SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

27 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tat-trade marks – Direttiva 89/104/KEE – Direttiva (UE) 2015/2436 – Regolament (KE) Nru 40/94 – Regolament (UE) 2017/1001 – Drittijiet esklużivi tal-proprjetarju ta’ trade mark – Trade mark li tappartjeni lil diversi persuni – Kundizzjonijiet ta’ maġġoranza meħtieġa bejn il-koproprjetarji għall-għoti u r-revoka ta’ liċenzja tat-trade mark tagħhom”

Fil-Kawża C‑686/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2021, fil-proċeduri

VW,

vs

SW,

CQ,

ET,

Legea S.r.l.,

u

Legea S.r.l.,

vs

VW,

SW,

CQ,

ET,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VW, minn. F. Rampone, avvocato,

għal Legea S.r.l., minn G. Biancamano, avvocato,

għal SW, CQ, ET, minn R. Bocchini, avvocato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika ĠU 2016, L 110, p. 5), u tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, VW u SW, u CQ, u ET u Legea S.r.l., kif ukoll, min-naħa l-oħra, bejn Legea u VW, u SW, u CQ u ET dwar l-użu allegatament illegali ta’ trade marks ikkostitwiti mis-sinjal “Legea”.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolamenti dwar it‑trade mark tal‑Unjoni Ewropea

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004 tad‑19 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Volum 2, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”), ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit‑13 ta’ April 2009. Dan ir-regolament tal-aħħar tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament Nru 2017/1001.

4

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Persuni li jistgħu jkunu proprjetarji ta’ trade marks Komunitarji”, kien jipprevedi:

“Il-persuni naturali jew ġuridiċi msemmija hawn taħt, fosthom awtoritajiet stabbiliti taħt il-liġi pubblika, jistgħu jkunu proprjetarji ta’ trade marks Komunitarji.”

5

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a)

kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

(b)

kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

(ċ)

kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità [Ewropea] u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.”

6

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Meta trade marks Komunitarji għandhom jitqiesu bħala trade marks nazzjonali”, kien redatt kif ġej:

“1.   Sakemm l-Artikoli 17 sa 24 ma jipprovdux mod ieħor, trade mark Komunitarja bħala oġġett ta’ propjetà għandha titqies fit-totalita’ tagħha, u fit-territorju kollu tal-Komunità, bħala trade mark nazzjonali reġistrata fl-Istat Membru fejn, skond ir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji,

(a)

il-proprjetarju għandu s-sede jew id-domiċilju tiegħu fid-data relevanti;

jew

(b)

fejn is-subparagrafu (a) ma japplikax, il-proprjetarju għandu stabbiliment fid-data relevanti.

2.   F’każijiet mhux kontemplati mill-paragrafu 1, l-Istat Membru msemmi f’dak il-paragrafu huwa l-Istat Membru fejn jinsab is-sede ta’ l-Uffiċċju [għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji)].

3.   Jekk żewġ persuni jew iktar huma msemmijin fir-Reġistru tat-trade marks Komunitarji bħala koproprjetarji, il-paragrafu 1 għandu japplika għall-komproprjetarju li jkun imsemmi l-ewwel; jekk dana ma jkunx possibli, għandu japplika għall-komproprjetarji sussegwenti fl-ordni kif inhuma mniżżlin. Meta l-paragrafu 1 ma japplika għal ebda komproprjetarju, għandu japplika l-paragrafu 2.”

7

L-Artikolu 21 tal-istess regolament, intitolat “Falliment u proċedimenti simili”, jipprevedi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu li:

“1.   Dawk il-proċedimenti ta’ falliment biss li fihom it-trade mark tal-Komunità tista’ tkun involuta huma dawk miftuħa fl-Istat Membru tat-territorju li fih id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi ewlenija tiegħu.

[…]

2.   Fil-każ ta’ proprjetà konġunta ta’ trade-mark tal-Komunità, il-paragrafu 1 għandu jkun applikabbli għas-sehem tal-propjetarju konġunt.”

8

L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 40/94 intitolat “Liċenzjar”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Trade mark Komunitarja tista’ tiġi liċenzjata fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata, jew fir-rigward ta’ kollha, għall-Komunità kollha jew għal parti minnha. Il-liċenzja tista tkun esklussiva jew mhux esklussiva.

2.   Il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jinqeda bid-drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark kontra liċensjat li jikser xi dispożizzjoni tal-kuntratt tal-liċenzja fir-rigward tat-tul taż-żmien, il-forma koperta mir-reġistrazzjoni ta’ kif tista tintuża t-trade mark, l-iskop tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun ingħatat il-liċenzja, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-prodotti fabbrikati jew tas-servizzi provduti mil-liċenzjat.”

9

Dawn id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5, 9, 16, 21 u 22 tar-Regolament Nru 40/94 huma simili għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikoli 5, 9, 19, 24 u 25 tar-Regolament 2017/1001.

Id‑Direttivi biex jiġu approssimati l‑liġijiet tal‑Istati Membri dwar it‑trade marks

10

L-ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mit‑28 ta’ Novembru 2008, bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25). Din l-aħħar direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2015/2436, b’effett, konformement mal-Artikolu 55 ta’ din tal-aħħar, fil‑15 ta’ Jannar 2019.

11

It-tielet u s-sitt premessa tal-Ewwel Direttiva 89/104 jistabbilixxu:

“Billi ma jidhirx li hu neċessarju preżentement ssir approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet tat-trade marks ta’ l-Istati Membri u jkun biżżejjed jekk l-approssimazzjoni hi limitata għal dawk id-disposizzjonijiet nazzjonali tal-liġi li l-aktar direttament jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern;

[…]

Billi din id-Direttiva ma teskludix l-applikazzjoni għal trade marks ta’ disposizzjonijiet tal-liġi ta’ l-Istati Membri barra mil-liġi tat-trade marks, bħad-disposizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni inġusta, ir-responsabbiltà ċivili u l-protezzjoni tal-konsumatur”.

12

L-Artikolu 5 tad-direttiva, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

(b)

kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.”

13

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Liċenzjar”, kien jipprevedi:

“1.   Trade mark tista’ tkun liċenzjata għal ftit jew għall-merkanzija jew is-servizzi kollha li għalihom hi reġistrata u għal kollu jew parti mill-Istat Membru konċernat. Il-liċenzja tista’ tkun esklussiva jew mhux esklussiva.

2.   Il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ jinqeda bid-drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark kontra liċensjat li jikser xi dispożizzjoni tal-kuntratt tal-liċenzja fir-rigward tat-tul taż-żmien, il-forma koperta mir-reġistrazzjoni ta’ kif tista tintuża t-trade mark, l-iskop tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun ingħatat il-liċenzja, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-prodotti fabbrikati jew tas-servizzi provduti mil-liċenzjat.”

14

Dawn id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 8 tal-Ewwel Direttiva 89/104 huma simili għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikoli 10 u 25 tad-Direttiva 2015/2436.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

VW, SW, CQ u ET huma l-koproprjetarji, f’partijiet ugwali, tat-trade mark nazzjonali u tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea Legea, irreġistrati għal artikli tal-isport (iktar ’il quddiem flimkien it-“trade marks inkwistjoni”).

16

Matul is-sena 1993, VW, SW, CQ u ET iddeċidew li jagħtu lil Legea liċenzja esklużiva mingħajr ħlas u għal żmien indeterminat, fuq l-użu tat-trade marks li tagħhom huma koproprjetarji (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ liċenzja”).

17

Fl-aħħar tas-sena 2006, VW oġġezzjona għat-tkomplija ta’ dan il-kuntratt ta’ liċenzja.

18

Fis‑16 ta’ Novembru 2009, Legea ħarrket lil VW quddiem it-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja) sabiex tikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks li jinkludu s-sinjal “Legea” li VW kien irreġistra. Dan tal-aħħar, permezz ta’ kontrotalba, talab, minn naħa, dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks irreġistrati minn Legea u, min-naħa l-oħra, li jiġi kkonstatat l-użu illegali tat-trade marks inkwistjoni minn din il-kumpannija.

19

Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2014, it-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli) qieset li Legea, billi aġixxiet bil-kunsens tal-koproprjetarji kollha, kienet għamlet użu leġittimu mit-trade marks inkwistjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2006. Min-naħa l-oħra, din il-qorti qieset li, wara din id-data, minħabba l-oppożizzjoni ta’ VW għat-tkomplija tal-ftehim ta’ liċenzja, dan l-użu kien illegali.

20

Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ April 2016, il-Corte d’appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell ta’ Napoli, l-Italja) bidlet parzjalment din is-sentenza. Peress li qieset li l-unanimità tal-koproprjetarji ma kinitx meħtieġa sabiex tagħti lil terz liċenzja ta’ trade mark, din il-qorti ddeċidiet li r-rieda ta’ tlieta mill-erba’ koproprjetarji tat-trade marks inkwistjoni kienet biżżejjed sabiex il-ftehim ta’ liċenzja jitkompla wara l‑31 ta’ Diċembru 2006, minkejja l-oppożizzjoni ta’ VW.

21

Il-qorti tar-rinviju, adita b’appelli minn din is-sentenza tal‑11 ta’ April 2016, tistaqsi dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju individwali tad-dritt esklużiv li għandhom b’mod konġunt il-koproprjetarji ta’ trade mark, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2436 kif ukoll għall-Artikoli 9 u 25 tar-Regolament 2017/1001.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-fatt li regoli Komunitarja jipprevedu d-dritt ta’ esklużività lil proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni u fl-istess waqt anki l-possibbiltà li l-proprjetà tappartjeni lil iktar minn persuna waħda pro quota, ifisser li l-konċessjoni għal użu tat-trade mark komuni lil terzi b’mod esklużiv, b’mod gratuwitu u għal żmien indeterminat, tista’ tiġi deċiża mill-maġġoranza tal-proprjetarji komuni jew teħtieġ kunsens b’mod unanimu?

2)

F’din it-tieni perspettiva, fil-każ ta’ trade marks nazzjonali u Komunitarji li jappartjenu lil iktar minn persuna waħda, interpretazzjoni li tistabbilixxi l-impossibbiltà li wieħed mill-proprjetarji komuni tat-trade mark mogħtija b’konċessjoni lil terzi permezz ta’ deċiżjoni unanima, b’mod gratuwitu u għal żmien indeterminat, jeżerċita unilateralment ir-rexissjoni tal-imsemmija deċiżjoni, hija konformi mal-prinċipji tad-dritt Komunitarju? Jew inkella, alternattivament, għandha titqies li hija konformi mal-prinċipji Komunitarji interpretazzjoni opposta, jiġifieri interpretazzjoni li teskludi li l-proprjetarju komuni jkun marbut indefinittivament bil-ftehim oriġinali, fejn ikun jista’ jinħeles minn dan il-ftehim b’effett fuq l-att ta’ konċessjoni?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

23

SW, CQ u ET jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari, minħabba li, sa fejn il-kuntratt ta’ liċenzja konkluż mill-koproprjetarji tat-trade marks inkwistjoni b’unanimità, ma huwiex rilevanti li jsir magħruf jekk il-maġġoranza kinitx biżżejjed sabiex tittieħed tali deċiżjoni. Min-naħa tagħha, Legea ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li l-kundizzjonijiet għall-formazzjoni tal-kunsens tal-koproprjetarji ta’ trade mark, kemm sabiex tingħata liċenzja għall-użu minn terz kif ukoll sabiex tiġi rexxisa, ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni.

24

Għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Contship Italia, C‑433/21 u C‑434/21, EU:C:2022:760, punt 23).

25

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tirrispondi domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni prevista fid-domandi ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, BalevBio, BalevBio, C‑76/20, EU:C:2021:441, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjentement ċar il-kuntest ġuridiku u fattwali u r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija tqis neċessarju sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha. Ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma hijiex relatata mal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

27

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa minn Legea barra l-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni jirregolax il-modalitajiet ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ liċenzja għall-użu ta’ trade mark mill-koproprjetarji tagħha jaqa’ taħt l-eżami dwar il-mertu tad-domandi preliminari. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu SW, CQ u ET, l-ewwel domanda preliminari hija rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, sa fejn, jekk il-maġġoranza tal-koproprjetarji hija biżżejjed sabiex tittieħed id-deċiżjoni li tingħata liċenzja għall-użu ta’ trade mark, l-irtirar, minn koproprjetarju minoritarju, tal-kunsens li huwa kien inizjalment ta għall-għoti ta’ tali liċenzja jista’, fi kwalunkwe każ, jibqa’ mingħajr konsegwenzi.

28

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

29

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din taqa’, fir-rigward tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, taħt ir-Regolament Nru 40/94 u, fir-rigward ta’ trade marks nazzjonali, taħt l-Ewwel Direttiva Nru 89/104. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 25 tar-Regolament 2017/1001 kif ukoll tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2436, li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, jikkorrispondu għal dawk li kienu jinsabu, rispettivament, fl-Artikoli 9 u 22 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll fl-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva 89/104. Għaldaqstant, id-domandi magħmula għandhom jiġu fformulati mill-ġdid b’riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet.

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Ewwel Direttiva Nru 89/104 u r-Regolament Nru 40/94 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-għoti jew ir-revoka ta’ liċenzja għall-użu ta’ trade mark nazzjonali jew ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea miżmuma b’proprjetà konġunta teħtieġx deċiżjoni adottata b’unanimità tal-koproprjetarji jew bil-maġġoranza tagħhom.

31

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 tal-Ewwel Direttiva 89/104 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv. L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jispeċifika li kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku, jistgħu jkunu proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

32

Barra minn hekk, mill-Artikolu 8(1) tal-Ewwel Direttiva 89/104 u mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li kemm it-trade mark nazzjonali kif ukoll it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu s-suġġett ta’ liċenzji, esklużivi jew mhux esklużivi, għall-prodotti jew għas-servizzi kollha jew parti minnhom li għalihom huma rreġistrati.

33

Mill-Artikolu 16(3) u mill-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jirreferu, rispettivament, għall-“koproprjetarji” u għall-“propjetarj[i] konġunt[i]” ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li tali trade mark tista’ tappartjeni lil diversi persuni.

34

Għalkemm huwa minnu li l-Ewwel Direttiva Nru 89/104 ma tirreferix għall-proprjetà konġunta ta’ trade mark nazzjonali, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 u 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan in-nuqqas ma jfissirx li proprjetà konġunta ta’ tali trade mark hija eskluża, iżda li hija rregolata mid-dritt nazzjonali, li taħtu jaqgħu l-modalitajiet tal-eżerċizzju, mill-koproprjetarji, tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark, inkluż li jiġi deċiż l-għoti jew ir-revoka ta’ liċenzja għall-użu tagħha.

35

Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tielet u s-sitt premessi tal-Ewwel Direttiva 89/104, għalkemm din id-direttiva għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks sabiex jiġu eliminati d-differenzi eżistenti li jistgħu jostakolaw il-moviment liberu tal-prodotti u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hija ma hijiex intiża għall-approssimazzjoni kompleta tal-imsemmija liġijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2002, Robelco, C‑23/01, EU:C:2002:706, punt 33).

36

Fir-rigward tar-Regolament Nru 40/94, dan, filwaqt li jirrikonoxxi l-possibbiltà ta’ proprjetà konġunta ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tirregola l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju, mill-koproprjetarji ta’ tali trade mark, tad-drittijiet mogħtija minnha, inkluż deċiż l-għoti jew ir-revoka ta’ liċenzja ta’ użu.

37

Issa, mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea, bħala oġġett ta’ proprjetà, hija kkunsidrata bħala trade mark nazzjonali rreġistrata fl-Istat Membru ddeterminat skont ir-regoli previsti f’dan l-artikolu. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament li tirregola l-modalitajiet tal-adozzjoni, mill-koproprjetarji ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, tad-deċiżjoni li tingħata jew li tiġi xolta liċenzja għall-użu tagħha, dawn il-modalitajiet huma rregolati mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Ewwel Direttiva Nru 89/104 u r-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk l-għoti jew ir-revoka ta’ liċenzja ta’ użu ta’ trade mark nazzjonali jew ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea miżmuma b’proprjetà konġunta teħtieġx deċiżjoni adottata b’unanimità tal-koproprjetarji jew tal-maġġoranza tagħhom taqa’ taħt id-dritt nazzjonali applikabbli.

Fuq it‑tieni domanda

39

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks u r- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

il-kwistjoni dwar jekk l-għoti jew ir-revoka ta’ liċenzja ta’ użu ta’ trade mark nazzjonali jew ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea miżmuma b’proprjetà konġunta teħtieġx deċiżjoni adottata b’unanimità tal-koproprjetarji jew tal-maġġoranza tagħhom taqa’ taħt id-dritt nazzjonali applikabbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.