SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Politika dwar il-kontrolli fil-fruntieri, fl-ażil u fl-immigrazzjoni – Proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 6 – Aċċess effettiv – Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi passi amministrattivi li għandhom jitwettqu minn qabel barra mit-territorju tal-Istat Membru – Għan ta’ saħħa pubblika”
Fil-Kawża C‑823/21,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit-22 ta’ Diċembru 2021,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Azéma u L. Grønfeldt kif ukoll A. Tokár u J. Tomkin, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. S. Rossi, J.-C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2023,
wara d-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ssuġġettat il-possibbiltà, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija, inkluż fil-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru, li jaċċedu għall-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għar-rekwiżit li titmexxa proċedura minn qabel ma’ rappreżentanza diplomatika Ungeriża li tinsab f’pajjiż terz, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), interpretat fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2013/32
|
2 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali. 2. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal talbiet għall-asil diplomatiku jew territorjali preżentati lir-rappreżentanzi ta’ Stati Membri.” |
|
3 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni. Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali issir lil awtoritajiet oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet bħal dawn, iżda mhumiex kompetenti għar-reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara li ssir l-applikazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx jirċievu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħal pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni u persunal tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni għandhom l- informazzjoni rilevanti u li l-persunal tagħhom jirċievi il-livell meħtieġ ta’ taħriġ li jkun xieraq għall-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom u istruzzjonijiet biex jinformaw lill-applikanti fejn u kif l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu ppreżentati. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun. Fejn l-applikant ma jagħmilx l-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 kif meħtieġ. 3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu ppreżentati fiżikament u/jew f’post magħżul. 4. Minkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. 5. Fejn applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi rispettat il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dak il-limitu ta’ żmien jiġi estiż sa 10 ijiem ta’ xogħol.” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva: “L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.” |
Id-Direttiva 2013/33/UE
|
5 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), jiddikjara: “L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu kontroll mediku għal applikanti għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.” |
|
6 |
L-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali jipprovdu standard xieraq ta’ ħajja għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom kif ukoll jipproteġilhom is-saħħa fiżika u mentali.” |
|
7 |
L-Artikolu 19(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa li għandha tinkludi, għall-inqas, kura ta’ emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard u ta’ disturbi mentali serji.” |
Id-dritt Ungeriż
|
8 |
L-Artikolu 268 tal-A veszélyhelyzet megszhebnéseel összefüggġ átmeneti szabályokról és a járványügyi készültségrġl szóló 2020. évi LVIII. törvény (il-Liġi Nru LVIII tal-2020 dwar ir-regoli provviżorji marbuta mat-tneħħija tal-istat ta’ emerġenza u dwar is-sitwazzjoni ta’ twissija epidemjoloġika) (Magyar Közlöny 2020. Évi 144. száma, p. 3653, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2020”) jipprevedi: “(1) Il-barrani għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil bix-xewqa tiegħu li jidħol fl-Ungerija sabiex hemmhekk jippreżenta applikazzjoni għall-ażil billi jippreżenta personalment ittra ta’ intenzjoni relatata mal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil. (2) L-ittra ta’ intenzjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil tista’ tiġi ppreżentata, fil-forma ta’ att indirizzat lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil, lir-rappreżentanza diplomatika tal-Ungerija (iktar ’il quddiem l-“ambaxxata”) fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tal-Liġi dwar ir-Rappreżentanzi Diplomatiċi u s-Servizz Estern, kif iddefinit fid-Digriet tal-Gvern, bil-kontenut speċifikat u ppubblikat mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil. (3) L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil teżamina l-ittra ta’ intenzjoni u tista’ twettaq intervisti mill-bogħod mal-barrani, fl-ambaxxati tagħha. (4) L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tinforma lill-ambaxxata, fi żmien 60 jum, bil-ħruġ ta’ dokument tal-ivvjaġġar għal dħul uniku fl-Ungerija (iktar ’il quddiem id-“dokument tal-ivvjaġġar”) għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil. (5) Jekk, abbażi tal-ittra ta’ intenzjoni, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil ma tipproponix il-ħruġ ta’ dokument tal-ivvjaġġar, hija għandha tinforma b’dan lill-barrani permezz tal-ambaxxata.” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 269 tal-Liġi tal-2020: “Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil konformement mal-Artikolu 268(4), l-ambaxxata tal-Ungerija għandha toħroġ dokument tal-ivvjaġġar b’validità ta’ 30 jum jekk il-barrani ma jkollux awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Ungerija.” |
|
10 |
L-Artikolu 270 ta’ din il-liġi jistabbilixxi: “(1) Bla ħsara għall-Artikolu 271, l-applikazzjoni għall-ażil tista’ tiġi ppreżentata skont il-proċeduri mwettqa skont l-Artikoli 268 u 269. (2) Il-barrani li jkollu dokument tal-ivvjaġġar jinforma lill-pulizija tal-fruntieri bl-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni għall-ażil immedjatament wara d-dħul tiegħu fil-pajjiż. (3) Il-pulizija tal-fruntieri għandha tippreżenta l-barrani quddiem l-awtorità tal-ażil fi żmien massimu ta’ 24 siegħa. (4) Il-barrani li jkun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil jista’ jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mil-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu quddiem l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil. (5) L-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tista’, permezz ta’ digriet, tassenja akkomodazzjoni lill-applikant għall-ażil f’ċentru ta’ akkoljenza magħluq. Jekk ikunu għaddew erba’ ġimgħat mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u jekk il-kundizzjonijiet relatati mad-detenzjoni ma jkunux issodisfatti, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha tiddetermina l-post ta’ akkomodazzjoni skont ir-regoli ġenerali tal-proċedura tal-ażil.” |
|
11 |
L-Artikolu 271 tal-imsemmija liġi huwa fformulati kif ġej: “(1) Il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil ma hijiex suġġetta għall-preżentazzjoni tal-ittra ta’ intenzjoni msemmija fl-Artikolu 268 fil-każ tal-persuni li ġejjin:
(2) Barrani li jaqsam il-fruntiera tal-Ungerija b’mod illegali jintbagħat lura mill-pulizija — jekk jiddikjara lill-pulizija l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni għall-ażil — lill-ambaxxata Ungeriża fil-pajjiż ġar tal-post fejn ikun seħħ il-qsim tal-fruntiera. (3) Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil għandha twettaq il-proċedura għall-ażil skont ir-regoli ġenerali.” |
|
12 |
L-Artikolu 274 tal-istess liġi jipprovdi li: “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu japplikaw għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet tal-Gvern Nru 233/2020 (tas-26 ta’ Mejju 2020) dwar ir-regoli tal-proċedura ta’ ażil matul l-istat ta’ periklu pproklamat sabiex jiġu evitati l-epidemiji tal-bniedem li jikkawżaw mard tal-massa li jipperikola s-sigurtà tal-persuni u tal-oġġetti, sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tagħhom u sabiex jiġu protetti s-saħħa u l-ħajja taċ-ċittadini Ungeriżi.” |
|
13 |
L-Artikolu 275 tal-Liġi tal-2020 jipprevedi: “(1) Il-Gvern huwa awtorizzat jistabbilixxi permezz ta’ digriet il-lista tal-ambaxxati Ungeriżi li fihom tista’ tiġi ppreżentata ittra ta’ intenzjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil. (2) Il-Ministru responsabbli mill-pulizija tal-migrazzjoni u l-asil huwa awtorizzat jistabbilixxi permezz ta’ digriet, bil-kunsens tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-modalitajiet proċedurali neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-kapitolu.” |
|
14 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 292/2020 tas-17 ta’ Ġunju 2020 li jaħtar ambaxxati għall-finijiet tad-dikjarazzjoni tal-intenzjoni li jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil, tali ittra ta’ intenzjoni tista’ tiġi ppreżentata lill-ambaxxati Ungeriżi f’Belgrad (is-Serbja) u f’Kiev (l-Ukraina). |
Il-proċedura prekontenzjuża
|
15 |
Fit-30 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2020. |
|
16 |
Fl-21 ta’ Diċembru 2020, l-Ungerija wieġbet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkritikata kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
|
17 |
Fit-18 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni, peress li ma kinitx konvinta minn din it-tweġiba, ħarġet opinjoni motivata li fiha qieset li l-Ungerija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta, billi ssuġġettat il-possibbiltà, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija, inkluż fil-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru, li jitolbu l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali għall-kundizzjoni li jibdew proċedura minn qabel ma’ rappreżentanza diplomatika Ungeriża li tinsab f’pajjiż terz. Il-Kummissjoni għalhekk talbet lill-Ungerija sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tagħha. |
|
18 |
Fid-19 ta’ April 2021, l-Ungerija wieġbet għall-opinjoni motivata billi żammet il-pożizzjoni tagħha li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkritikata mill-Kummissjoni kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
|
19 |
Fil-15 ta’ Lulju 2021, peress li ma kinitx konvinta mill-osservazzjonijiet ifformulati mill-Ungerija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
|
20 |
Il-Kummissjoni tqis li, billi ssuġġettat il-possibbiltà, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija, inkluż fil-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru, li jaċċedu għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali u li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għar-rekwiżit li jibdew proċedura preliminari f’rappreżentanza diplomatika Ungeriża f’pajjiż terz, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta. |
|
21 |
Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2013/32, li tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura neċessarji sabiex jingħata effett lid-dritt għall-ażil, irrikonoxxut fl-Artikolu 18 tal-Karta, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu lill-persuni kollha li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż fil-fruntieri ta’ dan, id-dritt li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Ħlief bi ksur tal-effett utli tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, Stat Membru ma jistax, barra minn hekk, idewwem, b’mod mhux iġġustifikat, il-mument li fih il-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità li tippreżenta l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. |
|
22 |
Issa, fl-ewwel lok, mil-Liġi tal-2020 jirriżulta li, jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Ungeriż jew fil-fruntieri tiegħu jesprimu r-rieda tagħhom li jagħmlu użu mill-protezzjoni internazzjonali, din id-dikjarazzjoni ma hijiex ikkunsidrata bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32. Għall-kuntrarju, dawn iċ-ċittadini għandhom jitilqu mit-territorju tal-Ungerija sabiex jippreżentaw, personalment, ittra ta’ intenzjoni, f’ambaxxata Ungeriża f’pajjiż terz, li tippermettilhom, jekk ikun il-każ, li jiksbu dokument tal-ivvjaġġar li jawtorizzahom jibdew proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija. |
|
23 |
L-obbligu hekk impost fuq l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jitilqu mit-territorju Ungeriż sabiex ikollhom aċċess għall-proċedura ta’ ażil jista’ jkun inkompatibbli mhux biss mad-dritt ta’ dawn l-applikanti li jibqgħu fl-Istat Membru, iggarantit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32, iżda wkoll mal-prinċipju ta’ non-refoulement. |
|
24 |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ungeriżi jistgħu jiċħdu l-applikazzjoni għad-dħul fit-territorju Ungeriż, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li għandha l-Ungerija. |
|
25 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-pandemija tal-COVID-19 teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri li jillimitaw it-tixrid tal-virus. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jieħdu biss miżuri meħtieġa u proporzjonati biex jipproteġu s-saħħa pubblika. Għalhekk, tali miżuri ma jistax ikollhom l-effett li jipprekludu l-aċċess għall-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri linji gwida prattiċi li jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawn tal-aħħar fuq il-possibbiltà li jadottaw miżuri bħall-estensjoni tat-terminu għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet online jew bil-posta, it-twettiq ta’ intervista personali permezz ta’ vidjokonferenza jew l-estensjoni tat-terminu għall-eżami tal-applikazzjonijiet. |
|
27 |
Fit-tielet lok, il-Liġi tal-2020 ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 72 TFUE. Fil-fatt, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tad-deroga prevista f’dan l-artikolu li għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għal tali deroga għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-obbligi tiegħu fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna. Issa, l-Ungerija ma pproduċietx tali provi. |
|
28 |
L-Ungerija twieġeb, fl-ewwel lok, li l-Liġi tal-2020 ġiet adottata wara li tfaċċat il-pandemija tal-COVID-19 sabiex tiġi protetta l-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u tal-Unjoni Ewropea. |
|
29 |
F’konformità ma’ dik il-liġi u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha, f’każ ta’ riskju epidemjoloġiku, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jippreżenta, personalment, ittra ta’ intenzjoni lill-ambaxxati tal-Ungerija f’Belgrad u f’Kiev qabel ma jkun jista’ jibda l-proċedura tal-ażil f’dak l-Istat Membru. |
|
30 |
Madankollu, il-Liġi tal-2020 tippermetti lil ċerti kategoriji ta’ persuni jippreżentaw direttament l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija. L-istess japplika għall-persuni li ilhom residenti għal żmien twil f’dan l-Istat Membru, li ma jippreżentawx manifestament riskju mil-lat epidemjoloġiku. Barra minn hekk, fid-dawl tan-numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin jaħarbu mill-gwerra fl-Ukraina, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Ukraina huma wkoll eżentati minn dan l-obbligu ta’ ittra ta’ intenzjoni minn qabel. Barra minn hekk, dawn iċ-ċittadini jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja bħala refuġjati li jaħarbu minn kunflitt armat. |
|
31 |
Fit-tieni lok, mid-dritt internazzjonali jirriżulta li kull Stat għandu d-dritt li jawtorizza jew li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu, peress li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt internazzjonali ma teżiġi li l-barranin li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat ieħor jiġu awtomatikament aċċettati hemmhekk. |
|
32 |
Barra minn hekk, il-proċedura prevista mil-Liġi tal-2020 ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32, kif jikkonferma l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva. Mill-bqija, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom ma laħqux il-fruntiera ta’ Stat Membru ma humiex suġġetti għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil. |
|
33 |
Fit-tielet lok, l-Ungerija ssostni li s-sitwazzjoni epidemjoloġika ddeterjorat b’mod konsiderevoli, inkluż fl-Ungerija, matul it-tieni nofs tas-sena 2020 u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-bidliet drastiċi, peress li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni attwalment fis-seħħ ma kinux kapaċi jiżguraw protezzjoni adegwata taċ-ċittadini tal-Unjoni. |
|
34 |
Minħabba din is-sitwazzjoni epidemjoloġika, diversi Stati Membri rrestrinġew ħafna d-dħul fit-territorju tagħhom minn pajjiżi terzi, peress li l-parti l-kbira tal-Istati Membri llimitaw ukoll il-moviment liberu bejn l-Istati Membri, u anki l-moviment liberu fit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, diversi Stati Membri stabbilixxew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom. |
|
35 |
Fir-raba’ lok, il-Liġi tal-2020 tikkostitwixxi implementazzjoni tal-obbligu li tiġi żgurata s-sovranità territorjali u l-awtodeterminazzjoni li tirriżulta mill-Magyarország Alaptörvénye (il-Liġi Fundamentali Ungeriża). |
|
36 |
Fl-aħħar lok, l-Ungerija stabbilixxiet fil-livell kostituzzjonali d-dispożizzjonijiet prinċipali tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954, kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967. Barra minn hekk, l-ittra ta’ intenzjoni, prevista mil-Liġi tal-2020, tista’ ssir fl-ambaxxata tal-Ungerija fis-Serbja. Issa, dan il-pajjiż terz huwa parti kontraenti għal din il-konvenzjoni u, barra minn hekk, pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni u, bħala tali, pajjiż ta’ oriġini sigur. Għal din ir-raġuni, l-Ungerija tikkontesta l-eżistenza ta’ riskju ta’ refoulement. Barra minn hekk, il-Liġi tal-2020 ma tipprekludix il-preżentazzjoni ripetuta tal-ittra ta’ intenzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
37 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mis-seduta li nżammet quddiemha jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża kkontestata mill-Kummissjoni, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija jew li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru u li jixtieq jitlob il-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali hemmhekk huwa, bħala prinċipju, obbligat li jmur, minn qabel, għand l-ambaxxata tal-Ungerija f’Belgrad jew f’Kiev, sabiex jippreżenta, personalment, ittra ta’ intenzjoni. Wara eżami ta’ din id-dikjarazzjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti jistgħu jiddeċiedu li joħorġu dokument tal-ivvjaġġar lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil din il-persuna mingħajr Stat, peress li dan id-dokument jippermetti d-dħul fl-Ungerija sabiex hemmhekk tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju Ungeriż taħt titolu ieħor. |
|
38 |
Madankollu, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat imsemmija fl-Artikolu 271(1) tal-Liġi tal-2020 ma humiex suġġetti għal tali proċedura preliminari. Għalhekk, il-preżentazzjoni ta’ ittra ta’ intenzjoni f’ambaxxata Ungeriża ma hijiex meħtieġa fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna mingħajr Stat meta dan jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja u jirrisjedi fl-Ungerija, meta huwa membru tal-familja ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja u kien jinsab fl-Ungerija fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jew inkella meta jkun is-suġġett ta’ miżura koerċittiva jew ta’ miżura jew ta’ kundanna li tirrestrinġi l-libertà individwali tiegħu, ħlief jekk ikun qasam b’mod illegali l-fruntieri Ungeriżi. |
|
39 |
Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni li, skont digriet governattiv adottat u li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2022, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat li rrisjedew legalment fl-Ukraina issa huma wkoll eżentati mit-twettiq ta’ tali proċedura preliminari. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem dan it-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata. Konsegwentement, huwa fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’din id-data li jeħtieġ li tiġi evalwata l-eżistenza jew le ta’ nuqqas allegat ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-Liġi tal‑2020 mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-emenda inkwistjoni fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, peress li tali emenda seħħet wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
|
42 |
Bil-benefiċċju ta’ din il-preċiżazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/32, din tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż fil-fruntiera, fl-ibħra territorjali jew f’żona ta’ tranżitu tagħhom. Min-naħa l-oħra, mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-applikazzjonijiet għal ażil diplomatiku jew territorjali ppreżentati fir-rappreżentanzi tal-Istati Membri. |
|
43 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat għandu d-dritt li jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż fil-fruntieri ta’ Stat Membru, billi juri r-rieda tiegħu li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali quddiem waħda mill-awtoritajiet imsemmija f’dan l-artikolu, mingħajr ma l-manifestazzjoni ta’ din ir-rieda tkun tista’ tiġi suġġetta għal kwalunkwe formalità amministrattiva. Dan id-dritt għandu jiġu rrikonoxxut lilu, anki jekk ikun jinsab f’soġġorn illegali fuq dan it-territorju u jkunu liema jkunu l-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ tali applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punti 97 u 98, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Inkriminazzjoni tal-għajnuna għall-applikanti għall-ażil), C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 136]. |
|
44 |
Id-dritt li tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkundizzjona għaldaqstant ir-rispett effettiv tad-drittijiet sabiex din l-applikazzjoni tiġi rreġistrata u tkun tista’ tiġi introdotta u eżaminata fit-termini stabbiliti mid-Direttiva 2013/32 u, b’mod definittiv, l-effettività tad-dritt għall-ażil fi Stat Membru, kif iggarantit mill-Artikolu 18 tal-Karta u ppreċiżat fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 102, u tas-16 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Inkriminazzjoni tal-għajnuna għall-applikanti għall-ażil), C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 132). |
|
45 |
Mill-bqija, sa minn meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr Stat tikseb il-kwalità ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2013/32 u għandha, bħala prinċipju, tiġi awtorizzata tibqa’ fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Inkriminazzjoni tal-għajnuna għall-applikanti għall-ażil), C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
|
46 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-Direttiva 2013/32 hija intiża li tiggarantixxi aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali inkluż sa mill-fażi ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2021, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Inkriminazzjoni tal-għajnuna lill-applikanti għall-ażil), C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
F’din il-perspettiva, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, inkluż fil-fruntieri tagħhom, hekk kif juru r-rieda tagħhom. Ħlief bi ksur tal-effett utli ta’ dan l-Artikolu 6, Stat Membru ma jistax, għaldaqstant, idewwem, b’mod mhux iġġustifikat, il-mument li fih il-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tippreżenta l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punti 103 u 106). |
|
48 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 268 sa 270 tal-Liġi tal-2020 japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għal persuni mingħajr Stat li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija jew li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri tagħha u li jixtiequ juru l-intenzjoni tagħhom li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, dawn il-persuni jaqgħu kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva. |
|
49 |
Il-fatt li l-imsemmija persuni huma obbligati, skont id-dritt Ungeriż, li jmorru, mit-territorju tal-Ungerija jew mill-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru, sabiex jippreżentaw, personalment, ittra ta’ intenzjoni minn qabel f’ambaxxata tal-imsemmi Stat Membru, li tinsab fis-Serbja jew fl-Ukraina, ma jistax jemenda tali konklużjoni. B’mod iktar partikolari, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, minn tali obbligu ma jistax jirriżulta li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala li llimitaw ruħhom li jippreżentaw applikazzjoni għal ażil diplomatiku jew territorjali fi ħdan rappreżentanzi tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/32. |
|
50 |
Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikoli 268 sa 270 tal-Liġi tal-2020, l-awtoritajiet Ungeriżi kompetenti jistgħu, bħala prinċipju, jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, biss sa fejn il-persuna kkonċernata tkun ippreżentat, minn qabel, ittra ta’ intenzjoni f’ambaxxata Ungeriża li tinsab f’pajjiż terz u tkun kisbet dokument tal-ivvjaġġar li jippermettilha tidħol fl-Ungerija. |
|
51 |
Madankollu, tali kundizzjoni ma hijiex prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 u tmur kontra l-għan, imfittex minn din id-direttiva u mfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. |
|
52 |
Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni kkritikata mill-Kummissjoni twassal sabiex, minbarra l-persuni msemmija fl-Artikolu 271(1) tal-Liġi tal-2020, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat li jirrisjedu fit-territorju tal-Ungerija jew li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma jkunu suġġetti għall-proċedura minn qabel imposta minn din il-liġi, jiġu mċaħħda mit-tgawdija effettiva tad-dritt tagħhom, kif iggarantit fl-Artikolu 18 tal-Karta, li jitolbu l-ażil mingħand l-imsemmi Stat Membru. |
|
53 |
B’mod partikolari, kif ammettiet l-Ungerija waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn qari a contrario tal-Artikolu 271(1)(c) tal-Liġi tal-2020 jirriżulta li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat li qasmu l-fruntiera Ungeriża b’mod illegali u li huma mċaħħda mil-libertà tagħhom ma għandhom, fir-rigward tagħhom, ebda mezz sabiex jitolbu l-ażil fl-Ungerija. Fil-fatt, minn naħa, skont dan l-Artikolu 271, huma ma humiex eżentati mill-obbligu li jippreżentaw, personalment, ittra ta’ intenzjoni lill-ambaxxata Ungeriża f’Belgrad jew f’Kiev, u, min-naħa l-oħra, huwa, fil-prattika, impossibbli għalihom li jippreżentaw personalment tali ittra ta’ intenzjoni, sakemm iddum iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom. |
|
54 |
Madankollu, l-Ungerija ssostni, l-ewwel nett, li l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 268 sa 270 tal-Liġi tal-2020 hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ saħħa pubblika u, b’mod iktar partikolari, mill-ġlieda kontra t-tixrid tal-pandemija tal-Covid-19. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 9 TFUE, mill-Artikolu 114(3) TFUE u mill-Artikolu 168(1) TFUE jirriżulta li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2022:111, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Issa, kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32 sempliċement jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jdewmu b’mod mhux iġġustifikat il-mument li fih applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi ppreżentata fit-territorju tagħhom jew fil-fruntieri tagħhom. |
|
57 |
Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 6 ma jipprekludix li, b’mod eċċezzjonali, l-Istati Membri jissuġġettaw il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għal modalitajiet partikolari, intiżi sabiex jillimitaw it-tixrid ta’ marda kontaġġjuża fit-territorju tagħhom, sakemm dawn il-modalitajiet ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu tali għan u ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tiegħu. |
|
58 |
Madankollu, dan ma huwiex il-każ tal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 268 sa 270 tal-Liġi tal-2020. |
|
59 |
Fil-fatt, il-fatt li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat, li jirrisjedu fl-Ungerija jew li jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru, jiġu mġiegħla jiċċaqilqu lejn l-ambaxxata tal-imsemmi Stat Membru f’Belgrad jew f’Kiev sabiex ikunu jistgħu, sussegwentement, jirritornaw fl-Ungerija sabiex jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hemmhekk jikkostitwixxi ksur manifestament sproporzjonat tad-dritt ta’ dawn il-persuni li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mal-wasla tagħhom fi fruntiera Ungeriża, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll tad-dritt tagħhom li jkunu jistgħu, bħala prinċipju, jibqgħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, konformement mal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva. |
|
60 |
Barra minn hekk, din ir-restrizzjoni ma tistax tilħaq l-għan tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-pandemija tal-Covid-19 sa fejn tobbliga lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jiċċaqalqu, u b’hekk jesponuhom potenzjalment għal din il-marda li jistgħu, sussegwentement, ixerrdu fl-Ungerija. |
|
61 |
Barra minn hekk, dan l-Istat Membru ma weriex, u lanqas ma sostna quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ebda miżura oħra intiża għall-ġlieda kontra t-tixrid tal-pandemija tal-Covid-19 ma setgħet tiġi adottata b’mod adegwat, fit-territorju Ungeriż, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew tal-persuni mingħajr Stat li jixtiequ jitolbu l-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Ungerija. |
|
62 |
Issa, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw għal eżami mediku l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva jew tad-Direttiva 2013/32 ma tipprekludi li dawn l-applikanti jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ tbegħid jew ta’ iżolament, intiżi sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ marda kontaġġjuża, sakemm dawn il-proċeduri jsegwu tali għan b’mod rilevanti, proporzjonat u nondiskriminatorju u li d-drittijiet irrikonoxxuti lill-applikanti fl-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2013/33 ikunu ggarantiti. |
|
63 |
Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2013/32, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi ppreżentata permezz ta’ formola u li, skont l-Artikolu 14(2)(b) ta’ din id-direttiva, il-problemi ta’ saħħa tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġġustifikaw li ma ssirx intervista personali fuq il-mertu tal-applikazzjoni. Fi kwalunkwe każ, tali intervista għandha tkun tista’ ssir mill-bogħod, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni fil-Linji Gwida tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-ażil fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19 (202/C 126/02) (ĠU 2020, C 126, p. 12). |
|
64 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, id-dritt tal-Unjoni jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jippermettu li tiġi rrikonċiljata b’mod adegwat, minn naħa, l-effettività tad-dritt għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew għal kull persuna mingħajr Stat li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju tagħhom jew fil-fruntieri tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-ġlieda kontra mard li jittieħed. |
|
65 |
It-tieni, sa fejn l-Ungerija tinvoka wkoll raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-Liġi tal-2020, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 72 TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ dan it-trattat ma jippreġudikawx l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna. |
|
66 |
Minkejja li huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom kif ukoll is-sigurtà interna u esterna tagħhom, madankollu minn dan ma jirriżultax li tali miżuri jaqgħu kompletament barra mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat FUE jipprevedi derogi speċifiċi applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jippreġudikaw l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika biss f’każijiet iddefiniti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat FUE, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura adottata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2022, Valstybės sienos apsaugos tarnyba et, C‑72/22 PPU, EU:C:2022:505, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Barra minn hekk, id-deroga prevista fl-Artikolu 72 TFUE għandha tiġi interpretata b’mod strett. Minn dan isegwi li dan l-Artikolu 72 ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bis-sempliċi invokazzjoni tar-responsabbiltajiet li huma għandhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2022, Valstybės sienos apsaugos tarnyba et, C‑72/22 PPU, EU:C:2022:505, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 72 TFUE li għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għad-deroga prevista f’dan l-artikolu għall-finijiet tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tal-protezzjoni tas-sigurtà interna (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 216 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Issa, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-Ungerija sempliċement invokat, b’mod ġenerali, riskji ta’ problemi għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna sabiex tiġġustifika l-kompatibbiltà tal-Liġi tal-2020 mad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma wriet in-neċessità li kien hemm għaliha li tidderoga speċifikament mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32, fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti fit-territorju tagħha fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. |
|
70 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ssuġġettat il-possibbiltà, għal ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jinsabu fit-territorju tal-Ungerija jew fil-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru, li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għall-preżentazzjoni minn qabel ta’ ittra ta’ intenzjoni f’ambaxxata Ungeriża li tinsab f’pajjiż terz u għall-għoti ta’ dokument tal-ivvjaġġar li jippermettilhom jidħlu fit-territorju Ungeriż, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2013/32. |
Fuq l-ispejjeż
|
71 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.