SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija – Artikolu 6(1) – Artikolu 7(1) – Talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ self – Garanzija tal-effettività sħiħa tal-effett restitutorju”

Fil-kawża C‑287/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie XXVIII Wydział Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, XXVIII Ċivili, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

YQ,

RJ

vs

Getin Noble Bank S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal RJ u YQ, minn M. Pledziewicz, radca prawny,

għal Getin Noble Bank S.A., minn Ł. Hejmej, M. Przygodzka u A. Szczęśniak, adwokaci,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Chambel Alves u A. Cunha, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene, N. Ruiz García u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU L 17, 19.1.2023, p. 100), moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn YQ u RJ u Getin Noble Bank S.A., dwar talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji intiżi sabiex tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju indiċjat f’munita barranija, fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva dwar il-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament skont klawżoli inġusti li jinsabu f’dan il-kuntratt.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑dritt nazzjonali Pollakk

Il-Kodiċi Ċivili

5

L-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, pożizzjoni 93), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal‑2020, intestatura 1740) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma ġewx innegozjati b’mod individwali ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq il-konsumatur jekk id-drittijiet u l-obbligi tiegħu huma stabbiliti b’mod li jmur kontra l-prattika tajba u jiksru b’mod manifest l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Dan ma għandux japplika għal klawżoli li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet prinċipali li għandhom jitwettqu mill-partijiet, inklużi dawk relatati mal-prezz jew remunerazzjoni, sakemm dawn huma miktuba b’mod ċar.

2.   Jekk klawżola kuntrattwali ma hijiex vinkolanti fuq il-konsumatur skont il-paragrafu 1, il-klawżoli l-oħra tal-imsemmi kuntratt għandhom jibqgħu vinkolanti fuq il-partijiet.

3.   Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment huma klawżoli kuntrattwali li l-konsumatur ma setax ikollu influwenza konkreta fuq il-kontenut tagħhom. Dawn huma b’mod partikolari l-klawżoli li jinsabu f’mudell ta’ kuntratt offrut lill-konsumatur mill-parti kontraenti.

4.   Huwa kull min jallega li klawżola ġiet innegozjata individwalment li għandu jipproduċi l-prova ta’ dan l-allegazzjoni.”

6

L-Artikolu 405 tal-Kodiċi Ċivili jiddikjara:

“Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tkun kisbet vantaġġ pekunjarju għad-detriment ta’ persuna oħra hija obbligata tirrestitwixxi dan il-vantaġġ in natura u, jekk dan ma jkunx possibbli, tirrimborsa l-valur tiegħu.”

7

Skont l-Artikolu 410 tal-istess kodiċi:

“1.   Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti għandhom japplikaw, b’mod partikolari, għal eżekuzzjoni indebita.

2.   Eżekuzzjoni hija indebita jekk il-persuna li wettqitha ma kellha l-ebda obbliguli twettaqha jew ma kellha l-ebda obbligu li twettaqha lejn il-persuna li għaliha hija wettqet l-eżekuzzjoni, jew jekk il-bażi għall-eżekuzzjoni waqfet milli teżisti jew jekk l-għan intiż mill-eżekuzzjoni msemmija ma nkisibx jew jekk l-att legali li jeżiġi li titwettaq l-eżekuzzjoni ma kienx validu u ma sarx validu minn meta twettqet l-eżekuzzjoni.”

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

8

L’ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal-2021, pożizzjoni 1805) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprovdi, fl-Artikolu 189 tiegħu:

“Rikorrent jista’ jitlob lil qorti tikkonstata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika jew ta’ dritt, sakemm ikollha interess ġuridiku leġittimu.”

9

L-Artikolu 7301 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   Kull parti fil-proċedura tista’ titlob l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji sakemm hija turi l-eżistenza prima facie tat-talba tagħha u tal-interess li titlob dawn il-miżuri.

2.   L-interess li jintalab l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji jeżisti meta l-assenza tal-għoti ta’ dawn il-miżuri tostakola jew tostakola serjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża kkonċernata jew tostakola jew tostakola serjament b’kull mod ieħor it-twettiq tal-għan tal-proċedura f’din il-kawża.

[…]

3.   Meta tiddeċiedi dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet fil-proċedura b’mod li tiggarantixxi lill-benefiċjarju protezzjoni legali adegwata u li ma tobbligax lid-debitur iktar milli neċessarju.”

10

Skont l-Artikolu 731 tal-imsemmi kodiċi, l-għoti ta’ miżura kawtelatorja ma jistax ikun intiż għall-eżekuzzjoni ta’ kreditu, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

11

L-Artikolu 755 tal-istess kodiċi jipprovdi:

“1.   Meta talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji ma tirrigwardax talbiet pekunjarji, il-qorti għandha tordna miżuri kawtelatorji li hija tqis xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-każ, mingħajr ma teskludi l-għoti tal-miżuri kawtelatorji previsti għall-krediti pekunjarji. B’mod partikolari, il-qorti tista’:

1)

tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet jew tal-parteċipanti fil-proċedura ta’ implimentazzjoni kkonċernata għat-tul ta’ żmien tagħha;

2)

tipprojbixxi t-trasferiment tal-proprjetà jew tad-drittijiet ikkonċernati minn dik il-proċedura;

3)

tissospendi l-proċedura msemmija jew kwalunkwe proċedura oħra ta’ infurzar tad-deċiżjoni kkonċernata;

4.

[…]

5)

tordna li tiġi rreġistrata referenza xierqa fir-reġistru tal-artijiet jew f’kull reġistru rilevanti ieħor.

2.   […]

21.   L-Artikolu 731 ma għandux japplika jekk l-għoti tal-miżuri kawtelatorji mitluba jkun meħtieġ biex jiġu evitati danni imminenti jew konsegwenzi negattivi oħra għall-benefiċjarju.

3.   Il-qorti għandha tinnotifika lid-debitur b’ordni mogħtija in camera li tobbligah iwettaq jew li ma jwettaqx att jew li ma jfixkilx att tal-benefiċjarju. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal ordnijiet li jirrikjedu l-konsenja ta’ oġġetti fil-pussess tad-debitur.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

Fl‑2008, YQ u RJ ikkonkludew ma’ Getin Noble Bank kuntratt ta’ self ipotekarju deprezzabbli fuq perijodu ta’ 360 xahar għal ammont ta’ PLN 643 395.63 (madwar EUR 140000) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Dan il-kuntratt ta’ self kien jipprevedi klawżola ta’ konverżjoni fi Franki Svizzeri (CHF) ta’ dan l-ammont, bir-rata ta’ xiri stabbilita minn dan il-bank, b’rata ta’ interessi varjabbli. Il-pagamenti mensili, ikkalkolati f’CHF, kienu rimborsabbli f’PLN bir-rata ta’ bejgħ tal-CHF, ukoll stabbilita unilateralment mill-imsemmi bank. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew informati bl-effett tal-varjazzjonijiet tar-rati ta’ interessi u tal-kambju fuq l-imsemmi kuntratt ta’ self fil-forma ta’ tabella komparattiva.

13

Fil‑25 ta’ Mejju 2021, dawn ir-rikorrenti adixxew lis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), bħala qorti tal-ewwel istanza, b’talba intiża biex tiġi kkonstatata n-nullità tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sabiex Getin Noble Bank tiġi kkundannata tħallas ammont ta’ PLN 375 042.34 (madwar EUR 94000), jiġifieri l-ammont tal-pagamenti mensili li huma kienu diġà ħallsu fid-data tal-preżentata tat-talba tagħhom quddiem din il-qorti, flimkien mal-interessi moratorji u l-ispejjeż. L-imsemmija rikorrenti sostnew, f’dan ir-rigward, li l-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ta’ self dwar l-indiċjar tal-ammont tas-self ikkonċernat fuq munita barranija kienu jikkostitwixxu “klawżoli inġusti”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw ukoll talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, intiżi biex jiffissaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-proċedura kif ukoll li jikkonsistu, għat-tul tal-istanza, qabel kollox, fis-sospensjoni tal-obbligu li jitħallsu l-pagamenti mensili previsti fl-imsemmi kuntratt ta’ self, sal-ammont u d-dati speċifikati fih għall-perijodu mill-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza sal-għeluq definittiv tal-proċedura, sussegwentement, fil-projbizzjoni li Getin Noble Bank tibgħatilhom preavviż ta’ xoljiment u, fl-aħħar nett, fil-projbizzjoni li dan il-bank jippubblika mal-Biuro Informacji Gospodarczej (l-Uffiċċju tal-Informazzjoni Ekonomika, il-Polonja) informazzjoni dwar nuqqas ta’ rimbors tas-self ikkonċernat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul il-perijodu mill-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba sal-għeluq tal-proċedura.

15

L-imsemmija qorti madankollu ċaħdet it-talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tagħha, dawn ir-rikorrenti ma kinux urew l-eżistenza ta’ interess leġittimu sabiex jitolbu l-għoti ta’ miżuri provviżorji peress li xejn ma kien jippermetti li jiġi affermat li l-assenza ta’ għoti ta’ tali miżuri pprekludiet jew ostakolat serjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li kellha tingħata fil-kawża prinċipali jew it-twettiq tal-għan tal-proċedura f’din il-kawża. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7301(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ma ġewx issodisfatti.

16

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw mid-deċiżjoni tal-istess qorti quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie XXVIII Wydział Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, XXVIII Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), fejn il-qorti tar-rinviju sostniet li huma kellhom interess leġittimu li jitolbu l-għoti tal-imsemmija miżuri provviżorji. Getin Noble Bank ikkontestat tali talba, billi sostniet, b’mod partikolari, li l-eżistenza prima facie tal-kreditu ta’ dawn ir-rikorrenti ma kinitx ġiet ipprovata. Barra minn hekk, dan il-bank qajjem dubju dwar in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali u enfasizza li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu kienet sodisfaċenti.

17

Il-qorti tar-rinviju tesponi li tressqet talba quddiemha sabiex tikseb l-għoti ta’ miżuri provviżorji li jikkonsistu fis-sospensjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-pagamenti mensili previsti fil-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-perijodu mid-data tal-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza sal-għeluq definittiv tal-proċedura. Fir-rigward ta’ talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, din il-qorti tispjega li hija tiddeċiedi abbażi ta’ dimostrazzjoni prima facie tal-allegazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali.

18

F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis, minn naħa, fir-rigward tal-eżistenza prima facie tal-kreditu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ntwera li wħud mill-klawżoli kuntrattwali kkonċernati huma inġusti u li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi annullat, sa fejn l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar ma għadhiex oġġettivament possibbli skont id-dritt Pollakk. L-istess qorti tfakkar li, skont l-Artikolu 410 tal-Kodiċi Ċivili, kull waħda mill-partijiet f’kuntratt null għandha dritt, indipendenti minn dak tal-parti l-oħra, għar-rimbors tas-servizz imwettaq.

19

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prova tal-interess leġittimu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li tali interess jeżisti, konformement mal-Artikolu 7301(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, meta l-assenza tal-għoti ta’ miżuri provviżorji tipprekludi jew tostakola serjament l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża prinċipali jew it-twettiq tal-għan tal-proċedura f’din il-kawża.

20

Din il-qorti tesponi li l-qrati nazzjonali madankollu rarament jilqgħu t-talbiet tal-konsumaturi intiżi biex jingħataw tali miżuri provviżorji f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, uħud minn dawn il-qrati jindikaw li azzjoni għall-konstatazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tinsab fih ma tistax twassal għal eżekuzzjoni forzata u għalhekk ma teħtieġx l-għoti ta’ miżuri provviżorji. Qrati oħrajn iqisu li l-għoti ta’ miżura provviżorja għandu jkun intiż mhux għall-eżekuzzjoni ta’ kreditu, iżda sabiex jiġi evitat li jseħħ dannu jew konsegwenzi negattivi oħra għall-konsumatur ikkonċernat, b’tali mod li l-għoti ta’ tali miżura jkun possibbli biss jekk jintwera prima facie li l-bank ikkonċernat jinsab f’sitwazzjoni finanzjarja ħażina. Fl-aħħar nett, teżisti ġurisprudenza tal-istess qrati, li tgħid li, fil-każ ta’ annullament ta’ kuntratt ta’ self, il-konsumatur ikkonċernat għandu jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ dan il-bank, billi jirrimborsah il-kapital misluf. Għaldaqstant, dan il-konsumatur ma għandu l-ebda interess li jitlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji bħal dawk mitluba fil-kawża prinċipali, peress li huwa fi kwalunkwe każ obbligat li jwettaq ħlasijiet lill-imsemmi bank irrispettivament mid-deċiżjoni definittiva li għandha tingħata fuq il-mertu, bħala rimbors tal-kapital użat jew, ukoll, bħala “remunerazzjoni għall-użu ta’ dan il-kapital”.

21

Il-qorti tar-rinviju tqis b’mod partikolari li, sa fejn id-Direttiva 93/13 hija intiża biex tipproteġi lill-konsumatur ikkonċernat billi tistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-partijiet, din id-direttiva tipprekludi rifjut ta’ għoti ta’ tali miżuri provviżorji. Din il-qorti hija tal-fehma li, meta l-eliminazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti timplika l-invalidità sħiħa ta’ kuntratt ta’ self, l-għoti ta’ miżuri provviżorji xierqa, bħas-sospensjoni tal-obbligu li jitħallsu l-pagamenti mensili li jinkludu l-kapital u l-interessi dovuti skont dan il-kuntratt ta’ self għat-tul tal-proċedura, huwa bħala prinċipju neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata fuq il-mertu. Skont l-imsemmija qorti, meta, wara t-tneħħija tal-klawżoli kuntrattwali inġusti tal-imsemmi kuntratt ta’ self, dan tal-aħħar oġġettivament ma jkunx iktar jista’ jiġi eżegwit, ir-rifjut li jingħataw tali miżuri provviżorji jikkomprometti l-effett restitutorju impost fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll, għaldaqstant, l-effett utli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

22

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, b’mod partikolari, li d-dritt Pollakk jipprevedi modalitajiet proċedurali li skonthom l-ammont tat-talba jiġi ffissat fid-data tal-preżentata tat-talba għall-konstatazzjoni tan-nullità tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat. Konsumatur għalhekk jista’ jitlob ir-rimbors biss tal-ammont tal-pagamenti mensili diġà mħallsa sa din id-data. Konsegwentement, fl-assenza ta’ għoti ta’ miżura provviżorja fil-bidu tal-proċedura, dan il-konsumatur ikun obbligat, fi tmiem din tal-aħħar, li jibda proċedura ġdida kontra l-bank ikkonċernat, li jkollha bħala għan ir-rimbors tal-pagamenti mensili mħallsa minnu matul il-perijodu bejn il-bidu u t-tmiem ta’ din il-proċedura l-ġdida. Skont il-qorti tar-rinviju, tali sitwazzjoni tippenalizza lill-imsemmi konsumatur u tippreġudika l-effettività tad-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, l-istabbiliment mill-ġdid tal-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet ma jistax jitwettaq bl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni fuq il-mertu, peress li huwa biss l-istess konsumatur li jkun imġiegħel jibda proċedura ġudizzjarja oħra sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu u għalhekk li jistabbilixxi iktar riżorsi finanzjarji u ta’ ħin.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie XXVIII Wydział Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, XXVIII Sezzjoni Ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 93/13], jipprekludu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew tal-ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-qorti nazzjonali tista’, speċjalment b’teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligi tal-konsumatur li jonora l-impenji tiegħu fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur jew fil-konfront tas-sitwazzjoni finanzjarja tajba tal-bejjiegħ jew fornitur, tiċħad talba tal-konsumatur għal ordni, minn qorti, ta’ miżura provviżorja (li tiżgura l-azzjoni) li tikkonsisti fis-sospensjoni, għat-tul tal-proċedura, tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li probabbilment ser jiġi rrikonoxxut bħala invalidu minħabba t-tneħħija tal-klawżoli inġusti li jinsabu fih?”

Fuq id‑domanda preliminari

Fuq l‑ammissibiltà

24

Getin Noble Bank tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

25

Essenzjalment, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni, f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, li din it-talba ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ma humiex applikabbli għall-effetti tat-tneħħija tal-klawżoli inġusti, peress li l-għan ta’ din id-direttiva jintlaħaq meta jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn il-partijiet. L-effetti tal-invalidazzjoni ta’ kuntratt li fih klawżoli inġusti jaqgħu għalhekk taħt id-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda, fir-realtà, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji f’ċirkustanzi fejn, minħabba l-annullament tal-kuntratt ikkonċernat, il-partijiet f’dan il-kuntratt ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u ma jkunux għadhom jinsabu f’relazzjoni bejn konsumatur u professjonist. Għalhekk, ma hemmx lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tat-talba għall-għoti ta’ dawn il-miżuri provviżorji.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża prinċipali li għandha tevalwa n-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, meta d-domanda magħmula tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ din il-kawża, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal din id-domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačka banka, C‑567/20, EU:C:2022:352, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, meta ma jkunx jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi [sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 28, u tas‑27 ta’ April 2023, C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

28

F’dan il-każ, minn naħa, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji intiża b’mod partikolari għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur, fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-invalidazzjoni ta’ dan il-kuntratt minħabba n-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli li jinsabu fih. Min-naħa l-oħra, id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 li jimponu b’mod partikolari fuq l-Istati Membri li jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur, u hija intiża biex tiddetermina jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti li tali talba tiġi miċħuda.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 93/13 ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

30

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma tistax tkun limitata biss għat-tul tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew minn fornitur, iżda tapplika wkoll wara l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li huma l-Istati Membri, fil-każ ta’ invalidità tal-kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur minħabba n-natura inġusta ta’ waħda mill-klawżoli inklużi fih, li għandhom jirregolaw, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, l-effetti ta’ din l-invalidazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan għandu jitwettaq fl-osservanza tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lil konsumatur, b’mod partikolari, billi jiġi ggarantit l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kienet tkun dik ta’ dan il-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, C‑6/22, EU:C:2023:216, punti 2122).

31

Fit-tieni lok, Getin Noble Bank issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula lilha peress li l-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala konsumaturi mill-qorti tar-rinviju hija żbaljata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tagħhom mogħtija mill-qorti nazzjonali hijiex korretta, peress li tali interpretazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Sociálna poisťovňa, C‑799/19, EU:C:2020:960, punti 4445 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju qieset li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu konsumaturi, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar tali klassifikazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula.

34

Għaldaqstant, għandu jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

35

Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li l-qorti nazzjonali tista’ tiċħad talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji ta’ konsumatur intiża għas-sospensjoni, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar l-invalidazzjoni tal-kuntratt ta’ self konkluż minn dan il-konsumatur minħabba li dan il-kuntratt jinkludi klawżoli inġusti, tal-ħlas tal-pagamenti mensili dovuti skont l-imsemmi kuntratt, meta tali miżuri jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ din id-deċiżjoni.

36

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 93/13 għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 37).

37

Għal dan l-għan, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-klawżoli kuntrattwali inġusti ma jorbtux lill-konsumatur, mingħajr ma dan ikollu bżonn jippreżenta rikors u jikseb sentenza li tikkonferma n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punti 20 sa 28). Minn dan isegwi li l-qrati nazzjonali huma obbligati jeskludu l-applikazzjoni tal-imsemmija klawżoli sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront ta’ konsumatur, sakemm dan tal-aħħar ma jopponix dan (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interess tal-konsumaturi kif ukoll tal-kompetituri, ikunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew mill-fornituri.

39

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Istati Membri għandhom, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt u jimmaterjalizzaw l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni. Madankollu, l-imsemmija konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik tal-konsumatur ikkonċernat fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta. Fil-fatt, tali regolamentazzjoni mid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma tistax tippreġudika s-sustanza ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (Kumpens ex officio fil-każ ta’ klawżola inġusta), C‑170/21, EU:C:2022:518, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’mod li fil-prattika jsir impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) [sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

41

Għalhekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-miżuri provviżorji mitluba sabiex jiġu invokati d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tqis li din id-direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, tadotta miżuri provviżorji, bħas-sospensjoni ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali tagħha, peress li din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punti 596064).

42

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża li jista’ jkun neċessarju li jingħataw tali miżuri, b’mod partikolari, meta jkun hemm riskju li dan il-konsumatur iħallas, matul proċedura ġudizzjarja li t-tul tagħha jista’ jkun kunsiderevoli, pagamenti mensili ta’ ammont ogħla minn dak effettivament dovut li kieku l-klawżola kkonċernata kellha tiġi injorata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Fernández Oliva et, C‑568/14 sa C‑570/14, EU:C:2016:828, punti 34 sa 36).

43

Għaldaqstant, il-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13, b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 7(1) tagħha, teħtieġ li l-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tagħti miżura provviżorja xierqa, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata f’dak li jirrigwarda n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali.

44

F’dan il-każ, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti fil-qasam ta’ miżuri provviżorji hija applikata b’mod differenti skont jekk tilwima tirrigwardax drittijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali jew fuq drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

45

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali, kif ukoll l-iżvolġiment u l-karatteristiċi partikolari ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 43). Dan jgħodd neċessarjament ukoll għal dak li jikkonċerna interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali.

46

F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, mill-Gvern Pollakk, jirriżulta li l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jippermetti lill-qorti Pollakka adita bi proċedura għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tinsab fih, li tadotta miżuri provviżorji. Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 7301 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, u għall-Artikolu 755(2)1 ta’ dan il-kodiċi, li jipprovdi li din il-qorti tista’ tagħti miżura kawtelatorja, u dan anki jekk kienet intiża sabiex teżegwixxi kreditu, meta dan ikun neċessarju sabiex jiġi evitat li jseħħ dannu imminenti jew konsegwenzi negattivi oħra għall-benefiċjarju.

47

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, teżisti prassi sinjifikattiva fil-ġurisprudenza nazzjonali li tikkonsisti f’li jiġu miċħuda t-talbiet għall-għoti ta’ miżura provviżorja f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri meta tintalab is-sospensjoni, sal-mument tad-deċiżjoni definittiva fuq il-mertu, tal-ħlas tal-pagamenti mensili dovuti abbażi ta’ kuntratt ta’ self li jista’ jiġi invalidat minħabba l-klawżoli inġusti inklużi fih. Skont din il-ġurisprudenza, tali ċaħda hija ġġustifikata mill-assenza ta’ “interess ġuridiku” tal-konsumatur ikkonċernat għar-raġunijiet miġbura fil-qosor fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

48

Issa, mill-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari u fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Pollakk jirriżulta li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi, fil-kuntest tal-eżami ta’ azzjoni għall-konstatazzjoni tan-nullità ta’ kuntratt minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tinsab fih, bħala prinċipju, taħt piena li tiddeċiedi ultra petita, fuq it-talbiet ifformulati fir-rikors, jiġifieri, ħlief fil-każ ta’ estensjoni tal-portata ta’ dan ir-rikors, fuq l-ammonti mħallsa sal-preżentata tat-talba li jkollha quddiemha. Konsegwentement, meta din il-qorti tikkonstata, fuq il-mertu, li, wara t-tneħħija ta’ din il-klawżola, dan il-kuntratt oġġettivament ma jistax jiġi eżegwit, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, u li l-konsumatur ikkonċernat għandu jingħata lura s-somom li huwa ħallas indebitament skont l-imsemmi kuntratt, iċ-ċaħda ta’ talba għall-għoti ta’ miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni tal-ħlas tal-pagamenti mensili dovuti abbażi tal-istess kuntratt, tirrendi, tal-inqas parzjalment, ineffettiva d-deċiżjoni definittiva li tingħata fuq il-mertu. Fil-fatt, tali deċiżjoni definittiva ma twassalx biex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kienet tkun dik ta’ dan il-konsumatur fl-assenza tal-imsemmija klawżola inġusta, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, peress li, skont il-modalitajiet proċedurali applikabbli, parti biss mill-ammont diġà mħallas tista’ tkun is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni definittiva.

49

Minn dan isegwi li, f’tali ċirkustanzi, l-għoti ta’ miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni tal-ħlas tal-pagamenti mensili dovuti abbażi ta’ kuntratt ta’ self li jista’ jiġi invalidat minħabba klawżola inġusta li tinsab fih jista’ jkun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata, l-effett restitutorju li din twassal għalih u, għaldaqstant, l-effettività tal-protezzjoni żgurata mid-Direttiva 93/13.

50

Fil-fatt, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fin-nuqqas ta’ għoti ta’ miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni tal-obbligu kuntrattwali tiegħu ta’ ħlas ta’ dawn il-pagamenti mensili, konsumatur għandu, sabiex jevita li deċiżjoni definittiva dwar l-invalidità tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat tkun tikkonsisti biss fl-istabbiliment mill-ġdid parzjali tas-sitwazzjoni tiegħu, jew jestendi l-portata tat-talba inizjali tiegħu, wara l-ħlas ta’ kull pagament mensili, jew, wara deċiżjoni li tannulla dan il-kuntratt ta’ self, jibda azzjoni ġdida, li l-għan tagħha jkun il-ħlas tal-pagamenti mensili mħallsa matul l-ewwel proċedura. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Pollakk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, josserva li, skont l-Artikolu 25 tal-ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych (il-Liġi dwar l-ispejjeż tal-qorti f’materji ċivili), tat-28 ta’ Lulju 2005 (Dz. U. Nru 167, pożizzjoni 1398), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1125), kull estensjoni tal-portata ta’ rikors hija suġġetta għal spejjeż tal-qorti.

51

Barra minn hekk, il-preżentata ta’ azzjoni ġdida minn konsumatur hija, skont il-qorti tar-rinviju, fi kwalunkwe każ neċessarja meta l-ewwel proċedura għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ self minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tinsab fih tiġi segwita minn proċedura ta’ appell, peress li, f’dan il-każ, ir-regoli proċedurali tad-dritt Pollakk ma jipprevedux il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-portata tar-rikors fl-ewwel istanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa evidenti li, fl-assenza tal-għoti ta’ miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-pagamenti mensili dovuti abbażi ta’ dan il-kuntratt ta’ self, id-deċiżjoni li tinvalida lil dan tal-aħħar u li tordna r-rimbors tal-ammonti diġà mħallsa minn dan il-konsumatur ma tippermettix li jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 93/13 li jikkonsisti fl-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt preċedenti tiegħu.

52

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-għoti ta’ tali miżura provviżorja jidher iktar u iktar neċessarju meta l-imsemmi konsumatur ikun ħallas lill-bank ikkonċernat ammont ogħla minn dak tas-somma mislufa anki qabel ma jkun beda proċedura.

53

Fl-aħħar nett, ma huwiex eskluż li, fl-assenza tal-għoti ta’ miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni tal-obbligu kuntrattwali tal-istess konsumatur, l-estensjoni tal-proċedura kkonċernata twassal għal deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu sa tali punt li dan ma jkollux iktar il-mezzi sabiex iressaq l-azzjonijiet neċessarji sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom li huwa għandu dritt għalihom abbażi tal-kuntratt invalidat.

54

Tali ċirkustanzi jistgħu wkoll iżidu r-riskju li konsumatur ma jkunx iktar f’pożizzjoni li jħallas il-pagamenti mensili dovuti abbażi tal-imsemmi kuntratt ta’ self, li jista’ jwassal lill-bank ikkonċernat biex jipproċedi bi proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-kreditu tiegħu abbażi ta’ kuntratt ta’ self li jista’ jiġi invalidat.

55

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li huwa rrifjutat l-għoti ta’ miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-ħlas ta’ pagamenti mensili dovuti abbażi ta’ kuntratt ta’ self, filwaqt li dawn il-miżuri huma neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13, ma tidhirx, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha fil-modalitajiet proċedurali kollha previsti fid-dritt Pollakk, konformi mal-prinċipju ta’ effettività u, għaldaqstant, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.

56

Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa ta’ din id-direttiva u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba s-sempliċi fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt tal-aħħar (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Pollakk iqisu li l-leġiżlazzjoni kkonċernata, u, b’mod iktar partikolari, it-tieni kundizzjoni li huwa suġġett għaliha l-għoti ta’ miżuri provviżorji fid-dritt Pollakk, jiġifieri l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “interess ġuridiku” prevista fl-Artikolu 7301 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

59

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi kklassifikata bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss meta din il-qorti tikkonstata li l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva li għandha tingħata fuq il-mertu. F’dan ir-rigward, minn naħa, din għandu jkollha biżżejjed indizji f’dak li jirrigwarda n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali waħda jew iktar b’tali mod li huwa probabbli li l-kuntratt ta’ self ikkonċernat huwa null jew, tal-inqas, li rimbors tal-pagamenti mensili dovuti abbażi ta’ dan il-kuntratt għandu jingħata lill-konsumatur ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, hija l-imsemmija qorti li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk is-sospensjoni tal-obbligu ta’ dan il-konsumatur li jħallas dawn il-pagamenti mensili għat-tul tal-proċedura kkonċernata hijiex neċessarja sabiex jiġi ggarantit l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt li kienet tkun dik tal-imsemmi konsumatur fl-assenza ta’ din jew ta’ dawn il-klawżoli. Għalhekk, l-istess qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istess konsumatur u r-riskju li dan ikollu jirrimborsa lill-bank ikkonċernat ammont li jeċċedi dak tas-somma li huwa jkun issellef mingħandu.

60

Għaldaqstant, jekk il-qorti nazzjonali tqis, minn naħa, li jeżistu indizji suffiċjenti li l-klawżoli kuntrattwali kkonċernati huma inġusti u li rimbors tas-somom imħallsa mill-konsumatur ikkonċernat skont il-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa għalhekk probabbli u, min-naħa l-oħra, li, fl-assenza tal-għoti ta’ miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-ħlas tal-pagamenti mensili dovuti skont dan il-kuntratt, l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva li għandha tingħata fuq il-mertu ma tistax tiġi ggarantita, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, din il-qorti għandha tadotta miżuri provviżorji li jikkonsistu fis-sospensjoni tal-obbligu ta’ dan il-konsumatur li jwettaq pagamenti abbażi tal-imsemmi kuntratt.

61

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’ tiċħad talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji ta’ konsumatur intiżi għas-sospensjoni, fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-invalidazzjoni tal-kuntratt ta’ self konkluż minn dan il-konsumatur għar-raġuni li dan il-kuntratt ta’ self jinkludi klawżoli inġusti, tal-ħlas tal-pagamenti mensili dovuti skont l-imsemmi kuntratt ta’ self, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri provviżorji jkun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ din id-deċiżjoni.

Fuq l‑ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’ tiċħad talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji ta’ konsumatur intiżi għas-sospensjoni, fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-invalidazzjoni tal-kuntratt ta’ self konkluż minn dan il-konsumatur għar-raġuni li dan il-kuntratt ta’ self jinkludi klawżoli inġusti, tal-ħlas tal-pagamenti mensili dovuti skont l-imsemmi kuntratt ta’ self, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri provviżorji jkun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ din id-deċiżjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.