SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 1(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 8 – Artikolu 12 – Sigurtà u saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl fuq ix-xogħol – Livell ta’ protezzjoni għall-ħaddiema ta’ billejl adattat għan-natura tax-xogħol tagħhom – Direttiva 89/391/KEE – Artikolu 2 – Ħaddiema fis-settur pubbliku u ħaddiema fis-settur privat – Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawżi magħquda C‑529/21 sa C‑536/21 u C‑732/21 sa C‑738/21,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rayonen sad - Kula (il-Qorti Distrettwali ta’ Kula, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Awwissu 2021 u tat-18 ta’ Novembru 2021, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fil-25 ta’ Awwissu 2021 u fit-30 ta’ Novembru 2021, fil-proċeduri

OP (C-529/21)

MN (C-530/21)

KL (C-531/21)

IJ (C-532/21)

GH (C-533/21)

EF (C-534/21)

CD (C-535/21)

AB (C-536/21)

AB (C-732/21)

BC (C-733/21)

CD (C-734/21)

DE (C-735/21)

EF (C-736/21)

FG (C-737/21)

GH (C-738/21)

vs

Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” kam Ministerstvo na vatreshnite raboti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova, D. Recchia u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), u tal-Artikolu Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349, rettifika fil-ĠU 2023, L 77, p. 20).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ ħmistax-il kawża bejn, minn naħa, uffiċjali ta’ dipartiment distrettwali tal-Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” kam Ministerstvo na vatreshnite raboti (id-Direttorat Ġenerali “Protezzjoni kontra n-Nar u Protezzjoni tal-Popolazzjoni”, fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, il-Bulgarija), u min-naħa l-oħra għal dan id-direttorat ġenerali, dwar il-kontabbiltà u remunerazzjoni tas-sigħat maħduma billejl minn dawn l-uffiċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/88

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop“, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

(a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

(b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[…].”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

3.   ‘ħin ta’ bil-lejl’ ifisser kwalunkwe perjodu ta’ mhux anqas minn seba’ sigħat, kif definiti bil-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi, fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta’ bejn nofs-il-lejl u l-5.00;

4.   ‘Ħaddiem ta’ matul il-lejl’ ifisser:

(a)

minn naħa l-waħda, kwalunkwe ħaddiem, li, matul il-ħin tal-lejl, jaħdem mill-anqas tliet sigħat tal-ħin tax-xogħol ta’ kull jum tiegħu bħala ħaġa normali; u

(b)

minn naħa l-oħra, kwalunkwe ħaddiem li aktarx li matul il-lejl iwettaq ċertu proporzjon tal-ħin annwali tax-xogħol tiegħu, kif definit b’għażla ta’ l-Istati Membri kkonċernati:

(i)

bil-leġislazzjoni nazzjonali, b’segwiment ta’ konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija; jew

(ii)

bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija f’livell nazzjonali jew reġjonali;

5.   ‘xogħol bis-shift’ ifisser kwalunkwe metodu ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol bix-shift li permezz tagħha ħaddiema jkomplu wara xulxin fl-istess stazzjonijiet tax-xogħol skond ċerti tendenzi, inklużi t-tendenzi tar-rotazzjoni, u li jistgħu jkunu kontinwi jew mhux-kontinwi, li jinvolvi għall-ħaddiema li jaħdmu f’ħinijiet differenti matul perjodu partikolari ta’ jiem jew ġimgħat;

6.   ‘ħaddiem bix-shift’ ifisser kwalunkwe ħaddiem li l-iskeda tax-xogħol tiegħu hija parti minn xogħol bix-shift;

[…]”

5

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-tul tax-xogħol bil-lejl”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)

is-sigħat normali tax-xogħol għal ħaddiema ta’ bil-lejl ma jkunux jeċċedu l-medja ta’ tmien sigħat fi kwanulkwe perijodu ta’ 24 siegħa;

(b)

il-ħaddiema ta’ matul il-lejl li x-xogħol tagħhom jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali ma jaħhdmux għal aktar minn tmien sigħat fi kwalunkwe perijodu ta’ 24 siegħa li matulhom huma jwettqu x-xogħol ta’ matul il-lejl.

Għall-iskopijiet tal-punt (b), xogħol li jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali għandu jkun definit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, billi jittieħed akkont ta’ l-effetti speċifiċi u l-perikoli tax-xogħol matul il-lejl.”

6

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)

ħaddiema tal-lejl u ħaddiema tax-shift ikollhom protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa xierqa għan-natura tax-xogħol tagħhom;

(b)

servizzi jew faċilitajiet ta’ protezzjoni u prevenzjoni xierqa fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tal-lejl u ta’ ħaddiema tax-shift li huma ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ħaddiema oħrajn u li jkunu disponibbli fi kwalunwe waqt.”

Id-Direttiva 89/391

7

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Kodiċi tax-Xogħol

8

Skont l-Artikolu 140 tal-Kodeks na truda (il-Kodiċi tax-Xogħol) (DV Nru 26, tal-1 ta’ April 1986, u DV Nru 27, tal-4 ta’ April 1986), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”):

“(1)   It-tul normali ta’ kull ġimgħa ta’ xogħol ta’ billejl għal ġimgħa ta’ xogħol ta’ 5 ijiem tax-xogħol ma jistax ikun iktar minn 35 siegħa. It-tul ta’ kull jum normali tax-xogħol ta’ billejl f’ġimgħa ta’ 5 ijiem tax-xogħol ma jistax ikun iktar minn 7 sigħat.

(2)   Ix-xogħol ta’ billejl huwa x-xogħol imwettaq bejn l-22.00 u s-6.00, perijodu li huwa estiż, għall-ħaddiema li għandhom inqas minn 16-il sena, mit-20.00 sas-6.00.

[…]”

9

Skont l-Artikolu 143 tal-Kodiċi tax-Xogħol:

“(1)   Jikkostitwixxi sahra ix-xogħol li jingħata mill-ħaddiem barra l-ħin tax-xogħol skedat għalih, fuq talba ta’ persuna li timpjega jew tas-superjur ġerarkiku jew waqt li dan tal-aħħar ikun jaf biha u ma jopponihx.

[…]”

Il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern

10

L-Artikolu 142 taż-zakon za Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern) (DV Nru 53, tas-27 ta’ Ġunju 2014), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern”) jipprevedi:

“1.   Il-persunal tal-Ministeru għall-Intern huma:

(1)

il-persunal fis-settur pubbliku - aġenti tal-pulizija u aġenti tas-servizz tat-tifi tan-nar u tal-protezzjoni ċivili;

(2)

il-persunal fis-settur pubbliku;

(3)

l-aġenti bil-kuntratt.

[…]”

11

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ taż-zakon za izmenenie i dopalnenie na zakona za Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Liġi li Temenda u Tissupplimenta l-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern), tal-11 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Lulju 2020 (DV Nru 60, tas-7 ta’ Lulju 2020, p. 3), l-Artikolu 187 tal-Liġi dwar il-Ministeru tal-Intern kien jipprevedi:

“1.   Il-ħin tax-xogħol normali għall-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern huwa ta’ 8 sigħat kuljum u ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa għal ġimgħa tax-xogħol ta’ 5 ijiem.

[…]

3.   Il-ħin tax-xogħol tal-uffiċjali huwa ta’ 24 siegħa. Shift li jdum 24 siegħa jikkostitwixxi eċċezzjoni. […] Fil-każ ta’ xogħol bix-shift, ix-xogħol ta’ billejl jista’ jsir mill-22.00 sas-6.00, iżda t-tul medju tax-xogħol ma jistax jaqbeż it-8 sigħat għal perijodu ta’ 24 siegħa.

[…]

9.   Il-modalitajiet relatati mal-organizzazzjoni u mat-tqassim tal-ħin tax-xogħol kif ukoll mal-kalkolu ta’ dan tal-aħħar, mar-remunerazzjoni tax-xogħol tal-uffiċjali mwettaq barra mis-sigħat normali tax-xogħol, mas-sistema tas-servizz, mal-ħin tal-mistrieħ u mal-leave tal-uffiċjali huma stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Intern.

[…]”

12

Fil-verżjoni tagħha applikabbli mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi li Temenda u Tissupplimenta l-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, tal-11 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2020, l-Artikolu 187 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Il-ħin tax-xogħol normali għall-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern huwa ta’ 8 sigħat kuljum u ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa għal ġimgħa tax-xogħol ta’ 5 ijiem. It-tul normali tax-xogħol ta’ billejl huwa ta’ 8 siegħa f’kull perijodu ta’ 24 siegħa. Xogħol li jsir bejn 22 sigħat u 6 siegħa għandu jitqies bħala xogħol ta’ billejl.

(2)   Huwa previst ħin tax-xogħol imnaqqas għall-uffiċjali li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom taħt kundizzjonijiet speċifiċi, billi jkunu esposti għal riskji għall-ħajja u għas-saħħa tagħhom.

(3)   It-tul tax-xogħol tal-persunal fis-settur pubbliku huwa kkalkolat f’jiem tax-xogħol fuq bażi ta’ kuljum, filwaqt li huwa kkalkolat fuq perijodu ta’ 3 xhur għal dawk li jagħmlu shifts ta’ 8, 12 jew 24 siegħa. Shift li jdum 24 siegħa jikkostitwixxi eċċezzjoni.

[…]

(10)   Il-modalitajiet relatati mal-organizzazzjoni u mat-tqassim tal-ħin tax-xogħol kif ukoll mal-kalkolu ta’ dan tal-aħħar, mar-remunerazzjoni tax-xogħol imwettaq barra mis-sigħat normali tax-xogħol, mas-sistema tas-servizz, mal-ħin ta’ mistrieħ u mal-leave tal-uffiċjali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 142(1) u (3), huma stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Intern.”

13

L-Artikolu 188(2) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-persunal fis-settur pubbliku li jaħdem bejn l-22.00 u s-6.00 jgawdi mill-protezzjoni speċjali prevista mill-Kodiċi tax-Xogħol.”

Id-digrieti adottati mill-Ministru għall-Intern skont l-Artikolu 187 tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern

14

L-Artikolu 3(3) tan-naredba Nru 8121z-776 (id-Digriet Nru 8121z-776), tad-29 ta’ Lulju 2016 (DV Nru 60, tat-2 ta’ Awwissu 2016, p. 16), imħassar fl-14 ta’ Jannar 2020, kien jipprevedi:

“L-uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern jistgħu jiġu obbligati jaħdmu wkoll matul il-lejl, mill-22:00 sas-6:00, fejn is-sigħat maħduma ma għandhomx jaqbżu medja ta’ 8 siegħa f’perijodu ta’ 24 siegħa.”

15

L-Artikolu 3(2) tan-naredba Nru 8121z-36 (id-Digriet Nru 8121z-36), tas-7 ta’ Jannar 2020 (DV Nru 3, tal-10 ta’ Jannar 2020, p. 3), imħassar fl-21 ta’ Ottubru 2020, kien ifformulat kif ġej:

“L-uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern jistgħu jiġu obbligati jaħdmu wkoll matul il-lejl, mill-22:00 sas-6:00, fejn is-sigħat maħduma ma għandhomx jaqbżu medja ta’ 8 siegħa f’perijodu ta’ 24 siegħa.”

16

L-Artikolu 3(2) tan-naredba n 8121z-1174 (id-Digriet Nru 8121z-1174), tal-21 ta’ Ottubru 2020 (DV Nru 93, tat-30 ta’ Ottubru 2020), imħassar fil-15 ta’ Diċembru 2020, kien jipprevedi:

“L-uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern jistgħu jiġu obbligati jaħdmu wkoll matul il-lejl, mill-22:00 sas-6:00, fejn is-sigħat maħduma ma għandhomx jaqbżu medja ta’ 8 siegħa f’perijodu ta’ 24 siegħa.”

Id-digriet dwar l-istruttura u l-organizzazzjoni tas-salarju

17

L-Artikolu 8 tan-naredba za strukturata i organizatsiata na rabotnata zaplata (id-Digriet dwar l-Istruttura u l-Organizzazzjoni tas-Salarju), tas-17 ta’ Jannar 2007 (DV Nru 9, tas-26 ta’ Jannar 2007, p. 2), kien ifformulat kif ġej:

“Għal kull siegħa jew frazzjoni ta’ siegħa xogħol ta’ billejl maħduma bejn l-22:00 u s-6:00, il-ħaddiema għandhom jirċievu remunerazzjoni addizzjonali għal xogħol ta’ billejl ta’ ammont minimu ta’ 0.25 lev Bulgaru [(BGN)] (madwar EUR 0.13).”

18

Fil-verżjoni tagħha applikabbli mid-dħul fis-seħħ tal-postanovlenie za izmenenie na Naredbata za strukturata i organizatsiata na rabotnata zaplata (id-Digriet li Jemenda d-Digriet dwar l-Istruttura u l-Organizzazzjoni tas-Salarju), tal-21 ta’ Lulju 2020 (DV Nru 66, tal-24 ta’ Lulju 2020, p. 7), din id-dispożizzjoni tipprevedi:

“Għal kull siegħa jew frazzjoni ta’ siegħa xogħol ta’ billejl maħduma bejn l-22:00 u s-6:00, il-ħaddiema għandhom jirċievu remunerazzjoni addizzjonali għal xogħol ta’ billejl ta’ ammont għal mill-inqas 15% tal-paga minima nazzjonali, mingħajr ma tkun tista’ tkun inqas minn BGN 1.”

19

L-Artikolu 9(2) tad-Digriet dwar l-Istruttura u l-Organizzazzjoni tas-Salarju) jipprevedi:

“Waqt il-kalkolu tal-ħin tax-xogħol akkumulat, is-sigħat ta’ billejl jiġu kkonvertiti f’sigħat ta’ matul il-ġurnata b’koeffiċjent ugwali għar-relazzjoni bejn it-tul normali tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata u dak ta’ billejl, iddefinit għall-post tax-xogħol ikkonċernat.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom l-istatus ta’ uffiċjal u jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ pompieri fi ħdan id-dipartiment tad-distrett ta’ Kula (il-Bulgarija) tad-Direttorat Ġenerali “Sigurtà kontra n-Nar u Protezzjoni Ċivili” tal-Ministeru għall-Intern.

21

Il-proċeduri fil-kawża prinċipali jirrigwardaw il-perijodu mill-31 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020, li matulu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadmu fil-kuntest ta’ xogħol bix-shift ta’ tul ta’ 24 siegħa, ikkalkolati fuq bażi trimestrali. Matul dan il-perijodu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqu xogħol ta’ billejl, bejn l-22:00 u s-6:00, billi ħadmu għal 8 siegħa ta’ xogħol ta’ billejl f’perijodu ta’ 24 siegħa.

22

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-leġiżlazzjoni Bulgara, is-sistema ġenerali tax-xogħol ta’ billejl tinsab fil-Kodiċi tax-Xogħol, li jipprevedi, minn naħa, li x-xogħol ta’ billejl ma jistax jaqbeż is-7 siegħa għal kull perijodu ta’ 24 siegħa u, min-naħa l-oħra, li s-sahra, li tikkostitwixxi xogħol imwettaq barra mill-ħin tax-xogħol previst, tagħti lok għal żieda fir-remunerazzjoni, li tidher li tammonta għal 50 %.

23

Il-qorti tar-rinviju żżid li, min-naħa l-oħra, skont is-sistema speċjali tax-xogħol prevista mil-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl huwa ta’ 8 sigħat għal kull perijodu ta’ 24 siegħa u li għalkemm, bħall-iskema ġenerali tax-xogħol ta’ billejl, din is-sistema tipprevedi li s-sahra jikkostitwixxu xogħol imwettaq barra mill-ħin tax-xogħol previst, it-tul normali tax-xogħol ta’ 8 siegħa jagħti lok biss għal suppliment ta’ BGN 0.25 fis-siegħa.

24

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li x-xogħol ta’ billejl jikkostitwixxi, sa fejn dan jikkorrispondi għad-differenza bejn it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl li japplika għalihom u t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl li japplika għall-ħaddiema fis-settur privat, jiġifieri siegħa, tas-sahra. Issa, din is-sahra ma tagħtix lok għal żieda fil-ħlas kif previst mill-Kodiċi tax-Xogħol. Fil-fatt, l-iskema speċjali tax-xogħol ta’ billejl prevista mil-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern sempliċement tipprevedi li x-xogħol ta’ billejl jagħti lok għal żieda fir-remunerazzjoni ta’ BGN 0.25 fis-siegħa. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw għalhekk li l-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni għax-xogħol ta’ billejl previst mil-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern huwa diskriminatorju u li huma għandhom ikunu suġġetti għas-sistema l-iktar favorevoli, jiġifieri s-sistema ġenerali.

25

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma uffiċjali fi ħdan dipartiment tad-distrett tad-Direttorat Ġenerali “Sigurtà kontra n-Nar u Protezzjoni Ċivili” tal-Ministeru tal-Intern, jibbenefikaw minn ċerti vantaġġi meta mqabbla mal-ħaddiema li x-xogħol tagħhom huwa rregolat mis-sistema ġenerali ta’ xogħol billejl prevista mill-Kodiċi tax-Xogħol, bħal leave mħallas itwal jew kumpens għall-irtirar f’ammont ogħla.

26

Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk tali persuni jistgħux ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli f’aspetti oħra, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-fatt li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl huwa ffissat għal 8 sigħat f’dak li jikkonċernahom.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rayonen sad Kula (il-Qorti Distrettwali ta’ Kula, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑529/21 sa C‑536/21 u fil-Kawżi C‑732/21 sa C‑738/21:

“1)

Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tapplika f’sitwazzjoni fejn il-karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet speċifiċi tas-settur pubbliku, bħalma huma l-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha meta jitqies li:

Id-Direttiva 2003/88 tiddikjara, fl-Artikolu 1(3) tagħha, li hija applikabbli għas-setturi kollha ta’ attività, kemm pubbliċi kif ukoll privati, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat 12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol;

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax f’sitwazzjoni fejn il-karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet speċifiċi tas-settur pubbliku, bħalma huma l-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha?

2)

Fl-evalwazzjoni tan-natura ekwivalenti tal-faċilitajiet ta’ protezzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 2003/88 għal kategorija ta’ ħaddiema li jwettqu xogħol ta’ billejl u li t-tul tax-xogħol ta’ billejl tagħhom ma jaqbiżx is 7 sigħat f’perijodu ta’ 24 siegħa, meta mqabbla ma’ kategorija oħra ta’ ħaddiema li wkoll iwettqu xogħol ta’ billejl u li t-tul tax-xogħol ta’ billejl tagħhom ma jaqbiżx it 8 sigħat, iżda li jgawdu minn vantaġġi bħalma huma iktar leave, ħruġ iktar bikri bil-pensjoni tal-irtirar, allowances ogħla marbuta mal-pensjoni tal-irtirar kif ukoll remunerazzjoni supplimentari ogħla marbuta mal-anzjanità, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi li jgawdu minnhom il-ħaddiema tat-tieni kategorija?”

Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28

Il-qorti tar-rinviju talbet li r-rinviji għal deċiżjoni preliminari jkunu suġġetti għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑529/21 sa C‑536/21.

29

Fid-9 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

30

Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru u tas-16 ta’ Diċembru 2021, rispettivament, il-Kawżi C‑529/21 sa C‑536/21 u l-Kawżi C‑732/21 sa C‑738/21 ġew magħquda u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto (C‑262/20, EU:C:2022:117).

31

Din il-proċedura tkompliet fit-28 ta’ Frar 2022.

32

Permezz tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2022, il-Kawżi C‑529/21 sa C‑536/21 u l-Kawżi C‑732/21 sa C‑738/21 ġew magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/88 tapplikax għal attivitajiet bħal dawk tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li huma uffiċjali li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ pompieri fi ħdan id-Direttorat Ġenerali “Sigurtà kontra n-Nar u Protezzjoni Ċivili” tal-Ministeru għall-Intern u li huma kkunsidrati bħala ħaddiema ta’ billejl, peress li, minn naħa, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha billi jagħmel riferiment espliċitu għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 filwaqt li, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2 tagħha, id-Direttiva 89/391 ma hijiex applikabbli meta karatteristiċi partikolari inerenti għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, pereżempju fil-forzi armati jew fil-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili jipprekludu dan b’mod vinkolanti.

34

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kawżi mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 għal uffiċjali li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ pompieri li jaħdmu regolarment billejl. Għalhekk, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni Ewropea, l-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, għandux jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2003/88 tapplika għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, bħalma huma l-pompieri, li huma kkunsidrati bħala ħaddiema ta’ billejl.

35

F’dan ir-rigward għandu jiġi qabelxejn imfakkar li, skont l-Artikolu 1(3) tad‑Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, li għalih jirreferi, l-imsemmija direttivi japplikaw għall-oqsma kollha ta’ attività, privati jew pubbliċi, sabiex jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol u sabiex jirregolaw ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel,C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 20).

36

It-tieni, minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, b’tali mod li l-eċċezzjonijiet għal dan il-kamp ta’ applikazzjoni, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tagħha, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Fil-fatt, dawn l-eċċezzjonijiet ġew adottati biss sabiex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tas-servizzi indispensabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà, tas-saħħa kif ukoll tal-ordni pubbliku fil-każ ta’ ċirkustanzi ta’ gravità u ta’ skala eċċezzjonali (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel,C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 sabiex jiġu esklużi ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, minn dak tad-Direttiva 2003/88, ma huwiex ibbażat fuq il-fatt li l-ħaddiema jkunu jappartjenu lil wieħed mis-setturi tas-servizz pubbliku msemmija f’din id-dispożizzjoni, ikkunsidrat b’mod ġenerali, iżda huwa bbażat esklużivament fuq in-natura speċifika ta’ ċerti missjonijiet partikolari eżerċitati mill-ħaddiema tas-setturi msemmija minn din id-dispożizzjoni, natura li tiġġustifika eċċezzjoni mir-regoli dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, minħabba n-neċessità assoluta li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-komunità (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo,C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 56).

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, anki jekk ċerti servizzi għandhom jaffaċċjaw avvenimenti li, mid-definizzjoni tagħhom stess, ma humiex prevedibbli, l-attivitajiet li dawn is-servizzi jagħtu lok għalihom f’kundizzjonijiet normali, u li barra minn hekk jissodisfaw il-missjoni li ġiet preċiżament mogħtija lil tali servizzi, xorta waħda jistgħu jiġu organizzati minn qabel, inkluż fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol tal-persunal tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 57).

39

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/88 għandha tapplika għall-attivitajiet tal-pompieri, anki jekk jitwettqu mill-forzi ta’ intervent fuq l-art u ma tantx huwa importanti jekk humiex intenzjonati sabiex jiġġieldu nar jew sabiex jipprovdu għajnuna b’xi mod ieħor, sakemm dawn jitwettqu f’kundizzjonijiet normali, skont il-missjoni assenjata lis-servizz ikkonċernat, u dan għalkemm l-interventi li dawn l-attivitajiet jistgħu jagħtu lok huma, min-natura tagħhom, imprevedibbli u jistgħu jesponu lill-ħaddiema li jwettquhom għal ċerti riskji għas-sigurtà u/jew għas-saħħa tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak,C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 27).

40

Konsegwentement, id-Direttiva 2003/88 għandha tapplika għall-attivitajiet tal-ħaddiema tas-settur pubbliku, bħalma huma l-pompieri, li huma kkunsidrati bħala ħaddiema ta’ billejl, sakemm dawn l-attivitajiet jiġu eżerċitati f’kundizzjonijiet normali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali humiex eżerċitati f’tali ċirkustanzi.

41

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2003/88 tapplika għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, bħalma huma l-pompieri, li jitqiesu li huma ħaddiema ta’ billejl, sakemm dawn il-ħaddiema jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet normali.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ekwivalenza tas-servizzi jew tal-mezzi xierqa ta’ protezzjoni u ta’ prevenzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl u tal-ħaddiema bix-shift, kif meħtieġ mill-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 2003/88, huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi eventwali li jeżistu bejn kategoriji differenti ta’ ħaddiema ta’ billejl fi Stat Membru.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-ħaddiema ta’ billejl u l-ħaddiema bix-shift għandhom jingħataw servizzi jew mezzi xierqa ta’ protezzjoni u ta’ prevenzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa ekwivalenti għal dawk applikabbli għal “ħaddiema oħrajn”. Din id-dispożizzjoni ma tirregolax ir-relazzjoni bejn il-ħaddiema ta’ billejl ta’ setturi jew oqsma differenti, iżda r-relazzjoni bejn il-ħaddiema ta’ billejl u l-ħaddiema ta’ matul il-jum f’dak li jirrigwarda s-servizzi jew il-mezzi ta’ protezzjoni jew ta’ prevenzjoni li jibbenefikaw minnhom.

44

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo,C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31 u tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,С‑262/20, EU:C:2022:117, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, it-tieni domanda tirrigwarda, effettivament, l-applikabbiltà tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol eventwalment iktar favorevoli li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema ta’ billejl fis-settur privat, konformement mal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88, għandhomx jiġu applikati wkoll għall-ħaddiema ta’ billejl tas-settur pubbliku.

46

Għaldaqstant, it-tieni domanda għandha titqies li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li t-tul normali iqsar tax-xogħol ta’ billejl stabbilit fid-dritt nazzjonali għall-ħaddiema fis-settur privat ma japplikax għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, bħalma huma l-pompieri.

47

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-livell ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-ħaddiema ta’ billejl, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88 jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tax-xogħol ta’ billejl meta jiddeterminaw dan il-livell ta’ protezzjoni, filwaqt li, skont l-Artikolu 12(b) ta’ din id-direttiva, il-ħaddiema ta’ billejl u l-ħaddiema bix-shift għandhom jingħataw servizzi jew mezzi xierqa ta’ protezzjoni u ta’ prevenzjoni ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-“ħaddiema oħrajn”.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 31(1) tal-Karta jipprevedi li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, filwaqt li l-Artikolu 31(2) tagħha jispeċifika li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/88 jikkonkretizza għalhekk dan id-dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 31 tal-Karta.

49

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu previst fl-Artikolu 12(a) din id-direttiva li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema ta’ billejl u l-ħaddiema bix-shift jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni adattat għan-natura tax-xogħol tagħhom iħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-miżuri xierqa li għandhom jiġu implimentati (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

It-tieni, dan l-obbligu għandu jiġi implimentat b’mod li jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni stabbiliti mid-direttiva stess. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema meta jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema ta’ billejl. Għaldaqstant, huma għandhom jiżguraw li l-ħaddiema ta’ billejl jibbenefikaw minn miżuri oħra ta’ protezzjoni fil-qasam tat-tul tax-xogħol, tas-salarju, ta’ kumpens jew ta’ benefiċċji simili, li jippermettu li tiġi kkumpensata t-tbatija partikolari li jimplika dan it-tip ta’ xogħol, kif enfasizzata b’mod partikolari fid-Direttiva 2003/88, u, għaldaqstant, li tiġi rrikonoxxuta n-natura tax-xogħol ta’ billejl (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 51).

51

It-tielet, għandu jitfakkar ukoll li, fid-dawl tat-tbatija ikbar tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbla mat-tbatija tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata, it-tnaqqis tat-tul normali tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbel ma’ dak tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata jista’ jikkostitwixxi soluzzjoni xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema kkonċernati, minkejja li dan it-tnaqqis ma huwiex l-unika soluzzjoni possibbli. Skont in-natura tal-attività kkonċernata, l-għoti ta’ perijodi ta’ mistrieħ addizzjonali jew ta’ perijodi ta’ ħin liberu, pereżempju, jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ dawn il-ħaddiema (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 53).

52

Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rilevanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, li jipprovdi li “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. B’hekk, differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, u meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-Istati Membri f’dawk is-sitwazzjonijiet biss fejn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni u, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ l-eżistenza ta’ element ta’ konnessjoni bejn att tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-miżura nazzjonali kkonċernata li tmur lil hinn mill-fatt li s-suġġetti kkonċernati jkunu qrib xulxin jew li wieħed minn dawn is-suġġetti jkollu effett indirett fuq l-ieħor, u dan fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 140(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl f’ġimgħa ta’ 5 ijiem tax-xogħol huwa ta’ 7 sigħat. Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tapplika għall-ħaddiema fis-settur privat. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 187(3) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, fil-każ ta’ xogħol bix-shift, ix-xogħol ta’ billejl jista’ jsir bejn l-22.00 u s-6.00, filwaqt li l-ħin tax-xogħol tal-membri tal-persunal ta’ dan il-ministeru ma għandux jaqbeż medja ta’ 8 sigħat għal kull perijodu ta’ 24 siegħa. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dawn id-dispożizzjonijiet jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ xogħol applikabbli għax-xogħol ta’ billejl, relatati mas-sigurtà u mas-saħħa, u b’mod partikolari, il-limitu tat-tul tax-xogħol ta’ billejl. Tali dispożizzjonijiet jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/88 u, għaldaqstant, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punti 61 sa 63).

55

It-tielet, sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi sistema applikabbli għall-ħaddiema tas-settur privat iktar favorevoli minn dik applikabbli għal dawk tas-settur pubbliku, inklużi r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li differenza fit-trattament ibbażata fuq in-natura statutorja jew kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ xogħol tista’, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, issa stabbilita fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 65).

56

Fir-rigward tar-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, qabelxejn, li din in-natura komparabbli ma għandhiex tiġi evalwata b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li taqa’ fih din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa sabiex, minn naħa, tidentifika l-kategoriji ta’ ħaddiema rilevanti u, min-naħa l-oħra, tiddetermina jekk ir-rekwiżit relatat man-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni huwiex issodisfatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Madankollu, meta tkun adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess li jkollha quddiemha, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tagħmel distinzjoni bejn kategoriji ta’ ħaddiema ta’ billejl astratti, jiġifieri, minn naħa, dik tal-“ħaddiema ta’ billejl fis-settur pubbliku”, minkejja li tipprovdi l-eżempju tal-kategorija partikolari tal-uffiċjali tad-Direttorat Ġenerali “Sigurtà kontra n-Nar u Protezzjoni Ċivili” tal-Ministeru għall-Intern, u, min-naħa l-oħra, dik tal-“ħaddiema ta’ billejl fis-settur privat”.

60

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 20 tal-Karta, l-evalwazzjoni tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma għandhiex issir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan u tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li taħtu taqa’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 67).

61

Barra minn hekk, għalkemm mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ħaddiema tas-settur pubbliku jibbenefikaw minn vantaġġi addizzjonali meta mqabbla mal-ħaddiema tas-settur privat, madankollu ma huwiex speċifikat jekk dawn il-vantaġġi humiex direttament marbuta man-natura tax-xogħol ta’ billejl imwettaq mill-ħaddiema tas-settur pubbliku kkonċernati mill-kawżi prinċipali, jiġifieri l-uffiċjali tad-Direttorat Ġenerali “Sigurtà kontra n-Nar u Protezzjoni Ċivili” tal-Ministeru għall-Intern, jew għandhomx għan differenti.

62

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ta’ żewġ kategoriji ta’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għandha tiġi kkonstatata, liema għanijiet eventwalment għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tali differenza fit-trattament.

63

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, l-ewwel nett, jekk il-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli, it-tieni, jekk teżistix differenza fit-trattament ta’ dawn il-kategoriji u, it-tielet, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri jekk hijiex marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni kkunsidrata, u jekk hijiex proporzjonata għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto,C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 80).

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl stabbilit bħala seba’ sigħat fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-ħaddiema fis-settur privat ma japplikax għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, bħalma huma l-pompieri, jekk tali differenza fit-trattament, sakemm il-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri li din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex minn din il-leġiżlazzjoni, u li tkun proporzjonata għal dan l-għan.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

d-Direttiva 2003/88 tapplika għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, bħalma huma l-pompieri, li jitqiesu li huma ħaddiema ta’ billejl, sakemm dawn il-ħaddiema jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet normali.

 

2)

l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl stabbilit bħala seba’ sigħat fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-ħaddiema fis-settur privat ma japplikax għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, bħalma huma l-pompieri, jekk tali differenza fit-trattament, sakemm il-kategoriji ta’ ħaddiema kkonċernati jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri li din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex minn din il-leġiżlazzjoni, u li tkun proporzjonata għal dan l-għan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.