-influwenzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami a priori għall-iżvilupp futur ta’ dawn il-popolazzjonijiet. |
3. Rabtiet bejn il-popolazzjonijiet
|
47. |
Huwa fid-dawl ta’ dan il-programm ta’ eżami li għandha tiġi eżaminata l-importanza tal-popolazzjonijiet tal-lupu barra mill-Estonja għall-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet fi ħdan l-Estonja, li jiddetermina l-obbligi ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. |
|
48. |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, il-popolazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra huma rilevanti għall-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni ta’ speċi ġewwa Stat Membru jekk tal-ewwel ikollhom influwenza li, fuq medda twila ta’ żmien, tista’ taffettwa t-tqassim u l-abbundanza tal-popolazzjoni nazzjonali. |
|
49. |
Tali influwenza teżisti meta jkun hemm skambju bejn dawn il-popolazzjonijiet. |
|
50. |
Dan juri l-paragun ta’ popolazzjoni insulari iżolata ipotetika ta’ speċi partikolari ma’ popolazzjoni tal-istess speċi li tassorbi regolarment kampjuni ta’ popolazzjonijiet oħra jew tittrażmettilhom kampjuni u li l-kampjuni tagħhom ikunu regolarment f’kuntatt ma’ kampjuni ta’ popolazzjonijiet oħra. Fir-rigward tal-popolazzjoni iżolata, it-telf ta’ kampjuni jista’ jiġi kkumpensat biss mir-riproduzzjoni tal-kampjuni li jifdal, filwaqt li skambju ma’ popolazzjonijiet oħra jippermetti wkoll li jiġi kkumpensat it-telf ikkawżat mill-immigrazzjoni. Barra minn hekk, kundizzjonijiet partikolarment vantaġġużi għal popolazzjoni iżolata jistgħu jwasslu temporanjament għal tkabbir eċċessiv segwit minn kollass sinjifikattiv tal-popolazzjoni li, f’każ ta’ skambju ma’ popolazzjonijiet u habitats oħra, jista’ jitnaqqas permezz tal-emigrazzjoni permanenti jew temporanja ta’ kampjuni. U fl-aħħar nett, il-popolazzjonijiet iżolati ħafna drabi jkollhom varjazzjoni ġenetika inferjuri għal dik tal-popolazzjonijiet li l-iskambji tagħhom ma’ popolazzjonijiet oħra jsaħħu l-varjazzjoni ġenetika tagħhom. |
|
51. |
Popolazzjoni iżolata hija għalhekk, min-natura tagħha, inqas reżistenti għall-effetti negattivi milli popolazzjoni li tkun is-suġġett ta’ skambji regolari ma’ popolazzjonijiet oħra. Il-metapopolazzjoni Skandinava tal-lupu fin-Nofsinhar tal-Isvezja u n-Norveġja hija eżempju, peress li hija fil-biċċa l-kbira iżolata minn popolazzjonijiet oħra. Hija tippreżenta, b’mod partikolari, varjazzjoni ġenetika żgħira minħabba li hija ġejja minn numru żgħir ta’ kampjuni ( 20 ). Rapport reċenti għall-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna għalhekk jikkwalifika din il-metapopolazzjoni bħala “vulnerabbli” (VU) ( 21 ). |
|
52. |
Għall-kuntrarju, skont l-informazzjoni disponibbli, ma jeżistux riskji komparabbli għall-popolazzjoni Estonjana tal-ilpup, peress li hija marbuta mal-iskambju ma’ popolazzjonijiet oħra tal-metapopolazzjoni Baltika. U din il-metapopolazzjoni tista’ tiskambja wkoll kampjuni ma’ popolazzjonijiet oħra, pereżempju ma’ popolazzjonijiet oħra fir-Russja, kif ukoll mal-metapopolazzjoni Karpazjali kbira u l-metapopolazzjoni fl-Ewropa Ċentrali. Il-metapopolazzjoni Baltika kollha kemm hi hija għalhekk evalwata bħala “least concern” (mhux vulnerabbli) f’dan ir-rapport ( 22 ). |
|
53. |
Barra minn hekk, l-iskambju ma’ popolazzjonijiet oħra ta’ metapopolazzjoni jista’ jkun kundizzjoni sine qua non għall-konservazzjoni ta’ speċi preċiżament għall-Istati Membri ż-żgħar meta t-territorju jew il-habitat naturali tagħhom li l-ispeċi tista’ tuża jkunu żgħar wisq għal popolazzjoni vijabbli. F’dan il-każ, l-ispeċi tista’ tibqa’ b’mod permanenti fl-Istat Membru biss jekk il-popolazzjoni mhux vijabbli iżolata tiegħu tkun is-suġġett ta’ skambji kontinwi ma’ popolazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri ġirien. Għall-kuntrarju, fid-dawl ta’ dan l-iskambju, jista’ madankollu jkun possibbli li tiġi stabbilita, għal din il-popolazzjoni, l-osservanza tat-tliet kundizzjonijiet ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
54. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll diġà rrikonoxxiet, bħala prinċipju, din l-idea meta enfasizzat li għandha tingħata attenzjoni speċifika għas-sorveljanza transkonfinali ta’ speċi meta din tkun suġġetta, fir-rigward ta’ ċerti reġjuni, għar-rekwiżiti ta’ protezzjoni iktar stretti tal-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva dwar il-habitat u meta huwa biss l-Artikolu 14 li huwa applikabbli fir-reġjuni ġirien ( 23 ). Fil-fatt, għalkemm dawn l-istandards differenti ta’ protezzjoni huma ġġustifikati, għandu jiġi preżunt li l-popolazzjonijiet l-aħħar imsemmija jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni iktar favorevoli u jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjonijiet oħra iktar protetti ( 24 ). |
|
55. |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet bejn il-popolazzjonijiet tagħhom ta’ speċi u l-popolazzjonijiet tagħhom li jinsabu fi Stati Membri oħra jew l-assenza ta’ tali rabtiet bħala li jagħmlu parti mill-influwenzi li, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, jistgħu jaffettwaw fuq medda twila ta’ żmien it-tqassim u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fit-territorju tagħhom. |
4. Evalwazzjoni pronjostika tal-istat ta’ konservazzjoni futur
|
56. |
L-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjoni bħala favorevoli jew sfavorevoli tinkludi l-eżamijiet a priori, stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, dwar il-kwistjoni jekk l-informazzjoni dwar iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tippermettix li jiġi preżunt li l-ispeċi tikkostitwixxi u ser tkompli tikkostitwixxi element vijabbli tal-habitat naturali li hija tagħmel parti minnu fuq medda twila ta’ żmien (l-ewwel inċiż), jekk il-firxa naturali tagħha la tonqos u lanqas, fil-futur prevedibbli, preżubbilment ser tonqos (it-tieni inċiż) u jekk ikunx għad hemm, attwalment u probabbilment, habitat suffiċjentement kbir sabiex jiżgura s-sopravivenza tal-popolazzjonijiet ta’ din l-ispeċi fuq medda twila ta’ żmien (it-tielet inċiż). |
|
57. |
Il-punt tat-tluq għandu jkun is-sitwazzjoni attwali, kif juri, pereżempju, ir-riferiment għall-informazzjoni dwar iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni fl-ewwel inċiż tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar l-habitats. Għaldaqstant, għandha tiġi stabbilita l-abbundanza tal-popolazzjoni, tal-firxa u tal-habitat disponibbli kif ukoll l-evoluzzjoni ta’ dawn il-fatturi fil-passat. F’dan ir-rigward għandhom jintużaw l-aqwa informazzjoni u metodi xjentifiċi disponibbli ( 25 ). |
|
58. |
Is-sitwazzjoni attwali tal-popolazzjoni Estonjana tal-lupu hija parti mir-rabtiet li bħalissa huma identifikabbli mas-sottopopolazzjonijiet l-oħra tal-metapopolazzjoni Baltika. |
|
59. |
Madankollu, ma jistax jiġi faċilment preżunt li s-sitwazzjoni attwali ser tkompli teżisti wkoll fil-futur. Għall-kuntrarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet prevedibbli u probabbli. |
|
60. |
Iż-żieda fil-kostruzzjoni ta’ ċnut mal-fruntiera fil-fruntiera tal-Lvant tal-Unjoni, imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, hija eżempju ta’ dan ( 26 ). Din tista’ tnaqqas ir-relazzjonijiet bejn is-sottopopolazzjonijiet fl-Istati Membri tal-metapopolazzjoni Baltika u s-sottopopolazzjonijiet fir-Russja u fil-Bjelorussja fil-futur. Il-Gvern Estonjan madankollu ppreċiża, waqt is-seduta, li, tal-inqas fix-xitwa, l-ilpup jistgħu jkomplu jiċċaqilqu bejn ir-Russja u l-Estonja fuq l-ilmijiet tal-fruntiera ffriżati. |
|
61. |
Madankollu, il-kooperazzjoni formali bejn l-Istati Membri, imsemmija fit-tieni domanda, u s-sistemi ta’ protezzjoni applikabbli huma wkoll fatturi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami a priori tal-iżvilupp tar-rabtiet bejn il-popolazzjonijiet li jinsabu fi Stati differenti. Fil-fatt, dawn ir-rabtiet huma iktar u iktar importanti peress li ser ikunu żgurati aħjar għall-futur. |
|
62. |
Għal dan l-għan, il-protezzjoni legali ta’ popolazzjonijiet oħra hija fattur importanti. Fl-assenza tagħha, hemm il-biża’ li dawn il-popolazzjonijiet l-oħra u, għaldaqstant, l-iskambju mal-popolazzjoni tal-Istat Membru ma jiġux affettwati fil-futur. |
|
63. |
Din il-problema tista’ tikkonċerna l-popolazzjoni Finlandiża tal-lupu bħala parti mill-metapopolazzjoni Kareljana, peress li din l-ispeċi issa tidher li hija suġġetta għal kaċċa qawwija fiż-żoni Russi ta’ din il-metapopolazzjoni. Dawn il-prattiki Russi huma ċertament marbuta wkoll mal-fatt li r-Russja ma rratifikatx il-Ftehim ta’ Berna ( 27 ). Fi kwalunkwe każ, ir-rapport diġà msemmi jikklassifika din il-metapopolazzjoni, minkejja r-rabta tagħha ma’ popolazzjonijiet Russi oħra, bħala “near threatened” (potenzjalment vulnerabbli) ( 28 ). Problemi simili jistgħu jikkonċernaw ir-rabtiet bejn il-popolazzjoni Estonjana tal-lupu u l-popolazzjonijiet Russi kif ukoll il-popolazzjonijiet fil-Bjelorussja, li ma baqgħetx firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Berna fl‑1 ta’ April 2024 ( 29 ). |
|
64. |
Huwa forsi għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel irrifjutat, f’każ Finlandiż ( 30 ), li tieħu inkunsiderazzjoni l-popolazzjonijiet li jinsabu f’pajjiżi terzi fl-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni fil-kuntest tad-deroga prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat, u mbagħad illimitat, f’każ Awstrijak, l-Istati suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni komparabbli tal-Konvenzjoni ta’ Berna ( 31 ). |
|
65. |
B’kuntrast ma’ dan, livell komparabbli ta’ protezzjoni tal-popolazzjonijiet differenti ta’ speċi, iggarantit legalment, jippermetti li tingħata importanza kbira lill-iskambju bejn dawn il-popolazzjonijiet waqt l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ waħda minnhom. |
|
66. |
Dawn ir-rabtiet huma iktar importanti fil-kuntest ta’ livell ta’ protezzjoni saħansitra ogħla, pereżempju fil-każ tal-applikabbiltà tal-Artikolu 12 iktar strett tad-Direttiva dwar il-habitat għall-popolazzjoni l-oħra. Madankollu, il-popolazzjonijiet l-oħra tal-metapopolazzjoni Baltika fl-Unjoni huma suġġetti għall-istess protezzjoni bħal fl-Estonja, jiġifieri għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 14. Madankollu, fil-Polonja, tiżdied ukoll il-protezzjoni mogħtija f’60 żona ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva dwar il-habitat ( 32 ), li ġiet eskluża fl-Istati Baltiċi. Barra minn hekk, l-ilpup fl-Istati Membri kollha se jibbenefikaw mill-obbligi li jirrestawraw u jipproteġu l-habitats skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar ir-restawr ( 33 ). |
|
67. |
Ir-rabtiet mal-popolazzjonijiet ta’ Stati oħra għandhom jingħataw iktar importanza meta l-Istati kkonċernati mhux biss japplikaw sistemi ta’ protezzjoni komparabbli, iżda jikkooperaw ukoll formalment għall-protezzjoni ta’ din l-ispeċi. Fil-fatt, huma jistgħu għalhekk jikkoordinaw il-miżuri ta’ protezzjoni tagħhom b’mod li jottimizzaw dan l-iskambju. |
|
68. |
Madankollu, anki mingħajr kooperazzjoni formali, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ggarantit fis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 4(3) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri jirrispettaw lil xulxin u jappoġġaw lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati, japplika bejn l-Istati Membri ( 34 ). Dan jista’ jimplika b’mod partikolari l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni eżistenti dwar popolazzjonijiet ta’ speċijiet protetti fit-territorju tagħhom stess. |
5. Konklużjoni intermedja
|
69. |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li kull Stat Membru huwa obbligat, meta japplika l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, li jiżgura stat ta’ konservazzjoni favorevoli fit-territorju tiegħu tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness V li l-firxa naturali tagħha testendi għal dan it-territorju. Madankollu, fl-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet, l-Istat Membru għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-iskambji bejn il-popolazzjoni tiegħu u l-popolazzjonijiet tiegħu li jinsabu fi Stati oħra. L-importanza ta’ dawn l-iskambji għall-evalwazzjoni prospettiva tal-istat ta’ konservazzjoni tiddependi, fost l-oħrajn, fuq sa fejn dawn il-popolazzjonijiet l-oħra huma protetti u fuq il-livell ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru u tal-Istat fejn tinsab popolazzjoni oħra għall-protezzjoni tal-ispeċi. |
B. Ir-rabta domanda – Rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll karatteristiċi reġjonali u lokali
|
70. |
Ir-raba’ domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali jistgħux ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni bħala favorevoli. Hija manifestament ispirata mill-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, li jieħu inkunsiderazzjoni dawn ir-rekwiżiti u l-karatteristiċi fil-miżuri meħuda skont din id-direttiva. |
|
71. |
Fil-kawża prinċipali, huwa fuq din il-bażi li tqajmet l-oġġezzjoni li żieda fin-numru ta’ lpup twassal għal kunflitti soċjali u ekonomiċi serji fis-soċjetà Estonjana. Dan l-argument iwassal ukoll sabiex jiġi kkunsidrat li l-aċċettazzjoni soċjali ta’ speċi għandha tkun determinanti sabiex jiġi ddeterminat sa fejn it-teħid ta’ kampjuni mis-selvaġġ huwa ammissibbli. |
|
72. |
Madankollu, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva dwar il-habitat jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-teħid ta’ kampjuni jkun kompatibbli maż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Għalhekk, il-portata tat-teħid awtorizzat ma tiddependix direttament mill-aċċettazzjoni soċjali, iżda miż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. |
|
73. |
Kif intqal ( 35 ), skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, l-istat ta’ konservazzjoni jirreferi għall-influwenzi kollha li jistgħu jaffettwaw fuq medda twila ta’ żmien it-tqassim u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. |
|
74. |
Ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali huma parti minn dawn l-influwenzi. |
|
75. |
Għalhekk, il-Finlandja tqis li l-protezzjoni stretta tal-lupu skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitat hija inkompatibbli mat-trobbija tar-renni, li għandha importanza kulturali u ekonomika kbira, b’mod partikolari għall-minoranza tas-Sami fit-Tramuntana tal-pajjiż. Għalhekk, l-Annessi IV u V tad-Direttiva dwar il-habitat jipprovdu li, fiż-żona ta’ trobbija Finlandiża tar-renni, ma huwiex l-Artikolu 12 iżda l-Artikolu 14 li japplika għal-lupu. Għaldaqstant jidher li, fil-prattika, l-ebda popolazzjoni tal-ilpup ma tista’ tiġi stabbilita f’din iż-żona, peress li l-applikazzjoni Finlandiża tal-Artikolu 14 tippermetti li jinqatlu kampjuni migranti qabel ma jkunu jistgħu jerġgħu jirriproduċu ( 36 ). Indipendentement mill-kompatibbiltà ta’ din il-prattika Finlandiża mal-Artikolu 14, ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali fiż-żona tat-trobbija tar-renni Finlandiża jaffettwaw b’mod ċar l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu. |
|
76. |
Madankollu, huwa konċepibbli wkoll li r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali, ikollhom impatt pożittiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ċerti speċijiet, billi jistabbilixxu pereżempju l-kundizzjonijiet ta’ preżenza tal-ispeċi. Għalhekk, il-ħamster komuni (cricetus cricetus) fl-Ewropa Ċentrali jista’ juża kważi biss artijiet użati f’ċerta forma għal finijiet agrikoli ( 37 ). Il-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi tippreżumi għalhekk li l-imsemmija rekwiżiti u karatteristiċi huma effettivi fis-sens ta’ użu xieraq tal-uċuħ neċessarji. |
|
77. |
Minn dan isegwi li r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi, sa fejn dawn ir-rekwiżiti u karatteristiċi jaffettwaw dan l-istat ta’ konservazzjoni. |
|
78. |
Għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni dwar jekk dawn il-fatturi jistgħux jiġu integrati fl-evalwazzjoni prospettiva tal-istat ta’ konservazzjoni msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat b’tali mod li titqies li hija favorevoli minħabba li popolazzjoni ikbar ma tiġix aċċettata mis-soċjetà. |
|
79. |
Sabiex jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet rilevanti skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, huwa neċessarju, kif diġà ġie rrilevat, li jiġi ddeterminat l-istat attwali tal-popolazzjoni ta’ Stat Membru tal-ispeċi kkonċernata u li jsir eżami a priori dwar l-evoluzzjoni futura ( 38 ). Iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni, il-firxa u l-habitat ta’ speċi huma fost il-karatteristiċi lokali u jistgħu jkunu marbuta mar-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali. Iżda anki kunflitti ma’ dawn ir-rekwiżiti u ma’ dawn il-karatteristiċi jistgħu, sa fejn diġà ppreżentat bħala eżempju ( 39 ), ikunu tal-inqas fattur ta’ kawżalità għall-istat attwali u jinfluwenzaw ukoll l-eżami a priori. |
|
80. |
Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat ma tinkludi ebda indikazzjoni li l-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjoni jista’ jitqies li huwa favorevoli għas-sempliċi raġuni li miżuri ta’ protezzjoni addizzjonali li jikkonċernaw l-ispeċi jew popolazzjoni ikbar jistgħu joħolqu kunflitti ma’ karatteristiċi reġjonali jew lokali jew mar-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali. Għall-kuntrarju, jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi dipendenti fuq ir-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll fuq il-karatteristiċi reġjonali u lokali, huma jistgħu jipperikolaw l-għan tal-konservazzjoni tal-ispeċi ( 40 ). |
|
81. |
Barra minn hekk, kif diġà indikajt fil-kuntest tal-kaċċa għal-lupu fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León (Spanja), il-miżuri konkretament neċessarji skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jiddependu mill-fatturi li jaffettwaw l-istat ta’ konservazzjoni ( 41 ). Għalhekk, meta r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali jikkontestaw, jew saħansitra jipprekludu stat ta’ konservazzjoni favorevoli, jistgħu jkunu neċessarji miżuri li jmorru kontra dawn ir-rekwiżiti jew kontra dawn il-karatteristiċi. |
|
82. |
Jekk dawn ir-rekwiżiti u l-karatteristiċi kellhom madankollu jiġu implimentati, dan jista’ jsir mhux abbażi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat, iżda, l-iktar l-iktar, permezz ta’ deroga skont l-Artikolu 16. Iżda din id-dispożizzjoni tippreżupponi wkoll li, minkejja d-deroga, l-ispeċi tinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli jew, għall-inqas, stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli ma jiddeterjorax iktar bid-deroga u r-ripristinar ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ma jiġix imfixkel ( 42 ). |
|
83. |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali huma influwenzi li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, jistgħu jaffettwaw fuq medda twila ta’ żmien it-tqassim u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet protetti. Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tipprekludi li l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jitqies li huwa favorevoli minħabba dawn ir-rekwiżiti u l-karatteristiċi, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma jkunux identifikabbli. |
C. It-tielet domanda – Status vulnerabbli tal-lupu skont il-kriterji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali
|
84. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) tistaqsi dwar jekk il-popolazzjoni reġjonali ta’ speċi jistax ikollha stat ta’ konservazzjoni favorevoli, konformement mal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, meta din il-popolazzjoni tkun ġiet ikklassifikata bħala “vulnerabbli” (VU) skont il-kriterji li jinsabu fil-lista ħamra tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali. |
|
85. |
Id-Direttiva dwar il-habitat u, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat ma jipprevedux espressament li evalwazzjoni abbażi tal-kategoriji ta’ riskji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali għandha tkun rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi. |
|
86. |
Madankollu, dan l-eżami għandu juża l-aqwa informazzjoni u metodi xjentifiċi disponibbli ( 43 ). Għalhekk, meta l-evalwazzjoni ta’ popolazzjoni abbażi tal-kriterji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali tkun tagħmel parti jew tkun ibbażata fuq din l-informazzjoni, din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-istat ta’ konservazzjoni ( 44 ). |
|
87. |
Barra minn hekk, wieħed jista’ jistenna li d-determinazzjoni ta’ dawn il-kategoriji ta’ riskji u l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni jfittxu għanijiet simili u għalhekk iwasslu għal riżultati simili. Għalhekk, l-evalwazzjonijiet diġà msemmija tal-metapopolazzjoni Baltika tal-lupu ( 45 ), li t-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell) tuża biex tevalwa pożittivament l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tiegħu, huma bbażati fuq il-kriterji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali. |
|
88. |
Minn din il-perspettiva, il-klassifikazzjoni ta’ popolazzjoni bħala “vulnerabbli” (VU) tidher li topponi l-ipoteżi ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Fil-fatt, din il-kategorija ta’ riskju timplika, skont id-definizzjoni tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali, l-eżistenza ta’ riskju sinjifikattiv ta’ estinzjoni tal-ispeċi fis-selvaġġ ( 46 ). Fil-preżenza ta’ tali riskju, huwa dubjuż jekk l-ispeċi, fis-sens tal-ewwel inċiż tat-tieni sentenza tal-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat, tkomplix tikkostitwixxi fuq medda twila ta’ żmien element vijabbli tal-habitat naturali li hija tappartjeni għalih. Għall-kuntrarju, hemm lok li jkun hemm biża’ ta’ tnaqqis tal-firxa naturali (it-tieni inċiż). |
|
89. |
Madankollu, tali evalwazzjoni tista’ tiġi miċħuda abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku ( 47 ), pereżempju abbażi ta’ informazzjoni reċenti jew kompluta jew minħabba problemi kunċettwali. Għalhekk, ġew żviluppati l-kriterji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali sabiex kategorija ta’ riskju tiġi attribwita għall-evalwazzjoni globali tal-ispeċijiet ( 48 ). Kif tindika l-Estonja, għalhekk, ċerti limiti ma jistgħux jiġu awtomatikament trasposti għal Stati individwali li jospitaw biss sottopopolazzjonijiet tal-ispeċi. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tfakkar li l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali ppubblikat ( 49 ) linji gwida għall-applikazzjoni tal-kriterji tagħha fil-livell reġjonali u nazzjonali, li għandhom jippermettu ġestjoni xierqa ta’ din il-problema kunċettwali. |
|
90. |
Barra minn hekk, l-obbligu li jintużaw l-aqwa informazzjoni u metodi xjentifiċi disponibbli ma jfissirx ukoll li l-Istati Membri għandhom jadottaw evalwazzjonijiet ibbażati fuq preżunzjonijiet purament ipotetiċi ( 50 ). F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jaħseb fil-kawża ineżami, peress li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-evalwazzjoni tal-popolazzjoni Estonjana tal-ilpup bħala “vulnerabbli” (VU) hija bbażata, inter alia, fuq il-biża’ li, minħabba kunsiderazzjonijiet politiċi, l-Estonja tista’ tiddeċiedi fil-futur li tnaqqas in-numru ta’ lpup. Sa fejn l-evalwazzjoni, b’kuntrast ma’ dan, hija bbażata fuq il-bini ta’ ċnut mal-fruntiera, dan huwa fatt oġġettiv li l-importanza tiegħu diġà ssemmiet għar-rabtiet mal-popolazzjonijiet Russi u mal-Bjelorussja ( 51 ). |
|
91. |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun fis-sens li l-Istati Membri għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-popolazzjoni ta’ speċi fit-territorju tagħhom bħala “vulnerabbli” (VU) fis-sens tal-kriterji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali bħala parti tal-aqwa informazzjoni u metodi xjentifiċi disponibbli waqt l-eżami tal-istat ta’ konservazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. Madankollu, huma jistgħu jirribattu r-riżultati bi provi xjentifiċi aħjar jew abbażi ta’ problemi kunċettwali u ma humiex obbligati jadottaw preżunzjonijiet purament ipotetiċi. |
D. Kumment finali dwar il-Konvenzjoni ta’ Berna
|
92. |
Fl-aħħar, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza WWF Austria, il-lupu sa issa nżamm fil-lista tal-ispeċi tal-annimali li tinsab fl-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Berna li huma strettament protetti bis-saħħa ta’ din il-konvenzjoni. L-Unjoni hija parti għal din il-konvenzjoni u, b’dan il-mod, hija marbuta bid-dritt internazzjonali ( 52 ). |
|
93. |
Skont l-Artikolu 6(a) ta’ din il-konvenzjoni, l-Istati kontraenti għandhom jipprojbixxu kull forma ta’ qtil intenzjonat tal-ilpup, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kaċċa. L-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni jawtorizza derogi għal din il-projbizzjoni biss għal ċerti raġunijiet elenkati b’mod eżawrjenti, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra u li d-deroga ma tkunx ta’ ħsara għall-istokk tal-popolazzjoni kkonċernata. Dan l-istandard ta’ protezzjoni jikkorrispondi fil-parti l-kbira għall-protezzjoni stretta prevista fl-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva dwar l-Habitats. |
|
94. |
B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat jittrasponi l-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni, li jintuża minn Stati kontraenti differenti, bħal Spanja, li għal-lupu jintuża fuq il-bażi ta’ riżervi. |
|
95. |
L-Estonja aderixxiet mal-Konvenzjoni fl‑1992, jiġifieri saħansitra qabel l-adeżjoni mal-Unjoni, u, b’differenza, pereżempju, minn Spanja ( 53 ), ma għamlet l-ebda riżerva fir-rigward tal-protezzjoni tal-lupu. |
|
96. |
Peress li l-Konvenzjoni, bħala parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, torbot lill-Istati Membri skont l-Artikolu 216(2) TFUE ( 54 ), l-Estonja hija għalhekk marbuta, kemm mill-Konvenzjoni kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni, li jipproteġu strettament il-lupu. |
|
97. |
Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitat, li fl-Estonja jipprevedu biss il-protezzjoni attenwata tal-lupu skont l-Artikolu 14, ma jibdlu xejn. Tali dispożizzjonijiet ma jiħdux preċedenza, b’mod partikolari, bħala lex specialis jew lex posterior, fuq ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni. L-ewwel nett, ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni u l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat. L-Estonja tista’ faċilment tissodisfa wieħed mill-obbligi mingħajr ma tikser l-ieħor. Fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tagħha, li huwa li jiġi ggarantit stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi, l-obbligi saħansitra jikkumplimentaw lil xulxin. It-tieni nett, ma jistax jiġi preżunt li, permezz tad-Direttiva dwar il-habitat, l-Unjoni jew l-Estonja riedu jiksru l-obbligi internazzjonali tagħhom taħt il-Konvenzjoni. |
|
98. |
Għalhekk, dawn l-osservazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-habitat huma limitati esklużivament għal din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, dawn ma jiġġustifikawx deroga mir-regoli ta’ protezzjoni iktar stretti previsti mill-Konvenzjoni ta’ Berna. Dawn ir-regoli ta’ protezzjoni jkunu madankollu attenwati jekk il-bidla tal-istatus ta’ protezzjoni tal-lupu ( 55 ) fil-kuntest tal-Konvenzjoni, deċiża fuq proposta mill-Unjoni, tidħol fis-seħħ. |
V. Konklużjoni
|
99. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 3 ) Il-Kummissjoni kkummissjonat xogħol fuq metodoloġija mtejba għall-valutazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ karnivori kbar skont id-dokument tal-Kunsill 9705/24 tat‑8 ta’ Mejju 2024, punt 12.
( 4 ) Fuq id-diskussjoni dwar il-livell ta’ protezzjoni tal-lupu, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:83, punt 1 b’riferimenti oħra), id-dokument tal-Kunsill 9705/24 tat‑8 ta’ Mejju 2024 dwar l-istat tad-diskussjoni dwar il-livell ta’ protezzjoni tal-lupu u l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas‑26 ta’ Settembru 2024 “Konvenzjoni ta’ Berna: l-UE ser tipproponi li jinbidel l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ilpup” kif ukoll l-ittra korrispondenti mill-Unjoni tas‑27 ta’ Settembru 2024 lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Berna, T-PVS/Inf(2024)15, kif ukoll il-punt 4.2 tad-Draft List of Decisions and Adopted Texts (abbozz ta’ lista ta’ deċiżjonijiet u ta’ testi adottati) waqt l-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna, T-PVS(2024)MISC tas‑6 ta’ Diċembru 2024 dwar l-adozzjoni tal-proposta tal-Unjoni.
( 5 ) Ara pereżempju s-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Caretta caretta) (C‑103/00, EU:C:2002:60), tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851), jew l-iktar reċenti tal‑11 ta’ Lulju 2024, WWF Österreich et (C‑601/22, EU:C:2024:595).
( 6 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:656).
( 7 ) CETS punt 104.
( 8 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 280, rettifika fil-ĠU 2018, L 311, p. 38).
( 9 ) Skont https://www.coe.int/en/web/conventions.
( 10 ) https://www.coe.int/en/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=signatures-by-treaty&treatynum=104 u https://www.coe.int/en/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=declarations-by-treaty&numSte=104&codeNature=0.
( 11 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7).
( 12 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 69).
( 13 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 78).
( 14 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping (C‑371/98, EU:C:2000:600, punt 23), tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Vereniging Hoekschewaards Landschap (C‑281/16, EU:C:2017:774, punt 32), u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑669/16, EU:C:2018:844, punt 63).
( 15 ) Ara r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.
( 16 ) Vgl. Ripple, W. J., Estes, J. A., Beschta, R. L., Wilmers, C. C., Ritchie, E. G., Hebblewhite, M., u Wirsing, A. J. (2014). “Status and ecological effects of the world’s largest carnivores”. Science, 343(6167), 1241484-3, und Kuijper, D. P. J. (2011). Lack of natural control mechanisms increases wildlife–forestry conflict in managed temperate European forest systems. European Journal of Forest Research, 130, p. 895 sa 909.
( 17 ) Ara Kuijper (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, p. 900 u 901).
( 18 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 69).
( 19 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, WWF Österreich et (C‑601/22, EU:C:2024:595, punt 57), u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Ćapeta f’din il-kawża (EU:C:2024:62, punti 73 u 74), dwar l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitat. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:83, punt 101) dwar l-Artikolu 14.
( 20 ) Large Carnivore Initiative for Europe (Boitani et al.), Assessment of the conservation status of the Wolf (Canis lupus) in Europe (Dokument għat‑42 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna mit‑28 ta’ Novembru sat‑2 ta’ Diċembru 2022, T-PVS/Inf[2022]45, p. 19).
( 21 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 19 u 22.
( 22 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 18, 19 u 21.
( 23 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 66). Ara wkoll, is-sentenza tal 11 ta’ Lulju 2024, WWF Österreich et (C 601/22, EU:C:2024:595, punt 58).
( 24 ) ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:83, punt 77).
( 25 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 65).
( 26 ) Ara wkoll ir-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 18 u 19.
( 27 ) Firem u ratifiki tal-Konvenzjoni ta’ Berna (https://www.coe.int/de/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=signatures-by-treaty&treatynum=104).
( 28 ) Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, p. 19.
( 29 ) Firem u ratifiki tal-Konvenzjoni ta’ Berna (https://www.coe.int/de/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=signatures-by-treaty&treatynum=104).
( 30 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 60).
( 31 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, WWF Österreich et (C‑601/22, EU:C:2024:595, punt 63).
( 32 ) Biodiversity.europa.eu/species/1367.
( 33 ) Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta1‑24 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869 (ĠU L, 2024/1991, 29.7.2024)
( 34 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 48), u tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2023:57, punti 131 u 132).
( 35 ) Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.
( 36 ) Ara Kojola, I., Aspi, J., Hakala, A., Heikkinen, S., Ilmoni, C., u Ronkainen, S. (2006). “Dispersal in an expanding wolf population in Finland”. Journal of Mammalogy, 87(2), p. 281 sa 286.
( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (Cricetus cricetus) (C‑383/09, EU:C:2011:23, punt 62).
( 38 ) Ara l-punt 57 iktar ’il fuq.
( 39 ) Ara l-punt 75 iktar ’il fuq.
( 40 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping (C‑371/98, EU:C:2000:600, punt 23).
( 41 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:83, punti 99 u 100).
( 42 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (Kaċċa tal-lupu) (C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 29), u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola (C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 68).
( 43 ) Sentenza ttad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:656, punt 65).
( 44 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punti 71, 72 u 82).
( 45 ) Ara l-punti 22 u 52 iktar ’il fuq.
( 46 ) IUCN. (2012). IUCN Red List Categories and Criteria: Version 3.1. it-Tieni Edizzjoni, Gland, Switzerland and Cambridge, UK, p. 15.
( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, EU:C:2007:386, punti 26 sa 28, 35 u 39).
( 48 ) IUCN Standards and Petitions Committee, 2024, Guidelines for Using the IUCN Red List Categories and Criteria. Verżjoni 16, p. 7.
( 49 ) IUCN Species Survival Commission, Guidelines for Application of IUCN Red List Criteria at Regional and National Levels, Verżjoni 4.0, Jannar 2010
( 50 ) F’dan is-sens is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italie et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 106), tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 91), u tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 60).
( 51 ) Ara l-punt 60 iktar ’il fuq.
( 52 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, WWF Österreich et (C‑601/22, EU:C:2024:595, punt 43).
( 53 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:83, punt 46).
( 54 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’étang de Berre (C‑213/03, EU:C:2004:464, punt 39).
( 55 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.