SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
14 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Ambjent – Direttiva 1999/31/KE – Rimi ta’ skart f’landfill – Obbligu tal-għeluq tal-landfills li ma kisbux il-permess meħtieġ – Proċedura tal-għeluq – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Sanzjonijiet pekunjarji – Pagamenti ta’ penalità – Somma f’daqqa”
Fil-Kawża C‑109/22,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, imressaq fil-15 ta’ Frar 2022,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Nicolae u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Rumanija, irrappreżentata minn L.-E. Baţagoi, E. Gane, O.-C. Ichim u L. Liţu, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 1999/31/KE
2 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/31/KE tal-Kunsill tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’lanfill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228, rettifika fil-ĠU 2018, L 91, p. 30), din id-direttiva għandha l-għan li tipprevedi miżuri, proċeduri u linji gwida intiżi sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa kemm jista’ jkun possibbli l-effetti negattivi tar-rimi ta’ skart f’landfill fuq l-ambjent, u partikolarment it-tniġġiż tal-ilma tal-wiċċ, tal-ilma tal-qiegħ, tal-ħamrija u tal-arja, u fuq l-ambjent globali, inkluż l-effett serra, kif ukoll kull riskju li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem, matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-landfill. |
3 |
L-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
4 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprevedi l-kundizzjonijiet tal-permess ta’ landfill. L-Artikolu 13 tagħha jirregola l-proċedura tal-għeluq u l-kura ta’ wara l-għeluq. |
5 |
L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Siti eżistenti ta’ landfills”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex landfills li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm [ħlief jekk] il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 1999/31, intitolat “Transpożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ, regolamenti u dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jaqblu ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn minn wara d-dħul tagħha fis-seħħ. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan immedjatament. […]” |
7 |
L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jipprovdi li: “Id-Direttiva trid tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.” |
L-Att tal-Adeżjoni tal-2005
8 |
Skont l-Artikolu 52 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203), “[m]a’ l-adeżjoni, […] [i]r-Rumanija [għandha titqies] bħala [destinatarja] tad-direttivi u d-deċiżjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE u ta’ l-Artikolu 161 tat-Trattat KEEA, sakemm dawk id-direttivi u deċiżjonijiet ikunu ġew indirizzati lill-Istati Membri attwali kollha”. |
9 |
Skont l-Artikolu 53(1) ta’ dan l-att, ir-Rumanija għandha ddaħħal fis-seħħ il-miżuri li huma neċessarji għaliha sabiex tikkonforma ruħha, mid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi u tad-deċiżjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 249 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 161 tat-Trattat KEEA, sakemm ma huwiex previst terminu ieħor fl-imsemmi att. |
10 |
Konformement mal-punt 3(a) tal-Parti B tat-Taqsima 9 tal-Anness VII tal-istess att, ġiet prevista deroga mill-Artikolu 14(ċ) tad-Direttiva 1999/31 u mill-punti 2 sa 4 u 6 tal-Anness I ta’ din id-direttiva għal 101 landfill muniċipali eżistenti fir-Rumanija sas-16 ta’ Lulju 2017. |
Is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija
11 |
Permezz tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, billi ma kkonformatx ruħha, f’dak li jikkonċerna t-68 landfill previsti mir-rikors tal-Kummissjoni, mal-obbligu li tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex, fl-iqsar żmien possibbli, konformement mal-Artikolu 7(g) u mal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31, jingħalqu s-siti li ma kisbux, konformement mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, il-permess sabiex ikomplu joperaw, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(b) tal-Direttiva 1999/31, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tagħha. |
Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
12 |
Wara l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, il-Kummissjoni talbet lir-Rumanija, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2018, informazzjoni dwar il-miżuri meħuda minn dan l-Istat Membru għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. |
13 |
Fit-tweġiba tagħha tal-14 ta’ Jannar 2019, ir-Rumanija indikat li kienu biss 19 mit-68 landfill ikkonċernati li kienu ngħalqu. |
14 |
Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2019, il-Kummissjoni talbet lir-Rumanija tipprovdilha kalendarju dwar l-għeluq tad-49 landfill li kien jifdal, kif ukoll il-provi marbuta magħhom. |
15 |
Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Mejju 2019, ir-Rumanija informat lill-Kummissjoni bl-għeluq ta’ landfill addizzjonali. Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Jannar 2020, dan l-Istat Membru indika lill-Kummissjoni li n-numru ta’ landfills mhux magħluqa f’din id-data tal-aħħar kien ta’ 48. |
16 |
Fl-14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Rumanija skont l-Artikolu 260 TFUE, fejn indikat li dan l-Istat Membru ma kienx ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, sa fejn 48 mit-68 landfill ikkonċernati minn din is-sentenza kienu għadhom ma ngħalqux, fis-sens tad-Direttiva 1999/31, u stiednet lill-imsemmi Stat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ erba’ xhur minn meta jirċievi din l-ittra, li sussegwentement ġie estiż sat-30 ta’ Settembru 2020. |
17 |
Fid-29 ta’ Settembru 2020, ir-Rumanija wieġbet għall-imsemmija ittra billi ddikjarat l-għeluq ta’ landfill addizzjonali. Barra minn hekk, hija bagħtet lill-Kummissjoni kalendarju ta’ konformità ma’ din id-direttiva, li kien jipprevedi li x-xogħlijiet tal-għeluq tal-parti l-kbira tal-landfills ta’ skart industrijali perikoluż u mhux perikoluż kellhom jitlestew fix-xahar ta’ Diċembru 2023. |
18 |
Wara laqgħa bilaterali li saret fit-8 ta’ Frar 2021 u li kienet tirrigwarda dan il-kalendarju, il-Kummissjoni ġiet informata bl-għeluq ta’ tliet landfills addizzjonali. |
19 |
Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Awwissu 2021, ir-Rumanija informat lill-Kummissjoni li l-44 landfill li kien fadal kienu għadhom ma ngħalqux. Dan l-Istat Membru informa wkoll lill-Kummissjoni li t-twettiq tal-analiżi dijanjostiċi relatati mal-għeluq kien ġie suġġett għal dewmien, b’tali mod li l-imsemmi kalendarju ma kienx ser jiġi osservat. |
20 |
Peress li qieset li r-Rumanija ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija fir-rigward ta’ dawn l-44 landfill u peress li ma kinitx ser tosserva t-termini stabbiliti fil-kalendarju tagħha ta’ konformità, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. |
21 |
Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, bejn id-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors u l-14 ta’ Settembru 2023, ir-Rumanija kienet ikkonformat ruħha mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, fir-rigward ta’ tlettax-il landfill addizzjonali. |
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
L-argumenti tal-partijiet
22 |
Ir-Rumanija ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, għar-raġuni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni naqset milli tagħtiha terminu raġonevoli sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 u li l-proċedura prekontenzjuża relatata ma’ din il-kawża kkoinċidiet mal-pandemija tal-COVID‑19, li, mingħajr ma pprekludiet lir-Rumanija milli tikkonforma ruħha ma’ dawn l-obbligi, dewmet madankollu l-proċess ta’ konformità ma’ din id-direttiva. |
23 |
Fit-tieni lok, ir-Rumanija tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi applikat għaliha terminu għall-konformità mal-imsemmija direttiva li, skont dan l-Istat Membru, huwa iqsar minn dak mogħti lil Stati Membri oħra f’sitwazzjonijiet simili. |
24 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Rumanija u tqis li dan ir-rikors huwa ammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
25 |
Fir-rigward tal-argument tar-Rumanija li l-Kummissjoni ma tathiex terminu raġonevoli sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jsostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. Dan l-għan doppju jobbliga lill-Kummissjoni tħalli terminu raġonevoli lill-Istati Membri sabiex iwieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni u sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ opinjoni motivata jew, jekk ikun il-każ, sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom. Għall-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu stabbilit, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-każ inkwistjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, l-Istati Membri kienu obbligati jieħdu l-miżuri indikati f’dan l-artikolu kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard minn tmien snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-imsemmija direttiva kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom mhux iktar tard minn sentejn mid-dħul fis-seħħ tagħha. Peress li d-Direttiva 1999/31 daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 1999, konformement mal-Artikolu 19 tagħha, it-terminu previst fl-Artikolu 14 tagħha skada, konsegwentement, fis-16 ta’ Lulju 2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, punti 23 u 29. |
27 |
Konsegwentement, f’dan il-każ, fid-data li fiha l-Kummissjoni bagħtitilha l-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, jiġifieri fl-14 ta’ Mejju 2020, ir-Rumanija kienet diġà obbligata tikkonforma ruħha mal-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 għal iktar minn għaxar snin, u kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ ksur li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, mogħtija fit-18 ta’ Ottubru 2018. Barra minn hekk, billi estendiet it-terminu ta’ tweġiba għal din l-ittra sat-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni tat lil dan l-Istat Membru terminu ta’ iktar minn erba’ xhur, minn meta jirċievi l-imsemmija ittra, sabiex jikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi u sabiex isostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors biss fil-15 ta’ Frar 2022, jiġifieri sena u disa’ xhur wara li ntbagħtet l-istess ittra. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rumanija baqgħet ma stabbilixxietx li hija ma bbenefikatx minn terminu raġonevoli fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. F’dan il-kuntest, l-argument ta’ dan l-Istat Membru dwar l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-eżekuzzjoni tal-imsemmija obbligi lanqas ma jista’ jirnexxi. Fil-fatt, l-insuffiċjenza ta’ miżuri li kellhom jiġu adottati u implimentati mis-16 ta’ Lulju 2009 ma tistax tiġi ġġustifikata minn pandemija li seħħet matul is-sena 2020 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Valuri ta’ limitu – NO2), C‑220/22, EU:C:2023:521, punt 101). |
29 |
Fir-rigward tal-argument tar-Rumanija li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi applikat fil-konfront tagħha terminu għall-konformità mad-Direttiva 1999/31 iqsar minn dak allegatament mogħti lil Stati Membri oħra f’sitwazzjonijiet simili, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi dwar l-opportunità li taġixxi kontra Stat Membru, sabiex tiddetermina d-dispożizzjonijiet li huwa kiser u sabiex tagħżel il-mument li fih hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, b’mod li l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-assenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra Stat Membru ieħor (sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 75 u 76, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
F’dan il-każ, ir-Rumanija baqgħet ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kisret il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din l-istituzzjoni ħadet id-deċiżjoni li tippreżenta dan ir-rikors meta deher li dan l-Istat Membru ma kienx ser josserva l-iskadenza prevista mill-kalendarju ta’ konformità msemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, jiġifieri x-xahar ta’ Diċembru 2023, jiġifieri iktar minn ħames snin wara l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija. |
31 |
L-azzjoni tal-Kummissjoni kienet għalhekk ibbażata fuq kriterju oġġettiv u newtrali, dwar il-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata r-Rumanija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 81). |
32 |
Għaldaqstant, il-fatt li, f’sitwazzjonijiet allegatament simili, Stati Membri oħra minbarra r-Rumanija bbenefikaw minn perijodu itwal bejn id-data tal-ittra ta’ intimazzjoni u dik li fiha tressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jista’ jaffettwa l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. |
33 |
Konsegwentement, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni huwa ammissibbli. |
Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
L-argumenti tal-partijiet
34 |
Fid-dawl tad-dispożittiv tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, ir-Rumanija kienet obbligata tieħu l-miżuri neċessarji sabiex, fl-iqsar żmien possibbli, jingħalqu t-68 landfill inkwistjoni f’dik is-sentenza. |
35 |
Ir-Rumanija tirrikonoxxi li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, kif estiż, jiġifieri fit-30 ta’ Settembru 2020, hija ma kinitx ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ dik is-sentenza, fir-rigward tal-għeluq ta’ 47 landfill minn dawn il-landfills. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 |
Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma adottax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’ tadixxi lil din tal-aħħar, wara li tkun tat lil dan l-Istat Membru l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, filwaqt li tindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penalità li għandhom jitħallsu mill-imsemmi Stat li hija tqis adatti għaċ-ċirkustanzi. |
37 |
F’dan ir-rigward, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(2) TFUE hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Dħul minn proprjetà immobbli barranija), C‑842/19, EU:C:2020:915, punt 12, u tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 61 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
F’dan il-każ, kif irrikonoxxiet ir-Rumanija fir-risposta u fil-kontroreplika tagħha, huwa stabbilit li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, kif estiż, jiġifieri fit-30 ta’ Settembru 2020, dan l-Istat Membru ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, fir-rigward tal-għeluq ta’ 47 landfill mit-68 landfill imsemmija f’dik is-sentenza. |
39 |
F’dan iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE. |
Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji
Fuq il-pagamenti ta’ penalità
L-argumenti tal-partijiet
40 |
Il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Rumanija għadu jeżisti fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, u tipproponi li jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija permezz tal-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għal pagamenti ta’ penalità, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-Komunikazzjoni tagħha SEC(2005) 1658, tat-12 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu [260 TFUE]” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2005”), kif ukoll fuq il-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Aġġustament tal-kalkolu għall-pagamenti ta’ somma f’daqqa u ta’ penali proposti mill-Kummissjoni fi proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, wara l-ħruġ tar-Renju Unit” (ĠU 2021, C 129, p. 1). Il-Kummissjoni tosserva li, skont il-formola msemmija fil-Komunikazzjoni tal-2005, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għal kull jum huwa ugwali għall-ammont fiss ta’ bażi uniformi mmultiplikat b’koeffiċjent ta’ gravità, b’koeffiċjent ta’ tul u b’fattur “n”, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. |
41 |
Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ gravità, il-Kummissjoni tirrileva li, jekk kull ksur li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jippreżenta fih innifsu gravità ċerta, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rimi tal-iskart mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent għandu jiġi kklassifikat bħala partikolarment gravi. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk jeżistux ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti, il-Kummissjoni tosserva, minn naħa, li l-kooperazzjoni tar-Rumanija fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 260 TFUE kif ukoll il-progress imwettaq minn dan l-Istat Membru fit-tnaqqis tan-numru ta’ landfills li għandhom jingħalqu u fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet interni intiżi sabiex jiffaċilitaw l-esproprjazzjoni ta’ dawn il-landfills jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti. Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-Rumanija baqgħet ma kkonformatx mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/31 mis-16 ta’ Lulju 2009 jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti. B’hekk, il‑Kummissjoni tipproponi li jiġi applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5 fuq l-iskala ta’ bejn 1 u 20 stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-2005. |
42 |
Fir-rigward tal-koeffiċjent tat-tul ta’ żmien, peress li għaddew iktar minn 36 xahar bejn id-data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija u dik li fiha l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, din l-istituzzjoni tipproponi li dan il-koeffiċjent jiġi ffissat għal-livell massimu previst mill-Komunikazzjoni tal-2005, jiġifieri 3 fuq skala minn 1 sa 3. |
43 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fattur “n”, jekk il-Kummissjoni tieħu nota tal-insenjamenti tas-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36), li minnha jirriżulta li l-prodott gross domestiku (PGD) tal-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi l-fattur predominanti, filwaqt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tiegħu ma huwiex, min-naħa tiegħu, indispensabbli, din l-istituzzjoni madankollu tibbaża t-talba tagħha fuq il-parametri esposti fil-komunikazzjonijiet imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li għadhom ma ġewx adattati wara dik is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel) (C‑51/20, EU:C:2022:36). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tipproponi li l-fattur “n” għar-Rumanija jiġi stabbilit fil-livell ta’ 0.74. |
44 |
Skont il-Kummissjoni, peress li l-somma fissa ta’ bażi uniformi hija stabbilita fl-ammont ta’ EUR 2683, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għandu jkun ta’ EUR 29 781.30 għal kull jum. Sabiex jiġi ggarantit tnaqqis progressiv ta’ dan l-ammont skont il-progress imwettaq mir-Rumanija fl-osservanza tal-obbligi tagħha, din l-istituzzjoni tipproponi li jiġu applikati pagamenti ta’ penalità digressivi billi l-imsemmi ammont jiġi diviż bin-numru ta’ landfills imsemmija fir-rikors, jiġifieri 44, b’tali mod li l-ammont miksub b’dan il-mod, li jkun ugwali għal EUR 676.85 għal kull jum, jitnaqqas minn dak tal-pagamenti ta’ penalità għal kull jum fir-rigward ta’ kull landfill li fir-rigward tagħha r-Rumanija tkun ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija. |
45 |
Ir-Rumanija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-talba għal pagamenti ta’ penalità tal-Kummissjoni jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-progress imwettaq minn dan l-Istat Membru fil-proċess tiegħu ta’ konformità mad-Direttiva 1999/31. |
46 |
Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ gravità, ir-Rumanija ssostni li kull ksur tad-Direttiva 1999/31 ma jistax jitqies li huwa partikolarment gravi u li, f’dan ir-rigward, il-progress imwettaq fl-għeluq tal-landfills ikkonċernati għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. |
47 |
Minbarra ċ-ċirkustanzi attenwanti identifikati mill-Kummissjoni, ir-Rumanija ssostni li l-fatt li dan l-Istat Membru qatt qabel ma ġie kkundannat għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkostitwixxi wkoll ċirkustanza attenwanti. Barra minn hekk, skont l-imsemmi Stat Membru, it-tul tal-ksur ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza aggravanti. |
48 |
Fir-rigward tal-koeffiċjent tat-tul, ir-Rumanija ssostni b’mod partikolari li, billi tibbaża ruħha fuq id-data li fiha hija ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq element li ma jiddependix mir-rieda tal-Istat Membru kkonċernat, iżda mill-metodu u mill-volum ta’ xogħol tad-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. |
49 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fattur “n”, ir-Rumanija tqis li r-riferiment għall-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza. Ir-Rumanija tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-PGD tagħha matul il-perijodu bejn is-sena 2020 u s-sena 2022. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE huwa li Stat Membru inadempjenti jiġi imħeġġeġ jeżegwixxi sentenza li tikkonstata nuqqas u, għalhekk, li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, u li l-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-pagamenti ta’ penalità u s-somma f’daqqa, għandhom it-tnejn li huma dan l-istess għan (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Għandu jitfakkar ukoll li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkollha quddiemha kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità hija ġġustifikata, bħala prinċipju, fil-każ biss li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza preċedenti jippersisti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat fil-konfront tal-konvenut baqax għaddej sal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu evalwati l-miżuri li, skont il-konvenut, kienu ġew adottati wara t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ir-Rumanija baqgħet ma eżegwietx is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija fir-rigward ta’ 31 landfill, b’tali mod li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Rumanija kompla sal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundanna tar-Rumanija għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex dan l-Istat Membru jiġi imħeġġeġ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex itemm in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 92). |
56 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu stabbiliti skont il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru kkonċernat jibdel l-aġir tiegħu u jtemm l-aġir inkriminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tiffissa l-pagamenti ta’ penalità fl-ammont u fil-forma li hija tqis adatti sabiex tħeġġeġ lill-Istat Membru kkonċernat itemm in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Dħul minn proprjetà immobbli barranija), C‑842/19, EU:C:2020:915, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
Għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, bħala prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Dħul minn proprjetà immobbli barranija), C‑842/19, EU:C:2020:915, punt 65, u tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 96 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/31, din tal-aħħar hija intiża b’mod partikolari sabiex tipprekludi jew tnaqqas kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tar-rimi ta’ skart f’landfill fuq l-ambjent, kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw minn dan għas-saħħa tal-bniedem. |
61 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta ksur u, b’mod partikolari, nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun ta’ natura li jikkawża dannu lill-ambjent u li jipperikola s-saħħa tal-bniedem, tali ksur għandu jitqies li huwa partikolarment gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 77, u tat-22 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑328/16, EU:C:2018:98, punt 93 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-implimentazzjoni inkompleta tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija twassal għal riskju sinjifikattiv ta’ tniġġis u ta’ konsegwenzi serji għas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari permezz tar-rilaxx ta’ sustanzi kimiċi dannużi fil-ħamrija, fl-arja u fl-ilma. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ landfills ta’ skart industrijali perikoluż li għadhom ma ngħalqux. |
63 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, ċertament, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, il-kooperazzjoni tar-Rumanija fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 260 TFUE kif ukoll il-progress li sar fit-tnaqqis tan-numru ta’ landfills li għandhom jingħalqu u fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet interni intiżi li jiffaċilitaw l-esproprjazzjoni ta’ landfills li għandhom jingħalqu. Bl-istess mod, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li dan l-Istat Membru qatt ma naqas, qabel dan il-każ, milli jeżegwixxi sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Il-Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 55). |
64 |
Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, bħala ċirkustanza aggravanti, il-fatt li l-imsemmi Stat Membru ma pprevediex li jikkonforma ruħu bis-sħiħ mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/31 qabel ix-xahar ta’ Diċembru 2023, jiġifieri iktar minn erbatax-il sena wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa ta’ natura partikolarment twila (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 74). |
65 |
Fir-rigward tat-tul tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu bejn l-għoti tas-sentenza li tikkonstata l-ewwel nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (Dħul minn proprjetà immobbli barranija), C‑842/19, EU:C:2020:915, punt 56, u tal-20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 105 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ilu iktar minn erba’ snin wara d-data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, li jikkostitwixxi tul kunsiderevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 106). |
67 |
Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 260(1) TFUE ma jippreċiżax it-terminu li fih għandha ssir l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li din l-eżekuzzjoni tinbeda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-argument tar-Rumanija, li t-tul tal-ksur invokat mill-Kummissjoni jiddependi mill-metodu jew mill-volum ta’ xogħol tad-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan it-tul huwa imputabbli biss lill-aġir tal-Istat Membru kkonċernat, li naqas milli jimplimenta s-sentenza kkonċernata fl-intier tagħha, b’tali mod li dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
69 |
Fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-PDG ta’ dan tal-aħħar bħala fattur predominanti, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż istituzzjonali tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD ta’ dan l-Istat Membru, kif din tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punti 107 u 116). |
70 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, kif tipproponi l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq li tiffissa ammont għal kull landfill u għal kull jum ta’ dewmien, sabiex ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress magħmul mir-Rumanija fl-għeluq tal-landfills ikkonċernati. |
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑Artikolu 260(2) TFUE, hemm lok li r-Rumanija tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 600 għal kull landfill u għal kull jum ta’ dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza u sad-data tal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija. |
Fuq is-somma f’daqqa
L-argumenti tal-partijiet
72 |
Il-Kummissjoni tafferma li kull dewmien tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrappreżenta ksur gravi tal-prinċipju ta’ legalità u ta’ ċertezza legali f’Unjoni bbażata fuq l-Istat tad-dritt. |
73 |
F’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, il-kundanna tar-Rumanija għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija ġġustifikata mill-perikolu li jirrappreżentaw il-landfills ikkonċernati għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll min-neċessità li tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni. |
74 |
Fir-rigward tal-ammont tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi applikat għall-ammont fiss ta’ bażi uniformi ta’ EUR 895, previst mill-komunikazzjonijiet imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-istess koeffiċjent ta’ gravità u l-istess fattur “n” bħal dawk użati għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, filwaqt li t-tul tal-ksur, min-naħa tiegħu, huwa meħud inkunsiderazzjoni bl-iffissar ta’ ammont għal kull jum immultiplikat bin-numru ta’ jiem ta’ persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
75 |
B’hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Rumanija tħallas somma f’daqqa għal kull jum ta’ EUR 3 311.50, immultiplikata bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew mill-jum ta’ wara l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija sad-data li fiha r-Rumanija tkun ħadet il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza jew, fin-nuqqas, sad-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, sakemm tkun inqabżet is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 1643000. L-iffissar ta’ somma f’daqqa minima huwa ġġustifikat min-neċessità li tiġi imposta sanzjoni reali u dissważiva f’kull każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
76 |
Ir-Rumanija tqis, essenzjalment għall-istess raġunijiet bħal dawk li hija invokat fir-rigward tat-talba għal pagamenti ta’ penalità, li għandu jitnaqqas l-ammont tas-somma f’daqqa mitluba mill-Kummissjoni. Hija ssostni wkoll li t-talba għall-iffissar ta’ somma f’daqqa minima għandha tiġi miċħuda, peress li din is-somma ma tiħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-ksur issanzjonat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
77 |
Preliminarjament għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja, (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-eventwali ammont ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ inkwistjoni, jibqgħu jiddependu mill-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan tal-aħħar jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar jekk tali sanzjoni tiġix imposta u sabiex tiddetermina, jekk ikun il-każ, l-ammont tagħha (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
F’dan il-każ, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-elementi li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat minn din is-sentenza jiġġustifikaw, fid-dawl tal-fatt li dawn l-elementi jippreżentaw perikolu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, u fid-dawl tan-neċessità li tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni, l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva, bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑626/16, EU:C:2018:525, punt 99). |
80 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
81 |
Iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 59 sa 69 ta’ din is-sentenza, li jikkonċernaw il-gravità u t-tul tal-ksur, kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronickel), C‑51/20, EU:C:2022:36, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tiġi imposta somma f’daqqa li tammonta għal EUR 1500000. |
83 |
Konsegwentement, ir-Rumanija għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 1500000. |
Fuq l-ispejjeż
84 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Rumanija għall-ispejjeż u peress li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġie kkonstatat, hemm lok li dan l-Istat Membru jiġi kkundannat għall-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.