SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Indipendenza tal-qrati – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Tneħħija tal-immunità minn proċeduri kriminali u sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef ordnati mill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ din l-awla – Bidla fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jieħu konjizzjoni ta’ kawża li sa dak iż-żmien kienet fdata lil dak l-imħallef – Projbizzjonijiet għall-qrati nazzjonali li jikkontestaw il-leġittimità ta’ qorti, li jikkompromettu l-funzjonament tagħha jew li jevalwaw il-legalità jew l-effettività tal-ħatra tal-imħallfin jew tas-setgħat ġudizzjarji tagħhom taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari – Obbligu għall-qrati kkonċernati u għall-korpi kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li jeskludu l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ tneħħija tal-immunità u ta’ sospensjoni tal-imħallef ikkonċernat – Obbligu għal dawn l-istess qrati u korpi li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-imsemmija projbizzjonijiet”
Fil-Kawżi magħquda C‑615/20 u C‑671/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Novembru 2020 u tad‑9 ta’ Diċembru 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess dati, fil-proċeduri kriminali kontra
YP et (C‑615/20),
M. M. (C‑671/20),
fil-preżenza ta’:
Prokuratura Okręgowa w Warszawie,
Komisja Nadzoru Finansowego et (C‑615/20),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal (Relatriċi), E. Regan u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, N. Piçarra, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, I. Ziemele, J. Passer, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Ġunju 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Prokuratura Okręgowa w Warszawie, irrappreżentat minn S. Bańko, M. Dubowski u A. Reczka, |
– |
għal YP, irrappreżentat minn S. Domaradzki, adwokat, |
– |
għall-Gvern Pollakk, irrappreżentat minn B. Majczyna, K. Straś u S. Żyrek, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn M. Jacobs, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J. Farver Kronborg, J. Nymann-Lindegren, V. Pasternak Jørgensen u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, M. A. M. de Ree u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn H. Leppo, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Svediż, irrappreżentat minn A. Runeskjöld u H. Shev, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu, minn naħa, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija mill-Prokuratura Okręgowa w Warszawie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) kontra YP et fir-rigward ta’ diversi reati u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura bejn dan l-istess uffiċċju tal-prosekutur reġjonali u M. dwar il-ħolqien ta’ ipoteka mandatorja fuq proprjetà immobbli ta’ dan tal-aħħar. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑Kostituzzjoni
3 |
L-Artikolu 45(1) tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) jipprevedi li: “Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ xieraq u pubbliku, mingħajr dewmien eċċessiv, minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali.” |
4 |
Skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika għandu jaħtar lill-imħallfin, fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”), għal żmien indeterminat. |
5 |
L-Artikolu 180 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi li: “1. L-imħallfin ma jistgħux jitneħħew. 2. Imħallef ma jistax jitkeċċa, jiġi sospiż mill-funzjonijiet tiegħu, imċaqlaq għal ġurisdizzjoni oħra jew funzjoni oħra kontra r-rieda tiegħu ħlief skont deċiżjoni ġudizzjarja u biss f’każijiet previsti mil-liġi. […]” |
6 |
L-Artikolu 181 tal-Kostituzzjoni jipprevedi li: “Imħallef jista’ jinżamm responsabbli kriminalment jew titneħħielu l-libertà biss bil-kunsens minn qabel ta’ qorti stabbilita bil-liġi. […]” |
Il‑Liġi dwar il‑Qorti Suprema
7 |
L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, punt 5), stabbilixxiet b’mod partikolari, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), awla ġdida msejħa Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi. |
8 |
L-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi Dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, punt 190), li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020, emendat il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, b’mod partikolari billi inkludiet punt 1a ġdid fl-Artikolu 27(1) ta’ din l-aħħar liġi. |
9 |
Skont l-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema kif emendata: “Il-kawżi li ġejjin huma ta’ kompetenza tal-Awla Dixxiplinari:
|
Il‑Liġi Dwar il‑Qrati Ordinarji
10 |
L-Artikolu 41b tal-Liġi war l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, imsemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, kif emendata bil-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”), jistabbilixxi li: “1. L-awtorità kompetenti sabiex teżamina lment jew talba dwar l-attività ta’ qorti għandu jkun il-president ta’ dik il-qorti. […] 3. L-awtorità kompetenti sabiex teżamina lment dwar l-attività tal-President tas-[Sąd Rejonowy (il-Qorti Distrettwali, il-Polonja)], tal-president tas-[Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali, il-Polonja)] jew tal-President tas-[Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell, il-Polonja)] għandu jkun il-President tas-[Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali)], il-President tas-[Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell)] u l-[KRS] rispettivament.” |
11 |
L-Artikolu 42a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jgħid li: “1. Fil-kuntest tal-attivitajiet tal-qrati jew tal-organi tal-qrati, ma għandux ikun permissibbli li titqiegħed f’dubju l-leġittimità [tal-qrati], tal-organi kostituzzjonali tal-Istat jew tal-organi responsabbli għar-reviżjoni u għall-protezzjoni tal-liġi. 2. Qorti ordinarja jew awtorità oħra ma tistax tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa ta’ eżerċizzju ta’ funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja li joriġina minn dik il-ħatra.” |
12 |
L-Artikolu 47a(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li: “Il-kawżi għandhom jiġu assenjati lill-imħallfin u lill-imħallfin apprendisti b’mod aleatorju skont kategoriji speċifiċi ta’ kawżi, ħlief meta l-kawżi jiġu assenjati lil imħallef tal-għassa.” |
13 |
Skont l-Artikolu 47b tal-imsemmija liġi: “1. Il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ qorti hija ammessa biss jekk din ma tkunx tista’ tittratta l-kawża fil-kompożizzjoni attwali tagħha jew jekk ikun jeżisti ostakolu fit-tul għat-trattament tal-kawża fil-kompożizzjoni attwali tagħha. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47a għandhom japplikaw mutatis mutandis. […] 3. Id-deċiżjonijiet imsemmija [fil-paragrafu 1] […] għandhom jittieħdu mill-President tal-qorti jew minn imħallef maħtur minnu.” |
14 |
L-Artikolu 80 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedi li: “1. Imħallfin jistgħu jiġu arrestati jew ikunu s-suġġett għal proċeduri kriminali biss bl-awtorizzazzjoni tal-qorti dixxiplinari li jkollha kompetenza. […] […] 2c. Il-qorti dixxiplinari għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-bidu ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef jekk is-suspetti kontrih jkunu ssustanzjati biżżejjed. Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-awtorizzazzjoni sabiex jinbdew proċeduri kriminali kontra l-imħallef u għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. […]” |
15 |
L-Artikolu 107(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Imħallef għandu jkun responsabbli, fil-livell dixxiplinari, għal ksur ta’ obbligi professjonali (nuqqasijiet dixxiplinari), inklużi każijiet ta’: […]
[…]” |
16 |
Abbażi tal-Artikolu 110(2a) tal-imsemmija liġi: “[…] Fil-kawżi msemmija fl-Artikolu 80 […], il-qorti li jkollha kompetenza għandha tkun, fl-ewwel istanza, is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ippresjeduta minn imħallef wieħed tal-Awla Dixxiplinari u, fit-tieni istanza, is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ippresjeduta minn kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-Awla Dixxiplinari.” |
17 |
L-Artikolu 129(1) sa (3) ta’ din il-liġi jgħid li: “1. Il-qorti dixxiplinari tista’ tissospendi mħallef li kontra tiegħu jkunu nbdew proċeduri dixxiplinari […] u tista’ wkoll tagħmel hekk jekk tadotta riżoluzzjoni li tippermetti li l-imħallef jinżamm kriminalment responsabbli. 2. Jekk il-qorti dixxiplinari tadotta riżoluzzjoni li tippermetti li mħallef jinżamm kriminalment responsabbli għal reat deliberat prosegwibbli b’akkuża pubblika, hija għandha tissospendi ex officio lill-imħallef mill-funzjonijiet tiegħu. 3. Il-qorti dixxiplinari, meta tissospendi mħallef mill-funzjonijiet tiegħu, għandha tnaqqas l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu b’bejn 25 % u 50 % sakemm iddum dik is-sospensjoni; […]” |
Il‑Kodiċi Kriminali
18 |
L-Artikolu 241(1) tal-kodeks karny (il-Kodiċi Kriminali) jipprovdi li “kull min jippubblika, mingħajr awtorizzazzjoni, l-informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni kriminali qabel ma din tiġi żvelata fil-proċedura ġudizzjarja, huwa suġġett għal multa, għal piena Komunitarja jew għal piena li ċċaħħad il-libertà sa sentejn”. |
Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali
19 |
L-Artikolu 439(1) tal-kodeks postępowania karnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jgħid li: “Irrispettivament mil-limiti tal-appell u l-aggravji tal-appell ippreżentati u mill-impatt tal-ksur fuq il-kontenut tad-deċiżjoni, il-qorti ta’ appell għandha twarrab id-deċiżjoni appellata jekk:
[…]” |
Il‑proċeduri fil‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑Kawża C‑615/20
20 |
Abbażi ta’ att ta’ akkuża, tas‑7 ta’ Frar 2017, maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, YP u tlettax-il akkużat ieħor huma akkużati quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) għal sensiela ta’ reati li kkawżaw dannu lil 229 vittma. Din il-kawża ġiet assenjata lil kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku ta’ din il-qorti, kompost mill-Imħallef I. T. Il-proċess fil-kawża prinċipali fih 197 volum u iktar minn mitt seduta nżammu diġà quddiem dan l-imħallef, li matulhom instemgħu l-akkużati, il-vittmi u iktar minn 150 xhud. Fil-jum tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑615/20, il-proċedura kienet qiegħda toqrob il-fażi finali tagħha, peress li kien għad iridu jinstemgħu ftit xhieda u esperti biss. |
21 |
Fl‑14 ta’ Frar 2020, il-Prokuratura Krajowa Wydział Spraw Wewnętrznych (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, Sezzjoni tal-Affarijiet Interni, il-Polonja) ressaq quddiem l-Awla Dixxiplinari talba għal awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-Imħallef I. T. talli “fit‑18 ta’ Diċembru 2017, f’Varsavja, bħala uffiċjal tal-Istat […] naqas pubblikament mid-dmirijiet speċifiċi għall-funzjoni tiegħu […] u [eċċeda] il-kompetenzi tiegħu […], sa fejn awtorizza rappreżentanti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni jirrekordjaw immaġni u ħsejjes matul is-seduta quddiem is-[Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja)] fil-kawża […] kif ukoll matul l-għoti tad-deċiżjoni f’din il-kawża u l-espożizzjoni orali tal-motivi tagħha u sa fejn, b’dan il-mod, żvela lil persuni mhux awtorizzati, mingħajr il-kunsens legalment meħtieġ tal-persuna awtorizzata, informazzjoni li toriġina mill-proċedura istruttorja tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja fil-kawża […], liema informazzjoni huwa kien kiseb fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, u, konsegwentement, sa fejn aġixxa għad-detriment tal-interess pubbliku, li jikkostitwixxi reat fis-sens tal-Artikolu 231(1) tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 266(2), mal-Artikolu 241(1) u mal-Artikolu 11(2) ta’ dan l-istess kodiċi”. |
22 |
Fid‑9 ta’ Ġunju 2020, l-Awla Dixxiplinari, li ddeċidiet fl-ewwel istanza b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, ma laqgħetx din it-talba. Fuq appell tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, din l-istess awla, li ddeċidiet fit-tieni istanza b’kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin, awtorizzat, permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑18 ta’ Novembru 2020 (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni kontenzjuża”), il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-Imħallef I. T., issospendietu mill-funzjonijiet tiegħu u naqqset l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu b’25 % għat-tul ta’ din is-sospensjoni. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju, li hija l-kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) attwalment responsabbli għall-proċeduri kriminali msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza u li fi ħdanha l-Imħallef I. T. ipoġġi bħala imħallef uniku, tirrileva li r-riżoluzzjoni kontenzjuża hija ta’ natura li tista’ tostakola lil dan il-kulleġġ ġudikanti milli jkompli din il-proċedura. |
24 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
25 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, YP, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja u l-Kummissjoni Ewropea semmew li l-appell ippreżentat minn dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali kontra d-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 kien ġie miċħud permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Frar 2021 tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), peress li din l-aħħar qorti qieset li r-riżoluzzjoni kontenzjuża jista’ ma jkollhiex in-natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja għar-raġuni li ġiet adottata mill-Awla Dixxiplinari, li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti. |
Il‑Kawża C‑671/20
26 |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja akkuża lil M. b’diversi reati, b’mod partikolari dawk li naqas milli jirreġistra għal falliment ta’ kumpannija, naqas milli jissodisfa t-talbiet tal-kredituri tagħha, naqas milli jirreġistra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ din l-istess kumpannija u wettaq frodi bankarja. |
27 |
F’dan il-kuntest, il-prosekutur pubbliku ordna, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2020, il-ħolqien ta’ ipoteka mandatorja fuq proprjetà immobbli ta’ M. u ta’ martu, sabiex jiġi ggarantit il-ħlas ta’ multa eventwali u ta’ spejjeż ġudizzjarji eventwali li għalihom seta’ jiġi kkundannat M. Dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), qorti li fi ħdanha l-kawża marbuta ma’ dan ir-rikors ġiet assenjata lill-Imħallef I. T. |
28 |
Wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża li ssospendiet b’mod partikolari lill-Imħallef I. T. mill-funzjonijiet tiegħu, il-President tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), abbażi tal-Artikolu 47(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, ta, fl‑24 ta’ Novembru 2020, digriet li permezz tiegħu huwa inkariga lill-Presidenta tas-Sezzjoni li fiha kien ipoġġi l-Imħallef I. T. sabiex tibdel il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti fil-kawżi li kienu ġew assenjati lil dan l-Imħallef, bl-eċċezzjoni tal-kawża li fiha l-imsemmi Imħallef I. T. kien adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja bit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-Kawża C‑615/20. Konsegwentement, din il-Presidenta ta’ Sezzjoni adottat, billi użat għodda informatika u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 47b(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, digriet li jipproċedi għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi inizjalment assenjati lill-Imħallef I. T., fosthom il-kawża msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza. |
29 |
Skont il-qorti tar-rinviju, jiġifieri kulleġġ ġudikanti ieħor b’imħallef uniku tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) li lilu ġiet assenjata din il-kawża, din is-suċċessjoni ta’ avvenimenti tixhed li l-President ta’ din il-qorti rrikonoxxa li r-riżoluzzjoni kontenzjuża kellha saħħa vinkolanti billi qies li s-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-Imħallef I. T. kienet tipprekludi li l-imsemmija kawża tiġi eżaminata minn dan l-imħallef jew li kien jeżisti ostakolu fit-tul għal tali eżami, fis-sens tal-Artikolu 47b(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji. |
30 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
31 |
Iż-żewġ kulleġġi ġudikanti distinti tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) li ppreżentaw dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (iktar ’il quddiem il-“qrati tar-rinviju”) talbu li dawn jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, il-qrati tar-rinviju argumentaw, essenzjalment, li l-użu ta’ tali proċedura huwa ġġustifikat f’dan il-każ peress li r-risposti għad-domandi magħmula jista’ jkollhom effett mhux biss fuq il-kompożizzjoni rispettiva tagħhom, iżda wkoll fuq is-sitwazzjoni ta’ mħallfin oħra għajr l-Imħallef I. T. li fir-rigward tagħhom l-Awla Dixxiplinari ħadet jew għandha l-intenzjoni tadotta miżuri analogi għar-riżoluzzjoni kontenzjuża. |
32 |
L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa. |
33 |
Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta l-applikazzjoni ta’ tali proċedura tkun diffiċli minħabba n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Diċembru 2020 u tal‑21 ta’ Jannar 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. |
35 |
Fil-fatt, għalkemm id-domandi magħmula huma, ċertament, relatati ma’ dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, huma xorta waħda għandhom natura kumplessa u sensittiva u jaqgħu f’kuntest proċedurali nazzjonali li huwa stess huwa relattivament kumpless, b’tali mod li dawn ma jistgħux ikunu suġġetti għal proċedura li tidderoga mir-regoli ta’ proċedura ordinarji. Barra minn hekk, ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li kawżi oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li jqajmu kwistjonijiet analogi għal dawk magħmula f’dawn il-kawżi kienu diġà jinsabu fi stadji avvanzati tal-proċedura. |
36 |
Madankollu, fl-imsemmija deċiżjonijiet tad‑9 ta’ Diċembru 2020 u tal‑21 ta’ Jannar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissuġġetta dawn il-kawżi għal trattament prijoritarju skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, permezz ta’ din l-istess deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2021, il-Kawżi C‑615/20 u C‑671/20 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza. |
37 |
Fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura f’dawn il-kawżi, dawn ġew sospiżi, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ottubru 2021, sakemm tingħalaq il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża C‑204/21, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), fid-dawl tar-rabtiet stretti li jeżistu bejn il-kwistjonijiet imqajma f’dawn it-tliet kawżi. Bħala konsegwenza tal-imsemmi għeluq, il-proċedura f’dawn il-kawżi magħquda tkompliet fit‑23 ta’ Frar 2022. |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talbiet għal deċiżjoni preliminari
38 |
Il-Gvern Pollakk u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja jsostnu li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli għal diversi raġunijiet. |
39 |
Fl-ewwel lok, huma jsostnu li, peress li l-proċeduri fil-kawża prinċipali huma rregolati esklużivament mid-dritt kriminali nazzjonali, li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, dawn il-proċeduri għandhom natura purament interna u ma għandhom ebda rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża, mill-Artikolu 5 TUE u mill-Artikoli 3 u 4 TFUE jirriżulta li huma biss l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu li jagħtu immunità minn proċeduri kriminali lill-imħallfin u, fl-affermattiv, li jiddeterminaw il-portata u l-proċedura ta’ tneħħija eventwali ta’ din l-immunità kif ukoll il-konsegwenzi marbuta ma’ tali tneħħija tal-immunità. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari, l-istituzzjoni, il-kompożizzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati nazzjonali, kif ukoll ir-regoli li jirregolaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin jew ukoll dawk applikabbli għall-istatus tagħhom u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, bħas-sistema dixxiplinari applikabbli għal dawn tal-aħħar jew il-kundizzjonijiet li fihom l-immunità tista’ titneħħa u l-funzjonijiet tagħhom jiġu sospiżi, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-imsemmija Stati, dawn xorta huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 2 u 19 TUE. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 56, 60 sa 62 u 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari, kif ukoll l-effetti li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija marbuta ma’ dan id-dritt. Tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domandi magħmula, ma jistgħux għalhekk, min-natura tagħhom stess, iwasslu għall-inammissibbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja huma tal-fehma li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli peress li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula ma humiex neċessarji għall-finijiet tal-eżitu tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali u ma jistgħux, b’mod partikolari, iwasslu għal deċiżjonijiet li l-qrati tar-rinviju jistgħu jadottaw fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. |
43 |
Skont il-Gvern Pollakk, la waħda u lanqas l-oħra minn dawn il-qrati ma huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jikkontestaw ir-riżoluzzjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tawtorizza lil waħda mill-imsemmija qrati tinjora din ir-riżoluzzjoni, dawn ma għandhom, fid-dritt nazzjonali, ebda bażi proċedurali li tippermettilhom, b’mod konkret, li jassenjaw mill-ġdid il-kawżi prinċipali lill-qorti inizjalment adita bihom. |
44 |
Dan l-istess gvern iqis li d-domandi preliminari huma, fir-realtà, rilevanti biss fil-kuntest tal-proċeduri kriminali pendenti mibdija kontra l-Imħallef I. T. Dubji eventwali dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħal dawk invokati mill-qrati tar-rinviju għandhom, fil-fatt, jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali, li fihom l-imħallef ikkonċernat għandu l-kwalità ta’ parti, u mhux fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali li bihom huwa kien ġie inkarigat b’mod fortuwitu qabel is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu mir-riżoluzzjoni kontenzjuża. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk sostna li din l-analiżi kienet ġiet, sadanittant, sostnuta mit-tagħlim li jirriżulta mill-punti 60 u 71 tas-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201). |
45 |
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja jsostni, fir-rigward tal-proċedura prinċipali fil-Kawża C‑615/20, li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ din il-proċedura, ordnata mill-qorti tar-rinviju fl-imsemmija kawża, tipprekludi l-għeluq tal-imsemmija proċedura bl-għoti ta’ sentenza, minn din il-qorti, fil-kulleġġ ġudikanti attwali tagħha, u li, fil-każ ta’ nomina ta’ kulleġġ ġudikanti ġdid, il-motiv ta’ din is-sospensjoni ma jibqax jeżisti, peress li r-riżoluzzjoni kontenzjuża tikkonċerna biss lill-Imħallef I. T. Fir-rigward tal-proċedura prinċipali fil-Kawża C‑671/20, is-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-Imħallef I. T. tikkostitwixxi ostakolu fit-tul għat-tkomplija tagħha, li ġġustifika leġittimament l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża marbuta ma’ din il-proċedura, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-imsemmija proċedura b’rispett tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża kkonċernati. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li ż-żewġ qrati tar-rinviju huma, f’dan il-każ, ikkonfrontati, fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali li bihom huma aditi rispettivament, bi kwistjonijiet ta’ natura proċedurali li għandhom jiġu deċiżi in limine litis u li s-soluzzjoni tagħhom tiddependi fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari. Fil-fatt, fil-Kawża C‑615/20, dawn id-domandi huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, l-Imħallef uniku li jifforma l-qorti tar-rinviju jibqax iġġustifikat li jkompli bl-eżami tal-kawża prinċipali minkejja r-riżoluzzjoni kontenzjuża li ssospendietu mill-funzjonijiet tiegħu. Għal dak li jirrigwarda d-domandi tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, dawn huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tistax, mingħajr ma tirriskja li tistabbilixxi r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallef uniku li jpoġġi fi ħdanha, tqis din ir-riżoluzzjoni bħala nieqsa minn saħħa vinkolanti, fatt li jkollu l-konsegwenza li hija ma jkollhiex bażi sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali li ġiet assenjata lilha mill-ġdid wara l-imsemmija riżoluzzjoni u jekk din il-kawża għandhiex, għaldaqstant, tiġi assenjata mill-ġdid lill-Imħallef inizjalment responsabbli għaliha. |
47 |
Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, domandi preliminari intiżi, b’dan il-mod, sabiex jippermettu lil qorti tar-rinviju tiddeċiedi, in limine litis, diffikultajiet ta’ natura proċedurali bħal dawk relatati mal-kompetenza tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha jew, ukoll, mal-effetti legali li għandhom jiġu rrikonoxxuti jew le lil deċiżjoni ġudizzjarja li potenzjalment tostakola t-tkomplija tal-eżami ta’ tali kawża mill-imsemmija qorti, huma ammissibbli skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 100, 112 u 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 93 u 94, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 47 sa 49). |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201), li għaliha rrefera l-Gvern Pollakk, il-proċeduri fil-kawżi prinċipali f’dawn il-kawżi magħquda huma totalment estranji għall-proċeduri kriminali mibdija kontra l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 u bl-ebda mod ma jikkostitwixxu aċċessorju, fis-sens tal-punt 71 ta’ dik is-sentenza. Konsegwentement, it-tagħlim li jirriżulta mill-imsemmija sentenza ma jistax jiġi traspost għall-proċeduri prinċipali f’dawn il-kawżi. |
49 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda magħmula fil‑Kawża C‑615/20
50 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil istanza, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, il-kompetenza sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji u, fil-każ ta’ ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, sabiex tissospendi l-funzjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati u sabiex tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom matul l-imsemmija sospensjoni. |
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, wara t-tressiq ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita mill-Kummissjoni b’rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja, għandha, għar-raġunijiet esposti fil-punti 91 sa 103 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), EU:C:2023:442), u kif jirriżulta mill-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, taqta’ u tiddeċiedi li, billi awtorizza lill-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, tiddeċiedi kawżi li għandhom effett dirett fuq l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef u ta’ mħallef apprendist, bħal talbiet għal awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontra mħallfin u mħallfin apprendisti, l-imsemmi Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
52 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 101 tal-imsemmija sentenza, li s-sempliċi perspettiva, għall-imħallfin, li jinkorru r-riskju li awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontrihom tkun tista’ tintalab u tinkiseb minn istanza li l-indipendenza tagħha ma tkunx iggarantita tista’ taffettwa l-indipendenza tagħhom stess u li l-istess japplika fir-rigward tar-riskji li tali istanza tiddeċiedi dwar is-sospensjoni eventwali tagħhom mill-funzjonijiet tagħhom u ta’ tnaqqis tar-remunerazzjoni tagħhom. |
53 |
Fil-punt 102 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kienet diġà kkonstatat, fil-punt 112 tas-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596), li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 89 sa 110 ta’ dik l-aħħar sentenza, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari ma kinux iggarantiti. |
54 |
Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-riżoluzzjoni kontenzjuża li awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallef uniku li jifforma l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20, jiġifieri qorti ordinarja li tista’ tintalab tiddeċiedi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u li ssospendiet l-imsemmi mħallef mill-funzjonijiet tiegħu filwaqt li naqqset ir-remunerazzjoni tiegħu, ġiet adottata abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), qieset li jmorru kontra din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn dawn jagħtu l-kompetenza sabiex jiġu adottati atti bħal din ir-riżoluzzjoni lil istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti. |
55 |
It-tagħlim li jinsab fil-punti 91 sa 103 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u l-ħajja privata tal-imħallfin), li fuqu hija bbażata l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, huwa għalhekk suffiċjenti sabiex tingħata risposta għall-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C‑615/20, mingħajr ma hemm bżonn, f’din il-kawża, li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li jiġu eżaminati l-elementi ta’ evalwazzjoni l-oħra msemmija fl-ewwel u fit-tielet domanda. |
56 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, abbażi tal-Artikolu 260(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Stat Membru naqas mill-obbligi tiegħu abbażi tat-Trattati, dan l-Istat Membru huwa obbligat jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jkollha l-awtorità ta’ res judicata għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Għalhekk, għalkemm l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva huma obbligati jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu s-suġġett ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod li jirrenduhom konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandhom, min-naħa tagħhom, l-obbligu li jiżguraw l-osservanza ta’ dik is-sentenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħhom, li jimplika, b’mod partikolari, li huma dawn il-qrati, skont l-awtorità li hija marbuta mal-imsemmija sentenza, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun hemm lok, l-elementi legali stabbiliti fiha bil-għan li jiddeterminaw il-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dawn għandhom il-missjoni li japplikaw (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 hija, f’dan il-każ, mitluba tislet, fil-kawża prinċipali, il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mit-tagħlim tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) imsemmija fil-punti 51 u 55 ta’ din is-sentenza. |
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑615/20 hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, il-kompetenza sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin tal-qrati ordinarji u, fil-każ ta’ ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, sabiex tissospendi l-funzjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati u sabiex tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom matul l-imsemmija sospensjoni. |
Fuq ir‑raba’ domanda magħmula fil‑Kawża C‑615/20
60 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens:
|
61 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju għalhekk jirrikjedi li l-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-diversi normi tal-Unjoni, filwaqt li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn in-normi fit-territorju tal-imsemmija Stati (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 156 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
L-imsemmi prinċipju jimponi għalhekk, b’mod partikolari, fuq kull qorti nazzjonali li għandha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li jkollha quddiemha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-osservanza ta’ dan l-obbligu hija b’mod partikolari neċessarja sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-qrati mitluba jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni u tar-rekwiżit li dawn ikunu stabbiliti minn qabel bil-liġi, jibbenefika minn tali effett dirett li jimplika li ma għandhiex tiġi applikata kull dispożizzjoni nazzjonali, ġurisprudenza jew prattika nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, anki fl-assenza ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jkunu temmew nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni skont it-tagħlim li jinsab fis-sentenza li tikkonstata dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, l-imsemmija qrati huma obbligati, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania, C‑177/20, EU:C:2022:175, punti 38 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Sabiex tissodisfa l-obbligi mfakkra fil-punti 61 sa 64 ta’ din is-sentenza, qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża li, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef meta dan ikun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 159 u 161). |
66 |
Peress li l-evalwazzjoni finali tal-fatti kif ukoll l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali jaqgħu, fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, biss fuq il-qorti tar-rinviju, hija din li għandha tiddetermina, b’mod definittiv, il-konsegwenzi konkreti li jirriżultaw, fil-proċedura prinċipali fil-Kawża C‑615/20, mill-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lil din il-qorti bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors, C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
F’dan ir-rigward, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk semma l-adozzjoni tal-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustawa (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra), tad‑9 ta’ Ġunju 2022 (Dz. U. tal‑2022, punt 1259), li daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Lulju 2022. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dan il-gvern, din il-liġi l-ġdida xoljiet, b’mod partikolari, l-Awla Dixxiplinari u stabbilixxiet sistema tranżitorja li permezz tagħha kull imħallef li kien is-suġġett ta’ riżoluzzjoni ta’ din l-awla li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu issa għandu l-possibbiltà li jitlob eżami mill-ġdid tal-proċess minn awla ġdida stabbilita fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minn din l-istess liġi, u din l-awla tal-aħħar għandha, f’dan il-każ, tiddeċiedi dwar tali talba f’terminu massimu ta’ tnax-il xahar. |
68 |
Skont l-imsemmi gvern, l-eżistenza ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju ġdid hija għalhekk ta’ natura li tippermetti lill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 tikseb reviżjoni eventwali tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, b’tali mod li n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni ma huwiex iktar neċessarju f’dan il-każ. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja stess enfasizzat, fil-punt 161 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), li dan it-tip ta’ rimedju huwa ġġustifikat biss sa fejn jirriżulta indispensabbli, fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni, sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. |
69 |
Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet hekk ipprovduti mill-Gvern Pollakk ma jirriżultax li r-riżoluzzjoni kontenzjuża waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tad‑9 ta’ Ġunju 2022 imsemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza u lanqas, għaldaqstant, li l-ostakolu għat-tkomplija tal-proċedura prinċipali mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20, fil-kompożizzjoni attwali tagħha, ma kienx għadu jeżisti. Fir-rigward tal-fatt li l-imħallef ikkonċernat issa għandu l-possibbiltà li jitlob ir-reviżjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża quddiem istanza ġdida msejħa sabiex tiddeċiedi f’terminu massimu ta’ sena, dan lanqas ma jidher, bla ħsara għall-verifiki finali li f’dan ir-rigward huma imposti fuq il-qorti tar-rinviju, ta’ natura li jiggarantixxi li l-imsemmi ostakolu jista’ jitneħħa mingħajr dewmien, fuq l-inizjattiva eventwali tal-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tal-bidla tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali, f’kundizzjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. |
70 |
Fl-aħħar nett, meta att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża jkun ġie adottat minn istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ebda kunsiderazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew marbuta ma’ allegata awtorità ta’ res judicata ta’ din ir-riżoluzzjoni ma tista’ tiġi invokata b’mod utli sabiex il-qorti tar-rinviju u l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali jiġu preklużi milli jeskludu l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 160). |
71 |
F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi osservat li l-proċedura fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑615/20 ġiet sospiża mill-qorti tar-rinviju, fl-istennija ta’ din is-sentenza. F’dan il-kuntest, it-tkomplija ta’ din il-proċedura mill-imħallef li jifforma l-kulleġġ ġudikanti uniku tal-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fl-istadju avvanzat li fih tinsab l-imsemmija proċedura li hija partikolarment kumplessa, ma tidhirx, a priori, ta’ natura li tista’ tippreġudika ċ-ċertezza legali. Għall-kuntrarju, din tidher li hija ta’ natura li tippermetti li t-trattament tal-kawża prinċipali jista’ jwassal għal deċiżjoni li tkun konformi, minn naħa, mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, min-naħa l-oħra, mad-dritt tal-partijiet fil-kawża kkonċernati għal smigħ xieraq f’terminu raġonevoli. |
72 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 hija ġġustifikata li teskludi l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, b’tali mod li hija tkun tista’, minn din il-perspettiva, tkompli bl-eżami tal-kawża prinċipali fil-kompożizzjoni attwali tagħha mingħajr ma l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali jkunu jistgħu jostakolaw dan. |
73 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑615/20 hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens:
|
Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda kif ukoll fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ domanda magħmula fil‑Kawża C‑671/20
74 |
Permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda tagħha kif ukoll permezz tal-ewwel parti tar-raba’ domanda dwar il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens:
|
75 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 jirriżulta li, wara li ġiet adottata r-riżoluzzjoni kontenzjuża li awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-Imħallef I. T. u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, il-President tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), billi aġixxa abbażi tal-Artikolu 47b(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, adotta digriet li jinkariga lill-Presidenta tas-Sezzjoni li fiha kien ipoġġi l-Imħallef I. T. sabiex tibdel il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti fil-kawżi li kienu ġew assenjati lil dan l-imħallef, bl-eċċezzjoni tal-kawża li fiha l-imsemmi mħallef kien adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja bit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-Kawża C‑615/20. Sussegwentement, din il-Presidenta ta’ Sezzjoni, permezz tal-użu tal-għodda informatika prevista għal dan l-għan, adottat digriet li jassenja mill-ġdid il-kawża prinċipali lil kulleġġ ġudikanti ieħor, jiġifieri l-qorti tar-rinviju f’din il-Kawża C‑671/20. |
76 |
Mill-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata r-risposta għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑615/20 jirriżulta li l-effett dirett marbut mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimplika li l-qrati nazzjonali għandhom jeskludu l-applikazzjoni ta’ riżoluzzjoni li twassal, bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni, għas-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef, meta dan ikun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. |
77 |
Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dan l-obbligu huwa impost, b’mod partikolari, fuq il-kulleġġ ġudikanti li lilu l-kawża inkwistjoni tkun ġiet assenjata mill-ġdid minħabba tali riżoluzzjoni, peress li dan il-kulleġġ ġudikanti huwa, konsegwentement, obbligat jastjeni milli jieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra, C‑508/19, EU:C:2022:201, point 74). L-imsemmi obbligu jorbot ukoll lill-korpi kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tal-bidla tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali, li għandhom, għaldaqstant, jassenjaw mill-ġdid l-istess kawża lill-kulleġġ ġudikanti li inizjalment kien adit biha. |
78 |
F’dan il-każ, għar-raġuni indikata fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, ebda kunsiderazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew marbuta ma’ allegata awtorità ta’ res judicata tal-imsemmija riżoluzzjoni ma tista’ tiġi invokata b’mod utli. |
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, u b’differenza minn kawżi oħra assenjati lill-Imħallef I. T. li, fil-frattemp, ġew ukoll assenjati mill-ġdid lil kulleġġi ġudikanti oħra, iżda li l-eżami tagħhom kien tkompla jew, skont il-każ, ingħalaq bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn dawn il-kulleġġi ġudikanti l-ġodda, il-proċedura prinċipali fl-imsemmija kawża ġiet sospiża sakemm tingħata din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tkomplija ta’ din il-proċedura mill-Imħallef I. T. tidher li hija ta’ natura li tippermetti li l-imsemmija proċedura tkun tista’, minkejja d-dewmien ikkawżat mir-riżoluzzjoni kontenzjuża, twassal għal deċiżjoni li tkun konformi kemm mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll ma’ dawk li jirriżultaw mid-dritt tal-parti fil-kawża kkonċernata għal smigħ xieraq. |
80 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domanda kif ukoll għall-ewwel parti tar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑671/20 hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
Fuq it‑tieni domanda u fuq it‑tieni parti tar‑raba’ domanda magħmula fil‑Kawża C‑671/20
81 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha kif ukoll permezz tat-tieni parti tar-raba’ domanda dwar il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu:
|
82 |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li rreferiet għalihom il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedu, b’mod partikolari, fir-rigward tal-imsemmija qrati, projbizzjonijiet li tiġi kkontestata l-leġittimità tal-qrati jew li tiġi evalwata l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa tiegħu li jeżerċita funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 107(1) ta’ din l-istess liġi, dawn jistabbilixxu bħala ksur dixxiplinari, b’mod partikolari, kull att tal-imħallfin tal-qrati ordinarji li jikkontesta l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef. |
83 |
Issa, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tqis li tali dispożizzjonijiet nazzjonali huma ta’ natura li jostakolaw li hija tista’, minkejja li hija obbligata tagħmel dan fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi l-oħra tagħha, tiddeċiedi dwar l-assenza ta’ saħħa vinkolanti ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża u teskludi, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, jekk hija taġixxi b’dan il-mod, hija jkollha tikkontesta l-leġittimità ta’ awtorità ġudizzjarja, jiġifieri l-Awla Dixxiplinari, u tikkomprometti serjament il-funzjonament tagħha. Tali eżami tas-saħħa vinkolanti tar-riżoluzzjoni kontenzjuża jirrikjedi, fl-istess ħin, li l-imsemmija qorti tar-rinviju tevalwa l-legalità tal-ħatriet tal-imħallfin li jifformaw l-imsemmija awla u tas-setgħa tagħhom li jeżerċitaw funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li hija tiddeċiedi dwar l-effettività tal-imsemmija ħatriet. |
84 |
F’dan ir-rigward, mir-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tielet domanda kif ukoll għall-ewwel parti tar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑671/20 jirriżulta li l-qrati nazzjonali li huma mitluba jagħtu effett għal riżoluzzjoni li timplika, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, is-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef għandhom, meta dan ikun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, jeskludu l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni. |
85 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li qorti nazzjonali teżerċita l-funzjonijiet fdati lilha mit-Trattati u li tosserva l-obbligi tagħha taħt dawn it-Trattati, billi tagħti effett lil dispożizzjoni bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jiġi pprojbit lilha, u lanqas ma jista’ jitqies li huwa ksur dixxiplinari fil-konfront tal-imħallfin li jpoġġu f’tali qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 132). |
86 |
Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, għar-raġunijiet esposti fil-punti 198 sa 219 ta’ dik is-sentenza u kif jirriżulta mill-punt 3 tad-dispożittiv tagħha, li, billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li jipprojbixxi lil kull qorti nazzjonali milli tivverifika l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni dwar il-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. |
87 |
F’dik l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, għar-raġunijiet esposti fil-punti 125 sa 163 ta’ din tal-aħħar u kif jirriżulta mill-punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, li, billi adottat u żammet fis-seħħ il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji li jippermettu li l-eżami tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-Unjoni relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi jiġi kklassifikat bħala ksur dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja kienet, b’mod partikolari, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
88 |
Issa, diġà tfakkar, fil-punti 56, 58 u 61 sa 64 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tal-awtorità marbuta mas-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ukoll tal-effett dirett li għandu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, huma l-qrati nazzjonali, u għalhekk, b’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, li ma għandhomx japplikaw, fil-kawżi li jkunu aditi bihom, id-dispożizzjonijiet nazzjonali meqjusa għalhekk li jmorru kontra l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati u, b’mod partikolari, il-projbizzjonijiet inkwistjoni stabbiliti minnhom fil-konfront tal-qrati ordinarji ma jistgħux jipprekludu li din il-qorti tar-rinviju teżamina s-saħħa vinkolanti tar-riżoluzzjoni kontenzjuża u twarrab l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, kif hija obbligata tagħmel. |
89 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li rreferiet għaliha l-qorti tar-rinviju, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din tal-aħħar jirriżulta li hija tqis li din il-ġurisprudenza hija wkoll ta’ natura li tipprekludi li hija tkun tista’ twettaq eżami tal-kundizzjonijiet li fihom seħħew il-ħatriet tal-membri tal-Awla Dixxiplinari sabiex tiżgura ruħha min-natura indipendenti u imparzjali ta’ din l-istanza u tikkonkludi, jekk ikun il-każ, li r-riżoluzzjoni kontenzjuża ma tapplikax. |
90 |
F’dan ir-rigward, u mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni parti tar-raba’ domanda, dwar il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri ta’ din il-qorti kostituzzjonali, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fid-dawl tal-effett dirett li għandu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qrati nazzjonali li ma japplikawx kull ġurisprudenza nazzjonali li tmur kontra din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
91 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-każ li, wara sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, qorti nazzjonali titwassal sabiex tqis li l-ġurisprudenza ta’ qorti kostituzzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-fatt, għal tali qorti nazzjonali, li ma tapplikax l-imsemmija ġurisprudenza kostituzzjonali, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt, ma jistax ikun ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà dixxiplinari tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
92 |
Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 li għandha twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) imsemmija fil-punt 89 ta’ din l-istess sentenza, sa fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-imsemmija ġurisprudenza jirriżultaw li huma ta’ natura li jipprekludu li din il-qorti tar-rinviju ma tapplikax ir-riżoluzzjoni kontenzjuża u tastjeni, konsegwentement, milli tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali. |
93 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑671/20 hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu:
|
Fuq l‑ispejjeż
94 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.