SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolamenti (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 60(2) – Akkwist tal-oriġini tal-merkanzija – Regolament Delegat (UE) 2015/2446 – Artikoli 32 – Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi iktar minn pajjiż jew territorju wieħed – Anness 22‑01 – Regola primarja applikabbli għall-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 tas-sistema armonizzata – Kunċett ta’ ‘profili vojta’ – ‘Tubi fi stadju ta’ manifattura’ tal-azzar li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-sistema armonizzata, miksuba permezz ta’ fformar bis-sħana u li jippermettu l-produzzjoni ta’ tubi tal-azzar permezz ta’ fformar bil-kesħa, li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-sistema armonizzata – Validità tar-regola primarja”
Fil-Kawża C‑210/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura
Stappert Deutschland GmbH
vs
Hauptzollamt Hannover,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Għaxar Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: K. Hötzel, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Stappert Deutschland GmbH, minn K. H. Felderhoff, Rechtsanwalt, K. Harden, Rechtsanwältin, u H.-M. Wolffgang, Steuerberater, |
|
– |
għall-Hauptzollamt Hannover, minn T. Röper, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn B. Coene u Z.-Z. De Decker, bħala esperti, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, F. Moro u M. Salyková, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regola primarja applikabbli għall-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), prevista fl-Anness 22–01 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1063 tas‑16 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 192, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“regola primarja”), sa fejn din tinkludi kriterju speċifiku dwar il-“profili vojta tan-Nru 730449” (iktar ’il quddiem il-“kriterju dwar il-profili vojta”) u l-validità ta’ din ir-regola. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Stappert Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Stappert”) u l-Hauptzollamt Hannover (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hannover, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”) dwar l-akkwist tal-oriġini ta’ prodotti dritti vojta u ta’ ħxuna regolari li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
|
3 |
Is-SA ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru 25910 (1988)), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-noti ta’ spjega tas-SA saru fi ħdan il-WCO skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. |
|
4 |
Il-Kapitolu 72 tas-SA huwa intitolat “Ħadid fondut, ħadid u azzar”. |
|
5 |
In-noti ta’ spjega tas-SA dwar dan il-Kapitolu 72, li japplikaw mutatis mutandis għall-prodotti tal-Kapitolu 73 tas-SA, jistabbilixxu, taħt it-titolu “Kunsiderazzjonijiet ġenerali”: “[…] IV. Produzzjoni ta’ prodotti lesti In-nofs prodotti u, f’ċerti każijiet, l-ingotti, jiġu pproċessati iktar tard fi prodotti lesti. Dawn ġeneralment jiġu distinti fi prodotti ċatti (wisa’ ċatt, strixxi wesgħin, folji, strixxi) u prodotti twal (vireg tal-wajer, vireg, profili, wajers). Dawn it-trasformazzjonijiet jinkisbu, b’mod partikolari, permezz tad-deformazzjoni tal-plastik jew bis-sħana mill-ingotti jew nofs prodotti (irromblar bis-sħana, forġatura, tidwir bis-sħana) jew bil-kesħa mill-prodotti lesti bis-sħana (irromblar bil-kesħa, estrużjoni, trafilatura, tiġbid) eventwalment segwita, f’ċerti każijiet (pereżempju, vireg miksuba bil-kesħa permezz ta’ rettifikar, tidwir, kalibrazzjoni) b’operazzjonijiet ta’ tlestija. […] B. Deformazzjonijiet tal-plastik bil-kesħa […] Il-prodotti magħmula bil-kesħa jistgħu jiġu distinti minn dawk irromblati jew imdawra bis-sħana permezz tal-karatteristiċi li ġejjin:
|
|
6 |
Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 73 tagħha jindikaw: “[…] “Għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu:
|
|
7 |
In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7304 tas-SA tippreċiża: “It-tubi, il-pajpijiet u l-profili vojta ta’ din l-intestatura jistgħu jinkisbu permezz ta’ diversi proċessi: […] B) It-tidwir bis-sħana permezz tal-estrużjoni fi pressa, jew taħt il-ħġieġ (proċess UgineSéjournet), jew taħt lubrifikant ieħor, ta’ ċirku. Dan il-proċess jinkludi, fil-fatt, l-operazzjonijiet li ġejjin: it-tħaffir, l-espansjoni jew le u t-tidwir. L-operazzjonijiet iddefiniti hawn fuq għandhom jiġu segwiti b’operazzjonijiet ta’ rfinar:
[…] F’dak li jirrigwarda d-distinzjoni bejn it-tubi u l-pajpijiet, minn naħa, u l-profili vojta, min-naħa l-oħra, isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kapitolu. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Il‑Kodiċi Doganali
|
8 |
L-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, Vol. 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, Vol. 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), intitolat “Deċiżjonijiet marbutin ma’ informazzjoni vinkolanti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jieħdu deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (deċiżjonijiet BTI), jew deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (deċiżjonijiet BOI). […]” |
|
9 |
L-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “L-akkwiżizzjoni tal-oriġini” jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu: “Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.” |
|
10 |
L-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Id-delega tas-setgħa”, jipprovdi: “Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 284, li jistabbilixxu r-regoli li abbażi tagħhom il-merkanzija, li d-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tagħha hi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 59, tkun ikkunsidrata bħala ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew f’territorju wieħed jew li għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, tagħha, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura f’pajjiż jew territorju, skont l-Artikolu 60.” |
|
11 |
L-Artikolu 284 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “L-eżerċizzju tad-delega”, jippreċiża l-modalitajiet ta’ dan l-eżerċizzju. |
Ir‑Regolament Delegat 2015/2446
|
12 |
Fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat 2015/2446. |
|
13 |
Il-premessa 20 ta’ dan ir-regolament delegat tistipula: “Permezz tad-Deċiżjoni [tal-Kunsill] 94/800/KE [tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80)] il-Kunsill approva l-Ftehim dwar ir-Regoli ta’ Oriġini (WTO‑GATT 1994), anness mal-att finali ffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994. Il-Ftehim dwar ir-Regoli ta’ Oriġini jistipula li r-regoli speċifiċi għad-determinazzjoni tal-oriġini ta’ ċerti setturi ta’ prodotti għandhom l-ewwel nett ikunu bbażati fuq il-pajjiż fejn il-proċess tal-produzzjoni jkun wassal għal bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja. Huwa biss meta dak il-kriterju ma jippermettix li jiġi determinat il-pajjiż tal-aħħar trasformazzjoni sostanzjali li jistgħu jintużaw kriterji oħra, bħall-kriterju tal-valur miżjud jew id-determinazzjoni ta’ operazzjoni speċifika ta’ pproċessar. Meta wieħed jikkunsidra li l-Unjoni hija parti għal dak il-Ftehim huwa xieraq li fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jirriflettu dawk il-prinċipji stabbiliti f’dak il-Ftehim biex jiġi determinat il-pajjiż fejn il-merkanzija tkun għaddiet mill-aħħar trasformazzjoni sostanzjali tagħha.” |
|
14 |
L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament delegat, intitolat “Prodotti li l-produzzjoni tagħhom tinvolvi iktar minn pajjiż jew territorju wieħed (Artikolu 60(2) tal-Kodiċi [Doganali])”, jipprovdi: “Prodotti elenkati fl-Anness 22-01 għandhom jitqiesu li tkun saritilhom l-aħħar operazzjoni sostanzjali ta’ pproċessar jew xogħol, li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura, fil-pajjiż jew territorju fejn huma ssodisfati r-regoli stabbiliti f’dak l-Anness jew li huwa identifikat minn dawk ir-regoli.” |
|
15 |
L-Anness 22-01 tal-istess regolament delegat huwa intitolat “Noti introduttorji u lista ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ħidma sostanzjali li jagħtu oriġini mhux preferenzjali”. Dan l-anness jinkludi parti intitolata “Noti Introduttorji” li l-punti 2 u 3 tagħha huma fformulati kif ġej: “(2) Applikazzjoni tar-regoli f’dan l-Anness
[…] 3. Glossarju Ir-regoli primarji fuq livell tas-sottodiviżjoni, meta jkunu bbażati fuq bidla fil-klassifikazzjoni tariffarja, jistgħu jiġu espressi bl-użu tal-abbrevjazzjonijiet li ġejjin. […] CTH: bidla fl-intestatura inkwistjoni minn kwalunkwe intestatura oħra […]” |
|
16 |
Il-Kapitolu 73 tal-imsemmi anness huwa intitolat “Oġġetti tal-ħadid jew azzar”. Dan jinkludi b’mod partikolari “Regola residwa tal-Kapitolu” li hija fformulata kif ġej: “Meta l-pajjiż tal-oriġini ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni tar-regoli primarji, il-pajjiż tal-oriġini tal-oġġetti jkun il-pajjiż li fih oriġina l-ikbar porzjon tal-materjali, kif determinat abbażi tal-valur tal-materjali.” |
|
17 |
Dan il-Kapitolu 73 jinkludi tabella li tindika r-regoli primarji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat il-pajjiż jew it-territorju tal-oriġini tal-merkanzija msemmija fih u identifikata skont l-intestatura jew subintestatura tagħhom fis-SA, b’mod partikolari r-regola primarja applikabbli għall-pajpijiet u tubi miġbuda jew irromblati bil-kesħa, tal-azzar li ma jissaddadx mingħajr saldatura, ta’ sezzjoni ċirkolari li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 tas-SA. L-imsemmija tabella taqra kif ġej:
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
18 |
Fl‑20 ta’ Jannar 2016, Stappert, kumpannija kummerċjali tal-azzar, talbet lill-Uffiċċju Doganali BOI, konformement mal-Artikolu 33 tar-RegolamentNru 952/2013, bl-għan li timporta mill-Korea t’Isfel pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar inossidabbli li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA (iktar ’il quddiem it-“tubi kkonċernati”). Il-proċess ta’ produzzjoni tat-tubi huwa dan li ġej: fl-ewwel lok, ingotti tal-azzar massiv jiġu suġġetti għal trasformazzjoni fiċ-Ċina permezz ta’ deformazzjoni tal-plastik bis-sħana fi pressa (ifformar bis-sħana). In-nofs prodotti hekk miksuba (iktar ’il quddiem it-“tubi fi stadju ta’ manifattura”) jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA. Fit-tieni lok, it-tubi fi stadju ta’ manifattura jintbagħtu l-Korea t’Isfel sabiex jingħataw irromblar bil-kesħa u tiġbid sabiex jiġu fformati tubi. Skont Stappert, il-Korea t’Isfel għandha tiġi indikata bħala l-pajjiż tal-oriġini tat-tubi kkonċernati, skont l-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali. Dan ikollu bħala konsegwenza li ebda dazju antidumping ma jkollu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ta’ dawn it-tubi, li ma jkunx il-każ jekk il-pajjiż tal-oriġini jkun iċ-Ċina. |
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2017, l-Uffiċċju Doganali kkunsidra li t-tubi kellhom l-istess oriġini mhux preferenzjali bħat-tubi fi stadju ta’ manifattura, jiġifieri ċ-Ċina. Skont l-Uffiċċju Doganali, skont ir-regola primarja, l-oriġini tat-tubi kellha fil-fatt tiġi stabbilita skont il-pajjiż fejn ġew maħduma t-tubi fi stadju ta’ manifattura. |
|
20 |
Stappert ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni fejn sostniet li l-aħħar stadju ta’ trasformazzjoni sostanzjali, ekonomikament iġġustifikat, għandu jkun determinanti għall-akkwist tal-oriġini. Issa, f’dan il-każ, dan l-aħħar stadju twettaq fil-Korea t’Isfel. |
|
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2018, l-Uffiċċju Doganali ċaħad dan l-ilment. Skont dan tal-aħħar, minn naħa, ebda bidla tal-intestatura tariffarja ma sseħħ fil-Korea t’Isfel. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni Stappert, it-tubi fi stadju ta’ manifattura maħduma fiċ-Ċina ma jistgħux jitqiesu bħala “profili vojta” li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA, fis-sens tal-kriterju dwar il-profili vojta, li sussegwentement jiġu ttrasformati bil-kesħa fil-Korea t’Isfel. Skont l-Uffiċċju Doganali, il-kunċett ta’ “profili vojta” għandu jiġi interpretat skont in-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 73 tas-SA u minn dan jirriżulta li t-tubi fi stadju ta’ manifattura ma humiex “profili vojta”, iżda “tubi”. |
|
22 |
Stappert adixxiet lill-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), b’rikors intiż sabiex tikseb, prinċipalment, BOI li tikkonstata li l-Korea t’Isfel hija l-pajjiż tal-oriġini tat-tubi kkonċernati u, sussidjarjament, il-konstatazzjoni tal-illegalità tar-rifjut tal-Uffiċċju Doganali li jikkonstata din l-oriġini. |
|
23 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-kunċett ta’ “profili vojta”, fis-sens tar-regola primarja, ikoprix prodotti bħat-tubi fi stadju ta’ manifattura. |
|
24 |
Fl-ewwel lok, skont din il-qorti, il-portata ta’ dan il-kunċett ma tistax tiġi dedotta mill-oriġini tar-regola primarja, b’mod iktar partikolari b’riferiment għal dokumenti redatti fl-okkażjoni tan-negozjati li seħħew fil-qafas tal-programm ta’ xogħol fir-rigward tal-Ftehim dwar ir-Regoli ta’ Oriġini, imsemmi fil-premessa 20 tar-Regolament Delegat 2015/2446, li ma jippreċiżax x’għandu jinftiehem bi “profili vojta” li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA. |
|
25 |
Fit-tieni lok, skont il-qorti tar-rinviju, għandha tingħata preferenza lill-interpretazzjoni li tissodisfa bl-aħjar mod il-kriterji ta’ evalwazzjoni marbuta mal-oriġini u interpretazzjoni f’termini tariffarji ma għandhiex tmur kontra l-kriterji previsti fl-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali. |
|
26 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tindika li n-noti introduttorji tal-Anness 22–01 tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma jirreferux għan-noti ta’ spjega tas-SA. |
|
27 |
Fir-raba’ lok, din il-qorti tqis li l-proċess ta’ manifattura previst fir-regola primarja huwa dak deskritt b’mod partikolari fin-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 7304 tas-SA, li minnhom jista’ jiġi dedott li t-tubi rromblati jew imdawra bis-sħana jintużaw bħala prodotti intermedji, u għalhekk jikkorrispondu għal “profili vojta”, fis-sens tal-imsemmi kriterju. |
|
28 |
Fil-ħames lok, ma teżistix tassonomija uniformi għad-deskrizzjoni tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
29 |
Fis-sitt lok, jekk il-kunċett ta’ “profili vojta” kellu jiġi interpretat skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 73 tagħha, l-akkwist tal-oriġini jkun jiddependi biss mill-forma tal-materja, li għall-qorti tar-rinviju jidher li din tkun applikazzjoni arbitrarja tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali. |
|
30 |
Barra minn hekk, mill-premessa 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2093 tal‑15 ta’ Novembru 2017 li jtemm l-investigazzjoni dwar il-possibilità ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn importazzjonijiet mibgħuta mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u kemm jekk le, u li jtemm ir-reġistrazzjoni imposta fuq it-tali importazzjonijiet mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/272 (ĠU 2017, L 299, p. 1), jirriżulta li l-ifformar bil-kesħa jittrasforma sostanzjalment tubu jew pajp u jbiddel b’mod irriversibbli l-karatteristiċi essenzjali tiegħu, b’tali mod li d-dimensjonijiet tiegħu u l-proprjetajiet fiżiċi, mekkaniċi u metallurġiċi tiegħu jiġu mmodifikati, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-noti ta’ spjega tas-SA, li huma rilevanti għall-Kapitolu 73 tas-SA. |
|
31 |
Fis-seba’ lok, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li, fuq il-livell tekniku, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “profili vojta” abbażi tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 73 tas-SA ma għandha l-ebda interess fil-prattika. Fil-fatt, it-trasformazzjoni permezz ta’ fformar bil-kesħa ta’ profili vojta, fis-sens tad-definizzjoni li tinsab f’dawn in-noti ta’ spjega, minkejja li hija teknikament possibbli, twassal għal spejjeż projbittivi, b’tali mod li l-proċess ta’ manifattura tat-tubi l-iktar utli huwa t-trasformazzjoni bil-kesħa ta’ tubi prodotti bis-sħana. |
|
32 |
Fit-tmien lok, skont din il-qorti, il-prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA ma jistgħux jiġu ttrasformati kollha. Issa, it-tubi fi stadju ta’ manifattura huma prodotti li, min-naħa tagħhom, jistgħu jintużaw biss ladarba jiġu ttrasformati. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-materjal li minnu huma mmanifatturati tubi li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA ma kienx is-suġġett ta’ testijiet ta’ konformità b’riferiment għal standard industrijali dwar it-tubu u l-pajpijiet mingħajr saldaturi prodotti bis-sħana juri li dan il-materjal għandu neċessarjament ikun is-suġġett ta’ trasformazzjoni sussegwenti. |
|
33 |
Sussegwentement, fl-ipoteżi fejn l-oriġini tat-tubi kkonċernati ma għandhiex tiġi ddeterminata skont il-kriterju dwar il-profili vojta jew jekk jirriżulta impossibbli li tingħata risposta għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan il-kriterju huwiex invalidu minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ preċiżjoni jew l-inkompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali. |
|
34 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ipoteżi fejn ir-regola primarja kellha tiġi invalidata sa fejn tirrigwarda l-kriterju dwar il-profili vojta, liema regola tad-dritt tal-Unjoni għandha għalhekk tiġi applikata sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini tat-tubi kkonċernati. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
36 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regola primarja għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “profili vojta”, fis-sens ta’ din ir-regola, “tubu fi stadju ta’ manifattura” fformat bis-sħana, dritt u bi ħxuna tal-ġnub uniformi, li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ standard tekniku dwar it-tubi mingħajr saldaturi tal-azzar inossidabbli u li minnu huma mmanifatturati, permezz ta’ trasformazzjoni bil-kesħa, tubi ta’ sezzjoni trażversali u ta’ ħxuna tal-ġnub differenti, li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA. |
|
37 |
Skont ir-regola primarja, it-tubi, il-pajpijiet u l-profili vojta li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA jitqiesu li joriġinaw mill-pajjiż fejn ikunu ġew prodotti permezz ta’ tiġbid jew bi rromblar bil-kesħa (tnaqqis bil-kesħa) jekk ikunu ġew maħduma minn prodotti li jaqgħu taħt intestatura oħra tas-SA jew minn “profili vojta li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449” tas-SA. |
|
38 |
Mill-punt 2.1 tan-noti introduttivi tal-Anness 22–01 tar-Regolament Delegat 2015/2446 jirriżulta, minn naħa, li r-regoli stipulati f’dan l-anness għandhom jiġu applikati għall-merkanzija abbażi tal-klassifikazzjoni tagħhom fis-SA u ta’ kriterji oħra li jistgħu jiżdiedu mal-intestaturi jew mas-subintestaturi ta’ din is-sistema li nħolqu speċifikament għall-finijiet tal-imsemmi anness u, min-naħa l-oħra, li, sabiex tiġi ddeterminata l-intestatura jew is-subintestatura xierqa għal ċerta merkanzija msemmija fl-istess anness, ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA u kull nota dwar it-taqsimiet, il-kapitoli u s-subintestaturi ta’ din is-sistema japplikaw mutatis mutandis, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan l-Anness 22–01. |
|
39 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-intestaturi u tas-subintestaturi tas-SA, għandu jitfakkar li n-noti ta’ spjega tas-SA jipprovdu, bħala tali, elementi validi għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo, (C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 36). |
|
40 |
Skont il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 73 tagħha, li għalihom in-nota ta’ spjega dwar is-subintestatura 7304 tas-SA tirreferi b’mod espliċitu, il-prodotti vojta konċentriċi ta’ sezzjoni trażversali kostanti, b’daħla waħda magħluqa, fuq it-tul kollu tagħhom u li l-profili ta’ barra u ta’ ġewwa tagħhom għandhom l-istess forma, jikkostitwixxu “tubi u pajpijiet”, fis-sens tal-Kapitolu 73 tas-SA, filwaqt li l-prodotti vojta li ma jissodisfawx id-definizzjoni ta’ tubi u pajpijiet u, b’mod partikolari, dawk li l-profili ta’ barra u ta’ ġewwa tagħhom ma għandhomx l-istess forma, jikkostitwixxu “profili vojta”. |
|
41 |
Mill-banda l-oħra, il-kunċett ta’ “tubu fi stadju ta’ manifattura” ma jissemmiex fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali msemmija fil-punt preċedenti. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola primarja, prodotti kklassifikati bħala “tubi fi stadju ta’ manifattura” jikkostitwixxu “tubi u pajpijiet” jew “profili vojta”, fis-sens tal-Kapitolu 73 tas-SA. |
|
42 |
Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tubi kkonċernati, li Stappert tipprevedi li timporta, inkisbu minn tubi fi stadju ta’ manifattura li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tubu u pajp”, fis-sens tan-noti ta’ spjega dwar il-Kapitolu 73 tas-SA, kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari sa fejn huma deskritti bħala li huma dritti u bi ħxuna tal-ġnub uniformi. |
|
43 |
Bħala tali, dawn it-tubi fi stadju ta’ manifattura ma jistgħux għalhekk jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “profili vojta”, fis-sens tal-Kapitolu 73 tas-SA jew tar-regola primarja. |
|
44 |
Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li mid-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “profili vojta” u ta’ “tubu” jew “pajp” imfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza bl-ebda mod ma jirriżulta li l-prodotti hekk previsti għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ standard tekniku sabiex ikunu jistgħu jaqgħu taħt dawn il-kunċetti. |
|
45 |
Barra minn hekk, il-fatt li b’mod partikolari n-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7304 tas-SA tiddeskrivi proċess ta’ produzzjoni ta’ tubi permezz ta’ trasformazzjoni bil-kesħa minn tubi rromblati jew imdawra bis-sħana użati bħala tubi fi stadju ta’ manifattura, mingħajr ma ssemmi l-produzzjoni ta’ tubi jew ta’ pajpijiet minn profili vojta, ma jfissirx neċessarjament li din il-produzzjoni tal-aħħar ma hijiex possibbli, peress li din in-nota ta’ spjega tippreċiża, barra minn hekk, li t-tubi, il-pajpijiet u l-profili vojta tal-intestatura 7304 tas-SA “jistgħu jinkisbu permezz ta’ diversi proċessi”. |
|
46 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “profili vojta” msemmi fir-regola primarja f’sens konformi mal-indikazzjonijiet li jinsabu fin-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 73 tagħha hija ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-validità ta’ din ir-regola, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali. |
|
47 |
Ċertament, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqegħidx inkwistjoni l-validità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 53 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Madankollu, interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fir-regoli primarji li tmur lil hinn mill-portata tagħhom fis-sens tas-SA tippreġudika l-koerenza interna tar-Regolament Delegat 2015/2446 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑862/19 P, EU:C:2021:493, punt 52). |
|
49 |
Minn dan isegwi li għall-ewwel domanda hemm lok li tingħata r-risposta li r-regola primarja għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “profili vojta”, fis-sens ta’ din ir-regola, “tubu fi stadju ta’ manifattura” fformat bis-sħana, dritt u bi ħxuna tal-ġnub uniformi, li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ standard tekniku dwar tubi mingħajr saldaturi tal-azzar inossidabbli maħduma bis-sħana, u li minnu huma mmanifatturati, permezz ta’ trasformazzjoni bil-kesħa, tubi ta’ sezzjoni trażversali u ta’ ħxuna tal-ġnub differenti, li jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA. |
Fuq it‑tieni domanda
|
50 |
It-tieni domanda tirrigwarda l-validità tal-kriterju dwar il-profili vojta minħabba l-esklużjoni tal-akkwist tal-oriġini tal-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 tas-SA miksuba bi proċess ta’ kesħa minn tubi u pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA. Madankollu, dan il-kriterju jikkostitwixxi biss wieħed minn żewġ kriterji alternattivi tar-regola primarja, u dawn iż-żewġ kriterji jeskludu tali akkwist tal-oriġini għal din il-merkanzija. |
|
51 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tiddeċiedi dwar il-validità tar-regola primarja fid-dawl tal-Artikolu 290 TFUE, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali. |
|
52 |
Għandu jiġi rrilevat, b’mod preliminari, li, skont l-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu r-regoli li skonthom il-merkanzija titqies li għaddiet mill-aħħar trasformazzjoni jew xogħol sostanzjali, ekonomikament iġġustifikat, imwettaq f’impriża mgħammra għal dan l-għan u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jikkorrispondi għal stadju importanti tal-manifattura f’pajjiż jew territorju partikolari, skont l-Artikolu 60 ta’ dan il-kodiċi. Dawn l-atti għandhom l-għan li jippreċiżaw il-mod kif il-kriterji astratti stipulati f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandhom jiġu interpretati u applikati f’sitwazzjonijiet konkreti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK, (C‑209/20, EU:C:2021:400, punt 33). |
|
53 |
Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa tal-Kummissjoni huwa suġġett, hekk kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK,C‑209/20, EU:C:2021:400, punt 34). L-għanijiet imfittxija minn regolament delegat għandhom ikunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-adozzjoni tiegħu, dan ir-regolament għandu jissodisfa r-rekwiżit ta’ motivazzjoni impost fuq tali att u l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tal-prodotti li għalihom japplika l-imsemmi regolament ma għandhomx ikunu vvizzjati bi żball ta’ liġi jew bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK,C‑209/20, EU:C:2021:400, punti 40 u 42). |
|
54 |
Fil-fatt, din l-oriġini għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi ddeterminata skont il-kriterju determinanti li jikkostitwixxi l-“aħħar trasformazzjoni jew xogħol sostanzjali” tal-merkanzija kkonċernata. Din l-espressjoni għandha hija stess tinftiehem bħala li tirreferi għall-istadju tal-proċess ta’ produzzjoni li matulu din il-merkanzija tikseb id-destinazzjoni tagħha kif ukoll proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi, li ma kellhiex qabel u li, sussegwentement, ma tkunx mitluba ssostni bidla kwalitattiva sinjifikattiva (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK,C‑209/20, EU:C:2021:400, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
L-eżami ġudizzjarju tal-fondatezza ta’ dispożizzjoni ta’ att bħall-Anness 22–01 tar-Regolament Delegat 2015/2446 huwa intiż li jirrigwarda l-punt dwar jekk, indipendentement minn kull żball ta’ liġi, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta wettqet din l-implimentazzjoni tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Renesola UK,C‑209/20, EU:C:2021:400, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Minn dan isegwi li, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali għall-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali għal xogħol u trasformazzjonijiet speċifiċi, hija ma tistax, fl-assenza ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi, tadotta soluzzjonijiet kompletament differenti għal xogħlijiet u trasformazzjonijiet simili (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1983, Cousin et, 162/82, EU:C:1983:93, punt 21). |
|
57 |
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja previst fir-regola primarja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma huwiex biżżejjed li jiġu mfittxija l-kriterji li jiddefinixxu l-oriġini tal-merkanzija fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti ttrasformati, peress li t-tariffa doganali komuni kienet imfassla skont ir-rekwiżiti speċifiċi u mhux skont id-determinazzjoni tal-oriġini tal-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys (C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Minkejja li l-bidla tal-intestatura tariffarja ta’ merkanzija, bħala riżultat ta’ operazzjoni ta’ trasformazzjoni tagħha, tikkostitwixxi indikazzjoni tan-natura sostanzjali tat-trasformazzjoni jew tax-xogħol tagħha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li trasformazzjoni jew xogħol jista’ jkun ta’ natura sostanzjali anki fl-assenza ta’ tali bidla tal-intestatura. Il-kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja jkopri l-maġġoranza ta’ sitwazzjonijiet, iżda ma jippermettix li jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet kollha li fihom it-trasformazzjoni jew ix-xogħol tal-merkanzija huwa sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys,C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Huwa għalhekk li, sabiex tingħata l-oriġini tal-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura 730441 tas-SA, ir-regola primarja tipprevedi, minbarra l-kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja, il-kriterju tal-bidla minn profili vojta tas-subintestatura 730449 ta’ din is-sistema, li għandu l-għan li jikkompleta u jikkoreġi l-ewwel kriterju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1983, Cousin et, 162/82, EU:C:1983:93, punt 17). |
|
60 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-kriterju dwar il-profili vojta jistabbilixxi differenza fit-trattament. Fil-fatt, skont dan il-kriterju, l-ifformar bil-kesħa ta’ prodott li jaqa’ taħt is-subintestatura 730449 tas-SA li l-profili ta’ barra u ta’ ġewwa tiegħu ma għandhomx l-istess forma, li għalhekk jikkostitwixxi “profil vojt”, fis-sens tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 73 tagħha, fi prodott tal-istess forom iżda li l-proprjetajiet tiegħu huma differenti minħabba dan it-tip ta’ fformar, li jikkostitwixxi għalhekk ukoll “profil vojt”, fis-sens ta’ dawn l-istess noti, jiddetermina l-oriġini tal-prodott lest, u għalhekk dan tal-aħħar jitqies li jikkostitwixxi r-riżultat ta’ “trasformazzjoni jew xogħol sostanzjali”, fis-sens tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali. Mill-banda l-oħra, l-ifformar bil-kesħa ta’ prodott, li jaqa’ wkoll taħt is-subintestatura 730449 tas-SA, li jikkonsisti fi prodott vojt konċentriku li l-profili ta’ barra u ta’ ġewwa tiegħu għandhom l-istess forma, li jikkostitwixxi għalhekk “tubu” jew “pajp”, fis-sens tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 73 tagħha, fi prodott tal-istess forom iżda li l-proprjetajiet tiegħu huma wkoll differenti minħabba dan it-tip ta’ fformar, li għalhekk jikkostitwixxi “tubu jew pajp” ieħor, fis-sens ta’ dawn l-istess noti, ma jiddeterminax l-oriġini tal-prodott lest. Għalhekk, skont il-kriterju dwar il-profili vojta, huwa biss dan il-prodott tal-aħħar li jitqies li ma huwiex ir-riżultat ta’ trasformazzjoni sostanzjali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 60(2). |
|
61 |
Sa fejn il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni konvinċenti li tippermetti li tiġi spjegata oġġettivament din id-differenza fit-trattament bejn, minn naħa, tubi jew pajpijiet u, min-naħa l-oħra, profili vojta, li kollha kemm huma jaqgħu taħt is-subintestatura 730441 tas-SA u li nkisbu minn prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA, jidher kontradittorju u diskriminatorju li r-regola primarja tipprevedi li l-ifformar kiesaħ jista’ jiddetermina l-oriġini tal-profili vojta bl-użu ta’ kriterju alternattiv, meta l-istess tip ta’ fformar applikat għal tubi u pajpijiet jista’ jiddetermina l-oriġini tagħhom biss b’riferiment għal kriterju wieħed, li huwa sostanzjalment iktar sever (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1983, Cousin et, 162/82, EU:C:1983:93, punt 21). |
|
62 |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/2093, li t-tubi u l-pajpijiet huma suġġetti, minħabba l-ifformar bil-kesħa tagħhom, għal trasformazzjoni sostanzjali. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq l-osservazzjoni li dan l-ifformar iwassal għal modifiki irriversibbli fir-rigward tal-proprjetajiet fiżiċi, mekkaniċi u metallurġiċi tagħhom. Issa, tali bidliet jistgħu jiddeterminaw l-oriġini ta’ prodott, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. |
|
63 |
Barra minn hekk, l-allegazzjoni kuntrarja magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li l-ifformar bil-kesħa ma jbiddilx il-proprjetajiet metallurġiċi tat-tubi u tal-pajpijiet, ma hija bbażata fuq ebda bażi oġġettivament verifikabbli u tidher f’kull każ kontradetta mid-dikjarazzjonijiet li jinsabu fit-tieni paragrafu tal-punt IV B tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fin-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 72 tagħha. |
|
64 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn hija teskludi li l-bidla tal-intestatura tariffarja li tirriżulta mit-trasformazzjoni tat-tubi u pajpijiet li jaqgħu taħt is-subintestatura 730449 tas-SA għal tubi, pajpijiet, u profili vojta, mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, miġbuda jew irromblati bil-kesħa (imċekknin bil-kesħa) li jaqgħu taħt is-subintestatura Nru 730441 tas-SA tagħti lil dawn tal-aħħar in-natura ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż fejn seħħet din il-bidla, ir-regola primarja ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali, b’tali mod li, meta adottat din ir-regola, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
65 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li r-regola primarja hija invalida sa fejn teskludi li operazzjonijiet partikolari jagħtu lil prodott in-natura ta’ prodott li joriġina mill-pajjiż fejn saru dawn l-operazzjonijiet meta operazzjonijiet simili jiddeterminaw l-akkwist tal-oriġini għal prodotti simili (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1983, Cousin et, 162/82, EU:C:1983:93, punti 20 u 21). |
|
66 |
Minn dan jirriżulta li hemm lok li għat-tieni domanda tingħata r-risposta li r-regola primarja hija invalida, sa fejn hija teskludi li l-bidla tal-intestatura tariffarja li tirriżulta mit-trasformazzjoni tat-tubi u pajpijiet tas-subintestatura 730449 tas-SA għal tubi, pajpijiet, tubi u profili vojta, mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, miġbuda jew irromblati bil-kesħa (imċekknin bil-kesħa) tas-subintestatura 730441 tas-SA tagħti lil dawn tal-aħħar in-natura ta’ prodotti li joriġinaw mill-pajjiż fejn seħħet din il-bidla. |
Fuq it‑tielet domanda
|
67 |
It-tielet domanda hija bbażata fuq il-premessa li r-regola primarja hija invalida, tal-inqas fir-rigward tal-kriterju ta’ bidla tal-profili vojta tas-subintestatura 730449. Issa, mir-risposta għat-tieni domanda jirriżulta li dan il-kriterju tal-imsemmija regola huwa invalidu biss sa fejn jeskludi mid-determinazzjoni tal-oriġini ta’ prodott iffinalizzat tas-subintestatura 730441 tas-SA, il-bidla minn tubi u pajpijiet tas-subintestatura 730449 tas-SA, li jfisser li r-regola primarja tapplika wkoll għal tali bidla. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.