SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Jannar 2023 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 3(1)(a) u (c) – Kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha – Kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali – Imprenditur indipendenti li jaħdem abbażi ta’ kuntratt għal xogħlijiet – Terminazzjoni u nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt – Libertà li tintgħażel parti kontraenti”

Fil-Kawża C‑356/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għall-Belt Kapitali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

J. K.

vs

TP S.A.

fil-preżenza ta’:

PTPA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Mejju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal J. K., minn P. Knut, adwokat, R. Oyarzabal Arigita, abogada, u B. Van Vooren, advocaat,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, E. Borawska-Kędzierska u A. Siwek-Ślusarek, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Portugiż, minn C. Alves, P. Barros da Costa u A. Pimenta, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) u (c), kif ukoll l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa, J. K. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) u, min-naħa l-oħra TP S.A. dwar talba għal kumpens għad-dannu li jirriżulta mir-rifjut ta’ din il-kumpannija li ġġedded il-kuntratt għal xogħlijiet li hija kienet ikkonkludiet mar-rikorrent għal raġuni bbażata, skont dan tal-aħħar, fuq l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 9, 11 u 12 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedu:

“(9)

L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[…]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. Din il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandha wkoll tapplika għal ċittadini ta’ pajjizi terzi imma ma tkoprix id-differenzi ta’ trattament ibbażati fuq ċittadinanza u ma tippreġudikax d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess tagħhom għall-impjieg u x-xogħol.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 5 tiegħu jipprevedi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

6

L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu jipprevedi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

7

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Is-Sanzjonijiet”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kumissjoni dwar dawk id-disposizzjonijet sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’ kull emenda sussegwenti li taffettwahom.”

Id‑dritt Pollakk

8

L-Artikolu 4 tal-ustawa o wdrożeniu niektórych przepisów Unii Europejskiej w zakresie równego traktowania (il-Liġi dwar l-Implimentazzjoni ta’ Ċerti Dispożizzjonijiet tad-Dritt tal-Unjoni dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tat‑3 ta’ Diċembru 2010 (Dz. U. Nru 254, pożizzjoni 1700), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal-2016, pożizzjoni 1219) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament”) jipprevedi:

“Din il-liġi tapplika għal:

[…]

(2) il-kundizzjonijiet sabiex jinbdew u jissoktaw attivitajiet ekonomiċi u professjonali, inklużi b’mod partikolari dawk fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew xogħol imwettqa b’kuntratt skont id-dritt ċivili.

[…]”

9

L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Din il-liġi ma tapplikax għall-:

[…]

(3) għażla [libera] tal-partijiet kontraenti, sakemm din l-għażla ma tkunx ibbażata fuq is-sess, ir-razza, l-oriġini etnika jew in-nazzjonalità;

[…]”

10

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi:

“L-inugwaljanza fit-trattament ta’ individwi abbażi ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, reliġjon, fidi, twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali għandha tkun ipprojbita fir-rigward ta’:

[…]

(2) il-kundizzjonijiet sabiex jinbdew u jissoktaw attivitajiet ekonomiċi u professjonali, inklużi b’mod partikolari dawk fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew xogħol imwettqa b’kuntratt skont id-dritt ċivili.”

11

L-Artikolu 13 tal-istess liġi jistipula:

“1.   Kull persuna li fir-rigward tagħha kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha jkollha d-dritt għal kumpens.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-[ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), tat-23 ta’ April 1964], […] japplika fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

Bejn is-sena 2010 u s-sena 2017, ir-rikorrent ikkonkluda, fil-kuntest tal-attività ekonomika indipendenti tiegħu, serje ta’ kuntratti ta’ negozju konsekuttivi għal żmien qasir ma’ TP, kumpannija li topera stazzjon tat-televiżjoni pubbliku fuq skala nazzjonali fil-Polonja u li l-azzjonist uniku tagħha huwa t-Teżor Pubbliku.

13

Abbażi ta’ dawn il-kuntratti, ir-rikorrent żgura perijodi ta’ servizz ta’ kull ġimgħa fi ħdan ir-redazzjoni tar-reġija u l-promozzjoni tal-Kanal 1 ta’ TP, li matulhom huwa pprepara montaġġi awdjoviżivi, trailers jew dokumentarji ta’ attwalità ta’ TP. W.S., id-direttur tar-redazzjoni tar-reġija u tal-promozzjoni ta’ dan il-Kanal 1, kif ukoll is-supervisur dirett tar-rikorrent, qassam il-perijodi ta’ servizz bejn dan tal-aħħar u ġurnalist ieħor li jeżerċita l-istess attivitajiet bħalu, b’tali mod li kull wieħed minnhom kien iwettaq żewġ perijodi ta’ servizz ta’ kull ġimgħa fix-xahar.

14

Mix-xahar ta’ Awwissu 2017, ġiet prevista riorganizzazzjoni tal-istrutturi interni ta’ TP, li fil-kuntest tagħha l-kompiti tar-rikorrent kellhom jiġu ttrasferiti lil unità ġdida, jiġifieri l-aġenzija għall-kreazzjoni, ir-reġija u r-reklamar.

15

Waqt laqgħa ta’ xogħol li nżammet lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2017, ġie indikat li r-rikorrent kien fost il-kollaboraturi evalwati b’suċċess fid-dawl ta’ din ir-riorganizzazzjoni.

16

Fl‑20 ta’ Novembru 2017, ġie konkluż kuntratt għal xogħlijiet ġdid bejn ir-rikorrent u TP għal tul ta’ xahar.

17

Fid‑29 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent irċieva l-iskeda ta’ xogħol tiegħu għax-xahar ta’ Diċembru 2017, li kien jipprevedi żewġ perijodi ta’ servizz fil-ġimgħa li bdew, rispettivament, fis‑7 u fil‑21 ta’ Diċembru 2017.

18

Fl‑4 ta’ Diċembru 2017 ir-rikorrent u s-sieħeb tiegħu xandru video mużikali dwar il-Milied, fuq il-kanal YouTube tagħhom, bil-għan li jippromwovi t-tolleranza għal koppji magħmula minn persuni tal-istess sess. Dan il-video, intitolat “Pokochaj nas w święta” (“Ħobbuna, fi żmien il-Milied”), kien juri ċ-ċelebrazzjoni tal-festi tal-Milied minn koppji ta’ persuni tal-istess sess.

19

Fis‑6 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent irċieva posta elettronika mingħand W.S. li informatu bl-annullament tal-perijodu ta’ servizz tiegħu ta’ kull ġimgħa li kellu jibda fis‑7 ta’ Diċembru 2017.

20

Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, W.S. indikat lir-rikorrent li ma kienx għadu previst li jwettaq il-perijodu ta’ servizz fil-ġimgħa li kellu jibda fil‑21 ta’ Diċembru 2017.

21

Għalhekk, ir-rikorrent ma wettaq ebda perijodu ta’ servizz matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017 u, sussegwentement, ebda kuntratt għal xogħlijiet ġdid ma ġie konkluż bejnu u TP.

22

Ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għall-Belt Kapitali ta’ Varsavja, f’Varsavja, il-Polonja), intiża sabiex TP tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ PLN 47 924.92 (madwar EUR 10130), flimkien mal-interessi moratorji legali bħala kumpens għad-danni kif ukoll għad-dannu morali li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika mwettqa taħt kuntratt irregolat mid-dritt ċivili.

23

Insostenn tal-imsemmi rikors, ir-rikorrent isostni li huwa kien vittma ta’ tali diskriminazzjoni, peress li l-kawża probabbli tal-annullament tal-perijodi ta’ servizz imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza u tat-terminazzjoni tal-kollaborazzjoni tiegħu ma’ TP kienet ix-xandir tal-video msemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza.

24

TP titlob li r-rikors jiġi miċħud, filwaqt li ssostni b’mod partikolari li l-liġi ma kinitx tiggarantixxi t-tiġdid tal-kuntratt għal xogħlijiet li hija kienet ikkonkludiet mar-rikorrent.

25

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi u, għaldaqstant, mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, mogħtija mid-Direttiva 2000/78, l-għażla libera tal-parti kontraenti, biss sakemm din l-għażla ma tkunx ibbażata fuq is-sess, ir-razza, l-oriġini etnika jew in-nazzjonalità.

26

Din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78 li jiggarantixxi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-orjentazzjoni sesswali, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha jew għax-xogħol, inklużi l-kriterji ta’ selezzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol.

27

Fl-ewwel lok, l-imsemmija qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-attività indipendenti tar-rikorrent tistax tiġi kklassifikata bħala “xogħol ta’ min jaħdem għal rasu”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1)(a).

28

Fit-tieni lok, hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata bħala li għandha l-għan li tiżgura protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kriterju tal-orjentazzjoni sesswali anki f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li r-rifjut li jiġi konkluż kuntratt ma’ ħaddiem li jaħdem għal rasu unikament minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jidher li huwa manifestazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attivitajiet għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Śródmieścia, f’Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva[2000/78], għandu jinftiehem fis-sens li jippermetti l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, u konsegwentement ukoll l-esklużjoni mill-applikazzjoni tas-sanzjonijiet introdotti fid-dritt nazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, tal-libertà ta’ għażla tal-parti kontraenti, sa fejn din ma tkunx ibbażata fuq sess, razza, etniċità jew nazzjonalità, f’sitwazzjoni fejn diskriminazzjoni timmanifesta ruħha permezz ta’ rifjut li jiġi konkluż kuntratt taħt id-dritt ċivili li fuq il-bażi tiegħu jiġi pprovdut xogħol minn persuna fiżika li twettaq attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, fejn il-premessa għal dan ir-rifjut tkun l-orjentazzjoni sesswali tal-parti kontraenti potenzjali?”

Fuq id‑domanda preliminari

30

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li permezz tar-riferiment għall-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq sempliċement tenfasizza li, f’każ ta’ applikabbiltà, fil-kawża prinċipali, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) ta’ din id-direttiva, dan l-Artikolu 17, u, konsegwentement, is-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali b’eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, għandhom japplikaw ukoll. F’dan ir-rigward, din id-domanda ma teħtieġx interpretazzjoni partikolari tal-imsemmi Artikolu 17.

31

Fil-fatt, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li teskludi, abbażi tal-għażla libera tal-parti kontraenti, mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni li għandha tingħata skont din id-direttiva, ir-rifjut, ibbażat fuq l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, li tikkonkludi jew li ġġedded kuntratt ma’ din tal-aħħar, li jkollu l-għan tat-twettiq, minn din il-persuna, ta’ ċerti prestazzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha.

32

Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

Fuq l‑Artikolu 3(1)(a) tad‑Direttiva 2000/78

33

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, din tapplika, “[f]il-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni”.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2000/78 ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor”. Issa, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2000/78 ma tiddefinixxix it-termini “kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor”, dawn għandhom jiġu interpretati konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li mill-użu konġunt tal-kliem “impjieg”, “xogħol għal rasu” u “xogħol” jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal kull attività professjonali, tkun xi tkun in-natura u l-karatteristiċi tagħha, jaqgħu taħt l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, dawn it-termini għandhom jinftiehmu f’sens wiesa’, kif jirriżulta minn paragun tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni u tal-użu fihom ta’ espressjonijiet ġenerali, bħal, minn naħa, fir-rigward tal-kunċett ta’ “xogħol ta’ min jaħdem għal rasu”, “actividad por cuenta propia”, “selvstændig erhvervsvirksomhed”, “selbständiger Erwerbstätigkeit”, “self-employment”, “arbeid […] als zelfstandige” u “pracy na własny rachunek” kif ukoll, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kunċett ta’ “xogħol”“ejercicio profesional”, “erhvervsmæssig beskæftigelse”, “unselbständiger Erwerbstätigkeit”, “occupation”, “beroep” u “zatrudnienia”, rispettivament bil-lingwa Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Ingliża, Olandiża u Pollakka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 27).

37

B’hekk, minbarra l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi espressament l-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha, mill-kliem “impjieg” u “xogħol”, mifhuma fis-sens normali tagħhom, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għall-pożizzjonijiet okkupati minn “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Ir-redazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 tikkonferma li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex limitat biss għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-pożizzjonijiet okkupati minn “ħaddiema”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, peress li, skont din il-formulazzjoni, din id-direttiva tapplika għall-“persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi […] tkun xi tkun il-fergħa ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 29).

39

L-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 hija kkonfermata mill-għanijiet tagħha, li minnhom jirriżulta li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor”, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma jistax ikun suġġett għal interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK vs Danmark u HKv s Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/78 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 13 KE li, wara modifika, sar l-Artikolu 19(1) TFUE, li jagħti lill-Unjoni kompetenza sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġġieled kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, fost oħrajn, fuq l-orjentazzjoni sesswali (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 35).

41

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, u kif jirriżulta kemm mit-titolu u l-preambolu u kif ukoll mill-kontenut u l-iskop tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq l-orjentazzjoni sesswali għal dak li jikkonċerna “l-impjieg u x-xogħol”, sabiex jiġi implimentat, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi kull persuna tingħata protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq din ir-raġuni (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

B’mod partikolari, il-premessa 9 tal-imsemmija direttiva tenfasizza li l-impjieg u x-xogħol jikkostitwixxu elementi essenzjali sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għal kulħadd u jikkontribwixxu fuq skala kbira għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom. F’dan is-sens ukoll, il-premessa 11 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat FUE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ impjieg u protezzjoni soċjali, li jogħlew il-livell tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali, is-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni (sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C-507/18, EU:C:2020:289, punt 37).

43

Għalhekk, id-Direttiva 2000/78 ma hijiex att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni bħal dawk, b’mod partikolari bbażati fuq l-Artikolu 153(2) TFUE, li jirrigwardaw biss il-protezzjoni tal-ħaddiema bħala l-parti l-iktar dgħajfa ta’ relazzjoni ta’ xogħol, iżda għandha bħala għan l-eliminazzjoni, għal raġunijiet ta’ interessi soċjali u pubbliċi, tal-ostakoli kollha bbażati fuq raġunijiet diskriminatorji għall-aċċess għall-mezzi tal-għajxien u għall-kapaċità li wieħed jikkontribwixxi għas-soċjetà permezz tax-xogħol, tkun xi tkun il-forma legali li abbażi tagħha dan ix-xogħol jiġi pprovdut (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għalkemm id-Direttiva 2000/78 hija intiża sabiex tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet tax-xogħol, inklużi dawk imwettqa minn persuni li jaħdmu għal rashom sabiex jiżguraw is-sussistenza tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u dawk li jikkonsistu fis-sempliċi provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi lil destinatarju wieħed jew iktar, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

45

Għaldaqstant, sabiex attivitajiet tax-xogħol jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jeħtieġ li dawn l-attivitajiet ikunu reali u jiġu eżerċitati fil-kuntest ta’ relazzjoni ġuridika kkaratterizzata minn ċerta stabbiltà.

46

F’dan il-każ, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-attività eżerċitata mir-rikorrent tissodisfax dan il-kriterju, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent ipprepara personalment, abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet konsekuttivi għal żmien qasir, konklużi fil-kuntest tal-attività ekonomika indipendenti tiegħu, montaġġi awdjoviżivi, trailers jew dokumentarji ta’ attwalità u l-promozzjoni tal-Kanal 1 ta’ TP. It-tieni, minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li r-rikorrent kien jiddependi, fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, mit-tqassim tal-perijodi ta’ servizz ta’ kull ġimgħa mwettaq minn W.S. u li reċentement kien għadu kemm ġie evalwat b’suċċess fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni tal-istrutturi interni ta’ TP.

47

Issa, peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-attività eżerċitata mir-rikorrent tikkostitwixxi attività professjonali reali u effettiva, eżerċitata personalment b’mod regolari għall-benefiċċju tal-istess destinatarju, li tippermettilu jaċċedi, kompletament jew parzjalment, għal mezzi ta’ għajxien, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal tali attività jaqgħux taħt l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 ma jiddependix mill-klassifikazzjoni ta’ din l-attività bħala “impjegat” jew “persuna li taħdem għal rasha”, il-portata ta’ din id-dispożizzjoni u, għalhekk, dik ta’ din id-direttiva għandha tinftiehem f’sens wiesa’, kif ġie nnotat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

48

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-konklużjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ aċċess” għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, il-Gvern Pollakk sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, li r-rikorrent kien diġà eżerċita b’mod sħiħ id-dritt tiegħu ta’ aċċess għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li seta’ jkompli jeżerċitaha mingħajr xkiel, inkluż għall-benefiċċju ta’ destinatarji oħra li ma humiex TP, inkwantu din tal-aħħar ma kinitx tista’ tirrestrinġi dan id-dritt li jikkonċerna d-deċiżjoni stess li jeżerċita tali attività.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-frażi “kondizzjonijiet għall-aċċess” għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha tinkludi, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, ċirkustanzi jew fatti li l-eżistenza tagħhom għandha tiġi stabbilita b’mod obbligatorju sabiex persuna tkun tista’ teżerċita attività partikolari bħala persuna li taħdem għal rasha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI,C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 33).

50

Issa, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex persuna bħalma hu r-rikorrent tkun tista’ teżerċita l-attività professjonali tagħha b’mod effettiv, il-konklużjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet tikkostitwixxi ċirkustanza li l-eżistenza tagħha tista’ tkun imperattiva. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet għall-aċċess” għall-attivitajiet ta’ persuna li taħdem għal rasha, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, jista’ jinkludi l-konklużjoni ta’ kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

51

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rifjut li jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol ma’ parti kontraenti li jeżerċita attività ekonomika għal rasha għal raġunijiet marbuta mal-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-parti kontraenti jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, taħt dak ta’ din id-direttiva.

Fuq l‑Artikolu 3(1)(c) tad‑Direttiva 2000/78

52

Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, din għandha tapplika f’dak li jirrigwarda “[…]l-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

53

Fl-ewwel lok, għandu ċertament jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, dan l-Artikolu 3(1)(ċ) ma jagħmilx riferiment espress għall-“attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha”, iżda jirreferi biss għall-kundizzjonijiet “ta’ impjieg” u ta’ “xogħol”.

54

Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2000/78 ma tkoprix biss il-protezzjoni tal-ħaddiema bħala l-parti l-iktar dgħajfa ta’ relazzjoni ta’ xogħol, iżda għandha bħala għan l-eliminazzjoni, għal raġunijiet ta’ interessi soċjali u pubbliċi, tal-ostakoli kollha bbażati fuq motivi diskriminatorji għall-aċċess għall-mezzi ta’ għajxien u għall-kapaċità li jikkontribwixxu għas-soċjetà permezz tax-xogħol, tkun xi tkun il-forma ġuridika li permezz tagħha dan tal-aħħar jiġi pprovdut.

55

Minn dan isegwi li l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2000/78 ma tistax tiddependi fuq il-klassifikazzjoni formali ta’ relazzjoni ta’ impjieg fid-dritt nazzjonali jew fuq l-għażla magħmula waqt l-impenn tal-persuna kkonċernata bejn tip jew ieħor ta’ kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 69), peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, it-termini ta’ din id-direttiva għandhom jinftiehmu f’sens wiesa’.

56

Sa fejn, skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78, din tal-aħħar tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda “l-kondizzjonijiet għall-aċċess […] għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu”, l-għan imfittex minn din id-direttiva ma jistax jintlaħaq jekk il-protezzjoni mogħtija minnha kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, bħal, b’mod partikolari, l-orjentazzjoni sesswali, ma jidhirx li kien jippermetti li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali wara l-aċċess għal dawn l-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u, għalhekk, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u t-tmiem tal-imsemmija attivitajiet. Għaldaqstant, din il-protezzjoni testendi għar-relazzjoni professjonali kkonċernata kollha kemm hi.

57

Tali interpretazzjoni tissodisfa l-għan tad-Direttiva 2000/78 li jikkonsisti f’li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra diskriminazzjoni ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-orjentazzjoni sesswali fl-impjieg u fix-xogħol, b’tali mod li l-kunċetti li, fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jippreċiżaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, HK/Danmark u HK/Privat, C‑587/20, EU:C:2022:419, punt 51).

58

B’hekk, minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol” li jinsab fih ikopri, f’sens wiesa’, il-kundizzjonijiet applikabbli għal kull forma ta’ attività bħala persuna impjegata u bħala persuna li taħdem għal rasha, tkun xi tkun il-forma ġuridika li taħtha din tiġi eżerċitata.

59

Fit-tieni lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ta’ TP li ma tonorax u li ma ġġeddidx il-kuntratt għal xogħlijiet li hija kkonkludiet mar-rikorrent, li ttemm ir-relazzjoni professjonali tagħhom, għal raġunijiet allegatament marbuta mal-orjentazzjoni sesswali tal-persuna kkonċernata, taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

60

F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk isostni li, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-kontroparti kontraenti tiegħu, ħaddiem li jaħdem għal rasu ma huwiex marbut b’relazzjoni ta’ xogħol li fil-kuntest tagħha parti tista’ “tkeċċi” lill-oħra.

61

Huwa minnu li l-kunċett ta’ “tkeċċija” jirreferi, bħala regola ġenerali, għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn ħaddiem impjegat u min iħaddmu.

62

Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “tkeċċija” ma jinsabx fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 li bħala eżempju tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol”, u li jirreferi b’mod partikolari għall-waqfien unilaterali ta’ kull attività msemmija f’dan l-Artikolu 3(1)(a).

63

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat, b’mod partikolari, li, bħal fil-każ ta’ ħaddiem impjegat, li jista’ jitlef involontarjament l-impjieg imħallas tiegħu wara, b’mod partikolari, “tkeċċija”, persuna li tkun eżerċitat xogħol ta’ min jaħdem għal rasu tista’, hija wkoll, issib ruħha mġiegħla twaqqaf din l-attività minħabba l-kontroparti kontraenti tagħha u ssib ruħha, minħabba f’hekk, f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà paragunabbli għal dik ta’ ħaddiem impjegat imkeċċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Gusa, C‑442/16, EU:C:2017:1004, punt 43).

64

F’dan il-każ, TP annulla unilateralment il-perijodi ta’ servizz ta’ kull ġimgħa tar-rikorrent li bdew, rispettivament, fis‑7 u fil‑21 ta’ Diċembru 2017, u ebda kuntratt ġdid ta’ servizzi ma ġie konkluż bejn TP u r-rikorrent wara l-pubblikazzjoni online, minn dan tal-aħħar, tal-video msemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza.

65

Għalhekk, il-fatt li, fix-xahar ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent ma seta’ jwettaq ebda wieħed mill-perijodi ta’ servizz ta’ kull ġimgħa previsti mill-kuntratt għal xogħlijiet li huwa kien ikkonkluda ma’ TP jidher li jikkostitwixxi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, terminazzjoni involontarja ta’ xogħol ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu li jista’ jiġi assimilat ma’ tkeċċija ta’ ħaddiem impjegat, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-evalwazzjoni msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni ta’ TP li ma ġġeddidx dan il-kuntratt għal, minħabba, skont ir-rikorrent, l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, u b’hekk itemm ir-relazzjoni professjonali li teżisti bejniethom, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

Fuq l‑Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78

67

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża li tressqet quddiemha, b’mod partikolari tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament, li l-interpretazzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi tal-għażla libera tal-parti kontraenti, sakemm din l-għażla ma tkunx ibbażata fuq is-sess, ir-razza, l-oriġini etnika jew in-nazzjonalità, kif previst fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi, tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali tar-rikorrent.

68

Fil-każ li din il-qorti tikkonkludi li teżisti tali diskriminazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li din id-diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata, kif isostnu r-rikorrent u l-Gvern Belġjan, minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

69

Din id-direttiva ma għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

70

Meta adotta l-imsemmija dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li jipprevjeni u joffri medjazzjoni għal kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiżgura l-ordni pubbliku, is-sigurtà u s-saħħa pubblika, il-prevenzjoni ta’ reati kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, li huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika. Dan il-leġiżlatur iddeċieda li, f’ċerti każijiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipji stabbiliti minn din tal-aħħar ma japplikawx għal miżuri li jinkludu differenzi fit-trattament ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet hawn fuq imsemmija (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Cafaro, C-396/18, EU:C:2019:929, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Peress li dan l-Artikolu 2(5) jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, dan għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Cafaro, C‑396/18, EU:C:2019:929, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament, tikkostitwixxi miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(5).

73

Fit-tieni lok, l-imsemmi punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament jidher, a priori, ċertament, li għandu għan intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-istess Artikolu 2(5), b’mod iktar preċiż għall-protezzjoni tal-libertà kuntrattwali, billi jiggarantixxi l-libertà tal-għażla ta’ parti kontraenti, sakemm din l-għażla ma tkunx ibbażata fuq is-sess, ir-razza, l-oriġini etnika jew in-nazzjonalità.

74

Fil-fatt, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, intitolat “Il-libertà tal-intrapriża”, tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali kif ukoll il-kompetizzjoni libera u hija intiża, b’mod partikolari, għall-għażla libera tas-sieħeb ekonomiku (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Madankollu, il-libertà ta’ intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt stess li l-punt 3 tal-Artikolu 5tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament jipprevedi ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet għal-libertà li tintgħażel parti kontraenti jikkonferma li l-leġiżlatur Pollakk stess ikkunsidra li l-fatt li ssir diskriminazzjoni ma setax jitqies neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-libertà kuntrattwali f’soċjetà demokratika. Issa, xejn ma jippermetti li jitqies li s-sitwazzjoni tkun differenti skont jekk id-diskriminazzjoni kkonċernata tkunx ibbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali jew fuq waħda mir-raġunijiet l-oħra espressament imsemmija f’dan il-punt 3 tal-Artikolu 5.

77

Barra minn hekk, li jiġi aċċettat li l-libertà li jiġi konkluż kuntratt tippermetti li jiġi rrifjutat li jiġi konkluż kuntratt ma’ persuna minħabba l-orjentazzjoni sesswali ta’ din tal-aħħar iwassal sabiex l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu sa fejn din id-dispożizzjoni tipprojbixxi preċiżament kull diskriminazzjoni bbażata fuq tali raġuni fir-rigward tal-aċċess għall-attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament ma jistax jiġġustifika, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, esklużjoni mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, mogħtija mid-Direttiva 2000/78, meta din l-esklużjoni ma hijiex neċessarja, konformement mal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor f’soċjetà demokratika.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li teskludi, abbażi tal-għażla libera tal-parti kontraenti, mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni li għandha tingħata skont din id-direttiva, ir-rifjut, ibbażat fuq l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, li tikkonkludi jew li ġġedded kuntratt ma’ din tal-aħħar li għandu bħala għan it-twettiq, minn din il-persuna, ta’ ċerti prestazzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività indipendenti.

Fuq l‑ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1)(a) u (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li teskludi, abbażi tal-għażla libera tal-parti kontraenti, mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni li għandha tingħata skont din id-direttiva, ir-rifjut, ibbażat fuq l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna, li tikkonkludi jew li ġġedded, ma’ din tal-aħħar, kuntratt, li għandu bħala għan it-twettiq, minn din il-persuna, ta’ ċerti prestazzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività indipendenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

( i ) Fl-okkju ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.