SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) – Kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt ta’ self iggarantit b’ipoteka ddikjarati nulli mill-qrati nazzjonali – Rimedju ġudizzjarju – Konċessjoni qabel kull kontestazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal sabiex konsumatur ikun meħtieġ iwettaq pass prekontenzjuż fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat sabiex ma jiġix ikkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
Fil-Kawża C‑35/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Málaga (il-Qorti Provinċjali ta’ Málaga, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura
CAJASUR Banco SA
vs
JO,
IM,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, L. S. Rossi, S. Rodin (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal CAJASUR Banco SA, minn V. Rodríguez de Vera Casado, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, J. Ruiz Sánchez u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, CAJASUR Banco SA u, min-naħa l-oħra, JO u IM, dwar l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija minn dawn tal-aħħar bil-għan li tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt ta’ self iggarantit b’ipoteka minħabba, b’mod partikolari, in-natura inġusta ta’ din il-klawżola. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
4 |
L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id‑dritt Spanjol
|
5 |
Skont l-Artikolu 1303 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili): “Meta obbligu stipulat f’kuntratt jiġi ddikjarat null, il-kontraenti għandhom jirrestitwixxu lil xulxin l-affarijiet li kienu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, il-frott prodott minnhom u l-prezz imħallas bħala korrispettiv ta’ dawn l-affarijiet, flimkien mal-interessi, ħlief fil-każijiet previsti fl-artikoli li ġejjin.” |
|
6 |
L-Artikolu 395 tal-Ley 1/2000, de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LEC”), li jipprevedi r-regoli applikabbli għall-kundanna għall-ispejjeż fil-każ ta’ konċessjoni, jipprovdi: “1. Meta talba tiġi kkonċeduta qabel kull kontestazzjoni, ma hemmx lok li ssir il-kundanna ta’ waħda mill-partijiet għall-ispejjeż tal-kawża, sakemm il-qorti ma tikkonstatax, b’mod debitament motivat, il-mala fide tal-konvenut. Il-mala fide tal-konvenut titqies li teżisti jekk, qabel it-tressiq tat-talba, ir-rikorrent ikun bagħatlu intimazzjoni għall-ħlas probatorja u ġġustifikata, jekk tkun inbdiet proċedura ta’ medjazzjoni jew jekk il-konvenut ikun ġie msejjaħ għal konċiljazzjoni.” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
7 |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ self iggarantit b’ipoteka. Fl‑2018, JO u IM ippreżentaw rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 18 bis de Málaga (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 18 bis ta’ Málaga, Spanja), intiż għall-annullament ta’ klawżola tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-kuntratt dwar l-ispejjeż ipotekarji u għar-rimbors tal-ammont imħallas skont din il-klawżola, minħabba n-natura inġusta ta’ din tal-aħħar. Wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, CAJASUR Banco rrikonoxxiet in-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, iżda, peress li qieset li l-ammont mitlub f’dan ir-rigward kien eċċessiv, aċċettat li tirrimborsa biss parti minn dan l-ammont. |
|
8 |
Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2020, il-Juzgado de Primera Instancia no 18 bis de Málaga (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 18 bis ta’ Malaga) iddikjarat l-istess klawżola nulla ipso jure minħabba n-natura inġusta tagħha u kkundannat, f’dan ir-rigward, lil CAJASUR Banco, minn naħa, tħallas lura lil JO u lil IM parti mill-ammont mitlub kif ukoll, min-naħa l-oħra, tħallas l-ispejjeż tal-proċedura. |
|
9 |
CAJASUR Banco ppreżentat rikors quddiem l-Audiencia Provincial de Málaga (il-Qorti Provinċjali ta’ Málaga, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, fir-rigward biss ta’ din il-kundanna għall-ispejjeż. Hija ssostni li, peress li hija kkonċediet għat-talba qabel kull kontestazzjoni, l-imsemmija kundanna għall-ispejjeż tmur kontra l-Artikolu 395 tal-LEC, sa fejn dan l-artikolu jipprevedi li tali kundanna tista’ tiġi imposta biss meta tiġi kkonstatata l-mala fide tal-konvenut. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, skont l-imsemmi artikolu, il-mala fide għandha titqies li teżisti biss meta, qabel it-tressiq tat-talba, il-konvenut ikun irċieva intimazzjoni għall-ħlas probatorja u ġġustifikata, meta tkun inbdiet proċedura ta’ medjazzjoni fir-rigward tal-konvenut jew meta dan tal-aħħar ikun ġie msejjaħ għal konċiljazzjoni. |
|
10 |
Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, din il-pożizzjoni hija konformi ma’ ġurisprudenza kkonsolidata tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), dwar l-applikazzjoni tal-istess artikolu. |
|
11 |
Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta wkoll li JO u IM ma wettqux pass prekontenzjuż fil-konfront ta’ CAJASUR Banco. |
|
12 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Málaga (il-Qorti Provinċjali ta’ Málaga) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà
|
13 |
Skont il-Gvern Spanjol, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli peress li f’din it-talba l-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali ma ġiex ippreżentat b’mod korrett mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din tal-aħħar ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula, li huma ta’ natura ipotetika peress li, skont id-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tista’ taqta’ t-tilwima fil-kawża prinċipali mingħajr ma tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. |
|
14 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tista’ tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 76, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 26). |
|
15 |
Għalhekk, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 77, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Servicios prescriptor y medios de pagos EFC, C‑215/21, EU:C:2022:723, punt 27). |
|
16 |
Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. |
|
17 |
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u hija intiża li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix regola tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 395 tal-LEC, dwar it-tqassim tal-ispejjeż fil-proċeduri ġudizzjarji mressqa minn konsumaturi sabiex jeżerċitaw id-drittijiet li jisiltu minn din id-direttiva. |
|
18 |
Barra minn hekk, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 395 tal-LEC, kif interpretat mill-ġurisprudenza nazzjonali, konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 93/13, ikun fir-riskju li jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati mar-rikors ġudizzjarju li huwa jkun ippreżenta fir-rigward ta’ klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur minkejja l-konstatazzjoni mill-qorti kompetenti tan-natura inġusta ta’ waħda minn dawn il-klawżoli. |
|
19 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
|
20 |
Għalkemm, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mill-motivi tad-digriet tar-rinviju jirriżulta li dik il-qorti qiegħda essenzjalment tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 fid-dawl tal-portata tal-prinċipju ta’ effettività, li jissemma fit-tieni domanda. |
|
21 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-assenza ta’ twettiq minn konsumatur ta’ pass prekontenzjuż fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur li miegħu jkun ikkonkluda kuntratt li jinkludi klawżola inġusta, dan il-konsumatur ikollu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura ġudizzjarja li huwa jkun ressaq kontra dan il-bejjiegħ jew fornitur sabiex jinvoka d-drittijiet li tagħtih id-Direttiva 93/13 meta l-imsemmi bejjiegħ jew fornitur ikun ikkonċeda għat-talba tal-imsemmi konsumatur qabel kull kontestazzjoni, minkejja li tkun ġiet ikkonstatata n-natura inġusta ta’ din il-klawżola. |
|
22 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tirrappreżenta l-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, l-obbligu li jipprevedu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista fid-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza), u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance,C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
F’dan id-dawl, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tqassim tal-ispejjeż ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati nazzjonali jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 95). |
|
25 |
Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed minn dawn il-prinċipji li jissemma fit-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’dan id-dawl, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom tkun imsejsa s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Id-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur id-dritt li jipproċedi quddiem qorti sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt li bejjiegħ jew fornitur ikun ikkonkluda miegħu u sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk il-mod kif jitqassmu l-ispejjeż ta’ tali proċedura jkun jiddependi biss mis-somom imħallsa indebitament li jkun ġie ordnat il-ħlas lura tagħhom, dan ikun ta’ natura li jiddiswadi lill-konsumatur milli jeżerċita dan id-dritt minħabba l-ispejjeż li tista’ timplika azzjoni legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema li tippermetti li parti mill-ispejjeż proċedurali jbatiha l-konsumatur skont il-livell tas-somom imħallsa indebitament li jitħallsu lura lilu wara l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola kuntrattwali minħabba n-natura inġusta tagħha, peress li tali sistema toħloq ostakolu sostanzjali li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, kif dan id-dritt huwa mogħti mid-Direttiva 93/13 (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 99). |
|
28 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal sabiex tirrimedja għal kollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk jeżistix, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-proċedura nazzjonali kkonċernata, riskju mhux negliġibbli li dan tal-aħħar jiġi dissważ milli jinvoka d-drittijiet li huwa għandu taħt id-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (Azzjoni għall-ħlas tal-onorarji tal-avukat),C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 395 tal-LEC, kif interpretat mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jipprevedi li kundanna tal-konvenut għall-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja hija imposta biss jekk il-mala fide ta’ dan tal-aħħar tkun stabbilita, fejn din titqies li teżisti fil-każ li, qabel ir-rikors ġudizzjarju ppreżentat, kien għalxejn li dan il-konvenut ġie indirizzat mir-rikorrent b’intimazzjoni għall-ħlas probatorja u ġġustifikata, li nbdiet proċedura ta’ medjazzjoni minn dan ir-rikorrent jew li l-imsemmi konvenut ġie msejjaħ għal konċiljazzjoni mill-imsemmi rikorrent. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċeduri tipiċi mibdija skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-“konsumatur”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ikun, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ir-rikorrent u l-“bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, ikun, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-konvenut, li jimplika li l-Artikolu 395 tal-LEC, kif interpretat mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jeħtieġ, de facto, li konsumatur, qabel kull azzjoni ġudizzjarja, jindirizza intimazzjoni għall-ħlas, probatorja u ġġustifikata, lill-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat, li jibda proċedura ta’ medjazzjoni ma’ dan il-bejjiegħ jew fornitur jew li jsejjaħ lil dan il-bejjiegħ jew fornitur għal konċiljazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, fil-każ li l-imsemmi bejjiegħ jew fornitur jikkonċedi qabel kull kontestazzjoni, dan tal-aħħar ikun preżunt in bona fide u ma jkunx jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż, u dan anki jekk il-proċedura ġudizzjarja hekk mibdija tkun ippermettiet li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt ikkonċernat. |
|
31 |
Għalkemm, kif indika l-Gvern Spanjol, l-għanijiet imfittxija minn dan l-Artikolu 395, jiġifieri t-tnaqqis fil-volum ta’ xogħol tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandhom jitqiesu li huma leġittimi u għalkemm, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-twettiq ta’ wieħed mill-passi prekontenzjużi msemmija f’dan l-artikolu jidher li jikkostitwixxi, għall-konsumatur ikkonċernat, rekwiżit proċedurali raġonevoli, xorta jibqa’ l-fatt li l-obbligu li jitwettaq pass prekontenzjuż jaqa’, fl-aħħar mill-aħħar, esklużivament fuq dan il-konsumatur. |
|
32 |
Issa, fil-qasam tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, li huwa s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbundanti nazzjonali, tali obbligu għandu jaqa’ b’mod ugwali fuq iż-żewġ partijiet kontraenti. Fil-fatt, meta n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli standardizzati tkun ġiet ikkonstatata minn ġurisprudenza nazzjonali stabbilita sew, jista’ jkun daqstant ieħor mistenni mill-istabbilimenti bankarji li jieħdu l-inizjattiva li jikkuntattjaw lill-klijenti tagħhom li l-kuntratti tagħhom jinkludu tali klawżoli, qabel kull azzjoni ġudizzjarja mressqa minn dawn tal-aħħar, sabiex jiġu annullati l-effetti ta’ dawn il-klawżoli. |
|
33 |
Barra minn hekk, anki jekk ma huwiex eskluż li l-interess ġenerali f’amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jista’, bħala tali, jipprevali fuq l-interessi partikolari tal-konsumaturi, xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli proċedurali intiżi li jimplimentaw dan l-interess ġenerali ma għandhomx jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 395 tal-LEC, li tqiegħed ir-responsabbiltà kollha tal-inizjattiva għat-twettiq ta’ pass prekontenzjuż fuq il-konsumatur ikkonċernat ma hijiex ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-bejjiegħa jew fornituri jisiltu, b’mod volontarju u spontanju, il-konsegwenzi kollha tal-ġurisprudenza dwar il-klawżoli kuntrattwali inġusti u b’hekk tiffavorixxi t-tkomplija tal-effetti ta’ dawn il-klawżoli. Fl-aħħar nett, billi tqiegħed riskju finanzjarju addizzjonali fuq dan il-konsumatur, tali leġiżlazzjoni tista’ toħloq ostakolu li jista’ jiskoraġġixxi lill-imsemmi konsumatur milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt li jorbtu ma’ bejjiegħ jew fornitur. |
|
35 |
Fl-aħħar nett, konsumatur, li jkun ikkonkluda kuntratt li jinkludi klawżola inġusta, ma jistax jiġi kkritikat li jipproċedi quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti sabiex jeżerċita d-drittijiet li huma ggarantiti lilu mid-Direttiva 93/13 fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-bejjiegħ jew fornitur ikkonċernat minkejja l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli analogi minn ġurisprudenza nazzjonali stabbilita sew, li kien imissha serviet bħala inċentiv għal dan tal-aħħar sabiex jikkuntattja, fuq inizjattiva tiegħu stess, lil dan il-konsumatur u sabiex itemm l-effetti ta’ din il-klawżola inġusta mill-iktar fis possibbli. |
|
36 |
Issa, skont il-qorti tar-rinviju, teżisti ġurisprudenza kkonsolidata tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li tistabbilixxi n-natura inġusta tal-istess tip ta’ klawżola kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom it-tendenza li, minflok ma jinformaw lill-konsumaturi bil-konsegwenzi tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-klawżoli kuntrattwali inġusti, jistennew sakemm jirċievu talba prekontenzjuża, li huma jaċċettaw, jew jistennew sakemm tinfetaħ proċedura ġudizzjarja, f’liema każ huma jikkonċedu immedjatament għat-talba, qabel ma jippreżenta risposta, sabiex jevitaw li jħallsu l-ispejjeż tal-proċedura. |
|
37 |
Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-għarfien li dawn l-istabbilimenti huma mistennija li għandhom f’dan il-qasam u fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ inferjorità tal-konsumaturi meta mqabbla mal-imsemmija stabbilimenti, l-aġir imsemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza jista’ jikkostitwixxi indizji serji tal-mala fide tal-istess stabbilimenti. Huwa meħtieġ għalhekk li l-qorti kompetenti tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward u, jekk ikun il-każ, tislet il-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom. |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-assenza ta’ twettiq minn konsumatur ta’ pass prekontenzjuż fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur li miegħu jkun ikkonkluda kuntratt li jinkludi klawżola inġusta, dan il-konsumatur għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura ġudizzjarja li huwa jkun ressaq kontra dan il-bejjiegħ jew fornitur sabiex jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13 meta l-imsemmi bejjiegħ jew fornitur jikkonċedi għat-talba tal-imsemmi konsumatur qabel kull kontestazzjoni, anki jekk in-natura inġusta ta’ din il-klawżola tkun ġiet ikkonstatata, bil-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita sew li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżoli analogi u l-attitudni tal-istess bejjiegħ jew tal-fornitur sabiex tikkonstata l-mala fide ta’ dan tal-aħħar u, jekk ikun il-każ, tikkundannah konsegwentement għal dawn l-ispejjeż. |
Fuq l‑ispejjeż
|
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fl-assenza ta’ twettiq minn konsumatur ta’ pass prekontenzjuż fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur li miegħu jkun ikkonkluda kuntratt li jinkludi klawżola inġusta, dan il-konsumatur għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-proċedura ġudizzjarja li huwa jkun ressaq kontra dan il-bejjiegħ jew fornitur sabiex jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 93/13 meta l-imsemmi bejjiegħ jew fornitur jikkonċedi għat-talba tal-imsemmi konsumatur qabel kull kontestazzjoni, anki jekk in-natura inġusta ta’ din il-klawżola tkun ġiet ikkonstatata, bil-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita sew li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżoli analogi u l-attitudni tal-istess bejjiegħ jew tal-fornitur sabiex tikkonstata l-mala fide ta’ dan tal-aħħar u, jekk ikun il-każ, tikkundannah konsegwentement għal dawn l-ispejjeż. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.