SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
8 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt bi skop doppju – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Kriterji”
Fil-Kawża C‑570/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsovie-Wola, li għandha s-seda tagħha f’Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Settembru 2021, fil-kawża
I.S.,
K.S.
vs
YYY. S.A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal I.S. u K.S., minn P. Artymionek, A. Citko u M. Siejko, radcowie prawni, |
|
– |
għal YYY. S.A., minn Ł. Hejmej, M. Przygodzka u A. Szczęśniak, adwokaci, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, U. Małecka u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, I.S. u K.S. u, min-naħa l-oħra, YYY. S.A., bank, dwar il-ħlas ta’ ammont, flimkien mal-interessi, li sar lil dan il-bank skont klawżoli f’kuntratt ta’ kreditu ipotekarju indiċjat mar-rata ta’ skambju ta’ munita barranija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 93/13
|
3 |
Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13: “[…] tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; […] dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; […]” |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat bil-mod kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
|
6 |
L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi li “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.” |
|
7 |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
Id‑Direttiva 2011/83/UE
|
8 |
Il-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), tiddikjara: “Id-definizzjoni ta’ konsumatur għandha tkopri l-persuni fiżiċi li mhumiex qed jaġixxu fil-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħhom. Madankollu, fil-każ ta’ kuntratti għal żewġ għanijiet, fejn il-kuntratt huwa konkluż għal skopijiet parzjalment fl-ambitu jew parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna u l-iskop ta’ kummerċ tant huwa limitat li mhuwiex predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, dik il-persuna wkoll għandha titqies bħala konsumatur.” |
|
9 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
Id‑Direttiva 2013/11/UE
|
10 |
Il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63) tiddikjara: “Id-definizzjoni ta’ ‘konsumatur’ għandha tkopri l-persuni fiżiċi li jaġixxu barra mill-kummerċ, in-negozji, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom. Madankollu, jekk il-kuntratt jiġi konkluż għal skopijiet parzjalment ġewwa u parzjalment barra mill-kummerċ tal-persuna (kuntratti bi skop doppju) u l-iskop tal-kummerċ ikun limitat b’tali mod li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali tal-forniment, dik il-persuna għandha titqies ukoll bħala konsumatur.” |
|
11 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013
|
12 |
Il-premessa 13 tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ir-Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 1), tiddikjara: “Id-definizzjoni ta’ ‘konsumatur’ għandha tkopri l-persuni fiżiċi li jaġixxu barra mill-kummerċ, in-negozji, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom. Madankollu, jekk il-kuntratt jiġi konkluż għal skopijiet parzjalment ġewwa u parzjalment barra mill-kummerċ tal-persuna (kuntratti bi skop doppju) u l-iskop tal-kummerċ ikun limitat b’tali mod li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali tal-forniment, dik il-persuna għandha titqies ukoll bħala konsumatur.” |
|
13 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]” |
Id‑dritt Pollakk
|
14 |
L-Artikolu 221 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-liġi dwar il-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 16), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jiddefinixxi l-“konsumatur” bħala “kwalunkwe persuna fiżika li twettaq att ġuridiku ma’ kummerċjant li ma jorbotx b’mod dirett mal-attività professjonali tagħha”. |
|
15 |
Skont l-Artikolu 3851(1) tal-Kodiċi Ċivili: “Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew innegozjati individwalment ma jorbtux lill-konsumatur fejn dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-għemil xieraq, billi jippreġudikaw, b’mod ċar, l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax il-klawżoli li jiddeterminaw l-obbligi prinċipali tal-partijiet, fosthom ir-remunerazzjoni, kemm-il darba dawn ikunu ġew ifformulati b’mod inekwivoku.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, I.S. u K.S., iżżewġu mingħajr ma kkonkludew kuntratt taż-żwieġ. |
|
17 |
Fit‑28 ta’ Frar 2006, huma ressqu talba ta’ kreditu ipotekarju quddiem il-predeċessur tal-konvenut fil-kawża prinċipali għas-somma ta’ 206120 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 45800) u li għandha bħala munita ta’ indiċjar il-frank Svizzeru (CHF). Dan il-kreditu kien intiż, minn naħa, għall-finanzjament mill-ġdid ta’ djun ta’ konsum marbuta ma’ kreditu għall-konsum, ma’ kont bankarju kurrenti, kif ukoll ma’ karta ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, għall-finanzjament ta’ xogħlijiet ta’ tiġdid ta’ residenza. |
|
18 |
Fil‑21 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew mal-predeċessur tal-konvenut fil-kawża prinċipali kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, għal perijodu ta’ 300 xahar, għas-somma ta’ PLN 198 996.73 (madwar EUR 44200), indiċjata skont il-frank Svizzeru. L-ewwel porzjon ta’ dan il-kreditu kien intiż, minn naħa, għar-rimbors, f’kont kurrenti miżmum f’isem kumpannija mmexxija minn I.S., tas-somma ta’ PLN 70000 (madwar EUR 15600) bħala kreditu u, min-naħa l-oħra, għall-ħlas ta’ diversi primjums tal-assigurazzjoni li jammontaw għal PLN 1 216.80 (madwar EUR 270), PLN 3 979.93 (madwar EUR 880) u PLN 3800 (madwar EUR 840). It-tieni porzjon tiegħu kien intiż, minn naħa, għar-rimbors ta’ diversi impennji finanzjarji tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jammontaw għal PLN 9720 (madwar EUR 2200), PLN 7400 (madwar EUR 1600) u PLN 9000 (madwar EUR 2000) u, min-naħa l-oħra, għall-finanzjament ta’ xogħlijiet ta’ tiġdid ta’ residenza li jammontaw għal PLN 93880 (madwar EUR 20900). |
|
19 |
Kemm dakinhar li saret it-talba ta’ kreditu, kif ukoll dakinhar li ġie konkluż dan il-kuntratt ta’ kreditu, I.S. kienet eżerċitat attività professjonali fil-forma ta’ soċjetà ċivili u K.S. kien ħadem bħala ħaddied taħt kuntratt ta’ xogħol. |
|
20 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-qorti tar-rinviju b’azzjoni għar-rimbors tas-somma ta’ PLN 13 142.03 (madwar EUR 2900), flimkien mal-interessi, li tħallset lil YYY. skont klawżoli tal-imsemmi kuntratt ta’ kreditu li jirrigwardaw il-valutazzjoni tal-ammont tal-pagamenti mensili tar-rimbors tal-kreditu u l-ammont tad-dejn, minħabba li dawn il-klawżoli huma inġusti. |
|
21 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, quddiem il-qorti tar-rinviju, YYY. sostna, b’mod partikolari, li l-kreditu inkwistjoni kien ingħata sabiex jiġi rrimborsat kreditu marbut ma’ attività professjonali, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħux jinvokaw il-protezzjoni ġuridika prevista fl-Artikolu 3851 tal-Kodiċi Ċivili. |
|
22 |
Barra minn hekk, minn din it-talba jirriżulta li, matul is-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2021 quddiem il-qorti tar-rinviju, I.S. ikkonfermat li s-somma ta’ PLN 70000 (madwar EUR 15600), li ngħatat skont il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, kienet ġiet allokata għar-rimbors ta’ dejn fil-kont professjonali tagħha u li, wara li sar dan ir-rimbors, dan il-kont kien ingħalaq. I.S. iddikjarat ukoll li l-imsemmi rimbors kien kundizzjoni li għaliha l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt kienet suġġetta. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju qajmet dubji dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, f’sitwazzjoni li fiha parti mill-ammont misluf, jiġifieri 35 % ta’ dan tal-aħħar, li la hija predominanti u lanqas marġinali, kienet intużat, taħt kuntratt ta’ kreditu “mist”, sabiex jiġi rrimborsat kreditu marbut mal-attività professjonali ta’ wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-parti l-oħra ta’ dan l-ammont, jiġifieri 65 % tiegħu, kienet intiża għal finijiet ta’ konsum li jmorru lil hinn minn attività professjonali. Dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur”, imsejsa fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni f’materja ta’ kuntratti konklużi mal-konsumaturi, adottata fis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gruber, EU:C:2005:32), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt għal oġġett intiż għal użu li huwa parzjalment professjonali u li parzjalment imur lil hinn mill-attività professjonali tagħha tkun tista’ tibbenefika minn dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni, l-użu professjonali għandu jkun marġinali sal-punt li jkollu rwol minuri fil-kuntest ġenerali tat-tranżazzjoni inkwistjoni, tistax tiġi applikata, b’analoġija, għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tosserva li mill-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83 u mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 524/2013 jirriżulta li, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” fil-każ ta’ kuntratti bi skop doppju, jiġifieri kuntratti konklużi għal finijiet li jaqgħu biss parzjalment fl-ambitu tal-attività professjonali tal-persuna kkonċernata, l-iskop professjonali għandu jiġi limitat b’tali mod li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt inkwistjoni. |
|
25 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali definizzjoni. Hija tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk il-fatt li wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali segwa skop professjonali u l-fatt li, mingħajr ir-rimbors tad-dejn tal-impriża kkonċernata, is-self inkwistjoni ma kienx jingħata għal skop mhux professjonali, jikkostitwixxux kriterji rilevanti f’dan ir-rigward. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja‑Wola, li għandha s-sede tagħha f’Varsavja, il-Polonja) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jżomm persuna milli tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” meta din tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu intiż għal użu li parzjalment jorbot mal-attività professjonali tagħha u li parzjalment imur lil hinn minn din l-attività, flimkien ma’ persuna oħra li tissellef li ma tkunx aġixxiet fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, fejn ir-rabta li teżisti bejn dan il-kuntratt u l-attività professjonali ta’ din il-persuna ma tkunx marġinali sal-punt li jkollha rwol minuri fil-kuntest ġenerali tal-imsemmi kuntratt, iżda tkun limitata sal-punt li ma tkunx predominanti f’dak il-kuntest. |
|
28 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et, C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, hija “konsumatur” kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntratti li jaqgħu taħt din id-direttiva, taġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fl-ambitu tal-attività professjonali tagħha. |
|
30 |
B’hekk, il-kwalità ta’ “konsumatur” tal-persuna inkwistjoni għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, li jevalwa jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni tagħmilx parti mill-ambitu ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda rabta mal-eżerċizzju ta’ professjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, S. V. (Binja f’kondominju), C‑485/21, EU:C:2022:839, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, huwa ta’ natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna inkwistjoni jista’ jkollha, jew mill-informazzjoni li din il-persuna tassew ikollha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Il-kliem tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 ma jippermettix, madankollu, li jiġi ddeterminat jekk persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt bi skop doppju, li jaqa’ biss parzjalment fl-ambitu tal-attività professjonali tagħha, tistax titqies bħala konsumatur, fis-sens ta’ din id-direttiva, u jekk dan huwa l-każ, f’liema każijiet. |
|
32 |
Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll tal-għanjiet imfittxija minn din tal-aħħar, għandu jitfakkar li din id-direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) tagħha, tapplika għall-klawżoli inġusti tal-“kuntratti […] konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u konsumatur” li “ma [j]kun[u]x ġ[ew] negozjat[i] individwalment” (sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Šiba,C‑537/13, EU:C:2015:14, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Kif tiddikjara l-għaxar premessa tal-imsemmija direttiva, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom, ħlief għall-eċċezzjonijiet elenkati f’din il-premessa, japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tal-istess direttiva (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, S. V. (Binja f’kondominju), C‑485/21, EU:C:2022:839, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Huwa għalhekk b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, skont jekk dawn jaġixxux jew le fl-ambitu tal-attività professjonali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li hija tapplika għalihom (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Tali kriterju jirrifletti l-idea li fuqha hija msejsa s-sistema ta’ protezzjoni implimentata minn din id-direttiva, jiġifieri li, imqabbel mal-kummerċjant, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni iktar dgħajfa kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar, kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, pożizzjoni li twasslu jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-kummerċjant, u dan mingħajr ma jkun jista’ jkollu influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea,C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fid-dawl ta’ din il-pożizzjoni iktar dgħajfa, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija dirrettiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni imperattiva intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li jistabbilixxi l-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ veru ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco,C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 tippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lill-persuni fiżiċi kollha li, imqabbla mal-kummerċjant, jinsabu f’pożizzjoni iktar dgħajfa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 28). |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif indika, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 u 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura imperattiva tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u r-rekwiżiti speċifiċi ta’ protezzjoni tal-konsumatur marbuta magħhom jitolbu li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, tkun ippreferuta sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din tal-aħħar. |
|
39 |
B’hekk, anki jekk, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ma japplikawx ħlief fil-każ fejn is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni jkun oġġett jew servizz intiż għal użu mhux professjonali, persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt għal oġġett jew servizz intiż għal użu li parzjalment jorbot mal-attività professjonali tagħha u li, għalhekk, parzjalment biss imur lil hinn minn din l-attività, tista’, f’ċerti każijiet, tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din tal-aħħar. |
|
40 |
Sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, kif ukoll il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “konsumatur” f’leġiżlazzjonijiet oħra ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik,C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 25). |
|
41 |
Kif jenfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, id-Direttiva 2011/83 hija partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward. |
|
42 |
Apparti l-fatt li d-definizzjonijiet tal-kelma “konsumatur” li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/13 u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 huma fil-biċċa l-kbira ekwivalenti, din id-direttiva tal-aħħar tfittex l-istess għan bħad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, id-Direttiva 2011/83 tirrigwarda d-drittijiet tal-konsumaturi li jikkonċernaw kuntratti konklużi ma’ kummerċjanti u tfittex li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tiggarantixxi li l-konsumaturi jkunu informati u protetti fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑15 ta’ April 2021, MiGame,C‑594/20, EU:C:2021:309, punt 28). |
|
43 |
Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2011/83 għandha rabta mill-qrib mad-Direttiva 93/13, peress li l-ewwel waħda emendat it-tieni waħda u dawn iż-żewġ direttivi jistgħu japplikaw għall-istess kuntratt, kemm-il darba dan il-kuntratt ikun jaqa’ fl-istess ħin taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae rispettivi tagħhom. Reċentement, ukoll, il-leġiżlatur tal-Unjoni saħħaħ din ir-rabta billi adotta d-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva 93/13/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 98/6/CE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU 2019, L 328, p. 7). |
|
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83, li tispjega r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” fil-każ ta’ kuntratti bi skop doppju u li minnha jirriżulta li, fejn il-kuntratt ikun konkluż għal finijiet li jaqgħu biss parzjalment fl-ambitu tal-attività professjonali tal-persuna kkonċernata u fejn l-iskop professjonali jkun tant limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt, dik il-persuna għandha wkoll titqies li hija konsumatur. |
|
45 |
Ir-rilevanza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, fid-dawl tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83, hija kkorroborata mill-premessa 18 tad-Direttiva 2013/11 u mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 524/2013, li jfissru bl-istess ċarezza l-kunċett ta’ “konsumatur” fil-każ ta’ kuntratti bi skop doppju. Minkejja li d-Direttiva 2013/11 u r-Regolament Nru 524/2013 jirrigwardaw is-soluzzjoni ta’ tilwim mal-konsumatur u, għalhekk, kwistjonijiet differenti minn dawk irregolati mid-Direttivi 93/13 u 2011/83 fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi, dawn il-premessi jixhdu d-determinazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti portata orizzontali lil din id-definizzjoni. |
|
46 |
Sakemm l-imsemmija premessi jidhru f’atti leġiżlattivi sussegwenti għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, biżżejjed jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, in-natura imperattiva tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u r-rekwiżiti speċifiċi ta’ protezzjoni tal-konsumatur marbuta magħhom jitolbu li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, tkun ippreferuta sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 93/13 tiffavorixxi l-approċċ spjegat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-istess premessi, li persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt għal finijiet li parzjalment jaqgħu fl-ambitu tal-attività professjonali tagħha għandha titqies konsumatur fejn l-iskop professjonali jkun tant limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali ta’ dan il-kuntratt. |
|
47 |
L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “konsumatur” fil-punti 31 u 45 tas-sentenza Gruber, ikkonfermata fil-punti 29 sa 32 tas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll fil-punti 87 sa 91 tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević (C‑630/17, EU:C:2019:123), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), lanqas ma żżomm milli l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 jkun interpretat fid-dawl tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83. |
|
48 |
Fil-fatt, fis-sentenza Gruber, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istat Membri ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). |
|
49 |
Hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 32, 33 u 43 ta’ din is-sentenza, din tal-aħħar kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni f’materja ta’ kuntratti konklużi mal-konsumaturi previsti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jidderogaw mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni prevista minn din tal-aħħar, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat kontraenti fit-territorju li fih il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu, u li, bħala regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw minn din ir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod strett, fis-sens li ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jmur lil hinn mill-każijiet previsti espressament minn din il-konvenzjoni. |
|
50 |
Huwa għalhekk f’dan il-kuntest speċifiku, u wkoll fid-dawl ta’ elementi rilevanti oħra fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmija konvenzjoni, bħar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà tal-qorti kompetenti, kif ukoll l-għan ta’ protezzjoni adegwata tal-konsumatur imfittex mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-istess konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gruber, punti 34 u 45), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt għal użu li parzjalment jorbot mal-attività professjonali tagħha u li, għalhekk, parzjalment biss imur lil hinn minnha, ma għandhiex dritt tibbenefika mir-regoli speċifiċi ta’ ġurisdizzjoni f’materja ta’ kuntratti mal-konsumaturi previsti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, ħlief jekk l-użu professjonali huwa marġinali sal-punt li jkollu rwol minuri fil-kuntest ġenerali tat-tranżazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gruber, punti 39 u 54). |
|
51 |
Għalhekk, sa fejn l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 ma huwiex dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett u wkoll fid-dawl tar-ratio legis ta’ din id-direttiva li tfittex li tipproteġi lill-konsumaturi fil-każ ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “konsumatur”, adottata fis-sentenza Gruber, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni derogatorji previst fl-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-każ ta’ kuntratt bi skop doppju, ma tistax tiġi estiża, b’analoġija, għall-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13. |
|
52 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ kummerċjant, il-persuna fiżika li ssib ruħha fis-sitwazzjoni ta’ kodebitriċi taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, peress li hija taġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fl-ambitu tal-attività professjonali tagħha u għandha, kemm-il darba ssib ruħha, fil-konfront ta’ dan il-kummerċjant, f’sitwazzjoni simili għal dik tad-debitur, tibbenefika, flimkien ma’ dan tal-aħħar, mill-protezzjoni prevista minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punti 35 sa 39). |
|
53 |
Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu intiż għal użu li parzjalment jorbot mal-attività professjonali tagħha u parzjalment imur lil hinn minn din l-attività, flimkien ma’ persuna oħra li tissellef li ma taġixxix fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, fejn l-iskop professjonali jkun tant limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali ta’ dan il-kuntratt, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
|
54 |
Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, li jiġu ppreċiżati l-kriterji li jiddeterminaw jekk persuna taqax taħt il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, jekk l-iskop professjonali ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż minn din il-persuna huwiex tant limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali ta’ din il-kuntratt. |
|
55 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita b’tilwima dwar kuntratt li jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha u b’mod partikolari t-termini ta’ dan il-kuntratt, jekk il-persuna kkonċernata tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” fis-sens tal-imsemmija direttiva. Sabiex tagħmel dan, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari n-natura tal-oġġett jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, li jkunu jistgħu juru għal liema għan dan il-prodott jew servizz ikun qiegħed jinxtara (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea, C‑110/14, EU:C:2015:538, punti 22 u 23, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 26). |
|
56 |
L-istess jgħodd, minn naħa, għall-evalwazzjoni, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu li parti minnu torbot mal-attività professjonali ta’ min jissellef u li parti minnu tmur lil hinn minn din l-attività, tal-portata ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ partijiet fil-kuntest ġenerali ta’ dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, tal-iskop predominanti tal-imsemmi kuntratt. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, it-tqassim tal-kapital misluf bejn attività professjonali u attività mhux professjonali jista’ jammonta għal kriterju kwantitattiv rilevanti. Madankollu, jista’ jagħti l-każ li kriterji mhux kwantitattivi jkunu wkoll rilevanti, bħaċ-ċirkustanza li, fil-każ ta’ iktar minn persuna waħda li tissellef, waħda minnhom issegwi, permezz tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, skop professjonali jew, jekk ikun il-każ, il-fatt li min isellef ikun issuġġetta l-għoti tal-kreditu, fil-bidu intiż b’mod esklużiv għal finijiet ta’ konsum, għal allokazzjoni parzjali tal-ammont misluf għar-rimbors ta’ dejn marbut ma’ attività professjonali. |
|
58 |
Dawn il-kriterji la huma eżawrjenti u lanqas esklużivi, b’mod li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina ċ-ċirkustanzi kollha tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tevalwa, abbażi tal-provi oġġettivi li jkollha, sa fejn l-iskop professjonali jew mhux professjonali ta’ dan il-kuntratt huwa predominanti fil-kuntest ġenerali ta’ dan tal-aħħar. |
|
59 |
Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna taqax taħt il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, jekk l-iskop professjonali ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż minn din il-persuna huwiex tant limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali ta’ dak il-kuntratt, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ dan il-kuntratt, kemm dawk kwantittativi u kif ukoll dawk kwalitattivi, bħal, b’mod partikolari, it-tqassim tal-kapital misluf bejn attività professjonali u attività mhux professjonali, kif ukoll, fil-każ ta’ iktar minn persuna waħda li tissellef, il-fatt li waħda minnhom issegwi skop professjonali u li min isellef ikun issuġġetta l-għoti ta’ kreditu intiż għal finijiet ta’ konsum għal allokazzjoni parzjali tal-ammont misluf għar-rimbors ta’ dejn marbut ma’ attività professjonali. |
Fuq il‑limitazzjoni tal‑effetti ratione temporis ta’ din is‑sentenza
|
60 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-konvenut fil-kawża prinċipali talab, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha kemm-il darba ma tinterpretax il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 fid-dawl tas-sentenza Gruber. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa invoka l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed f’dubju relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, DenizBank, C‑287/19, EU:C:2020:897, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
F’dan il-każ, madankollu, il-konvenut fil-kawża prinċipali iressaq sempliċement argumenti ta’ ordni ġenerali mingħajr ma jagħti prova konkreta u preċiża ta’ natura li tistabbilixxi l-fondatezza tat-talba tiegħu fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ kriterji. |
|
63 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis. |
Fuq l‑ispejjeż
|
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.