SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

Werrej

 

I. Il‑kuntest ġuridiku

 

A. Id‑dritt tal‑WTO

 

B. Id‑dritt tal‑Unjoni

 

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

 

IV. It‑talbiet tal‑partijiet

 

V. Fuq l‑appell

 

A. Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

 

1. Fuq il‑locus standi taċ‑CCCME f’isimha stess

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

2. Fuq is‑setgħa taċ‑CCCME li tirrappreżenta lill‑membri tagħha quddiem qorti

 

a) L‑argumenti tal-partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

3. Fuq ir‑regolarità tal‑mandati mogħtija mid‑disa’ appellanti l‑oħra lill‑avukati tagħhom

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

4. Konklużjonijiet dwar l‑ammissibbiltà tar‑rikorsi quddiem il‑Qorti Ġenerali

 

B. Fuq il‑mertu

 

1. Fuq l‑ewwel aggravju

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

1) Kunsiderazzjonijiet preliminari

 

2) Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju

 

3) Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju

 

2. Fuq it‑tieni aggravju

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

3. Fuq it‑tielet aggravju

 

a) Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet aggravju

 

1) L‑argumenti tal‑partijiet

 

2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

b) Fuq it‑tieni parti tat‑tielet aggravju

 

1) L‑argumenti tal‑partijiet

 

2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

4. Fuq ir‑raba’ aggravju

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

5. Fuq il‑ħames aggravju

 

a) Kunsiderazzjonijiet preliminari

 

b) Fuq l‑ewwel parti tal‑ħames aggravju

 

1) L‑argumenti tal‑partijiet

 

2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

Fuq l‑ispejjeż

“Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/140 – Importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja – Dazju antidumping definittiv – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi – Assoċjazzjoni li tirrappreżenta esportaturi – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 3(2), (3), (6) u (7) – Dannu – Kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet – Provi pożittivi – Eżami oġġettiv – Estrapolazzjoni – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni Ewropea – Prezzijiet iffatturati fi ħdan grupp – Rabta kawżali – Analiżi tad-dannu segment b’segment – Assenza – Artikolu 6(7) – Artikolu 20(2) u (4) – Drittijiet proċedurali”

Fil-Kawża C‑478/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑2 ta’ Awwissu 2021,

China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, stabbilita f’Bejing (iċ-Ċina),

Cangzhou Qinghong Foundry Co. Ltd, stabbilita f’Cangzhou City (iċ-Ċina),

Botou City Qinghong Foundry Co. Ltd, stabbilita f’Botou City (iċ-Ċina),

Lingshou County Boyuan Foundry Co. Ltd, stabbilita f’Sanshengyuan Town (iċ-Ċina),

Handan Qunshan Foundry Co. Ltd, stabbilita f’Xiaozhai Town (iċ-Ċina),

Heping Cast Co. Ltd Yi County, stabbilita f’Liang Village (iċ-Ċina),

Hong Guang Handan Cast Foundry Co. Ltd, stabbilita f’Xiaozhai Town,

Shanxi Yuansheng Casting and Forging Industrial Co. Ltd, stabbilita f’Shenshan (iċ-Ċina),

Botou City Wangwu Town Tianlong Casting Factory, stabbilita f’Wangwu Town (iċ-Ċina),

Tangxian Hongyue Machinery Accessory Foundry Co. Ltd, stabbilita f’Beiluo Town (iċ-Ċina),

irrappreżentati minn R. Antonini, avvocato, B. Maniatis u E. Monard, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn T. Maxian Rusche u P. Němečková, sussegwentement minn K. Blanck, P. Němečková u T. Maxian Rusche, u fl-aħħar nett minn T. Maxian Rusche u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

EJ Picardie, stabbilita f’Saint-Crépin Ibouvillers (Franza),

Fondatel Lecomte, stabbilita f’Andenne (il-Belġju),

Fonderies Dechaumont, stabbilita f’Muret (Franza),

Fundiciones de Ódena SA, stabbilita f’Ódena (Spanja),

Heinrich Meier Eisengießerei GmbH & Co. KG, stabbilita f’Rahden (il-Ġermanja),

Saint-Gobain Construction Products UK Ltd, stabbilita f’East Leake (ir-Renju Unit),

Saint-Gobain PAM Canalisation, li kienet Saint-Gobain PAM, stabbilita f’Pont-à-Mousson (Franza),

Ulefos Oy, stabbilita f’Vantaa (il-Finlandja),

irrappreżentati inizjalment minn M. Hommé u B. O’Connor, avocats, sussegwentement minn M. Hommé, B. O’Connor, avocats, u U. O’Dwyer, solicitor,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, iċ-China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-Importazzjoni u għall-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u ta’ Prodotti Elettroniċi, iktar ’il quddiem iċ-“CCCME”), kif ukoll Cangzhou Qinghong Foundry Co. Ltd, Botou City Qinghong Foundry Co. Ltd, Lingshou County Boyuan Foundry Co. Ltd, Handan Qunshan Foundry Co. Ltd, Heping Cast Co. Ltd Yi County, Hong Guang Handan Cast Foundry Co. Ltd, Shanxi Yuansheng Casting and Forging Industrial Co. Ltd, Botou City Wangwu Town Tianlong Casting Factory u Tangxian Hongyue Machinery Accessory Foundry Co. Ltd (iktar ’il quddiem id-“disa’ appellanti l-oħra”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni (T‑254/18, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:278), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/140 tad‑29 ta’ Jannar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fl-Indja (ĠU 2018, L 25, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), sa fejn dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jikkonċernahom.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑WTO

2

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fosthom il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”).

3

L-Artikolu 3.1 tal-Ftehim antidumping jipprevedi:

“Determinażżjoni ta’ ħsara għar-raġunijiet ta’ l-Artikolu VI tal-[Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal‑1994] għandha tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva fuq kemm (a) il-volum ta’ l-importazzjoni ddampjata u l-effett ta’ l-istess importazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq domestiku, kif ukoll (b) l-impatt konsegwenti li jkollha din l-importazzjoni fuq il-produtturi domestiċi ta’ dawn il-prodotti.”

4

L-Artikolu 6.11 ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan il-Ftehim, ‘partijiet interessati’ għandhom jinkludu:

(i)

esportatur jew produttur barrani ta’ prodott soġġett għall-investigazzjoni, jew [assoċjazzjoni ta’] kummerċ jew assoċjazzjoni ta’ negozju li tikkonsisti minn maġġoranza ta’ membri li jkunu produtturi, esportaturi jew importaturi ta’ dan il-prodott;

(ii)

il-gvern ta’ Membru esportatur; u

(iii)

produttur ta’ prodott simili fil-Membru importatur jew [assoċjazzjoni ta’] kummerċ u assoċazzjoni ta’ negozju li tikkonsisti fil-maġġoranza ta’ membri li jkunu jipproduċu l-prodott simili fit-territorju tal-Membru importatur.

L-elenku ma’ jipprekludix lill-Membri milli jippermettu partijiet domestiċi jew barranin oħra apparti minn dawk imsemmija hawn fuq sabiex ikunu nklużi bħala partijiet interessati.”

B. Id‑dritt tal‑Unjoni

5

Il-premessa 12 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), hija fformulata kif ġej:

“Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-mod li fih il-partijiet interessati għandhom jiġu mogħtija notifikazzjoni tal-informazzjoni li l-awtoritajiet jeħtieġu. Il-partijiet interessati għandu jkollhom biżżejjed opportunità biex jippreżentaw l-evidenza kollha rilevanti u biex jiddefendu l-interessi tagħhom. Huwa wkoll kunsiljabbli li jiġu stabbiliti b’mod ċar ir-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari r-regoli li permezz tagħhom partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom nfushom magħrufin, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jippreżentaw informazzjoni f’limiti ta’ żmien speċifikati, jekk għandha tingħata attenzjoni għal tali opinjonijiet u informazzjoni. Huwa wkoll xieraq li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet li taħthom parti interessata jista’ jkollha aċċess għal, u li tikkummenta fuq, l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet oħra interessati. Għandu wkoll ikun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni [Ewropea] fil-ġbir tal-informazzjoni.”

6

Skont l-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘prodott simili’ jfisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott ikkunsidrat, jew fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx simili f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.”

7

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Determinazzjoni tad-dannu”, jipprovdi:

“1.   Taħt dan ir-Regolament, it-terminu ‘dannu’ għandu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, jinftiehem li jfisser dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni [Ewropea], theddida ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija u għandu jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Id-dannu għandu jiġi determinat billi jkun ibbażat fuq evidenza pożittiva u għandu jinvolvi eżami objettiv ta’:

(a)

il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili; u

(b)

l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

3.   Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, kemm jekk f’termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew għall-konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta’ tali importazzjonijiet huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żidiet fil-prezz, li b’mod ieħor kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

[…]

5.   L-eżami tal-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, inkluż il-fatt li industrija tkun għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ dumping jew sussidju fil-passat; il-kobor tal-marġini attwali tad-dumping; it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti u l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-Unjoni; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq il-fluss tal-flus, l-inventarji, l-impjiegi, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità ta’ attrazzjoni għal kapital jew investimenti. Din il-lista mhijiex eżawrjenti, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

6.   Għandu jintwera, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata relattivament għall-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw dannu fis-sens ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi li jintwera li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 5, u li dak l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklassifikat bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa, għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li fl-istess ħin ikunu qegħdin jagħmlu dannu lill-industrija tal-Unjoni għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiġi żgurat li d-dannu kkawżat minn dawk il-fatturi l-oħrajn ma jkunx attribwit għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dak ir-rigward għandhom jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom; tnaqqis ferm fid-domanda jew tibdiliet fix-xejriet tal-konsum; prattiki kummerċjali restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, produtturi ta’ pajjiżi terzi u tal-Unjoni; żviluppi fit-teknoloġija u prestazzjoni tal-esportazzjoni; u l-produttività tal-industrija tal-Unjoni.

[…]”

8

L-Artikolu 5(10) u (11) tal-istess regolament jipprovdi:

“10.   In-notifika tal-bidu tal-proċedimenti għandha tħabbar il-bidu ta’ investigazzjoni, tindika l-prodott u l-pajjiżi konċernati, tagħti ġabra fil-qosor tal-informazzjoni riċevuta, u tipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tiġi kkomunikata lill-Kumissjoni.

Għandha turi l-perjodi li matulhom, il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw informazzjoni jekk tali opinjonijiet u informazzjoni għandhom jiġu meqjusa matul l-investigazzjoni. Għandha wkoll tindika l-perjodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħa mill-Kumissjoni skont l-Artikolu 6(5).

11.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-esportaturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew l-esportaturi magħrufa lilha li huma konċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u lil min jagħmel l-ilment, bil-bidu tal-proċedimenti u, b’kont meħud tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tipprovdi t-test sħiħ tal-ilment miktub riċevut skont il-paragrafu 1 lill-esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, u tagħmlu disponibbli, fuq talba, lill-partijiet interessati oħra involuti. Fejn in-numru ta’ l-esportaturi involuti huwa partikolarment għoli, it-test sħiħ ta’ l-ilment miktub jista’, minflok, jiġi pprovdut biss lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jew lill-assoċjazzjoni rilevanti tal-kummerċ.”

9

L-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku, intitolat “L-investigazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Wara l-bidu tal-proċedimenti, il-Kummissjoni, li taġixxi f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Tali investigazzjoni għandha tkopri kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, u huma għandhom jiġu investigati fl-istess ħin.

[…]

3.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni, u l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe pass meħtieġ sabiex jagħtu effett għal tali talbiet.

Huma għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba flimkien mar-riżultati tal-ispezzjonijiet, kontrolli jew investigazzjonijiet kollha li jkunu saru.

Fejn dik l-informazzjoni tkun ta’ interess ġenerali jew fejn it-trasmissjoni tagħha ġiet mitluba minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tgħaddiha lill-Istati Membri, sakemm ma tkunx kunfidenzjali, f’liema każ għandha tiġi mgħoddija ġabra fil-qosor mhux kunfidenzjali.

4.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet kollha neċessarji, partikolarment fost l-importaturi, negozjanti u produtturi tal-Unjoni, u biex jagħmlu investigazzjonijiet f’pajjiżi terzi, sakemm l-impriżi konċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u l-gvern tal-pajjiż konċernat ikun ġie uffiċjalment notifikat u ma jkun qajjem ebda oġġezzjoni.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe passi meħtieġa sabiex jagħtu effett lil tali talbiet mill-Kummissjoni.

L-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom ikunu awtorizzati, jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru jitlob hekk, li jassistu lill-uffiċjali tal-Istati Membri fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

5.   Il-partijiet interessati li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa taħt l-Artikolu 5(10) għandhom jiġu mismugħa jekk huma, fi żmien il-perjodu stabbilit fin-notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għamlu talba bil-miktub għal udjenza li turi li huma parti interessata li x’aktarx tiġi affettwata mir-riżultat tal-proċediment u li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jiġu mismugħa.

[…]

7.   Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li tkun użata fl-investigazzjoni.

Tali partijiet jistgħu jirrispondu għal tali informazzjoni u għandu jittieħed kont tal-kummenti tagħhom, kull fejn ikunu sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba.

[…]

9.   Għall-proċedimenti mibdija skont l-Artikolu 5(9), investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, tali investigazzjonijiet għandhom fil-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu, skont il-konklużjonijiet magħmula skont l-Artikolu 8 għal impenji jew il-konklużjonijiet magħmula skont l-Artikolu 9 għal azzjoni definittiva.”

10

Skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Teħid ta’ kampjuni”:

“1.   F’każijiet fejn in-numru ta’ min jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transazzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li jkunu statistikament validi fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu raġonevolment jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

2.   L-għażla finali ta’ partijiet, tipi ta’ prodotti jew transazzjonijiet magħmula taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-kampjunament għandha tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun f’konsultazzjoni ma’, u bil-kunsens ta’, il-partijiet konċernati, sakemm tali partijiet jagħmlu lihom infushom magħrufin u jagħmlu biżżejjed informazzjoni disponibbli, fi żmien tliet ġimgħat mill-bidu tal-investigazzjoni, sabiex jagħmluha possibbli li jiġi magħżul kampjun rappreżentattiv.

[…]”

11

L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Rivelazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni tad-dettalji sottostanti l-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri provviżorji. It-talbiet għal tali rivelazzjoni għandhom isiru bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, u r-rivelazzjoni għandha ssir bil-miktub kemm jista’ jkun malajr possibbli wara.

2.   Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lir-rivelazzjoni ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżura provviżorja.

3.   It-talbiet għar-rivelazzjoni finali, kif definita fil-paragrafu 2, għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni bil-miktub u jiġu riċevuti, f’każijiet fejn ġie impost dazju provviżorji, mhux iktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni tal-impożizzjoni ta’ dak id-dazju. Fejn ma jkunx ġie impost dazju provviżorju, il-partijiet għandhom jingħataw opportunità li jitolbu rivelazzjoni finali fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Kummissjoni.

[…]”

12

L-Artikolu 21(2) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex tkun provduta bażi soda li fuqha l-awtoritajiet jistgħu jieħdu kont tal-veduti u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni jekk l-impożizzjoni tal-miżuri hijiex fl-interess tal- Unjoni jew le, min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet konsumeristiċi rappreżentattivi jistgħu, fil-limiti ta’ żmien speċifikati fin-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni kontra dumping, jagħmlu lilhom infushom magħrufa u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni, jew taqsiriet adegwati tagħha, għandhom isiru disponibbli lill-partijiet l-oħra speċifikati f’dan l-Artikolu, u dawn għandhom ikunu intitolati li jirrispondu għal tali informazzjoni.”

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

13

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ippreżentati fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

14

Fil‑31 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand seba’ produtturi ta’ oġġetti tal-ħadid fondut tal-Unjoni, li fih intalbet tibda proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ wħud minn dawn l-oġġetti li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Indja. Dan l-ilment kien sostnut minn żewġ produtturi oħra ta’ oġġetti tal-ħadid fondut tal-Unjoni (dawn id-disa’ produtturi huma msejħa, iktar ’il quddiem, il-“lanjanti”).

15

Fl‑10 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat l-Avviż ta’ tnedija ta’ proċediment antidumping rigward l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti magħmulin minn ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indja (ĠU 2016, C 461, p. 22). Il-prodott li kien is-suġġett ta’ din il-proċedura jikkorrispondi għal għotjien ta’ tappieri. Fil-punt 2 ta’ dan l-avviż, dan il-prodott kien iddefinit bħala ċerti oġġetti tal-ħadid fondut tal-graffit lamellari, imsejjaħ ukoll “ħadid griż”, jew tal-ħadid fondut sferiku tal-graffit, imsejjaħ ukoll “ħadid fondut duttili”, u l-partijiet tagħhom, li jintużaw sabiex jgħattu u/jew jagħtu aċċess għal sistemi mal-wiċċ tal-art jew taħt l-art u li jippermettu aċċess fiżiku u/jew viżwali għal tali sistemi (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

16

L-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kienet tirrigwarda l-perijodu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2015 u t‑30 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2013 u t‑30 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu meħud inkunsiderazzjoni”).

17

Iċ-CCCME hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ċiniż li l-membri tagħha jinkludu produtturi esportaturi Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat. Hija pparteċipat fil-proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Id-disa’ appellanti l-oħra huma produtturi esportaturi Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat, li tnejn minnhom kienu ntgħażlu mill-Kummissjoni bħala parti mill-kampjun ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

18

Fis‑16 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1480 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2017, L 211, p. 14, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

19

Fid‑29 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż, li stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti ta’ ħadid fondut li joriġinaw miċ-Ċina.

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

20

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ April 2018, l-appellanti talbu l-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

21

Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2018, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ EJ Picardie, Fondatel Lecomte, Fonderies Dechaumont, Fundiciones de Ódena SA, Heinrich Meier Eisengießerei GmbH & Co. KG, Saint Gobain Construction Products UK Ltd, Saint Gobain PAM Canalisation, li kienet Saint-Gobain PAM, u Ulefos Oy (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti”) insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

22

Insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti invokaw sitt motivi. Il-Kummissjoni kkontestat kemm l-ammissibbiltà u kemm il-mertu ta’ dan ir-rikors.

23

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors, għall-finijiet ta’ dan l-appell huma rilevanti biss il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar, minn naħa, il-locus standi taċ-CCCME f’isimha stess u f’isem il-membri tagħha u, min-naħa l-oħra, il-mandati mogħtija mid-disa’ appellanti l-oħra lill-avukati tagħhom sabiex jirrappreżentawhom quddiem il-qorti.

24

Fir-rigward tal-locus standi taċ-CCCME f’isimha stess sabiex tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha, il-Kummissjoni sostniet li ċ-CCCME ma kellhiex dan il-locus standi minħabba li matul il-proċedura amministrattiva kienu ngħatawlha drittijiet proċedurali bi żball. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà billi qieset, essenzjalment, li matul il-proċedura amministrattiva kollha ċ-CCCME kienet tqieset bħala parti interessata li kellha tingħata drittijiet proċedurali u li żball f’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li seħħ tali żball, ma setax jaffettwa dak li kien ġie rrikonoxxut u mogħti matul il-proċedura amministrattiva.

25

Fir-rigward tal-locus standi taċ-CCCME f’isem il-membri tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni li ċ-CCCME ma setgħetx tirrappreżenta lill-membri tagħha quddiem il-qorti għaliex ma kinitx assoċjazzjoni rappreżentattiva, fis-sens tat-tradizzjoni legali komuni tal-Istati Membri. Skont il-Qorti Ġenerali, tali rekwiżit ma huwiex meħtieġ sabiex assoċjazzjoni tkun tista’ taġixxi f’isem il-membri tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni.

26

Fir-rigward tal-mandati mogħtija mid-disa’ appellanti l-oħra lill-avukati tagħhom, il-Kummissjoni allegat li dawn ma kinux validi minħabba li l-funzjoni tal-firmatarji tagħhom ma kinitx identifikata b’mod ċara fihom u minħabba li s-setgħa tagħhom sabiex jiffirmaw dawn il-mandati ma kinitx stabbilita. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-oġġezzjoni billi qieset li r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma kinux jirrikjedu prova li l-mandat mogħti lill-avukat kien stabbilit minn rappreżentant li kellu din il-kapaċità.

27

Fir-rigward tal-fondatezza tar-rikors tal-appellanti, għall-finijiet ta’ dan l-appell huma rilevanti biss il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-ewwel u l-ħames parti tal-ewwel motiv, dwar it-tieni u t-tielet parti tat-tieni motiv kif ukoll dwar it-tieni u t-tielet parti tat-tielet motiv.

28

Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti tal-appellanti dwar l-aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tad-data tal-Uffiċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat), ikklassifikata skont in-numri ta’ kontroll tal-prodotti (PCN), sabiex tikkalkola l-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

29

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-ħames parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment tal-appellanti fis-sens li, sabiex tikkalkola d-dannu mġarrab minn Saint-Gobain PAM, il-Kummissjoni kienet użat il-prezzijiet iffatturati għall-bejgħ mill-ġdid fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji li kien jagħmel parti minnu dan il-produttur mingħajr ma evalwat in-natura awtonoma ta’ dawn il-prezzijiet.

30

Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħhom, l-appellanti allegaw li l-Kummissjoni kienet irrifjutat, b’mod żbaljat, li twettaq analiżi segment b’segment sabiex tistabbilixxi rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu kkonstatat. Bi tweġiba għal din l-allegazzjoni, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li analiżi segment b’segment ma kinitx meħtieġa peress li l-prodotti huma suffiċjentement interkambjabbli u peress li la l-fatt li l-prodotti jaqgħu f’familji ta’ prodotti differenti u lanqas il-fatt li l-konsumaturi kienu esprimew prijorità jew preferenza għal ċerti prodotti ma kienu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ interkambjabbiltà tagħhom, u għalhekk in-natura opportuna tat-twettiq ta’ tali analiżi.

31

Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv tagħhom, l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, li ma evalwatx b’mod suffiċjenti l-portata tal-bejgħ bi prezz imwaqqa’ fid-dawl tal-fatt li, fir-rigward ta’ 37.4 % tal-bejgħ totali mwettaq fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni meħuda inkunsiderazzjoni fil-kampjun, ma kien ġie kkonstatat ebda bejgħ bi prezz imwaqqa’. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-parti billi qieset li, peress li l-prodott ikkonċernat jinkludi varjetà ta’ tipi ta’ prodotti li jibqgħu interkambjabbli, l-eżistenza ta’ marġni ta’ bejgħ bi prezz imwaqqa’, li taqa’ f’firxa ta’ bejn 31.6 u 39.2 % fir-rigward ta’ 62.6 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni meħuda inkunsiderazzjoni fil-kampjun, kienet tidher li hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm bejgħ bi prezz sinjifikattivament imwaqqa’, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku.

32

Fir-rigward tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti minħabba li informazzjoni essenzjali għad-difiża tal-interessi tagħhom ma kinitx ġiet ikkomunikata lilhom, il-Qorti Ġenerali qieset li dan il-motiv kien ammissibbli sa fejn tqajjem miċ-CCCME f’isimha stess. Għall-kuntrarju, hija ċaħdet dan il-motiv bħala inammissibbli sa fejn tqajjem mill-membri taċ-CCCME u mid-disa’ appellanti l-oħra għar-raġuni li dawn il-membri u dawn l-appellanti ma kinux ipparteċipaw fl-investigazzjoni jew ma kinux ressqu talbiet sabiex l-informazzjoni inkwistjoni tiġi kkomunikata lilhom. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tal-appellanti fis-sens li, matul din l-investigazzjoni, iċ-CCCME kienet eżerċitat id-drittijiet proċedurali tal-imsemmija membri u tal-imsemmija appellanti f’isimhom għar-raġuni li ċ-CCCME kienet aġixxiet bħala entità li tirrappreżenta lill-industrija Ċiniża kkunsidrata fl-intier tagħha u mhux uħud mill-membri tagħha individwalment.

33

Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan it-tielet motiv, iċ-CCCME sostniet, permezz tat-tieni u tat-tielet parti tal-imsemmi motiv, li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi ma tathiex, minn naħa, ċerta data, f’forma aggregata, dwar b’mod partikolari l-kalkoli tal-valur normali, l-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet u l-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu kif ukoll, min-naħa l-oħra, stimi dwar l-indikaturi makroekonomiċi, informazzjoni dwar il-paragun bejn il-prodotti importati u l-prodotti tal-produtturi Indjani u tal-Unjoni kif ukoll il-kalkoli dwar il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kkonċernati. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-tieni u t-tielet parti billi qieset, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet tat liċ-CCCME elementi li kienu jippermettulha tiddefendi b’mod utli l-interessi tagħha.

34

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti.

IV. It‑talbiet tal‑partijiet

35

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tannulla r-Regolament kontenzjuż sa fejn jikkonċernahom;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċedura kemm quddiem il-Qorti Ġenerali u kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawk sostnuti mill-appellanti, u

–

tikkundanna lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

36

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza ammissibbli;

–

tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli;

–

tiċħad l-appell, u

–

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

37

L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu;

–

tiddikjara li ċ-CCCME ma tistax titqies li hija assoċjazzjoni rappreżentattiva għall-finijiet tar-Regolament bażiku, u

–

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V. Fuq l‑appell

38

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu ħames aggravji. L-ewwel sar-raba’ aggravju jikkonċernaw żbalji allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali meta naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa 7 tar-Regolament bażiku bl-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż. Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddikjarat parzjalment inammissibbli t-tielet motiv tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom, u li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(7), tal-Artikolu 19(1) u (2) kif ukoll tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament bażiku.

39

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jqisu li r-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat mill-appellanti kien imissu ġie ddikjarat inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, li l-appell tagħhom ma huwiex fondat.

A. Fuq l‑ammissibbiltà tar‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

40

Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors fl-ewwel istanza kien inammissibbli minħabba li ċ-CCCME ma kellhiex locus standi f’isimha stess, minħabba li ma kellhiex is-setgħa li tirrappreżenta lill-membri tagħha quddiem qorti u minħabba li d-disa’ appellanti l-oħra ma kinux taw debitament mandat lill-avukati tagħhom.

41

L-appellanti jikkontestaw dawn l-argumenti għar-raġuni li, billi titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza ammissibbli u sabiex tiddikjara dan ir-rikors inammissibbli, il-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali mingħajr ma osservat ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 176(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjonijiet marbuta mal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament jikkostitwixxu kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku li l-qrati tal-Unjoni għandhom jeżaminaw f’kull mument, anki ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 32, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-eżami ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevalwa l-ammissibbiltà ta’ rikors fl-ewwel istanza, indipendentement mill-fatt li din l-ammissibbiltà tkun iddaħħlet inkwistjoni minn parti li ppreżentat risposta mingħajr ma ppreżentat appell inċidentali taħt l-Artikolu 176(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punti 56 sa 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għaldaqstant, il-kontestazzjoni tal-appellanti esposta fil-punt 41 ta’ din is-sentenza għandha tiġi miċħuda.

1.   Fuq il‑locus standi taċ‑CCCME f’isimha stess

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

45

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 52 sa 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li r-rikonoxximent taċ-CCCME bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva matul il-proċedura amministrattiva kien biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament u individwalment ikkonċernat mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors tiegħu, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kienet issodisfatta fir-rigward taċ-CCCME. Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni ta’ jekk entità għandhiex locus standi quddiem il-Qorti Ġenerali ma tiddependix mir-rikonoxximent ta’ din il-kwalità ta’ din l-entità matul il-proċedura amministrattiva, iżda tiddependi mir-regoli applikabbli f’dan il-qasam. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kien imissha evalwat hija stess jekk iċ-CCCME kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex titqies li hija assoċjazzjoni rappreżentattiva konformement mar-Regolament bażiku u jekk kellhiex, għalhekk, locus standi f’isimha stess.

46

L-intervenjenti jaqblu mal-argumenti tal-Kummissjoni u jallegaw li ċ-CCCME ma hijiex assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat iżda hija entità għall-kontroll ta’ dawn il-produtturi esportaturi mill-Gvern Ċiniż. Huma jsostnu li ċ-CCCME taġixxi taħt is-superviżjoni, il-ġestjoni u l-gwida professjonali tal-Ministeru għall-Affarijiet Ċivili u tal-Ministeru għall-Kummerċ tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

47

L-appellanti jqisu li ċ-CCCME hija assoċjazzjoni rappreżentattiva fis-sens tar-Regolament bażiku u li hija għalhekk parti interessata fis-sens ta’ dan ir-regolament. Hija kienet tqieset bħala tali mill-Kummissjoni kemm matul l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż u kemm f’investigazzjonijiet antidumping preċedenti oħra. Għar-raġunijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, iċ-CCCME hija direttament u individwalment ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

48

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu ma tkunx id-destinatarja, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun irrikonoxxuta bħala li għandha locus standi, li jeżisti f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat bil-kundizzjoni li dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk ikun jikkonċernaha direttament (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Jiangsu Seraphim Solar System u Il‑Kunsill vs Jiangsu Seraphim Solar System u Il‑Kummissjoni, C‑439/20 P u C‑441/20 P, EU:C:2023:211, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Permezz tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni tqis li, meta eżaminat l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li ċ-CCCME kellha locus standi f’isimha stess sabiex tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha. Skont il-Kummissjoni, fil-punti 52 sa 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-locus standi taċ-CCCME f’isimha stess fuq il-fatt li, matul il-proċedura antidumping li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kienet tatha dawn id-drittijiet. Il-Qorti Ġenerali iżda ma vverifikatx il-legalità ta’ tali għoti. Issa, l-għoti tal-imsemmija drittijiet liċ-CCCME kien illegali minħabba li din tal-aħħar ma hijiex assoċjazzjoni rappreżentattiva, fis-sens tar-Regolament bażiku, iżda estensjoni tal-Istat Ċiniż.

50

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni li ma jkunux id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma individwalment ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sakemm din id-deċiżjoni ma tolqothomx minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal kif ikun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 156 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fost il-persuni li jistgħu jkunu individwalizzati permezz ta’ att tal-Unjoni bl-istess mod bħad-destinatarji ta’ deċiżjoni hemm dawk li jkunu pparteċipaw fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ dan l-att. Madankollu, il-fatt li persuna tkun għamlet intervent fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ tali att ikun ta’ natura li jindividwalizzaha fil-konfront tal-att inkwistjoni fil-każ biss li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi garanziji proċedurali favur din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 191/82, EU:C:1983:259, punt 31, u d-digriet tas‑17 ta’ Frar 2009, Galileo Lebensmittel vs Il‑Kummissjoni, C‑483/07 P, EU:C:2009:95, punt 53). Fil-fatt, il-portata preċiża tad-dritt għal azzjoni legali ta’ individwi kontra att tal-Unjoni tiddependi mill-pożizzjoni legali ddefinita favur tiegħu mid-dritt tal-Unjoni bil-għan li jiġu protetti l-interessi leġittimi rrikonoxxuti b’dan il-mod (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Minn dan isegwi li drittijiet proċedurali għandhom ikunu ngħataw legalment lil persuna sabiex din tal-aħħar tkun tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata minn dawn id-drittijiet u li tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra att adottat bi ksur tal-imsemmija drittijiet.

53

F’dan il-każ, fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat miċ-CCCME sabiex tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha abbażi tal-argument li ċ-CCCME ma kinitx parti interessata mogħtija tali drittijiet mir-Regolament bażiku. Għaldaqstant, sabiex tevalwa l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali kellha tevalwa jekk dan ir-regolament kienx jagħti drittijiet proċedurali liċ-CCCME.

54

Fil-punti 53 sa 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali madankollu qieset li ċ-CCCME kienet individwalment ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż għar-raġuni li, matul il-proċedura kollha li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni kienet ikkunsidratha bħala parti interessata li tirrappreżenta b’mod partikolari l-industrija Ċiniża tal-oġġetti ta’ ħadid fondut, sa fejn kienet tatha drittijiet proċedurali li kienu jinkludu d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, id-dritt li tirċievi komunikazzjoni tal-konklużjonijiet provviżorji u finali, id-dritt li tippreżenta kummenti dwarhom kif ukoll id-dritt li tipparteċipa f’żewġ seduti ta’ smigħ organizzati fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

55

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-legalità tal-għoti ta’ dawn id-drittijiet proċedurali liċ-CCCME u, għaldaqstant, li hija wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat jekk il-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun individwalment ikkonċernat mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors tiegħu, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kinitx issodisfatta fir-rigward taċ-CCCME.

56

Din il-konstatazzjoni ma hijiex imdaħħla inkwistjoni mill-kunsiderazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata fis-sens li, anki jekk huwa minnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta tat l-imsemmija drittijiet liċ-CCCME, dan l-iżball ma setax iħassar dak li kien ġie rrikonoxxut u mogħti matul il-proċedura amministrattiva, u dan iktar u iktar sa fejn, wara l-għeluq ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni żammet il-possibbiltà li tirtira r-Regolament kontenzjuż u tkompli mill-ġdid din il-proċedura, filwaqt li tikkoreġi dan l-iżball, mil-istadju li fih twettaq dan l-iżball. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni matul proċedura amministrattiva u l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkoreġihom ma jistax ikollhom l-effett li jillimitaw l-eżami, mill-qorti tal-Unjoni, tal-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiemha.

57

L-istess żball ta’ liġi jivvizzja l-eżami mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 71 sa 75 tas-sentenza appellata, tal-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament ikkonċernat mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors tiegħu, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn dan l-eżami huwa bbażat ukoll fuq l-għoti, mill-Kummissjoni, ta’ drittijiet proċedurali liċ-CCCME matul il-proċedura amministrattiva.

58

Madankollu, huwa biss fil-każ li jiġi stabbilit li ċ-CCCME ma setgħetx legalment tingħata d-drittijiet proċedurali inkwistjoni li dawn l-iżbalji jkunu ta’ natura li jimplikaw l-inammissibbiltà tar-rikors taċ-CCCME f’isimha stess. Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk, skont ir-Regolament bażiku, dawn id-drittijiet kellhomx jingħataw liċ-CCCME.

59

F’dan ir-rigward, iċ-CCCME tqis li r-Regolament bażiku jagħtiha tali drittjiet għaliex hija assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-importaturi jew tal-esportaturi tal-prodott ikkonċernat.

60

Minkejja li l-Artikolu 5(11), l-Artikolu 6(7), l-Artikolu 20(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku jagħtu ċerti drittijiet proċedurali lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew tal-esportaturi tal-prodott li jkun is-suġġett ta’ dumping, dan ir-regolament ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ importaturi jew ta’ esportaturi” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

61

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, dan il-kunċett għandu għalhekk jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tad-dispożizzjonijiet fejn jintuża, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fid-dawl tas-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat, sa fejn ikun possibbli, konformement ma’ dawn il-ftehimiet, li minnhom jagħmel parti l-Ftehim antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑79/20 P, EU:C:2022:305 punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Skont interpretazzjoni testwali, il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ importaturi jew ta’ esportaturi” jirreferi għal grupp ta’ persuni li jirrappreżenta l-importaturi jew l-esportaturi b’mod ġenerali.

63

Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li dan il-kunċett ma jirreferix għal persuni jew entitajiet li jirrappreżentaw interessi differenti minn dawk ta’ importaturi jew ta’ esportaturi, bħalma huma, b’mod partikolari, interessi tal-Istat. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest ta’ dan il-kunċett. Fil-fatt, l-Artikolu 5(11), l-Artikolu 6(7) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku jirreferu għall-“assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew l-esportaturi”, minn naħa, u għall-“awtoritajiet” jew għar-“rappreżentanti” tal-pajjiż esportatur, min-naħa l-oħra, bħala partijiet interessanti distinti fi proċedura antidumping.

64

L-għan tar-Regolament bażiku, li huwa li jippermetti lill-Kummissjoni timponi dazji antidumping adegwati b’osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jikkonferma wkoll l-imsemmija interpretazzjoni. Dan l-għan jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tisma’ l-pożizzjonijiet ta’ diversi partijiet interessati li jipparteċipaw fi proċedura antidumping. B’hekk, il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament tiddikjara li dawn il-partijiet għandu jkollhom diversi possibbiltajiet sabiex jippreżentaw il-provi rilevanti kollha u jiddefendu l-interessi tagħhom. Issa, ma hemmx neċessarjament koinċidenza bejn il-provi li jistgħu jiġu ppreżentati minn assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta’ importaturi jew ta’ esportaturi u minn rappreżentanti tal-pajjiż esportatur kif ukoll bejn l-interessi rispettivi tagħhom. Minn naħa, dawn l-assoċjazzjonijiet jiddefendu l-interessi kummerċjali u industrijali tal-importaturi jew tal-esportaturi, filwaqt li, min-naħa l-oħra, dawn ir-rappreżentanti jfittxu li jippromwovu l-interessi politiċi u diplomatiċi tal-pajjiż esportatur.

65

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni inkwistjoni hija konformi mal-Artikolu 6.11 tal-Ftehim antidumping sa fejn dan l-artikolu jagħmel distinzjoni, fost il-partijiet interessati koperti minn dan il-ftehim, bejn il-gvernijiet tal-Istati esportaturi li huma Partijiet għall-imsemmi ftehim u l-gruppi professjonali kummerċjali jew industrijali li l-maġġoranza tal-membri tagħhom jesportaw jew jimportaw il-prodott li jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping.

66

Mill-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel distinzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta’ importaturi jew ta’ esportaturi u l-awtoritajiet kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur jirriżulta li, sabiex tkun tista’ titqies li hija assoċjazzjoni rappreżentattiva fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-entità li tippreżenta ruħha bħala tali ma għandhiex tkun suġġetta għal indħil mill-Istat esportatur iżda għandha, għall-kuntrarju, tgawdi mill-indipendenza meħtieġa fil-konfront ta’ dan l-Istat sabiex tkun tista’ taġixxi effettivament bħala rappreżentanta tal-interessi ġenerali u kollettivi tal-importaturi jew tal-esportaturi, u mhux bħala mandatarja tal-imsemmi Stat.

67

Din l-indipendenza tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi msemmija fir-Regolament bażiku tirrifletti dik li hija rrikonoxxuta lill-assoċjazzjonijiet taħt il-libertà ta’ assoċjazzjoni ddefinita fl-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din tal-aħħar tirrikonoxxi d-dritt tal-assoċjazzjonijiet li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom u li joperaw mingħajr indħil mhux iġġustifikat mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 110 sa 113). Madankollu, tali konverġenza hija limitata għall-assenza ta’ ndħil mill-Istat ikkonċernat li jdaħħal inkwistjoni r-rappreżentanza, minn assoċjazzjoni, tal-interessi ġenerali u kollettivi ta’ importaturi jew ta’ esportaturi, sa fejn dan ir-regolament huwa intiż li jittrasponi r-regoli tal-Ftehim antidumping, li għandu l-għan li jippromwovi l-kummerċ dinji u mhux il-libertà ta’ assoċjazzjoni.

68

Fit-tieni lok, mill-interpretazzjoni testwali u mill-kuntest tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ importaturi jew ta’ esportaturi”, esposti fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-għan ta’ tali assoċjazzjoni għandu jinkludi r-rappreżentanza tal-importaturi jew tal-esportaturi tal-prodott li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni antidumping. Din ir-rappreżentanza teħtieġ li, fost il-membri ta’ tali assoċjazzjoni, ikun hemm numru sinjifikattiv ta’ importaturi jew ta’ esportaturi ta’ dan il-prodott. Barra minn hekk, hija teżiġi li l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet tal-imsemmi prodott minn dawn il-membri jkunu sinjifikattivi, b’tali mod li l-assoċjazzjoni kkonċernata tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-attività tal-importaturi jew tal-esportaturi ta’ dan l-istess prodott b’mod ġenerali.

69

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan imfittex mir-Regolament bażiku, espost fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li jeħtieġ il-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew tal-esportaturi, bħala partijiet interessati, fil-proċedura antidumping. Fil-fatt, l-interessi ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jkunu leġittimi biss jekk ikunu verament rappreżentattivi tal-importaturi jew tal-esportaturi tal-prodott li jkun is-suġġett tad-dumping.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-kunċett ta’ “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ importaturi jew ta’ esportaturi”, fis-sens tal-imsemmi regolament, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal grupp li l-għan tiegħu jinkludi r-rappreżentanza tal-interessi kollettivi u ġenerali tal-importaturi jew tal-esportaturi ta’ prodott li jkun is-suġġett ta’ dumping, li jeħtieġ li dan il-grupp, minn naħa, igawdi minn indipendenza fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Istat sabiex ikun jista’ jiżgura din ir-rappreżentanza u, min-naħa l-oħra, jinkludi fost il-membri tiegħu numru sinjifikattiv ta’ importaturi jew ta’ esportaturi li l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet tagħhom ta’ dan il-prodott ikunu sinjifikattivi.

71

Peress li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-locus standi tiegħu, f’dan il-każ kienet iċ-CCCME li kellha turi li kienet tali assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-importaturi jew tal-esportaturi tal-prodott ikkonċernat.

72

F’dan ir-rigward, iċ-CCCME sostniet, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li fost il-membri tagħha kellha 19-il produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat li kienu ġew suġġetti għal dazji antidumping permezz tar-Regolament kontenzjuż. Barra minn hekk, mill-istatut taċ-CCCME jirriżulta li din hija organizzazzjoni soċjali mingħajr skop ta’ lukru mwaqqfa volontarjament minn impriżi u minn istituzzjonijiet irreġistrati fiċ-Ċina li huma attivi fl-importazzjoni u fl-esportazzjoni, fl-investiment u fil-kooperazzjoni fis-settur tal-magni u ta’ prodotti elettroniċi (Artikolu 2), u li l-għan tagħha huwa b’mod partikolari li tipproteġi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-membri tagħha kif ukoll li tippromwovi żvilupp b’saħħtu tal-industriji mekkaniċi u elettroniċi (Artikolu 3). Għaldaqstant, iċ-CCCME tinkludi esportaturi tal-prodott li kien is-suġġett ta’ dumping u hija awtorizzata tipproteġi l-interessi tagħhom.

73

Madankollu, kif tindika l-Kummissjoni, l-istatut taċ-CCCME jindika li l-assoċjazzjoni tinsab taħt is-superviżjoni, il-ġestjoni u t-tmexxija kummerċjali ta’ żewġ Ministeri tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (Artikolu 4) u li hija twettaq l-attivitajiet rilevanti tagħha konformement mal-allokazzjonijiet u mal-awtorizzazzjonijiet tal-Gvern Ċiniż (Artikolu 6(2)). Issa, dawn l-elementi li juru li ċ-CCCME ma tgawdix minn indipendenza suffiċjenti fil-konfront tal-entitajiet Statali Ċiniżi sabiex tkun tista’ titqies li hija “assoċjazzjoni rappreżentattiva” tal-esportaturi tal-prodott ikkonċernat.

74

Barra minn hekk, iċ-CCCME ma tipproduċix prova li hija tirrappreżenta importaturi jew esportaturi tal-prodott ikkonċernat. B’hekk, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrilevat li ċ-CCCME kienet attiva fis-setturi kollha tal-magni u tal-elettronika u li kellha iktar minn 10000 membru. Barra minn hekk, meta matul din il-proċedura tressqet quddiemha l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li ma kinitx tirrappreżenta numru sinjifikattiv ta’ produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat, iċ-CCCME sempliċement għamlet riferiment, l-ewwel, għall-premessa 25 tar-Regolament kontenzjuż, fejn il-Kummissjoni qieset li kienet tirrappreżenta b’mod partikolari l-industrija Ċiniża ta’ oġġetti tal-ħadid fondut, u, it-tieni, għall-prova tal-adeżjoni ta’ 19-il produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat, li tinsab fl-Anness A.4 tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li indika li dan in-numru kien sinjifikattiv. Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti indikaw li huma kienu kkomunikaw lill-Kummissjoni lista ta’ 58 produttur esportatur ta’ ħadid fondut Ċiniżi li kienu membri taċ-CCCME. Madankollu, din il-lista ma ġietx prodotta quddiem il-qrati tal-Unjoni u l-appellanti ma ppreċiżawx il-kwantità ta’ prodotti kkonċernati esportati minn dawn il-membri. Minn dan isegwi li ċ-CCCME la stabbilixxiet li fost il-membri tagħha kien hemm numru sinjifikattiv ta’ importaturi jew ta’ esportaturi tal-prodott ikkonċernat u lanqas li l-esportazzjonijiet ta’ dan il-prodott mill-membri tagħha kienu sinjifikattivi.

75

Għaldaqstant, iċ-CCCME ma kellhiex locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li r-rikors li hija ppreżentat f’isimha stess għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u b’tali mod li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta eżaminat il-motivi bbażati fuq ksur tad-drittijiet proċedurali taċ-CCCME invokati insostenn ta’ dan ir-rikors.

2.   Fuq is‑setgħa taċ‑CCCME li tirrappreżenta lill‑membri tagħha quddiem qorti

a)   L‑argumenti tal-partijiet

76

Il-Kummissjoni tallega li, fil-punti 98 sa 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li ma huwiex meħtieġ li assoċjazzjoni tkun organizzata b’mod demokratiku sabiex tkun tista’ tressaq kawża f’isem il-membri tagħha. Skont il-Kummissjoni, assoċjazzjoni professjonali ma tistax tkun estensjoni ta’ Stat organizzat abbażi ta’ reġim komunista b’partit wieħed għaliex, f’tali każ, din l-assoċjazzjoni jkollha tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha, kif iddefiniti demokratikament minnhom, fil-konfront ta’ dan l-Istat, li tiegħu tikkostitwixxi estensjoni. L-idea li assoċjazzjoni professjonali tkun fl-istess ħin tagħmel parti minn Stat u tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha kontra dan l-Istat tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija rappreżentattiva li huma komuni għall-Istati Membri. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari tal-pajjiż li fih tkun stabbilita l-assoċjazzjoni jmur kontra l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(5) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, għandha tafferma u tippromwovi l-valuri tagħha.

77

Iċ-CCCME tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

78

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 98 sa 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn kien ġie ppreżentat miċ-CCCME f’isem il-membri tagħha. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, peress li tikkostitwixxi estensjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u ma hijiex organizzata b’mod demokratiku, iċ-CCCME ma setgħetx tippreżenta rikors għal annullament f’isem uħud mill-membri tagħha.

79

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ jekk assoċjazzjoni tistax tirrappreżenta lill-membri tagħha fil-kuntest ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kwistjoni distinta minn dik ta’ jekk hijiex “assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ importaturi jew esportaturi”, fis-sens tar-Regolament bażiku.

80

Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li assoċjazzjoni inkarigata sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi ta’ ċerti impriżi ma tistax, bħala prinċipju, tippreżenta rikors għal annullament taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sakemm ma tkunx tista’ tinvoka interess tagħha stess jew sakemm l-impriżi rrappreżentati minnha jew uħud minnhom ma jkollhomx locus standi individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

B’hekk, skont din id-dispożizzjoni, huwa ammissibbli r-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni li taġixxi minflok wieħed jew iktar mill-membri tagħha li setgħu jippreżentaw huma stess rikors ammissibbli (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Kif il-Qorti Ġenerali osservat ġustament fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà rrikonoxxuta lil assoċjazzjoni li tressaq kawża f’isem il-membri tagħha għandha l-għan li tippermetti amministrazzjoni iktar effikaċi tal-ġustizzja billi tiġi evitata l-preżentata ta’ numru kbir ta’ rikorsi indirizzati kontra l-istess atti minn dawn il-membri.

83

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex assoċjazzjoni tkun tista’ tippreżenta b’mod validu rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni f’isem il-membri tagħha, huwa meħtieġ, l-ewwel, li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li taġixxi f’isimhom ikunu jagħmlu parti mill-membri tagħha, it-tieni, li hija jkollha s-setgħa tressaq kawża f’isimhom, it-tielet, li dan ir-rikors ikun ippreżentat f’isimhom, ir-raba’, li minn tal-inqas wieħed mill-membri li taġixxi f’isimhom seta’ jippreżenta huwa stess rikors ammissibbli u, il-ħames, li l-membri li taġixxi f’isimhom ma jkunux ippreżentaw rikors parallel quddiem il-qrati tal-Unjoni.

84

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rappreżentanza quddiem qorti tal-membri ta’ assoċjazzjoni minn din tal-aħħar ma teħtieġx, lil hinn mill-ħames kundizzjonijiet msemmija fil-punt preċedenti, li din l-assoċjazzjoni tkun organizzata b’mod demokratiku. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-kunċett kien jinkludi kemm persuni ġuridiċi privati kif ukoll entitajiet pubbliċi u Stati terzi, mingħajr ma semmiet jew ħadet inkunsiderazzjoni l-organizzazzjoni demokratika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punti 41 sa 52). Minn dan isegwi li l-locus standi ta’ dawn il-persuni, entitajiet u Stati, taħt din id-dispożizzjoni, ma jiddependix minn tali organizzazzjoni.

85

Fil-kuntest ta’ tilwima li jkollha bħala suġġett l-annullament ta’ regolament li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet, kif enfasizzat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ dritt ta’ vot ta’ ċerti membri ta’ assoċjazzjoni jew ta’ mezz ieħor li jippermettilhom jinvokaw l-interessi tagħhom fi ħdan din tal-aħħar ma kinitx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din l-assoċjazzjoni ma kellhiex l-għan li tirrappreżenta tali membri. Għaldaqstant, tali assenza ma kinitx tostakola l-preżentata, mill-imsemmija assoċjazzjoni, ta’ rikors għal annullament f’isem dawn il-membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punti 120 sa 125).

86

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 98 sa 103 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li d-dritt ta’ assoċjazzjoni li tressaq kawża f’isem il-membri tagħha ma kienx suġġett għal kundizzjoni dwar l-“istatus rappreżentattiv tal-assoċjazzjoni inkwistjoni fis-sens tat-tradizzjoni legali komuni tal-Istati Membri” u għalhekk, essenzjalment, għan-natura demokratika tal-organizzazzjoni tagħha.

87

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali miċ-CCCME f’isem il-membri tagħha għandha tiġi miċħuda.

3.   Fuq ir‑regolarità tal‑mandati mogħtija mid‑disa’ appellanti l‑oħra lill‑avukati tagħhom

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

88

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 133 sa 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat ir-rikorsi tad-disa’ appellanti l-oħra ammissibbli meta hija kienet ikkontestat ir-regolarità tal-mandati mogħtija minn dawn l-appellanti lill-avukati tagħhom. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx twarrab tali kontestazzjoni għar-raġuni li r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma kinux jeħtieġu prova li l-mandat mogħti lil avukat kien stabbilit minn rappreżentant li kellu s-setgħa jagħti tali mandat. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika dan il-mandat jirriżulta mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

89

L-appellanti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

90

Il-Kummissjoni tallega li r-rikorsi tad-disa’ appellanti l-oħra kienu inammissibbli minħabba li l-mandati li jaħtru l-avukati tagħhom kienu irregolari u minħabba li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minnha f’dan ir-rigward billi tinvoka l-fatt li r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma kinux jeħtieġu prova li dawn il-mandati kienu ġew stabbiliti minn rappreżentant li kellu s-setgħa jagħmel dan.

91

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, sabiex ikunu jistgħu jressqu kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni, persuni ġuridiċi, bħalma huma d-disa’ appellanti l-oħra, għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li jkun Parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3).

92

Fir-rigward tal-mandat mogħti lil avukat minn tali persuni, l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li l-avukati huma meħtieġa, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, jippreżentaw fir-Reġistru mandat mogħti minn din tal-aħħar. B’differenza mill-verżjoni ta’ dawn ir-Regoli applikabbli qabel l‑1 ta’ Lulju 2015, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix l-obbligu, għal tali persuna, li tipproduċi prova li l-mandat mogħti lill-avukat tagħha kien ġie stabbilit b’mod regolari minn rappreżentant li kellu s-setgħa jagħmel dan.

93

Il-fatt li dan l-Artikolu 51(3) ma jipprevedix dan l-obbligu ma jeżentax, madankollu, lill-Qorti Ġenerali milli tivverifika r-regolarità tal-mandat ikkonċernat fil-każ ta’ kontestazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li, fl-istadju tal-preżentata tar-rikors tiegħu, rikorrent ma huwiex meħtieġ jipproduċi din il-prova ma jaffettwax l-obbligu tiegħu li jkun ta b’mod regolari mandat lill-avukat tiegħu sabiex ikun jista’ jressaq kawża. Il-fatt li r-rekwiżiti f’termini ta’ prova fil-mument tal-preżentata ta’ rikors saru inqas stretti ma għandu ebda effett fuq il-kundizzjoni materjali li r-rikorrenti għandhom ikunu rrappreżentati debitament mill-avukati tagħhom. B’hekk, fil-każ ta’ kontestazzjoni tar-regolarità tal-mandat mogħti minn parti lill-avukat tagħha, din il-parti għandha turi r-regolarità ta’ dan il-mandat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 1965, Barge vs L‑Awtorità Għolja, 14/64, EU:C:1965:13, p. 10).

94

Għaldaqstant, kif osservat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 120 u 121 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li, peress li r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma kinux jeħtieġu prova li l-mandat mogħti lil avukat kien ġie stabbilit minn rappreżentant awtorizzat jagħmel dan, il-kontestazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-regolarità tal-mandati mogħtija lill-avukati tad-disa’ appellanti l-oħra kellha tiġi miċħuda.

95

Għaldaqstant, għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikorsi tad-disa’ appellanti l-oħra.

96

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni tinvoka, minn naħa, il-fatt li ċerti firmatarji tal-mandati inkwistjoni ma speċifikawx il-funzjoni tagħhom u ma annettewx dokumenti li jistabbilixxu s-setgħa tagħhom li jiffirmaw tali atti kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-fatt li ċerti firmatarji ta’ dawn il-mandati, li speċifikaw il-funzjoni tagħhom ta’ amministratur b’delega, ta’ direttur ġenerali, ta’ kontrollur finanzjarju jew ta’ direttur, ma stabbilixxewx li, skont id-dritt Ċiniż, huma kienu awtorizzati jiffirmaw tali mandati.

97

Issa, għalkemm il-qrati tal-Unjoni għandhom jeżiġu li parti turi r-regolarità tal-mandat mogħti lill-avukat tagħha fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-mandat mill-parti avversarja, tali rekwiżit japplika biss meta din il-kontestazzjoni tkun ibbażata fuq indizji suffiċjentement konkreti u preċiżi.

98

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tressaqx tali indizji. Fil-fatt, il-fatt li ċerti firmatarji tal-mandati inkwistjoni ma jispeċifikawx il-funzjonijiet tagħhom jew li, meta jippreċiżaw dawn il-funzjonijiet, ma jistabbilixxux li, skont id-dritt Ċiniż, huma kienu awtorizzati jiffirmaw tali mandati, ma jikkostitwixxix tali indizji.

99

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorsi tad-disa’ appellanti l-oħra għandha tiġi miċħuda.

4.   Konklużjonijiet dwar l‑ammissibbiltà tar‑rikorsi quddiem il‑Qorti Ġenerali

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ammissibbli sa fejn ġie ppreżentat miċ-CCCME f’isem il-membri tagħha u mid-disa’ appellanti l-oħra. Għall-kuntrarju, peress li ċ-CCCME ma kellhiex locus standi f’isimha stess, taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn ġie ppreżentat miċ-CCCME f’isimha stess. B’hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta eżaminat l-imsemmi rikors sa fejn, permezz tiegħu, iċ-CCCME allegat ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, b’tali mod li l-aggravji ta’ dan l-appell li jikkonċernaw dan l-eżami huma inammissibbli.

B. Fuq il‑mertu

1.   Fuq l‑ewwel aggravju

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

101

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti jallegaw li, fil-punti 152 sa 211 u 398 sa 403 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dannu skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

102

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-ewwel aggravju, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta vvalidat l-approċċ tal-Kummissjoni fis-sens li, f’dan il-każ, dan id-dannu seta’ jiġi ddeterminat bl-estrapolazzjoni tal-volumi assoluti u relattivi ta’ importazzjonijiet għas-snin u għall-pajjiżi ta’ referenza għal snin sussegwenti u għal pajjiżi oħra. Huma jsostnu li tali estrapolazzjoni kienet ibbażata fuq ipoteżi mhux raġonevoli, mhux plawżibbli u mhux iġġustifikata, li tqis li l-volumi u l-prezzijiet ta’ referenza jibqgħu l-istess matul iż-żmien u minn pajjiż għal ieħor.

103

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball, fil-punt 194 tas-sentenza appellata, meta invokat it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data ta’ referenza sabiex ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors għal annullament tal-appellanti mingħajr ma indirizzat il-kwistjoni tal-estrapolazzjoni ta’ din id-data għal snin oħra u għal pajjiżi oħra. Tali approċċ ma huwiex ibbażat fuq provi pożittivi, kif jirrikjedi l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. L-ipoteżi tal-Kummissjoni fis-sens li ma kienx hemm evoluzzjoni fl-importazzjonijiet hija assurda peress li d-data dwar l-importazzjoni hija invokata preċiżament sabiex jiġu evalwati din l-evoluzzjoni u d-differenzi bejn il-pajjiżi kkonċernati.

104

Barra minn hekk, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li d-data Ċiniża dwar l-esportazzjoni, mogħtija miċ-CCCME, kienet irrilevanti. In-natura intrinsikament mhux plawżibbli tal-ipoteżi tal-Kummissjoni, marbuta mad-data Ċiniża dwar l-esportazzjoni, li turi n-nuqqas ta’ affidabbiltà ta’ din l-ipoteżi, jistabbilixxu li d-data meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ma kinitx tikkostitwixxi prova pożittiva, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(2). Kwalunkwe approċċ differenti jimplika l-impożizzjoni ta’ oneru tal-prova irraġonevoli.

105

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat l-elementi rilevanti kollha b’attenzjoni u b’imparzjalità, kif kienet obbligata tagħmel skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u skont id-dmir ta’ premura, kif ukoll skont l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(2), (3), (5) sa (7) tar-Regolament bażiku. Fil-fehma tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli billi tinvoka, minn naħa, l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tosserva t-termini proċedurali u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-osservanza ta’ dawn l-obbligi kellha tkun tista’ twassal, bi probabbiltà suffiċjentement għolja, għal riżultati iktar affidabbli. L-obbligu li tibbaża ruħha fuq provi pożittivi u li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli sabiex tikseb tali provi jikkostitwixxi standard minimu, irrispettivament minn kull terminu, u jikkostitwixxi, f’dan is-sens, obbligu assolut. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 68 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:572).

106

B’hekk, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-data meħuda inkunsiderazzjoni setgħetx twassal jew le, bi probabbiltà suffiċjentement għolja, għal riżultati iktar affidabbli minn dawk miksuba fit-termini applikabbli. Fil-fatt, l-ewwel, ikun diffiċli li jiġi stabbilit tali livell ta’ probabbiltà qabel ma jkunu nkisbu dawn l-ewwel riżultati u, it-tieni, l-uniku terminu applikabbli għall-kisba ta’ data dwar l-importazzjonijiet huwa t-tul totali tal-investigazzjoni, li kienet mifruxa fuq ħmistax-il xahar.

107

Skont l-appellanti, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 199 sa 202 ta’ din is-sentenza tikser l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina ex officio l-informazzjoni disponibbli kollha minħabba li din l-evalwazzjoni twassal sabiex jitqies li l-Kummissjoni ma kellha għalfejn twettaq assolutament xejn sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li tikkonsulta mas-sorsi disponibbli kollha, għaliex dan kien ikun sproporzjonat. L-appellanti jikkontestaw ukoll il-kunsiderazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 205 tal-imsemmija sentenza fis-sens li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tibgħat talba lill-awtoritajiet doganali għar-raġuni li dan kien ser jirrappreżenta volum ta’ xogħol sinjifikattiv u kien ser jeħtieġ żmien kunsiderevoli. Skont l-appellanti, il-preżunzjoni li tali rekwiżit kien ser ikun sproporzjonat iċaħħad lill-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament bażiku minn kull sinjifikat.

108

Għall-kuntrarju tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 205 u 206 tal-istess sentenza, eżami tat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa matul żewġ perijodi speċifiċi, iżda limitati, u għal żewġ pajjiżi speċifiċi, kien jipprovdi informazzjoni sinjifikattiva dwar in-natura raġonevoli u plawżibbli tal-ipoteżi li ma kienx hemm evoluzzjoni fl-importazzjonijiet matul iż-żmien u kien jippermetti estrapolazzjoni iktar preċiża.

109

Fil-punt 209 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-importaturi ma kinux ipprovdew informazzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma talbitx din l-informazzjoni, li kienet tkun iktar rappreżentattiva mill-estrapolazzjoni mwettqa minnha fl-assenza ta’ tali informazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest meta qieset li l-importaturi magħżula ma kinux suffiċjentement rappreżentattivi tal-importaturi kollha tal-prodott ikkonċernat peress li kienu ntgħażlu abbażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku.

110

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

1) Kunsiderazzjonijiet preliminari

111

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet ipprovat debitament il-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

112

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li jkollhom jeżaminaw. Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tkopri, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura antidumping (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113

L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan huwa b’mod partikolari l-każ f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

L-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tieħu post dik imwettqa minn dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jirfisx fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-imsemmija istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda sempliċement jirrileva jekk dawn il-provi humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑79/20 P, EU:C:2022:305, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandhom jiġu evalwati d-diversi lmenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħhom.

2) Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju

116

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kklassifikat bħala “iġġustifikati” l-ipoteżijiet magħmula mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-volum tal-importazzjonijiet kif ukoll bħala “raġonevoli” u “plawżibbli” l-istimi li jirriżultaw minnhom. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma setgħetx tqis li l-Kummissjoni kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha ta’ dan il-volum fuq provi pożittivi, kif jeżiġi l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

117

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu għandha tkun ibbażata fuq provi pożittivi u għandha tinvolvi eżami oġġettiv, b’mod partikolari, tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. L-imsemmija dispożizzjoni tispeċifika b’hekk il-produzzjoni tal-prova u l-eżami li għandha twettaq il-Kummissjoni, bħala awtorità li twettaq l-investigazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu li jippermettilha timponi dazji antidumping.

118

Madankollu, ir-Regolament bażiku ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “provi pożittivi”. Fid-dawl tat-tifsira letterali ta’ dan il-kunċett, tal-kuntest tiegħu, li jinkludi b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ eżami oġġettiv previst fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, u tal-għan tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, jiġifieri li tippermetti l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, l-imsemmi kunċett jirreferi għal provi materjali li jistabbilixxu b’mod affermattiv, oġġettiv u verifikabbli r-realtà tal-indikaturi ta’ dan id-dannu. Dan il-kunċett b’hekk jeskludi li sempliċi affermazzjonijiet, spekulazzjonijiet jew kunsiderazzjonijiet aleatorji jkunu jistgħu jikkostitwixxu tali indikaturi.

119

Tali definizzjoni tosserva r-rekwiżit, imfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li t-testi tad-dritt sekondarju għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, konformement mal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “provi pożittivi”, li jinsab ukoll fl-Artikolu 3(1) tal-Ftehim antidumping li l-kontenut tiegħu huwa identiku għal dak li jinsab fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, ġie interpretat mill-Korp tal-Appell tal-WTO, fil-punt 192 tar-rapport tiegħu tal‑24 ta’ Lulju 2001 fil-każ “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti tal-azzar irrumblati bis-sħana li joriġinaw mill-Ġappun” (WT/DS184/AB/R), bħala li jfisser li dawn il-provi għandhom ikunu ta’ natura affermattiva, oġġettiva kif ukoll verifikabbli, u li għandhom ikunu kredibbli.

120

F’dan il-każ, mis-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tikkalkola l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perijodu kkunsidrat, il-Kummissjoni użat id-data ta’ Eurostat ikklassifikata skont il-kodiċi li jirriżultaw min-Nomenklatura Magħquda (NM). Madankollu, hija kellha taġġusta din id-data minħabba li ma kinitx tikkonċerna biss il-prodott ikkonċernat iżda wkoll għamara urbana.

121

B’mod partikolari, għall-prodotti tal-ħadid fondut mhux malleabbli li jaqgħu taħt il-kodiċi ex 732510 00 tan-NM, il-Kummissjoni kellha, għall-perijodu bejn id-data tal-bidu tal-perijodu kkunsidrat, jiġifieri l‑1 ta’ Jannar 2013, u l‑1 ta’ Jannar 2014, data maqsuma skont sottokodiċi li tnejn minnhom kienu jinkludu esklużivament dawn il-prodotti filwaqt li sottokodiċi ieħor kien jinkludi dawn tal-aħħar kif ukoll prodotti oħra. Madankollu, dan it-tqassim skont sottokodiċi ma baqax jintuża b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014. Sabiex tissepara d-data relatata mal-ħadid fondut mhux malleabbli għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u d-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri t‑30 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni 60 % tal-volum irreġistrat bħala importazzjonijiet Ċiniżi taħt il-kodiċi ex 732510 00 tan-NM, perċentwali din li tikkorrispondi għall-proporzjon irrappreżentat mill-prodotti ta’ ħadid fondut mhux malleabbli importati taħt dan il-kodiċi qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 meta mqabbla mal-prodotti kollha importati taħt l-imsemmi kodiċi, fid-dawl tal-klassifikazzjoni fi tliet sottokodiċi tal-prodotti ta’ ħadid fondut mhux malleabbli li kienet teżisti qabel din l-aħħar data. Fir-rigward tal-aħħar wieħed minn dawn is-sottokodiċi, li ma kienx jinkludi esklużivament prodotti ta’ ħadid fondut mhux malleabbli, il-proporzjon ta’ dawn tal-aħħar ġie stmat li kien ta’ 30 %. Kalkolu analogu twettaq għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja u mill-pajjiżi terzi kkonċernati l-oħra (punti 159 u 160 tas-sentenza appellata).

122

Il-prodotti koperti mill-kodiċi ex73259910 tan-NM matul il-perijodu kkunsidrat kienu jinkludu prodotti ta’ ħadid fondut mhux malleabbli kif ukoll prodotti oħra. Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni biss il-prodotti ta’ ħadid fondut mhux malleabbli, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni 100 % tat-tranżazzjonijiet irreġistrati bħala importazzjonijiet Ċiniżi inklużi taħt dan il-kodiċi, li minnhom naqset 14645 tunnellata. Dan it-tnaqqis kien jikkorrispondi għat-tranżazzjonijiet imwettqa matul is-sena 2004 li ma kinux jikkonċernaw il-prodott ikkonċernat sa fejn, fir-rigward ta’ din is-sena, il-Kummissjoni kellha data li kienet tindika, għaċ-Ċina, l-importazzjonijiet li kienu jikkorrispondu għall-imsemmi kodiċi, iżda mhux data li tirrigwarda l-prodott ikkonċernat. Kalkolu analogu twettaq għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja. Barra minn hekk, abbażi tal-investigazzjonijiet imwettaq mil-lanjanti, il-Kummissjoni qieset li l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra li jaqgħu taħt l-istess kodiċi ma kinux jinkludu prodotti ta’ ħadid fondut mhux malleabbli (punti 162 sa 164 tas-sentenza appellata).

123

Fil-punti 183 sa 196 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment tal-appellanti fis-sens li d-data użata mill-Kummissjoni kienet ibbażata fuq ipoteżijiet inġustifikati u irraġonevoli li ma kellhom ebda prova pożittiva bħala bażi. Hija ġġustifikat din iċ-ċaħda billi ddeċidiet li, fl-assenza ta’ informazzjoni iktar preċiża u iktar reċenti li jkollha livell ta’ affidabbiltà simili jew ogħla, fid-dawl tan-natura raġonevoli u plawżibbli tal-istimi ppreżentati mill-Kummissjoni u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxut lil din l-istituzzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet kien ġie stabbilit debitament.

124

Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ argumenti. Fl-ewwel lok, huma jqisu li l-ipoteżi fis-sens li t-tqassim tad-diversi tipi ta’ prodotti fi ħdan kodiċi wieħed tan-NM kien kostanti matul iż-żmien u ekwivalenti f’diversi pajjiżi la hija raġonevoli u lanqas plawżibbli. Fl-assenza ta’ provi f’dan is-sens, ikun assurd li jitqies li dan it-tqassim ma evolviex.

125

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ data aċċessibbli iktar affidabbli, data miksuba wara aġġustament ta’ data oħra tista’ tikkostitwixxi prova pożittiva, kif iddefinita fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, kemm-il darba, minn naħa, din id-data l-oħra tikkostitwixxi hija stess tali prova pożittiva u, min-naħa l-oħra, l-aġġustamenti inkwistjoni jitwettqu abbażi ta’ ipoteżijiet raġonevoli, b’tali mod li r-riżultat ta’ dawn l-aġġustamenti jkun plawżibbli.

126

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-data tal-Eurostat użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina, wara aġġustamenti, il-volum tal-importazzjonijiet inkwistjoni kienet prova pożittiva, kif iddefinita fil-punt 118 ta’ din is-sentenza.

127

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ provi aċċessibbli iktar affidabbli, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonferma l-ipoteżi tal-Kummissjoni fis-sens li kien raġonevoli li jitqies li, fi ħdan l-istess kodiċi wieħed tan-NM, il-proporzjon tal-importazzjonijiet ta’ għotjien ta’ tappieri li kienu l-prodott ikkonċernat meta mqabbla mal-importazzjonijiet ta’ għamara urbana kien baqa’ stabbli matul iż-żmien. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-fatt li l-eżami tal-Kummissjoni huwa intiż li tiġi evalwata l-evoluzzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet ma jurix li din l-ipoteżi hija żbaljata peress li tali evoluzzjoni hija possibbli filwaqt li jinżamm tqassim stabbli tad-diversi tipi ta’ prodotti fi ħdan l-istess kodiċi wieħed tan-NM.

128

Bl-istess mod, fl-assenza ta’ data affidabbli għall-pajjiżi terzi l-oħra minbarra r-Repubblika Popolari taċ-Ċina fir-rigward tal-perċentwali tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat meta mqabbla ma’ prodotti oħra li jaqgħu taħt l-istess kodiċi wieħed tan-NM, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-perċentwali ta’ dawn l-importazzjonijiet kif stabbilita fir-rigward tal-importazzjonijiet taċ-Ċina. Fil-fatt, fl-assenza ta’ data affidabbli u disponibbli oħra dwar l-imsemmija importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni setgħet tqis li tali estrapolazzjoni kienet raġonevoli.

129

Għaldaqstant, l-ewwel argument invokat mill-appellanti insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom għandu jiġi miċħud.

130

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkontestaw il-kunsiderazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sens li l-istimi tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet setgħu jitqiesu li huma raġonevoli plawżibbli. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, li d-data Ċiniża dwar l-esportazzjoni pprovduta minnhom kienet irrilevanti meta, għall-kuntrarju, din id-data kienet turi li d-data tal-Kummissjoni dwar l-importazzjoni kien fiha stimi għoljin wisq.

131

Fil-punt 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li meta rikorrent ikollu l-intenzjoni jikkontesta l-affidabbiltà tad-data dwar il-volum tal-importazzjonijiet użata mill-Kummissjoni u jirbaħ il-kawża, dan ir-rikorrent ma jistax sempliċement jipproduċi ċifri alternattivi bħalma huma ċifri miksuba abbażi ta’ data maħruġa mill-awtoritajiet doganali li minnhom joriġinaw l-importazzjonijiet kontenzjużi, iżda għandu jipproduċi provi li jistgħu jdaħħlu inkwistjoni d-data pprovduta mill-Kummissjoni.

132

B’hekk, fl-imsemmi punt 179, il-Qorti Ġenerali speċifikat, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u mingħajr ma imponiet oneru tal-prova irraġonevoli, taħt liema kundizzjonijiet rikorrent seta’ jikkontesta b’mod validu l-affidabbiltà ta’ ċerta data użata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, tali kontestazzjoni ma tistax tkun limitata għall-produzzjoni ta’ data alternattiva, iżda għandha tesponi wkoll ir-raġunijiet għaliex din id-data tal-aħħar hija iktar affidabbli minn dik użata mill-Kummissjoni.

133

Għaldaqstant, it-tieni argument imressaq mill-appellanti insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom għandu jiġi miċħud ukoll.

134

Għaldaqstant, għar-raġunijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

3) Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju

135

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, minn naħa, li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 199 u 200 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali llimitat indebitament l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni disponibbli kollha għar-raġuni li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini proċedurali u l-fatt li l-osservanza ta’ dan l-obbligu kellha tkun tista’ twassal, bi probabbiltà suffiċjentement għolja, għal riżultati iktar affidabbli minn dawk miksuba f’dawn it-termini. L-obbligu li tibbaża ruħha fuq provi pożittivi u li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni disponibbli kollha sabiex tikseb dawn il-provi huwa obbligu assolut, indipendenti minn kull terminu, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 68 tas-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:572).

136

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha, bħala l-awtorità li twettaq l-investigazzjoni, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping u d-dannu (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 47).

137

Minn dan isegwi li, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 198 tas-sentenza appellata billi għamlet riferiment għall-punt 32 tas-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), ir-rwol tal-Kummissjoni f’investigazzjoni antidumping ma huwiex dak ta’ arbitru li l-kompetenza tiegħu hija limitata li jagħti deċiżjoni biss abbażi tal-informazzjoni u tal-provi prodotti mill-partijiet fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha wkoll l-obbligu li teżamina ex officio l-informazzjoni rilevanti kollha li ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha iżda li tista’ tikseb aċċess għaliha hija stess. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament bażiku jawtorizza lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdulha informazzjoni kif ukoll twettaq il-verifiki u l-kontrolli kollha meħtieġa.

138

Madankollu, dan l-obbligu ta’ eżami ex officio li għandha l-Kummissjoni għandu jiġi kkonċiljat mal-obbligi l-oħra tagħha taħt ir-Regolament bażiku. B’hekk, dan l-eżami għandu jkun jista’ jitwettaq fit-terminu tal-investigazzjoni previst fl-Artikolu 6(9) ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament fis-sens li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu għandha tkun ibbażata fuq provi pożittivi u għandha tinvolvi eżami oġġettiv.

139

Barra minn hekk, l-imsemmi obbligu ta’ eżami ex officio jikkonċerna biss l-informazzjoni li għaliha l-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess hija stess u li tkun rilevanti għall-investigazzjoni antidumping tagħha. Tali rilevanza tiddependi, b’mod partikolari, mill-kontenut kif ukoll mill-affidabbiltà tal-informazzjoni u tal-provi li hija jkollha diġà għad-dispożizzjoni tagħha wara l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija meħtieġa teżamina bid-diliġenza kollha meħtieġa l-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta l-Kummissjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni suffiċjentement affidabbli sabiex twettaq l-imsemmija investigazzjoni b’mod oġġettiv u meta l-informazzjoni li għaliha hija jista’ jkollha aċċess hija stess probabbilment ma hijiex ser tkun iktar affidabbli, il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa teżerċita s-setgħet ta’ investigazzjoni ex officio tagħha.

140

Madankollu, fil-każ ta’ kontestazzjoni ddettaljata tal-eżattezza ta’ ċerta informazzjoni minn parti fil-proċedura antidumping, il-Kummissjoni hija meħtieġa teżamina b’diliġenza l-fondatezza ta’ din il-kontestazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Bricmate,C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 68) u, meta din il-kontestazzjoni tkun fondata, il-Kummissjoni hija meħtieġa tistabbilixxi l-konklużjonijiet tagħha fuq informazzjoni affidabbli oħra.

141

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 199 u 200 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq eżami ex officio kellha titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-obbligu tagħha li tosserva t-termini proċedurali u kemm il-fatt li d-data kkunsidrata setgħet jew ma setgħetx twassal, bi probabbiltà suffiċjentement għolja, għal riżultati iktar affidabbli minn dawk miksuba f’dawn it-termini.

142

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, min-naħa l-oħra, li, fil-punti 202 sa 210 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina ex officio l-informazzjoni disponibbli kollha meta ddeċidiet li din tal-aħħar la kienet meħtieġa tiġbor data mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali u lanqas ma kienet meħtieġa tibgħat kwestjonarji lill-importaturi sabiex tikseb data iktar affidabbli jew sabiex tivverifika l-ipoteżijiet mibnija minnha.

143

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, kif ġie espost fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, huwa biss fl-assenza ta’ data aċċessibbli iktar affidabbli li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq data miksuba wara aġġustament, punt dan li l-Kummissjoni għandha teżamina ex officio.

144

Sussegwentement, fir-rigward tad-data li l-Kummissjoni setgħet tiġbor mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li kien ikun sproporzjonat li l-Kummissjoni tkun meħtieġa tiġbor listi ta’ importazzjonijiet, tranżazzjoni bi tranżazzjoni, mingħand l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kollha, filwaqt li tanalizzahom sabiex tiddetermina jekk setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni u filwaqt li tiġbor data, abbażi ta’ din l-analiżi, dwar il-prodott ikkonċernat matul erba’ snin għall-Unjoni kollha.

145

Tali evalwazzjoni ma hijiex applikazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ eżami ex officio tal-Kummissjoni. Fil-fatt, tali ġbir ta’ data jeħtieġ verifika ta’ kull importazzjoni ta’ għotjien ta’ tappieri fl-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, verifika li huwa prattikament impossibbli li titwettaq fit-termini mogħtija. Issa, kif ġie espost fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ eżami ex officio tal-Kummissjoni għandu jiġi kkonċiljat mal-obbligi l-oħra li hija għandha taħt ir-Regolament bażiku, b’mod partikolari mat-termini previsti f’dan tal-aħħar.

146

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 205 u 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni lanqas ma kienet meħtieġa toħloq kampjun ta’ data billi tiġbor ċerta data iktar iddettaljata mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali peress li, minn naħa, il-ħolqien ta’ tali kampjun kien jirrappreżenta volum ta’ xogħol sinjifikattiv u kien jeħtieġ żmien kunsiderevoli, punt dan li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tat-termini proċedurali stretti imposti fuq il-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, ir-rilevanza ta’ tali kampjun setgħet tiddaħħal inkwistjoni peress li n-natura rappreżentattiva tat-tranżazzjonijiet magħżula setgħet tiddaħħal inkwistjoni u peress li dan il-kampjun ma kienx ser jippermetti kalkolu preċiż tal-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

147

Din il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali lanqas ma tmur kontra l-obbligu ta’ eżami ex officio tal-Kummissjoni peress li ma jidhirx li l-ġbir ta’ kampjun mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali kien ser jippermetti li tinkiseb data iktar affidabbli mid-data aġġustata meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

148

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-data li l-Kummissjoni setgħet tiġbor mingħand l-importaturi, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 207 sa 209 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tiġbor din id-data f’dan il-każ peress li ma kinitx ser tkun data iktar affidabbli. Il-Qorti Ġenerali bbażat din l-evalwazzjoni fuq l-indikazzjoni li, l-ewwel, it‑28 importatur li kienu ppreżentaw ruħhom matul l-investigazzjoni kienu pprovdew, fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju anness mal-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni, ċifra globali li kienet tinkludi l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Indja, it-tieni, l-imsemmija data ma kinitx maqsuma skont il-kodiċi tan-NM li taħthom kien jaqa’ dan il-prodott u, it-tielet, dawn it-tweġibiet ma setgħux jiġu vverifikati ħlief fil-każ tat-tliet importaturi inklużi fil-kampjun li kienu wieġbu għal dan il-kwestjonarju u li fir-rigward tagħhom ma kienx stabbilit li kienu suffiċjentement rappreżentattivi tal-importaturi kollha tal-imsemmi prodott. Il-Qorti Ġenerali ssostanzjat din l-aħħar evalwazzjoni billi semmiet il-fatt li l-Kummissjoni kienet indikat li s-suq kien frammentat u kien ikkaratterizzat minn numru kbir ta’ intrapriżi żgħar u medji u li, f’tali kuntest, ma kienx eskluż li diversi importaturi indipendenti oħra li joperaw fis-suq, li ma kellhomx interess dirett li jikkooperaw fl-investigazzjoni, ma kinux ippreżentaw ruħhom.

149

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li t-tweġibiet ta’ importaturi għall-imsemmi kwestjonarju ma kinux jinkludu informazzjoni suffiċjentement iddettaljata dwar l-importazzjonijiet inkwistjoni ma kienx biżżejjed sabiex jeħles lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ex officio jekk dawn l-importaturi kellhomx data iktar affidabbli minn dik mibnija abbażi tad-data tal-Eurostat. Madankollu, l-iżball imwettaq f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali huwa ineffettiv. Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, anki li kieku talbet informazzjoni iktar iddettaljata, din l-informazzjoni kienet fi kwalunkwe każ ser tkun inqas eżawrjenti minn dik tal-Eurostat. Fil-fatt, l-evalwazzjoni fattwali fis-sens li ma kienx eskluż li diversi importaturi indipendenti oħra li joperaw fis-suq ma kellhomx interess dirett li jikkooperaw mal-investigazzjoni ma hijiex ikkontestata. Għaldaqstant, ma jirriżultax li l-ġbir ta’ data dwar l-importazzjonijiet mingħand l-importaturi kien ser jippermetti li tinkiseb data iktar affidabbli mid-data aġġustata meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

150

Għar-raġunijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju, u għaldaqstant dan l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

2.   Fuq it‑tieni aggravju

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

151

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li, fil-punti 305 sa 311 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dannu mġarrab minn Saint-Gobain PAM u dwar ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u dan id-dannu. Skont l-appellanti, dawn l-evalwazzjonijiet ma kinux ibbażati fuq provi pożittivi u fuq eżami oġġettiv, fis-sens tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku sa fejn, fil-kalkolu tal-imsemmi dannu, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni l-profitti li jirriżultaw mill-bejgħ imwettaq lill-entitajiet ta’ bejgħ marbuta ma’ Saint-Gobain PAM. Billi ħadet inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż tal-produzzjoni sostnuti minn Saint-Gobain PAM fil-kuntest tal-manifattura, irrispettivament mit-tip ta’ bejgħ li mbagħad isir, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-profittabbiltà globali ta’ din l-impriża, il-profitti “moħbija” miksuba minn din tal-aħħar mingħand dawn l-entitajiet permezz tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-profitti kienu tqiesu bħala spejjeż għall-finijiet tal-kalkolu tad-dannu, b’tali mod li l-profittabbiltà ta’ Saint-Gobain PAM ġiet stmata f’livell inqas milli fil-fatt kienet u d-dannu stmat f’livell ogħla milli fil-fatt kien.

152

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu, prinċipalment, li dan l-aggravju huwa inammissibbli għaliex l-iżball ta’ liġi allegat ma jistax jinftiehem u jdaħħal inkwistjoni evalwazzjoni fattwali mhux ikkontestata kif ukoll, sussidjarjament, li ma huwiex fondat.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

153

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku meta kkonfermat l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dannu mġarrab minn Saint-Gobain PAM. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, dan id-dannu ġie stmat f’livell ogħla milli fil-fatt kien għaliex il-Kummissjoni, b’mod żbaljat, qieset li l-profitti ta’ Saint-Gobain PAM mill-bejgħ imwettaq lill-entitajiet ta’ bejgħ marbuta tagħha kienu jikkostitwixxu spejjeż.

154

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ħames parti tal-ewwel motiv tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni li użat, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dannu mġarrab minn Saint-Gobain PAM, prezzijiet iffatturati għal bejgħ mill-ġdid fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji li minnu kien jagħmel parti dan il-produttur tal-Unjoni, jiġifieri prezzijiet ta’ trasferiment, meta l-evalwazzjoni tal-profittabbiltà effettiva kien imissha twettqet bil-paragun tal-valur tal-bejgħ imwettaq lil klijenti indipendenti mal-ispejjeż sostnuti għall-produzzjoni tal-prodotti kif ukoll mal-ispejjeż tal-bejgħ, mal-ispejjeż amministrattivi u ma’ spejjeż ġenerali oħra tal-bejjiegħa mill-ġdid.

155

Fil-punti 305 sa 307 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ilment billi qieset li l-fatt li Saint-Gobain PAM kienet tbigħ il-prodott ikkonċernat kemm direttament, lil klijenti indipendenti, kif ukoll indirettament, permezz ta’ negozjanti marbuta magħha, ma kellu ebda impatt fuq id-determinazzjoni tal-ispejjeż ta’ produzzjoni peress li ż-żewġ tipi ta’ bejgħ kienu jinvolvu prodotti li kienu ġew immanifatturati minn din l-impriża u peress li l-valur meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni kien jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ produzzjoni sostnuti mill-imsemmija impriża, indipendentement mit-tip ta’ bejgħ imwettaq sussegwentement. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-fatt li ċertu bejgħ twettaq permezz ta’ kumpanniji marbuta ma kellu ebda impatt fuq il-kalkolu tal-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ Saint-Gobain PAM u, għaldaqstant, fuq l-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

156

B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-profitti ta’ Saint-Gobain PAM mill-bejgħ tagħha tal-prodott ikkonċernat lill-entitajiet ta’ bejgħ marbuta tagħha kienu jagħmlu parti mill-ispejjeż ta’ din l-kumpannija għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, kemm għall-bejgħ dirett u kemm għall-bejgħ indirett, imwettaq permezz ta’ entitajiet ta’ bejgħ marbuta, l-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni kienu l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ Saint-Gobain PAM.

157

L-ilment tal-appellanti fis-sens li l-ispejjeż ta’ Saint-Gobain PAM meħuda inkunsiderazzjoni kienu jinkludi l-profitti ta’ din il-kumpannija mill-bejgħ imwettaq minnha lil entitajiet ta’ bejgħ marbuta huwa intiż li jdaħħal inkwistjoni l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ntwera, u lanqas biss ġie allegat, żnaturament tal-provi. Issa, dan l-ilment huwa inammissibbli konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi prodotti quddiemha. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami tal-appell (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

158

Għaldaqstant, fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

3.   Fuq it‑tielet aggravju

159

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 371 sa 392 u fil-punt 397 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li titwettaq analiżi segment b’segment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, minkejja d-differenzi li jeżistu bejn il-prodotti standard u l-prodotti mhux standard kif ukoll dawk li jeżistu bejn il-prodotti tal-ħadid fondut griż u l-prodotti tal-ħadid fondut duttili.

a)   Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet aggravju

1) L‑argumenti tal‑partijiet

160

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta llimitat il-każijiet li fihom ikun hemm lok li titwettaq analiżi tad-dannu segment b’segment għall-każijiet biss li fihom il-prodotti inkwistjoni ma jkunux interkambjabbli. B’hekk, fil-punt 378 tas-sentenza appellata, hija b’mod żbaljat ikkunsidrat li analiżi segment b’segment ma kinitx meħtieġa meta dawn il-prodotti jkunu suffiċjentement interkambjabbli u, fil-punti 383 sa 392 tas-sentenza appellata, illimitat b’mod żbaljat l-analiżi tagħha għall-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija prodotti kinux jikkostitwixxu prodott wieħed għall-finijiet tal-proċedura antidumping, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1992, Sanyo Electric vs Il‑Kunsill (C‑177/87, EU:C:1992:111). Skont l-appellanti, hemm differenzi sinjifikattivi bejn il-prodotti standard u l-prodotti mhux standard, kif ukoll bejn il-prodotti ta’ ħadid fondut griż u l-prodotti ta’ ħadid fondut duttili. Issa, skont l-appellanti, dawn id-differenzi huma sinjifikattivi għall-klijenti ta’ dawn il-prodotti. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet inkwistjoni kienu jikkonċernaw esklużivament prodotti standard u kważi esklużivament prodotti ta’ ħadid fondut duttili. Tali elementi kienu jiġġustifikaw analiżi segment b’segment li kienet taffettwa l-evalwazzjoni tar-rabta kawżali.

161

Il-Kummissjoni tqis li din l-ewwel parti hija inammissibbli sa fejn l-appellanti naqsu milli jidentifikaw b’mod suffiċjentement preċiż żball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jqisu li din l-ewwel parti ma hijiex fondata.

2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

162

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba, u fl-assenza ta’ tali indikazzjoni l-appell jew l-aggravju kkonċernat ikunu inammissibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol, C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 29, u tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Picard vs Il‑Kummissjoni, C‑366/21 P, EU:C:2022:984, punt 52).

163

F’din l-ewwel parti, l-appellanti madankollu jindikaw bi preċiżjoni suffiċjenti l-iżball ta’ liġi allegat kif ukoll ir-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet dan l-iżball. Fil-fatt, huma jqisu li din tal-aħħar illimitat b’mod żbaljat l-analiżi segment b’segment tad-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping għall-ipoteżi li fiha l-prodotti inkwistjoni ma jkunux interkambjabbli u, insostenn tal-allegazzjoni tagħhom, jinvokaw is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317), u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, EU:T:2019:691). Għaldaqstant, l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

164

Fir-rigward tal-fondatezza tal-imsemmija l-ewwel parti, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, id-determinazzjoni tal-eżistenza tad-dannu għandha tkun akkumpanjata minn eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni u tal-effett tal-imsemmija importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. L-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, f’dak li jikkonċerna l-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet, għandu jiġi eżaminat jekk, fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet, kienx hemm twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezzijiet meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni.

165

Għalkemm ir-Regolament bażiku ma jimponi ebda metodu partikolari għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, mit-termini stess ta’ dan l-Artikolu 3(3) jirriżulta li l-metodu magħżul għad-determinazzjoni ta’ eventwali twaqqigħ tal-prezzijiet għandu, bħala prinċipju, jiġi applikat fil-livell tal-“prodott simili”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-imsemmi regolament, anki jekk dan jista’ jkun ikkostitwit minn tipi diversi ta’ prodotti li jaqgħu taħt diversi segmenti tas-suq. Għaldaqstant, ir-Regolament bażiku, bħala prinċipju, ma jobbligax lill-Kummissjoni twettaq analiżi tal-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezzijiet f’livell differenti minn dak tal-prodott simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 73 sa 75).

166

Madankollu, peress li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq “eżami oġġettiv” tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni, din l-istituzzjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-provi pożittivi rilevanti kollha, inkluż, jekk ikun il-każ, dawk relatati mad-diversi segmenti tas-suq tal-prodott ikkonċernat (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 77).

167

B’hekk, sabiex tiżgura n-natura oġġettiva tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni, f’ċerti ċirkustanzi, tista’ tkun obbligata, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, twettaq tali analiżi fil-livell tas-segmenti tas-suq tal-prodott inkwistjoni. Dan jista’ jkun il-każ f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ segmentazzjoni sinjifikattiva tas-suq tal-prodott inkwistjoni u mill-fatt li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-investigazzjoni antidumping kienu fil-parti kbira ferm tagħhom ikkonċentrati f’wieħed mis-segmenti tas-suq tal-prodott inkwistjoni, bil-kundizzjoni, iżda, li l-prodott simili fl-intier tiegħu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni. Dan jista’ jkun il-każ ukoll f’sitwazzjoni partikolari kkaratterizzata minn konċentrazzjoni qawwija ta’ bejgħ intern u ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping f’segmenti distinti kif ukoll minn differenzi fil-prezz kompletament notevoli bejn dawn is-segmenti. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni l-ishma tas-suq ta’ kull tip ta’ prodott u dawn id-differenzi fil-prezz sabiex tiggarantixxi n-natura oġġettiva tal-analiżi dwar l-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 78 sa 81, 110 u 111).

168

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, kif għamlet fil-punt 378 tas-sentenza appellata, li analiżi segment b’segment ma kinitx meħtieġa meta l-prodotti inkwistjoni jkunu suffiċjentement interkambjabbli. Fil-fatt, in-natura suffiċjentement interkambjabbli ta’ dawn it-tipi ta’ prodott tiggarantixxi l-assenza ta’ segmentazzjoni sinjifikattiva tas-suq u, bl-istess mod, in-natura oġġettiva tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, peress li din in-natura għandha l-konsegwenza li l-bejgħ tal-prodotti tal-Unjoni jkun affettwat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, indipendentement mis-segment ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn l-importazzjonijiet.

169

Minn dan isegwi li, meta tiġi stabbilita tali interkambjabbiltà, il-perċezzjoni ta’ differenzi bejn il-prodotti standard u l-prodotti mhux standard kif ukoll bejn il-prodotti ta’ ħadid fondut griż u l-prodotti ta’ ħadid fondut duttili, mill-klijenti ta’ dawn il-prodotti, u l-fatt li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jikkonċernaw esklużivament prodotti standard u kważi esklużivament prodotti ta’ ħadid fondut duttili ma jistgħux jiġġustifikaw analiżi segment b’segment.

170

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 383 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-fatt li prodotti jappartjenu lil familji ta’ prodotti differenti ma kienx biżżejjed sabiex jistabbilixxi, waħdu, l-assenza ta’ interkambjabbiltà tagħhom u għalhekk l-opportunità li titwettaq analiżi segment b’segment. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali indikat ġustament f’dan il-punt, prodotti li jappartjenu lil familji ta’ prodotti distinti jista’ jkollhom funzjonijiet identiċi u jistgħu jissodisfaw l-istess bżonnijiet.

171

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)   Fuq it‑tieni parti tat‑tielet aggravju

1) L‑argumenti tal‑partijiet

172

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbaljat sa fejn la ħadet inkunsiderazzjoni u lanqas ma wieġbet għall-argument tagħhom li n-natura tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping kien imissha ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali. Skont l-appellanti, fid-dawl tan-natura ta’ dawn l-importazzjonijiet, li jikkonsistu kważi esklużivament fi prodotti standard u fi prodotti ta’ ħadid fondut duttili, ma setgħet tiġi stabbilita ebda rabta kawżali, taħt l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, bejn l-imsemmija importazzjonijiet u d-dannu għall-“prodott simili” mingħajr ma jitwettaq eżami iktar iddettaljat ta’ dan id-dannu fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti tal-ħadid fondut duttili meta mqabbla mal-prodotti tal-ħadid fondut griż u, min-naħa l-oħra, il-prodotti standard meta mqabbla mal-prodotti mhux standard.

173

Sabiex juru l-importanza ta’ dan l-iżball tal-Qorti Ġenerali, l-appellanti jallegaw li l-Kummissjoni applikat metodu ta’ paragun tal-prodotti bbażat fuq il-PCN (iktar ’il quddiem il-“metodu PCN”) fil-kuntest biss tal-eżami tal-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u mhux fil-kuntest tal-eżami tal-indikaturi tal-eżistenza ta’ dannu, bħalma huma l-volum tal-bejgħ u l-profittabbiltà, li ġew evalwati biss fir-rigward tal-prodott simili fl-intier tiegħu. Għaldaqstant, skont l-appellanti, kien impossibbli għall-Kummissjoni li tiddetermina jekk id-dannu kkonstatat abbażi ta’ kull wieħed minn dawn l-indikaturi kienx jikkonċerna segment ikkonċernat mill-importazzjonijiet Ċiniżi u għalhekk jekk dan id-dannu kienx ikkawżat minn dawn l-importazzjonijiet. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fir-rigward biss ta’ 62.6 % tal-bejgħ totali tal-produtturi tal-Unjoni jsaħħaħ il-ħtieġa li jiġi evalwat jekk id-dannu kkonstatat fir-rigward tal-prodott simili jikkonċernax kategoriji ta’ prodotti li ma kienu s-suġġett ta’ ebda importazzjoni jew ta’ kważi ebda importazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta imponiet fuq l-appellanti oneru tal-prova eċċessiv fir-rigward tal-istabbiliment tad-differenzi bejn il-kategoriji ta’ prodotti li jeħtieġu analiżi segment b’segment.

174

L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rrifjutat, fil-punti 391 u 392 tas-sentenza appellata, ir-rilevanza ta’ “preferenza” jew ta’ “prijorità” bejn id-diversi segmenti. Hija preċiżament din il-preferenza li setgħet twassal għal assenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn dawn l-importazzjonijiet jikkonċernaw biss segment wieħed u fejn dan id-dannu jkun ġie kkonstatat fir-rigward ta’ produtturi tal-Unjoni f’segment ieħor. Il-fatt li, fil-punti 391 u 392 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset l-eżistenza ta’ prijorità jew ta’ preferenza tal-konsumaturi, f’ċerti Stati Membri, għal tip jew ieħor ta’ ħadid fondut ikkonċernat bħala “allegazzjoni” li “ma hijiex sostnuta minn provi konkreti” jikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni manifestament żbaljata u qarrieqa. Fil-fatt, l-ewwel, il-Kummissjoni allegatament ammettiet l-eżistenza ta’ din il-preferenza. It-tieni, il-partijiet interessati kollha, inklużi l-lanjanti, kienu enfasizzaw id-differenzi li jeżistu bejn il-prodotti tal-ħadid fondut duttili u l-prodotti tal-ħadid fondut griż.

175

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jqisu li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija ineffettiva peress li l-appellanti ma stabbilixxewx li l-prodotti inkwistjoni ma kinux interkambjabbli. Fi kwalunkwe każ, din it-tieni parti ma hijiex fondata peress li n-natura interkambjabbli ta’ dawn il-prodotti tipprekludi diviżjoni artifiċjali tal-analiżi tad-dannu minn dik tar-rabta kawżali.

2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

176

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li la ħadet inkunsiderazzjoni u lanqas ma wieġbet għall-argument tagħhom li ebda rabta kawżali ma setgħet tiġi stabbilita taħt l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku mingħajr ma titwettaq analiżi abbażi tas-segmenti ta’ prodotti standard, ta’ prodotti mhux standard, ta’ prodotti ta’ ħadid fondut duttili u ta’ prodotti ta’ ħadid fondut griż, sa fejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping kienu jikkonsistu kważi esklużivament fi prodotti standard u fi prodotti ta’ ħadid fondut duttili.

177

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 382 sa 385 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fid-dawl tal-interkambjabbiltà tal-prodotti standard u tal-prodotti mhux standard kif ukoll fid-dawl tal-assenza ta’ provi mressqa fis-sens kuntrarju mill-appellanti, ma kinitx meħtieġa analiżi ssegmentata tad-dannu li tagħmel distinzjoni bejn il-prodotti standard u l-prodotti mhux standard. Bl-istess mod, fil-punti 387 sa 392 tas-sentenza appellata, hija rrilevat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-prodotti tal-ħadid fondut duttili u l-prodotti tal-ħadid fondut griż kienu interkambjabbli u li l-appellanti ma kienu ressqu ebda prova li ddaħħal inkwistjoni din l-evalwazzjoni sa fejn kienu invokaw biss l-eżistenza ta’ “prijorità” jew ta’ “preferenza”, f’ċerti Stati Membri, għal tip jew ieħor ta’ ħadid fondut. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm lok li titwettaq analiżi ssegmentata tad-dannu li tagħmel distinzjoni bejn il-ħadid fondut duttili u l-ħadid fondut griż.

178

Peress li mill-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li kemm il-prodotti standard u l-prodotti mhux standard u kemm il-prodotti ta’ ħadid fondut duttili u l-prodotti ta’ ħadid fondut griż kienu interkambjabbli, analiżi tad-dannu abbażi tas-segmenti tal-prodotti inkwistjoni ma kinitx meħtieġa. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 168 ta’ din is-sentenza, min-natura interkambjabbli ta’ dawn il-prodotti jista’ jiġi dedott li l-bejgħ tal-prodotti tal-Unjoni kienu ser jintlaqtu mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping indipendentement mis-segment ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn l-importazzjonijiet.

179

Għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tal-appellanti li, meta applikat il-metodu PCN, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni segmentazzjoni tal-prodotti inkwistjoni mingħajr madankollu ma dan il-metodu ma huwa sodisfaċenti sa fejn dan il-metodu kopra biss l-eżami ta’ wieħed biss mid-diversi indikaturi ta’ dannu, jiġifieri l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, u sa fejn kien jikkonċerna biss 62.6 % tal-bejgħ totali mwettaq mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Fil-fatt, peress li n-natura interkambjabbli tal-prodotti inkwistjoni ma kinitx tirrikjedi analiżi segment b’segment, l-allegati nuqqasijiet ta’ dan il-metodu għall-finijiet ta’ analiżi segment b’segment huma irrilevanti.

180

Sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx l-ilment tagħhom ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku minħabba l-assenza ta’ analiżi segment b’segment, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 3 u l-paragrafi 6 u 7 tal-imsemmi Artikolu 3 għandhom għanijiet differenti peress li tal-ewwel jirregolaw id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni filwaqt li t-tieni jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u dan id-dannu. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 363 tas-sentenza appellata, dawn id-dispożizzjonijiet huma marbuta ma’ xulxin. Fil-fatt, l-Artikolu 3(6) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espliċitament li d-dimostrazzjoni li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu għandha ssir abbażi ta’ provi prodotti b’rabta mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li jimplika li għandu jintwera li l-volum u/jew il-livell tal-prezzijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu għandhom impatt kunsiderevoli fuq l-industrija tal-Unjoni. B’hekk, fil-punt 364 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li l-eżami previst fl-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament għandu jservi bħala bażi għall-analiżi dwar ir-rabta kawżali bejn l-imsemmija importazzjonijiet u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

181

Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjoni fis-sens li analiżi segment b’segment ma hijiex meħtieġa meta jiġi eżaminat id-dannu taħt l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku tgħodd ukoll fir-rigward tal-eżami dwar ir-rabta kawżali taħt il-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu 3. B’hekk, meta qieset, fil-punti 382 sa 392 tas-sentenza appellata, li analiżi segment b’segment tal-prodotti inkwistjoni ma kinitx iġġustifikata fil-kuntest tal-eżami tad-dannu, fid-dawl tan-natura interkambjabbli ta’ dawn il-prodotti, il-Qorti Ġenerali b’mod impliċitu, iżda b’mod neċessarju, ċaħdet l-ilment tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) ta’ dan ir-regolament minħabba l-assenza ta’ tali analiżi.

182

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqhom oneru tal-prova eċċessiv fir-rigward tal-istabbiliment tad-differenzi bejn il-kategoriji ta’ prodotti li jeħtieġu analiżi segment b’segment. Fil-fatt, peress li analiżi segment b’segment hija ġġustifikata biss sabiex tiġi ggarantita l-oġġettività tal-eżami tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni, l-obbligu li jintwera li l-prodotti inkwistjoni ma humiex suffiċjentement interkambjabbli, sabiex tkun meħtieġa analiżi segment b’segment, ma jikkostitwixxix oneru tal-prova eċċessiv.

183

Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti jsostnu li, fil-punt 392 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rrifjutat ir-rilevanza, fl-evalwazzjoni tad-dannu, ta’ preferenza jew ta’ prijorità tal-konsumaturi, f’ċerti Stati Membri, għal tip jew ieħor tal-ħadid fondut ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħhom fuq żewġ bażijiet awtonomi. Minn naħa, hija kkonstatat li l-allegazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward ma kinux issostanzjati bi provi konkreti u, min-naħa l-oħra, qieset li sempliċi prijorità ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit b’ċertezza li ma kienx hemm interkambjabbiltà bejn il-prodotti jew li din kienet insuffiċjenti. Peress li, fl-appell tagħhom, l-appellanti ma jikkontestawx din it-tieni bażi, l-argumenti tagħhom dwar l-eżistenza ta’ provi konkreti li jissostanzjaw l-allegazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

184

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet aggravju u, għaldaqstant, dan it-tielet aggravju fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

4.   Fuq ir‑raba’ aggravju

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

185

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li, fil-punt 425 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ddeċidiet li l-eżistenza ta’ marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fir-rigward ta’ 62.6 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienet tidher suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm twaqqigħ notevoli tal-prezzijiet, fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament. Huma jallegaw li, b’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk l-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fir-rigward ta’ 37.4 % ta’ dan il-bejgħ kinitx tostakola l-konstatazzjoni ta’ rabta kawżali taħt l-Artikolu 3(6) u (7) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, id-dannu kkonstatat seta’ jikkonċerna tipi ta’ prodotti li ma humiex ikkonċernati mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, u dan jaffettwa n-natura oġġettiva tal-eżami tad-dannu kkawżat minn dawn l-importazzjonijiet.

186

Barra minn hekk, fil-punt 417 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta ssuġġettat l-analiżi tal-impatt ta’ assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fir-rigward ta’ 37.4 % tal-imsemmija bejgħ għall-konstatazzjoni ta’ segmentazzjoni tas-suq tal-Unjoni. Issa, l-eżistenza ta’ tali segmentazzjoni ma hijiex prerekwiżit sabiex il-Kummissjoni teżamina b’diliġenza r-rabta kawżali. L-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u ta’ kategorija korrispondenti ta’ prodotti importati għal parti l-kbira tal-bejgħ imwettaq fl-Unjoni setgħet tipprekludi l-konstatazzjoni ta’ rabta kawżali fir-rigward tad-dannu mġarrab mill-industrija kollha tal-Unjoni.

187

L-appellanti jikkontestaw ukoll li l-metodu PCN jista’ jiġġustifika l-approċċ segwit fir-Regolament kontenzjuż. L-assenza ta’ korrispondenza bejn il-PCN inkwistjoni meta sar it-teħid ta’ kampjun kienet teħtieġ li jiġi rriċerkat jekk, minkejja din l-assenza, setgħetx tiġi stabbilita rabta kawżali. Dan il-metodu seta’, pereżempju, jinkludi analiżi intiża li jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet, għajr dawk tal-uniċi produtturi inklużi fil-kampjun, kinux jinkludu t-tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza. Dan madankollu ma kienx il-każ hawnhekk.

188

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

189

Skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, għandu jintwera, permezz tal-provi rilevanti kollha prodotti inkonnessjoni mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jikkawżaw dannu, u dan jimplika d-dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu kellhom impatt kunsiderevoli fuq l-industrija tal-Unjoni.

190

Fil-punti 417 sa 425 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, b’differenza mis-sitwazzjoni li tat lok għal żewġ kawżi oħra, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ diversi segmenti u li, għalkemm kienet qasmet il-prodott ikkonċernat skont il-kodiċi PCN għall-finijiet tal-paragun, dan il-prodott kien jinkludi varjetà ta’ tipi ta’ prodotti li kienu jibqgħu interkambjabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-eżistenza ta’ marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fil-firxa ta’ bejn 31.6 % u 39.2 %, fir-rigward ta’ 62.6 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, kienet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm twaqqigħ notevoli tal-prezzijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku.

191

L-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u ta’ motivazzjoni meta ma evalwatx jekk l-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fir-rigward ta’ 37.4 % ta’ dan il-bejgħ kinitx tipprekludi jew le l-konstatazzjoni ta’ rabta kawżali taħt l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku. Hija allegatament wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ssuġġettat il-ħtieġa li titwettaq analiżi tal-impatt ta’ din l-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet għall-konstatazzjoni ta’ segmentazzjoni tas-suq tal-Unjoni.

192

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jindika ċertu numru ta’ elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat minn importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, huwa ma jipprevedi, kif ġie indikat fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, ebda metodu preċiż għall-analiżi ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet. Peress li din id-determinazzjoni timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni tgawdi, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-għażla ta’ dan il-metodu.

193

Barra minn hekk, ir-Regolament bażiku ma jipprevedix li l-Kummissjoni hija meħtieġa, f’kull ċirkustanza, tieħu inkunsiderazzjoni l-prodotti kollha mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, inklużi t-tipi tal-prodott inkwistjoni mhux esportati mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat minn importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

194

Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, li għalih jirreferi l-Artikolu 3(6) ta’ dan ir-regolament, ma tobbligax lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha tal-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, il-bejgħ kollu ta’ prodott simili ta’ din l-industrija (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 152, 153 u 159).

195

Dan huwa kkorroborata mill-fatt li l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li għandu jitwettaq sabiex jiġi ddeterminat dannu, ma jimplikax paragun tal-bejgħ tal-istess impriża, bħalma huwa l-każ tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, li huwa kkalkolat abbażi tad-data tal-produttur esportatur ikkonċernat, iżda jimplika paragun tal-bejgħ ta’ diversi impriżi, jiġifieri l-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u l-impriżi li jagħmlu parti mill-industrija tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Issa, paragun tal-bejgħ ta’ dawn l-impriża ħafna drabi jkun iktar diffiċli fil-kuntest tal-analiżi ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet milli fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping peress li l-firxa tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa minn dawn id-diversi impriżi x’aktarx tikkoinċidi biss parzjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 154 u 155).

196

Tali riskju li ċerti tipi ta’ prodotti ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet minħabba d-differenza fil-firxa tal-prodotti mibjugħa minn dawn id-diversi impriżi jkun saħansitra ogħla meta l-PCN ikunu iktar iddettaljati. Fil-fatt, għalkemm granularità ikbar tal-PCN għandha l-vantaġġ li jiġu pparagunati tipi ta’ prodotti li jkollhom iktar karatteristiċi fiżiċi u tekniċi komuni, dan għandu, għall-kuntrarju, l-iżvantaġġ li jżid il-possibbiltà li ċerti tipi ta’ prodotti mibjugħa minn uħud mill-kumpanniji kkonċernati ma jkollhomx ekwivalenti u għalhekk la jkunu jistgħu jiġu pparagunati u lanqas ma jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din l-analiżi (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 156 u 157)

197

B’hekk, l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fir-rigward tal-għażla tal-metodu li għandu jiġi segwit għall-analiżi ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet jista’ jkollu bħala konsegwenza inevitabbli, kif huwa l-każ tal-metodu PCN, li ċerti tipi ta’ prodotti ma jkunux jistgħu jiġu pparagunati u, għaldaqstant, ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmija analiżi. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa madankollu llimitat mill-obbligu, impost fuq il-Kummissjoni mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, li twettaq eżami oġġettiv tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 158).

198

F’dan il-każ, l-għażla tal-Kummissjoni li tapplika l-metodu PCN kellu l-konsegwenza li ma setgħetx twettaq paragun ta’ 37.4 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

199

Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni rnexxielha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet f’firxa ta’ bejn 31.6 u 39.2 %, fir-rigward ta’ 62.6 % ta’ dan il-bejgħ jikkostitwixxi twaqqigħ notevoli tal-prezzijiet ta’ dawn il-produtturi li jista’ jiġi kklassifikat bħala li għandu impatt kunsiderevoli fuq l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

200

Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, l-appellanti jwettqu żball meta, mill-assenza ta’ paragun fir-rigward ta’ 37.4 % tal-imsemmi bejgħ, jiddeduċu li dan il-bejgħ ma kienx affettwat mill-importazzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, peress li l-prodott ikkonċernat jinkludi tipi differenti ta’ prodotti li huma interkambjabbli u peress li, b’mod korrelattiv, ma hemmx segmentazzjoni sinjifikattiva tas-suq tal-prodott inkwistjoni (ara l-punt 167 ta’ din is-sentenza), dawn l-importazzjonijiet probabbilment kellhom ukoll effett fuq il-prezzijiet tal-prodotti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li ma setgħux jiġu pparagunati abbażi tal-metodu PCN. Il-fatt li dan l-effett ma ġiex espress f’ċifri abbażi ta’ dan il-metodu ma huwiex biżżejjed sabiex tiddaħħal inkwistjoni n-natura oġġettiva tal-evalwazzjoni li l-imsemmija importazzjonijiet kellhom impatt fuq il-prezz tat-tipi kollha ta’ prodotti tal-produtturi tal-Unjoni peress li dawn il-prodotti huma interkambjabbli.

201

Għaldaqstant, l-ilment tal-appellanti bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku minħabba nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fir-rigward ta’ 37.4 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn l-appellanti jwettqu żball meta jqisu li ma hemmx twaqqigħ tal-prezzijiet għal din il-perċentwali ta’ dan il-bejgħ u sa fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet, b’applikazzjoni tal-metodu PCN, twaqqigħ notevoli tal-prezzijiet li kellu impatt kunsiderevoli fuq l-industrija tal-Unjoni.

202

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, li għandha l-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jirrikjedix li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti magħmula mill-partijiet fit-tilwima. B’hekk, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, kemm-il darba tippermetti lill-partijiet interessati jifhmu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

203

Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tal-motivazzjoni li tinsab fil-punti 406 sa 425 tas-sentenza appellata u tal-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 192 sa 201 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li din il-motivazzjoni ppermettiet lill-appellanti jifhmu r-raġunijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, l-ilment tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

204

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

5.   Fuq il‑ħames aggravju

a)   Kunsiderazzjonijiet preliminari

205

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, li huwa maqsum fi tliet partijiet, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza tagħhom, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tal-garanziji proċedurali tagħhom minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ikkomunikatilhom informazzjoni utli għad-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu.

206

It-tieni u t-tielet parti ta’ dan il-ħames aggravju jikkonċernaw, b’mod iktar preċiż, il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, invokat miċ-CCCME f’isimha stess. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 48 sa 75 u 100 ta’ din is-sentenza, iċ-CCCME ma kellhiex locus standi sabiex titlob, f’isimha stess, l-annullament tar-Regolament kontenzjuż. Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet parti tal-imsemmi ħames aggravju huma inammissibbli.

b)   Fuq l‑ewwel parti tal‑ħames aggravju

1) L‑argumenti tal‑partijiet

207

Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 435 sa 438 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball jew, sussidjarjament, żnaturat il-fatti meta ddikjarat inammissibbli t-tielet motiv tar-rikors għal annullament tagħhom sa fejn kien jikkonċerna l-ksur tal-garanziji proċedurali allegat mill-membri taċ-CCCME u mid-disa’ appellanti l-oħra, għar-raġuni li ma kinux ipparteċipaw fl-investigazzjoni. Dawn il-membri u dawn l-appellanti kienu pparteċipaw fl-investigazzjoni peress li kienu jew produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, jew produtturi esportaturi elenkati fir-Regolament kontenzjuż bħala li kienu kkooperaw sabiex jiġi stabbilit dan il-kampjun. Il-preżentazzjoni ta’ formola għat-teħid ta’ kampjun hija l-mod kif produttur esportatur “jagħmel lilu nnifsu magħruf” bi tweġiba għal avviż dwar il-ftuħ taħt l-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet iddikjarat, fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-appellanti Ċiniżi mhux inklużi u inklużi fil-kampjun kienu rċevew mingħandha “id-dokumenti b’informazzjoni previsti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku”.

208

L-appellanti jallegaw ukoll li, fil-punti 443 sa 447 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-fatt li ċ-CCCME kienet taġixxi bħala rappreżentanta tal-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut fl-intier tagħha ma kienx biżżejjed sabiex jintwera li hija kienet qiegħda taġixxi f’isem il-membri tagħha u f’isem id-disa’ appellanti l-oħra matul il-proċedura antidumping inkwistjoni u, għalhekk, li hija ma setgħetx tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ dawn il-membri u ta’ dawn l-appellanti. Il-Qorti Ġenerali applikat kriterju legali żbaljat u wettqet klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti. Meta evalwat ir-rappreżentanza miċ-CCCME tal-membri tagħha u tad-disa’ appellanti l-oħra, il-Qorti Ġenerali injorat provi, żnaturat il-kontenut tal-osservazzjonijiet taċ-CCCME tal‑15 ta’ Settembru 2017 dwar ir-Regolament provviżorju u injorat il-fatt li r-rappreżentanza tal-produtturi esportaturi Ċiniżi miċ-CCCME kienet dehret b’mod ċar għall-Kummissjoni.

209

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

210

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu, prinċipalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, minkejja l-fatt li l-membri taċ-CCCME u d-disa’ appellanti l-oħra kienu ġew inklużi fil-kampjun jew kienu ġew indikati bħala li kkooperaw sabiex jiġi stabbilit dan il-kampjun fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping, huma ma setgħux jinvokaw ksur tad-drittijiet tagħhom li jirċievu komunikazzjoni bl-informazzjoni utli għad-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu matul din l-investigazzjoni.

211

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Jumbocarry Trading,C‑39/20, EU:C:2021:435, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet għandu importanza kapitali fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping u li, bis-saħħa tal-imsemmija drittijiet, l-impriżi interessati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu b’mod utli l-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar il-provi użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ prassi ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 76 u 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

212

Il-premessa 12 tar-Regolament bażiku tiddikjara, f’dan is-sens, li l-partijiet interessati għandu jkollhom diversi possibbiltajiet sabiex jippreżentaw il-provi rilevanti kollha u sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(5) u (7) u l-Artikolu 20(1) u (2) ta’ dan ir-regolament ifasslu d-drittijiet tad-difiża ta’ dawn il-partijiet. Fil-fatt, din l-ewwel dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà, għal dawn tal-aħħar, li jinkludu b’mod partikolari l-importaturi u l-esportaturi tal-prodott li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni, li jinstemgħu u li jieħdu konoxxenza tal-informazzjoni kollha pprovduta minn kull parti kkonċernata mill-investigazzjoni, ħlief għad-dokumenti interni redatti mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, kemm-il darba din l-informazzjoni tkun rilevanti għad-difiża tal-interessi tagħha, ma tkunx kunfidenzjali u tkun intużat fl-investigazzjoni. Din it-tieni dispożizzjoni tippermetti lill-imsemmija partijiet li jiġu informati bid-dettalji li fuqhom ikunu bbażati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom, minn naħa, ikunu ġew adottati miżuri provviżorji jew, min-naħa l-oħra, ikun qiegħed jiġi rrakkomandat l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi.

213

Madankollu, dawn id-dispożizzjoni jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet għal ċerti modalitajiet sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-proċedura antidumping. B’hekk, skont l-Artikolu 6(5) u (7) tar-Regolament bażiku, il-partijiet interessati huma meħtieġa, minn naħa, jagħmlu lilhom innifishom magħrufa u, minn naħa, iressqu talba bil-miktub sabiex jieħdu konoxxenza tal-informazzjoni inkwistjoni jew sabiex jinstemgħu. Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-modalitajiet, l-Artikolu 5(10) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-avviż tal-ftuħ tal-proċedura għandu jiffissa t-terminu li fih il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom innifishom magħrufa, jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom bil-miktub u jikkomunikaw informazzjoni jekk dawn il-pożizzjonijiet u din l-informazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni matul l-investigazzjoni. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi wkoll li dan l-avviż għandu jispeċifika t-terminu li fih il-partijiet interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 6(5) tal-imsemmi regolament. Skont l-Artikolu 20(1) u (3) tal-istess regolament, l-informazzjoni dwar l-istabbiliment ta’ miżuri provviżorji għandha tintalab bil-miktub immedjatament wara l-istabbiliment ta’ dawn il-miżuri provviżorji u dik dwar l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi għandha tintalab, bil-miktub ukoll, fix-xahar ta’ wara l-pubblikazzjoni tal-istabbiliment ta’ dazju provviżorju.

214

B’hekk, ir-Regolament bażiku jagħti lil ċerti persuni interessati drittjiet u garanziji proċedurali li l-eżerċizzju tagħhom madankollu jiddependi mill-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn il-persuni fil-proċedura stess, li għandha tkun espressa, minn tal-inqas, bit-tressiq ta’ talba bil-miktub f’terminu stabbilit (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding,C‑104/19, EU:C:2020:539, punt 70).

215

Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta n-numru ta’ lanjanti, ta’ esportaturi jew ta’ importaturi, ta’ tipi ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet ikun numru kbir, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-investigazzjoni għal numru raġonevoli ta’ partijiet, ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet bl-użu ta’ kampjuni. Sabiex tiġi evalwata l-opportunità li jitwettaq teħid ta’ kampjun u sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-kampjun, huwa meħtieġ li l-partijiet interessati jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa f’dan ir-rigward. B’hekk, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża l-investigazzjoni tagħha fuq kampjun ta’ esportaturi jew ta’ importaturi, hija tista’, fl-avviż tal-ftuħ, tistieden lill-esportaturi jew lill-importaturi kkonċernati sabiex jagħmlu lilhom innifishom magħrufa u titlobhom informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddefinixxi kampjun rappreżentattiv tagħhom.

216

Il-fatt li l-partijiet interessati jagħmlu lilhom innifishom magħrufa u jipprovdu informazzjoni rilevanti sabiex jiġi stabbilit kampjun rappreżentattiv ta’ dawn il-partijiet, kif ukoll li jinstemgħu għal dan il-għan, jikkostitwixxi forma ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura antidumping. Madankollu, din il-parteċipazzjoni ma tagħtix lill-imsemmija partijiet il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 6(5) u (7) u fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 213 u 214 ta’ din is-sentenza, l-għoti ta’ dawn il-garanziji huwa suġġett għal ċerti modalitajiet li jimplikaw parteċipazzjoni partikolari f’din il-proċedura min-naħa tal-istess partijiet, fil-forma ta’ manifestazzjoni ta’ interess u ta’ talbiet bil-miktub. Issa, il-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ kampjun, fis-sens tal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, ma tikkostitwixxix tali parteċipazzjoni partikolari.

217

Għaldaqstant, anki jekk il-membri taċ-CCCME u d-disa’ appellanti l-oħra pparteċipaw fit-teħid ta’ kampjun imwettaq matul il-proċedura antidumping inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 435 sa 438 tas-sentenza appellata, li dawn il-membri u dawn l-appellanti ma setgħux jinvokaw ksur tal-garanziji proċedurali tagħhom ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni ma kinitx ikkomunikatilhom informazzjoni essenzjali għad-difiża tal-interessi tagħhom. Fil-fatt, hija ġustament irrilevat li l-imsemmija membri u l-imsemmija appellanti ma kinux ressqu talbiet sabiex din l-informazzjoni tiġi kkomunikata lilhom matul din il-proċedura.

218

Sussidjarjament, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta kkunsidrat li l-membri taċ-CCCME u d-disa’ appellanti l-oħra ma kinux ipparteċipaw fl-investigazzjoni b’mod li jippermettilhom jinvokaw ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw il-fatt li, fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ddikjarat li dawn il-membri u dawn l-appellanti kienu rċevew “id-dokumenti b’informazzjoni previsti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku”.

219

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, meta appellant jallega żnaturament ta’ provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għandu juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti fil-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Valencia Club de Fútbol, C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

220

L-affermazzjoni magħmula fir-risposta ppreżentata mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, fis-sens li l-membri taċ-CCCME u d-disa’ appellanti l-oħra “irċevew id-dokumenti b’informazzjoni previsti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku”, anki jekk tikkonċerna l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament, ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fir-rigward ta’ parteċipazzjoni ta’ dawn il-membri u ta’ dawn l-appellanti fil-proċedura antidumping li tagħtihom il-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 6(7) u fl-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, din l-affermazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-imsemmija membri jew l-imsemmija appellanti kienu għamlu lilhom innifishom magħrufa u kienu talbu bil-miktub l-iżvelar tal-informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

221

Madankollu, minkejja l-parteċipazzjoni tal-membri taċ-CCCME u tad-disa’ appellanti l-oħra fit-teħid ta’ kampjun imwettaq matul il-proċedura antidumping, il-Qorti Ġenerali la wettqet żball ta’ liġi u lanqas ma żnaturat il-fatti meta ddeċidiet, fil-punti 435 sa 438 tas-sentenza appellata, li l-ilmenti ta’ dawn il-membri u ta’ dawn l-appellanti bbażati fuq assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni essenzjali għad-difiża tal-interessi tagħhom kienu inammissibbli minħabba li ma kinux ressqu talbiet intiżi li din l-informazzjoni tiġi kkomunikata lilhom matul din il-proċedura.

222

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkontestaw l-inammissibbiltà tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża invokati miċ-CCCME f’isem il-membri tagħha u d-disa’ appellanti l-oħra. Huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju legali żbaljat meta qieset li ċ-CCCME ma kellhiex is-setgħa teżerċita d-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha u tad-disa’ appellanti l-oħra matul il-proċedura antidumping inkwistjoni. Barra minn hekk, huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kklassifikat iċ-CCCME bħala entità li tirrappreżenta lill-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut ikkunsidrata fl-intier tagħha u mhux lill-produtturi esportaturi Ċiniżi individwalment.

223

Fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti, għandu jiġi rrilevat li d-drittijiet proċedurali huma drittijiet speċifiċi għall-persuna li lilha jingħataw. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża għandhom natura suġġettiva, b’tali mod li huma l-partijiet ikkonċernati stess li għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitawhom effettivament, indipendentement min-natura tal-proċedura li jkunu s-suġġett tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Adler Real Estate et, C‑546/18, EU:C:2021:711, punt 59) u li kumpannija li ma pparteċipatx fi proċedura ta’ investigazzjoni ta’ dumping u li ma tkun marbuta ma’ ebda produttur esportatur tal-pajjiż ikkonċernat mill-investigazzjoni ma tistax tinvoka hija stess il-benefiċċju ta’ drittijiet tad-difiża matul proċedura li ma tkunx ipparteċipat fiha (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Donex Shipping and Forwarding,C‑104/19, EU:C:2020:539, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224

Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ma tikkonċernax il-kwistjoni ta’ jekk assoċjazzjoni għandhiex il-possibbiltà teżerċita d-drittijiet proċedurali ta’ ċerti impriżi, li jinkludu l-membri tagħha, matul proċedura amministrattiva, din il-ġurisprudenza ma tipprekludix din il-possibbiltà. Madankollu, l-imsemmija possibbiltà ma tistax twassal sabiex jiġu evitati l-kundizzjonijiet li, skont din il-ġurisprudenza, l-impriżi inkwistjoni għandhom ikunu ssodisfaw li kieku xtaqu jeżerċitaw huma stess id-drittijiet proċedurali tagħhom.

225

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma applikatx kriterju legali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punti 443 u 444 tas-sentenza appellata, li l-possibbiltà għal assoċjazzjoni li teżerċita d-drittijiet proċedurali ta’ wħud mill-membri tagħha matul il-proċedura antidumping kienet suġġetta għall-kundizzjoni li din l-assoċjazzjoni tkun uriet, matul l-investigazzjoni, l-intenzjoni li taġixxi bħala r-rappreżentanta ta’ wħud mill-membri tagħha, li jeħtieġ li dawn il-membri jkunu ġew identifikati u li l-assoċjazzjoni tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi li kienet irċeviet mandat mingħandhom li jippermettilha teżerċita dawn id-drittijiet proċedurali għan-nom tagħhom.

226

Barra minn hekk, fir-rigward tal-klassifikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, taċ-CCCME bħala “entità rappreżentattiva tal-industrija Ċiniża [tal-ħadid fondut] kkunsidrata fit-totalità tagħha”, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 446 tas-sentenza appellata, fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑15 ta’ Settembru 2017 dwar ir-Regolament provviżorju, iċ-CCCME speċifikat in-natura tal-parteċipazzjoni tagħha fl-investigazzjoni antidumping billi indikat li “l-interess taċ-CCCME jikkorrispondi għall-interess tal-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut kollha. Dan l-interess jista’, u dan ser ikun il-każ ħafna drabi, jikkoinċidi mal-interessi ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi differenti tal-prodott ikkonċernat, iżda huwa distint u jmur lil hinn minn dawn l-interessi individwali. […] Il-parteċipazzjoni taċ-CCCME f’din l-investigazzjoni hija intiża sabiex tħares l-interess kollettiv tal-membri tagħha u tal-industrija Ċiniża (esportatriċi) tal-ħadid fondut, u mhux tal-interessi individwali tal-membri tagħha. Dawn l-interessi individwali ser ikunu ssalvagwardjati mill-produtturi differenti (esportaturi) Ċiniżi nnifishom, li wħud minnhom jipparteċipaw individwalment f’din il-proċedura”.

227

B’hekk, iċ-CCCME indikat b’mod ċar, matul il-proċedura, li hija kienet qiegħda tintervjeni fiha għan-nom tal-interess kollettiv tal-industrija Ċiniża esportatriċi tal-ħadid fondut u mhux għan-nom tal-interessi individwali tal-membri tagħha jew ta’ impriżi oħra, kif huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet proċedurali ta’ dawn tal-aħħar.

228

Id-diversi argumenti mressqa mill-appellanti fis-sens, l-ewwel, li l-kummenti taċ-CCCME ġew żnaturati, it-tieni, li ċ-CCCME hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-produtturi esportaturi Ċiniżi u, it-tielet, li ċ-CCCME uriet li, matul il-proċedura antidumping inkwistjoni, hija kienet żgurat id-difiża konġunta tal-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut, li ġie rrikonoxxut mill-Kummissjoni, ma jdaħħlux inkwistjoni l-evalwazzjoni magħmula fil-punt preċedenti.

229

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-punt 25 tar-Regolament kontenzjuż, fis-sens li ċ-CCCME tirrappreżenta, fost oħrajn, l-industrija Ċiniża tal-oġġetti tal-ħadid fondut ma turix li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-indikazzjonijiet mogħtija miċ-CCCME, fl-osservazzjonijiet tagħha tal‑15 ta’ Settembru 2017 dwar ir-Regolament provviżorju, sa fejn tikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura antidumping inkwistjoni. Sussegwentement, l-argumenti l-oħra mressqa mill-appellanti ma jippermettux li jintwera li ċ-CCCME ħadet sehem f’din il-proċedura sabiex tirrappreżenta l-interessi individwali tal-impriżi inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-mandat anness mal-komunikazzjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2016 dwar il-komunikazzjoni tal-minuti tal-laqgħa dwar twissija bikrija fir-rigward tal-investigazzjoni antidumping tal-Unjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ oġġetti tal-ħadid fondut, invokat mill-appellanti, ma jurix li ċ-CCCME setgħet teżerċita d-drittijiet proċedurali ta’ dawn l-impriżi peress li ma jispeċifikax li jippermettilha tirrappreżenta impriżi individwalment matul l-imsemmija proċedura u peress li huwa biss abbozz ta’ mandat.

230

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali la applikat kriterju legali żbaljat u lanqas ma wettqet żball ta’ klassifikazzjoni meta qieset li ċ-CCCME ma setgħetx tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tal-membri tagħha u tad-disa’ appellanti l-oħra.

231

Għar-raġunijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti tal-ħames aggravju għandha tiġi miċħuda.

232

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud u, għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

233

Konformement mal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

234

F’dan il-każ, peress li l-appellanti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, Cangzhou Qinghong Foundry Co. Ltd, Botou City Qinghong Foundry Co. Ltd, Lingshou County Boyuan Foundry Co. Ltd, Handan Qunshan Foundry Co. Ltd, Heping Cast Co. Ltd Yi County, Hong Guang Handan Cast Foundry Co. Ltd, Shanxi Yuansheng Casting and Forging Industrial Co. Ltd, Botou City Wangwu Town Tianlong Casting Factory u Tangxian Hongyue Machinery Accessory Foundry Co. Ltd huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, minn EJ Picardie, minn Fondatel Lecomte, minn Fonderies Dechaumont, minn Fundiciones de Ódena SA, minn Heinrich Meier Eisengießerei GmbH & Co. KG, minn Saint Gobain Construction Products UK Ltd, minn Saint Gobain PAM Canalisation u minn Ulefos Oy.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.