SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

7 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Artikolu 2 TUE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timmodifika s-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura”

Fil-Kawża C‑216/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Ploieşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Ploieşti, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ April 2021, fil-proċedura

Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”,

YN

vs

Consiliul Superior al Magistraturii,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb, T. von Danwitz (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, minn D. Călin u L. Zaharia, bħala aġenti,

għall-Consiliul Superior al Magistraturii, minn M. B. Mateescu, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, I. Rogalski u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 TUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (l-Assoċjazzjoni “Forum tal-Membri tal-Ġudikatura tar-Rumanija”) u YN fil-konfront tal-Consiliul Superior al Magistraturii (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“KSM”) dwar il-legalità tad-Deċiżjoni Nru 1348 tas‑17 ta’ Settembru 2019 tas-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM, li tapprova r-regolament dwar l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1348”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

It‑Trattat ta’ Adeżjoni

3

L-Artikolu 2 tat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 11, rettifika fil-ĠU 2011, L 347, p. 62, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni”), li ġie ffirmat fil‑25 ta’ April 2005 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007, jiddisponi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-kondizzjonijiet ta’ l-ammissjoni u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni, li saru meħtieġa b’ din l-[adeżjoni], li se japplikaw mid-data ta’ l-adeżjoni sad-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, qegħdin jiġu stabbiliti fl-Att anness ma’ dan it-Trattat. Id-disposizzjonijiet ta’ dak l-Att għandhom jagħmlu parti integrali minn dan it-Trattat.

3.   […]

Atti adottati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll imsemmi fl-Artikolu 1(3) abbażi ta’ dan it-Trattat jew l-Att imsemmi fil-paragrafu 2 għandhom jibqgħu fis-seħħ u l-effetti legali tagħhom għandhom jiġu preservati sakemm dawk l-atti jiġu emendati jew imħassra.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan it-trattat huwa fformulat kif ġej:

“Id-disposizzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri u l-poteri u l-ġurisdizzjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni kif stabbilit fit-Trattati li għalihom isiru Partijiet ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija għandhom japplikaw għal dan it-Trattat.”

5

L-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi trattat jipprevedi:

“2.   Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007 sakemm l-istrumenti kollha ta’ ratifika jkunu ġew depożitati qabel dik id-data.

[…]

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jistgħu jadottaw qabel l-adeżjoni l-miżuri msemmija fl-Artikoli […] 37 [u] 38 […] tal-Protokoll imsemmi fl-Artikolu 1(3). Tali miżuri għandhom jiġu adottati taħt id-disposizzjonijiet ekwivalenti fl-Artikoli […] 37 [u] 38 […] ta’ l-Att imsemmi fl-Artikolu 2(2), qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.

Dawn il-miżuri għandhom jidħlu fis-seħħ biss skond it-Trattat u fil-jum tad-dħul fis-seħħ tiegħu.”

L‑Att dwar il‑kondizzjonijiet ta’ l‑adeżjoni tar‑Repubblika tal‑Bulgarija u tar‑Rumanija u l‑aġġustamenti lit‑trattati li fuqhom hija stabbilita l‑Unjoni Ewropea

6

L-Artikolu 37 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203) jiddisponi:

“Jekk […] ir-Rumanija tkun naqset milli timplimenta l-impenji assunti fil-kuntest tan-negozjati dwar l-adeżjoni, u tikkawża ksur kontra l-funzjonament tas-suq intern, inklużi kwalunkwe impenji fil-politika settorjali kollha li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi b’effett transkonfinali, jew toħloq xi riskju imminenti ta’ tali ksur, il-Kummissjoni tista’, sa l-aħħar ta’ perjodu ta’ mhux akar minn tliet snin wara l-adeżjoni, fuq talba motivata ta’ Stat Membru jew bl-inizjattiva tagħha stess, tieħu l-miżuri adatti.

Il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u għandha tingħata prijorità lil miżuri li l-anqas ifixklu l-funzjonament tas-suq intern u, fejn kunsiljabbli, lill-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi eżistenti ta’ salvagwardja settorali. Tali miżuri ta’ salvagwardja ma għandhomx jiġu invokati bħala mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-klawsola ta’ salvagwardja tista’ tiġi invokata wkoll qabel l-adeżjoni abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-miżuri adottati għandhom jidħlu fis-seħħ mill-ewwel jum ta’ l-adeżjoni sakemm ma jipprovdux għal data aktar tard. Il-miżuri m’għandhomx jinżammu għal żmien aktar milli huwa strettament meħtieġ u, fi kwlunkwe każ, għandhom jitneħħew meta l-impenn rilevanti jiġi implementat. Madankollu jistgħu jiġu applikati lil hinn mill-perjodu speċifikat fl-ewwel paragrafu sakemm l-impenji rilevanti ma jkunux ġew imwettqa. Bi tweġiba għall-progress li jagħmel l-Istat Membru l-ġdid konċernat fit-twettiq ta’ l-impenji tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tadatta l-miżuri kif xieraq. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien debitu qabel tirrevoka l-miżuri ta’ salvagwardja, u hija għandha tikkunsidra kif dovut kwalunkwe osservazzjonijiet tal-Kunsill f’dan ir-rigward.”

7

L-Artikolu 38 ta’ dan l-att jipprevedi:

“Jekk jeżistu nuqqasijiet serji jew xi riskji imminenti ta’ tali nuqqasijiet […] fir-Rumanija fit-trasposizzjoni, fl-istat ta’ l-implimentazzjoni, jew fl-applikazzjoni tad-deċizjonijiet kwadru jew ta’ kwalunkwe impenn pertinenti ieħor, ta’ kwalunkwe strument ta’ koperazzjoni u deċizjoni konnessa mar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-liġi kriminali taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE u taħt id-Direttivi u r-Regolamenti dwar ir-rikonoxximent reċiproku f’materji ċivili taħt it-Titolu IV tat-Trattat KE, il-Kummissjoni tista’, sa tmiem perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin wara l-adeżjoni, fuq it-talba motivata ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess u wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, tieħu l-miżuri adatti u tispeċifika l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li taħthom dawn il-miżuri għandhom jiddaħħlu fis-seħħ.

Dawn il-miżuri jistgħu jieħdu l-forma ta’ sospensjoni temporanja ta’ l-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet u deċiżjonijiet pertinenti fir-relazzjonijiet bejn […] jew ir-Rumanija u kwalunkwe wieħed jew aktar mill-Istati Membri oħra, mingħajr preġudizzju għall-kontinwazzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja mill-qrib. Il-klawsola ta’ salvagwardja tista’ tiġi nvokata anki qabel l-adeżjoni abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-miżuri adottati għandhom jidħlu fis-seħħ mill-ewwel jum ta’ l-adeżjoni sakemm ma jipprovdux għal data iktar tard. Il-miżuri ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien minn dak strettament meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, għandhom jitneħħew meta n-nuqqasijiet jiġu rimedjati. Madanakollu jistgħu jiġu applikati lil hinn mill-perjodu speċifikat fl-ewwel paragrafu sakemm dawn in-nuqqasijiet jippersistu. Bi tweġiba għall-progress li jagħmel l-Istat Membru l-ġdid konċernat fir-rettifika tan-nuqqasijiet identifikati, il-Kummissjoni tista’ tadatta l-miżuri kif ikun adatt wara li tikkonsulta ma’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien debitu qabel tirrevoka l-miżuri ta’ salvagwardja, u hija għandha tikkunsidra kif dovut kwalunkwe osservazzjonijiet tal-Kunsill f’dan ir-rigward.”

Id‑Deċiżjoni 2006/928

8

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/928:

“Ir-Rumanija għandha, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness.

Il-Kummisjoni tistà, f’kull ħin, tipprovdi assistenza teknika permezz ta’ attivitajiet differenti jew tiġbor u tpartat informazzjoni dwar il-punti ta’ riferiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistà, f’kull ħin, torganizza missjonijiet ta’ l-esperti lejn ir-Rumanija għal dan l-iskop. L-awtoritajiet Rumeni għandhom jagħtu l-appoġġ neċessarju f’dan il-kuntest.”

9

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jiddisponi:

“Il-Kummissjoni se tikkomunika lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill il-kummenti u r-riżultati tagħha dwar ir-rapport tar-Rumanija għall-ewwel darba f’Ġunju 2007.

Il-Kummissjoni se terġa tirraporta minn hemm ’il quddiem kif u meta jkun meħtieġ u mill-inqas kull sitt xhur.”

10

L-Anness tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu indirizzati mir-Rumanija, imsemmija f’Artikolu 1:

(1)

Tassigura proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti partikolarment billi jiġu mtejba l-kapaċità u l-kontabilità tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. Tirraporta u tissorvelja l-impatt tal-kodiċi ġodda tal-proċeduri ċivili u penali.

[…]”

Id‑dritt Rumen

Il‑Liġi Nru 303/2004

11

L-Artikolu 43 tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Ġudikatura u l-Prosekuturi Pubbliċi) tat‑28 ta’ Ġunju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 826 tat‑13 ta’ Settembru 2005), fil-verżjoni tagħha preċedenti għad-dħul fis-seħħ, fit‑18 ta’ Ottubru 2018 tal-Legea nr. 242/2018 (il-Liġi Nru 242/2018), tat‑12 ta’ Ottubru 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 868 tal‑15 ta’ Ottubru 2018), jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   Il-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura u tal-prosekuturi pubbliċi għandha ssir biss permezz ta’ kompetizzjonijiet organizzati fil-livell nazzjonali, fil-limitu tal-pożizzjonijiet vakanti li jeżistu fil-qrati tal-kontea u fil-qrati tal-appell jew, fejn applikabbli, fl-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi.

(2)   Il-kompetizzjoni għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura u tal-prosekuturi pubbliċi għandha tiġi organizzata, kull sena jew fejn meħtieġ, mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura permezz tal-Institutul national al Magistraturii [(l-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura)].”

12

L-Artikolu 46 ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“(1)   Il-kompetizzjoni għall-promozzjoni tikkonsisti f’eżamijiet bil-miktub ta’ natura teoretika u prattika.

(2)   L-eżamijiet jirrigwardaw:

a)

skont l-ispeċjalità, fuq wieħed mill-materji li ġejjin: id-dritt ċivili, id-dritt kriminali, id-dritt kummerċjali, id-dritt amministrattiv, id-dritt finanzjarju u fiskali, id-dritt tax-xogħol, id-dritt tal-familja, id-dritt internazzjonali privat;

b)

dwar il-ġurisprudenza tal-Înalta Curte de Casație și Justiție [(il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija)] u tal-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională [(il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija)];

c)

dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

d)

dwar il-proċedura ċivili jew il-proċedura kriminali, skont l-ispeċjalizzazzjoni tal-membru tal-ġudikatura jew tal-prosekutur pubbliku.

(3)   Il-proċedura tal-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, inkluż il-metodu ta’ kontestazzjoni tar-riżultati, hija prevista mir-Regolament dwar l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura u tal-prosekuturi pubbliċi.

[…]”

13

Il-Liġi Nru 242/2018 emendat, b’mod partikolari, l-Artikoli 43 sa 46 tal-Liġi Nru 303/2004 u daħħlet fiha l-Artikoli 461 sa 463.

14

L-Artikolu 43 tal-Liġi Nru 303/2004, kif emendata bil-Liġi Nru 242/2018 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 303/2004 kif emendata”), jiddisponi:

“Il-kompetizzjoni għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura u tal-prosekuturi pubbliċi għandha tiġi organizzata, kull sena jew fejn meħtieġ, mis-sezzjonijiet korrispondenti tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura permezz tal-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura.”

15

L-Artikolu 44 ta’ din il-liġi jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni għall-promozzjoni fuq il-post, fil-grad professjonali immedjatament superjuri, il-membri tal-ġudikatura u l-prosekuturi pubbliċi li kisbu l-klassifikazzjoni ‘tajjeb ħafna’ matul l-aħħar evalwazzjoni tagħhom, ma kellhomx sanzjoni dixxiplinari matul l-aħħar tliet snin u jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi fil-qasam tal-anzjanità […]”

16

L-Artikolu 46 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   Il-kompetizzjoni għall-promozzjoni fuq il-post tikkonsisti f’eżami bil-miktub.

(2)   Il-proċedura tal-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, inkluż il-metodu ta’ kontestazzjoni tar-riżultati kif ukoll is-suġġetti koperti mill-eżami bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 1, skont l-ispeċjalizzazzjoni tal-membru tal-ġudikatura jew tal-prosekutur pubbliku, hija prevista mir-Regolament dwar l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura u tal-prosekuturi pubbliċi.

[…]”

17

L-Artikolu 461 tal-Liġi Nru 303/2004 emendata jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-promozzjoni effettiva tal-membri tal-ġudikatura u tal-prosekuturi pubbliċi ssir biss permezz ta’ kompetizzjoni organizzata fuq livell nazzjonali, fil-limitu tal-pożizzjonijiet vakanti li jeżistu fil-qrati tal-kontea u fil-qrati tal-appell jew, jekk ikun il-każ, fl-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi.”

18

L-Artikolu 462 ta’ din il-liġi jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni għall-promozzjoni effettiva lejn il-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi immedjatament superjuri, il-membri tal-ġudikatura u l-prosekuturi pubbliċi li kisbu l-klassifikazzjoni ‘tajjeb ħafna’ matul l-aħħar evalwazzjoni tagħhom, ma kellhomx sanzjoni dixxiplinari matul l-aħħar tliet snin, kisbu l-grad professjonali li jikkorrispondi għall-qorti jew għall-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li lejh huma jitolbu l-promozzjoni u effettivament eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom matul mill-inqas sentejn quddiem il-qorti jew l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ġerarkikament inferjuri, fil-każ ta’ promozzjoni fil-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura ta’ qorti tal-appell, ta’ prosekutur tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ din tal-aħħar jew ta’ prosekutur tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tal-Înalta Curte de Casație si Justiție [(il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja)].”

19

L-Artikolu 463 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   Il-kompetizzjoni għall-promozzjoni effettiva tikkonsisti f’li jinżamm eżami bl-għan li jiġu evalwati x-xogħol u l-kondotta tal-kandidati matul l-aħħar tliet snin.

(2)   Il-proċedura tal-organizzazzjoni u tal-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, inklużi l-kummissjonijiet tal-għażla tal-kompetizzjoni u l-kompożizzjoni tagħhom, il-punti kkontrollati fil-kuntest tal-eżami msemmi fil-paragrafu 1 u l-metodu ta’ determinazzjoni u ta’ kontestazzjoni tar-riżultati għandhom jiġu ddeterminati mir-regolament imsemmi fl-Artikolu 46(2).

[…]”

20

Skont l-Artikolu 106(f) tal-istess liġi:

“Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għandu japprova, permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fil-Monitorul Oficial al României, Parti I:

[…]

(f)

ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura u tal-prosekuturi pubbliċi;

[…]”

Ir‑Regolament dwar l‑organizzazzjoni u l‑iżvolġiment tal‑kompetizzjoni għall‑promozzjoni tal‑membri tal‑ġudikatura

21

Fis‑17 ta’ Settembru 2019, is-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM adottat, abbażi tal-Artikolu 463(2) u tal-Artikolu 106(f) tal-Liġi Nru 303/2004 emendata, id-Deċiżjoni Nru 1348 li tapprova r-regolament dwar l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Kompetizzjoni għall-Promozzjoni tal-Membri tal-Ġudikatura”).

22

Ir-Regolament dwar il-kompetizzjoni għall-promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura jipprevedi żewġ stadji ta’ promozzjoni: minn naħa, il-promozzjoni msejħa “fuq il-post”, jiġifieri għal grad professjonali immedjatament superjuri, li hija rregolata mill-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament; min-naħa l-oħra, il-promozzjoni msejħa “effettiva”, irregolata mill-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, u li tippermetti lill-kandidati li għaddew li jkunu diġà ġew promossi “fuq il-post” u li għandhom, f’dan ir-rigward, il-grad professjonali meħtieġ, jingħataw effettivament pożizzjoni fi ħdan qorti superjuri.

23

Jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni għall-promozzjoni effettiva l-membri tal-ġudikatura li kisbu l-evalwazzjoni “foarte bine” (“tajjeb ħafna”) matul l-aħħar evalwazzjoni tagħhom, li ma kellhomx sanzjoni dixxiplinari matul l-aħħar tliet snin, li kisbu, fi tmiem il-proċedura ta’ promozzjoni “fuq il-post”, il-grad professjonali neċessarju għall-qorti li fiha huma jitolbu promozzjoni, u li effettivament eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għal mill-inqas sentejn fil-ġurisdizzjoni ġerarkikament inferjuri, fil-każ ta’ promozzjoni fil-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura ta’ qorti tal-appell.

24

Għalkemm il-proċedura ta’ promozzjoni “fuq il-post” tinkludi kompetizzjoni li hija bbażata fuq eżami bil-miktub ta’ natura teoretika u prattika, il-proċedura ta’ promozzjoni “effettiva” hija, min-naħa tagħha, ibbażata fuq eżami ta’ evalwazzjoni tax-xogħol u tal-kondotta tal-kandidati matul l-aħħar tliet snin ta’ attività tagħhom.

25

Din l-evalwazzjoni titwettaq minn kummissjoni komposta mill-president tal-qorti tal-appell ikkonċernata u minn erba’ membri ta’ din il-qorti li għandhom l-ispeċjalizzazzjoni korrispondenti għas-sezzjonijiet li fi ħdanhom hemm pożizzjonijiet vakanti li huma s-suġġett ta’ kompetizzjoni, fejn dawn il-membri jinħatru fuq proposta tal-kulleġġ ta’ tmexxija tal-qorti tal-appell ikkonċernata.

26

L-evalwazzjoni tax-xogħol tal-membru tal-ġudikatura kandidat hija bbażata fuq tliet kriterji: i) l-abbiltà ta’ analiżi u ta’ sinteżi kif ukoll il-koerenza fl-espressjoni; ii) iċ-ċarezza u l-loġika tal-argument, l-analiżi tal-argumenti tar-rikorsi u tad-difiża tal-partijiet, l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) u tal-qrati tal-appell; u iii) l-osservanza ta’ termini raġonevoli għall-ipproċessar tal-kawżi u l-abbozzar ta’ deċiżjonijiet. Il-marka massima għall-evalwazzjoni tax-xogħol hija ta’ 60 punt, jiġifieri massimu ta’ 20 punt għal kull wieħed mit-tliet kriterji.

27

L-osservanza tal-ewwel żewġ kriterji hija stabbilita permezz ta’ analiżi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija mill-membru tal-ġudikatura kandidat matul l-aħħar tliet snin ta’ servizz tiegħu. Din l-analiżi tirrigwarda kampjun ta’ għaxar deċiżjonijiet magħżula b’mod każwali, bl-għajnuna ta’ applikazzjoni informatika u abbażi ta’ kriterji uniformi fformulati mill-kumissjoni ta’ evalwazzjoni. Id-deċiżjonijiet magħżula għal dan l-għan għandhom ikunu rilevanti għall-attività professjonali tal-kandidat, jirrigwardaw suġġetti differenti u jkunu ngħataw, sa fejn ikun possibbli, matul fażijiet proċedurali differenti.

28

Minbarra d-deċiżjonijiet magħżula b’dan il-mod, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-opinjoni motivata tas-sezzjoni li tikkorrispondi għall-ispeċjalizzazzjoni tal-kandidat tal-qorti superjuri għal dik li jinsab fiha. Għal dan l-għan, il-president tas-sezzjoni għandu jikkonsulta lill-membri tal-ġudikatura tal-imsemmija sezzjoni, filwaqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-opinjonijiet espressi, u għandu jiddokumenta r-riżultat f’rapport li jintbagħat lill-kumissjoni ta’ evalwazzjoni. Din l-opinjoni għandha biss valur konsultattiv.

29

Fir-rigward tat-tielet kriterju, li jirrigwarda l-osservanza tat-termini, l-evalwazzjoni hija bbażata fuq serje ta’ data statistika u dokumenti oħra pprovduti mill-qorti fejn jinsab il-kandidat, relatati mal-punti li ġejjin: i) f’dak li jikkonċerna x-xogħol tal-kandidat: in-numru ta’ seduti, in-numru ta’ kawżi li fihom ipparteċipa l-membru tal-ġudikatura, in-numru ta’ kawżi magħluqa, in-numru ta’ sentenzi mogħtija, in-numru ta’ sentenzi mhux motivati fit-termini, in-numru medju ta’ jiem ta’ qbiż tat-termini, it-terminu medju sabiex tinqata’ kawża mill-kandidat, l-attivitajiet l-oħra mwettqa mill-kandidat fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu; ii) fir-rigward tal-attività tal-qorti li taħtha taqa’ s-sezzjoni li fiha jkun eżerċita l-membru tal-ġudikatura: in-numru medju ta’ kawżi għal kull membru tal-ġudikatura, in-numru medju ta’ preżenza għas-seduti, it-terminu medju sabiex tinqata’ kawża skont it-tip ta’ kawża, in-numru medju ta’ sentenzi mogħtija mill-membru tal-ġudikatura u n-numru medju ta’ sentenza li ma ngħatawx fit-termini stabbiliti.

30

Il-kondotta tal-membru tal-ġudikatura kandidat għandha tiġi evalwata mill-kumissjoni abbażi ta’ żewġ kriterji: i) in-natura xierqa tal-imġiba lejn il-partijiet fil-kawża, l-avukati, l-esperti u l-interpreti waqt is-seduti u f’attivitajiet professjonali oħra, in-natura xierqa tat-ton użat, il-korteżija, l-assenza ta’ imġiba disprezzjuża jew ta’ arroganza fil-kondotta, il-kapaċità li jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet li jseħħu fl-awla; ii) il-kapaċità li jikkollabora mal-membri l-oħra tal-kulleġġ ġudikanti kif ukoll il-kondotta u l-komunikazzjoni mal-membri l-oħra tal-ġudikatura u l-membri tal-persunal kemm tal-qorti fejn jeżerċita l-kandidat kif ukoll ta’ qrati oħra, kemm jekk ikunu ġerarkikament superjuri jew inferjuri. Il-marka massima għall-evalwazzjoni tal-kondotta hija ta’ 40 punt, jiġifieri massimu ta’ 20 punt għal kull wieħed miż-żewġ kriterji.

31

L-evalwazzjoni tal-kondotta tal-kandidati, fid-dawl taż-żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq, hija bbażata fuq ir-rekords tas-seduti li l-kandidat ikun ippresieda l-kulleġġ ġudikanti, fuq l-opinjoni tas-sezzjoni u/jew, jekk ikun il-każ, tal-qorti fejn il-kandidat ikun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu matul il-perijodu eżaminat, fuq id-data inkluża fil-fajl professjonali tiegħu kif ukoll fuq kull informazzjoni oħra verifikabbli li tikkonċerna lill-kandidat.

32

Sabiex tagħmel dan, il-kumissjoni ta’ evalwazzjoni titlob l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi evalwat il-kondotta tal-kandidat fil-qrati li fihom huwa eżerċita matul il-perijodu kkunsidrat, fid-direttorat tar-riżorsi umani tal-KSM u fl-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju). L-imsemmija kummissjoni tagħżel kampjun ta’ seduti ppreseduti mill-kandidat u titlob ir-rekords korrispondenti. Barra minn hekk, sabiex tinkiseb l-opinjoni tas-sezzjoni jew, jekk ma jkun hemm l-ebda sezzjoni, tal-qorti li fiha l-kandidat ikun eżerċita l-funzjonijiet tiegħu, il-persunal tas-sezzjoni jew tal-qorti għandu jiġi kkonsultat filwaqt li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità tal-opinjonijiet espressi, u r-riżultat ta’ dawn il-konsultazzjonijiet għandu jiġi ddokumentat f’rapport iffirmat u datat li jkun fih elementi verifikabbli.

33

Fi tmiem il-proċedura, il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni għandha tistabbilixxi abbozz ta’ rapport motivat li jindika l-marki mogħtija għall-ħames kriterji kkonċernati (jiġifieri t-tliet kriterji ta’ evalwazzjoni tax-xogħol u ż-żewġ kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kondotta) kif ukoll il-marka totali miksuba mill-kandidat, fuq marka massima totali ta’ 100 punt. L-abbozz ta’ rapport jintbagħat lill-kandidat, li mbagħad jgħaddi minn intervista mal-kummissjoni ta’ evalwazzjoni dwar il-punti ddokumentati fl-imsemmi abbozz. Jekk l-applikant ikollu oġġezzjonijiet dwar l-abbozz tar-rapport, huwa għandu jippreżentahom kemm waqt din l-intervista kif ukoll bil-miktub. Fi tmiem l-intervista, il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni għandha teżamina l-oġġezzjonijiet eventwali mqajma u l-punti l-oħra li jirriżultaw mill-intervista, u għandha tfassal ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali motivat, li jindika l-marki miksuba għal kull kriterju ta’ evalwazzjoni u l-marka totali. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-kandidat u lill-KSM.

34

Għalhekk, il-kandidat għandu 48 siegħa mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultati sabiex jippreżenta, kontra l-marka miksuba matul l-evalwazzjoni, rikors quddiem is-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM. Din tal-aħħar teżamina r-rikors fid-dawl tal-oġġezzjonijiet ifformulati u tad-dokumenti li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni. Jekk hija tqis li r-rikors għandu jintlaqa’, hija twettaq evalwazzjoni ġdida tal-kandidat abbażi tal-istess kriterji u tal-istess skala ta’ evalwazzjoni bħal dawk stabbiliti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni. Jekk, għall-kuntrarju, hija tqis li l-appell għandu jiġi miċħud, ma ssir l-ebda evalwazzjoni ġdida tal-kandidat.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

35

Fit‑12 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Curtea de Apel Ploiești (il-Qorti tal-Appell ta’ Ploiești, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni Nru 1348 sa fejn din emendat il-proċedura ta’ promozzjoni effettiva tal-membri tal-ġudikatura lejn il-qrati tal-kontea u l-qrati tal-appell, billi ssostitwixxiet l-eżamijiet bil-miktub preċedenti b’evalwazzjoni tax-xogħol u tal-kondotta tal-kandidati matul l-aħħar tliet snin ta’ attività tagħhom.

36

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-proċedura l-ġdida titbiegħed mill-prinċipju ta’ promozzjoni fuq il-mertu, billi tibbaża ruħha fuq evalwazzjonijiet diskrezzjonali u suġġettivi. Barra minn hekk, billi tafda setgħa predominanti lill-presidenti tal-qrati tal-appell, din il-proċedura l-ġdida jkollha l-effett li tinkoraġġixxi imġiba ta’ sottomissjoni ġerarkika fir-rigward tal-membri ta’ qrati superjuri msejħa sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-membri tal-ġudikatura kandidati għal promozzjoni.

37

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tali bidla fil-proċedura ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura hija ta’ natura li tippreġudika l-indipendenza ta’ dawn tal-aħħar. B’mod partikolari, il-proċedura l-ġdida tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u l-obbligi imposti fuq ir-Rumanija bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (iktar ’il quddiem il-“MKV”), stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928, u tar-rapporti stabbiliti fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu.

38

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-MKV u l-imsemmija rapporti jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu suġġetti għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39

Min-naħa l-oħra, din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ promozzjoni bħal dik introdotta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura.

40

Kien f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

[Il-MKV] stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928/KE] għandu jitqies bħala att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jkun suġġett għal interpretazzjoni mill-[Qorti tal-Ġustizzja]? Il-kontenut, in-natura u l-applikazzjoni ratione temporis tal-MKV stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Trattat ta’ Adeżjoni]? Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti mfassla fil-kuntest tal-MKV huma vinkolanti għar-Rumanija?

(2)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], b’riferiment għall-Artikolu 2 TUE, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċeduri għall-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura fil-kariga?

(3)

Dan il-prinċipju jinkiser bl-istabbiliment ta’ sistema ta’ promozzjoni lejn qorti superjuri bbażata esklużivament fuq evalwazzjoni sommarja tax-xogħol u tal-imġieba, imwettqa minn kummissjoni magħmula mill-president tal-qorti responsabbli għall-istħarriġ ġudizzjarju u tal-membri tagħha, li twettaq, minbarra l-evalwazzjoni perjodika tal-membri tal-ġudikatura, evalwazzjoni distinta oħra tal-membri tal-ġudikatura bil-ħsieb tal-promozzjoni tagħhom kif ukoll stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda minnhom?

(4)

Il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u fl-Artikolu 47 tal-[Karta], kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], b’riferiment għall-Artikolu 2 TUE, jinkiser f’sitwazzjoni li fiha l-Istat Rumen ma jqisx il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tad-dritt tal-[Unjoni], billi jaċċetta l-MKV u r-rapporti tiegħu u jikkonforma magħhom għal iktar minn għaxar snin, u mbagħad mingħajr avviż minn qabel jibdel il-proċedura għall-promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura b’rwoli eżekuttivi, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet tal-MKV?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

41

Il-KSM isostni li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-legalità tas-sistema l-ġdida ta’ promozzjoni għall-membri tal-ġudikatura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u mhux li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dawn id-domandi.

42

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk isostni li l-imsemmija kwistjonijiet jaqgħu fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, qasam li fih l-Unjoni ma għandha ebda kompetenza.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda b’mod ċar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk huma dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta), jew ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju (d-Deċiżjoni 2006/928).

44

Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Pollakk dwar l-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja jirrigwarda, fir-realtà, il-portata stess u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula, liema interpretazzjoni taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

45

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, dawn huma madankollu obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi li, għalihom, joħorġu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domandi preliminari

47

Il-KSM jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domanda għar-raġuni li r-risposti għalihom jirriżultaw b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48

Barra minn hekk, il-KSM isostni li t-tielet u r-raba’ domanda huma inammissibbli peress li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, it-tielet domanda hija bbażata fuq deskrizzjoni żbaljata tal-proċedura ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, fir-rigward tar-raba’ domanda, il-proċedura ta’ promozzjoni effettiva tal-membri tal-ġudikatura bl-ebda mod ma tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rapporti tagħha stabbiliti skont il-MKV.

49

F’dan ir-rigward, minn naħa, għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun meħtieġa, f’dan il-każ, b’tali prova li ma tkun tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għalkemm ċirkustanza bħal din, meta sseħħ, tista’ twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, din l-istess ċirkustanza ma tistax, madankollu, tipprevjeni lill-qorti nazzjonali milli tagħmel domanda preliminari u lanqas ikollha l-effett li tagħmel id-domanda b’hekk inammissibbli (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 138 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni domanda huma ammissibbli.

51

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita b’tilwima dwar il-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda s-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura. Issa, huma preċiżament id-dubji li l-imsemmija qorti għandha dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-sistema mar-rekwiżit ta’ indipendenza li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mad-Deċiżjoni 2006/928, li wassluha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, it-tielet u r-raba’ domanda għandhom rabta mar-realtà tal-kawża prinċipali. Fir-rigward tal-argument ippreżentat mill-KSM sabiex jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi, dan jikkonċerna r-risposta fuq il-mertu li għandha tingħatalhom.

53

Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ domanda huma wkoll ammissibbli.

Fuq l‑ewwel domanda

54

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Deċiżjoni 2006/928 tikkostitwixxix att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, li jista’ jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, jekk din id-deċiżjoni, f’dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tagħha, il-kontenut tagħha u l-effetti ratione temporis tagħha, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni u, fl-aħħar, jekk ir-rekwiżiti indikati fir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-MKV humiex ta’ natura obbligatorja għar-Rumanija.

55

Kif irrilevaw, ġustament, l-Assoċjazzjoni “Forum tal-Membri tal-Ġudikatura tar-Rumanija”, il-KSM u l-Kummissjoni, ir-risposta għall-ewwel domanda tirriżulta manifestament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393).

56

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Deċiżjoni 2006/928 tikkostitwixxi att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, li jista’ jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Din id-deċiżjoni taqa’, f’dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tagħha, il-kontenut tagħha u l-effetti ratione temporis tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni. Il-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni huma intiżi li jiżguraw l-osservanza, mir-Rumanija, tal-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u għandhom natura vinkolanti għall-imsemmi Stat Membru, fis-sens li dan tal-aħħar huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri xierqa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li jitqiesu debitament, taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-istess deċiżjoni, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti msemmija.

Fuq it‑tieni domanda

57

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura għandha tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura.

58

Hekk kif tfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, huma marbuta li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, ġie deċiż li l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 TUE, jafda lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kompitu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 217).

59

L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti fi Stat tad-dritt. Bħala tali, u hekk kif jistabbilixxi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu għal sistema ta’ rimedji u proċeduri li jiżguraw lill-partijiet fil-kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jagħmel riferiment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u li huwa issa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 219 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Minn dan isegwi li, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li huma msejħa, bħala “qorti” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu fuq kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu fis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li jiġi speċifikat li din id-dispożizzjoni tkopri “oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, irrispettivament mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 220 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Sabiex jiġi ggarantit li tali qorti tkun tista’ tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva hekk meħtieġa bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, iż-żamma tal-indipendenza u tal-imparzjalità tagħha hija fundamentali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament, dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati, li huwa inerenti fil-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, fi ħsieb il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-membri tal-ġudikatura ikunu protetti minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom u l-imparzjalità tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-membri tal-ġudikatura u għall-eżerċizzju tal-kariga tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-membri tal-ġudikatura ikkonċernati, u għandhom għalhekk jippermettu li tiġi eskluża assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

B’mod partikolari, l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura għandha tiġi ggarantita u ppreżervata mhux biss fl-istadju tal-ħatra tagħhom, iżda wkoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, matul il-karriera tagħhom, inkluż fil-kuntest tal-proċeduri ta’ promozzjoni, peress li l-proċeduri ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura jagħmlu parti mir-regoli applikabbli għall-istatus tal-membri tal-ġudikatura.

66

Għalhekk huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ promozzjoni ta’ membri tal-ġudikatura jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom, ladarba l-persuni kkonċernati jkunu promossi (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura għandha tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura.

Fuq it‑tielet domanda

68

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha s-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura lejn qorti superjuri hija bbażata fuq evalwazzjoni tax-xogħol u tal-kondotta tal-persuni kkonċernati, imwettqa minn kummissjoni komposta mill-President ta’ din il-qorti superjuri u minn membri tagħha.

69

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jwassal għal rigressjoni tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa kkonkretizzat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE. L-Istati Membri huma għalhekk obbligati li jiżguraw li jiġi evitat kull rigressjoni, fir-rigward ta’ dan il-valur, tal-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, billi jonqsu milli jadottaw regoli li jippreġudikaw l-indipendenza tal-membru tal-ġudikatura (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 6364, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Hekk kif tfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-membri tal-ġudikatura għandhom ikunu protetti minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom. B’mod partikolari, ir-regoli dwar is-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura għandhom jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-membri tal-ġudikatura ikkonċernati, u b’hekk tiġi eskluża assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

71

Għaldaqstant, meta Stat Membru jistabbilixxi sistema ġdida ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura, għandu jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni, fil-kuntest ta’ din is-sistema, tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom, ladarba l-persuni kkonċernati jkunu promossi.

72

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt wara li twettaq l-evalwazzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan. Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Qabel ma jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni, kif previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-proċedura ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija strutturata f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi, ikklassifikata bħala “promozzjoni fuq il-post”, hija bbażata fuq is-suċċess ta’ eżamijiet bil-miktub, intiżi sabiex jivverifikaw kemm il-konoxxenzi teoretiċi tal-kandidati kif ukoll il-kompetenzi prattiċi tagħhom. It-tieni fażi, ikklassifikata bħala “promozzjoni effettiva” u li tippermetti lill-kandidati promossi fuq il-post li jiġu effettivament assenjati ma’ qorti superjuri, hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tax-xogħol u tal-kondotta tagħhom matul l-aħħar tliet snin ta’ servizz.

74

Fil-kuntest ta’ din it-tieni fażi, l-evalwazzjoni ssir minn kummissjoni ta’ evalwazzjoni li l-membri tagħha jinħatru mis-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM. Dik il-kummissjoni hija komposta, fil-livell ta’ kull qorti tal-appell, mill-president ta’ dik il-qorti u minn erba’ mill-membri tagħha, li l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom għandha tikkorrispondi ma’ dawk tal-pożizzjonijiet vakanti. Is-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM tagħżel dawn l-erba’ membri fuq proposta tal-kulleġġ tal-qorti tal-appell, li minnha jagħmel parti l-president ta’ din il-qorti.

75

Għalkemm l-intervent, fil-proċedura ta’ promozzjoni effettiva tal-membri tal-ġudikatura, ta’ korp bħall-imsemmija kummissjoni ta’ evalwazzjoni jista’, bħala prinċipju, ikun ta’ natura li jikkontribwixxi għal għan oġġettiv ta’ din il-proċedura, xorta waħda hemm bżonn li dan il-korp jippreżenta huwa stess garanziji ta’ indipendenza, b’tali mod li għandhom jiġu eżaminati b’mod iktar partikolari l-kundizzjonijiet li fihom jinħatru l-membri tiegħu u l-mod li bih jaqdi b’mod konkret ir-rwol tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 66 sa 68).

76

F’dan il-każ, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri tal-kummissjoni ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li dan huwa kompost esklużivament minn membri tal-ġudikatura, maħtura fuq proposta tal-kulleġġ tal-qorti tal-appell kompetenti, li huwa stess huwa kompost minn membri tal-ġudikatura.

77

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 62, 65 u 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li ċerti membri tal-ġudikatura jeżerċitaw kontroll fuq l-attività professjonali tal-pari tagħhom ma jindikax, bħala tali, li teżisti problema potenzjali ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura. Sa fejn, fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-ġudikatura, il-membri tal-kummissjoni ta’ evalwazzjoni huma stess huma obbligati li jippreżentaw garanziji ta’ indipendenza, huma jissodisfaw, bħala prinċipju, ir-rekwiżit imfakkar fil-punt 75 ta’ din is-sentenza u jidhru, fid-dawl tal-funzjonijiet tagħhom, li huma kapaċi jevalwaw il-merti professjonali tal-pari tagħhom.

78

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-proċedura l-ġdida tista’ twassal għal konċentrazzjoni ta’ setgħat f’idejn ċerti membri ta’ dik il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni u, b’mod iktar partikolari, tal-presidenti tal-qrati tal-appell, ta’ natura li tagħtihom influwenza deċiżiva fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ promozzjoni effettiva. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk jirriżulta li dawn il-membri jakkumulaw diversi funzjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-ħajja professjonali u l-karriera tal-kandidati għall-promozzjoni, pereżempju billi jkunu responsabbli kemm għall-evalwazzjoni perjodika tax-xogħol tagħhom kif ukoll għall-istħarriġ fl-appell tas-sentenzi mogħtija minnhom.

79

Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li tali sitwazzjoni tista’ taffettwa l-mod kif l-imsemmija kummissjoni ta’ evalwazzjoni tissodisfa b’mod konkret ir-rwol tagħha fis-sens tal-punt 75 ta’ din is-sentenza, tali konċentrazzjoni ta’ setgħat, anki jekk tiġi stabbilita, ma tistax, madankollu, titqies li hija, bħala tali, inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară, C‑817/21, EU:C:2023:391, punt 54).

80

Fil-fatt, huwa meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit li l-imsemmija konċentrazzjoni ta’ setgħat tkun tista’ toffri, fil-prattika, waħedha jew flimkien ma’ fatturi oħra, lill-persuni billi jibbenefikaw mill-kapaċità li jinfluwenzaw l-orjentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-membri tal-ġudikatura ikkonċernati u li b’hekk joħolqu assenza ta’ indipendenza jew apparenza ta’ parzjalità tagħhom li tkun tali li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

81

Issa, il-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element intiż li jistabbilixxi li tali konċentrazzjoni eventwali ta’ setgħat tista’, waħedha, tagħti fil-prattika tali kapaċità ta’ influwenza u lanqas ebda element ieħor li jista’, flimkien mal-imsemmija konċentrazzjoni ta’ setgħat, jipproduċi tali effetti li jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji dwar l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura promossi.

82

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha l-elementi rilevanti kollha, li għandha twettaq evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

83

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni effettiva u, b’mod partikolari, tal-kriterji ta’ evalwazzjoni implimentati mill-kummissjoni ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ammissjoni għall-proċedura ta’ promozzjoni effettiva tippresupponi li jgħaddu minn eżamijiet bil-miktub, teoretiċi u prattiċi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni “fuq il-post”, li r-rilevanza tagħhom ma tidhirx li hija kkontestata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi b’mod ċar kriterji li jidhru li huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-merti professjonali tal-kandidati.

84

Għalhekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tax-xogħol tal-kandidati, din hija bbażata fuq kriterji relatati mal-kapaċità tagħhom ta’ analiżi u ta’ sinteżi, taċ-ċarezza u tal-loġika tal-argument tagħhom, mal-osservanza tal-ġurisprudenza tal-qrati superjuri, u mal-kapaċità tagħhom li jiddeċiedu b’osservanza ta’ terminu raġonevoli. Min-naħa tagħha, l-evalwazzjoni tal-kondotta tal-kandidati hija bbażata fuq kriterji relatati, essenzjalment, mal-kondotta tal-kandidati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom kemm fir-rigward tal-kollegi tagħhom kif ukoll tal-partijiet fil-kawża, u l-kapaċità tagħhom li jiżguraw l-iżvolġiment tajjeb tas-seduti.

85

Barra minn hekk, dawn il-kriterji jidhru li huma s-suġġett ta’ evalwazzjonijiet oġġettivi abbażi ta’ elementi verifikabbli. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tax-xogħol tal-kandidati, il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni tibbaża ruħha essenzjalment fuq kampjun ta’ għaxar deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija mill-kandidat, magħżula b’mod każwali u fuq il-bażi ta’ kriterji uniformi. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kondotta tal-kandidati, din hija evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-fajl professjonali tal-kandidat kif ukoll ta’ rekords ta’ seduti, u dan ukoll jagħti natura verifikabbli lill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni f’din l-evalwazzjoni.

86

Għaldaqstant, jidher li l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dawn l-evalwazzjonijiet huma suffiċjentement diversifikati u verifikabbli, u dan għandu tendenza li jillimita r-riskju li l-proċedura ta’ promozzjoni effettiva tkun ta’ natura diskrezzjonali. Il-fatt li l-kummissjoni ta’ evalwazzjoni tista’ eventwalment tieħu inkunsiderazzjoni opinjonijiet motivati maħruġa mis-sezzjoni li fiha jkun jinsab il-kandidat ikkonċernat fil-mument li fih tiżvolġi din il-proċedura, kif ukoll mis-sezzjoni tal-qorti ta’ livell superjuri li tikkorrispondi għall-ispeċjalizzazzjoni tiegħu, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jikkontesta din l-analiżi, sakemm tali opinjonijiet motivati jkunu ta’ natura li jiċċaraw il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni fuq il-merti professjonali ta’ dan il-kandidat mill-perspettiva tax-xogħol jew tal-kondotta tiegħu.

87

Fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni effettiva, għandu jiġi rrilevat li, ladarba l-proċedura tkun intemmet, il-kummissjoni ta’ evalwazzjoni għandha tistabbilixxi rapport motivat li jindika l-marki mogħtija għal kull wieħed mill-kriterji kkonċernati kif ukoll il-marka globali miksuba mill-kandidat. Barra minn hekk, jekk il-kandidat ikollu oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ dan ir-rapport, huwa jista’ jippreżentahom waqt intervista mal-kummissjoni ta’ evalwazzjoni kif ukoll bil-miktub. Fl-aħħar, il-kandidat għandu 48 siegħa mill-pubblikazzjoni tar-riżultati sabiex jippreżenta rikors kontra l-marka miksuba quddiem is-Sezzjoni għall-Membri tal-Ġudikatura tal-KSM. Din għandha teżamina jekk hijiex meħtieġa evalwazzjoni ġdida u, fejn xieraq, twettaq din l-evalwazzjoni hija stess.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-kummissjoni ta’ evalwazzjoni kif ukoll tal-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra l-evalwazzjonijiet tagħha, il-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni effettiva ma jidhrux li huma ta’ natura li jipperikolaw l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura promossi fi tmiem din il-proċedura. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti u li hija biss għandha għarfien dirett tal-imsemmija modalitajiet proċedurali, li għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ.

89

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha s-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura lejn qorti superjuri hija bbażata fuq evalwazzjoni tax-xogħol u tal-kondotta tal-persuni kkonċernati, imwettqa minn kummissjoni komposta mill-President ta’ din il-qorti superjuri u minn membri tagħha, sa fejn il-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni effettiva jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom, ladarba l-persuni kkonċernati jkunu promossi.

Fuq ir‑raba’ domanda

90

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni 2006/928 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li temenda s-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura meta, fir-rapporti stabbiliti taħt din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tkun ifformulat ebda rakkomandazzjoni dwar tali emenda.

91

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/928, ir-Rumanija għandha tirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwar il-progress li tkun għamlet sabiex tilħaq kull wieħed mill-punti ta’ riferiment stabbiliti fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, u li l-ewwel wieħed minn dawn il-punti ta’ riferiment huwa intiż b’mod partikolari sabiex “[t]assigura proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti”.

92

F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-imsemmi anness huma intiżi li jiżguraw l-osservanza, mir-Rumanija, tal-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u huma ta’ natura vinkolanti għal dan l-Istat Membru, fis-sens li dan tal-aħħar huwa obbligat jieħu l-miżuri xierqa għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, billi jieħu debitament inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fl-imsemmija rapporti.

93

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, la d-Deċiżjoni 2006/928 u lanqas ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti stabbiliti abbażi tagħha ma għandhom l-għan li jimponu fuq l-Istat Membru kkonċernat mudell preċiż ta’ organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, bla ħsara għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tagħha.

94

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni, fir-rapporti tagħha stabbiliti abbażi tad-Deċiżjoni 2006/928, ma identifikat ebda problema preċiża u lanqas ma fformulat rakkomandazzjoni dwar is-sistema ta’ promozzjoni tal-membru tal-ġudikatura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

95

F’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ir-rapporti tal-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 2006/928 u, b’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet li huma fformulati fih, l-assenza ta’ rakkomandazzjoni fl-ebda każ ma tista’ titqies li hija ostakolu għall-eżerċizzju, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-kompetenza tiegħu fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-Deċiżjoni 2006/928 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li temenda s-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura meta, fir-rapporti stabbiliti taħt din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tkun ifformulat ebda rakkomandazzjoni dwar tali emenda.

Fuq l‑ispejjeż

97

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tikkostitwixxi att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, li jista’ jiġi interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE Din id-deċiżjoni taqa’, f’dak li jirrigwarda n-natura ġuridika tagħha, il-kontenut tagħha u l-effetti ratione temporis tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea. Il-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni huma intiżi li jiżguraw l-osservanza, mir-Rumanija, tal-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u għandhom natura vinkolanti għall-imsemmi Stat Membru, fis-sens li dan tal-aħħar huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri xierqa biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li jitqiesu debitament, taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi tal-istess deċiżjoni, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti msemmija.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura għandha tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura.

 

3)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha s-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura lejn qorti superjuri hija bbażata fuq evalwazzjoni tax-xogħol u tal-kondotta tal-persuni kkonċernati, imwettqa minn kummissjoni komposta mill-President ta’ din il-qorti superjuri u minn membri tagħha, sa fejn il-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni effettiva jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom, ladarba l-persuni kkonċernati jkunu promossi.

 

4)

Id-Deċiżjoni 2006/928/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li temenda s-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura meta, fir-rapporti stabbiliti taħt din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea ma tkun ifformulat ebda rakkomandazzjoni dwar tali emenda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.